Proċedura : 2013/2052(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0235/2013

Testi mressqa :

A7-0235/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/09/2013 - 5.19
CRE 11/09/2013 - 5.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0367

RAPPORT     
PDF 179kWORD 125k
25.6.2013
PE 507.995v02-00 A7-0235/2013

li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna Kummissjoni dwar in-negozjati għal ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni UE-Malasja

(2013/2052(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Emilio Menéndez del Valle

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna Kummissjoni dwar in-negozjati għal ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni UE-Malasja

(2013/2052(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 440/80 tat-30 ta’ Mejju 1980 li għandu x’jaqsam mal-konklużjoni tal-Ftehim tal-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Indoneżja, il-Malasja, il-Filippini, Singapor u t-Tajlandja – pajjiżi membri fl-Assoċazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja(1),

–   wara li kkunsidra n-negozjati awtorizzati mill-Kunsill f’Novembru 2004 u li nfetħu fi Brussell f'Ottubru 2010, fl-okkażjoni tat-tmien samit UE-Asja (ASEM8), dwar ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni UE-Malasja (FSK),

–   wara li kkunsidra s-samit ASEM9 li sar f’Vientiane (Laos) fil-5 u 6 ta’ Novembru 2012,

–   wara li kkunsidra s-samit tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tal-Asja tax-Xlokk (ASEAN) mill-Kambodja mit-18 sal-20 ta' Novembru 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2007 dwar l-abbozz ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż u Programmi Indikattivi għall-Malasja, il-Brażil u l-Pakistan(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-16 ta’ Diċembru 2010 dwar ‘il-Malasja: il-prattika tas-swat bil-qasba’(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2010 dwar ‘attakki reċenti kontra komunitajiet Insara’4,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar Politika Kummerċjali Ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020(4),

–   wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mat-Trattat ta' Ħbiberija u Kooperazzjoni fl-Asja tax-Xlokk f’Lulju 2012(5),

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Malasja (FTA),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Malasja dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru, iffirmat fl-2007(6),

–   wara li kkunsidra n-negozjati dwar Ftehim ta’ Sħubija Volontarju mal-Malasja fir-rigward tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT) li beda fl-2007,

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija bejn il-Malasja u l-Komunità Ewropea għall-perjodu 2007-2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 90(4) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0235/2013),

A. billi l-Malasja hija membru fundatur tal-ASEAN u se tippresiedi l-organizzazzjoni fl-2015; billi l-Malasja hija t-tieni l-aktar sħab kummerċjali importanti tal-UE fl-ASEAN;

B.  billi l-Malasja hija membru attiv tal-forum tal-Kooperazzjoni Ekonomika Asja-Paċifiku (APEC), l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC), il-Moviment Mhux Allineat (NAM), il-Bank Ażjatiku tal-Iżvilupp (ADB), il-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika u Soċjali tal-NU għall-Asja u l-Paċifiku (UNESCAP), il-Pjan ta’ Kolombu li jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fir-reġjun Asja-Paċifiku, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU (FAO), il-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM) u ż-Żona ta' Tkabbir Brunej Darussalam-Indoneżja-Malasja-Filippini tal-Asja tal-Lvant (BIMP-EAGA); billi l-Malasja hija membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) mill-istabbiliment tagħha fl-1995 u hija membru tal-Grupp tas-77 (G77) pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp, il-grupp tat-8 pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp (D-8), il-G15 u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (2010-2013), fost oħrajn;

C. billi f'Ottubru 2010, il-Malasja ssieħbet mas-Sħubija Transpaċifika (TPP) stabbilita fl-2005, bil-ħsieb li tikkonkludi ftehim ta' kummerċ ħieles li jista’ jkollu konsegwenzi kbar għall-politika kummerċjali tal-UE; billi n-negozjati mwettqa mit-TPP ħadu xejra importanti ħafna bl-adeżjoni tal-Istati Uniti fi Frar 2008, il-Messiku f'Ġunju 2012 u l-Kanada f'Ottubru 2012;

