Proċedura : 2012/0168(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0125/2013

Testi mressqa :

A7-0125/2013

Dibattiti :

PV 02/07/2013 - 19
CRE 02/07/2013 - 19

Votazzjonijiet :

PV 03/07/2013 - 8.2
CRE 03/07/2013 - 8.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 15/04/2014 - 8.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0309
P7_TA(2014)0355

RAPPORT     ***I
PDF 814kWORD 348k
29.4.2013
PE 500.449v02-00 A7-0125/2013

dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet depożitarji, il-politiki ta’ remunerazzjoni u s-sanzjonijiet

(COM(2012)0350 – C7‑0178/2012 – 2012/0168(COD))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur (għal opinjoni): Sven Giegold

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 PROĊEDURA

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet depożitarji, il-politiki ta’ remunerazzjoni u s-sanzjonijiet

(COM(2012)0350 – C7‑0178/2012 – 2012/0168(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0350),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 53(1)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0178/2012),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0125/2013),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(1)*

għall-proposta tal-Kummissjoni

---------------------------------------------------------

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(2),

Wara li kkonsultaw lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(3),

Billi:

(1)       Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha tiġi emendata sabiex jitqiesu l-iżviluppi fis-suq u l-esperjenzi tal-parteċipanti tas-suq u s-superviżuri sa issa, partikolarment biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward id-dmirijiet u r-responsabilità tad-depożitarji, il-politika tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet.

(2)       Sabiex jiġi indirizzat l-effett potenzjalment detrimentali ta’ strutturi ta’ remunerazzjoni mfassla ħażin fuq l-immaniġġjar sod tar-riskji u l-kontroll tat-teħid ta’ riskji minn individwi, għandu jkun hemm obbligu ċar fuq il-kumpaniji tal-immaniġġjar tal-impriżi għall-investiment kollettiv fit-titoli trasferibbli (UCITS) li jistabbilixxu u jżommu, għal dawk il-kategoriji ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profili tar-riskju tal-UCITS li jimmaniġġjaw, politiki ta’ remunerazzjoni u prattiki li huma konsistenti ma’ mmaniġġjar sod u effettiv tar-riskju. Dawk il-kategoriji tal-persunal għandhom jinkludu kull impjegat jew kwalunkwe membru ieħor tal-istaff fil-livell tal-fond jew sub-fond li jieħdu d-deċiżjonijiet, lill-maniġers tal-fondi u lill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet reali ta' investiment, persuni li għandhom is-setgħa jeżerċitaw influwenza fuq dawn l-impjegati jew membri oħra tal-istaff, inklużi konsulenti dwar il-politika ta' investiment u analisti, il-maniġment superjuri u kwalunkwe impjegat li jirċievi remunerazzjoni totali li tqiegħdu fl-istess segment ta' remunerazzjoni bħal tal-maniġment superjuri u dawk li jieħdu r-riskji. Dawk ir-regoli għandhom japplikaw ukoll għall-kumpaniji tal-investiment fl-UCITS li ma jaħtrux kumpanija tal-immaniġġjar.

(3)       Il-prinċipji li jirregolaw il-politiki ta’ remunerazzjoni għandhom jirrikonoxxu li l-kumpaniji tal-immaniġġjar tal-UCITS ikunu jistgħu japplikaw dawk il-politiki b’modi differenti skont id-daqs tagħhom u skont id-daqs tal-UCITS li jimmaniġġjaw, l-organizzazzjoni interna u n-natura tagħhom, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom. Madankollu, il-kumpaniji tal-immaniġġjar tal-UCITS għandhom, f'kull każ, jiżguraw li huma japplikaw dawk il-prinċipji kollha b'mod simultanju.

(4)       Il-prinċipji dwar politiki sodi ta’ remunerazzjoni stabbiliti f’din id-Direttiva għandhom ikunu konsistenti ma’ u kkumplimentati mill-prinċipji stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE tat-30 ta’ April 2009 dwar il-politiki ta’ remunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji, u l-ħidma tal-FSB u l-impenji tal-G20 biex jittaffa r-riskju fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

(4a)     Ir-remunerazzjoni varjabbli garantita għandha tkun eċċezzjoni minħabba li mhijiex konsistenti mal-immaniġġjar sod tar-riskju jew mal-prinċipju tal-ħlas għall-prestazzjoni u m'għandhiex tkun parti minn pjanijiet prospettivi ta' remunerazzjoni.

(4b)     Ir-remunerazzjoni mħallsa mill-fond lill-kumpaniji tal-immaniġġjar għandha, bħar-remunerazzjoni mħallsa mill-kumpaniji tal-immaniġġjar lill-istaff tagħhom, tkun konsistenti mal-immaniġġjar sod u effettiv tar-riskju u mal-interessi tal-investituri.

(4c)     Minbarra r-remunerazzjoni bi prorata, l-ispejjeż marbuta direttament maż-żamma u s-salvagwardja tal-investimenti, bħal dawk għall-azzjoni legali, il-protezzjoni jew l-infurzar tad-drittijiet tat-titolari ta’ unitajiet jew għall-irkupru tal-assi mitlufa jew għall-kumpens tagħhom, jistgħu jitħallsu mill-fond mill-kumpanija tal-immaniġġjar. Il-Kummissjoni qed tiġi mistiedna tivvaluta liema huma l-ispejjeż u l-infiq komuni relatati mal-prodotti fl-Istati Membri għall-prodotti ta’ investiment għall-konsumatur. Il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għal eżerċizzju ta' konsultazzjoni u twettaq valutazzjoni tal-impatt, li għandha tiġi segwita minn proċess leġiżlattiv f’każ li jkun hemm bżonn ta’ armonizzazzjoni ulterjuri.

(5)       Sabiex tiġi promossa l-konverġenza superviżorja fil-valutazzjoni tal-politiki u prassi ta’ remunerazzjoni, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandha tiżgura l-eżistenza ta’ linji gwida dwar politiki ta’ remunerazzjoni sodi fis-settur tal-immaniġġjar tal-assi. L-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha tgħin lill-AETS fit-tħejjija ta’ dawn il-linji gwida. Il-linji gwida b’mod partikolari għandhom jipprovdu struzzjonijiet ulterjuri dwar newtralizzazzjoni parzjali tal-prinċipji ta’ remunerazzjoni rikonċiljabbli mal-profil tar-riskju, l-aptit ta’ riskju u l-istrateġija tal-kumpanija u l-UCITS li timmaniġġja. Il-linji gwida prodotti mill-AETS dwar il-politiki ta’ remunerazzjoni għandhom, fejn ikun xieraq, ikunu kemm jista’ jkun allinjati ma’ dawk tal-fondi regolati skont l-AIFMD. Barra minn hekk, l-AETS għandha tissupervizza l-infurzar xieraq ta' dawk il-linji gwida mill-awtoritajiet nazzjonali. In-nuqqasijiet għandhom jiġu indirizzati b'ħeffa permezz ta' azzjoni superviżorja sabiex jiġu ssalvagwardjati l-kundizzjonijiet indaqs fis-suq intern kollu.

(6)       Id-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati, tal-prinċipji ġenerali tal-liġi u l-kuntratti tax-xogħol nazzjonali, il-leġiżlazzjoni applikabbli rigward tad-drittijiet tal-azzjonisti u l-involviment u r-responsabbiltajiet ġenerali tal-korpi amministrattivi u superviżorji tal-istituzzjoni konċernata, kif ukoll id-dritt, fejn applikabbli, tas-sħab soċjali li jikkonkludu u jinfurzaw il-ftehimiet kollettivi, f’konformità mal-liġijiet nazzjonali u l-użanza.

(7)       Sabiex jiżguraw il-livell meħtieġ ta’ armonizzazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji rilevanti fl-Istati Membri differenti, għandhom jiġu adottati regoli addizzjonali li jiddefinixxu l-kompiti u d-dmirijiet tad-depożitarji, jidentifikaw l-entitajiet ġuridiċi li jistgħu jinħatru bħala depożitarji u jiċċaraw ir-responsabbiltà tad-depożitarji f’każijiet meta jintilfu assi UCITS fil-kustodja jew f’każ ta’ twettiq ħażin tad-dmirijiet ta’ sorveljanza mid-depożitarji. Twettiq ħażin bħal dan jista' jirriżulta fit-telf ta’ assi imma wkoll f'telf tal-valur tal-assi, jekk, pereżempju, depożitarju jkun ittollera investimenti li ma kinux konformi mar-regoli tal-fond, filwaqt li jesponew lill-investitur għal riskji mhux mistennija jew antiċipati. Regoli addizzjonali għandhom ukoll jiċċaraw il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu ddelegati funzjonijiet ta’ depożitarju.

(8)       Jeħtieġ li jiġi ċċarat li UCITS għandha taħtar depożitarju wieħed li jkollu sorveljanza ġenerali fuq l-assi tal-UCITS. Ir-rekwiżit li jkun hemm depożitarju wieħed biss għandu jiżgura li d-depożitarju jkollu perspettiva fuq l-assi kollha tal-UCITS u li kemm il-maniġers kif ukoll l-investituri tal-fond ikollhom punt wieħed biss ta’ referenza f'każ li jinqalgħu problemi fir-rigward tas-salvagwardja tal-assi jew tat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ sorveljanza. Is-salvagwardja tal-assi tinkludi li l-assi jinżammu f'kustodja jew, fejn l-assi jkun ta' natura tali li ma jistgħux jinżammu f'kustodja, il-verifika tas-sjieda ta’ dawk l-assi kif ukoll iż-żamma tar-rekords għal dawk l-assi.

(9)       Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, depożitarju għandu jaġixxi b’mod onest, ġust, professjonali, b'mod indipendenti u fl-interess tal-UCITS jew tal-investituri tal-UCITS.

(10)     Sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat għat-twettiq tad-dmirijiet tad-depożitarji fl-Istati Membri kollha irrispettivament mill-forma ġuridika li tieħu l-UCITS, hemm bżonn li tiġi introdotta lista uniformi tad-dmirijiet ta’ sorveljanza li jorbtu kemm UCITS f'forma korporattiva (kumpanija ta’ investiment) kif ukoll l-UCITS f'forma kuntrattwali.

