RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Małgorzata Handzlik
4.6.2013 - (2012/2238(IMM))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Dimitar Stoyanov
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Małgorzata Handzlik
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Małgorzata Handzlik, imressqa fit-3 ta’ Lulju 2012 mill-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika Pollakka b’rabta mal-investigazzjoni VI DS 312/10 tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tad-Distrett ta’ Varsavja u mħabbra fis-seduta plenarja fl-10 ta’ Settembru 2012,
– wara li sema' lil Małgorzata Handzlik skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li sema' wkoll lil Giovanni Kessler, Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, u lil Roger Vanhaeren, Direttur Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Mejju 1964, tal-10 ta’ Lulju 1986, il-15 u l-21 ta’ Ottubru 2008, id-19 ta’ Marzu 2010 u s-6 ta’ Settembru 2011[1],
wara li kkunsidra l-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0195/2013),
A. billi l-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika Pollakka talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, Małgorzata Handzlik, b’rabta ma' investigazzjoni u azzjoni legali possibbli rigward reat allegat;
B. billi skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-Parlament ta’ dak l-Istat;
C. billi l-Artikolu 105(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Pollakka tipprevedi li l-Membri tal-Parlament jistgħu jiġu proċessati biss bil-kunsens tal-Parlament;
D. billi t-talba tal-Prosekutur Pubbliku tirrelata ma’ proċedimenti li jirrigwardaw allegat reat taħt l-Kodiċi Kriminali Pollakka tas-6 ta’ Ġunju 1997;
E. billi l-allegazzjoni sustantiva hi relatata mal-attentat ta’ ksur tal-Artikoli 270(1) u 286(1) ta’ dak il-kodiċi, li tirrigwarda l-frodi u l-użu ta’ dokumenti foloz rispettivament;
F. billi Małgorzata Handzlik fil-fatt qed tiġi akkużata li ppruvat twettaq frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi allegatament ippreżentat dokumenti falsifikati bl-għan li tikseb rimborż għall-ispejjeż tal-attendenza ta’ kors tal-lingwa meta fil-fatt ma attendietx l-imsemmi kors;
G. billi l-azzjonijiet allegati ma jikkostitwixxux opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa fit-twettiq tad-dmirijiet tal-Membru tal-Parlament Ewropew fit-tifsira tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
H. billi, madankollu, minħabba ċ-ċirkustanzi li fihom ġie trattat il-każ kontra Małgorzata Handzlik mid-diversi awtoritajiet konċernati u l-istatus u l-provenjenza inċerta tal-evidenza, jeżistu dubji serji dwar din il-proċedura;
I. billi donnu li dan hu każ fejn wieħed jista’ jassumi fumus persecutionis;
J. billi għaldaqstant l-immunità tas-Sa Małgorzata Handzlik m’għandhiex titneħħa;
1. Jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' Małgorzata Handzlik;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Pollakka u lil Małgorzata Handzlik.
- [1] Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier [1964] ECR 195, Kawża 149/85 Wybot vs Faure et [1986]
ECR 2391, Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parlament [2008] ECR II-2849, Kawżi Magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra
vs De Gregorio u Clemente [2008] ECR I-7929, u Kawża T-42/06 Gollnisch vs Il-Parlament (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra)
u Kawża C-163/10 Patriciello (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).
NOTA SPJEGATTIVA
1. Sfond
Fis-seduta tal-10 ta' Settembru 2010, il-President ħabbar skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura li kien irċieva ittra mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika Pollakka li titlob it-tneħħija tal-immunità parlamentari tas-Sa Handzlik. B'konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-President irrefera din it-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali.
Is-Sa Handzlik qed tiġi akkużata li talbet rimborż mingħand il-Parlament Ewropew għall-ispejjeż tal-attendenza ta’ kors ta’ lingwa fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet relevanti minkejja li m’attendietx il-kors imsemmi.
2. Il-liġi u l-proċedura tal-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew
L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar l-immunitajiet u l-privileġġi tal-Unjoni Ewropea jgħid kif ġej:
"Artikolu 8
Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhomx ikunu soġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Artikolu 9
Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu, għandhom igawdu:
(a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;
(b) fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċedimenti legali.
L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.
L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta' reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta' xi wieħed mill-membri tiegħu.”
L-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Pollakka jgħid kif ġej:
"Artikolu 105
1. Deputat m’għandux jinżamm responsabbli għal attivitajiet li jsiru skont il-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat ta’ Deputat matul il-mandat tiegħu u lanqas wara li jintemm il-mandat. F'dak li jirrigwarda attivitajiet ta' dan it-tip, Deputat jista’ jinżamm responsabbli biss quddiem is-Sejm u, f'każ li jkun kiser id-drittijiet ta' partijiet terzi, kwalunkwe proċedura kontrih quddiem qorti tista’ ssir biss bil-kunsens tas-Sejm.
2. Mill-ġurnata meta jitħabbru r-riżultati tal-elezzjonijiet sal-ġurnata meta jintemm il-mandat tiegħu, Deputat m’għandux ikun suġġett għal responsabilità kriminali mingħajr il-kunsens tas-Sejm.
3. Proċeduri kriminali li jinfetħu kontra persuna qabel il-ġurnata li fiha tiġi eletta bħala Deputat, għandhom ikunu sospiżi fuq talba tas-Sejm sakemm jintemm il-mandat. F’każ ta' dan it-tip, iż-żmien ta' preskrizzjoni fir-rigward tal-proċeduri kriminali għandu jkun estiż għaż-żmien ekwivalenti.
4. Deputat jista’ jagħti l-kunsens tiegħu li jitressaq b'responsabilità kriminali. F'dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 ma japplikawx.
5. Deputat ma jistax jiġi detenut jew arrestat mingħajr il-kunsens tas-Sejm, ħlief f’każijiet fejn dan jinqabad waqt it-twettiq ta’ reat u fil-każ fejn id-detenzjoni tiegħu tkun meħtieġa biex ikun żgurat li l-proċedura ssir kif jixraq. Il-Marixxall tas-Sejm għandu jkun mgħarraf minnufih dwar kull detenzjoni ta' dan it-tip, u jista' jordna li d-Deputat jinħeles minnufih.
6. Il-prinċipji dettaljati u l-proċeduri biex jitħarrku d-Deputati b'responsabilità kriminali għandhom ikunu speċifikati mill-istatut.”
L-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew jgħidu kif ġej:
“Artikolu 6 - Tneħħija tal-immunità
1. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġislattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom.
2. Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru sabiex titneħħa l-immunità ta' xi Membru għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.
[...]
Artikolu 7 - Proċeduri dwar l-immunità
1. Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skond l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.
2. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.
3. Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn membru ieħor.
[...]
7. Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità in kwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.
11. Il-kumitat għandu jittratta dawn l-affarijiet u juża d-dokumenti li jkun irċieva bl-akbar kunfidenzjalità.”
3. Ġustifikazzjoni għall-proposta ta' deċiżjoni
Il-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika Pollakka kien talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, Małgorzata Handzlik, b’konnessjoni ma’ azzjoni legali possibbli dwar attentat allegat ta’ frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi allegatament ippreżentat dokumenti falsifikati bl-għan li tikseb rimborż għall-ispejjeż tal-attendenza ta’ kors tal-lingwa meta fil-fatt ma attendietx l-imsemmi kors.
Dawn l-azzjonijiet imorru kontra l-Artikoli 270(1) u 286(1) tal-Kodiċi Kriminali Pollakka tas-6 ta’ Ġunju 1997, li jirrigwardaw il-frodi u l-użu ta’ dokumenti falsifikati.
L-azzjonijiet allegati ma jikkostitwixxux opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa fit-twettiq tad-dmirijiet tal-Membru tal-Parlament Ewropew għall-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.
Skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta’ dak l-Istat. L-Artikolu 105(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Pollakka jipprevedi li l-Membri tal-Parlament ma jistgħux jiġu proċessati mingħajr il-kunsens tal-Parlament.
Is-Sa Handzlik instemgħet darbtejn f’dawn il-proċedimenti, u kellha l-opportunità li tleħħen it-tħassib tagħha dwar il-proċedura.
Il-Kumitat sema’ wkoll lil Giovanni Kessler, Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, u lil Roger Vanhaeren, Direttur Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament Ewropew.
Iċ-ċirkostanzi li fihom ġie trattat il-każ kontra Małgorzata Handzlik, meta nqisu l-ammont żgħir ta’ flus konċernat u l-istatus u l-provenjenza inċerti tal-evidenza, iqajmu dubji serji dwar din il-proċedura. Għaldaqstant donnu li dan hu każ fejn wieħed jista’ jassumi l-eżistenza ta’ fumus persecutionis.
Għaldaqstant, l-immunità parlamentari tas-Sa Małgorzata Handzlik m’għandhiex titneħħa.
4. Konklużjoni
Abbażi ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, u wara li ġew ikkunsidrati r-raġunijiet favur u kontra t-tneħħija tal-immunità tal-Membru, hu rakkomandat li l-Parlament Ewropew ma jneħħix l-immunità parlamentari ta’ Małgorzata Handzlik.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
29.5.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
10 0 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sajjad Karim, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Jiří Maštálka, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Dimitar Stoyanov, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Mary Honeyball, Eva Lichtenberger |
||||