RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa

    19.4.2013 - (COM(2011)0290 – C7‑0135/2011 – 2011/0138(COD)) - ***I

    Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
    Rapporteur: Agustín Díaz de Mera García Consuegra


    Proċedura : 2011/0138(COD)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A7-0139/2013

    ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa

    (COM(2011)0290 – C7‑0135/2011 – 2011/0138(COD))

    (Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2011)0290),

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 77(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewreopa, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0135/2011),

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    –   wara li kkonsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    –   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0139/2013),

    1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

    2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

    3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

    Emenda  1

    EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW[1]*

    għall-proposta tal-Kummissjoni

    ---------------------------------------------------------

    Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Huma u jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[2],

    Billi:

    (3a)       Reċiproċità sħiħa tal-viżi hi objettiv li l-Unjoni għandha ssegwi b’mod proattiv fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi, u b’hekk tikkontribwixxi biex jittejbu l-kredibbiltà u l-konsistenza tal-politika esterna tal-Unjoni fil-livell internazzjonali.

    (3b)       Wara li jkunu rċevew notifika minn Stat Membru li pajjiż terz elenkat fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2011 iddeċieda li jintroduċi rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, l-Istati Membri kollha għandhom jirreaġixxu b’mod kollettiv, u b’hekk jagħtu rispons tal-Unjoni għal sitwazzjoni li taffettwa lill-Unjoni kollha kemm hi u li tagħti lok li ċ-ċittadini tagħha jiġu soġġetti għal trattamenti differenti.

    (3c)       Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi mekkaniżmu għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża għal pajjiż terz li jkun elenkat fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, fejn ikun hemm bżonn li rispons urġenti sabiex jiġu solvuti d-diffikultajiet iffaċċjati minn wieħed jew aktar mill-Istati Membri, u b’kunsiderazzjoni tal-impatt ġenerali ta’ din is-sitwazzjoni ta' emerġenza fuq l-Unjoni kollha.

    (3d)       Żieda sostanzjali u f’salt tkun tindika li jkun inqabeż il-livell massimu ta’ 50 fil-mija. Dan il-livell jista' wkoll ikun aktar baxx jekk il-Kummissjoni tqis li jkun applikabbli fil-każ partikolari notifikat mill-Istat Membru taħt pressjoni.

    (3e)       Rata baxxa ta’ rikonoxximent tindika rata ta’ rikonoxximent ta’ talbiet għal asil li jammontaw għal anqas minn 3 fil-mija. Din tista' wkoll tkun ogħla jekk il-Kummissjoni tqis li tkun applikabbli fil-każ partikolari notifikat mill-Istat Membru taħt pressjoni.

    (3f)        Jeħtieġ li jiġi evitat u miġġieled kwalunke abbuż li jirriżulta mill-għoti ta' vjaġġar mingħajr viża għal żjarat ta' soġġorn qasir għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz partikolari fejn huma joħolqu theddida għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna tal-Istati Membri.

    (3g)       Sabiex ikun previst mekkaniżmu trasparenti u effiċjenti applikabbli għas-sospensjoni tal-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz elenkat fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001, bħala mezz ta' reċiproċità jew fil-każ ta' sitwazzjoni ta' emerġenza, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont it-termini tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) f’dak li għandu x’jaqsam mal-emendar tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 fir-rigward tal-pajjiż terz li għalih ikun qed jerġa’ jiġi stabbilit, b’mod temporanju, ir-rekwiżit tal-viża. Huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni tagħmel il-konsultazzjonijiet xierqa waqt il-fażi tal-ħidma ta’ tħejjija tagħha, fost l-oħrajn fil-livell tal-esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. F’każijiet eċċezzjonali marbutin ma’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, fejn ikun meħtieġ rispons urġenti ħalli jiġu riżolti d-diffikultajiet iffaċċjati minn wieħed jew aktar mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tingħatalha s-setgħa li tadotta atti delegati f’dak li għandu x’jaqsam mal-emendar tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 b’rabta mal-pajjiż terz li għalih ikun qed jerġa’ jiġi introdott, b’mod temporanju, ir-rekwiżit tal-viża, skont il-proċedura ta' urġenza.

    (6)         Peress li ▌r-regoli tal-viża applikabbli għar-refuġjati u l-persuni mingħajr stat introdotti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1932/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 ma japplikawx għal tali persuni meta dawn ikunu joqogħdu fir-Renju Unit jew l-Irlanda, hu neċessarju li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni li tikkonċerna r-rekwiżit tal-viża għal ċerti refuġjati u persuni mingħajr stat li joqogħdu fir-Renju Unit jew fl-Irlanda. Dan ir-Regolament għandu jħalli lill-Istati Membri fil-libertà li jiddeċiedu dwar l-eżenzjoni mill-viża jew l-obbligu tal-viża għal dik il-kategorija ta’ persuni skont l-obbligi internazzjonali tagħhom. Tali deċiżjonijiet nazzjonali għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni.

    (8)         Dan ir-Regolament għandu jipprovdi bażi legali għar-rekwiżit tal-viża jew għall-eżenzjoni mill-viża għal detenturi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn ċerti entitajiet soġġetti għad-dritt internazzjonali li mhumiex organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali.

    (8a)       Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Komunità Ewropea qabel id-dħul tiegħu fis-seħħ li jimplikaw il-ħtieġa ta’ deroga mir-regoli komuni tal-viża, filwaqt li titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    (9)         Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta' Schengen, skont il-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, kif iddefinit fl-Anness A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/435/KE[3] tal-20 ta' Mejju 1999 fir-rigward tad-definizzjoni tal-acquis ta' Schengen sabiex, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tiġi ddeterminata l-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew mid-deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis.

    (10)       Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[4], li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt (B), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim[5].

    (11)       Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[6], li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt (B) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE[7].

    (12)       Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen[8], li jaqa’ fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt (B) tad-Deċiżjoni ▌ 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ▌2011/350/UE[9].

