RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 273/2004 dwar prekursuri tad-droga

15.5.2013 - (COM(2012)0548 – C7‑0319/2012 – 2012/0261(COD)) - ***I

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Anna Hedh


Proċedura : 2012/0261(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0153/2013
Testi mressqa :
A7-0153/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA’ RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 273/2004 dwar prekursuri tad-droga

(COM(2012)0548 – C7‑0319/2012 – 2012/0261(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2012)0548),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C70319/2012),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0153/2013),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal regolament

Premessa 10

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10) Għandu jinħoloq bażi tad-dejta Ewropew dwar il-prekursuri tad-droga biex l-irrappurtar mill-Istati Membri rigward is-sekwestri u l-kunsinni bil-baħar imwaqqfa jiġi ssimplifikat, biex jinħoloq reġistru Ewropew tal-operaturi u l-utenti li jippossjedu liċenzja jew reġistrazzjoni li tiffaċilita l-verifika tal-leġittimità ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali li jinvolvu sustanzi skedati, u biex jippermetti lill-operaturi biex jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b'informazzjoni dwar tranżazzjonijiet legali tagħhom li jinvolvu sustanzi skedati.

(10) Għandha tinħoloq bażi tad-data Ewropea dwar il-prekursuri tad-droga biex l-irrappurtar mill-Istati Membri rigward is-sekwestri u l-kunsinni bil-baħar imwaqqfa jiġi ssimplifikat, fejn possibbli b'mod aggregat u anonimu u bl-inqas mod intrużiv possibbli fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, waqt li jitqiesu l-prinċipju tal-limitazzjoni tad-data u l-aktar teknoloġija avvanzata fir-rigward tat-teknoloġiji li jsaħħu l-privatezza, biex jinħoloq reġistru Ewropew tal-operaturi u l-utenti li jippossjedu liċenzja jew reġistrazzjoni li tiffaċilita l-verifika tal-leġittimità ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali li jinvolvu sustanzi skedati, u biex jippermetti lill-operaturi biex jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b'informazzjoni dwar tranżazzjonijiet legali tagħhom li jinvolvu sustanzi skedati.

Ġustifikazzjoni

Biex tiġi żgurata protezzjoni tad-data adegwata, id-data fuq is-sekwestri u l-kunsinni bil-baħar imwaqqfa għandha, fejn hu possibbli, tiġi irrapportata lill-Kummissjoni u lin-NU b’mod aggregat u anonimu.

Emenda  2

Proposta għal regolament

Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(11) Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 jipprevedi l-ipproċessar tad-dejta. Dan l-ipproċessar tad-dejta jista' jkopri wkoll id-dejta personali li għandha ssir b’konformità mal-Liġi tal-Unjoni.

(11) Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 jipprevedi l-ipproċessar tal-informazzjoni, inkluż l-ipproċessar tad-data personali, għall-iskop li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jimmonitoraw it-tqegħid fis-suq tal-prekursuri tad-droga u għall-prevenzjoni ta' dirottament ta' sustanzi skedati. L-ipproċessar tad-data personali għandu jsir b’konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u, b’mod partikolari, mar-rekwiżiti relatati mal-kwalità tad-data, il-proporzjonalità, il-limitazzjoni skont l-iskop, u mad-dritt għall-informazzjoni, l-aċċess, ir-rettifika tad-data, it-tħassir u l-imblukkar, il-miżuri organizzativi u tekniċi u t-trasferimenti internazzjonali tad-data personali. Id-data għandha tkun xierqa, preċiża, rilevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-iskop li għalih qed tinġabar. M’għandhiex tiġi pproċessata għal aktar żmien milli jkun hemm bżonn fir-rigward tal-iskop li għalih tinġabar u l-preċiżjoni tagħha għandha tiġi rieżaminata b’mod regolari. L-ipproċessar tad-data għandu jsir taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi indipendenti maħtura mill-Istati Membri, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali li jsir fl-Istati Membri. Għandu jsir ukoll taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali li jsir mill-Kummissjoni fi ħdan il-qafas tar-Regolament (KE) Nru 273/2004. Sabiex jippermettu li l-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi jsibu, jipprevjenu, jinvestigaw jew iħarrku reati kriminali relatati mat-traffikar tad-droga, l-Istati Membri għandhom jitħallew jadottaw miżuri leġiżlattivi biex jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom aċċess għad-data personali pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 għall-iskopijiet imsemmijin hawn fuq u sal-punt li tkun meħtieġa, proporzjonata u soġġetta għal salvagwardji xierqa. Peress li dan l-ipproċessar jikkostitwixxi restrizzjoni tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, għandu jiġi interpretat restrittivament u f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. Dan l-ipproċessar għandu jseħħ biss skont il-każi individwali u sakemm l-awtoritajiet kompetenti għall-infurzar tal-liġi jkollhom raġunijiet raġonevoli biex jemmnu li dan se jassistihom sostanzjalment biex jipprevjenu, isibu jew jinvestigaw ir-reati kriminali relatati mat-traffikar tad-droga.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda hi marbuta mal-bidla li ġiet proposta fl-Artikolu 13b. Huwa importanti li jiġu speċifikati f’aktar dettall l-elementi essenzjali tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data li huma inklużi f’dan ir-Regolament. Filwaqt li parti kbira mill-ipproċessar tad-data se tapplika għall-kumpaniji jew persuni ġuridiċi, f’ħafna każijiet anke l-persuni fiżiċi se jkunu identifikabbli . Din l-emenda tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-KEPD.

