RAPPORT dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Gabriele Albertini

29.4.2013 - (2012/2240(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Bernhard Rapkay

Proċedura : 2012/2240(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0149/2013
Testi mressqa :
A7-0149/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Gabriele Albertini

(2012/2240(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talba ta' Gabriele Albertini tad-19 ta' Lulju 2012, mħabbra fil-plenarja fl-10 ta' Settembru 2012, għall-ħarsien tal-immunità tiegħu b'rabta mal-proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti ta' Milan, fl-Italja,

–   wara li sema' lil Gabriele Albertini bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana, kif emendat mil-Liġi Kostituzzjonali Nru. 3 tad-29 ta' Ottubru 1993,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008 u tad-19 ta' Marzu 2010 u tas-6 ta' Settembru 2011[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0149/2013),

A. billi l-Membru tal-Parlament Ewropew, Gabriele Albertini, talab il-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu b'rabta mal-proċedimenti quddiem il-qorti Taljana;

B.  billi t-talba ta' Gabriele Albertini fir-rigward ta' ċitazzjoni maħruġa kontrieh quddiem il-Qorti ta' Milan f'isem Alfredo Robledo, b'rabta mad-dikjarazzjonijiet magħmula minn Gabriele Albertini fl-ewwel intervista ppubblikata mill-gazzetta Taljana Il Sole 24 Ore fis-26 ta' Ottubru 2011 u f'intervista sussegwenti ppubblikata mill-gazzetta Taljana l-Corriere della Sera fid-19 ta' Frar 2012;

C. billi skont iċ-ċitazzjoni, id-dikjarazzjonijiet magħmula f'dawk l-intervisti jikkostitwixxu libell, li wassal għal talba għad-danni;

D. billi d-dikjarazzjonijiet magħmula fiż-żewġ intervisti jirrigwardaw "il-kawża tad-derivattivi" dwar l-investigazzjoni li tirrigwarda fatti li jmorru lura għall-2005, u li jinvolvu l-muniċipalità ta' Milan u jirrigwardaw il-kariga ta' Gabriele Albertini bħala s-sindku ta' dik il-belt;

E.  billi ż-żewġ intervisti ngħataw fi żmien meta Gabriele Albertini kien Membru tal-Parlament Ewropew, wara l-elezzjoni tiegħu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2004 u l-2009;

F.  billi skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħu ikunu suġġetti għal ebda inkjesta, detenzjoni jew prosekuzzjoni legali minħabba l-opinjonijiet espressi jew il-voti mixħuta minnhom waqt li jkunu qed jaqdu dmirhom.

G. billi, bi qbil mal-prattika stabbilita tal-Parlament, il-fatt li l-proċedimenti legali huma ta' natura ta' dritt ċivili jew amministrattiv, jew jinkludu ċerti aspetti li jaqgħu fl-ambitu tad-dritt ċivili jew amministrattiv, ma tipprekludix per se l-applikazzjoni tal-immunità mogħtija minn dak l-artikolu;

H. billi l-fatti tal-każ, kif muri fiċ-ċitazzjoni u kif imfisser bil-fomm minn Gabriele Albertini quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet magħmula ma għandhom l-ebda rabta diretta u ovvja mal-qadi tad-dmirijiet ta' Gabriele Albertini bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

I.   billi Gabriele Albertini, meta ta ż-żewġ intervisti dwar il-"proċess tad-derivattivi", ma kienx qed jaġixxi fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew,

1.  Jiddeċiedi li ma jħarisx l-immunità u l-privileġġi ta’ Gabriele Albertini.

2.  Jagħti istruzzjoni lill-President tal-Parlament biex igħaddi din id-deċiżjoni minnufih lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Taljana u lil Gabriele Albertini.

  • [1]  Każ 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier [1964] ECR 195, Każ 149/85 Wybot v Faure u Oħrajn [1986] ECR 2391, Każ T-345/05 Mote v Parlament [2008] ECR II-2849, każijiet konġunti C-200/07 u C-201/07 Marra v De Gregorio u Clemente [2008] ECR I-7929, Każ T-42/06 Gollnisch v Parlament [2010] ECR II-1135 u Każ C-163/10 Patriciello (għadu mhux ippubblikat fl-ECR).