    (13)       Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li ma jiħux sehem fih ir-Renju Unit, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu sehem f’xi uħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[10]. Għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

    (14)       Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li ma tiħux sehem fih l-Irlanda, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[11]; Għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Bil-preżenti, ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa emendat kif ġej:

    1.        Bil-preżenti, l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

    (aa)     il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "4.       Fejn pajjiż terz elenkat fl-Anness II jintroduċi, jerġa’ jintroduċi jew iżomm rekwiżit ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    (a)      fi żmien (30) jum mill-implimentazzjoni mill-pajjiż terz tar-rekwiżit tal-viża, jew, f’każijiet fejn ir-rekwiżit qed jinżamm, fi żmien (30) jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i) għandu/hom jinnotifika(w) lill-Parlamet Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-miktub;

    Dik in-notifika:

    i) għandha tispeċifika d-data ta’ implimentazzjoni tal-miżura u t-tip(i) ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u viżi kkonċernati;

    ii) tinkludi spjegazzjoni dettaljata tal-miżuri preliminari li l-Istat(i) Membru/i kkonċernat/i ħa(du) bil-ħsieb li jiżgura(w) l-ivvjaġġar mingħajr viża mal-pajjiż terz ikkonċernat u għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha;

    It-tagħrif dwar dik in-notifika għandu jiġi ppubblikat mingħajr dewmien mill-Kummissjoni fis-Serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, inkluż it-tagħrif dwar id-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżit tal-viża u t-tip(i) ta' dokumenti tal-ivvjaġġar u viżi kkonċernati.

    Jekk il-pajjiż terz jiddeċiedi li jneħħi l-obbligu tal-viża, in-notifika ma ssirx jew inkella tiġi rtirata;

    (b)       il-Kummissjoni għandha, immedjatament wara d-data ta' pubblikazzjoni ta' dik in-notifika u b'konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, tieħu passi mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid, jew introdott, l-ivvjaġġar mingħajr viża u mingħajr dewmien tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dawk il-passi;

    (c)       jekk fi żmien (90) jum mid-data ta' pubblikazzjoni tan-notifika/i u minkejja l-passi kollha meħudin skont il-punt (b), b'mod partikolari f'oqsma politiċi, ekonomiċi u kummerċjali, il-pajjiż terz ma jkunx neħħa l-obbligu ta' viża, l-Istat Membru kkonċernat jista' jitlob lill-Kummissjoni tipproponi li tiġi sospiża l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat.

    Meta Stat Membru jagħmel tali talba, għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan;

    (d)      il-Kummissjoni, meta tikkunsidra passi ulterjuri, għandha tqis l-eżitu tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru kkonċernat, il-passi meħuda skont il-punt (b) sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid, jew introdott, l-ivvjaġġar mingħajr viża, u l-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat;

    (e)       jekk fi żmien 6 xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tan-notifika l-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa r-rekwiżit tal-viża, il-Kummissjoni, fuq it-talba tal-Istat Membru jew b'inizjattiva tagħha stess:

               (i) tista’ tadotta, skont it-termini tal-Artikoli 4a u 4b, att delegat li jemenda l-Anness II u jissospendi l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għal ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għall-perjodu ta’ (12-il) xahar; jew

    (ii)      għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jivvaluta s-sitwazzjoni u jagħti r-raġunijiet għaliex ma tipproponix sospensjoni tal-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża. Il-fatturi rilevanti kollha għandhom jitqiesu f’dak ir-rapport, bħall-eżitu tal-miżuri meħudin mill-Istat Membru kkonċernat, il-passi meħuda skont il-punt (b) sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid, jew introdott, l-ivvjaġġar mingħajr viża, u l-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat;

    (f)       ▌ jekk fi żmien 24 xahar mid-data ta' pubblikazzjoni tan-notifika l-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa r-rekwiżit tal-viża, il-Kummissjoni għandha tadotta, skont it-termini tal-Artikoli 4a u 4b, att iddelegat li jemenda l-Anness II u jissospendi l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għal ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perjodu ta’ 12-il xahar;

    (g)      jekk fi żmien 6 xhur mid-data meta l-att delegat li hemm referenza għalih fil-punt (e)(i) jew fil-punt (f) ikun daħal fis-seħħ il-pajjiż terz ma jkunx neħħa l-obbligu tal-viża, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposta leġiżlattiva, li għandha tiġi adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, sabiex ir-referenza għall-pajjiż terz ikkonċernat tiġi ttrasferita mill-Anness II għall-Anness I;

    (h)      il-proċeduri li hemm referenza għalihom fil-punti (e), (f) u (g) m’għandhomx iżommu lill-Kummissjoni milli tippreżenta proposta li temenda dan ir-Regolament sabiex ir-referenza għall-pajjiż terz ikkonċernat tiġi ttrasferita mill-Anness II għall-Anness I fi kwalunkwe waqt;

    (i)       fejn il-pajjiż terz ikkonċernat jabolixxi r-rekwiżit tal-viża, l-Istat(i) Membru/i għandu/hom jinnotifika(w) immedjatament lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar dak il-fatt. In-notifika għandha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni fis-Serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Kull att delegat adottat skont it-termini tal-punt (e)(i) jew tal-punt (f) ma jibqax ikollu effett sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni tan-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F’każ li l-pajjiż terz ikkonċernat ikun introduċa rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta’ tnejn jew aktar mill-Istati Membri, dan japplika biss wara l-pubblikazzjoni tal-aħħar notifika."

    (j)       Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti delegati, skont it-termini tal-Artikolu 4b, l-aġġustamenti xierqa għall-Anness II ħalli tkun riflessa t-terminazzjoni tal-effett tal-atti delegati li hemm referenza għalihom fil-punt (i).

    (bb)     il-paragrafu 5 huwa mħassar.

    2.        Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    "Artikolu 1a

    1.        B'deroga mill-Artikolu 1(2), l-Artikolu 1(1) għandu japplika temporanjament f'sitwazzjoni(jiet) ta' emerġenza, bħala l-aħħar alternattiva, fir-rigward ta' pajjiż terz elenkat fl-Anness II meta jiġi deċiż hekk skont dan l-Artikolu.

