RAPPORT dwar il-Ġlieda kontra l-Frodi tat-Taxxa, l-Evażjoni tat-Taxxa u r-Rifuġji Fiskali

2.5.2013 - (2013/2060(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Mojca Kleva Kekuš


Proċedura : 2013/2060(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0162/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u r-rifuġji fiskali

(2013/2060(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (COM(2012)0722),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 dwar il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva (C(2012)8806),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa (C(2012)8805),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2012 dwar mezzi konkreti li jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa inkluż f'dak li jirrigwarda lil pajjiżi terzi (COM(2012)0351),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2012 dwar l-Istħarriġ Annwali ta’ Tkabbir 2013 (COM(2012)0750),

   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu (2013/0025 (COD)),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) ta’ Frar 2012 dwar standards internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-proliferazzjoni,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2012 dwar l-appell għal modi konkreti biex jiġu miġġielda l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali (2012/2599(RSP))[1],

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-10 ta' Frar 2012 ta' Richard Murphy FCA intitolat “Closing the European Tax Gap”,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 1997 dwar kodiċi ta’ kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi u r-rapport tal-Grupp tal-Kodiċi ta’ Kondotta għat-Tassazzjoni tal-Intrapriżi lill-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2012,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-OECD intitolat “Addressing Base Erosion and Profit Shifting” (2013),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-ECOFIN u r-Rapport tal-ECOFIN lill-Kunsill Ewropew dwar kwistjonijiet ta’ taxxa tat-22 ta’ Ġunju 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar kooperazzjoni ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-19 ta’ April 2012 dwar proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar BKKTK[3],

–   wara li kkunsidra l-Communiqué wara l-Laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G20 li seħħet f’Moska fil-15 u s-16 ta’ Frar 2013,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Frar 2010 dwar il-promozzjoni ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali[4],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0162/2013),

A. billi kull sena fl-UE jintilef l-ammont stmat u skandaluż ta' EUR 1 triljun fi dħul ta' taxxa potenzjali minħabba l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, li jirrappreżenta spiża ta' madwar EUR 2000 fis-sena għal kull ċittadin Ewropew, mingħajr ma jittieħdu miżuri xierqa bħala rispons[5];

B.  billi dan it-telf jirrappreżenta: periklu għas-salvagwardja ta' ekonomija tas-suq soċjali tal-UE bbażata fuq servizzi pubbliċi ta’ kwalità; theddida għall-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku; rigress fl-effiċjenza u s-sens ta' ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa fl-UE; u riskju għat-trasformazzjoni ekoloġika tal-ekonomija; billi jipproduċi u jiffaċilita aktar profitti żejda li jkunu detrimentali għas-soċjetà li jwasslu għal inugwaljanza, li jżidu n-nuqqas ta’ fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet demokratiċi u li jikkultivaw ambjent ta’ defiċit demokratiku;

C. billi parti importanti mis-sostenibilità fiskali hija l-iżgurar tal-bażi tad-dħul tagħna;

D. billi l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa huma attività illegali ta’ evażjoni tat-taxxa dovuta filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-evitar tat-taxxa huwa l-użu legali iżda dubjuż tar-reġim tat-taxxa biex titnaqqas jew tiġi evitata t-taxxa dovuta, u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva tikkonsisti f’li wieħed jieħu vantaġġ mit-teknikalitajiet ta’ sistema fiskali jew mid-diskrepanzi bejn żewġ sistemi fiskali jew aktar bl-iskop ta’ tnaqqis fit-taxxa dovuta;

E.  billi l-prattiki tal-evitar tat-taxxa, faċilitati mid-dematerjalizzazzjoni tal-ekonomija li dejjem tiżdied, iwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni dannużi għall-intrapriżi u t-tkabbir Ewropew;

F.  billi l-iskala tal-frodi tat-taxxa u tal-evitar tat-taxxa tnaqqas il-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fil-ġustizzja u l-leġittimità tal-ġbir tat-taxxa u s-sistema tat-taxxa kollha kemm hi;

G. billi n-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-politiki tat-taxxa fl-UE jwassal għal spiża u piż amministrattiv sinifikanti għaċ-ċittadini u n-negozji li joperaw transkonfinalment fl-UE, u dan jista’ jirriżulta f’nontassazzjoni mhux intenzjonata jew iwassal għal frodi tat-taxxa u evitar tat-taxxa;

H. billi l-persistenza ta' tgħawwiġ ikkawżat minn prattiki fiskali mhux trasparenti jew li huma ta' ħsara min-naħa ta' ġurisdizzjonijiet li jagħmluha ta' rifuġji fiskali tista' twassal għal flussi artifiċjali u effetti negattivi fi ħdan is-suq intern tal-UE; billi kompetizzjoni fiskali ta’ ħsara fl-UE tmur b’mod ċar kontra l-loġika ta’ suq uniku; billi hemm bżonn ta' aktar sforzi sabiex il-bażijiet tat-taxxa jiġu armonizzati f’Unjoni ekonomika, fiskali u baġitarja li tkun dejjem eqreb;

I.   billi pajjiżi li jgawdu minn programmi ta’ assistenza – wara li intensifikaw il-ġbir tat-taxxi u eliminaw il-privileġġi skont il-proposti tat-Trojka – fl-aħħar snin raw ħafna mill-kumpaniji l-kbar tagħhom jitilqu biex igawdu privileġġi fiskali offruti minn pajjiżi oħra; billi fil-każ tal-Greċja l-Kummissjoni kkalkulat li mas-EUR 60 biljun iċċaqalqu minn banek Griegi għal banek Svizzeri sa mill-bidu tal-2012;

J.   billi fil-prattika dan għadda l-piż tat-taxxi għal fuq ħaddiema u familji bi dħul baxx u sforza l-gvernijiet biex jagħmlu tnaqqis fis-servizzi pubbliċi li huwa ta’ ħsara għalihom;

K. billi t-tnaqqis fl-impjiegi fil-parti l-kbira tal-awtoritajiet fiskali nazzjonali tal-Istati Membri permezz ta’ miżuri ta’ awsterità matul dawn l-aħħar snin ipperikola bil-kbir l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni;

L.  billi l-użu ta' prattiki ta' evitar tat-taxxa minn impriżi multinazzjonali jmur kontra l-prinċipju ta’ kompetizzjoni ġusta u responsabilità korporattiva;

M. billi r-rispons ta’ wħud mill-kontribwenti għall-passi li ttieħdu mill-Istati Membru bħala rimedju għan-nuqqas ta’ trasparenza kien li huma jgħaddu t-tranżazzjonijiet kummerċjali tagħhom minn ġurisdizzjoni oħra li għandha livell anqas ta’ trasparenza;

N. billi l-miżuri nazzjonali unilaterali rriżultaw f'ħafna każijiet mhux effettivi, mhux suffiċjenti u f’ċerti każijiet ukoll ta’ detriment għall-kawża, u dan jeħtieġ approċċ ikkoordinat u fuq diversi binarji fil-livelli nazzjonali, tal-UE u internazzjonali; billi l-ġlieda effettiva kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva tirrikjedi kooperazzjoni rinfurzata b'mod b'saħħtu bejn l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ Stati Membri differenti kif ukoll kooperazzjoni rinfurzata tal-awtoritajiet tat-taxxa ma’ awtoritajiet oħra li jinfurzaw il-liġi fi Stat Membru partikolari;

O. billi, kif iddikjarat mill-OECD fir-rapport tagħha "Kif Nindirizzaw l-Erożjoni ta’ Bażi u Ċaqliq tal-Profitt", il-kwistjoni ta’ politika fundamentali li għandha tkun trattata hija l-fatt li l-prinċipji komuni internazzjonali li joħorġu minn esperjenzi nazzjonali sabiex jaqsmu ġurisdizzjoni fiskali ma żammewx il-pass mal-ambjent tan-negozju li qed jinbidel; billi huwa meħtieġ rwol aktar attiv mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-arena internazzjonali sabiex jaħdmu għat-twaqqif ta’ standards internazzjonali bbażati fuq prinċipji ta’ trasparenza, skambju ta’ informazzjoni u t-tneħħija ta’ miżuri fiskali ta’ ħsara;

P.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma għandhomx is-saħħa ta’ negozjar sabiex iġiegħlu lir-rifuġji fiskali sabiex jikkooperaw, jiskambjaw l-informazzjoni u jsiru trasparenti;

Q. billi l-ġurnalisti investigattivi, is-settur mhux governattiv u l-komunità akkademika kienu strumentali biex jikxfu każijiet ta’ frodi tat-taxxa, evitar tat-taxxa u rifuġji fiskali u biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar dan;

R.  billi mat-tisħiħ tal-mezzi biex jinstabu l-frodi tat-taxxa għandha tissaħħaħ ukoll il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-għajnuna għall-irkuprar tat-taxxi, l-ugwaljanza fit-trattament tat-taxxa u l-prattikabiltà għan-negozji;

S.  billi l-Ministri tal-Finanzi Ewropej li ltaqgħu matul il-laqgħa ta’ G20 f’Moska, fi Frar 2013, ħalfu li jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jitrattaw l-evitar tat-taxxa u kkonfermaw li l-miżuri nazzjonali biss mhumiex ser jagħtu l-effetti mixtieqa;

T.  billi l-ipprezzar ta’ trasferimenti li jirriżulta fl-evitar tat-taxxa jaffettwa negattivament il-baġits tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi ġie sfurzat fuqhom telf stmat ta’ madwar EUR 125 biljun fi dħul fiskali annwalment, kważi darbtejn l-ammont li jirċievu bħala assistenza internazzjonali;

U. billi s-setgħa li jilleġiżlaw dwar it-tassazzjoni tinsab bħalissa fi ħdan l-Istati Membri;

1.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu li jħeġġu lill-Istati Membri jieħdu azzjoni immedjata u kkoordinata kontra r-rifuġji fiskali u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

2.  Jilqa’ d-determinazzjoni espressa mill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 sabiex jindirizzaw l-erożjoni ta’ bażi u ċ-ċaqliq tal-profitti;

3.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jonoraw l-impenn tagħhom, iħaddnu l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni, jimplimentaw bis-sħiħ iż-żewġ rakkomandazzjonijiet; jinsisti li l-Istati Membri jidħlu f'negozjati serji, jiffinalizzaw il-proċeduri għall-proposti leġiżlattivi pendenti kollha u japplikaw miżuri fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ frodi tat-taxxa, evażjoni tat-taxxa, evitar tat-taxxa, pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u rifuġji fiskali fit-territorji dipendenti tagħhom;

4.  Jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri għadu ma rnexxilhomx jilħqu ftehim dwar proposti leġiżlattivi ewlenin bħall-proposta tal-2008 sabiex tkun emendata d-Direttiva tal-Kunsill 2003/487KE dwar tassazzjoni ta’ riżervi fuq id-dħul fil-forma ta’ pagamenti ta’ mgħax jew il-Proposta tal-2011 għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni tat-Taxxa Korporattiva;

5.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ progress sostanzjali li sar s’issa fil-qasam tat-tassazzjoni fil-qafas tal-impenji tal-Patt Euro Plus;

6.  Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiġi stabbilità “Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa”; jistieden lill-Kummissjoni sabiex timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni taż-żewġ rakkomandazzjonijiet fl-Istati Membri kollha, u tikkonsulta u tinvolvi wkoll fil-ħidmiet tal-Pjattaforma lill-persunal tat-taxxa nazzjonali, is-sħab soċjali u t-trejdjunjins; jistieden lill-Kummissjoni biex kull sena tressaq quddiem il-Kunsill u l-Parlament rapport dwar ix-xogħol u l-kisbiet tal-Pjattaforma;

7.  Iqis li l-iskop u l-kobor tal-problema, u l-urġenza tal-azzjonijiet meħtieġa huma enfasizzati mill-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji offshore sigrieti ppubblikati f'April 2013 mill-Konsorzju Internazzjonali tal-ġurnaliżmu investigattiv; għal darba oħra, minħabba dan, jitlob għal impenn Ewropew u internazzjonali msaħħaħ għat-trasparenza li għandu jirriżulta fi ftehim multilaterali, vinkolanti, internazzjonali dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni għal kwistjonijiet ta' taxxa;

Ir-rwol tal-UE fix-xena internazzjonali

8.  Jenfasizza li l-UE għandu jkollha rwol ewlieni fid-diskussjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u r-rifuġji fiskali fl-OECD, il-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju tal-Informazzjoni għar-Raġunijiet ta’ Taxxa, il-G20, il-G8 u fora multinazzjonali relevanti oħrajn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b’mod konsistenti jenfasizzaw, fix-xena internazzjonali, l-importanza ewlenija ta’ kooperazzjoni msaħħa fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u r-rifuġji fiskali; jenfasizza li l-UE għandha, fejn ikun xieraq, tikkonvinċi lil pajjiżi mhux tal-UE biex jibnu u jtejbu l-effikaċja tas-sistemi tal-ġbir tat-taxxa rispettivi tagħhom billi jadottaw il-prinċipji tat-trasparenza, tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni u tal-eliminazzjoni ta’ miżuri fiskali ta’ ħsara, u biex tgħinhom ħalli jagħmlu dan; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jaġġornaw l-assistenza teknika u l-bini tal-kapaċità tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

9.  Jikkunsidra li huwa ta’ importanza kbira li l-Istati Membri jawtorizzaw lill-Kummssjoni sabiex tinnegozja ftehimiet fiskali ma’ pajjiżi terzi f’isem l-UE minflok ikomplu bil-prattika ta’ negozjati bilaterali li jipproduċu riżultati mhux ottimali mill-punt tal-UE kollha kemm hi u ta’ spiss ukoll tal-Istati Membri kkonċernati;

10. Jenfasizza l-obbligu tal-Istati Membri li kisbu[6] jew qed ifittxu li jakkwistaw assistenza finanzjarja sabiex jimplimentaw miżuri maħsuba biex isaħħu u jtejbu l-kapaċità tal-ġbir tat-taxxa u l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni testendi dan l-obbligu biex tilqa' miżuri li jittrattaw il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevita milli tagħti finanzjament tal-UE, u biex tiżgura li l-Istati Membri ma jipprovdux għajnuna mill-Istat jew aċċess għal akkwist pubbliku lill-kumpaniji li jiksru l-istandards tat-taxxa tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jeħtieġu żvelar tal-informazzjoni relatata mal-penali jew kundanni għal reati relatati mat-taxxi għall-kumpaniji kollha li jressqu offerti għal kuntratti tal-akkwist pubbliku; jissuġġerixxi li l-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li jirrispettaw l-obbligi li kien hemm qbil dwarhom skont id-Direttiva għall-Pagamenti Tard, ikunu jistgħu jinkludu klawżola f’kuntratti tal-akkwist pubbliku li tippermetti li huma jtemmu l-kuntratt jekk fornitur sussegwentement jikser dawn l-obbligi ta’ konformità mat-taxxa;

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi standards komuni għal trattati tat-taxxa bejn Stati Membri u pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-għan li tiġi evitata l-erożjoni tal-bażi fiskali għal dawn il-pajjiżi;

13. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi aktar riżorsi baġitarji u persunal lil DĠ TAXUD sabiex jgħinuha tiżviluppa politiki u proposti tal-UE dwar nontassazzjoni doppja, evażjoni tat-taxxa u frodi;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jinsistu, fir-relazzjonijiet rispettivi tagħhom ma' pajjiżi terzi, fuq l-applikazzjoni riġida tal-istandards tal-UE f’każijiet relatati mat-taxxa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ftehimiet kummerċjali bilaterali jew multilaterali futuri;

15. Jilqa' l-Att ta' Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin tal-Istati Uniti (FATCA) bħala l-ewwel pass lejn skambju awtomatiku tal-informazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa transfruntiera; jiddispjaċih, madankollu, li ttieħed approċċ bilaterali/intergovernattiv fin-negozjati mal-Istati Uniti aktar milli pożizzjoni ta' negozjar tal-UE komuni; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' reċiproċità sħiħa fl-iskambju tal-informazzjoni; jitlob għar-rispett tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta għaċ-ċittadini tal-UE f'dan il-kuntest;

16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jirrevedu mill-qrib u jimplimentaw kif meħtieġ ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) ta’ Frar 2012;

Mira ewlenija – L-indirizzar tad-diskrepanza fiskali

17. Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom favur mira ambizzjuża iżda realistika li sal-2020 titnaqqas bin-nofs id-diskrepanza fiskali, peress li gradwalment dan jiġġenera potenzjal ta' dħul konsiderevolment ogħla mit-taxxa mingħajr ma jiżdiedu r-rati tat-taxxa;

18. Barra minn hekk jirrikonoxxi li t-twessigħ tal-bażijiet ta’ tassazzjoni diġà eżistenti, minflok iż-żieda ta’ rati ta’ tassazzjoni jew l-introduzzjoni ta’ taxxi ġodda, jista’ jiġġenera aktar dħul għall-Istati Membri;

19. Fl-aħħar jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva bbażata fuq azzjonijiet leġiżlattivi konkreti, fil-qafas tat-Trattati eżistenti, biex titnaqqas id-diskrepanza fiskali tal-UE u tiżgura li l-kumpaniji kollha li joperaw fl-UE jissodisfaw l-obbligi fiskali tagħhom fl-Istati Membri kollha fejn dawn joperaw;

20. Jenfasizza li miżuri biex inaqqsu d-diskrepanza fiskali u jindirizzaw ir-rifuġji fiskali, l-evażjoni u l-evitar jirriżultaw f'kundizzjonijiet kompetittivi ġusti u trasparenti dwar is-suq intern, jgħinu fil-konsolidament fiskali filwaqt li jnaqqsu l-livelli ta' dejn sovran, iżidu r-riżorsi għall-investiment pubbliku, itejbu l-effiċjenza u s-sens ta’ ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa nazzjonali, u jgħollu l-livelli ġenerali tal-konformità mat-taxxa, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-użu tal-programm Fiscalis billi jintegraw l-istrateġija dwar id-diskrepanza fiskali fih;

22. Jitlob lill-Kummissjoni biex tistudja l-possibilità li tiġi introdotta tassazzjoni Ewropea f’mudelli kummerċjali transkonfinali u kummerċ elettroniku;

Jipproponi li l-azzjonijiet li ġejjin ikunu fuq quddiem nett tal-istrateġija dwar id-diskrepanza fiskali tal-UE:

Dwar il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa

23. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw persunal, riżorsi tal-għarfien u tal-baġit adegwati lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali u l-persunal tal-awditjar tat-taxxa tagħhom kif ukoll riżorsi għat-taħriġ tal-persunal tal-amministrazzjoni fiskali li jiffoka fuq kooperazzjoni transfruntiera fuq frodi u evitar tat-taxxa, u biex jiddaħħlu għodod b'saħħithom kontra l-korruzzjoni;

24. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni immedjata fir-rigward ta’ trasparenza ta’ kumpaniji li jħallsu t-taxxa billi tobbliga lill-kumpaniji multinazzjonali kollha jippubblikaw ċifra sempliċi u unika għall-ammont ta’ taxxa mħallas f’kull Stat Membru fejn huma joperaw;

25. Jisħaq fuq l-importanza ta' Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) u jistieden lill-Istati Membri jaqblu u jimplimentaw id-direttiva dwar il-BKKTK billi jersqu gradwalment minn skema mhux obbligatorja għal waħda obbligatorja, kif definit fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-19 ta’ April 2012 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar BKKTK;

26. Huwa tal-opinjoni li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu azzjoni u jissospendu jew jirrevokaw il-liċenzji bankarji ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u konsulenti finanzjarji jekk jgħinu fil-frodi tat-taxxa billi joffru prodotti jew servizzi lill-klijenti li jippermettulhom jevadu t-taxxi jew li jirrifjutaw li jikkooperaw mal-awtoritajiet tat-taxxa;

27. Jilqa’ l-inklużjoni tal-Kummissjoni li jiġu elenkati r-reati tat-taxxa bħala reati presupposti għal ħasil tal-flus fl-ambitu tad-Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus il-ġdida (2013/0025 (COD)) u jitlob għall-implimentazzjoni mingħajr dewmien tad-direttiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi proposti għal indirizzar armonizzat tal-frodi tat-taxxa taħt il-liġi kriminali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ investigazzjonijiet transfruntiera u reċiproċi; javża lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kooperazzjoni tagħha ma’ korpi oħra tal-UE li jinfurzaw il-liġi, b’mod partikolari ma’ awtoritajiet responsabbli mill-ħasil tal-flus, il-ġustizzja u s-sigurtà soċjali;

28. Jistieden lill-Istati Membri biex ineħħu l-ostakoli kollha fil-liġijiet nazzjonali li jfixklu l-kooperazzjoni u l-iskambji tal-informazzjoni dwar it-taxxa mal-istituzzjonijiet tal-UE u fl-Istati Membri, filwaqt li jiżguraw ukoll protezzjoni effettiva tad-dejta tal-kontribwenti;

29. Jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika l-oqsma fejn ir-regolamenti tal-UE u l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri jkunu jistgħu jittejbu sabiex jitnaqqsu l-frodi tat-taxxa, inkluż l-użu xieraq tal-programmi Fiscalis u Customs;

30. Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kunsill tal-qafas ġdid għal kooperazzjoni amministrattiva u jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw immedjatament dan il-qafas;

31. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jfittxu data b'evidenza konklużiva ta' reati relatati mal-evażjoni tat-taxxa minn reġistri oħrajn miżmuma mill-gvern, bħal bażijiet tad-data dwar vetturi, artijiet, jottijiet u assi oħra, u jaqsmu dan ma' Stati Membri oħra u l-Kummissjoni;

32. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu implimentati strateġiji ġodda u li jsir użu aktar effiċjenti mill-istrutturi eżistenti tal-UE sabiex tiġi miġġielda aħjar il-frodi tal-VAT, speċjalment frodi karusell; f’dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kunsill biex jadotta u jimplimenta fil-pront id-Direttiva li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT;

33. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex ikomplu u jaġġornaw, taħt il-Programm Fiscalis 2020 il-ġdid, il-kontrolli simultanji sabiex jiskopru u jiġġieldu l-frodi tat-taxxa transfruntiera, u biex jiffaċilitaw il-preżenza ta’ uffiċjali barranin fl-uffiċċji ta’ amministrazzjonijiet tat-taxxa u matul inkjesti amministrattivi; jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni aktra qawwija bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u korpi oħra tal-infurzar tal-liġi, speċjalment bil-għan li jiskambjaw l-informazzjoni miksuba fir-rigward ta’ investigazzjonijiet marbuta ma’ ħasil tal-flus u reati tat-taxxa relatati;