Emenda  3

Proposta għal regolament

Premessa 15

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(15) Sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament (KE) Nru 273/2004, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex tispeċifika r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-liċenzja u r-reġistrazzjoni, biex jinkisbu u jintużaw dikjarazzjonijiet tal-konsumatur, għad-dokumentazzjoni u l-ittikkettjar ta' taħlitiet, għall-għoti ta' informazzjoni mill-operaturi fuq tranżazzjonijiet li jinvolvu sustanzi skedati, għall-elenkar tal-operaturi u l-utenti li jkunu kisbu liċenzja jew reġistrazzjoni fir-Reġistru Ewropew u sabiex jiġu emendati l-Annessi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti.

(15) Sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament (KE) Nru 273/2004, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex tispeċifika r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-liċenzja u r-reġistrazzjoni, biex jinkisbu u jintużaw dikjarazzjonijiet tal-konsumatur, għad-dokumentazzjoni u l-ittikkettjar ta' taħlitiet, għall-għoti ta' informazzjoni mill-operaturi fuq tranżazzjonijiet li jinvolvu sustanzi skedati, għall-elenkar tal-operaturi u l-utenti li jkunu kisbu liċenzja jew reġistrazzjoni fir-Reġistru Ewropew u sabiex jiġu emendati l-Annessi. Dawn l-atti ddelegati għandhom ukoll jiddeterminaw dawk il-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu pproċessati mill-Istati Membri u mill-operaturi skont ir-Regolament (KE) Nru 273/2004, il-kategoriji ta’ data personali li tista’ tinżamm fil-bażi tad-data Ewropea, il-proċeduri li bihom is-soġġetti tad-data jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-informazzjoni, l-aċċess, ir-rettifika, it-tħassir u l-imblukkar tad-data personali pproċessata fil-bażi tad-data Ewropea, u l-kategoriji tad-data personali li se jiġu pproċessati mill-operaturi biex jirrappurtaw tranżazzjonijiet mhux tas-soltu jew suspettużi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, anke fil-livell ta’ esperti, u li titlob l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data matul it-tħejjija tal-atti ddelegati relatati mal-ipproċessar tad-data personali skont ir-Regolament (KE) Nru 273/2004.

Ġustifikazzjoni

Huwa importanti li jiġu speċifikati f’aktar dettall l-elementi essenzjali tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data li huma inklużi f’dan ir-Regolament. Filwaqt li parti kbira mill-ipproċessar tad-data se tapplika għall-kumpaniji jew persuni ġuridiċi, f’ħafna każijiet anke l-persuni fiżiċi se jkunu identifikabbli . Din l-emenda tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-KEPD.

Emenda  4

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 1 – punt b

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004

Artikolu 2 – punt h

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(h) 'utent' ifisser kull persuna fiżika jew ġuridika li tippossjedi sustanza skedata u hija involuta fl-ipproċessar, formulazzjoni, konsum, ħażna, żamma, trattament, mili f'kontenituri, trasferiment minn kontenitur għall-ieħor, taħlit, trasformazzjoni jew kwalunkwe utilizzazzjoni oħra ta' sustanzi skedati.

