RAPPORT dwar Aġenda dedikata lill-Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli
28.3.2013 - (2012/2234(INI))
Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Ria Oomen-Ruijten
Rapporteur għal opinjoni (*): Thomas Mann, Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
(*) Kumitati Assoċjati – l-Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura
- MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
- NOTA SPJEGATTIVA
- OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
- OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumaturr
- OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
- RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar Aġenda dedikata lill-Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2010 bit-titolu "Green Paper – lejn sistemi ta' pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri (COM)(2010)0365) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2011[1],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Frar 2012 bit-titolu "White Paper – Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli (COM)2012)0055),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Frar 2012, "White Paper – Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli"[2],
– wara li kkunsidra r-rapport imħejji b'mod konġunt mid-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali bit-titolu "L-Adegwatezza tal-Pensjonijiet fl-Unjoni Ewropea 2010-2050" (Rapport dwar l-Adegwatezza 2012),
– wara li kkunsidra r-rapport konġunt imħejji mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika bit-titolu "Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2012: Projezzjonijiet ekonomiċi u baġitarji għas-27 Stat Membru tal-UE (2010-2060)"[3],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2011 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012" (COM(2011)0815) u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-31 ta' Jannar 2012[4] ,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE[6],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill għas-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012): Perspettivi għall-Futur (SOC 992/SAN 322) tas-7 ta’ Diċembru 2012,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0137/2013),
A. billi l-opinjonijiet tal-Parlament dwar il-Green Paper 2010 tal-Kummissjoni "Lejn pensjonijiet adegwati, sostenibbli u sikuri", ġew espressi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2011;
B. billi l-agħar kriżi finanzjarja u ekonomika fid-deċenni ttrasformat fi kriżi akuta tad-dejn sovran u kriżi soċjali li laqtet ħażin ħafna d-dħul tal-pensjoni ta' miljuni ta' ċittadini tal-UE; billi din il-kriżi wriet li l-ekonomiji Ewropej huma interdipendenti u li m’għadux possibbli li kwalunkwe pajjiż jiggarantixxi waħdu l-adegwatezza, is-sikurezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tiegħu;
C. billi l-pensjonijiet huma s-sors prinċipali ta’ dħul għall-Ewropej kbar fl-età u suppost għandhom jiżguraw li l-anzjani jkollhom livell ta' għajxien deċenti u li jkunu jistgħu jkunu finanzjarjament indipendenti; billi, minkejja dan, madwar 22 % tan-nisa ta’ iktar minn 75 sena jinsabu taħt il-livell limitu tal-faqar tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk jinsabu f’riskju ta’ esklużjoni soċjali, u billi n-nisa jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-popolazzjoni ta’ iktar minn 75 sena;
D. billi l-ewwel koorti tal-hekk imsejħa "ġenerazzjoni tal-baby boom" laħaq l-età pensjonabbli, u minħabba f’hekk l-isfida demografika ma għadhiex waħda futura iżda saret realtà tal-lum, u billi l-għadd ta' persuni li għandhom aktar minn 60 sena se jiżdied b'aktar minn 2 miljuni fis-sena;
E. billi anki meta jitqiesu b’mod separat mill-kriżi ekonomika, it-tendenzi fit-tul demografiċi u tal-produttività jindikaw xenarju bi ftit li xejn tkabbir ekonomiku fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, b'rati ta' tkabbir ekonomiku aktar baxxi b'mod sinifikanti minn dawk miksuba matul deċenni preċedenti;
F. billi l-Kunsill Ewropew f'Marzu 2001 kien diġà approva l-Istateġija ta' Stokkolma fuq tliet approċċi mmirata biex: jitnaqqas b’pass mgħaġġel id-dejn pubbliku, jiżdiedu r-rati ta’ impjiegi u l-livelli ta’ produttività u jkunu riformati l-pensjoni, il-kura tas-saħħa u s-sistemi ta’ kura tas-saħħa fit-tul;
G. billi l-influwenza negattiva tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fl-Ewropa fuq il-pagi u l-impjiegi se żżid ir-riskju futur tal-faqar fix-xjuħija;
H. billi r-rata tal-qgħad li dejjem qiegħda tikber u r-redditi diżappuntanti tas-swieq finanzjarji kienu ta’ dannu kemm l-iskemi tal-pensjoni ħallas waqt li tkun għaddej kif ukoll dawk iffinanzjati;
I. billi l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrakkomanda li l-livelli minimi tal-pensjoni għandhom jogħlew bl-għan li jiġi pprovdut dħul mill-pensjoni li jaqbeż il-livell limitu tal-faqar;
J. billi sistemi ta' rtirar huma elementi ewlenin tal-mudelli soċjali Ewropej, filwaqt li l-objettiv fundamentali u mhux negozjabbli tagħhom hu li jiġi żgurat standard ta' għajxien adegwat għall-persuni ta’ età avvanzata; billi l-provvediment ta' pensjoni jibqa' kompetenza tal-Istat Membru;
K. billi s-sostenibilità tal-politika tal-pensjoni tmur lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet fiskali; billi l-proporzjonijiet tat-tifdil privat, ir-rati tal-impjieg u l-iżviluppi demografiċi pprojettati għandhom rwol sinifikanti wkoll fl-iżgurar tas-sostenibbiltà;
L. billi, fid-dibattitu Ewropew attwali, l-iskemi tal-pensjonijiet ta’ spiss jitqiesu sempliċiment bħala piż fuq il-finanzi pubbliċi minflok strument essenzjali għall-ġlieda kontra l-faqar fix-xjuħija u għar-ridistribuzzjoni tul il-ħajja ta’ individwi u fis-soċjetà kollha kemm hi;
M. billi l-pensjonanti huma kategorija ewlenija tal-konsumaturi u kwalunkwe varjazzjoni fid-drawwiet tal-infiq tagħhom għandha riperkussjonijiet serji għall-ekonomija reali;
N. billi f'ħafna pajjiżi tal-UE r-rati ta' fertilità għandhom baxxi, u dan qed iwassal għal tnaqqis fin-numru ta' persuni fl-età tax-xogħol fil-ġejjieni;
O. billi, skont l-OECD, hemm nuqqas ta’ mobbiltà bejn l-Istati Membri u li 3% biss taċ-ċittadini tal-UE fl-età tax-xogħol jgħixu fi Stat Membru ieħor[7];
P. billi l-istudju dwar ‘Aġġornament tal-qagħda tan-nisa li jgħixu għal rashom’[8], mitlub mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Parlament, juri r-riskji impliċiti ta’ wħud mill-arranġamenti eżistenti tal-pensjonijiet li jaggravaw l-iżbilanċi bejn is-sessi, speċjalment għan-nisa li jgħixu għal rashom;
Q. billi d-Dokument ta' Ħidma tal-OECD Numru 116 fil-qasam soċjali, tal-impjiegi u tal-migrazzjoni, bit-titolu "Cooking, Caring and Volunteering: Unpaid Work Around the World"[9] titfa' dawl fuq l-importanza tax-xogħol mhux bi ħlas, li għadu mhuwiex rikonoxxut fl-iskemi tal-pensjonijiet nazzjonali;
R. billi fl-UE, ir-rata ta’ impjieg tan-nies li għandhom bejn 55 u 64 sena hija 47,4 % biss u fil-każ tan-nisa 40,2 % biss; billi f’xi pajjiżi tal-UE, 2 % biss tal-postijiet battala kollha jimtlew minn persuni li għandhom 55 sena jew iktar; billi tali rati baxxi ta’ impjieg jikkawżaw distakk intraġenerazzjonali fil-pensjoni bejn in-nisa u l-irġiel, kif ukoll distakk iterġenerazzjonali li jwassal għal disparitajiet sostanzjali fir-riżorsi finanzjarji bejn il-ġenerazzjonijiet;
S. billi l-iskemi tal-pensjonijiet fi ħdan u madwar l-Istati Membri jvarjaw b'mod sinifikanti, pereżempju fir-rigward tal-livell ta' finanzjament, il-livell ta' involviment tal-gvern, l-istruttura ta' governanza, it-tip ta' penzjoni, il-kosteffiċjenza, il-livell ta' kollettività u solidarjetà, u għalhekk ma teżistix tipoloġija komuni tal-UE;
Introduzzjoni
1. Jinnota li l-baġits nazzjonali huma taħt pressjoni severa u li t-tnaqqis ta' benefiċċji tal-pensjoni f'ħafna Stati Membri huwa konsegwenza tal-eskalazzjoni severa tal-kriżi finanzjarja u ekonomika; jiddeplora t-tnaqqis sever fl-Istati Membri li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi, li tefa' lil ħafna pensjonanti fil-faqar jew poġġihom f'riskju ta’ faqar;
2. Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri jevalwaw is-sostenibbiltà u l-adegwatezza attwali u futuri tas-sistemi tal-pensjonijiet u li jidentifikaw l-aħjar prattiki u strateġiji ta’ politika li jistgħu jwasslu għall-provvediment l-aktar kosteffikaċi u sikur tal-pensjonijiet fi ħdan l-Istati Membri;
3. Jenfasizza l-probabbiltà ta' xenarju ekonomiku fit-tul b’livell ta' tkabbir baxx, li jkun jirrikjedi li l-Istati Membri jikkonsolidaw il-baġits tagħhom u jirriformaw l-ekonomiji tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ awsterità, b’amministrazzjoni soda tal-finanzi pubbliċi; jaqbel mal-fehma espressa fil-White Paper tal-Kummissjoni li jeħtieġ li jitfasslu pensjonijiet okkupazzjonali kumplimentari ffinanzjati, minbarra l-prijorità li jiġu salvagwardjati il-pensjonijiet pubbliċi universali li minn tal-anqas jiggarantixxu livell deċenti ta' għajxien għal dawk kollha ta’ età avanzata;
4. Jenfasizza li l-iskemi tal-pensjonijiet pubbliċi tal-ewwel pilastru, għadhom l-aktar sors importanti ta' dħul għall-pensjonanti; jiddispjaċih li fil-White Paper il-Kummissjoni ma tindirizzax b’mod xieraq l-importanza ta' skemi universali pubbliċi tal-ewwel pilastru li minn tal-anqas jilqgħu kontra l-faqar; jistieden lill-Istati Membri - bi qbil mal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 dwar żieda fl-impjiegi u l-ġlieda kontra l-faqar – biex ikomplu jaħdmu fuq strateġiji tas-suq tax-xogħol aktar attivi u inklużivi biex inaqqsu l-proporzjon ta' dipendenza ekonomika bejn il-persuni inattivi u dawk impjegati; jistieden lis-sħab soċjali u lill-Istati Membri jikkombinaw dawn ir-riformi ma' titjib kostanti fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-implimentazzjoni ta' skemi ta' taħriġ tul il-ħajja li jippermettu li n-nies ikollhom karrieri aktar b'saħħithom u fit-tul sal-età statutorja tal-irtirar, u b'hekk jiżdied in-numru ta' persuni li jħallsu l-primjums tal-pensjoni, dan ukoll biex tiġi evitata żieda fl-ispejjeż tal-pensjonijiet pubbliċi li tipperikola l-finanzi pubbliċi sostenibbli; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-riformi għas-sistemi tagħhom tal-ewwel pilastru b'tali mod li jitqies ukoll in-numru ta' snin kontributorji;
5. Jistieden lill-Istati Membri jevalwaw bir-reqqa l-ħtieġa li jiġu implimentati riformi għas-sistemi tagħhom tal-ewwel pilastru, filwaqt li jitqiesu xejriet ġodda fl-istennija tal-għomor – u l-proporzjon li qed jinbidel bejn il-pensjonanti, il-persuni qiegħda, u l-persuni attivi ekonomikament – sabiex jiġi garantit livell ta' għajxien deċenti u indipendenza ekonomika għall-persuni ta’ età avvanzata, b'mod partikolari dawk li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli;
6. Josserva li l-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-isfidi li jirriżultaw mill-popolazzjonijiet li qed jixjieħu wrew il-vulnerabbiltà kemm tal-iskemi finanzjati tal-pensjoni kif ukoll dawk ħallas waqt li tkun għaddej; jirrakkomanda sistemi tal-pensjoni fuq diversi pilastri, li jikkonsistu minn tal-anqas:
i. pensjoni pubblika ħallas waqt li tkun għaddej, universali;
ii. pensjoni supplimentari okkupazzjonali ffinanzjata, li tirriżulta minn ftehimiet kollettivi fl-livelli nazzjonali, settorjali jew tal-kumpanija jew li tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali, aċċessibbli għall-ħaddiema kollha kkonċernati;
Jenfasizza li l-ewwel pilastru waħdu, jew flimkien mal-pensjoni tat-tieni pilastru (dejjem skont l-arranġamenti istituzzjonali nazzjonali jew skont il-leġiżlazzjoni) għandu jistabbilixxi dħul ta' sostituzzjoni diċenti bbażat fuq il-pagi preċedenti tal-ħaddiem, u li jkun ikkumplimentat, jekk possibbli:
iii. b'pensjoni individwali tat-tielet pilastru bbażata fuq it-tifdil privat b'inċentivi ġusti mmirati għall-ħaddiema bi dħul baxx, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-persuni bi snin kontributorji inkompleti fir-rigward tal-iskema tal-penjoni relatata mal-impjiegi tagħhom;
Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-introduzzjoni jew iż-żamma ta' skemi finanjarjament u soċjalment sostenibbli simili jew komparabbli fejn dawn għadhom ma jeżistux; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe regolament eżistenti jew futur fil-qasam tal-pensjonijiet ikun iwassal għal dan l-approċċ u jkun jirrispettah bis-sħiħ.
7. Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-fornituri tal-pensjoni okkupazzjonali u individwali bħala investituri sostanzjali u affidabbli fit-tul fl-ekonomija tal-UE; jenfasizza l-kontribuzzjoni mistennija tagħhom għall-kisba tal-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 f’dak li għandu x’jaqsam mal kisba ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli, aktar impjiegi u impjiegi aħjar u soċjetajiet li jkunu soċjalment aktar inklużivi; jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattiva li jmiss mill-Kummissjoni biex tniedi Green Paper dwar l-investiment fit-tul; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tipperikolax il-potenzjal ta' investiment u tirrispetta l-karatteristiċi differenti tal-fondi tal-pensjonijiet u fornituri tal-pensjonijiet oħra meta tintroduċi jew tibdel regolament tal-UE, speċjalment meta tiġi rieżaminata d-direttiva dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet li jipprovdu rtirar okkupazzjonali;
8. jistieden lill-Kummissjoni sabiex tqis l-effetti kumulattivi tal-leġiżlazzjoni tas-suq finanzjarju – pereżempju r-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR), id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) u d-Direttiva riveduta dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (DRK IV) – fuq il-fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru u l-kapaċità tagħhom li jinvestu fl-ekonomija reali, u biex tirrapporta dwar dan fil-Green Paper li jmiss dwar investimenti fit-tul;
9. Ifakkar l-Istrateġija ta’ Lisbona 2000-2010, li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni u l-Istati Membri ddiskutew b’mod eżawrjenti, fuq perjodu ta’ għaxar snin, ir-riformi sturtturali fir-rigward tal-politika makroekonomika, mikroekonomika u tal-impjiegi, li rriżultaw f’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ibbażati fuq it-Trattat lill-Istati Membri, fejn bosta minnhom huma relatati direttament jew indirettament mas-salvagwardja ta’ pensjonijiet adegwati u sostenibbli; jiddeplora n-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet li setgħu, b’mod sinifikanti, itaffu l-impatt tal-kriżi;10. Jilqa’ l-pubblikazzjonijiet komprensivi u ta’ kwalità għolja tar-"Rapport dwar it-Tixjiħ 2012[10] u r-"Rapport dwar l-Adegwatezza" 2012[11]li jesploraw l-adegwatezza u s-sostenibbiltà fuq żmien twil ta’ sistemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri kollha; jiddispjaċih dwar il-fatt li d-dimensjonijiet ta’ adegwatezza u sostenibbiltà tal-pensjonijiet huma koperti minn rapporti separati ta’ natura teknika ħafna; jitlob b’urġenza lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippubblikaw sommarju integrat, konċiż u mhux tekniku għaċ-ċittadini, li jippermetti liċ-ċittadini tal-UE jivvalutaw l-isfidi li taffaċċja s-sistema nazzjonali tagħhom fi tqabbil tal-UE;
11. Jenfasizza l-importanza li tintuża metodoloġija uniformi biex tiġi kkalkulata s-sostenibbiltà fuq perjodu twil tal-finanzi pubbliċi u s-sehem tagħhom tal-obbligazzjonijiet relatati mal-pensjonijiet;
12. Huwa tal-fehma li sabiex tinstab soluzzjoni effettiva għall-isfida tal-pensjonijiet, li tqis il-ħtieġa f'ħafna mill-Istati Membri li jiżdiedu l-għadd ta' snin kontributorji, u biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-tagħlim tul il-ħajja sabiex jippermettu li l-persuni jaħdmu mill-inqas sal-età statutorja tal-irtirar, u aktar jekk jixtiequ, huwa kruċjali li jkun kunsens bejn il-gvernijiet u min iħaddem u t-trejdjunjins;
13. Jipproponi li rappreżentanti tal-etajiet kollha, inklużi ż-żgħażagħ u l-anzjani, li jħossu b'mod partikolari l-impatt tar-riformi, għandhom jiġu kkonsultati kif inhu xieraq dwar kwalunkwe riforma tal-pensjonijiet sabiex jiġu żgurati riżultati bbilanċjati u ġusti u sabiex jinżamm kunsens massimu bejn il-ġenerazzjonijiet;
14. Jilqa' l-impetu ewlieni tal-White Paper li tissuġġerixxi li għandha tingħata attenzjoni fir-rigward tal-bilanċ bejn iż-żmien f'impjieg u l-irtirar, li għandhom jiġu żviluppati tfaddil komplementari tal-pensjoni privata u okkupazzjonali, u li għandhom jitjiebu l-għodod tal-UE għall-monitoraġġ tal-pensjonijiet, filwaqt li jenfasizza wkoll l-importanza li jitjieb il-litteriżmu tal-pensjoni;
Żieda fir-rati tal-impjieg u bilanċ bejn iż-żmien fl-impjieg u l-irtirar
15. Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali mmirati biex iżidu r-rata ta' impjieg u li permezz tagħhom il-persuni jkunu jistgħu jilħqu l-età statutorja tal-pensjoni, li b'hekk jonqos il-proporzjon ta' dipendenza ekonomika, hija importanti ħafna biex jiġu ġġenerati d-dħul mit-taxxa u l-primjums soċjali u tal-pensjonijiet meħtieġa biex jikkonsolidaw il-baġits tal-Istati Membri u jiġu ffinanzjati skemi ta’ pensjonijiet adegwati, sikuri u sostenibbli; jenfasizza li dawn ir-riformi għandhom jitwettqu b'mod trasparenti li jippermetti li l-persuni jantiċipaw b'mod f'waqtu kwalunkwe effett li dawn ir-riformi jistgħu jinvolvu; jenfasizza r-riskju li l-qgħad u l-impjieg bi paga baxxa, part-time u atipiku jista' jirriżulta biss fi drittijiet għall-pensjoni parzjali, u b'hekk il-faqar isir aktar prevalenti f'età iktar avvanzata;
16. Jistieden lill-Istati Membri biex: jadottaw miżuri komprensivi ta' politika attiva tas-suq tax-xogħol; jieħdu l-miżuri meħtieġa kontra xogħol mhux iddikjarat u l-evażjoni tat-taxxa u tal-primjums, bil-ħsieb ukoll li titħares il-kompetizzjoni ġusta; iwarrbu fondi għall-ġlieda kontra l-ispejjeż pubbliċi li dejjem qed jogħlew tal-popolazzjonijiet li qegħdin jirtiraw; u jippromwovu l-impjieg tajjeb, billi joffru fost affarijiet oħra, konsulenza komprensiva u appoġġ għal dawk li qed ifittxu l-impjieg u jippermettu lil gruppi partikolarment vulnerabbli jsibu xogħol;
17. Jinnota l-aħħar referenza li saret mill-Kummissjoni Ewropea fir-Rapport Annwali dwar it-Tkabbir 2013, għall-ħtieġa li jsiru riformi fis-sistemi tal-pensjonijiet; jinnota, madankollu, li f’bosta Stati Membri għandha tingħata prijorità lill-allinjament tal-età reali tal-pensjoni ma' dik statutorja;
18. Jilqa' l-impenji meħuda mill-Istati Membri sabiex jiżguraw sistemi tal-irtirar sostenibbli u adegwati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż adottati mill-Kunsill fl-2012 fil-qafas tas-Semestru Ewropew;
19. Josserva li iktar minn 17 % tal-persuni fl-Unjoni Ewropea bħalissa għandhom 65 sena jew iktar, u li, skont it-tbassir tal-Eurostat, din iċ-ċifra se tiżdied għal 30 % sal-2060;
20. Jenfasizza l-aċċelerazzjoni tal-pressjoni maħluqa mill-iżviluppi demografiċi fuq il-baġits nazzjonali u s-sistemi tal-pensjonijiet issa li l-ewwel koortijiet "tal-ġenerazzjoni baby boom" qegħdin jirtiraw; jinnota l-progress inekwu u l-livelli irregolari ta' ambizzjoni madwar l-Istati Membri fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali mmirati biex iżidu l-impjieg, ineħħu gradwalment l-skemi ta' rtirar bikri u jevalwaw, fil-livell tal-Istati Membri u flimkien mas-sħab soċjali, il-ħtieġa li l-età tal-irtirar kemm statutorju kif ukoll effettiv jitqiegħdu fuq livell sostenibbli ma' żidiet fl-istennija tal-għomor; jenfasizza li l-Istati Membri li jonqsu milli jimplimentaw riformi gradwali issa jistgħu fi stadju aktar tard isibu ruħhom f'xenarju fejn ikollhom jimplimentaw riformi mqanqla minn xokk u b'konsegwenzi soċjali sinifikanti;
21. Itenni s-sejħa biex ikun hemm rabta mill-qrib bejn il-benefiċċji tal-pensjonijiet u s-snin fl-impjieg u l-primjums imħallsa ("ekwità attwarja"), biex jiġi żgurat li dawk il-ħaddiema li jaħdmu aktar u għal żmien itwal jiġu ppremjati b’pensjoni aħjar filwaqt li jitqiesu l-perjodi ta' żmien barra mis-suq tax-xogħolminħabba kura ta’ persuni dipendenti; jirrakkomanda li l-Istati Membri, f'konsultazzjoni mas-sħab relevanti, ipoġġu projbizzjoni fuq l-irtirar obbligatorju mal-ilħuq tal-età statutorja tal-irtirar, sabiex il-persuni li jistgħu u jkunu jixtiequ jkomplu jaħdmu wara l-età statutorja tal-irtirar, jew li jkunu jixtiequ jintroduċu gradwalment l-irtirar tagħhom, ikunu jistgħu jagħmlu dan peress li l-estenzjoni tal-perjodu tal-ħlas tal-primjums flimkien mat-tnaqqis tal-perjodu ta' eliġibbiltà tal-benefiċċji jistgħu jgħinu biex titnaqqas kwalunkwe differenza tal-pensjoni b'pass mgħaġġel;
22. Jenfasizza li l-preżunzjoni wara l-iskemi ta' rtirar bikri, fejn ħaddiema aktar avvanzati fl-età jitħallew jirtiraw kmieni sabiex ikun hemm impjiegi disponibbli għaż-żgħażagħ, ġiet ippruvata b'mod empiriku li hija ħażina peress li l-Istati Membri li għandhom l-ogħla rati ta' impjieg fost iż-żgħażagħ, fuq medja, huma wkoll dawk li għandhom l-ogħla rati ta' impjieg fost il-ħaddiema aktar avvanzati fl-età;
23. Jistieden lis-sħab soċjali jadottaw approċċ ta' ċiklu tal-ħajja fil-politiki tar-riżorsi umani u jadattaw il-postijiet tax-xogħol f’dan ir-rigward; jitlob lill-impjegaturi jfasslu programmi li jappoġġaw it-tixjiħ attiv u b'saħħtu; jistieden lill-ħaddiema jieħdu sehem b'mod attiv f'opportunitajiet ta' taħriġ bħal dawn kif isiru disponibbli għalihom u biex iżommu ruħhom tajbin għas-suq tax-xogħol fl-istadji kollha tal-ħajja tax-xogħol tagħhom; Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-integrazzjoni tal-ħaddiema anzjani fis-suq tax-xogħol, u jitlob approċċi ta’ innovazzjoni soċjali sabiex tiġi ffaċilitata ħajja tax-xogħol itwal, b'mod partikolari fl-impjiegi li jeħtieġu l-aktar sforz, permezz tal-adattament tal-postijiet tax-xogħol, il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta' xogħol xierqa u billi tiġi offruta organizzazzjoni flessibbli tax-xogħol billi jsiru aġġustamenti fis-sigħat maħduma u t-tip ta' xogħol imwettaq;
24. Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu aktar miżuri preventivi tas-saħħa, jiġi intensifikat it-taħriġ (mill-ġdid) u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema zgħażagħ u ta' dawk f'eta avvanzata; jenfasizza l-ħtieġa għall-infurzar u l-implimentazzjoni effettivi tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza waqt ix-xogħol f'dan il-kuntest; jenfasizza li l-iskemi ta’ konsulenza jistgħu jirrappreżentaw soluzzjoni tajba biex il-ħaddiema anzjani jinżammu fix-xogħol għal żmien itwal u tiġi sfruttata l-esperjenza tagħhom bħala għajnuna biex iż-żgħażagħ jiġu integrati fis-suq tax-xogħol; jistieden lis-sħab soċjali jiżviluppaw mudelli attraenti għal tranżizzjoni flessibbli mill-impjieg għall-irtirar;
25. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaġixxu b'mod vigoruż biex jirrealizzaw l-ambizzjonijiet ifformulati fil-Patt tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) li jiffukaw fuq l-għeluq tad-distakki bejn is-sessi u l-ġlieda kontra s-segregazzjoni tas-sessi u fuq il-promozzjoni ta' bilanċ aħjar bejn il-ħajja u x-xogħol għan-nisa u l-irġiel; jenfasizza li dawn l-objettivi huma fundamentali sabiex jiżdied l-impjieg fost in-nisa u għall-ġlieda kontra l-faqar tan-nisa fl-età tax-xogħol u f’età avvanzata;
26. Jenfasizza li l-SMEs huma waħda mill-għejun prinċipali ta’ impjieg u tkabbir fl-UE u jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għas-sostenibilità u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri;
L-iżvilupp tat-tfaddil privat u komplementari għall-irtirar
27. Jilqa' l-istedina fil-White Paper għall-iżvilupp kemm ta' pensjonijiet okkupazzjonali iffinanzjati u komplementari aċċessibbli għall-ħaddiema kollha kkonċernati kif ukoll, jekk possibbli, tal-iskemi individwali; jenfasizza, madankollu, li l-Kummissjoni għandha minflok tirrakkomanda, tfaddil kollettiv tal-pensjonijiet okkupazzjonali supplimentari bbażat fuq is-solidarjetà, preferibbilment li jirriżulta minn ftehimiet kollettivi u stabbiliti fl-livell nazzjonali, settorjali jew tal-kumpanija, peress li dawn jippermettu għal solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, filwaqt li skemi individwali ma jippermettux; Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu promossi sforzi li jibnu, sal-punt possibbli, sistemi ta' pensjonijiet okkupazzjonali komplementari;
28. Jinnota li diversi Stati Membri diġà bdew programmi ewlenin ta’ riforma tal-pensjonijiet immirati lejn is-sostenibbiltà u l-adegwatezza; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li kwalunkwe miżura proposta fil-livell tal-UE għandha tikkomplimenta u mhux tikkontradixxi l-programmi nazzjonali ta’ riforma tal-pensjonijiet; ifakkar li l-pensjonijiet jibqgħu kompetenza tal-Istati Membri, u jinsab imħasseb li kwalunkwe leġiżlazzjoni ulterjuri mill-UE f'dan il-qasam jista' jkollha impatti negattivi fuq l-iskemi ta' ċerti Stati Membri, speċjalment fir-rigward tal-karatteristiċi ta' sistemi tal- pensjonijiet okkupazzjonali;
29. Jenfasizza l-ispejjeż operattivi baxxi ta' skemi kollettivi (tas-settur kollu) tal-pensjoni okkupazzjonali (preferibbilment mhux profittabbli), meta mqabbla ma' skemi individwali tat-tfaddil tal-pensjoni. jenfasizza l-importanza ta' spejjeż operattivi baxxi peress li anke tnaqqis limitat tal-ispejjeż jista' jwassal għal pensjonijiet sostanzjalment aktar għoljin. jenfasizza, madankollu, li sfortunatament – sal-lum il-ġurnata – dawn l-iskemi jeżistu biss fi ftit Stati Membri;
30. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-entitajiet li jamministraw l-iskemi tal-pensjoni jinfurmaw sew liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom tal-pensjoni akkumulata, u jqajmu l-kuxjenza fosthom u jedukawhom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu deċiżjonijiet infurmati sew dwar tfaddil futur addizzjonali tal-pensjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinfurmaw ukoll fil-ħin liċ-ċittadini dwar tibdiliet ippjanati fis-sistema tal-pensjonijiet sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata u maħsuba sew dwar it-tfaddil tal-pensjoni tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jifformulaw u jinfurzaw regoli stretti ta' żvelar fir-rigward tal-ispejjeż operattivi u r-riskju u r-redditu fuq investimenti ta' fondi tal-pensjoni li joperaw fil-ġurisdizzjoni tagħhom;
31. Jirrikonoxxi d-dispersjoni wiesgħa fil-karatteristiċi u r-riżultati fl-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-aċċess, is-solidarjetà, il-kosteffikaċja, ir-riskju u r-redditu; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni, f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mas-sħab soċjali, mal-industrija tal-pensjonijiet u ma' partijiet interessati oħra, biex tiżviluppa kodiċi ta' prattika tajba għall-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali li jindirizzaw kwistjonijiet bħal kopertura aħjar tal-impjegati, il-fażi tal-ħlas, qsim tar-riskju u l-mitigazzjoni, kost-effettività, u l-assorbiment xokk b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza l-benefiċċju reċiproku li jittejjeb l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri
32. Jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli timmira fondi tal-UE – b'mod partikolari permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (ESF) – biex tappoġġa proġetti mmirati lejn it-tixjiħ attiv u b'saħħtu fil-post tax-xogħol, u l-Programm għall-Bidla soċjali u l-Innovazzjoni (PSCI), biex tipprovdi appoġġ finanzjarju u prattiku lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali li taħt il-kontroll tal-Parlament Ewropew, qed jikkunsidraw li jimplimentaw gradwalment skemi ta' pensjoni supplimentari kosteffikaċji, soġġetti għal sorveljanza min-naħa tal-Parlament;
Il-Pensjonijiet ta' ħaddiema mobbli;
33. Jirrikonoxxi l-eteroġeneità sinifikanti ta' skemi tal-pensjoni fl-UE kollha iżda jenfasizza l-importanza li l-ħaddiema jkunu jistgħu jibdlu l-impjieg fi ħdan l-Istat Membru tagħhom jew 'il barra minnu; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit li l-ħaddiema mobbli jkunu jistgħu jakkwistaw u jippreservaw drittijiet tal-pensjoni okkupazzjonali; japprova l-approċċ iffavorit mill-Kummissjoni li jiffoka fuq is-salvagwardja tal-akkwist u l-preservazzjoni tad-drittijiet għall-pensjonijiet, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet fissi għall-pensjoni ta' ħaddiema mobbli huma ttrattati skont dawk ta' membri attivi jew dawk ta' nies irtirati; jinnota r-rwol importanti li l-Kummissjoni jista' jkollha fit-tneħħija tal-ostakoli għal moviment liberu, inklużi dawk li jfixklu l-mobbiltà; huwa tal-fehma li, apparti mill-ostakoli tal-lingwa u kunsiderazzjonijiet tal-familja, il-mobbiltà fis-suq tax-xogħol qed tiġi mfixkla minn perjodi twal ta' vestiment jew restrizzjonijiet tal-età u jistieden lill-Istati Membri biex inaqsuhom; jenfasizza li kwalunkwe azzjoni li tipromowovi l-mobbiltà għandha tkun ibbilanċjata bil-provvista kosteffikaċi ta’ skemi tal-pensjoni supplimentari u għandha tqis in-natura tal-iskemi tal-pensjoni nazzjonali;
34. Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni biex tevalwa r-rabtiet possibbli bejn ir-Regolament 883/2004/KE dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u "ċerti" skemi ta' pensjoni okkupazzjonali; jenfasizza d-diffikultajiet prattiċi esperjenzati meta r-regolament imsemmi jiġi applikat għas-sistemi tas-sigurtà soċjali ferm differenti fost is-27 Stati Membri tal-UE. jirreferi għad-diversità tas-sistemi tal-pensjonijiet fi ħdan l-UE u għalhekk għall-kumplessità tal-applikazzjoni ta' approċċ ta' koordinazzjoni għall-għexieren ta' eluf ta' skemi tal-pensjoni tassew diverġenti li qegħdin joperaw fl-Istati Membri; jiddubita, għalhekk, il-prattikabbiltà tal-applikazzjoni ta' tali approċċ fil-qasam tal-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali kumplimentari;
35. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu b'mod ambizzjuż biex jistabbilixxu u jżommu servizzi ta' traċċjar, possibbilment fuq l-internet, li jippermettu liċ-ċittadini jittraċċjaw id-drittijiet tal-pensjoni tagħhom kemm dawk relatati mal-impjieg kif ukoll dawk li mhumiex u b'hekk jagħmlu deċiżjonijiet f'waqthom u infurmati tajjeb dwar tfaddil tal-pensjoni addizzjonali u individwali (it-tielet pilastru); jitlob għal koordinazzjoni f'livell tal-UE biex tiġi żgurata kompatibbiltà adegwata tas-servizzi nazzjonali għall-ittraċċjar; jilqa' l-proġġett pilota tal-Kummissjoni f'dan il-qasam u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-pilota jkun komplimentat minn valutazzjoni tal-impatt dwar il-benefiċċji ekonomiċi tal-provvista ta’ informazzjoni konsolidata dwar il-pensjoni liċ-ċittadini tal-UE, b'mod aċċessibbli;
36. Jinnota li, meta żviluppati b’mod sħiħ, is-servizzi tat-traċċar tal-pensjonijiet għandhom idealment ikopru mhux biss il-pensjonijiet tax-xogħol, iżda wkoll l-iskemi tat-tielet pilastru u informazzjoni individwalizzata dwar drittijiet tal-ewwel pilastru;
37. Jiddubita l-ħtieġa għal-fond tal-UE għall-pensjoni ta' riċerkaturi;
38. Jikkunsidra l-fatt li l-persuni inġenerali ikollhom ħajja aktar twila, b’saħħitha u aktar sinjura bħala wieħed mill-akbar kisbiet tas-soċjetà moderna; jitlob li jkun hemm ton pożittiv fid-dibattitu dwar it-tixjiħ, li min-naħa jindirizza l-isfida sinifikanti, iżda li jista' jingħeleb, li tippreżenta t-tixjiħ, filwaqt li min-naħa l-oħra jaħtaf l-opportunitajiet offruti mit-tixjiħ u "l-ekonomija tal-fidda"; jirrikonoxxi r-rwol attiv ħafna u ta’ valur li għandhom l-anzjani fis-soċjetajiet tagħna;
Reviżjoni tad-Direttiva IORP:
39. Jenfasizza li l-għan tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Attivitajiet u s-Superviżjoni ta’ Istituzzjonijiet għall-Provvista ta’ Irtirar Okkupazzjonali (id-Direttiva IORP ) għandu jkun li l-pensjonijiet okkupazzjonali fl-Ewropa kollha jinżammu adegwati, sostenibbli u sikuri billi jinħoloq ambjent li jistimula aktar il-progress fis-suq intern u nazzjonali f'dan il-qasam, billi tiġi pprovduta protezzjoni b'saħħitha għall-pensjonanti attwali u futuri u billi tiġi adattata, b'mod flessibbli, id-diversità transkonfinali u transsettorjali tal-iskemi eżistenti;
40. Jemmen li l-iżgurar li sistemi tat-tieni pilastru tal-UE jikkonformaw ma' regoli prudenti sodi hija determinanti sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni għall-membri u l-benefiċarji u jiġi rrispettat il-mandat tal-G20, li skontu l-istituzzjonijet finanzjarji kollha għandhom ikunu soġġetti għall-regolamentazzjoni xierqa u superviżjoni adegwata;
41. Jitlob li f'dan il-kuntest, l-inizjattivi legiżlattivi tal-UE għandhom jirrispettaw l-għażliet meħuda mill-Istati Membri fir-rigward tal-fornituri tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru;
42. Jenfasizza li kwalunkwe xogħol regolatorju ieħor tal-UE fir-rigward ta' miżuri prekawzjonarji għandu jinbena fuq analiżi soda tal-impatt li għandha tinkludi d-dispożizzjoni li prodotti simili jkunu suġġetti għall-istess standards prudenti, għall-provvediment adegwat u l-mobbiltà tal-ħaddiema fl-Unjoni, u għandu jkollu l-għan ġenerali li jissalvagwardja l-intitolamenti akkumulati tal-impjegati; jenfasizza li kwalunkwe xogħol regolatorju ieħor tal-UE fir-rigward ta’ miżuri prekawzjonarji għandu jinbena wkoll fuq djalogu attiv mas-sħab soċjali u mal-partijiet interessati l-oħra u fuq fehim ġenwin dwar l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u r-rispett lejhom; jenfasizza li s-sistemi tal-pensjoni huma integrati sew fiċ-ċirkostanzi kulturali, soċjali, politiċi u ekonomiċi ta’ kull Stat Membru; jenfasizza li l-fornituri kollha tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru, tkun xi tkun il-forma legali tagħhom, għandhom ikunu soġġetti għal regolamentazzjoni soda u proporzjonata li tqis il-karatteristiċi tan-negozju tagħhom, b'mod partikolari dawk iffukati fuq perjodu twil;
43. Jinsisti li l-pensjonijiet tat-tieni pilastru, irrispettivament mill-fornituri tagħhom, m’għandhomx ikunu pperikolati mir-regolamentazzjoni tal-UE li ma tqisx il-perspettivi tagħhom fuq perjodu twil;
44. Iqis li l-proposti tal-Kummissjoni rigward il-miżuri prekawzjonarji mhux talli għandhom jidentifikaw u jqisu d-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali, iżda għandhom japplikaw ukoll il-prinċipju "tal-istess riskju, l-istess regoli" fi ħdan kull sistema nazzjonali u pilastru rispettiv; jenfasizza li l-miżuri għandhom ikunu strettament konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità f’termini ta’ evalwazzjoni tal-għanijiet u l-benefiċċji kontra l-piżijiet finanzjarji, amministrattivi u tekniċi involuti u jqisu l-bilanċ ġust bejn l-infiq u l-benefiċċji;
45. Iqis bħala utli, fir-rigward tal-miżuri prekawzjonarji kwalitattivi, il-proposti li jikkonċernaw il-governanza korporattiva msaħħa u l-ġestjoni tar-riskju – flimkiem ma' proposti li jirrigwardaw it-trasparenza mtejba u l-obbligi tal-iżvelar ta’ informazzjoni, kif ukoll l-iżvelar tal-infiq u t-trasparenza tal-istrateġiji ta' investiment, u dawn għandhom jitressqu fil-qafas ta' kwalunkwe reviżjoni, dment li jiġu rispettati l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; jinnota li, minħabba d-differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri, il-konverġenza tal-miżuri prekawzjonarji kwalitattivi fil-livell tal-UE hija aktar fattibbli fuq terminu qasir ta' żmien milli l-konverġenza tal-miżuri prekawzjonarji kwantitattivi;
46. Mhuwiex konvint li, skont l-informazzjoni disponibbli bħalissa, huwa xieraq li jkun hemm rekwiżiti fil-livell Ewropew fir-rigward ta’ kapital proprju jew ta’ valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ; jirrifjuta, bi qbil ma' dan ir-raġunament, kwalunkwe reviżjoni tad-Direttiva IORP immirata biex tikseb dan; jemmen, madanakollu, li l-Istudju dwar l-Impatt Kwantitattiv (QIS) li qed isir bħalissa mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), kif ukoll l-analiżi ta’ segwitu possibbli għal dak l-istudju, għandhom jitqiesu sew f'dan il-kuntest ta' politika; jenfasizza li jekk dawn ir-rekwiżiti kellhom jiġu introdotti aktar tard, l-applikazzjoni diretta għar-rekwiżiti ta' Solvenza II għall-IORP ma tkunx l-aħjar strument;
47. Ifakkar li d-Direttiva dwar il-Fondi tal-Pensjonijiet tapplika biss għal skemi tal-pensjoni volontarji u ma tkopri l-ebda strument li jkun parti mill-iskema tal-pensjoni pubblika obbligatorja;
48. Jenfasizza li jeżistu differenzi kbar bejn prodotti ta’ assigurazzjoni u IORPs; jenfasizza li kwalunkwe applikazzjoni diretta ta’ rekwiżiti kwantitattivi ta’ Solvenza II għall-IORPs ma tkunx xierqa u tista' tkun potenzjalment ta' ħsara għall-interessi kemm tal-ħaddiema u kemm ta' min iħaddem; jopponi, għalhekk, l-applikazzjoni mingħajr adattament tar-rekwiżiti ta' Solvenza II għall-IORPs, filwaqt li jibqa' miftuħ għal approċċ li jfittex is-sigurtà u s-sostenibbiltà;
49. Jenfasizza li s-sħab soċjali (jiġifieri min iħaddem u l-ħaddiema) għandhom responsabbiltà komuni għall-kontenut tal-arranġamenti tal-pensjonijiet tax-xogħol; jenfasizza li ftehimiet kuntrattwali bejn is-sħab soċjali jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti f'kull żmien b’mod partikolari fir-rigward tal-bilanċ bejn riskji u benefiċċji li skema tal-pensjoni okkupazzjonali timmira li tilħaq;
50. Iqis li l-iżvilupp ulterjuri ta’ mudelli ta’ solvenza fil-livell tal-UE, bħall-Karta tal-Bilanċ Olistika (HBS), ikun utli biss jekk l-applikazzjoni tagħhom, fuq il-bażi ta’ analiżi soda tal-impatt, turi li tkun realistika f’termini prattiċi u effettiva f’termini ta’ spejjeż u benefiċċji, b’mod partikolari minħabba d-diversità tal-IORPs fi ħdan l-Istati Membri; jenfasizza li kwalunkwe żvilupp addizzjonali ta' varjazzjonijiet ta' Solvenza II jew ta' HBS m'għandux ikollu l-għan li jintroduċi dispożizzjonijiet bħal dawk ta' Solvenza II;
51. Jinnota varjetà kbira fid-disinn tal-pjanijiet tal-pensjoni, li jvarjaw minn benefiċċji definiti (BD) għal kontribuzzjoni definita (KD) jew skemi mħallta; jinnota wkoll ċaqliqa minn skemi BD għal skemi KD jew it-twaqqif ta’ pilastri ffinanzjati b’mod obbligatorju f’xi Stati Membri; jenfasizza li dan iżid il-bżonn ta' aktar trasparenza u forniment ta’ informazzjoni aħjar liċ-ċittadini rigward il-benefiċċji mwiegħda, il-livelli ta’ spiża u l-istrateġiji ta’ investiment;
52. Jirrimarka li l-idea li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni bejn assigurazzjoni fuq il-ħajja u IORPs tat-tieni pilastru hija relevanti biss sa ċertu punt, minħabba d-differenzi kbar bejn prodotti ta’ assigurazzjoni u IORPs li jiddependu fuq il-profil tar-riskju, il-grad ta' integrazzjoni fis-suq finanzjarju u l-karattru ta' kwalunkwe fornitur partikolari li jkun favur il-profitt jew mhux għall-profitt; jirrikonoxxi li minħabba kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u IORPs tat-tieni pilastru, huwa essenzjali li prodotti bl-istess riskji jkunu soġġetti għall-istess regoli biex jiġi evitat li jkunu żgwidati l-benefiċjarji u jiġu pprovduti bl-istess livell ta’ protezzjoni prudenzjali;
protezzjoni tal-penzjonijiet okkupazzjonali tal-ħaddiema fil-każ ta' insolvenza
53. Jemmen li fil-każ ta’ insolvenza t-talbiet skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE għandhom ikunu konsistentement ssalvagwardati fl-Istati Membri kollha;
54. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti ħarsa ġenerali komprensiva fuq is-sistemi u l-miżuri nazzjonali tas-sigurtà soċjali u, jekk jiġu identifikati inadegwatezzi f’dik l-evalwazzjoni, tfassal proposti tal-UE mtejba sabiex tiżgura li mekkaniżmi affidabbli, sempliċi, kosteffiċjenti u proporzjonati għal protezzjoni tad-drittijiet tal-pensjonijiet okkupazzjonali jiġu stabbiliti fl-UE kollha;
55. jinnota li f'xi Stati Membri, dawk li jħaddmu diġà jsostnu l-iskemi tal-pensjoni tagħhom permezz ta' skemi ta' protezzjoni, segregazzjoni tal-assi, tmexxija indipendenti ta’ skemi u status ta’ kreditur ta’ prijorità ta’ skemi ta’ pensjoni qabel l-azzjonisti fil-każ ta' insolvenza ta’ kumpanija;
56. Jenfasizza li kwistjonijiet rigward il-protezzjoni tal-pensjoni f’każ ta’ insolvenza huma relatati mill-qrib ma’ aspetti importanti tar-reviżjoni tad-Direttiva IORP; jenfasizza li l-Kummissjoni, fl-iżvilupp ta’ dawn iż-żewġ direttivi, għandha tiżgura li jkunu kongruwenti u kompatibbli b’mod sħiħ;
Tfaddil komplimentari tal-penzjonijiet tat-tielet pilastru
57. Jirrealizza li t-tifsira, l-iskop u l-kompożizzjoni tat-tielet pilastru hi differenti fl-Istati Membri differenti;
58. Jiddispjaċih li s-sistemi tat-tielet pilastru huma ħafna drabi aktar intensivi fir-rigward tal-kostijiet, aktar riskjużi u inqas trasparenti minn sistemi tal-ewwel pilastru; jitlob għall-istabbiltà, l-affidabbiltà u sostenibbiltà għat-tielet pilastru;
59. Jikkunsidra li f’ċertu każijiet tfaddil għall-pensjoni privata jista’ jkun neċessarju biex tinbena pensjoni adegwata; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkoopera mal-Istati Membri fuq il-bażi ta’ approċċ tal-aħjar prattiki u tevalwa u ttejjeb inċentivi għal tfaddil ta’ pensjoni privata, b’mod partikolari għal individwi li inkella ma jibnux pensjoni adegwata;
60. Iqis li hija utli li jkun hemm valutazzjoni ta’ prattiki tajba stabbiliti u proposti għall-ottimizzazzjoni ta’ inċentivi;
61. Jenfasizza li l-prijorità l-aktar importanti ta’ politika pubblika m’għandhiex tkun li tissussidja skemi tat-tielet pilastru, imma li tiżgura li kulħadd ikun protett adegwatament fi ħdan l-ewwel pilastru li jkun jaħdem sew u jkun sostenibbli;
62. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-vulnerabilità fil-konfront tal-kriżijiet tas-sistemi tat-tielet pilastru li huma bbażati fuq il-kapital u tagħmel rakkomandazzjonijiet biex jitnaqqas ir-riskju;
63. Jipproponi li, fil-livell nazzjonali, jiġu eżaminati l-limitazzjonijiet legali fil-kostijiet fil-konklużjoni u l-ġestjoni ta’ kuntratti, fil-bdil tal-fornitur jew fil-bdil tat-tip ta’ kuntratt u biex isiru rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward;
64. Jikkunsidra li l-kodiċi ta’ kondotta fir-rigward tal-kwalità, il-provvista ta’ informazzjoni lill-konsumaturi u l-protezzjoni tal-konsumatur fit-tielet pilastru jistgħu jżidu l-attrazzjoni lejn il-pjanijiet tal-pensjoni tat-tielet pilastru; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki eżistenti fl-Istati Membri;
65. Jappoġġa l-elaborazzjoni u t-twaqqif ta’ kodiċijiet ta’ kondotta volontarji fil-livell tal-UE – u possibilment skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-prodott – fir-rigward tal-kwalità, l-informazzjoni lill-konsumaturi u l-protezzjoni tagħhom fit-tielet pilastru; jekk il-kodiċijiet ta' kondotta volontarji ma jirnexxux, jirrakkomanda li l-Istati Membri jassumu kompiti regolatorji f'dawn l-oqsma;
66. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfittex modi kif tista’ tuża aħjar il-leġiżlazzjoni tas-settur finanzjarju tal-UE meta tasal biex tiżgura li l-konsumaturi jingħataw pariri finanzjarji preċiżi u imparzjali dwar il-pensjoni u prodotti relatati mal-pensjonijiet;
It-tneħħija ta' ostakoli transkonfinali għall-investimenti tal-pensjoni, relatati mat-taxxa u l-kuntratti.
67. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati biex jilħqu ftehim, speċjalment dwar kif tkun evitata taxxa doppja u n-nuqqas ta' tassazzjoni doppja fil-qasam tal-pensjonijiet transkonfinali;
68. Iqis it-taxxi diskriminatorji wkoll bħala ostakolu kbir għall-mobbiltà transkonfinali u jitlob l-abolizzjoni tagħhom malajr kemm jista’ jkun, għalkemm jinnota kompetenza limitata tal-UE fil-qasam tal-politika tat-taxxa tal-Istati Membri;
69. Iqis utli investigazzjoni tal-ostakoli għad-dritt kuntrattwali;
70. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi b’mod xieraq is-sħab soċjali permezz tal-istrutturi disponibbli;
Sess
71. 1 a. Ifakkar l-isfida tal-ġeneru rigward il-pensjonijiet; iqis li n-numru dejjem jikber ta' persuni anzjani, speċjalment nisa, li jgħixu fil-faqar huwa allarmanti; jenfasizza li l-iskemi tal-pensjoni pubbliċi tal-ewwel pilastru għandhom jiggarantixxu minn tal-anqas livell deċenti ta' għajxien għal kulħadd jenfasizza li l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol hija kruċjali biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjoni, peress li rati aktar għoljin ta' impjieg isaħħu t-tkabbir ekonomiku u jwasslu għall-ħlas ta' aktar primjums. Iqis li l-ugwaljanza tal-età tal-pensjoni għall-irġiel u n-nisa għandha tkun akkumpanjata minn politiki effikaċi biex jiżguraw paga ugwali għal xogħol ugwali, ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol ma' kura għal dawk dipendenti; jenfasizza l-ħtieġa li titqies l-introduzzjoni ta' krediti tal-pensjoni relatati mal-kura bħala rikonoxximent għall-kura li tingħata lil persuni dipendenti, li normalment ma tiġix rimunerata.