34. Ifakkar li l-eliminazzjoni tal-ekonomija informali ma tistax isseħħ mingħajr ma jiġu offruti inċentivi xierqa; jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-Istati Membri jridu jirrappurtaw, permezz ta’ tabella ta' valutazzjoni, sa liema punt irnexxielhom inaqqsu l-ekonomiji informali tagħhom;

35. Jappoġġja l-isforzi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) biex tintroduċi Identifikaturi ta’ Entità Ġuridika bħala pass biex ikunu żgurati t-traċċabilità u trasparenza ta’ tranżazzjoni finanzjarja, li għandhom parti ewlenija fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa;

36. Jinnota li l-eliminazzjoni tal-privileġġi fiskali tista’ tagħti lok għall-implimentazzjoni ta’ riformi komprensivi li jwasslu għal sistema fiskali sempliċi, ġusta u li tinftiehem;

37. Jinnota li l-proċedimenti legali kontra l-frodi tat-taxxa huma kkumplikati u jieħdu fit-tul, u li dawk li jinstabu ħatja, fl-aħħar, jirċievu sentenzi relattivament ħfief, li jbiddlu l-frodi tat-taxxa f'reat pjuttost ħieles mir-riskji;

38. Jenfasizza l-potenzjal għall-gvern elettroniku li jżid it-trasparenza u jiġġieled il-frodi u l-korruzzjoni, b’hekk jgħin biex jiġu protetti l-fondi pubbliċi; jisħaq fuq il-bżonn ta' leġiżlazzjoni li tippermetti l-innovazzjoni kontinwa;

39. Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza b'mod speċifiku l-problema tal-iżbilanċi ibridi bejn is-sistemi tat-taxxa differenti użati fl-Istati Membri;

40. Jinnota, madankollu, li billi l-VAT huwa "riżorsa proprja", l-evażjoni tat-taxxa f'dak il-qasam għandu infuwenza diretta kemm fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri kif ukoll il-baġit tal-UE;ifakkar li, skont il-Qorti tal-Awdituri, "l-evażjoni tal-VAT taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Istati Membri;" din għandha impatt fuq il-baġit tal-UE minħabba li twassal għal Riżorsi Proprji aktar baxxi bbażati fuq il-VAT; dan it-telf huwa kkumpensat mir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, li jfixkel il-kontribuzzjonijiet individwali tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE. Barra minn hekk, il-frodi tat-taxxi ddgħajjef il-funzjonament tas-suq intern u tostakola l-kompetizzjoni leali'[7];

41 Jinnota li s-sistema tal-VAT tal-UE tipprovdi parti sinifikanti mid-dħul pubbliku – 21 % fl-2009[8] - imma hija wkoll il-kawża ta' livelli għoljin kemm ta' spejjeż ta' konformità mhux neċessarji kif ukoll ta' evitar tat-taxxa;

42. Jinnota li minn mindu ġie introdott il-VAT, il-mudell għall-ġbir tiegħu baqa' ma nbidilx; jenfasizza li billi dan il-mudell huwa antik, minħabba l-ħafna tibdil li sar fl-ambjent teknoloġiku u ekonomiku, il-fatt li jibqa' jintuża jwassal għal telf sostanzjali;

43. Jenfasizza li t-tħaddim korrett tas-sistema doganali għandu konsegwenzi diretti fir-rigward tal-kalkolu tal-VAT; jinsab imħasseb sew li l-kontrolli doganali fl-UE mhux qed jaħdmu kif suppost, li jirriżultaw f'telf sinifikanti ta' VAT[9]; jidhirlu li hija inaċċettabbli li f'ħafna mill-Istati Membri, l-awtoritajiet tat-taxxa ma għandhomx aċċess dirett għad-data doganali u li għalhekk mhuwiex possibbli li jkun hemm kontrokontrolli awtomatizzati mad-data tat-taxxi; jinnota li l-kriminalità organizzata hija konxja sew tan-nuqqasijiet tas-sistema attwali;

44. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jwaqqfu miżuri li jippermettu l-użu soċjali mill-ġdid ta’ fondi konfiskati bi proċeduri kriminali f’każijiet ta’ frodi tat-taxxa u evitar tat-taxxa; għalhekk jitlob sabiex parti sostanzjali mill-fondi konfiskati jerġgħu jintużaw għal skopijiet soċjali u sabiex jerġgħu jiġu injettati fl-ekonomiji lokali u reġjonali li jkunu affetwati minn reati tat-taxxa direttament jew indirettament;

45. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawmu ambjent fejn ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-espożizzjoni ta’ każijiet ta’ frodi tat-taxxa u rifuġji fiskali ikun kompletament protett, fost l-oħrajn bit-twaqqif ta’ sistemi effettivi għall-protezzjoni ta’ żvelaturi u sorsi ġurnalistiċi;

Dwar l-evitar tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva

46. Jistieden lill-Istati Membri, bħala kwistjoni ta’ prijorità, jadottaw u jimplimentaw id-Direttiva dwar it-Tfaddil emendata sabiex jiġu eliminati n-nuqqasijiet tad-Direttiva eżistenti u tiġi evitata l-evażjoni tat-taxxa b'mod aħjar;

47. Jilqa' d-diskussjonijiet internazzjonali dwar l-aġġornament tal-linji gwida tal-OECD dwar l-ipprezzar ta’ trasferimenti, jiġifieri ċ-ċaqliq ta’ profitti ta’ rifuġji fiskali sabiex tkun evitata t-taxxa kemm f’pajjiżi żviluppati u kemm f’dawk li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jieħdu azzjoni immedjata, u jirrevedu r-regoli attwali dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti, b’mod partikolari b’rabta maċ-ċaqliq ta’ riskji u assi intanġibbli, il-qsim artifiċjali tas-sjieda ta’ assi bejn entitajiet legali fi grupp, u tranżazzjonijiet bejn dawn l-entitajiet li rari jseħħu bejn entitajiet indipendenti; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa s-sistema ta’ ftehim minn qabel ta’ prezzijiet applikabbli għall-ipprezzar ta’ trasferiment, fejn għandu jiżdied rekwiżit ġdid mal-obbligi eżistenti taħt il-linji gwida tad-Dokumentazzjoni dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment tal-UE. jissuġġerixxi li d-dokumentazzjoni, kif ukoll ir-rekwiżiti għad-dikjarazzjoni tat-taxxa, għandhom ikunu usa' għal tranżazzjonijiet ma’ ġurisdizzjonijiet fuq il-"lista s-sewda";

48. Jilqa’ l-progress magħmul fuq ir-rapportar pajjiż b’pajjiż skont id-Direttivi dwar il-Kontabilità u t-Trasparenza; jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi, bħala l-pass li jmiss, rappurtar ta' pajjiż b'pajjiż għal kumpaniji transfruntieri fis-setturi kollha, billi tiżdied it-trasparenza ta' tranżazzjonijiet tal-pagamenti – billi jinħtieġ żvelar tal-informazzjoni bħan-natura tal-attivitajiet tal-kumpaniji u l-post ġeografiku tagħhom, id-dħul, in-numru ta' impjegati fuq bażi ekwivalenti għal "full-time", il-profitt jew it-telf qabel it-taxxa, it-taxxa fuq il-profitt jew it-telf, u s-sussidji pubbliċi rċevuti fuq bażi ta' pajjiż b'pajjiż għall-kummerċjalizzazzjoni ta' grupp fis-sħuħija tiegħu – sabiex jiġi mmonitorjat ir-rispett għal regoli xierqa għall-ipprezzar ta' trasferiment;

49. Jitlob biex il-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus tiġi kkumplimentata billi jiġi introdott l-obbligu li jinħolqu reġistri tal-gvern disponibbli għall-pubbliku tas-sjieda ta' benefiċċji ta' kumpaniji, trusts, fondazzjonijiet u strutturi legali simili oħrajn;

50. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-effettività tal-Kodiċi tal-Kondotta għat-tassazzjoni tal-intrapriżi billi jitkellmu fil-livell tal-Kunsill fejn jinħtieġu deċiżjonijiet politiċi mill-aktar fis; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintervjeni b’mod attiv f’każijiet fejn il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta ma jkunx jista’ jaqbel dwar proċeduri biex jitneħħew id-diskrepanzi fis-sistemi tat-taxxa nazzjonali;

51. Jistieden lill-Kummissjoni tħejji u tippromwovi Kodiċi tal-Kondotta għall-awdituri u l-konsulenti; jistieden lid-ditti tal-awditjar biex javżaw lill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali dwar kwalunkwe sinjal ta’ pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva mill-kumpanija awditjata;

52. Huwa tal-opinjoni li l-awdituri m'għandhomx ikunu permessi li jipprovdu servizzi mhux tal-awditjar ipprojbiti, u li servizzi ta’ konsultazzjoni dwar it-taxxa relatati ma’ tranżazzjonijiet ta’ strutturar u konsultazzjoni tat-taxxa għandhom jitqiesu bħala tali;

53. Jirrimarka li l-identifikazzjoni xierqa tal-kontribwenti hija kruċjali biex jirnexxi l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-ħolqien ta’ numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tal-UE (TIN), applikabbli għall-persuni ġuridiċi u naturali kollha impenjati fi tranżazzjonijiet transkonfinali; huwa tal-opinjoni li t-TIN għandu jkun marbut ma’ bażi tad-dejta internazzjonali u miftuħa għal Sistema ta’ Skambju tal-Informazzjoni tal-VAT (VIES), li jassisti fl-identifikazzjoni ta’ taxxi mhux imħallsa u responsabilitajiet oħra evitati;

54. Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2013 tippreżenta proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji u d-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties bil-għan li jiġu riveduti u allinjati l-klawżoli anti/abbuż fiż-żewġ Direttivi u biex tiġi eliminata n-nontassazzjoni doppja faċilitata minn entitajiet ibridi u strumenti finanzjarji fl-UE;

55. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw rapidament il-proposta tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta' Regola Ġenerali Kontra l-Abbużi biex tikkumbatti l-prattiki ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, u jinkludu klawżola fil-Konvenzjonijiet dwar it-Taxxa Doppja tagħhom biex jimpedixxu l-okkorrenzi ta' nontassazzjoni doppja; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinjoraw kwalunkwe benefiċċju tat-taxxa li jirriżulta minn arranġamenti artifiċjali jew dawk li huma neqsin minn sustanza kummerċjali; jissuġġerixxi li jinbeda x-xogħol fuq is-sett ta’ regoli standard għall-Istati Membri għall-prevenzjoni ta’ tassazzjoni doppja;

56. Jilqa’ x-xogħol tal-Kummissjoni biex toħloq kodiċi Ewropew għall-kontribwenti; huwa tal-opinjoni li dan il-kodiċi għandu jgħin biex din is-sistema ta’ taxxa tkun iżjed leġittima u faċli biex tinftiehem, iżid il-kooperazzjoni, il-fiduċja u l-kunfidenza bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-kontribwenti, u jassisti lill-kontribwenti billi jiżgura trasparenza akbar fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom;

57. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi għall-ġbir tad-dħul li jimminimizzaw id-distanza bejn kontribwenti u awtoritajiet tat-taxxa, u jimmassimizzaw l-użu ta’ teknoloġija moderna; jistieden lill-Kummissjoni biex tittratta l-punti kumplessi tal-intaxxar ta’ kummerċ elettroniku permezz tal-iżvilupp ta’ standards tal-UE xierqa;

58. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-pressjoni li ssir fis-settur finanzjarju, li spiss tirriżulta fl-evitar tat-taxxa legali u skemi ta’ pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva, issir trasparenti kemm jista’ jkun;

59. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tirregola l-flussi finanzjarji li jgħaddu l-Istati Membri lejn stati li mhumiex membri fl-UE għall-iskop ta’ evitar ta’ taxxa u biex joħolqu qafas fiskali kompetittiv u bilanċjat;

60. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni fuq unitajiet ta’ kumpaniji għall-pjanifkazzjoni ta’ taxxa aggressiva, b’mod partikolari fis-settur tas-servizzi finanzjarji;

61. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi dettaljata tad-differenza eżistenti, fl-Istati Membri, bejn ir-rati legali u r-rati attwali tat-taxxa tal-kumpaniji sabiex jiġi żgurat li d-dibattitu dwar l-armonizzazzjoni fiskali tkun ibbażata fuq dejta oġġettiva;

62. Jistieden lill-Istati Membri biex jinnotifikaw u jippubblikaw deċiżjonijiet tat-taxxa individwali pubbliċi minn awtoritajiet nazzjonali għal kumpaniji transfruntieri; jinsisti li l-Istati Membri japplikaw rekwiżiti ta’ sustanza stretti għal kumpaniji transfruntieri sabiex jiksbu deċiżjonijiet tat-taxxa;

63. Josserva li filwaqt li t-trusts sikwit jintużaw bħala mezzi għall-evażjoni tat-taxxa, jinnota bi tħassib li l-maġġoranza tal-pajjiżi ma jirrikjedux reġistrazzjoni ta’ arranġamenti legali; jistieden lill-UE sabiex tintroduċi reġistru Ewropew għal trusts u entitajiet tas-segretezza oħra, bħala prerekwiżit sabiex ikun trattat l-evitar tat-taxxa;

Dwar ir-rifuġji fiskali

64. Jitlob approċċ komuni tal-UE fil-konfront tar-rifuġji fiskali;

65. Jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta definizzjoni ċara u sett komuni ta' kriterji biex tidentifika r-rifuġji fiskali, kif ukoll miżuri xierqa li japplikaw għal ġurisdizzjonijiet identifikati, għall-implimentazzjoni sal-31 ta' Diċembru 2014, u biex jiġi żgurat li dan huwa applikat b'mod konsistenti fil-leġiżlazzjoni kollha tal-UE; jissuġġerixxi li d-definizzjoni tkun ibbażata fuq l-istandards tal-OECD dwar it-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni kif ukoll fuq il-prinċipji u l-kriterji tal-Kodiċi ta' Kondotta; jemmen, f'dan ir-rigward, li ġurisdizzjoni trid titqies bħala rifuġju fiskali jekk jiġi sodisfatt numru kbir mill-indikaturi li ġejjin:

(i)    il-vantaġġi jingħataw biss lil dawk mhux residenti jew skont it-tranżazzjonijiet li jsiru ma’ dawk mhux residenti,

(ii)   il-vantaġġi huma separati mis-suq domestiku, sabiex ma jaffettwawx il-bażi għat-taxxa nazzjonali,

(iii)   il-vantaġġi jingħataw anke mingħajr ebda attività ekonomika reali jew preżenza ekonomika sostanzjali fil-ġurisdizzjoni li toffri tali vantaġġi fiskali,

(iv)  ir-regoli għad-determinazzjoni tal-profitt fir-rigward ta’ attivitajiet fi grupp ta’ kumpaniji multinazzjonali jkunu differenti minn prinċipji aċċettati internazzjonalment, l-aktar ir-regoli mifthiema fl-OECD,

(v)   il-miżuri tat-taxxa jkunu nieqsa mit-trasparenza, inkluż meta d-dispożizzjonijiet ġuridiċi jkunu inqas stretti fil-livell amministrattiv b’mod mhux trasparenti,

(vi)  il-ġurisdizzjoni ma timponi l-ebda taxxa jew taxxi nominali fuq id-dħul relevanti,

(vii)  jeżistu liġijiet jew prattiki amministrattivi li ma jippermettux l-iskambju effettiv tal-informazzjoni għal raġunijiet ta’ taxxa ma’ gvernijiet oħra dwar kontribwenti li jibbenefikaw minn nuqqas ta’ tassazzjoni jew tassazzjoni nominali, li jiksru l-istandards stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni dwar il-Mudell tat-Taxxa tal-OECD dwar id-Dħul u l-Kapital,

(viii) il-ġurisdizzjoni toħloq strutturi mhux trasparenti u sigrieti li jrendu mhux kompleti u mhux trasparenti l-formazzjoni u l-ħidma ta’ reġistri tal-kumpaniji u reġistri ta’ trusts u fondazzjonijiet,

(ix)  il-ġurisdizzjoni tkun elenkata bħala Pajjiż u Territorju Nonkooperattiv mill-FATF;

66. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiġbor flimkien u toħloq lista sewda Ewropea pubblika ta’ rifuġji fiskali sal-31 ta' Diċembru 2014; f'dan il-kuntest, jistieden lill-awtoritajiet relevanti:

–   biex jissospendu jew itemmu l-Konvenzjonijiet eżistenti dwar it-Taxxa Doppja mal-ġurisdizzjonijiet li qegħdin fuq il-lista sewda, u jagħtu bidu għal Konvenzjonijiet dwar it-Taxxa Doppja ma’ ġurisdizzjonijiet li ma jibqgħux jagħmluha ta’ rifuġji fiskali;

–   biex jipprojbixxu l-aċċess għall-akkwist pubbliku tal-UE ta’ prodotti u servizzi u biex jirrifjutaw l-għoti ta' għajnuna statali lil kumpaniji bbażati f’ġurisdizzjonijiet fuq il-"lista s-sewda",

–   biex jipprojbixxu l-aċċess għall-għajnuna statali u tal-UE għal kumpaniji li jkomplu jagħmlu operazzjonijiet li jinvolvu entitajiet li jagħmlu parti mill-ġurisdizzjonijiet fuq il-"lista s-sewda",

–   biex jirrevedu d-Direttivi tal-Awditjar u tal-Kontabilità biex jiġu rikjesti kontabilità u awditjar separati tal-profitti u t-telf ta’ kull kumpanija azzjonarja ta’ entità ġuridika tal-UE partikolari li tkun tinsab f’ġurisdizzjoni inkluża f’din il-lista sewda,

–   biex jipprojbixxu istituzzjonijiet finanzjarji u konsulenti finanzjarji tal-UE milli jistabbilixxu jew ikollhom sussidjarji u fergħat fil-ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda u biex iqisu li jirrevokaw il-liċenzji għal istituzzjonijiet finanzjarji u konsulenti finanzjarji Ewropej, li jkollhom fergħat u jkomplu joperaw f'ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda,

–   biex jintroduċu imposta speċjali fuq it-tranżazzjonijiet kollha minn u lejn ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda,

–   biex jiżguraw it-tneħħija tal-eżenzjonijiet mit-tassazzjoni fis-sors għal individwi li mhumiex residenti għal raġunijiet ta' taxxa f'ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda,

–   biex jeżaminaw firxa ta' għażliet, fl-UE, għan-nuqqas ta' rikonoxximent tal-istatus legali ta' kumpaniji mwaqqfa f'ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda;

–   biex japplikaw ostakli tariffarji f'każijiet ta' kummerċ ma' pajjiżi terzi fuq il-lista s-sewda,

–   biex isaħħu d-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment sabiex jiġi żgurat li l-investiment ma jingħatax għal proġetti, benefiċjarji u intermedjarji minn ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda;

Dimensjoni internazzjonali

67. Huwa tal-opinjoni li l-istandards minimi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta’ governanza tajba għandhom japplikaw b’mod espliċitu għall-Istati Membri wkoll;

68. Iħeġġeġ lill-Istati Membri joffru kooperazzjoni u assistenza lil pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw li mhumiex rifuġji fiskali, billi jgħinuhom jindirizzaw b’mod effettiv il-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa b’mod partikolari permezz ta’ miżuri ta’ bini ta’ kapaċità; jappoġġja s-sejħa tal-Kummissjoni li għal dan l-għan l-Istati Membri għandhom jissekondaw esperti tat-taxxa f’pajjiżi bħal dawn għal perjodu ta’ żmien limitat;

69. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkontribwixxi bis-sħiħ għall-iżvilupp ulterjuri tal-proġett tal-Erożjoni ta’ Bażi u Ċaqliq tal-Profitt (BEPS) tal-OECD permezz tal-kondiviżjoni tal-analiżi dwar skemi ta’ taxxa problematiċi fi u bejn Stati Membri, u dwar liema bidliet huma meħtieġa fil-livelli tal-Istati Membri u tal-UE sabiex ikunu evitati l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, kif ukoll kwalunkwe forma ta’ pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment dwar dan il-proċess lill-Kunsill u lill-Parlament;

70. Jisħaq fuq il-ħtieġa li r-riżorsi tat-taxxa jiġu mmobilizzati u żgurati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs), peress li huma aktar prevedibbli u sostenibbli mill-assistenza barranija u jgħinu biex jitnaqqas id-dejn; iżda jinnota li l-proporzjonijiet tat-taxxa għall-PDG hija baxxa fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet soċjali, politiċi u amministrattivi biex jistabbilixxu sistema finanzjarja pubblika tajba, u dan jagħmilhom partikolarment vulnerabbli għall-attivitajiet ta' evażjoni u evitar tat-taxxa min-naħa ta' kontribwenti u korporazzjonijiet individwali;

71. Jirrimarka li l-flussi illeċiti huma spjegazzjoni ewlenija għad-dejn ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva tmur kontra l-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva;

72. Jinnota li s-sistemi tat-taxxa f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw mhumiex konformi mal-istandards internazzjonali (minflok juru ġurisdizzjoni fiskali dgħajfa u ineffiċjenzi fl-amministrazzjoni tat-taxxa, livelli għolja ta' korruzzjoni, kapaċità insuffiċjenti biex jintroduċu u jżommu sistemi tat-taxxa li jaħdmu sew, eċċ.); jistieden lill-UE tgħolli l-livell ta' assistenza tagħha fi ħdan il-kompetenza tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) f'termini ta' governanza fiskali u fl-indirizzar tal-frodi tat-taxxa internazzjonali u tal-ottimizzazzjoni eċċessiva, billi tibni l-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jindividwaw u jieħdu passi kontra prattiki mhux xierqa permezz ta' kooperazzjoni akbar fil-governanza tat-taxxa; iqis ukoll li għandu jiġi pprovdut appoġġ għar-rikonverżjoni ekonomika ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma rifuġji fiskali;

73. Jilqa' l-ewwel passi li ttieħdu bl-evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-Forum Globali (FG) fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa; jemmen, madankollu, illi peress li jiffokaw fuq l-iskambju ta' informazzjoni "fuq talba" tal-OECD, l-istandards tal-Forum Globali mhumiex se jkunu effettivi fit-tnaqqis tal-flussi finanzjarji illeċiti;

74. Jirrimarka li, peress li jsaħħu approċċ bilaterali għal kwistjonijiet tat-taxxa transnazzjonali – pjuttost milli wieħed multilaterali – il-ftehimiet dwar it-taxxa doppja (DTA) jirriskjaw li jinkoraġġixxu l-prezzijiet ta' trasferiment u l-arbitraġġ regolatorju; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tevita milli tippromwovi tali ftehim, minflok il-ftehim għal skambju tal-informazzjoni tat-taxxa (TIEAs), għax tal-ewwel ġeneralment jirriżulta f'telf fiskali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' rati tat-taxxa minn ras il-għajn aktar baxxi fuq pagamenti ta' dividendi, interessi u royalties;

75. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-OECD u lill-Kumitat tal-Esperti tan-NU dwar Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet ta’ Taxxa, lill-Kumitat Superviżorju tal-OLAF u l-OLAF.

