RAPPORT dwar il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur

17.5.2013 - (2012/2299(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Marian-Jean Marinescu

Proċedura : 2012/2299(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0172/2013
Testi mressqa :
A7-0172/2013
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur

(2012/2299(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar "Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur" (COM(2012)0556),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ajru skont it-Trattat ta' Lisbona[1],

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-reviżjoni tal-ftehim ta' qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea ("il-Ftehim ta' Qafas")[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar il-ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar l-Istabbiliment ta' Żona Ewropea ta' Avjazzjoni Komuni[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2006 dwar l-iżvilupp tal-aġenda tal-politika barranija tal-avjazzjoni tal-Komunità[5],

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 90, 100(2) u 218,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0172/2013),

A. billi l-avjazzjoni hija settur tal-ekonomija li kulma jmur qiegħed jikber b'rata mgħaġġla, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha, b'mod speċjali fl-Asja u fil-Lvant Nofsani;

B.  billi l-avjazzjoni għandha rwol importanti x'tiżvolġi biex tgħaqqad lin-nies u lill-impriżi kemm fl-Unjoni kif ukoll globalment, b'mod speċjali mas-swieq li qed jiżviluppaw;

C. billi t-tnaqqis tal-impjiegi implimentat u programmat mill-kumpanijie tal-ajru Ewropej mill-2012 jaqbeż l-20 000;

D. billi s-sħab soċjali tas-settur tal-avjazzjoni kkonkludew, fil-qafas tad-djalogu dwar l-effetti tal-kriżi globali fuq l-avjazzjoni ċivili li sar fid-29 ta' Jannar 2013, li tinħtieġ ġestjoni koordinata u globali f'livell internazzjonali;

E.  billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-2005 kellha rwol importanti fl-iżvilupp tal-politika esterna dwar l-avjazzjoni tal-Unjoni,

F.  billi l-iżviluppi matul l-aħħar seba' snin jirrikjedu reviżjoni ulterjuri,

Prinċipji ġenerali

1.  Jisħaq fuq il-progress li sar fil-ħolqien ta' suq reġjonali uniku u miftuħ fl-Unjoni u, fl-istess waqt, fuq il-bini ta' approċċ komuni Ewropew għall-politika esterna tagħha dwar l-avjazzjoni;

2.  Jilqa' favorevolment il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tagħti analiżi f'waqtha tas-sitwazzjoni attwali u tal-progress li nkiseb fil-politika esterna dwar l-avjazzjoni mill-2005, kif ukoll tal-isfidi li qiegħed iħabbat wiċċu magħhom is-settur tal-avjazzjoni tal-Unjoni f'suq globali tal-avjazzjoni estremament kompetittiv;

3.  Jissottolinja r-rwol fundamentali tas-settur tal-avjazzjoni għall-ekonomija tal-Unjoni, partikolarment f'termini ta' tkabbir u ta' impjiegi, billi tali settur isostni 'l fuq minn 5 miljun ħaddiem fl-Ewropa u jirrappreżenta 2,4 % tal-PDG tal-Unjoni, b'hekk jikkontribwixxi wkoll għall-konnettività tal-Unjoni mal-bqija tad-dinja; jisħaq fuq il-bżonn li jinżamm settur tal-avjazzjoni tal-Unjoni li jkun kompetittiv u b'saħħtu;

4.  Iqis li kien hemm progress importanti fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi u sistemi tal-Unjoni bħalma huma l-Ajru Uniku Ewropew (SES), ir-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), l-inizjattiva Clean Sky, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u s-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) għat-titjib tas-sigurtà u għas-sodisfaċiment tar-rekwiżiti tal-passiġġieri; iqis li aktar progress irid isir f'dawn l-oqsma;

5.  Hu mħasseb, b'danakollu, dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni ta' SES u SESAR, meta jitqiesu l-kostijiet mhux neċessarji li dan id-dewmien jimponi fuq il-linji tal-ajru u fuq il-klijenti tagħhom; isostni lill-Kummissjoni talli ħadet azzjoni punittiva kontra dawk l-Istati Membri li ma rrispettawx l-iskadenza ta' Diċembru 2012 u li naqsu milli jagħmlu progress fir-rigward tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-implimentazzjoni ta' SES u ta' SESAR; josserva li l-iżvilupp ta' SES, ladarba implimentat totalment, se joħloq opportunitajiet sinifikanti ta' impjieg, direttament u indirettament;

7.  Jisħaq fuq il-fatt li dawn il-programmi tal-Unjoni huma importanti mhux biss għas-suq intern imma wkoll għall-politika esterna; iqis li t-tkomplija u l-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti jgħinu l-konsolidament tal-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni fis-suq globali kompetittiv;

8.  Jenfasizza l-importanza tar-reviżjoni attwali tar-Regolament dwar tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u jappoġġa leġiżlazzjoni Ewropea soda u favorevoli ħafna għall-konsumaturi;

9.  Huwa konxju li l-impatt tal-kriżi finanzjarja jvarja bejn ir-reġjuni tad-dinja; iqis li dawn wassal biex il-kumpaniji tal-ajru tal-Unjoni qed iħabbtu wiċċhom mal-isfidi kompetittivi u li l-ftehimiet bilaterali tas-servizzi tal-ajru mhux dejjem l-aktar soluzzjoni xierqa fit-taqbida kontra r-restrizzjonijiet tas-suq jew is-sussidji inġusti;

10. Iqis li, minħabba l-impossibilità li titfassal politika esterna dwar l-avjazzjoni komprensiva minkejja l-isforzi matul dawn l-aħħar seba' snin, jeħtieġ li jiġi adottat, mill-aktar fis possibbli, approċċ tal-Unjoni aktar koordinat, b'objettivi aktar ambizzjużi, biex jinħolqu l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta u miftuħa;

11. Hu tal-fehma li l-konverġenza regolatorja Ewropea hi element ewlieni għal pożizzjoni Ewropea soda fis-suq dinji u għal interazzjonijiet mal-pajjiżi terzi;

