RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Latvja fl-1 ta' Jannar 2014

25.6.2013 - (COM(2013)0345 – C7‑0000/2013 – 2013/0190(NLE)) - *

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Burkhard Balz


Proċedura : 2013/0190(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0237/2013
Testi mressqa :
A7-0237/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Latvja fl-1 ta' Jannar 2014

(COM(2013)0345 – C7‑0183/2013 – 2013/0190(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2013)0345),

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta' Konverġenza għall-2013 tal-Kummissjoni (COM(2013)0341) u r-Rapport ta' Konverġenza tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' Ġunju 2013 dwar il-Latvja,

   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-Rapport ta' Konverġenza tal-Kummissjoni għall-2013 dwar il-Latvja (SWD(2013)0196),

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2006 dwar it-tkabbir taz-zona tal-ewro[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar it-titjib tal-metodu ta' konsultazzjoni tal-Parlament fil-proċeduri għat-tkabbir taż-żona tal-euro[2],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0183/2013),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 83 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0237/2013),

A. billi l-Artikolu 140 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jassuġġetta l-ilħuq ta' grad għoli ta' konverġenza sostenibbli fuq ir-rispett minn kull Stat Membru ta’ dawn il-kriterji li ġejjin: il-ksib ta' livell għoli ta' stabbiltà fil-prezzijiet; is-sostenibbiltà tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern; l-osservanza tal-marġni ta' fluttwazzjoni normali previsti mill-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju; u d-durabbiltà tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea kif jidher fil-livelli tar-rati ta' mgħax f'perjodi fit-tul (il-kriterji ta' Maastricht);

B.  billi l-Latvja kkonformat mal-kriterji ta' Maastricht fis-sens tal-Artikolu 140 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta' konverġenza anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE,

C. billi r-Rapporteur żar il-Latvja biex jivvaluta kemm il-pajjiż hu lest biex jidħol fiż-żona tal-euro;

D. billi l-popolazzjoni Latvjana wettqet sforzi straordinarji sabiex tirkeb il-kriżi finanzjarja u marret lura għat-triq tal-kompetittività u t-tkabbir;

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Huwa favur l-adozzjoni tal-euro fil-Latvja fl-1 ta' Jannar 2014;

3.  Jirrimarka li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) saret fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja dinjija li affettwat il-prospetti għal konverġenza nominali ta' ħafna Stati Membri oħra u b’mod partikolari pprovokat xift ċikliku lejn l-isfel tar-rati ta’ inflazzjoni;

4.  Jirrimarka, b’mod partikolari, li l-kriżi finanzjarja dinjija laqtet lil-Latvja sew għal dak li jikkonċerna l-faqar, il-qgħad u l-iżviluppi demografiċi; iħeġġeġ lil-Latvja u lis-sħab tagħha fl-Unjoni biex jimplimentaw standards makroprudenzjali stretti intiżi sabiex jiġu evitati l-flussi ta’ kapital u t-tendenzi fil-qasam ta’ tkabbir ta’ kreditu mhux sostenibbli, bħal dawk ta’ qabel ma tfaċċat il-kriżi;

5.  Jirrimarka li l-Latvja tissodisfa l-kriterji permezz ta' sforzi determinati, kredibbli u sostenibbli tal-gvern Latvjan u tal-poplu Latvjan; josserva li s-sostenibbiltà ġenerali tas-sitwazzjoni makroekonomika u finanzjarja se tiddependi fuq l-implimentazzjoni ta’ riformi ekwilibrati u ambizzjużi intiżi sabiex id-dixxiplina tintrabat mas-solidarjetà u l-investimenti sostenibbli fit-tul mhux biss fil-Latvja iżda wkoll fl-unjoni ekonomika u monitarja fit-totalità tagħha;

6. Jirrimarka li fir-Rapport ta' Konverġenza tiegħu għall-2013, il-BĊE esprima xi tħassib fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-konverġenza ekonomika tal-Latvja; jenfasizza b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin li jinstabu fih:

- il-parteċipazzjoni f’unjoni monitarja tinvolvi r-rinunċja ta’ strumenti monitarji u tar-rata ta’ kambju u timplika importanza akbar tal-flessibbiltà u l-kapaċità ta’ resistenza interni; l-awtoritajiet għandhom, għalhekk, jikkunsidraw possibbilitajiet differenti sabiex isaħħu aktar l-istrumenti kontraċikliki l-oħra disponibbli għalihom, flimkien ma' dak li sar mill-2009;

- Il-Latvja għandha tkompli segwi t-triq ta’ konsolidazzjoni fiskali globali b’mod konformi mar-rekwiżiti mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u timplimenta u tikkonforma ma’ qafas fiskali li jippermetti li jiġi evitat ritorn għall-politiċi proċikliċi fil-futur;

- kemm il-bżonn għal ambjent istituzzjonali aktar b'saħħtu u l-fatt li l-ekonomija li ma tidhirx, għalkemm qed tonqos, hija stmata li għadha relattivament kbira mhux biss qed jirriżultaw f’telf ta’ dħul pubbliku iżda wkoll f’distorsjoni tal-kompetizzjoni, qed jagħmlu ħsara lill-kompetittività tal-Latvja u qed inaqqsu l-kapaċità tal-pajjiż li jiġbed lejh investiment dirett barrani, u b’hekk qed jiġu ostakolati l-investiment fit-tul u l-produttività; iqis li jeħtieġ li dan it-tħassib jittieħed bis-serjetà b’mod partikolari jekk it-tendenzi attwali għal dak li jikkonċerna l-inflazzjoni u l-flussi finanzjarji jiġu jinqalbu; iqis madankollu li dan it-tħassib ma jbiddilx il-valutazzjoni ġenerali pożittiva tal-adozzjoni tal-euro mil-Latvja;

7.  Jistieden lill-Gvern Latvjan ikompli jsegwi l-politika fiskali prudenti tiegħu, flimkien mal-politiki globali tiegħu orjentati lejn l-istabbiltà, biex jilqa' għall-eventwalità ta' żbilanċji makroekonomiċi u riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fil-ġejjieni, kif ukoll biex jitranġaw l-iżbilanċi identifikati mill-Kummissjoni fil-qafas tar-rapport fuq l-mekkaniżmu ta’ twissija; jirrimarka li l-istabbiltà fil-prezzijiet fil-Latvja tiddependi fuq id-dinamiċi ta’ prezzijiet ta’ prodotti bażiċi minħabba n-nuqqas ta’ effiċjenza fl-enerġija u l-livelli għolja ta’ importazzzjonijiet tal-enerġija mill-sors wieħed fil-kompożizzjoni tal-basket tal-konsumatur tiegħu; jistieden lill-Gvern Latvjan iwettaq titjib f'dan ir-rigward u jsaħħaħ l-isforzi ġenerali sabiex jilħaq il-miri nazzjonali kollha tal-UE2020;

8.  Jinsab imħasseb dwar l-appoġġ attwali taċ-ċittadini Latvjani baxx għall-adozzjoni tal-euro; jistieden lill-gvern u lill-awtoritajiet Latvjani jikkomunikaw b'mod aktar attiv maċ-ċittadini Latvjan sabiex jiżguraw aktar appoġġ pubbliku għall-adozzjoni tal-euro; jistieden lill-Gvern Latvjan ikompli l-kampanja ta' informazzjoni u komunikazzjoni tiegħu bil-għan li jintlaħqu ċ-ċittadini Latvjani kollha;

9.  Jistieden lill-gvern Latvjan jindirizza n-nuqqasijiet strutturali fis-suq tax-xogħol permezz ta' riformi strutturali u edukattivi xierqa; jistieden, b’mod partikolari, lill-gvern Latvjan jindirizza l-livell ta’ faqar u l-firda dejjem tikber tal-inugwaljanza fl-introjtu;

10. Jirrikonoxxi l-istabbiltà tas-settur bankarju Latvjan matul dawn l-aħħar tliet snin; jirrimarka, madankollu, li l-mudell ta’ negozju tas-settur bankarju tqiegħed inkwistjoni sew matul l-ewwel stadju tal-kriżi finanzjarja dinjija; jenfasizza li f’dak iż-żmien, kollass tas-sistema finanzjarja Latvjana ġie evitat biss permezz ta’ salvataġġ mill-UE u l-FMI; jilqa' r-riformi adottati riċentement intiżi sabiex isaħħu r-regolamentazzjoni tal-banek Latvjani li jeżerċitaw attivitajiet relatati mad-depożiti ta' persuni mhux residenti (NRD); jistieden lill-awtoritajiet Latvjani jiżguraw it-twettiq ta’ superviżjoni stretta ta' dawn il-banek u l-implimentazzjoni ta' miżuri addizzjonali adegwati għal dak li jikkonċerna l-ġestjoni tar-riskji; jistieden ukoll lill-awtoritajiet Latvjani jibqgħu kawti fir-rigward tan-nuqqas ta’ simetrija possibbli ta’ strutturi ta’ skadenzi bejn l-attiv u l-passiv li jista' jitqies ta' perikolu għall-istabbilità finanzjarja;

11. Jistieden lill-awtoritajiet Latvjani jkomplu għaddejjin fid-direzzjoni attwali ta' tħejjijiet prattiċi biex jiżguraw proċess ta' bidla mingħajr xkiel; jistieden lill-gvern Latvjan jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ kontroll xierqa sabiex jiżgura li l-introduzzjoni tal-euro ma tintużax biex il-prezzijiet jiżdiedu bil-moħbi;

12. Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

13. Jiddeplora it-terminu qasir ħafna li fih il-Parlament ġie mitlub jipprovdi l-opinjoni tiegħu fis-sens tal-Artikolu 140 TFUE; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li qed jippjanaw jadottaw l-euro biex jipprovdu terminu xieraq sabiex il-Parlament ikun jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu abbażi ta’ dibattitu aktar fil-fond u wiesa';

14. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din il-pożizzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Eurogroup u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

  • [1]     ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 249.
  • [2]     ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 251.

NOTA SPJEGATTIVA

Fl-4 ta' Marzu 2013 il-Latvja talbet Rapport ta' Konverġenza skont l-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-kriterji biex il-Latvja tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2014 huma stipulati fl-Artikolu 140(1) tat-TFUE.

Il-Latvja hi attwalment "Stat Membru b'deroga" u għaldaqstant mhix membru taż-żona tal-euro.

L-Artikolu 140(2) TFUE jipprovdi li l-Kunsill, abbażi tar-rapporti mill-Kummissjoni u l-BĊE u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew għandu, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi liema Stati Membri b'deroga jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 140(1) TFUE, u jneħħi d-derogi tal-Istati Membri kkonċernati.

Fil-5 ta' Ġunju 2013 il-Kummissjoni pproponiet fir-Rapport ta' Konverġenza tagħha li l-Latvja tadotta l-euro mill-1 ta' Jannar 2014.

Il-Parlament Ewropew irid jeżamina r-Rapport ta' Konverġenza mal-proposta legali relatata u joħroġ opinjoni. Għalkemm għandu ċerti riservi dwar kwistjonijiet individwali, ir-Rapporteur jirrakkomanda li d-deroga titneħħa b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2014.

Dwar il-kriterji ta' konverġenza skont l-Artikolu 140(1) tat-TFUE r-Rapporteur josserva:

1.        Il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikoli 130 u 131 u mal-Istatuti tal-BĊE

L-emendi fil-Liġi dwar il-Bank tal-Latvja kif ukoll l-adozzjoni tal-Liġi dwar id-Dixxiplina Fiskali u l-liġi li tistabbilixxi fid-dettall il-proċess tal-bidla għall-euro jagħmlu lil-Latvja kompatibbli bis-sħiħ mar-rekwiżiti għall-adozzjoni tal-euro kif stipulati fit-Trattati u l-Istatuti tal-BĊE u s-SEBĊ.

2.        Il-ksib ta' livell għoli ta' stabbiltà fil-prezzijiet

Matul il-perjodu ta' referenza minn Mejju 2012 sa April 2013, ir-rata medja fuq 12-il xahar tal-inflazzjoni tal-HICP fil-Latvja kienet ta' 1,3 %, ferm inqas mill-valur ta' referenza ta' 2,7 %. Flimkien mal-Isvezja u l-Irlanda, il-Latvja hija fost it-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati li jiddeterminaw il-valur ta' referenza għall-inflazzjoni. Għalkemm l-inflazzjoni tal-HICP mistennija tiżdied mil-livell baxx ħafna attwali tagħha, hu mbassar li l-Latvja tibqa' taħt il-valur ta' referenza fix-xhur li ġejjin. Attitudni ta' politika fiskali prudenti mistennija żżomm livell sostenibbli ta' stabbiltà fil-prezzijiet.

3.        Is-sostenibbiltà tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern

Il-Latvja hi soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Fis-sena ta' referenza tal-2012 id-defiċit ġenerali tal-gvern tal-Latvja kien ta' 1,2 % tal-PDG. Id-dejn gross tal-gvern kien ta' 40,7 % tal-PDG. Fid-dawl tat-Tbassir tar-Rebbiegħa ta' Mejju 2013 tal-Kummissjoni Ewropea li jistma defiċit ġenerali tal-gvern ta' 1,2 % tal-PDG u dejn ta' 43,2 % tal-PDG, il-Kummissjoni tqis li d-defiċit eċċessiv ġie kkoreġut.

3.1      Il-kapaċità ta' ħlas lura tal-Latvja fl-ambitu tal-programmi ta' għajnuna għall-bilanċ tal-pagamenti

Peress li l-gvern Latvjan qiegħed jakkumula l-assi biex iħallas lura d-djun kbar li għandu mal-UE u l-Bank Dinji fl-2014-2015, il-livell tad-dejn mistenni jiżdied fl-2013. Il-ħlasijiet lura pendenti taħt il-programm ta' assistenza għall-bilanċ tal-pagamenti tal-UE u l-Bank Dinji ġew ikkunsidrati fit-tbassir tad-dejn tal-gvern u tal-ħlas ta' mgħaxijiet għas-snin li ġejjin. Dawn se jiġu rifinanzjati b'self pubbliku fis-swieq finanzjarji globali fejn il-Latvja bħalissa qiegħda tgawdi minn kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli ħafna. Dan ippermetta ħlas lura bikri ta' obbligu pendenti lejn il-FMI lejn tmiem l-2012. Kważi 60 % ta' dawn il-ħlasijiet saru qabel iż-żmien. Peress li l-ħlasijiet lura lill-UE u lill-Bank Dinji se jsiru fl-2014/2015 il-proporzjon tad-dejn għall-PDG mistenni jerġa' jinżel għal 40 % fl-2014.

4.        L-osservanza tal-marġni ta' fluttwazzjoni normali previsti mill-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju II tas-Sistema Monetarja Ewropea għal tal-anqas dawn is-sentejn li għaddew

Il-lats Latvjan (LVL) issieħeb fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju (ERM II) fit-2 ta' Mejju 2005. Il-faxxa standard ta' ċaqliq hija stabbilita għal +/- 15 %. Mid-dħul tagħha fl-ERM II l-Latvja żammet marġni ta' fluttwazzjoni idjaq ta' +/- 1 % madwar ir-rata ċentrali. Matul is-sentejn ta' qabel il-valutazzjoni, ir-rata tal-kambju tal-EUR/LVL ma ddevjatx mir-rata ċentrali tagħha b'aktar minn +/- 1 %. Ir-rata tal-kambju ma ġietx soġġetta għal tensjonijiet kbar matul dawn l-aħħar sentejn.

5.        Id-durabbiltà tal-konverġenza, kif jidher mil-livelli tar-rati ta' mgħax f'perjodi fit-tul

L-iżvilupp ta' rati ta' mgħax f'perjodi fit-tul huwa vvalutat abbażi ta' rendimenti tas-suq sekondarji fuq bond tal-gvern bħala punt ta' riferiment uniku b'maturità residwa ta' madwar 10 snin. Għal darb'oħra l-Latvja hija, flimkien mal-Isvezja u l-Irlanda, fost it-tliet Stati Membri ta' referenza li jistabbilixxu l-valur ta' referenza ta' 5,5 %. Il-medja mobbli fuq 12-il xahar tar-rendiment fuq il-bond tal-punt ta' riferiment Latvjan kien ta' 3,8 % f'April 2013, li huwa ferm inqas mill-valur ta' referenza.

6.        Integrazzjoni u konverġenza ekonomika (l-Artikolu 140(1), l-aħħar taqsima)

Il-Latvja għamlet progress ekonomiku sostanzjali fl-aħħar għexieren ta' snin mindu qalbet għal ekonomija tas-suq. Ir-riformi ekonomiċi kienu determinanti għal dan il-progress, billi żiedu l-kompetittività u ffaċilitaw l-integrazzjoni mal-ekonomija tal-UE, iżda wkoll mal-ekonomija dinjija inġenerali. Il-gvernijiet suċċessivi fil-Latvja kienu wkoll stretti ħafna f'termini ta' riformi strutturali. L-aħħar riformi implimentati fl-2009-2010 raw tnaqqis sinifikanti fil-pagi u żidiet fit-taxxi waqt il-kriżi. Dawn il-miżuri ta' awsterità kienu ta' suċċess kbir u wittew it-triq biex il-Latvja toħroġ mill-kriżi. Minkejja l-ispejjeż għoljin fit-terminu qasir, il-Latvja rnexxielha timplimenta politiki kredibbli li qiegħduha lura fuq perkors ta' tkabbir stabbli. Dawn l-aħħar snin kienu wkoll instabbli ħafna f'termini ta' indikaturi ekonomiċi. Minħabba influss kapitali massiċċ li kompla l-aktar biex jiffinanzja żidiet qawwija fil-kostruzzjoni u l-konsum, id-defiċit tal-kont kurrenti kien f'livell baxx rekord ta' -22,5 % tal-PDG fl-2006. Dan kien ikkoreġut b'mod radikali fil-kriżi kbira tal-2009-2010, li irriżulta f'eċċess ta' 8,6 % fl-2009. Minn dakinhar 'l hawn il-kont kurrenti stabilizza ruħu f'defiċit baxx ta' 1,7 % fl-2012 u huwa mbassar li jibqa' stabbli.

Il-Latvja hija integrata tajjeb fl-ekonomija tal-UE permezz ta' rabtiet kummerċjali u ta' investiment. Hija ekonomija miftuħa żgħira li ggwadanjat f'termini ta' swieq tal-esportazzjoni u ta' ftuħ għall-kummerċ sa mill-adeżjoni tagħha fl-UE fl-2004. Il-proporzjon ta' esportazzjonijiet ta' prodotti u servizzi għall-PDG xorta huwa aktar baxx minn dak tal-ġirien tagħha tal-Baltiku. Iżda l-integrazzjoni kummerċjali mal-UE qed tavvanza b'mod mgħaġġel ħafna, bħalma qed jiġri wkoll fl-esportazzjoni lejn ir-Russja, is-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Latvja lil hinn mill-UE-27.

Ir-riformi ambizzjużi fis-settur tan-negozju jiffavorixxu l-kompetittività tal-Latvja. L-ispejjeż biex tibda negozju tnaqqsu filwaqt li l-proċeduri għar-reġistrazzjoni tal-proprjetà, il-permessi tal-bini, il-ġbir tat-taxxa u l-proċeduri ta' insolvenza ġew issimplifikati. Ir-rapport ta' monitoraġġ tal-kompetittività għall-2012 tal-Kummissjoni jikklassifika lil-Latvja 'l fuq mil-livell tal-UE f'termini ta' ambjent favorevoli għan-negozju. Il-kompetittività industrijali tal-Latvja qed titjieb b'mod kostanti filwaqt li jrid isir aktar xogħol fir-rigward tal-prestazzjoni tagħha fl-innovazzjoni.

F'termini ta' traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, il-prestazzjoni tal-Latvja hija fost l-aqwa fl-UE b'defiċit ta' traspożizzjoni ta' 0,4 % f'Novembru 2012[1].

7.        Sfidi speċifiċi fil-każ tal-Latvja

7.1      L-istabbiltà tas-settur finanzjarju

Is-settur finanzjarju tal-Latvja huwa integrat tajjeb fis-sistema finanzjarja tal-UE, speċjalment permezz tar-rabtiet tiegħu mal-gruppi finanzjarji Nordiċi. Id-daqs tas-settur bankarju Latvjan huwa relattivament modest f'termini ta' assi totali li jammontaw għal 129 % tal-PDG (il-medja tal-UE hija ta' 369 % tal-PDG) u pjuttost żgħir f'ċifri assoluti (EUR 28 biljun). Is-settur tas-servizzi finanzjarji fil-Latvja huwa ekwivalenti għal 3,5 % tal-PDG.

Il-Latvja għandha tradizzjoni twila ta' għoti ta' servizzi lil klijenti bankarji mhux residenti. Is-sehem kbir ta' depożiti ta' persuni mhux residenti (NRDs), li kien jammonta għal 48,9 % fl-2012, jista' jiġi kkunsidrat bħala karatteristiku għas-settur bankarju Latvjan. Skont il-FMI bejn 80 % u 90 % tal-NRDs huma ġejjin minn investituri minn dawk li kienu pajjiżi tal-Komunità ta' Stati Indipendenti. Raġunijiet ġeografiċi, storiċi u kulturali għandhom rwol importanti hawnhekk, b'mod speċjali l-viċinanza ġeografika mar-Russja u l-komunità kbira ta' lsien Russu li tgħix fil-Latvja.

Il-banek li huma speċjalizzati u attivi fin-negozju tal-NRDs jammontaw għal madwar terz tal-assi totali tas-settur bankarju. Dawn il-banek joperaw b'mod marġinali ħafna fis-suq nazzjonali, li huwa ddominat minn sussidjarji u fergħat ta' banek kbar Skandinavi. Is-sehem ta' banek NRD fis-suq tas-self u tad-depożiti nazzjonali kien ta' 11,2 % u 10,3 % rispettivament sa tmiem l-2012. Il-kontribut nett globali tas-settur NRD lejn il-kont finanzjarju u r-riservi barranin huwa pjuttost limitat.

Sabiex ikun hemm ilqugħ għar-riskji li jġibu magħhom l-attivitajiet NRD, il-banek NRD jridu jirrispettaw regolamentazzjoni stretta. Il-Latvja diġà implimentat miżuri komprensivi bħal rekwiżiti ta' kapital u likwidità addizzjonali għal dawn il-banek. Barra minn hekk, hekk imsejħa "stress tests tal-likwidità" jassiguraw li kull bank ikun jiflaħ għal fluss ta' ħruġ sa massimu ta' nofs l-NRDs tiegħu mingħajr il-bżonn li jirrikorri għal sorsi oħra ta' finanzjament. Il-Kummissjoni għas-Swieq Finanzjarji u Kapitali timmonitorja l-banek NRD b'mod attiv ħafna u tiżgura superviżjoni stretta inkluż tal-proċeduri interni tagħhom, tal-kwalità tal-assi u tal-kontijiet korrispondenti.

Għalkemm il-Latvja tikkonforma fil-biċċa l-kbira mar-regoli internazzjonali kontra l-ħasil tal-flus, jibqa' essenzjali li tiġi żgurata implimentazzjoni determinata u effettiva ta' dawn l-istandards.

7.2      Appoġġ pubbliku moderat għall-għażla taż-żmien tal-adozzjoni tal-euro

Ta' tħassib kbir fil-każ tal-Latvja jibqa' l-appoġġ pubbliku baxx jew moderat għall-euro. Tħassib dwar it-telf tal-identità nazzjonali, it-telf ta' kontroll fuq il-finanzi nazzjonali u l-ipprezzar abbużiv waqt it-tranżizzjoni għall-euro kienu fost il-beżgħat ewlenin tal-Latvjani skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru li sar fl-2012. Barra minn hekk, kważi l-oqsma kollha tas-soċjetà jikkritikaw in-nuqqas ta' komunikazzjoni mill-gvern u l-awtoritajiet. Għalkemm għaddejja kampanja ta' informazzjoni u komunikazzjoni komprensiva, parti kbira mill-pubbliku għadha ma ntlaħqitx minn dawn l-inizjattivi.

Fil-Parlament, l-oppożizzjoni vvutat kontra l-adozzjoni tal-euro bl-argument li la l-ekonomija Latvjana u lanqas is-soċjetà ma huma lesti għall-euro u li l-istat attwali taż-żona tal-euro mhuwiex favorevoli. Għalhekk, fis-soċjetà Latvjana teżisti inċertezza dwar jekk l-għażla taż-żmien għall-adozzjoni tal-euro hijiex xierqa.

Id-data minn stħarriġ ta' Frar 2013 (TNS) kienet tindika li 63 % taċ-ċittadini Latvjani intervistati huma jew negattivi ħafna jew pjuttost negattivi dwar l-euro, imqabbel ma' 33 % li għandhom attitudni pożittiva ħafna jew pjuttost pożittiva lejha. Madankollu, ix-xejriet li joħorġu minn stħarriġ reċenti juru li hemm tendenza li l-opinjonijiet negattivi ħafna jonqsu bil-mod il-mod. Huwa ta' importanza liema bħalha li l-gvern u l-awtoritajiet Latvjani jkomplu l-isforzi tagħhom biex jinfurmaw lill-pubbliku u jinvolvuh f'dibattitu kostruttiv dwar l-adozzjoni tal-euro.

           7.3      Is-suq tax-xogħol Latvjan

Il-qgħad fuq terminu twil jibqa' sfida oħra. Għalkemm is-suq tax-xogħol kien ikkaratterizzat minn grad għoli ta' flessibilità waqt il-kriżi, dawk li kienu qed ifittxu x-xogħol urew mobilità kbira fl-UE li wasslet għal żieda fl-emigrazzjoni u ħruġ sinifikanti ta' manodopera ta' valur. L-irkupru tal-ekonomija u l-isforzi kontinwi fil-ħolqien tax-xogħol naqqsu l-emigrazzjoni fl-2012. Ir-rati għoljin ta' tkabbir qegħdin bil-mod il-mod inaqqsu ċ-ċifri tal-qgħad mill-ogħla punt ta' 19,8 % fl-2010 għal 14,9 % fl-2012. Differenzi u diskrepanzi – speċjalment reġjonali – fil-ħiliet għal ċertu setturi tas-suq tax-xogħol iżommu l-qgħad strutturali għoli. Titjib fil-funzjonament tas-suq tax-xogħol jibqa' fundamentali sabiex jiġu evitati t-telf kostanti fi produzzjoni potenzjali u aġġustamenti eċċessivi tal-pagi. In-nuqqasijiet strutturali fis-suq tax-xogħol jeħtieġ jiġu indirizzati minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol u riformi edukattivi.

8.        Nota rigward il-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew

Fi proċeduri tal-adozzjoni tal-euro fl-imgħoddi, sikwit ġew imposti fuq il-Parlament Ewropew restrizzjonijiet ta' żmien inaċċettabbli fir-rigward tal-konsultazzjoni formali tiegħu.

Iż-żmien formali allokat din id-darba bejn il-pubblikazzjoni tar-Rapport ta' Konverġenza fil-5 ta' Ġunju u l-konsultazzjoni meħtieġa tal-Parlament fil-Plenarja ta' bejn l-1 u l-4 ta' Lulju hija daqstant ieħor mhux sodisfaċenti. Iż-żmien qasir għall-proċedura tal-Parlament la jippermetti li jiġi tradott l-Abbozz ta' Rapport (li b'hekk jirrizulta fi proċedura bl-Ingliż biss) u lanqas li jsir skrutinju suffiċjenti sostanzjali u fil-fond tar-Rapport ta' Konverġenza.

Fid-dawl ta' dawn l-isfidi, il-Kumitat ECON u r-Rapporteur bdew il-ħidma tagħhom kmieni billi organizzaw smigħ tal-awtoritajiet Latvjani (il-Ministru tal-Finanzi u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali) fi Frar 2013. F'Mejju saru konsultazzjonijiet kunfidenzjali mal-Kummissjoni u l-BĊE. Finalment ir-Rapporteur żar Riga mid-29 sal-31 ta' Mejju 2013 sabiex jikseb għarfien dirett fuq il-post. Ir-Rapporteur ma ltaqax biss ma' uffiċjali tal-gvern iżda wkoll ma' rappreżentanti mill-bank ċentrali, ma' superviżuri finanzjarji, mas-settur finanzjarju, mas-sħab soċjali kif ukoll ma' rappreżentanti tal-inizjattivi taċ-ċittadini u tal-oppożizzjoni li kienu pjuttost xettiċi dwar l-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja.

Minkejja l-isfidi msemmija hawn fuq, il-Parlament għal darb'oħra wera – bl-involviment proattiv bikri tiegħu – li huwa sieħeb affidabbli fejn jidħol teħid ta' deċiżjonijiet rapidu fl-UE.

  • [1]  Ara d-29 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE [COM(2012)714] l-aktar reċenti, http://ec.europa.eu/eu_law/infringements/infringements_annual_report_29_en.htm

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.6.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Elena Băsescu, Jean-Paul Besset, Sharon Bowles, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Markus Ferber, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Syed Kamall, Philippe Lamberts, Werner Langen, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Marlene Mizzi, Sławomir Nitras, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Peter Simon, Peter Skinner, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Sampo Terho, Marianne Thyssen

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Bastiaan Belder, Philippe De Backer, Saïd El Khadraoui, Sari Essayah, Sophia in ‘t Veld, Krišjānis Kariņš, Olle Ludvigsson, Catherine Stihler

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves