RAPPORT dwar l-ewwel rapport annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni tal-Istati Membri
19.6.2013 - (2012/2320(INI))
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Yannick Jadot
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-ewwel rapport annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni tal-Istati Membri
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta' ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta' esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE[1],
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru …/..tal-14 ta' Marzu 2013 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta' esportazzjoni uffiċjalment appoġġati (C(2013)1378),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar il-finanzjament tal-kummerċ u tal-investimenti tal-SMEs tal-UE: aċċess iffaċilitat għall-kreditu b'appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar Politika Kummerċjali Ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija EWROPA 2020[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-politika dwar il-kummerċ internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali[7],
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (2010/C 83/02),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea u mir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà tat-12 ta' Diċembru 2011 (COM(2011)0886),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2010 intitolata 'Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta' (COM(2010)0573),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Ġunju 2012 intitolata 'Qafas Strateġiku u Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija' (11855/2012),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' tgħarrif tad-Dipartiment Tematiku tiegħu dwar il-parametri ta' riferiment fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għall-politika esterna tal-UE (EXPO/B/DROI/2011/15),
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU fir-rigward tal-Intrapriżi u d-Drittijiet tal-Bniedem tas-16 ta' Ġunju 2011 (HR/PUB/11/04, Nazzjonijiet Uniti 2011),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2013 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċertu kumpaniji u gruppi kbar (COM(2013)0207)
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0193/2013),
A. billi l-programmi ta' kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri jikkostitwixxu strument importanti għat-tisħiħ tal-opportunitajiet kummerċjali u ta' negozju għall-kumpaniji Ewropej;
B. billi r-Regolament Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar 'L-applikazzjoni ta' ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta' esportazzjoni uffiċjalment appoġġati' jispeċifika r-rekwiżiti għar-rapportar annwali għall-Istati Membri fil-konfront tal-Kummissjoni u, fl-istess ħin, jipprevedi setgħat ta' delega għall-Kummissjoni, biex b'hekk tinkiseb l-iktar traspożizzjoni rapida possibbli tat-tibdiliet fl-Arranġamenti rispettivi tal-OECD fid-dritt tal-UE;
C. billi, skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), "il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni";
D. billi l-prinċipji li jiggwidaw kif l-Unjoni għandha torganizza r-relazzjonijiet tagħha mal-kumplament tad-dinja, u l-prinċipji gwida tal-azzjoni tal-Unjoni fuq ix-xena internazzjonali jinsabu fl-Artikoli 3 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li huwa ftehim vinkolanti bejn l-Istati Membri;
E. billi l-Komunikazzjoni ta' Diċembru 2011 mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà tiddikjara li "l-intrapriżi Ewropej għandhom ikunu inkoraġġati sabiex jieħdu taħt idejhom id-diliġenza dovuta suffiċjenti biex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet tagħhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, kull fejn jiġu mwettqa";
F. billi l-'Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija' tal-Kunsill Ewropew jiddikjara li "l-UE ser tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tagħha mingħajr eċċezzjoni";
G. billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE hi ġuridikament vinkolanti fuq l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE għajr dawk l-Istati Membri li għandhom il-possibilità ta' esklużjoni fakultattiva meta jimplimentaw id-dritt tal-UE, u billi l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Karta tirrikonoxxi b'mod espliċitu l-fatt li l-Karta tapplika għall-azzjoni esterna tal-UE;
H. billi l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha laqgħu pożittivament il-Prinċipji Gwida tan-NU fir-rigward tal-Intrapriżi u d-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Prinċipju 4 tagħhom, dwar ir-relazzjonijiet bejn l-istat u l-intrapriżi, jirreferi b'mod espliċitu għall-aġenziji ta' kreditu għall-esportazzjoni;