Komunikazzjoni tal-2005 u riżoluzzjoni tal-Parlament

12. Jilqa' favorevolment il-progress li sar fir-rigward tat-tliet pilastri tal-politika tal-2005; il-prinċipju tad-deżinjazzjoni tal-Unjoni llum huwa rikonoxxut f'aktar minn 100 pajjiż terz; kważi 1 000 ftehim tas-servizzi tal-ajru ġew ikkonformati mad-dritt tal-Unjoni, b'hekk ġiet żgurata ċ-ċertezza tad-dritt; jiddispjaċih li s-sħab importanti, bħaċ-Ċina, l-Indja, l-Afrika t'Isfel, għadhom ma aċċettawx dawn il-prinċipji;

13. Jindika li l-implimentazzjoni tal-politika esterna tal-Unjoni dwar l-avjazzjoni għenet biex jiġi massimizzat il-potenzjal tas-suq uniku, billi aġevolat il-konsolidament tal-industrija tal-avjazzjoni tal-Unjoni f'mument li fih il-globalizzazzjoni tirrikjedi l-preżenza ta' atturi ekonomikament b'saħħithom biex jirreżistu għall-kompetizzjoni barranija;

14. Jenfasizza li ġie żviluppat Spazju Komuni tal-Avjazzjoni mal-pajjiżi ġirien; iqis li dawn il-ftehimiet ħolqu benefiċċji ekonomiċi importanti; jilqa' favorevolment l-isforzi notevoli li saru biex jiġu allinjati d-diversi oqfsa regolatorji mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f'oqsma bħas-sikurezza, is-sigurtà, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, l-ambjent, id-drittijiet tal-passiġġieri, ir-regolamentazzjoni ekonomika u l-aspetti soċjali;

15. Jilqa' favorevolment il-ftehim komprensiv fil-qasam tal-avjazzjoni konkluż bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-effetti pożittivi tiegħu fuq iż-żewġ ekonomiji, kif ukoll il-kważi 80 000 impjieg ġdid maħluqa fl-ewwel 5 snin;

16. Iqis li Politica Esterna tal-Unjoni b'saħħitha fil-qasam tal-avjazzjoni, fokalizzata fuq is-swieq emerġenti l-aktar importanti għar-rotot fuq distanza twil, partikolarment fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku, taf toffri opportunitajiet ekonomiċi ġodda għall-kumpaniji tal-ajru tal-Unjoni;

17. Jenfasizza li n-negozjati ma' xi sħab ewlenin, fosthom il-Brażil, għadhom għaddejjin u li l-ftehimiet tas-servizz tal-ajru fuq portata wiesgħa ma' tali pajjiżi jistgħu jipproduċu benefiċċji ekonomiċi notevoli;

18. Ifakkar li wħud mir-rikjesti ppreżentati fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-2006 għadhom iridu jiġu sodisfatti; jenfasizza, partikolarment, il-bżonn ta' promozzjoni ta' standards adegwati ta' sikurezza u sigurtà f'livell internazzjonali, biex jiġi assigurat trattament indaqs bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni u ta' pajjiżi terzi u jitrażżnu l-effetti fuq l-ambjent;

19. Jenfasizza l-importanza ta' strumenti bħall-Kumitat Konġunt intiż li jadotta approċċ komuni għall-problemi speċifiċi dwar is-settur tal-avjazzjoni;

20. Jilqa' pożittivament il-ksib tal-punti l-oħrajn imqajma fir-riżoluzzjoni tal-2006, bħall-estensjoni tar-responsabilitajiet tal-EASA;

Suq

21. Jikkonstata żieda notevoli tat-traffiku lejn, minn u fi ħdan ir-reġjun Asja-Paċifiku, li jirrifletti t-tendenza ta' tkabbir ekonomiku tar-reġjun; jinsab inkwetat dwar il-possibilità li, jekk l-ebda miżura ma tittieħed, il-kumpaniji tal-ajru u l-impriżi tal-Unjoni jistgħu jitilfu kemm opportunitajiet kbar minn din in-naħa tad-dinja kif ukoll il-kapaċità li jiġġeneraw profitti;

22. Josserva wkoll li l-pożizzjoni globali tat-trasportaturi tal-ajru mhux tal-Unjoni ssaħħet permezz ta' sussidji u permezz ta' investimenti pubbliċi importanti fis-settur tal-inġenji tal-ajru u tal-infrastrutturi li saru f'varji partijiet tal-Lvant Nofsani, tal-Lvant Imbiegħed u tal-Amerika t'Isfel;

23. Jisħaq fuq il-bidliet sinifikanti li saru fis-suq intern tal-Unjoni bis-saħħa taż-żieda tat-trasportaturi tal-ajru low-cost; iqis li, minkejja l-kompetizzjoni, iż-żewġ mudelli kummerċjali jistgħu jsibu l-mod kif jintegraw lil xulxin biex jegħlbu l-isfidi tas-suq estern;

24. Josserva li l-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru estremament baxxi li joffru xi kumpaniji tal-ajru low-cost Ewropej jiġu kkumpensati bi prattiki inġusti fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, bħal pereżempju standards baxxi soċjali u tad-dritt tax-xogħol għall-persunal; josserva wkoll li l-investimenti minimi fl-istandards tas-sikurezza u s-sussidji reġjonali mhux ġustifikati donnu li għandhom rwol f'dan l-iffissar tal-prezzijiet tal-biljetti;

25. Jindika li fost il-kumpaniji tal-ajru teżist kompetizzjoni qawwija min-naħa tat-trasportaturi low-cost, segment li jirrappreżenta 40 % tas-suq tal-avjazzjoni fl-Unjoni; jenfasizza li jekk Stat Membru rratifika l-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO l-kumpaniji tal-ajru jridu josservaw id-drittijiet fundamentali tal-konvenzjonijiet għal dak li jikkonċerna l-libertà ta' għaqda u r-rikonoxximent tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u tal-ftehimiet dwar il-pagi, u li f'dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi verifikat ir-rispett u jiġi sanzjonat il-ksur;