    2.        Stat Membru jista' jinnotifika lill-Kummissjoni jekk jiġi konfrontat b'waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li ġejjin li jwasslu għal sitwazzjoni ta' emerġenza li l-Istat Membru ma jkunx jista' jirrimedja waħdu:

    (a)       żieda sostanzjali u f’daqqa ▌, fuq perjodu ta’ sitt xhur, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta' qabel, fin-numru ta’ ċittadini ta’ wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II li jinstabu li jkunu qed joqogħdu ▌fit-territorju tal-Istat Membru mingħajr id-dritt li jagħmlu dan;

    (b)       żieda sostanzjali u f'daqqa li twassal għal pressjonijiet speċifiċi fuq is-sistema tal-asil matul perjodu ta' sitt xhur, meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena ta' qabel, fin-numru ta’ applikazzjonijiet għall-asil miċ-ċittadini ta’ wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II fejn ir-rata ta’ rikonoxximent hija baxxa;

    (c)       żieda sostanzjali u f’daqqa ▌, fuq perjodu ta' sitt xhur, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta' qabel, fin-numru ta’ applikazzjonijiet għar-riammissjoni li ġew irrifjutati, sottomessi minn Stat Membru lil wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II għaċ-ċittadini tiegħu stess.

    Dik in-notifika għandha tiddikjara r-raġunijiet li tkun imsejsa fuqhom u għandha tinkludi dejta u statistika rilevanti kif ukoll spjegazzjoni dettaljata tal-miżuri preliminari li jkun ħa l-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jirrimedja s-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill minnufih wara li tkun irċeviet tali notifika mill-Istat Membru kkonċernat.

    3.        Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika/i magħmula minn wieħed jew aktarmill-Istati Membri skont it-termini tal-paragrafu 2, b'kont meħud ta':

    (a)       l-għadd tal-Istati Membri affettwati minn kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 2;

    (b)       jekk iż-żieda tkunx konsistenti mal-punti (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 2;

    (c)       l-impatt globali taż-żidiet fuq is-sitwazzjoni migratorja fl-Unjoni kif din tal-aħħar tkun tidher mid-dejta pprovduta mill-Istati Membri ▌;

    (d)       ir-rapporti mħejjija mill-FRONTEX ▌, mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil jew l-Europol, jekk iċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan fil-każ speċifiku nnotifikat;

    (e)       il-kwistjoni globali tal-ordni pubbliku u s-sigurtà interna, f'konsultazzjoni mal-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i).

    Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-eżami tagħha.

    3a.      Il-Kummissjoni għandha tqis il-konsegwenzi ta' sospensjoni tal-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat, u taħdem b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ dak il-pajjiż terz biex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi fit-tul.

    3b. Fejn il-Kummissjoni, abbażi tal-eżami li hemm referenza għalih fil-paragrafu 3a, tiddetermina li tkun meħtieġa azzjoni, il-Kummissjoni għandha, fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi n-notifika, tadotta skont it-termini tal-Artikoli 4a u 4b, att delegat li jemenda l-Anness II u jissospendi għal perjodu ta' tnax-il (12) xahar l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat.

    Fejn, fil-każ ta’ deċiżjoni li tissospendi l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta' urġenza, il-proċedura prevista fl-Artikolu 4c għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont it-termini ta' dan l-Artikolu.

    4.        Qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ validità tal-att delegat adottat skont il-paragrafu 3b, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i), għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat minn proposta li temenda dan ir-Regolament sabiex ir-referenza għall-pajjiż terz ikkonċernat tiġi ttrasferita fl-Anness I.

    Artikolu 1b

    Sa mhux aktar tard minn erba' snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta’ reċiproċità u sospensjoni u, jekk ikun meħtieġ, għandha tippreżenta proposta leġislattiva għall-emendar ta' dan ir-Regolament sabiex jiġu emendati l-mekkaniżmi li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 1 u 1a. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu fuq tali proposta permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.”

    4.        Bil-preżenti, l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)       il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "1.       Stat Membru jista’ jipprovdi għal eċċezzjonijiet mir-rekwiżit tal-viża previst fl-Artikolu 1(1) jew mill-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża kif previst fl-Artikolu 1(2), f'dak li jirrigwarda:

    (a)       id-detenturi ta' passaporti diplomatiċi, ta' passaporti ta’ servizz/passaporti uffiċjali jew ta' passaporti speċjali;

    (aa)    il-membri ta’ ekwipaġġi ċivili tal-ajru u tat-tbaħħir fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom;

    (ab)    il-membri ta’ ekwipaġġi ċivili tat-tbaħħir li jinżlu l-art u li jkollhom dokument tal-identità ta’ baħħara maħruġ skont il-Konvenzjonijiet (Nru 108 tat-13 ta' Mejju 1958 u Nru 185 tas-16 ta' Ġunju 2003) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) jew il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali (Konvenzjoni FAL) tad-9 ta' April 1965;

    (ac)     l-ekwipaġġi u l-membri ta’ missjonijiet ta' emerġenza jew ta' salvataġġ fil-każ ta' diżastru jew aċċident;

    (b)      l-ekwipaġġi ċivili ta' vapuri li jbaħħru f'ibħra interni internazzjonali;

    (c)        ▌id-detenturi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġin minn ▌ organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali li tagħhom huwa/huma membru/i wieħed jew aktar mill-Istati Membri, jew minn entitajiet oħra rikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat bħala soġġetti għal-liġi internazzjonali, għal uffiċjali ta' dawk l-organizzazzjonijiet jew entitajiet.

    (b)       fil-paragrafu 2 għandu jiżdied il-punt ▌li ġej:

    "(d)     mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Ftehim Ewropew dwar it-Tneħħija tal-Viżi għar-Refuġjati ffirmat fi Strasburgu fl-20 ta’ april 1959, refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat u persuni oħra li m'għandhom ċittadinanza tal-ebda pajjiż li jirrisjedu fir-Renju Unit jew fl-Irlanda u li huma detenturi ta' dokument tal-ivvjaġġar maħruġ mir-Renju Unit jew l-Irlanda, li huwa rikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat.";

    5.        Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    L-Artikolu 4a

    1. L-atti delegati li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 1(4)(e)(i), 1(4)(f) u 1a(3b) għandhom jemendaw l-Anness II billi jdaħħlu, fir-referenza għall-pajjiż terz ikkonċernat, l-informazzjoni dwar id-dati tal-bidu u tat-tmiem tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz.

