RAPPORT dwar id-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni
4.4.2013 - (2012/2255(INI))
Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Marije Cornelissen
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar id-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikoli 8 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Diċembru 1979,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR 1325);
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill f'Marzu 2011[1],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u r-Riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing[2], tal-10 ta' Marzu 2005 dwar il-kontinwazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa (Peking + 10)[3] u tal-25 ta' Frar 2010 dwar Pekin + 15 – Pjattaforma ta’ Azzjoni tan-NU għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi[4],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bit-titolu 'Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015' (COM(2010)0491),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 bit-titolu 'Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Albanija biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea' (COM(2010)0680), li ssostni li l-ugwaljanza bejn is-sessi mhijiex garantita b'mod sħiħ fil-prattika, b'mod partikolari fil-qasam tal-impjiegi u tal-aċċess għall-għajnuna ekonomika,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 bit-titolu 'Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Montenegro biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea' (COM(2010)0670), li ssostni li l-ugwaljanza bejn is-sessi mhijiex garantita bis-sħiħ fil-prattika,
– wara li kkunsidra r-rapporti ta' progress 2012 tal-Kummissjoni dwar il-pajjiżi kandidati u dawk kandidati potenzjali, li jakkumpanjaw il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu 'L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2012-2013' (COM(2012)0600),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 dwar Studju ta' Fattibilità għal Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo (COM(2012)0602),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 dwar is-Sejbiet Ewlenin tar-Rapport ta' Monitoraġġ Komprensiv tal-istat ta' tħejjija tal-Kroazja għas-sħubija fl-UE (COM(2012)0601),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2008 bit-titolu 'Il-Balkani tal-Punent: Tissaħħaħ il-perspettiva Ewropea' (COM(2008)0127),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta' Jannar 2006 bit-titolu 'Il-Balkani tal-Punent fi triqithom lejn l-UE: it-tisħiħ tal-istabilità u t-tkattir tal-prosperità' (COM(2006)0027),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 u t-3 ta' Ġunju 2005 li fihom l-Istati Membri u l-Kummissjoni ġew mistiedna jsaħħu l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u joħolqu qafas għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing, sabiex jinħoloq monitoraġġ aktar konsistenti u sistematiku tal-progress,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reviżjoni tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing – Indikaturi fir-rigward tal-Mekkaniżmi Istituzzjonali,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Settembru 2009 dwar ir-reviżjoni tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2008 dwar il-qagħda tan-nisa fil-Balkani[5],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma[6];
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0136/2013),
A. billi seba' pajjiżi fil-Balkani tal-Punent – l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Kosovo, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja – jinsabu fi stadji differenti tal-proċess biex isiru Stati Membri tal-Unjoni Ewropea; billi dawn il-pajjiżi jeħtieġ jadottaw u jimplimentaw l-acquis communautaire u obbligi oħrajn tal-UE fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi matul dan il-proċess;
B. billi l-implimentazzjoni tad-drittijiet tan-nisa u ta' miżuri ta' ugwaljanza bejn is-sessi teħtieġ żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar dawn id-drittijiet, modi ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji biex jiġu invokati dawn id-drittijiet, u istituzzjonijiet governattivi u indipendenti biex jibdew, iwettqu u jimmonitorjaw il-proċess ta' implimentazzjoni;
C. billi n-nisa għandhom rwol essenzjali fl-isforzi ta' paċi, stabbilizzazzjoni u rikonċiljazzjoni, u billi l-kontribuzzjonijiet tagħhom għandhom ikunu rikonoxxuti u mħeġġa, bi qbil mal-UNSCR 1325 u riżoluzzjonijiet sussegwenti;
Rimarki ġenerali
1. Jinnota li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent f'fażi ta' adeżjoni adottaw ħafna mil-leġiżlazzjoni meħtieġa fil-proċess ta' adeżjoni tal-UE, iżda li din il-leġiżlazzjoni f'ħafna każi mhijiex qed tiġi implimentata b'mod effettiv;
2. Jenfasizza l-bżonn li n-nisa fil-Balkani tal-Punent jassumu rwol prominenti fis-soċjetà permezz tal-parteċipazzjoni attiva u r-rappreżentazzjoni fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali fil-livelli kollha; josserva li l-progress lejn il-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha ta' gvern (mil-lokali għan-nazzjonali, mill-eżekuttiv għas-setgħat leġiżlattivi) huwa ta' importanza kbira;
3. Jinnota bi tħassib li l-popolazzjoni f'ħafna mill-pajjiżi mhijiex konxja b'mod sħiħ mil-leġiżlazzjoni eżistenti u l-politiki li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u li dan l-għarfien rari jilħaq lill-membri vulnerabbli jew marġinalizzati tas-soċjetà, speċjalment in-nisa Roma; jistieden lill-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-pajjiżi f'fażi ta' adeżjoni biex irawmu s-sensibilizzazzjoni permezz tal-midja, kampanji pubbliċi u programmi edukattivi sabiex jeliminaw l-istereotipi tas-sessi u jippromwovu personaġġi eżemplari nisa u l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-oqsma kollha tal-ħajja, inkluż fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jappella, fuq kollox, għall-impenn personali ta' membri u uffiċjali tal-gvern;
4. Jenfasizza l-importanza ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni fil-ġlieda kontra l-istereotipi, id-diskriminazzjoni (sessista, kulturali jew ibbażata fuq ir-reliġjon) u l-vjolenza domestika, u għall-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod ġenerali; jinnota li dawn il-kampanji għandhom jiġu kkompletati mill-promozzjoni ta' dehra pożittiva ta' personaġġi eżemplari nisa fil-midja u r-reklamar, materjali edukattivi u l-internet; jenfasizza l-importanza li titjieb il-qagħda tan-nisa f'żoni rurali, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna d-drawwiet diskriminatorji u l-istereotipi;
5. Jinnota bi tħassib li n-nisa għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol kif ukoll fit-teħid ta' deċiżjonijiet ta' natura ekonomika u politika; jilqa' b'sodisfazzjon il-kwoti u jistieden lill-pajjiżi li għadhom ma għamlux dan biex jippromwovu r-rappreżentanza tan-nisa u, fejn ikun meħtieġ, japplikaw kwoti b'mod effikaċi għall-partiti politiċi u l-assemblej nazzjonali, u jħeġġeġ lill-pajjiżi li diġà għamlu dan biex ikomplu b'dan il-proċess sabiex ikun żgurat li n-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-ħajja politika u jegħlbu l-livell baxx ta' rappreżentazzjoni tagħhom; jinnota li, fejn ġew introdotti kwoti ta' rappreżentanza bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi, dawn għandhom jiġu implimentati kif suppost u kkompletati b'sanzjonijiet legali effikaċi; jilqa', f'dan ir-rigward, is-summit internazzjonali għan-nisa reċenti dwar 'Partnership for Change' (Sħubija għall-Bidla) li sar fi Pristina f'Ottubru 2012 taħt il-partroċinju tal-unika kap ta' stat mara fir-reġjun, Atifete Jahjaga;
