Proċedura : 2012/2100(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0145/2013

Testi mressqa :

A7-0145/2013

Dibattiti :

PV 20/05/2013 - 25
CRE 20/05/2013 - 25

Votazzjonijiet :

PV 21/05/2013 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0199

RAPPORT     
PDF 197kWORD 142k
26.4.2013
PE 506.034v01-00 A7-0145/2013

dwar strateġiji reġjonali għaż-żoni industrijali fl-Unjoni Ewropea

(2012/2100(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Jens Geier

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar strateġiji reġjonali għaż-żoni industrijali fl-Unjoni Ewropea

(2012/2100(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 162 tat-TFUE, li jkopri l-objettivi tal-Fond Soċjali Ewropew u jirreferi, inter alia, għall-objettiv tal-iffaċilitar tal-adattament għall-bidliet industrijali u għall-bidliet fis-sistemi ta' produzzjoni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 174 u dawk segwenti tat-TFUE, li jistabbilixxu l-objettiv ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u li jiddefinixxu l-istrumenti finanzjarji strutturali sabiex dawn jintlaħqu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 176 tat-TFUE, li jkopri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u jirreferi, inter alia, għall-iżvilupp u l-aġġustament strutturali tar-reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura u għall-konverżjoni ta' reġjuni industrijali li sejrin lura,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 173 (Titolu XVII) tat-TFUE, li jkopri l-politika industrijali tal-UE u jirreferi, inter alia, għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Settembru 2011 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (COM(2012)0496),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-Fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta’ Lisbona u tal-UE 2020(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar il-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f’dinja li qed tinbidel(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-politika reġjonali tal-UE wara l-2013(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar Politika Industrijali għall-Era Globalizzata(6),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill (It-3057 Kunsill Kompetittività - Suq Intern, Industrija, Riċerka u Spazju) li saret fi Brussell fl-10 ta' Diċembru 2010 dwar il-'Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni',

–   wara li kkunsidra s-sitt rapport ta’ progress tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-Koeżjoni ekonomika u soċjali – Reġjuni kreattivi u innovattivi' (COM(2009)0295),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 2009 dwar 'L-industrija Ewropea f'Dinja Li Qed Tinbidel - Analiżi Settorjali Aġġornata 2009' (SEC(2009)1111),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2009, 'Tħejjija għall-ġejjieni tagħna: Żvilupp ta' strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE' (COM(2009)0512),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu 'Ewropa 2020 - Strateġija għal Tkabbir Intelliġenti, Sostenibbli u Inklussiv' (COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu 'Ewropa 2020 Inizjattiva Ewlenija: Unjoni tal-Innovazzjoni' (COM(2010)0546),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2010 bit-titolu 'Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni - Il-Kompetittività u s-Sostenibbiltà fix-Xena Prinċipali' (COM(2010)0614),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 bit-titolu 'Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta' koeżjoni’ (COM(2010)0642),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2011 bit-titolu: ‘Politika Industrijali: It-tisħiħ tal-kompetittività - ir-rendiment u l-politiki tal-kompetittività tal-Istati Membri 2011, (COM(2011)0642),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Marzu 2012 dwar 'Elementi għal Qafas Strateġiku Komuni 2014 sal-2020, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd', (SWD(2012)0061),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-24 ta' April 2012 dwar 'Il-prinċipju tas-sħubija fl-implimentazzjoni tal-Fondi Komuni tal-Qafas Strateġiku - elementi għall-Kodiċi ta' Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija' (SWD(2012)0106),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu 'Industrija Ewropea Aktar b’Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku. Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali' (COM(2012)0582),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 dwar ir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea (SWD(2012)0299),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu 'It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Prestazzjoni Industrijali u r-Rendiment u l-Politiki tal-Kompetittività tal-Istati Membri', (SWD(2012)0298),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) tas-26 ta’ Mejju 2010 dwar 'Il-ħtieġa li jiġi applikat approċċ integrat għar-riġenerazzjoni urbana'(7),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni: Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali' (CCMI/083 - CESE 808/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0145/2013),

A.  billi t-terminu ‘industrija’ mhuwiex definit b’mod ċar u jista’ jinkludi varjetà sħiħa ta’ diversi setturi;

B.   billi l-industrija mingħajr ebda dubju hi wieħed mir-riżorsi prinċipali tagħna fil-livell internazzjonali, li mingħajrha l-UE ma jkollhiex rwol daqshekk importanti fil-bilanċ globali tal-forzi ekonomiċi;

C.  billi s-settur industrijali jista’ jkollu rwol ta' tmexxija fl-ekonomija tal-UE, peress li l-Kummissjoni tivvaluta li għal kull 100 impjieg maħluq fl-industrija, jistgħu jinħolqu bejn 60 u 200 impjiegi ġodda fil-kumplament tal-ekonomija; billi, madankollu, bejn l-2008 u l-2011 il-produzzjoni industrijali naqset minn 20 % għal 16 % tal-PDG tal-UE u n-numru ta' impjiegi fis-settur naqas bi 11 %;

D.  billi l-Kummissjoni qed tipprova treġġa’ lura t-tnaqqis tal-industrija fl-UE u ġġibha lura mil-livell attwali ta' madwar 16 % tal-PDG sa saħansitra 20 % sal-2012; billi l-industrija tikkostitwixxi d-destinazzjoni prinċipali tal-investimenti privati u pubbliċi fir-rigward tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