    2. L-atti delegati li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 1(4)(e)(i), 1(4)(f) u 1a(3b) għandhom jiddeterminaw data li fiha għandha tidħol fis-seħħ is-sospensjoni tal-eżenzjoni tar-rekwiżit tal-viża, fil-qies tar-riżorsi disponibbli fil-konsulati tal-Istati Membri. Dik id-data għandha tkun bejn sitta u disa' xhur wara n-notifika tal-att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont it-termini tal-Artikolu 4b(4).

    3. B’deroga mill-paragrafu 2, l-att delegat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 1a(3b), it-tieni subparagrafu, għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, skont it-termini tal-Artikolu 4c.

    4. Il-Kummissjoni tista’ ttawwal il-validità tal-atti delegati li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 1(4)(e)(i), 1(4)(f) u 1a(3b) għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar. Meta l-Kummissjoni tkun ipproponiet emenda għal dan ir-Regolament biex tittrasferixxi r-referenza għal pajjiż terz ikkonċernat għall-Anness I skont it-termini tal-Artikoli 1(4)(g), 1(4)(h) jew 1a(4), għandha ttawwal il-validità tal-att delegat fis-seħħ għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar. Id-deċiżjoni li testendi l-validità tal-att delegat għandha tiġi adottata skont it-termini tal-Artikolu 4b u għandha temenda l-Anness II skont it-termini tal-paragrafu 1.

    Artikolu 4b

    1.        Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    2.        Is-setgħa li tadotta atti delegati li hemm referenza għaliha fl-Artikoli 1(4)(e)(i), 1(4)(f), 1(4)(j) u 1a(3b) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perjodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ tul ta’ żmien identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux it-tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

    3.        Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 1(4)(e)(i), 1(4)(f) u 1a(3b) tista tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Id-deċiżjoni ma taffettwax il-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

    4.        Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.        Att delegat adottat skont l-Artikoli 1(4)(e)(i), 1(4)(f) u 1a(3b) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jkun estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 4c

    1.        Atti delegati adottati fl-ambitu ta' dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma ssir l-ebda oġġezzjoni skont it-termini tal-paragrafu 2. In-notifika ta' att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta' urġenza.

    2.        Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4b(5). F'tali każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att mingħajr dewmien wara li tkun saret in-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara il-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi ...,

    Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

    Il-President                                                   Il-President

    • [1] * Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
    • [2]  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ ...
    • [3]       ĠU L 176, 10.7.1999, p. 1.
    • [4]       ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
    • [5]       ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.
    • [6]       ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
    • [7]       ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.
    • [8]  ĠU L 160, 18.5.2011, p. 21.
    • [9]       ĠU L 160, 18.5.2011, p. 19.
    • [10]       ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.
    • [11]     ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

    NOTA SPJEGATTIVA

    Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati. Ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz jistgħu igawdu minn eżenzjoni mill-obbligu tal-viża għal żjarat qosra fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

    Id-deċiżjoni relatata mal-eżenzjonijiet issir wara proċedura ta’ evalwazzjoni tal-pajjiż konċernat fir-rigward tal-immigrazzjoni klandestina, l-ordni pubbliku u s-sigurtà, ir-relazzjonijiet barranin tal-Unjoni Ewropea, il-koerenza territorjali u l-prinċipju ta’ reċiproċità.

    Il-proposta ta’ emenda tar-Regolament Nru 539/2001 għandha l-għan li tistabbilixxi klawżola ta’ salvagwardja li tippermetti s-sospensjoni rapida u temporanja tal-eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ viża f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza; li timmodifika l-mekkaniżmu ta’ reċiproċità; li tistabbilixxi definizzjonijiet ta’ konformità mal-Kodiċi dwar il-Viżi; li tistipula l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ viża għal ċittadini ta’ pajjiż terz, refuġjati u persuni mingħajr stat, kategoriji ta’ ċittadini speċifiċi ta’ pajjiż mhux Komunitarju u detenturi ta’ laissez-passer jew passaporti maħruġa minn entitajiet suġġetti għal-Liġi Internazzjonali; u finalment, l-obbligi tal-Istati Membri skont il-ftehimiet internazzjonali.

    IR-RIMARKI TAR-RAPPORTEUR

    Jeħtieġ li dan ir-rapport, anke jekk jagħti biss stampa ġenerali tas-sitwazzjoni, jirrifletti viżjoni oġġettiva tal-elementi kollha li qed jiġu eżaminati, u jqis mhux biss il-perspettiva Komunitarja iżda wkoll il-pożizzjoni ta’ pajjiżi li mhumiex parti mill-Unjoni Ewropea.

    Ikun kontradittorju li fl-ambitu tal-Unjoni l-viża titqies bħala strument meħtieġ għall-kontroll taż-żieda fl-immigrazzjoni irregolari filwaqt li fl-istess ħin nissorprendu rwieħna li pajjiż mhux Komunitarju jista’ jimponi dan ir-rekwiżit għall-istess raġuni.

    Il-Politika Komuni dwar il-Viżi hija element fundamentali tal-qasam tal-Immigrazzjoni, li tagħti rwol essenzjali lill-viża bħala strument ta’ kontroll tal-immigrazzjoni irregolari.

    Il-proposta ta’ emenda tar-regolament hi r-reazzjoni tal-Kummissjoni għall-użu ħażin riċenti tas-sistema Komunitarja tal-viżi. Jirriżulta li numru sinjifikanti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi użaw l-eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ viża biex vjaġġaw fit-territorju tal-Unjoni biex jitolbu protezzjoni internazzjonali b'mod li mhux iġġustifikat kif jixraq.

    Il-proposta tal-Kummissjoni ma tillimitax ruħha li tistabbilixxi dispożizzjoni tekniċi, iżda tinkludi miżuri ta’ natura politika. L-introduzzjoni tal-klawsola ta’ salvagwardja, flimkien mal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità, huma strumenti li l-attivazzjoni tagħhom tista’ taffettwa r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea.