6. Jinnota bi tħassib li r-rati ta' impjieg ta' nisa fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għadhom baxxi ħafna; josserva li l-appoġġ għall-politiki li jikkonċernaw opportunitajiet indaqs huwa importanti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni; jistieden lill-gvernijiet jintroduċu miżuri sabiex inaqqsu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u, konsegwentement, id-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa u jindirizzaw ir-rati għolja ta' qgħad, billi jiffokaw b'mod partikolari fuq in-nisa, speċjalment dawk f'żoni rurali; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi fil-Balkani jistabbilixxu qafas legali għal pagi indaqs għall-istess xogħol għaż-żewġ sessi, jgħinu lin-nisa fir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja privata u dik professjonali, jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, tagħlim tul il-ħajja, skedi flessibbli ta' xogħol u wkoll joħolqu ambjent li jħeġġeġ l-intraprenditorija min-naħa tan-nisa;
7. Jinnota bi tħassib li f'xi stati f'dan ir-reġjun, in-nisa intraprendituri spiss isofru diskriminazzjoni meta jkunu qed jippruvaw jiksbu self jew kreditu mill-bank għan-negozju tagħhom, u għadhom sikwit iħabbtu wiċċhom ma' ostakli bbażati fuq l-istereotipi tas-sessi; jistieden lill-istati f'dan ir-reġjun biex jikkunsidraw il-ħolqien ta' skemi ta' mentoring u programmi ta' appoġġ li jistgħu jagħmlu użu mill-pariri u l-esperjenza ta' professjonisti intraprenditorjali; jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jiżviluppaw skemi attivi fis-suq tax-xogħol intiżi sabiex irażżnu l-qgħad fost in-nisa; iħeġġiġhom jiżviluppaw skemi ta' self u jqiegħdu għad-dispożizzjoni finanzjament għal negozji ġodda;
8. Jenfasizza l-importanza li tingħeleb kull xorta ta’ diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol, inkluża d-diskriminazzjoni sessista fir-rigward tar-reklutaġġ, il-promozzjoni u l-benefiċċji;
9. Jenfasizza li, fil-proċess tal-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi li jiffunzjonaw tajjeb, l-iżgurar tal-parteċipazzjoni attiva tan-nisa – li jirrappreżentaw aktar minn nofs il-popolazzjoni fil-pajjiżi Balkani – huwa kruċjali għall-governanza demokratika; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' riżorsi finanzjari u umani allokati għall-funzjonament ta' istituzzjonijiet governattivi u indipendenti fdati bit-tnedija u l-implimentazzjoni ta' miżuri dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u speċjalment politiki ta' integrazzjoni tas-sessi fil-parti l-kbira tal-pajjiżi; jistieden lill-awtoritajiet jakkumpanjaw miżuri u pjanijiet ta' azzjoni b'riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni tagħhom, inkluż persunal adegwat magħmul minn nisa; jenfasizza li l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) jista' u għandu jintuża għal proġetti b'rabta mal-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u li l-awtoritajiet fil-pajjiżi għandhom ir-responsabbiltà sħiħa għal mekkaniżmi ta' implimentazzjoni għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi li jiffunzjonaw tajjeb; jitlob lill-Kummissjoni taġixxi bid-diliġenza dovuta fir-rigward tal-effikaċja tal-infiq;
10. Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' informazzjoni statistika dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, dwar il-vjolenza fuq in-nisa, dwar l-aċċess għall-kontraċettivi u d-disponibbiltà tagħhom, u dwar il-bżonn mhux sodisfatt tal-kontraċezzjoni, meħtieġa għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, li hija standardizzata u li tista' tiġi mqabbla fuq tul ta' żmien, bejn il-pajjiżi tal-adeżjoni u bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi f'fażi ta' adeżjoni; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-adeżjoni Balkani jistabbilixxu metodoloġija komuni għall-ġbir ta' informazzjoni statistika flimkien mal-Eurostat, l-EIGE u istituti rilevanti oħrajn; jenfasizza li għandhom jiġu żviluppati strateġiji speċifiċi u għandhom jiġu implimentati strateġiji eżistenti biex tittejjeb il-pożizzjoni tan-nisa li jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni multipla, bħan-nisa Roma, il-leżbjani, il-bisesswali jew in-nisa transġeneru, in-nisa b'diżabilitajiet, in-nisa li jagħmlu parti minn minoranza etnika, u n-nisa anzjani;
11. Iqis li n-nisa għandhom rwol essenzjali fl-istabbilizzazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, li huwa kruċjali għar-rikonċiljazzjoni fir-reġjun kollu kemm hu; jenfasizza l-importanza ta' aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi nisa ta' delitti tal-gwerra, b'mod partikolari l-istupru; itenni r-responsabbiltà tal-istati kollha biex itemmu l-impunità u jħarrku lil dawk responsabbli għall-ġenoċidju, għar-reati kontra l-umanità u għad-delitti tal-gwerra, inklużi r-reati li jinvolvu l-vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfajliet, u biex jirrikonoxxu u jikkundannaw dawn ir-reati bħala reati kontra l-umanità u delitti tal-gwerra; jenfasizza l-bzonn li dawn ir-reati jiġu esklużi mid-dispożizzjonijiet relatati mal-amnestija; jilqa' l-isforzi ta' netwerks bħar-Regional Women's Lobby biex jappoġġjaw lin-nisa fil-konsolidazzjoni tal-paċi u fil-promozzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja għan-nisa f'pajjiżi li ħarġu minn konflitt; jenfasizza l-bżonn kontinwu li jiġi ffaċċjat il-passat u li jiġu żgurati sistematikament il-ġustizzja u r-riabilitazzjoni għall-vittmi ta' vjolenza sesswali konnessa ma' konflitti; jappella għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' programmi statali adegwati għall-protezzjoni tax-xhieda u l-prosekuzzjoni ta' dawn ir-reati;
12. Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u jinnota bi tħassib li l-vjolenza sessista u l-abbuż verbali għadhom preżenti fil-pajjiżi Balkani; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi Balkani jsaħħu l-korpi tal-infurzar tal-liġi sabiex jindirizzaw b'suċċess kwistjonijiet bħall-vjolenza sessista, il-vjolenza domestika, il-prostituzzjoni furzata u t-traffikar ta' nisa, joħolqu rifuġji għall-vittmi li esperjenzaw jew qegħdin jesperjenzaw vjolenza domestika u jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet legali u l-impjegati tas-servizz pubbliku jkunu aktar sensittivi għal dan il-fenomenu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali fir-reġjun biex jistabbilixxu programmi ta' sensibilizzazzjoni dwar il-vjolenza domestika;
13. Jinnota bi tħassib kbir li 30 % tal-vittmi tat-traffikar transkonfinali fl-UE huma ċittadini ta' pajjiżi Balkani, filwaqt li n-nisa u t-tfajliet jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-vittmi identifikati; jisħaq li l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-kampanji biex iqanqlu kuxjenza, u l-miżuri kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma essenzjali sabiex jingħeleb it-traffikar u jiġu protetti l-vittmi potenzjali; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali fir-reġjun biex jaħdmu flimkien fil-ħolqien ta' front komuni;
14. Jitlob lill-awtoritajiet fil-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni biex jipprovdu finanzjament kontinwu għall-ġlieda kontra t-traffikar, biex isaħħu ulterjorment il-kapaċità tagħhom li jidentifikaw b'mod proattiv u jipproteġu lill-vittmi fost il-popolazzjoni vulnerabbli, jiżguraw permezz tal-liġi li l-vittmi tat-traffikar identifikati ma jiġux ikkastigati għal delitti b'riżultat dirett tat-traffikar tagħhom, jappoġġjaw l-isforzi ta' protezzjoni tal-vittmi, iħarrġu l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, u jiżviluppaw ulterjorment il-kapaċità taċ-ċentri ta' akkoljenza u r-rifuġji; jitlob ukoll lill-gvernijiet rispettivi jtejbu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex jinħoloq ambjent dissważiv għat-traffikanti, fejn każijiet ta' traffikar jiġu investigati kif xieraq u l-ħatja jinsabu tali u jiġu kkastigati; jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni biex itejbu r-rekords tagħhom fir-rigward tal-prosekuzzjoni u l-ikkastigar u jappoġġjaw inizjattivi lokali biex jiġu indirizzati l-kawżi tat-traffikar, bħall-vjolenza domestika u opportunitajiet ekonomiċi limitati għan-nisa;
