RAPPORT dwar l-abbozz ta’ protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Ċeka (Artikolu 48(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea)

15.5.2013 - (00091/2011 – C7‑0385/2011 – 2011/0817(NLE)) - *

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Andrew Duff


Proċedura : 2011/0817(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0174/2013
Testi mressqa :
A7-0174/2013
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta’ protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Ċeka (Artikolu 48(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea)

(00091/2011 – C7‑0385/2011 – 2011/0817(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-ittra mill-Gvern Ċek lill-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2011 dwar abbozz ta’ protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-‘Karta’) għar-Repubblika Ċeka,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-President tal-Kunsill Ewropew indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2011 rigward abbozz ta’ Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta għar-Repubblika Ċeka,

–   wara li kkunsidra l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill Ewropew (C7-0385/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 6(1) TUE u l-Karta,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tad-29-30 ta' Ottubru 2009 tal-Kapijiet ta' Stat jew Gvern tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar il-Karta, annessi mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta' Lisbona, iffirmati nhar it-13 ta’ Diċembru 2007, b’mod partikolari d-Dikjarazzjoni Nru 1 mill-Istati Membri kollha, id-Dikjarazzjoni Nru 53 mir-Repubblika Ċeka u d-Dikjarazzjonijiet Nri 61 u 62 mir-Repubblika tal-Polonja,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 330 adottata matul it-12-il Seduta, tas-Senat tal-Parlament tar-Repubblika Ċeka tas-6 ta' Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 74a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0174/2013),

Billi:

A. Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern, waqt laqgħa fi ħdan il-Kunsill Ewropew tad-29-30 ta’ Ottubru 2009 qablu li, fiż-żmien tal-konklużjoni tat-trattat ta' adeżjoni li jmiss u skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom, kienu se jehmżu mat-Trattati Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta għar-Repubblika Ċeka,

B.  Fil-5 ta' Settembru 2011, il-Gvern Ċek, f'ittra mir-Rappreżentant Permanenti tiegħu, ippreżenta proposta lill-Kunsill, f'konformità mal-Artikolu 48(2) TUE, għall-emendar tat-Trattati dwar iż-żieda ta' Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta għar-Repubblika Ċeka,

C. Fil-11 ta' Ottubru 2011, il-Kunsill ippreżenta proposta lill-Kunsill Ewropew, konformement mal-Artikolu 48(2) TUE, għall-emendar tat-Trattati dwar iż-żieda ta' Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta għar-Repubblika Ċeka,

D. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(3) tat-TUE, il-Kunsill Ewropew ikkonsulta l-Parlament dwar jekk l-emendi proposti għandhomx ikunu analizzati,

E.  Skont l-Artikolu 6(1) TUE, l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-drittijiet libertajiet u prinċipji ddelineati fil-Karta bħala li għandhom l-istess valur ġuridiku u forza vinkolanti tat-Trattati,

F.  Il-Protokolli jifformaw parti integrali mit-Trattati li magħhom huma mehmuża, u għalhekk Protokoll addizzjonali li jistabbilixxi regoli speċjali f'dak li għandu x'jaqsam mal-applikazzjoni ta' partijiet mid-Dritt tal-Unjoni għal Stat Membru jeħtieġ reviżjoni tat-Trattati,

G. Skont it-termini tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, it-tieni subparagrafu, il-Karta ma testendi bl-ebda mod il-kompetenzi tal-Unjoni kif definiti fit-Trattati.

H. Skont l-Artikolu 51 tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tal-istess Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji tal-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni. Dawk l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tal-Karta skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati. Kif ġie kkonfermat mill-Istati Membri permezz tad-Dikjarazzjoni Nru 1, Il-Karta ma testendix il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni u ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.