    Rigward it-terminoloġija, il-Parlament Ewropew diġà semma’ diversi drabi l-ħtieġa li t-terminu immigrazzjoni, meta din issir b’mod kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, m’għandhiex tiġi deskritta bħala “illegali” iżda bħala “irregolari” jew “klandestina”.

    Klawsola ta’ salvagwardja: dan l-istrument għandu jingħata isem aktar korrett għax l-għan tiegħu hu li tkun “sospiża” l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża f'ċirkostanzi speċifiċi, u għaldaqstant ikun aktar adegwat li jintuża isem ieħor bħal "klawsola jew mekkaniżmu ta' sospensjoni" jew li sempliċiment jitneħħa l-isem attwali.

    L-isem tal-klawsola iqajjem diversi mistoqsijiet. L-ewwel nett tajjeb li nqisu jekk l-attivazzjoni tagħha għandhiex tikkonforma ma’ kriterji stretti, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, jew li għall-kuntrarju, tistax tiġi attivata b'mod aktar flessibbli, kif jipproponu xi Stati Membri.

    Donnu li hu loġiku li l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu għandha sseħħ biss f’każijiet ta’ emerġenza speċifiċi ħafna u fejn diġà jkun hemm żieda “sostanzjali” u f’daqqa f’għadd ta’ immigranti irregolari jew ta’ talbiet infondati għal protezzjoni internazzjonali.

    Id-deċiżjoni dwar meta ż-żieda tista’ titqies li hi kbira biżżejjed u għaldaqstant, meta jkun xieraq li tkun sospiża l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża, se tittieħed mhux biss minħabba l-fatt li jkunu ntlaħqu l-perċentwali previsti fil-proposta ta’ emenda tar-Regolament 539/2001, iżda meta l-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ kull każ jitlob dan. Il-Kummissjoni għandha teżamina r-rapport tal-Istat Membru konċernat, id-data u l-istatistiki relevanti, ir-rapporti tal-Frontex, tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil jew tal-Europol, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, u l-impatt globali għall-Unjoni taż-żieda tas-sitwazzjoni migratorja.

    B’hekk, l-użu tal-perċentwali bħala element oġġettiv meta tinbeda l-proċedura ta’ evalwazzjoni mhuwiex inopportun għalkollox. Madankollu, il-perċentwali għandhom iservu esklussivament għal dan, jiġifieri biex jingħata bidu għall-proċess ta’ evalwazzjoni. U huwa biss wara li tkun saret evalwazzjoni sħiħa ta’ kull każ li l-Kummissjoni Ewropea tista’ tiddeċiedi jekk iċ-ċirkostanzi studjati jipprovdux bażi suffiċjenti għas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża. Ċirkostanzi tali għandhom jinvolvu żieda “sostanzjali” fil-figuri tal-immigrazzjoni irregolari jew tat-talbiet ta’ protezzjoni internazzjonali meta mqabbla mal-perjodu ta’ sena ta’ qabel.

    Rigward il-proċedura ta’ komitoloġija, hu mixtieq li l-Parlament Ewropew ikun jista’ jipparteċipa fih mill-mument meta l-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi li teżamina t-talba ta' xi Stat Membru, talba li barra minn hekk, għandha tiġi kkomunikata wkoll lill-Parlament. Jiġifieri, il-Parlament għandu jiġi informat fl-istess ħin mal-Kummissjoni meta Stat Membru jippreżenta talba ta’ sospensjoni, mhux biss meta jitħabbar il-bidu tal-proċess ta’ komitoloġija.

    Rigward ir-reċiproċità: dan huwa wieħed mill-prinċipji li wassal għall-Politika Komuni dwar il-Viżi, jiġifieri li pajjiż terz li jgawdi minn eżenzjoni mill-viża jeħtieġ li jadotta l-istess miżura favur iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

    Iżda minkejja dan, m’għandux iservi ta’ argument biex jitqajjem dubju dwar il-legalità tal-obbligu tal-viża imposta fuq iċ-ċittadini ta’ Stat Membru minn pajjiż terz meta dan iqis li l-Istat Membri konċernat ikun sar pajjiż ta’ oriġini tal-immigrazzjoni irregolari.

    F’dan il-punt tajjeb li nerġgħu nikkunsidraw ir-raġunijiet li għalihom ċittadini Komunitarji jitolbu protezzjoni internazzjonali barra mill-Unjoni Ewropea. Indipendentement minn jekk il-parti l-kbira tat-talbiet isirux għal raġunijiet purament ekonomiċi, marbuta mal-aspettattivi li jiġġeneraw sistemi tal-asil ġenerużi, dan m’għandux iżommna milli nirrikonoxxu l-ħtieġa li nsaħħu s-sistemi Ewropej għall-integrazzjoni tal-minoranzi, qasam li jagħmel parti mill-kompetenzi tal-Istati Membri u li forsi għandu jkun is-suġġett ta’ azzjoni u approċċ komuni fl-Unjoni.

    Rigward ir-reċiproċità innifisha, jidher ċar li minkejja l-istqarrijiet tal-Kummissjoni, is-sistema attwali, emendata permezz tar-Regolament 851/2005, mhix effiċjenti. Anke jekk m’hemmx bżonn jerġa’ jiġi introdott l-element awtomatiku previst oriġinarjament fir-Regolament Nru 539/2001, ikun xieraq li jsir rieżami profond tal-mekkaniżmu attwali bl-għan li tkun żgurata azzjoni unita u solidarjetà fost l-Istati Membri. Kunsiderazzjonijiet oħra bħal pereżempju r-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni Ewropea m’għandhomx joħolqu riskju għall-pilastri bażiċi tal-Politika Komuni dwar il-Viżi.

    F’dan ir-rigward ikun tajjeb li jintlaħqu l-għanijiet tad-Dikjarazzjoni bil-Miktub 2011/2053, adottata f’Marzu ta’ din is-sena, li fiha l-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jagħmlu pressjoni fuq il-pajjiżi terzi li ma kinux konformi mar-reġim ta’ reċiproċità, filwaqt li enfasizza l-ħtieġa li jerġa’ jkun impost ir-rekwiżit ta’ viża f’każ li ma tinkisibx reazzjoni pożittiva min-naħa tal-pajjiż konċernat. Għal dan il-għan, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tistabbilixxi "mekkaniżmu ġdid li jiggarantixxi reċiproċità sħiħa tal-viżi għall-Istati Membri kollha, waqt li tiżgura li jekk pajjiż mhux tal-UE jikser dik ir-reċiproċità tal-viżi, l-Istati Membri kollha jreġġgħu lura minnufih ir-rekwiżit ta’ viża għaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż".

