RAPPORT dwar sfidi u opportunitajiet attwali għall-enerġija rinnovabbli fis-suq intern Ewropew tal-enerġija

28.3.2013 - (2012/2259(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Herbert Reul


Proċedura : 2012/2259(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0135/2013
Testi mressqa :
A7-0135/2013
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar sfidi u opportunitajiet attwali għall-enerġija rinnovabbli fis-suq intern Ewropew tal-enerġija

(2012/2259(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunisdra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "L-Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija" u d-dokumenti ta’ ħidma relatati (COM(2012)0271),

–    wara li kkunsidra l-Artikoli 194(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050” (COM(2011)0885),

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE[1],

–    wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-proposta għad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (SEC(2008) 0057),

–    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa[2],

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li [tħassar] id-Direttiva 2003/54/KE[3],

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE[4],

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A6-0135/2013),

A.  billi s-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli (SER) fit-taħlita enerġetika tal-Ewropa qed jikber fiż-żmien qasir, medju u fit-tul u billi s-SER jagħtu kontribut importanti fil-garanzija ta’ enerġija sigura, indipendenti, diversifikata u b’livell baxx ta’ emissjonijiet fl-Ewropa;

B.   billi l-potenzjal tas-SER għall-provvista tal-enerġija mal-Ewropa kollha għadu mhuwiex eżawrit;

C.  billi s-sehem dejjem jikber tas-SER fit-taħlita enerġetika tal-Ewropa jagħmilha essenzjali li l-infrastruttura eżistenti tal-grids u tal-IT tespandi;

D.  billi d-diversifikazzjoni tat-taħlita enerġetika tagħna tiddependi fuq firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli (l-enerġija idroelettrika, ġeotermali, solari, tal-baħar, tar-riħ, pompi tas-sħana, bijomassa, bijokarburanti) li joffru servizzi differenti fil-forma ta’ elettriku, soluzzjonijiet ta’ tisħin u tkessiħ kif ukoll ta’ trasport;

E.   billi l-politika tal-enerġija jeħtiġilha, f’kull waqt, tirrifletti bilanċ bejn il-miri tas-sigurtà tal-provvista, tal-kompetittività u tal-vijabbiltà kummerċjali u ambjentali;

F.   billi l-UE bħalissa tiddependi fuq l-importazzjoni tal-enerġija għal aktar minn nofs il-konsum finali tal-enerġija tagħha;

G.  billi wieħed mill-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni – fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, bħala parti mill-ħolqien tas-suq uniku u bi qbil mal-ħtieġa tal-preservazzjoni u tat-titjib tal-ambjent – huwa li tippromwovi l-iżvilupp ta’ sorsi rinnovabbli tal-enerġija ġodda u eżistenti;

H.  billi l-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija sal-2014 għandu jiffaċilita l-preżenza fis-suq ta’ parteċipanti ġodda u aktar numerużi, inkluż minn għadd dejjem jikber ta’ SMEs li qed jipproduċu l-enerġija rinnovabbli;

I.    billi l-liberalizzazzjoni u l-kompetizzjoni kellhom rwol ċentrali fit-traħħis tal-prezzijiet tal-enerġija għall-konsumaturi kollha tal-UE;

J.    billi, skont it-termini tat-Trattati tal-UE, id-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi tal-enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti tal-enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu hija kompetenza tal-Istati Membri, minkejja li, madankollu, kooperazzjoni u komunikazzjoni mtejba huma essenzjali; billi l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 tal-Kummissjoni jikkonkludi li kwalunkwe xenarju tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa jirrikjedi sehem sostanzjalment ogħla ta’ enerġija rinnovabbli;

K.  billi, skont stimi, l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha li sal-2020 tieħu 20 % tat-taħlita enerġetika tagħha mis-SER;

L.   billi l-produzzjoni tal-enerġija mis-SER f’dawn l-aħħar snin għamlet avvanzi teknoloġiċi, u billi l-Ewropa għandha rwol ewlieni f’dan il-qasam fid-dinja;

M.  billi l-kriżi ekonomika u tad-dejn fl-Ewropa għadha ma ngħelbitx u billi jeħtiġilna nħabbtu wiċċna ma’ sfidi maġġuri f’dak li jirrigwarda l-finanzi pubbliċi u l-kunfidenza tal-investituri; billi l-kriżi għandha tintuża bħala opportunità biex isiru l-investimenti neċessarji f’teknoloġiji nodfa sabiex jiġġeneraw l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku;

N.  billi, fis-swieq liberalizzati tal-enerġija tal-Ewropa, it-tkabbir tal-enerġija rinnovabbli jiddependi mill-investiment mis-settur privat, investiment min-naħa tiegħu jserraħ fuq l-istabbiltà tal-politika tal-enerġija rinnovabbli;

O.  billi l-investituri jeħtieġu ċ-ċertezza u l-kontinwità għall-investimenti tagħhom lil hinn mill-2020;

P.    billi jeħtieġ li l-konsum tal-enerġija jitnaqqas u li tiżdied l-effiċjenza tal-produzzjoni, tat-trażmissjoni u tal-użu tal-enerġija;

Q.  billi teknoloġiji rinnovabbli tat-tisħin u t-tkessiħ għandhom rwol ewlieni fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija;

R.   billi l-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija jirrikonoxxi li l-gass se jkun kritiku fit-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija, billi jipprovdi kemm karga varjabbli kif ukoll karga bażi b’appoġġ għall-enerġija rinnovabbli;

S.   billi l-Kummissjoni Ewropea kkalkolat li kummerċ ottimu fl-enerġiji rinnovabbli jista’ jiffranka sa EUR 8 biljun fis-sena;

T.   billi strumenti legali eżistenti dwar il-ġestjoni tal-foresti stabbilixxew qafas suffiċjenti biex jipprovdu l-prova ta’ sostenibbiltà tal-bijomassa tal-foresti prodotta ġewwa l-Unjoni Ewropea;

Għall-vijabbiltà tal-enerġija rinnovabbli

1.   Jaqbel mal-Kummissjoni li s-SER, flimkien ma’ miżuri ta’ effiċjenza tal-enerġija u infrastruttura flessibbli u intelliġenti, huma l-għażliet ‘bla rimors’ identifikati mill-Kummissjoni, u li fil-futur is-SER se jirrappreżentaw sehem dejjem jikber fil-provvista tal-enerġija fl-Ewropa għall-elettriku, għat-tisħin (li jikkostitwixxi kważi nofs id-domanda totali għall-enerġija fl-UE) u t-tkessiħ u għas-settur tat-trasport, u li sejrin inaqqsu d-dipendenza tal-Ewropa fuq l-enerġija konvenzjonali; iżid li għandhom jiġu stabbiliti miri u stadji intermedji importanti għall-perjodu sal-2050 biex ikun żgurat li s-SER ikollhom futur kredibbli fl-UE; ifakkar li x-xenarji kolha li l-Kummissjoni ppreżentat fil-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija 2050 jassumu li fl-2030 is-sehem tas-SER fit-taħlita enerġetika tal-UE jkun tal-anqas 30 %; jissuġġerixxi, għaldaqstant, li l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tilħaq sehem saħansitra ogħla; jitlob lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-kostijiet u l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta’ mira mandatorja tas-SER madwar l-UE kollha għall-2030, l-effetti b’interazzjoni reċiproka ma’ miri oħra potenzjali dwar il-klima u l-enerġija, b’mod parikolari ma’ mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, kif ukoll l-impatt fuq il-kompetittività tal-industriji tal-UE, inklużi s-setturi industrijali tas-SER;

2.   Jenfasizza li l-enerġiji rinovabbli mhux biss jikkontribwixxu biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u jqawwu l-indipendenza enerġetika tal-Ewropa, iżda joffru wkoll benefiċċji ulterjuri sinifikanti permezz tat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, tal-ġenerazzjoni tal-iskart u tal-użu tal-ilma, kif ukoll ta' riskji ulterjuri inerenti għal forom oħrajn ta' ġenerazzjoni tal-enerġija;

3.   Jenfasizza li provvista tal-enerġija sikura, sigura, ekonomika u ambjentalment sostenibbli hija indispensabbli għall-kompetittività tal-industrija u tal-ekonomija Ewropea; jenfasizza li se jkun jeħtieġ li madwar nofs l-impjanti tal-enerġija fl-UE jiġu sostitwiti fid-deċennju li ġej u li s-sistema tal-provista tal-enerġija jeħtieġ li tiġi mmodernizzata u ssir aktar flessibbli biex takkomoda s-sehem tas-SER, li mistenni jikber; jissottolinja li s-sehem tas-SER fl-elettriku, it-tisħin, it-tkessiħ u t-trasport jeħtieġ li jikber b’mod li jkun kosteffikaċi u li jqis il-benefiċċji u l-kostijiet sħaħ tas-SER, inklużi l-kostijiet tas-sistema, filwaqt li jissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista; jirrikonoxxi li l-kompetittività tat-teknoloġiji tas-SER qed tiżdied u jenfasizza li s-SER u l-industriji relatati ma’ teknoloġiji nodfa huma muturi importanti għat-tkattir tal-kompetittività tal-Ewropa, jirrappreżentaw potenzjal enormi għall-ħolqien tal-impjiegi u jagħtu kontribut importanti għall-iżvilupp ta’ industriji u swieq tal-esportazzjoni ġodda;

4.   Jinnota li l-iżvilupp aktar intensiv tas-SER fl-Istati Membri aktarx li jwassal għal aktar użu tal-bijomassa, li se jirrikjedi t-tfassil ta’ kriterji dettaljati ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa gassuża u solida;

5.   Jirrimarka li, fis-settur tas-SER, il-kontribuzzjoni kurrenti u prevista tal-bijomassa u ta’ riżorsi oħra kontrollabbli tal-enerġija għandhom isiru aktar viżibbli għal partijiet interessati sabiex jitrawwem proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ġust u bbilanċjat;

6.   Jistieden lill-UE biex tiggarantixxi li l-promozzjoni ta’ riżorsi rinnovabbli fil-produzzjoni u l-użu tal-enerġija ma tipperikolax is-sigurtà tal-ikel, il-produzzjoni sostenibbli u ta’ kwalità għolja tal-ikel jew il-kompetittività tal-agrikoltura;

7.   Jinnota li għadd ta’ elementi tas-sistema tal-ikel huma vulnerabbli għal kostijiet ogħla tal-enerġija u li dan jista' jkollu effetti negattivi għall-produtturi u l-konsumaturi;

8.  Jirrikonoxxi li l-potenzjal għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju b’aktar użu tal-bijometan fil-vetturi għal distanzi qosra u fit-tul, b’mod partikolari f’vetturi ta’ strapazz, u l-użu tal-elettriku f’vetturi għal distanzi qosra fil-bliet, huwa sinifikanti;

9.  Huwa konvint li l-irkupru ta’ skart jippreżenta opportunità għal iktar żvilupp tas-SER u għall-ilħiq tal-miri ta’ pjan tal-enerġija Ewropew;

10. Jinnota li xi sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija ġeotermali, jistgħu jipprovdu s-sħana u l-enerġija elettrika lokalment u b’mod kontinwu; huwa tal-opinjoni li dawk is-sorsi lokali ta’ enerġija jqawwu l-indipendenza tal-enerġija, inkluż għal komunitajiet iżolati;

11. Jenfasizza li l-enerġija mill-ilma, fil-forom kollha tagħha, tgħin biex jintlaħaq l-objettiv ta’ provvista ta’ enerġija rinnovabbli fil-ġejjieni, u minbarra li tiġġenera l-enerġija, taqdi għadd ta’ finijiet siewja oħra, fosthom il-prevenzjoni tal-għargħar, u tikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ provvista sikura ta’ ilma tax-xorb; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikattru l-għarfien pubbliku dwar il-benefiċċji diversi tal-enerġija mill-ilma;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu aktar attenzjoni lill-potenzjal mhux sfruttat tas-SER fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, kif ukoll lill-interdipendenzi bejn, minn naħa waħda, aktar użu tal-enerġiji rinnovabbli u l-opportunitajiet li jiriżultaw minnu, u min-naħa l-oħra l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-Effiċjenza Enerġetika u l-Binjiet;

13. Jiġbed l-attenzjoni għall-iffarnkar potenzjali li jista’ jsir jekk fl-iżvilupp tas-SER titqies il-mogħdija tax-xemx miż-żoni tal-ħin differenti tal-Ewropa;

14. Jirrimarka li l-Istati Membri, fi ħdan il-qafas provdut bid-Direttiva 2009/28/KE dwar l-Enerġija Rinnovabbli, attwalment qed jaġixxu indipendentement fil-promozzjoni tas-SER f’oqfsa amministrattivi nazzjonali diverġenti ħafna minn xulxin, u li dan il-fatt qiegħed ikompli jaggrava n-nuqqas ta’ uniformità fl-iżvilupp tagħhom, filwaqt li l-potenzjal għall-iżvilupp tas-sorsi rinnovabbli jvarja minħabba ċirkustanzi tekniċi, mhux tekniċi u naturali, ladarba hemm vantaġġi kompetittivi reġjonali differenti; jirrimarka li suq intern li jiffunzjona sewwa jista’ jikkontribwixxi biex ipatti għall-varjabbiltà tas-SER u għad-distribuzzjoni mhux uniformi ta’ riżorsi naturali; jemmen li l-parti l-kbira taż-żoni jistgħu jikkontribwixxu għall-introduzzjoni wiesgħa tas-SER; jinnota, madankollu, l-ħtieġa li l-investiment fis-SER jiġi inċentivat fejn dawn ikollhom l-akbar potenzjal, biex ikun żgurat użu effiċjenti ta’ finanzjament pubbliku;