E.   billi l-politika ta’ koeżjoni tista’ tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali li qed taffaċċja l-industrija tal-UE, u tista' tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi tal-Istrateġija Ewropa 2020, inkluż il-bidla lejn ekonomija sostenibbli, b’emissjoni baxxa ta’ karbonju, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u inklużiva, li trawwem l-għarfien u l-impjieg;

F.   billi ħafna mir-reġjuni industrijalizzati qodma fl-Ewropa jaffaċċjaw problemi simili, peress li għaddew minn perjodi twal ta' tkabbir fil-passat li kienu segwiti minn tnaqqis kbir fl-iżvilupp ekonomiku fis-snin reċenti;

G.  billi, minħabba l-interdipendenza ekonomika tagħhom u l-karatteristiċi komuni, il-partijiet komponenti ta' ħafna reġjuni transkonfinali – pereżempju, l-estrazzjoni minerarja tradizzjonali, ir-reġjuni tal-manifattura tal-azzar u tat-tessuti – ħafna drabi jaffaċċjaw l-istess sfidi industrijali;

H.  billi l-politika industrijali għandha tendenza li tiffoka fuq il-problemi speċifiċi tal-industrija ġurnata b'ġurnata u, għaldaqstant ma tingħatax importanza biżżejjed lill-impatt qawwi tagħha fuq ir-reġjuni;

I.    billi r-riċerka wriet li r-ristrutturar tar-reġjuni industrijalizzati qodma jirrikjedi approċċ wiesa', u l-ostakli amministrattivi jistgħu jfixklu milli dan jintlaħaq;

J.    billi l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet fl-UE qed jaffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji; billi, b'mod partikolari, żoni b’bażi industrijali qadima bosta drabi mhux qegħdin f’post tajjeb biex jattiraw biżżejjed fondi għal konverżjoni; billi l-finanzjament tal-UE għall-għajnuna għall-isforzi ta’ rikonverżjoni u ristrutturar huwa indispensabbli għas-sostenn tal-approċċi tal-politika reġjonali u transkonfinali;

K.  billi l-bliet huma xpruni għall-innovazzjoni u t-tkabbir sostenibbli, u għandhom il-kompitu importanti li jindirizzaw l-isfidi fiż-żoni industrijalizzati qodma;

L.   billi approċċi integrati ġodda u innovattivi, iffaċilitati wkoll minn oqfsa politiċi leġiżlattivi xierqa u minn strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, huma meħtieġa biex jgħinu lir-reġjuni u l-bliet jisfruttaw il-potenzjal tagħhom ta' innovazzjoni u jiffukaw mill-ġdid l-assi industrijali tagħhom fid-direzzjoni tal-industrji u s-servizzi emerġenti u tas-swieq globalizzati;

M.  billi l-politiki tal-industrijalizzazzjoni mill-ġdid jonqsu milli jqisu biżżejjed l-industriji kulturali u dawk kreattivi, li huma sors potenzjali sinifikanti ta' tkabbir, innovazzjoni u impjiegi, jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u jipprovdu mezz effikaċi għall-ġlieda kontra r-reċessjoni attwali;

1.   Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-riżorsi eżistenti li huma disponibbli permezz tal-politika ta' koeżjoni u għall-Fondi Strutturali, filwaqt li jisfruttaw l-iskemi ta' inġinerija finanzjarja tal-Bank Ewropew tal-Investiment, kif ukoll il-politiki ta' żvilupp ekonomiku reġjonali u muniċipali b'sostenn għar-rikonverżjoni taż-żoni industrijali qodma u l-industrijalizzazzjoni mill-ġdid taż-żoni industrijali milqutin mill-kriżi, bl-għan li tinkiseb industrijalizzazzjoni mill-ġdid moderna u sostenibbli; jiddispjaċih, madankollu, li dawn l-għażliet mhux dejjem jindirizzaw il-problemi reali speċifiċi għar-reġjun u li l-finanzjament strutturali u għall-investiment li hu disponibbli mhuwiex meqjus b'mod sħiħ mill-Istati Membri u r-reġjuni fi żmien meta l-industrija qed tiġi affettwata severament mill-kriżi;

2.   Jenfasizza li hemm bżonn li jiġu stabbiliti aktar miżuri ta’ għajnuna biex jassistu lir-reġjuni industrijalizzati qodma, b’mod speċjali ż-żoni monoindustrijali, ħalli jkunu jistgħu jsibu b’suċċess triqat ġodda ta’ żvilupp li jiffukaw fuq l-industriji kreattivi u kulturali u jkunu jistgħu jippromwovu l-użu tas-siti li ma jintużawx, li jistgħu jkollhom rwol importanti fir-rikonverżjoni tas-siti abbandunati;

3.   Jitlob approċċi aktar integrati u sistematiċi għat-tiġdid industrijali u l-iżvilupp reġjonali, u aktar koerenza bejn il-politiki differenti fil-livell tal-UE, fil-livell nazzjonali u dak reġjonali, intereġjonali u transkonfinali, sabiex jiġi żgurat li l-potenzjal tas-settur industrijali Ewropew jiġi sfruttat; jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu żoni ekonomiċi ta' importanza reġjonali u parks ta’ attività ta’ teknoloġija avvanzata bbażati fuq sħubiji pubbliċi-privati, u li jikkontribwixxu għat-titjib tal-użu tar-riżorsi umani u ekonomiċi lokali u reġjonali bl-użu tal-aħħar tekonoloġiji;