(11)     Id-depożitarju għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ xieraq tal-flussi tal-flus tal-UCITS, u, b’mod partikolari, għall-iżgurar li l-flus tal-investituri u tal-flus li jappartjenu lill-UCITS jiġu rreġistrati korrettament fil-kontijiet miftuħa f'isem l-UCITS, jew f'isem il-kumpanija tal-immaniġġjar li taġixxi f’isem l-UCITS, jew f'isem id-depożitarju li jaġixxi f’isem l-UCITS. Għalhekk għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet dettaljati fuq il-monitoraġġ tal-flus sabiex jiġu żgurati livelli ta' protezzjoni tal-investitur effettivi u konsistenti. Meta d-depożitarju jiżgura li l-flus tal-investitur jiġu rreġistrati fil-kontijiet tal-flus, għandu jqis il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE tal-10 ta’ Awwissu 2006 li timplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti organizzattivi u l-kundizzjonijiet ta' ħidma tal-kumpaniji tal-investiment u t-termini definiti għall-għanijiet ta’ dik id-Direttiva.

(12)     Sabiex jiġu impediti trasferimenti dolużi ta' flus, għandu jkun meħtieġ li ma jinfetaħ l-ebda kont ta’ flus assoċjat mat-tranżazzjonijiet tal-fondi mingħajr l-għarfien tad-depożitarju.

(13)     Kwalunkwe strument finanzjarju miżmum f'kustodja għal UCITS għandu jkun distingwibbli mill-assi tad-depożitarju stess, u għandu jkun il-ħin kollu identifikat bħala li jappartjeni għal dik l-UCITS; dan ir-rekwiżit għandu jipprovdi saff addizzjonali ta’ protezzjoni għall-investituri f'każ ta’ inadempjenza tad-depożitarju.

(14)     Barra mid-dmir eżistenti li l-assi li jappartjenu lil UCITS jinżammu sikuri, l-assi għandhom jiġu differenzjati bejn dawk li jistgħu jinżammu f'kustodja u dawk li ma jistgħux, fejn minflok japplika rekwiżit ta' żamma ta' rekords u verifika tas-sjieda. Il-grupp ta' assi li jistgħu jiġu miżmuma f'kustodja għandhom jiġu differenzjati b'mod ċar, billi d-dmir li jintraddu lura assi mitlufa għandu japplika biss għal dik il-kategorija speċifika ta' assi finanzjarji.

(14a)   L-istrumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja mid-depożitarju m'għandhomx jerġgħu jintużaw mid-depożitarju jew minn xi parti terza li tkun ġiet iddelegata l-funzjoni ta’ kustodja lilha għall-kont tagħhom.

(15)    Jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet għad-delega tad-dmirijiet ta’ kustodja tad-depożitarju lil parti terza. Delega u sottodelega għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati u soġġetti għal rekwiżiti stretti fir-rigward tal-adegwatezza tal-parti terza fdata bil-funzjoni delegata, u fir-rigward tal-kapaċità, l-attenzjoni u d-diliġenza dovuti li d-depożitarju għandu juża meta jagħżel, jaħtar u janalizza dik il-parti terza. Għall-finijiet li jinkisbu kundizzjonijiet tas-suq uniformi u livell daqstant ieħor għoli ta' protezzjoni tal-investituri, dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu allinjati ma' dawk applikabbli skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010. Għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-partijiet terzi jiddisponu mill-mezzi meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom u li jissegregaw l-assi tal-UCITS.

(16)    Meta tiġi fdata l-kustodja ta’ assi lill-operatur ta' sistema tas-saldu tat-titoli kif previst fid-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar finalità ta’ saldu fis-sistemi ta’ saldu ta’ pagamenti u titoli jew jiġi fdat il-forniment ta' servizzi simili lil sistemi ta’ saldu tat-titoli ta’ pajjiż terz, dan ma għandux jitqies bħala delega ta' funzjonijiet ta' kustodja.

(17)    Parti terza li lilha tiġi delegata s-salvagwardja ta' assi għandha tkun kapaċi żżomm kont omnibus, bħala kont komuni segregat għal UCITS multipli.

(18)    F’każijiet fejn il-kustodja tiġi ddelegata lil parti terza, ikun meħtieġ ukoll li jiġi żgurat li l-parti terza tkun soġġetta għal rekwiżiti speċifiċi dwar regolazzjoni u superviżjoni prudenzjali effettivi. Flimkien ma’ dan, sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji jkunu fil-pussess tal-parti terza li lilha tkun ġiet iddelegata l-kustodja, għandhom jitwettqu awditi esterni perjodiċi.

(19)    Sabiex jiġu żgurati livelli għolja u konsistenti ta’ protezzjoni tal-investituri, għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet dwar il-kondotta u dwar l-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess u għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha, inkluż f'każijiet ta' delega ta’ dmirijiet ta’ kustodja. B'mod partikolari, dawn ir-regoli għandhom jiżguraw li jkun hemm separazzjoni ċara tal-kompiti u l-funzjonijiet bejn id-depożitarju, l-UCITS u l-kumpanija tal-immaniġjar.

(20)    Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri u biex jiġi ggarantit livell xieraq ta’ regolamentazzjoni prudenzjali u ta’ kontroll b’mod kontinwu, jeħtieġ li tiġi stabbilita lista eżawrjenti ta' entitajiet li huma eliġibbli biex jaġixxu bħala depożitarji, b'mod li istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment biss ikunu permessi jaġixxu bħala depożitarji tal-UCITS. Sabiex entitajiet oħra li qabel setgħu kienu eliġibbli biex jaġixxu bħala depożitarji għal fondi tal-UCITS ikunu jistgħu jibdlu lilhom infushom f’entitajiet eliġibbli, għandhom jiġu previsti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għal dawk l-entitajiet.

(21)    Jeħtieġ tiġi speċifikata u ċċarata r-responsabbiltà tad-depożitarju tal-UCITS f’każ ta’ telf ta’ strument finanzjarju li jkun qed jinżamm f’kustodja. Id-depożitarju għandu jkun responsabbli, meta strument finanzjarju miżmum f’kustodja jintilef, li jrodd lura strument finanzjarju ta' tip identiku jew ta' ammont korrispondenti lill-UCITS. Ma għandu jkun previst l-ebda ħelsien ulterjuri mir-responsabbiltà f'każ ta' telf ta’ assi, ħlief meta d-depożitarju jkun jista' jipprova li t-telf seħħ minħabba 'avveniment estern lil hinn mill-kontroll raġonevoli tiegħu, li l-konsegwenzi tiegħu kienu jkunu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha bil-kontra'. F'dan il-kuntest, depożitarju ma għandux ikun jista' jeħles lilu nnifsu mir-responsabbiltà billi jserraħ fuq sitwazzjonijiet interni bħal aġir frawdolenti minn xi impjegat.

(22)    Meta depożitarju jiddelega kompiti ta’ kustodja u l-istrumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja minn parti terza jintilfu, id-depożitarju għandu jinżamm responsabbli. Għandu wkoll jiġi stabbilit illi fil-każ ta' telf ta' strument miżmum f'kustodja, depożitarju huwa marbut irodd lura strument finanzjarju ta' tip identiku jew l-ammont korrispondenti, anke jekk it-telf seħħ għand sottokustodju. Id-depożitarju għandu jinħeles biss minn dik ir-responsabbiltà meta jkun jistà jipprova li t-telf irriżulta minn avveniment estern lil hinn mill-kontroll raġonevoli tiegħu u b'konsegwenzi li kienu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha bil-kontra. F'dan il-kuntest, depożitarju ma għandux ikun jista' jeħles lilu nnifsu mir-responsabbiltà billi jserraħ fuq sitwazzjonijiet interni bħal aġir frawdolenti minn xi impjegat. Ma għandu jkun possibbli l-ebda ħelsien mir-responsabbiltà, kemm regolatorju kemm kuntrattwali fil-każ ta' telf ta' assi minn depożitarju jew sottokustodju tiegħu.

(23)    Kull investitur f'fond UCITS għandu jkun jista' jinvoka pretensjonijiet relatati mar-responsabbiltà tad-depożitarju tiegħu, jew direttament jew indirettament, permezz tal-kumpanija tal-immaniġġjar. Ir-rimedju kontra d-depożitarju ma għandux jiddependi fuq il-forma legali li jkollu l-fond UCITS (korporattiva jew forma kuntrattwali) jew in-natura ġuridika tar-relazzjoni bejn id-depożitarju, il-kumpanija tal-immaniġġjar u t-titolari tal-unitajiet.

(24)     Fit-12 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni pproponiet emendi għad-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur. Huwa essenzjali li l-proposta tat-12 ta' Lulju 2010 tiġi kkumplimentata billi jiġu ċċarati l-obbligi u l-ambitu tar-responsabbiltà tad-depożitarju u tas-sottokustodji tal-UCITS bl-għan li jiġi pprovdut livell għoli ta' protezzjoni lill-investituri tal-UCITS fejn depożitarju ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu stabbiliti f'din id-Direttiva.

(24a)   Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet inklużi f’din id-Direttiva li jistabbilixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-funzjonijiet tad-depożitarji u r-responsabbiltajiet tagħhom, il-Kummissjoni għandha tanalizza f’liema sitwazzjonijiet in-nuqqas ta’ depożitarji tal-UCITS jew ta’ sottokustodju jista’ jwassal għal telf lid-detentur ta’ unitajiet ta’ UCITS, kemm jekk permezz tat-telf tal-valur nett tal-assi tal-unitajiet tagħhom jew minħabba raġunijiet oħra, li ma jistgħux jiġu rkuprati skont dawn id-dispożizzjonijiet u li, għalhekk, jistgħu jeħtieġu estensjoni tal-iskemi ta’ kumpens tal-investituri sabiex ikopru assikurazzjoni jew xi tip ta' skema ta' kumpens li tkopri l-kustodju kontra n-nuqqas ta’ sottokustodju. L-analiżi għandha tinvestiga wkoll kif jista’ jiġi żgurat li, f’dawn is-sitwazzjonijiet, il-protezzjoni tal-investituri jew it-trasparenza tkun ekwivalenti, tkun xi tkun il-katina ta’ intermedjazzjoni bejn l-investitur u t-titoli trasferibbli milquta min-nuqqas. Din l-analiżi għandha tkun ippreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ proposti leġiżlattivi jekk ikun meħtieġ.