I. billi l-appoġġ għall-kreditu għall-esportazzjoni ħafna drabi jingħata għal proġetti kbar li jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet ta' aċċess għall-kreditu kummerċjali b'riżultat ta' riskji kummerċjali, politiċi, ekonomiċi jew ambjentali kbar, li l-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni jkunu konsegwentement jeħtieġu jivvalutaw u jipprezzaw;
J. billi nhar l-14 ta' Marzu 2013, il-Kummissjoni pproponiet Regolament ta' Delega li jemenda l-Anness II tar-Regolament Nru 1233/2011;
1. Jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi qafas għar-rapportar annwali mill-Istati Membri dwar l-attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni tagħhom bi qbil mar-Regolament Nru 1233/2011, bil-għan li tissaħħaħ it-trasparenza fil-livell tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li l-objettiv fundamentali ta' dan ir-rapportar hu l-monitoraġġ tal-konformità tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni tal-Istati Membri mar-regoli internazzjonali applikabbli għall-kreditu għall-esportazzjoni u mal-obbligi taħt it-Trattati tal-UE;
2. Jirrikonoxxi li, fl-14 ta' Diċembru 2012, irċieva informalment l-ewwel rapport annwali mill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni tal-Istati Membri, li jivvaluta t-tweġibiet ta' 20 mis-27 Stat Membru li għandhom programmi attivi ta' kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll li rċieva ir-rapporti ta' dawn l-Istati Membri fil-forma ta' annessi; minn dakinhar il-Kummissjoni approvat ir-rilaxx ta' dawn id-dokumenti għall-pubbliku b'mod li l-għan tar-Regolament bażiku għaż-żieda fit-trasparenza jiġi sodisfatt;
3. Ifaħħar il-fatt li r-rapport tal-Kummissjoni jindika b'mod ċar l-iskala u l-importanza tal-attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri matul l-2011, li jammontaw għal skopertura totali ta' aktar minn EUR 250 biljun – inklużi 260 tranżazzjoni fejn ġew rapportati implikazzjonijiet ambjentali importanti – u li jfissru opportunitajiet kummerċjali u ta' negozju sinifikanti għall-kumpaniji Ewropej;
4. Jirrikonoxxi l-fatt li, fir-Rapporti Annwali ta’ Attività tagħhom, l-Istati Membri għamlu disponibbli għall-Kummissjoni l-informazzjoni finanzjarja u operattiva rigward il-kreditu għall-esportazzjoni mitluba fl-ewwel paragrafu tal-Anness I tar-Regolament Nru 1233/2011;
5. Jissottolinja, fil-kuntest tal-iskala tal-attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri, l-importanza tal-Premessa 4 tar-Regolament Nru 1233/2011, li tirrikjedi konformità mad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Unjoni rigward l-azzjoni esterna, bħall-konsolidament tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; ifakkar, f'dan ir-rigward, l-importanza tar-rekwiżiti ta' rapportar speċifiċi fformulati fl-Anness I tar-Regolament biex ikun żgurat li l-Kummissjoni u l-Parlament ikunu jistgħu jwettqu valutazzjoni ta' din il-konformità;
6. Jisħaq fuq il-fatt li r-rapporti annwali tal-Istati Membri, u l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta' dawn ir-rapporti, s'issa għadhom ma jissodisfawx l-intenzjoni tal-Parlament li jkun jista' jagħmel valutazzjoni dwar jekk l-attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri humiex konformi mal-għanijiet tal-politika barranija tal-Unjoni, kif huma miġbura fl-Artikoli 3 u 21 TUE, u mar-regolamenti fis-seħħ għat-trattament tar-riskji ambjentali fil-kalkolu tal-primjums tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni;
7. Jilqa' l-fatt li ġeneralment hu ċar li l-Istati Membri huma lesti – kif stqarret il-Kummissjoni fir-rapport annwali attwali – japplikaw politiki għall-programmi tagħhom rigward il-kreditu għall-esportazzjoni li l-objettivi tagħhom ikunu konformi mat-tifsira ġenerali tal-Artikoli 3 u 21; ifaħħar l-isforzi ta' xi Stati Membri, inklużi l-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju u l-Pajjiżi l-Baxxi, biex jipprovdu rapportar aktar sinifikanti rigward il-konformità ma' wħud mill-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni;
8. Jirrikonoxxi l-fatt li l-Kummissjoni għandha bżonn tkun tista' tivvaluta jekk l-attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri humiex konformi mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, u jirrakkomanda, għaldaqstant, li l-kontroll ta' konformità għandu jirrigwarda jekk l-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni uffiċjalment appoġġati implimentawx politiki li huma effikaċi biex jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom ikunu konformi mal-objettivi tal-politika barranija tal-Unjoni;
L-istabbiliment ta' parametri ta' riferiment għall-konformità tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni
9. Jikkondividi l-osservazzjoni tal-Kummissjoni fir-rapport annwali li huwa diffiċli li jiġi definit parametru ta' riferiment preċiż biex titkejjel il-konformità fid-dritt tal-UE; itenni li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 jibqgħu l-parametru ta' riferiment fundamentali li fil-konfront tiegħu għandhom jiġu evalwati l-politiki applikati għat-tranżazzjonijiet fil-qasam tal-kreditu għall-esportazzjoni;