4.   Jenfasizza li s-suċċess ta’ tali tiġdid industrijali flimkien mal-iżvilupp reġjonali se jiddependi fuq l-eżistenza tal-politiki effikaċi f’oqsma bħall-politika ta’ koeżjoni, il-governanza ekonomika, il-kompetittività, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-enerġija, l-aġenda diġitali, l-iżviluppi sostenibbli, l-industriji kulturali u kreattivi, il-kwalifiki ġodda u l-impjiegi, eċċ;

5.   Jemmen li l-isfidi ewlenin għal reġjuni industrijalizzati qodma jinsabu:

•    fir-riġenerazzjoni fiżika tal-art;

•    fir-riġenerazzjoni tal-infrastruttura tad-djar u dik soċjali;

•    fit-tiġdid tal-infrastruttura, ibbażat fuq il-ħtiġijiet ta' industriji ġodda;

•    fl-iżvilupp tal-infrastruttura tal-broadband, li żżid mal-attrazzjoni taż-żona;

•    fil-bżonn ta' taħriġ mill-ġdid ta' ħaddiema mingħajr impjieg u ta' sforzi għal tagħlim tul il-ħajja biex jinħolqu impjiegi li jiffukaw fuq edukazzjoni teknoloġika ta' kwalità għolja għall-forza tax-xogħol, speċjalment iż-żgħażagħ;

•    fl-istimulazzjoni ta' strateġiji tal-impjieg transkonfinali, l-innovazzjoni, it-taħriġ, ir-riabilitazzjoni ambjentali u l-attrazzjoni reġjonali;

•    fil-ħtieġa tal-promozzjoni tal-intraprenditorija bi strateġiji għall-impjieg imfassla apposta għall-Unjoni u li jiġu adattati ħiliet soċjali, kwalifiki u intraprenditorija għat-talbiet il-ġodda li jitfaċċaw b'riżultat tal-isfidi ekonomiċi, teknoloġiċi, professjonali u ekoloġiċi;

•    fir-riabilitazzjoni sostenibbli taż-żoni kkonċernati, li permezz tagħha tkun żgurata l-inklużjoni taż-żoni ekoloġiċi kull fejn ikun possibbli;

•    fil-ħolqien mill-ġdid tal-bażi ekonomika u tal-kondizzjonijiet ta' investiment;

•    fit-trattament tal-problemi marbutin mal-ekoloġija;

•    fl-ostakoli finanzjarji u n-nuqqas ta' possibbiltajiet ta' finanzjament dirett;

•    fil-bini ta' soluzzjonijiet ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għat-tiġdid industrijali u d-diversifikazzjoni ekonomika;

6.   Jenfasizza li l-istrateġiji reġjonali għaż-żoni industrijali għandhom jinkludu, bħala punt fokali, miżuri biex jipproteġu l-kwalità tal-art, tal-ilma u tal-arja, biex jissalvagwardaw il-bijodiversità reġjonali u lokali u r-riżorsi naturali, u biex jiġu ttrattati l-art u l-ilma, sabiex sustanzi li jagħmlu ħsara lill-ambjent ma jkomplux inixxu fl-ambjent naturali;

7.   Jemmen li hu importanti li l-istrateġiji għal żoni industrijali jinkludu attenzjoni integrata dwar il-possibilitajiet tat-trasport sostenibbli minn u lejn dawk iż-żoni, inklużi l-materja prima, il-prodotti u l-persunal kif ukoll l-infrastruttura meħtieġa, kemm jekk eżistenti jew ippjanata, u li tali ffukar jista' jgħin biex jitnaqqas l-impatt ambjentali taż-żoni industrijali u urbani u biex jiżgura li l-ħtiġijiet tal-komunità jintlaħqu, filwaqt li jiġu salvagwardati r-riżorsi naturali u l-kapital u jkun hemm kontribut pożittiv għas-saħħa tal-bniedem;

8.   Huwa tal-opinjoni li b'riżultat tal-proċess ta' tkabbir tal-UE d-differenzi reġjonali żdiedu, u għaldaqstant l-attenzjoni u l-għarfien pubbliku tbiegħdu mir-reġjuni industrijalizzati qodma li għandhom nuqqas ta' opportunitajiet ta' investiment suffiċjenti għal strateġiji konkreti ta' żvilupp reġjonali;

9.   Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni attwali fir-reġjuni industrijalizzati qodma, tidentifika l-isfidi ewlenin tagħhom, u tipprovdi informazzjoni u gwida għal dawk ir-reġjuni, sabiex tiżviluppa, permezz ta' proċeduri demokratiċi, strateġiji reġjonali abbażi ta’ sħubiji mifruxa li jistgħu jgħinu biex itejbu l-prospetti ta’ żvilupp sostenibbli billi jisfruttaw il-potenzjal endoġenu tagħhom;