  • [1]  Testi adottati, P7_TA(2012)0137
  • [2]  ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 37
  • [3]  Testi adottati, P7_TA(2012)0135.
  • [4]  ĠU C 341E , 16.12.2010, p. 29.
  • [5]  http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/tax_fraud_evasion/index_en.htm
  • [6]  Regolament (EU) No .../2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri li qegħdin jesperjenzaw, jew huma mhedda, b'diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro.
  • [7]  Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 13/2011, p. 11, paragrafu 5.
  • [8]  Parlament Ewropew, Direttorat-Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku A (Politika Ekonomika u Xjentifika): ‘Simplifying and Modernising VAT in the Digital Single Market’ (IP/A/IMCO/ST/2012_03), Settembru 2012, http://www.europarl.europa.eu/committees/en/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=75179
  • [9]  Skont il-Qorti tal-Awdituri, fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 13/2011, sabet li l-applikazzjoni tal-proċedura doganali 42 biss irrappreżentat telf estrapolat fl-2009 ta’ madwar EUR 2 200 miljun fir-rigward tas-seba’ Stati Membri vverifikati mill-Qorti, li jirrappreżenta 29 % tal-VAT applikabbli teoritikament fuq l-ammont taxxabbli tal-importazzjonijiet kollha li saru taħt il-proċedura doganali 42 fl-2009 f’dawk is-seba' Stati Membri;

NOTA SPJEGATTIVA

Diskrepanza fiskali Ewropea skandaluża

Huwa stmat li kull sena fl-UE jintilfu mat-EUR 1 triljun fi flus pubbliċi minħabba l-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa. Dan id-daqs allarmanti tad-diskrepanza fiskali jirrappreżenta spiża annwali ta' bejn wieħed u ieħor EUR 2,000 għal kull ċittadin Ewropew. Il-medja tat-taxxa mitlufa fl-Ewropa llum taqbeż l-ammont totali li l-Istati Membri jonfqu fil-kura tas-saħħa, u tammonta għal aktar minn erba' darbiet l-ammont li jintefaq fuq l-edukazzjoni fl-UE.

Id-diskrepanza fiskali attwali fl-Ewropa tirrappreżenta mhux biss telf allarmanti ta' dħul pubbliku iżda wkoll periklu għas-salvagwardja tal-mudell soċjali tal-UE bbażat fuq servizzi pubbliċi ta' kwalità disponibbli għal kulħadd. Hija theddida għall-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku u daqqa għall-effiċjenza u s-sens ta' ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa fl-UE. It-telf ta' dħul ikompli jgħolli l-livelli tad-defiċit u tad-dejn fl-Istati Membri proprju fl-aktar żmien kruċjali tal-ġlieda kontra l-kriżi. Minħabba l-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, il-fondi disponibbli għat-trawwim tal-investiment pubbliku, it-tkabbir u l-impjiegi qegħdin jonqsu ftit ftit.

Dan kollu fi żmien l-akbar kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali f'għexieren ta' snin, meta l-istabilizzaturi awtomatiċi tas-sistema ta' protezzjoni soċjali tal-istat huma rilevanti aktar minn qatt qabel biex jiġu żgurati t-tkabbir u l-koeżjoni soċjali. Wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll li tassazzjoni effettiva u progressiva għadha importanti fundamentalment għall-awtoritajiet pubbliċi fil-kompitu tagħhom li jissodisfaw l-obbligi tagħhom u jilħqu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħhom.

Parti kbira mil-likwidità mhux intaxxata qed tispiċċa f'attivitajiet ta' negozjar finanzjarju minflok fil-konsum u l-investiment pubbliku. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' koordinazzjoni tal-politiki fiskali fl-UE jwassal għal spejjeż u piżijiet amministrattivi sinifikanti għaċ-ċittadini u n-negozji li joperaw transkonfinalment fl-UE, u jista' jikkawża nontassazzjoni jew iwassal għall-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa. Illum numru dejjem akbar ta' negozji u individwi Ewropej isibu ruħhom fi żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma' dawk li jsibu modi kif jevitaw li jħallsu s-sehem dovut tagħhom. Konsegwentement, l-iskala tal-frodi tat-taxxa u tal-evitar tat-taxxa tispiċċa tmewwet il-fiduċja taċ-ċittadini fil-ġustizzja u l-leġittimità tal-ġbir tat-taxxa u s-sistema tat-taxxa kollha kemm hi.

Barra minn hekk, pajjiżi li jgawdu minn programmi ta' assistenza, wara li intensifikaw il-ġbir tat-taxxi u eliminaw il-privileġġi skont il-proposti tat-Trojka, fl-aħħar snin raw ħafna mill-kumpaniji l-kbar tagħhom jitilqu biex igawdu privileġġi fiskali offruti minn pajjiżi oħra. Fil-każ tal-Greċja l-Kummissjoni kkalkulat li mas-EUR 60 biljun ċċaqalqu minn banek Griegi għal banek Svizzeri mill-bidu tal-2012.

Il-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, għalhekk, jirrappreżentaw problema serja u b'bosta aspetti, li titlob approċċ koordinat fil-livelli nazzjonali, tal-UE u internazzjonali. Billi l-Istati Membri għandhom il-kompetenza fir-rigward tas-sistemi fiskali tagħhom, azzjoni fil-livell nazzjonali hija importanti. Iżda fl-ekonomija globalizzata tal-lum, bin-natura transkonfinali tal-frodi tat-taxxa u tal-evitar tat-taxxa flimkien mal-isforzi tal-Istati Membri biex iżommu l-kompetittività, miżuri nazzjonali unilaterali waħedhom sempliċement ma jistgħux jagħtu l-effett mixtieq. Għalhekk, il-konċentrazzjoni kollha għandha tkun fuq l-istabbiliment ta' strateġija fiskali Ewropea koeżiva, konkreta u komuni, imħaddna u implimentata mill-Istati Membri kollha.

Mira ewlenija: It-tnaqqis bin-nofs tad-diskrepanza fiskali sal-2020

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għal reazzjoni aktar effettiva tal-UE għall-evażjoni u l-evitar tat-taxxa kif ukoll rakkomandazzjonijiet immirati biex iħeġġu lill-Istati Membri jieħdu azzjoni immedjata u koordinata kontra r-rifuġji fiskali u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva huma passi fid-direzzjoni t-tajba. Sabiex l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għall-mira ambizzjuża u realistika li sal-2020 titnaqqas id-diskrepanza fiskali bin-nofs, inizjattiva li għandha tippermettilhom jiġġeneraw gradwalment dħul ġdid mit-taxxa – fil-livell ta' diversi mijiet ta' biljuni ta' euro fis-sena – mingħajr ma jgħollu r-rati tat-taxxa, il-Kummissjoni teħtieġ tieħu passi ulterjuri u tiżviluppa strateġija dettaljata, ibbażata fuq azzjonijiet leġiżlattivi konkreti, biex tnaqqas id-diskrepanza fiskali tal-UE.

Fi kliem ieħor, impenn qawwi biex titnaqqas id-diskrepanza fiskali għandu jikkontribwixxi għall-istabilizzazzjoni meħtieġa tas-swieq finanzjarji billi titnaqqas b'mod sinifikanti l-likwidità disponibbli għan-negozjar finanzjarju li mhuwiex relatat mal-attività ekonomika reali. Dan għandu jżid ukoll id-dħul pubbliku disponibbli għal miżuri ta' konsolidament fiskali filwaqt li jittaffew l-effetti ta' awsterità. Ikun garantit ukoll il-forniment tar-riżorsi meħtieġa sabiex jiżdied l-investiment pubbliku mmirat lejn it-tisħiħ tal-kompetittività internazzjonali u l-potenzjal għat-tkabbir tal-UE. Barra minn hekk, għandhom jitjiebu l-effiċjenza u s-sens ta' ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa nazzjonali fl-UE u tissaħħaħ il-konformità fiskali ġenerali.

L-Istati Membri għandhom jonoraw l-impenn tagħhom li "jirrikonoxxu l-importanza tat-teħid ta' passi effettivi fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa, anki fi żminijiet ta' restrizzjonijiet baġitarji u ta' kriżi ekonomika" kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tat-13 ta' Novembru 2012; L-ewwel pass għandu jkun l-involviment f'negozjati serji u l-finalizzazzjoni tal-proposti leġiżlattivi miftuħin kollha li jirrigwardaw kwistjonijiet ta' frodi tat-taxxa, evitar tat-taxxa u rifuġji fiskali. L-adozzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni hija meħtieġa.

Proposti biex tintlaħaq il-mira ewlenija

Pass importanti 'l quddiem huwa t-tisħiħ tal-użu tas-Semestru Ewropew billi l-istrateġija dwar id-diskrepanza fiskali tal-UE tiġi integrata fil-programmi ta' stabilità u tkabbir nazzjonali annwali u l-programmi ta' riforma nazzjonali;

Fejn jidħlu miżuri li jindirizzaw il-frodi tat-taxxa jew l-evażjoni tat-taxxa (attività illegali fejn issir evażjoni tat-taxxa dovuta) l-Istati Membri għandhom jallokaw riżorsi adegwati lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali u l-persunal tal-awditjar tat-taxxa tagħhom. Ir-Rapporteur tagħkom tipproponi wkoll li l-Istati Membri jirrevokaw il-liċenzji bankarji ta' istituzzjonijiet finanzjarji jekk dawn jassistu b'mod attiv fil-frodi tat-taxxa billi joffru prodotti u/jew servizzi lill-klijenti li jippermettulhom jevadu t-taxxa jew jekk jirrifjutaw li jikkooperaw mal-awtoritajiet tat-taxxa. Barra minn hekk, ir-Rapporteur tagħkom hija favur bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva obbligatorja kif ukoll l-iżvilupp ta' strateġiji ġodda kontra l-frodi tal-VAT u indirizzar aktar strett tal-frodi tat-taxxa permezz tal-prosekuzzjoni skont il-liġi kriminali, fejn il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha ma' korpi tal-infurzar tal-liġi oħra tal-UE, b'mod partikolari mal-awtoritajiet responsabbli mill-ħasil tal-flus, il-ġustizzja u s-sigurtà soċjali. Fir-reviżjoni tat-Tielet Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus (AMLD), ir-reati tat-taxxa għandhom jissemmew espliċitament bħala reati relatati mal-ħasil tal-flus.