15. Jinnota li hemm livelli differenti ta’ aċċettazzjoni pubblika u politika rigward l-enerġija rinnovabbli, bħal ma hemm għall-parti l-kbira tat-tipi l-oħra ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija u ta’ infrastrutturi; jinnota li d-disponibbiltà ta’ finanzjament pubbliku u privati għall-promozzjoni tas-SER tvarja bil-kbir; jenfasizza li aċċess għall-kapital ta’ investiment huwa fattur kruċjali fl-introduzzjoni wiesgħa ulterjuri tal-enerġija rinnovabbli, speċjalment fid-dawl tal-kriżi finanzjarja, li wasslet għal ħafna frammentazzjoni tal-kapital għall-ivestituri; jemmen li fejn hemm imperfezzjonijiet tas-suq jew fejn produtturi jiffaċċjaw opportunitajiet limitati biex jiksbu finanzjament ibbażat fis-suq għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess għal aktar kapitali għas-SER; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, mal-Bank Ewropew tal-Investiment u ma’ istituzzjonijiet nazzjonali, tesplora possibbiltajiet għal strumenti finanzjarji innovattivi għall-finanzjament ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li s-swieq tal-karbonju għandhom jagħtu sehemhom biex jinċentivaw l-investimenti fi proġetti tas-SER;

16. Jinnota li, sal-lum, xi sorsi rinnovabbli huma ekonomikament kompetittivi fis-suq tal-enerġija, filwaqt li teknoloġiji oħra qed inaqqsu d-distakk mal-prezzijiet tas-suq; jaqbel mal-Kummissjoni li jeħtieġ li kull mezz li jkun f’loku u finanzjarjament sostenibbli jintuża biex ibaxxi l-kostijiet ħalli il-kompetittività ekonomika tas-SER tkompli tittejjeb;

17. Jemmen li jeħtieġ li jitneħħew gradwalment sussidji li jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni u wkoll dawk li jappoġġjaw karburanti fossili li jikkawżaw ħsara ambjentali;

L-enerġija rinnovabbli fis-suq intern Ewropew tal-enerġija

18. Jinnota li s-suq intern tal-gass u l-elettriku għandu jiġi kkompletat sal-2014 u se jkun kruċjali għall-integrazzjoni tas-SER u jservi bħala mezz kosteffikaċi ta’ bbilanċjar tal-produzzjoni varjabbli tal-elettriku; jilqa’ r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar rigward l-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija u l-implimentazzjoni tat-tielet pakkett; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-istrumenti kollha disponibbli, inkluż it-tressiq ta’ Stati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex kemm jista’ jkun tħaffef l-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija; jitlob li l-Kummissjoni tittratta konċentrazzjoni tas-suq barra minn lokha fejn din ittellef il-kompetizzjoni; jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu bl-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ interkonnessjonijiet, kif ukoll l-eliminazzjoni ta’ gżejjer u mgħalaq tal-enerġija;

19. Jinnota li, minħabba disparitajiet bejn karatteristiċi tas-swieq nazzjonali, potenzjali differenti u stadji differenti ta’ xejriet u ta’ maturità tat-teknoloġija, attwalment hemm varjetà kbira ta’ skemi differenti għall-promozzjoni tas-SER fi ħdan l-Unjoni; jenfasizza li din il-varjetà tkompli tiggrava l-problemi għas-suq intern tal-enerġija, pereżempju billi toħloq ineffiċjenzi fin-negozju transkonfinali tal-elettriku; jilqa' gwida mill-Kummissjoni dwar riforma ta’ skemi ta’ appoġġ;

20. Jirrimarka li dawk li sejrin igawdu l-aktar meta s-suq intern tal-enerġija jiġi kkompletat se jkunu l-konsumaturi; jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-kompetizzjoni jeħtiġilha testendi wkoll biex tkopri s-sorsi rinnovabbli, meta jsiru maturi u ekonomikament vijabbli, kif ukoll is-sorsi kollha l-oħra tal-enerġija, għaliex hija l-aqwa stimolu għall-progress fl-innovazzjoni u għat-traħħis tal-prezzijiet, u b’hekk tipprevjeni twessigħ tal-faqar enerġetiku; jissottolinja li l-persistenza ta’ prezzijiet regolati fil-livell tal-bejgħ bl-imnut tippreġudika l-kapaċità tal-konsumaturi li jeżerċitaw għażliethom bis-sħiħ;

21. Jinnota li, sal-lum, ftit intużaw il-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni introdotti bid-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, iżda li għadd ta’ skemi ta’ kooperazzjoni qed jiġu ppjanati; jirrimarka li l-Kummissjoni rriżultalha li utilizzazzjoni aħjar tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni eżistenti tista’ tħalli benefiċċji konsiderevoli, pereżempju billi tagħti spinta lill-kummerċ; jilqa’ l-intenzjoni dikjarata tal-Kummissjoni li tfassal linji gwida dwar il-kooperazzjoni fi ħdan l-UE li juru kif il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni għandhom jaħdmu fil-prattika u jesponu l-isfidi involuti flimkien mal-modi kif dawn jingħelbu; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw il-linji gwida tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar is-SER (2009/28/UE) ħalli tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva b’mod korrett u ma tħallix li awtoritajiet pubbliċi jużaw proċeduri ta’ ċertifikazzjoni u liċenzjar b’mod li jfixkel il-kompetizzjoni; jistieden lill-Istati Membri biex sussegwentement jagħmlu użu aħjar mill-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, fejn dan ikun f’loku, u jżidu wkoll il-komunikazzjoni bejniethom;

22. Jilqa’ l-fatt li tjiebu l-metodi ta’ tbassir li jippermettu li l-kapaċità tar-riħ tkun disponibbli fis-swieq għal negozju fl-istess jum, b’tali mod li tista’ ssir integrazzjoni aħjar tal-elettriku minn SER varjabbli; bl-istess mod jilqa’ l-kodiċijiet ġodda tan-netwerk rikjesti mit-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija li bħalissa qed jiġu żviluppati mill-atturi relevanti u li jwasslu għal frekwenza stabilizzata, u b’hekk jikkontribwixxu wkoll għal integrazzjoni aħjar tal-elettriku prodott mis-SER;

23. Jenfasizza li jeħtieġ li arranġamenti adegwati tas-suq jiffaċilitaw l-integrazzjoni progressiva tas-SER, bla dewmien, fis-sistema tal-enerġija u fis-suq intern tal-enerġija Ewropew fl-Istati Membri kollha, u li fit-tul it-tipi differenti ta’ SER, skont il-karatteristiċi u l-kapaċitajiet intrinsiċi tagħhom, jeħtieġ li jaqdu funzjonijiet u kompiti fi ħdan is-sistema li dari kienu jaqduhom sorsi tal-enerġija konvenzjonali; jenfasizza li fl-UE hemm eżempji promettenti ta’ swieq bħal dawn; jitlob, f’dak ir-rigward, li fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni jitqiesu aktar l-effetti sekondarji pożittivi u negattivi u diretti u indiretti tas-SER, partikolarment fir-rigward tal-infrastruttura eżistenti, bħas-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, kif ukoll fir-rigward tal-ambjent, il-bijodiversità u l-konservazzjoni tan-natura; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkattru l-għarfien pubbliku dwar l-effetti potenzjali tat-teknoloġiji diversi tas-SER;

24. Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, abbażi ta’ analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji, l-effetti li se jkollha fuq l-iżvilupp tas-SER il-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti, bħal pereżempju d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jew id-Direttiva dwar l-Għasafar;

Rekwiżiti infrastrutturali

25. Jinnota li, f’ċerti każijiet, sorsi rinnovabbli li jinjettaw l-enerġija fil-grid huma deċentralizzati, imbiegħda, dipendenti fuq it-temp u varjabbli, u b’hekk jeħtieġu infrastruttura differenti minn dik eżistenti, li ġiet żviluppata esklussivament għall-enerġija konvenzjonali; jenfasizza li din il-modernizzazzjoni tal-grid tal-enerġija jeħtiġilha takkomoda t-tibdiliet fit-teknoloġiji ta’produzzjoni, trażmissjoni, distribuzzjoni u bbilanċjar bħala parti mis-sistema kumplessiva tal-enerġija; jissottolinja li xi sorsi tal-enerġija rinnovabbli jistgħu wkoll jibbilanċjaw sorsi tal-enerġija varjabbli u b’hekk itaffu l-ħtieġa għal infrastruttura addizzjonali tal-grid; jenfasizza li l-iżvilupp tal-infrastruttura huwa urġenti u kritiku għas-suċċess tas-suq uniku u għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli; jinnota li l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-infrastruttura tal-enerġija hija kruċjali f’dan ir-rigward, b’mod partikolari biex jitħaffef il-bini ta’ infrastruttura ġdida b’impatt transkonfinali; jenfasizza li l-proċeduri ta’ approvazzjoni għal proġetti ta’ infrastruttura tal-enerġija jeħtieġ li jitħaffu;

26. Jirrimarka li hemm ħafna siti tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli li mhumiex qed jintużaw sal-kapaċità li għaliha huma intiżi, peress li l-grid ma tistax tirċievi l-enerġija ġġenerata b’dan il-mod;

27. Jinnota li, biex is-sigurtà tal-provvista tkun garantita, l-iżvilupp ta’ SER b’kontibuzzjonijiet varjabbli se jirrikjedi bbilanċjar flessibbli tal-varjazzjonijiet kif ukoll appoġġ flessibbli permezz ta' grid Ewropea integrata u interkonnessa li tippermetti n-negozju transkonfinali, sistemi ta’ reazzjoni għad-domanda, ħżin tal-enerġija u impjanti tal-enerġija flessibbli; jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa jekk hemmx kwistjoni ta’ kapaċità fl-UE u tiddetermina l-ammont ta’ kapaċità kostanti li tista’ tiġi pprovduta minn SER varjabbli f’sistema tal-enerġija integrata tal-UE, kif ukoll l-impatt potenzjali tagħha fuq l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni; jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ kapaċità ta’ riserva jġib miegħu kostijiet sostanzjali u jista’ jikkawża tagħwiġ tas-sinjali ta’ prezz; jinnota li hemm ħtieġa dejjem akbar għal qafas politiku stabbli li jipprovdi garanziji ekonomiċi rigward id-disponibbiltà ta’ dawn ir-reservi kif ukoll għal servizzi sistemiċi u ta’ bbilanċjar; jirrifjuta l-kunċett ta’ kompetizzjoni għas-sussidji bejn is-sorsi tal-enerġija u jappella li jitfassal disinn ta’ suq tal-enerġija maħsub apposta għall-objettivi fit-tul tal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima u li jippermetti li t-teknoloġiji tas-SER jiġu integrati fis-suq intern tal-enerġija, iżda jirrikonoxxi li l-għajnuna mill-istat fl-imgħoddi kienet meħtieġa fl-iżvilupp tas-sorsi kollha tal-enerġija;

28. Jenfasizza l-importanza ta’ supergrid u tal-grid lil hinn mill-kosta tal-Baħar tat-Tramuntana għall-introduzzjoni wiesgħa u kosteffikaċi tal-enerġija rinnovabbli; jissottolinja f’dan ir-rigward l-importanza tal-Inizjattiva ta’ Grid lil hinn mill-Kosta tal-Pajjiżi tal-Baħar tat-Tramuntana (NSCOGI), fi żmien meta tħabbru aktar minn 140 GW ta’ proġetti ta’ enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jagħtu spinta addizzjonali lill-NSCOGI;

29. Ifakkar li l-investiment fis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jirrappreżenta aktar min-nofs l-investimenti kollha f’kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni matul l-aħħar għaxar snin u se jkompli jikber; jenfasizza li l-allokazzjoni għas-SER ta’ sehem kbir fit-taħlita enerġetika tqajjem sfidi maġġuri għall-infrastruttura eżistenti tan-netwerk, u li jeħtieġ li jsir investiment biex dawn l-isfidi jingħelbu; jinnota li, f’xi Stati Membri fejn aktar injezzjoni mis-SER ma mxietx id f’id ma’ żvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija, din l-injezzjoni mkabbra tikkostitwixxi sfida għas-sigurtà tal-provvista; jenfasizza li, skont l-ENTSO-E, proporzjoni sinifikanti tal-mgħalaq kollha fil-grids tal-enerġija Ewropej torbot ma’ injezzjonijiet mis-SER; jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati approċċi ġodda biex jegħlbu mgħalaq fil-grids ta’ distribuzzjoni, approċċi li mhux dejjem jinvolvu estensjoni u tisħiħ tal-grid; huwa fiduċjuż li l-benefiċċji ta’ titjib tal-grid Ewropew, ikkawżat ukoll mis-suq uniku tal-elettriku, jistgħu jpattu għall-kostijiet tiegħu billi joffru operat wisq aktar effiċjenti ta-sistema tal-enerġija tal-UE; jistieden lill-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni biex jaġġornaw il-politiki tagħhom ta’ żvilupp tal-grid ħalli jlaħħqu mal-integrazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-SER filwaqt li jżommu s-sigurtà tal-provvista, u biex itejbu l-kooperazzjoni ma’ operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni;