15. Iqis li ugwaljanza ġenwina bejn is-sessi tistrieħ ukoll fuq l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi f'fażi ta' adeżjoni jindirizzaw l-omofobija u t-transfobija li fadal fid-dritt, fil-politika u fil-prattika, inkluż permezz tal-leġiżlazzjoni dwar ir-reati ta' mibgħeda, it-taħriġ tal-pulizija u l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, u jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali fir-reġjun jikkundannaw il-mibegħda u l-vjolenza abbażi tal- orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru;
16. Jilqa' ż-żieda f'inizjattivi reġjonali transkonfinali fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-gvernijiet u l-Kummissjoni jappoġġjaw dawn l-inizjattivi, iħeġġu l-iskambju u l-promozzjoni tal-prattiki tajbin li joħorġu minnhom, fosthom billi jużaw il-fondi ta' qabel l-adeżjoni u jqiegħdu għad-dispożizzjoni biżżejjed fondi għal dawn l-inizjattivi, inkluż mill-perspettiva tal-ibbaġitjar għas-sessi;
17. Jistieden lill-Gvern tal-Montenegro, u lill-Gvernijiet tas-Serbja, ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u tal-Albanija, ladarba jibdew in-negozjati għall-adeżjoni, biex jaqblu fuq ftehim qafas mal-parlamenti tagħhom u s-soċjetà ċivili dwar l-involviment ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fost l-oħrajn fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, fin-negozjati tal-adeżjoni u fit-tfassil tal-pjanijiet ta' azzjoni għar-riforma li jirriżultaw minn dawn in-negozjati, u biex jiżgurawlhom aċċess għal dokumenti rilevanti li għandhom x'jaqsmu mal-proċess tal-adeżjoni;
18. Jitlob lill-gvernijiet tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni jirrikonoxxu u jappoġġjaw ir-rwol li s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tan-nisa għandhom f'oqsma speċifiċi, bħall-promozzjoni tad-drittijiet tal-leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru, il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, iż-żieda fil-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politika tan-nisa u l-promozzjoni tal-isforzi tal-konsolidazzjoni tal-paċi; jappoġġja bis-sħiħ l-attivitajiet immirati lejn l-emanċipazzjoni tan-nisa u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetajiet ikkonċernati;
19. Jinnota bi tħassib li fil-parti l-kbira tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni, il-proċess għall-inklużjoni soċjali tar-Roma naqqas fil-pass u, f'xi każijiet, saħansitra waqaf; jitlob lill-gvernijiet rispettivi jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jintegraw ulterjorment liċ-ċittadini Roma u jiggarantixxu l-qerda ta' kull forma ta' diskriminazzjoni u ta' preġudizzju kontra r-Roma, speċjalment in-nisa u t-tfajliet li jsofru diskriminazzjoni multipla, komposta u intersezzjonali; jitlob lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tinvolvi lill-pajjiżi tat-tkabbir fl-istadji kollha tal-adeżjoni, u timmobilizza l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-mekkaniżmu tal-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA);
20. Jinnota bi tħassib li d-drittijiet tal-attivisti favur il-leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru u favur id-drittijiet tal-bniedem li jenfasizzaw l-importanza li jiġi ffaċċjat il-passat huma regolarment fil-mira ta' diskors ta' mibgħeda, theddid u attakki fiżiċi, u jitlob lill-gvernijiet tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni jieħdu miżuri speċifiċi biex jipprevjenu u jiġġieldu l-vjolenza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem nisa;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-implimentazzjoni tad-drittijiet tan-nisa, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontinwa kontra l-vjolenza domestika prijorità fil-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, billi tkompli tindirizza dawn il-kwistjonijiet u timmonitorja u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tagħhom f'rapporti ta' progress, u tenfasizza l-importanza tagħhom f'kuntatti mal-awtoritajiet, u billi turi eżempju tajjeb billi tiżgura li d-delegazzjonijiet, it-timijiet tan-negozjati u r-rappreżentanza tagħha stess waqt laqgħat u fil-midja jkunu bilanċjati bejn is-sessi;
22. Jitlob lid-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi Balkani jimmonitorjaw b'attenzjoni l-progress imwettaq fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi fid-dawl ta' adeżjoni futura fl-UE, u jistieden lil kull delegazzjoni taħtar membru tal-persunal bħala responsabbli mill-politiki dwar is-sessi biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-prattiki tajba fir-reġjun tal-Balkani;
23. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali fir-reġjun biex jappoġġjaw l-ugwaljanza bejn is-sessi permezz tal-edukazzjoni fl-iskejjel u fl-universitajiet; jinnota li minn età żgħira, ħafna bniet ma jitħeġġux jistudjaw suġġetti tal-iskola jew tal-università li huma meqjusa bħala 'tal-irġiel' minnhom infushom, bħax-xjenza, il-matematika u t-teknoloġija; jirrakkomanda li fl-iskejjel jiġu introdotti korsijiet inizjali u li titwessa' l-medda ta' suġġetti u karrieri possibbli miftuħa għall-bniet, sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw il-bażi tal-għarfien u sensiela sħiħa ta' ħiliet neċessarji biex jirnexxu fi kwalunkwe triq li jiddeċiedu li jieħdu;
24. Jenfasizza li n-nisa għandu jkollhom kontroll fuq id-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, inkluż b'aċċess għal kontraċettivi ta' kwalità għolja u bi prezz raġonevoli; jesprimi t-tħassib fir-rigward tar-restrizzjonijiet dwar l-aċċess għal servizzi ta' saħħa sesswali u riproduttiva fil-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni;
25. Jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni jadottaw leġiżlazzjoni u politiki biex jiżguraw aċċess universali għal servizzi tas-saħħa riproduttiva u jippromwovu d-drittijiet riproduttivi, u biex b'mod sistematiku jiġbru data li tkun meħtieġa għall-promozzjoni tas-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva;
L-Albanija
26. Jistieden lill-Gvern Albaniż jappoġġja l-parteċipazzjoni ta' aktar nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi, b'mod speċjali fid-dawl tal-elezzjonijiet parlamentari fl-2013;
27. Jistieden lill-Gvern Albaniż jimplimenta l-Istrateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni u l-Iżvilupp u l-Liġi dwar il-Protezzjoni mid-diskriminazzjoni billi jsaħħaħ l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni u billi jwaqqaf istituzzjoni tal-appell f'għamla ta' Kummissarju speċifikament għal każijiet ta' diskriminazzjoni sessista, sabiex jippromwovi ambjent fejn in-nisa li jwelldu tfal bniet ma jkunux soġġetti għal diskriminazzjoni;
28. Jitlob lill-Gvern Albaniż itejjeb il-koordinament bejn l-awtoritajiet nazzjonali u lokali, b'mod speċjali fir-rigward tal-ġlieda kontra l-vjolenza domestika, u jinnota li n-nisa għandhom ikunu aktar involuti fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali u lokali fl-Albanija;
29. Jitlob lill-Gvern Albaniż jipproponi riformi li jqisu d-dimensjoni tas-sessi għal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet għall-proprjetà, il-kodiċi penali, il-liġi elettorali u l-liġijiet tax-xogħol;