(25)    Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-istess rekwiżiti japplikaw għad-depożitarji irrispettivament mill-forma ġuridika li jkollu l-UCITS. Konsistenza tar-rekwiżiti għandha ttejjeb iċ-ċertezza ġuridika, iżżid il-protezzjoni tal-investitur u tikkontribwixxi biex jinħolqu kundizzjonijiet tas-suq uniformi. Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda notifika li d-deroga mill-obbligu ġenerali li l-assi jiġu fdati għand depożitarju intużat minn xi kumpanija tal-investiment. Għalhekk, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/65/KE li jirrigwardaw id-depożitarju ta' kumpanija ta' investiment għandhom jitqiesu superfluwi.

(26)    F'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 dwar ir-rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur finanzjarju, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħa jimponu sanzjonijiet pekunarji li jkunu għoljin biżżejjed biex ikunu dissważivi u proporzjonali, ħalli jpaċu l-benefiċċji mistennija minn imġiba li tikser ir-rekwiżiti.

(27)    Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni b’mod konsistenti fl-Istati Membri kollha, meta jiddeterminaw it-tip ta' sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi u l-livell ta’ sanzjonijiet pekunarji amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha.

(28)    Sabiex jissaħħaħ l-effett dissważiv fuq il-pubbliku inġenerali, kif ukoll biex il-pubbliku jiġi informat dwar ksur ta’ regoli li jista’ jkun ta’ ħsara għall-protezzjoni tal-investituri, is-sanzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati, ħlief f'ċerti ċirkostanzi definiti sew. Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, f’każijiet fejn il-pubblikazzjoni toħloq ħsara sproporzjonata lill-partijiet involuti, is-sanzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati fuq bażi anonima.

(29)    Sabiex jidentifikaw ksur possibbli, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat investigattivi meħtieġa, u għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jiġi mħeġġeġ ir-rappurtar ta’ ksur possibbli jew ta’ ksur reali.

(30)    Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni fil-liġijiet tal-Istati Membri li huma relatati ma’ reati kriminali u sanzjonijiet.

(31)     Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(32)     Sabiex jiġi żgurat li l-għanijiet ta' din id-Direttiva jintlaħqu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Partikolarment, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati biex tispeċifika d-dettalji li jeħtieġ jiġu inklużi fil-ftehim standard bejn id-depożitarju u l-kumpanija tal-immaniġġjar jew il-kumpanija tal-investiment, il-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-funzjonijiet depożitarji, inkluż it-tip ta’ strumenti finanzjarji li għandhom jiġu inklużi fl-ambitu tad-dmirijiet ta' kustodja tad-depożitarju, il-kundizzjonijiet li skonthom depożitarju jista' jeżerċita d-dmirijiet tiegħu ta’ kustodja fuq l-istrumenti finanzjarji reġistrati ma’ depożitarju ċentrali u l-kundizzjonijiet li skonthom id-depożitarju għandu jissalvagwardja l-istrumenti finanzjarji maħruġa f'forma nominattiva u rreġistrati ma' emittent jew reġistratur, id-dmirijiet ta’ diliġenza dovuta tad-depożitarji, l-obbligu tas-segregazzjoni, il-kundizzjonijiet skont liema, u ċ-ċirkostanzi li fihom, strumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja għandhom jiġu kkunsidrati mitlufa, dak li għandu jiġi mifhum b'avvenimenti esterni lil hinn mill-kontroll raġonevoli, li l-konsegwenzi tagħhom kienu jkunu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha bil-kontra. Dawk l-atti delegati għandhom jipprovdu livell ta' protezzjoni tal-konsumatur li jkun tal-anqas għoli daqs dak ipprovdut minn atti delegati adottati skont id-Direttiva 2011/61/UE. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u b’mod xieraq ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(33)    Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni, l-Istati Membri ntrabtu li jehmżu, f'każijiet iġġustifikati, man-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom, dokument wieħed jew aktar li jispjega r-rabta bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis it-trażmissjoni ta’ tali dokumenti bħala waħda ġustifikata.

(34)    L-għanijiet tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex titjieb il-fiduċja tal-investituri f’UCITS, permezz tat-tisħiħ tar-rekwiżiti li jikkonċernaw id-dmirijiet u r-responsabbiltà tad-depożitarji, il-politiki dwar ir-remunerazzjoni tal-kumpaniji tal-immaniġġjar u l-kumpaniji ta' investiment, u bl-introduzzjoni ta' standards komuni għas-sanzjonijiet li japplikaw għal ksur ewlieni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri li jaġixxu indipendentement minn xulxin. Billi azzjoni fil-livell Ewropew biss tista’ tindirizza d-dgħufijiet identifikati, u għalhekk din l-azzjoni tista' tintlaħaq aħjar fuq livell tal-Unjoni, l-Unjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn min dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

(35)     Għaldaqstant, id-Direttiva 2009/65/KE għandha tiġi emendata f’dan is-sens,

Artikolu 1

Id-Direttiva 2009/65/KE hija emendata kif ġej:

(1) Għandhom jiżdiedu l-Artikoli 14a u 14b li ġejjin :

"Artikolu 14a

1.      L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lill-kumpaniji tal-immaniġġjar jistabbilixxu u japplikaw politiki u prassi tar-remunerazzjoni li jkunu konsistenti ma’ mmaniġġjar tajjeb u effikaċi tar-riskji u li jippromwovuhom, u ma jinkoraġġixxux teħid ta' riskji inkonsistenti mal-profili tar-riskju, ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-UCITS li jimmaniġġjaw.

2.      Il-politiki u l-prassi tar-remunerazzjoni għandhom ikopru l-komponenti fissi u varjabbli tas-salarji u l-benefiċċji diskrezzjonali tal-pensjoni.

3.      Il-politiki u l-prassi tar-remunerazzjoni għandhom japplikaw għal dawk il-kategoriji tal-persunal, fosthom kwalunkwe impjegat jew kwalunkwe membru ieħor tal-istaff bħall-istaff temporanju jew kuntrattwali, iżda mhux limitat għal dawn, fil-livell tal-fond jew subfond, li huma:

-       maniġers tal-fondi

-       persuni oħrajn li jieħdu deċiżjonijiet dwar l-investiment li jaffettwaw il-pożizzjoni ta’ riskju tal-fond,

-       persuni oħrajn li għandhom is-setgħa jeżerċitaw influwenza fuq dan l-istaff, inklużi konsulenti u analisti dwar il-politika ta' investiment;

-       il-maniġment superjuri, dawk li jieħdu r-riskji, u persunal f'funzjonijiet ta' kontroll; jew

-       kwalunkwe membru ieħor tal-istaff bħall-istaff temporanju jew kuntrattwali, iżda mhux limitat għal dawn, li jirċievi remunerazzjoni totali li taqa' fil-faxx ta' remunerazzjoni tal-maniġment superjuri u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profili tar-riskju tal-kumpaniji tal-immaniġġjar jew tal-UCITS li jimmaniġġjaw.

4.      F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-AETS għandha toħroġ linji gwida li jikkonformaw mal-Artikolu 14b u indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti. Dawn il-linji gwida għandhom iqisu l-prinċipji dwar politiki sodi ta’ remunerazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE, id-daqs tal-kumpaniji tal-immaniġġjar u d-daqs tal-UCITS li jimmaniġġjaw, l-organizzazzjoni interna u n-natura tagħhom, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom. Fil-proċess tal-iżvilupp tal-gwidi linja l-AETS għandha tikkoopera mill-qrib mal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) sabiex tiżgura konsistenza mar-rekwiżiti żviluppati għal setturi oħrajn tas-servizzi finanzjarji, partikolarment l-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment.

Artikolu 14b

1.      Meta jistabbilixxu u japplikaw il-politiki tar-remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 14a, il-kumpaniji tal-immaniġġjar għandhom jikkonformaw mal-prinċipji segwenti b’mod u sal-punt li jkun adattat għad-daqs tagħhom, l-organizzazzjoni interna u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom:

(a)     il-politika ta’ remunerazzjoni tkun konsistenti ma’ u tippromwovi mmaniġġjar sod u effettiv tar-riskju u ma tinkoraġġixxix teħid ta' riskji li mhuwiex konsistenti mal-profili tar-riskju, mar-regoli jew mal-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-UCITS li jimmaniġġjaw;

(b)    il-politika ta’ remunerazzjoni għandha tkun konformi mal-istrateġija kummerċjali, mal-objettivi, mal-valuri u mal-interessi tal-kumpanija tal-immaniġġjar u tal-UCITS li timmaniġġja u tal-investituri ta' dawn l-UCITS, u tinkludi miżuri biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess;

(c)     il-korp maniġerjali tal-kumpanija tal-immaniġġjar, fil-funzjoni superviżorja tiegħu għandu jadotta u perjodikament jirrevedi l-prinċipji ġenerali tal-politika ta’ remunerazzjoni u għandu jkun responsabbli u jissorvelja l-implimentazzjoni tagħha; Is-sistema ta' remunerazzjoni m'għandhiex tkun primarjament ikkontrollata mill-uffiċjal eżekuttiv ewlieni u mit-tim tal-immaniġġjar. Il-membri tal-korp tal-immaniġġjar li jwettqu funzjonijiet eżekuttivi ma għandhomx jiffissaw il-politika ta’ remunerazzjoni. Il-membri relevanti tal-korpi u l-impjegati involuti fit-twaqqif tal-politika ta’ remunerazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha għandhom ikunu indipendenti u jkollhom kompetenza esperta fil-ġestjoni tar-riskju u r-remunerazzjoni.