30. Jinnota li ħafna mill-postijiet l-aktar adatti u kompetittivi għas-SER fl-UE huma mbiegħda sewwa miċ-ċentri tal-konsum tal-enerġija, b’tali mod li l-użu ottimu ta’ dawn il-postijiet jista’ jsir biss bl-iżvilupp tas-sistemi u ta’ distribuzzjoni u bit-tisħiħ ta’ interkonnessjonijiet transkonfinali; jinnota wkoll il-vantaġġi ta’ provvista deċentralizzata ta’ enerġija rinnovabbli qrib iċ-ċentri ta’ konsum; jissottolinja li dan jista’ jwassal għal traħħis tal-ispejjeż, inaqqas il-ħtieġa għal estensjoni tal-grid u jevita l-konġestjoni meta tkun implimentata infrsatruttura adegwata; jirrimarka li l-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iżvilupp ta’ għodod adegwati ta’ mmudellar biex tiddefinixxi t-taħlita ottima bejn impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija mbiegħda u fuq skala kbira u installazzjonijiet fil-livell ta’ distribuzzjoni; jenfasizza l-potenzjal ta’ approċċ integrat għas-sistema tal-enerġija li jinvolvi domanda u l-provvista sew tas-sħana u sew tal-elettriku; jinnota wkoll il-potenzjal ta’ produzzjoni lokali tas-SER bħall-mikroġenerazzjoni jew kooperattivi taċ-ċittadini li jinvestu flimkien fil-produzzjoni u l-forniment tal-enerġija rinnovabbli, bħat-tisħin ġeotermali u l-enerġija mix-xemx, kif issemmi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni;

31. Jinnota li insuffiċjenza ta’ kapaċità tan-netwerk u ta’ faċilitajiet ta’ ħżin, flimkien ma’ nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni, jistgħu jkabbru l-flussi transkonfinali mhux koordinati tal-enerġija (flussi ċirkulari) u jistgħu jikkawżaw emerġenzi gravi fi Stati Membri oħra, u b’hekk it-tnaqqis tal-karga jagħmluh dejjem aktar ta’ ħtieġa għall-finijiet tas-sigurtà tal-provvista, jekk l-iżvilupp tas-SER ma jsirx id-f’id mal-ottimizzazzjoni meħtieġa (eż. monitoraġġ tat-temperatura tal-linja) u mal-iżvilupp tal-grid f’dawk l-Istati Membri; huwa mħasseb dwar il-qagħda tal-iżvilupp u tal-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-grid fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri biex jimxu ‘l quddiem bl-akbar ħeffa possibbli bl-iżvilupp ta’ sistemi ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni, u biex jinkoraġġixxu aktar kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni;

32. Jitlob lill-Kummissjoni biex telabora mekkaniżmu ta’ kumpens għal flussi ċirkulari ta’ żmien qasir li jipprovdi lill-Istati Membri affettwati metodoloġija ġusta ta’ qsim ta’ spejjeż sakemm jitlestew l-iżviluppi neċessarji tal-grid u l-akkoppjament tas-swieq ibbażat fuq il-flussi;

33. Jissottolinja l-potenzjal ta’ grids intelliġenti, għodod ta’ ġestjoni mil-lat tad-domanda u u soluzzjonijiet tal-ħżin tal-enerġija, sew biex jiffaċilitaw l-aqwa integrazzjoni possibbli tas-SER-E u sew biex iwittu l-varjazzjonijiet fil-grid; jerġa’ jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal aktar riċerka dwar il-ħżin tal-elettriku u introduzzjoni usa’ ta’ dan il-ħżin, inkluż abbażi ta’ kooperazzjoni ma’ impjanti idroelettriċi b’ħażna ppumpjata; jinnota b’mod partikolari l-ħtieġa għal aktar riċerka dwar opzjonijiet ta’ ħżin b’veloċità varjabbli, li jippermettu sistema aktar flessibbli għall-kontroll tal-veloċità tal-ħżin u b’hekk jiffaċilitaw konnessjonijiet aktar rapidi u kompatibbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jevitaw li jimponu piż ta’ tassazzjoni doppja fuq operaturi tal-ħżin tal-elettriku;

34. Iqis li jeħtieġ li jinħolqu swieq transkonfinali għal servizzi tal-ibbilanċjar tal-elettriku, u li s-sistema Ewropea ta’ trażmissjoni jeħtieġ li tiġi żviluppata malajr biex tiffaċilita l-integrazzjoni transkonfinali tal-enerġija mill-ilma b’ħażna ppumpjata, partikolarment fil-pajjiżi Skandinavi, fl-Alpi u fil-Pirenej;

35. Jenfasizza li l-enerġija mill-ilma jeħtieġ li jkolha rwol ċentrali fl-iżvilupp ippjanat tas-SER, prinċipalment biex tibbilanċja l-produzzjoni fluttwanti tal-enerġija mis-SER imma wkoll, permezz tal-ħażna ppumpjata, bħala metodu għall-ħżin tal-elettriku; jenfasizza, għalhekk, li jeħtieġ li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ta’ żvilupp eżistenti tal-ġenerazzjoni tal-enerġija idroelettrika u tal-ħażna ppumpjata fl-UE;

36. Jirrikonoxxi li l-infrastruttura tal-gass se jkollha rwol importanti fl-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli madwar l-Ewropa; jirrimarka li l-bijogass, bħala enerġija rinnovabbli, jista’ minn issa jiddaħħal, bħala bijometan, fl-infrastruttura eżistenti tal-grid tal-gass u li teknoloġiji ġodda bħalma huma l-produzzjoni tal-idroġenu jew tal-gass bl-elettriku (“power to hydrogen” u “power to gas”) se jkunu ta’ siwi ulterjuri għall-qafas futur ta’ ekonomija b’użu baxx tal-karbonju, billi jużaw infrastrutturi eżistenti u ġodda li għandhom jiġu promossi u żviluppati;

37. Huwa tal-fehma li fil-ġejjieni l-ICT se jikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-provvista u d-domanda fl-enerġija u jagħmel lill-konsumaturi aktar attivi f’dan is-suq; jitlob lill-Kummissjoni biex bla dewmien tressaq proposti, bi qbil mat-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija, għall-iżvilupp, il-promozzjoni u l-istandardizzar ta’ grids u kontaturi intelliġenti tal-elettriku, minħabba li dawn sejrin jippermettu dejjem aktar l-involviment ta’ aktar parteċipanti fis-suq u jagħtu spinta lis-sinerġiji potenzjali fl-introduzzjoni wiesgħa, l-iżvilupp u l-manutenzjoni f’kull parti tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni biex tirfed partikolarment ir-riċerka u l-iżvilupp f’dan is-settur; jenfasizza fost il-fatturi importanti f’dan ir-rigward hemm mhux biss iċ-ċertezza tal-ippjanar min-naħa tal-fornituri, iżda wkoll l-aċċettazzjoni mill-konsumaturi, li għandhom ikunu l-benefiċjarji ewlenin ta’ kontaturi intelliġenti u li drittijiethom rigward il-protezzjoni tad-data jeħtieġ li jkunu żgurati bi qbil mad-direttiva l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-data; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa bir-reqqa l-kostijiet u l-benefiċċji tal-introduzzjoni wiesgħa ta’ kontaturi intelliġenti u l-impatt tagħhom fuq gruppi differenti ta’ konsumaturi; jirrikonoxxi li l-involviment tal-konsumaturi huwa essenzjali għas-suċċess tal-introduzzjoni wiesgħa ta’ kontaturi intelliġenti;

38. Jinnota li s-settur tal-ICT inniffsu, li huwa konsumatur kbir tal-elettriku b’ċentri tad-data fl-UE li jikkunsmaw sa 1.5 % tal-konsum totali tal-elettriku u b’ dejjem aktar kuxjenza fost il-konsumaturi dwar l-impronta tal-karbonju tal-IT u s-servizzi cloud li jużaw, jista’ jsir mudell ta’ mġiba għall-effiċjenza tal-enerġija u l-promozzjoni tas-SER;

39. Jirrimarka li, f’xi reġjuni, speċjalment f'komunitajiet u gżejjer żgħar, l-introduzzjoni wiesgħa ta’ mtieħen tar-riħ u pannelli fotovoltajċi ntlaqgħet b’oppożizzjoni pubblika; jirrimarka li hemm il-perċezzjoni li l-imtieħen tar-riħ u l-pannelli fotovoltajċi għandhom effett ħażin fuq l-industriji tat-turiżmu kif ukoll fuq in-natura u l-forma tal-pajsaġġi tal-kampanja jew tal-gżejjer;

40. Jenfasizza li, fejn iċ-ċittadini huma l-proprjetarji tal-produzzjoni rinnovabbli permezz ta’ kooperattivi jew ta’ mudelli ta’ sjieda komunitarja hemm aktar aċċettazzjoni soċjali, li tnaqqas iż-żmien meħud fil-fażi tal-ippjanar għall-implimentazzjoni u l-promozzjoni ta’ aktar fehim dwar it-tranżizzjoni enerġetika fost il-pubbliku

41. Jenfasizza li l-iżvilupp ulterjuri tas-SER, u l-bini ta’ kwalunkwe faċilità ta’ ġenerazzjoni u infrastruttura tal-enerġija, sejrin ifissru tibdil tal-pajsaġġi fl-Ewropa; jinsisti li jeħtieġ li dan ma jwassalx għal ħsara ambjentali, inkluż f’siti tan-Natura 2000 u f’żoni ta’ pajsaġġi protetti; jirrimarka li l-aċċettazzjoni tal-infrastruttura tas-SER fost il-pubbliku tista’ tintrebaħ permezz ta’ ppjanar trasparenti u koordinat, kif ukoll bi proċeduri ta’ bini u liċenzjar b’konsultazzjoni obbligatorja u f’waqtha, bl-involviment tal-partijiet interessati mill-bidu nett, inkluż fil-livell lokali; jenfasizza li l-parteċipazzjoni ta’ ċittadini u partijiet interessati, bħal fil-każ ta’ kooperattivi, tista’ tgħin fil-ksib ta’ appoġġ min-naħa tal-pubbliku, u l-istess jgħodd għall-komunikazzjoni dwar il-benefiċċji potenzjali għall-ekonomiji lokali;

Il-konsumaturi jingħataw aktar setgħa

42. Jara l-ħtieġa ta’ aktar azzjoni biex tiżdied l-aċċettazzjoni soċjali tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli; jistqarr, fl-istess ħin, li azzjoni effikaċi għal dan il-għan tkun li jiġi stabbilit approċċ olistiku għall-produtturi/konsumaturi – jew “prosumaturi” – li jkunu jistgħu imexxu l-ġestjoni tal-proċess tal-ġenerazzjoni tal-enerġija;

43. Jirrikonoxxi l-importanza tas-SER fuq skala żgħira biex is-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jikber; jirrikonoxxi li l-introduzzjoni wiesgħa ta’ SER fuq skala żgħira jirrappreżenta opportunità biex djar, industriji u komunitajiet uniċi jsiru produtturi tal-enerġija, u b’hekk jiksbu għarfien ta’ modi effiċjenti kif jipproduċu u jikkunsmaw l-enerġija; jenfasizza l-importanza tal-mikroġenerazzjoni għal tkattir tal-effiċjenza tal-enerġija; jenfasizza li l-introduzzjoni wiesgħa tas-SER fuq skala żgħira jista’ jwassal għal iffrankar sostanzjali fil-kontijiet tal-enerġija u għall-ħolqien ta’ mudelli kummerċjali u impjiegi ġodda;

44. Jinnota, f’dan ir-rigward, l-importanza li jinġiebu ‘l quddiem kooperattivi lokali għall-enerġija rinnovabbli biex titqawwa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, tiżdied l-aċċessibbiltà tal-enerġija rinnovabbli u għall-ġenerazzjoni ta’ investimenti finanzjarji;

45. Jenfasizza li tagħqid intelliġenti ta’ SER fuq skala żgħira, faċilitajiet ta’ ħżin, ġestjoni mil-lat tad-domanda u effiċjenza tal-enerġija jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-użu tal-grids lokali waqt il-ħinijiet l-aktar intensivi, u b’hekk inaqqsu l-kostijiet kumplessivi tal-investiment għall-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni;

46. Jinnota li prerekwiżit għall-konsum u l-produzzjoni effiċjenti lokali tal-enerġija, kemm mill-perspettiva tal-prosumatur u kemm minn dik tal-grid ta’ distribuzzjoni, hija l-introduzzjoni wiesgħa ta’ kontaturi intelliġenti tal-elettriku, u b’mod aktar ġenerali, grids intelliġenti;

47. Jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni li se toħroġ komunikazzjoni dwar it-teknoloġiji tal-enerġija u l-innovazzjoni li tiffoka fuq il-mikroġenerazzjoni;

48. Iqis li l-politika reġjonali tal-UE għandha rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll tal-effiċjenza tal-enerġija fuq skala Ewropea, u wkoll fil-qasam tas-servizzi tal-elettriku u tas-servizzi tat-trasport tal-enerġija; jilqa' l-fatt li l-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni u tal-politika reġjonali, maħsub biex jinkoraġġixxi l-enerġija rinnovabbli, kompla jikber pass pass bil-għan li s-SER jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-miri tal-politika tal-UE dwar l-enerġija u li l-għanijiet tal-UE dwar l-enerġija jiġu implimentati fl-UE kollha kemm hi; jikkunsidra partikolarment importanti li l-mira tal-politika Ewropea tkun tali li tippermetti li r-rata ta’ finanzjament tkun suffiċjenti fil-perjodu li jmiss 2014-2020;