I.   Il-paragrafu 2 tad-Dikjarazzjoni Nru 53 magħmula mir-Repubblika Ċeka jipprevedi li l-Karta “ma tnaqqasx il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi nazzjonali u ma tirrestrinġi l-ebda kompetenza attwali tal-awtoritajiet nazzjonali f'dan il-qasam”, u b’hekk tistabbilixxi li l-integrità tal-ordni ġuridiku tar-Repubblika Ċeka huwa ggarantit mingħajr rikors għal strument addizzjonali.

J.   Fuq il-bażi tal-evidenza akkademika u l-ġurisprudenza, il-Protokoll Nru 30 ma jeżentax lill-Polonja u lir-Renju Unit mid-dispożizzjonijiet vinkolanti tal-Karta, mhuwiex ‘opt-out’, ma jemendax il-Karta u lanqas ma jimmodifika l-pożizzjoni ġuridika li tkun torbot li kieku ma jkunx jeżisti[1]. L-uniku effett huwa li joħloq l-inċertezza ġuridika mhux biss fil-Polonja u fir-Renju Unit imma wkoll fl-Istati Membri l-oħra,

K. Funzjoni importanti tal-Karta hija li żżid il-prominenza tad-drittijiet fundamentali u tagħmilhom aktar viżibbli, imma l-Protokoll Nru 30 iwassal għall-inċertezza legali u l-konfużjoni politika, u b'hekk ikun qed jimmina l-isforzi tal-Unjoni li jilħaq u jżomm livell uniformement għoli u ekwu ta' ħarsien tad-drittijiet.

L.  Jekk il-Protokoll Nru 30 ikun qatt interpretat bħala li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni jew il-forza tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, l-effett ikun li tonqos il-protezzjoni tal-drittijiet fundamentali mogħtija lin-nies fil-Polonja, fir-Renju Unit, u, dalwaqt, fir-Repubblika Ċeka,

M. Il-Parlament Ċek irratifika t-Trattat ta’ Lisbona preċiżament kif kien ġie ffirmat, mingħajr ebda riżerva jew kwalifika dwar l-ottemperanza sħiħa min-naħa tar-Repubblika Ċeka għall-Karta[2],

N. Is-Senat Ċek, fir-Riżoluzzjoni 330 tiegħu tas-6 ta’ Ottubru 2011, oppona l-applikazzjoni għar-Repubblika Ċeka tal-Protokoll Nru 30 fuq il-bażi li jnaqqas l-istandards ta’ ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini Ċeki. Is-Senat Ċek qanqal ukoll dubji dwar iċ-ċikostanzi kostituzzjonali ambigwi, li fihom il-kwestjoni tqanqlet l-ewwel mill-President tar-Repubblika wara r-ratifika parlamentari tat-Trattat ta’ Lisbona kienet ġiet ikkompletata,

O. Il-Qorti Kostituzzjonali Ċeka ma laqgħetx żewġ petizzjonijiet fl-2008 u fl-2009, filwaqt li sabet li t-Trattat ta' Lisbona huwa konformi għalkollox mad-dritt kostituzzjonali Ċek, iżda ma tistax tiġi eskluża l-possibilità li titressaq petizzjoni fl-istess Qorti kontra l-emenda proposta tat-Trattati,

P.  Il-Parlament, fi spirtu ta’ kooperazzjoni sinċiera, għandu dmir jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Kunsill Ewropew fuq il-bidliet kollha proposti għat-Trattat, irrispettivament mis-sinifikat tagħhom, imma ma hu marbut b’ebda mod li jkollu jaqbel mal-Kunsill Ewropew,

Q. Għad jeżistu dubji dwar ir-rieda tal-Parlament Ċek li jikkompleta r-ratifika tal-protokoll il-ġdid bl-għan li jestendi l-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 30 għar-Repubblika Ċeka; fil-każ li l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi li jeżamina l-emenda proposta, Stat Membri oħra jistgħu ma jkunux iridu jibdew il-proċeduri ta' ratifika tagħhom sakemm ir-Repubblika Ċeka tkun ikkompletat tagħha,

1.  Jirrikonoxxi l-fatt li ġie kkonsultat mill-Kunsill Ewropew dwar l-eżami tal-emenda proposta tat-Trattati;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni bħala l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Kroazja u lill-Parlamenti tal-Istati Membri l-oħra.