(d)    l-implimentazzjoni tal-politika ta’ remunerazzjoni tkun, tal-inqas kull sena, soġġetta għal rieżami intern ċentrali u indipendenti rigward il-konformità mal-politiki u l-proċeduri għar-remunerazzjoni adottati mill-korp ta' ġestjoni fil-funzjoni superviżorja tiegħu;

(da)  informazzjoni komprensiva u f’waqtha dwar il-prattiki ta’ remunerazzjoni tingħata lill-partijiet interessati f’mezz durabbli jew permezz ta’ websajt u għandha tintbagħat kopja mingħajr ħlas fuq talba;

(e)     persunal li huwa involut fil-funzjonijiet ta’ kontroll għandu jiġi kumpensat skont il-kisba tal-għanijiet relatati mal-funzjonijiet tiegħu, b’mod indipendenti mill-prestazzjoni tal-oqsma tan-negozju li jikkontrolla;

(f)     ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali superjuri b’funzjonijiet ta’ mmaniġġjar u ta’ konformità tar-riskju tiġi ssorveljata b’mod dirett mill-kumitat tar-remunerazzjoni;

(g)     fejn ir-remunerazzjoni tkun marbuta mal-prestazzjoni, l-ammont totali ta’ remunerazzjoni għandu jkun ibbażat fuq taħlita tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni aġġustata għar-riskju tal-individwu u tal-unità tan-negozju jew tal-UCITS ikkonċernata u tar-riżultati kumplessivi aġġustati għar-riskju tal-kumpanija tal-immaniġġjar, u meta tiġi vvalutata l-prestazzjoni individwali jitqiesu kemm kriterji finanzjarji kif ukoll kriterji mhux finanzjarji;

(h)     il-valutazzjoni tal-prestazzjoni għandha tiġi stabbilita f'qafas multiannwali xieraq għaċ-ċiklu tal-ħajja tal-UCITS immaniġġjat mill-kumpanija tal-immaniġġjar sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-valutazzjoni jkun ibbażat fuq prestazzjoni aktar fit-tul u li l-ħlas reali tal-komponenti tar-remunerazzjoni bbażati fuq il-prestazzjoni jkun mifrux fuq perjodu li jqis il-politika ta' tifdija tal-UCITS li timmaniġġja kif ukoll ir-riskji tal-investiment tagħhom;

(i)      remunerazzjoni varjabbli ggarantita għandha tkun eċċezzjonali, sseħħ biss fil-kuntest ta' reklutaġġ ta’ persunal ġdid u għandha tkun limitata għall-ewwel sena;

(j)     il-komponenti fissi u varjabbli tar-remunerazzjoni totali huma bbilanċjati b'mod adatt u l-komponent fiss jirrapreżenta proporzjon għoli biżżejjed tar-remunerazzjoni totali biex tkun tista’ titħaddem politika kompletament flessibbli, fuq komponenti varjabbli tar-remunerazzjoni, inkluża l-possibbiltà li ma jitħallas l-ebda komponent varjabbli tar-remunerazzjoni;

(ja)   l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabilixxu l-proporzjonijiet xierqa bejn il-komponent fiss u l-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni totali fejn il-komponent varjabbli m'għandux ikun ikbar minn darba l-komponent fiss tar-remunerazzjoni totali;

(k)    il-pagamenti relatati mat-terminazzjoni bikrija ta’ kuntratt jirriflettu r-rendiment li jkun inkiseb maż-żmien u jkunu mfassla b’mod li ma jippremjawx il-fallimenti;

(l)      il-kejl tal-prestazzjoni użat biex jiġu kkalkulati l-komponenti varjabbli tar-remunerazzjoni jew puls ta’ komponenti varjabbli tar-remunerazzjoni jinkludi mekkaniżmu ta’ aġġustament komprensiv li jintegra t-tipi rilevanti kollha ta' riskji attwali u futuri;

(m)    soġġett għall-istruttura ġuridika tal-UCITS u għar-regoli tal-fond jew għall-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tagħha, porzjon sostanzjali, u fi kwalunkwe każ mill-inqas 50% ta' kwalunkwe remunerazzjoni varjabbli, jikkonsisti f'unitajiet tal-UCITS ikkonċernata, jew f’interessi ta’ sjieda ekwivalenti, fi strumenti marbuta mal-ishma jew fi strumenti ekwivalenti mhux ta’ flus, sakemm l-immaniġġjar tal-UCITS ma tgħoddx għal inqas minn 50% tal-portafoll totali mmaniġġjat mill-kumpanija tal-immaniġġajr, f'liema każ il-livell minimu ta’ 50% ma japplikax.

L-istrumenti msemmija f'dan il-punt għandhom ikunu soġġetti għal politika ta’ żamma xierqa maħsuba biex l-inċentivi jiġu allinjati mal-interessi tal-kumpanija tal-immaniġġjar u tal-UCITS li timmaniġġja, kif ukoll ma’ tal-investituri f'dawn l-UCITS. L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jqiegħdu restrizzjonijiet fuq it-tipi u d-disinji ta’ dawk l-istrumenti, jew jipprojbixxu ċerti strumenti kif xieraq. Dan il-punt għandu jiġi applikat kemm għall-porzjon tal-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni li ġiet iddifferita skont il-punt (n) kif ukoll għall-parti tal-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni li ma ġietx iddifferita;

(n)     porzjon sostanzjali, u fi kwalunkwe każ mill-inqas 25%, tal-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni, tiġi ddifferita fuq perjodu li huwa xieraq fid-dawl taċ-ċiklu tal-ħajja u l-politika ta’ tifdija tal-UCITS ikkonċernata u tiġi allinjata b’mod korrett man-natura tar-riskji tal-UCITS inkwistjoni.

Il-perjodu msemmi f'dan il-punt għandu jkun ta’ mill-inqas tlieta sa ħames snin, sakemm iċ-ċiklu tal-ħajja tal-UCITS ikkonċernata ma jkunx iqsar; remunerazzjoni pagabbli taħt arranġamenti ta’ differiment ma għandhiex tvesti b’rata aktar mgħaġġla minn bażi prorata; fil-każ ta’ komponent varjabbli tar-remunerazzjoni ta’ ammont partikolarment għoli, għandu jiġi differit mill-inqas 60% tal-ammont;

(o)    ir-remunerazzjoni varjabbli, inkluża l-parti differita, għandha titħallas jew tvesti biss jekk tkun sostenibbli skont is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija tal-immaniġġjar kollha, u ġġustifikata skont il-prestazzjoni tal-unità tan-negozju, l-UCITS u l-individwu kkonċernat.

Ir-remunerazzjoni varjabbli totali ġeneralment għandha titnaqqas b’mod konsiderevoli meta jkun hemm prestazzjoni finanzjarja baxxa jew negattiva tal-kumpanija tal-immaniġġjar jew tal-UCITS ikkonċernata, filwaqt li għandhom jitqiesu kemm il-kumpens attwali kif ukoll it-tnaqqis fil-ħlasijiet ta' ammonti maqlugħa qabel, inkluż permezz ta’ arranġamenti malus jew arranġamenti ta’ restituzzjoni;

(p)    il-politika tal-pensjonijiet għandha tkun konformi mal-istrateġija kummerċjali, mal-objettivi, il-valuri u l-interessi fit-tul tal-kumpanija tal-immaniġġjar u tal-UCITS li timmaniġġja.

Jekk l-impjegat jitlaq mill-kumpanija tal-immaniġġjar qabel l-irtirar, benefiċċji tal-pensjoni diskrezzjonarji għandhom jinżammu mill-kumpanija tal-immaniġġjar għal perjodu ta’ ħames snin fil-forma tal-istrumenti msemmija fil-punt (m). Fil-każ ta’ impjegat li jasal għall-pensjoni, il-benefiċċji diskrezzjonarji tal-pensjoni għandhom jitħallsu lill-impjegat fil-forma tal-istrumenti msemmija fil-punt (m), soġġetti għal perjodu ta’ żamma ta’ ħames snin;

(q)    il-persunal huwa meħtieġ jimpenja ruħu ma jużax strateġiji personali ta’ hedging jew assigurazzjoni relatata mar-remunerazzjoni u r-responsabbiltà sabiex inaqqas l-effetti tal-allinjament integrat tar-riskju fl-arranġamenti tar-remunerazzjoni tiegħu;

(r)     ir-remunerazzjoni varjabbli ma għandhiex titħallas permezz ta’ vetturi jew metodi li jagħmluha faċli li r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva jiġu evitati.

1a.      L-AETS għandha, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, timmoniterja l-politiki ta' remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 14a. F'każ ta' ksur ta' din id-Direttiva, l-AETS tista'. f'konformità mas-setgħat tagħha skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE)Nru 1095/2010, u b'mod partikulari billi tindirizza rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti, taġixxi biex tipprojbixxi temporanjament jew tirrestrinġi l-applikazzjoni ta' politiki partikulari ta' remunerazzjoni.

2.        Il-prinċipji stipulati fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw għal kull tip ta’ remunerazzjoni mħallsa mill-kumpaniji tal-immaniġġjar u għal kwalunkwe trasferiment ta’ unitajiet jew ishma tal-UCITS, magħmula għall-benefiċċju ta’ dawk il-kategoriji ta’ persunal, inkluż il-maniġment superjuri, dawk li jieħdu r-riskji, il-funzjonijiet ta’ kontroll u kwalunkwe impjegat li jirċievi remunerazzjoni totali li taqa’ fil-kategorija ta’ remunerazzjoni tal-maniġment superjuri u ta’ dawk li jieħdu r-riskji u li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju jew il-profili tar-riskju tal-UCITS li jimmaniġġjaw.

3.        Kumpaniji tal-immaniġġjar li huma sinifikanti f'termini tad-daqs tagħhom jew tad-daqs tal-UCITS li jimmaniġġjaw, tal-organizzazzjoni interna u tan-natura tagħhom, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom għandhom jistabbilixxu kumitat tar-remunerazzjoni. Il-kumitat ta’ remunerazzjoni għandu jiġi kkostitwit b'mod li jippermettilu jeżerċita ġudizzju kompetenti u indipendenti fir-rigward tal-politiki u l-prassi ta’ remunerazzjoni u ta’ inċentivi maħluqa għall-immaniġġjar tar-riskju.

Il-kumitat ta’ remunerazzjoni, fejn ikun xieraq li jiġi stabbilit korp bħal dan, kif definit mil-linji gwida tal-AETS, għandu jkun responsabbli għat-tħejjija ta’ deċiżjonijiet dwar ir-remunerazzjoni, inklużi dawk li għandhom implikazzjonijiet għar-riskju u l-immaniġġjar tar-riskju tal-kumpanija tal-immaniġġjar jew tal-UCITS ikkonċernata, u li għandhom jittieħdu mill-korp maniġerjali fil-funzjoni superviżorja tiegħu. Il-kumitat tar-remunerazzjoni għandu jkun ippresedut minn membru tal-korp maniġerjali li ma jwettaq ebda funzjoni eżekuttiva fil-kumpanija tal-immaniġġjar konċernata. Il-membri tal-kumitat ta’ remunerazzjoni għandhom ikunu membri tal-korp maniġerjali li ma jwettqu ebda funzjoni eżekuttiva fil-kumpanija tal-immaniġġjar konċernata. Il-kumitat għar-remunerazzjoni għandu jinkludi rappreżentanti tal-impjegati u għandu jiżgura li r-regoli tiegħu jippermettu lill-azzjonisti jaġixxu b'mod ikkoordinat. Meta jkun qed iħejji deċiżjonijiet bħal dawn, il-kumitat għar-remunerazzjoni għandu jqis l-interess fit-tul tal-partijiet interessati, tal-investituri u tal-interess pubbliku."