    Fl-14 ta’ Lulju 2009, il-Kanada reġgħet introduċiet rekwiżit ta’ viżi għaċ-ċittadini Ċeki. Min dakinhar għaddew sentejn u nofs u l-Kanada ma rrevokatx id-deċiżjoni tagħha, minkejja l-pressjoni li setgħet għamlet il-Kummissjoni Ewropea.

    Il-fatt li ma nstabitx soluzzjoni favorevoli f’dan il-każ jikkostitwixxi preċedent dannuż ħafna għall-Politika Komuni dwar il-Viżi tal-Unjoni Ewropea u ġab fid-deher in-nuqqasijiet tal-mekkaniżmu fis-seħħ. Għaldaqstant importanti li jkollna mekkaniżmu li jippermetti lill-Unjoni Ewropea tirreaġixxi rapidament, għalkemm mhux awtomatikament, meta pajjiż terz ma jirrispettax il-prinċipju tar-reċiproċità.

    Ikun biżżejjed li l-obbligu tal-viża jerġa’ jiġi introdott b’mod proviżorju u għal perjodu ta’ żmien prudenzjali iżda biżżejjed biex il-pajjiż terz jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu u biex l-Unjoni Ewropea toffri garanziji rigward l-immigrazzjoni irregolari. Wara li jiskadi dan il-perjodu, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li tinkludi lill-pajjiż konċernat fl-anness I tar-Regolament Nru 539/2001.

    Rigward is-sitwazzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi minn pajjiżi terzi: ir-referenza għal ċittadini ta’ pajjiż speċifiku, bħal fil-każ tat-Turkija, tidher loġika meta nqisu li s’issa dan huwa każ uniku. Madankollu, ikun inopportun li tittieħed deċiżjoni dwar din is-sitwazzjoni esklussivament, b’mod partikolari meta l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jaf tesiġi emendi ġodda għar-regolament jekk ikollhom jiġu studjati sitwazzjonijiet simili fil-ġejjieni. Għaldaqstant ikun xieraq li l-proposta tiġi emendata u ssir referenza li għandha titqies il-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma ssir referenza għan-nazzjonalità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi mhux Komunitarji.

    Kwistjonijiet ulterjuri: il-kwistjonijiet l-oħra inklużi fir-riforma huma tekniċi u ma joħolqux problemi minn dan il-lat.

    Definizzjonijiet ġodda: dawn għandhom jiġu aġġornati skont il-Kodiċi dwar il-Viżi u titqies l-interpretazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja rigward żjarat qosra.

    Ir-refuġjati u l-persuni mingħajr stat li joqogħdu fir-Renju Unit jew fl-Irlanda: Peress li ma hemmx rikonoxximent reċiproku tal-viżi u ma teżisti l-ebda ekwivalenza ma’ strumenti simili jew permessi ta’ residenza mal-Istati Membri msemmija, il-proposta toffri libertà sħiħa lill-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar l-eżenzjoni jew iż-żamma tal-obbligu ta’ viżi għal din il-kategorija ta’ persuni.

    Armonizzazzjoni ma’ ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi: ir-Regolament jistipula l-possibilità li l-Istati Membri jistgħu jneħħu r-rekwiżit ta’ viża għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini mhux Komunitarji, speċifikament lill-ekwipaġġ ta’ ajruplani u bastimenti ċivili, detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, speċjali jew uffiċjali jew passaporti maħruġa minn organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali jew organizzazzjonijiet suġġetti għal-Liġi Internazzjonali.

    OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (24.11.2011)

    għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

    dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa
    (COM(2011)0290 – C7-0135/2011 – 2011/0138(COD))

    Rapporteur (għal opinjoni): Andrey Kovatchev

    ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

    Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jemenda r-Regolament KE 539/2001.

    Kif ġie preċiżament dettaljat fil-proposta tal-Kummissjoni, hemm bżonn li l-mekkaniżmu ta' reċiproċità jiġi aġġornat sabiex ikun hemm konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jaqbel li l-mekkaniżmu ta' reċiproċità attwali ta prova ta’ effiċjenza u m'hemmx bżonn li jiġi mmodifikat lil hinn mill-eżerċizzju ta' kodifikazzjoni neċessarju. Jemmen ukoll li d-deliberazzjonijiet fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew huma neċessarji qabel ma l-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha dwar d-dħul mill-ġdid b'mod temporanju tar-rekwiżit tal-viża għall-pajjiż terz inkwistjoni.

    Rigward il-proposta għall-introduzzjoni ta' klawsola ta' salvagwardja, il-Kumitat jirrikonoxxi li l-eżistenza proprja ta' din il-klawsola, li tipprovdi qafas ġenerali għall-futur, tista' tgħin biex tegħleb in-nuqqas ta' rieda ta' ċerti Stati Membri li jwittu t-triq għal aktar proċessi ta' liberalizzazzjoni tal-viża u ż-żieda fit-trasparenza tal-politiki u l-mekkaniżmi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE għas-sħab tagħha.

    Waqt li jifhem il-bżonn ta' indikaturi relattivi kif propost fl-Artikolu 1a il-ġdid, jikkunsidra li biex tintuża l-klawsola ta' salvagwardja hemm bżonn ta' żieda sostanzjali fin-numri reali. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li ma jsirx proċess awtomatizzat u li ssir valutazzjoni ta' kemm tkun xierqa s-soppressjoni tal-eżenzjoni mill-viża għal pajjiż terz billi tieħu inkunsiderazzjoni n-numru ta' Stati Membri affettwati u l-impatt ġenerali tas-'sitwazzjoni ta' emerġenza' inkwistjoni dwar is-sitwazzjoni migratorja fl-UE.