L-evitar tat-taxxa jirrappreżenta n-naħa l-oħra tal-problema u huwa l-użu legali iżda mhux xieraq tar-reġim tat-taxxa biex wieħed jieħu vantaġġ personali billi jnaqqas jew jevita t-taxxa dovuta minnu, u għalhekk jeħtieġ sett ta' azzjonijiet differenti. Dan huwa marbut mill-qrib mal-kunċett tal-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, fejn korporazzjonijiet kbar iwettqu pjanifikazzjoni tat-taxxa estensiva, billi jixxiftjaw il-profitti b'mod artifiċjali biex inaqqsu kemm jista' jkun ir-rata tat-taxxa effettiva tagħhom u jnaqqsu t-taxxa dovuta minnhom. Ir-Rapporteur tagħkom tixtieq tara titjib fl-ambitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tfaddil sabiex tintemm effettivament is-segretezza bankarja u tqis li wasal iż-żmien li l-Lussemburgu u l-Awstrija jirtiraw l-oppożizzjoni tagħhom għal ftehim effettiv mal-Isvizzera. Barra minn hekk, il-ħtiġiet ta' rapportar pajjiż b'pajjiż għall-kumpaniji transkonfinali huma fundamentali biex jinkixef l-evitar tat-taxxa korporattiva u r-Rapporteur tagħkom temmen li l-Kummissjoni għandha tintroduċi rapportar pajjiż b'pajjiż għall-kumpaniji transkonfinali fis-setturi kollha, li jkun jeħtieġ l-iżvelar tal-informazzjoni dwar il-kummerċ ta' grupp kollu kemm hu sabiex jitwettaq monitoraġġ ta' kemm ikunu qegħdin jiġu rispettati r-regoli xierqa tal-ipprezzar tat-trasferimenti. Tinħtieġ ukoll azzjoni ulterjuri biex jittejbu l-identifikazzjoni tal-kontribwenti, l-intaxxar tal-kummerċ elettroniku u l-effiċjenza tal-mekkaniżmi tal-ġbir tad-dħul mit-taxxa, tiżdied it-trasparenza tar-reġistri tal-kumpaniji u r-reġistri tat-trusts kif ukoll biex tittejjeb l-effettività tal-Kodiċi tal-Kondotta għat-tassazzjoni tal-intrapriżi u ta' Kodiċi ta' Kondotta ġdid għall-awdituri u l-konsulenti.

Dwar il-kwistjoni tar-rifuġji fiskali, ir-Rapporteur tagħkom tappella għal approċċ Ewropew komuni, mill-Istati Membri kollha, fil-konfront tar-rifuġji fiskali. Stati Membri li l-bażi tat-taxxa tagħhom tkun ġiet affettwata ħażin minħabba miżuri fiskali mhux trasparenti jew ta' ħsara min-naħa ta' rifuġji fiskali, normalment jikkunsidraw diversi passi maħsuba biex jimpedixxu każijiet bħal dawn. Ir-reazzjoni tal-kontribwenti f'okkażjonijiet bħal dawn bosta drabi tkun li jibdew jgħaddu n-negozju jew it-tranżazzjonijiet minn Stat ieħor b'livell aktar baxx ta' protezzjoni. Għalhekk fl-UE l-protezzjoni globali tad-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri hija effettiva daqs ir-reazzjoni l-aktar dgħajfa ta' kwalunkwe Stat Membru. Għaldaqstant it-triq 'il quddiem għandha tkun f'approċċ Ewropew komuni. Biex tiġi żgurata l-effiċjenza ta' approċċ bħal dan, ir-Rapporteur tagħkom tistieden lill-Kummissjoni biex fl-istrateġija tagħha dwar id-diskrepanza fiskali tal-UE tinkludi definizzjoni ċara ta' rifuġji fiskali, sett ta' kriterji komuni biex jiġu identifikati r-rifuġji fiskali, kif ukoll miżuri adatti li japplikaw għall-ġurisdizzjonijiet identifikati. Ir-Rapporteur tagħkom tmur pass lil hinn minn dan u tipproponi li d-definizzjoni ta' rifuġji fiskali tkun ibbażata fuq il-kriterji tal-Forum Globali u tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta. Fl-opinjoni tar-Rapporteur tagħkom, il-ħolqien ta' lista sewda Ewropea għandha twassal għas-sospensjoni jew it-tmiem ta' Konvenzjonijiet dwar it-Taxxa Doppja li xi Stati Membri stabbilixxew ma' ġurisdizzjonijiet identifikati bħala rifuġji fiskali u mniżżlin fil-lista sewda Ewropea. Fl-aħħar nett, ir-Rapporteur tagħkom tixtieq ukoll tara lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema ta' inċentivi għall-ġurisdizzjonijiet li jibdew negozjati bilaterali mal-UE wara li jkunu ġew imniżżlin fil-lista sewda u titlob lill-Istati Membri jneħħu pajjiżi terzi mil-lista sewda Ewropea jekk ma jibqgħux jagħmluha ta' rifuġji fiskali. Huwa importanti li jsir sforz favur azzjonijiet ta' prevenzjoni wkoll, fejn kooperazzjoni u assistenza aktar mill-qrib ma' pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw, u li mhumiex rifuġji fiskali, jistgħu jgħinuhom jiġġieldu b'mod effettiv il-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (24.4.2013)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u r-rifuġji tat-taxxa
(2013/2060(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Eva Joly

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li r-riżorsi tat-taxxa jiġu mmobilizzati u żgurati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jintlaħqu l-MDGs, peress li huma aktar prevedibbli u sostenibbli mill-assistenza barranija u jgħinu biex jitnaqqas id-dejn; jinnota, madankollu, li l-proporzjonijiet tar-riżorsi tat-taxxa għall-PDG huma baxxi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet soċjali, politiċi u amministrattivi biex jistabbilixxu sistema finanzjarja pubblika tajba, u dan jagħmilhom partikolarment vulnerabbli għall-attivitajiet ta' evażjoni u evitar tat-taxxa minn kontribwenti individwali u korporazzjonijiet;

2.  Jirrimarka li l-ħruġ illeċitu tal-kapital huwa spjegazzjoni ewlenija għad-dejn ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li l-pjanifikazzjoni tat-taxxi aggressiva tmur kontra l-prinċipji tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva;

3.  Jinnota li s-sistemi tat-taxxa f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw mhumiex konformi mal-istandards internazzjonali (ġurisdizzjoni fiskali dgħajfa u ineffiċjenzi fl-amministrazzjoni tat-taxxa, livell għoli ta' korruzzjoni, nuqqas ta' kapaċità biex jintroduċu u jżommu reġistri tat-taxxa li jaħdmu tajjeb, eċċ.); jistieden lill-UE tgħolli l-livell ta' assistenza tagħha fi ħdan il-kompetenza tad-DCI u l-FEŻ f'termini ta' governanza tat-taxxa u fl-indirizzar tal-frodi tat-taxxa internazzjonali u tal-ottimizzazzjoni eċċessiva, billi tibni l-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jindividwaw u jieħdu passi kontra prattiki mhux xierqa permezz ta' kooperazzjoni akbar fil-governanza tat-taxxa; iqis ukoll li għandu jiġi pprovdut appoġġ għar-rikonverżjoni ekonomika ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma rifuġji tat-taxxa;

4.  Jilqa' l-ewwel passi li ttieħdu bl-evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-Forum Globali fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa; jemmen, madankollu, li peress li jiffokaw fuq l-iskambju ta' informazzjoni "fuq talba" tal-OECD, l-istandards tal-Forum Globali mhumiex se jkunu effikaċi fit-tnaqqis tal-flussi finanzjarji illeċiti;

5.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippromwovi l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni bħala l-istandard tal-futur Ewropew u internazzjonali għat-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni fi kwistjonijiet ta' taxxa; jitlob mill-ġdid azzjoni li tmur lil hinn mill-qafas tal-OECD biex jiġu indirizzati l-flussi finanzjarji illeċiti, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fid-dawl tan-nuqqasijiet varji tagħhom; jiddeplora l-fatt li l-OECD tippermetti li l-gvernijiet jevitaw il-lista s-sewda tagħha sempliċiment billi jwiegħdu li se jaderixxu mal-prinċipji ta' skambju ta' informazzjoni, mingħajr ma tiżgura li dawn il-prinċipji effettivament jitqiegħdu fil-prattika; iqis ukoll li r-rekwiżit li jikkonkludu ftehimiet ma' 12-il pajjiż ieħor sabiex jitneħħew minn fuq il-lista s-sewda huwa wieħed arbitrarju, peress li ma jirreferi għall-ebda indikatur kwalitattiv għal valutazzjoni oġġettiva tal-konformità mal-prattiki ta' governanza tajba;

6.  Jiddeplora wkoll il-laxkezza tal-istandards tal-Forum Globali rigward il-kwalità tal-informazzjoni li għandha tinżamm (eż. nuqqas ta' rekwiżit dwar divulgazzjoni tas-sjieda benefiċjarja); nuqqas ta' mezzi legali kontra rifjut jew dewmien fl-għoti ta' informazzjoni fuq talba; dipendenza fuq aġenti privati, pjuttost milli fuq ir-reġistri pubbliċi, għall-informazzjoni, eċċ.); jemmen li l-proċess tal-evalwazzjoni bejn il-pari tal-Forum Globali jkun ħafna aktar effikaċi jekk ikunu involuti esperti esterni fl-istadji kollha tiegħu;

7.  Jitlob, għal darb'oħra, li jkun hemm ftehim multilaterali ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar it-taxxa li jkun vinkolanti fuq livell internazzjonali, li għandu jkopri wkoll it-trusts u l-fondazzjonijiet, u jinkludi sanzjonijiet għall-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx u għall-istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw mar-rifuġji tat-taxxa; iħeġġeġ lill-UE tadotta miżuri simili għall-Att tal-Istati Uniti biex jintemm l-abbuż tar-rifuġji tat-taxxa (Stop Tax Haven Abuse Act) u tqis il-possibilità li l-liċenzji bankarji ta’ istituzzjonijiet finazjarji li joperaw mar-rifuġji fiskali jiġu rtirati; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi lista sewda Ewropea tar-rifuġji tat-taxxa bbażata fuq kriterji stretti u tipproponi reġimi ta' sanzjonijiet Ewropej fil-każ ta' nuqqas ta' konformità, jew kooperazzjoni msaħħa jekk approċċ tal-UE ma jkunx possibbli;

8.  Ifakkar li t-tisħiħ tat-trasparenza fi kwistjonijiet ta' taxxa jinkludi l-identifikazzjoni ta' sidien u benefiċjarji ta' kumpaniji, fondi fiduċjarji u fondazzjonijiet;

9.  Jinnota li l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus huma ffaċilitati minn Fornituri ta' Servizzi lil Trusts u Kumpaniji (TCSP), peress li jippermettu t-twaqqif ta' strutturi li jwasslu biex is-sidien benefiċjarji ma jkunux responsabbli għall-azzjonijiet u l-obbligi tagħhom, inkluż lejn l-awtoritajiet tat-taxxa, il-kredituri u l-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; hu tal-fehma li t-TCSPs għandu jkollhom l-obbligu li jwettqu diliġenza dovuta biex tiġi stabbilita informazzjoni preċiża dwar is-sjieda benefiċjarja skont ir-regoli kontra l-ħasil tal-flus; iqis ukoll li l-kumpaniji għandhom jitħallew jintegraw f'ġurisdizzjoni biss jekk ikollhom sustanza ekonomika sinifikanti fi ħdan il-ġurisdizzjoni (pereżempju, il-persunal u l-bejgħ);

10. Josserva li t-trusts sikwit jintużaw bħala mezzi ta' evażjoni tat-taxxa; jinnota bi tħassib, madankollu, li l-maġġoranza tal-pajjiżi ma jirrikjedux reġistrazzjoni ta' arranġamenti legali; jistieden lill-UE tintroduċi reġistru Ewropew għal trusts u entitajiet sigrieti oħra, bħala prerekwiżit għat-trattament tal-evitar tat-taxxa;