(2) Fl-Artikolu 20(1), il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

"(a) il-kuntratt bil-miktub mad-depożitarju msemmi fl-Artikolu 22(2); "

(3) L-Artikolu 22 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 22

1.      Kumpanija tal-investiment u, għal kull wieħed mill-fondi komuni li timmaniġġja, kumpanija tal-immaniġġjar għandha tiżgura li jinħatar depożitarju wieħed skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.

2.      Il-ħatra tad-depożitarju għandha tieħu l-forma ta’ kuntratt bil-miktub.

Dan il-kuntratt għandu jinkludi regoli li jistabbilixxu l-fluss ta’ informazzjoni li huwa meqjus meħtieġ biex id-depożitarju jkun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-UCITS li għaliha jkun ġie maħtur depożitarju, kif stipulat f'din id-Direttiva u f’liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi oħra li huma rilevanti għad-depożitarji fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS.

3.      Id-depożitarju għandu:

(a)  jiżgura li l-bejgħ, il-ħruġ, ir-riakkwist, it-tifdija u l-kanċellazzjoni ta’ unitajiet tal-UCITS jitwettqu skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli u r-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni;

(b)  jiżgura li l-valur tal-unitajiet tal-UCITS jiġi kkalkulat skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli u r-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni;

(c)  iwettaq l-istruzzjonijiet tal-kumpanija tal-immaniġġjar jew tal-kumpanija tal-investiment, sakemm dawn ma jkunux f'kunflitt mal-liġijiet nazzjonali applikabbli jew mar-regoli tal-fond jew mal-istrumenti ta' inkorporazzjoni;

(d)  jiżgura li fi tranżazzjonijiet li jinvolvu l-assi tal-UCITS, kwalunkwe korrispettiv tintbagħat lill-UCITS fil-limiti taż-żmien tas-soltu;

(e)  jiżgura li l-introjtu tal-UCITS jiġi applikat skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli u r-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni."

4.      Id-depożitarju għandu jiżgura li l-flussi tal-flus tal-UCITS jiġu mmonitorjati sew, u għandhom b'mod partikolari jiżguraw li l-ħlasijiet kollha magħmula minn jew għan-nom tal-investituri mas-sottoskrizzjoni ta' unitajiet tal-UCITS ġew irċevuti, u li l-flus kollha tal-UCITS iddaħħlu f'kontijiet tal-flus li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) infetħu f’isem l-UCITS jew f'isem il-kumpanija tal-immaniġġjar li taġixxi f’isem l-UCITS, jew f'isem id-depożitarju li jaġixxi f’isem l-UCITS;

(b)  infetħu f'entità msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE (*) u

(c)  jinżammu skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/73/KE.

Meta l-kontijiet tal-flus jinfetħu f’isem id-depożitarju li jaġixxi f'isem l-UCITS, l-ebda flus tal-entità msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu u l-ebda parti mill-flus proprji tad-depożitarju ma għandhom jiddaħħlu f’dawn il-kontijiet.

5.      L-assi tal-UCITS għandhom jiġu fdati għand id-depożitarju għas-salvagwardja kif ġej:

(a)     għal strumenti finanzjarji kif definit mir-Regolament (UE) Nru .../2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (MIFIR)] li jistgħu jinżammu f'kustodja, id-depożitarju għandu:

(i) iżomm f’kustodja l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu rreġistrati f'kont ta’ strumenti finanzjarji miftuħ fil-kotba tad-depożitarju, kif ukoll l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu mogħtija fiżikament lid-depożitarju;

(ii)  jiżgura li dawk l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu rreġistrati f'kont ta’ strumenti finanzjarji li jkun infetaħ fil-kotba tad-depożitarju jiġu rreġistrati fil-kotba tad-depożitarju f’kontijiet segregati skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/73/KE, li jkunu nfetħu f'isem l-UCITS jew il-kumpanija tal-immaniġġjar li tkun qed taġixxi f'isem l-UCITS, sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar u f'kull ħin bħala li jappartjenu lill-UCITS skont il-liġi applikabbli;

(b)       għal assi oħra, id-depożitarju għandu:

(i) jivverifika s-sjieda tal-UCITS jew il-kumpanija tal-immaniġġjar li taġixxi f’isem l-UCITS ta' dawn l-assi billi jivvaluta jekk l-UCITS jew il-kumpanija tal-immaniġġjar li taġixxi f’isem l-UCITS jkollhiex is-sjieda abbażi tal-informazzjoni jew id-dokumenti pprovduti mill-UCITS jew mill-kumpanija tal-immaniġġjar u, fejn disponibbli, minn evidenza esterna;

(ii) iżomm rekord ta’ dawk l-assi li dwarhom ikun issodisfat li l-UCITS jew il-kumpanija tal-immaniġġjar li taġixxi f’isem l-UCITS jkollha s-sjieda u jżomm ir-rekord aġġornat.

5a.    Id-depożitarju għandu jipprovdi lill-kumpanija tal-immaniġġjar, fuq bażi regolari, inventarju komprensiv tal-assi kollha miżmuma fl-isem l-UCITS.

5b.    L-istrumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja mid-depożitarju m'għandhomx jerġgħu jintużaw mid-depożitarju jew minn xi parti terza li tkun ġiet iddelegata l-funzjoni ta’ kustodja lilha għall-kont tagħhom.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-użu mill-ġdid ifisser kwalunkwe użu ta' strumenti finanzjarji kunsenjati fi tranżazzjoni waħda sabiex ikunu ta' kollateral għal tranżazzjoni oħra li jinkludu iżda mhux limitati għal trasferiment, rahan, bejgħ u self.

6.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każ ta’ insolvenza tad-depożitarju u/jew ta' kwalunkwe entità rregolata li żżomm f’kustodja strumenti finanzjarji li jappartjenu lil UCITS, dawk l-istrumenti finanzjarji ta' UCITS miżmuma f'kustodja mid-depożitarju ma jkunux disponibbli biex jitqassmu fost jew jiġu realizzati għall-benefiċċju tal-kredituri tad-depożitarju jew tal-entità rregolata.

7. Id-depożitarju ma għandux jiddelega l-funzjonijiet tiegħu kif imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 lil partijiet terzi.

Id-depożitarju jista’ jiddelega l-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 lil partijiet terzi biss meta:

(a)    il-kompiti ma jkunux ġew iddelegati bl-intenzjoni li jiġu evitati r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva ;

(b)    id-depożitarju jista’ juri li hemm raġuni oġġettiva għad-delega;

id-depożitarju jkun eżerċita l-ħila, l-attenzjoni u d-diliġenza kollha dovuti fl-għażla u l-ħatra ta’ kwalunkwe parti terza li lilha jrid jiddelega partijiet mill-kompiti tiegħu, u jkompli jeżerċita l-ħila, l-attenzjoni u d-diliġenza kollha dovuti fir-reviżjoni perjodika u l-monitoraġġ kontinwu ta' kwalunkwe parti terza li lilha jkun iddelega partijiet tal-kompiti tiegħu u tal-arranġamenti tal-parti terza fir-rigward tal-kwistjonijiet iddelegati lilha;

Il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 jistgħu jiġu ddelegati mid-depożitarju lil parti terza biss jekk f'kull ħin matul it-twettiq tal-kompiti ddelegati lilha:

(a)    ikollha strutturi u kompetenza li huma adegwati u proporzjonati man-natura u l-kumplessità tal-assi tal-UCITS jew tal-kumpanija tal-immaniġġjar li tkun qed taġixxi f'isem l-UCITS li jkunu ġew fdati lilha;

(b)    għal kompiti tal-kustodja msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 5, tkun soġġetta għal regolamentazzjoni prudenzjali effettiva, inkluż rekwiżiti kapitali minimi, u superviżjoni fil-ġurisdizzjoni konċernata;

(c)    għal kompiti tal-kustodja msemmija fil-paragrafu 5, tkun soġġett għal awditu estern perjodiku biex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji jinsabu fil-pussess tagħha;

(d)    tissegrega l-assi tal-klijenti tad-depożitarju mill-assi tagħha stess u mill-assi tad-depożitarju b'tali mod li fi kwalunkwe ħin dawn ikunu jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar bħala li jappartjenu lill-klijenti ta' depożitarju partikolari;

(e)    tagħmel arranġamenti xierqa abbażi tal-linji gwida tal-AETS biex f’każ ta’ insolvenza ta’ parti terza, l-assi ta’ UCITS miżmuma f’kustodja mill-parti terza ma jkunux disponibbli biex jitqassmu fost jew jiġu rrealizzati għall-benefiċċju tal-kredituri tal-parti terza;

(f)     tkun konformi mal-obbligi ġenerali u mal-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5 u l-Artikolu 25.

Għall-finijiet tal-punt (e), l-AETS għandha toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti dwar arranġamenti xierqa f’każ ta’ insolvenza tal- parti terza.

Minkejja l-punt (b) tat-tielet subparagrafu fejn il-liġi ta’ pajjiż terz teħtieġ li ċerti strumenti finanzjarji jinżammu f'kustodja minn entità lokali u l-ebda entità lokali ma tissodisfa r-rekwiżiti tad-delega stabbiliti f'dawk il-punti, id-depożitarju jista' jiddelega l-funzjonijiet tiegħu lil din l-entità lokali sal-punt meħtieġ mil-liġi tal-pajjiż terz biss u biss sakemm ma jkunx hemm entitajiet lokali li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-delega, u biss fejn:

(a)    l-investituri tal-UCITS relevanti jiġu infurmati kif dovut li din id-delega hija meħtieġa minħabba l-irbit ġuridiku fil-liġi tal-pajjiż terz u ċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw id-delega u r-riskji involuti f’din id-delega, qabel l-investiment tagħhom;

(b)    l-UCITS, jew il-kumpanija tal-immaniġġjar f'isem l-UCITS, tkun tat struzzjonijiet lid-depożitarju biex jiddelega l-kustodja ta' tali strumenti finanzjarji lil tali entità lokali.