D. billi l-Malasja hija kontributur frekwenti għan-NU u missjonijiet għaż-żamma tal-paċi oħrajn, inklużi fil-Libanu, Timor Leste, il-Filippini, l-Indoneżja, il-Pakistan, is-Sjerra Leone, is-Sudan, il-Punent tas-Saħara, in-Nepal u l-Kosovo, u bagħtet unità medika fl-Afganistan;

E.  billi l-Malasja hija soċjetà multikulturali, multilingwistika, b'reliġjonijiet differenti u multietnika, b’maġġoranza ta’ Malasjani Musulmani u komunitarjiet ta’ minoranza ta’ Indjani, Ċiniżi u nies indiġeni mhux Malasjani;

F.  billi fil-Malasja l-elezzjonijiet parlamentari seħħew fil-5 ta' Mejju 2013;

G. billi l-Malasja, li hija ekonomija emerġenti, stabbilixxiet programmi konsekuttivi ta’ ristrutturar soċjoekonomiku, inizjalment permezz tal-Politika Ekonomika Ġdida (NEP) fl-1971, li ġiet sostitwita mill-Politika ta’ Żvilupp Nazzjonali fl-1991 u sussegwentement mill-Politika ta’ Identità Nazzjonali fl-2001 skont 'Il-Mudell Ekonomiku Ġdid' għall-għan ta' żvilupp fuq perjodu twil tal-Malasja li ssir pajjiż żviluppat sal-2020 ('Viżjoni 2020');

H. billi l-Malasja adottat liġi fuq il-ġemgħa paċifika fl-20 ta’ Diċembru 2011;

I.   billi l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Malasja dwar id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-popli indiġeni, il-migrazzjoni, il-libertà tal-istampa u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ssaħħet permezz ta' kuntatti regolari mas-soċjetà ċivili u l-Kummissjoni tal-Malasja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (SUHAKAM); billi l-UE qed tistabbilixxi wkoll gradwalment il-kooperazzjoni mal-Malasja f'oqsma li jaqgħu taħt il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) bħas-sigurtà marittima u n-nonproliferazzjoni ta' armi tal-qerda tal-massa;

J.   billi l-Parlament tal-Malasja, bil-ħsieb li jitrawwmu relazzjonijiet ulterjuri waqqaf l-Unjoni Interparlamentari (IPU) Caucus bejn il-Malasja u l-UE f'Novembru 2010, fejn il-membri qegħdin jirrappreżentaw kemm il-koalizzjoni tal-gvern u kemm l-oppożizzjoni;

1.  Jindirizza lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

Dwar in-negozjati għal ftehim ta’ sħubija u kooperazzjoni

(a)  li jitjiebu r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja, b’mod partikolari l-Malasja, permezz tal-konklużjoni f’waqtha tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta’ sħubija u kooperazzjoni ma' seba' pajjiżi ASEAN; li titqajjem sensibilizzazzjoni fl-UE dwar l-importanza, il-potenzjal sinifikanti u n-natura multidimensjonali ta’ dawn ir-relazzjonijiet;

(b)  li jkun enfasizzat li l-ftehim ta’ sħubija u kooperazzjoni bejn l-UE u l-Malasja se jipprovdi opportunitajiet uniċi għat-twaqqif ta’ livell ġdid ta’ qafas strateġiku u politiku għal relazzjonijiet bilaterali, għat-tkabbir tal-impenn tal-UE f'numru ta' oqsma ta' interess reċiproku – fost l-oħrajn il-kooperazzjoni kummerċjali, l-enerġija, ix-xjenza u t-teknoloġija, il-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, id-drittijiet tal-bniedem l-libertajiet fundamentali, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-traffikar ta' persuni u n-nonproliferazzjoni – u jissaħħaħ id-djalogu ta’ politika bejn l-UE u l-Malasja dwar l-ambjent, it-teknoloġija ħadra u t-tibdil fil-klima;