72. Jilqa’ t-talba espressa fil-White Paper biex l-Istati Membri jikkunsidraw l-iżvilupp ta' krediti ta’ kura biex jiġi żġurat li l-perjodi ddedikati għall-kura ta’ persuni dipendenti jitqiesu waqt li jkun qed jiġu kkalkolati l-intitolamenti individwali tal-penzjoni tan-nisa u l-irġiel; jenfasizza li tqassim mhux indaqs ta' responsabbiltajiet tal-familja bejn in-nisa u l-irġiel – li ħafna drabi jfisser li n-nisa jkollhom impjiegi inqas sikuri, anqas imħallsa jew saħansitra mhux dikjarati u li għandhom impatt negattiv fuq l-intitolamenti tal-pensjoni – u nuqqas ta' servizzi aċċessibbli u affordabbli u faċilitajiet ta' kura u miżuri ta' awsterità reċenti f'dan il-qasam qed ikollhom impatt dirett speċjalment fuq il-possibbiltajiet tan-nisa li jaħdmu u jakkumilaw pensjoni; għahekk jistieden lill-Kummussjoni tikkummissjona studju dwar il-kwestjoni;
73. Ifakkar il-ħtieġa, għal xi Stati Membri, li jieħdu miżuri biex jeliminaw id-differenzi fil-pagi u d-dħul bejn in-nisa u l-irġiel għall-istess xogħol u d-diskrepanzi fil-kisba tal-karigi ta’ responsabilità, kif ukoll l-inugwaljanzi bejn is-sessi fis-suq tax-xgħol, li jaffettwaw ukoll il-pensjonijiet u li jirriżultaw f'differenza sostanzjali bejn il-pensjonijiet imħallsa lin-nisa u l-pensjonijiet ħafna ogħla mħallsa lill-irġiel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti; jinnota li, minkejja kampanji, miri u miżuri numerużi fis-snin reċenti, id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel għadha mifruxa b'mod persistenti;
74. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoi tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel;
75. Jenfasizza li jeħtieġ li jittieħdu miżuri ta' urġenza kontra d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel fis-settur privat, ħaġa li hi partikolarment gravi f'ħafna Stati Membri;
76. Jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel bl-istess ħiliet u l-istess impjieg, peress li din tikkawża li l-introjtu tan-nisa jibqa' dejjem lura wara dak tal-irġiel u jżid in-numru għoli ta' nisa li jgħixu fil-faqar meta joħorġu bil-pensjoni ew jormlu;
77. Jenfasizza li l-għomor itwal tan-nisa ma għandux ikun il-kawża ta’ diskriminazzjoni fil-kalkoli tal-pensjoni;
78. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw u infurzaw il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet għall-maternità bil-għan li n-nisa ma sofrux l-iżvantaġġi f'termini tal-pensjonijiet minħabba l-fatt li saru ommijiet matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom;
79. Iqis li, fi prospettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi, tinħtieġ individwalizzazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni, iżda fl-istess ħin jeħtieġ tiġi garantita s-sigurtà ta' ħafna nisa anzjani li bħalissa jiddependu mill-pensjoni tar-romol u fuq drittijiet derivati oħrajn;
80. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw ir-riċerka dwar l-impatt tal-formuli differenti ta' indiċizzazzjoni tal-pensjonijiet rigward is-sogru tal-faqar fix-xjuħija, filwaqt li jqisu d-dimensjoni tas-sessi; jistieden lill-Istati Membri jqisu b'mod partikolari l-evoluzzjoni fil-bżonnijiet tan-nies meta jixjieħu, pereżempju l-kura għal żmien twil, sabiex jiżguraw li l-anzjani, prinċipalment in-nisa, ikunu jistgħu jirċievu pensjoni adegwata u jgħixu b'dinjità;
81. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2011))0058.
- [2] EESC/SOC/457, 12 ta' Lulju 2012
- [3] ISBN 978-92-79-22850-6.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2012)0047
- [5] 308, 24.11.2010, p. 46
- [6] ĠU C 9E, 15.1.2010, p. 11.
- [7] OECD (2012), “Mobbiltà u migrazzjoni fl-Ewropa, p.63. Fi: Stħarriġ OECD dwar l-Ekomonija: L-Unjoni Ewropea 2012, Publikazzjoni OECD.
- [8] http://www.europarl.europa.eu/committees/fr/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=79590
- [9] Miranda, V., Cooking, Caring and Volunteering: Unpaid Work Around the World, Karti ta' Ħidma tal-OECD Soċjali, tal-Impjieg u tal-Migrazzjoni Numru 116, publikazzjoni OECD (2011).
- [10] Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2012: Projezzjonijiet baġitarji u ekonomiċi għas-27 Stat Membru tal-UE (2010-2060), Brussell, Mejju 2011. http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/european_economy/2012/pdf/ee-2012-2_en.pdf
- [11] "Adegwatezza tal-pensjonijiet fl-Unjoni Ewropea 2010-2050", rapport imħejji b'mod konġunt mid-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali, 23 ta’ Mejju 2012, http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=7105&type=2&furtherPubs=yes
NOTA SPJEGATTIVA
B'mod ġenerali
Il-pensjonijiet huma taħt pressjoni f'kull pajjiż fl-UE. Gvernijiet fiż-żona tal-euro qegħdin jintroduċu miżuri ta' awsterità sabiex ikunu konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (SGP) billi jibbilanċjaw id-dħul l-infiq, jew qegħdin jiġu mġiegħla jintroduċu tnaqqis drastiku biex inaqqsu defiċits eċċessivi. Barra minn hekk, il-popolazzjonijiet tal-Istati Membri kollha qegħdin jixjieħu. L-għomor tvarja fl-Ewropa, iżda qed togħla kullumkien. In-numru ta' pensjonanti li qegħdin jgħixu għal aktar żmien u li huma f'saħħithom qiegħed jiżdied. Il-popolazzjoni tal-persuni li qegħdin jaħdmu qiegħda tiċkien. ir-rati tat-twelid qegħdin jonqsu, u ż-żgħażagħ qegħdin jistudjaw għal perjodi ta' żmien aktar fit-tul u jidħlu fis-suq tax-xogħol f'età akbar Huma ftit wisq dawk il-persuni ta' aktar minn sittin sena li qegħdin jaħdmu fl-Ewropa. Barra minn hekk, hemm riskju li l-kriżi se tipprovoka sejħiet mġedda biex persuni jieħdu irtirar kmieni qabel ma jilħqu l-età ta' rtirar statutorja. Is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, li tfisser li ż-żgħażagħ impjegati jridu jpattu għall-ispejjeż tal-pensjonijiet tal-persuni aktar avvanzati fl-età, hija kważi eżawrita. Dawk il-pajjiżi li għandhom sistemi pay-as-you-go, li taħthom il-pensjonijiet huma ffinanzjati mill-baġit kurrenti, qegħdin b'mod partikolarment jissieltu biex jiffinanzjaw pensjonijiet adegwati.
Minħabba l-kriżi teżisti wkoll - għalkemm fl-livell anqas intensiv - pressjoni fuq l-hekk imsejħa sistemi tat-tieni pilastru: dispożizzjoni kollettiva li tinvolvi tfaddil biex il-ħtieġijiet tal-persuni anzjani jiġu sodisfatti. Minħabba li r-rati tal-imgħax x'aktarx se jibqgħu baxxi fil-futur qrib u peress li l-assi li ġew investiti fl-industrija qegħdin jrendu anqas milli kien antiċipat minħabba l-kriżi, tnaqqis hu mistenni hawnhekk ukoll. Filwat li qabel kienet ħaġa normali li dawn is-sistemi tat-tieni pilastru jiggarantixxu benefiċċju definiti, issa dejjem qegħdin naraw aktar, sistemi definiti permezz ta' kontribuzzjoni jew taħlita tat-tnejn.
L-Aġenda Ewropea għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli kemm għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-anzjani ġiet ippreżentata fil-White Paper hi punt tat-tluq eċċellenti għal diskussjoni, li warajha r-riformi jistgħu jiġu implimentati permezz ta' "liġi li ma torbotx", u anke permezz ta' leġiżlazzjoni fejn meħtieġ. B'mod ġenerali, filwaqt li r-responsabbilitajiet tal-Istati Membri u tas-sħab soċjali jiġu rikonoxxuti u preservati, issa jeħtieġ li nibnu sistemi li huma adegwati, sikuri u li jservu fit-tul. Mhux hekk biss, iżda għandhom ukoll jikkontribwixxu għal mobbiltà u libertà tal-moviment akbar fis-suq tax-xogħol, sistemi li jipprovdu soluzzjonijiet għal-lum u għall-ġejjieni.
Tendenzi demografiċi
It-tendenzi demografiċi huma sors kemm ta' tħassib kif ukoll ta' sodisfazzjon: wara kollox, l-għomor tagħna dejjem qed jiżdied. Hawn isfel hemm imniżżla xi ċifri li juru dan:
- il-popolazzjoni se tkun iddominata mill-grupp ta' età li taqbeż 55 sena (36.5%, fl-2010);
- l-għomor se jibqa' jiżdied: tal-irġiel minn 76.7 sena (2010) għal 78.6 snin (2020), tan-nisa minn 82.5 sena (2010) għal 84 sena (2020);
- ir-rata tat-twelid tibqa' baxxa fl-UE (1.6);
- l-għadd ta' persuni li għandhom aktar minn 65 sena se jiżdied minn 16% tal-popolazzjoni fl-2010 għal 19.1% fl-2020;
- fl-2010, l-età medja li fiha l-persuni waqfu jaħdmu fl-UE kienet 61.4 sena;-
fl-2008 kien hemm 4 persuni jaħdmu għal kull pensjonant: fl-2060 se jkun hemm
pensjonant għal kull żewġ persuni jaħdmu;-
il-perteċipazzjoni medja fis-suq fost il-grupp ta' dawk f'età ta' aktar minn 55 sena kienet ta' 46.3% fl-2010.
Dawn it-tendenzi jistgħu jiġu osservati fl-UE kollha, għalkemm hemm differenzi. L-għomor fir-Rumanija, per eżempju, huwa 70 sena għall-irġiel u 77.5 sena għan-nisa, filwaqt li fil-Benelux huwa 77.9 sena għall-irġiel u 82.7 sena għan-nisa. Il-parteċiapzzjoni fis-suq tax-xogħol fost il-grupp ta' dawk f'età ta' aktar minn-55 sena tvarja ħafna. Fl-Iżvezja huwa ta' 73.9%, 61.1% fid-Danimarka, 56% fil-Pajjiżi l-Baxxi, 50.8% fi Spanja u 39.1% fil-Belġju. Ma hemmx żewġ modi fissi kif tindizza s-sitwazzjoni. aktar persuni se jkollhom jibqgħu jaħdmu għal aktar żmien. Dan se jkollu jinkiseb billi tgħola l-età tal-irtirar fil-livell tal-Istati Membri, fejn tintrabat mal-għomor. Ftit li xejn ingħatat attenzjoni, b'mod partikolari, għall-livell baxx ta' impjieg fost il-grupp ta' età ta' dawk ta' aktar minn 50 sena, persuni li ngħataw il-ġenb, persuni li jmisshom ikunu impjegati u li ħafna jixtiequ proprju dan. Hemm bżonn li tiġi segwita b'mod intensiv politika li tippromwovi l-impjieg mill-ġdid ta' dawn in-nies. Nistgħu nsegwu l-eżempju ta' pajjiżi fejn l-impjieg żdied sostanzjalment bis-saħħa ta' politika b'saħħitha maħsuba biex tiffaċilita dan. Naslu għall-konklużjoni li l-persuni għandhom jaħdmu aktar u għal tul ta' żmien itwal.
Responsabbilitajiet
Ir-rapporteur huwa konxju li s-sistemi tal-pensjoni jvarjaw ħafna madwar l-Ewropa. Barra minn hekk, f' ħafna Stati Membri riformi diġà ġew implimentati biex iżommu l-pensjonijiet affordabbli. Iżda hemm aktar xi jsir biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-tixjiħ tal-popolazzjonijiet tagħna.
Tkun xi tkun is-sistema li tintagħżel, aktar persuni jridu jaħdmu, iżda n-nies jeħtieġ ukoll li jfaddlu flushom, sabiex ikollhom riżorsi finanzjarji aktar tard f'ħajjithom.
Fl-Ewropa, is-sistemi tal-pensjoni jvarjaw. Għalkemm l-ebda definizzjoni uniformi ma teżisti, is-soltu s-sistemi tal-pensjoni jiġu ddefiniti li jinkludu tliet pilastri.
L-ewwel pilastru huwa bbażat fuq is-solidarjetà fost dawk li jħallsu t-taxxa. Dan sikwit hu l-pilastru pubbliku, iffinanzjat mill-gvern bl-użu ta' sistema pay-as-you go.oa Fil-futur, tali pensjonijiet se jibqgħu wkoll l-aktar sors importanti ta' dħul għall-pensjonanti. Ir-rapporteur jemmen li, li aktar persuni jibgħu jaħdmu għal perjodu ta' żmien itwal se jkollu impatt benefiku kemm fuq il-pensjonijiet kif ukoll fuq il-livell ta' kontribuzzjonijiet li n-nies li għandhom impjieg huma meħtieġa li jħallsu. Għalhekk, f'konsultazzjoni ma' sħab soċjali, l-għan għandu jkun li jinstabu soluzzjonijiet li jżidu r-rati ta' impjieg, jgħollu l-età tal-irtirar u jinvolvu politika ta' parteċipazzjoni attiva. Permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni, il-pajjiżi jistgħu jitgħallmu mill-aħjar prassi. Iżda fl-ewwel pilastru wkoll, tfaddil jista' jsir billi fondi jitfaddlu issa biex aktar tard ikopru l-ispejjeż aktar għoljin.
It-tieni pilastru huwa magħmul fil-biċċa l-kbira tiegħu minn pensjonijiet okkupazzjonali supplimentari, ta' spiss ibbażati fuq it-tqassim tar-responsabbiltà bejn min iħaddem u l-impjegati, li, abbażi tal-kontribuzzjonijiet konġunti, jistabbilixxu fondi. Ir-rapporteur iqis li l-pensjonijiet supplimentari kollettivi se jkollhom isiru aktar importanti sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq baġits nazzjonali. Xi pajjiżi diġà adottaw miżuri biex jissuplimentaw is-sistemi pubbliċi pay-as-you-go tagħhom bi skemi privati kapitalizzati, iżda għad fadal ħafna xi jsir biex jiġu żviluppati pensjonijiet supplimentari kollettivi.
Ir-rapporteur jipperċepixxi eżitazzjoni dejjem akbar fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari, biex jikkontribwixxu għal skemi kollettivi. Approċċi kollettivi u l-kondiviżjoni ta' riskji fi ħdan u bejn il-ġenerazzjonijiet huma karatteristiċi ta' solidarjetà u huma għalhekk ta' importanza kbira għal pensjonijiet sikuri u validi anke fil-futur.
Fil-fehma tar-rapporteur, il-pilastri 1 u 2 flimkien jiffurmaw b'mod konġunt il-bażi għal dħul tal-pensjoni adegwat.
It-tielet pilastru huwa bbażat fuq it-tfaddil proprju tal-individwu bħala suppliment għall-pensjoni futur tiegħu jew - fejn l-ebda pensjoni supplimentari ma teżisti - bħala mezz ta' kif tali suppliment isir disponibbli permezz ta' sforzi proprji tagħhom. Għalkemm it-tielet pilastru huwa inqas importanti mill-ewwel tnejn, għandha titqies il-promozzjoni akbar tiegħu milli fil-preżent. Fi żminijiet meta n-nies ma jkunux attivi fis-suq tax-xogħol, jew qegħdin jaħdmu anqas sigħat, u b'hekk jirċievu anqas mill-ewwel pilastru jew jakkumulaw anqas drittijiet tal-pensjoni fit-tieni pilastru, tfaddil fit-tielet pilastru jista' jipprovdi soluzzjoni.
Kompetenzi
Sistemi tal-pensjonijiet huma primarjament responsabbiltà tal-Istati Membri!
F'ċerti aspetti, koordinazzjoni min-naħa tal-UE hija importanti. Ir-rapporteur tirreferi għat-talbiet tal-SGP. Proporzjon dejjem akbar tal-baġit tal-gvern qed jintefaq fuq il-pensjonijiet. Dan diġà jeċċedi 10%.
Anke fir-rigward tal-Istrateġija UE 2020, li hija espliċitament immirata li tagħmel disponibbli pensjonijiet adegwati, koordinazzjoni u politika l-ġdida fil-livell nazzjonali huma meħtieġa Għall-biċċa l-kbira tan-nies anzjani fl-Ewropa, il-pensjoni tal-ewwel pilastru - ġeneralment provduta minn skema tal-gvern - hija s-sors primarju tad-dħul tagħhom. Anke issa, ħafna pensjonanti qed jgħixu taħt il-livell tal-faqar. Dan minkejja l-fatt li l-Istrateġija UE 2020 tiddefinixxi "il-ġlieda kontra l-faqar" bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha.
Fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru huma investituri importanti fis-swieq finanzjarji. Il-kriżi wriet li l-istituzzjonijiet finanzjarji huma vulnerabbli għal riċessjonijiet ekonomiċi. Għal dik ir-raġuni, ġie deċiż li jiġu adottati regoli aktar stretti għas-swieq finanzjarji permezz ta' pakkett ta' governanza. Dan jinkludi d-Direttiva EMIR (ikkonċernata mal-ikklerjar tad-derivati OTC), id-Direttiva MiFID II (biex titjieb il-kompetittività tas-swieq finanzjarji, il-kodiċi ta' kondotta li magħhom l-impriżi għall-investiment għandhom jikkonformaw), id-Direttiva CRD IV(superviżjoni bankarja: l-inkorporazzjoni tal-ftehimiet ta' Basel III fil-qafas superviżorju tal-UE), id-Direttiva Solvenza II (reġim ta' sorveljanza għall-assiguraturi, li tissostitwixxi u li tinkorpora għadd ta' direttivi ta' assigurazzjoni biex tinħoloq direttiva ta' qafas unika) u TTF (taxxa fuq tranżazzjonijiet finanzjarji).