Wara, il-parti terza tista’ tissottodelega dawk il-funzjonijiet, soġġett għall-istess rekwiżiti. F'dan il-każ, l-Artikolu 24(2) għandu japplika mutatis mutandis għall-partijiet rilevanti.

Għall-finijiet tas-subparagrafi wieħed sa ħamsa, il-provvista ta’ servizzi kif speċifikat fid-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill minn sistemi tas-saldu tat-titoli kif stabbiliti għall-finijiet tad-Direttiva 98/26/KE jew il-provvista ta’ servizzi simili minn sistemi tas-saldu tat-titoli minn pajjiżi terzi ma għandhiex titqies bħala delega tal-funzjonijiet ta’ kustodja tagħha.

(4) L-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafi 2 u 3 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

"2.     Id-depożitarju għandu jkun:

(a)    istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata skont id-Direttiva 2006/48/KE;

(b)    ditta tal-investiment, soġġetta għal rekwiżiti ta’ adegwatezza kapitali skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2006/49/KE inklużi rekwiżiti kapitali għal riskji operazzjonali u awtorizzata skont id-Direttiva 2004/39/KE u li tipprovdi wkoll servizz anċillari ta’ salvagwardja u amministrazzjoni ta’ strumenti finanzjarji f'isem il-klijenti f'konformità mal-punt (1) tat-Taqsima B tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE; fi kwalunkwe każ, ditti tal-investiment bħal dawn għandu jkollhom fondi proprji li ma jkunux inqas mill-ammont tal-kapital inizjali msemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/49/KE;

(ba)  il-banek ċentrali nazzjonali u kull kategorija oħra ta' istituzzjoni li hija suġġetta għal regolamentazzjoni prudenzjali u superviżjoni kontinwa u li tkun suġġetta għal rekwiżiti ta’ kapital kif ukoll rekwiżiti organizzattivi u prudenzjali tal-istess effett bħala entitajiet skont (a) u (b).

Kumpaniji tal-investiment jew kumpaniji tal-immaniġġjar li jaġixxu f'isem l-UCITS li jimmaniġġjaw, li, qabel [data: l-iskadenza tat-traspożizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(1) l-ewwel subparagrafu], maħtura bħala depożitarji, istituzzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu għandha taħtar depożitarju li jissodisfa dawk ir-rekwiżiti qabel [data: sena (1) wara skadenza stabbilita fl-Artikolu 2(1) l-ewwel subparagrafu.

3.      L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema mill-kategoriji ta’ istituzzjonijiet imsemmija fis-subparagrafu (ba) tal-paragrafu 2 għandhom ikunu eliġibbli li jkunu depożitarji."

(b)    il-paragrafi 4, 5 u 6 jitħassru.

(5) L-Artikolu 24 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 24

1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-depożitarju għandu jkun responsabbli lejn l-UCITS u lejn id-detenturi tal-unitajiet tal-UCITS, għat-telf mid-depożitarju jew minn parti terza li lilhom tkun ġiet iddelegata l-kustodja ta’ strumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja skont l-Artikolu 22(5).

F'każ ta’ telf ta' strument finanzjarju waqt li dan kien f’kustodja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-depożitarju għandu jrodd lura strument finanzjarju tal-istess tip jew tal-istess ammont lill-UCITS jew lill-kumpanija tal-immaniġġjar li tkun qed taġixxi f'isem l-UCITS mingħajr dewmien żejjed. Id-depożitarju ma għandux jinżamm responsabbli jekk ikun jista' jipprova li t-telf ikun seħħ bħala riżultat ta' avveniment estern lil hinn mill-kontroll raġonevoli tiegħu, li l-konsegwenzi tiegħu kienu jkunu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha bil-kontra.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-depożitarju għandu jinżamm responsabbli wkoll lejn l-UCITS u l-investituri tal-UCITS għal kull telf ieħor ikkaġunat b'riżultat tan-nuqqas negliġenti jew intenzjonat tad-depożitarju li jissodisfa l-obbligi tiegħu b’mod xieraq skont din id-Direttiva.

2.      Ir-responsabbiltà tad-depożitarju ma għandha tiġi affettwata minn ebda delega msemmija fl-Artikolu 22(7).

3.      Ir-responsabbiltà tad-depożitarju msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tiġi eskluż jew limitat permezz ta’ ftehim.

4.      Kwalunkwe ftehim li jikser id-dispożizzjoni tal-paragrafu 3 għandu jkun null.

5.      Id-detenturi ta’ unitajiet fl-UCITS jistgħu jinvokaw ir-responsabbiltà tad-depożitarju direttament jew indirettament permezz tal-kumpanija tal-immaniġġjar.

5a.    Xejn f'dan l-Artiklu m'għandu jżomm depożitarju milli jagħmel arranġamenti għall-finijiet li jissodisfa r-responsabilitajiet tiegħu skont il-paragrafu 1, sakemm dawn l-arranġamenti ma jillimitawx jew inaqqsu dawk ir-responsabilitajiet jew iwasslu għal dewmien fir-rispett tal-obbligi tad-depożitarju."

(6) Fl-Artikolu 25, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"2.     Fit-twettiq tal-funzjonijiet rispettivi tagħhom, il-kumpanija tal-immaniġġjar u d-depożitarju għandhom jaġixxu b'mod onest, ġust u professjonali, u b’mod indipendenti u fl-interess tal-UCITS u tal-investituri tal-UCITS.

La d-depożitarju u lanqas xi wieħed mid-delegati tiegħu ma għandhom iwettqu attivitajiet fir-rigward tal-UCITS jew tal-kumpanija tal-immaniġġjar li jistgħu joħolqu kunflitt ta’ interess bejn l-UCITS, l-investituri fl-UCITS, il-kumpanija tal-immaniġġjar u d-depożitarju stess, sakemm id-depożitarju ma jkunx assigura li hemm separazzjoni ġerarkika u funzjonali fit-twettiq tal-kompiti▐ li potenzjalment jistgħu jkunu konfliġġenti, u sakemm il-kunflitti ta’ interess potenzjali ma jkunux identifikati, immaniġġjati, immonitorjati u ddivulgati lill-investituri tal-UCITS b’mod xieraq.

(7) L-Artikolu 26 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 26

1.      Il-liġi jew ir-regoli tal-fond tal-fond komuni għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għas-sostituzzjoni tal-kumpanija tal-immaniġġjar u tad-depożitarju, kif ukoll regoli biex tiġi żgurata l-protezzjoni tat-titolari tal-unitajiet f’każ li sseħħ sostituzzjoni bħal din.

2.      Il-liġi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpanija tal-investiment għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għas-sostituzzjoni tal-kumpanija tal-immaniġġjar u tad-depożitarju, kif ukoll regoli biex tiġi żgurata l-protezzjoni tat-titolari tal-unitajiet f’każ li sseħħ sostituzzjoni bħal din."

(8) L-Artikoli 26a u 26b li ġejjin għandhom jiġu miżjuda:

"Artikolu 26a

Id-depożitarju għandu jagħmel disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tiegħu, meta jkun mitlub dan, l-informazzjoni kollha li jkun kiseb waqt il-qadi ta’ dmirijietu u li tista’ tkun meħtieġa għall-awtoritajiet kompetenti tal-UCITS jew il-kumpanija tal-immaniġġjar tal-UCITS. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ▐ tal-UCITS jew il-kumpanija tal-immaniġġjar tal-UCITS ikunu differenti minn dawk tad-depożitarju, l-awtoritajiet kompetenti tad-depożitarju għandhom jaqsmu l-informazzjoni rċevuta mingħajr dewmien mal-awtoritajiet kompetenti tal-UCITS u l-kumpanija tal-immaniġġjar.

Artikolu 26b

1.      Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta, permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 112 u soġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 112a u 112b, miżuri li jispeċifikaw:

(a)    id-dettalji fir-rigward ta’ din id-Direttiva li jeħtieġ jiġu inklużi fil-kuntratt bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 22(2);

(b)    il-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ depożitarju skont l-Artikoli 22(3), (4) u (5), inkluż:

(i) it-tip ta’ strumenti finanzjarji li għandhom jiġu inklużi fl-ambitu tad-dmirijiet ta' kustodja tad-depożitarju skont il-punt (a) tal-Artikolu 22(5);

(ii) il-kondizzjonijiet li jiddeterminaw jekk id-depożitarju jistax jeżerċita d-dmirijiet tiegħu ta’ kustodja fuq strumenti finanzjarji rreġistrati ma’ depożitarju ċentrali;

(iii)    il-kondizzjonijiet li jiddeterminaw jekk id-depożitarju għandux iżomm f’salvagwardja l-istrumenti finanzjarji maħruġa f'forma nominattiva u li jkunu ġew irreġistrati ma' emittent jew reġistratur, skont il-punt (b) tal-Artikolu 22(5);

(c)    id-dmirijiet ta’ diliġenza dovuta tad-depożitarji skont il-punt (c) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 22(7);

(d)    l-obbligu ta’ segregazzjoni skont il-punt (d) tat-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 22(7);

(e)    il-kundizzjonijiet li jiddeterminaw meta strumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja jistgħu jiġu kkunsidrati mitlufa, u ċ-ċirkostanzi li fihom dan jista’ jseħħ, għall-fini tal-Artikolu 24;

(f)     dak li għandu jiġi mifhum minn avvenimenti esterni lil hinn mill-kontroll raġonevoli, li l-konsegwenzi tagħhom kienu jkunu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha bil-kontra skont l-Artikolu 24(1).

(fa)  il-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta' indipendenza."

(9) Fl-Artikolu 30, l-ewwel paragrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

"L-Artikoli 13, 14, 14a u 14b għandhom japplikaw mutatis mutandis għal kumpaniji tal-investiment li ma jkunux innominaw kumpanija tal-immaniġġjar awtorizzata skont din id-Direttiva."

(10) It-Taqsima 3 tal-Kapitolu V ġiet imħassra.