  • [1]  Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2011 fil-Kawżi Konġunti C-411/10 u C-493/10, l-aktar il-paragrafu 120.
  • [2]  Il-Kamra tad-Deputati Ċeka rratifikat it-Trattat ta’ Lisbona nhar it-18 ta’ Frar 2009 u s-Senat Ċek nhar id-9 ta’ Mejju 2009.

NOTA SPJEGATTIVA

1.  Il-Gvern tar-Repubblika Ċeka qed jipprova jdaħħal lill-istat tiegħu mal-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit.

2.  Biex tinftiehem it-tifsira tal-inizjattiva Ċeka, jeħtieġ li jkunu eżaminati n-natura u l-effett tal-Protokoll Brittanniku u Pollakk sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009. Kien hemm xi kummenti akkademiċi dwar dan il-Protokoll li r-rapporteur fela[1]. Barra minn hekk, ikkonsulta avukati eminenti f’dan il-qasam.

Ftit kien hemm ġurisprudenza relevanti sa ma l-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) għamlet riferiment għal deċiżjoni preliminari tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (QEĠ) dwar ir-relevanza tal-Protokoll għall-każ ta’ ażil[2]. Il-Home Secretary kien preċedentement ipprova jikseb quddiem il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales) (Qorti Amministrattiva) li, minħabba fil-Protokoll Nru 30, id-dispożizzjonijiet tal-Karta ma japplikawx fir-Renju Unit. Waħda mill-mistoqsijiet referuti lill-QEĠ kienet jekk l-eżistenza tal-Protokoll Nru 30 tikkwalifikax b’xi mod l-obbligi tar-Renju Unit. Il-Qorti l-Għolja ħadet pożizzjoni favur il-veduta li l-Protokoll Nru 30 jista’ jinftiehem bħala opt-out ġenerali mill-Karta, sakemm il-Karta ma għandhiex effett dirett fir-Renju Unit.

Fil-Qorti tal-Appell, iżda, ir-rappreżentant tal-Gvern tar-Renju Unit argumenta li l-fini tal-Protokoll “mhux li jipprevjeni lill-Karta milli tapplika fir-Renju Unit, imma li jfisser l-effett tagħha”. L-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Trstenjak ingħatat fit-22 ta' Settembru 2011. Ikkonkludiet li l-Protokoll ma huwiex opt-out imma, bil-kontra, jagħmilha ċara li l-Karta ma ċċaqlaqx il-poteri a spejjeż tar-Renju Unit jew il-Polonja.

L-Awla Manja tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat id-deċiżjoni tagħha fuq il-kwestjoni nhar il-21 ta’ Diċembru 2011.[3] Dan hu każ importanti f’dak li għandu x’jaqsam mat-tifsira u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ażil, b’relevanza għar-rapport bejn id-Dritt tal-UE, il-Karta, il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tad-Dritt Internazzjonali.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti takkolji l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Trstenjak. Tgħid hekk:

“... l-Artikolu 1(1) tal-Protokoll (Nru 30) jespliċita l-Artikolu 51 tal-Karta, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, u la huwa intiż li jeżenta lir-Repubblika tal-Polonja u lir-Renju Unit mill-obbligu li josservaw id-dispożizzjonijiet tal-Karta u lanqas li jipprekludi lil qorti ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri milli tiżgura l-osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.” (paragrafu 120)

Il-Qorti għalhekk ikkonkludiet li d-deċiżjonijiet tagħha dwar il-kwestjonijiet materjali tal-liġi dwar l-ażil “ma għandhomx impatt fuq ir-risposti mogħtija f’dak li għandu x’jaqsam mal-Protokoll Nru 30”.