30. Ifaħħar lill-Albanija għat-taħriġ mogħti lill-imħallfin dwar l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u miżuri kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u għall-possibilità li vittmi ta' diskriminazzjoni jew ta' vjolenza jirċievu għajnuna legali sponsorjata mill-istat;
31. Ifaħħar lill-Albanija għad-deċiżjoni li ħadet dwar l-integrazzjoni tas-sessi fil-programm baġitarju fuq medda medja ta' żmien għall-Ministeri kollha u jistenna li jara r-riżultati tal-implimentazzjoni tagħha;
32. Jistieden lill-Gvern Albaniż jimplimenta, u jekk ikun meħtieġ jadotta, indikaturi tal-prestazzjoni biex tiġi monitorjata l-implimentazzjoni tad-drittijiet tan-nisa u miżuri ta' ugwaljanza bejn is-sessi;
33. Jistieden lill-parlament Albaniż jistabbilixxi kumitat parlamentari biex jittratta speċifikament id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi;
34. Jitlob lill-Gvern Albaniż isaħħaħ l-implimentazzjoni, b'mod partikolari fil-livell lokali, ta' strumenti politiċi li jsawru d-drittijiet tan-nisa, bħall-Istrateġija Nazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-vjolenza domestika u l-vjolenza fuq in-nisa (2011-2015);
35. Ifaħħar lill-awtoritajiet Albaniżi għat-twaqqif ta' indikaturi tal-prestazzjoni għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' miżuri għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-pubblikazzjoni tar-Rapport Nazzjonali dwar l-Istatus tan-Nisa u tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Albanija 2012;
Il-Bosnja-Ħerzegovina
36. Jitlob lill-Gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina jallinja l-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll il-prattika legali f'livelli differenti, sabiex tinħoloq sitwazzjoni legali uniformi fil-pajjiż, u jsaħħaħ id-dipartiment responsabbli għall-ugwaljanza bejn is-sessi f'livell ċentrali fil-pajjiż sabiex jindirizza n-nuqqas attwali ta' nisa fl-ogħla livelli tal-governanza u jimmonitorja l-problemi kkawżati s'issa min-nuqqas ta' implimentazzjoni tagħha; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu mill-mekkaniżmi kollha disponibbli sabiex tissaħħaħ ir-responsabbiltà u tittieħed azzjoni aktar qawwija min-naħa tal-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina f'dan ir-rigward; jitlob lill-Gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina jqiegħed aktar enfasi fuq l-implimentazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Bosnja-Ħerzegovina u l-Liġi dwar il-Projbizzjoni tad-Diskriminazzjoni ma' liġijiet oħra fil-livell statali;
37. Jinnota bi tħassib partikolari d-diskriminazzjoni kontra n-nisa tqal u n-nisa li għadhom kif welldu fis-suq tax-xogħol, u d-differenzi fid-drittijiet tas-sigurtà soċjali b'rabta mal-maternità bejn id-diversi entitajiet u distretti awtonomi (cantons); jitlob lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jallinjaw id-drittijiet ta' sigurtà soċjali għal dawk bil-liv tal-maternità, tal-paternità jew liv tal-ġenituri madwar il-pajjiż sabiex jintlaħaq livell għoli, u tinħoloq sitwazzjoni uniformi għaċ-ċittadini kollha;
38. Jinnota bi tħassib il-livell baxx ta' sensibilizzazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-leġiżlazzjoni kontra l-vjolenza fuq in-nisa, mhux biss fost il-popolazzjoni ġenerali, iżda wkoll fost dawk li jaħdmu fl-infurzar tal-liġi; jistieden lill-awtoritajiet jimplimentaw pjan ta' azzjoni sabiex joħolqu aktar kuxjenza u jħarrġu l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi;
39. Jinnota bi tħassib serju li l-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza domestika għad iridu jiġu armonizzati mal-liġijiet tal-entitajiet, bil-għan li jirrikonoxxu l-vjolenza domestika bħala delitt kriminali fil-kodiċijiet kriminali taż-żewġ entitajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina, u b'hekk mhux qed tiġi pprovduta s-sikurezza legali lil dawn il-vittmi; jitlob lill-Gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina jsolvi din il-kwistjoni malajr kemm jista' jkun sabiex tiżdied il-protezzjoni għall-vittmi;
40. Ifaħħar lin-nisa fil-parlament tal-Bosnja-Ħerzegovina għad-dibattitu transpartitiku tagħhom dwar il-vjolenza sessista mal-ministri rilevanti; jitlob lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jagħtu segwitu lil dan id-dibattitu b'miżuri konkreti biex jippromwovu l-ġlieda kontra l-vjolenza sessista;
41. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jipprovdu statistika uffiċjali dwar in-numru ta' każijiet rapportati ta' vjolenza abbażi ta' data miġbura minn rapporti tal-pulizija, ċentri tal-kura soċjali u istituzzjonijiet ġudizzjarji, u biex jagħmlu din l-istatistika disponibbli pubblikament; bl-istess mod, jitlob lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jiġbru u jippubblikaw data dwar il-miżuri ta' protezzjoni bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-vittmi ta' vjolenza domestika;
42. Jitlob lill-Gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina jarmonizza l-Liġi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Bosnja-Ħerzegovina mal-Liġi Elettorali, fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-korpi ta' governanza eżekuttiva fil-livelli kollha tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet (muniċipali, tad-distretti awtonomi, tal-entitajiet u statali);
43. Ifaħħar lill-Bosnja-Ħerzegovina għal-leġiżlazzjoni tagħha li tistipula rata minima ta' rappreżentanza ta' 40 % għal kull sess fil-funzjonijiet amministrattivi fil-korpi governattivi statali u lokali, iżda jinnota li dan, fil-prattika, ma wassalx għal 40 % tan-nisa fl-amministrazzjoni; jitlob lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jfasslu pjan ta' azzjoni bi skadenzi ċari u b'diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet biex tiġi implimentata din il-leġiżlazzjoni;
44. Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji u umani għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar il-UNSCR 1325, għal mekkaniżmi istituzzjonali sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi, għal aċċess adegwat għall-ġustizzja u għal rifuġji għall-vittmi ta' vjolenza domestika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina fil-livelli kollha jinkludu biżżejjed finanzjament għal dawn l-għanijiet fil-baġits tagħhom;
45. Jiddeplora l-fatt li, s'issa, l-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina investigaw u kkundannaw biss għadd limitat ta' każijiet ta' delitti tal-gwerra ta' vjolenza sesswali; jinnota bi tħassib serju li numru kbir ta' ħatja ta' tali delitti ħarbu s-sistema ġudizzjarja b'impunità; jinnota wkoll in-nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina li jipprovdu programmi ta' protezzjoni tax-xhieda adegwati għall-vittmi; jitlob, għalhekk, lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina jiżguraw li l-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra ta' vjolenza sesswali jkollhom aċċess sikur u adegwat għas-sistema ġudizzjarja u li l-każijiet kollha ta' delitti tal-gwerra miġjuba quddiem il-qrati jiġu ttrattati malajr u b'mod effiċjenti;
46. Jitlob lill-Gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina jtejjeb il-monitoraġġ ta' leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, billi jiġu inklużi objettivi ċari fil-politiki u pjanijiet ta' azzjoni u billi jiġu identifikati b'mod ċar l-istituzzjonijiet responsabbli mill-implimentazzjoni; jitlob ukoll lill-awtoritajiet tal-Bosnia-Ħerzegovina fil-livelli kollha jikkooperaw fil-ġbir ta' data statistika komprensiva dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-pajjiż kollu kemm hu;