NOTA SPJEGATTIVA

1.        Sfond

Waqt is-seduta tal-10 ta' Settembru 2012 il-President ħabbar, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura, li fid-19 ta' Lulju 2012 kien irċieva talba mis-Sur Gabriele Albertini rigward il-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu b'referenza għall-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u għall-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana kif emendata mil-Liġi Kostituzzjonali Nru 3 tad-29 ta' Ottubru 1993. B'konformità mal-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura, il-President irrefera din it-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali. Is-Sur Gabriele Albertini nstema' mill-Kumitat fis-17 ta' Diċembru 2012, b'konformità mal-Artikolu 7(3).

L-isfond għat-talba ta' ħarsien hu kif ġej:

Gabriele Albertini ġie msejjaħ jidher quddiem il-Qorti ta' Milan minn Alfredo Robledo, b'rabta mad-dikjarazzjonijiet magħmula minn Gabriele Albertini fl-ewwel intervista ppubblikata mill-gazzetta Taljana Il Sole 24 Ore fis-26 ta' Ottubru 2011 u f'intervista sussegwenti ppubblikata mill-gazzetta Taljana Il Corriere della Sera fid-19 ta' Frar 2012;

L-attur hu maġistrat fil-Qorti ta' Milan u qed ifittex li jikseb kumpens għal danni kkawżati lir-reputazzjoni, l-unur u l-istatus personali u professjonali tiegħu b'sensiela ta' dikjarazzjonijiet, irrappurtati f'żewġ intervisti fir-rigward tal-"kawża tad-derivattivi".

Gabriele Albertini ddikjara, fiż-żewġ intervisti inkwestjoni, li "l-investigazzjonijiet huma arbitrarji. Jippreferu li sempliċement jiffokaw fuq din il-kwestjoni milli jinvestigaw kwestjonijiet oħra. U din mhijiex l-ewwel darba li ġara dan. Il-prosekutur pubbliku, - Alfredo Robledo – li tant kien ħerqan biex iressaq din il-kwestjoni quddiem il-qorti (dan hu prosekutur pubbliku li nieda l-proċedimenti spjaċevoli u irregolari fil-każ tal-emendi vojta li twalu seba' snin u li ntemmu b’liberazzjoni sħiħa), li rrifjuta għal sitt snin li jinvestiga l-akkwist ta' Serravalle min-naħa ta’ Filippo Penati"..."Dan il-proċess mhu se jwassal imkien. Jista' forsi, jservi biex jippromwovi l-karriera ta' ċertu prosekutur pubbliku, jew, kif rajna fil-passat, jgħinu biex jidħol fil-politika"..."L-investigazzjoni tnediet mill-prosekutur pubbliku li interroga lill-kunsilliera u lill-uffiċjali muniċipali anzjani dwar ’l-emendi vojta‘, bil-lejl, b'metodi simili għal dawk tal-Gestapo, sempliċement biex imbagħad jinstab li ma kien hemm l-ebda reat".

2.        Il-liġi u l-proċedura tal-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew

L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll (Nru. 7) għat-TFUE dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea moqrija kif ġej (emphasi miżjuda):

Artikolu 8

Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhomx ikunu soġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 9

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

a.  fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b.  fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.

Il-proċedura fi ħdan il-Parlament Ewropew hi regolata fl-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura. Id-dispożizzjonijiet rilevanti jidhru kif ġej (enfasi miżjuda):

Artikolu 6 - Tneħħija tal-immunità:

1.  Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġislattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom. (...)

3.  Kull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex-Membru biex jiddefendi privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

4.  F'każ ta' urġenza, f'ċirkustanzi fejn Membru jiġi arrestat jew fejn tinżamm il-libertà ta' moviment tiegħu bi ksur apparenti tal-privileġġi u l-immunitajiet tiegħu, il-President, wara li jkun ħa l-parir tal-president u tar-rapporteur tal-kumitat responsabbli, jista' jieħu inizjattiva biex jikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membru kkonċernat. Il-President għandu jinnotifika lill-kumitat b'dik l-inizjattiva u jgħarraf lill-Parlament.

Artikolu 7 - Proċedura dwar l-immunità:

1.  Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skond l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

2.  Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni li sempliċement tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

3.  Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar jekk l-immunità għandhiex tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn membru ieħor. (...)

6.  F'każi li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien tal-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi jkunux jikkostitwixxu xkiel amministrattiv jew xkiel ieħor mqiegħed għall-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa' l-Parlament jew opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.

7.  Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità inkwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ. (...)

3.        Ġustifikazzjoni għall-proposta ta' deċiżjoni

L-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kien invokat espressament minn Gabriele Albertini fit-talba tiegħu.