(11) Fl-Artikolu 69(3) qed jiġi miżjud it-tieni sottoparagrafu li ġej:

"Ir-rapport annwali għandu jinkludi wkoll:

(a)    l-ammont totali ta’ remunerazzjoni għas-sena finanzjarja, maqsum f’remunerazzjoni fissa u varjabbli mħallsa mill-kumpanija tal-immaniġġjar u mill-kumpanija ta’ investiment lill-persunal tagħha, u l-għadd ta' benefiċjarji, u fejn rilevanti, l-imgħax riportat imħallas mill-UCITS;

(b)    l-ammont aggregat ta’ remunerazzjoni maqsum skont il-kategoriji tal-impjegati jew kwalunkwe membri tal-persunal kif imsemmi fl-Artikolu 14a(3) tal-grupp finanzjarju, il-kumpanija tal-immaniġġjar u, fejn rilevanti, tal-kumpanija tal-investiment li l-azzjonijiet tagħha jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-UCITS.

(11a)     Fl-Artikolu 78(3), il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

"(a) identifikazzjoni tal-UCITS u l-awtorità kompetenti;"

(11b)     Fl-Artikolu 90 jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"Il-liġi, ir-regoli tal-fond, jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni ta' kumpanija tal-investiment, għandhom jipprovdu li tali remunerazzjoni, nefqa jew spejjeż ikunu konsistenti mal-immaniġġjar sod u effettiv tar-riskju u li jippromovuhom, u ma jinkuraġġixxux it-teħid tar-riskju, li huwa inkonsistenti mal-profili tar-riskju tal-UCITS jew mal-istrateġija tan-negozju, l-objettivi, il-valuri u l-interessi tal-UCITS u tal-investituri tiegħu.

Komponent varjabbli għandu jvarja biss fil-proporzjon tad-daqs tal-fond jew tal-valur tal-assi mmaniġġjati, sakemm l-UCITS ma tkunx ditribwita esklussivament lil klijenti professjonali kif definit fl-Artikolu 4, paragrafu 1(11) tad-Direttiva 2004/39/KE.

Kwalunkwe komponenti varjabbli oħrajn għandhom jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(a)    iridu jiġu kkalkulati abbażi ta' punt ta' referenza xieraq li jirriproduċi   realment kemm jista' jkun il-portafoll tal-UCITS;

(b)    il-perjodu ta' referenza għandu jkun tal-anqas ta' sena;

(c)    huma għandhom jirriflettu b'mod simmetriku l-prestazzjoni mqabbla mal-punt ta' referenza u, b'konsegwenza, ir-remunerazzjoni ulterjuri għal prestazzjoni ogħla mill-punt ta' referenza trid tikkorrispondi għal tnaqqis simili f'każ ta' prestazzjoni inqas; kif ukoll

(d)    l-informazzjoni dwar il-mezz li bih kull komponent varjabbli huwa kkalkulat għandha tingħata lill-investituri b'mod konċiż u b'lingwaġġ mhux tekniku, kemm fil-prospektus kif ukoll fl-informazzjoni essenzjali għall-investituri, u dik l-informazzjoni għandha turi kif il-komponent varjabbli huwa affettwat simmetrikament kemm bil-prestazzjoni tajba kif ukoll dik ħażina tal-UCITS, kif tiġi kkalkulata, u għandha tinkludi eżempji realistiċi ta' ammonti assoluti akkumulati waqt perjodu ta' sena.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ddelegati b'konformità mal-Artikolu 112 dwar miżuri li jispeċifikaw rekwiżiti għal portafolli u indiċi tal-punti ta' referenza li jitqabblu b'mod suffiċjenti mal-UCITS, il-perjodi ta' detenzjoni u l-mod kif jiġi ddeterminat l-effett simmetriku ta' prestazzjoni tajba jew ħażina.

Barra minn din ir-remunerazzjoni prorata u minn remunerazzjoni varjabbli oħra, l-ispejjeż marbuta direttament maż-żamma u l-ħarsien tal-investimenti biss għandhom jittieħdu mill-fondi mill-kumpanija ta' mmaniġġjar."

(12) L-Artikolu 98 huwa emendat kif ġej:

(a)  F’paragrafu 2, il-punt (d) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"(d) jenħtieġu r-rekords u d-dejta tat-traffiku eżistenti tat-telefown, kif definit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, miżmuma mill-UCITS, il-kumpaniji tal-immaniġġjar, il-kumpaniji tal-investiment jew id-depożitarji fejn jeżisti suspett serju li dawn ir-rekords relatati mas-suġġett tal-ispezzjoni jistgħu jkunu rilevanti biex jiġi ppruvat li l-UCITS, il-kumpaniji tal-immaniġġjar, il-kumpaniji tal-investiment jew id-depożitarji kisru l-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva; madankollu, dawn ir-rekords ma għandhomx jikkonċernaw il-kontenut tal-komunikazzjonijiet li jirreferu għalihom."

(b)  Jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

"3.       Jekk talba għal rekords u dejta tat-traffiku tat-telefown msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 2, teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont ir-regoli nazzjonali, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ ukoll issir applikazzjoni għal din l-awtorizzazzjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni."

(13) L-Artikolu 99 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 99

1. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta’ superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 98, u d-dritt tal-Istati Membri li jipprovdu sanzjonijiet fuq il-kriminalità u li jimponuhom, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni u miżuri amministrattivi xierqa meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jkunux ġew osservati, u għandhom jiżguraw li dawk il-miżuri jiġu applikati. Is-sanzjonijiet u l-miżuri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-obbligi japplikaw għal UCITS, għal kumpaniji tal-immaniġġjar, għal kumpaniji tal-investiment jew għal depożitarji, f’każ ta’ ksur ikunu jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet jew miżuri għall-membri tal-korp maniġerjali, kif ukoll għal kwalunkwe individwu ieħor li skont il-liġi nazzjonali jkun responsabbli għall-ksur.

3.      L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat investigattivi kollha li huma neċessarji biex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom. Waqt li jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jiżguraw li s-sanzjonijiet jew il-miżuri jiksbu r-riżultati mixtieqa u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom meta jittrattaw każijiet transfruntieri."

(14) L-Artikoli 99a, 99b, 99c, 99d u 99e li ġejjin qed jiġu miżjuda:

"Artikolu 99a

1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolament jew id-dispożizzjonijiet amminstrattivi tagħhom jipprovdu sanzjonijiet fir-rigward ta’:

(a)  jitwettqu attivitajiet ta’ UCITS mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 5;

(b)  jitwettaq negozju ta’ kumpanija tal-immaniġġjar mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel, bi ksur tal-Artikolu 6;

(c)  jitwettaq negozju ta’ kumpanija tal-investiment mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel, bi ksur tal-Artikolu 27;

(d)  tinkiseb parteċipazzjoni kwalifikanti f’kumpanija tal-immaniġġjar, direttament jew indirettament, jew tali parteċipazzjoni kwalifikanti f’kumpanija tal-immaniġġjar tiżdied aktar sabiex il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmum jilħaq jew jaqbeż l-20 %, it-30 % jew il-50 % jew sabiex il-kumpanija tal-immaniġġjar issir sussidjarja tagħha (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-akkwist propost), mingħajr ma l-awtoritajiet kompetenti jiġu nnotifikati bil-miktub dwar il-kumpanija tal-immaniġġjar li fiha l-akkwirent ikun beħsiebu jakkwista jew iżid parteċipazzjoni kwalifikanti bi ksur tal-Artikolu 11(1);

(e)  parteċipazzjoni kwalifikanti f’kumpanija tal-immaniġġjar tiġi ttrasferita, direttament jew indirettament, jew titnaqqas sabiex il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmun jaqa' taħt l-20 %, it-30 % jew il-50 % jew sabiex il-kumpanija tal-immaniġġjar ma tibqax sussidjarja, mingħajr ma l-awtoritajiet kompetenti jiġu nnotifikati bil-miktub, bi ksur tal-Artikolu 11(1);

(f)  kumpanija tal-immaniġġjar tkun kisbet awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew kwalunkwe mezz irregolari ieħor bi ksur tal-Artikolu 7(5)(b);

(g)  kumpanija tal-investiment tkun kisbet awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew kwalunkwe mezz irregolari ieħor bi ksur tal-Artikolu 29(4)(b);

(h)  kumpanija tal-immaniġġjar, malli ssir taf bi kwalunkwe akkwist jew trasferiment ta’ parteċipazzjonijiet fil-kapital tagħhom li jikkawżaw lill-parteċipazzjonijiet biex jaqbżu jew jaqgħu f’livell aktar baxx minn wieħed mil-limiti msemmija fl-Artikolu 11(10) tad-Direttiva 2004/39/KE, tonqos milli tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti dwar dawn l-akkwisti jew it-trasferimenti bi ksur tal-Artikolu 11(1);

(i)  kumpanija tal-immaniġġjar tonqos milli tgħarraf, għall-inqas darba fis-sena, lill-awtorità kompetenti rigward l-ismijiet tal-azzjonisti u tal-membri li għandhom parteċipazzjoni kwalifikanti u rigward id-daqsijiet ta’ dawn il-parteċipazzjonijiet bi ksur tal-Artikolu 11(1);

(j)  kumpanija tal-immaniġġjar tonqos milli tosserva l-proċeduri u l-arranġamenti imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 12(1)(a);

(k)  kumpanija maniġerjali tonqos milli tosserva r-rekwiżiti strutturali u organizzazzjonali imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 12(1)(b);

(l)  kumpanija tal-investiment tonqos milli tosserva l-proċeduri u l-arranġamenti imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 31;

(m)  kumpanija tal-immaniġġjar jew kumpanija tal-investiment ma tikkonformax mar-rekwiżiti relatati mad-delega tal-funzjonijiet tagħha lil partijiet terzi imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikoli 13 u 30;

(n)  kumpanija tal-immaniġġjar jew kumpanija tal-investiment ma tikkonformax mar-regoli dwar il-kondotta imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikoli 14 u 30;

(o)  depożitarju jonqos milli jwettaq il-kompiti tiegħu skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw il-paragrafi (3) sa (7) tal-Artikolu 22;

(p)  kumpanija tal-investiment u, għal kull tal-fond komuni li timmaniġġja, kumpanija tal-immaniġġjar tonqos ripetutament milli tosserva l-obbligi li jikkonċernaw il-politiki dwar l-investiment ta' UCITS stabbiliti minn dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw il-Kapitolu VII;

(q)  kumpanija tal-immaniġġjar jew kumpanija tal-investiment tonqos milli tadotta proċess tal-immaniġġjar tar-riskju u proċess għal valutazzjoni preċiża u indipendenti tal-valur ta' derivattivi OTC kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 51(1);

(r)  kumpanija tal-investiment u, għal kull fond komuni li timmaniġġja, kumpanija tal-immaniġġjar tonqos ripetutament milli tosserva l-obbligi li jikkonċernaw l-informazzjoni li għandha tingħata lill-investituri imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikoli 68 sa 82;

(s)     kumpanija tal-immaniġġjar jew kumpanija tal-investiment li tkun qed tikkumerċjalizza unitajiet ta’ UCITS li timmaniġġja fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS tonqos milli tosserva r-rekwiżit ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 93(1).