    Barra minn hekk jinsisti li kull valutazzjoni ta' 'sitwazzjoni ta' emerġenza' mill-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest usa' tal-politika barranija tal-UE u b'mod partikolari l-impatt tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża fuq il-politiki u l-pożizzjoni tal-UE lejn il-pajjiż terz ikkonċernat u r-reġjun viċin tiegħu. Il-ħruġ ta' permess għal sistema mingħajr viżi huwa dejjem element f'relazzjonijiet usa' bejn l-UE u pajjiż jew reġjun terz. Għaldaqstant, l-introduzzjoni mill-ġdid għar-rekwiżit tal-viża ma tistax tiġi skonnessa minn dan il-proċess usa' u b'mod partikolari m'għandhiex tipperikola l-konsistenza tal-politiki esterni tal-UE.

    Il-Kumitat għaldaqstant jipproponi li l-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika ta' Stat Membru mhux biss billi tikkunsidra d-dejta pprovduta mill-Istati Membri u r-rapporti mħejjija minn FRONTEX u/jew mill-uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil, iżda wkoll abbażi tal-valutazzjoni ppreparata mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Is-servizzi relevanti tal-Kummissjoni, kif ukoll FRONTEX u l-uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil għandhom għaldaqstant jinvolvu lill-SEAE fil-proċess kmieni kemm jista' jkun.

    EMENDI

    Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora l-emendi li ġejjin fir-rapport tiegħu:

    Emenda  1

    Proposta għal regolament

    Premessa 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (1) Dan ir-Regolament jistabbilixxi klawżola ta' salvagwardja tal-viżi li tippermetti s-sospensjoni temporanja u mgħaġġla tal-eżenzjoni mill-viża għal pajjiż terz li jkun jinsab fil-lista pożittiva f'każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, fejn ikun hemm bżonn li jingħata rispons b'mod urġenti sabiex jiġu solvuti d-diffikultajiet li jkun qed jiffaċċja xi Stat Membru jew aktar, u li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt globali li tħalli din is-sitwazzjoni ta' emerġenza fuq l-Unjoni Ewropea kollha.

    (1) Dan ir-Regolament jistabbilixxi klawżola ta' salvagwardja tal-viżi li tippermetti s-sospensjoni temporanja u mgħaġġla tal-eżenzjoni mill-viża għal pajjiż terz li jkun jinsab fil-lista pożittiva f'każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, fejn ikun hemm bżonn li jingħata rispons b'mod urġenti sabiex jiġu solvuti d-diffikultajiet li jkun qed jiffaċċja xi Stat Membru jew aktar, u li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt globali li tħalli din is-sitwazzjoni ta' emerġenza fuq l-Unjoni Ewropea kollha u l-impatt fuq il-politiki tagħha dwar ir-relazzjonijiet barranin ma' pajjiżi terzi f'każijiet ta' sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża.

    Ġustifikazzjoni

    Huwa importanti li wieħed jenfasizza li jeħtieġ tingħata attenzjoni wkoll lill-impatt tal-introduzzjoni mill-ġdid tar-rekwiżit tal-viża fuq il-politika barranija tal-UE u r-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi.

    Emenda  2

    Proposta għal regolament

    Artikolu 1 – punt 2

    Regolament KE Nru 539/2001

    Artikolu 1a – paragrafu 1

     

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    1. Il-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw fil-każ li Stat Membru wieħed jew aktar ikollhom jaffaċċjaw sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata bl-okkorrenza ta' kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    1. Il-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw fil-każ li Stat Membru wieħed jew aktar ikollhom jaffaċċjaw sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata bl-okkorrenza ta' kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (a) żieda f’daqqa ta’ mill-inqas 50% fuq perjodu ta’ sitt xhur, meta mqabbel mas-sitt xhur ta' qabel, fin-numru ta’ ċittadini ta’ wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II li jinstabu li jkunu qed joqogħdu illegalment fit-territorju tal-Istat Membru;

    (a) żieda f’daqqa u sostanzjali, li għandha impatt serju fuq is-sitwazzjoni migratorja globali fl-Istati Membri kkonċernati, fuq perjodu ta’ sitt xhur, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta' qabel, fin-numru ta’ ċittadini ta’ wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II li jinstabu li jkunu qed joqogħdu illegalment fit-territorju tal-Istat Membru;

    (b) żieda f’daqqa ta’ mill-inqas 50% fuq perjodu ta’ sitt xhur, meta mqabbel mas-sitt xhur ta' qabel, fin-numru ta’ applikazzjonijiet għall-asil miċ-ċittadini ta’ wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II fejn ir-rata ta’ rikonoxximent tal-applikazzjonijiet għall-asil matul is-sitt xhur ta’ qabel kienet inqas minn 3%;

    (b) żieda f’daqqa u sostanzjali, li għandha impatt serju fuq is-sitwazzjoni migratorja globali fl-Istati Membri kkonċernati, fuq perjodu ta’ sitt xhur, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta' qabel, fin-numru ta’ applikazzjonijiet għall-asil miċ-ċittadini ta’ wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II fejn ir-rata ta’ rikonoxximent tal-applikazzjonijiet għall-asil matul is-sitt xhur ta’ qabel kienet inqas minn 3%;

    (c) żieda f’daqqa ta’ mill-inqas 50% fuq perjodu ta' sitt xhur, meta mqabbel mas-sitt xhur ta' qabel, fin-numru ta’ applikazzjonijiet għar-riammissjoni li ġew irrifjutati, sottomessi minn Stat Membru lil wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II għaċ-ċittadini tiegħu stess.

    (c) żieda f’daqqa u sostanzjali, li għandha impatt serju fuq is-sitwazzjoni migratorja globali fl-Istati Membri kkonċernati, fin-numru ta’ applikazzjonijiet għar-riammissjoni li ġew irrifjutati, sottomessi minn Stat Membru lil wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II għaċ-ċittadini tiegħu stess, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta' qabel.