3.  Ta’ min wieħed ifakkar li t-tliet stati l-aktar relevanti għal din id-diskussjoni resqu lejn il-kwestjoni tal-Karta minn angoli differenti. Ir-Renju Unit ipprova jillimita l-possibilità li l-Karta tagħti lill-UE aktar impetu biex tilleġiżla f'oqsma - l-aktar id-Dritt tax-Xogħol - li jivvjolaw il-famużi 'linji ħomor' tiegħu. Il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien kien qal hekk lill-House of Commons: “Huwa assolutament ċar li għandna opt-out kemm mill-Karta kemm mill-affarijiet ġudizzjarji u l-intern."[4]

4.  Il-Polonja, mill-banda l-oħra, riedet twaqqaf lill-Karta milli xxeklilha jeddha li tilleġiżla fi kwestjonijiet ta’ moralità pubblika, id-Dritt tal-Familja, l-abort, id-drittijiet tal-omosesswali, eċċ. [5]B’mod stramb, il-Polonja ppruvat ukoll tisħaq, hi u tadotta l-Protokoll Brittanniku li kien difensiv fil-konfront tad-drittijiet soċjali kif delineati fit-Titolu IV, li hi (bil-kontra tar-Renju Unit) “tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema” fl-ispirtu tal-moviment tas-Solidarjetà[6]. Wara d-dħul fis-seħħ ta’ Lisbona, il-Protokoll jidher li twarrab għalkollox mill-ġudikatura Pollakka.[7] Tfassal mekkaniżmu kostituzzjonali li biex il-Polonja setgħet tiddeċidi li temenda jew tirtira mill-Protokoll. Il-possibilità ta’ rtirar issa saret materja ta’ dibattitu politiku fil-Polonja.

5.  Ir-Repubblika Ċeka, immexxija mill-President tagħha, ħadet pożizzjoni aktar ewroxettika. Kisbet, fl-istess żmien tan-negozjati ta’ Lisbona, id-Dikjarazzjoni 53 – dikjarazzjoni kategorika – li titħaddet dwar it-tħassib rigward l-impatt tal-Karta fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà, l-għoti tal-kompetenza, ir-rispett għall-kostituzzjonijiet nazzjonali u l-ftehimiet internazzjonali.

Il-bażi uffiċjali li fuqha insista s-Sur Klaus li r-Repubblika Ċeka għandha tingħaqad mal-Protokoll kienet ta’ tħassib f’daqqa waħda dwar l-impatt tal-Karta fuq il-validità tad-Digrieti Benes li kellhom x’jaqsmu mal-esproprjazzjoni tal-proprjetà u d-deportazzjoni tal-Ġermaniżi etniċi miċ-Ċekoslovakkja wara t-Tieni Gwerra Dinjija. [8]B’danakollu, talli tħassib kien assenti mid-dibattitu politiku sal-bidu tal-2009 u ma kinux issemmew fis-sottomissjonijiet lill-qorti kostituzzjonali Ċeka f’ebda waħda miż-żewġ deċiżjonijiet dwar Lisbona.[9] Fil-fatt, fil-mandat uffiċjali tal-gvern ta’ dak iż-żmien għan-negozjar dwar it-Trattat ta’ Lisbona, kienet prijorità li jkun stabbilit standard uniformi ta' ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. Inoltre, il-partiti politiċi Ċeki kollha jisħqu dwar l-attakkament tagħhom għal drittijiet soċjali. U l-ebda wieħed minnhom issa m’għadu tal-fehma li d-Digrieti Benes jagħtu lok għal dubju ġuridiku kontinwu f’termini ta’ Dritt Ċek, tal-UE jew Internazzjonali. Minn mindu daħal fis-seħħ Lisbona, ma kien hemm l-ebda ġurisprudenza Ċeka relevanti dwar il-kwestjoni tal-applikazzjoni tal-Karta tal-UE.

