RAPPORT dwar Strateġija għal Servizz ta’ Pedaġġ Elettroniku u sistema ta’ vinjetti għall-vetturi ħfief privati fl-Ewropa

25.4.2013 - (2012/2296(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Jim Higgins

Proċedura : 2012/2296(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0142/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Strateġija għal Servizz ta’ Pedaġġ Elettroniku u sistema ta’ vinjetti għall-vetturi ħfief privati fl-Ewropa

(2012/2296(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lil-Parlament Ewropew u l-Kunsill bit-titolu "L-applikazzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura stradali nazzjonali imposti fuq vetturi privati ħfief" (COM(2012)0199),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Implimentazzjoni tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku" (COM(2012)0474),

–   wara li kkunsidra l-White Paper dwar it-Trasport bit-titolu "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0142/2013),

A. billi s-sistema attwali tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku (EETS) introdotta mill-Kummissjoni mhix qed taħdem u jeħtieġ li tiġi aġġustata; billi ċerti partijiet interessati fis-suq bħalissa ma jaraw l-ebda benefiċċju monetarju fl-adattament għal sistema komuni u interoperabbli ta’ EETS;

B.  billi l-introjtu li jirċievu l-Istati Membri mit-taxxa u mid-dazju tas-sisa fil-futur x’aktarx se jonqos minħabba t-tnaqqis fl-użu ta’ fjuwils ibbażati fuq iż-żejt;

C. billi l-prinċipju ta’ 'min juża/iniġġes iħallas’ għandu jibqa’ prijorità ewlenija għat-trasport Ewropew;

D. billi n-nollijiet tat-toroq se jsiru realtà f’aktar u aktar Stati Membri fil-futur qrib ħafna;

E.  billi ċerti problemi f’żoni transkonfinali seħħew b’mod ripetut ma’ persuni mhux residenti meta ġew implimentati sistemi ġodda ta’ pedaġġ elettroniku, li rriżultaw fi protesti u lmenti dwar telf finanzjarju u diskriminazzjoni.

F.  billi l-UE għandha responsabbiltà li tiżgura li dan l-iżvilupp ġdid ma jħallix impatti negattivi fuq l-ivvjaġġar transkonfinali, fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-persuni li jgħixu fir-reġjuni mal-fruntieri jew fuq il-kummerċ;

G. billi l-UE għandha tħeġġeġ in-nollijiet tat-toroq li ma jiddiskriminawx kontra l-utenti tat-toroq li ma jkunux residenti fil-pajjiż li jitlob il-pedaġġ;

H. billi fil-futur, minbarra l-kostruzzjoni ta’ toroq ġodda, se jkun meħtieġ aktar finanzjament, primarjament għall-preservazzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura eżistenti tat-trasport;

I.   billi l-Istati Membri għandhom jitħallew jdaħħlu sistemi ta’ nollijiet ibbażati fuq id-distanza jew fuq il-ħin, għalkemm għandhom jittieħdu passi biex ikun żgurat li s-sistemi bbażati fuq id-distanza jingħataw preferenza kull meta jkun possibbli, peress li dawn huma aktar ġusti u inqas diskriminatorji mis-sistemi bbażati fuq il-ħin;

J.   billi diġà jeżistu t-teknoloġiji biex is-sistemi ta’ nollijiet tat-toroq ikunu interoperabbli;

K. billi l-unika problema kbira li qed jiffaċċa l-EETS hija nuqqas ta’ rieda politika li tiġi implimentata skema bħal din, aktar milli kwistjonijiet relatati mas-suq jew tekniċi;

Il-qafas ġenerali

1.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ż-żewġ partijiet interessati ewlenin ikkonċernati huma l-kolletturi tal-pedaġġi u l-fornituri tal-EETS, iżda jindika li l-utenti tat-toroq, speċjalment il-kumpaniji tat-trasport, jikkostitwixxu t-tielet parti interessata ewlenija; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-utenti ta’ vetturi privati huma utenti finali potenzjali li jistgħu jgħinu biex jitħaffef l-iżvilupp tal-EETS;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra kif dawn il-partijiet interessati jistgħu jkunu involuti bl-aktar mod effettiv fl-istadji li jmiss tal-azzjoni tagħha;

3.  Jinsisti li filwaqt li l-protezzjoni tad-data personali tal-individwi, u l-protezzjoni tad-data b’mod ġenerali, għandha importanza suprema u li kwalunkwe miżura ġdida li tittieħed għandha tkun soġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u b’mod partikolari għad-Direttiva 95/46/KE, dan m’għandux ikun ostaklu għall-interoperabbiltà tas-sistemi;