Il-Kroazja
47. Iħeġġeġ lill-Gvern Kroat ikompli bl-aġġustament tal-leġiżlazzjoni tiegħu mal-acquis communautaire tal-UE fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi wara l-adeżjoni;
48. Jitlob lill-awtoritajiet Kroati jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni li tistipula 40 % tan-nisa fil-listi elettorali għall-korpi ta' awtonomija lokali u reġjonali, il-Parlament u l-Parlament Ewropew, meta jitqies li matul l-elezzjonijiet parlamentari tal-2011, żewġ terzi tal-partiti politiċi ma laħqux il-miri preskritti;
49. Ifaħħar lill-Kroazja għat-twaqqif tal-uffiċċju ta' Ombudsperson għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, u għas-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa u miżuri ta' ugwaljanza bejn is-sessi maħluqa mill-viżibilità ta' dan l-uffiċċju; jirrakkomanda lill-pajjiżi kollha fir-reġjun sabiex jikkunsidraw jekk jistgħux isegwu dan l-eżempju bħala prattika tajba; iħeġġeġ lill-Gvern Kroat jibqa' jiffinanzja lill-Uffiċċju tal-Ombudspersons u jsegwi r-rakkomandazzjonijiet magħmula minnhom;
50. Jilqa' l-pjanijiet ta' azzjoni għall-integrazzjoni lokali tas-sessi, partikolarment fir-reġjun tal-Istrija; jitlob lill-gvern Kroat jippromwovi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni bħal dawn madwar il-pajjiż;
51. Jistieden lill-Gvern Kroat jistabbilixxi djalogu strutturali mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod speċjali fid-dawl tas-sitwazzjoni wara l-adeżjoni;
52. Jilqa' l-progress magħmul fil-Kroazja f'termini ta' trattament adegwat ta' każijiet ta' vjolenza fuq in-nisa u diskriminazzjoni sessista mill-pulizija, wara taħriġ immirat tal-uffiċjali tal-pulizija f'dan il-qasam u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu b'dawn l-azzjonijiet; josserva li l-każijiet madankollu għadhom mhumiex trattati b'mod adegwat mill-ġudikatura u jitlob lill-awtoritajiet jibdew azzjonijiet biex jissensibilizzaw u jħarrġu lill-ġudikatura wkoll; jitlob ukoll lill-gvern Kroat iqiegħed għad-dispożizzjoni għajnuna legali bla ħlas għall-vittmi ta' vjolenza u diskriminazzjoni sessista;
53. Jitlob lill-awtoritajiet Kroati jiċċaraw fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Protezzjoni mill-Vjolenza fil-Familja (2011-2016) liema awtorità hija responsabbli minn liema azzjoni u jagħtu finanzjament adegwat lill-awtoritajiet u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jimplimentaw l-Istrateġija;
Il-Kosovo
54. Jilqa' r-rwol attribwit lill-Assemblea tal-Kosovo fl-approvazzjoni, ir-reviżjoni u l-monitoraġġ tal-Programm għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi; jappella għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti ta' monitoraġġ;
55. Jitlob lill-gvern tal-Kosovo jippromwovi linja telefonika diretta ta' emerġenza madwar il-pajjiż għall-vittmi ta' vjolenza domestika u vjolenza sessista u joħloq għarfien dwar il-possibbiltajiet ta' rapportar u pproċessar tal-każijiet;
56. Ifaħħar lill-gvern tal-Kosovo talli qiegħed l-Aġenzija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u jitlob lill-gvern jiżgura funzjonament aktar effiċjenti tal-Aġenzija fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi mingħajr indħil politiku;
57. Jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jistabbilixxi ċ-Ċentru għat-Trattament Ugwali propost mill-aktar fis possibbli;
58. Ifaħħar lill-Kosovo għat-taħriġ tal-uffiċjali tal-pulizija fil-ġestjoni ta' każijiet ta' vjolenza sessista u t-twaqqif ta' kmamar speċjali fl-għases tal-pulizija għall-vittmi u t-tfal tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jħarreġ lill-ġudikatura fil-ġestjoni ta' dawn il-każijiet ukoll u jżid in-numru ta' rifuġji għall-vittmi u t-tul possibbli ta' permanenza f'dawn ir-rifuġji;
59. Iħeġġeġ lill-gvern tal-Kosovo jirrikonoxxi u jaħdem lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' Pristina, kif stabbiliti fis-summit dwar in-nisa li sar fil-Kosovo f'Ottubru 2012;
60. Jenfasizza l-bżonn ta' aktar promozzjoni dwar l-użu u l-provvista tal-kontraċettivi, u l-aċċess għalhom, peress li filwaqt li perċentwal akbar ta' nisa issa qegħdin jużaw metodi kontraċettivi bħal dawn, l-użu tal-kontraċettivi xorta għadu 'l bogħod milli jkun universali fost in-nisa kollha fil-Kosovo;
61. Jitlob lill-Gvern tal-Kosovo jirrikonoxxi l-vittmi ta' vjolenza sesswali matul il-konflitt tal-1998-1999 bħala kategorija speċjali fil-liġi permezz ta' emenda lil-Liġi Nru 04/L-054 dwar l-istatus u d-drittijiet tal-martri, l-invalidi, il-veterani, il-membri tal-Kosovo Liberation Army, il-vittmi ċivili tal-gwerra u l-familji tagħhom;
62. Jitlob lill-Gvern tal-Kosovo jidentifika b'mod ċar indikaturi għall-konformità u n-nonkonformità fl-istruzzjonijiet amministrattivi għal-liġijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diskriminazzjoni, sabiex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom; jitlob ukoll lill-Gvern jiġbor data dwar, u jistabbilixxi reġistru nazzjonali għal, każijiet ta' diskriminazzjoni u vjolenza sessista;
Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM)
63. Ifaħħar lill-Gvern ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għall-proposta l-ġdida għal liġi kontra l-fastidju sesswali jew il-fastidju morali (mobbing) fil-post tax-xogħol, inklużi ċitazzjonijiet għall-ħatja, u jappella biex il-proposta għal liġi tiġi armonizzata mal-kodiċi kriminali; jilqa' l-intenzjoni tal-Gvern ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jibdel il-leġiżlazzjoni biex jiġi żgurat li ż-żewġ ġenituri jitħallew jieħdu liv tal-ġenituri jew liv tal-familja sabiex jieħdu ħsieb qraba morda, u l-adozzjoni reċenti ta' tibdil fil-liġi tax-xogħol biex tingħata protezzjoni legali aħjar fis-suq tax-xogħol lin-nisa li huma tqal jew li għadhom kif welldu;
64. Jinnota bi tħassib li n-nisa Roma jsofru diskriminazzjoni doppja abbażi tas-sess u tal-etniċità; jitlob, għalhekk, lill-gvern ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jadotta qafas komprensiv kontra d-diskriminazzjoni li jippermetti lin-nisa Roma jiżguraw id-drittijiet tagħhom;
65. Ifaħħar lill-awtoritajiet ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar iż-żieda ta' pieni dissważivi għan-nonkonformità mal-liġi li tistipula rappreżentanza ta' mill-inqas 30 % ta' kull sess fil-korpi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob lill-gvern tal-FYROM jimmonitorja mill-qrib jekk, b'riżultat ta' dan, mill-inqas 30 % tal-membri f'korpi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, speċjalment fil-livell lokali, humiex nisa;
66. Ifaħħar lill-Parlament ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-'klabb tan-nisa' attiv, li permezz tiegħu, Membri Parlamentari nisa minn diversi partiti jikkooperaw biex jippromwovu d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi billi jorganizzaw dibattiti pubbliċi, konferenzi u avvenimenti internazzjonali oħra, u billi jikkooperaw mas-soċjetà ċivili biex jindirizzaw kwistjonijiet delikati jew marġinalizzati bħall-edukazzjoni sesswali fl-iskejjel primarji, il-vjolenza domestika, l-HIV, il-kanċer ċervikali, id-diskors ta' mibgħeda u l-pożizzjoni tan-nisa fiż-żoni rurali;
67. Jinnota li l-mekkaniżmi tar-Rappreżentant Legali fid-Dipartiment għall-Opportunitajiet Indaqs fil-Ministeru tax-Xogħol u l-Politika Soċjali, responsabbli biex jipprovdi parir legali f'każijiet ta' trattament mhux ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, ma jaħdmux tajjeb; jitlob lill-Gvern ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jieħu miżuri biex itejjeb il-funzjonament ta' dawn il-mekkaniżmi;