26. Jenfasizza l-importanza ta' hubs ajruportwali, inkluż l-iżvilupp ta' hubs sekondarji, hubs speċjalizzati u multi-hubbing, kif ukoll il-bżonn urġenti ta' investimenti fit-tul kemm mis-settur pubbliku kif anki minn dak privat fl-infrastrutturi ajruportwali bil-għan li tiżdied il-kapaċità, pereżempju permezz tal-bini ta' runways ġodda, u għal aktar użu effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti, inklużi l-ajruporti reġjonali, pereżempju fil-Mediterran u mal-fruntieri orjentali tal-Unjoni, bis-saħħa ta' allokazzjoni aħjar tal-islots ajruportwali;

27. Jinsisti fuq il-fatt li l-kompetittività tat-trasportaturi tal-Unjoni hija limitata fil-livell globali minn fatturi bħan-nuqqas ta' kundizzjonijiet ta' parità kkawżati minn, pereżempju, taxxi nazzjonali differenti, il-konġestjoni tal-ajruporti, il-livell għolji ta' kostijiet ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tat-tariffi ajruportwali, l-għajnuniet mill-Istat li jirċievu l-kompetituri, il-kost tal-emissjonijiet tal-karbonju, l-applikazzjoni ta' standards soċjali inqas stretti u regoli differenti fil-qasam tal-għajnuniet mill-Istato barra mill-Unjoni;

28. Iqis li dawn il-fatturi jirrappreżentaw ostakli potenzjali għat-tkabbir u għall-impjiegi.

29. Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi studju dwar id-disparitajiet fl-applikazzjoni ta' drittijiet, dazji, imposti u taxxi bejn l-Istati Membri u l-impatt tagħhom fuq il-prezz tal-biljetti u fuq il-profitti tal-kumpaniji tal-ajru, kif ukoll twettaq studju dwar għajnuna mill-Istat potenzjalment mogħtija mill-kompetituri fil-livell dinji u l-impatt tagħha fuq il-kumpaniji tal-ajru tal-Unjoni;

30. Jilqa' pożittivament ir-regoli Ewropej il-ġodda dwar is-sigurtà soċjali għall-ħaddiema mobbli;

Azzjonijiet futuri

31. Huwa tal-fehma li l-politika esterna dwar l-avjazzjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tar-reċiproċità, inklużi tal-aċċess għas-swieq, tal-ftuħ u tal-kompetizzjoni ġusta, b'kundizzjonijiet ekwi, u għandha jkollha żewġ objettivi ewlenin: toħloq benefiċċji għall-konsumaturi u l-impriżi u ssostni l-kumpaniji tal-ajru u l-ajruporti tal-Unjoni fl-isforz tagħhom li jissalvagwardaw il-pożizzjoni ta' tmexxija tagħhom fuq skala dinjija;

32. Jenfasizza, għaldaqstant, li l-ftehimiet fil-qasam tat-trasport bl-ajru mal-pajjiżi ġirien u mas-sħab li jaqsmu l-istess viżjoni jrid ikun fihom qafas ta' regolamentazzjoni għal kompetizzjoni ġusta;

33. Jappella għall-użu kontinwu ta' proċeduri għan-negozjar ta' ftehimiet komprensivi fis-settur tal-avjazzjoni f'livell tal-Unjoni, ibbażati fuq l-għaqda Ewropea u awtorizzati mill-Kunsill;

34. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tiddefendi l-interessi tal-Unjoni fil-qafas tal-ftehimiet u tipproponi u tikkondividi l-istandards, il-valuri u l-aħjar prattiki tal-Unjoni;

35. Jappella għal aktar kooperazzjoni u koordinament bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fin-negozjar ta' ftehimiet ta' servizzi tal-ajru mas-sħab ewlenin, bil-ħsieb li tiżdied l-influwenza tal-Unjoni u l-possibilitajiet tagħha li tikseb aċċess għal swieq ġodda;

36. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-kundizzjonijiet regolatorji għas-sikurezza, għas-sigurtà, għad-drittijiet tal-passiġġieri, għat-taħriġ u għaċ-ċertifikazzjoni tal-persunal fil-ftehimiet komprensivi;

37. Jistieden lill-Kummissjoni tikkonkludi n-negozjati mal-pajjiżi ġirien bħall-Ukraina, il-Libanu, it-Tuneżija, l-Ażerbajġan u l-Alġerija; jindika li l-prossimità ta' dawn il-pajjiżi u s-swieq tagħhom u t-tkabbir ekonomiku li seħħ fi wħud minnhom fi żminijiet reċenti jista' jitqies bħala opportunità ta' tkabbir għall-ajruporti reġjonali u sekondarji fl-Unjoni; hu tal-fehma li, minħabba l-ammont kbir ta' kapaċità fl-ajruporti reġjonali, tali ajruporti jistgħu jiżvolġu rwol fit-tnaqqis tal-konġestjoni fil-hubs ewlenin tal-Ewropa, u b'hekk jagħmluhom aktar kompetittivi fil-livell dinji;

38. Jistieden lill-Kunsill jagħti lill-Kummissjoni, abbażi ta' każ b'każ, mandati għan-negozjar ma' pajjiżi oħra tal-viċinat bħat-Turkija, l-Armenja u l-Libja;

39. Iqis li l-Unjoni għandha tadotta approċċ każ b'każ għar-relazzjonijiet tagħha mas-sħab ewlenin u jistieden lill-Kummissjoni tlesti, mill-aktar fis possibbli, n-negozjati għal ftehimiet tal-ajru komprensivi, inkluż mal-Awstralja u mal-Brażil, u lill-Kunsill jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja tali ftehimiet mal-ekonomiji li qegħdin jikbru malajr, bħaċ-Ċina, l-Indja u l-ASEAN u l-pajjiżi tal-Golf;

40. Hu tal-fehma li ftehim ġejjieni possibli fil-qasam tal-kummerċ u tal-investimenti bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti jolqot ukoll lis-settur tal-avjazzjoni; jikkunsidra, għaldaqstant, li l-Kummissjoni għandha tforni biżżejjed tagħrif biex in-negozjati li se jsiru dalwaqt jiġu monitorjati mill-qrib mill-Parlament;