Il-Gvern Ċek jippressja l-applikazzjoni tiegħu għall-adozzjoni tat-termini tal-Protokoll Nru 30 esklussivament fuq il-bażi li l-Kunsill Ewropew wiegħed li jilqa’ l-applikazzjoni tiegħu u li jekk il-mexxejja tal-UE ma jżommux kelmithom dan ikollu effett ħażin fuq l-opinjoni pubblika Ċeka. Hemm tħassib ieħor, għad li tingħatalu anqas pubbliċità, li r-Repubblika Ċeka għandha mnejn tidher inaffidabbli li kieku kellha issa twaqqa’ l-applikazzjoni li għamlet qabel. (Il-fehma tar-Rapporteur hi, għall-kuntrarju, illi kieku ċ-Ċeki kellhom jirtiraw it-talba tagħhom li jibdlu t-Trattat ikun hemm sens ta’ solliev fost l-imseħbin tagħhom.)

Wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh, barra minn hekk, li jekk il-Gvern Ċek jippressa għall-bdil fit-Trattat, jinsab ferm ’il bogħod miċ-ċertezza li l-Parlament Ċek fl-aħħar mill-aħħar jirratifika l-Protokoll il-ġdid. Ir-ratifika ta’ trattat internazzjonali li jittrasferixxi l-kompetenza fi kwalunkwe direzzjoni x’aktarx ikun jeħtieġ maġġoranza ta’ tliet kwinti kemm fis-Senat kemm fil-Kamra tad-Deputati.[10]

Fl-aħħar nett, jeħtieġ li nqisu ż-żewġ deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali Ċeka (2008 u 2009) li fihom ġie affermat li Lisbona huwa kompletament konformi mal-kostituzzjoni Ċeka. Isegwi li deroga parzjali minn Lisbona – li issa hija bbażata fuq l-inizjattiva anterjuri tal-Protokoll – hemm probabilità kbira li tqanqal petizzjoni ġdida waħda jew aktar fil-Qorti Kostituzzjonali. (Petizzjonijiet bħal dawn jistgħu jitressqu minn 41 Deputat, 17-il Senatur u, saħansitra mill-President tar-Repubblika nnifsu.[11])

Wieħed jinnota l-ittra mit-trade unions Ċeki (CMKOS) lill-President tal-Parlament Ewropew li fiha ddelineaw l-objettivi tagħhom għall-abbozz tal-protokoll.[12]

L-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kumitat Ċek ta’ Ħelsinki wkoll talbu li l-abbozz tal-protokoll ma jitkomplix.[13]

6.  Fid-dawl tal-evidenza disponibbli, ir-Rapporteur jagħmel l-analiżi li ġejja.

(a) Preambolu: It-tmien premessa tal-Preambolu jistabbilixxi li l-fini tal-Protokoll huwa li jiċċara “ċerti aspetti tal-applikazzjoni tal-Karta”. Is-seba’ u t-tnax-il premessa jagħmluha ċara li, irrispettivament mill-Protokoll, id-Dritt kollu restanti tal-UE japplika b'mod sħiħ għall-Polonja u għar-Renju Unit. Il-Protokoll ikun relevanti biss, għalhekk, li kieku l-Karta kellha żżid mal-prinċipji ġenerali eżistenti tad-Dritt tal-UE, jew kieku kellha kamp ta' applikazzjoni usa', jew tirriduċi l-limitazzjonijiet fuq id-drittijiet b'paragun mal-prinċipji ġenerali. Skont l-Avukat Ġenerali Trstenjak, li issa għandu l-appoġġ tal-Qorti kollha, il-Preambolu jirriafferma l-“validità fundamentali” tal-Karta.