68. Jinnota bi tħassib l-implimentazzjoni frammentata tal-pjanijiet ta' azzjoni u l-istrateġiji għall-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nuqqas ta' koordinament globali tal-isforzi; jitlob lill-Gvern ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jżid ir-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli għad-Dipartiment għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, kif ukoll jiżgura l-ħatra u l-funzjonament effettiv ta' Koordinaturi għall-Opportunitajiet Indaqs fil-livell nazzjonali u lokali;
69. Jilqa' l-progress magħmul fil-ġlieda kontra l-vjolenza sessista, riflessa mhux l-inqas fiż-żieda fir-rapporti minħabba l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni, it-taħriġ ta' uffiċjali tal-pulizija speċjalizzati u l-ftehim dwar protokolli bejn l-istituzzjonijiet rigward l-ipproċessar ta' rapporti; jinnota bi tħassib, madankollu, li n-numru ta' rifuġji għall-vittmi ta' vjolenza domestika u ta' tipi oħra ta' vjolenza sessista mhuwiex biżżejjed;
70. Jitlob lill-Gvern ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jelimina l-ostakli kulturali u finanzjarji eżistenti għan-nisa biex jiksbu aċċess għall-kontraċezzjoni;
Il-Montenegro
71. Jinnota bi tħassib li l-perċentwal ta' nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi ftit li xejn żdied matul l-aħħar għexieren ta' snin; jistieden lill-Gvern Montenegrin jirriforma l-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam u jiżgura l-konformità;
72. Jistieden lill-Gvern Montenegrin iżid ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli għad-Dipartiment għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, l-implimentazzjoni tal-qafas legali u istituzzjonali għall-infurzar tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi;
73. Ifaħħar lill-Gvern tal-Montenegro għat-tfassil tal-Pjan ta' Azzjoni nazzjonali l-ġdid għall-Ilħiq tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-inklużjoni ta' miri strateġiċi u operattivi f'dan il-pjan; jitlob lill-Gvern jiddedika biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għall-implimentazzjoni tiegħu u jistabbilixxi qafas għat-tkomplija tal-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili fil-fażi ta' implimentazzjoni;
74. Jilqa' l-inklużjoni ta' miżuri dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programm ta' riforma Montenegrin għall-adeżjoni; jistieden lill-Gvern Montenegrin jagħti prijorità lil azzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fin-negozjati dwar l-adeżjoni fil-Kapitolu 23 dwar 'Il-Ġudikatura u d-Drittijiet Fundamentali' kif ukoll f'kapitoli oħra rilevanti, inkluż il-Kapitolu 19 dwar 'Il-Politika Soċjali u l-Impjiegi", il-Kapitolu 24 dwar 'Il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà', u l-Kapitolu 18 dwar 'L-Istatistika';
75. Ifaħħar lill-Gvern Montenegrin għall-progress magħmul fl-indirizzar tal-vjolenza domestika permezz tal-adozzjoni ta' Kodiċi ta' Mġieba dwar proċeduri għal rispons istituzzjonali kkoordinat; jinnota bi tħassib, madankollu, li l-vjolenza domestika għadha ta' tħassib kbir fil-Montenegro, u jitlob lill-Gvern jiddedika biżżejjed fondi u sforzi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u tal-Kodiċi ta' Mġieba, biex jintroduċi linja tat-telefon nazzjonali ta' emerġenza u biex jiġbor id-data;
76. Jinnota bi tħassib in-numru baxx ta' lmenti dwar diskriminazzjoni u vjolenza sessisti; jitlob lill-Gvern Montenegrin jagħmel l-investimenti meħtieġa biex iqanqal kuxjenza dwar id-drittijiet tan-nisa, il-leġiżlazzjoni attwali dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza u l-possibbiltajiet ta' rapportar u indirizzar tal-każijiet ta' ksur;
77. Jilqa' l-isforzi magħmula mill-Parlament Montenegrin biex jirriċerka b'mod metodiku l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza;
Is-Serbja
78. Jistieden lill-Gvern Serb jimplimenta ulterjorment il-Programm Nazzjonali għall-Integrazzjoni tal-UE billi jsaħħaħ il-mekkaniżmi sabiex tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni tal-liġi li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni, u jtejjeb il-kapaċitajiet amministrattivi tal-korpi li għandhom x'jaqsmu mal-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi l-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Ugwaljanza u d-Deputat Ombudsperson għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi;
79. Ifaħħar lill-Gvern Serb għall-kodiċi elettorali li jistipula li wieħed minn kull tliet kandidati fuq il-listi elettorali għall-Parlament għandu jkun membru tas-sess sottorappreżentat u għall-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, li assigura li 34 % tas-siġġijiet fil-Parlament huma okkupati minn nisa;
80. Jistieden lill-Gvern Serb iħarreġ l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi fil-pulizija u l-ġudikatura fis-sensibilizzazzjoni u l-ġestjoni xierqa ta' każijiet ta' diskriminazzjoni u vjolenza sessisti, biex jipprovdi għajnuna legali b'xejn lill-vittmi u jindirizza l-problema ġenerali tal-każijiet b'lura quddiem il-qrati;
81. Jilqa' l-progress magħmul fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika permezz tal-adozzjoni ta' protokoll ġenerali dwar il-proċeduri għall-kooperazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' vjolenza domestika u bejn l-imsieħba, l-introduzzjoni ta' linja telefonika ta' emerġenza u l-ftuħ ta' rifuġju ġdid; jinnota, madankollu, li l-vjolenza domestika għadha tqajjem tħassib kbir fis-Serbja; jitlob lill-gvern jipprovdi biżżejjed fondi u jagħmel biżżejjed sforzi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-protokoll, jippromwovi r-rappurtar ta' każijiet u jiġbor u jaqsam informazzjoni u data bejn l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tan-nisa;
82. Ifaħħar lill-Gvern Serb u l-Parlament Serb għall-kooperazzjoni tagħhom mill-qrib ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil ta' pjan ta' azzjoni biex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jistieden lill-Gvern jipprovdi biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għall-implimentazzjoni tagħha;
83. Jitlob lill-awtoritajiet Serbi jtejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-ugwaljanza bejn is-sessi, speċjalment fil-livell lokali bejn il-gvernijiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali, fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' liġijiet u politiki dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-vjolenza sessista, u jipprovdu fondi strutturali għat-tħaddim ta' organizzazzjonijiet li jittrattaw il-vjolenza sessista;
84. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
'Il-pajjiżi tagħna huma ġenna ta' veru għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Fuq il-karta, jiġifieri', qal rappreżentant tas-soċjetà ċivili dan l-aħħar dwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent f'fażi ta' adeżjoni. Filwaqt li dawn il-pajjiżi ħadmu bis-sħiħ dwar l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni neċessarja biex jallinjaw il-liġijiet tagħhom mal-acquis communautaire tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-implimentazzjoni ta' dawn id-drittijiet sabiex in-nisa jkunu jistgħu jinvokawhom fil-prattika hija inqas sodisfaċenti.
Biex id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tan-nisa u dawk dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi jkunu effettivi, jeħtieġ ikun hemm mekkaniżmi għall-implimentazzjoni. In-nies għandhom ikunu konxji mid-drittijiet li għandhom, jeħtieġ ikunu kapaċi jirrapportaw diskriminazzjoni jew ksur tad-drittijiet tagħhom lil awtorità u r-rapporti tagħhom jeħtieġ ikunu ġestiti b'mod xieraq u fil-ħin biex id-drittijiet tagħhom ikunu jagħmlu sens fil-prattika.