Anke fir-rigward ta' fondi tal-pensjoni, il-Kummissjoni tixtieq tintensifika s-superviżjoni billi tirrevedi d-Direttiva IORP li tirregola s-superviżjoni ta' skemi ta' pensjoni okkupazzjonali. Ir-rapporteur tipperċepixxi l-opportunitajiet fir-reviżjoni ta' din id-direttiva, iżda hija kritika ħafna wkoll tar-rekwiżiti kwantitattivi li japplikaw għall-fondi tal-pensjonijiet. Skont id-Direttiva IORP, fondi tal-pensjonijiet huma istituzzjonijiet finanzjarji tat-tieni pilastru, iżda skemi tal-pensjoni huma skemi soċjali u huma bbażati fuq il-leġiżlazzjoni soċjali nazzjonali u l-liġi tax-xogħol. Barra minn hekk, huma kkonċernati ma' tip ta' riskju li huwa differenti minn dawk koperti mill-prodotti ta' assigurazzjoni, pereżempju B'differenza għal skemi ta' assigurazzjoni kummerċjali, dawn mhumiex maħsuba biex jagħmlu profitt, imma bħala regola huma, għall-kuntrarju, espressjoni ta' solidarjetà fost u bejn il-ġenerazzjonijiet. Ir-rapporteur twissi li aktar rekwiżiti ta' adegwatezza tal-kapital jgħollu l-ispejjeż, u b'hekk jipperikolaw l-adegwatezza tal-pensjonijiet tal-pensjonanti attwali u futuri. Għan-negozji, l-ispejjeż għoljin li jirriżultaw jagħmluha impossibbli li jipprovdu pensjonijiet tat-tieni pilastru. Rekwiżiti kwantitattivi stretti jirkbu wkoll fuq l-irwol importanti tal-fondi tal-pensjoni bħala investituri fit-tul fl-ekonomija Ewropea, u b'dan il-mod jiddanneġġaw it-tkabbir ekonomiku u jostakolaw il-ħolqien tal-impjiegi. Ir-rapporteur għalhekk tqis li ma jkunx jaqbel li tiġi riveduta d-Direttiva IORP b'rabta mar-rekwiżiti kwantitattivi. Madankollu, emenda tad-Direttiva IORP jista' jkollha valur miżjud fir-rigward tar-rekwiżiti kwalitattivi, pereżempju għat-trasparenza ta' strateġiji gaħll-investiment u l-livelli ta' spejjeż Dan għandu wkoll joħloq opportunitajiet aħjar biex jitqabblu x'għandhom joffru fondi differenti.
Opportunitajiet indaqs
Fuq medja, in-nisa jaqilgħu anqas mill-irġiel u jinterrompu l-karrieri tagħhom aktar spiss biex jaġixxu bħala persuni li jagħtu l-kura. Bħala riżultat, huma ta' spiss ikollhom pensjonijiet iżgħar u ikunu f'riskju akbar li jgħixu fil-faqar. Fl-2009 kien hemm 13-il Stat Membru li għad kellhom età ta' rtirar aktar baxx għan-nisa milli għall-irġiel. Ir-rapporteur temmen li l-iffissar ta' età tal-irtirar indaqs kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel jista' jgħin biex jiżdied id-dħul mill-pensjoni.
Ir-rapporteur tqis li ftit li xejn dispożizzjoni qiegħda ssir għal skemi tal-pensjoni li jippermettu l-instabbiltà tal-karrieri tan-nies, li jippermettu kemm l-irġiel kif ukoll lin-nisa li jiddedikaw parti mill-ħajja tagħhom biex jieħdu ħsieb persuni oħra aktar milli l-impjieg tagħhom. Hemm eżempji tajbin ta' skemi bħal dawn li jippermettu lin-nies jakkumulaw drittijiet għall-pensjoni matul perjodi meta jkunu qed jaġixxu bħala persuni li jkunu qegħdin jieħdu ħsieb persuni oħra u għalhekk ma jkunux impjegati. Fil-każ kemm ta' skemi tal-pensjonijiet supplimentari kif ukoll tat-tielet pilastru, għandhom jistabu soluzzjonijiet ġodda.
Bidliet fis-suq tax-xogħol
Is-suq tax-xogħol jesiġi mobbiltà akbar tan-nies. Xogħol għal ħajtek ma għadux jeżisti. Użu akbar qed isir ukoll mill-opportunitajiet imqanqla mill-moviment liberu. Dan huwa normali: jekk studenti jieħdu korsijiet jew traineeships f'pajjiż barranin, dan ta' spiss jirriżulta fl-impjieg tagħhom barra minn pajjiżhom f'xi żmien matul il-karrieri sussegwenti tagħhom. Din il-mobbiltà għandha tiġi sostenuta u mhux ikkastigati: dan japplika kemm fi ħdan Stat Membru partikolari kif ukoll 'il barra minnu. Ir-rapporteur tqis li dan ifisser li s-sistemi tal-pensjonijiet għandhom jiġu organizzati b'tali mod li d-drittijiet għall-pensjoni akkumulati ma' min iħaddem, kemm jekk fl-Istat Membru ta' oriġini tal-impjegat jew fi Stat Membru ieħor, ma għandhomx jiġu kkonfiskati. Sistemi tal-pensjonijiet għandhom jikkontribwixxu għal mobbiltà akbar. Ir-rapporteur għalhekk temmen li jkun ferm importanti li jiġu adottati standards minimi għall-akkwist u l-preservazzjoni tal-valur tad-drittijiet akkumulati għall-pensjoni.
Informazzjoni
Informazzjoni dwar il-pensjoni li n-nies jistgħu jistennew li jirċievu hija importanti ħafna. Li wieħed ikun jaf x'se jkun id-dħul futur tiegħu se jirriżulta fi fehim aħjar, provvediment antiċipattiv aktar attent u aktar responsabbiltà. Aċċess għall-informazzjoni u l-għarfien t-tajjeb tar-riskji hija neċessarja sabiex jittieħdu deċiżjonijiet meqjusa, per eżempju billi jsir tfaddil għal aktar tard tul il-ħajja. Sistema għall-ittraċċjar tal-pensjonijiet hija mod tajjeb ta' kif in-nies ikunu infurmati dwar id-drittijiet għall-pensjoni li akkumulaw, kemm fl-Istat Membru tagħhom u fi Stati Membri oħra. Ir-rapporteur tixtieq tiġbed l-attenzjoni għall-eżempji tajbin li diġà jeżistu. Ikun jaqbel li l-Istati Membri jitħeġġu biex jipprovdu ħarsa ġenerali tajba fir-rigward tal-pensjonijiet. Meta dawn is-sistemi ta' ttraċċjar jintrabtu flimkien, iċ-ċittadin infurmat jista' jikseb l-materjal kollu meħtieġ sabiex, fejn meħtieġ, jieħu l-azzjoni meħtieġa.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (27.2.2013)
għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
dwar Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli
(2012/2234(INI))
Rapporteur għal opinjoni(*): Thomas Mann(*) Kumitat Assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
L-ewwel pilastru: Is-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi
1. Jirreferi għad-dikjarazzjonijiet ewlenin li ġejjin għall-inizjattivi 1, 2, u 10, li jikkonċernaw l-ewwel pilastru tal-pensjonijiet;
2. Jenfasizza l-probabbiltà ta’ xenarju ekonomiku fit-tul, bi tkabbir baxx, li, flimkien mal-pressjoni demografika li qed tiżdied, inevitabbilment ifisser li livell partikolari ta’ introjtu ta’ wara l-irtirar se jkollu bżonn kontribuzzjonijiet ogħla matul il-ħajja tax-xogħol tal-impjegati; jirrimarka li dan se jirrikjedi li l-Istati Membri jikkonsolidaw il-baġits tagħhom u jirriformaw l-ekonomiji tagħhom taħt kundizzjonijiet ta’ awsterità sabiex jipprovdu introjtu ta’ rtirar li ma jwassalx għall-faqar taħt l-ewwel pilastru;
3. Jikkunsidra li huwa prinċipju fundamentali li l-pensjonijiet tal-ewwel pilastru jkunu jifilħu għall-faqar, disponibbli għal kulħadd, sew jekk kienu attivi jew le fis-suq tax-xogħol, u jadottaw approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja li jqis il-karriera sħiħa tul il-ħajja, inklużi interruzzjonijiet u tibdil fil-karriera, sabiex ma jiġux penalizzati nies b’ħajja tax-xogħol "mhux standard" u sabiex ikunu rikonoxxuti l-kontribuzzjoni ta' xogħol volontarju u ta’ xogħol ta’ kura ieħor mhux imħallas, li huma ta’ benefiċċju soċjali u ekonomiku;
4. Huwa tal-fehma li r-regolazzjoni ta’ introjtu tal-irtirar xieraq u sostenibbli huwa responsabbiltà unika tal-Istati Membri kkonċernati, u dan għandu jitqies fil-kuntest tas-suq uniku, li huwa essenzjali għall-istabbilità tal-provvediment tal-pensjoni u l-moviment liberu tax-xogħol fl-Unjoni u li l-Kummissjoni għandha tiffoka fuq il-ġbir u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-pensjonijiet u tal-isforzi tar-riforma tal-pensjoni fl-UE u, fejn xieraq, tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu analiżi kritika tas-sistemi tagħhom u jinvolvu lilhom infushom fi skambju ta’ esperjenzi u tal-aħjar prattika; jenfasizza li UE għandha ttejjeb il-komparabbiltà tal-iskemi tal-pensjoni;
5. Jenfasizza li UE għandha tippromovi l-iskambju tal-aħjar prattiki, bħaż-żieda fir-rata ta’ akkumulazzjoni fis-snin eżatt qabel l-età ta’ irtirar uffiċjali jew tqis il-koeffiċjent tat-tul ta' ħajja mistenni bl-għan li s-sistemi ta' pensjoni jkunu sostenibbli;
6. Jilqa' t-talba tal-Kummissjoni fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013 sabiex jiżdiedu r-riformi tas-sistema tal-pensjoni fl-Istati Membri permezz ta’ allinjament aħjar tal-età tal-irtirar mal-koeffiċjent tat-tul ta' ħajja mistenni u dispożizzjonijiet għal ħajjiet tax-xogħol itwal;
7. Jirrikonoxxi li l-fondi tal-pensjoni huma investitur prinċipali fl-ekonomija tal-UE, u għalhekk huma element ewlieni sabiex jintlaħaq it-tkabbir;
8. Iħeġġeġ lill-Istati Membri li qegħdin fil-proċess ta’ tisħiħ tas-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom sabiex jirrikonoxxu l-isfidi maħluqa mit-tixjiħ tal-popolazzjonijiet;
9. Jilqa' r-rikonoxximent li l-iskemi tal-pensjonijiet tat-tieni u tat-tielet pilastru għandhom ikunu mħeġġa, minħabba l-ħtieġa għal individwi li jieħdu responsabbiltà għall-finanzi u għall-futur tagħhom;
10. Josserva li iktar minn 17 % tan-nies fl-Unjoni Ewropea bħalissa għandhom 65 sena jew iktar, u li skont it-tbassir tal-Eurostat din il-figura se tiżdied għal 30 % sal-2060;
11. Jilqa' l-impenji meħuda mill-Istati Membri sabiex jiżguraw sistemi tal-irtirar sostenibbli u adegwati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill is-sena li għaddiet fil-qafas tas-Semestru Ewropew;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-bażi legali għal kwalunkwe proposta relatata mas-sistemi tal-pensjonijiet tal-Istati Membri l-aktar kmieni possibbli;
Inizjattiva 1
13. Jitlob biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UE; jenfasizza l-validità tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fl-oqsma affettwati mill-Inizjattiva 1; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tqis il-progress li sar fl-Istati Membri rigward ir-riformi tal-pensjonijiet fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li rriżultaw mill-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013; jilqa' r-rikonoxximent li għandhom jissaħħu s-sistemi tal-pensjoni fil-konfront tat-tibdil demografiku fuq perjodu twil, l-instabbilità tas-suq u r-rati ta’ interess baxxi ħafna;
14. Jenfasizza li kwistjoni ewlenija dwar il-pensjonijiet fi ħdan l-istrateġija Ewropa 2020 għandha tkun li din issir vijabbli għal ħafna aktar impjegati, b’mod partikolari fir-rigward ta’ xogħlijiet l-aktar strapazzanti u ta' dawk li jaħdmu sal-età standard tal-irtirar billi tissaħħaħ il-politika pubblika fl-oqsma tas-saħħa fuq ix-xogħol, l-ambjent tax-xogħol u t-taħriġ vokazzjonali;
Inizjattiva 2
15. Jilqa’ l-appoġġ li jingħata; jenfasizza b’mod partikolari li l-għajnuna ppjanata tista’ tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, pereżempju sabiex jiżdiedu r-rati ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-aktar fil-grupp ta’ età ’l fuq minn 55 sena li tvarja sew bejn l-Istati Membri;
Inizjattiva 10
16. Jilqa’ l-iskambju ta’ esperjenzi u l-identifikazzjoni ta’ prattiki tajba dwar id-dikjarazzjonijiet tal-pensjonijiet individwali, li tista’ tkun relevanti għall-pilastru 1, 2 jew 3;
17. Jinnota li, meta jkunu żviluppati b’mod sħiħ sistemi għad-dikjarazzjonijiet tal-pensjonijiet, in-nies għandhom idealment ikollhom aċċess sħiħ u f'post wieħed għall-informazzjoni dwar id-drittijiet individwali kollha fi ħdan it-tliet pilastri, bħalma huwa portal ikkoordinat tal-internet;
18. Ifakkar li s-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi huma l-uniċi li jiddependu fuq solidarjetà interġenerazzjonali u intraġenerazzjonali;
19. Jemmen li s-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi huma dawk l-aktar kapaċi li jiżguraw l-introjtu tal-pensjonanti;
20. Jiddispjaċih ħafna li l-White Paper ma tindirizzax it-tħassib fundamentali tat-tisħiħ tas-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi;
21. Jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-KESE sabiex jiġu żviluppati standards dwar pensjonijiet minimi jew mekkaniżmi għall-protezzjoni tal-introjtu tal-pensjoni fil-leġiżlazzjoni futura sabiex ikun provdut introjtu ’l fuq mil-livell tal-faqar;
22. Huwa tal-opinjoni li t-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji tista’ tipprovdi risposta innovattiva għall-finanzjament tal-pensjonijiet fuq perjodu twil;
It-tieni pilastru: Pensjonijiet tax-xogħol
23. Jirreferi għad-dikjarazzjonijiet ewlenin li ġejjin għall-inizjattivi 10, 11, 12, 14 u 17, li jikkonċernaw il-pensjonijiet tat-tieni pilastru;
24. Jenfasizza li l-fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru huma investituri importanti fuq perjodu twil fl-ekonomija reali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tqis l-effetti kumulattivi tal-leġiżlazzjoni tas-suq finanzjarju (eż. EMIR, MiFID, CRDIV) dwar il-fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru u l-abilità tagħhom li jinvestu fl-ekonomija reali u biex tirrapporta dwar dan fil-Green Paper dwar Investimenti fit-Tul li jmiss;
25. Jenfasizza li s-sistemi tat-tieni pilastru għandhom ikunu sikuri u trasparenti, għandhom jiżguraw is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u jirriflettu l-mudelli tax-xogħol moderni; jinnota li f'xi Stati Membri, dawk li jħaddmu diġà jsostnu l-iskemi tal-pensjonijiet tagħhom permezz ta' skemi ta' protezzjoni, segregazzjoni tal-assi, tmexxija indipendenti ta’ skemi u status ta’ kreditur ta’ prijorità ta’ skemi ta’ pensjoni qabel l-azzjonisti fil-każ ta' insolvenza ta’ kumpanija;
26. Iqis li l-garanzija li s-sistemi tat-tieni pilastru Ewropej jikkonformaw ma' regoli prudenti sodi hija determinanti sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni għall-membri u l-benefiċarji u jiġi rrispettat il-mandat tal-G20 li l-istituzzjonijet finanzjarji kollha għandhom ikunu suġġetti għall-regolamentazzjoni xierqa u superviżjoni adegwata;
27. Jenfasizza bil-qawwa li l-istruttura tat-tieni pilastru tvarja b’mod konsiderevoli fid-diversi Stati Membri u l-fornituri tagħha; jinnota li f’xi Stati Membri l-pensjonijiet relatati max-xogħol huma prinċipalment inklużi fl-ewwel pilastru; jiċċara li x-xogħol regolatorju tal-UE dwar miżuri prekawzjonarji għandu, jekk ikun il-każ, jiġi esplorat fir-rigward tal-benefiċċji possibbli f'termini ta' sikurezza u provvediment imtejba, filwaqt li tiġi ffaċilitata attività transkonfinali u jitħeġġeġ il-moviment liberu tal-ħaddiema;
28. Jenfasizza li l-għan tar-reviżjoni tad-Direttiva IORP għandu jkun sabiex il-pensjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa jinżammu adegwati, sostenibbli u sikuri billi jinħoloq ambjent li jistimula aktar progress tas-suq intern u nazzjonali f'dan il-qasam, billi tkun ipprovduta protezzjoni b'saħħitha għall-pensjonanti attwali u futuri u billi tkun adattata b'mod flessibbli d-diversità transkonfinali u transsettorjali tal-iskemi eżistenti;
29. Jitlob li l-inizjattivi legiżlattivi tal-UE irrispettaw l-għażliet magħmula mill-Istati Membri fir-rigward tal-fornituri tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru;
Inizjattiva 11
30. Jenfasizza li kwalunkwe xogħol regolatorju ieħor tal-UE fir-rigward ta' miżuri prekawzjonarji għandu jinbena fuq analiżi soda tal-impatt li għandha tinkludi d-dispożizzjoni li prodotti simili jkunu suġġetti għall-istess standards prudenti, għall-provvediment adegwat u l-mobbiltà tal-ħaddiema fl-Unjoni, u għandu jkollu l-għan ġenerali li jissalvagwarda l-intitolamenti akkumulati tal-impjegati; jenfasizza li kwalunkwe xogħol regolatorju ieħor tal-UE fir-rigward ta’ miżuri prekawzjonarji għandu jinbena fuq djalogu attiv mas-sħab soċjali u mal-partijiet interessati l-oħra u fuq fehim ġenwin dwar l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u r-rispett lejhom; jenfasizza li s-sistemi ta’ pensjonijiet huma integrati sew fiċ-ċirkostanzi kulturali, soċjali, politiċi u ekonomiċi ta’ kull Stat Membru; jenfasizza li l-fornituri kollha tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru, tkun xi tkun il-forma legali tagħhom, għandhom ikunu taħt regolamentazzjoni soda u proporzjonata li tqis il-karatteristiċi tan-negozju tagħhom, b'mod partikolari dawk iffukati fuq perjodu twil;
31. Jinsisti li l-pensjonijiet tat-tieni pilastru, irrispettivament mill-fornituri tagħhom, m’għandhomx ikunu pperikolati mir-regolamentazzjoni tal-UE li ma tqisx il-perspettivi tagħhom fuq perjodu twil;
32. Iqis li l-proposti tal-Kummissjoni rigward il-miżuri prekawzjonarji għandhom mhux biss jidentifikaw u jqisu d-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali, imma wkoll japplikaw il-prinċipju ta' 'l-istess riskju, l-istess regoli' fi ħdan kull sistema nazzjonali u pilastru rispettiv; jenfasizza li l-miżuri għandhom ikunu strettament konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità f’termini ta’ evalwazzjoni tal-għanijiet u l-benefiċċji kontra l-piżijiet finanzjarji, amministrattivi u tekniċi involuti u jqisu l-bilanċ ġust bejn l-infiq u l-benefiċċji;