10. Jenfasizza li t-tisħiħ tal-bażi industrijali tal-ekonomija huwa neċessarju għal progress fit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll għall-kisba tal-għanijiet u l-miri tal-UE 2020, u li l-assi relatati mal-industrija f'termini tal-wirt u l-kompetenza industrijali disponibbli fir-reġjuni industrijalizzati qodma jistgħu jiffurmaw bażi insostitwibbli għal dan, u għandhom jiġu ppreservati u adottati għall-ħtiġijiet il-ġodda;

11. Jinnota li ħafna żoni li kienu industrijali joffru possibilitajiet tajbin ħafna biex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija permezz tal-applikazzjoni ta' teknoloġija u ta' standards tal-bini moderni, u li minnhom jibbenefikaw kemm l-ekonomiji reġjonali kkonċernati kif ukoll l-ambjent;

12. Ifakkar li fejn reġjuni industrijalizzati qodma ppruvaw jesploraw opportunitajiet ġodda għal żvilupp reġjonali, l-aktar li kellhom suċċess kien fejn ibbażaw dawn l-istrateġiji fuq il-karatteristiċi tagħhom ta’ qabel, ir-riżorsi territorjali tagħhom, il-patrimonju industrijali tagħhom u l-esperjenzi u l-kapaċitajiet tagħhom;

13. Jinnota li ż-żoni urbani għandhom rwol importanti f'termini ta' innovazzjoni u tkabbir sostenibbli, u li l-isforzi ta’ rikonverżjoni ma jistgħux jirnexxu mingħajr biżżejjed investiment suffiċjenti f’dan il-qasam, peress li mingħajr azzjoni dwar il-bini u t-trasport fil-belt l-għanijiet tal-UE ma jintlaħqux;

14. Huwa tal-opinjoni li t-tnaqqis f’bosta mir-reġjuni industrijalizzati qodma huwa parzjalment minħabba d-dipendenza fuq il-monostrutturi; jemmen li l-fatt li tibbaża ekonomija fuq monostrutturi biss huwa kontro-produttiv u li ekonomija diversifikata hija ta' importanza kbira bħala bażi għal tkabbir sostenibbli u ħolqien tax-xogħol;

15. Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa kunċetti u strumenti politiċi li jgħaqqdu il-Fondi ta' Koeżjoni u l-Fondi Strutturali ma' approċċi politiki industrijali, sabiex issostni t-trasformazzjoni strutturali minn reġjuni industrijalizzati qodma għal reġjuni industrijali moderni;

16. Jemmen li l-istrateġiji reġjonali industrijali għandhom ikunu bbażati fuq approċċ integrat, li jinkludi komponent dwar l-impjiegi, it-taħriġ u l-edukazzjoni, immirat lejn il-promozzjoni tas-setturi ta' tkabbir li kapaċi joħolqu impjiegi lokali u reġjonali, specjalment għaż-żgħażagħ, eż. fl-SMEs innovattivi, bħala parti mill-programm għall-kompetittività tal-intrapriżi u l-SMEs (COSME); jenfasizza r-rwol speċjali li għandhom il-bliet fl-istrateġiji ta’ żvilupp reġjonali għaż-żoni industrijali; jemmen, f'dan il-qafas, li l-bliet huma ċentrali għall-kisba ta’ tkabbir għaqli; għaldaqstant, jenfasizza l-fatt li, b’mod partikolari, il-bliet b’bażi industrijalizzata qadima joffru potenzjal enormi, li l-UE għandha tesplora b'mod sħiħ; jistieden lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu aktar mill-qrib mal-bliet ikkonċernati bl-għan li tkabbar il-profil tal-bliet bħala sħab diretti tal-UE;

17. Jenfasizza li l-appoġġ għar-rinnovazzjoni tal-bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija, b'mod partikolari, jgħin lir-reġjuni jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju, joħloq impjiegi lokali u jiffranka l-flus tal-konsumaturi fuq il-kontijiet tat-tisħin;

18. Jitlob lill-Kummissjoni tikkapitalizza fuq is-sinerġiji bejn il-politiki ta' koeżjoni u dawk industrijali sabiex issostni l-kompetittività u t-tkabbir u tgħin lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-bliet isibu bażi għal strateġiji ta' żvilupp industrijali mmexxijin mir-reġjun;

19. Jemmen li ma jeżisti l-ebda pjan ta’ azzjoni speċifiku għal strateġiji reġjonali għal żoni industrijali għall-UE kollha, u li approċċ lokali u reġjonali huwa l-aktar mezz xieraq għall-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa riċerka ekonomika reġjonali fil-kuntest tal-inizjattiva Orizzont 2020, li tippermetti l-iżvilupp ta' strateġiji mfassla skont ir-reġjun għal reġjuni industrijalizzati qodma oħrajn;

20. Jenfasizza l-fatt li l-karatteristiċi tar-reġjuni għandhom jiġu kkunsidrati fl-ippjanar ta’ strateġiji ta’ żvilupp reġjonali; f’dan il-kuntest, u wara li kkunsidra l-mudell ta’ strateġiji ta’ żvilupp rurali minn isfel għal fuq (LEADER) għal żoni rurali, iqis li għandhom jitħeġġu l-inizjattivi minn isfel għal fuq għal żvilupp lokali fiż-żoni urbani;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-esperjenzi preċedenti ta' żoni urbani bħal Manchester fir-Renju Unit, Lille fi Franza, Essen u l-inħawi ta' Ruhr fil-Ġermanja u Bilbao fi Spanja, fejn l-finanzjament tal-UE kkontribwixxa għar-rikonverżjoni u r-ristrutturar tar-reġjuni industrijalizzati qodma, sabiex tiżviluppa strateġiji futuri għal reġjuni oħrajn fl-EU;