41. Jissottolinja li jeħtieġ li jintlaħqu totalment l-objettivi definiti fil-ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru mas-sħab ewlenin, partikolarment l-Istati Uniti u l-Kanada, inkluża t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-proprjetà min-naħa ta' barranin u fuq il-kontroll tal-kumpaniji tal-ajru; jappella li jiġu adottati miżuri biex jingħeleb l-iżbilanċ attwali bejn il-kapaċità tal-kumpaniji tal-ajru tal-Unjoni li jagħmlu kabotaġġ fis-suq tal-Istati Uniti u l-kapaċità tal-kumpaniji tal-Istati Uniti li jagħmlu l-istess fl-Ewropa; jindika li l-investimenti internazzjonali inkroċjati jikkontribwixxu biex jagħtu spinta lid-dinamiżmu ekonomiku tas-settur tal-avjazzjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni trawwem qafas ġuridiku internazzjonali favorevoli għall-estensjoni u għas-sostenn ta' tali investimenti, kif ukoll li jservi biex jippromwovi politika attiva mmirata lejn id-definizzjoni ta' standards u prattiki tajba għall-investimenti internazzjonali;

42. Huwa tal-fehma li l-ftehimiet bilaterali jistgħu joffru kontribut importanti għall-iżvilupp ta' politika esterna dwar l-avjazzjoni, iżda jenfasizza, fl-istess waqt, l-importanza ta' approċċ tal-Unjoni komuni;

43. Jenfasizza l-importanza ta' kompetizzjoni ġusta u miftuħa fl-attivitajiet kollha konnessi mas-servizzi tal-ajru; jitlob l-inklużjoni ta' klawsoli ta' "kompetizzjoni ġusta" standard fil-ftehimiet bilaterali tas-servizzi tal-ajru;

44. Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi, u lill-Istati Membri japplikaw, ġabra minima ta' rekwiżiti ġuridiċi standard tal-Unjoni, b'mod partikolari rigward il-kooperazzjoni regolatorja, l-istandards tax-xogħol u ambjentali u d-drittijiet tal-passiġġieri, biex ikunu inklużi fil-ftehimiet bilaterali, b'għan ċar ta' ħolqien tal-opportunitajiet u ta' tneħħija tal-ostakoli għall-kumpaniji tal-ajru tal-UE;

45. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni urġenti jew is-sostituzzjoni tar-Regolament 2004/868/KE li jikkonċerna l-protezzjoni kontra l-issussidjar u l-atti mhux ġusti tal-prezzijiet li jikkawżaw preġudizzju lit-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità[6];

46. Jappoġġa l-proposti tal-Kummissjoni intiżi li jissalvagwardaw il-kompetizzjoni ħielsa u ġusta fir-relazzjonijiet u fil-ftehimiet mal-pajjiżi terzi u jiżviluppaw strumenti ġodda ta' difiża kummerċjali aktar idonei u effikaċi biex jindirizzaw il-prattiki inġusti bħad-diskriminazzjoni, l-applikazzjoni inkonsistenti tal-qafas regolatorju u n-nuqqas ta' trasparenza fir-rappurtar finanzjarju min-naħa ta' kumpaniji, li jista' jwassal għal tgħawwiġ fis-suq;

47. Jistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa fi djalogu mal-pajjiżi tal-Golf bl-għan li ttejjeb it-trasparenza u tissalvagwarda l-kompetizzjoni ġusta;

48. Josserva li l-Federazzjoni Russa tirrifjuta li tirrispetta l-ftehim dwar it-tneħħija gradwali tal-imposti fuq it-titjir fuq is-Siberja, ftehim milħuq fil-qafas tal-adeżjoni tal-Federazzjoni Russa mad-WTO fl-2011; iqis li, billi t-trasportaturi tal-Unjoni jinsabu f'kundizzjonijiet diskriminatorji fit-tul minħabba dawn l-imposti illegali ta' transitu, l-Unjoni jmissha tkun kapaċi tieħu miżuri reċiproċi, billi tiċħad jew tillimita t-transitu fuq it-territorju tagħha jew, fuq livell aktar ġenerali, billi tieħu kull miżura marbuta mal-użu tal-ispazju tal-ajru tal-Unjoni għat-trasportaturi tal-ajru tal-Federazzjoni Russa, bil-għan li tinċentiva lill-Federazzjoni Russa tneħħi l-imposti msemmija hawn fuq, li huma illegali billi jiksru l-ftehimiet internazzjonali (il-Konvenzjoni ta' Chicago); jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jeżaminaw miżuri possibbli biex jiżguraw reċiproċità fir-rigward tal-użu tal-ispazju tal-ajru bejn il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni;

49. Jenfasizza li politika ambizzjuża dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru tal-Unjoni tista' tagħti lill-kumpaniji tal-ajru tal-Unjoni vantaġġ ta' kwalità fuq il-kompetizzjoni globali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu aktar azzjoni intiża li tippromwovi l-istandards għolja tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u timmonitorja t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tagħhom;

50. Jistieden lill-Kummissjoni telabora, mill-aktar fis possibbli, qafas regolatorju ġdid għall-implimentazzjoni ta' SES, fuq il-bażi ta' approċċ minn fuq għal isfel, inkluż mekkaniżmu ta' kooperazzjoni aqwa bejn il-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru Ewropej, u toħloq il-kundizzjonijiet neċessarji biex tibda l-użu ta' SESAR;

51. Jistieden lill-Kunsill jadotta finalment pożizzjoni dwar ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni[7], li minkejja l-Parlament adottaha b'maġġoranza enormi ta' 96 %, għadha mblokkata mill-Kunsill;

52. Iqis li l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) tiżvolġi rwol importanti fl-iżvilupp ta' oqfsa regolatorji għas-settur tal-avjazzjoni globali, pereżempju fil-liberalizzazzjoni tal-proprjetà u tal-kontroll tal-kumpaniji tal-ajru u fil-garanzija tal-interoperabilità fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru; jinkoraġġixxi lill-ICAO tkompli tiżviluppa miżuri globali, orjentati lejn is-suq biex tnaqqas it-tniġġis akustiku mill-ajruporti u tillimita l-emissjonijiet ta' gass serra kollha rilevanti; iqis li huwa essenzjali li jintlaħaq mill-iktar fis possibbli qbil fi ħdan l-ICAO dwar approċċ globali;

53. Jappella li l-Kummissjoni tiġi fdata b'mandati ta' negozjar bil-għan li tiċċara u ssaħħaħ r-rappreżentanza tal-Unjoni fi ħdan l-ICAO;

54. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  Testi adottati, P7_ TA(2011)0251.
  • [2]  Testi adottati, P7_ TA(2010)0366.
  • [3]  Testi adottati, P7_ TA(2010)0239.
  • [4]  ĠU C 74E, 20.3.2008, p. 506
  • [5]  ĠU C 287E, 24.11.2006, p.18.
  • [6]  ĠU L 162, 30.4.2004, p. 1-7
  • [7]  COM(2009)0217 – C7–0038/2009 – 2009/0063(COD)

EXPLANATORY STATEMENT

L-avjazzjoni tiżvolġi rwol fundamentali fl-ekonomija Ewropea. Hija tipproduċi 365 biljun euro għall-PDG Ewropew u minnha jiddependu 5.1 miljun impjieg iżda, seba' snin wara l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar "l-iżvilupp tal-aġenda tal-politika barranija tal-avjazzjoni tal-Komunità", l-objettivi għadhom ma ntlaħqux.

Issa iktar minn qatt qabel wasal iż-żmien li jsir progress rapidu fis-settur tal-avjazzjoni Ewropea. Qegħdin jinbtu sfidi ekonomiċi ġodda f'reġjuni tad-dinja fejn leġiżlazzjoni ħafna iktar permissiva tippermetti lill-kumpaniji jibnu ajruporti ġodda enormi li jiġbdu ħafna vjaġġaturi mill-hubs Ewropej. L-Unjoni Ewropea teħtieġ b'urġenza żżid il-kapaċitajiet ajruportwali tagħha biex tevita li titlef il-kompetittività fil-konfront ta' reġjuni li għaddejjin minn tkabbir esponenzjali rapidu (it-tħassib jirrigwarda r-reġjuni tal-Asja-Paċifiku, il-Lvant Nofsani u l-Amerika t'Isfel).

L-investimenti fl-infrastruttura ajruportwali għandhom jitqiesu serjament, anki jekk id-domanda attwalment ma taqbiżx l-offerta. Sadattant, il-kapaċità eżistenti teħtieġ tiġi sfruttata bis-sħiħ (anke permezz ta' ġestjoni aħjar tal-islots u l-użu tal-ajruporti "non-hub" biex titnaqqas il-konġestjoni).

Skont l-istess kunċett ta' kumplementarjetà, in-numru dejjem ogħla ta' trasportaturi tal-ajru low-cost fis-suq intern tal-UE jista' jintuża bħala mudell ġdid ta' tisħiħ minflok ma jitqies bħal theddida kompetittiva. It-trasportaturi tal-ajru "klassiċi" u low-cost jistgħu jsibu mod biex jarmonizzaw is-suq tal-UE u jintegraw lil xulxin, bil-għan li jirrispondu b'aktar stabilità għall-isfidi tas-swieq esterni.

Mil-lat strateġiku, l-Unjoni Ewropea teħtieġ tissalvagwarda industrija tal-avjazzjoni kompetittiva. Illum il-ġurnata, is-swieq tal-avjazzjoni l-aktar importanti huma barra mill-Ewropa u għaldaqstant l-industriji tal-UE jeħtieġu jiġu żviluppati f'dawn is-swieq.

Mill-2005, ġew negozjati għadd sinifikanti ta' ftehimiet mal-pajjiżi sħab ewlenin. Madankollu, għandhom jiġu konklużi ftehimiet deċiżivi oħra ma' sħab ewlenin (fosthom l-Awstralja u n-New Zealand).

Bħala sostenn għal dan l-iżvilupp futur, ir-rapporteur jisħaq fuq l-importanza tal-ħolqien u tal-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi tal-UE bħal SES, SESAR, EASA u GNSS. Dawn l-istrumenti, maħluqa biex isostnu s-suq intern, se jgħinu konsegwentement lill-UE fil-politika esterna tagħha dwar l-avjazzjoni. It-tlestija ta' dawn il-mekkaniżmi se tikkonsolida l-pożizzjoni tal-industrija Ewropea u din issir aktar b'saħħitha quddiem l-isfidi kompettitivi l-ġodda.

Biex il-kompletament ta' dawn il-mekkaniżmi jsir, jeħtieġ neċessarjament li jiġu stabbiliti ċerti proċeduri. Pereżempju, il-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, għandhom jiġu stabbiliti mingħajr dewmien.

Minkejja l-bżonn ta' liberalizzazzjoni, l-UE għandha tkompli tiddefendi l-interessi u l-istandards Ewropej. Attenzjoni partikolari għandha tingħata lill-istandards dwar ix-xogħol u l-ambjent, id-drittijiet tal-passiġġieri u r-rispett tar-regolamenti Ewropej.

Għal dak li għandu x'jaqsam mal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), li fiha l-Istati Membri tal-UE huma membri filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea hija mistiedna tipparteċipa bħala osservatur, ikun awspikabbli aktar koordinament. Dan ikun jippermetti lill-Ewropa titkellem b'vuċi waħda biss minflok b'sebgħa u għoxrin u żżid l-influwenza tagħha fuq id-deliberazzjonijiet tal-ICAO. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ir-responsabilità komuni li jikkollaboraw b'mod aktar strett biex jiksbu din ir-rappreżentanza koordinata.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (21.3.2013)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni - Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur
(2012/2299(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Robert Sturdy

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' favorevolment il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tagħti analiżi f'waqtha tas-sitwazzjoni attwali u tal-progress li nkiseb fil-politika esterna dwar l-avjazzjoni mill-2005, kif ukoll tal-isfidi li qiegħed iħabbat wiċċu magħhom is-settur tal-avjazzjoni tal-UE f'suq globali tal-avjazzjoni estremament kompetittiv;