33. Iqis bħala utli, fir-rigward tal-miżuri prekawzjonarji kwalitattivi, il-proposti li jikkonċernaw il-governanza korporattiva msaħħa u l-ġestjoni tar-riskju u dawk li jirrigwardaw it-trasparenza mtejba u l-obbligi tal-iżvelar ta’ informazzjoni, kif ukoll l-iżvelar tal-infiq u t-trasparenza tal-istrateġiji ta' investiment, u dawn għandhom jitressqu fil-qafas ta' kwalunkwe reviżjoni, dment li jiġu rispettati l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; jinnota li, minħabba d-differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri, il-konverġenza tal-miżuri prekawzjonarji kwalitattivi fil-livell tal-UE hija aktar fattibbli fuq terminu qasir ta' żmien milli l-konverġenza tal-miżuri prekawzjonarji kwantitattivi;
34. Mhuwiex konvint li, skont l-informazzjoni disponibbli bħalissa, huwa xieraq li jkun hemm rekwiżiti fil-livell Ewropew fir-rigward ta’ kapital proprju jew ta’ valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ; jirrifjuta, bi qbil ma' dan ir-raġunament, kwalunkwe reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Fondi għall-Pensjonijiet (id-Direttiva IORP), li jkollha l-għan li tikseb dan; jemmen, madanakollu, li l-Istudju dwar l-Impatt Kwantitattiv (QIS) li qed isir bħalissa mill-AEAPX, kif ukoll l-analiżi ta’ segwitu possibbli għal dak l-istudju, għandhom jitqiesu sew f'dan il-kuntest ta' politika; jenfasizza li jekk dawn ir-rekwiżiti kellhom jiġu introdotti aktar tard, l-applikazzjoni diretta għar-rekwiżiti ta' Solvenza II għall-IORP ma tkunx l-aħjar strument;
35. Ifakkar li d-Direttiva dwar il-Fondi tal-Pensjonijiet tapplika biss għal skemi tal-pensjoni volontarji u ma tkopri l-ebda strument li jkun parti mill-iskema tal-pensjoni pubblika obbligatorja;
36. Jenfasizza li jeżistu differenzi kbar bejn prodotti ta’ assigurazzjoni u IORPs; jenfasizza li kwalunkwe applikazzjoni diretta ta’ rekwiżiti kwantitattivi ta’ Solvenza II għall-IORPs ma tkunx xierqa u tista' tkun potenzjalment ta' ħsara għall-interessi kemm tal-ħaddiema u kemm ta' min iħaddem; jopponi, għalhekk, l-applikazzjoni mingħajr adattament tar-rekwiżiti ta' Solvenza II għall-IORPs, filwaqt li jibqa' miftuħ għal approċċ li jfittex is-sigurtà u s-sostenibbiltà;
37. Jenfasizza li s-sħab soċjali (jiġifieri min iħaddem u l-ħaddiema) għandhom responsabbiltà komuni għall-kontenut tal-arranġamenti tal-pensjonijiet tax-xogħol; jenfasizza li ftehimiet kuntrattwali bejn is-sħab soċjali jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti f'kull żmien b’mod partikolari fir-rigward tal-bilanċ bejn riskji u benefiċċji li skema ta' pensjonijiet tax-xogħol timmira li tilħaq;
38. Iqis li l-iżvilupp ulterjuri ta’ mudelli ta’ solvenza fil-livell tal-UE, bħall-Holistic Balance Sheet Model (HBS), ikun utli biss jekk l-applikazzjoni tagħhom, fuq il-bażi ta’ analiżi soda tal-impatt, turi li tkun realistika f’termini prattiċi u effettiva f’termini ta’ spejjeż u benefiċċji, b’mod partikolari minħabba d-diversità tal-IORPs fi ħdan l-Istati Membri; jenfasizza li kwalunkwe żvilupp addizzjonali ta' varjazzjonijiet ta' Solvenza II jew ta' HBS m'għandux ikollu l-għan li jintroduċi dispożizzjonijiet bħal dawk ta' Solvenza II;
39. Jinnota varjetà kbira fid-disinn tal-pjanijiet tal-pensjonijiet, li jvarjaw minn benefiċċji definiti (BD) għal kontribuzzjoni definita (KD) jew skemi mħallta; jinnota wkoll ċaqliqa minn skemi BD għal skemi KD jew it-twaqqif ta’ pilastri ffinanzjati b’mod obbligatorju f’xi Stati Membri; jenfasizza li dan iżid il-bżonn ta' aktar trasparenza u forniment ta’ informazzjoni aħjar liċ-ċittadini rigward il-benefiċċji mwiegħda, il-livelli ta’ spiża u l-istrateġiji ta’ investiment;
40. Jirrimarka li l-idea li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni bejn assigurazzjoni fuq il-ħajja u IORPs tat-tieni pilastru hija relevanti biss sa ċertu punt, minħabba d-differenzi kbar bejn prodotti ta’ assigurazzjoni u IORPs li jiddependu fuq il-profil tar-riskju, il-grad ta' integrazzjoni fis-suq finanzjarju u l-karattru ta' kwalunkwe fornitur partikolari li jkun favur il-profitt jew mhux għall-profitt ; jirrikonoxxi li minħabba kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u IORPs tat-tieni pilastru, huwa essenzjali li prodotti bl-istess riskji jkunu soġġetti għall-istess regoli biex jiġi evitat li jkunu żgwidati l-benefiċjarji u jiġu pprovduti bl-istess livell ta’ protezzjoni prudenzjali;
Inizjattiva 12
41. Jemmen li fil-każ ta’ insolvenza t-talbiet skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE għandhom ikunu konsistentement ssalvagwardati fl-Istati Membri kollha;
42. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti ħarsa ġenerali komprensiva fuq is-sistemi u l-miżuri nazzjonali tas-sigurtà soċjali u, jekk jiġu identifikati inadegwatezzi f’dik l-evalwazzjoni, tfassal proposti tal-UE mtejba sabiex tiżgura li mekkaniżmi affidabbli, sempliċi, kosteffiċjenti u proporzjonati għal protezzjoni tad-drittijiet tal-pensjonijiet tax-xogħol jiġu stabbiliti fl-UE kollha;
43. Jenfasizza li kwistjonijiet rigward il-protezzjoni tal-pensjonijiet f’każ ta’ insolvenza huma relatati mill-qrib ma’ aspetti importanti tar-reviżjoni tal-IORP; jenfasizza li l-Kummissjoni, fl-iżvilupp ta’ dawn iż-żewġ direttivi, għandha tiżgura li jkunu kongruwenti u kompatibbli b’mod sħiħ;
Inizjattiva 14
44. Jilqa’ t-tfassil ta’ kodiċi ta’ prattika tajba fil-qasam tal-iskemi tal-pensjonijiet tax-xogħol, li l-għan tagħha jkun li tagħti ħarsa ġenerali fuq il-prattiki tajba stabbiliti u tipproponi proposti fir-rigward ta’ sistemi u miżuri tas-sigurtà soċjali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkoordina b’mod xieraq dan ix-xogħol mar-reviżjonijiet u l-inizjattivi relevanti;
45. Jenfasizza li l-aspett tal-ġeneru wkoll jeħtieġ jiġi indirizzat speċifikament f’dan il-kuntest, minħabba l-fatt problematiku li preżentement in-nisa għandhom aktar opportunitajiet limitati mill-irġiel sabiex jakkumulaw tfaddil tal-irtirar mix-xogħol adegwat;
46. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromwovi l-iżvilupp ta’ servizzi tat-traċċar tal-pensjonijiet fl-Istati Membri kollha; jenfasizza - meta titqies ix-xejra attwali ta' impjegati li, b'mod aktar frekwenti milli fil-passat, jibdlu l-impjieg - li tali servizzi jsiru aktar u aktar importanti għan-nies sabiex jiksbu ħarsa ġenerali xierqa tad-drittijiet kollha u biex jieħdu deċiżjonijiet razzjonali dwar materji relatati mal-pensjonijiet;
47. Jinnota li, meta jkunu żviluppati b’mod sħiħ, is-servizzi tat-traċċar tal-pensjonijiet għandhom idealment ikopru mhux biss il-pensjonijiet tax-xogħol, iżda wkoll l-iskemi tat-tielet pilastru u informazzjoni individwalizzata dwar drittijiet tal-ewwel pilastru;
Inizjattiva 17
48. Jilqa' t-twaqqif ta' servizzi li jżommu rekords tal-pensjoni għall-ewwel u t-tieni pilastri fl-Istati Membri; jilqa’ d-diskussjoni - u l-intentzjoni tal-Kummissjoni li tibda' proġett pilota - dwar it-twaqqif ta' servizzi transkonfinali li jżommu rekords tad-drittijiet tal-pensjoni għat-tieni pilastru sabiex tkun aktar faċli għall-ħaddiema biex jiċċaqilqu bejn l-Istati Membri mingħajr ma jitilfu d-drittijiet tal-pensjoni tagħhom; jenfasizza li ċ-ċittadini jeħtieġu informazzjoni ta’ kwalità għolja mill-iskemi tal-pensjonijiet (pilastri 1, 2 & 3) sabiex huma jkunu jistgħu jippjanaw it-tfaddil tal-irtirar u jikkunsidraw jieħdu pensjonijiet supplementari; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki attwali fl-Istati Membri u sabiex tippromwovi l-iżvilupp ta’ servizzi transkonfinali tat-traċċar tal-pensjonijiet;
49. Jinnota li, skont l-OECD, hemm nuqqas ta' mobbiltà bejn l-Istati Membri u li huma biss 3 % taċ-ċittadini tal-UE fl-età tax-xogħol li jgħixu fi Stat Membru ieħor[1]; jemmen, madankollu, li n-nuqqas ta' ċertezza legali dwar it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni joħloq ostaklu għall-mobbiltà tax-xogħol fl-Ewropa;
50. Jinnota li l-mobbiltà transkonfinali mhijiex biss dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-UE, iżda wkoll fattur importanti biex is-suq intern u l-ekonomija Ewropea jaħdmu b'mod effiċjenti kemm jista' jkun; jenfasizza li l-għan prinċipali tal-attivitajiet tal-UE fil-qasam tal-pensjonijiet għandu jkun li jitneħħew l-ostakoli li baqa’ għal tali mobbiltà;
51. Jenfasizza l-bżonn li titwessa’ l-bażi billi jinfetħu l-iskemi;
52. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromwovi servizzi transkonfinali tat-traċċar tal-pensjoni effiċjenti; jenfasizza li l-iżvilupp ta' servizzi transkonfinali ta' traċċar tal-pensjoni - li jagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini li jaħdmu fi Stati Membri differenti matul il-karriera tagħhom li jżommu rekord u jitolbu l-benefiċċji tal-pensjonijiet akkumulati tagħhom kollha - għandu jiġi promoss bħala kwistjoni ta' prijorità; jenfasizza li s-servizzi transkonfinali ta’ traċċar tad-drittijiet tal-pensjoni għandhom ikunu strutturati b’mod partikolarment effiċjenti, sempliċi mill-perspettiva legali u amministrattiva, kif ukoll kosteffiċjenti;
It-tielet pilastru: Tfaddil għall-pensjoni privata
53. Jirreferi għad-dikjarazzjonijiet ewlenin li ġejjin għall-inizjattivi 9, 10,13, 18, 19 u 20 li jirreferu għat-tielet pilastru;
54. Jirrealizza li t-tifsira, l-iskop u l-kompożizzjoni tat-tielet pilastru hi differenti fl-Istati Membri differenti;
55. Jenfasizza li ż-żamma ta’ pensjonijiet xierqa fl-ewwel pilastru, bil-prinċipji ta’ solidarjetà u protezzjoni adegwata għal kulħadd, għandha tingħata l-akbar prijorità fl-Istati Membri; jenfasizza li t-tielet pilastru jista’ jkollu rwol supplementari hekk kif tonqos il-pressjoni demografika; jopponi l-miżuri kollha li jkunu ta' detriment għall-ewwel pilastru u jiffavorixxu t-tieni jew it-tielet pilastru;
56. Jiddispjaċih li s-sistemi tat-tielet pilastru huma ħafna drabi aktar intensivi fir-rigward tal-kostijiet, aktar riskjużi u inqas trasparenti minn sistemi tal-ewwel pilastru; jitlob għall-istabbiltà, l-affidabbiltà u sostenibbiltà għat-tielet pilastru;
57. Jinnota li f'xi Stati Membri, il-pensjonijiet tat-tielet pilastru huma disponibbli biss għal persuni li l-introjtu tagħhom hu suffiċjenti għalihom biex iħallsu l-kontribuzzjonijiet; jitlob, għalhekk, biex persuni b'introjtu baxx jew medju jiġu aċċettati fit-tielet pilastru, u sabiex l-aċċess tagħhom għal dak il-pilastru jkun imsaħħaħ;
58. Jenfasizza li hu jqis bħala omissjoni fundamentali li l-Kummissjoni ma għamlithiex ċara fil-Green Paper liema hi l-bażi legali għar-regolamenti ppjanati fit-tielet pilastru;
Inizjattiva 9
59. Jiġbed l-attenzjoni, fir-rigward tal-Inizjattiva 9, lejn ir-rispett assolut tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;
60. Jikkunsidra li f’ċertu każijiet tfaddil għall-pensjoni privata jista’ jkun neċessarju biex tinbena pensjoni adegwata; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tikkoopera mal-Istati Membri fuq il-bażi ta’ approċċ tal-aħjar prattiki u tevalwa u ttejjeb inċentivi għal tfaddil ta’ pensjoni privata, b’mod partikolari għal individwi li altrimenti ma jibnux pensjoni adegwata;
61. Iqis li hija utli li jkun hemm valutazzjoni ta’ prattiki tajba stabbiliti u proposti għall-ottimizzazzjoni ta’ inċentivi;
62. Jenfasizza li l-prijorità l-aktar importanti ta’ politika pubblika m’għandhiex tkun li tissussidja skemi tat-tielet pilastru, imma li tiżgura li kulħadd ikun protett adegwatament fi ħdan l-ewwel pilastru li jkun jaħdem sew u jkun sostenibbli;
63. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-vulnerabilità fil-konfront tal-kriżijiet tas-sistemi tat-tielet pilastru li huma bbażati fuq il-kapital u tagħmel rakkomandazzjonijiet biex jitnaqqas ir-riskju;
64. Jipproponi li, fil-livell nazzjonali, jiġu eżaminati l-limitazzjonijiet legali fil-kostijiet fil-konklużjoni u l-ġestjoni ta’ kuntratti, fil-bdil tal-fornitur jew fil-bdil tat-tip ta’ kuntratt u biex isiru rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward;
65. Jikkunsidra li l-kodiċijiet ta’ kondotta fir-rigward tal-kwalità, il-provvista ta’ informazzjoni lill-konsumaturi u l-protezzjoni tal-konsumatur fit-tielet pilastru jistgħu jżidu l-attrazzjoni għall-pjanijiet tal-pensjoni tat-tielet pilastru; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki eżistenti fl-Istati Membri;
Inizjattiva 13
66. Jappoġġja l-elaborazzjoni u t-twaqqif ta’ kodiċijiet ta’ kondotta volontarji fil-livell tal-UE – u possibilment skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-prodott – fir-rigward tal-kwalità, l-informazzjoni lill-konsumaturi u l-protezzjoni tagħhom fit-tielet pilastru; jekk il-kodiċijiet ta' kondotta volontarji ma jirnexxux, jirrakkomanda li l-Istati Membri jassumu kompiti regolatorji f'dawn l-oqsma;
67. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfittex modi kif tista’ tuża aħjar il-leġiżlazzjoni tas-settur finanzjarju tal-UE meta tasal biex tiżgura li l-konsumaturi jingħataw pariri finanzjarji preċiżi u imparzjali dwar il-pensjoni u prodotti relatati ma’ pensjonijiet;
Inizjattiva 18
68. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati biex jilħqu ftehim speċjalment dwar kif tkun evitata taxxa doppja u n-nuqqas ta' tassazzjoni doppja fil-qasam tal-pensjonijiet transkonfinali;
69. Iqis it-taxxi diskriminatorji wkoll bħala ostakolu kbir għall-mobbiltà transkonfinali u jitlob l-abolizzjoni tagħhom malajr kemm jista’ jkun, għalkemm jinnota kompetenza limitata tal-UE fil-qasam tal-politika tat-taxxa tal-Istati Membri;
Inizjattiva 19
70. Iqis utli investigazzjoni tal-ostakoli għad-dritt kuntrattwali;
71. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi b’mod xieraq is-sħab soċjali permezz tal-istrutturi disponibbli;
Inizjattiva 20
72. Jenfasizza li mis-sistemi tal-ewwel pilastru, li mhumiex sostenibbli, jirriżultaw riskji serji għall-baġits nazzjonali;
73. Jenfasizza l-importanza li tintuża metodoloġija uniformi biex tiġi kkalkulata s-sostenibilità fuq perjodu twil ta’ finanzi pubbliċi u s-sehem fihom tal-obbligazzjonijiet relatati mal-pensjonijiet;
74. Jistieden lill-Istati Membri, inter alia abbażi tar-Rapport dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet 2012, sabiex jintensifikaw ix-xogħol tagħhom biex jevitaw il-faqar fix-xjuħija; jenfasizza li jekk ma tittiħidx azzjoni kuraġġjuża dwar it-tisħiħ tas-sistemi tal-pensjoni f'dan ir-rigward, l-għan tal-Ewropa 2020 dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali probabbilment ma jintlaħaqx;
75. Jenfasizza li element fundamentali biex jinbnew sistemi ta’ pensjonijiet aktar sostenibbli u adegwati hija li ssir enfasi fuq l-eradikazzjoni tal-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel; jenfasizza li jridu jittieħdu miżuri msaħħa f’dan ir-rigward fl-Istati Membri kollha, pereżempju fir-rigward tal-promozzjoni tal-paga indaqs, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, l-għoti ta’ krediti tal-pensjoni għall-kura tat-tfal u l-anzjani, it-tnaqqas tal-inċidenza ta’ impjieg part-time involontarju, u t-titjib ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-pensjoni f’impjiegi prekarji;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
26.2.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
44 1 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Burkhard Balz, Elena Băsescu, Jean-Paul Besset, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Syed Kamall, Othmar Karas, Wolf Klinz, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Werner Langen, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Arlene McCarthy, Sławomir Nitras, Ivari Padar, Alfredo Pallone, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Sampo Terho, Marianne Thyssen, Corien Wortmann-Kool, Pablo Zalba Bidegain |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Pervenche Berès, Sari Essayah, Sophia in ‘t Veld, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Nils Torvalds, Roberts Zīle |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Alejandro Cercas |
||||
- [1] OECD (2012), “Mobility and migration in Europe”, p. 63 Fi: OECD Economics Surveys: European Union 2012, OECD Publishing.
OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumaturr (2.10.2012)
għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
dwar aġenda għal pensjonijiet adegwati, sikuri u sostenibbli
Rapporteur għal opinjoni: Sergio Gaetano Cofferati
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Josserva li l-kriżi finanzjarja u ekonomika aggravat id-diffikultajiet eżistenti relatati mas-sostenibilità ta’ ħafna sistemi ta’ protezzjoni soċjali u l-bidliet attwali fl-Ewropa, bħalma huma t-tixjiħ tal-popolazzjoni, it-tibdil fl-istrutturi tal-familja u ż-żieda fl-impjieg atipiku, fost fatturi oħra, u jemmen li l-adegwatezza u s-sigurezza tal-benefiċċji tal-pensjonijiet jistgħu jikkontribwixxu b'mod deċiżiv għall-koeżjoni soċjali u jistgħu jiġu garantiti fost l-oħrajn billi jiġi definit livell minimu għall-pensjonijiet; jinnota li r-riformi tal-pensjonijiet ma jistgħux ikunu separati mid-dibattitu dwar ir-riformi ta' skemi ta' protezzjoni soċjali oħrajn;
2. Jinnota li l-objettiv fundamentali tal-iskemi tal-pensjonijiet huwa li jiggarantixxi dħul adegwat tal-pensjoni u li jippermettu lill-anzjani jgħixu ħajja deċenti u finanzjarjament indipendenti;
3. Jinnota li ż-żieda fil-medja ta' għomor il-bniedem hija ħaġa pożittiva peress li hija konsegwenza diretta tat-titjib fil-kwalità tal-ħajja u tas-sistemi tal-kura tas-saħħa Ewropej; jenfasizza li l-pensjonanti huma parti attiva u kontribwenti tas-soċjetà;
4. Iqis preokkupanti l-għadd li kulma ma jmur qed jiżdied ta’ anzjani, l-aktar nisa, li jgħixu taħt is-soll tal-faqar u huwa tal-fehma li s-sistemi tal-pensjonijiet għandhom jiggarantixxu livell ta’ ħajja adegwat u dinjintuż għal kulħadd;
5. Jenfasizza li l-SMEs huma waħda mill-għejun prinċipali ta’ impjieg u tkabbir fl-UE u jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għas-sostenibilità u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri;
6. Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jevalwaw l-allinjament tal-età tal-irtirar mal-medja ta' għomor il-bniedem permezz ta’ forom volontarji u flessibbli u ta' miżuri li jinċentivaw estensjoni tal-ħajja tax-xogħol, bħall-għażla li jirċievu benefiċċji parzjali tal-irtirar filwaqt li jkomplu jaħdmu; jenfasizza li sabiex titwal il-ħajja tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea jeħtieġ responsabilità kondiviża tal-ħaddiema, l-impjegaturi u s-settur pubbliku, u li dawn ir-riformi jkunu soċjalment ġusti, evalwati sew kontra l-impatt li jistgħu jħallu fuq gruppi vulnerabbli u mwettqa b'mod li jsaħħu l-mekkaniżmi ta' solidarjetà;
7. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw l-argumenti soċjoekonomiċi sodi favur it-tneħħija ta’ politiki li ma jħallux ħaddiema anzjani milli jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol għal żmien itwal;
8. Jaqbel mal-Kummissjoni dwar in-neċessità li jkun hemm garanzija, meta tkun eliminata l-possibilità tal-pensjoni kmieni, li individwi interessati jistgħu jibqgħu jaħdmu jew, meta dan ma jkunx possibbli, li jirċievu dħul minimu garantit flimkien ma' dispożizzjonijiet li jiżguraw il-kontinwità tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali;
9. Jikkunsidra li kwalunkwe għażla ta' estensjoni tal-ħajja tax-xogħol jew żieda fl-età tal-pensjoni għandha tqis iċ-ċirkostanzi partikolari tan-nies li jkunu wettqu ħidma diffiċli jew li jkunu daħlu fid-dinja tax-xogħol f’età bikrija ħafna;
10. Huwa tal-fehma li l-ekwiparazzjoni tal-età tal-pensjoni tan-nisa ma’ dik tal-irġiel għandha ssir flimkien ma’ politiki effikaċi ħalli jkun hemm trattament indaqs tal-pagi u tal-konċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja u li għandu jingħata valur adegwat lix-xogħol ta’ kura mwettaq min-nisa kif ukoll lill-istatus ta’ dawk li jagħtu l-kura b’mod informali; jistieden lill-Kummissjoni tindividwa l-iskemi tal-pensjonijiet li jagħtu l-akbar kunsiderazzjoni għad-dimensjoni tal-ġeneru tal-pensjonijiet u li jindirizzaw il-lakuni fil-pensjonijiet tan-nisa;
11. Jikkunsidra li l-proliferazzjoni ta’ kuntratti atipiċi u l-prevalenza konsegwenti ikbar ta’ esperjenza ta’ xogħol instabbli u prekarju jistgħu jwasslu biex il-ħaddiema kkonċernati jkollhom lakuni fir-rekords tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali tagħhom, u dan jista' jkollu impatt sinifikanti u jipperikola l-intitolament tagħhom għall-benefiċċji;
12. Jikkunsidra li jeħtieġ li tittieħed azzjoni iktar deċiżiva biex tiġi evitata u kkastigata l-evażjoni tal-kontribuzzjoni, li thedded li ddgħajjef l-adegwatezza u s-sostenibilità tas-sistemi tal-pensjoni u toħloq diskriminazzjoni fost il-ħaddiema u fost l-intrapriżi filwaqt li taċċentwa l-kompetizzjoni inġusta;
13. Jenfasizza l-ħtieġa li dawk li jfaddlu għall-pensjoni jiġu protetti kontra l-falliment tal-fond tal-pensjoni;
14. Huwa tal-fehma li, minħabba t-tibdil demografiku u ż-żieda fil-limitazzjonijiet tal-baġits pubbliċi, l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet fil-futur għandha tiġi garantita bit-tisħiħ tal-ewwel pilastru pubbliku, filwaqt li jitjiebu u jiġu estiżi l-iskemi tal-pensjonijiet tax-xogħol supplementari u, barra minn hekk, billi jiġi nkoraġġit l-użu ta' skemi ta' sistemi ta' pensjonijiet privati, li jiggarantixxu l-aċċessibilità, il-portabilità u s-sigurtà;
15. Jikkunsidra li hemm bżonn ta’ inċentivi b’saħħithom biex jitħeġġeġ l-investiment fit-tul tal-fondi tal-pensjonijiet f’attivitajiet sostenibbli, b’użu baxx tal-karbonju u soċjalment inklużivi, u li jiġu evitati investimenti fuq perjodu ta’ żmien qasir u li jieħdu riskji eċċessivi;
16. Jenfasizza li huwa importanti li s-sistemi nazzjonali tal-pensjonijiet tal-Istati Membri juru reżiljenza dewwiema fl-interessi tal-istabilità finanzjarja tal-Unjoni Ewropea, u li l-Istati Membri fiż-Żona tal-Euro jkunu kkollegati flimkien b’tali mod li l-obbligi tal-pensjonijiet ta’ dawn l-Istati Membri jkun jista’ jkollhom effett transkonfinali;
17. Jemmen li l-mobilità tas-suq tax-xogħol hija kruċjali għat-tkabbir; ifakkar fl-importanza tal-portabilità tal-pensjonijiet fl-Istati Membri tal-UE, li n-nuqqas tagħha għadu ostakolu sinifikanti li jiskoraġġixxi liċ-ċittadini milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu; iqis li hu neċessarju li tiġi pprovduta informazzjoni aħjar dwar il-portabilità tad-drittijiet tal-pensjonijiet u li jinħolqu l-kondizzjonijiet li jipproteġu u jilħqu l-portabilità sħiħa tal-jeddijiet kollha għall-pensjoni, inklużi wkoll dawk li ġejjin minn pensjonijiet komplementari u supplimentari; għal dan l-għan, iqis meħtieġ li jiġi eżaminat kull mezz possibbli, l-aktar biex terġa' tibda l-ħidma fuq direttiva li tiżgura l-portabilità sħiħa tad-drittijiet għall-pensjoni; jenfasizza barra minn hekk li l-portabilità għandha tkun garantita wkoll għall-kontribuzzjonijiet imħallsa lil fondi okkupazzjonali li jkunu jammontaw għal perjodu insuffiċjenti biex iwassal għal xi intitolament skont il-kundizzjonijiet kuntrattwali relatati mal-fondi okkupazzjonali speċifiċi;
18. Jikkunsidra xieraq, għalhekk, li l-Kummissjoni tinvestiga kemm jista’ jkun malajr kif il-problemi fiskali u attwarji involuti fit-trasferiment tal-pensjonijiet jistgħu jiġu solvuti u kif tista’ tiġi stabbilita sistema li tagħmilha possibbli li tinkiseb informazzjoni diretta dwar l-intitolamenti tal-pensjoni akkumulati fl-Istati Membri tal-UE;
19. Iqis li jkun xieraq li tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (id-Direttiva IORP) bl-għan li tiżgura l-infurzar effettiv tar-rekwiżiti tad-Direttiva mill-Istati Membri; jemmen li din ir-reviżjoni għandu jkollha l-għan li tippromovi attività transkonfinali tal-fondi tal-pensjonijiet okkupazzjonali fis-suq uniku, tiżgura superviżjoni finanzjarja adegwata, iżżid il-livelli ta' sigurtà, trasparenza u informazzjoni għall-benefiċjarji, u taġġorna r-rekwiżiti tal-kapital u tas-solvenza; jemmen barra minn hekk li r-reviżjoni għandha tqis id-differenzi kbar bejn fondi ta' pensjonijiet u dawk ta' assigurazzjoni u tqis ir-responsabilità possibbli tal-kumpaniji u l-mekkaniżmi eżistenti ta' salvagwardja; iqis li kwalunkwe proposta dwar sistemi ta' pensjonijiet okkupazzjonali jrid ikollha valutazzjoni sħiħa tal-impatt, b'mod partikolari bl-għan li jiġu kkwantikati l-ispejjeż addizzjonali li jistgħu jinqalgħu u jagħmlu ħsara lill-adegwatezza tal-għoti tal-pensjoni;
20. Iqis li t-trasparenza tal-iskemi privati tal-pensjoni għadha mhix adegwata; jemmen li hu essenzjali li jiġi żgurat li l-ħaddiema jkollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli u kompleta fir-rigward tad-drittijiet tal-pensjoni tagħhom − l-aktar il-benefiċċji futuri mistennija, ir-riskji involuti u l-ispejjeż attwali kollha − speċjalment dawk konnessi ma' attivitajiet transkonfinali u l-mobilità (inklużi t-tieni u t-tielet pilastru); jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga aktar din il-kwistjoni u jekk ikun neċessarju tfassal regoli iktar stretti f’dan il-qasam;
21. Jikkunsidra li l-pensjonijiet supplementari individwali, li jgħinu biex jiġi żgurat l-akkwist ta’ benefiċċji adegwati, għandhom jipprovdu redittu garantit u sikur, li dwaru l-benefiċjarji jridu jkunu infurmati b’mod suffiċjenti u ċar, u li, fid-dawl ta’ dak l-għan, il-fondi jridu jissodisfaw rekwiżiti ta’ solvenza u kapitalizzazzjoni robusti u jkunu jinvolvu prinċipalment investimenti fit-tul u b’riskju baxx;
22. Huwa tal-fehma li s-superviżjoni prudenzjali għandha tiġi armonizzata fl-Unjoni Ewropea sabiex jiġi missielet ir-riskju ta’ tellieqa għar-ribass, fejn l-Istati Membri jikkompetu biex joffru r-rekwiżiti ta’ solvenza l-inqas stretti;
23. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw approċċ tal-“aħjar prattiki” fir-rigward tal-pensjonijiet fl-Unjoni Ewropea.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
10.7.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
28 1 4 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Cristian Silviu Buşoi, Sergio Gaetano Cofferati, Birgit Collin-Langen, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia de Campos, Cornelis de Jong, Jürgen Creutzmann, Vicente Miguel Garcés Ramón, Evelyne Gebhardt, Louis Grech, Philippe Juvin, Sandra Kalniete, Edvard Kožušník, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Sirpa Pietikäinen, Phil Prendergast, Mitro Repo, Robert Rochefort, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Catherine Stihler, Emilie Turunen, Barbara Weiler |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Raffaele Baldassarre, María Irigoyen Pérez, Emma McClarkin, Sabine Verheyen, Anja Weisgerber |
||||
OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (20.2.2013)
għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
dwar aġenda għal pensjonijiet adegwati, sikuri u sostenibbli
(2012/2234(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Regina Bastos
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi l-effetti tat-tixjiħ demografiku fuq is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi jridu jiġu evalwati; billi l-ġenerazzjonijiet futuri għandhom ikunu kapaċi jibbenefikaw minn sistemi ta’ pensjonijiet adegwati;
B. billi l-fondi għall-pensjonijiet huma investituri importanti għat-tkabbir ekonomiku tal-UE u jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-ksib tal-mira strateġika tal-Ewropa 2020, li tikkonsisti f’rata ta’ impjieg ta’ 75 % fost l-irġiel u n-nisa ta’ bejn 20-64 sena u soċjetajiet soċjalment inklużivi;
C. billi fid-dibattitu Ewropew attwali, l-iskemi tal-pensjonijiet ta’ spiss iżżejjed jitqiesu bħala sempliċi piż fuq il-finanzi pubbliċi minflok ma jitqiesu bħala strument essenzjali għall-ġlieda kontra l-faqar fix-xjuħija u għar-ridistribuzzjoni tul il-ħajja tal-individwi u fis-soċjetà kollha kemm hi;
D. billi l-pensjonijiet huma s-sors prinċipali ta’ dħul għall-Ewropej kbar fl-età u l-għan prinċipali tagħhom hu li jiżgurawlhom livell ta' għajxien deċenti u li jkunu jistgħu jkunu finanzjarjament indipendenti; billi, minkejja dan, madwar 22 % tan-nisa ta’ iktar minn 75 sena jinsabu taħt il-livell limitu tal-faqar fl-Unjoni, u b’hekk hemm ir-riskju ta’ esklużjoni soċjali, u billi n-nisa jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-popolazzjoni ta’ iktar minn 75 sena;
E. billi n-nisa jieqfu mix-xogħol waqt il-karrieri tagħhom u jaħdmu f’impjiegi part-time iktar ta’ spiss mill-irġiel biex jieħdu ħsieb it-tfal kif ukoll persuni anzjani, dipendenti jew morda fil-familja, fattur li jista’ jwassalhom biex jagħżlu li jaħdmu part-time jew li jagħmlu xogħol b’paga iktar baxxa iktar ta’ spiss mill-irġiel, u billi dawn il-perjodi ta’ waqfien ma jitqisux jew jitqiesu biss parzjalment fil-kalkolu tal-pensjonijiet u li b’hekk, il-pensjoni tagħhom ta’ spiss hija iktar baxxa u iktar vulnerabbli għar-riskju tal-faqar minn dik tal-irġiel;
F. billi n-nisa huma rappreżentati b’mod sproporzjonat fis-suq tal-impjiegi part-time u flessibbli;
G. billi n-nisa jirrappreżentaw proporzjon kbir ta’ ħaddiema f’impjiegi mhux iddikjarati, l-iktar fix-xogħol domestiku u l-kura ta’ persuni dipendenti;
H. billi n-nisa huma rappreżentati żżejjed fl-impjiegi u l-pożizzjonijiet tal-iktar livell baxx f’dawk li huma kwalifiki, pagi u prestiġju u b’hekk in-nisa jiffaċċjaw prekarjetà ikbar tax-xogħol u jitħallsu inqas mill-irġiel;
I. billi n-nisa jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet ikbar biex jirrikonċiljaw il-ħajja professjonali ma’ dik tal-familja, peress li r-responsabilitajiet tal-familja mhux dejjem jinqasmu b’mod ekwu u li l-kura tat-tfal u ta’ membri oħra dipendenti tal-familja taqa’ l-iktar fuq spallejn in-nisa;