10. Jisħaq fuq il-fatt li l-Unjoni se tkun biss attur globali affidabbli u b'saħħtu jekk l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej isegwu politika esterna konsistenti;
11. Jirrakkomanda li l-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar il-Kreditu għall-Esportazzjoni u l-Kummissjoni jikkonsultaw mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) rigward l-iżvilupp ta' metodoloġija għal rapportar sinifikanti dwar il-konformità mal-Artikolu 21, u rigward l-applikazzjoni fl-UE ta' ċerti linji gwida tal-OECD fil-qasam tal-kreditu għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġat qabel ma jkun imissu jiġi ppreżentat ir-rapport annwali li jmiss; jinsisti biex il-konsultazzjoni pubblika tkun parti minn dan il-proċess;
12. Jikkunsidra li hu ta' importanza primarja li l-Istati Membri jiġu mistiedna jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar l-eżistenza, l-eżitu u l-effikaċja tal-proċeduri ta' diliġenza dovuta fl-iskrinjar tal-proġetti bl-appoġġ uffiċjali ta' kreditu għall-esportazzjoni fir-rigward tal-impatt potenzjali tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem;
13. Huwa konxju tal-fatt li l-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni jiddependu fuq l-informazzjoni pprovduta mis-sħab tal-proġetti tagħhom; huwa konvint li kieku kellu jkun rikjest approċċ strutturat għall-proċeduri ta' diliġenza dovuta mill-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni biex ikunu eliġibbli biex jirċievu finanzjament għall-proġett, is-sħab tal-proġett ikunu lesti li jwettquhom huma stess, biex b'hekk jittaffew l-ispejjeż amministrattivi addizzjonali għall-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni;
14. Jikkunsidra l-progress fir-rapportar dwar il-konformità fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem mill-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni bħala prekursur għal rapportar aħjar dwar l-għanijiet l-oħra tal-azzjoni esterna Ewropea miġburin fl-Artikolu 21, bħall-qerda tal-faqar, u dwar it-trattament tar-riskji ambjentali;
Rapportar dwar it-trattament tar-riskji ambjentali fil-kalkolu tal-primjums tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni
15. Jistieden lill-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni tal-Istati Membri jkomplu jirrapportaw rigward l-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji ambjentali, u jikkunsidra li r-rapportar ta' dan it-tip mill-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni kollha, dawk li huma membri tal-OECD u dawk li mhumiex, hu essenzjali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;
Rapportar dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti
16. Jinnota li l-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni tal-Istati Membri attwalment jirrapportaw dwar l-iskopertura għal obbligazzjonijiet kontinġenti b'modi differenti; jitlob lill-Kummissjoni tipprevedi definizzjoni komuni li tirrifletti x-xewqa tal-Parlament li jiġi infurmat dwar skoperturi li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ;
Gwida u evalwazzjoni mill-Kummissjoni
17. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri għall-perjodu ta' rapportar li jmiss, fost affarijiet oħra dwar kif għandhom jirrapportaw dwar l-eżistenza u l-effikaċja tal-proċeduri ta' diliġenza dovuta fir-rigward tal-politiki tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u dwar kif għandhom jirapportaw dwar it-trattament tar-riskji ambjentali;
18. Jistenna li r-Rapport Annwali li jmiss tal-Kummissjoni jkun jinkludi dikjarazzjoni dwar jekk setgħatx tevalwa l-konformità tal-Istati Membri mal-objettivi u l-obbligi tal-Unjoni u, jekk it-tweġiba tkun negattiva, ir-rakkomandazzjonijiet dwar kif jista' jittejjeb ir-rapportar għal dan il-fini;
Rapport tal-Kummissjoni dwar il-komunikazzjoni mal-pajjiżi li mhumiex membri tal-OECD
19. Ifaħħar l-isforzi li għamlet, fl-2012, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Uniti tal-Amerika, biex tinvolvi liċ-Ċina, il-Brażil, ir-Russja u l-ekonomiji emerġenti l-kbar l-oħrajn fit-twaqqif tal-Grupp ta' Ħidma Internazzjonali tal-Fornituri Ewlenin tal-Finanzjament għall-Esportazzjoni;
20. Jissuġġerixxi li tiġi esplorata r-rilevanza ta' approċċ settorjali fl-iżvilupp tal-Grupp ta' Ħidma Internazzjonali b'mod li tinbena l-bażi għal dispożizzjonijiet orizzontali f'fażi ulterjuri li tkun tiżgura l-adozzjoni komuni ta' standards effikaċi u stretti, u ta' regoli internazzjonali ġodda dwar l-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni, mill-pajjiżi kollha li huma membri tal-OECD u li mhumiex, bil-ħsieb li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;
o
o o
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lis-Segretarjat tal-OECD.