22. Jilqa’ l-benefiċċji li huma riżultat tal-għoti tal-istatus ta' Kapitali Ewropea tal-Kultura, bħall-eżempju ta' Glasgow, Lille, u bliet u agglomerazzjonijiet urbani oħrajn li qabel l-industrija tagħhom kienet sejra lura, u jenfasizza li l-attivitajiet kulturali u dawk kreattivi huma katalisti ewlenin tar-riġenerazzjoni urbana u l-attrazzjoni reġjonali;

23. Jenfasizza li r-riġenerazzjoni sostenibbli tar-reġjuni industrijalizzati qodma tieħu għexieren ta’ snin u tiswa ħafna flus, ħafna drabi taqbeż il-kapaċitajiet amministrattivi u finanzjarji ta’ entitajiet pubbliċi fil-post; jenfasizza f’dan ir-rigward il-ħtieġa li tiġi żviluppata assistenza teknika għall-awtoritajiet u l-entitajiet pubbliċi reġjonali u lokali;

24. Jenfasizza l-fatt li l-istrument il-ġdid għal 'Investiment Territorjali Integrat' propost fl-Artikolu 99 tal-abozz tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-perjodu l-ġdid ta' finanzjament 2014-2020 jista' joffri opportunità għall-iżvilupp ta' strateġiji reġjonali lil hinn mill-fruntieri amministrattivi;

25. Jistieden lill-Istati Membri jevitaw regoli kumplessi żżejjed għall-benefiċjarji; itenni li fejn jeżistu r-regoli tal-UE, ir-regoli lokali jistgħu jiġu eliminati, sabiex jiġu evitati regoli duplikati u konfliġġenti;

26. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi ta’ data tal-parks industrijali u ż-żoni ta’ attività reġjonali eżistenti, sabiex tidentifika l-aqwa mudelli li jistgħu jiġu applikati wkoll f’reġjuni oħra u tfassalhom skont l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali u reġjonali fit-tul u biex tipprovdi gwida dwar kif għandhom jintużaw il-fondi għall-għajnuna fil-proċess ta’ rikonverżjoni;

27. Hu tal-opinjoni li hemm bżonn ta’ aktar appoġġ għall-iżvilupp tal-ispirtu imprenditorjali fost iż-żgħażagħ, permezz tal-aċċess għall-fondi Ewropej u għall-pariri kummerċjali;

28. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li r-reġjuni industrijalizzati qodma jkunu jistgħu jibbenefikaw bi sħiħ mill-fondi nazzjonali u Ewropej, sabiex l-UE tkun tista' tagħti bidu għal 'rivoluzzjoni industrijali ġdida';

29. Jenfasizza l-ħtieġa għal konċentrazzjoni ulterjuri tas-sostenn tal-politika ta’ koeżjoni fuq ir-rikonverżjoni industrijali fir-reġjuni, fl-oqsma li ġejjin: l-innovazzjoni tan-negozju u l-investiment, l-inklużjoni soċjali, l-approċċi integrati għall-iżvilupp urban, u r-riġenerazzjoni urbana;

30. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw ir-reġjuni tagħhom billi jipparteċipaw fl-approċċ ta' 'speċjalizzazzjoni intelliġenti'; itenni li r-reġjuni jeħtieġu strateġiji ta' żvilupp sostenibbli mfassla apposta sabiex ikunu ta' suċċess; jinnota li f'bosta każijiet l-entitajiet pubbliċi lokali ma jistgħux jiksbu l-għarfien u l-esperjenza neċessarji mingħajr appoġġ min-naħa tal-Kummissjoni u l-Istati Membri;

31. Hu tal-opinjoni li huwa meħtieġ li jinħolqu żoni industrijali li jagħtu spinta lill-iżvilupp tal-bliet; isostni li għandha tingħata aktar importanza lill-attivitajiet ta' riċerka, l-innovazzjoni u t-tagħlim, filwaqt li jfakkar ir-rwol kreattiv tal-universitajiet f'dan ir-rigward; jappoġġa l-ħolqien ta' netwerks ta’ Innovazzjoni, kompetittività u intraprenditorija fil-livell reġjonali, bl-għan li tkun promossa rabta akbar bejn l-universitajiet, in-negozji u ċ-ċentri ta' għarfien, b'hekk jitrawwmu attivitajiet industrijali ġodda biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni settorjali u jippromwovu l-ħolqien ta' raggruppament industrijali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati jinsistu għal aktar trasparenza fl-allokazzjoni tal-mezzi għall-partijiet interessati rilevanti;

32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2010)0189.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2010)0191.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2010)0209.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2010)0053.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2010)0356.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2011)0093.

(7)

ĠU C 21, 21.1.2011, p.1.