4.  Jirrikonoxxi d-drittijiet tas-sidien tat-toroq, li għandhom jitħallsu ammont xieraq għall-użu tal-infrastruttura tagħhom u għas-servizzi relatati magħhom;

L-EETS: falliment sal-lum u fil-bżonn ta’ direzzjoni ġdida

5.  Jaqbel mal-Kummissjoni li d-Direttiva dwar l-EETS attwali (2004/52/KE) ma wasslitx għall-iżvilupp mistenni ta’ servizz ta’ pedaġġ elettroniku Ewropew interoperabbli bejn l-Istati Membri; iqis li dan kien falliment, u jenfasizza li hija meħtieġa azzjoni drastika sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi qabel;

6.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tfassal miżuri leġiżlattivi xierqa fil-qasam tal-interoperabbiltà malajr kemm jista’ jkun sabiex jobbligaw lill-partijiet interessati kollha jagħtu spinta ’l quddiem lill-proġett tal-EETS;

7.  Jesprimi dispjaċir li l-Istati Membri, fil-biċċa l-kbira, ftit urew interess fl-iżvilupp tal-EETS, u li l-Kummissjoni mhix qed tieħu aktar miżuri biex tipproċedi bl-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tiżviluppa u tipproponi sistema ta’ inċentivi sabiex tħeġġeġ lill-operaturi u l-Istati Membri jnaqqsu l-ħin previst għall-implimentazzjoni tas-sistema;

8.  Jaqbel mal-Kummissjoni li teżisti domanda għal soluzzjoni interoperabbli fil-qasam tan-nollijiet elettroniċi tat-toroq, iżda jemmen li huma meħtieġa miżuri leġiżlattivi xierqa sabiex il-partijiet interessati jkunu obbligati jimplimentaw sistema bħal din, peress li r-remunerazzjoni biss minn sistema interoperabbli mhix attraenti biżżejjed għal ċerti manifatturi ta’ tagħmir għan-nollijiet tat-toroq jew għal ċerti operaturi tat-toroq;

9.  Iqis li l-approċċ immotivat mis-suq promoss mill-Kummissjoni ma tax ir-riżultati mixtieqa u li hija meħtieġa azzjoni politika biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-EETS u sabiex din issir realtà fil-futur qarib;

10. Jemmen li l-pjanijiet tal-Kummissjoni li tkompli bir-reġjonalizzazzjoni mhumiex sodisfaċenti, peress li jistgħu jwasslu għal aktar dewmien li jista’ jkun ta’ ħsara għall-iżvilupp tas-servizz mal-UE kollha;

11. Jemmen li, fi kwalunkwe każ, l-iżvilupp tas-servizz mal-UE kollha għandu jibqa’ l-għan finali tal-UE; jinsisti li, jekk tiġi implimentata, ir-reġjonalizzazzjoni għandha tkun biss stadju tranżitorju;

12. Iqis li huma meħtieġa miżuri b'firxa aktar wiesgħa u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, biex l-ewwel nett tieħu azzjoni deċiża kontra dawk l-Istati Membri li mhumiex qed jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod korrett, u biex it-tieni nett, tagħmel reviżjoni mingħajr dewmien tal-istudji kollha disponibbli dwar is-suġġett sabiex tipprovdi bażi ċara għal għażliet differenti għal azzjoni fuq terminu ta’ żmien medju kif ukoll fit-tul, inklużi n-nollijiet għall-użu tat-toroq permezz ta' teknoloġiji bħall-GPS/GNSS, sabiex tiġi evitata u mnaqqsa l-konġestjoni tat-traffiku kkawżata minn ostakoli fiżiċi, u jħeġġiġha tippreżenta dan l-istudju ġenerali sal-aħħar tal-2013;

13. Jemmen li l-Kummissjoni għandha twettaq studju dwar l-aspetti u l-kundizzjonijiet finanzjarji li jwasslu sabiex l-EETS isir realtà li taħdem;

14. Jemmen li d-Direttiva dwar l-interoperabbiltà (2004/52/KE) tipprovdi l-qafas regolatorju xieraq għall-koeżistenza ta’ sistemi differenti ta’ nollijiet, li jippermetti lill-Istati Membri jagħżlu bejn it-teknoloġiji differenti skont il-karatteristiċi differenti tan-netwerk tat-toroq tagħhom;

15. Jemmen li, kull meta tintgħażel is-sistema, il-Kummissjoni għandha toqgħod attenta ħafna biex tiżgura li l-konsumaturi jkunu konxji f’kull ħin mill-ispiża tal-pedaġġ li jkun qed jittieħed permezz ta’ apparat elettroniku jew tikketta tal-pedaġġ;

16. Jitlob biex il-bżonnijiet speċifiċi ta' professjonisti u sewwieqa oħrajn li jkunu qed jivvjaġġaw minn ħafna pajjiżi, u b'mod partikolari lejn jew minn Stati Membri remoti, dejjem jitqiesu meta jkun qed jiġi żviluppat is-servizz;

17. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-programmi ta’ ħidma tagħha dwar in-Netwerks trans-Ewropej tat-Trasport tistabbilixxi l-possibbiltà ta’ finanzjament ta’ proġetti li jistgħu jipprovdu mezz biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-EETS.

18. Iqis li l-approċċ ibbażat fuq id-domanda tas-suq ma’ tax ir-riżultati mixtieqa u li jeħtieġ li jiġu analizzati n-nuqqasijiet li wasslu għal din is-sitwazzjoni;

19. Jemmen li m’hemm l-ebda rieda għal EETS min-naħa tal-partijiet interessati tal-industrija, jiġifieri l-fornituri tas-servizzi tal-pedaġġi, il-konċessjonijiet tat-toroq u manifatturi ta’ ‘tabelli’ elettroniċi u tagħmir relatat, u li jista’ jkun meħtieġ regolament biex iġiegħel lill-partijiet interessati jingħaqdu flimkien; iqis li l-Kummissjoni għandha ddaħħal miżuri ta’ appoġġ biex toħloq esperjenza effiċjenti ta' nollijiet tat-toroq għall-utent finali, b'mod partikolari fil-kuntest ta' użu aktar mifrux tan-nollijiet tat-toroq fil-futur;

20. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ddettaljata fid-dawl tal-proġetti attwali relatati mal-interoperabbiltà teknika u kuntrattwali bejn l-Istati Membri u, meta xieraq, tipproponi miżuri ġodda bbażati fuq l-aħjar prattika;

21. Jaqbel mal-Kummissjoni li t-teknoloġija għal sistemi interoperabbli diġà teżisti;

22. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li diversi Stati Membri beħsiebhom jimplimentaw sistemi ta’ nollijiet fis-snin li ġejjin jew jestendu l-konċessjonijiet eżistenti. jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn is-sistemi jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ interoperabbiltà u tiżgura li l-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ nollijiet fl-ebda każ ma tkun diskriminatorja għall-persuni mhux residenti fis-sens li m’għandu jinħoloq l-ebda ostakolu għall-prinċipju ta’ moviment liberu;

23. Jistieden lill-Istati Membri u lill-operaturi ta’ toroq b’pedaġġ jaħdmu mill-qrib ma’ pajjiżi ġirien u joffru l-appoġġ kollu meħtieġ għall-istabbiliment ta' sistemi ta' nollijiet u faċilitajiet ta’ ħlas u ta' ġbir u l-forniment ta' informazzjoni lill-utenti dwar il-prezzijiet, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-użu, eċċ.;

24. Jitlob biex, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, jinbdew proċeduri ta’ ksur.

Il-ħlas ta’ nollijiet għall-użu tat-toroq: vinjetti, pedaġġi, interoperabbiltà u protezzjoni tad-data

25. Jenfasizza li huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jintroduċux nollijiet tat-toroq jew le, u li jistabbilixxu l-ammont mitlub għall-użu tat-toroq, u li l-Istati Membri għandhom jieħdu d-deċiżjoni finali dwar l-infiq tal-introjtu miġbur min-nollijiet tat-toroq;

26. Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jaġġornaw in-netwerks tat-trasport tagħhom sabiex jagħmluhom sostenibbli, effiċjenti, favur l-ambjent u sikuri kemm jista’ jkun billi jallokaw l-introjtu minn nollijiet tat-toroq għal skopijiet bħal dawn;

27. Jirrikonoxxi li l-Istati Membri attwalment qed jiżviluppaw pjanijiet biex jitolbu ħlas għal kategoriji ġodda ta’ vetturi, inklużi vetturi ħfief privati, li jżid mal-urġenza li l-Kummissjoni ddaħħal sistema ta' nollijiet tat-toroq interoperabbli u kkoordinata;

28. Jinnota li l-applikazzjoni tal-ħlasijiet ta' pedaġġi b'mod aktar ugwali għat-tipi kollha ta' vetturi abbażi tal-prinċipju li min juża jħallas hija pass fid-direzzjoni t-tajba;

29. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-pożizzjoni speċjali tar-residenti tar-reġjuni mal-fruntieri meta jistabbilixxu sistemi ta’ pedaġġ nazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li s-sistemi ta’ pedaġġ nazzjonali ma għandu jkollhom l-ebda impatt diskriminatorju;

30. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw il-pożizzjoni speċifika tar-reġjuni mal-fruntieri meta jiżviluppaw pjanijiet għas-sistemi ta’ nollijiet tat-toroq, biex jiġi mminimizzat l-impatt fuq il-persuni li jgħixu f’reġjuni mal-fruntieri;

31. Jemmen li, filwaqt li s-setgħa li jżidu l-introjtu hija tal-Istati Membri, l-UE għandha tiffavorixxi sistema ta’ pedaġġi bbażata fuq id-distanza aktar milli s-sistema tal-vinjetti, peress li din tal-ewwel hija sistema aktar ġusta u nondiskriminatorja, filwaqt li tal-aħħar ħolqot problemi fil-passat f'termini ta' effiċjenza u diskriminazzjoni u għandha tiġi evitata kull fejn possibbli;

32. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħmel obbligatorji s-sistemi bbażati fuq il-ħin biex toffri lill-utenti tat-toroq vinjetti magħmula għall-individwu abbażi ta’ diversi strutturi ta’ imposti prorata, bħal għażliet fuq bażi kwotidjana, ta’ kull ġimgħa, mensili u annwali, bil-possibbiltà li tinxtara vinjetta sa 30 ġurnata qabel l-użu tat-toroq, li tiddikjara b’mod ċar l-ammont li qed jiġi impost bħala tariffa amministrattiva, u li għandha tippromwovi l-introduzzjoni aktar mifruxa ta’ sistemi bbażati fuq id-distanza aktar milli fuq il-ħin;

33. Jemmen li l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe sistema ġdida ta’ imposti ġdida li tkun tinvolvi l-kondiviżjoni ta’ sistemi operattivi u data dwar klijenti u l-movimenti tagħhom għandha tkun strettament soġġetta għar-regolamenti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u li għandhom jitneħħew l-elementi personali tad-data sabiex tiġi mħarsa l-privatezza tal-individwi; jadotta approċċ prammatiku dwar il-kwistjoni tal-protezzjoni tad-data u jemmen li ladarba jiġu implimentati s-salvagwardji meħtieġa, il-preokkupazzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data m’għandhomx jostakolaw l-interoperabbiltà;

34. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tobbliga lil dawk l-Istati Membri b’sistemi ta’ vinjetta jissemplifikaw b’mod konsiderevoli l-bejgħ tal-vinjetta kif ukoll l-aċċess għall-informazzjoni u joperaw servizz ta’ pagament online li jkun jippermetti lill-konsumaturi jħallsu t-tariffi tagħhom minn qabel permezz ta’ interfaċċja aċċessibbli għal kulħadd, skont ir-rekwiżiti tad-disinn universali;

35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel il-ħlas permezz tal-mowbajl possibbiltà għas-sistemi ta' pedaġġi u vinjetti;

36. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ sinjali avvanzati adegwati u viżibbli li jinfurmaw lis-sewwieqa dwar kemm se jkollhom iħallsu; jisħaq ukoll li l-informazzjoni dwar il-multi u penalitajiet oħrajn għandha tkun indikata b’mod ċar u tkun faċilment disponibbli;

37. Jagħraf il-ħtieġa tal-kumpaniji tat-trasport tal-merkanzija u l-SMEs, u l-benefiċċji li joffri EETS lil dawn il-gruppi biex il-prodotti jinġiebu fis-suq bl-aktar prezz kompetittiv possibbli;

38. Jinnota l-importanza ta’ dawn il-kumpaniji u l-SMEs biex iġibu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi lejn l-Ewropa u, għalhekk, iqis essenzjali li l-ebda imposti żejda bla bżonn m’għandhom jitqiegħdu fuq dawn il-kumpaniji, iżda li minflok il-prinċipju li l-utent iħallas jiġi applikat b’mod konsistenti għall-kategoriji kollha tal-vetturi.

39. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu azzjoni soda kontra dawk li jonqsu milli jikkooperaw mad-Direttiva attwali dwar l-interoperabbiltà, filwaqt li tiġi evalwata l-ħtieġa li l-Kummissjoni tippubblika proposta għal leġiżlazzjoni ġdida dwar l-EETS u l-interoperabbiltà tan-nollijiet tat-toroq;

40. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Jien naqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-EETS ma kienx suċċess. Kien falliment totali, u fl-opinjoni tiegħi, il-Kummissjoni teħtieġ li tippreżenta proposta ġdida għal regolament malajr kemm jista’ jkun, sabiex tiżgura li l-EETS isir realtà.

Ninsab diżappuntat li fl-ewwel żewġ komunikazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ma ffukatx biżżejjed fuq it-teknoloġiji tal-GPS/GPRS, li qed jiżviluppaw b’rata mgħaġġla. Il-Kummissjoni s’issa m’għamlitx valutazzjoni dettaljata biżżejjed dwar il-possibbiltajiet li jeżistu. M'hemmx wisq punt li wieħed jiffoka fuq l-EETS fil-format attwali tiegħu, jekk sa ftit snin oħra n-nollijiet tat-toroq se jkunu bbażati kompletament fuq teknoloġija oħra;

L-approċċ tal-Kummissjoni ‘tal-inċentiv u l-kastig’ huwa ftit wisq, u ttieħed tard wisq. Il-Kummissjoni teħtieġ tistabbilixxi djalogu mal-Istati Membri, sabiex tenfasizza l-benefiċċji ta’ EETS li jiffunzjona bis-sħiħ. Nemmen li regolament huwa l-uniku mod biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni.

L-eżempju tat-tariffi tar-roaming li tnaqqsu mill-Kummissjoni permezz ta’ regolament huwa wieħed li għandu jiġi kkunsidrat meta l-Kummissjoni tindirizza l-EETS. F’dak il-każ, wara snin ta’ negozjati bla suċċess u attentati biex iġiegħlu lill-operaturi jnaqqsu t-tariffi tagħhom, il-Kummissjoni introduċiet regolament, li mil-lum għal għada obbliga lill-operaturi jikkooperaw u jnaqqsu t-tariffi.

Il-protezzjoni tad-data hija prijorità ewlenija għalija, u m’għandha tittieħed l-ebda azzjoni jekk ma nistgħux niżguraw li l-liġijiet dwar id-data u l-privatezza jiġu rispettati. Irridu naħdmu b’mod prammatiku biex insibu soluzzjonijiet f’dan ir-rigward.

L-użu ta’ sistemi ta’ ħlas online huwa s-soluzzjoni biex ikunu żgurati t-trasparenza fil-prezzijiet u l-konvenjenza, partikolarment għal dawk li mhumiex residenti fl-Istati Membri fejn ikun qed isir il-ħlas tan-nollijiet.

Il-prinċipju li min iniġġes iħallas huwa wieħed li għandna nimpenjaw ruħna biex insaħħu, filwaqt li fl-istess ħin innaqqsu l-piż amministrattiv għat-trasportaturi tal-merkanzija, l-SMEs u l-utenti tal-karozzi.

L-użu ta’ pedaġġi aktar milli ħlas ta’ imposti fuq il-bażi tal-ħin għandu jitħeġġeġ peress li s-sistemi tal-vinjetta jew dawk ibbażati fuq il-ħin ma jirriflettux b’mod preċiż biżżejjed l-użu attwali tat-toroq u għalhekk, fir-rigward tal-pedaġġi, ma jirrispettawx il-prinċipju li min juża/iniġġes iħallas.

Is-sitwazzjoni fejn il-vinjetti ta’ kull ġimgħa jistgħu jiswew sa erba’ jew ħames darbiet aktar mill-ammont prorata ta’ pass li jservi għal sena għandha tispiċċa, minħabba li din hija diskriminatorja.

L-EETS u n-nollijiet tat-toroq qed jiffaċċjaw sfidi ġodda mingħajr preċedent, u l-Parlament Ewropew għandu jkun lest li jindirizzahom direttament.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.4.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdi Cristiano Allam, Georges Bach, Erik Bánki, Philip Bradbourn, Antonio Cancian, Michael Cramer, Joseph Cuschieri, Philippe De Backer, Luis de Grandes Pascual, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Dieter-Lebrecht Koch, Werner Kuhn, Eva Lichtenberger, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Hubert Pirker, Dominique Riquet, David-Maria Sassoli, Vilja Savisaar-Toomast, Olga Sehnalová, Brian Simpson, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Giommaria Uggias, Dominique Vlasto, Artur Zasada, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Spyros Danellis, Markus Ferber, Eider Gardiazábal Rubial, Wolf Klinz, Alfreds Rubiks, Oldřich Vlasák

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Josef Weidenholzer