NOTA SPJEGATTIVA
Fl-2011, il-Parlament u l-Kunsill qablu li jittrasponu l-Arranġament tal-OECD tal-2005 dwar l-Attivitajiet ta' Kreditu għall-Esportazzjoni fid-dritt tal-UE. F'dan il-proċess, intlaħaq qbil li jingħata Att Delegat lill-Kummissjoni għat-traspożizzjoni tal-verżjonijiet futuri tal-Arranġamenti tal-OECD bi bdil ma' aktar trasparenza tal-attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri fil-livell tal-UE. Ir-Regolament Nru 1233/2011 konsegwenti jinkludi, fl-Anness I tiegħu, l-elementi ta' rekwiżit għal rapportar annwali mill-Istati Membri lill-Kummissjoni:
- dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet, klejms imħallsa u rkupri, impenji ġodda, skoperturi u ħlasijiet ta' primjums, kif ukoll dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti li jistgħu jirriżultaw minn attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati;
- kif ir-riskji ambjentali, li jistgħu jinvolvu riskji rilevanti oħrajn, jitqiesu fl-attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati;
- evalwazzjoni rigward il-konformità tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni mal-objettivi u l-obbligi tal-UE.
L-aħħar punt tar-rekwiżit għar-rapportar għall-Istati Membri ddaħħal fit-test ewlieni tar-Regolament permezz tal-Premessa 4, li tagħtih importanza u direzzjoni partikolari:
(4) L-Istati Membri għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Unjoni dwar l-azzjoni esterna, bħall-konsolidazzjoni demokratika, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-koerenza politika għall-iżvilupp u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, meta jistabbilixxu, jiżviluppaw u jimplimentaw is-sistemi nazzjonali għall-krediti ta’ esportazzjoni u meta jwettqu s-superviżjoni tagħhom tal-attivitajiet għall-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati.
Id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Unjoni rigward l-Azzjoni Esterna huma miġbura fl-Artikoli 3 u 21 tat-TUE.
Barra minn hekk, l-Anness I jinkludi rekwiżit għal rapportar annwali għall-Kummissjoni lill-Parlament rigward in-negozjati li jkunu twettqu biex jiġu stabbiliti standards globali fil-qasam tal-kreditu għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġat.
L-ewwel perjodu ta' rapportar, skont il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 1233/2011, ikopri s-sena 2011.
Nhar l-14 ta' Diċembru 2012, il-President tal-Kumitat INTA tal-Parlament irċieva b'mod informali l-abbozz tar-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri fl-2011. L-abbozz jevalwa r-rapporti tal-20 Stat Membru mis-27 li jżommu programmi attivi ta' kreditu għall-esportazzjoni. L-20 rapport tal-Istati Membri ġew kollha trasmessi fl-istess data.
