Proċedura : 2011/2287(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0233/2013

Testi mressqa :

A7-0233/2013

Dibattiti :

PV 09/09/2013 - 29
CRE 09/09/2013 - 29

Votazzjonijiet :

PV 10/09/2013 - 11.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0347

RAPPORT     
PDF 199kWORD 149k
24.6.2013
PE 508.175v03-00 A7-0233/2013

dwar ‘Lejn interpretazzjoni aktar effiċjenti u kosteffikaċi fil-Parlament Ewropew’

(2011/2287(INI))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Esther de Lange

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS I
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar "Lejn interpretazzjoni aktar effiċjenti u kosteffikaċi fil-Parlament Ewropew"

(2011/2287(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 286 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Settembru 2006 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 5/2005: L-infiq fuq l-interpretazzjoni magħmul mill-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill(1),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 5/2005 bit-titolu “L-infiq fuq l-interpretazzjonijiet magħmula mill-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill flimkien mar-risposti tal-Istituzzjonijiet”(2),

–   wara li kkunsidra n-nota lill-membri tal-Bureau bit-titolu "Il-Multilingwiżmu komplet billi r-riżorsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti fl-interpretazzjoni - implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-baġit tal-Parlament Ewropew għall-2012",

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' April 2013 bit-titolu "Tħejjija għall-Kumplessità – Il-Parlament Ewropew fl-2025 – It-Tweġibiet"(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0233/2013),

A. billi l-multilingwiżmu huwa wieħed mill-elementi ewlenin tal-Parlament Ewropew, u tal-Unjoni kollha kemm hi, u billi jiżgura r-rispett għad-diversità kulturali u lingwistika kif ukoll it-trattament ugwali ta’ ċittadini tal-UE b'oriġini u minn sfondi differenti;

B.  billi l-prinċipju tal-multilingwiżmu fil-Parlament Ewropew jikkostitwixxi l-pedament tal-ħidma politika, koleġiżlattiva u komunikattiva tal-istituzzjoni;

C. billi l-prinċipju tal-multilingwiżmu fil-Parlament Ewropew jiddefendi kontra t-tfixkil mingħajr bżonn tad-dritt taċ-ċittadini Ewropej li joħorġu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew;

D. billi l-multilingwiżmu jiggarantixxi d-dritt taċ-ċittadini li jikkomunikaw mal-Parlament fi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE, u b’hekk jippermettilhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ skrutinju demokratiku;

E.  billi s-servizzi lingwistiċi tal-Parlament jiffaċilitaw il-komunikazzjoni u, b'dan il-mod, jiżguraw li l-Parlament jibqa' miftuħ għaċ-ċittadini kollha tal-Ewropa, billi jiżguraw it-trasparenza fl-istruttura multilingwa unika tal-Unjoni bbażata fuq 23 lingwa uffiċjali;

F.  billi r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jistipulaw li l-Membri jistgħu jitkellmu bil-lingwa uffiċjali tal-għażla tagħhom u li tkun provduta interpretazzjoni fil-lingwi uffiċjali l-oħra, biex b'hekk jiġi rispettat id-dritt demokratiku li dak li jkun jiġi elett fil-Parlament Ewropew irrispettivament mill-ħiliet lingwistiċi tiegħu;

G. billi, b’konsegwenza ta' perjodi ta’ tkabbir suċċessivi, l-isfida tal-multilingwiżmu laħqet dimensjoni kompletament ġdida f'termini ta' daqs, kumplessità u rilevanza politika, u billi multilingwiżmu estensiv jissarraf, naturalment, fi spejjeż kbar u li qed jiżdiedu għall-Parlament u għalhekk għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

H  billi, fir-rigward tal-baġit tal-Parlament għall-2012, kien neċessarju li jsir iffrankar konsiderevoli, inkluż tnaqqis ta' EUR 10 miljun fis-sena fl-ispejjeż għas-servizzi ta' interpretazzjoni, biex jiġi limitat it-tkabbir tal-baġit għal 1,9 % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel

Il-qafas tal-interpretazzjoni fil-Parlament Ewropew

1.  Jirrikonoxxi li l-Unjoni Ewropea hija l-unika entità fid-dinja li tapplika politika uffiċjali ta' multilingwiżmu bbażata fuq 23 lingwa uffiċjali, li dalwaqt se jsiru 24, b'total ta' 506 kombinazzjoni lingwistika li jridu jiġu koperti, li daqt se jsiru 552; jilqa', b'rabta ma' dan, il-kwalità għolja ħafna tas-servizzi ta' interpretazzjoni tal-Parlament, iżda jemmen li wieħed għandu jfittex modi kif inaqqas il-piż li ġġib magħha l-istruttura kumplessa tal-multilingwiżmu u l-ispejjeż konsiderevoli u li qed jiżdiedu tagħha;

2.  Jinnota li, mil-lingwi kollha mitkellma fil-plenarja fi Strasburgu u fi Brussell minn Settembru 2009 sa Frar 2013, l-Ingliż intuża għal 26 979 minuta (29,1 %), il-Ġermaniż għal 12 556 minuta (13,6 %), il-Franċiż għal 8 841 minuta (9,5 %), l-Estonjan għal 109 minuti (0,1 %) u l-Malti għal 195 minuta (0,2 %);

3.  Jinnota li xi entitajiet multinazzjonali, bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, joperaw biss fil-livell intergovernattiv bl-ebda funzjoni leġiżlattiva; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li b'rabta ma' dan in-NU, b'192 membru, għandha sistema lingwistika b'sitt lingwi uffiċjali, u li n-NATO, bi 28 membru, tuża prinċipalment l-Ingliż, minkejja li għandha żewġ lingwi uffiċjali;

4.  Jenfasizza, madankollu, li l-Parlament huwa korp politiku elett direttament, li l-Membri tiegħu huma eletti irrispettivament mill-ħiliet lingwistiċi tagħhom; itenni, għalhekk, id-dritt ta' kull Membru li jitkellem bil-lingwa uffiċjali tal-għażla tiegħu, bħala prinċipju ewlieni tal-arranġamenti operattivi tal-Parlament;

5.  Jinnota li l-implikazzjonijiet prattiċi tal-użu tal-lingwi uffiċjali fil-Parlament Ewropew huma stipulati fil-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-Multilingwiżmu tiegħu, li ġie aġġornat fl-2008; jinnota l-fatt li l-kunċett ta' "multilingwiżmu sħiħ ikkontrollat" stipulat f'dak il-Kodiċi jippreserva l-ugwaljanza fost il-Membri u ċ-ċittadini; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-implimentazzjoni ta' multilingwiżmu sħiħ, filwaqt li hija bbażata fuq il-prinċipju ta' "interpretazzjoni fuq talba", fuq perjodu ta’ żmien twil se tkun tiddependi fuq l-iżgurar li l-utenti tas-servizzi lingwistiċi jkunu konxji għalkollox tal-ispejjeż tal-provvista ta' dawk is-servizzi u, b'hekk, tar-responsabbiltà tagħhom li jagħmlu l-aħjar użu possibbli minnhom;

6.  Jemmen li l-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba jeħtieġ li jkun japplika għall-interpretazzjoni wkoll, u li bil-ħsieb li jiġi żgurat l-aħjar valur għall-flus għall-kontribwenti Ewropej, għandha titwettaq analiżi kritika kontinwament biex tevalwa fejn u kif tista' tittejjeb l-effiċjenza u kif jistgħu jiġu kkontrollati jew limitati l-ispejjeż;

L-użu effiċjenti tar-riżorsi tal-interpretazzjoni

7.  Jinnota d-deċiżjoni dwar "Multilingwiżmu komplet billi r-riżorsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti fl-interpretazzjoni" meħuda mill-Bureau tal-Parlament fl-2011, li żżid l-effiċjenza tas-servizzi ta' interpretazzjoni u tnaqqas l-ispejjeż strutturali tagħhom b'dawn il-modi: (i) it-tqabbil tal-bżonnijiet li jirriżultaw mill-ivvjaġġar mid-delegazzjonijiet tal-Parlament mar-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli, (ii) filwaqt li tingħata prijorità lill-interpretazzjoni għat-trilogi matul il-ġimgħat tal-kumitati, (iii) it-tqassim tal-laqgħat tal-kumitat b’mod aktar ibbilanċjat matul il-ġimgħa, (iv) l-applikazzjoni aktar stretta tar-regoli dwar id-dewmien tal-laqgħat ta’ filgħaxija;