NOTA SPJEGATTIVA

•   Introduzzjoni u Kuntest Ġenerali

L-Artikolu 173 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddikjara li: "L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu l-kondizzjonijiet neċessarji għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni". Is-settur industrijali tal-Unjoni Ewropea dejjem kien il-mutur fil-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir u l-promozzjoni tal-innovazzjoni fir-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea. Billi l-oriġini tal-Unjoni Ewropea kienet fil-formazzjoni tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) fl-1952, il-kooperazzjoni dejjiema mill-qrib tal-Istati Membri tal-UE fl-appoġġ tal-innovazzjoni industrijali minn dak iż-żmien għen ukoll fil-formazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Minkejja li s-settur industrijali fl-UE mar lura matul l-aħħar 50 sena, l-industrija Ewropea xorta għadha tammonta għal madwar 16 % tal-PGD tal-UE. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta' ħafna industriji tradizzjonali, bħall-faħam, l-azzar, it-tessuti jew il-makkinarju, li kienu kkontribwew għall-prosperità ta' ħafna reġjuni matul bosta għexieren ta' snin, illum għadd ta' reġjuni fl-Unjoni Ewropea qed jaffaċċjaw problemi simili. Ħafna reġjuni fl-Unjoni Ewropea huma, għaldaqstant, dipendenti fuq il-finanzjament Ewropew bħala sostenn għar-rikonverżjoni u r-ristrutturar taż-żoni industrijalizzati qodma tagħhom.

F'dan il-kuntest, jirriżulta li, fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, l-ambizzjonijiet għoljin tal-politika industrijali tal-UE u l-Istrateġija UE 2020 ma jistgħux jitwettqu mill-politiki settorjali waħedhom – l-appoġġ mill-miżuri tal-politika ta' Koeżjoni sar dejjem aktar importanti.

Il-finanzjament tal-Politika ta' koeżjoni tal-UE jintervjeni fejn l-investituri privati ma jirfsux u jipprova jinfluwenzaw il-politika industrijali u l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali, speċjalment billi jtejjeb l-aspetti li jiddeterminaw il-post u l-investiment. Issostni wkoll it-titjib tal-istrutturi industrijali permezz ta' trasferiment ta' teknoloġija u l-iżvilupp ta' industriji ġodda għall-ġejjieni.

Ir-Rapporteur għaldaqstant, jiffoka fuq l-isfidi ewlenin tal-proċessi għat-trasformazzjoni strutturali f'reġjuni industrijalizzati qodma fl-Unjoni Ewropea u fuq ir-rwol li l-Politika ta' koeżjoni tal-UE jista' jkollha f'dan il-kunteset. Billi jagħmel dan, ir-rapport jidentifika tliet għanijiet ewlenin:

o fejn il-finanzjament reġjonali hu l-aktar meħtieġ f'reġjuni industrijalizzati qodma

o liema strateġiji reġjonali ta' suċċess jeżistu biex issir bidla strutturali

o kif il-fondi tal-Politika ta' koeżjoni jistgħu jintużaw aktar għas-sostenn tar-riġenerazzjoni industrijali

•   Ir-Rilevanza tas-Settur Industrijali għat-Tkabbir u għall-Iżvilupp

Ir-Rapporteur jiffoka fuq ir-reġjuni industrijalizzati qodma, li kienu partikolarment esposti għat-tnaqqis radikali fl-industriji tradizzjonali fl-aħħar għexieren ta' snin u għaldaqstant, jeħtieġu sostenn partikolari. Barra minn hekk, jenfasizza li l-istrumenti ġodda, proposti fl-abbozz tar-Regolament tad-Dispożizzjonijiet Komuni għall-perjodu il-ġdid ta' finanzjament għall-2014-2020, jista' joffri l-opportunità biex jingħelbu l-fruntieri amministrattivi u jgħin fil-proċess ta' rikonverżjoni. Addizzjonalment, ir-Rapporteur jenfasizza għadd ta' studji, li jippreżentaw eżempji ta' prattika tajba tal-interventi tal-Politika ta' koeżjoni għall-istrutturar mill-ġdid u għar-rikonverżjoni industrijali.

•   L-iżvilupp ta' Strateġiji Reġjonali għaż-Żoni Industrijali Qodma

Ir-Rapporteur jenfasizza l-ħtieġa għall-assistenza meta jiġu żviluppati strateġiji reġjonali għaż-żoni industrijalizzati qodma. Fl-ewwel pass il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sitwazzjoni preżenti fir-reġjuni industrijalizzati qodma u tanalizza l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi f'dan l-istadju. Dan l-approċċ jippermetti lir-Rapporteur iressaq ideat dwar kif dawn l-isfidi u l-ostakli jistgħu jingħelbu billi jiġu żviluppati strateġiji reġjonali strutturati sew. Minkejja l-fatt li ma jistax jiġi nnegat li kull reġjun għandu l-ispeċifiċità propja u li m’hemmx "pjan ta' azzjoni" għal strateġija reġjonali għal żoni industrijali, ir-rappport ta' inizjattiva għandu l-għan li jenfasizza l-fatturi komuni tar-reġjuni industrijalizzati qodma kollha u li jidentifika opportunitajiet ta' soluzzjoni.