(b) Settur ta’ applikazzjoni: L-Artikolu 1(1) jissupplementa l-Artikolu 51(2) tal-Karta. Mhux intiż li jestendi l-kompetenza tal-qrati li jsibu li d-Dritt tar-Renju Unit huwa inkonsistenti mal-Karta. B’danakollu, lanqas ma jittanta jnaqqas il-kompetenza tal-qrati li jasserixxu ġurisdizzjoni ta' drittijiet fundamentali b'referenza għad-dispożizzjonijiet tal-Karta. U f’kull każ, il-qrati obbligati jottemperaw ruħhom mad-drittijiet fundamentali kif preskritt fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u bħala parti mill-prinċipji ġenerali tad-Dritt tal-UE skont id-dettami tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 TUE. Il-prinċipji ġenerali jgawdu minn status kostituzzjonali u jistgħu jservu ta' sies għall-azzjonijiet tal-individwi fil-qrati. F’dan is-sens, in-nies fil-Polonja u fir-Renju Unit donnhom qegħdin sewwasew fl-istess pożizzjoni tan-nies fl-Istati l-oħra kollha tal-UE.

(c) Kamp ta' applikazzjoni: Il-prinċipji fit-Titolu IV jeħtieġ li jkunu l-oġġett ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali qabel ma tkun tista' tittieħed azzjoni ġudizzjarja fuqhom. L-Artikolu 1(2) jikkonferma l-Artikolu 51(1) tal-Karta li l-Karta ma toħloqx drittijiet ġustizzjabbli bejn individwi privati. Jipprova wkoll jikkjarifika l-Artikolu 52(1) tal-Karta, u seta’ kien ġie konċeput bħala tentattiv ta’ kif jitnaqqas l-effett dirett tal-Karta. L-Avukat Ġenerali Trstenjak qalet li l-Artikolu 1(2) “donnu jipprekludi li d-drittijiet u l-intitolamenti ġodda tal-UE jidderivaw” mit-Titolu IV “li fuqu dawk intitolati setgħu jistrieħu kontra r-Renju Unit u l-Polonja”. B’danakollu, għadu mhux ċar liema artikoli tat-Titolu IV għandhom jitqiesu mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li għandhom effett dirett. U kull fejn il-Polonja u r-Renju Unit iddisponew għal tali drittijiet fid-Dritt nazzjonali, ma kien hemm l-ebda projbizzjoni tal-ġustizzjabilità min-naħa tal-QEĠ. Inoltre, kif ġa ngħad aktar ’il fuq, sakemm it-Titolu IV jirrappreżenta l-prinċipji ġenerali tad-Dritt tal-UE, il-qrati fil-Polonja u fir-Renju Unit huma tenuti li japplikaw id-dispożizzjonijiet tiegħu b’mod dirett.

(d) Interpretazzjoni: Hawnhekk, l-Artikolu 2 tal-Protokoll jittanta jikkjarifika l-Artikoli 52(4) u (6) tal-Karta. Fejn il-Karta tirreferi għad-Drittijiet u prattiki nazzjonali, tirreferi b'mod speċifiku, inrelazzjoni għall-Polonja u għar-Renju Unit, għad-Drittijiet u prattiki Pollakki u Brittanniċi, rispettivament. (U qajla seta’ jkun mod ieħor.)

7.  Bħala konklużjoni jingħad li l-Protokoll Nru 30 ma jeżentax lir-Renju Unit u lill-Polonja mid-dispożizzjonijiet vinkolanti tal-Karta. Mhuwiex ‘opt-out’. Ma jemendax il-Karta. Mad-daqqa t’għajn, il-Protokoll donnu ma jimmodifikax il-qagħda ġuridika li jkun hemm kieku ma jeżistix. B’danakollu, l-eżistenza fiha nfisha tal-Protokoll wasslet għall-inċertezza ġuridika u l-konfużjoni politika. F’dak is-sens, jolqot b’mod negattiv lill-istati membri kollha u mhux biss lir-Renju Unit, lill-Polonja, jew, dalwaqt, lir-Repubblika Ċeka[14].

B’danakollu, huwa perfettament ċar li jekk qatt il-Protokoll Nru 30 jiġi interpretat li għandu l-effett li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni jew is-seħħ tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, ir-riżultat ikun li jiċkien il-ħarsien tal-drittijiet fundamentali li jingħata lin-nies fil-Polonja u fir-Renju Unit, u b'hekk ikun qed jimmina l-isforzi tal-UE li jkun hemm u jinżamm livell uniformement għoli ta’ ħarsien.

  • [1]  1. Patrick Layden QC and Tobias Lock, Protection of Fundamental Rights Post-Lisbon: The Interaction between the EU Charter of Fundamental Rights, the European Convention on Human Rights and National Constitutions: UK National Report, FIDE XXV-il Kungress, Settembru 2011.
    2. NS v. Is-Segretarju tal-Istat għad-Dipartiment tal-Affarijiet Interni. Steve J.
    Peers, EU Justice and Home Affairs Law, OUP, 2011.
    3. Catherine Barnard, The EU Charter of Fundamental Rights: Happy 10th Birthday? fil-European Union Studies Association Review, vol 24, nru 1, xitwa 2011.
    4. Colin Turpin & Adam Tomkins, British Government and the Constitution, 7 ed., CUP, 2011.
  • [2]  Kawża C-411/10, NS vs Secretary of State for the Home Department.
  • [3]  Kawżi Konġunti C-411/10 u C-493/10.
  • [4]  Tony Blair lill-House of Commons nhar il-25 ta’ Ġunju 2007. Huwa kompla: “F’dak li għandu x’jaqsam maż-żewġ oqsma li l-aktar jinkwetaw lin-nies – il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li dwarha n-nies qalet, ‘Din se tkun tgħodd għad-Dritt Brittanniku,’ u l-affarijiet ġudizzjarji u interni – għandna l-opt-outs. Dan hu dak li hu differenti. Bl-akbar rispett, huwa importanti li n-nies fil-fatt tagħti ftit tal-attenzjoni għall-fatti meta tkun qed tibni argument". Mhux tal-għaġeb li ssaltan il-konfużjoni.
  • [5]  Fil-fatt, il-Polonja otteniet id-Dikjarazzjoni 61 f’dan is-sens.
  • [6]  Dikjarazzjoni 62.
  • [7]  Jan Barcz, ed., Fundamental Rights Protection in the European Union, Wydawnictwo C.H. Beck, Varsavja, 2009.
  • [8]  Helena Bončková, Hubert Smekal, Fragmentace společných hodnot? Výjimky z Listiny základních práv Evropské unie /Fragmentalization of Common Values? Opt-outs from the Charter of Fundamental Rights of the European Union, fi Soucasna Evropa 02, 2010.
  • [9]  Ústavní soud - 2008/11/26 - Pl. ÚS 19/08: Treaty of Lisbon I; Ústavní soud - 2009/11/03 - Pl. ÚS 29/09: Treaty of Lisbon II.
  • [10]  Artikolu 39, Kostituzzjoni tar-Repubblika Ċeka.
  • [11]  Artikoli 10a u 87(1)(a) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ċeka u §64 tal-Att tal-Qorti Kostituzzjonali, 182/1993 tas-16 ta’ Ġunju 1993.
  • [12]  Ittra minn Jaroslav Zavadil, President tal-Konfederazzjoni Ċeko-Morava tat-Trade Unions, lill-President Martin Schulz, 15 ta’ Frar 2012.
  • [13]  www.aedh.eu
  • [14]  Id-Dikjarazzjoni 1 tixhed il-ħtieġa li tinkiseb intiża komuni u ugwali dwar l-effett tal-Karta fuq l-Istati Membri kollha.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

19.2.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alfredo Antoniozzi, Andrew Henry William Brons, Carlo Casini, Andrew Duff, Ashley Fox, Roberto Gualtieri, Enrique Guerrero Salom, Zita Gurmai, Gerald Häfner, Constance Le Grip, Morten Messerschmidt, Paulo Rangel, Algirdas Saudargas, Indrek Tarand, Rafał Trzaskowski, Luis Yáñez-Barnuevo García

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Elmar Brok, Zuzana Brzobohatá, Andrea Češková, Sylvie Guillaume, Anneli Jäätteenmäki, Vital Moreira, Evelyn Regner, Helmut Scholz, György Schöpflin, Alexandra Thein