(h) 'utent' ifisser kull persuna fiżika jew ġuridika li mhijiex operatur u li tippossjedi sustanza skedata u hija involuta fl-ipproċessar, formulazzjoni, konsum, ħażna, żamma, trattament, mili f'kontenituri, trasferiment minn kontenitur għall-ieħor, taħlit, trasformazzjoni jew kwalunkwe utilizzazzjoni oħra ta' sustanzi skedati.

Ġustifikazzjoni

Mill-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Emenda  5

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 2 – punt a

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004

Artikolu 3 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. L-operaturi u l-utenti għandhom jintalbu li jiksbu l-liċenzja mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jippossjedu jew iqiegħdu fis-suq sustanzi skedati fil-kategorija 1 tal-Anness I. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu liċenzji speċjali lill-farmaċiji, bereġ ta' mediċina veterinarja, ċerti tipi ta' awtoritajiet pubbliċi jew forzi armati. Dawn il-liċenzji speċjali għandhom ikunu validi biss għall-użu ta' sustanzi skedati ta' kategorija 1 tal-Anness I fi ħdan l-ambitu tad-dazji uffiċjali tal-operaturi kkonċernati.

2. L-operaturi u l-utenti għandhom jintalbu li jiksbu l-liċenzja mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu domiċiljati jew stabbiliti qabel ma jippossjedu jew iqiegħdu fis-suq sustanzi skedati fil-kategorija 1 tal-Anness I. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu liċenzji speċjali lill-farmaċiji, bereġ ta' mediċina veterinarja, ċerti tipi ta' awtoritajiet pubbliċi jew forzi armati. Dawn il-liċenzji speċjali għandhom ikunu validi biss għall-użu ta' sustanzi skedati ta' kategorija 1 tal-Anness I fi ħdan l-ambitu tad-dazji uffiċjali tal-operaturi kkonċernati.

Ġustifikazzjoni

L-operaturi għandhom jiġu skoraġġuti milli jfittxu awtoritajiet kompetenti fl-UE bl-eħfef reġim ta’ liċenzjar/reġistrazzjoni.

Emenda  6

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 2 – punt c

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004

Artikolu 3 – paragrafu 6

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

6. Minn [18-il xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni] l-operaturi għandhom ikunu mitluba li jiksbu reġistrazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jqiegħdu fis-suq sustanzi skedati tal-Kategorija 2 tal-Anness I. Barra minn hekk, l-utenti għandhom ikunu mitluba biex jiksbu reġistrazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jkollhom sustanzi skedati tas-sottokategorija 2A tal-Anness I. Jistgħu jingħataw reġistrazzjonijiet speċjali mill-awtoritajiet kompetenti lill-farmaċiji, bereġ ta' mediċini veterinarji, ċerti tipi ta' awtoritajiet pubbliċi jew tal-forzi armati. Dawn ir-reġistrazzjonijiet għandhom jiġu meqjusa bħala validi biss għall-użu ta' sustanzi skedati ta' kategorija 2 tal-Anness I fi ħdan l-ambitu tad-dazji uffiċjali tal-operaturi kkonċernati.

6. Minn ...* l-operaturi għandhom ikunu mitluba li jiksbu reġistrazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu domiċiljati jew stabbiliti qabel ma jqiegħdu fis-suq sustanzi skedati fil-kategorija 2 tal-Anness I. Barra minn hekk, l-utenti għandhom ikunu mitluba biex jiksbu reġistrazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jkollhom sustanzi skedati tas-sottokategorija 2A tal-Anness I. Jistgħu jingħataw reġistrazzjonijiet speċjali mill-awtoritajiet kompetenti lill-farmaċiji, bereġ ta' mediċini veterinarji, ċerti tipi ta' awtoritajiet pubbliċi jew tal-forzi armati. Dawn ir-reġistrazzjonijiet għandhom jiġu meqjusa bħala validi biss għall-użu ta' sustanzi skedati ta' kategorija 2 tal-Anness I fi ħdan l-ambitu tad-dazji uffiċjali tal-operaturi kkonċernati.

 

______________

 

* ĠU jekk jogħġbok daħħal id-data: 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Ġustifikazzjoni

L-operaturi għandhom jiġu skoraġġuti milli jfittxu awtoritajiet kompetenti fl-UE bl-eħfef reġim ta’ liċenzjar/reġistrazzjoni.