2.  Jissottolinja r-rwol fundamentali tas-settur tal-avjazzjoni għall-ekonomija tal-UE, partikolarment f'termini ta' tkabbir u ta' impjiegi, billi tali settur isostni 'l fuq minn 5 miljun ħaddiem fl-Ewropa u jirrappreżenta 2,4 % tal-PDG tal-UE, b'hekk jikkontribwixxi wkoll għall-konnettività tal-Unjoni mal-bqija tad-dinja; jisħaq fuq il-bżonn li jinżamm settur tal-avjazzjoni tal-UE li jkun kompetittiv u b'saħħtu;

3.  Jappoġġa l-proposti tal-Kummissjoni intiżi li jissalvagwardaw il-kompetizzjoni ħielsa u ġusta fir-relazzjonijiet u fil-ftehimiet mal-pajjiżi terzi u jiżviluppaw strumenti ġodda ta' difiża kummerċjali aktar idonei u effikaċi biex jindirizzaw il-prattiki inġusti bħad-diskriminazzjoni, l-applikazzjoni inkonsistenti tal-qafas regolatorju u n-nuqqas ta' trasparenza fir-rappurtar finanzjarju min-naħa ta' kumpaniji, li jista' jwassal għal tgħawwiġ fis-suq;

4.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-kumpaniji tal-ajru jsaħħu r-rwol li jiżvolġu l-ajruporti reġjonali fl-UE kollha, pereżempji fil-Mediterran u mal-fruntieri tal-Lvant tal-Unjoni, biex joħolqu infrastrutturi ajruportwali bil-għan li jaġevolaw il-flussi tal-passiġġieri u tal-merkanzija, b'hekk isaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali mal-pajjiżi terzi u joħolqu fl-istess ħin aktar opportunitajiet ta' impjieg;

5.  Jilqa' favorevolment l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tkun introdotta "klawsola ta' kompetizzjoni ġusta" fil-ftehimiet fil-qasam tas-servizzi tal-ajru li jeżistu bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, u jħeġġeġ l-inklużjoni ta' tali klawsoli fil-ftehimiet kollha fil-qasam tal-avjazzjoni konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-viċinat Ewropew jew is-sħab strateġiċi;

6.  Jistieden lill-UE tiżvolġi rwol minn ta' quddiem fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) bil-għan li jiġi stabbilit ftehim internazzjonali dwar sistema dinjija għan-negozjar ta' emissjonijiet li tittratta l-kwistjoni relatata mal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li ġejjin mill-avjazzjoni internazzjonali u li tinkludi, barra mill-Istati Uniti, anki ċ-Ċina, l-Indja u ekonomiji emerġenti oħrajn; iħeġġeġ ukoll lill-UE ssaħħaħ il-qafas ġuridiku internazzjonali tal-avjazzjoni ċivili fil-qasam tas-sikurezza u sostenibilità tat-trasport bl-ajru;

7.  Jiddeplora l-fatt li l-Federazzjoni Russa naqset milli tirrispetta u tapplika l-impenji internazzjonali tagħha, u jappella sabiex tiġi fi tmiemha l-prattika inġusta li jiġu imposti tariffi fuq il-linji tal-ajru Ewropej li jtiru fuq it-territorju Russu;

8.  Jappella għal aktar kooperazzjoni u koordinament bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fin-negozjar ta' ftehimiet ta' servizzi tal-ajru mas-sħab ewlenin, bil-ħsieb li tiżdied l-influwenza tal-UE u l-possibilitajiet tagħha li tikseb aċċess għal swieq ġodda;

9.  Jissottolinja li jeħtieġ li jintlaħqu totalment l-objettivi definiti fil-ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru mas-sħab ewlenin, partikolarment l-Istati Uniti u l-Kanada, inkluża t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-proprjetà min-naħa ta' barranin u fuq il-kontroll tal-kumpaniji tal-ajru; jappella li jiġu adottati miżuri biex jingħeleb l-iżbilanċ attwali bejn il-kapaċità tal-kumpaniji tal-ajru Ewropej li jagħmlu kabotaġġ fis-suq tal-Istati Uniti u l-kapaċità tal-kumpaniji tal-Istati Uniti li jagħmlu l-istess fl-Ewropa; jindika li l-investimenti internazzjonali inkroċjati jikkontribwixxu biex jagħtu spinta lid-dinamiżmu ekonomiku tas-settur tal-avjazzjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni trawwem qafas ġuridiku internazzjonali favorevoli għall-estensjoni u għas-sostenn ta' tali investimenti, kif ukoll tippromwovi politika attiva mmirata lejn id-definizzjoni ta' standards u prattiki tajba għall-investimenti internazzjonali;

10. Jappoġġa l-proposti tal-Kummissjoni sabiex jiġu ffinalizzati n-negozjati li għaddejjin mal-pajjiżi sħab, partikolarment il-Brażil, l-Awstralja u n-New Zealand, jiġu konklużi sal-2015 dawk dwar il-ftehimiet tal-avjazzjoni fil-livell tal-UE mal-pajjiżi ġirien kollha u jinfetħu negozjati fil-livell tal-UE ma' ċerti sħab ewlenin, partikolarment ir-Russja, iċ-Ċina, il-Ġappun, ċerti pajjiżi tal-Golf, it-Turkija, l-ASEAN u l-Indja; isostni wkoll koordinament aktar mill-qrib fi ħdan l-UE billi jissaħħu l-kumpaniji tal-ajru Ewropej u l-hubs Ewropej.☺

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.3.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia i Cutchet, Nora Berra, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, Marielle de Sarnez, Yannick Jadot, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Franck Proust, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Henri Weber, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Paweł Zalewski, Dan Dumitru Zamfirescu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Silvana Koch-Mehrin, Elisabeth Köstinger, Katarína Neveďalová

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Petri Sarvamaa, Patrice Tirolien

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (24.4.2013)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur
(2012/2299(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Georges Bach

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi ċ-ċifra tat-tnaqqis tal-impjiegi li ġie implementat u skedat mil-linji tal-ajru Ewropej mill-2012 'il quddiem tammonta għal aktar minn 20 000;