11. Jirrimarka li skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) l-ammont stmat ta' ħasil ta' flus kull sena fid-dinja hu ta' 2 - 5 % tal-PDG globali, jew bejn USD 800 biljun u 2 triljun;

12. Jisħaq li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni hi parti integrali tal-bini ta' kapaċità għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Merida kontra l-Korruzzjoni (2003);

13. Jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni biex ir-reati tat-taxxa jissemmew bħala reati marbuta mal-ħasil tal-flus, f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-2012 maħruġa mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF); iħeġġeġ lill-UE ssaħħaħ it-trasparenza tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u l-proċeduri tad-diliġenza dovuta mal-klijent fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (AML); jisħaq fuq armonizzazzjoni fl-UE kollha tar-reat tal-ħasil tal-flus, u jitlob li jiġu implimentati b'mod sħiħ l-istandards tal-FATF, permezz ta' monitoraġġ effikaċi u sanzjonijiet kredibbli;

14. Jenfasizza li l-ipprezzar kummerċjali ħażin huwa waħda mill-forzi ewlenin ta' flussi ta' ħruġ finanzjarji illeċiti, iżda jinnota l-limitazzjonijiet, il-kumplessitajiet u d-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-prinċipju tad-distakkament f'din il-kwistjoni, b'mod partikolari għal pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq proposti konkreti biex tiżgura li l-G20, l-OECD, in-NU u d-WTO jikkunsidraw sett usa' ta' indikaturi u metodi biex jiġi affrontat l-ipprezzar kummerċjali ħażin, li fosthom hemm "il-metodi ta' qligħ kumparabbli" tal-Istati Uniti li jirriżulta li huma promettenti għad-determinazzjoni tal-ipprezzar inkorrett tat-tranżazzjonijiet;

15. Jirrimarka li billi jsaħħu approċċ bilaterali għal kwistjonijiet ta' taxxa transnazzjonali – pjuttost milli wieħed multilaterali – il-ftehimiet dwar it-taxxa doppja (DTA) jirriskjaw li jinkoraġġixxu l-prezzijiet ta' trasferiment u l-arbitraġġ regolatorju; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tevita li tippromwovi ftehimiet bħal dawn, minflok ftehimiet ta' skambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa (TIEAs), peress li dawn normalment jirriżultaw f'telf ta' taxxa għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba rati ta' taxxa minn ras il-għajn (withholding tax) aktar baxxi fuq pagamenti ta' dividendi, imgħax u royalties;

16. Jinnota bi tħassib li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw isibu ruħhom f'pożizzjoni ta' negozjar dgħajfa ħafna fir-rigward ta' xi investituri diretti barranin li jkunu qed ifittxu sussidji u eżenzjonijiet tat-taxxa; iqis li fil-każ ta' investimenti mdaqqsa, il-kumpaniji għandu jkollhom l-obbligu li jieħdu impenji preċiżi dwar l-effetti konsekwenzjali pożittivi tal-proġett f'termini ta' żvilupp ekonomiku u soċjali lokali u/jew nazzjonali;

17. Jenfasizza li t-trasparenza insuffiċjenti fir-rapportar finanzjarju ta' intrapriżi multinazzjonali (MNEs) huwa fattur ewlieni li jiffaċilita l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fuq livell internazzjonali; jinsisti li l-UE tħabrek għar-reviżjoni tal-istandards tal-kontabbiltà attwali fil-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB) u għall-introduzzjoni ta' rapportar regolari pajjiż b'pajjiż bħala standard internazzjonali tar-rapportar finanzjarju għall-MNEs.

18. Ifakkar li l-possibilità li min jikser il-liġijiet tat-taxxa jinqabad u jittieħdu passi kontrih jiddependi ħafna fuq id-data disponibbli u fuq il-kwalità tad-data; jenfasizza li strateġija kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa għandha tinvolvi miżuri fil-livell kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali, bħal fil-każ ta' żvelar ta' prattiki ta' pprezzar ħażin ta' kumpanija, li jirrikjedi skambju transkonfinali ta' informazzjoni li jiffunzjona sew bejn l-amministraturi tat-taxxa nazzjonali, l-awdituri u l-awtoritajiet pubbliċi barranin;

19. Jistieden lill-UE tavvanza l-livell tal-assistenza teknika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex tindirizza l-manipulazzjoni tal-prezzijiet ta' trasferiment, u biex iżżid il-kooperazzjoni tagħha dwar kwistjonijiet ta' taxxa billi tħeġġeġ lill-Forum Afrikan tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa (ATAF) biex isaħħaħ il-mobilizzazzjoni tat-taxxa u l-governanza demokratika fl-Afrika;

20. Jenfasizza li, f'kuntest fejn id-dħul mill-esportazzjoni jvarja skont il-fluttwazzjoni tal-prezzijiet tal-materja prima, huwa importanti li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jingħataw spazju biex iżidu l-kapaċità tagħhom li jilqgħu għax-xokkijiet esterni u jimplimentaw pjanijiet ta' azzjoni kontroċikliċi biex jagħtu spinta lill-ekonomija, billi jingħataw il-possibilità li jużaw għodod bħat-tassazzjoni fuq l-esportazzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.4.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Andreas Pitsillides, Jean Roatta, Michèle Striffler, Alf Svensson, Keith Taylor, Patrice Tirolien, Ivo Vajgl, Anna Záborská, Iva Zanicchi

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Guerrero Salom, Cristian Dan Preda, Judith Sargentini, Jan Zahradil

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Victor Boştinaru

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (23.4.2013)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u r-rifuġji fiskali
(2013/2060(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Bart Staes

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

Kunsiderazzjonijiet globali

1.  Jinnota li bejn wieħed u ieħor qed jintilef EUR 1 triljun fl-evażjoni u l-evitar tat-taxxa kull sena fl-UE, skont l-istimi mfassla mill-Kummissjoni; jenfasizza li f'termini globali, l-ispiża totali tal-evażjoni tat-taxxa fl-UE hija ogħla mit-total tal-baġits kollha għall-kura tas-saħħa fl-Unjoni, u li jekk l-evażjoni tat-taxxa tista' titwaqqaf, id-defiċits kollha tal-UE jkunu jistgħu jitħallsu fi 8.8 snin biss[1];

2.  Jenfasizza li sistema fiskali sempliċi u trasparenti tista’ tippermetti li jiġu eliminati l-ostakli burokratiċi u amministrattivi u b’hekk tnaqqas l-ispejjeż tal-ġbir tat-taxxi;

3.  Jinnota li l-eliminazzjoni tal-privileġġi fiskali tista’ tagħti lok għall-implimentazzjoni ta’ riformi komprensivi li jwasslu għal sistema fiskali sempliċi, ġusta u li tinftiehem;

4.  Jinnota li d-definizzjoni ta' rifuġji fiskali ma għadhiex aġġornata u li mezzi (semi-)legali biex jiġu evitati jew imnaqqsa l-obbligazzjonijiet ta' taxxa qed isiru aktar u aktar komuni fl-Istati Membri: per eżempju, it-trasferimenti biss minn "kumpaniji postbox" ġewwa u li jgħaddu mill-Pajjiżi l-Baxxi huma stmati li jammontaw għal EUR 8000 biljun fis-sena;

5.  Jenfasizza li evażjoni tat-taxxa u evitar tat-taxxa massivi minn kumpaniji ikbar għandhom effett devastanti fuq id-dixxiplina tal-ħlas tat-taxxi ta' kumpaniji iżgħar u wkoll ta' individwi għax jagħmlu l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa jidhru bħala n-norma aċċettata u huma fost l-oħrajn minħabba din l-evażjoni tat-taxxa li huwa introdott piż tat-taxxa addizzjonali fuq l-individwi u l-kumpaniji; jenfasizza li l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa huma ffaċilitati minn sistemi ta' tassazzjoni kumplessi u mhux trasparenti, u li leġiżlazzjoni tat-taxxa mhux trasparenti toffri lill-impriżi u l-individwi, permezz ta' interpretazzjoni flessibbli tal-liġijiet tat-taxxa, opportunitajiet biex inaqqsu l-piż tat-taxxa tagħhom stess b'detriment għal oħrajn;

6.  Jenfasizza li kumpaniji li jużaw l-evażjoni tat-taxxi bħala strateġija ta' negozju (ħafna minnhom iżgħar u aktar flessibbli) jakkwistaw vantaġġ kompetittiv mhux ġust fuq il-kumpaniji estroversi li ma jistgħux jużaw prattiki simili u b'hekk, eventwalment, ifixklu l-kompetittività tal-Istati Membri;

7.  Jaqbel mas-sejbiet ippreżentati fir-rapport tal-OECD "Addressing Base Erosion and Profit Shifting"[2] dwar il-bżonn li jerġa' jiġi interpretat il-kunċett tal-istabbiliment permanenti bħala l-bażi primarja għat-tassazzjoni; iqis li, bħala prinċipju ġenerali, it-tassazzjoni għandha ssir fejn ikunu saru l-attivitajiet ekonomiċi li jiġġeneraw id-dħul (il-prinċipju ta' "oriġini ta' ġid");

8.  Jinnota li l-proċedimenti legali kontra l-frodi tat-taxxa huma kkumplikati u jieħdu fit-tul, u li dawk li jinstabu ħatja, fl-aħħar, jirċievu sentenzi relattivament ħfief, li jbiddlu l-frodi tat-taxxa f'reat pjuttost ħieles mir-riskji;

9.  F'dan ir-rigward jinsisti fuq il-bżonn li jissaħħaħ il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea għat-teħid u l-konfiska ta' assi, inkluż f'każijiet ibbażati fuq in-nuqqas ta' kundanna, permezz tat-teħid ta' proprjetà li ġiet stabbilita li kienet ir-rikavat ta' reat jew il-mezz li bih sar reat skont il-kriterji ċivili, u bi qbil mal-prinċipju "Segwi l-Flus";

10. Jappoġġja s-sejħa mill-OECD u l-G20 għal pjan ta' azzjoni globali u komprensiv ibbażat fuq analiżi fid-dettall tal-prattiki identifikati tal-erożjoni tal-bażi u ċ-ċaqliq tal-profitt bil-għan li jiġu pprovduti soluzzjonijiet konkreti biex jerġgħu jiġu allinjati l-istandards internazzjonali mal-ambjent tan-negozju globali attwali;

11. Jenfasizza li l-ġurnaliżmu investigattiv indipendenti għandu jitħeġġeġ għax għandu rwol importanti biex jiġu żvelati l-iskemi ta' frodi, ta' korruzzjoni u ta' kriminalità organizzata;

12. Jinsab imħasseb sew dwar l-ammont kbir ta' attivitajiet finanzjarji offshore, kif żvelat f'April permezz tal-"Offshore leaks"; jenfasizza li EUR 16-25 triljun huwa stmat li huma moħbija f'rifuġji fiskali u b'hekk iddevjati miċ-ċirkwiti finanzjarji normali; minħabba l-impatt ta' dawk il-prattiki fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jistieden lill-Kunsill biex jieħu miżuri urġenti ħalli jelimina l-possibilitajiet għad-devjazzjoni tal-kapital mill-Istati Membri lejn rifuġji fiskali, bħal talba obbligatorja ta' awtorizzazzjoni minn qabel għal kwalunkwe istituzzjoni bankarja li tittrasferixxi u/jew tirċievi assi finanzjarji lejn/minn rifuġji fiskali;