Emenda  7

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 2 – punt f

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004

Artikolu 3 – paragrafu 9

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

9. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 15a fir-rigward ta’:

9. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 15a fir-rigward ta’:

(a) ir-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet għall-għoti tal-liċenzja msemmija fil-paragrafu 2;

(a) ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-liċenzja msemmija fil-paragrafu 2, u l-kategoriji tad-data, inklużi tad-data personali, li għandhom jiġu pprovduti;

(b) ir-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet għall-għoti tar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 6;

(b) ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-liċenzja msemmija fil-paragrafu 6 u l-kategoriji tad-data, inklużi tad-data personali, li għandhom jiġu pprovduti; kif ukoll

(c) il-ħtiġijiet u l-kondizzjonijiet għall-elenkar tal-operaturi u l-utenti li jkunu kisbu liċenzja jew reġistrazzjoni f'bażi tad-dejta Ewropea dwar il-prekursuri tad-droga msemmija fil-paragrafu 8.

(c) il-ħtiġijiet u l-kondizzjonijiet għall-elenkar tal-operaturi u l-utenti li jkunu kisbu liċenzja jew reġistrazzjoni f'bażi tad-data Ewropea dwar il-prekursuri tad-droga msemmija fil-paragrafu 8.

 

Qabel ma tiżviluppa atti delegati taħt dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

 

Il-kategoriji ta' data personali msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu m'għandhomx jinkludu data sensittiva skont it-tifsira tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46/KE.

Emenda  8

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 6

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004

Artikolu 8 – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 15a dwar ir-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet għal operaturi biex jipprovdu l-informazzjoni imsemmi fil-paragrafu 2.

3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 15a dwar ir-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet għal operaturi biex jipprovdu l-informazzjoni imsemmi fil-paragrafu 2, il-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu pproċessati għal dak l-iskop u s-salvagwardji għall-ipproċessar ta’ dik id-data personali.

 

Qabel ma tiżviluppa atti delegati taħt dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Ġustifikazzjoni

Il-kategoriji ta’ data personali li għandhom jiġu pproċessati għal dan l-iskop għandhom jiġu speċifikati. Peress li l-proposta ma tispeċifikax dawn il-kategoriji, dan għandu jsir permezz ta’ atti ddelegati. Din l-emenda tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-KEPD.

Emenda  9

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 6

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004

Artikolu 8 – paragrafu 3a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3a. L-operaturi m’għandhomx jiddivulgaw id-data personali pproċessata skont dan ir-Regolament apparti lill-awtoritajiet kompetenti.

Emenda  10

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 9

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004

Artikolu 13a – parti introduttorja

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa Bażi tad-Dejta Ewropew dwar prekursuri tad-droga bil-funzjonijiet li ġejjin:

B'segwitu għall-adozzjoni tal-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 3(9), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Bażi tad-Data Ewropea dwar prekursuri tad-droga bil-funzjonijiet li ġejjin:

Ġustifikazzjoni

Huwa importanti ħafna li l-ewwel jiġu stabbiliti r-regolamenti li jikkonċernaw ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet, inklużi r-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad-data, qabel ma tiġi stabbilita l-Bażi tad-Data.

Emenda  11

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 9

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004

Artikolu 13a – punt a

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) jiffaċilita l-komunikazzjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 13(1), l-analiżi u s-sinteżi tagħha fuq il-livell tal-Unjoni, u r-rappurtar lill-Bord Internazzjonali tal-Kontroll tan-Narkotiċi skont l-Artikolu 13(2);

(a) jiffaċilita l-komunikazzjoni tal-informazzjoni, fejn hu possibbli b’mod aggregat u anonimu, skont l-Artikolu 13(1), l-analiżi u s-sinteżi tagħha fuq il-livell tal-Unjoni, u r-rappurtar lill-Bord Internazzjonali tal-Kontroll tan-Narkotiċi skont l-Artikolu 13(2);

Ġustifikazzjoni

Biex tiġi żgurata protezzjoni tad-data adegwata, id-data fuq is-sekwestri u l-kunsinni bil-baħar imwaqqfa għandha, fejn hu possibbli, tiġi irrapportata lill-Kummissjoni u lin-NU b’mod aggregat u anonimu.

Emenda  12

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 9

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004

Artikolu 13a – paragrafi 1a, 1b, 1c u 1d (ġodda)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

1a. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-eżattezza tal-informazzjoni li tinsab fil-Bażi tad-Data Ewropea.