49. Jappoġġja governanza b’diversi livelli u approċċ deċentralizzat lejn il-politika tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, li għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, il-Patt tas-Sindki u żvilupp ulterjuri tal-inizjattiva Bliet Intelliġenti, kif ukoll il-promozzjoni tal-aqwa soluzzjonijiet fil-livell reġjonali u lokali permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni;

50. Jirrimarka li ż-żoni agrikoli u rurali għandhom il-potenzjal li jipprovdu proporzjon sinifikanti tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u għaldaqstant huwa tal-fehma li l-politika l-ġdida dwar l-agrikultura u l-iżvilupp rurali għandha tippromwovi l-produzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli;

51. Jirrikonoxxi l-importanza tal-promozzjoni u t-tħeġġiġ tal-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija alternattiva fl-azjendi agrikoli stess, speċjalment fuq skala żgħira, u tat-tixrid tal-metodi relevanti fost il-bdiewa kif ukoll fost il-konsumaturi;

52. Jenfasizza l-kontribut li l-kooperazzjoni fost il-bdiewa tista’ tagħti għal eżitu ta’ suċċess għall-politika tal-promozzjoni tar-riżorsi rinnovabbli;

53. Jitlob li l-Bank Ewropew tal-Investiment joħloq fondi rikorrenti, permezz ta’ intermedjarji finanzjarji, biex jipprovdu l-kapital ta’ stabbiliment meħtieġ u l-appoġġ tekniku għal skemi fuq skala żgħira u mikro bbażati fuq azjendi agrikoli u li jkunu proprjetà komunitarja għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u t-tisħin minn sorsi rinnovabbli, li l-profitti minnhom ikunu jistgħu jerġgħu jiġu investiti fi skemi addizzjonali;

Kooperazzjoni u kummerċ internazzjonali

54. Ifakkar li d-defiċit kummerċjali tal-UE kkawżat mill-importazzjoni ta' karburanti fossili mistenni jiżdied fis-snin li ġejjin, u li d-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-karburanti fossili tinvolvi riskji politiċi, ekonomiċi u ambjentali dejjem akbar; jissottolinja, f'dan ir-rigward, ir-rwol tas-sorsi nazzjonali tal-enerġija rinnovabbli f'termini ta' sigurtà tal-provvista u ta' treġġigħ ta' bilanċ kummerċjali pożittiv mal-pajjiżi esportaturi taż-żejt u tal-gass, u għaldaqstant jisħaq fuq il-fatt li dawn is-sorsi għandu jkollhom rwol akbar fl-ilħiq tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE;

55. Jirrikonoxxi li s-swieq dinjija tas-SER qed jikbru, u li dan se jkollu effetti pożittivi fuq l-industrija, il-ħolqien tal-impjiegi u l-prezzijiet Ewropaj, kif ukoll fuq l-iżvilupp ulterjuri tat-teknoloġiji eżistenti u ġodda madwar id-dinja u fl-UE, dment li l-qafas politiku u regolatorju tal-UE dwar is-SER jibqa’ prevedibbli u jgħin lin-negozji ekoloġikament nodfa jżommu l-vantaġġ kompetittiv tagħhom u jibqgħu minn ta’ quddiem fil-konfront tal-kontrapartijiet tagħhom madwar id-dinja; jirrikonoxxi li l-pajjiżi li mhumiex fl-OECD huma sħab kummerċjali importanti minħabba l-potenzjal kbir tagħhom rigward is-SER;

56. Jenfasizza li tagħwiġ illeċitu tal-kompetizzjoni fis-suq mhuwiex aċċettabbli, minħabba li biss il-kompetizzjoni ġusta tista’ tiggarantixxi lill-UE livell raġonevoli ta’ prezzijiet għat-teknoloġiji tas-SER; jitlob lill-Kummissjoni biex, mill-aktar fis possibbli, tikkonkludi proċedimenti li jinsabu għaddejjin dwar prattiki inġusti; jenfasizza li swieq dinjija ħielsa u miftuħa joffru l-aqwa kundizzjonijiet għat-tkabbir tas-SER; jissottolinja li jeħtieġ li jsir aktar xogħol biex jitwarrbu l-ostakoli għall-kummerċ; jitlob lill-Kummissjoni biex ma tqajjem l-ebda ostakolu ġdid għall-kummerċ fuq prodotti finali jew fuq komponenti tat-teknokloġiji li jintużaw fis-SER; jitlob li l-Kummissjoni tieħu azzjoni ta’ rimedju rigward ostakoli għall-kummerċ, tissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta, tgħin lill-kumpaniji tal-UE biex jaċċedu għal swieq barra mill-UE u tittratta allegazzjonijiet ta’ tagħwiġ tal-kummerċ, inkluż rigward għajnuniet mill-Istat illegali;

57. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissorvelja attivament l-użu mhux ġustifikat ta’ ostakoli mhux tariffarji (ONT), ta’ sussidji u ta’ miżuri ta' dumping min-naħa tas-sħab kummerċjali tal-UE f'dan il-qasam;

58. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu nota tal-Ftehim dwar it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni tad-WTO u tinvestiga l-possibilitajiet li jinbeda Ftehim ta' Kummerċ Ħieles fit-Teknoloġijia Ambjentali, li jistabbilixxi kummerċ bla tariffi għal prodotti tat-teknoloġija ambjentali;

59. Jenfasizza li din l-istrateġija għandha tinkoraġġixxi wkoll il-faċilitazzjoni tal-kummerċ bil-għan li ssostni l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'dan il-qasam partikolari u li tippermetti l-użu tal-enerġiji rinnovabbli bħala kommoditajiet kummerċjali;

60. Jenfasizza li l-kummerċ għandu rwol importanti fl-iżgurar li l-enerġija rinnovabbli tkun prodotta u ffinanzjata b'mod sostenibbli; ifakkar li l-bijoenerġija u l-agrokarburanti għandhom jirrispettaw il-kriterji ta' sostenibilità tal-UE, u li dawn tal-aħħar jeħtieġ li jiġu definiti b'mod ċar; għal dan il-għan, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintroduċi l-użu indirett tal-artijiet bħala kriterju supplementari; jirrakkomanda li l-ftehimiet kummerċjali għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jittrattaw il-problemi ta' deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u għandhom jagħtu inċentiv għall-ġestjoni tajba tar-riżorsi tal-art u tal-ilma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tinnegozja ftehimiet volontarji ta' sħubija (VPAs) mal-pajjiżi terzi relevanti ħalli l-qtugħ illegali tas-siġar jiġi pprojbit;

61. Jissottolinja l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni aktar stretta rigward il-politika tal-enerġija, inkluż fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, mal-pajjiżi ġirien tal-UE, u l-ħtieġa li l-potenzjal ta’ kummerċ tal-enerġija rinnovabbli jiġi sfruttat b’aktar effikaċja; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ infrastruttura adegwata li tiffaċilita l-kooperazzjoni, sew fi ħdan l-UE kif ukoll mal-pajjiżi ġirien; jenfasizza li l-kooperazzjoni fuq l-enerġiji rinnovabbli għandha tinkorpora l-objettivi relevanti tal-politiki tal-UE; jenfasizza li, b’mod partikolari fir-reġjun Mediterranju, hemm potenzjal kkbir għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mis-SER; jissottolinja l-potenzjal ta’ proġetti mhux nazzjonali bħal Desertec, Medgrid u Helios, kif ukoll ta’ aktar żvilupp tal-enerġija mill-ilma fin-Norveġja u fl-Isvizzera, inkluż il-potenzjal tagħha għal finijiet ta’ bbilanċjar; jissottolinja wkoll il-valur miżjud lokali sinifikanti ta’ proġetti kbar tas-SER bħal dawn;

62. Jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali jeħtieġ li tissejjes fuq qafas regolatorju sod u fuq l-acquis tal-Unjoni dwar is-sorsi rinnovabbli, bħal fil-Komunità tal-Enerġija, biex l-istabbiltà u l-affidabbiltà ta’ din il-kooperazzjoni jikbru;

63. Jitlob li tittieħed azzjoni koordinata ma’ mexxejja teknoloġiċi oħra (l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ġappun) biex tittratta sfidi emerġenti, bħan-nuqqas ta’ materji primi, l-elementi terrestri rari, li jaffettwaw l-introduzzjoni wiesgħa tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli;

64. Jenfasizza l-bżonn li l-UE tiżviluppa kooperazzjoni xjentifika stretta u politika ċara għall-kollaborazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tas-SER ma’ sħab internazzjonali, b’mod partikolari mal-pajjiżi BRICS;

Innovazzjoni, riċerka u żvilupp u politika industrijali

65. Jinnota li l-Ewropa jeħtiġilha tagħmel sforzi fil-kapaċità industrijali u ta’ riċerka u żvilupp tagħha jekk trid tibqa’ minn ta’ quddiem f’dak li jirrigwarda t-teknoloġija tas-SER; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat ambjent kompetittiv għall-operazzonijiet u l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs u li, f’dawn l-isforzi, issir ħidma biex jitnaqqsu l-ostakli burokratiċi; jenfasizza li r-rwol mexxej tal-Ewropa fis-swieq tat-teknoloġiji tas-SER jista’ jkun żgurat biss bl-innovazzjoni, imsejsa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ ċertezza għall-investituri privati; jitlob li l-Kummissjoni trawwem strateġija industrijali għat-teknoloġiji tal-enerġija, inkluż b’mod partikolari t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, biex tiżgura li l-UE żżomm il-pożizzjoni ewlenija tagħha fit-teknoloġiji tal-enerġija u partikolarment fil-qasam ta’ dik rinnovabbli;

66. Jissottolinja r-rwol mexxej tal-industrija tal-UE fit-teknoloġiji tal-enerġija mir-riħ fuq l-art u l-potenzjal kbir tal-industrija Ewropea tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta biex jikkontribwixxu għar-reindustrijalizzazzjoni tal-Istati Membri li jagħtu fuq il-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana;

67. Jenfasizza li istituzzjonijiet edukattivi li jistgħu jipproduċu ħaddiema ta’ ħila u l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ xjenzati u innovaturi fl-oqsma tat-teknoloġiji tas-SER jikkostitwixxu prijorità ewlenija; ifakkar, f’dan ir-rigward, ir-rwol importanti ta’ Orizzont 2020 u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija biex jegħlbu d-distakk bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-implimentazzjoni fis-settur tal-enerġija rinnovabbli;

68. Jagħti importanza partikolari lill-kooperazzjoni bejn il-mekkaniżmi Ewropej tal-protezzjoni tal-privattivi fil-qasam tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, bl-għan li jiffaċilita l-aċċess għal proprjetà intellettwali prezzjuża u mhux sfruttata; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi attivata, bi prijorità, il-privattiva Ewropea proġettata fil-qasam tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

69. Jemmen li riċerka u żvilupp immirati permezz ta’ strumenti eżistenti jeħtieġ li jsiru aktar effikaċi u huwa mħasseb li r-riċerka u l-iżvilupp ġew ittraskurati f’ċerti fergħat tal-industrija tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b’mod li, f’xi każijiet, wassal għal diffikultajiet kummerċjali; jissottolinja l-ħtieġa ta' investimenti fl-iżvilupp ulterjuri ta’ teknoloġiji innovattivi, emerġenti u eżistenti kif ukoll integrazzjoni tas-sistema bejn it-trasport u l-enerġija għaż-żamma jew l-ilħiq tal-kompetittività u għall-iżgurar li t-teknoloġiji eżistenti jibqgħu sostenibbli tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta’ investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp fl-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari fil-qasam tal-kapaċità, l-effiċjenzja u t-tnaqqis tal-impronta dimensjonali;

70. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jinvestu f’riċerka msejsa fuq l-użu tal-enerġija rinnovabbli b’applikazzjonijiet industrijali, pereżempju fis-settur tal-karozzi;

71. Jilqa’ t-tħabbira li l-Kummissjoni sejra tippreżenta komunikazzjoni dwar il-politika tat-teknoloġiji tal-enerġija fl-2013; jitlob li l-Kummissjoni, hija u timplimenta l-partijiet relevanti tal-Pjan Strateġiku dwar it-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET), tiffoka fuq teknoloġiji li jtejbu l-kompetittività tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema tal-enerġija, bħall-ġestjoni tal-grid, teknoloġiji tal-ħżin jew it-tisħin u t-tkessiħ rinnovabbli, filwaqt li ma tiddiskriminax kontra teknoloġiji stabbiliti tas-SER li ilhom jintużaw bosta snin;

72. Jissottolinja li r-riċerka hija ta’ importanza ewlenija għall-iżvilupp u l-ekonomiċità ta’ teknoloġiji ġodda u nodfa; jemmen li l-Pjan SET jista’ jagħti kontributi importanti biex it-teknoloġiji rinnovabbli jsiru aktar ekonomiċi u kompetittivi;

Qafas Ewropew għall-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli

73. Jenfasizza li l-Istati Membri llum jużaw firxa wiesgħa ta’ mekkaniżmi ta’ promozzjoni; jirrimarka li dan is-sostenn wassal għal tkabbir tajjeb, b’mod partikolari meta l-iskemi ta’ appoġġ kienu mfassla sewwa, iżda li xi sistemi ta’ promozzjoni tfasslu ħażin u rriżulta li ma kinux flessibli biżżejjed biex jaġġustaw għat-traħħis tal-kostijiet ta’ xi teknoloġiji u, f’xi każijiet, ikkawżaw kumpens żejjed, u b’hekk imponew piż finanzjarju fuq il-konsumaturi bla ma dawn tal-aħħar qatt kellhom xi għażla dwar dan; jinnota b’sodisfazzjon li, bis-saħħa tas-sussidji, xi SER irnexxielhom isiru kompetittivi fil-konfront ta’ metodi tradizzjonali tal-produzzjoni tal-enerġija f’ċerti oqsma, pereżempju fejn il-kundizzjonijiet ġeografiċi jivvantaġġjawhom, fejn hemm aċċess tajjeb għall-kapital, fejn il-piż amministrattiv huwa l-eħfef jew inkella minħabba l-ekonomiji ta’ skala;

74. Jenfasizza li l-influwenza statali u fatturi oħra, inklużi l-prezzijiet tal-karburanti fossili, kellhom l-effett li għollew il-prezz tal-elettriku għall-konsumaturi u għall-industrija f’xi Stati Membri; jirrimarka li, fl-2010, 22 % tal-familji tal-UE kienu inkwetati li mhux se jirnexxilhom iħallsu l-kontijiet tal-elettriku tagħhom, u jassumi li, minn dakinhar ‘l hawn, dan il-perċentwal kompla kiber; jenfasizza li l-enerġija għandha tkun għall-but ta’ kulħadd, u li jeħtieġ li l-kompetittività tal-industrija tibqa’ bla mittiefsa; jitlob li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-klijenti bi dħul baxx ikunu protetti b’mod effikaċi, filwaqt li jkabbru l-għarfien tal-pubbliku dwar il-potenzjal ta’ miżuri tal-iffrankar u l-effiċjenza tal-enerġija; jirrimarka wkoll li jeħteġ li l-konsumaturi jibbenefikaw mit-traħħis tal-prezzijiet bl-ingrossa;

75. Iwissi li jekk is-sostenn jingħata f’livell għoli wisq, ikollu l-effett li jingħata kumpens żejjed u b’hekk ikarkar il-pass tal-progress teknoloġiku u jtellef l-integrazzjoni tas-suq, minħabba li jbaxxi l-inċentiv biex dak li kun jiżviluppa prodotti aktar innovattivi u ta’ valur ogħla; jinnota li d-disinn intelliġenti ta’ mekkaniżmi ta’ sostenn li jippermettu reazzjonijiet għas-sinjali tas-suq huwa kruċjali biex nevitaw il-kumpens żejjed; jemmen li progress rapidu lejn sistema li tesponi lill-produtturi għar-riskji tas-suq jinkoraġġixxi l-kompetittività teknoloġika u jiffaċilita l-isntegrazzjoni fis-suq;

76. Huwa konvint li l-Kummissjoni għandha tappoġġja lill-Istati Membri biex jidentifikaw l-aktar SER kosteffikaċi u l-aqwa mod ta’ kif is-SER iwettqu l-potenzjal tagħhom; ifakkar li politiki kostottimali jvarjaw skont ix-xejra tad-domanda, il-potenzjal tal-provvista u l-kuntest ekonomiku fil-livell lokali;

77. Jilqa’ l-intenzjoni dikjarata tal-Kummissjoni li tfassal linji gwida dwar prattiki tajba u dwar riforma tal-mekkaniżmi nazzjonali għall-appoġġ tas-SER; jitlob li l-Kummissjoni tipproduċi dawn il-linji gwida mill-aktar fis possibbli biex tiżgura li l-iskemi nazzjonali differenti ma jgħawġux il-kompetizzjoni u ma joħolqux ostakli għall-kummerċ u l-investiment fi ħdanl-UE, biex jinkoraġġixxu l-prevedibbiltà u l-kosteffikaċja u jevitaw is-sussidji żejda; iħeġġeġ lll-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex tiżgura li l-Istati Membri jħarsu bis-sħiħ l-acquis tas-suq intern; huwa konvint li linji gwida ta’ prattika tajba huma pass importanti fl-iżgurar ta’ suq uniku li jiffunzjona sewwa, u jemmen li l-linji gwida jistgħu jiġu ssupplimentati b’evalwazzjoni tal-kosteffikaċja tas-sistemi nazzjonali attwali ta’ appoġġ, li tqis it-teknoloġiji differenti li dawn ikorpu biex tiżgura aktar komparabbiltà u koordinament għall-konverġenza gradwali u progressiva tas-sistemi nazzjonali ta’ appoġġ; huwa konvint ukoll li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida fil-livell tal-Istati Membri sejra tkun kruċjali, minħabba li jistgħu jevitaw li sistemi nazzjonali ta’ appoġġ jiġu emendati jew imħassra retrospettivament, ħaġa li lill-investituri kieku tibgħatilhom sinjali disastrużi, kif ukoll potenzjalment tikkawża diffikultajiet ekonomiċi liċ-ċittadini privati li jkunu investew fis-SER fuq il-bażi ta’ dawn l-iskemi; jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida għandha tkun żgurata mill-Istati Membri, u li arranġamenti ta’ appoġġ speċjali għall-iżvilupp ta’ riżorsi lokali u reġjonali għandhom ikunu permessi;

78. Iqis li huwa essenzjali, fid-dawl tal-eżistenza ta’ diversi arranġamenti ta’ appoġġ implimentati fl-Istati Membri, li jinġieb ‘il quddiem id-dibattitu dwar aktar konverġenza u sistema Ewropea ta’ appoġġ adegwata għaż-żmien wara l-2020; huwa konvint li, fit-tul, sistema aktar integrata għall-promozzjoni tas-SER fil-livell tal-UE, li tqis bis-sħiħ id-differenzi reġjonali u ġeografiċi kif ukoll l-inizjattivi sovranazzjonali eżistenti, u tkun parti minn sforz ġenerali lejn id-dekarbonizzazzjoni, tista’ tgħin biex tipprovdi l-aktar qafas kosteffikaċi għall-enerġija rinnovabbli flimkien ma’ kundizzjonijiet ekwi, li fihom is-SER jistgħu jwettqu l-potenzjal sħiħ tagħhom; jinnota li d-Direttiva dwar l-nerġija Rinnovabbli eżistenti tippermetti li l-gvernijiet jużaw skemi ta’ appoġġ konġunt; jinnota l-evidenza tal-esperjenza f’ċerti pajjiżi Ewropej li turi kif approċċ komuni f’suq integrat tal-elettriku jippermetti innovazzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku bejn is-sistemi nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni biex tivvaluta, fil-kuntest ta’ qafas għal wara l-2020, jekk mekkaniżmu Ewropew ta’ promozzjoni tas-SER joffrix qafas aktar kosteffikaċi li fih jistgħu jwettqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, u kif tista’ taħdem konverġenza progressiva;

79. Jenfasizza l-benefiċċju tal-iskambji tal-aqwa prattiki dwar mekkaniżmi ta’ appoġġ fost l-Istati Membri; jirrimarka li r-Renju Unit u l-Italja reċentement ħabbru bidla fl-iskema ta’ appoġġ tagħhom minn sistema ta’ kwoti għal waħda ta’ injezzjoni, minħabba li l-evidenza minn postijiet ġeografiċi simili tissuġġerixxi li mudelli ta’ sostenn ibbażati fuq l-injezzjoni huma orħos; jitlob li l-Kummissjoni tinkludi dawn l-aspetti fl-analiżi kurrenti tagħha[5]u fil-proposta li għandha toħroġ dwar linji gwida;

80. Jipproponi li jinbena fuq inizjattivi bħalma hija l-iskema ta’ appoġġ konġunt implimentata min-Norveġja u l-Isvezja biex pass pass jiġu żviluppati, fejn dan ikun f’loku, skemi reġjonali ta’ appoġġ konġunt, madwar swieq komuni tal-enerġija bħal Nord Pool;

81. Jistieden lill-awtorità baġitarja biex tagħti lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) l-għodda meħtieġa ħalli twettaq il-kompiti tagħha u tilħaq l-għanijiet tagħha stipulati fir-regolament dwar l-integrità, it-trasparenza u l-effiċjenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa; jinnota li dan huwa meħtieġ sabiex suq intern integrat u trasparenti tal-elettriku u tal-gass jiġi kkompletat sal-2014;

82. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L140, 5.6.2009, p. 16.
  • [2]  ĠU L326, 8.12.2011, p. 1.
  • [3]  ĠU L211, 14.8.2009, p. 55
  • [4]  ĠU L211, 14.8.2009, p. 94.
  • [5]     COM (2012)0271 u d-dokumenti ta’ akkumpanjament; SEC(2008)57; IEE Studies Reshaping (Quo(ta) vadis, Europe?.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI (11.3.2013)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-Isfidi u Opportunitajiet Attwali għall-Enerġija Rinnovabbli fis-Suq Intern Ewropew tal-Enerġija
(2012/2259(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Yannick Jadot

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-politika tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli kienet ta' benefiċċju għall-ekonomija tagħha u kkontribwiet għall-ħolqien ta' aktar minn 500 000 impjieg fuq skala nazzjonali[1]; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli ssegwi approċċ ambizzjuż iżda wkoll strutturat u li jħares 'il quddiem fir-rigward tal-enerġiji rinnovabbli li jinkludi mekkaniżmi ta' sostenn iffinanzjati fuq bażi sostenibbli u li jkunu adattabbli u idonei għall-maturità tat-teknoloġiji, miżuri intiżi li jagħtu spinta lill-innovazzjoni teknoloġika, l-integrazzjoni ta' enerġiji rinnovabbli fis-suq enerġetiku u fit-taħlita enerġetika, il-kapaċità ta' trażmissjoni neċessarja, u l-identifikazzjoni ta' oqsma strateġiċi ġodda; jenfasizza li din l-istrateġija għandha taġevola wkoll il-kummerċ bil-għan li ssostni l-isforzi tal-pajjiżi f'fażi ta' żvilupp f'dan il-qasam partikolari u li tippermetti l-użu tal-enerġiji rinnovabbli bħala prodotti kummerċjali;

2.  Jenfasizza li s-sostenn tal-UE favur l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli għandu jsir fl-ambitu ta' politika industrijali komuni ambizzjuża, li tkopri l-fażijiet varji kollha, mir-riċerka u l-iżvilupp sal-finanzjament, fid-dawl tal-fatt li dan huwa meħtieġ biex ir-rwol ta' tmexxija tal-UE jiġi żgurat f'dan is-settur;

3.  Josserva li r-rwol ta' tmexxija li kellha l-UE fit-teknoloġija tal-enerġiji rinnovabbli attwalment qiegħed jitherra, anki minħabba l-użu ta' prattiki kummerċjali żleali min-naħa ta' ċerti ekonomiji emerġenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tuża b'mod strateġiku, rapidu u effiċjenti l-istrumenti ta' difiża kummerċjali u tal-mekkaniżmu tad-WTO għas-soluzzjoni tat-tilwim ħalli tikkontrobatti dan it-tip ta' prassi illegali, f'kollaborazzjoni stretta mal-kumpaniji milquta minn tali prassi;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja attivament l-użu inġustifikat tal-ostakli nontariffarji (ONT), tas-sussidji u tal-miżuri ta' dumping min-naħa tas-sħab kummerċjali tal-UE f'dan is-settur;

5.  Ifakkar is-sostenn tal-Kummissjoni favur id-dimensjoni lokali tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli; jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-bosta benefiċċji li ġġib il-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija, fosthom l-użu tas-sorsi enerġetiċi lokali filwaqt li jitrawmu l-iżvilupp u l-koeżjoni fil-komunità billi jiġu ġġenerati għejun ta' introjtu u jinħolqu l-impjiegi f'livell lokali filwaqt li titnaqqas id-dipendenza ta' ċerti reġjuni tal-UE fuq fornituri tal-enerġija ta' pajjiżi terzi; jisħaq fuq il-fatt li jekk irridu li l-potenzjal tal-enerġiji rinnovabbli jiġi rilaxxat kompletament, huwa importanti li jiġu fornuti inċentivi, sakemm ikunu ekonomikament fattibbli, għall-użu tar-riżorsi lokali, u l-akkwist pubbliku jista', fejn neċessarju, jiżvolġi rwol importanti f'dan ir-rigward;

6.  Jenfasizza li l-kummerċ għandu rwol importanti huwa u jaċċerta li l-enerġija rinnovabbli tkun prodotta u ffinanzjata b'mod sostenibbli; ifakkar li l-bijoenerġija u l-agrokarburanti għandhom jirrispettaw l-kriterji ta' sostenibilità tal-UE u li dawn tal-aħħar jeħtieġ li jiġu definiti b'mod ċar; għal dan il-għan, jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tintroduċi l-użu indirett tal-art bħala kriterju supplementari; jirrakkomanda li l-ftehimiet kummerċjali għandhom ikun fihom dispożizzjonijiet li jittrattaw il-problemi ta' deforestazzjoni u degrad forestali u li jagħtu inċentiv għall-ġestjoni tajba tar-riżorsi tal-art u tal-ilma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tinnegozja ftehimiet volontarji ta' sħubija mal-pajjiżi terzi relevanti fil-qasam tal-projbizzjoni tal-qtugħ illegali tas-siġar;

7.  Ifakkar li d-defiċit kummerċjali tal-UE kkawżat mill-importazzjoni ta' karburanti fossili huwa ddestinat li jiżdied fis-snin li ġejjin, u li d-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-karburanti fossili tinvolvi riskji politiċi, ekonomiċi u ambjentali dejjem ogħla; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-enerġija rinnovabbli nazzjonali f'termini ta' sigurtà tal-provvista u ta' reinstallazzjoni ta' bilanċ kummerċjali pożittiv mal-pajjiżi esportaturi ta' żejt u ta' gass, u jisħaq fuq il-fatt, għalhekk, li dawn għandhom jiżvolġu rwol akbar bil-għan li tinkiseb is-sigurtà enerġetika tal-UE;

8.  Jilqa' pożittivament il-pilastru dwar il-kooperazzjoni internazzjonali; jirrikonoxxi l-potenzjal irrappreżentat mill-pajjiżi tal-viċinat u speċjalment il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran f'termini ta' produzzjoni u ta' enerġija rinnovabbli; jemmen li ż-żoni ta' kummerċ ħieles approfonditi u komprensivi (DCFTAs) proposti mill-UE jafu jkunu mezz utli biex jintegraw lill-pajjiżi ta' dan ir-reġjun fis-suq enerġetiku tal-Unjoni u biex isir investiment fl-iżvilupp teknoloġiku tagħhom b'tali mod li jkun ta' vantaġġ għas-sostenibilità tal-ekonomiji tagħhom, abbażi ta' kooperazzjoni awtentika;

9.  Jenfasizza li l-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, għandhom jintegraw fil-ftehimiet konklużi mal-pajjiżi terzi fis-settur kummerċjali u tal-enerġija l-objettivi segwiti mill-politika Ewropea fil-qasam tal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli;

10. Jemmen li jkun xieraq li jiġu kkunsidrati l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u l-kummerċ mal-pajjiżi terzi bil-għan li jsir użu aħjar tal-potenzjal tal-enerġiji rinnovabbli, u li dan se jinvolvi valutazzjoni tar-rekwiżiti li jikkonċernaw l-infrastrutturi, biex jiġi garantit il-funzjonament sigur u effiċjenti tas-sistemi nazzjonali tal-elettriku, kif ukoll tal-ispejjeż għall-pajjiżi ta' tranżitu;

11. Jargumenta li l-objettiv biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tal-politika enerġetika, kemm fl-UE, kif ukoll fil-pajjiżi ġirien, jeħtieġ imur id f'id mal-iżvilupp neċessarju tal-infrastrutturi enerġetiċi;

12. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kummerċ ġust u ħieles li jaħdem jista' jgħin biex jiddaħħlu b'mod aktar malajr u rħis sorsi enerġetiċi rinnovabbli u teknoloġiji li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota tal-Ftehim dwar it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni tad-WTO u tinvestiga l-possibilitajiet biex tagħti bidu għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles fil-qasam tat-teknoloġijia ambjentali, li jistabbilixxi kummerċ eżenti mid-dazji għall-prodotti tat-teknoloġija ambjentali;

14. Ifakkar il-ftehim tal-G20 għall-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji għall-karburanti fossili; jistieden lill-Kummissjoni tressaq malajr proposti għal kalendarju għall-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji kollha għall-karburanti fossili, konċessi mill-istituzzjonijiet bħall-aġenziji ta' kreditu għall-esportazzjonijiet, li jirċievu sostenn pubbliku mill-UE jew mill-Istati Membri;

15. Jinkoraġġixxi lill-Kummisjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tilħaq ftehim dwar protokoll ta' wara Kjoto li jistabbilixxi aktar kundizzjonijiet ta' parità fuq livell internazzjonali għall-industrija tal-manifattura Ewropea;

16. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jqisu l-effetti negattivi ta' deindustrijalizzazzjoni ulterjuri tal-UE u tar-rilokalizzazzjoni ta' produzzjoni b'intensità qawwija ta' CO2 lejn pajjiżi terzi fil-fażi ta' tfassil tal-leġiżlazzjoni futura, b'mod partikolari, fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 fl-UE;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.2.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Nora Berra, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, George Sabin Cutaş, Marielle de Sarnez, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Henri Weber, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Catherine Bearder, Syed Kamall, Jörg Leichtfried, Tokia Saïfi

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig

  • [1]  Eurostat, 2010

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TAL-IKEL (25.2.2013)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar sfidi u opportunitajiet attwali għall-enerġija rinnovabbli fis-suq intern Ewropew tal-enerġija
(2012/2259(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Zofija Mazej Kukovič

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-enerġiji rinovabbli mhux biss jikkontribwixxu biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u jżidu l-indipendenza enerġetika tal-Ewropa iżda joffru wkoll benefiċċji ulterjuri sinifikanti permezz tat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, tal-ġenerazzjoni tal-iskart u tal-użu tal-ilma, kif ukoll ta' riskji ulterjuri inerenti għal forom oħrajn ta' ġenerazzjoni tal-enerġija;

2.  Jilqa' l-fatt li l-enerġija rinnovabbli qed tiġi żviluppata fl-Istati Membri bil-għan li jilħqu l-objettivi tagħhom għall-2020, iffissati bid-Direttiva tal-UE dwar l-Enerġija Rinnovabbli, u biex isaħħu l-kompetittività tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi objettiv ambizzjuż u vinkolanti tal-UE għall-2030 għall-enerġija rinnovabbli sabiex jiġu żgurati kontinwità u stabbilità;

3.  Jirrimarka li l-objettivi vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli għall-2020 ħeġġew l-adozzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-UE u ħolqu klima ta’ investiment stabbli, u b’hekk taw vantaġġ kompetittiv lill-UE fl-enerġija rinnovabbli, u dan se jikkontribwixxi bil-qawwa għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi;

4.  Jirrimarka li l-politika tal-UE dwar l-enerġija trid tkun iffukata fuq l-iżvilupp, l-użu u t-tixrid tal-enerġija rinnovabbli, u li jinħtieġu objettivi tal-enerġija rinnovabbli aktar ambizzjużi għall-Istati Membri għall-2030 u lil hinn sabiex tinkiseb ekonomija bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli sal-2050;

5.  Jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal tas-suq għat-teknoloġiji ħodor, u jenfasizza li t-teknoloġiji ħodor għandhom jitqiesu bħala opportunità biex jissaħħew l-industriji tal-UE;

6.  Jaqbel mal-Kummissjoni li tkabbir qawwi fl-enerġija rinnovabbli sal-2030 jista’ jiġġenera 'l fuq minn tliet miljun impjieg;

7.  Jirrimarka li l-enerġija rinnovabbli mhijiex qed tiġi żviluppata separatament, sabiex jiġi promoss l-iżvilupp ta' sistemi deċentralizzati tal-enerġija rinnovabbli, iżda wkoll bħala parti tas-sistema enerġetika sħiħa; ifakkar li jeħtieġ li jkun hemm investiment minn sorsi privati u pubbliċi, bħalma hu l-programm Nikkollegaw l-Ewropa, biex jiġi ffinanzjat l-iżvilupp ta' infrastrutturi tal-enerġija u grids intelliġenti bbażati fuq it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, sabiex l-enerġija rinnovabbli tkun tista' tiġi inkorporata b'mod aktar komprensiv u kosteffiċjenti u sikur fis-suq tal-enerġija, u sabiex titjieb l-istabilità tas-sistemi ta' trasferiment u ta' distribuzzjoni bil-għan li tinżamm is-sigurtà tal-provvista; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) billi jingħataw iktar opportunitajiet fl-iżvilupp tal-infrastruttura;

8.  Jinnota li skemi differenti għall-promozzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli (SER) jiżguraw li l-potenzjalitajiet u l-mudelli teknololoġiċi differenti fl-Istati Membri jitqiesu fid-disinn tal-iskemi ta’ appoġġ, sabiex b’hekk jiġu evitati l-profitti imprevisti billi jiġu riflessi l-ispejjeż reali ta’ teknoloġija; jilqa’, fl-istess ħin, l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tipproduċi linji gwida dwar skemi ta’ appoġġ;

9.  Jemmen li qabel ma tintalab skema ta’ appoġġ tal-UE għandu jiġi vvalutat jekk sistema għall-UE kollha għall-promozzjoni tas-SER toffrix qafas iktar kosteffikaċi għall-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli; jirrikonoxxi li ċ-ċertezza fuq żmien fit-tul, inkluż objettiv għall-2030 fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli, tagħti spinta lill-investimenti fl-enerġija rinnovabbli u tnaqqas ir-riskji ffaċċjati minn dawk li jinvestu fl-enerġija rinnovabbli;

10. Itenni li l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li gradwalment ineħħu s-sussidji li huma ta’ ħsara ambjentali sal-2020, kif espress fil-qafas tas-summit ta’ Nagoya dwar il-bijodiversità u fis-summit tal-G-20 ta’ Pittsburg, mill-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fl-Użu tar-Riżorsi tal-Kummissjoni, u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati s-sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent fil-qasam tal-enerġija, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE; għaldaqstant jitlob azzjoni kkoordinata bil-għan li jiġu identifikati u jitneħħew gradwalment is-sussidji kollha li huma ta’ ħsara għall-ambjent fil-qasam tal-enerġija sal-2020;

11. Jinsab konvint li oqfsa ta’ politika stabbli u fuq żmien fit-tul għandhom rwol ewlieni fit-tnaqqis tal-ispejjeż marbuta mal-inċertezza u fit-titjib tal-aċċess għall-kapital, sabiex b'hekk tiġi żgurata tranżizzjoni kosteffiċjenti u effikaċi għas-soċjetà;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-kriżi ekonomika attwali bħala opportunità biex tinvesti f’teknoloġiji nodfa sabiex jiġu ġġenerati l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku;

13. Jenfasizza l-importanza li jiġu garantiti strateġiji u inċentivi fuq żmien fit-tul, u oqfsa regolatorji u fiskali stabbli fil-livell nazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-prevedibilità għall-investituri u jiġi promoss b’effikaċja l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli f’kull Stat Membru;

14. Jenfasizza li sabiex jinfetaħ il-potenzjal tas-sistemi tal-enerġija rinnovabbli u sabiex tinkiseb ekonomija dekarbonizzata jeħtieġ li l-SMEs ikunu appoġġjati b’mod effikaċi;

15. Jinnota li s-settur tal-enerġija rinnovabbli għadu mhux robust biżżejjed biex jiflaħ għall-forzi tas-suq waħdu u jemmen, għaldaqstant, li għad hemm bżonn ta’ appoġġ ġestit b’mod rigoruż u trasparenti sabiex is-settur jiġi kkonsolidat u l-UE tkun tista’ tirrealizza l-pjanijiet tagħha għal futur mingħajr karbonju;

16. Huwa mħasseb dwar it-tibdiliet ta’ malajr fil-mekkaniżmi nazzjonali ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari fis-sura ta' tibdiliet retroattivi fl-appoġġ jew l-iffriżar tal-appoġġ; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu oqfsa stabbli għal investimenti fl-enerġija rinnovabbli, inklużi skemi ta’ appoġġ li jiġu riveduti regolarment u proċeduri amministrattivi ssimplifikati;

17. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' aktar finanzjament tar-riċerka għat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li t-teknoloġiji ta' ħżin tal-enerġija huma meħtieġa biex ir-riżorsi deċentralizzati tal-enerġija rinnovabbli jiġu integrati fin-netwerk ta’ distribuzzjoni; isostni li jeħtieġ li jiġu allokati fondi skont il-programm Orizzont 2020 biex jiġi ffinanzjat l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni tesplora b’mod sħiħ, mal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istituzzjonijiet pubbliċi nazzjonali, il-possibbiltajiet li jiġu ddedikati fondi fil-baġit attwali u dak futur tal-UE għall-finanzjament ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli;

18. Jirrimarka dwar il-fatt li l-użu ikbar ta’ enerġija rinnovabbli u teknoloġiji ħodor mhuwiex biss kwistjoni li jintlaħqu l-objettivi ta’ emissjonijiet iżda wkoll li tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija u titnaqqas il-ħtieġa ta’ karburanti importati;

19. Huwa tal-fehma li r-riċerka u l-iżvilupp immirati permezz ta’ strumenti eżistenti jeħtieġ li jsiru aktar effikaċi, u huwa mħasseb li dawn l-isforzi f’ċerti fergħat tas-settur tal-enerġija rinnovabbli ġew ittraskurati, u dan wassal għal diffikultajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni; jinnota li r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni li jiffukaw fuq it-tnaqqis tal-impatt ambjentali, u fuq l-użu effiċjenti tal-iskart – inklużi skart tal-ikel u residwi rkuprati mill-ambjent tal-baħar – biex jiġu prodotti l-elettriku, il-gass u s-sħana, jistgħu jkunu importanti mil-lat tal-ilħuq tal-objettivi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi, sakemm ikun hemm konformità mal-istandard tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija stabbilit fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, u mil-lat tal-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku; jinnota wkoll li s-settur tat-trasport huwa konsumatur kbir ħafna tal-karburanti fossili, u għaldaqstant, ir-riċerka fil-modi kif tista' tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 fit-trasport se jkollha impatt benefiku;

20. Jinnota l-fatt li jista’ jinkiseb ħafna bl-użu tat-teknoloġiji eżistenti, billi tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u billi t-teknoloġiji skaduti tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jinbidlu b'oħrajn aktar ġodda u li jniġġsu anqas;

21. Jenfasizza l-bżonn ta’ sostenibilità fuq żmien fit-tul fl-użu tal-bijomassa u l-bijokarburanti, b’mod partikolari f'termini tal-effetti klimatiċi netti tagħhom u l-impatti diretti u indiretti tagħhom fuq il-bijodiversità;

22. Jinnota l-importanza li jiġi żgurat li l-prezzijiet għall-konsumaturi, kemm domestiċi kif ukoll industrijali, jibqgħu f’livelli affordabbli u internazzjonalment kompetittivi;

23. Jistieden lill-awtorità baġitarja tforni lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) l-għodda meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet tagħha u tikseb l-għanijiet tagħha stipulati fir-regolament dwar l-integrità, it-trasparenza u l-effiċjenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa; jinnota li dan huwa meħtieġ sabiex jiġi kkompletat suq intern tal-elettriku u tal-gass integrat u trasparenti sal-2014.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

19.2.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

64

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Lajos Bokros, Martin Callanan, Nessa Childers, Tadeusz Cymański, Chris Davies, Esther de Lange, Anne Delvaux, Jill Evans, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Holger Krahmer, Jo Leinen, Corinne Lepage, Peter Liese, Zofija Mazej Kukovič, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Andrés Perelló Rodríguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Thomas Ulmer, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Chrysogelos, Minodora Cliveti, Christofer Fjellner, Gaston Franco, Rebecca Harms, Jutta Haug, Judith A. Merkies, Miroslav Mikolášik, Alojz Peterle, Birgit Schnieber-Jastram, Alda Sousa

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Konrad Szymański, Jacek Włosowicz

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI (22.2.2013)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar sfidi u opportunitajiet Attwali għall-enerġija rinnovabbli fis-suq intern Ewropew tal-enerġija
(2012/2259(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Riikka Manner

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li l-investiment fi, u l-isfruttar tal-enerġija rinnovabbli, jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku, l-innovazzjonijiet u t-teknoloġiji ġodda, u t-tkabbir sostenibbli fir-reġjuni tal-UE; Barra minn hekk, dan jiżgura d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija u jnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija konvenzjonali, filwaqt li toħloq impjiegi sostenibbli ġodda, il-kompetittività u l-koeżjoni territorjali u soċjali;

2.  Jinnota li fis-settur tal-enerġija rinnovabbli nħolqu madwar nofs miljun impjieg, filwaqt li żvilupp intensiv ta'd ak is-settur jista’ joħloq tliet miljun impjieg ieħor sal-2030;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jippromwovu l-investiment fl-enerġija rinnovabbli u l-konverġenza tal-enerġija u jiddispjaċih għax-xejra li miexja lejn l-irtirar ta’ inċentivi għall-enerġija rinnovabbli favur sorsi oħra ta’ enerġija ambjentali u soċjoekonomiċi, inqas sostenibbli;

4.  Jikkunsidra li l-politika reġjonali tal-UE għandha rwol ewlieni xi twettaq fil-promozzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u ukoll l-effiċjenza tal-enerġija fuq skala Ewropea, kif ukoll fil-qasam tas-servizzi tal-elettriku u tas-servizzi tat-trasport tal-enerġija; jilqa' l-fatt li l-politika ta’ koeżjoni u reġjonali komplew iżidu gradwalment l-użu tal-enerġija rinnovabbli bil-għan li s-SER jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-miri tal-politika tal-UE dwar l-enerġija u li l-għanijiet tal-UE dwar l-enerġija jiġu implimentati fl-UE kollha; jikkunsidra partikolarment importanti li l-mira tal-politika Ewropea tkun tali li tippermetti żieda ulterjuri fir-rata ta’ finanzjament fil-perjodu 2014-2020 li jmiss; iqis ir-rilevanza tal-għanijiet ambizzjużi għall-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-2020 sabiex tkun promossa l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u nadifa;

5.  Jikkunsidra li sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-benefiċċji offruti minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, hemm bżonn ta’ kooperazzjoni mill-qrib fil-qasam tal-infrastruttura tal-enerġija u ta’ finanzjament Ewropew addizzjonali għal teknoloġiji ġodda;

6.  Jikkunsidra li l-użu intelliġenti tal-finanzjament Komunitarju għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 li jmiss, għandu jippermetti l-kisba tal-mira ta' żieda ta' 20% ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u, flimkien ma’ dan, tal-objettivi ta' sostenibbiltà u kompetittività fl-Unjoni Ewropea;

7.  Iqis li l-investiment mwettaq skont il-fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni jista' jkun ta’ għajnuna qawwija biex tinstab soluzzjoni għall-isfidi tal-enerġija rinnovabbli u sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika tagħhom; jiġbed l-attenzjoni ukoll għall-importanza tal-investimenti pubbliċi u privati – li jkunu l-ewwel u qabel kollox Ewropej – kif ukoll tal-istrumenti finanzjarji innovattivi; jenfasizza wkoll li, mingħajr ma jkun sottovalutati l-proġetti ta' riċerka u ta' żvilupp skont il-Fondi Strutturali, speċjalment dawk implimentati fil-livell lokali, jindika r-rwol tal-Orizzont 2020 fl-iżvilupp tas-settur tal-enerġija rinnovabbli Ewropew u u għar-reazzjonijiet għall-isfidi territorjali speċifiċi; jenfasizza li l-investimenti fil-qasam tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli huma essenzjali biex jippromwovu l-kompetittività tagħhom meta mqabbla ma' sorsi aktar tradizzjonali tal-enerġija;

8.  Jindika r-rilevanza tal-grilji intelliġenti fil-ġejjieni – kif previst mill-pjan tal-politika dwar l-enerġija tal-Kummissjoni Ewropea – biex jitrattaw l-iżbilanċ fl-enerġiji rinnovabbli disponibbli fl-UE u biex joħolqu suq tal-enerġija pan-Ewropew li jkun kapaċi jwassal dawn l-enerġiji fir-reġjuni kollha;

9.  Jenfasizza li l-użu tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli għandu jiġi ottimizzat abbażi tad-disponibbiltà tar-riżorsi rinnovabbli fir-reġjun; jindika li żieda fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli se toħloq sfidi għall-funzjonalità tal-infrastruttura tal-enerġija eżistenti hekk kif is-sorsi spiss ikunu jinsabu mbiegħda u għalhekk ikunu jeħtieġu xogħol kbir ta’ żvilupp fuq il-linji tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni; iqis li sabiex ikun hemm integrazzjoni akbar ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli, hemm bżonn ta' aġġustamenti infrastrutturali fl-UE, kemm fil-livell tat-trasport u tad-distribuzzjoni u li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiżgura s-simplifikar u t-tħaffif tal-proċeduri ta' ppjanar peress li dawn spiss jeħtieġu l-interazzjoni ta' livelli ta' ppjanar differenti; jenfasizza l-importanza kemm tal-finanzjament pubbliku u ta' dak privat fir-rigward tal-investimenti fl-infrastrutturi tal-enerġija; jitlob li jsir progress kemm fil-bini kif ukoll fit-tisħiħ tas-suq intern tal-UE għall-enerġija; jenfasizza l-potenzjal tal-Fondi Strutturali biex jimmodernizzaw l-infrastruttura enerġetika attwali u jagħtu servizz lill-infrastruttura Ewropea konnessa sew sabiex l-enerġiji rinnovabbli jiġu integrati fis-suq Ewropew tal-enerġija; jenfasizza ukoll l-importanza tal-ħolqien ta' grilji tal-enerġija intelliġenti; iqis, madankollu li l-ammont tal-finanzjament tal-FEŻR f’kapaċitajiet tal-enerġija ġodda, għall-perjodu ta' finanzjament attwali huwa kemmxejn baxx; jemmen li, pereżempju, il-programm ta’ għajnuna ELENA għandu jappoġġja l-proġetti ta’ investiment fl-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira, iżda ukoll deċentralizzati sabiex dawn ikollhom effett aktar utli u biex l-Enerġija Intelliġenti - il-programm Ewropa, ikun jista' jintuża biex jitrawwem żvilupp ulterjuri tal-enerġija rinnovabbli u barra minn hekk jiġu promossi proġetti konġunt dwar l-enerġija rinnovabbli bejn il-komunitajiet żgħar, inkluż f'żoni rurali;

10. Jinnota li s-siti ta’ enerġija rinnovabbli l-iktar effiċjenti u kompetittivi fl-UE huma xi kultant ġeografikament ’il bogħod miċ-ċentri ta’ konsum u li allura l-iżvilupp ta’ netwerk ta’ trażmissjoni adattat għall-enerġiji nodfa huwa neċessarju; jenfasizza li produzzjoni effiċjenti lokali tal-enerġija rinnovabbli għandha wkoll tiġi promossa biex tnaqqas it-telf mit-trażmissjoni, ittejjeb is-sigurtà tal-provvista u tippromwovi l-awtosuffiċjenza enerġetika tar-reġjuni;

11. Jappoġġja l-governanza f’diversi livelli u l-approċċ deċentralizzat lejn il-politika dwar l-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, inkluż, fost affarijiet oħra, il-Patt tas-Sindki u iżjed żvilupp tal-inizjattiva tal-Bliet Intelliġenti kif ukoll il-promozzjoni tal-aħjar soluzzjonijiet fil-livell reġjonali u lokali permezz tal-kampanji ta’ informazzjoni;

12. Jindika l-importanza tal-awto-suffiċjenza fl-enerġija u biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija madwar l-UE kollha kif ukoll ir-rwol ewlieni għall-ekonomiji reġjonali tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija Ewropej, inkluż dawk li jiġġeddu bil-mod; jindika l-importanza tal-isforzi għas-sostituzzjoni tal-enerġija fossili u importata b'enerġija rinnovabbli prodotta lokalment u fil-livell reġjonali, inkluż proġetti transkonfinali, li jipproduċu l-enerġija rinnovabbli huma importanti fuq il-perjodu twil ta’ żmien, sabiex jintlaħqu l-miri ffissati fil-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 u fl-istrateġija Ewropa 2020; b'hekk jingħata aċċess għal enerġija sikura sostenibbli u għall-but ta' kulħadd għaċ-ċittadini kollha Ewropej; jiddispjaċih li d-dipendenza tal-UE fuq il-karburanti fossili tesponi lir-reġjuni Ewropej li huma vulnerabbli għall-kriżijiet u l-kompetittività;

13. Huwa tal-opinjoni li r-reġjuni tal-Ewropa jeħtieġu flessibbiltà ikbar sabiex jadattaw u jibbenefikaw mill-enerġija rinnovabbli disponibbli f’dawk iż-żoni, li jfisser użu sħiħ tal-produzzjoni tal-enerġija deċentralizzata biex ilaħħqu mal-livelli differenti u jisfruttawhom fejn huma l-iktar disponibbli; jindika li dan għandu jsir permezz ta’ approċċ deċentralizzat li jiffoka fuq netwerks u teknoloġija intelliġenti, u jippromwovi r-rabta bejn l-innovazzjoni u l-investiment b'mod sostenibbli;

14. Jikkunsidra li l-istrateġiji lokali għall-enerġija sostenibbli għandhom rwol ewlieni xi jwettqu f’termini ta’ żvilupp reġjonali u soċjali, peress li jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-atturi reġjonali fil-proġetti tal-enerġija rinnovabbli; jinnota li fir-rigward tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri u r-reġjuni kollha għandhom l-elementi pożittivi tagħhom minħabba d-diskrepanzi ġeografiċi; jinnota li l-politika dwar l-enerġija rinnovabbli ma tistax tkun l-istess preċiż f'kull reġjun u għalhekk hemm bżonn ta' flessibilità akbar; jemmen li għandhom jiġu promossi u utilizzati bl-aħjar mod il-qawwiet speċifiċi ta' reġjun; ifakkar li sabiex jiġi żviluppat il-potenzjal tas-SER għandhom jitqiesu l-kundizzjonijiet u r-riżorsi lokali u reġjonali; jindika li l-bijoenerġija u sorsi tal-enerġija rinnovabbli oħrajn għandhom potenzjal qawwi biex irawmu l-ġestjoni tal-enerġija, it-tkabbir ekonomiku u l-vitalità, speċjalment f'żoni mbiegħda, gżejjer u żoni remoti, u reġjuni u żoni rurali b'densità ta' popolazzjoni baxxa; iqis li l-finanzjament tal-Qafas Strateġiku Komuni għall-enerġija rinnovabbli għandhom jikkontribwixxu għad-distribuzzjoni reġjonali tal-enerġija prodotta u fuq proġetti rinnovabbli fuq skala żgħira; jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-SMEs fil-politika dwar l-enerġija rinnovabbli;

15. Jinnota li hemm bżonn ta' approċċ integrat fuq livell reġjonali sabiex jagħti spinta lill-użu tal-enerġija rinnovabbli; iqis li għandhom jiġu involuti diversi atturi fl-istabbiliment tal-infrastruttura, mingħajr ma jiżdiedu saffi żejda ta’ burokrazija;

16. Isostni li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli effikaċi ma għandhomx jieqfu mal-fruntieri interni jew esterni tal-UE; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta’ proġetti tal-enerġija transkonfinali u hu tal-fehma li l-programmi ta’ kooperazzjoni reġjonali Ewropej, kif ukoll l-IPA u l-ENI, għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ biex jgħinu l-użu tal-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li għandhom jitqassmu u jieħdu vantaġġ tal-aħjar prattiki skont il-qafas ta' dawn il-programmi; jappoġġja l-użu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u enerġija għal proġetti transkonfinali ma’ pajjiżi terzi msieħba u għall-konnessjonijiet bejn in-netwerks nazzjonali skont it-tielet pakkett tal-enerġija; jenfasizza li r-reġjuni esterni ta’ mal-konfini għandhom jiġu inkorporati fis-sistema tal-UE kemm jista’ jkun biex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli fuq iż-żewġ naħat tal-konfini; jinnota, madankollu, li l-eżistenza ta' bosta skemi differenti għall-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri jagħti lok għal xi ineffiċjenzi, b'mod partikolari fir-reġjuni transkonfinali;

