Proċedura : 2012/2318(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0220/2013

Testi mressqa :

A7-0220/2013

Dibattiti :

PV 11/09/2013 - 13
CRE 11/09/2013 - 13

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2013 - 13.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0380

RAPPORT     
PDF 226kWORD 199k
12.6.2013
PE 504.129v02-00 A7-0220/2013

dwar id-Dimensjoni Marittima tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni

(2012/2318(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Ana Gomes

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-Dimensjoni Marittima tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni

(2012/2318(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 42, 43 u 45 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 194 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà intitolata 'Ewropa sikura f'dinja aħjar', adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003, u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha intitolat 'Nipprovdu s-Sigurtà f’Dinja li qed Tinbidel’, approvat mill-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra l-Politika Marittima Integrata tal-2007 (COM(2007)0575) u r-Rapport ta' Progress tal-2012 (COM(2012)0491),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Ministri Ewropej responsabbli għall-Politika Marittima Integrata u tal-Kummissjoni Ewropea tas-7 ta' Ottubru 2012, dwar Aġenda tal-Baħar u Marittima għat-tkabbir u l-impjiegi, id-"Dikjarazzjoni ta' Limassol",

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Marittima tas-26 ta' April 2010,

–   wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Qarn tal-Afrika(1),

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) tal-10 ta' Diċembru 1982,

–   wara li kkunsidra l-Proposta Konġunta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-Klawżola ta' Solidarjetà tal-21 ta' Diċembru 2012(2),

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2006 intitolata 'Lejn Politika Marittima tal-Unjoni għall-ġejjieni', Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra' (COM(2006)0275),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar il-politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema(3) u l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2012 dwar l-Iżvilupp ta’ Politika tal-Unjoni Ewropea rigward ir-Reġjun Artiku: il-progress mill-2008 u l-passi li jmiss(4),

–   wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) dwar il-Ġbir flimkien u l-Qsim tal-2012,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Alleanza Marittima adottata minn NATO fit-18 ta' Marzu 2011,

–   wara li kkunsdira l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija 'l barra mix-xtut tas-Somalja (ATLANTA) tal-2008(5),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-missjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR) tal-2012(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar il-Kooperazzjoni ċivili-militari u l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ċivili-militari(7),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Qarn tal-Afrika tal-14 ta' Novembru 2011, u, b’mod partikolari, il-Qafas Strateġiku stabbilit fl-anness tagħhom,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013(9) dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-piraterija fuq il-baħar(10) u tal-10 ta' Mejju 2012 dwar il-piraterija marittima(11),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0220/2013),

A. billi l-Istati Membri tal-UE jikkostitwixxu kosta ta' 'l fuq minn 90 000 kilometru fit-tul fil-fruntiera bejn żewġ oċeani u erba' ibħra, apparti mit-territorji extra-Ewropej u l-installazzjonijiet ta' sigurtà nazzjonali f'oċeani oħra; billi l-Istati Membri tal-UE huma responsabbli għall-kontroll, is-sigurtà u s-sikurezza tal-ilmijiet kostali u territorjali Ewropej, iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi (EEZs), il-blata kontinentali, l-infrastruttura marittima u r-riżorsi marittimi; billi l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jkunu l-fornituri prinċipali tas-sigurtà għall-baħħara abbord bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u għaċ-ċittadini tagħhom; billi n-nuqqas ta' kapaċità tal-Istati li jikkontrollaw l-ispazju marittimu għandu konsegwenzi li jmorru lil hinn sew miż-żoni kostali u marittimi tagħhom;

B.  billi l-limiti marittimi tal-Istati Membri jiffurmaw l-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea;

C. billi l-ispazji marittimi huma miftuħa, vasti u mingħajr limiti, u huma limitati biss mill-ġurisdizzjonijiet marittimi; billi l-ispazji marittimi huma diffiċli biex jiġu kkontrollati, speċjalment peress li d-dritt marittimu internazzjonali għandu l-għan prinċipali li jiffaċilità l-kummerċ u jiggarantixxi l-moviment liberu;

D. billi 90 % tal-kummerċ estern tal-UE u 40 % tal-kummerċ intern tagħha hu trasportat permezz tal-baħar; billi l-UE hi l-attur ewlieni fid-dinja tat-trasport marittimu, u sidien ta' vapuri Ewropej imexxu 30 % tal-bastimenti u 35 % tat-tunnellaġġ tat-trasport dinji - inter alia 55 % tal-bastimenti tal-kontejners u 35 % tat-tankers, u dan jirrappreżenta 42 % tal-valur tal-kummerċ globali bil-baħar; billi l-Istati Membri tal-UE flimkien jikkostitwixxu l-ikbar EEZ (ta' madwar 25 miljun metru kwadru);

E.  billi kwalunkwe strateġija marittima tal-UE għandha l-ewwel u qabel kollox tippromwovi l-prinċipji bażiċi stabbiliti l-Artikolu 21 tat-TFUE bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali; billi l-Istati għandhom l-obbligu li jippruvaw isaħħu u jinfurzaw mill-ġdid id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-UNCLOS u li jiggarantixxu l-fluss tar-rotot marittimi u l-preservazzjoni tal-Beni Komuni Globali u tal-interessi kummerċjali u ambjentali;

F.  billi l-importanza tal-flussi marittimi globali għall-Unjoni żdiedet b'mod esponenzjali bħala konsegwenza tat-tkabbir ekonomiku, il-globalizzazzjoni u l-interdipendenza globali li dejjem qed tikber; billi l-bilanċ marittimu ġeostrateġiku qed jinbidel malajr, u l-poteri emerġenti qed jadottaw strateġiji u tekonoloġiji ta' ċaħda għall-aċċess biex jistabbilixxu ruħhom fiż-żoni marittimi reġjonali u globali, filwaqt li jikkostrinġu l-aċċess tal-Istati Uniti u tal-Ewropea billi ambjent ta' sigurtà marittima aktar kumpless u vast b'applikazzjoni mhux stretta u varjata tat-trattati internazzjonali jagħmilha aktar diffiċli li jkun hemm multilateraliżmu u kooperazzjoni internazzjonali effettivi fir-regolamentazzjoni tal-affarijiet marittimi; billi huwa fl-interess tal-UE li tiżgura sigurtà marittima mhux biss fl-ilmijiet 'l barra mill-kosti iżda fl-oċeani u l-ibħra tad-dinja;

G. billi ħafna fatturi bħall-faqar, in-nuqqas ta' żvilupp, il-livelli baxxi tal-kontroll mill-istat u tal-infurzar tal-liġi u l-vulnerabbiltà tar-rotot jinkoraġġixxu l-proliferazzjoni ta' tipi differenti ta’ theddid għas-sigurtà marittima; billi dak it-theddid jista' jitnissel kemm mill-atteġġamenti tal-istati li jistgħu jkunu interessati fit-tfixkil tal-flussi marittimi internazzjonali u mill-attivitajiet illegali ta' atturi mhux statali, bħal reati transnazzjonali (pereżempju t-traffikar tal-armi jew tad-drogi), it-terroriżmu internazzjonali jew il-piraterija li jesplojtjaw id-dgħufijiet ta' sistema frammentata ta’ governanaza marittima lokali, reġjonali u globali ; billi l-attivitajiet legali u illegali fuq il-baħar qed jiżdiedu fin-numru u fil-kumplessità b'riżultat ta' din il-multiplikazzjoni tal-atturi preżenti fuq il-baħar li jagħmluha aktar u aktar diffiċli li jkun hemm distinzjoni bejn l-attivitajiet legali u dawk illegali; billi dan jitfa' pressjoni fuq l-UE biex tinvesti f'approċċ olistiku sabiex tindirizza l-kumplessità tal-isfidi transnazzjonali, li l-ebda Stat Membru ma jista' jaffronta waħdu;

H. billi l-perspettiva globali dwar il-kapaċitajiet navali u l-projezzjoni tal-poter qed tinbidel malajr, filwaqt li l-poteri emerġenti u stabbiliti qed jesprimu dubju dwar il-prinċipji tal-UNCLOS, l-arbitraġġ u r-regolamentazzjoni internazzjonali; billi, l-aktar sinifikanti, iċ-Ċina ssegwi l-politika ta' "String of Pearls", billi tipprova żżid u testendi l-preżenza tagħha fuq il-baħar għal għadd kbir ta' raġunijiet iddikjarati u mhux, mis-sigurtà tal-kummerċ u r-rotot tal-enerġija sal-kontroll tar-riżorsi marittimi u l-infrastruttura marittima kritika, b'hekk tmur kontra l-interessi marittimi tal-ġirien kważi kollha tagħha fl-Ibħra tan-Nofsinhar u tal-Lvant taċ-Ċina;

I.   billi l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha huma partijiet kontraenti għall-UNCLOS, għaldaqstant il-Konvenzjoni tikkostitwixxi parti mill-acquis communautaire;

J.   billi, bħala attur globali, l-UE trid tikkunsidra l-isfidi ta' sigurtà u r-risposti awtonomi possibbli, b’mod partikolari fir-rigward taż-żoni viċini tal-Baħar Mediterran, il-Qarn tal-Afrika u l-Atlantiku tal-Punent, iżda wkoll il-Paċifiku, mil-Lvant sal-Punent, u mill-Artiku sal-Antartiku;

K. billi l-atturi mhux statali marittimi illegali jipproliferaw, filwaqt li jheddu r-rotot u l-infrastrutturi marittimi kritiċi u jesplojtaw id-dgħjufijiet tal-istati u l-ġurisdizzjonijiet tagħhom;

L.  billi l-ġlieda kontra dan it-theddid mhux konvenzjonali ħafna drabi sseħħ f'ambjenti diffikultużi u perikolużi, u b'hekk tirrikjedi kemm mezzi ċivili kif ukoll militari; billi l-PSDK, b'dimensjoni kemm ċivili kif ukoll militari, hi qafas xieraq għall-ġlieda kontra t-theddid perikoluż fuq il-baħar u tul il-kosti;

M. billi l-UE waħida ma tistax tiżgura sigurtà marittima globali; billi għandha bżonn tikseb sħubiji b'saħħithom ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet reġjonali, speċjalment f'żoni remoti - pereżempju fl-Asja, fejn pereżempju hu aktar diffiċli li l-UE tuża r-riżorsi propji;

N. billi l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà (ESS) ma tirreferix speċifikament għad-dimensjoni marittima, apparti billi tidentifika l-piraterija bħala theddida għall-UE; billi l-Politika Marittima Integrata Ewropea (PMI) tindirizza l-kwistjonjiet marittimi iżda bilkemm tmiss mad-dimensjoni tas-sigurtà u b'hekk tittraskura qasam li qed ikompli jħasseb l-UE; billi hemm ħtieġa imperattiva għal reviżjoni tal-approċċ tal-UE għas-sigurtà marittima, partikolarment bl-adozzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Marittima Ewropea (EMSS) li tikkjarifika kif il-PMI għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-ESS; billi din l-EMSS għandha tiddefinixxi l-interessi ta’ sigurtà u l-objettivi strateġiċi, u tidentifika l-objettivi, ir-riskji, il-mezzi disponibbli u neċessarji għal intervent, kif ukoll xenarji eventwali;

O. billi l-EMSS hi meħtieġa sabiex l-interessi, ir-riskji u l-opportunitajiet li l-Unjoni taffaċja fuq il-baħar jiġu integrati, inkluża l-protezzjoni għaċ-ċittadini Ewropej u l-assi tagħhom; billi dik l-istrateġija għandha tippromwovi l-valuri u l-prinċipji Ewropej, u jeħtieġ li jkollha miri fit-tul u tkun proattiva u timmobilizza l-instituzzjonijiet u l-atturi rilevanti kollha, kemm ċivili kif ukoll militari u tenfasizza, b'mod partikolari, li l-fatt li l-Istati Membri tal-UE ma jifilħux jiżviluppaw u jżommu l-kapaċitajiet navali bl-objettiv uniku li jużawhom esklussivament f'operazzjonijiet potenzjali ta' intensità għolja;

P.  billi l-kunflitt u n-nuqqas ta' stabbiltà li jaffettwaw l-interess tal-UE fil-flussi marittimi miftuħin u l-aċċess sikur jirrikjedu eżami aktar profond tar-rabta bejn is-sigurtà tal-bniedem, il-governanza tal-istat u l-iżvilipp u billi l-istrateġija tal-UE għall-Qarn tal-Afrika għandha għalhekk tintuża bħala mudell għal approċċ komprensiv li jinvolvi l-istrumenti politiċi, diplomatiċi, soċjali, u ekonomiċi tal-UE; billi dan l-approċċ komprensiv għandu jkunfil-qalba tal-EMSS u għandu jinvolvi koordinazzjoni fost l-inizzjattivi, l-aġenziji u l-istrumenti differenti tal-UE, bl-għan li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tan-nuqqas ta'stabbiltà u jingħata kontribut sabiex jiġi riżolt il-kunflitt, tiġi rinforzata l-paċi u tingħata assistenza fil-bini tal-istat, il-governanza u l-iżvilupp, bl-inklużjoni tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, il-provvista tal-enerġija, is-sigurtà marittima u ta' kummerċ ieħor u tat-trasport, il-protezzjoni tas-sajd u l-ambjent u l-impatt tat-tibdil fil-klima;

Rimarki ġenerali dwar l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà Marittima futura

1.  Jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha interess vitali f'ambjent marittimu sikur, miftuħ u nadif li jippermetti passaġġ liberu tal-kummerċ u tal-persuni u l-użu paċifiku, legali, ġust u sostenibbli tal-ġid tal-oċeani, li l-flussi marittimi jirrappreżentaw il-vitalità tal-kummerċ Ewropew u huma fil-bażi tal-prosperità u l-influwenza Ewropea; li s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej u l-promozzjoni tal-prinċipji tal-Artikolu 21 tat-TFUE huma responsabbiltà tal-UE u tal-Istati Membri; u li l-qafas istituzzjonali tal-UE, kemm ċivili kif ukoll militari, għandu, għaldaqstant, jiġi żviluppat aktar sabiex jipprovdi għall-objettivi, il-mezzi u l-kapaċitajiet neċessarji biex jassumi dik ir-responsabbiltà;

2.  Ifakkar lill-Istati Membri li permezz ta' spirtu ta' impenn, fehim mutwali u solidarjetà ġenwina biss l-Unjoni tista' twettaq ir-rwol tagħha kif stabbilit fit-Trattat ta' Lisbona u la-mbizzjoni dikjarata tagħha li tkun fornitur ta’ sigurtà fuq livell globali; ifakkar, b'rabta ma' dan, li l-Artikolu 42(7) tat-TUE ('il-klawżola ta' difiża reċiproka' jew 'il-klawżola ta' assistenza reċiproka’), l-Artikolu 222 tat-TFUE ('il-klawżola tas-solidarjetà'), u l-Artikolu 42(6)TUE (kooperazzjoni permanenti strutturata) introdotti mit-Trattat ta' Lisbona, jipprovdu l-qafas istituzzjonali għal solidarjetà effikaċi fost l-Istati Membri kollha fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni; ifakkar li dawk l-istrumenti għad għandhom jiġu implimetati; ifaħħar, b’mod partikolari, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għall-Proposta Konġunta dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-klawżola tas-solidarjetà u jistedinhom jivvalutaw liema jkunu l-konsegwenzi kieku din il-klawżola tiġi attivata biex tindirizza kwalunkwe sfida fuq il-baħar jew li tinvolvu assi jew infrastrutturi marittimi; iħeġġeġ lill-Kunsill biex japprova din il-proposta malajr;

3.  Jenfasizza l-fatt li l-UNCLOS tipprovdi l-qafas legali għat-tipi kollha ta' attivitajiet imwettqa fl-oċeani u l-ibħra u tista' sservi ta' gwida għar-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim marittimu; iħeġġeġ, għalhekk, lill-UE u l-Istati Membri tagħha jippromwovu l-universitalità tal-Konvenzjoni u jinsistu dwar il-bżonn ta’ implimentazzjoni uniformi u konsistenti tad-dispożizzjonijiet tagħha;

4.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Unjoni Ewropea diġà tiddisponi minn ftit mill-mezzi u l-istrumenti neċessarji biex tilqa' l-isfidi globali ta' sigurtà marittima u l-bżonn ta' ambjent sikur u stabbli, permezz tas-SEAE u l-Kummissjoni Ewropea, l-istrumenti finanzjarji, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja, il-ġestjoni tal-kriżi, il-kooperazzjoni kummerċjali, u għodda oħra rilevanti għal azzjoni; jinnota, madankollu, li l-biċċa l-kbira tal-assi tekniċi u dawk materjali huma responsabbiltà tal-Istati Membri ui r-rieda tagħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom hi ta' importanza kbira għall-futur tas-sigurtà marittima;

5.  Jinnota, madankollu, li l-Istrateġija ta' Sigurtà Marittima hi meħtieġa biex ikun żgurat approċċ integrat u komprensiv, li jiffoka speċifikament fuq it-theddid, ir-riskji, l-isfidi u l-opportunitajiet preżenti fuq il-baħar; li l-EMSS, filwaqt li hi msejsa fuq il-valuri u l-prinċipji Ewropej, trid tiżviluppa sinerġiji u risposti konġunti li jimmobilizzaw l-atturi u l-istituzzjonijiet rilevanti kollha, kemm ċivili kif ukoll militari; li l-EMSS għandha tidentifika t-theddid potenzjali kollu, minn theddid konvenzjonali ta' sigurtà għal dawk imposti minn diżastri naturali u mit-tibdil fil-klima, minn theddid li jaffettwa l-protezzjoni tar-riżorsi marittimi vitali għas-sigurtà tal-infrastruttura marittima u l-flussi kummerċjali; li trid tidentifika wkoll il-mezzi u l-kapaċitajiet speċifiċi meħtieġa biex tindirizza l-isfidi kollha, inklużi s-servizzi sigrieti, is-sorveljanza u l-pattulja, it-tfittix u s-salvataġġ, it-trasport bil-baħar, l-evakwazzjoni tal-UE u ċittadini oħrajn minn żoni ta' kriżi, l-infurzar tal-embargo, u l-assistenza għal kwalunkwe missjonijiet u interventi mmexxija mill-PSDK;

6.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli, il-Kummissjoni, u l-Kunsill biex ifasslu EMSS iffukata fuq, l-artikulazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-atturi Ewropej kollha u l-Istati Membri rilevanti għas-sigurtà marittima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lir-RGħ/VP, kif xieraq, jindirizzaw in-nuqqasijiet tal-PMI tal-2007 li ma tinkludix id-dimensjoni tas-sigurtà kif ukoll il-limiti tal-ESS li naqset milli tindirizza t-theddid u r-riskji għas-sikurezza marittimi; hu tal-fehma li l-livell ta' ambizzjoni kif ukoll il-mezzi u l-kapaċitajiet tal-EMSS għandhom jiġu mħaddna fl-ESS u l-PMI u għandhom jiġu determinati permezz tal-bżonn li taġixxi bħala fornitur tas-sigurtà globali, biex b'hekk tiżgura flussi marittimi u l-aċċess liberi fl-ibħra miftuħa mad-dinja kollha; jenfasizza l-fatt li s-sigurtà marittima, se jaffettwa fi żmien qasir, medju u fit-tul, basikament il-komponenti l-oħra kollha tas-sigurtà u l-prosperità Ewropea;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jassistu mill-qrib u jkunu involuti b'mod attiv mas-SEAE u mal-Kummissjoni fit-tfassil ta' EMSS ġdid, bl-għan li jsir użu effikaċi tal-assi varjati kollha tagħhom, kif ukoll jikkunsidraw l-identifikazzjoni u l-ħolqien ta' kapaċitajiet ġodda permezz tal-akkomunament u l-kondiviżjoni, barra minn hekk, jikkunsidra li l-istrateġija l-ġdida għandha tintegra inizjattivi ta' ħolqien ta' forzi bilaterali jew multilaterali konġunti bħad-Dikjarazzjoni tat-2 ta’ Novembru 2010 bejn Franza u r-Renju Unit;

8.  Jenfasizza l-fatt li approċċ integrat marittimu bħal dan, li jgħaqqad l-istrumenti ċivili u l-għodda militari u jinkludi kemm l-aspetti interni kif ukoll dawk esterni tas-sigurtà, diġa qed jifforma fil-livell nazzjonali f'xi Stati Membri filwaqt li qed tiġi applikata wkoll b'mod bilaterali bejn ċerti Stati Membri, u għaldaqstant għandu jiġi msaħħaħ fil-livell tal-Unjoni; jenfasizza r-rwol li jista' u li għandu jkollhom in-nazzjonijiet marittimi fit-trawwim pożittiv tal-integrazzjoni reġjonali marittima; jenfasizza li l-inizjattivi tal-integrazzjoni marittima reġjonali jistgħu u għandhom iwasslu għall-ġbir komuni u l-kondiviżjoni tal-assi navali kritiċi sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-kapaċità tal-UE;

Riskji potenzjali

9.  Jirrikonoxxi l-fatt li ż-żieda fit-traffiku fuq il-baħar u l-iżvilupp tal-attivitajiet off-shore u dawk kostali qed joħolqu sfidi għas-sigurtà marittima billi jagħmluha aktar u aktar diffiċli li ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet legali u dawk illegali fuq il-baħar;

10. Jinnota li l-UE qed tħabbat wiċċha ma' theddid konvenzjonali għas-sigurtà u b'mod partikolari l-ħolqien tal-poteri marittimi ġodda wasslu għal rivalitajiet potenzjali interstatali dwar is-sjieda taż-żoni marittimi (tilwim dwar il-ġurisdizzjoni, il-pretensjonijiet territorjali, il-liċenzji għall-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni fiż-Żoni tal-Baħar Fond); jinnota, barra minn hekk, li l-pajjiżi emerġenti żviluppaw il-kapaċitajiet marittimi tagħhom (tal-flotot navali, sottomarini) u, fl-istess ħin, għandhom tendenza jqiegħdu inkwistjoni l-prinċipji tal-dritt marittimu internazzjonali;

11. Iwissi kontra l-illeġittimà tar-riżorsi naturali u l-minerali importanti fl-ilmijiet tal-Istati Membri tal-UE jew fl-ibħra tal-viċinat; jinnota li t-tellieqa mhux ikkontrollata għar-riżorsi marittimi, naturali u minerali jkollha impatt dannuż fuq l-ekosistema marittima, u b'hekk jiżdied l-impatt ambjentali tal-attivitajiet fuq il-baħar; ifakkar li l-esplojtazzjoni tar-riżorsi marittimi tista' twassal ukoll għal militarizzazzjoni mhux mixtieqa taż-żoni marittimi; madankollu, jenfasizza d-dritt ta' kull Stat Membru li jipparteċipa fl-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali tal-baħar, b'tali mod li jirrispetta d-dritt internazzjonali u r-regolamenti ambjentali;

12. Jinnota li l-UE għandha bżonn tibni sħubiji b'saħħithom ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet reġjonali sabiex tiżgura s-sigurtà u l-istabilità tal-esplojtazzjoni tal-kummerċ u tar-riżorsi; jenfasizza l-fatt li dimensjoni marittima b'saħħitha tal-PSDK tipprovdi lill-UE l-kapaċità li taġixxi ta' arbitru effikaċi internazzjonali meta jkun hemm bżonn;

13. Iwissi li l-istati li mhumiex lesti li jikkooperaw mal-komunità internazzjonali u li jħarsu t-trattati u l-istandards internazzjonali u li jiddisponu mill-pożizzjoni ġeografika biex jostakolaw ir-rotot kummerċjali, kif ukoll li għandhom il-kapaċitajiet teknoloġiċi u militari li jagħmlu dan, huma wieħed mit-tħassib ewlieni tas-sigurtà marittima fil-preżent; jikkunsidra li għandhom isiru l-isforzi diplomatiċi kollha mis-SEAE u r-RGħ/VP biex jingħaqdu magħhom fi djagolu u f'kooperazzjoni;

14. Jinnota li, filwaqt li l-konfrontazzjoni militari bejn stati ma jistgħux jiġu kompletament esklużi, ir-riskji diretti u indiretti għas-sigurtà tal-UE huma fil-biċċa l-kbira maħluqa minn theddid mhux konvenzjonali li japprofittaw mid-diffikultajiet fl-infurzar tal-liġi fiż-żoni marittimi, fiż-żoni kostali u b'mod ġenerali mid-diffikultajiet li jirriżultaw mill-falliment tal-istat, il-fraġilità tal-istat u n-nuqqas ta' kontroll tal-istat;

15. Jinnota li waħda mit-theddid ewlenin għas-sigurtà marittima tal-UE hi ż-żieda tal-attivitajiet terroristiċi marittimi fid-dinja li jheddu b'mod dirett il-bastimenti ċivili u militari tal-UE, il-faċilitajiet tal-portijiet u l-installazzjoni tal-enerġija u li jieħdu vantaġġ mill-baħar biex jattakkaw u jinfiltraw miri bbażati fuq l-art; jinnota li dawn l-atturi jinteraġixxu man-netwerks ta’ kriminalità transnazzjonali organizzata li huma involuti f'attivitajiet illegali fuq il-baħar, bħall-kuntrabandu, it-traffikar tal-bnedmin, l-immigrazzjoni illegali, it-traffikar tad-drogi u tal-armi, inkluż it-traffikar tal-armi żgħar u armi ta' kalibru żgħir u komponenti tal-AQM; jenfasizza l-fatt li tali attivitajiet illeċiti jaggravaw il-kriżi politika u umanitarja, jostakolaw l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, id-demokrazija u l-istat ta’ dritt, id-depravazzjoni tal-fjuwil u joħolqu l-immigrazzjoni, l-ispustament intern tal-persuni u sofferenza umana kbir;

16. Jinsab allarmat bl-evidenza, li kulma tmur qed tiżdied, li n-netwerks terroristiċi u l-atturi mhux statali qed jiksbu kapaċitajiet marittimi sofistikati, inklużi kapaċitajiet sottomarini, teknoloġiji ta’ radar u ta' ditekters, filwaqt li għandhom aċċess ukoll għal data loġistika relatata mal-industrija internazzjonali tat-trasport marittimu, kapaċitajiet fil-qasam tat-tqegħid ta’ mini u Apparati Esplossivi Improvvisati Trażmessi mill-Ilma (WBIED), li b'hekk qed ikabbru l-potenzjal ta' theddid tagħhom u l-kapaċità li jaħarbu l-kontroll u li tindika espansjoni tal-attivitajiet tagħhom viċin tal-Ewropa, notevolment fiż-żewġ naħat tax-Xlokk tal-Oċean Atlantiku;

17. Jikkunsidra li l-kontinwazzjoni tal-kunflitti ffriżati viċin iż-żoni marittimi, bħalma huma l-Kawkasu tan-Nofsinhar, il-Mediterran tax-Xlokk jew il-Baħar tal-Ġappun, hija waħda mis-sorsi ewlenin tal-instabilità fid-dinja, u din tipperikola r-rotot ta' trasport u tal-enerġija, tippromwovi l-kummerċ tal-armi kif ukoll tiffaċilità l-attivitajiet ta' atturi mhux statali bħan-netwerks kriminali u ċ-ċelloli terroristiċi;

18. Għadu mħasseb dwar il-piraterija tul il-kosta Afrikana tal-Lvant u l-Punent Josserva li l-attakki mill-pirati (minn serq bl-użu tal-armi, ħtif ta' bastimenti u ekwipaġġi, u estorsjoni ta’ flus) qed jostakolaw serjament il-libertà għall-aċċess u l-fluss f'dawk l-ibħra u għaldaqstant jirrappreżentaw theddida konsiderevoli għall-kummerċ internazzjonali u s-sigurtà marittima; josserva li l-piraterija ġeneralment hi problema li tinbet minn nuqqas ta' governanza u mill-iżvilupp tal-istati kostali kkonċernati; jittama li l-UE tibni fuq il-kisbiet tal-operazzjoni EUNAVFOR Atalanta tal-PSDK biex tniedi l-operazzjonijiet tal-PSDK għall-ġlieda kontra l-piraterija x'imkien ieħor;

19. Iwissi kontra l-problemi kkawżati mill-piraterija, it-terroriżmu internazzjonali u l-kriminalità organizzata b'mod ġenerali għas-sigurtà ta' navigazzjoni f'punti vitali ta' konġestjoni ta' tranżitu marittimu; jenfasizza li wħud mill-aktar passaġġi fuq l-ilma importanti li jiżguraw provvisti ta' enerġija globali ġeografikament huma pożizzjonati tul l-aktar żoni marittimi instabbli, bħal fil-każ tal-Kanal ta' Suez, l-Istrett ta’ Hormuż u l-Istrett ta' Malacca;

20. Jinnota li l-ġlieda kontra l-attivitajiet mhux konvenzjonali hemm bżonn li tiddependi fuq il-firxa sħiħa tal-għodda tal-PSDK, inklużi l-militari, peress li l-interventi ħafna drabi jsiru f'pajsaġġi diffiċli ħafna, filwaqt li l-atturi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom firxa wiesgħa ta' armi perikolużi; isostni li, skont il-mudell tal-azzjoni tal-UE fil-Qarn tal-Afrika fejn għaddejjin l-operazzjoni EUNAVFOR Atalanta u l-operazzjoni EUCAP NESTOR, l-operazzjonijiet tal-PSDK irid ikollhom l-għodda esterna l-oħra tal-UE bl-għan li jindirizzaw l-kawżi soċjali, ekonomiċi u politiċi fundamentali tal-kriżi u jiżguraw is-sigurtà sostenibbli tar-reġjuni kkonċernati;

21. Jinnota li l-migrazzjoni irregolari hemm mnejn li tkompli tqiegħed pressjoni fuq il-fruntieri marittimi tal-UE, speċjalment fid-dawl tal-evoluzzjoni politika u ekonomika fil-viċinat tan-nofsinhar u l-prospettiva tal-instabbiltà kontinwa fl-Afrika ta' Fuq, is-Saħel, il-Qarn tal-Afrika u fl-Afrika sub-Saħarjana; ifakkar, madankollu, li l-migrazzjoni ma għandhiex titqies bħala theddida għas-sigurtà, iżda aktar bħala fenomenu uman li jeħtieġ strateġija maniġerjali robusta li tgħaqqad il-kooperazzoni reġjonali, politika u diplomatika u l-politiki ta' żvilupp u l-investiment fi sħubiji reġjonali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan l-isforz jirrikjedi l-iżvilupp ta' kapaċitajiet marittimi u ta' attivitajiet tal-għassiesa tal-kosta għall-pattulja u s-salvataġġ tal-migranti li jkunu qed jivvjaġġaw abbord bastimenti illegali;

22. Jirrikonoxxi l-fatt li ż-żieda fit-traffiku fuq il-baħar hemm mnejn li żżid il-potenzjal għal diżastri bħal tixrid ta' żejt u inċidenti ta' tniġġiż ambjentali oħrajn, ir-rimi ta' skart tossiku u l-bankering illegali taż-żejt; jisħaq li l-UE trid tiżviluppa ulterjorment strateġija li tibni fuq l-esperjenzi tal-passat ta' diżastri ambjentali serji fuq il-baħar billi tiżgura li l-atturi kollha, l-entitajiet u l-aġenziji tal-UE, flimkien mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, jintervjenu b'mod ikkoordinat, bil-għan li joħolqu s-sinerġiji xierqa, bi spirtu ta' solidarjetà u azzjoni aktar effikaċi;

Żoni marittimi kritiċi

Il-Mediterran

23. Jenfasizza l-fatt li l-Baħar Mediterran jirrappreżenta firxa ta' sfidi li potenzjalment jistgħu jheddu l-istabbiltà tal-UE u l-interessi diretti tal-UE, partikolarment minħabba t-taqlib politiku u t-tbatiji soċjali u ekonomiċi li x'aktarx se jibqgħu jippersistu f'uħud mill-istati kostali; jinnota li l-attivitajiet illegali li trawwmu b'konsegwenza ta' dan, bħat-terroriżmu u t-tipi kollha ta' traffikar illeċitu, għandhom impatt fuq is-sigurtà marittima tal-UE, inkluża s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija lejn in-nofsinhar; jemmen li l-investiment fil-kooperazzjoni reġjonali marittima huwa meħtieġ b'mod urġenti, u jrid jinvolvi l-kooperazzjoni Ewropea u reġonali, l-attivitajiet tas-servizzi sigrieti tas-sorveljanza, tal-pattulja u tal-għassiesa tal-kosta, li dawn kollha jeħtieġu mezzi adegwati ta' projezzjoni ta' qawwa navali;

24. Jenfasizza li fil-Mediterran hemm għadd ta' kunflitti reġjonali li jinvolvu tilwim rigward il-fruntiera marittima u għalhekk iħeġġeġ lill-UE timpenja ruħha biex tiġi evitata żjieda ta' kunflitt madwar il-Mediterran, li tista' żżid it-theddid eżistenti, bħall-konsegwenzi tal-gwerra ċivili fis-Sirja u l-impatt fuq iż-żona marittima tagħha u fuq dik tal-pajjiżi ġirien, in-nuqqas ta' stabbiltà politika u n-nuqqas ta' kapaċitajiet ta' governanza fil-Libja, fl-Eġittu, u fit-Tunesija, l-effett domino fil-pajjiżi ġirien tal-Marokk u l-Alġerija, li għadhom s'issa jittlewmu dwar il-kunflitt tas-Sahara tal-Punent u li huma direttament affettwati miż-żieda fil-kunflitt f'Mali u fir-reġjun ta' Sahel; iwissi wkoll dwar il-periklu li jinbet mir-rabta interna tal-kriżijiet fil-Mediterran u n-nuqqas ta' stabbiltà u l-kunflitt fil-Lvant Nofsani, fis-Sahel, fil-Qarn tal-Afrika, fl-Afrika tal-Punent u fl-Afrika Sub-Saħarjana;

25. Jinnota li l-iskoperti reċenti tal-gass naturali fil-Mediterran tal-Lvant ħolqu ambjent ġoepolitiku ġdid u żiedu b'mod sinifikanti l-potenzjal għal tilwim, li affettwa b'mod dirett l-interessi leġittimi u d-drittijiet sovrani għall-Istati Membri tal-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li t-Turkija, ir-Russja, l-Istati Uniti u l-Iżrael diġà kabbru l-forza navali tagħhom fil-Mediterran; jinnota wkoll l-implikazzjonijiet tat-tilwim mhux solvut mat-Turkija fl-Eġew u ż-żieda tat-tensjoni li tirriżulta mill-intenzjoni li jiġu esplojtati r-riżervi tal-idrokarburi 'l barra mill-kosta tal-Greċju u ta' Ċipru; iħeġġeġ, għalhekk, lill-UE biex taġixxi sabiex tasserixxi l-pożizzjoni tagħha biex tevita kunflitt dwar riżorsi naturali fil-Mediterran u theddid għas-sigurtà konsegwenzjali għall-Istati Membri tal-UE fiż-żona, li fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jaffettwaw lill-UE b'mod ġenerali;

Il-Baħar Baltiku

26. Jinnota li ħlief iż-żoni ta' baħar tar-Russja, il-Baħar Baltiku hu baħar intern tal-UE u hu rotta ta' traffiku ewlenija għal bosta stati tal-kosta; jinnota li l-istabilità tar-reġjun tal-Baħar Baltiku u t-tħaddim bla xkiel tat-trasport marittimu jiddependu fuq ir-rikonċiljazzjoni tal-interessi politiċi, kemm tal-Istati Membri individwali tal-UE u wkoll bejn l-UE u r-Russja; jinnota li l-istabilità politika tal-Baltiku hi marbuta ma' kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-pożizzjoni tal-minoranzi lingwistiċi fl-istati tal-kosta, l-attivatijiet ta' trasportazzjoni tal-enerġija, it-traffiku attiv ħafna ta' tbaħħir merkantili, il-possibilità ta' inċidenti li jinvolvu tankers taż-żejt, u l-kontaminazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u tal-ambjent; jinnota li l-Baltiku qed jiffaċċja aktar sfidi għas-sigurtà u s-sikurezza marittima, minn armi kimiċi li jinsabu f'qiegħ il-baħar, mormija wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-impjanti ta' enerġija nukleari qodma li jinsabu mal-kosta, il-possibilità ta' attakki terroristiċi fuq it-trasport ta' tagħbija enerġetika, u l-possibilità ta' trasport ta' tagħbija ta' armi illegali mill-portijiet Baltiċi;

Il-Baħar l-Iswed

27. Jemmen li llum il-Baħar l-Iswed, f'termini ġeostarteġiċi, hu wieħed mir-reġjuni marittimi li jikkonfinaw mal-UE l-aktar importanti, b’mod partikolari fid-dawl tal-bżonn li jiġu żgurati s-sigurtà enerġetika tal-UE u d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija tagħha; jinnota li r-reġjun għandu potenzjal għoli għal riskju fuq il-perjodu ta' żmien medju u twil, fid-dawl tal-pożizzjoni starteġika tiegħu bħala rotta importanti għat-trasport ta' merkanzija u tal-enerġija, il-viċinanza ma' żoni mhux stabbli b’kunflitti mtawla, bħal ma huma t-territorji kontestati tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar u l-kunflitt relatat bejn Moska u Tbilisi; jenfasizza l-fatt li, peress li s-sigurtà tal-enerġija ta’ diversi Stati Membri tal-UE tiddependi ħafna fuq is-sigurtà tar-rotot tal-gass u taż-żejt li jgħaddu minn u fil-qrib tal-Baħar l-Iswed, l-UE għandha interess strateġiku biex twaqqaf iż-żieda ta' kunflitti reġjonali mtawla u li tidentifika soluzzjonijiet dejjiema għalihom; josserva li, għal dak il-għan, l-UE tista' jkollha bżonn timmobilizza l-assi navali Ewropej;

28.      Ifakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed(12), u jtenni l-bżonn li l-UE jkollha rwol aktar attiv fit-tiswir tas-sigurtà ambjentali għall-Baħar l-Iswed; jistieden għall-darb'oħra lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex ifasslu strateġija għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed, li tindirizza b’moid effikaċi s-sigurtà marittima u l-isfidi tas-sikurezza;

29. Jenfasizza l-bżonn ta' djalogu msaħħaħ mas-sħab strateġiċi dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt iżda jenfasizza wkoll l-importanza ta' parteċipazzjoni f’inizjattivi reġjonali multilaterali bħas-Sinerġija għall-Baħar l-Iswed, sabiex jiġi indirizzat theddid bħan-netwerks kriminali involuti fit-traffikar tal-bnedmin, tad-drogi u tal-armi jew problemi bħas-sajd illegali u d-degradazzjoni ambjentali;

L-Oċean Atlantiku u l-Afrika tal-Punent

30. Jinnota li l-Ewropa hi kummerċjalment dipendenti fuq l-Oċean Atlantiku; jinsab imħasseb li l-Atlantiku, u b'mod partikolari ż-żona tal-Karibew, huma rotta użata għat-transitu tad-drogi li jiġu mill-Amerika t'Isfel; hu inkwetat bil-fatt li l-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi fid-deċennji li ġejjin, b'mod partikolari bit-tkabbir tal-kanal ta' Panama, jista’ jippromwovi ż-żieda tal-attività kriminali fiż-żona;

31. Jemmen li l-kosta Afrikana tal-Punent, u speċifikament il-Golf tal-Ginea, illum għandha wħud mill-aktar theddid sostanzjali imminenti kontra l-Ewropa; huwa mħasseb ħafna li tul il-kosta Afrikana tal-Punent qegħdin jiżviluppaw sfidi serji fir-rigward ta'attivitajiet kriminali, it-traffikar tad-droga, tal-bniedem u tal-armi tan-nar; fl-istess ħin, il-pajjiżi tal-Golf tal-Ginea qed ikunu dejjem l-aktar inħawi fejn joperaw netwerks terroristiċi reġonali, bħal Boko Haram fin-Niġerja, li l-azzjonijiet tagħhom jaffettwaw lill-pajjiżi ġirien u li huma marbuta ma' netwerks fuq livell globali, bħal Al-Qaeda fil-Maghreb Iżlamiku, kif qed turi b'mod ċar il-kriżi f'Mali;

32. Jinnota bi tħassib li pajjiżi fil-Golf tal-Ginea huma soġġetti għal nuqqas ta' stabbiltà politika kontinwa, xi wħud qed jaffaċċjaw falliment tal-istat, bħalma huwa l-każ fil-Ginea-Bissau, li saret pjattaforma għat-traffikar tad-droga li toriġina mill-Amerika Latina u li għandha l-Ewropa fil-mira tagħha;

33. Jinnota li r-reġjun huwa wkoll fornitur importanti tal-enerġija, peress li l-pajjiżi tal-Golf tal-Ginea bħalissa jammontaw għal 13% tal-importazzjonijiet taż-żejt u 6% tal-importazzjoni tal-gass lejn l-UE, bin-Niġerja tkun responsabbli għal 5.8% tat-total tal-importazzjonijiet taż-żejt tal-UE; jistenna li l-importanza tar-reġjun tiżdied b'riżultat ta' skoperti reċenti ta' riżervi ta' żejt u gass 'il barra mill-kosta; jitħasseb, għalhekk, dwar il-fatt li l-kompetizzjoni għar-riżorsi naturali 'l barra mill-kosta tista' twassal għal aktar kunflitt u attività kriminali;

34. Jenfasizza li n-nuqqas ta' stabbiltà, it-terroriżmu u l-kriminalità 'l barra mill-kosta Afrikana tal-Punent hija marbuta sew man-nuqqas ta' stabbiltà fir-reġjun tas-Sahel kollu; iħeġġeġ lill-UE, għalhekk, fil-kuntest tal-missjoni ċivili tal-PSDK EUCAP Sahel Niger, biex jiġu integrati sforzi kontra t-terroriżmu fir-reġjun tas-Sahel fi strateġija reġonali u komprensiva għall-ġlieda kontra t-theddid fuq il-baħar 'il barra mill-kosta Afrikana tal-Punent, partikolarment fil-Golf tal-Ginea; f'dan ir-rigward, jitlob lill-UE biex tiżgura koordinazzjoni bejn iż-żewġ missjonijiet tal-PSDK fir-reġjun – l-EUCAP Sahel Niger u l-EUTM Mali –, flimkien mal-isforzi fuq l-art u fuq il-baħar, għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità organizzata oħra fir-reġjun;

35. Jilqa' t-tħabbir mill-Kummissjoni tar-Rotot Marittimi Kritiċi fil-Programm tal-Golf tal-Ginea (CRIMGO), li għandu l-għan li jtejjeb is-sigurtà tal-ilmijiet tal-Golf tal-Ginea billi jipprovdi taħriġ għall-għassiesa tal-kosta u jistabbilixxi netwerk ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet ta' seba' stati kostali tal-Afrika tal-Punent, li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Istrument għall-Istabbiltà; jappella għall-implimentazzjoni rapida tal-CRIMGO 'l barra mill-kosta Afrikana tal-Punent; jappella ukoll għal mekkaniżmi speċifiċi għal kooperazzjoni li għandhom jiġu stabbiliti biex jorbtu dan il-programm iffinanzjat mill-Kummissjoni u l-missjonijiet tal-PSDK EUCAP Sahel Niger u l-EUTM Mali, li l-attivitajiet tagħhom huma marbuta intrisikament mal-kawżi ta' nuqqas ta' stabbiltà 'l barra mill-Golf tal-Ginea;

36. Jenfasizza li hemm ħtieġa li tissaħħaħ l-effikaċja tal-attivitajiet tal-UE fil-Golf tal-Ginea, jissuġġerixxi li jinħolqu sinerġiji speċifiċi sabiex jitnissel valur miżjud mill-artikolazzjoni tal-istrumenti u tal-istrutturi eżistenti tal-UE bħall-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA);

37. Jistieden lill-RGħ/VP biex tindika fuq mappa l-faċilitajiet li jinsabu f'postijiet strateġiċi, tal-Istati Membri tal-UE u tas-sħab tal-PKA – bħal Lajes Air Base fl-Azores, il-Portugall, u l-ġżejjer ta' Kap Verde – li jistgħu jintużaw biex jiġu żviluppati interventi navali u tal-ajru speċifiċi għal kontra l-proliferazzjoni, it-terroriżmu, il-piraterija u l-kriminalità organizzata fil-Golf tal-Ginea u fl-Oċean Atlantiku ta' Nofsinhar usa’, fi sħubija ta' bi tlieta li tinvolvi kooperazzjoni transatlantika mal-Istati Uniti, il-Kanada, il-Brażil u oħra bejn il-pajjiżi tal-Amerika Latina kif ukoll kooperazzjoni bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana;

Il-Golf ta' Aden u l-Oċean Indjan tal-Punent

38. Jenfasizza li, minħabba l-piraterija, il-Golf ta' Aden illum huwa wieħed mill-aktar żoni marittimi perikolużi fid-dinja; ifakkar li l-piraterija hija forma speċjali ta' kriminalità organizzata li tirrikjedi approċċ speċjali, komprensiv u olistiku li jindirizza r-rabta kawżali bejn il-piraterija u l-governanza soċjali, politika u ekonomika, bħal ma juru b'mod partikolari l-kuntesti tal-Qarn tal-Afrika u s-Somalja; jinnota li l-intraċċar tal-fluss tal-flus minn pagamenti għal fidwa, it-tneħħija ta' netwerks kriminali u l-prosekuzzjoni tal-awturi tal-krimini huma wkoll komponenti kruċjali għall-ġlieda kontra l-piraterija u jistgħu jinkisbu biss permezz tat-tgawdija tal-benefiċċji tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istat Membtu u l-Europol u l-Interpol; jinnota li hawnhekk hawn rabta konkreta bejn il-politika ta' sigurtà esterna u l-infurzar intern tal-liġi;

39. Jilqa' l-ħolqien tal-missjoni ċivili EUCAP Nestor tal-PSDK, li hija mfassla biex issaħħaħ l-kapaċitajiet marittimi fil-Qarn tal-Afrika u fl-Oċean Indjan tal-Punent, u li għandha l-għan li tipprovdi kontribuzzjoni aktar sostenibbli u aktar lokali biex jinkisbu l-għanijiet tal-interventi tal-EUNAVFOR Atalanta;

40. Jenfasizza s-suċċess reċenti miksub mill-EUNAVFOR Atalanta – li għandha titkompla - fit-tnaqqis tal-okkorrenza tal-attakki mill-pirati fl-Oċean Indjan tal-Punent u fit-tisħiħ tal-kredibbiltà tal-PSDK; jinnota li l-Operazzjoni Atalanta hija l-ewwel missjoni navali tax-xorta tagħha tal-PSDK u li għandha tikkostitwixxi mudell għal aktar żvilupp u implimentazzjoni tad-dimensjoni marittima tal-PSDK, filwaqt li jqis is-suċċessi tagħha, in-nuqqasijiet tagħha u l-lezzjonijiet meħuda; jilqa' r-rwol pożittiv mwettaq mill-UE mal-EUNAVFOR Atalanta fil-mekkaniżmu SHADE (Għarfien Komuni u De-konfliġġenti) fil-promozzjoni tal-koordinament bejn il-forzi navali multinazzjonali, nazzjonali u reġjonali li joperaw fiż-żona u b'mod partikolari fl-operazzjoni Ocean Shield tan-NATO; jilqa’ wkoll il-kooperazzjoni tajba bejn l-aġenziji tal-UE (bħaċ-Ċentru Satellitari tal-UE SatCen u l-EMSA) u terzi, partikolarment fil-qasam tal-interpretazzjoni tal-immaġini ta' bastimenti permezz tas-satellita, anke meta ma jkunx hemm arranġamenti formali li jippermettu tali kooperazzjoni; jitlob lill-UE tifformalizza r-rabta bejn l-għodod u l-entitajiet eżistenti tal-UE, bħal dik żviluppata bejn l-Atalanta, l-EMSA u s-SatCen, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kompiti, tar-riżorsi u tal-kompetenza u biex jitgawdew il-benefiċċji operazzjonial ċari ta' tali sinerġiji;

41. Jenfasizza li l-kunċett ta' approċċ komprensiv, li f'dan il-każ partikolari jinbet mill-Qafas Strateġiku għall-Qarn tal-Afrika, huwa evidenti li fil-kombinazzjoni tat-tliet missjonijiet tal-PSDK li għaddejjin bħalissa fir-reġjun (l-EUNAVFOR Atalanta, il-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE fis- Somalja u l-EUCAP Nestor), akkumpanjati minn impenn politiku u politiki ta' żvilupp; jilqa' l-attivazzjoni taċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE, bl-għan li tiġi faċilitata l-koordinazzjoni u jissaħħu s-sinerġiji fost dawn il-missjonijiet, li tirrappreżenta pass sinifikanti fl-iżvilupp tal-PSDK; jirrimarka li dan l-eżempju ta' komplimentarjetà u koordinazzjoni għandu jħeġġeġ tali azzjonijiet oħrajn fejn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK huma involuti b'reazzjoni għal problema b'diversi aspetti; jinnota li l-effett tal’ ippjanar militari u kapaċità ta' kondotta permanenti se jkun biss it-tistħiħ ta’ aktar l-integrazzjoni ta' kwalunkwe komponent navali fil-missjonijiet tal-operazzjonijiet tal-PSDK;

42. Jirrikonoxxi l-miżuri ta' protezzjoni abbord imfassla mill-kumpaniji ta' tbaħħir; jappoġġa t-talbiet reċenti mill-industrija marittima sabiex intrapriżi ta' sigurtà marittima privati jiġu regolati, u jtenni t-talba tiegħu, l-ewwel nett, fir-rigward tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, l-istati bandiera, u l-industrija marittima, sabiex dawn jaħdmu flimkien biex ifasslu kodiċi ta' kondotta li jistipula standards ċari, konsistenti u infurzabbli internazzjonalment li jirregolaw l-użu ta' gwardji ta' sigurtà armati li jingħataw kuntratt privat fuq il-vapuri, u t-tieni nett, dwar l-intrapriżi ta' sigurtà marittima privata biex dawn jaġixxu b'konformità ma' dawk l-istandards;

L-Artiklu

43. Jenfasizza li l-ftuħ tal-passaġġi tal-baħar Artiku huwa konsegwenza diretta tat-tibdil fil-klima, u jenfasizza l-fatt li, l-ewwel u qabel kollox, l-UE għandha tinvesti fil-preservazzjoni u l-konservazzjoni tar-reġjun u l-assi ambjentali kruċjali filwaqt li tiżgura li r-riżorsi Artiċi huma użati b’mod sostanibbli u b'rispett għall-popolazzjonijiet lokali; jenfasizza l-importanza tal-istabilità u l-paċi globali fir-reġjun; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa ta’ politika tal-UE unita u koordinata għar-reġjun, fejn il-prijoritajiet tal-UE, l-isfidi potenzjali u l-istrateġija huma definiti b’mod ċar; jenfasizza l-fatt li, flimkien mal-interessi Daniżi, Finlandiżi u Żvediżi fl-Artiku, adeżjoni futura tal-Islanda mal-UE tapprofondixxi t-trasformazzjoni tal-Unjoni f'entità kostali tal-Artiku, filwaqt li tenfasizza l-ħtieġa għal politika tal-Artiku dejjem aktar ikkoordinata fil-livell tal-UE; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-imsemmija Komunikazzjoni Konġunta bit-titolu ‘L-Iżvilupp ta' Politika tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Artiku: il-progress mwettaq sa mill-2008 u l-passi li jmiss", u jtenni l-ħtieġa ta’ djalogu politiku mas-sħab kollha fir-reġjun, inkluża r-Russja;

44. Jenfasizza l-importanza tar-rotot kummerċjali globali l-ġodda mill-passaġġi tal-baħar tal-Artiku, anki għall-ekonomiji tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; jenfasizza l-fatt li l-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġaw b’mod attiv il-libertà tal-ibħra u tad-dritt ta' passaġġ mingħajr ħlas fuq l-ilma internazzjonali; jenfasizza li t-tilwim territorjali permanenti li ilu għaddej bejn l-istati tal-Artiku għandu jiġi riżolt b’mod paċifiku u jappella għal involviment akbar tal-UE fir-reġjun u valutazzjoni ta' liema għodda u kapaċitajiet jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġi indirizzat il--kunflitt fiż-żona; jenfasizza, fi kwalunkwe każ, il-ħtieġa li tiġi evitata l-militarizzazzjoni tal-Artiku; isejjaħ lill-Kummissjoni tressaq proposti dwar kif il-Proġett Galileo jista' jkun ta’ benefiċċju għall-politika tal-UE għall-Artiku u kif jista' jiġi żviluppat biex jippermetti navigazzjoni aktar sikura fl-ilmijiet tal-Artiku, u b'hekk tinvesti fis-sikurezza u l-aċċessibbiltà partikolarment tal-Passaġġ tal-Grigal;

L-Oċean Paċifiku

45. Jenfasizza l-importanza globali tal-Oċean Paċifiku u b'mod partikolari tal-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina, li minnu jgħaddi terz tal-kummerċ dinji; jinsab allarmat fir-rigward tat-tensjoni li qed tiżdied, u jappella b’urġenza lill-partijiet involuti kollha biex jevitaw azzjonijiet militari u politiċi unilaterali, itaffu l-istqarrijiet u jsolvu t-tilwim territorjali tagħhom fir-rigward tal-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina permezz tal-arbitraġġ internazzjonali fis-sens tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari l-UNCLOS, sabiex tkun żgurata l-istabbiltà reġjonali u l-libertà u s-sikurezza tan-navigazzjoni fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina;

46. Iqis li n-negozjati u l-implimentazzjoni konġunta tal-kodiċi ta' kondotta għall-esplojtazzjoni paċifika taż-żoni marittimi inkwistjoni, inkluż l-istabbiliment ta' rotot kummerċjali sikuri u ta' kwoti għas-sajd jew l-allokazzjoni ta' żoni għall-esplorazzjoni tar-riżorsi, jirrappreżentaw it-triq 'il quddiem għall-possibilità ta' soluzzjoni paċifika għat-tensjoni fiż-żoni tal-Ibħra tan-Nofsinhar u tal-Lvant taċ-Ċina;

47. Jistieden lill-RGħ/VP tidentifika r-riskji għall-paċi u s-sigurtà kieku t-tensjoni u l-kunflitt bl-armi kellhom jiżdiedu fl-Ibħra tal-Lvant u tan-Nofsinhar taċ-Ċina;

48. Jinnota li ċerti stati, b'mod partikolari, l-Awstralja, diġà huma politikament attivi ħafna fil-Paċifiku u li l-UE għandha tibbaża ruħha fuq il-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali sabiex tkun żgurata s-sigurtà u s-sikurezza fir-reġjun;

49. Jenfasizza l-importanza tat-tkabbir tal-Kanal ta' Panama, li għandu jitlesta fl-2014, għall-bidla tal-bilanċ marittimu ġeostrateġiku u l-opportunitajiet straordinarji li dan se joħloq għall-UE u lill-Istati Membri; iwissi li l-infrastrutturi tat-trasport marittimu u tal-portijiet tal-Istati Membri għandhom ikunu lesti biex jaffaċċjaw iż-żieda prevedibbli fil-flussi kummerċjali marittimi u r-riskji tas-sigurtà u s-sikurezza involuti, li jirriżulta inter alia minn stress ambjentali u attività kriminali addizzjonali; jenfasizza li din il-konnessjoni bejn l-Oċean Paċifiku u dak Atlantiku tista' ssir rotta alternattiva sinifikanti ta' trasport mill-Asja lejn l-Ewropa u vice-versa mill-Punent;

Għodda eżistenti u kapaċità ta' żvilupp

50. Jemmen bi sħiħ li l-kriżi finanzjarja u ekonomika għandha titqies bħala opportunità biex tiġi implimenta l-inizjattiva tal-'Ġbir u Qsim' fil-qasam tal-ġenerazzjoni tal-kapaċità marittima b'mod verament Ewropew, b'mod partikolari billi jittieħed vantaġġ tal-inizjattiva LeaderSHIP 2020 u billi jiġi promoss in-netwerking bejn l-operaturi fis settur tal-kostruzzjoni u tat-tiswija tal-vapuri u tal-industriji anċillari, li jista’ jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ kapaċitajiet militari kredibbli u huwa l-unika mod li jiġi żgurat li l-Ewropa hi kapaċi li tilqa' l-isfidi ta' sigurtà globali li jaffettwaw kemm l-ibħra kif ukoll il-kapaċitajiet navali tagħha;

51. Jiddispjaċih għall-fatt, madankollu, li l-Istati Membri tal-UE qed jimponu tnaqqis kbir fil-baġits ta' difiża nazzjonali b'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u għat tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, u li tali tnaqqis, li ħafna minnhu mhuwiex ikkoordinat fil-livell tal-UE u ma jieħux inkunsiderazzjoni l-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea, jista' jinvolvi konsegwenzi serji għall-kapaċità u t-tħejjija tal-Unjoni biex tilqa' l-isfidi marittimi u sfidi ta' sigurtà oħrajn u biex tissodisfa l-obbligi internazzjonali, u jostakola r-rwol tagħha bħala fornitur ta' sigurtà globali;

52. Jisħaq fuq il-fatt li l-prijorità tal-'Ġbir u Qsim' imressqa mill-UE biex toħloq aktar koordinazzjoni, infiq aktar intelliġenti fuq id-difiża u fuq ekonomiji ta' skala akbar fost l-Istati Membri, għadha trid tagħti riżultati, inkluż fil-qasam tal-kapaċitajiet tas-sigurtà marittima;

53. Ifaħħar il-ħidma tal-EDA fit-twaqqif ta' bażi għall-kisba tal-'Ġbir u Qsim' permezz tal-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti u tal-proġetti rigward it-taħriġ u l-loġistika navali; jilqa' l-istudju tal-2012 tat-tim Wise Pen dwar ir-rekwiżiti u l-kapaċitajiet marittimi; fid-dawl tal-mandat u l-kompetenza tal-EDA, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirreferu għall-parir u l-assistenza teknika tagħha meta jaffaċċjaw il-ħtieġa li jnaqqsu l-baġits dwar id-difiża, sabiex jevitaw li jikkompromettu l-iżvilupp ta' kapaċità strateġika madwar l-UE, li hemm bżonn li tindirizza l-lakuni u n-nuqqasijiet b'mod ikkoordinat; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jaħdmu mal-EDA biex jidentifikaw il-ħtiġijiet ta' kapaċità, partikolarment il-kapaċitajiet ċivili, militari u l-użu doppju fid-dominju marittimu; iħeġġeġ lill-RGħ/VP, assistita mill-EDA u mid-DĠ għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, biex tidentifika l-assi navali u marittimi kollha li jissodisfaw il-kapaċitajiet u r-rekwiżiti marittimi tal-2012 u li huma f'riskju li jintilfu mill-Istati Membri tal-UE b'riżultat tal-limitazzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi, u biex tfittex mezzi biex jiġu ppreservati u jsiru disponibbli għall-Politika Marittima Integrata tal-UE u l-EMSS futur;

54. Ifakkar li l-kapaċitajiet b'użu doppju huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-PSDK, fid-dawl tal-isfidi kumplessi ta' sigurtà fid-dinja tal-lum; jenfasizza li l-kriżijiet attwali fis-Sahel u fil-Qarn tal-Afrika enfasizzaw il-ħtieġa għal approċċ komprensiv li jisfrutta, min-naħa, il-firxa siħa tal-impenn ċivili militari u, min-naħa l-oħra, it-tagħmir u l-kapaċitajiet ta' użu doppju, inklużi l-kapaċitajiet navali Ewropej u tal-kapaċitajiet ta' kostruzzjoni ta' vapuri ċivili u militari li jiżguraw is-sigurtà u r-reżiljenza tal-bastiment; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu mal-entitajiet u l-aġenziji xierqa tal-UE, speċjalment il-Kummissjoni, l-EDA u l-ESA, biex jinkisbu fondi mill-UE għall-iżvilupp ta' kapaċità b'użu doppju, li hija mezz biex jiġu solvuti l-lakuni ta' kapaċità fil-livell nazzjonali, reġonali u tal-Unjoni; ifakkar il-potenzjal ta' użu doppju tal-programm Galileo u l-valur tiegħu għall-implimentazzjoni u l-effikaċja tal-operazzjonijiet tal-PSDK, partikolarment fid-dominju marittimu; jenfasizza minkejja dan li għandha tingħata prijorità għal trasparenza, effikaċja u approċċi multilaterali akbar fil-qasam tal-iżvilupp ta' kapaċità;

55. Ifakkar il-ħtieġa għall-konsolidazzjoni ta' bażi teknoloġika li tkun ibbażata u ffinanzjata mill-UE fil-qasam tad-difiża, inklużi kapaċitajiet ta' kostruzzjoni navali u ta' produzzjoni ta' tagħmir navali; ifakkar, fid-dawl tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali, li l-bidu ta', u l-appoġġ għal, industrji ta' difiża Ewropej li huma kapaċi li jsostnu lilhom infushom iwassal għall-ħolqien ta' impjiegi u tkabbir; jitlob djalogu aktar kwalitattiv mal-entitajiet industrijali interessati, peress li l-iżvilupp tal-kapaċitajiet navali jinkludi ħafna snin ta' impenn; jenfasizza il-ħtieġa li l-Istati Membri tal-UE u l-industrija jirrazzjonalizzaw u jarmonizzaw l-istandards biex jiżguraw kompatibbiltà operazzjonali Ewropea fil-qasam tal-kapaċitajiet marittimi u navali, inklużi sistemi u teknoloġija ta' komunikazzjoni;

56. Jemmen li n-Netwerking għas-Sorveljanza Marittima tal-EDA (MARSUR) jikkostitwixxi tali innovazzjoni, li toħloq valur miżjud għall-żvilupp tad-dimensjoni marittima tal-PSDK; iħeġġeġ bi sħiħ li jiġu stabbiliti oqsma xierqa ta' kooperazzjoni bejn MARSUR u proġetti oħra tal-UE bl-għan li tiġi żviluppata s-sorveljanza marittima, bħal Copernicus – Il-Programm Ewropew ta' Monitoraġġ tad-Dinja (li qabel kien magħruf bħala GMES – Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà) proġetti għal servizzi marittimi u ta' sigurtà jew il-ħidma tal-EMSA fis-sorveljanza marittima;

57. Hu tal-opinjoni li l-ħidma żviluppata mill-EMSA, l-ESA u l-programm Copernicus tista' sservi ulterjorment biex tkun implimentata d-dimensjoni marittima tal-PSDK, u għandha tiġi użata b'mod formali għal dak il-għan; jenfasizza li l-kompetenza tagħhom tqiegħedhom f'pożizzjoni eċċellenti biex jipprovdu servizzi u appoġġ għall-missjonijiet tal-PSDK li għaddejjin bħalissa fi kwistjonijiet ta' sorveljanza, attivitajiet ta' pattulja jew l-ġbir, l-istudju u t-tixridi ta' informazzjoni permezz tas-satellita, ispirati mis-sħubija żviluppata, minkejja mhux b'mod formali, bejn l-EMSA u l-operazzjoni EUNAVFOR Atalanta;

58. Jitlob il-ħolqien ta' funzjoni ta’ għassa tal-kosta verament Ewropea, abbażi tal-esperjenza li diġà inkisbet mill-Frontex u min-Netwerk Ewropew ta' Pattulji, li għaliha distinti korpi u entitajiet governattivi jipprovdu l-kapaċità, li taġixxi skont mandat ta' ġurisprudenza li joħroġ mill-kooperazzjoni tal-ĠAI, immirata għall-protezzjoni tal-fruntieri tal-UE, iċ-ċittadini Ewropej iżda wkoll tal-ħajjiet tal-popli fil-perikolu fl-ibħra kostali tal-Unjoni Ewropea;

59. Ifaħħar il-ħidma li saret fil-qafas tal-iżvilupp tal-Ambjent Komuni ta' Kondiviżjoni ta' Informazzjoni (CISE) biex tinkiseb kapaċità marittima ta' sorveljanza Ewropea effikaċi; jistieden għalhekk lill-UE biex tinvesti b'mod sinifikattiv għal aktar żvilupp tal-qafas tas-CISE, fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-proġetti bħall-MARSUNO, il-BluemassMed u l-EUROSUR, bil-għan li jkunu lesti biex jintraċċaw, jimmonitorjaw u jirreaġixxu għall-isfidi marittimi fl-ilmijiet tal-Istati Membri tal-UE jew fil-viċinanzi tal-EU;

60. Peress li l-membri tal-UE u tan-NATO għandhom sett wieħed biss ta' forzi navali, jitlob għal koordinazzjoni strateġika akbar bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet dwar is-sigurtà marittima; huwa tal-opinjoni li l-Istrateġija ta' Sigurtà Marittima tal-UE futura għandha tkun indipendenti minn, iżda fl-istess ħin komplimentari għal, dik tal-Allejanza sabiex tikkontribwixxi għall-indirizzar ta’ numru massimu ta' sfidi msemmija hawn fuq filwaqt li jiġi żgurat l-aħjar użu tal-assi marittimi limitati; jilqa' r-riżultati pożittivi li nħolqu mill-koallokazzjoni taż-żewġ Kwartieri Ġenerali Operattivi tal-organizzazzjonijiet f'Northwood; jemmen li l-UE għandha tiffoka fuq il-valur miżjud ċar li jinbet mill-approċċ komprensiv tagħha biex tilqa' l-isfidi b'diversi aspetti, kif jidher fil-każ tas-segwitu diplomatiku, finanzjarju u ġudizzjarju għall-ġlieda effettiva ta' Atalanta kontra l-piraterija; jitlob titjib ulterjuri fil-qsim tal-informazzjoni bejn in-NATO u l-UE, kif ukoll għal kooperazzjoni msaħħa ma' atturi internazzjonali oħrajn;

61. Jiddispjaċih għall-fatt li s-sitwazzjoni li tippersisti llum hija waħda ta' xogħol doppju, sovrapożizzjoni, ħela ta' riżorsi u ġlieda territorjali fost l-entitajiet u l-aġenziji tal-UE li jaħdmu fil-qasam tas-sigurtà marittima; iħeġġeġ lill-UE tanalizza aktar mezzi biex tnaqqas il-piż amministrattiv u finanzjarju li joriġina minn trikkib mhux meħtieġ ta' funzjonijiet, kompetenza, tagħmir u riżorsi fost għadd ta' entitajiet u atturi tal-UE, b'hekk tippermetti lir-RGħ/VP tasserixxi l-funzjoni ta' koordinazzjoni tagħha;

62. Fid-dawl ta' dan, jitlob biex l-isforzi ta' koordinazzjoni u ta' artikulazzjoni jiġu integrati fl-Istrateġija ta' Sigurtà Marittima tal-UE, fejn għandhom jiġu deskritti linji gwida ċari għal kooperazzjoni speċifika bejn id-Direttorati Ġenerali relevanti tal-Kummissjoni, inkluż l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, l-Affarijiet Interni, il-Ġustizzja, l-Intrapriża u l-Industrija, il-Mobilità u t-Trasport, it-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u l-Iżvilupp, kif ukoll is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u s-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija; l-istess għandu jsir fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji bejn l-EDA, l-EMSA, is-SatCen, l-Europol, il-Frontex, il-Persunal Militari tal-UE, id-Direttorat għall-Immaniġġjar tal-Kriżijiet u l-Ippjanar, iċ-Ċentru tal-Analiżi tas-Servizzi Sigrieti tal-UE u l-awtoritajiet relevanti fl-Istati Membri;

63. Jilqa' l-attivitajiet tal-Kapijiet tal-Flotot Navali Ewropej (Chiefs of European Navies - CHENS) għall-promozzjoni tal-fehim bejn il-flotot navali Ewropej u l-eżami ta' kwistjonijiet ta' interess reċiproku; jitlob biex ir-riżultati tal-laqgħat annwali tal-CHENS u tal-gruppi ta' ħidma speċjalizzati tagħha jsaħħu l-Istrateġija ta' Sigurtà Marittima tal-UE u l-implimentazzjoni tagħha fil-livell tal-PSDK sabiex titrawwem aktar kooperazzjoni u biex jiġi żgurat approċċ integrat u effettiv;

64. Jistieden lill-Kunsill Ewropew dwar id-Difiża li jmiss f'Diċembru 2013, biex jadotta Strateġija ta' Sigurtà Marittima tal-UE li tinkludi l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew kif msemmi f'dan ir-rapport; ifakkar lill-Istati Membri li d-dinja tal-lum u, partikolarment, l-isfidi u t-theddid tagħha jirrikjedu azzjoni konsistenti, koerenti u konvinċenti biex jitħarsu l-500 miljun ċittadin tal-UE; ifakkar li dawn l-sfidi jitolbu wkoll politika barranija tal-UE li hija bbażata fuq il-ħtieġa għall-paċi u s-sigurtà, u fuq il-promozzjoni tagħhom madwar id-dinja;

65. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, ir- Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Viċi-President tal-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-parlamenti tal-Istati Membri, is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO u l-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0006.

(2)

JOIN/2012/039 finali – 2012/0370 (NLE).

(3)

Testi adottati, P7_TA(2011)0024.

(4)

JOIN(2012)19 finali.

(5)

ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33.

(6)

ĠU L 187, 17.7.2012, p. 40.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2010)0419.

(8)

Testi adottati, P7_TA(2012)0455.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2013)0097.

(10)

ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 61.

(11)

Testi adottati, P7_TA(2012)0203.

(12)

Testi adottati, P7_TA(2011)0025.


OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar id-dimensjoni marittima tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni

(2012/2318(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: Ana Gomes

Opinjoni tal-Minoranza mressqa mill-Onor. Sabine Lösing u Willy Meyer f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ir-rapport jippromwovi l-użu tal-forzi armati sabiex jiġi żgurat l-użu tal-oċeani u tar-riżorsi marittimi u s-setgħa Ewropea fuq il-baħar; huwa jappoġġa l-kooperazzjoni ċivili-militari permezz tal-fużjoni tal-istrumenti militari u ta’ sigurtà u l-militarizzazzjoni tal-ibħra u l-ilmijiet internazzjonali.

Aħna noġġezzjonaw għar-rapport peress li dan:

- jilqa’ l-missjoni ATALANTA wkoll bħala bażi sabiex jitkompla l-iżvilupp tad-dimensjoni marittima tal-PSDK;

- jinkoraġġixxi ż-żieda u l-estensjoni tal-preżenza militari fuq il-baħar sabiex jiġu assigurati l-kummerċ, ir-rotot tal-enerġija ħalli jiġu kkontrollati r-riżorsi marittimi u l-infrastruttura essenzjali; jippromwovi approċċ marittimu ġeostrateġiku;

- jinvoka l-klawsola tad-difiża reċiproka u l-klawsola tas-solidarjetà (Artikolu 47(7) u l-Artikolu 222 TFUE); jiddeplora t-tnaqqis fil-baġit nazzjonali għad-difiża u jappella għall-UE-MIC anki għall-kostruzzjoni u t-tagħmir navali;

- jitlob li jkun hemm sorveljanza marittima militari permezz ta' Galileo;

- jappella għal approċċ integrat marittimu – il-fużjoni ta’ strumenti/għodda ċivili u militari u li tiġi inkluża s-sigurtà interna u esterna;

Nitolbu:

- id-demilitarizzazzjoni tal-ibħra, Mediterran mingħajr nukleari, diżarm radikali fuq livell tal-UE u livell dinji; użu ekwu, paċifiku u sostenibbli/ekoloġiku tar-riżorsi tal-oċeani;

- nefqa militari diretta mill-ġdid lejn skopijiet ċivili;

- li l-attivitajiet kollha jkunu strettament konformi mal-Karta tan-NU u mad-Dritt Internazzjonali;

- approċċ ċivili tal-UE, soluzzjonijiet/approċċi strettament ċivili u paċifiċi, separazzjoni tal-azzjonijiet ċivili u militari; l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-kunflitti bħall-faqar u l-esplojtazzjoni illegali tar-riżorsi;

          separazzjoni stretta bejn l-UE u n-NATO;


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

30.5.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

11

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Elmar Brok, Jerzy Buzek, Arnaud Danjean, Susy De Martini, Mark Demesmaeker, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Takis Hadjigeorgiou, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Anneli Jäätteenmäki, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Alexander Graf Lambsdorff, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Ulrike Lunacek, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols, Ria Oomen-Ruijten, Justas Vincas Paleckis, Mirosław Piotrowski, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Nikolaos Salavrakos, Werner Schulz, Laurence J.A.J. Stassen, Charles Tannock, Eleni Theocharous, Inese Vaidere, Sir Graham Watson, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Marije Cornelissen, Véronique De Keyser, Andrew Duff, Miroslav Ouzký, Jean Roatta, Marietje Schaake

Avviż legali - Politika tal-privatezza