 

1b. L-informazzjoni miksuba skont dan ir-Regolament, inkluża d-data personali, għandha tintuża bi qbil mal-liġi applikabbli rigward il-protezzjoni tad-data personali u m'għandhiex tinżamm għal żmien itwal milli hemm bżonn għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament. L-ipproċessar ta' kategoriji speċjali tad-data msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46/KE u tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandu jiġi pprojbit.

 

1c. Suġġett tad-data għandu jiġi pprovdut bl-informazzjoni li tikkonċerna l-iskopijiet tal-ipproċessar u ż-żamma tad-data, il-kategoriji tad-data pproċessata u miżmuma, l-identità tal-kontrollur tad-data, l-identità tad-destinatarji tad-data, l-informazzjoni relatata mad-dritt għall-aċċess, ir-rettifika jew it-tħassir tad-data personali tas-suġġett tad-data, ir-rimedji amministrattivi u ġudizzjarji disponibbli u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 13b(1). Xi informazzjoni speċifika minnha jew din l-informazzjoni kollha tista' tinżamm biss jekk tkun tikkomprometti investigazzjonijiet jew proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji, jekk tkun ixxekkel il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew it-tħarrik ta' reati kriminali jew jekk tkun tipperikola s-sikurezza pubblika jew nazzjonali.

 

1d. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku avviż komprensiv dwar il-privatezza rigward il-Bażi tad-Data Ewropea bi qbil mal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 45/2201, b’mod ċar u li jinftiehem.

Emenda  13

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 10

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004

Artikolu 13b – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-ipproċessar ta' dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandu jsir b'konformità mad-Direttiva 95/46/KE u taħt is-superviżjoni tal-awtorità pubblika indipendenti tal-Istat Membru msemmi fl-Artikolu 28 ta' din id-Direttiva.

1. L-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għandu jsir skont id-Direttiva 95/46/KE u taħt is-superviżjoni tal-awtorità superviżorja tal-Istat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 28 ta' dik id-Direttiva. Dik l-awtorità superviżorja għandha tiżgura li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu protetti skont id-Direttiva 95/46/KE.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tagħmilha ċara li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data għandhom jiżguraw li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu protetti. L-emenda tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-KEPD. It-test huwa simili għal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Komunità (eż. id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-IMI (KE) Nru 1024/2012).

Emenda  14

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 10

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004

Artikolu 13b – paragrafu 1a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

1a. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE, id-data personali li tinkiseb jew tiġi pproċessata skont dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-iskop tal-prevenzjoni tad-dirottament ta' sustanzi skedati.

Ġustifikazzjoni

Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni adegwata tad-data, huwa importanti li jiġi stabbilit l-iskop li għalih se tiġi pproċessata d-data personali skont dan ir-Regolament (il-limitazzjoni tal-iskop). Fl-istess ħin, il-possibilità attwalment disponibbli skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali biex jużaw - f'ċirkustanzi ġġustifikati kif dovut u skont regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data - id-data pprovduta għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew it-tħarrik ta' reati kriminali (biex jiġu skoperti u żarmati n-netwerks ta' traffikar ta' drogi) għandha tinżamm.

Emenda  15

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 10

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004

Artikolu 13b – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. L-ipproċessar tad-dejta personali mill-Kummissjoni, inkluż għall-għan tal-bażi tad-dejta Ewropew previst fl-Artikolu 13a, għandu jitwettaq skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

2. L-ipproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni, inkluż għall-għan tal-bażi tad-data Ewropea previst fl-Artikolu 13a, għandu jitwettaq skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jiżgura li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data relatati mal-ipproċessar tal-Bażi tad-Data Ewropea huma protetti skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tagħmilha ċara li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data għandhom jiżguraw li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu protetti. L-emenda tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-KEPD. It-test huwa simili għal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Komunità (eż. id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-IMI (KE) Nru 1024/2012).