J. billi l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-impjiegi, il-pagi, il-kontribuzzjonijiet, il-waqfien waqt il-karriera, l-impjiegi mhux iddikjarati, il-prekarjetà tax-xogħol, u x-xogħol part-time marbut mar-responsabilitajiet tal-familja għandhom konsegwenzi serji fuq l-ammont ta’ dħul li mara tistenna li tingħata fil-pensjoni;
K. billi l-influwenza negattiva tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fl-Ewropa fuq il-pagi u l-impjiegi se żżid ir-riskju tal-faqar fix-xjuħija fil-futur;
L. billi l-istudju dwar ‘Aġġornament tal-qagħda tan-nisa li jgħixu għal rashom’, mitlub mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Parlament, juri r-riskji impliċiti ta’ wħud mill-arranġamenti eżistenti tal-pensjonijiet fid-deterjorament tal-iżbilanċi bejn is-sessi, speċjalment għan-nisa li jgħixu għal rashom;
M. billi d-dokument ta’ ħidma tal-OECD nru 116 fil-qasam soċjali, tal-impjiegi u tal-migrazzjoni, “Cooking, Caring and Volunteering: Unpaid Work Around the World” (Veerle Miranda), juri l-importanza tax-xogħol mhux imħallas li għadu mhuwiex rikonoxxut fl-iskemi ta’ pensjonijiet nazzjonali;
N. billi fl-UE, ir-rata ta’ impjieg tan-nies li għandhom bejn 55 u 64 sena ma taqbiżx is-47,4 % u fil-każ tan-nisa hija biss ta’ 40,2 %; billi f’xi pajjiżi tal-UE, 2 % biss tal-postijiet battala kollha jimtlew minn persuni li għandhom 55 sena jew iktar; billi tali rati baxxi ta’ impjieg jikkawżaw distakk fil-pensjoni bejn il-ġenerazzjonijiet, bejn in-nisa u l-irġiel, kif ukoll distakk bejn il-ġenerazzjonijiet li jwassal għal disparitajiet sostanzjali fir-riżorsi finanzjarji bejn il-ġenerazzjonijiet;
O. billi l-impatt maħsub tar-riformi tal-pensjonijiet normalment ikun ibbażat fuq profil maskili, full-time, b’karriera sħiħa u bi qligħ medju; billi t-tabelli attwarji tal-ħajja bbażati skont is-sess għandhom impatt negattiv fuq il-kalkoli tal-pensjonijiet tan-nisa u jagħtu rata ta' sostituzzjoni iktar baxxa għan-nisa;
P. billi n-nisa ta’ spiss huma impjegati f’impjiegi b’pagi iktar baxxi u għandhom inqas flessibilità fuq is-suq tax-xogħol, b’mod partikolari meta jaqbżu l-50 sena, u dan jagħmilha iktar diffiċli biex ifaddlu għall-iskemi tal-pensjonijiet;
1. Jenfasizza li f'ħafna Stati Membri hemm bżonn li ssir riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet biex wieħed ilaħħaq mal-iżviluppi fil-popolazzjoni u s-swieq tal-impjiegi li qed jinbidlu; jissottolinja li r-riformi jeħtieġ li jkunu soċjalment ġusti u li jsaħħu l-mekkaniżmi ta' solidarjetà u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza li r-riformi għandhom jinvolvu s-sħab soċjali u l-atturi interessati kollha u għandhom jiġu kkomunikati kif xieraq liċ-ċittadini;
2. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw ir-riċerka dwar l-impatt tal-formuli differenti ta' indiċizzazzjoni tal-pensjonijiet rigward is-sogru tal-faqar fix-xjuħija, filwaqt li jqisu d-dimensjoni tas-sessi; jistieden lill-Istati Membri jqisu b'mod partikolari l-evoluzzjoni fil-bżonnijiet tan-nies meta jixjieħu, pereżempju l-kura għal żmien twil, sabiex jiżguraw li l-anzjani, prinċipalment in-nisa, ikunu jistgħu jirċievu pensjoni adegwata u jgħixu b'dinjità;
3. Jenfasizza li l-politika dwar il-pensjonijiet hija element prinċipali tal-politika soċjali u li l-pensjonijiet huma mekkaniżmu ta' solidarjetà finanzjarja diretta bejn il-ġenerazzjonijiet kif ukoll bħala investiment fil-futur;
4. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-ħolqien ta' sistemi tal-pensjonijiet hija r-responsabilità tal-Istati Membri u jenfasizza l-benefiċċji ta' approċċ globali u koordinat fil-livell tal-UE;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel jiġi applikat b'mod konsistenti fl-iskemi ta' assigurazzjoni tal-pensjonijiet u li speċjalment l-iskemi tal-pensjonijiet tax-xogħol ma jiddiskriminawx kontra n-nisa sabiex ma jinfurzawx it-tendenzi eżistenti li diġà jpoġġu lin-nisa fi żvantaġġ f'termini ta' benefiċċji u kontribuzzjonijiet;
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jagħmlu valutazzjonijiet komprensivi tal-impatt dwar ir-riformi kollha tas-sigurtà soċjali, b'mod speċjali s-sistemi tal-pensjonijiet, li jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-impjiegi u d-drittijiet tal-pensjoni tan-nisa, bħal tnaqqis fil-faċilitajiet tal-kura tat-tfal matul il-jum u l-kura tal-anzjani, il-politiki tal-pensjoni, eċċ.;
7. Ifakkar fin-neċessità, għal xi Stati Membri, li jieħdu miżuri biex jeliminaw id-differenzi fil-pagi u d-dħul bejn in-nisa u l-irġiel għall-istess xogħol u d-diskrepanzi fil-kisba tal-karigi ta’ responsabilità, kif ukoll l-inugwaljanzi bejn is-sessi fis-suq tax-xgħol, li jaffettwaw ukoll il-pensjonijiet u li jirriżultaw f'differenza sostanzjali bejn il-pensjonijiet imħallsa lin-nisa u l-pensjonijiet ħafna ogħla mħallsa lill-irġiel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti; jinnota li, minkejja kampanji, miri u miżuri numerużi fis-snin reċenti, id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel għadha mifruxa b'mod persistenti;
8. Jenfasizza li jeħtieġ li jittieħdu miżuri ta' urġenza kontra d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel fis-settur privat, ħaġa li hi partikolarment gravi f'ħafna Stati Membri;
9. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-flessibilità fl-età tal-irtirar, billi jqisu d-dimensjoni tas-sessi, u jiggarantixxu pensjoni minima;
10. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li, meta l-arranġamenti tal-pensjonijiet tal-Istati Membri ma jqisux il-kundizzjonijiet partikolari tan-nisa li jgħixu waħedhom jew dawk relatati mas-sessi b'mod ġenerali, in-nisa b’mod ġenerali jiġu diskriminati indirettament u jiġu esposti għal riskji ogħla ta' faqar;
11. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li, filwaqt li ħinijiet flessibbli tax-xogħol u l-impjiegi part-time jagħmlu eħfef li jinkiseb bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, speċjalment għan-nisa, dawn jimplikaw ukoll salarji iktar baxxi u, għalhekk, pensjonijiet iktar baxxi fil-futur; jenfasizza li l-maġġoranza vasta tas-salarji baxxi u kważi l-pagi baxxi ħafna kollha jitħallsu għal xogħol part-time u 80 % tal-foqra li jaħdmu huma nisa;
12. Jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel bl-istess ħiliet u l-istess impjieg, peress li din tikkawża li l-introjtu tan-nisa jibqa' dejjem lura wara dak tal-irġiel u jżid in-numru għoli ta' nisa li jgħixu fil-faqar meta joħorġu bil-pensjoni ew jormlu;
13. Jagħraf il-ħtieġa li tiġi adattata l-età tal-pensjoni għan-nisa u l-irġiel biex titqies iż-żieda fl-għomor filwaqt li jittejjeb l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, il-konċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, tal-familja, u dik privata, u jiġi promoss it-tixjiħ attiv;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw approċċ matul il-ħajja għall-pensjonijiet, billi jqisu l-firxa kollha tal-ħajja tax-xogħol tal-persuna, inklużi l-interruzzjonijiet fil-karriera u l-bidliet, biex ikun rifless il-benefiċċju soċjali u ekonomiku ta’ xogħol ta’ kura mhux imħallas u xejriet moderni tax-xogħol;
15. Jenfasizza l-importanza li n-nisa u l-irġiel ikunu intitolati għall-benefiċċji tal-pensjoni fl-istess età, u li titjieb l-impjegabilità għal nisa u rġiel akbar fl-età biex ikunu jistgħu jibqgħu fis-suq tax-xogħol, peress li dan jikkontribwixxi b’mod konsiderevoli għaż-żieda fir-rata ta’ attività ta’ ħaddiema kbar fl-età;
16. Jenfasizza li l-perjodi ta’ qgħad part-time, salarji iktar baxxi u sigħat medji inqas ta’ xogħol fost in-nisa għandhom konsegwenzi profondi għall-qligħ li jagħmlu, għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tagħhom u, mhux l-inqas, fuq tul ta’ żmien, il-pensjonijiet tagħhom;
17. Jenfasizza li l-għomor itwal tan-nisa ma għandux ikun il-kawża ta’ diskriminazzjoni fil-kalkoli tal-pensjoni;
18. Jilqa’ b’mod favorevoli l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tħeġġeġ il-ħolqien ta’ skemi ta’ ffrankar supplimentari għall-pensjonijiet biex jittejjeb id-dħul għall-pensjonanti;
19. Jenfasizza l-fatt li l-ewwel pilastru għandu jkompli jkun il-fornitur ewlieni ta’ pensjonijiet tal-irtirar u li l-Kummissjoni għandha tieħu miżuri biex tagħmel it-tieni u t-tielet pilastri aktar aċċessibbli u aktar trasparenti għan-nisa peress li attwalment għandhom inqas opportunitajiet biex jiksbu tfaddil komplementari għall-irtirar mill-irġiel;
20. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw u infurzaw il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet għall-maternità bil-għan li n-nisa ma sofrux l-iżvantaġġi f'termini tal-pensjonijiet minħabba l-fatt li saru ommijiet matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom;
21. Jisħaq fuq il-bżonn li l-Istati Membri jiġu inkoraġġiti jżommu liċ-ċittadini informati aħjar sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar l-ippjanar tal-pensjoni b'konsapevolezza totali tal-fatti;
22. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jqisu l-perjodi li n-nisa jew l-irġiel jgħadduhom jieħdu ħsieb it-tfal jew membri dipendenti oħra tal-familja tagħhom, kif ukoll ix-xogħol domestiku, bħala perjodi effettivament assigurati li jgħoddu għad-dritt tal-pensjoni u għall-kalkolu ta' dak id-dritt;
23. Iqis li, fi prospettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi, tinħtieġ individwalizzazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni, iżda fl-istess ħin jeħtieġ tiġi garantita s-sigurtà ta' ħafna nisa anzjani li bħalissa jiddependu mill-pensjoni tar-romol u fuq drittijiet derivati oħrajn;
24. Jenfasizza li l-politiki u s-servizzi soċjali għat-tħaris tat-tfal, għall-assistenza tal-anzjani u ta' persuni dipendenti oħrajn huma elementi essenzjali biex jiġi żgurat li n-nisa jkollhom l-istess opportunitajiet tal-irġiel ħalli jsibu impjieg bi ħlas, kompatibbli mal-ħajja familjari u personali tagħhom, li jippermettilhom jakkumulaw biżżejjed drittijiet tal-pensjoni biex igawdu fix-xħuħija pensjoni dinjituża;
25. Jenfasizza li jeħtieġ li l-Istati Membri jiġu inkoraġġiti jirrikonoxxu fis-sistemi soċjali u fil-mument tal-irtirar l-involviment, kważi dejjem tan-nisa, fl-assistenza u fis-sostenn tal-persuni dipendenti;
26. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissijoni jipproponu soluzzjonijiet ġodda biex jiżguraw li x-xogħol informali mhux illegali jitħallas aħjar u jitqies fid-determinazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni;
27. Jilqa’ l-istedina fil-White Paper biex jinħolqu krediti għall-għajnuna ta’ persuni dipendenti, jiġifieri l-kontabilizzazzjoni fil-kalkolu tal-pensjonijiet tal-perjodi ddedikati għall-kura ta’ persuni dipendenti kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, kif diġà ġie previst f’xi Stati Membri;
28. Jitlob li l-involviment tan-nisa fit-tmexxija ta’ assoċjazzjonijiet għat-tfal, jew għal persuni b’diżabilità jew dipendenti, u l-impenn tagħhom għal dan, għandu jitqies fl-akkreditazzjoni tal-esperjenza tagħhom, u b’hekk ikunu jistgħu jevitaw waqfien waqt il-karriera li jnaqqsilhom id-daqs tal-pensjoni futura tagħhom;
29. Jitlob li, fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw mill-ġdid is-sistemi tas-sigurtà soċjali biex jevitaw disparità sinifikanti bejn il-livelli ta’ pensjonijiet tan-nisa u l-irġiel, u għandhom jikkunsidraw li jdaħħlu fatturi korrettivi li jqisu d-diskrepanzi fil-kontribuzzjonijiet ikkawżati minn xogħol fuq perjodu qasir;
30. Itenni l-importanza tal-ġlieda kontra l-istereotipi tas-sessi li tradizzjonalment jikkonferixxu rwol sekondarju lix-xogħol tan-nisa u għalhekk paga iktar baxxa għax-xogħol li jagħmlu n-nisa;
31. Jitlob lill-Istati Membri jipprevedu servizzi ta' tħaris tat-tfal u tal-persuni dipendenti aċċessibbli u ta' kwalità.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
19.2.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
30 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Regina Bastos, Edit Bauer, Andrea Češková, Marije Cornelissen, Tadeusz Cymański, Iratxe García Pérez, Zita Gurmai, Mikael Gustafsson, Mary Honeyball, Sophia in ‘t Veld, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Silvana Koch-Mehrin, Constance Le Grip, Astrid Lulling, Ulrike Lunacek, Elisabeth Morin-Chartier, Krisztina Morvai, Siiri Oviir, Joanna Senyszyn, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Marc Tarabella, Britta Thomsen, Anna Záborská, Inês Cristina Zuber |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Izaskun Bilbao Barandica, Minodora Cliveti, Silvia Costa, Anne Delvaux, Mariya Gabriel, Nicole Kiil-Nielsen, Doris Pack, Licia Ronzulli, Angelika Werthmann |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
21.3.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
32 4 6 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Regina Bastos, Edit Bauer, Heinz K. Becker, Jean-Luc Bennahmias, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Philippe Boulland, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Minodora Cliveti, Marije Cornelissen, Emer Costello, Andrea Cozzolino, Frédéric Daerden, Karima Delli, Richard Falbr, Thomas Händel, Marian Harkin, Danuta Jazłowiecka, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Verónica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Jutta Steinruck |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Georges Bach, Jürgen Creutzmann, Philippe De Backer, Sergio Gutiérrez Prieto, Anthea McIntyre, Ria Oomen-Ruijten, Csaba Sógor |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Wim van de Camp |
||||