Barra minn hekk, ir-Rapporteur jeżamina l-istrumenti politiċi differenti li l-Politika ta' koeżjoni toffri biex taffaċċja l-isfidi taż-żoni industrijalizzati qodma. Ir-rapport ta' inizjattiva jenfasizza li r-riġenerazzjoni sostenibbli tar-reġjuni industrijalizzati qodma tiswa ħafna flus u għaldaqstant, il-finanzjament pubbliku Ewropew jeħtieġ li jkollu rwol importanti f'attentati futuri possibbli għar-rikonverżjoni tar- reġjuni industrijalizzati qodma.

Fl-aħħar nett, ir-Rapporteur juri dan billi jenfasizza s-suċċessi tal-istrateġiji ta' żvilupp tal-bliet b'wirt industrijali qadim bħal Manchester, Essen, Lille u Bilbao. Jenfasizza l-fatt li, minħabba l-proċess ta' tkabbir tal-UE, id-differenzi reġjonali żdiedu u għaldaqstant, l-għarfien pubbliku mexa lil hinn miż-żoni industrijalizzati qodma.

Il-fatt li tingħata aktar attenzjoni lill-problemi taż-żoni industrijalizzati qodma minn naħa, u li jiġu enfasizzati eżempji ta' strateġiji ta' konverżjoni ta' suċċess min-naħa l-oħra, jikkontribwixxi għall-proġett u l-intenzjoni primarja tar-Rapporteur meta jagħti bidu għall-abbozz ta' dan ir-rapport, partikolarment biex iressaq kontribuzzjoni għall-proċess tat-teħid ta' deċiżjoni u jifforma dan il-proċess b'appoġġ għall-investiment territorjali integrat u t-twettiq tal-politika futuri għall-perjodu 2014-2020.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (20.3.2013)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar strateġiji reġjonali għaż-żoni industrijali fl-Unjoni Ewropea

(2012/2100(INI))

Rapporteur: Anna Rosbach

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fondi Strutturali huma maħsuba biex jikkontribwixxu, flimkien mal-fondi nazzjonali, fost affarijiet oħra, ħalli ssir implimentazzjoni aktar malajr tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika; jappoġġa, għalhekk, il-promozzjoni, mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, tal-effiċjenza enerġetika u tar-riżorsi, ta' strateġiji ta' żvilupp kosteffikaċi fuq perjodu twil u ta' ekonomija ekoloġika, ibbażati fuq mudelli aktar sostenibbli ta' produzzjoni u ta' konsum;

2.  Jenfasizza li appoġġ għal rinnovament tal-bini effiċjenti fl-enerġija b'mod partikolari jgħin lir-reġjuni jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju, joħloq impjiegi lokali, u jiffranka l-flus tal-konsumaturi fuq il-kontijiet tat-tisħin;

3.  Jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali f'żoni industrijali għandhom ifittxu li jisfruttaw sinerġiji bejn fondi nazzjonali u fondi pubbliċi tal-UE u l-investiment privat fl-iffinanzjar ta' proġetti tal-enerġija u dawk infrastrutturali, bħala mezz biex jappoġġaw l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp; jemmen li żieda fl-investiment pubbliku u privat fl-aġenda ekoloġika f'żoni industrijali tista' tiġġenera l-impjiegi u t-tkabbir permezz tal-ekoinnovazzjoni, ta' teknoloġiji ambjentali, l-enerġija rinnovabbli u l-iżvilupp ta' prodotti u ta' suq tas-servizzi ambjentali; jinnota li l-UE teħtieġ timmobilizza l-politiki u l-istrumenti kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha fil-livell Ewropew, bħas-suq intern, il-politika ambjentali u tal-klima, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-politika tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni kif ukoll l-iżvilupp tal-SMEs, biex tħeġġeġ impjiegi ta' valur għoli ħalli jingħelbu l-isfidi futuri tas-soċjetà;

4.  Jenfasizza li filwaqt li r-ristrutturar taż-żoni industrijali jista' jiswa l-flus dan għandu, safejn hu possibbli, isir b'mod li ma jħallix impatt fuq il-baġit, i.e. billi jiġu utilizzati fondi u mekkaniżmi ta' appoġġ li diġà jeżistu;

5.  Jinnota li ħafna reġjuni industrijali rnexxilhom joħolqu impjiegi ħodor billi jagħtu inċentivi finanzjarji lil ditti kbar f'industriji sostenibbli biex jirrilokaw jew jibqgħu fiż-żoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tkompli tippermetti l-awtoritajiet lokali jagħtu għajnuna tal-istat lil ditti kbar, u li l-Kummissjoni ma tirtirax din l-għażla fil-linji gwida għall-għajnuna reġjonali mill-Istat tal-2014-2020;

6.  Jenfasizza li jekk tingħata attenzjoni fuq il-valur miżjud tas-sezzjonijiet kollha tal-popolazzjoni, hu possibbli li jiġu adattati u msaħħa l-istrateġiji, tiġi stimulata kull sezzjoni bħala sors ta' innovazzjoni u tkabbir u jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà; hu tal-fehma li kull strateġija reġjonali għal żoni industrijali li ma tqisx id-differenzi tal-età u tal-ġeneru tista' twassal biex jintilfu opportunitajiet li joffri l-kamp kummerċjali;