Emenda  16

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 10

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004

Artikolu 13b – paragrafu 2a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a. L-awtoritajiet pubbliċi indipendenti tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, li lkoll jaħdmu fi ħdan il-kamp tal-applikazzjoni tal-kompetenzi tagħhom, għandhom jikkooperaw b’mod attiv u jiżguraw il-kontroll koordinat tal-ipproċessar tad-data personali, li tinkludi dik għall-iskopijiet tal-Bażi tad-Data Ewropea kif previst fl-Artikolu 13a.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda għandha l-għan li tiżgura l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data u l-KEPD għall-monitoraġġ xieraq tal-attivitajiet ta’ pproċessar li jseħħu fil-qafas tal-Bażi tad-Data tal-UE. Is-sistema ta’ superviżjoni kkoordinata diġà ġiet stabbilita f’bosta strumenti legali tal-UE, fosthom ir-Regolament tal-IMI, il-Eurodac, il-VIS jew l-SIS II.

Emenda  17

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 10a

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004

Artikolu 13c (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(10a) Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

 

"Artikolu 13c

 

Atti ddelegati

 

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti ddelegati skont l-Artikolu 15a fir-rigward tal-kategoriji tad-data personali biex tiġi pproċessata għal skopijiet tal-Bażi tad-Data Ewropea, il-perjodu taż-żamma tad-data personali pproċessata, il-proċeduri li biha s-suġġetti tad-data jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għall-aċċess, ir-rettifika, it-tħassir u fejn xieraq, toġġezzjona u timblokka d-data.

 

Qabel ma tiżviluppa atti delegati taħt dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data."

Ġustifikazzjoni

Il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data u l-bosta elementi tal-ipproċessar tad-data personali, li jinkludu l-eżerċizzju tad-drittijiet mis-suġġetti tad-data, għandhom jiġu speċifikati fl-atti delegati. Din l-emenda tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-KEPD.

Emenda  18

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 11

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004

Artikolu 14 – paragrafu 1 – punt ba (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ba) il-forma standard kif għandu jiġi pprovdut l-avviż ta’ privatezza imsemmi fl-Artikolu 13a.

Ġustifikazzjoni

Il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data u l-bosta elementi tal-ipproċessar tad-data personali, li jinkludu l-eżerċizzju tad-drittijiet mis-suġġetti tad-data, għandhom jiġu speċifikati fl-atti delegati. Din l-emenda tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-KEPD.

Emenda  19

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 12

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004

Artikolu 16 – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni u t-tħaddim ta' dan ir-Regolament sa [78 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju]. "

imħassar

Emenda  20

Proposta għal regolament

Artikolu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 1a

 

Rieżami

 

Sa ...*, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u t-tħaddim tar-Regolament (KE) Nru 273/2004, u b’mod partikolari dwar il-possibilità tal-bżonn ta’ attività addizzjonali biex jiġu immonitorjati u kkontrollati t-tranżazzjonijiet suspettużi b’sustanzi mhux skedati.

 

__________

 

* ĠU jekk jogħġbok daħħal id-data: 66 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Emenda  21

Proposta għal regolament

Artikolu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa għandu jiġi kkonsolidat mar-Regolament li qed jemenda. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-prekursuri tad-droga huma kimiċi li jintużaw b’mod wiesa’ fil-proċessi industrijali differenti (fil-produzzjoni tal-plastik, tal-prodotti farmaċewtiċi, tal-kożmetiċi, tal-fwejjaħ jew tad-deterġenti), iżda li jistgħu wkoll jintużaw ħażin għall-produzzjoni illegali ta’ drogi. Il-prekursuri tad-droga rarament jiġu prodotti mill-kriminali li jkollhom l-intenzjoni jużawhom għall-produzzjoni illegali ta’ drogi, peress li l-manifattura tal-prekursuri tad-droga tirrikjedi infrastruttura sostanzjali. Minflok, dawk il-kriminali spiss jippruvaw jiddevjaw il-kummerċ legali fil-prekursuri tad-droga, permezz tas-serq jew permezz tal-akkwist.

Il-qafas regolatorju eżistenti b’hekk stabbilixxa sistema ta’ liċenzjar u reġistrazzjoni biex jiġi mmonitorjat il-kummerċ fil-prekursuri tad-droga fl-UE, b’obbligi speċifiċi imposti fuq il-kumpaniji involuti (dawn jinkludu l-prevenzjoni tas-serq, il-kontroll tal-klijenti, u s-sejbien tat-tranżazzjonijiet suspettużi) u fuq l-awtoritajiet pubbliċi (dawn jinkludu l-proċeduri amministrattivi u l-ispezzjonijiet fuq il-post). Il-livell ta’ kontroll jiddependi mill-kategorija tas-sustanza inkwistjoni. Fuq il-bażi tar-regoli globali tan-NU, 23 sustanza hekk imsejħa “skedata” ġew maqsuma fi tliet kategoriji, mill-iktar sustanzi perikolużi (kategorija 1) sas-sustanzi kimiċi tal-massa (kategorija 3). Dawn il-kategoriji huma kkumplimentati minn skema ta’ monitoraġġ volontarju għas-“sustanzi mhux skedati”.

