– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (07279/2013),
– wara li kkunsidra s-subparagrafu 2 tal-Artikolu 11(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali(1) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "Att elettorali"), skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0068/2013),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 u l-Artikolu 46(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0138/2013),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sostanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, kif ukoll, għall-informazzjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Kroazja.
Att anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta’ Settembru 1976 (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 1.), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/81/KEFA, KEE, Euratom (ĠU L 33, 9.2.1993, p. 15) u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1).
Dan ir-rapport iwieġeb għal talba ta’ konsultazzjoni tal-Kunsill dwar abbozz ta’ Deċiżjoni bil-għan li jiġi mmodifikat il-perijodu elettorali, li normalment għandha tapplika għall-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin, jiġifieri - f’konformità mal-Artikolu 11(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali ("l-Att elettorali") - tal-Ħamis 5 sal-Ħadd 8 ta’ Ġunju 2014, b’referenza għad-dati li fihom saru l-ewwel elezzjonijiet b'vot dirett universali (il-Ħamis 9 u l-Ħadd 12 ta' Ġunju 1979).
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012(1), il-Parlament Ewropew kien talab lill-Kunsill (fil-paragrafu 5) "jikkonsulta mal-Parlament dwar l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet jew bejn il-15 u t-18 ta’ Mejju jew inkella bejn it-22 u l-25 ta’ Mejju 2014".
Din it-talba ttenni xewqa li diġà ġiet espressa diversi drabi fil-passat u b’mod partikolari fir-rapport adottat mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali fl-1 ta’ Frar 2012(2) dwar proposta għal emenda tal-Att elettorali.
Minħabba l-fatt li t-tmiem il-ġimgħa ta’ Pentekoste, li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jaħbat mal-festi tal-Għid, jikkorrispondi mad-dati li normalment għandhom japplikaw, il-Kunsill qies li jkun aħjar jekk dawn jitmexxew ’il quddiem, u ppropona li l-perijodu elettorali jiġi ffissat kif ġej: mill-Ħamis 22 sal-Ħadd 25 ta’ Mejju 2014.
Sabiex l-Istati Membri jkollhom l-aktar żmien possibbli biex jieħdu d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-organizzazzjoni ta’ dawn l-elezzjonijiet, jeħtieġ li d-deċiżjoni dwar dawn id-dati l-ġodda tittieħed malajr kemm jista’ jkun.
Dan jiġġustifika r-rikors għall-proċedura simplifikata prevista fl-Artikolu 46(1) tar-Regolament, speċjalment minħabba li l-proposta tal-Kunsill tindirizza t-talba espressa fir-riżoluzzjoni fuq imsemmija tal-Parlament.
Ir-rapporteur għalhekk jirrakkomanda lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali japprova l-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill kif inhi.