Il-kumitat għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi għamel l-aħħar rapport tiegħu dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni fl-2008. Minn dakinhar 'l hawn, il-parti l-kbira tal-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent għamlu progress fit-triq lejn l-adeżjoni fl-UE, għalkemm ilkoll b'pass differenti. Il-Kroazja hija kważi lesta biex tidħol, il-Montenegro daħal fin-negozjati, is-Serbja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kisbu l-istatus ta' kandidat u l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kosovo qegħdin jaħdmu, bi gradi differenti ta' suċċess, biex jagħmlu l-passi li jmiss lejn l-adeżjoni. Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi hija parti kruċjali minn dawn il-proċessi. Mhux biss għaliex in-nisa jirrappreżentaw nofs il-popolazzjoni tal-pajjiżi f'fażi ta' adeżjoni, iżda wkoll għaliex l-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur ċentrali tal-UE, stipulat fit-Trattat tagħha.
F'dan ir-rapport, saret l-għażla li jiġu indirizzati b'mod speċifiku l-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni fil-pajjiżi f'fażi ta' adeżjoni minflok ma jiġu elenkati l-problemi li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod ġenerali. L-għan huwa li jsiru appelli konkreti lill-pajjiżi sabiex jadattaw il-liġijiet, il-politiki, il-baġits u/jew l-oqfsa istituzzjonali tagħhom, sabiex ikun ċar x'inhu mistenni minnhom biex tiġi implimentata l-ugwaljanza bejn is-sessi. Għalhekk kwistjonijiet bħan-nuqqasijiet fis-sistemi tal-kura tas-saħħa għan-nisa u n-nuqqas ta' edukazzjoni mmirata lejn l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi tħallew barra mill-ambitu ta' dan l-abbozz ta' rapport, peress li mhumiex indirizzati b'mekkaniżmi ta' implimentazzjoni speċifiċi stabbiliti mill-awtoritajiet. Il-vjolenza kontra n-nisa hija inkluża għal xi pajjiżi, peress li f'dak il-qasam il-gvernijiet jistgħu jiġu mistiedna jipprovdu linja telefonika diretta ta' emerġenza, rifuġji, protezzjoni tal-pulizija u ġestjoni ġudizzjarja xierqa tal-każijiet.
Għażla oħra hija li jiġu indirizzati l-pajjiżi speċifikament b'isimhom minflok ma jsiru biss rimarki ġenerali dwar ir-reġjun kollu kemm hu. Dan huwa ġustifikat mill-istadji differenti tal-proċess ta' adeżjoni li l-pajjiżi qegħdin fihom bħalissa. Barra minn hekk, hemm periklu fl-indirizzar lejn kulħadd biss. Jekk jiġi indirizzat kulħadd, iċ-ċansijiet huma li ħadd ma jħossu indirizzat. L-abbozz ta' rapport għalhekk jibda b'rimarki ġenerali li jikkonċernaw il-pajjiżi kollha xi ftit jew wisq jew li jeħtieġu sforzi konġunti minn aktar minn pajjiż wieħed. Wara dan, il-miżuri meħtieġa mill-pajjiżi speċifiċi huma elenkati skont il-pajjiż f'ordni alfabetiku. Għal kull pajjiż, minbarra r-rimarki ġenerali saru rimarki f'wieħed jew aktar mill-oqsma li ġejjin:
- l-allinjament tal-leġiżlazzjoni mal-acquis tal-UE dwar l-ugwaljanza, leġiżlazzjoni oħra
- pjanijiet ta' azzjoni u strateġiji
- korpi governattivi, parlamentari u indipendenti
- sforzi tal-pulizija u l-ġudikatura
- aspetti baġitarji
- kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili
- monitoraġġ, informazzjoni u ġbir ta' data
Bħala bażi għal dan ir-rapport, jien użajt studju li sar dan l-aħħar fuq talba tiegħi. Għall-istudju, numru kbir ta' delegazzjonijiet tal-UE, awtoritajiet u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent f'fażi ta' adeżjoni ġew mistoqsija x'titlob l-UE mingħand l-istati membri futuri fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, x'mekkaniżmi u għodod hemm biex jiġu implimentati l-leġiżlazzjoni u l-politiki u kemm dawn huma effettivi fil-prattika.
Barra minn hekk, jien organizzajt sessjoni ta' ħidma f'Sarajevo f'Ottubru 2012 ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, membri parlamentari u rappreżentanti tal-gvern mill-parti l-kbira tal-pajjiżi fir-reġjun, u kelli ħafna diskussjonijiet individwali u fi gruppi ma' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, korpi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, membri parlamentari u uffiċjali tal-gvern.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (8.3.2013)
għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
dwar id-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi Balkani f’fażi ta’ adeżjoni
(2012/2255(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Emine Bozkurt
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza l-bżonn li l-kwistjoni tad-drittijiet tan-nisa ssir punt ċentrali fin-negozjati ma’ pajjiżi potenzjalment kandidati jew pajjiżi kandidati tal-Balkani tal-Punent, biex b’hekk jiġi żgurat li l-progress fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa jkun rifless fil-kapitoli tan-negozjati rilevanti kollha u li n-nisa jkunu rappreżentati b’mod ekwu fuq il-mejda tan-negozjati;
2. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tirrapporta dwar id-drittijiet tan-nisa u l-applikazzjoni tagħhom fid-dettall fir-rappporti dwar il-progress;
3. Jafferma mill-ġdid il-bżonn li d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza tal-ġeneru jiġu integrati fil-fażijiet kollha tal-proċess ta’ tkabbir, inklużi fil-qafas futur tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni l-ġdid (IPA-II) għall-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020; jisħaq fuq il-fatt li l-impenji, l-istrutturi u l-metodi governattivi għall-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-ġeneru huma deċiżivi għall-progress b’suċċess lejn l-ugwaljanza tas-sessi;
4. Iqis li ugwaljanza ġenwina bejn is-sessi tistrieħ ukoll fuq l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali jew l-identità sesswali; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi f'fażi ta' adeżjoni jindirizzaw l-omofobija u t-transfobija li għadhom jeżistu fil-liġi, il-politika u l-prattika, kif ukoll jilleġiżlaw fuq delitti ta' mibgħeda, taħriġ tal-pulizija u leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni;
5. Jenfasizza li, fil-proċess ta’ bini ta’ istituzzjonijiet demokratiċi li jiffunzjonaw tajjeb, l-iżgurar tal-parteċipazzjoni attiva tan-nisa – li jirrappreżentaw aktar min-nofs tal-popolazzjoni tal-pajjiżi Balkani – huwa kruċjali għall-governanza demokratika;
6. Jappoġġa bis-sħiħ l-attivitajiet diretti lejn l-emanċipazzjoni tan-nisa u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetajiet ikkonċernati;
7. Jenfasizza l-bżonn għan-nisa fil-Balkani tal-Punent li jassumu rwol prominenti fis-soċjetà permezz tal-parteċipazzjoni attiva u r-rappreżentazzjoni fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali fil-livelli kollha; jirrimarka li l-appoġġ għall-politiki li jikkonċernaw opportunitajiet indaqs huwa importanti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi Balkani f'fażi ta' adeżjoni; josserva li l-progress lejn il-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livelli kollha ta’ gvern (mil-lokali għan-nazzjonali, mill-eżekuttiv għas-setgħat leġiżlattivi) huwa ta’ importanza kbira; jilqa’ b’sodisfazzjon il-kwoti u jistieden lill-pajjiżi li għadhom ma għamlux dan biex jippromwovu r-rappreżentanza tan-nisa u, fejn ikun meħtieġ, japplikaw kwoti b’mod effikaċi għall-partiti politiċi u l-assemblej nazzjonali, u jħeġġeġ lill-pajjiżi li diġà għamlu dan biex ikomplu b’dan il-proċess sabiex ikun żgurat li n-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-ħajja politika u jegħlbu l-livell baxx ta’ rappreżentazzjoni tagħhom; Jilqa, f'dan ir-rigward, is-samit internazzjonali għan-nisa riċenti dwar “Partnership for Change” (Sħubija għal Bidla) li sar f’Pristina f’Ottubru 2012 taħt il-partronċinju tal-unika kap ta’ stat mara fir-reġjun, Atifete Jahjaga;