(c)  li jissaħħaħ it-tim tan-negozjati tal-UE matul iċ-ċikli ta' negozjati biex jikkorrispondi mal-għarfien espert tematiku disponibbli fin-naħa tal-Malasja, u minbarra li jiġu ffaċilitati n-negozjati, jintwera wkoll l-interess adegwat fihom min-naħa tal-UE;

(d)  li jappella għal approċċ konsistenti fir-rigward tan-negozjati tal-FSK u tal-FTA; li jfakkar li kull wieħed minn dawn il-ftehimiet għandu jappoġġa l-objettivi tal-ieħor;

(e)  li jenfasizza li ż-żewġ negozjati għandhom jiddependu minn xulxin u jitwettqu b'mod parallel;

Djalogu Politiku

(f)   li jiġu mfaħħra l-ħolqien ta' Aġenzija Malasjana għall-Infurzar Marittimu (MMEA) li tikkombina f'aġenzija waħda l-attivitajiet kollha tal-infurzar tal-liġi tal-liġijiet federali fuq il-baħar; li jiġu mfaħħra r-riżultati tal-kooperazzjoni subreġjonali tal-Malasja mas-Singapor u l-Indoneżja, il-Filippini, it-Tajlandja, l-Inizjattiva Asjatika għas-Sigurtà Marittima (AMARSECTIVE) u l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni Reġjonali fuq il-Ġlieda kontra l-Piraterija u s-Serq bl-Użu tal-Armi kontra Vapuri fl-Asja (ReCAAP) u tal-kooperazzjoni mal-Forum Reġjonali tal-ASEAN (ARF), għal dak li jirrigwarda t-titjib sinifikanti fis-sigurtà marittima kemm fl-Istrett ta’ Malacca, li minnhu jgħaddu aktar minn 50 000 bastiment fis-sena, kif ukoll fil-baħar max-xtut tal-Malasja; li jiġi espress l-apprezzament għall-fatt li l-Forzi Armati Malasjani ħadu sehem f’operazzjonijiet kontra l-piraterija qrib il-kosta tas-Somalja; jara l-potenzjal għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Malasja għat-tisħiħ tas-sigurtà marittima b'mod partikolari fil-bini tal-kapaċità tal-gwardji kostali, il-qsim tal-informazzjoni, l-interoperabilità navali u l-iżvilupp tal-aspetti ġuridiċi;

(g)  li tiġi mfakkra l-importanza globali tal-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina u li l-partijiet involuti kollha jintalbu jsolvu l-pretenzjonijiet territorjali konfliġġenti tagħhom, inklużi dawk relatati mal-Gżejjer Spratly/Nansha, permezz ta’ arbitraġġ internazzjonali, b’mod konformi mad-dritt internazzjonali (b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt Marittimu) sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà reġjonali u l-paċi; li jikkundanna l-avvenimenti vjolenti reċenti f'Sabah u jappella għal riżoluzzjoni paċifika tas-sitwazzjoni; li jfaħħar lill-Malasja u lil Singapor għas-soluzzjoni paċifika fl-2010 għat-tilwim li kien ilu għaddej dwar it-territorju u l-ilma;

(h)  li jitqiesu b’mod pożittiv il-kooperazzjoni u l-kapaċità akbar tal-Malasja li tiġġieled it-terroriżmu, il-ħasil tal-flus, it-traffikar tad-droġi u l-armi u l-falsifikazzjoni ta’ dokumenti ta’ vjaġġar;

(i)   li jiġi mfakkar li l-Malasja gawdiet minn livell inkredibbilment għoli ta’ stabbiltà politika għal perjodu ta’ żmien twil; li tiġi mfaħħra r-rata ta' parteċipazzjoni għolja ħafna fl-elezzjonijiet leġiżlattivi li saru fil-5 ta' Mejju 2013 li turi l-interess tal-persuni fil-parteċipazzjoni politika; li jiġi nnutat li l-aħħar elezzjonijiet li saru wrew it-tranżizzjoni tal-Malasja lejn demokrazija aktar pluralista; li l-awtoritajiet Malajsani jintalbu jaraw li ssir valutazzjoni indipendenti u imparzjali tal-elezzjonijiet bi tweġiba għall-allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet; li l-gvern il-ġdid jiġi mistieden jindirizza t-tensjonijiet etniċi u politiċi dejjem akbar, id-distribuzzjoni usa’ ta’ appoġġ popolari fost għadd ta’ partiti politiċi u l-ferment ċivili dejjem akbar u n-numru ta’ manifestazzjonijiet li dejjem qed jiżdiedu, u jibda djalogu attiv mal-oppożizzjoni u l-gruppi etniċi kollha; li tiġi enfasizzata wkoll l-importanza li jittieħdu miżuri li jindirizzaw l-iskuntentizza pubblika għal dak li jikkonċerna l-korruzzjoni; li l-gvern jintalab ikompli bl-aġenda ta’ riformi ekonomiċi u politiċi, inkluża r-riforma elettorali;

(j)   li jiġi mfittex l-impenn tal-Malasja għall-iżvilupp ta' politiki soċjoekonomiċi li jiżguraw trattament ġust tal-gruppi etniċi u reliġjużi kollha u jkun żgurat li ċ-ċittadini tal-Malasja jkollhom id-drittijiet sħaħ tagħhom, inkluż l-aċċess għas-servizz ċivili, l-edukazzjoni u l-opportunitajiet ta' negozju; tiġi promossa l-inklużività tat-tkabbir ekonomiku tal-Malasja anke fil-każ tal-ifqar persuni, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-kisbiet li ntlaħqu fl-iżvilupp tal-pajjiż u fit-tnaqqis fil-faqar;

(k)  li l-gvern jiġi inkoraġġit jinvolvi lis-soċjetà ċivili Malasjana, li hija soċjetà attiva u dinamika, fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ konsultazzjoni, u jneħħi r-restrizzjonijiet fuq is-soċjetà ċivili; li jiġi mfaħħar ix-xogħol tas-soċjetà ċivili fil-ġbid ta’ attenzjoni għall-kwistjonijiet ambjentali, id-drittijiet tan-nisa, il-protezzjoni tal-konsumatur, id-drittijiet tal-poplu indiġenu u gruppi etniċi oħra, il-libertà tal-midja, il-ġustizzja soċjali, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi;

(l)   li tiġi enfasizzata l-ħtieġa għal parteċipazzjoni attiva u frekwenti tal-UE fil-laqgħat ta’ livell għoli u samits ta’ organizzazzjonijiet fir-reġjun, li għalihom l-UE ġiet mistiedna tipparteċipa;

(m) li jfakkar li l-progress fil-qasam politiku huwa fundamentali għal kummerċ ħieles u ekwu, hekk kif il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-liberalizzazzjoni politika, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali

(n)  li titqies b’mod pożittiv id-dikjarazzjoni tal-Malasja fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2009 li kienet qed tikkunsidra tissostitwixxi l-piena tal-mewt bil-piena ta' għomor il-ħabs, kif ukoll it-twaqqif ta’ kummissjoni ġuridika indipendenti Malasjana fl-2011 sabiex teżamina liġijiet li għandhom jiġu abrogati; li l-gvern jitħeġġeġ jistabbilixxi moratorium immedjat dwar l-eżekuzzjonijiet u jieħu l-passi leġiżlattivi sabiex tinqered il-piena kapitali u l-kastig korporali;

(o)  li jiġu protetti u jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fin-negozjati għal sħubija bejn l-UE u l-Malasja u ftehim ta’ kooperazzjoni, partikolarment il-libertajiet tal-espressjoni, ta’ assemblea u ta’ assoċjazzjoni, kif ukoll l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u l-promozzjoni tal-istandards soċjali u tax-xogħol tal-ILO; li f'kull ftehim tkun żgurata l-implimentazzjoni tal-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem; li l-gvern jitħeġġeġ jieħu l-passi neċessarji sabiex jiffirma, jirratifika u jimplimenta b'mod effettiv il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti, il-Protokoll Fakultattiv tiegħu, u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

(p)  li tiġi enfasizzata l-importanza li jsir progress fil-libertajiet tal-midja, billi l-midja ewlenija għadha esposta għaċ-ċensura; tintlaqa' s-sentenza tal-2012 tal-Qorti Suprema, fil-każ tal-midja fuq l-internet Malaysiakini, li liċenzja għall-pubblikazzjoni ta' midja stampata mhijiex privileġġ iżda dritt; jiġi espress b'dispjaċir li l-libertà ta' assemblea għadha limitata, speċjalment f'żoni urbani; li jiġi espress tħassib dwar l-Att tal-Evidenza li joħloq responsabbiltà ġuridika għas-sidien, l-amministraturi u l-kontrolluri tal-kompjuters li jintużaw sabiex tiġi ppublikata pubblikazzjoni;

(q)  li jitqies b’mod pożittiv il-progress li sar f'bosta oqsma meta l-liġi dwar is-sigurtà interna (ISA) ġiet sostitwita f’Lulju 2012 mil-liġi dwar il-miżuri speċjali għar-reati kontra s-sigurtà (SOSMA), li llimitat il-perjodu massimu ta’ detenzjoni mingħajr formulazzjoni ta’ akkuża jew proċess għal 28 ġurnata; li jiġi espress id-diżappunt, madankollu, li l-istess dispożizzjonijiet tas-SOSMA għadhom limitati, pereżempju għal dak li jirrigwarda s-sistema ta’ appell, li minkejja t-tibdiliet li sarulha xorta tista’ twassal għal detenzjoni indefinita jekk il-ħlas ta’ kawzjoni ma jkunx permess, u l-fatt li s-SOSMA tirrestrinġi drittijiet bażiċi bħall-privatezza tal-komunikazzjonijiet u tippermetti li s-sors tal-evidenza jkun moħbi, u b'hekk timpedixxi l-kontroeżami matul il-proċess;

(r)   li jesprimi sodisfazzjon dwar il-fatt li l-avukati Malasjani wrew kuraġġ u awtonomija fid-difiża tal-valuri fundamentali tal-istat ta’ dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura, u huma kapaċi jitkellmu favur u jiddefendu d-drittijiet ċivili u politiċi, għalkemm b’impatt limitat; li jesprimi apprezzament partikolari għax-xogħol imwettaq mill-Bar Council tal-Malasja; li jinnota t-tensjonijiet li rriżultaw bejn il-ġudikatura u l-professjonisti ġuridiċi u jqajjem tħassib dwar il-fatt li l-qafas istituzzjonali fl-istess ħin sar iktar riservat fir-rigward tar-rispett sħiħ għall-indipendenza tal-proċeduri ġuridiċi u l-esklusività tal-kompetenzi ġudizzjarji tal-qrati; li jiġi suġġerit li l-gvern jisma’ u jindirizza t-tħassib dwar it-tensjonijiet ikkważati minn qrati statali li japplikaw ix-xarija li joperaw b’mod parallel mas-sistema nazzjonali ta’ common law;

(s)   li jistieden lill-Malasja tkun konformi mal-istandards soċjali miftiehma internazzjonalment; li jenfasizza l-importanza tal-konformità mar-regoli kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-implimentazzjoni rapida tagħhom, inkluż id-dritt li jitwaqqfu liberament unjonijiet sindikalisti indipendenti; li jħeġġeġ kemm lill-awtoritajiet tal-Malasja u kemm lill-investituri u lill-kumpaniji Ewropej li joperaw fil-Malasja, jirrispettaw l-istandards internazzjonali tax-xogħol u jiggarantixxu ħlas u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fil-Malasja;

(t)   li l-Malasja tiġi mistiedna tipproteġi d-drittijiet kostituzzjonali tal-Malasjani kollha fir-rigward tal-libertà ta’ reliġjon jew twemmin u tippromwovi relazzjonijiet tajbin u t-toleranza bejn ir-reliġjonijiet; li jiġu kundannati, f’dan ir-rigward, it-twaqqigħ tat-tempji Ħindu fl-2006 u l-attakki fuq il-knejjes Kristjani u l-profanazzjoni tal-moskej fl-2010, u li jiġu kkundannati l-interventi politiċi u ġudizzjarji riċenti marbuta mal-użanzi lingwistiċi stabbiliti sew; li jintalab li l-Kristjani jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt kostituzzjonali tagħhom li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom skont it-tradizzjonijiet tagħhom mingħajr interferenzi jew biża ta’ proċedimenti ġudizzjarji; li jintalab li jiġi rispettat id-dritt li l-Malasjani kollha jiddeċiedu l-affiljazzjoni reliġjuża tagħhom b’mod liberu; li tintalab it-tneħħija rapida tal-ostakoli amministrattivi u ġuridiċi attwali għall-Musulmani li jikkonvertu għall-Kristjaneżmu jew il-Ħinduiżmu, u li l-istat jintalab joffri protezzjoni mill-proċedimenti ġudizzjarji lil persuni bħal dawn li jikkonvertu; li l-Malasja tintalab temenda, fl-interess tal-libertà reliġjuża, il-liġijiet fis-seħħ f'10 mit-13-il stat tal-Malasja li jipprojbixxu l-attività missjunarja minn persuni li mhumiex Musulmani u li jimponu sentenzi twal ta' priġunerija u swat għal dawk li jiksruhom;

(u)  li l-gvern jitħeġġeġ itejjeb id-dritt tan-nisa sabiex igawdu l-ugwaljanza bejn il-ġeneru, speċjalment fir-rigward tal-liġi ta' xarrija u l-liġi tal-familja; li jieqaf l-użu tas-swat bil-qasba bħala kastig;

Kooperazzjoni ekonomika, xjentifika u kulturali

(v)  li titqies b’mod pożittiv ir-rieda tal-Malasja li żżid l-effiċjenza fl-użu ta’ enerġija, l-użu ta’ enerġiji rinovabbli u l-investiment fit-teknoloġiji li jirrispettaw l-ambjent fil-qasam tat-trasport, l-enerġija u l-bini, minkejja li hija produttur maġġuri taż-żejt u l-gass; li jitqies b’mod pożittiv ukoll il-fatt li l-Malasja rrikonoxxiet il-bżonn li tittrasforma l-ekonomija tagħha f’ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju bħala parti mir-responsabbiltà tagħha fil-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima; li jiġi enfasizzat li l-enerġiji rinovabbli, bħaż-żejt tal-palma u l-enerġija idroelettrika, għandhom jiġu prodotti b’mod sostenibbli għal dak li jikkonċerna l-impatt ambjentali, mingħajr ma jitnaqqsu l-foresti tropikali u l-bijodiversità u l-produzzjoni tal-ikel tiġi sostitwita bil-produzzjoni tal-fjuwil;

(w) li tiġi espressa l-opinjoni li filwaqt li l-Malasja bla dubju hija waħda mill-aktar ekonomiji ta' suċċess tax-Xlokk tal-Asja, jeħtieġ li tinvesti b'mod progressiv għall-kisba tal-għarfien akkademiku u xjentifiku biex tilħaq il-livell li jmiss ta' standard tal-għajxien u ssir pajjiż żviluppat ħafna; li jiġi appoġġat l-impenn lejn żieda fl-iskambji akkademiċi u l-kooperazzjoni permezz tal-programm Erasmus Mundus u l-proġett MYEULINK, u li jissuġġerixxi li l-iskambji għandhom ikunu miż-żewġ direzzjonijiet; li titħeġġeġ kooperazzjoni kulturali aktar mill-qrib, inkluża permezz tal-introduzzjoni tal-kultura Malasjana lill-pubbliku Ewropew;

(x)  li jiġi espress l-apprezzament għall-fatt li l-Malasja hija waħda mill-ewwel pajjiżi li bdiet in-negozjati mal-UE fuq Ftehim Volontarju ta’ Sħubija FLEGT, li għandu jiggarantixxi li l-injam esportat lill-UE mill-Malasja jiġi minn sorsi legali; li jintalab li n-negozjati jiġu konklużi li żmien utli, peress li l-UE huwa suq kbir għall-injam Malasjan;

(y)  li jitfakkar id-dibattitu intern tal-UE dwar il-perikli li l-produzzjoni ta’ bijokarburanti titħalla tkun iffavorita flok il-produzzjoni tal-ikel u li jiġi enfasizzat li l-kultivazzjoni taż-żejt tal-palma għall-bijofjuwil għandha titwettaq b’mod sostenibbli, billi jiġu evitati l-konversjoni forestali u t-telf tal-bijodiversità, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-art tal-poplu indiġenu u jiġu pprovduti opportunitajiet għall-ifqar komunitajiet li jtejbu l-livell ta’ għajxien tagħhom;

(z)   li jitħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri tat-turiżmu bejn l-UE u l-Malasja; iħaddan il-fehma li t-turiżmu ekoloġiku għandu potenzjal kbir fil-Malasja;

Dispożizzjonijiet oħrajn

(aa) li l-Parlament jiġi kkonsultat dwar id-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni parlamentari;

(ab) li jiġu inklużi parametri ċari u skadenzi vinkolanti għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ sħubija u kooperazzjoni u jiġu provduti mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, inklużi rapporti regolari lill-Parlament;

(ac) li t-tim ta' negozjaturi tal-UE jitħeġġeġ ikompli bil-kooperazzjoni mill-qrib tiegħu mal-Parlament, billi jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar il-progress tan-negozjati skont l-Artikolu 218(10) TFUE;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà (RGħ/VP), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Malasja.

(1)

ĠU L 144, 10.6.1980, p. 1.

(2)

ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 507.

(3)

ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 132.

(4)

ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 87.

(5)

ĠU L 154, 15.6.2012, p. 1.

(6)

ĠU L 414, 30.12.2006, p. 85.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (29.5.2013)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati għal ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni UE-Malasja

(2013/2052(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Niccolò Rinaldi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jappella għal approċċ konsistenti fir-rigward tan-negozjati tal-FSK u tal-FTA; ifakkar li kull wieħed minn dawn il-ftehimiet għandu jappoġġa l-objettivi tal-ieħor;

2.  Jenfasizza li ż-żewġ negozjati għandhom ikunu interdipendenti u kondotti b’mod parallel;

3.  Ifakkar li l-progress fil-qasam politiku huwa fundamentrali għal kummerċ ħieles u ekwu, hekk kif il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-liberalizzazzjoni politika, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.5.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia i Cutchet, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, Andrea Cozzolino, George Sabin Cutaş, Christofer Fjellner, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Henri Weber, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Amelia Andersdotter, Catherine Bearder, Elisabeth Köstinger, Mario Pirillo, Marietje Schaake, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marie-Christine Vergiat


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.6.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Sir Robert Atkins, Franziska Katharina Brantner, Elmar Brok, Jerzy Buzek, Tarja Cronberg, Mark Demesmaeker, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Marusya Lyubcheva, Francisco José Millán Mon, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Kristiina Ojuland, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Fiorello Provera, Libor Rouček, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Marek Siwiec, Sophocles Sophocleous, Charles Tannock, Eleni Theocharous, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Hélène Flautre, Emilio Menéndez del Valle, Traian Ungureanu, Ivo Vajgl

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edite Estrela

Avviż legali - Politika tal-privatezza