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każijiet kollha msemmija fil-paragrafu 1, sanzjonijiet u miżuri amministrattivi li jistgħu jiġu applikati jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)       dikjarazzjoni jew avviż pubbliċi, li jindikaw il-persuna fiżika jew ġuridika u n-natura tal-ksur;

(b)       il-ħruġ ta’ ordni li teħtieġ li l-persuna fiżika jew ġuridika twaqqaf il-kondotta u ma terġax tirrepeti dik il-kondotta;

(c)       f'każ ta’ kumpanija tal-immaniġġjar jew UCITS, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-kumpanija tal-immaniġġjar jew tal-UCITS;

(d)       tiġi imposta projbizzjoni temporanja jew permanenti kontra kwalunkwe membru tal-korp maniġerjali tal-kumpanija tal-immaniġġjar jew il-kumpanija tal-investiment jew kontra kwalunkwe persuna fiżika oħra, li tinżamm responsabbli, milli teżerċita funzjonijiet f’dawk il-kumpaniji jew f'kumpaniji oħrajn;

(e)       fil-każ ta’ persuna ġuridika, li jiġu imposti sanzjonijet pekunarji amministrattivi effettivi, xierqa u dissważivi;

(f)        fil-każ ta’ persuna fiżika, li jiġu imposti sanzjonijet amministrattivi pekunjarji effettivi, xierqa u dissważivi;

(g)       li jiġu imposti sanzjonijiet pekunarji amministrattivi sa għaxar darbiet l-ammont tal-profitti miksuba jew tat-telf li jkun ġie evitat minħabba l-ksur fejn dawn ikunu jistgħu jiġu determinati.

Artikolu 99b

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw kwalunkwe sanzjoni jew miżura imposta għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mingħajr dewmien żejjed, inkluż informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli għaliha, sakemm il-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ma tqegħidx l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji f’periklu serju. F’każijiet fejn il-pubblikazzjoni tkun se toħloq ħsara sproporzjonata lill-partijiet involuti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw is-sanzjoni jew il-miżura imposta fuq bażi anonima.

Artikolu 99c

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiġi determinat it-tip ta’ sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi u l-livell tas-sanzjonijiet pekunarji amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jqisu ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inkluż:

(a)       il-gravità tal-ksur u kemm dam għaddej;

(b)       il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna fiżika jew legali responsabbli;

(c)       is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew legali responsabbli, skont kif indikat mill-fatturat totali tal-persuna legali responsabbli jew mid-dħul annwali tal-persuna fiżika responsabbli;

(d)       l-importanza tal-profitti miksuba jew tat-telf li jkun ġie evitat mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli kif ukoll il-ħsara lil persuni oħrajn u, fejn applikabbli, il-ħsara lill-funzjonament tas-swieq jew tal-ekonomija aktar wiesgħa, safejn dawn ikunu jistgħu jiġu determinati;

(e)       il-livell ta’ kooperazzjoni li l-persuna fiżika jew legali responsabbli turi mal-awtorità kompetenti;

(f)        ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew legali responsabbli.

2.      L-AETS għandha toħroġ linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 dwar tipi ta’ miżuri u sanzjonijiet amministrattivi u l-livell ta' sanzjonijiet pekunarji amministrattivi.

Artikolu 99d

1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jinkoraġġixxu r-rappurtar ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva lill-awtoritajiet kompetenti u li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu kanal ta' komunikazzjoni sikur jew aktar minn wieħed sabiex persuni jinnotifikaw dwar ksur bħal dan. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-identità tal-persuni li jagħmlu dawn in-notifiki permezz ta' dawn il-kanali tkun magħrufa biss lill-awtorità kompetenti nazzjonali.

2.      Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu mill-inqas:

(a)       proċeduri speċifiċi biex jintlaqgħu rapporti dwar ksur u għas-segwitu tagħhom;

(b)       protezzjoni xierqa għall-impjegati ta’ kumpaniji tal-investiment u kumpaniji tal-immaniġġjar li jirrapurtaw ksur li jseħħ fil-kumpanija;

(c)       protezzjoni tad-dejta personali li tirrigwarda kemm il-persuna li tirrapporta l-ksur kif ukoll il-persuna fiżika li allegatament hija responsabbli għal ksur, b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

2a.    L-AETS għandha tipprovdi kanal ta' komunikazzjoni sikur jew aktar minn wieħed għan-notifikazzjoni tal-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-identità tal-persuni li jagħmlu din in-notifika permezz ta' dawn il-kanali tkun magħrufa biss lill-AETS.

2b.    In-notifika bona fide lill-AETS jew lill-awtorità kompetenti ta' ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva skont il-paragrafu 2a m'għandha tikkostitwixxi l-ksur tal-ebda restrizzjoni dwar żvelar ta' informazzjoni imposta b'kuntratt jew permezz ta' kwalunkwe dispożizzjoni leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva, u m'għandhiex tinvolvi lill-persuna li tkun għamlet dik in-notifika fl-ebda tip ta' responsabilità relatata ma' din in-notifika.

3.      L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-istituzzjonijiet ikollhom fis-seħħ proċeduri xierqa biex l-impjegati tagħhom ikunu jistgħu jirrappurtaw ksur internament permezz ta’ mezz speċifiku.

Artikolu 99e

1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu kull sena lill-AETS informazzjoni aggregata dwar il-miżuri jew is-sanzjonijiet amministrattivi kollha imposti skont l-Artikolu 99. L-AETS għandha tippubblika din l-informazzjoni f’rapport annwali.

2.      Meta l-awtorità kompetenti tkun ippubblikat miżura jew sanzjoni, għandha wkoll tirrapporta l-miżuri jew is-sanzjonijiet lill-AETS. Fejn miżura jew sanzjoni ppubblikata tkun relatata ma’ kumpanija tal-immaniġġjar, l-AETS għandha żżid referenza għall-miżura jew is-sanzjoni ppubblikata fil-lista tal-kumpaniji tal-immaniġġjar ippubblikata skont l-Artikolu 6(1).

3.      L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta' implimentazzjoni li jikkonċernaw il-proċeduri u l-formoli għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni kif imsemmi f'dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni tiġi kkonferita s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi implimentattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

L-AETS għandha tippreżenta dawk l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-[daħħal data]."

(15) L-Artikolu 104a li ġej qed jiġi miżjud:

"Artikolu 104a

1.      L-Istati Membri għandhom japplikaw id-Direttiva 95/46/KE għall-ipproċessar tad-dejta personali li jitwettaq fl-Istat Membru skont din id-Direttiva.

2.      Ir-Regolament KE Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandu japplika għall-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq mill-AETS skont din id-Direttiva."

(16) Fl-Artikolu 112, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"2.     Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 12, 14, 43, 51, 60, 61, 62, 64, 75, 78, 81, 95 u 111 għal perjodu ta’ erba' snin mill-4 ta’ Jannar 2011. Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 50a għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba' snin mill-21 ta’ Lulju 2011. Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 26b għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba' snin minn [...]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar is-setgħat delegati sa mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ erba' snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża b’mod awtomatiku għal perjodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokahomx skont l-Artikolu 112a."

(17) Fl-Artikolu 112a, il-paragrafu 1 qed jiġi mibdul b'dan li ġej:

"1.     Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 12, 14, 26b, 43, 50a, 51, 60, 61, 62, 64, 75, 78, 81, 95 u 111 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill."

(18) L-Anness I qed jiġi emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva

Artikolu 2

1.          L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-[...], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-disposizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 mill-[...].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.          L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Meta d-dokumenti li jakkumpanjaw in-notifika tat-traspożizzjoni tal-miżuri pprovduti mill-Istati Membri ma jkunux suffiċjenti għal valutazzjoni sħiħa tal-konformità tad-dispożizzjonijiet ta' traspożizzjoni ma' ċerti Artikoli ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni tista', fuq talba mill-AETS bil-ħsieb tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 jew fuq inizjattiva tagħha stess, tesiġi li l-Istati Membri jipprovdu aktar informazzjoni dettaljata dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul ...,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

ANNESS

Fl-Anness I, il-punt 2 tal-Iskeda A qed jiġi mibdul b'dan li ġej;

"2. Informazzjoni dwar id-depożitarju:

2.1. L-identità tad-depożitarju tal-UCITS u deskrizzjoni tad-dmirijiet tiegħu;

2.2. Deskrizzjoni ta’ kwalunkwe funzjoni ta’ salvagwardja delegata mid-depożitarju, u kwalunkwe kunflitt ta' interess li jista’ jinħoloq minn din id-delega

Informazzjoni dwar l-entitajiet kollha involuti fl-għoti ta’ kustodja tal-assi tal-fond, flimkien mal-kunflitt ta’ interess li jista’ jinħoloq, hija disponibbli fuq talba mingħand id-depożitarju.

(1)

* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.

(2)

         ĠU C …

(3)

         Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' ...


PROĊEDURA

Titolu

Emenda tad-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet

Referenzi

COM(2012)0350 – C7-0178/2012 – 2012/0168(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

3.7.2012

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

11.9.2012

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

11.9.2012

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

JURI

18.9.2012

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Sven Giegold

10.5.2011

 

 

 

Eżami fil-kumitat

19.9.2012

22.1.2013

 

 

Data tal-adozzjoni

21.3.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

5

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Băsescu, Sharon Bowles, Udo Bullmann, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Othmar Karas, Wolf Klinz, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Arlene McCarthy, Sławomir Nitras, Alfredo Pallone, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Peter Simon, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Marianne Thyssen, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sophie Auconie, Lajos Bokros, Herbert Dorfmann, Ashley Fox, Anne E. Jensen, Eva Joly, Thomas Mann, Marisa Matias

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Minodora Cliveti, Jens Geier

Data tat-tressiq

29.4.2013

Avviż legali - Politika tal-privatezza