B.  billi s-sħab soċjali Ewropej tas-settur tal-avjazzjoni qablu li, fil-kuntest ta' djalogu dwar l-impatt tal-kriżi globali fl-avjazzjoni ċivili li sar fid-29 ta' Jannar 2013, jeħtieġ li jkun hemm azzjoni koordinata u komprensiva fil-livell internazzjonali;

1.  Jenfasizza li s-settur Ewropew tal-avjazzjoni attwalment jimpjega 5,1 miljun persuna u jikkontribwixxi fundamentalment għat-tkabbir ekonomiku, kif ukoll għall-koeżjoni reġjonali u soċjali;

2.  Jinnota li t-trasport bl-ajru huwa kontributur ewlieni għall-ekonomija u l-impjiegi li jaqdi 790 miljun passiġġier fuq il-linji tal-ajru Ewropej fl-2012, bi stima ta' kontribuzzjoni annwali ta' EUR 365 miljun għall-PDG Ewropew;

3.  Jilqa' l-progress li sar fl-iżvilupp ta' approċċ komuni tal-Unjoni għall-politika esterna dwar l-avjazzjoni tagħha; jemmen li jeħtieġ li dan l-approċċ komuni jissaħħaħ fil-futur sabiex ilaħħaq mal-kompetizzjoni internazzjonali;

4.  Jenfasizza l-importanza ta' tali għodod bħas-sistema tal-Kumitat Konġunt biex jinħolqu approċċi komuni għal kwistjonijiet speċifiċi tal-avjazzjoni;

5.  Jilqa' l-progress li sar fil-ħolqien ta' Żona ta' Avjazzjoni Komuni Ewropea permezz ta' Ftehimiet sinifikanti tat-Trasport bl-Ajru ma' pajjiżi ġirien u jilqa' l-fatt li dawn wasslu għal allinjament ta' oqfsa ġuridiċi għal-leġiżlazzjoni tal-UE f'oqsma importanti bħas-sikurezza tal-avjazzjoni, il-ħarsien kontra t-theddid għas-sikurezza pubblika, il-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru, l-ambjent, id-drittijiet tal-passiġġieri, ir-regolazzjoni ekonomika u l-aspetti soċjali;

6.  Jilqa' l-Ftehim ta' Trasport bl-Ajru li ġie konkluż bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-impatt pożittiv li kellu fuq iż-żewġ ekonomiji, kif ukoll it-80 000 impjieg ġdid li nħolqu fl-ewwel ħames snin; jistieden lill-Kummissjoni tikkonkludi Ftehimiet dwar it-Trasport bl-Ajru ma' sħab importanti oħra bħall-Brażil, l-Awstralja, in-New Zealand mill-aktar fis possibbli;

7.  Jinnota li l-implimentazzjoni tal-politika esterna tal-Unjoni dwar l-avjazzjoni ppermettiet li jsir progress sostanzjali għall-akkwist tal-allinjament tal-Ftehimiet dwar is-Servizzi tal-Ajru konformi mal-liġi tal-UE u għenet biex ikun immassimizzat il-potenzjal tas-suq uniku safejn dan jiffaċilita l-konsolidazzjoni tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE fi żmien meta l-globalizzazzjoni titlob atturi ekonomiċi aktar b'saħħithom biex jirreżistu l-kompetizzjoni barranija;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu bl-implimentazzjoni ta' Ajru Uniku Ewropew u Sistema Ewropea għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru għal Ajru Uniku Ewropew (SESAR); jinnota li l-iżvilupp ta' Ajru Uniku Ewropew, meta jkun implimentat b'mod sħiħ, se joħloq opportunitajiet ta' impjieg diretti u indiretti sinifikanti;

9.  Jinnota li l-industrija tal-avjazzjoni Ewropea jista' jkollha potenzjal konsiderevoli ta' tkabbir jekk ikun hemm kompetizzjoni ġusta u mifuħa fost il-pajjiżi kollha, li tippermetti li l-avjazzjoni tissodisfa b'mod sħiħ il-kontribut potenzjali tagħha għall-ekonomija Ewropea;

10. Jenfasizza, għalhekk, li Ftehimiet dwar is-Servizzi tal-Ajru ma' pajjiżi ġirien u sħab li jaħsbuha bl-istess mod għandhom jinkludu qafas regolatorju għall-kompetizzjoni ġusta;

11. Jinnota li l-hubs Ewropej għandhom jissaħħu permezz ta' Ftehimiet rispettivi tat-Trasport bl-Ajru u investimenti li jippromwovu konnessjonijiet ta' infrastruttura aħjar bejn ajuporti hub, ajruporti reġjonali ġirien tagħhom u ż-żoni tal-madwar tagħhom biex jipprovdu tkabbir u effetti multiplikaturi ekonomiċi, filwaqt li jkun attirat aktar investiment barrani dirett, jinħolqu impjiegi addizzjonali u jkunu protetti impjiegi ma' linji tal-ajru Ewropej, ajruporti u fornituri ta' servizzi ta' partijiet terzi;

12. Iqis li d-differenzi fit-taxxi nazzjonali fis-settur tat-trasport bl-ajru, il-konġestjoni tal-ajruporti u tal-ispazju tal-avjazzjoni fi ħdan l-Unjoni, il-ħlasijiet differenti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u l-ħlasijiet tal-ajruporti u fl-applikazzjoni ta' standards soċjali aktar baxxi u regoli differenti dwar l-għajnuna mill-Istat barra l-UE, jirrappreżentaw ostakli potenzjali għat-tkabbir u l-impjiegi;

13. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw jekk it-taxxi tagħhom, il-ħlasijiet u dazji li jaffettwaw l-ispejjeż li jaffaċċjaw il-linji tal-ajru jistgħux ikunu ta' dannu għall-kompetizzjoni globali;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta, fl-ambitu tal-isforzi tagħha għal żieda fil-kompetittività u ftuħ akbar tas-suq tat-trasport bl-ajru, il-qafas ġuridiku, l-istandards dwar is-sikurezza u x-xogħol u l-istandards soċjali, il-ħarsien tal-postijiet tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sikurezza tat-trasport bl-ajru – inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet tax-xogħol u tat-titjib sabiex tkun evitata l-għeja żejda – l-istandards ambjentali u t-titjib fl-istandards tal-kwalità, bil-għan li jkun evitat li l-kompetizzjoni twassal biex bosta standards jitbaxxew sal-inqas livell (“race to the bottom”);