8. Iqis li l-emanċipazzjoni tan-nisa – permezz tal-promozzjoni, il-protezzjoni u t-tisħiħ tad-drittijiet tagħhom, it-titjib tas-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tagħhom, iż-żieda tal-preżenza tagħhom fis-suq tax-xogħol, l-iżgurar ta’ rappreżentazzjoni ekwa tagħhom fil-proċesssi deċiżjonali politiċi u ekonomiċi u l-inkoraġġiment tal-intraprenditorija tagħhom – hija fattur ċentrali sabiex tissaħħaħ u tiġi konsolidata d-demokrazija fil-pajjiżi Balkani;
9. innorta bi tħassib li r-rati ta’ impjieg ta’ nisa fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent baqgħu baxxa ħafna u li n-nisa għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fis-suq tax-xogħol billi jippromwovu, fost affarijiet oħra, miżuri li jiżguraw kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol, pagi ugwali għal xogħol ugwali, it-tagħlim tul il-ħajja, skedi flessibbli ta' xogħol u bilanċ ġust bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol, kif ukoll miżuri ħalli titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u, konsegwentement, id-differenza bejn il-pensjoni tal-irġiel u n-nisa;
10. Jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jiżviluppaw skemi attivi tas-suq tax-xogħol intiżi sabiex irażżnu l-qgħad fost in-nisa; iħeġġihom jiżviluppaw skemi ta’ self u jqiegħdu għad-dispożizzjoni finanzjament għal negozji ġodda;
11. Jenfasizza l-importanza li tingħeleb kull xorta ta’ diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol, inkluża d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, fir-rigward tar-reklutaġġ, il-promozzjoni u l-benefiċċji; jistieden lill-gvernijiet ikkonċernati jiġbru data statistika preċiża u rilevanti;
12. Jenfasizza li l-iffinanzjar mill-Fondi Ewropew, inkluż l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA), għandu jkun aktar dirett lejn proġetti relatati mal-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa, inklużi l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi bid-diliġenza dovuta fir-rigward tal-effikaċja tal-infiq;
13. Jikkundanna kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa u jenfasizza l-bżonn li jissaħħu l-korpi responsabbli mill-infurzar tal-liġi sabiex jiġu indirizzati b’mod effikaċi kwistjonijiet bħall-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, il-vjolenza domestika, il-prostituzzjoni sforzata u t-traffikar tan-nisa.
14. Jikkundanna t-traffikar tal-bnedmin fil-Balkani, li huwa forma ta’ skjavitu moderna, u sfortunatament, wieħed mir-reati transnazzjonali li dejjem qed jiżdied; iħeġġeġ lill-UE toffri appoġġ kontinwu għall-isforzi li qed isiru fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fid-dawl tal-fatt li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma pajjiżi ta’ oriġini, tranżitu u destinazzjoni għat-traffikar tal-bnedmin, b’mod partikolari nisa u bniet u jenfasizza l-bżonn li tiġi miġġielda b’mod attiv il-kriminalità organizzata bbażata fuq tali traffikar; jappella għall-kooperazzjoni mill-qrib fuq din il-kwistjoni bejn l-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE u l-gvernijiet; jappella għal aktar kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fir-reġjun;
15. Jinsab imħasseb dwar il-marġinalizzazjzoni, dejjem akbar, tan-nisa mill-proċess deċiżjonali fuq il-paċi u s-sigurtà; jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza tal-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-proċess tal-paċi u fil-politika u t-tisħiħ tal-liġijiet u l-mekkaniżmi intiżi sabiex tiġi garantita s-sigurtà tan-nisa u l-bniet għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni u l-prevenzjoni ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru; jiddispjaċih bin-nuqqas ta’ data dwar vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u jenfasizza l-bżonn ta’ ġabra konsistenti u sistematika ta’ statistiċi mqassma skont il-ġeneru sabiex jiġi monitorjat il-progress fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni;
16. Jenfasizza l-importanza ta’ aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi nisa ta’ reati tal-gwerra, b’mod partikolari l-istupru; jenfasizza r-responsabbiltà tal-istati kollha biex itemmu l-impunità u jħarrku lil dawk responsabbli għall-ġenoċidju, ir-reati kontra l-umanità u r-reati tal-gwerra, inklużi r-reati li jinvolvu l-vjolenza sesswali kontra nisa u l-bniet, bħall-istupru, l-iskjavitu sewwali, il-prostituzzjoni sfurzata, it-tqala sfurzata, l-isterilizzazzjoni sfurzata u kull forma oħra ta’ vjiolenza sesswali ta’ gravità simili, u biex jirrikonoxxu u jikkundannaw dawn ir-reati bħala reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra; jenfasizza l-bzonn li dwan ir-reati jiġu esklużi mid-dispożizzjonijiet relatati mal-amnestija;
17. Jenfasizza l-bżonn kontinwu li nittrattaw l-avvenimenti tal-passat u li niżguraw sistematikament il-ġustizzja u r-riabilitazzjoni għall-vittmi ta’ vjolenza sesswali konnessa ma’ kunflitti; jappella għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ programmi statali adegwati għall-protezzjoni ta’ xhieda u l-prosekuzzjoni ta’ dawn ir-reati;
18. Iqis li n-nisa għandhom rwol essenzjali fl-istabbilizzazzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitt li huwa kruċjali għar-rikonċiljazzjoni fir-reġjun sħiħ; jilqa’ l-isforzi tan-netwerks bħal-lobby reġjonali tan-nisa insostenn tan-nisa fil-konsolidazzjoni tal-paċi u fil-promozzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja tan-nisa f’pajjiżi li ħarġu minn kunflitt;
19. Jinnorta bi tħassib li n-nisa Roma jsofru diskriminazzjoni doppja abbażi tas-sess u tal-etniċità; jistieden għalhekk lill-gvernijiet jadottaw oqfsa komprensivi kontra d-diskriminazzjoni li jippermettu lin-nisa Roma jiżguraw id-drittijiet tagħhom;
20. Jenfasizza l-importanza li titjieb is-sitwazzjoni tan-nisa f’żoni rurali, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna d-drawwiet diskriminatorji u l-isterjotipi.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
4.3.2013 |
|
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
29 1 2 |
|||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Sir Robert Atkins, Arnaud Danjean, Mário David, Mark Demesmaeker, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Takis Hadjigeorgiou, Liisa Jaakonsaari, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Andrey Kovatchev, Vytautas Landsbergis, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Ioan Mircea Paşcu, Hans-Gert Pöttering, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, Charles Tannock |
||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Charalampos Angourakis, Nikolaos Chountis, Anne Delvaux, Norbert Neuser, Nadezhda Neynsky, Helmut Scholz, Alf Svensson, Ivo Vajgl |
||||
|
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Danuta Jazłowiecka, Monika Panayotova |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
20.3.2013 |
|
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 1 3 |
|||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Regina Bastos, Edit Bauer, Marije Cornelissen, Edite Estrela, Iratxe García Pérez, Mikael Gustafsson, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Silvana Koch-Mehrin, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Astrid Lulling, Elisabeth Morin-Chartier, Norica Nicolai, Angelika Niebler, Siiri Oviir, Antonyia Parvanova, Raül Romeva i Rueda, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Marc Tarabella, Britta Thomsen, Anna Záborská, Inês Cristina Zuber |
||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Minodora Cliveti, Silvia Costa, Anne Delvaux, Mariya Gabriel, Mojca Kleva Kekuš, Katarína Neveďalová, Angelika Werthmann |
||||