17. Jindika l-importanza li gradwalment jinkiseb suq intern Ewropew għall-enerġija rinnovabbli fir-reġjuni kollha tal-Ewropa li jqis is-sorsi tal-enerġija kollha tagħhom, biex b’hekk ikunu jistgħu jsiru kompetittivi fuq bażi sostenibbli;

18. Jinnota li l-integrazzjoni u l-espansjoni tal-enerġijai rinnovabbli jagħti kontribut sinifikanti għat-tnaqqis fl-ispejjeż ambjentali tas-sorsi tal-enerġija konvenzjonali, għat-tnaqqis fl-użu tal-karburanti fossili u tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u għalhekk għandhom jiġu żviluppati, filwaqt li jitqies ir-rispett għall-konservazzjoni tan-natura u l-bijodiversità;

19. Jindika li l-koerenza u l-perseveranza, l-innovazzjoni u s-sostenibilità huma elementi ewlenin tal-politika tal-UE dwar il-klima u l-enerġija sabiex jintlaħqu l-miri tal-UE 2020 u biex tiżdied il-provvista tal-enerġija mis-sorsi rinnovabbli sal-2050; jindika li l-leġiżlazzjoni li tillimita l-isfruttament tal-enerġija rinnovabbli tista', fl-agħar każijiet, tkabbar id-diffikultà biex jintlaħqu l-miri, u li dan jista' jkollu effett negattiv fuq l-ekonomiji reġjonali;

20. Jenfasizza l-bżonn li jiżdied l-appoġġ miftiehem f’din iż-żona għal kampanji ta’ informazzjoni speċifiċi u mmirati li jqisu l-karatteristiċi partikolari ta’ kull reġjun u jinkludu l-preżentazzjoni tar-riżultati, biex b'hekk juru l-benefiċċji li r-reġjun ikun iggwadanja mill-użu tal-enerġija rinnovabbli.

21. Jenfasizza l-esperjenza siewja ħafna miksuba fuq livell lokali sabiex tinkiseb l-indipendenza enerġetika billi tingħata spinta lill-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli; jirrakkomanda l-promozzjoni tal-villaġġ tal-enerġija rinnovabbli u tal-koperattivi tal-enerġija u l-iffaċilitar tal-iskambju tal-prattika tajba u tan-netwerking sabiex jittieħed l-aħjar vantaġġ mill-mudelli ta’ suċċess;

22. Jinnota li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol ewlieni xi jwettqu fl-użu tal-innovazzjonijiet l-iżjed meħtieġa fis-settur tal-enerġija jekk l-UE tixtieq tilħaq il-miri tagħha dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika u għandhom ikollhom opportunità reali biex jinfluwenzaw dawn il-miri; jinkoraġġixxi approċċ ta’ governanza f’diversi livelli li jimmira għal rabta mill-qrib u effettiva bejn il-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-istrateġiji reġjonali ta’ finanzjament. ifakkar li biex tinkiseb l-aċċettazzjoni soċjali tal-proġetti tal-enerġija tista’ tintlaħaq biss permezz ta’ trasparenza fil-pjanifikazzjoni tal-ispazji u fil-proċeduri tal-kostruzzjoni u tal-ħruġ ta’ permessi, bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha;

23. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jissemplifikaw il-proċedura ta' awtorizzazzjoni, joħolqu qafas regolatorju stabbli u sempliċi, inaqqsu l-kumplessità tal-ostakoli tas-suq kif ukoll joħolqu inċentivi u jissemplifikaw l-aċċess għall-finanzjament li jgħin fid-distribuzzjoni ta' impjanti tal-enerġija rinnovabbli; barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw il-kofinanzjament tal-istrumenti ta' finanzjament tal-politika ta' Koeżjoni mal-fondi tal-Bank Ewropew tal-Investiment;

24. Jiġbed l-attenzjoni għal bżonn li jiġu promossi azzjonijiet li jinkiseb il-potenzjal ta' enerġija rinnovabbli fir-reġjuni Ultraperiferiċi Ewropej, gżejjer u żoni remoti oħrajn, fejn id-dipendenza fuq il-karburant hi aggravata mid-distanza u mill-iżolament ġeografiku; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jistabbilixxu programm speċifiku fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli skont il-ftehimiet dwar il-POSEI sabiex ikun sfruttat il-potenzjal uniku ta' dawn it-territorji.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

19.2.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Catherine Bearder, Jean-Jacob Bicep, Victor Boştinaru, John Bufton, Salvatore Caronna, Nikos Chrysogelos, Tamás Deutsch, Danuta Maria Hübner, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Vladimír Maňka, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Younous Omarjee, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Monika Smolková, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Justina Vitkauskaite, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Vasilica Viorica Dăncilă, Karima Delli, Cornelia Ernst, Karin Kadenbach, László Surján, Patrice Tirolien, Giommaria Uggias, Derek Vaughan, Iuliu Winkler

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marit Paulsen, Britta Reimers

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AGRIKOLTURA U L-IŻVILUPP RURALI (25.2.2013)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-isfidi u opportunitajiet attwali għall-enerġija rinnovabbli fis-suq intern Ewropew tal-enerġija
(2012/2259(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Spyros Danellis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza l-importanza li għandha l-enerġija rinnovabbli fil-provvista tal-enerġija tal-Ewropa u jappoġġja l-promozzjoni ta' sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħala parti mill-istrateġija tal-UE rigward it-tibdil fil-klima;

2.  Jenfasizza li d-dipendenza fuq karburanti fossili importati toħloq riskji politiċi u ambjentali li dejjem qed jikbru, li l-proċess biex jinkisbu dejjem qed jinvolvi iktar infiq għall-Istati Membri u l-konsumaturi, u li għalhekk l-enerġija rinnovabbli prodotta fl-Ewropa għandu jkollha rwol akbar fil-kisba tas-sigurtà tal-enerġija għall-Unjoni Ewropea;

3.  Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija bi prezzijiet raġonevoli fid-dawl tal-isfidi ewlenin li tħabbat wiċċha magħhom is-soċjetà llum; kemm is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija kif ukoll it-tibdil fil-klima għandhom implikazzjonijiet għall-politika barranija u dik ta’ sigurtà;

4.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea talloka miri vinkolanti ġodda tal-enerġija rinnovabbli lill-Istati Membri għall-perjodu ta’ wara l-2020;

5.  Josserva li inċentivi għall-enerġija rinnovabbli u l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp f’dan il-qasam jippromwovu l-kompetittività internazzjonali ta’ din l-industrija;

6.  Jindika l-importanza tal-integrazzjoni gradwali ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-suq Ewropew sabiex isiru kompetittivi fuq bażi sostenibbli; jemmen li l-għajnuna għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandha tkun għal żmien limitat u soġġetta għal aġġustamenti hekk kif id-diversi teknoloġiji javvanzaw;

7.  Jenfasizza, madankollu, il-problemi involuti fil-promozzjoni u fit-twettiq tal-użu sostenibbli tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li huma konforma mal-miri tal-klima, tal-effiċjenza tar-riżorsi, tal-bijodiversità u dawk tal-Orizzont 2020 tal-UE, kif ukoll mar-rekwiżiti ambjentali speċifiċi għall-post;

8   Jenfasizza li l-politika tal-enerġija m’għandhiex tippromwovi l-produzzjoni u l-użu ta’ riżorsi rinnovabbli għad-detriment tas-sostenibbiltà ambjentali; jenfasizza l-importanza ta’ konsum u produzzjoni tal-enerġija li jkunu effiċjenti mil-lat tar-riżorsi fuq il-livell tal-azjendi agrikoli; ifakkar fil-potenzjal għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ bijogass minn azjendi tal-bhejjem ibbażati fuq il-bijoskart;

9.  Jenfasizza li l-politika tal-enerġija m’għandhiex tippromwovi l-produzzjoni u l-użu ta’ riżorsi rinnovabbli għad-detriment tas-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali;

10 Jistieden lill-UE tiggarantixxi li l-promozzjoni ta’ riżorsi rinnovabbli fil-produzzjoni u l-użu tal-enerġija ma tipperikolax is-sigurtà tal-ikel, il-produzzjoni sostenibbli u ta’ kwalità għolja tal-ikel jew il-kompetittività agrikola;

11. Jagħraf li sfida kbira li qed tħabbat wiċċha magħha l-agrikultura hi li jiġu identifikati miżuri rigward it-tibdil fil-klima li ma jkollhomx impatt negattiv fuq il-produzzjoni tal-ikel, jew li saħansitra jkollhom impatt tajjeb;

12. Jindika l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku sabiex titħeġġeġ il-produzzjoni ta’ bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni; jenfasizza l-importanza ta’ dawn il-bijokarburanti għall-prevenzjoni ta’ effetti negattivi fuq is-swieq tal-ikel;

13. Jistieden lill-UE tiżgura li l-miżuri tal-enerġija għall-iżvilupp ta’ karburanti alternattivi ma jkunux inkompatibbli direttament jew indirettament mal-impenji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u ma jesponux lill-UE għal atti ta’ ritaljazzjoni;

14. Jinnota li għadd ta’ elementi tas-sistema tal-ikel huma vulnerabbli għal spejjeż ogħla tal-enerġija u dan jista' jkollu effett negattiv għall-produtturi u l-konsumaturi;

15. Jenfasizza li strateġija soda għall-enerġija rinnovabbli għandha tqis it-tnaqqis tal-iskart u l-iffrankar tal-enerġija bħala objettivi fundamentali, minbarra l-objettiv ta’ użu mtejjeb tar-riżorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

16. Jinsab konxju tar-rwol li d-dispożizzjonijiet tal-innovazzjoni taħt il-proposti tar-riforma tal-PAK għall-Iżvilupp Rurali għandu jkollhom fir-riċerkar u t-tixrid ta’ tekniki għal produzzjoni sostenibbli u tipi ta’ użu tal-enerġija rinnovabbli u tal-iskart;

17. Jenfasizza l-importanza li l-politiki relatati mal-għelejjel tal-enerġija jkunu prevedibbli u koeżivi;

18. Jagħraf l-importanza tal-promozzjoni u t-tħeġġiġ tal-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija alternattiva fl-azjendi tal-biedja stess, speċjalment fuq skala żgħira, u tat-tixrid tal-metodi relevanti fost il-bdiewa kif ukoll fost il-konsumaturi;

19. Jenfasizza l-kontribut li tista’ tagħti l-kooperazzjoni fost il-bdiewa għal eżitu ta’ suċċess tal-politika għall-promozzjoni tar-riżorsi rinnovabbli;

20. Jitlob lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex joħloq fondi rikorrenti permezz ta’ intermedjarji finanzjarji, biex jipprovdu l-kapital ta’ stabbiliment, u l-appoġġ tekniku, għal skemi fuq skala żgħira u mikro bbażati fuq azjendi agrikoli u li jkunu proprjetà tal-kommunità għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u t-tisħin minn sorsi rinnovabbli, , li l-profitti li jirriżultaw minnhom ikunu jistgħu jerġgħu jiġu investiti fi skemi addizzjonali;

21. Jindika li l-miri tal-enerġija rinnovabbli tal-2020 stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli għall-UE kollha, kif ukoll għall-Istati Membri, taw spinta lill-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa u fiż-żoni rurali Ewropej; hu tal-fehma li l-UE, jekk għandha tistabbilixxi politika fuq bażi ta’ żmien twil u ssaħħaħ is-sigurtà tal-investiment, għandha, mill-aktar fis possibbli, tiffissa miri ġodda wkoll għall-perjodu lil hinn mill-2020;

22. Josserva li ż-żoni agrikoli u rurali għandhom il-potenzjal li jipprovdu proporzjon sinifikanti ta’ produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, u għalhekk iqis li l-politika l-ġdida dwar l-agrikultura u l-iżvilupp rurali għandha tippromwovi l-produzzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli;

23. Josserva li hu meħtieġ li jiġu eliminati l-ostakoli għall-użu iktar mifrux tal-enerġija rinnovabbli.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.2.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Eric Andrieu, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Hynek Fajmon, Iratxe García Pérez, Julie Girling, Béla Glattfelder, Martin Häusling, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Elisabeth Köstinger, Agnès Le Brun, Mairead McGuinness, James Nicholson, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Czesław Adam Siekierski, Alyn Smith, Ewald Stadler, Csaba Sándor Tabajdi, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Spyros Danellis, Esther de Lange, Kent Johansson, Christa Klaß, Astrid Lulling, Riikka Manner

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

19.3.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Amelia Andersdotter, Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Jürgen Creutzmann, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Vicky Ford, Adam Gierek, Norbert Glante, Robert Goebbels, Fiona Hall, Jacky Hénin, Kent Johansson, Romana Jordan, Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Judith A. Merkies, Angelika Niebler, Rolandas Paksas, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Vittorio Prodi, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Michèle Rivasi, Amalia Sartori, Salvador Sedó i Alabart, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

António Fernando Correia de Campos, Ioan Enciu, Françoise Grossetête, Jolanta Emilia Hibner, Yannick Jadot, Holger Krahmer, Bernd Lange, Werner Langen, Zofija Mazej Kukovič, Vladko Todorov Panayotov, Mario Pirillo, Vladimír Remek