13. Jenfasizza l-potenzjal għall-gvern elettroniku li jżid it-trasparenza u jiġġieled il-frodi u l-korruzzjoni u b’hekk jgħin biex jiġu protetti l-fondi pubbliċi; jisħaq fuq il-bżonn ta' leġiżlazzjoni li tippermetti l-innovazzjoni kontinwa; jenfasizza li l-UE għadha lura meta mqabbla mas-sħab industrijali tagħha, fost l-oħrajn minħabba nuqqas ta’ interoperabilità tas-sistemi[3]; jenfasizza li l-UE trid iżżid l-isforzi tagħha biex tintroduċi forom ta' ġenerazzjoni li jmiss tal-gvern elettroniku li jipprovdu aktar trasparenza fil-finanzi pubbliċi u tħeġġeġ il-konnessjoni f'ħin reali tat-tranżazzjonijiet tan-negozji mal-awtoritajiet tat-taxxi sabiex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxi;

14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza b'mod speċifiku l-problema tal-iżbilanċi ibridi bejn is-sistemi tat-taxxa differenti fl-Istati Membri;

15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżommu lura milli jikkonkludu ftehim tat-taxxa bilaterali ma' pajjiżi terzi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha biex tikkonkludi ftehim tat-taxxa bejn l-UE fis-sħuħija tagħha u pajjiżi terzi; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex teżamina jekk il-ftehimiet tat-taxxa bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi jħeġġux l-evitar tat-taxxa minn kumpaniji minn Stati Membri oħrajn u biex tressaq proposti, inkluża r-reviżjoni ta' kwalunkwe ftehim bħal dan, li jindirizzaw din il-kwistjoni;

16. Jissuġġerixxi, safrattant, li qabel ma jiġi ffirmat jew finalment konkluż ftehim tat-taxxa bilaterali, it-test għandu jitressaq quddiem il-Kummissjoni, li trid tifformula opinjoni pubblika u motivata fi żmien xahar;

17. Itenni l-importanza tar-rappurtar ta' pajjiż b'pajjiż minn kumpaniji mdaħħla f'attivitajiet transkonfinali, u jenfasizza li dan jgħodd ukoll għall-istituzzjonijiet finanzjarji;

18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jiddiskutu kif l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni rigward il-bażi fiskali korporattiva tista' tiġi żviluppata aktar, fost l-oħrajn bil-għan li jiġi indirizzat l-evitar tat-taxxi u biex jiġi regolarment informat il-Parlament dwar dawn id-diskussjonijiet u l-konklużjonijiet li joħorġu minnhom;

19. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti li jevitaw lil kumpaniji li jkunu nstabu ħatja ta' evażjoni tat-taxxi milli jidħlu għal sejħiet ta' offerti u jirċievu sussidji Ewropej;

Taxxa fuq il-valur miżjud

20. Jinnota madankollu li, billi l-VAT huwa 'riżorsa proprja', l-evażjoni tat-taxxa f'dak il-qasam verament għandha influwenza diretta kemm fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri kif ukoll il-baġits tal-UE; ifakkar li, skont kliem il-Qorti tal-Awdituri, 'l-evażjoni tal-VAT taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Istati Membri. Għandha impatt fuq il-baġit tal-UE għax twassal għal Riżorsi Proprji bbażati fuq il-VAT aktar baxxi. Dan it-telf huwa kkumpensat mir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, li joħloq distorsjoni għall-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri individwali għall-baġit tal-UE. Barra minn hekk, il-frodi tat-taxxi tfixkel il-funzjonament tas-suq intern u xxekkel il-kompetizzjoni ġusta'[4];

21. Jinnota li s-sistema tal-VAT tal-UE tipprovdi parti sinifikanti mid-dħul pubbliku – 21 % fl-2009[5] – imma hija wkoll il-kawża ta' livell għoli kemm ta' spejjeż ta' konformità mhux neċessarji kif ukoll ta' evitar tat-taxxa;

22. Jinnota li minn mindu ġie introdott il-VAT, il-mudell biex dan jinġabar baqa' ma nbidilx; jenfasizza li billi dan il-mudell qdiem, minħabba l-ħafna bidliet li saru fl-ambjent teknoloġiku u ekonomiku, l-użu kontinwu tiegħu iwassal għal telf sostanzjali;

23. Jenfasizza li n-nuqqasijiet fil-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri jdgħajfu l-implimentazzjoni korretta tal-qafas regolatorju tal-VAT tal-UE, jiffaċilitaw l-attivitajiet tal-fordi u tal-kriminalità organizzata u jwasslu għal telf sinifikanti bħal dak osservat minħabba l-applikazzjoni eteroġenja tal-proċedura doganali 42; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' konsistenza fl-ipproċessar tan-numri tal-ID tal-VAT fil-livell doganali; huwa tal-opinjoni li Numru ta' Identifikazzjoni tat-Taxxa Ewropew iwassal għal trasparenza u uniformità akbar fl-immaniġġjar tal-proċedura doganali 42; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tniedi kemm jista' jkun malajr il-valutazzjoni tal-impatt tagħha dwar il-kwistjoni;

24. Jiddeplora l-fatt li għadhom ibbukklati fil-Kunsill żewġ inizjattivi importanti bil-għan li jiġġieldu l-frodi tal-VAT, b'mod partikolari l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta' mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT (COM(2012)0428) u l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fil-konfront ta’ fornimenti ta’ ċerti oġġetti u servizzi li jistgħu ikunu suġġetti għal frodi (COM(2009)0511);

25. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposta li tippermetti li jibdew negozjati dwar ftehimiet bilaterali bejn pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE bil-għan li tiġi stabbilita sistema ta' kooperazzjoni amministrattiva obbligatorja effettiva fil-qasam tal-VAT;

Dwana

26. Jenfasizza li t-tħaddim korrett tas-sistema doganali għandu konsegwenzi diretti fir-rigward tal-kalkolu tal-VAT; jinsab imħasseb sew li l-kontrolli doganali fl-UE mhux qed jaħdmu kif suppost, li jirriżultaw f'telf sinifikanti ta' VAT[6]; jidhirlu li hija inaċċettabbli li, f'ħafna mill-Istati Membri, l-awtoritajiet tat-taxxa ma għandhomx aċċess dirett għad-data doganali u li għalhekk mhuwiex possibbli li jkun hemm kontrokontrolli awtomatizzati mad-data tat-taxxi; jinnota li l-kriminalità organizzata hija konxja sew tan-nuqqasijiet tas-sistema attwali;

27. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma kinux kapaċi jiżguraw implimentazzjoni f'waqtha tal-Kodiċi Doganali Modernizzat; jisħaq fuq il-fatt li hu stmat li l-benefiċċji ekonomiċi li ntilfu minħabba d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-kodiċi doganali l-ġdid jammontaw għal madwar EUR 2,5 biljun fi ffrankar operattiv annwali fl-ispejjeż ta' konformità mal-iskema sħiħa, u għal massimu ta' EUR 50 biljun fis-suq kummerċjali internazzjonali estiż[7];

28. Iqis li – fid-dawl tar-rapport 2011 tal-OLAF u l-ħarsa ġenerali tiegħu dwar il-progress fl-azzjonijiet ġuridiċi f'azzjonijiet maħluqa bejn l-2006-2011, skont liema aktar minn nofs l-azzjonijiet qed jistennew deċiżjoni ġuridika – għandha tingħata attenzjoni speċjali għal każijiet relatati mal-frodi doganali, li hija fost l-oqsma bl-ogħla rati ta' korruzzjoni sistematika fl-Ewropa[8];

29. Jiddispjaċih li, mill-ammonti vasti mħallsa lill-Unjoni fuq il-bażi tal-ftehimiet mill-kumpaniji tat-tabakk ewlenin, jintużaw biss 9.7 % għal miżuri u programmi kontra l-frodi filwaqt li d-90.3 % li jibqa' jiżdiedu bħala dħul għall-baġits rispettivi tal-Istati Membri mingħajr ma jiġu assenjati b'mod ċar għal programmi u attivitajiet relatati mal-ġlieda kontra l-frodi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.4.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zigmantas Balčytis, Zuzana Brzobohatá, Andrea Češková, Tamás Deutsch, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ingeborg Gräßle, Monica Luisa Macovei, Jan Mulder, Eva Ortiz Vilella, Monika Panayotova, Crescenzio Rivellini, Theodoros Skylakakis, Bart Staes, Michael Theurer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Cornelis de Jong, Karin Kadenbach, Ivailo Kalfin, Derek Vaughan

  • [1]  "Closing the European Tax Gap", Rapport għall-Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Socjalisti u d-Demokratici fil-Parlament Ewropew minn Richard Murphy FCA, Riċerka dwar it-Taxxa fir-Renju Unit, http://www.socialistsanddemocrats.eu/gpes/media3/documents/3842_EN_richard_murphy_eu_tax_gap_en_120229.pdf
  • [2]  OECD (2013) Addressing Base Erosion and Profit Shifting, Pubblikazzjoni tal-OECD, http://dx.doi.org/10.1787/9789264192744-en
  • [3]  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Aġenda Diġitali għall-Ewropa, (COM (2010)245).
  • [4]  Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 13/2011, p. 11, paragrafu 5.
  • [5]  Il-Parlament Ewropew, Direttorat-Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku A (Politika Ekonomika u Xjentifika): "Simplifying and Modernising VAT in the Digital Single Market" (IP/A/IMCO/ST/2012_03), Settembru 2012, http://www.europarl.europa.eu/committees/en/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=75179
  • [6]  Skont ir-Rapport Speċjali Nru 13/2011 tal-Qorti tal-Awdituri, fl-2009, l-applikazzjoni tal-proċedura doganali 42 biss irrappreżentat telf estrapolat ta’ madwar EUR 2 200 miljun fir-rigward tas-seba’ Stati Membri awditjati, li jirrappreżenta 29 % tal-VAT applikabbli teoritikament fuq l-ammont taxxabbli tal-importazzjonijiet kollha li saru taħt il-proċedura doganali 42 fl-2009 f’dawk is-seba' Stati Membri;
  • [7]  Il-Parlament Ewropew, Direttorat-Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku A (Politika Ekonomika u Xjentifika): "Roadmap to Digital Single Market" (IP/A/IMCO/NT/2012-13), Awwissu 2012, http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201209/20120914ATT51402/20120914ATT51402EN.pdf
  • [8]  "Dokument Tematiku dwar Oqsma ta' korruzzjoni sistematika fl-amministrazzjoni pubblika tal-Istati Membri u miżuri sabiex jingħeleb l-effett negattiv tiegħu għall-UE, Kumitat għall-Kriminalità Organizzata, il-Korruzzjoni u l-Ħasil tal-Flus", Novembru 2012

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.4.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Besset, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Diogo Feio, Elisa Ferreira, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Sławomir Nitras, Ivari Padar, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Sampo Terho, Marianne Thyssen

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Fabrizio Bertot, Herbert Dorfmann, Sari Essayah, Krišjānis Kariņš, Olle Ludvigsson, Sirpa Pietikäinen, Nils Torvalds

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

María Auxiliadora Correa Zamora, Iratxe García Pérez, Hubert Pirker