Iż-żewġ intervisti inkwestjoni ngħataw u ġew ippubblikati fi żmien meta Gabriele Albertini kien Membru tal-Parlament Ewropew, wara l-elezzjoni tiegħu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2004 u fl-2009;

Bi qbil mal-prattika stabbilita tal-Parlament, il-fatt li l-proċedimenti legali huma ta' natura legali ċivili jew amministrattiva, jew jinkludu ċerti aspetti li jidħlu fl-ambitu tad-dritt ċivili jew amministrattiv, ma tipprekludix per se l-applikazzjoni tal-immunità mogħtija minn dak l-artikolu;

Kif dikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ambitu tal-immunità assoluta stipulat fl-Artikolu 8 "għandu jiġi stabbilit fuq il-liġi Komunitarja waħedha”[1]. Madankollu, il-Qorti reċentement sostniet ukoll li "dikjarazzjoni magħmula minn membru parlamentari Ewropew barra mill-Parlament Ewropew li tat lok għal proċeduri kriminali fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu minħabba r-reat ta’ kalunnja ma tikkostitwixxix opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari tiegħu koperta bl-immunità stipulata f’din id-dispożizzjoni ħlief meta din id-dikjarazzjoni hija evalwazzjoni suġġettiva li għandha rabta diretta u ovvja mal-qadi ta’ tali dmirijiet"[2] (enfasi miżjuda).

F’dan l-isfond, il-Kumitat iqis li l-fatti tal-każ, kif muri fiċ-ċitazzjoni u kif spjega Gabriele Albertini fis-seduta in camera tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali fis-17 ta' Diċembru 2012, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet magħmula ma għandhom l-ebda rabta diretta u ovvja mal-qadi tad-dmirijiet ta' Gabriele Albertini bħala Membru tal-Parlament Ewropew; Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet magħmula minn Gabriele Albertini jirrigwardaw l-imġiba ta' prosekutur partikolari fil-kuntest tal-investigazzjonijiet immexxija minnu, fil-"kawża tad-derivattivi".

Id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni jikkostitwixxu valutazzjonijiet suġġettivi u għaldaqstant jikkostitwixxu opinjonijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tal-Protokoll. Madankollu, "il-kawża tad-derivattivi" tirrigwarda fatti li jmorru lura għall-2005 u titratta l-kariga ta' Gabriele Albertini bħala sindku tal-Belt ta' Milan. Il-Parlament Ewropew, bl-ebda mod ma qiegħed jitratta dawn il-fatti, l-anqas rigward il-metodi ta' investigazzjoni applikat mill-investigatur ikkonċernat. Għalhekk l-opinjoni espressa minn Gabriele Albertini tidher li tmur lil hinn mid-doveri tiegħu ta' Membru tal-Parlament Ewropew u ma tistax titqies li tirrappreżenta rabta diretta ta' interess ġenerali li tikkonċerna liċ-ċittadini. Barra minn hekk Gabriele Albertini għamel żewġ dikjarazzjonijiet waqt okkażjonijiet li fihom ma kienx mistieden fil-kapaċità tiegħu ta' Membru tal-Parlament Ewropew iżda meta kien intervistat bħala l-ex sindku tal-Belt ta' Milan. Anke li kieku din ir-rabta kienet ippruvata, żgur li ma tkunx "ovvja" skont is-sens tal-ġurisprudenza kkwotata.

Il-Kumitat għaldaqstant iqis li fl-għoti taż-żewġ intervisti inkwestjoni, Gabriele Albertini ma kienx qed jaġixxi fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

Is-Sur Albertini invoka wkoll l-Artikolu 9 tal-Protokoll. Madankollu, peress li hu kien ħa l-kariga ta' Membru tas-Senat Taljan fil-15 ta' Marzu 2013, l-Artikolu 9 tal-Protokoll ma għadux japplika fil-konfront tiegħu. Il-kariga ta' Membru tas-Senat Taljan mhijiex kompatibbli mal-kariga ta' Membru tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 7(2) tal-Att dwar Elezzjonijiet Diretti tal-1976.

4.        Konklużjoni

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq u skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura, wara li kkunsidra r-raġunijiet favur u kontra t-tneħħija tal-immunità tal-Membru, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jneħħi l-immunità parlamentari ta' Gabriele Albertini.

  • [1]  Marra, kkwotat aktar kmieni, fil-paragrafu 26.
  • [2]  Patriciello, ikkwotat aktar 'il fuq, fil-parti operattiva u fil-paragrafu 41.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.4.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

10

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Luigi Berlinguer, Françoise Castex, Giuseppe Gargani, Sajjad Karim, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Dimitar Stoyanov, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Mary Honeyball, Eva Lichtenberger