8.  Jilqa' l-fatt li b’konsegwenza ta’ dan, ir-riżorsi baġitarji ddedikati għas-servizzi tal-interpretazzjoni fil-Parlament bdew jonqsu; jirrimarka li fl-2010 ċ-ċifra tal-eżitu tal-baġit kienet EUR 54 990 000, li fl-2011 kienet EUR 56 964 283 u li bħalissa tammonta għal EUR 47 000 000 għall-2012, għalkemm l-eżitu finali għall-2012 mhux se jkun magħruf qabel il-31 ta' Diċembru 2013 u jista' jkun ogħla;

9.  Jinnota li l-baġit stmat għall-2013 jammonta għal ċifra ta’ EUR 58 000 000 għad-DĠ Interpretazzjoni, li minnhom EUR 53 000 000 huma konnessi direttament mas-servizzi ta' interpretazzjoni; jitlob li jkun informat fid-dettall u fuq bażi regolari dwar ir-riżultati konkreti tal-inizjattiva "Multilingwiżmu komplet billi r-riżorsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti" fir-rigward tal-baġit 2013, b'mod partikolari f'termini ta' tnaqqis jew żidiet mistennija fl-ispejjeż;

10. Jinnota, barra minn hekk, li filwaqt li s-servizzi ta' interpretazzjoni tal-Parlament swew EUR 157 954 283 fil-perjodu ta' tliet snin sal-aħħar tal-2012, inkiseb tnaqqis ta' 17 % meta jitqabblu ċ-ċifri tal-eżitu tal-baġit għall-2010 u l-2012; jinnota li l-iffrankar intelliġenti miksub fis-servizzi ta' interpretazzjoni ma pperikolax il-prinċipju tal-multilingwiżmu u jinsisti li jeħtieġ li jiġi żgurat aċċess ugwali għas-servizzi lingwistiċi għall-Membri u li jeħtieġ li jinżammu kundizzjonijiet ta' xogħol xierqa għas-servizzi kkonċernati;

11. Jilqa' l-fatt li l-istimi tal-Parlament tad-dħul u l-infiq għas-sena finanzjarja 2014 jipproponu li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-interpretazzjoni bi 23 % meta mqabbla maċ-ċifra tal-baġit tal-2013 ta’ EUR 58 000 000; jitlob informazzjoni dettaljata li tagħti prova li t-tnaqqis propost huwa fattibbli u li tista' tinżamm il-kwalità eċċellenti tal-interpretazzjoni;

12. Jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni ta' "multilingwiżmu komplet billi r-riżorsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti" wasslet sabiex jinkisbu gwadanji konsiderevoli permezz ta' tqassim aktar ibbilanċjat tal-laqgħat tal-kumitati matul il-ġimgħa, mingħajr l-ebda tnaqqis fin-numru globali tal-laqgħat tal-kumitati; jinnota li, b’konsegwenza ta' dan, in-numru totali ta' ġranet ta' interpreti naqas minn 105 258 (EUR 107 047 386) fl-2011 għal 97 793 (EUR 100 237 825) fl-2012, u dan wassal għal iffrankar ta' EUR 6 809 561;

13. Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapporti dwar il-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-Multilingwiżmu, it-talbiet għal servizzi ta' interpretazzjoni li joriġinaw mill-kumitati, mid-delegazzjonijiet u mill-gruppi politiċi xorta kienu għadhom affettwati minn livell għoli u li qed jikber ta' kanċellazzjonijiet tard, kif muri minn dawn iċ-ċifri:

Kumitati

2009

2010

2011

2012

Talbiet

984

1712

2213

2448

Kaċellazzjonijiet

tard

76

172

238

359

%

7.72 %

10.05 %

10.80 %

14.70 %

Delegazzjonijiet

2009

2010

2011

2012

Talbiet

624

813

836

832

Kaċellazzjonijiet

tard

116

93

102

171

%

18.59 %

11.44 %

12.20 %

20.60 %

Gruppi politiċi

2009

2010

2011

2012

Talbiet

1922

2310

2297

2146

Kaċellazzjonijiet

tard

285

378

266

292

%

14.83 %

16.36 %

11.60 %

13.60 %

14. Jinnota bi tħassib li l-ispejjeż b’konsegwenza ta’ dawn il-kanċellazzjonijiet tard jirrappreżentaw proporzjon sostanzjali tal-baġit globali għall-interpretazzjoni; jinnota f’dan ir-rigward li fl-2011 l-ammont ta' EUR 4 350 000 (7,6 % tal-baġit għall-interpretazzjoni), u fl-2012 l-ammont ta’ EUR 5 480 000 (11,9 % tal-baġit għall-interpretazzjoni), intnefqu fuq is-servizzi tal-interpretazzjoni li kienu disponibbli iżda ma ntużawx minħabba talbiet jew kanċellazzjonijiet tard; jistieden lill-Bureau jipprovdi lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit analiżi dettaljata tat-tendenza li qed tikber ta’ kanċellazzjonijiet tard u jintroduċi mekkaniżmu bl-għan li jżid il-kuxjenza dwar ir-riżorsi mitlufa minħabba kanċellazzjonijiet tard u jnaqqas b'mod sinifikanti n-numru u l-perċentwal ta' dawn il-kanċellazzjonijiet;

15. Itenni li, filwaqt li jinżamm standard għoli ta' ħidma, huwa neċessarju wkoll li jsir użu aktar effiċjenti tar-riżorsi lingwistiċi u li jiġu kkontrollati l-ispejjeż tagħhom billi jitqies l-ammont ta' xogħol għal kull taqsima lingwistika u billi jiġi żgurat li jitnaqqsu l-ispejjeż iġġenerati bil-kanċellazzjoni tard ta' talbiet għal laqgħat u żjarat ta' delegazzjonijiet b'servizzi ta’ interpretazzjoni, bi ksur tal-iskadenzi stipulati fil-Kodiċi ta' Kondotta; jinsisti li l-kumitati, id-delegazzjonijiet u l-gruppi politiċi għandhom ikunu konxji mir-regoli stipulati fil-Kodiċi ta' Kondotta;

16. Jistieden lill-Bureau jfassal sistema bi klawżola ta’ piena sabiex ikunu jistgħu jiġu miġġielda l-kanċellazzjonijiet tard tal-prenotazzjonijiet tal-interpreti;

17. Jistieden lill-amministrazzjoni tagħmel użu sħiħ u effiċjenti mill-profili lingwistiċi aġġornati tal-Membri meta tagħmel l-arranġamenti lingwistiċi għall-kumitati, għad-delegazzjonjiet u għall-gruppi politiċi kemm fil-postijiet tax-xogħol kif ukoll barra minnhom; jinsisti li l-profili lingwistiċi tal-Membri kollha għandhom jiġu aġġornati kull sena; jirrimarka, barra minn hekk, li kopja tal-profili aġġornati għandha tintbagħat lis-segretarjati tal-kumitati, tad-delegazzjonijiet, tal-gruppi politiċi u tal-gruppi ta' ħidma;

18. Jinsisti li, b'kunsiderazzjoni xierqa tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament ta' Diċembru 2011 dwar "Multilingwiżmu komplet billi r-riżorsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti”, l-interpretazzjoni f’lingwa uffiċjali waqt żjara ta’ delegazzjoni għandha tiġi pprovduta biss fuq it-talba bil-miktub espliċita ta’ Membru parteċipanti tal-Parlament Ewropew; jenfasizza li waqt żjara ta’ delegazzjoni n-numru ta’ interpreti m’għandux jaqbeż in-numru ta’ Membri parteċipanti tal-Parlament Ewropew;

19. Ifakkar fil-proposta tas-Segretarju Ġenerali li jdaħħal miżuri li jqajmu l-kuxjenza fost l-utenti tas-servizzi ta' interpretazzjoni, inklużi l-kumitati, id-delegazzjonijiet u l-gruppi politiċi, u huwa tal-fehma li l-proposti futuri għandhom jinkludu l-ħruġ ta' kontijiet virtwali għall-utenti;

20. Jistieden lill-amministrazzjoni biex tiżgura li l-kap tat-tim tal-interpreti jkompli jfassal lista ta' faċilitajiet ta' interpretazzjoni mitluba iżda mhux użati fi tmiem kull laqgħa, bi qbil mas-segretarjat tal-laqgħa. jinnota li kopja ta' dik il-lista għandha tiġi mgħoddija lis-segretarjat tal-laqgħa kkonċernata; iqis li l-lista għandha tqis ukoll l-utenti tal-webstreaming jew tal-vidjow fuq talba;

21. Jistieden lill-Bureau jgħaddi lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit ir-rapport dwar l-użu tas-servizzi lingwistiċi mibgħut lilu kull sitt xhur mis-servizzi tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni; jinnota li r-rapport għandu jinkludi analiżi tal-faċilitajiet lingwistiċi provduti b'rabta mat-talbiet imressqa minn utenti u mal-ispejjeż imġarrba fil-forniment ta' dawn is-servizzi;

22. Jieħu nota tas-servizz il-ġdid ta' Interpretazzjoni ad personam (IAP) offrut lill-Membri u stabbilit wara l-proġett pilota li beda fl-2010; jinnota li dan is-servizz ġdid involva spejjeż ta' EUR 157 000 fl-2011 u EUR 115 000 fl-2012; jemmen li s-servizz għandu jiġi rivedut biex jiġu esplorati modi kif jittejjeb;

L-interpretazzjoni fil-Parlament Ewropew: it-triq 'il quddiem

23. Jilqa' l-fatt li s-servizzi tal-interpretazzjoni kisbu gwadanji fl-effiċjenza u tnaqqis fl-ispejjeż fi snin riċenti, filwaqt li żammu kwalità eċċellenti ta' xogħol; jenfasizza l-fatt li l-infiq fuq l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għadu jieħu proporzjon sinifikanti tal-baġit tal-Parlament u għalhekk jemmen li l-isfida tal-multilingwiżmu bi spejjeż raġonevoli tirrikjedi l-attenzjoni kontinwa tal-Parlament;

24. Jemmen li l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit għandu jiġi infurmat regolarment dwar il-bidliet fl-ispiża tal-interpretazzjoni; jitlob li r-rapport annwali dwar il-Kodiċi ta' Kondotta mħejji mis-servizzi tal-interpretazzjoni u mibgħut lis-Segretarju Ġenerali jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri tal-kumitat;

25. Huwa tal-fehma li sitwazzjonijiet li fihom l-interpretazzjoni f'ċerti lingwi tiġi offruta mingħajr ma tintuża għandhom jiġu evitati kemm jista' jkun; jenfasizza l-ħtieġa ta' miżuri biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' interpretazzjoni mhux meħtieġa fil-laqgħat, u għalhekk jitlob li tiġi żviluppata u implimentata b'mod urġenti sistema li tevita sitwazzjonijiet li fihom l-interpretazzjoni tkun disponibbli f'lingwi li ma jiġux mitkellma waqt laqgħa partikolari jew li ma jintalbux minn utenti tal-webstreaming;

26. Jistenna li s-Segretarju Ġenerali jippreżenta, sal-aħħar tas-sena, analiżi dettaljata tal-lingwi ta' interpretazzjoni provduti fil-laqgħat kollha tal-gruppi (ta' ħidma), tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet u l-lingwi li fil-fatt jiġu mitkellma f'dawn il-laqgħat, kif ukoll ħarsa ġenerali lejn id-derogi mir-regoli ġenerali tal-interpretazzjoni adottati mill-Bureau fit-12 ta' Marzu 2012(4) mitluba miż-żjarat tad-delegazzjonijiet u mogħtija lilhom;

27. Jistieden lill-Bureau jadotta deċiżjoni oħra dwar il-multilingwiżmu sal-aħħar tas-sena, li tittratta speċifikatament xenarji possibbli għal ‘interpretazzjoni fuq talba' u l-gwadanji fl-effiċjenza li mistennija jintlaħqu bħala riżultat tagħha;

28. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri ma pprovdietx segwitu għar-rapport tagħha dwar l-infiq fuq l-interpretazzjoni tal-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill mill-2005 'l hawn;

29. Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri, għalhekk, tipprovdi lill-Parlament, f'perjodu ta' żmien raġonevoli u mhux aktar tard minn Marzu 2014, b’rapport speċjali dwar in-nefqa fuq l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni li għamlu l-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill, u li jivvaluta l-adegwatezza tal-ġestjoni finanzjarja involuta u jaġġorna s-sejbiet magħmula fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 5/2005; jinnota, barra minn hekk, li dan ir-rapport jista' jsir perjodikament u jintuża għall-proċedura tal-kwittanza; itenni li r-rapport għandu jipprovdi informazzjoni dwar jekk l-istituzzjonijiet involuti għandhomx għodod u proċeduri adegwati biex jiżguraw li:

–   is-servizzi provduti ma jmorrux lil hinn mill-ħtiġijiet reali;

–   is-servizzi kollha meħtieġa jistgħu jiġu provduti;

–   is-servizzi jiġu provduti bl-iktar spiża baxxa possibbli;

–   is-servizzi provduti jkunu ta' kwalità għolja;

30. Jinnota wkoll li dan ir-rapport ta' segwitu għandu jqabbel b'attenzjoni l-kosteffettività tas-servizzi ta' interpretazzjoni tal-Parlament ma' dik tas-servizzi ta’ interpretazzjoni pprovduti mill-Kunsill u l-Kummissjoni, u jqabbel l-ispejjeż attwali tas-servizzi ta' interpretazzjoni tat-tliet istituzzjonijiet ma' dawk irreġistrati fil-perjodu ta' referenza tal-awditjar;

31. Jinsisti, barra minn hekk, li l-Parlament għandu jindirizza, bħala prijorità, l-għadd konsiderevoli ta' kanċellazzjonijiet tard u jistieden lill-Bureau jippreżenta pjan ta' azzjoni dettaljat biex inaqqsu;

32. Itenni li l-kooperazzjoni interistituzzjonali hija essenzjali biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki li jippromwovu l-effikaċja u jagħmlu possibbli l-iffrankar; iqis li l-kooperazzjoni interistituzzjonali għandha tittejjeb fir-rigward tal-interpretazzjoni; jitlob li jitwettaq rieżami dettaljat, li jagħti prijorità lill-kondiviżjoni aktar effikaċi tar-riżorsi disponibbli fost l-istituzzjonijiet kollha u miżuri konkreti fil-qasam tal-interpretazzjoni freelance;

33. Jenfasizza l-importanza tal-applikazzjonijiet tas-softwer bħala strumenti ta' ġestjoni u jinsisti li għandu jiġi allokat aktar finanzjament għal dan l-iskop fil-baġit tas-sena d-dieħla; jinnota li jista' jinkiseb livell ogħla ta' effiċjenza jekk is-servizzi amministrattivi tal-Parlament jingħataw informazzjoni adegwata dwar il-ġestjoni; iqis li huwa diżappuntanti li ċerti DĠ għadhom lura f'termini tal-applikazzjonijiet tas-softwer disponibbli minkejja t-titjib fis-settur tat-teknoloġija tal-informatika mill-2010 'l hawn;

34. Jistieden lis-servizzi rilevanti tiegħu jivvalutaw jekk il-gwadanji konsiderevoli fl-effiċjenza li saru fil-qasam tal-interpretazzjoni jistgħux iservu bħala eżempju għal titjib f'DĠ oħra;

*

*        *

35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 67.

(2)

ĠU C 291, 23.11.2005, p. 1.

(3)

‘Tħejjija għall-Kumplessità – Il-Parlament Ewropew fl-2025 – It-Tweġibiet’, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, 9 ta’ April 2013.

(4)

Kien ġie deċiż b'mod speċifiku li, filwaqt li d-delegazzjonijiet ikomplu jibbenefikaw minn intitolament sħiħ għal interpretazzjoni sa ħames lingwi, kif stipulat fil-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-Multilingwiżmu, matul ġimgħat iddedikati għal attivitajiet parlamentari esterni (ġimgħat ħodor), id-delegazzjonijiet li jirrikjedu derogi għall-ivvjaġġar matul ġimgħat tal-kumitati jiġu provduti biss b'sistema lingwistika limitata li biha ma jkunx hemm iktar minn interpretazzjoni f'lingwa waħda.


NOTA SPJEGATTIVA

Fl-2005 l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ppreżentat lill-Kumitat għal-Kontroll tal-Baġit ir-Rapport Speċjali tagħha Nru 5/2005 dwar l-infiq li sar fuq l-interpretazzjoni mill-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill. Fil-każ tal-Parlament, l-għan tar-rapport speċjali kien li jesplora titjib possibbli billi jiffoka fuq kwistjonijiet organizzattivi u jiżgura d-drittijiet tal-Membri li jitkellmu u jsegwu fil-lingwa uffiċjali tal-għażla tagħhom. Ir-rapport wera użu ineffiċjenti tas-servizzi ta' interpretazzjoni u l-bżonn ta' aktar kuxjenza dwar l-ispejjeż ta' interpretazzjoni u l-ħela tar-riżorsi.

L-Unjoni Ewropea (UE) hija l-unika entità fid-dinja li tħaddem politika uffiċjali ta' multingwiżmu bbażata fuq 23 lingwa uffiċjali(1), li dalwaqt se jsiru 24. Fl-2011 saru 5 263 sessjoni u kien hemm madwar 100 000 ġurnata ta' interpretu, li minnhom 47,74 % kienu interpreti esterni u 52,26 % kienu interpreti membri tal-persunal.

L-użu tal-lingwi uffiċjali fil-Parlament Ewropew huwa rregolat mill-Kodiċi ta' Kondotta tiegħu dwar il-Multilingwiżmu, aġġornat fl-2008. Il-Parlament iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jiżviluppa l-kunċett ta' "multilingwiżmu kkontrollat" fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Mejju 2003 dwar l-istimi tiegħu għall-2004, u stieden lill-Bureau jippreżenta proposti prattiċi rigward l-użu aktar effikaċi tar-riżorsi, filwaqt li jżomm l-ugwaljanza fost il-lingwi. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar l-istimi tiegħu għall-2007, il-Parlament ikkunsidra li l-multilingwiżmu huwa kundizzjoni sine qua non għall-Istituzzjoni u għall-Membri tagħha, iżda rrikonoxxa l-ispiża għolja involuta fiż-żamma ta' servizz kbir ta' interpretazzjoni u traduzzjoni. Fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' Settembru 2006 u tal-10 ta' Lulju 2007, il-Parlament ikkunsidra li l-multilingwiżmu jippermetti liċ-ċittadini jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' kontroll demokratiku u li s-servizzi lingwistiċi jgħinu lill-istituzzjonijiet tal-UE jibqgħu miftuħin u trasparenti, u laqa' b'sodisfazzjon il-kwalità għolja tas-servizzi lingwistiċi.

Fl-2011 il-Bureau tal-Parlament approva miżuri biex inaqqas l-ammont globali tal-abbozz tal-istimi tal-PE għall-2012 permezz tal-implimentazzjoni tal-"Multilingwiżmu komplet billi r-riżorsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti fl-interpretazzjoni" li jżid l-effiċjenza tas-servizzi ta' interpretazzjoni u jnaqqas l-ispejjeż tagħhom b'EUR 10 miljun.

Is-servizz ta' interpretazzjoni tal-Parlament huwa ta' kwalità għolja ħafna. Minkejja miżuri meħuda mill-Bureau dwar "multilingwiżmu komplet billi r-riżorsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti fl-interpretazzjoni", l-ispejjeż għadhom konsiderevoli u r-riżorsi mhux dejjem jintużaw b'mod effiċjenti. Fl-2010 kien hemm disponibbli EUR 6,05 miljun li ma ntużawx minħabba kanċellazzjonijiet tard, fl-2011 dan l-ammont kien ta' EUR 4,4 miljun u fl-2012 kien ta' EUR 5,48 miljun. Fl-aħħar tliet snin intilfu EUR 15,93 miljun minħabba talbiet tard u kanċellazzjonijiet.

Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta' dan ir-rapport huwa li jżid il-kuxjenza dwar il-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza fil-multilingwiżmu, mingħajr ma tiġi kompromessa l-kwalità globali u mingħajr ma jiġi kkontestat id-dritt tal-Membri li jużaw il-lingwa uffiċjali tal-għażla tagħhom fil-Parlament. Kif deskritt fil-Kodiċi ta' Kondotta, il-faċilitajiet lingwistiċi fil-Parlament għandhom jiġu ġestiti abbażi tal-prinċipji li jirregolaw "multilingwiżmu sħiħ u kkontrollat". Ir-riżorsi li għandhom jiġu ddedikati lill-multilingwiżmu għandhom jiġu kkontrollati permezz ta' ġestjoni abbażi tal-ħtiġijiet reali tal-utenti, miżuri biex l-utenti jsiru aktar konxji tar-responsabbiltajiet tagħhom u ppjanar aktar effikaċi tat-talbiet għal faċilitajiet lingwistiċi.

Ir-rapport jikkonsisti fi tliet partijiet, li jinvestigaw, b'mod rispettiv:

-      il-qafas ġenerali ta' interpretazzjoni applikabbli għall-Parlament Ewropew,

-      il-gwadanji reċenti fl-effiċjenza li saru parzjalment bħala konsegwenza tal-ftehim dwar il-baġit tal-PE għall-2012, li talab tnaqqis ta' EUR 10 miljun fil-baġit għall-interpretazzjoni u

-      passi futuri li jridu jittieħdu, notevolment permezz tal-implimentazzjoni konkreta tal-"interpretazzjoni meta tintalab", it-tnaqqis tal-kanċellazzjonijiet tard u aġġornament tar-rapport tal-2005 tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-infiq fuq l-interpretazzjoni.

Ir-rapport jitlob ukoll li l-Parlament jinforma aħjar lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit dwar l-iżvilupp tal-ispejjeż fil-qasam tal-interpretazzjoni, dwar id-deċiżjonijiet tiegħu li jaffettwaw is-servizzi ta' interpretazzjoni u l-gwadanji fl-effiċjenza u t-tnaqqis fl-ispejjeż miksuba, pereżempju permezz tal-komunikazzjoni tar-rapporti annwali dwar il-Kodiċi ta' Kondotta lill-Membri kollha tal-Kumitat.

(1)

Minbarra t-23, il-Katalan, il-Bask u l-Galizjan għandhom status ta' lingwa uffiċjali fi Spanja, u għalhekk ċerti testi tal-UE huma tradotti minn dawn il-lingwi u fihom a spejjeż tal-gvern Spanjol.


ANNESS I

Lingwi mitkellma fil-plenarja minn Settembru 2009 sa Frar 2013

Lingwa

Minuti

%

Ingliż

26979

29,1%

Ġermaniż

12556

13,6%

Franċiż

8841

9,5%

Taljan

7908

8,5%

Pollakk

7115

7,7%

Spanjol

5357

5,8%

Grieg

4528

4,9%

Rumen

2831

3,1%

Ungeriż

2596

2,8%

Olandiż

2570

2,8%

Portugiż

2495

2,7%

Ċek

1651

1,8%

Slovakk

1573

1,7%

Svediż

1338

1,4%

Finlandiż

1108

1,2%

Daniż

805

0,9%

Bulgaru

612

0,7%

Litwan

476

0,5%

Sloven

450

0,5%

Gaeliku

265

0,3%

Latvjan

239

0,3%

Malti

195

0,2%

Estonjan

109

0,1%

TOTAL

92.597

100,0%


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.6.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Zuzana Brzobohatá, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Ingeborg Gräßle, Jan Mulder, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Theodoros Skylakakis, Bart Staes, Michael Theurer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Cornelis de Jong, Esther de Lange, Karin Kadenbach, Ivailo Kalfin, Markus Pieper

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Vasilica Viorica Dăncilă, Verónica Lope Fontagné, Janusz Władysław Zemke

Avviż legali - Politika tal-privatezza