7.  Jenfasizza li strateġiji reġjonali għaż-żoni industrijali għandhom jinkludu, bħala punt fokali, miżuri li jipproteġu l-art, l-ilma, il-kwalità tal-arja, li jissalvagwardaw il-bijodiversità reġjonali u lokali u r-riżorsi naturali, jiġu ttrattati l-art u l-ilma, sabiex sustanzi li jagħmlu ħsara lill-ambjent ma jkomplux inixxu fin-natura; jenfasizza li l-istrateġiji reġjonali għandhom għalhekk jikkunsidraw miżuri li jappoġġaw l-għanijiet u l-objettivi tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja; hu tal-fehma li dawn l-istrateġiji iridu, barra minn hekk, ifittxu li jipproteġu u jikkonservaw l-ambjent u l-ispazji fiżiċi, u fl-istess ħin jiżguraw livell ogħla ta' effiċjenza u ta' sostenibbiltà ambjentali;

8.  Jemmen li hu importanti li l-istrateġiji għal żoni industrijali jinkludu attenzjoni integrata dwar il-possibilitajiet tat-trasport sostenibbli minn u lejn iż-żoni, inklużi l-materja prima, il-prodotti u l-persunal, kif ukoll l-infrastruttura meħtieġa, kemm jekk eżistenti jew ippjanata, u li dan jista' jgħin biex jitnaqqas l-impatt ambjentali taż-żoni industrijali u urbani u biex jiżgura li l-ħtiġijiet tal-komunità jintlaħqu filwaqt li jiġu salvagwardati r-riżorsi naturali u l-kapital u jkun hemm kontribut pożittiv għas-saħħa tal-bniedem;

9.  Jemmen li hu essenzjali li tiżdied l-attenzjoni u l-promozzjoni tal-aħjar prattika dwar it-trasport li juża l-passaġġi fuq l-ilma interni, it-trasport fl-oċean, it-trasport tal-prodotti bil-ferrovija u ċentri u netwerks ta' distribuzzjoni intelliġenti biex jitjieb l-ambjent taż-żoni industrijali reġjonali;

10. Jenfasizza l-importanza ta' traspożizzjoni effettiva mill-Istati Membri tad-Direttiva SEVESO III, sabiex ikun żgurat li jkunu minimizzati r-riskji possibbli għaċ-ċittadini li jgħixu qrib reġjuni industrijali kkonċernati, li ċ-ċittadini jkollhom informazzjoni adegwata dwar kwalunkwe riskji possibbli, u li jkunu involuti aktar fid-deċiżjonijiet tal-ippjanar dwar l-użu tal-art bil-għan li dawn id-deċiżjonijiet ikunu aktar sostenibbli u jimminimizzaw kompromessi potenzjali bejn l-objettivi u l-ħtiġijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali; jitlob biex isir skambju tal-aħjar prattika dwar kif l-aħjar jiġu separati żoni industrijali u residenzjali fir-rigward ta' dan; fl-aħħar nett, hu favur, bi qbil mal-liġi tal-UE, li l-gvernijiet reġjonali jiġu mħeġġa jħejju l-istrateġiji msemmija hawn fuq f'kooperazzjoni ma' gruppi u assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw iċ-ċittadini bħala parti minn proċess trasversali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li permezz tiegħu iċ-ċittadini jkollhom rwol sħiħ bħala sħab fl-istadji kollha ta' proċess ta' riforma li fih il-pubbliku ġenerali għandu jkun involut;

11. Jinnota li ħafna żoni industrijali qodma u li m'għadhomx jintużaw joffru potenzjal kbir biex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija bl-applikazzjoni ta' teknoloġija u ta' standards tal-bini moderni u li minnhom jibbenefikaw kemm l-ekonomiji reġjonali kkonċernati kif ukoll l-ambjent;

12. Jiġbed l-attenzjoni għall-possibbiltà li jiġu akkwistati fondi għal investimenti ekoloġiċi billi jinbiegħu proprjetajiet industrijali preċedenti f'postijiet attraenti, i.e. f'żoni ta' portijiet, matul ix-xtajtiet ta' xmajjar, u jinnota li b'dan il-mod tonqos il-ħtieġa għal fondi pubbliċi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.3.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

58

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sergio Berlato, Lajos Bokros, Milan Cabrnoch, Yves Cochet, Chris Davies, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Jo Leinen, Peter Liese, Zofija Mazej Kukovič, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Antonyia Parvanova, Andrés Perelló Rodríguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Bogusław Sonik, Salvatore Tatarella, Thomas Ulmer, Glenis Willmott, Sabine Wils

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Minodora Cliveti, Gaston Franco, Julie Girling, Philippe Juvin, Jiří Maštálka, James Nicholson, Britta Reimers, Michèle Rivasi, Rebecca Taylor, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ioan Enciu


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT ()

Data tal-adozzjoni

23.4.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Catherine Bearder, Jean-Jacob Bicep, Victor Boştinaru, Nikos Chrysogelos, Ryszard Czarnecki, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Vincenzo Iovine, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Riikka Manner, Iosif Matula, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Younous Omarjee, Markus Pieper, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Csanád Szegedi, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Justina Vitkauskaite, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Joseph Cuschieri, Karima Delli, James Nicholson, Ivari Padar, Herbert Reul, Elisabeth Schroedter, Czesław Adam Siekierski, Patrice Tirolien, Giommaria Uggias, Manfred Weber

Avviż legali - Politika tal-privatezza