F’dawn l-aħħar ftit snin, l-UE ġiet ikkritikata internazzjonalment minħabba l-allegati miżuri ta’ kontroll ħfief tagħha. Il-kritika ffukat fuq sustanza waħda, l-anidride aċetiku (‘AA’), li attwalment tinsab fil-kategorija 2. L-AA jintuża legalment fil-produzzjoni tal-plastik, tat-tessili, tal-kuluranti, tal-fotokimika, tal-fwejjaħ, tal-isplussivi u tal-aspirina, iżda jista’ jintuża wkoll għall-produzzjoni illegali tal-eroina, tal-amfetamina u tal-kokaina. Huwa l-prekursur tad-droga prinċipali għall-eroina (li, min-naħa tagħha, għandha l-ikbar sehem tal-użu letali tad-droga fl-UE).

F’“rapport dwar is-swieq tad-droga tal-UE” riċenti, imħejji mill-EMCDDA u mill-EUROPOL, inġibdet l-attenzjoni b’mod speċifiku lejn id-diverżjoni illeċita tal-AA fl-UE minn organizzazzjonijiet kriminali sofistikati.[1]

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tindirizza l-problemi tad-diverżjoni illegali tal-prekursuri tad-droga bi 3 modi:

* Monitoraġġ aħjar tal-kummerċ fl-AA:

Il-Kummissjoni tipproponi li toħloq sottokategorija ġdida, b’rekwiżiti li huma aktar stretti minn dawk għas-sustanzi tal-kategorija 2, iżda mhux stretti daqs dawk li japplikaw għas-sustanzi tal-kategorija 1. B’mod aktar importanti, l-utenti aħħarin tal-AA issa ser ikollhom jirreġistraw mal-awtoritajiet kompetenti. Sa issa, il-manifatturi u l-operaturi li jittrattaw l-AA biss kienu meħtieġa jirreġistraw;

* Ir-regoli dwar ir-reġistrazzjoni huma aktar b’saħħithom:

Il-Kummissjoni tipproponi li tirrestrinġi d-definizzjonijiet użati, u li tintroduċi kundizzjonijiet/rekwiżiti iktar armonizzati għar-reġistrazzjoni. Hija tipproponi wkoll li tinħoloq il-flessibilità neċessarja biex il-kategoriji jiġu adattati għaċ-ċirkustanzi li jinbidlu;

* L-istabbiliment ta’ Bażi tad-Data Ewropea dwar il-Prekursuri tad-Droga:

Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi stabbilita bażi tad-data ġdida b’firxa mal-UE kollha b’informazzjoni dwar is-sekwestri tal-prekursuri tad-droga fl-UE, u b’lista tal-operaturi liċenzjati jew reġistrati kollha u l-utenti aħħarin tal-prekursuri tad-droga fl-UE.

Ir-Rapporteur tappoġġja din il-proposta b’mod wiesa’. Peress li kwantitajiet żgħar biss ta’ prekursuri tad-droga huma meħtieġa għall-produzzjoni tad-drogi illegali, u peress li dawn il-prekursuri huma prodotti fi kwantitajiet kbar madwar id-dinja, hemm bżonn ta’ attenzjoni kbira biex jiġi żgurat li dawk il-prekursuri tad-droga ma jiġux iddevjati mill-kummerċ legali fl-UE. B’hekk l-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam ser iġġiegħel lit-traffikanti biex iressqu l-attivitajiet tagħhom f’partijiet oħra tad-dinja, bit-tama li dan jinkoraġġixxi lir-reġjuni l-oħra tad-dinja biex isegwu l-eżempju tal-UE.