    Emenda  3

    Proposta għal regolament

    Artikolu 1 – punt 2

    Regolament (KE) Nru 539/2001

    Artikolu 1a – paragrafu 3

     

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    3. Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-numru tal-Istati Membri affettwati minn kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1 u tal-impatt globali taż-żidiet fuq is-sitwazzjoni migratorja fl-Unjoni kif din tal-aħħar tkun tidher mid-dejta pprovduta mill-Istati Membri kif ukoll minn rapporti mħejjija mill-FRONTEX u/jew mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil, u fi żmien tliet xhur wara li tkun irċeviet dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tissospendi l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perjodu ta’ sitt xhur. Din id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni għandha tiġi adottata skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4a(2). Id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni għandha tiddetermina d-data li fiha għandha tidħol fis-seħħ is-sospensjoni tal-eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ viża.

    3. Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-numru ta' Stati Membri affettwati minn kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti f'paragrafu 1 u tal-impatt globali taż-żidiet fuq is-sitwazzjoni migratorja fl-Unjoni kif din tal-aħħar tkun tidher mid-dejta pprovduta mill-Istati Membri kif ukoll minn rapporti mħejjija mill-FRONTEX u/jew mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil. Il-Kummissjoni għandha tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-impatt ta' introduzzjoni mill-ġdid possibbli tar-rekwiżit tal-viża fuq il-politiki u l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-konfront tal-pajjiż terz ikkonċernat u r-reġjun viċin tiegħu, abbażi tar-rapport mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Fi żmien tliet xhur wara li tkun irċeviet in-notifika, il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tissospendi l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perjodu ta' sitt xhur. Din id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni għandha tiġi adottata skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4a(2). Id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni għandha tiddetermina d-data li fiha għandha tidħol fis-seħħ is-sospensjoni tal-eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ viża.

    Emenda  4

    Proposta għal regolament

    Artikolu 1 – punt 2

    Regolament KE Nru 539/2001

    Artikolu 1a – paragrafu 3

     

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    3. Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-numru tal-Istati Membri affettwati minn kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1 u tal-impatt globali taż-żidiet fuq is-sitwazzjoni migratorja fl-Unjoni kif din tal-aħħar tkun tidher mid-dejta pprovduta mill-Istati Membri kif ukoll minn rapporti mħejjija mill-FRONTEX u/jew mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil, u fi żmien tliet xhur wara li tkun irċeviet dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tissospendi l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perjodu ta’ sitt xhur. Din id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni għandha tiġi adottata skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4a(2). Id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni għandha tiddetermina d-data li fiha għandha tidħol fis-seħħ is-sospensjoni tal-eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ viża.

    3. Il-Kummissjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar in-notifika rċevuta mill-Istati Membri kkonċernati u teżamina n-notifika filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-numru tal-Istati Membri affettwati minn kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1 u l-impatt globali taż-żidiet fuq is-sitwazzjoni migratorja fl-Unjoni kif din tal-aħħar tkun tidher mid-dejta pprovduta mill-Istati Membri kif ukoll minn rapporti mħejjija mill-FRONTEX u/jew mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil, u fi żmien tliet xhur wara li tkun irċeviet dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-riżultati tal-eżaminazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li fi żmien xieraq għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom, u wara dan, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tissospendi l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perjodu ta’ sitt xhur. Din id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni għandha tiġi adottata skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4a(2). Id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni għandha tiddetermina d-data li fiha għandha tidħol fis-seħħ is-sospensjoni tal-eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ viża.

    PROĊEDURA

    Titolu

    Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa

    Referenzi

    COM(2011)0290 – C7-0135/2011 – 2011/0138(COD)

    Kumitat responsabbli

    Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    LIBE

    9.6.2011

     

     

     

    Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

    Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    AFET

    9.6.2011

     

     

     

    Rapporteur(s)

    Data tal-ħatra

    Andrey Kovatchev

    21.6.2011

     

     

     

    Data tal-adozzjoni

    22.11.2011

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    40

    1

    2

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Frieda Brepoels, Elmar Brok, Marietta Giannakou, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Anna Ibrisagic, Othmar Karas, Ioannis Kasoulides, Evgeni Kirilov, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Barry Madlener, Francisco José Millán Mon, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols, Justas Vincas Paleckis, Ioan Mircea Paşcu, Cristian Dan Preda, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, Werner Schulz, Marek Siwiec, Charles Tannock, Inese Vaidere, Kristian Vigenin

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Laima Liucija Andrikienė, Elena Băsescu, Tanja Fajon, Diogo Feio, Monica Luisa Macovei, Emilio Menéndez del Valle, György Schöpflin, Traian Ungureanu, Ivo Vajgl, Renate Weber, Janusz Władysław Zemke

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Luís Paulo Alves, Sylvie Guillaume, Vladimir Urutchev

    PROĊEDURA

    Titolu

    Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa

    Referenzi

    COM(2011)0290 – C7-0135/2011 – 2011/0138(COD)

    Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

    24.5.2011

     

     

     

    Kumitat responsabbli

           Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    LIBE

    9.6.2011

     

     

     

    Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

           Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    AFET

    9.6.2011

     

     

     

    Rapporteur(s)

           Data tal-ħatra

    Agustín Díaz de Mera García Consuegra

    12.7.2011

     

     

     

    Eżami fil-kumitat

    31.8.2011

    29.11.2011

    8.4.2013

     

    Data tal-adozzjoni

    8.4.2013

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    33

    7

    3

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Jan Philipp Albrecht, Edit Bauer, Emine Bozkurt, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Philip Claeys, Carlos Coelho, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Ioan Enciu, Frank Engel, Cornelia Ernst, Hélène Flautre, Kinga Gál, Kinga Göncz, Ágnes Hankiss, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Timothy Kirkhope, Monica Luisa Macovei, Véronique Mathieu Houillon, Anthea McIntyre, Nuno Melo, Claude Moraes, Georgios Papanikolaou, Jacek Protasiewicz, Carmen Romero López, Birgit Sippel, Rui Tavares, Nils Torvalds, Wim van de Camp, Josef Weidenholzer, Tatjana Ždanoka, Auke Zijlstra

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Jan Mulder, Salvador Sedó i Alabart, Marie-Christine Vergiat

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Preslav Borissov, Verónica Lope Fontagné, Gabriel Mato Adrover, Vittorio Prodi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra

    Data tat-tressiq

    23.4.2013