Nhar l-4 ta' Marzu 2013, il-Kumitat INTA tal-Parlament u l-Kumitat tal-Politika Kummerċjali tal-Kunsill irċevew l-istess sett ta' dokumenti mingħajr tibdil taħt il-kategorija ta' 'dokumenti limitati', jiġifieri, dokumenti li jinkludu informazzjoni sensittiva maħsuba għal dawk il-persuni li għandhom bżonn ikunu jafuha minħabba raġunijiet professjonali u għaċ-ċirkolazzjoni interna lill-Membri ta' dak il-kumitat biss.
Nhar il-21 ta' Marzu 2013, il-Parlament irċieva wkoll mill-Kummissjoni r-Rapport dwar in-negozjati li twettqu mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kreditu għall-esportazzjoni għall-perjodu 2011-2012, skont ir-Regolament Nru 1233/2011. Dan id-dokument ukoll ġie trasmess taħt il-kategorija ta' 'dokumenti limitati'.
Sadanittant, il-ħidma fuq dan ir-rapport bdiet b'deċiżjoni tal-Koordinaturi tal-Kumitat INTA f'Diċembru 2012 u kien hemm l-ewwel u t-tieni skambju ta' fehmiet fil-Kumitat INTA fil-21 ta' Frar u fil-21 ta' Marzu 2013 rispettivament biex il-Parlament jikkontribwixxi fi żmien utli għar-redazzjoni tat-tieni rapport annwali tal-Istati Membri. Fl-okkażjoni taż-żewġ skambji ta' fehmiet fil-Kumitat, id-dokumenti ma setgħux jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku interessat permezz tas-sit tal-Kumitat INTA fuq l-internet. Sal-ġurnata stess meta nkitbet din in-Nota Spjegattiva, id-dokumenti ta' bażi li jirreferi għalihom dan ir-rapport mhumiex disponibbli għall-pubbliku ġenerali.
Ir-Rapporteur jinsab imħasseb ħafna u qed jikkontesta dan l-approċċ ta' kunfidenzjalità mill-Kummissjoni li jmur totalment kontra l-għan innifsu tar-Regolament Nru 1233/2011 li tiżdied it-trasparenza fil-livell tal-UE tal-attivitajiet tal-Istati Membri ta' kreditu għall-esportazzjoni. It-talbiet tiegħu huma espressi fl-ewwel paragrafi tar-rapport.
Nhar is-27 ta' Marzu 2013, il-Parlament rċieva l-ewwel Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru …/..tal-14.03.2013 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta' esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. L-għan tar-Regolament ta' Delega huwa li jaġġorna r-Regolament bażiku Nru 1233/2011 bl-Arranġamenti l-ġodda tal-OECD dwar modifika għas-sistema tal-primjums tal-Arranġament tal-OECD, il-Qbil Settorjali tal-2011 dwar il-Kreditu għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili, u l-Qbil Settorjali dwar il-Kreditu għall-Esportazzjoni għall-Enerġiji Rinnovabbli, il-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u Proġetti Akkwatiċi.
Filwaqt li r-Rapporteur m'għandux oġġezzjonijiet fir-rigward tal-kontenut tal-emendi proposti, huwa diffiċli għalih li jikkonċepixxi li qed jingħata Att Delegat, filwaqt li għadhom ma ġewx sodisfatti r-rekwiżiti ta' trasparenza ta' tpaċija tar-Regolament ta' bażi Nru 1233/2011.
Dan l-iżbilanċ jiġi aggravat mill-kwalità baxxa tar-rapportar tal-Istati Membri rigward l-attivitajiet tagħhom ta' kreditu għall-esportazzjoni fl-2011, kif ukoll tal-evalwazzjoni ta' dawn ir-rapporti mill-Kummissjoni.
Minn naħa, ir-rapport tal-Kummissjoni jindika b'mod ċar l-iskala u l-importanza tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni. L-iskopertura rrapportata tal-attivitajiet tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni tal-Istati Membri matul l-2011 ammontat għal aktar minn EUR 250 biljun, inklużi 260 tranżazzjoni li hu rrapportat li għandhom implikazzjonijiet ambjentali kbar. Hekk kif ir-Rapporteur diġà esprima matul il-proċedura leġiżlattiva dwar ir-Regolament Nru 1233/2011, japprezza l-fatt li l-Istati Membri għandhom għodda ta' dan it-tip għad-dispożizzjoni tagħhom li tikkontribwixxi għall-opportunitajiet kummerċjali u ta' negozju għall-kumpaniji Ewropej.
Biex nikkuntestwalizzaw iċ-ċifri: dawn jirrappreżentaw kważi d-doppju tal-baġit annwali tal-Unjoni. Komparattivament, il-baġit tal-Unjoni taħt l-intestatura "L-Unjoni bħala attur globali" jammonta għal inqas minn EUR 10 biljun. Dan ifisser li l-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni qed jappoġġaw proġetti li huma mill-inqas 25 darba akbar mill-approprazzjonijiet annwali riżervati fil-baġit tal-Unjoni għall-azzjoni esterna tagħha.
L-iskala tal-attivitajiet tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni tikkonferma komprensivament l-importanza tal-Premessa 4 tar-Regolament Nru 1233/2011, li tiddikjara li l-konformità mal-azzjoni esterna tal-Unjoni, bħall-konsolidament tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, għandha tkun gwida ewlenija meta din l-għodda tintuża mill-Istati Membri tagħna. Daqstant importanti għalhekk huma r-rekwiżiti ta' rapportar kif ifformulati fl-Anness I tar-Regolament, sabiex il-Parlament ikun jista' jwettaq valutazzjoni ta' din il-konformità.
Min-naħa l-oħra, ir-rapporti annwali tal-Istati Membri kif ukoll l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta' dawn ir-rapporti bilkemm issodisfaw l-intenzjoni tal-Parlament li jkun jista' jwettaq valutazzjoni ta' dan it-tip. Dan huwa minnu b'mod speċjali fir-rigward tar-rapportar rigward il-punti mhux finanzjarji tal-Anness I, bħat-trattament tar-riskji ambjentali fil-kalkolu tal-primjums tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni u fil-konformità mal-għanijiet tal-politika barranija tal-Unjoni.
Sa ċertu punt dan in-nuqqas mhuwiex sorprendenti. Ċerti Stati Membri qed iwettqu sforzi li ta' min ifaħħarhom biex jirrapportaw dwar dawn is-suġġetti aktar diffiċli, pereżempju l-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi, u d-Danimarka. Madankollu, irridu nirrikonoxxu li għad m'hemm l-ebda metodoloġija stabbilita dwar ir-rapportar ta' kwistjonijiet mhux finanzjarji, u l-Istati Membri u anke l-Istituzzjonijiet Ewropej, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment, għadhom iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-Trattat ta' Lisbona biex juru l-konformità tagħhom mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.
Għalhekk, sabiex jikkontribwixxi għal rapportar aħjar, il-bqija tar-rapport għandu l-għan li jgħaddi rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni dwar kif għandhom jipproduċu rapport annwali sussegwenti li jissodisfa aħjar l-istennijiet tagħna għal monitoraġġ tal-ħidma tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni. Dan jirrigwarda speċjalment ir-rapportar dwar il-konformità tal-attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri mal-għanijiet tal-azzjoni esterna kif jinsabu fl-Artikoli 3 u 21 tat-Trattat ta' Lisbona.
Xi rakkomandazzjonijiet ulterjuri jqisu wkoll ir-rapportar dwar il-kalkolu tal-livell tal-primjum għar-riskju ambjentali u dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni, kif ukoll dwar l-attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni indrizzati lejn il-pajjiżi li mhumiex membri tal-OECD.
Ir-rapport jikkonkludi bl-istedina lill-Kummissjoni biex tipprovdi gwida lill-Istati Membri biex, fir-rapporti annwali li jmiss, il-Kummissjoni tkun tista' effettivament tipprovdi lill-Parlament b'valutazzjoni dwar jekk, fl-opinjoni tagħha, tistax tiġi aċċertata l-konformità tal-attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
28.5.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
28 1 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
William (The Earl of) Dartmouth, Maria Badia i Cutchet, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, Andrea Cozzolino, George Sabin Cutaş, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Henri Weber, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Paweł Zalewski |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Catherine Bearder, Albert Deß, Elisabeth Köstinger, Mario Pirillo, Marietje Schaake, Jarosław Leszek Wałęsa |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marie-Christine Vergiat |
||||