Huwa importanti ħafna li prekursur tad-droga bħall-AA, li huwa element kritiku għall-produzzjoni tal-eroina, ma jaqax f’idejn ħżiena. Il-kwantitajiet ta’ AA sekwestrati fl-Ewropa fl-2008 kienu jissodisfaw madwar nofs id-domanda annwali Afgana għall-AA, għall-użu fil-produzzjoni tal-eroina. Il-Kummissjoni tidher li kkunsidrat l-opzjonijiet miftuħa għaliha u għażlet soluzzjoni prattika u proporzjonata. Il-proposta tippermetti l-kummerċ legali, u l-użu legali, tal-anidride aċetiku, mingħajr ma jiġu imposti piżijiet amministrattivi mhux neċessarji fuq l-intrapriżi. Fl-istess waqt, tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti sabiex isegwu l-flussi tal-kummerċ mill-qrib biex isibu u jwaqqfu d-diverżjoni illegali.

Ir-Rapporteur temmen li din il-proposta fiha titjib importanti fuq is-sitwazzjoni preżenti. L-introduzzjoni tal-atti delegati ser jagħtu lill-Kummissjoni l-flessibilità neċessarja biex tirreaġixxi b’mod rapidu għaċ-ċirkustanzi li dejjem jinbidlu u biex tittratta lit-traffikanti tad-droga inventivi, filwaqt li tiżgura sorveljanza parlamentari ta’ kwalunkwe tibdil. Is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni u leġiżlazzjoni madwar l-UE għandhom jiġu appoġġjati biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq u biex jiġi evitat li l-kriminali jisfruttaw “il-punt debboli” fi ħdan is-suq intern tal-UE. Fl-aħħar, l-istabbiliment ta’ Bażi tad-Data Ewropea għandu jiġi milqugħ, peress li dan ser joħloq it-trasparenza neċessarja u jtejjeb il-monitoraġġ tal-prekursuri tad-droga kollha fl-UE.

Filwaqt li jappoġġja l-linja ġenerali tal-proposta tal-Kummissjoni, ir-Rapporteur tipproponi li jiġu msaħħa ċerti elementi. Fir-rigward tal-kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data, ir-Rapporteur tipproponi li jiġu mtejba u ċċarati l-użu u l-ipproċessar tad-data u li jiġi ristrett l-aċċess għall-bażi tad-data. Ir-Rapporteur għandha l-għan li tiskoraġġixxi l-operaturi u l-utenti milli jfittxu madwar l-UE għall-eħfef reġim ta’ reġistrazzjoni, u tipproponi li jiġu immonitorjati mill-qrib l-iżviluppi addizzjonali tal-prekursuri tad-droga, li jinkludu s-sustanzi mhux skedati.

  • [1]  Rapport tal-UE dwar is-swieq tad-droga: analiżi strateġika, EMCDDA/Europol, Jannar 2013

PROĊEDURA

Titolu

Emenda tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 dwar prekursuri tad-droga

Referenzi

COM(2012)0548 – C7-0319/2012 – 2012/0261(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

27.9.2012

 

 

 

Kumitat responsabbli

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

22.10.2012

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

22.10.2012

ENVI

22.10.2012

IMCO

22.10.2012

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

Data tad-deċiżjoni

INTA

10.10.2012

ENVI

29.11.2012

IMCO

10.10.2012

 

Rapporteur

Data tal-ħatra

Anna Hedh

10.12.2012

 

 

 

Eżami fil-kumitat

22.1.2013

20.2.2013

20.3.2013

 

Data tal-adozzjoni

24.4.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

3

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Roberta Angelilli, Edit Bauer, Rita Borsellino, Emine Bozkurt, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Carlos Coelho, Ioan Enciu, Cornelia Ernst, Monika Flašíková Beňová, Hélène Flautre, Kinga Gál, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Timothy Kirkhope, Juan Fernando López Aguilar, Baroness Sarah Ludford, Monica Luisa Macovei, Svetoslav Hristov Malinov, Véronique Mathieu Houillon, Anthea McIntyre, Nuno Melo, Louis Michel, Claude Moraes, Antigoni Papadopoulou, Georgios Papanikolaou, Jacek Protasiewicz, Carmen Romero López, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Renate Sommer, Nils Torvalds, Wim van de Camp, Axel Voss, Cecilia Wikström, Tatjana Ždanoka, Auke Zijlstra

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Monika Hohlmeier, Siiri Oviir, Hubert Pirker, Raül Romeva i Rueda, Manfred Weber

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Philip Bradbourn, Jörg Leichtfried, Sabine Lösing, Britta Reimers

Data tat-tressiq

15.5.2013