15. Jenfasizza li pjanijiet għal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-avjazzjoni, pereżempju fl-oqsma tal-ground handling u tal-ħinijiet tas-servizz tat-titjir m'għandhomx ikollhom impatt negattiv fuq impjegati jew fuq il-pubbliku; jenfasizza li l-pjanijiet ta' liberalizzazzjoni għandhom jinvolvu valutazzjoni tal-impatt soċjali tagħhom;

16. Jinnota li hemm ammont kbir ta' kompetizzjoni bejn vetturi minħabba kumpaniji tal-ajru low cost li jirrappreżentaw 40 % tas-suq tal-avjazzjoni tal-UE; jenfasizza li meta Stat Membru jkun irratifika l-Konvenzjonijiet tal-ILO 87 u 98, il-kumpaniji tal-ajru għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali tagħhom rigward il-libertà ta' għaqda, kif ukoll ir-rikonoxximent ta' rappreżentanti tal-impjegati u ftehimiet dwar il-pagi, fejn il-konformità tal-konnessjoni għandha tkun sorveljata u l-ksur għandu jiġi ppenalizzat;

17. Jenfasizza li r-riforma tas-sjieda u l-kontroll tal-kumpaniji tal-ajru proposti mill-Kummissjoni jistgħu jiġu implementati biss – jekk dan qatt jiġri – abbażi ta' regoli ċari u wara valutazzjoni tal-impatt soċjali kif ukoll konsultazzjoni u inklużjoni sħiħa tas-sħab soċjali; jinnota li tali riforma għandha tkun abbażi tal-għan ta' ħolqien ta' kondizzjonijiet ekwi bejn l-UE u l-pajjiżi terzi;

18. Jitlob lill-Kummissjoni tieħu ħsieb li, fl-ambitu ta' negozjati dwar l-estensjoni tar-relazzjonijiet fis-settur tat-trasport bl-ajru, il-partijiet interessati kollha relevanti, inklużi s-sħab soċjali, jiġu involuti kemm jista' jkun sabiex jingħata l-aħjar riżultat fl-iffurmar tal-miżuri, speċjalment f'termini ta' potenzjal ta' impjiegi u ta' tkabbir fis-settur; iqis li għandhom jitwettqu u jinstemgħu il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali;

19. Jinnota li kumpaniji tal-ajru minn pajjiżi terzi għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali tal-konvenzjonijiet tal-ILO, bħal dawk dwar il-libertà ta' għaqda, it-twaqqif ta' korpi rappreżentattivi u r-rikonoxximent ta' ftehimiet dwar il-pagi, partikolarment l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni 87; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jinkludu l-klawżoli soċjali vinkolanti u l-istandards tal-ILO fil-Ftehimiet dwar it-Trasport bl-Ajru u jikkastigaw il-ksur tagħhom;

20. Jinnota li l-sehem dejjem akbar tas-suq ta' kumpaniji tal-ajru low-cost għandu impatt qawwi fuq il-kompetizzjoni Ewropea, jimmodifika s-suq għal titjiriet fuq distanza qasira u medja u għandu impatt negattiv fuq il-protezzjoni soċjali tal-impjegati;

21. Jemmen li għalkemm il-kumpaniji tal-ajru li joperaw fuq network ta' rotot qed jaffaċċjaw kompetizzjoni ħarxa, huma jistgħu jikkomplementaw 'il xulxin fid-dawl tal-isfidi l-ġodda fuq rotot twal fi swieq barra mill-UE;

22. Jemmen li politika esterna tal-UE tal-avjazzjoni li tiffoka fuq is-swieq ta' tkabbir l-aktar sinifikanti fuq rotot twal tista' tiftaħ opportunitajiet ekonomiċi ġodda għal kumpaniji tal-ajru tal-UE, partikolarment fir-reġjun tal-Asja/Paċifiku;

23. Jistieden lill-Kummissjoni, fl-ambitu tar-rieżami tar-Regolament (KE) Nru 868/2004 rigward il-prattiki tal-prezzijiet, tikkunsidra aktar il-livell tas-sistemi ta' sigurtà soċjali u l-istandards tax-xogħol tal-impjegati;

24. Jikkunsidra li d-deċiżjonijiet tiegħu dwar is-sigurtà soċjali għall-impjegati mobbli huwa mod adatt biex iwaqqaf xi tentattivi ta' xi operaturi sabiex ikun hemm kompetizzjoni bejn sistemi ta' sigurtà soċjali nazzjonali a skapitu tal-impjegati;

25. Jistenna li l-Kummissjoni tiżgura li l-kumpaniji tal-ajru jirrispettaw dawn ir-regoli u jieħdu passi adegwati jekk dan ma jkunx il-każ.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.4.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Heinz K. Becker, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Minodora Cliveti, Marije Cornelissen, Emer Costello, Frédéric Daerden, Thomas Händel, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Siiri Oviir, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu, Andrea Zanoni

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Edite Estrela, Jelko Kacin, Svetoslav Hristov Malinov, Ria Oomen-Ruijten, Antigoni Papadopoulou, Csaba Sógor, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Anna Hedh, Anna Záborská

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT ()

Data tal-adozzjoni

7.5.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdi Cristiano Allam, Georges Bach, Erik Bánki, Izaskun Bilbao Barandica, Philip Bradbourn, Antonio Cancian, Michael Cramer, Joseph Cuschieri, Philippe De Backer, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Juozas Imbrasas, Dieter-Lebrecht Koch, Jaromír Kohlíček, Werner Kuhn, Jörg Leichtfried, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Marian-Jean Marinescu, Hubert Pirker, Dominique Riquet, Petri Sarvamaa, Vilja Savisaar-Toomast, Olga Sehnalová, Brian Simpson, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Giommaria Uggias, Peter van Dalen, Patricia van der Kammen, Dominique Vlasto, Artur Zasada, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Phil Bennion, Spyros Danellis, Alfreds Rubiks, Janusz Władysław Zemke

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso