RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2010-2012

19.7.2013 - (2013/2073(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Georgios Papanikolaou

Proċedura : 2013/2073(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0238/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2010-2012

(2013/2073(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Settembru 2012 bit-titolu “Abbozz 2012 tar-Rapport Konġunt tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ 2010-2018)” (COM(2012)0495), u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni korrispondenti (SWD(2012)0256),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar “Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabilizzazzjoni”[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2011 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi “ERASMUS GĦAL KULĦADD” – Il-Programm tal-Unjoni għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport (COM(2011)0788),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Novembru 2012 dwar “Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar” (COM(2012)0669),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Settembru 2010 dwar “Żgħażagħ mobbli – Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea” (COM(2010)0477),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2009 dwar “Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni”, Metodu miftuħ u mġedded ta’ koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ” (COM(2009)0200), u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni korrispondenti (SEC(2009)0549),

   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2012 bit-titolu “Għall-istabbiliment ta’ Qafas ta’ Kwalità dwar l-Iskemi ta’ Taħriġ, Konsultazzjoni tat-tieni stadju tal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew” (COM(2012)0728),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2010),2020),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2010 bit-titolu “Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali” (COM(2010)0758),,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”)[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar “Żgħażagħ Attivi - qafas biex jittejbu s-sistemi Ewropej ta’ edukazzjoni u taħriġ”[3],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0000/2013),

A. billi l-futur tal-Ewropa jinsab fil-kapaċità tagħha li toħroġ il-potenzjal taż-żgħażagħ;

B.  billi l-kriżi wasslet biex jiżdiedu l-forom prekarji ta’ impjieg għaż-żgħażagħ, b’kuntratti għal żmien qasir u part-time u skemi ta’ esperjenza ta’ xogħol mingħajr ħlas li ta’ spiss jissostitwixxu impjiegi eżistenti;

C. billi l-qgħad globali fost iż-żgħażagħ fl-UE kien jammonta għal 23,5 % fi Frar 2013; billi fl-2011, 7,5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa bejn il-15 u l-24 sena u 6,5 miljun bejn il-25 u d-29 sena kienu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs);

D. billi fl-2011, it-telf ekonomiku minħabba n-nuqqas ta' impenn taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol kien stmat għal EUR 153 biljun, li jikkorrispondi għal 1,2 % tal-PDG tal-UE[4];

E.  billi ż-żgħażagħ kollha huma parti integrali mis-soċjetà u għandhom jiġu rikonoxxuti bħala tali; billi l-inugwaljanzi u t-tipi kollha ta’ diskriminazzjoni għadhom jippersistu u għandhom impatt kbir fuq il-ħajja taż-żgħażagħ u l-iżvilupp eventwali tagħhom fis-soċjetà;

F.  billi l-kriżi ekonomika persistenti għandha impatt qawwi fuq il-ħajjiet taż-żgħażagħ f’termini tal-benessri tagħhom u l-inklużjoni soċjali, l-impjieg, l-aċċess għall-akkomodazzjoni, is-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-attivitajiet kulturali, id-divertiment u l-isports, u qed twassal għal nuqqas ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ li qatt ma kien hemm bħalu fl-UE; billi hemm riskju serju li jkun hemm “ġenerazzjoni mitlufa” f’parti sinifikanti tal-Ewropa; billi din is-sitwazzjoni allarmanti teħtieġ miżuri, politiki u azzjoni urġenti kif ukoll riformi strutturali; billi l-kundizzjonijiet ekonomiċi li sejrin lura jistgħu, speċjalment f’pajjiżi milquta bil-kbir mill-kriżi, iwasslu liż-żgħażagħ għal migrazzjoni mhux mixtieqa, li tista’ tintwera fil-forma ta’ “eżodu ta’ mħuħ” enormi li jnaqqas il-potenzjal ta’ tkabbir, żvilupp u innovazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini fuq perjodu medju sa wieħed twil;

G. billi, b’reazzjoni għall-kriżi ekonomika, diversi Stati Membri implimentaw miżuri severi ta’ awsterità, inkluż tnaqqis kbir fl-infiq fuq l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-programmi tat-tagħlim tul il-ħajja; billi dawk il-miżuri għandhom effett ta’ ħsara b’mod speċjali fuq l-impjieg taż-żgħażagħ f’ċerti Stati Membri, b’mod partikolari dawk li jinsabu fin-Nofsinhar tal-Ewropa, li f’bosta każijiet iwassal għal eżodu ta’ mħuħ sinifikanti minn dawk ir-reġjuni u b’hekk jispikkaw l-inugwaljanzi fi ħdan l-UE;

H. billi l-għodod eżistenti fil-livell tal-UE għandhom jiġu żviluppati aktar biex jindirizzaw l-isfidi li qed tiffaċċja l-ġenerazzjoni l-ġdida, iżda s’issa ftit li xejn sar biex jitwettaq dan, mingħajr ħsara għal titjib ulterjuri li jista’ jsirilhom; billi l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ hija qafas komprensiv u l-Istati Membri għandhom jieħdu vantaġġ sħiħ minnha;

I.   billi n-numru ta’ NEETs żdied b’mod perikoluż fl-UE kollha; billi r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija għolja b’mod inaċċettabbli f’diversi Stati Membri, filwaqt li r-rati medji tal-qgħad fl-Unjoni qed jilħqu quċċati rekord, filwaqt li ċ-ċifra reali tista’ tinħeba b’żieda notevoli fl-emigrazzjoni fost iż-żgħażagħ u ssir saħansitra aktar allarmanti meta jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet ta’ impjieg prekarji jew l-impjieg mhux irrapportat, filwaqt li t-tul ta’ żmien tal-perjodu ta’ qgħad qed jiżdied b’mod kostanti;

J.   billi ż-żgħażagħ nisa qed ikomplu jiffaċċjaw kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol terribbli filwaqt li jikkostitwixxu maġġoranza evidenti ta’ ħaddiema part-time u ħaddiema temporanji;

K. billi l-impatt ekonomiku taż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ kien stmat f’termini ta’ telf ta’ EUR 153 biljun fl-2011, li jikkorrispondi għal 1.2 % tal-PDG tal-UE[5]; billi dan jirrappreżenta piż soċjali u ekonomiku serju;

L.  billi l-kriżi ekonomika fl-UE qed iżżid il-faqar u l-esklużjoni soċjali, li jaffettwaw b’mod speċjali lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ; billi l-impatt tal-kriżi fuq iż-żgħażagħ qed ixekkel il-kapaċità tagħhom li jgħixu ħajja awtonoma u, f’każijiet estremi, qed iwassal għal nutrizzjoni ħażina jew problemi ta’ saħħa mentali;

M. billi f’Marzu 2013 ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ li għandhom sa 25 sena laħqet it-23,5 % u aktar minn żewġ miljun impjieg fl-Ewropa għadhom vakanti minħabba nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet, b’mod partikolari fis-setturi tal-ICT u tal-kura tas-saħħa; jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni “Panorama tal-Ħiliet tal-UE”;

N. billi jista’ jiġi osservat nuqqas ġeografiku ta’ tlaqqigħ bejn il-provvista ta’ u d-domanda għal xogħlijiet u ħiliet kemm fi ħdan u kemm bejn l-Istati Membri;

O. billi bosta żgħażagħ għandhom xogħol informali, temporanju u mhux fiż-żgur, li m’għandux x’jaqsam mal-kwalifiki jew l-għanijiet tal-karriera tagħhom u mingħajr l-ebda prospetti ċari għal perjodu twil; billi bosta żgħażagħ qed jitilfu l-opportunità li jiksbu l-ħiliet u l-fiduċja fihom infushom meħtieġa għal progress fil-karriera;

P.  billi ż-żgħażagħ jiffaċċjaw aktar diffikultajiet fit-tranżizzjoni tagħhom mill-iskola għax-xogħol minħabba nuqqas ta’ rabtiet bejn il-programmi ta’ edukazzjoni disponibbli u s-suq tax-xogħol; billi l-inizjattivi għal tagħlim tul il-ħajja u l-proġetti interġenerazzjonali huma għodod utli li permezz tagħhom iż-żgħażagħ tal-UE jistgħu jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jidħlu fis-suq tax-xogħol;

Q. billi l-gruppi demografiċi li mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-popolazzjoni intraprenditorjali, b’mod speċjali l-fundaturi ta’ negozji ġodda, jinkludu ż-żgħażagħ, in-nisa, il-persuni b’diżabbiltà u l-immigranti;

R.  billi l-iżvilupp personali u soċjali taż-żgħażagħ huwa importanti daqs l-iżvilupp akkademiku u professjonali tagħhom; billi ż-żgħażagħ għandhom rwol attiv fl-infrastruttura soċjali tal-Istati Membri u jaqdu rwol ċentrali f’komunitajiet sostenibbli u mimlija ħajja;

S.  billi l-firxa tal-broadband fl-Istati Membri teħtieġ li tittejjeb sabiex jiġu pprovduti skejjel mgħammra diġitalment;

T.  billi riżorsi edukattivi miftuħa jtejbu l-kwalità, l-aċċessibbiltà u l-ugwaljanza tal-edukazzjoni u jiffaċilitaw proċess ta’ tagħlim interattiv, kreattiv, flessibbli u personalizzat permezz tal-użu tal-ICT u teknoloġiji ġodda; billi l-edukazzjoni miftuħa ssaħħaħ l-impjegabbiltà sostenibbli billi tappoġġa tagħlim tul il-ħajja;

U. billi l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u ta’ pjattaformi ta’ midja soċjali huwa mezz importanti biex jintlaħqu ż-żgħażagħ u biex titjieb il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fis-soċjetà u jinfluwenzaw proċessi politiċi u soċjali;

V. billi l-problemi ekonomiċi u soċjali, li marru għall-agħar minħabba r-rispons tal-UE għall-kriżi mmexxi mill-awsterità, qed iżidu l-Euroxettiċiżmu fost iċ-ċittadini; billi ż-żgħażagħ jirrappreżentaw l-aktar segment vulnerabbli tas-soċjetà;

W. billi politika effettiva taż-żgħażagħ tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ kuxjenza ċivika fost iż-żgħażagħ, li hija ta’ importanza kbira għall-emanċipazzjoni individwali tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà bħala ċittadini attivi;

X. billi d-djalogu strutturat għandu jitqies bħala l-ewwel pass lejn l-istabbiliment ta’ djalogu effettiv u produttiv fost iż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-UE u l-istituzzjonijiet nazzjonali li għandu jittejjeb u jiġi żviluppat b’mod kontinwu;

Valutazzjoni tal-effettività tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ

1.  Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ 2010-2018);

2.  Ifakkar fil-proposta tal-Kummissjoni li fil-kuntest tan-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid, il-finanzjament għall-politiki dwar iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni għandu jiżdied biex jindirizza l-isfidi attwali u futuri; jenfasizza li l-komunikazzjoni bejn it-task forces dwar iż-żgħażagħ hija essenzjali u għandha tiġi promossa, flimkien mal-komunikazzjoni dwar l-azzjoni meħuda u r-riżultati miksuba s’issa;

3.  Jikkunsidra li l-baġit allokat għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-QFP futur, jiġifieri EUR 6 biljun, mhuweix biżżejjed u għandu jiżdied b’mod sinifikanti matul in-negozjati;

4.  Jistieden lill-Kunsill ikompli jżid l-attenzjoni li tingħata liż-żgħażagħ billi jqis liż-żgħażagħ bħala prijorità integrata fil-programmi kollha tal-UE taħt il-QFP futur;

5.  Iqis li hu ta’ dispjaċir li d-dikjarazzjonijiet ambizzjużi li saru mill-Kunsill Ewropew rigward impenji għaż-żgħażagħ mhumiex riflessi f’impenji finanzjarji ekwivalenti; jinnota li parti kbira mill-“Pakkett tat-Tkabbir” imħabbar fl-2012 kienet tikkonsisti minn riallokazzjoni parzjali ta’ fondi strutturali li kienu diġà mwiegħda u li kien diġà sar impenn dwarhom;

6.  Jiddispjaċih dwar l-ambivalenza li wera l-Kunsill, li qed jitkellem favur riżorsi addizzjonali għaż-żgħażagħ iżda qed jikkawża dewmien fin-negozjati dwar il-pagamenti b’rabta mal-baġit emendatorju għall-2013, u b’hekk qed jhedded il-pagamenti għall-boroż ta’ studju Erasmus; jistieden lill-Kunsill jadotta approċċ aktar kostruttiv billi jieqaf milli jkompli jkabbar id-distakk bejn l-approprjazzjonijiet ta’ pagament u l-approprjazzjonijiet ta’ impenn f’kull baġit annwali;

7.  Iqis il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) bħala mezz xieraq għad-deċiżjonijiet rigward il-politiki dwar iż-żgħażagħ; itenni t-talba tiegħu għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-kwistjonijiet taż-żgħażagħ bejn l-istituzzjonijiet tal-UE; jitlob għal involviment usa’ tal-Parlament Ewropew; jenfasizza li l-MMK jeħtieġ li jitwettaq b’rieda politika qawwija min-naħa tal-Istati Membri, sabiex jinkisbu riżultati massimi;

8.  Jiddispjaċih li għalkemm l-Istati Membri ntalbu jieħdu miżuri speċifiċi fl-ewwel ċiklu tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, il-progress miksub kien limitat ħafna; jinnota li f’diversi każijiet is-sitwazzjoni marret għall-agħar u li f’ħafna Stati Membri ma hija stabbilita l-ebda strateġija speċifika għaż-żgħażagħ;

9.  Jinnota l-impatt tal-ewwel ċiklu tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ (2010-2012); jenfasizza li l-qafas għal involviment transsettorjali tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u tal-partijiet interessati relevanti jirrappreżenta bidu tajjeb iżda jeħtieġ li jissaħħaħ fil-futur billi jittejjeb l-aċċess għall-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, biex b'hekk jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni, filwaqt li jintuża wkoll approċċ transsettorjali biex jinfirxu l-prattiki fost is-setturi relevanti;

10. Jenfasizza l-importanza tad-Djalogu Strutturat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw il-kunċett u jiżguraw segwitu sinifikanti u konsistenti tar-rakkomandazzjonijiet li jħejju ż-żgħażagħ mal-kontropartijiet ministerjali u istituzzjonali tagħhom; jissuġġerixxi wkoll li jkun hemm kuntatt dirett mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u mal-individwi mhux organizzati fil-livell lokali u reġjonali billi jkun żgurat li l-leħen tagħhom ma jintilifx u li l-implimentazzjonijiet tal-politika jwasslu għal żvilupp pożittiv u għall-għoti ta’ setgħa liż-żgħażagħ;

11. Jikkunsidra li l-iżvilupp ta’ indikaturi ċari u faċli għall-utenti fir-rigward tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ u l-politika taż-żgħażagħ jista’ jittejjeb aktar, speċjalment fir-rigward tal-awtonomija u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, sabiex jevalwa aħjar l-impatt tal-miżuri meħuda skont l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ;

12. Jistieden lill-Istati Membri jippreżentaw għarfien u rapporti bbażati fuq l-evidenza dwar is-sitwazzjoni soċjali taż-żgħażagħ u l-kundizzjonijiet ta' għajxien tagħhom, u jfasslu pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u jimplimentawhom b'mod konsistenti;

13. Jenfasizza li, sa mit-tfulija, għandha tingħata attenzjoni speċjali lil gruppi vulnerabbli f'riskju għoli ta' esklużjoni soċjali, inklużi persuni NEETs u żgħażagħ żvantaġġati, billi jiġu jingħataw opportunitajiet ta' impjieg reali u tanġibbli u billi jiġu inkoraġġiti jipparteċipaw b'mod attiv fis-soċjetà;

14. Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal approċċ transsettorjali u bbilanċjat għat-tmien oqsma ta’ azzjoni fl-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ; jitlob għal prijoritizzazzjoni fi żminijiet ta’ kriżi ta’ politika dwar iż-żgħażagħ li tkun infurmata u mfassla mil-leħen u l-għanijiet taż-żgħażagħ infushom;

Sfidi għaċ-ċiklu li jmiss:

Edukazzjoni, taħriġ, innovazzjoni u finanzjament

15. Jilqa’ l-programm il-ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport; jenfasizza l-ħtieġa għal finanzjament robust għal dan il-programm u għal kapitolu separat kif ukoll allokazzjoni tal-baġit separata għall-parti taż-żgħażagħ;

16. Jenfasizza li l-Istati Membri u n-negozji għandhom jinvestu aktar fil-ħiliet it-tajba u jiddiversifikaw it-tipi ta’ taħriġ għal xogħlijiet li hemm talba għalihom, speċjalment is-setturi teknoloġiċi, billi jinħolqu kurrikuli aktar flessibbli, jiġu integrati l-ħiliet intraprenditorjali u trasversali, sabiex ikun hemm adattament aħjar għal żviluppi futuri fis-suq tax-xogħol; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-mobilità taż-żgħażagħ, b’mod partikolari permezz tat-tagħlim bikri ta’ lingwi barranin; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi doppji ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali bħala mod effettiv li jistabbilixxi rabta bejn id-domandi tal-edukazzjoni u dawk tas-suq tax-xogħol, u li jnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ.

17. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw it-trasferibbiltà totali tal-benefiċċji soċjali miksuba sabiex ma tiġix ipperikolata l-protezzjoni tal-benessri għall-ħaddiema żgħażagħ li jkunu għażlu l-mobilità;

18. Jenfasizza l-benefiċċji tat-trijangolu tal-għarfien u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu aktar inizjattivi u jintensifikaw l-interazzjoni bejn it-tliet naħat tat-trijangolu, biex b’hekk jiżguraw li l-interazzjoni bejn ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni tkun tista’ tgħin fl-iżvilupp tax-xogħlijiet u t-tkabbir;

19. Jirrikonoxxi li l-programm “Orizzont 2020” il-ġdid huwa qafas xieraq biex tingħata spinta lir-riċerka, l-innovazzjoni u l-eċċellenza fix-xjenza; iwissi, madankollu, li t-tnaqqis fl-infiq fuq l-edukazzjoni f’xi Stati Membri qed jipperikola l-objettivi tiegħu; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu l-prijoritajiet ewlenin skont il-programm u jieħdu vantaġġ sħiħ minnu;

20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw u jipproponu metodi għaż-żieda tal-innovazzjoni fil-kurrikuli nazzjonali fil-livell tal-iskejjel;

21. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu u jneħħu l-ostakoli transkonfinali eżistenti għal taħriġ vokazzjonali, orjentazzjoni u apprendistati, skemi ta’ taħriġ u internships, sabiex dan it-tip ta’ edukazzjoni jingħata valur fuq il-bażi tal-ugwaljanza, jiżdiedu r-rabtiet tiegħu ma’ opportunitajiet edukattivi oħrajn f’perspettiva ta’ tagħlim fit-tul, u jkun hemm tlaqqigħ aħjar bejn il-provvista u d-domanda ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ ibbażati fuq ix-xogħol għaż-żgħażagħ, biex b’hekk jittejbu l-mobilità u l-impjegabbiltà, b’mod partikolari f’reġjuni mal-fruntieri;

22. Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-każijiet ta’ nuqqas ta’ tlaqqigħ ġeografiku bejn il-provvista tal-impjiegi u d-domanda għalihom kemm fi ħdan l-Istati Membri u kemm bejniethom, b’mod partikolari permezz tal-bidliet għall-Portal Ewropew tal-Mobilità fl-Impjiegi (EURES), bil-għan li jittejbu l-opportunitajiet ta’ impjiegi għaż-żgħażagħ;

23. Jenfasizza l-importanza tal-investiment strateġiku mill-Fondi Strutturali tal-UE fl-iżvilupp reġjonali, fil-kompetittività u fil-ħolqien tal-apprendistati ta’ kwalità għolja, internships u impjiegi sostenibbli u fit-tul, li joffru liż-żgħażagħ l-usa’ opportunitajiet possibbli għall-impjieg li jirrispetta d-drittijiet tal-impjegat f’kull Stat Membru, sabiex is-sitwazzjoni prekarja u r-riskju tal-faqar jitnaqqsu b’mod sinifikanti; jenfasizza barra minn hekk l-importanza tad-diversifikazzjoni ekonomika f’setturi ta’ valur għoli miżjud, fejn ikun xieraq, u l-ħtieġa li jkun hemm enfasi fuq iż-żoni rurali u żvantaġġati;

24. Jemmen li, sabiex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tat-taħlita politika korretta huwa fundamentali;

25. Iqis li r-rata għolja attwali ta’ qgħad f’ċerti Stati Membri setgħet ġiet evitata permezz ta’ strateġiji nazzjonali u reġjonali intensivi mmirati biex iħeġġu lill-kumpaniji jimpjegaw ħaddiema żgħażagħ;

26. Jinnota li flimkien mal-istrateġiji tal-UE dwar l-impjiegi, il-bliet u r-reġjuni jaqdu rwol importanti fil-valutazzjoni tas-swieq tax-xogħol lokali, fl-antiċipazzjoni tal-bżonnijiet tagħhom, u fit-tfassil ta’ programmi apposta għaż-żagħżagħ, u jagħmel enfasi fuq l-importanza taż-żgħażagħ fil-komunitajiet tagħhom, inklużi r-reġjuni gżejjer u dawk l-aktar imbiegħda; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jinkoraġġixxu ċ-ċittadinanza attiva u jiżguraw li r-rappreżentanti taż-żgħażagħ jew tal-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ jipparteċipaw fl-inizjattivi differenti proposti mill-UE;

27. Jenfasizza r-rwol pożittiv li għandhom l-edukazzjoni miftuħa u l-universitajiet miftuħa fil-proċess tat-tagħlim u biex l-istudenti, inklużi ż-żgħażagħ, jiksbu ħiliet ġodda li jkunu essenzjali fil-ġlieda kontra l-qgħad; jenfasizza li t-tagħlim tul il-ħajja huwa mezz dinamiku ta’ tagħlim li jindirizza l-bżonnijiet u l-interessi attwali tal-parteċipanti;

28. Jenfasizza l-importanza tal-kisba ta’ ħiliet trażversali bħal ħiliet fl-ICT, ħiliet fit-tmexxija, ħiliet fil-ħsieb kritiku u fil-lingwi, anke permezz ta’ studju barra mill-pajjiż, biex jitjiebu l-prospetti ta’ persuni żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u l-adattabilità tagħhom għal żviluppi futuri fis-suq tax-xogħol;

29. Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim informali u mhux formali għall-iżvilupp ta’ valuri, aptitudnijiet u ħiliet għaż-żgħażagħ, kif ukoll għat-tagħlim dwar iċ-ċittadinanza u l-involviment demokratiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw sistemi li jirrikonoxxu l-kompetenzi miksuba permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali, xogħol volontarju, internships u ħidma soċjali, u jipprovdu appoġġ għal tali attivitajiet fil-qafas tal-programmi l-ġodda għall-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza;

30. Iqis li għad hemm lok għall-iżvilupp ta’ tagħlim bejn il-pari fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala mezz li jiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajba fost l-Istati Membri;

31. Jilqa’ l-impenji reċenti tal-Istati Membri u l-Kunsill biex iniedu inizjattivi ġodda għaż-żgħażagħ b’miżuri preċiżi ta’ finanzjament; jistieden lill-Kunsill iniedi politiki simili fl-Istati Membri kollha taħt il-kunċett ġeneriku ta’ ‘Ftehim Ġdid’ għaż-żgħażagħ;

32. Jenfasizza l-ħtieġa li n-nisa jitħeġġu jidħlu f’karrieri li ġeneralment jitqiesu bħala tipiċi ‘maskili’, speċjalment fis-settur tat-teknoloġiji tal-informatika;

33. Jemmen li l-interventi bikrija u l-politiki proattivi tas-suq tax-xogħol jirrappreżentaw ċaqliqa mit-trattament tas-sintomi tat-tiċħid multiġenerazzjonali lejn l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji kmieni fil-ħajja biex jiġi evitat il-qgħad u tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni; jiġbed l-attenzjoni b’mod speċjali lejn dawk l-aktar emarġinati u li jinsabu fl-ogħla riskju li jsibu ruħhom qiegħda;

34. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-problemi tal-inugwaljanza fil-livell tal-iskola, l-iskartar mill-iskola u l-ħtieġa li jitnaqqsu r-rati ta' tfal li jieqfu mill-iskola fl-UE kollha; jenfasizza l-importanzi ta’ aktar finanzjament sabiex ikun garantit aċċess ugwali għall-edukazzjoni kif ukoll biex jitnaqqas il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien; jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jitjiebu r-rabtiet u l-kooperazzjoni bejn l-atturi fl-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u x-xogħol taż-żgħażagħ; jitlob għal opportunitajiet ta’ tagħlim flessibbli fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali;

35. Jidentifika t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol bħala mument partikolarment importanti għaż-żgħażagħ, minħabba li l-bidu tal-karrieri tagħhom għandu impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp futur tagħhom; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti li l-iżvilupp bikri fit-tfulija jista' jkollu biex iwaqqaf iċ-ċiklu vizzjuż interġenerazzjonali tal-iżvilupp uman batut tat-tfal żvantaġġati; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-provvista ta' servizzi ta' konsulenza u gwida fi stadju bikri sabiex tittejjeb il-kapaċità taż-żgħażagħ li jieħdu deċiżjonijiet infurmati biżżejjed dwar il-karriera futura tagħhom, biex b'hekk isir aktar faċli għalihom li jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa u jsibu impjieg relevanti għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; jenfasizza l-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi f’setturi bħall-ekonomija ekoloġika, il-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali u l-ICT;

36. Jenfasizza l-importanza tat-titjib tal-politiki mmirati lejn tranżizzjoni aktar faċli mill-edukazzjoni għall-impjieg billi jiġu żgurati apprendistati u skemi ta’ taħriġ ta’ kwalità;

37. Jitlob lill-Istati Membri jimmiraw lejn żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ, sabiex joffrulhom tagħlim u taħriġ ta’ kwalità biex dawn ikunu jistgħu jiksbu l-ħiliet u l-esperjenza li jeħtieġu biex jidħlu fl-impjieg, inkluż, għal xi wħud, billi jiffaċilitaw id-dħul tagħhom mill-ġdid fis-sistema tal-edukazzjoni;

38. Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-popolazzjoni żagħżugħa tal-ħabs sabiex tiġi faċilitata r-riintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà;

39. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-inizjattiva ewlenija eżistenti “Żgħażagħ Attivi” permezz ta’ slogans ġodda bħal “L-ebda żagħżugħ barra mill-edukazzjoni” u “L-ebda żagħżugħ barra mis-suq tax-xogħol”;

40. Ifakkar fir-riskju li diversi Stati Membri jiċċaħħdu miż-żgħażagħ ta’ talent tagħhom, u li jwassal għall-ħolqien ta’ eżodu ta’ mħuħ potenzjali; jenfasizza li dan jista’ jxekkel lil dawk l-Istati Membri milli jiksbu rkupru ekonomiku u tkabbir vijabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iqisu dan bis-sħiħ meta jipproponu u jimplimentaw politiki fil-futur;

41. Jenfasizza l-fatt li s-settur kreattiv jista’ joffri opportunitajiet ulterjuri u ġodda għaż-żgħażagħ biex jiżviluppaw it-talent u l-ħiliet tagħhom; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li teknoloġiji ġodda jistgħu jsaħħu l-kreattività taż-żgħażagħ;

42. Jenfasizza li l-kultura fl-Ewropa tirrappreżenta sehem importanti tal-PDG u jistieden lill-Istati Membri jħeġġu ulterjorment inizjattivi li jippromwovu xogħlijiet sostenibbli għaż-żgħażagħ f’dan is-settur;

L-impjiegi u l-intraprenditorija taż-żgħażagħ

43. Jenfasizza l-importanza tal-koeżjoni soċjoekonomika u territorjali tal-Unjoni Ewropea, kif speċifikata fl-Artikolu 174 TFUE, fil-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żagħżagħ, jiġifieri l-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet ugwali għaż-żgħażagħ kollha, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u s-solidarjetà għaż-żgħażagħ kollha, billi jitnaqqas ir-riskju tal-faqar u jikber il-proporzjon tal-popolazzjoni fl-impjieg, fil-kuntest tal-miżuri li qed jittieħdu bħalissa għat-tnaqqis tad-dejn, iż-żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ, u l-livelli diverġenti tas-suċċess fl-edukazzjoni u tat-taħriġ;

44. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-Fondi Strutturali tal-UE 2007-2013, speċjalment il-FSE; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat b’mod regolari dwar il-progress li għamlu l-Istati Membri;

45. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmobilizzaw il-fondi kollha disponibbli, b’mod partikolari fil-qafas tal-Fondi Strutturali, għal programm li jistimola l-investiment fl-impjiegi u t-taħriġ bil-għan li tiġi miġġielda r-rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ li mhix aċċettabbli, inkluż l-inkoraġġiment tal-iżvilupp tan-negozju għaż-żgħażagħ permezz tal-intraprenditorija; jilqa’ l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u jħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni kkonċernati jagħmlu użu sħiħ mill-flejjes mill-FSE u mill-allokazzjoni speċjali;

46. Jilqa’ l-inizjattiva l-ġdida tal-UE għal Skema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, li għandha tiġi estiża wkoll għal żgħażagħ taħt it-30 sena, li għandha tipprovdilhom il-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol filwaqt li tiżgura opportunitajiet ta’ kwalità għolja, sinifikanti u relevanti għalihom; jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jimplimentaw l-iskema b’mod effiċjenti u fil-ħin u jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti taħt il-fond il-ġdid għall-impjieg taż-żgħażagħ disponibbli fil-QFP il-ġdid; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed finanzjament għall-inizjattiva permezz tal-FSE u Fondi Strutturali oħra tal-UE tal-passat u tal-futur; iqis il-baġit kif indikat mill-Kunsill għall-perjodu ta’ 7 snin bħala insuffiċjenti;

47. Jenfasizza, madankollu, li l-Iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ ma tistax tieħu post l-isforzi u r-riformi strutturali meħtieġa biex is-sistemi tal-edukazzjoni u s-swieq tax-xogħol f’ċerti Stati Membri jħejju ruħhom għall-isfidi tal-futur;

48. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi inċentivi u appoġġ tekniku liż-żgħażagħ biex jiftħu n-negozji proprji tagħhom, taħt is-slogan; “Jekk ma tistax issib impjieg, oħloq wieħed int”;

49. Jipproponi tisħiħ tal-ispirtu intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għal strumenti ta’ mikrokreditu u mikrofinanzjament;

50. Jikkunsidra li l-konsolidament fiskali m’għandux jiġi implimentat b’mod li jaffettwa l-impjiegi għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu aktar inċentivi biex jappoġġaw impjiegi ta’ kwalità għaż-żgħażagħ, bħal ħelsien mit-taxxa u kontribuzzjonijiet soċjali u l-istabbiliment adegwat tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq tax-xogħol;

51. Jagħraf li l-impriżi soċjali jistgħu jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja, filwaqt li jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, billi jinvestu fl-edukazzjoni u t-taħriġ għaż-żgħażagħ Ewropej.

52. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jipprovdu xibka tas-sigurtà għal negozji ġodda li jfallu; jistedinhom jeliminaw il-burokrazija;

Teknoloġiji ġodda u midja soċjali

53. Jistieden lill-Kummissjoni tniedi stħarriġ biex timmonitorja l-impatt ta’ teknoloġiji ġodda u l-midja soċjali fuq il-ħajja taż-żgħażagħ;

54. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jimplimentaw strateġiji li jappoġġaw l-aċċess taż-żgħażagħ għall-ICT;

55. Jitlob lill-Kummissjoni tieħu vantaġġ mid-dinamiżmu tal-midja soċjali fl-edukazzjoni, it-taħriġ u s-sehem taż-żgħażagħ sabiex iżżid l-impjegabbiltà u ssaħħaħ l-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-kultura;

56. Jenfasizza l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu protetti minn kull forma ta’ abbuż, inklużi attakki online u abbuż relatat mad-data personali tagħhom u ma’ saħħithom;

57. Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-komunikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi tal-Kummissjoni għaż-żgħażagħ (eż. il-Portal Żgħażagħ Ewropej) permezz ta’ netwerks soċjali u aktar impenn mal-organizzazzjonijiet u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ;

58. Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni mħabbra bit-titolu "Il-Ftuħ tal-Edukazzjoni', immirata lejn it-titjib fl-effiċjenza, l-aċċessibbiltà u l-ugwaljanza fl-edukazzjoni, it-taħriġ u s-sistemi ta' taħriġ billi ssaħħaħ l-integrazzjoni tal-ICT u teknoloġiji ġodda fl-edukazzjoni u t-taħriġ; jistieden lill-Istati Membri kollha jinkoraġġixxu inizjattivi għall-ftuħ tal-edukazzjoni, pereżempju permezz tal-introduzzjoni ta’ Bosta Korsijiet Miftuħa Online (MOOCs);

Sehem iż-żgħażagħ u ċittadinanza Ewropea

59. Jilqa’ l-fatt li s-sena 2013 ġiet iddikjarata s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini; jenfasizza l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu involuti aħjar billi jiġu mħeġġa jikkondividu l-viżjoni tagħhom għall-futur tal-UE;

60. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli u żżid l-appoġġ tagħha għall-karta Ewropea taż-żgħażagħ sabiex tiffaċilita l-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura madwar l-UE;

61. Jenfasizza l-importanza essenzjali tal-isport, l-eżerċizzju u l-attivitajiet soċjali biex iħeġġu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ bħala għodod li jista’ jkollhom impatt enormi fuq il-komunitajiet lokali u li jistgħu jgħinu fl-indirizzar ta’ bosta sfidi tas-soċjetà li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ, bħall-indirizzar tal-esklużjoni soċjali u l-għoti liż-żgħażagħ ta’ sens ta’ kburija u rispett lejhom infushom; jenfasizza barra minn hekk li l-benefiċċji fiżiċi u mentali tal-eżerċizzju jgħinu liż-żgħażagħ ikunu f’kundizzjoni tajba għax-xogħol;

62. Jenfasizza l-importanza li jiġu kkomunikati messaġġi qawwija min-naħa tal-UE orjentati lejn iż-żgħażagħ, appoġġati minn politiki reali fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014;

63. Jistieden lill-Kumissjoni tiżviluppa aktar inizjattivi biex issaħħaħ l-integrazzjoni tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkorporaw korsijiet tal-Istudji Ewropej fil-kurrikuli tal-edukazzjoni;

64. Jenfasizza l-importanza tal-użu tat-teknoloġiji tal-informatika u l-komunikazzjoni, inklużi n-netwerks soċjali, bl-għan speċifiku li tikber il-parteċipazzjoni;

65. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati aktar programmi li jilħqu l-gruppi emarġinati u li jiġi pprovdut appoġġ għas-settur taż-żgħażagħ għall-iżvilupp tal-istrutturi u l-kanali ta’ komunikazzjoni tiegħu sabiex jintlaħqu aktar żgħażagħ, b’mod partikolari dawk f’riskju ta’ esklużjoni soċjali;

66. Jenfasizza l-importanza tal-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” li jippromwovi ċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ, jiżviluppa s-solidarjetà u jippromwovi t-tolleranza fost iż-żgħażagħ;

67. Jenfasizza r-rwol tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, bħala l-kanal ewlieni għall-parteċipazzjoni, u tal-voluntiera, u li dan jeħtieġ li jissaħħaħ permezz ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ, oqfsa legali adegwati u identifikazzjoni ċara tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet kif deskritti fil-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Voluntiera; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw appoġġ politiku u finanzjarju sigur għax-xogħol taż-żgħażagħ, u speċjalment għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażazgħ involuti fi proġetti tal-UE;

68. Jikkunsidra l-possibbiltà għaż-żgħażagħ li jgħixu ħajja awtonoma bħala l-prijorità assoluta li għandha tindirizza l-istrateġija għaż-żgħażagħ fil-perjodu li ġej; għal din ir-raġuni, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw il-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ fuq l-awtonomija taż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha fis-soċjetà;

Prinċipji ġenerali

69. Jenfasizza l-importanza li jitneħħew it-tipi kollha ta’ diskriminazzjoni fost iż-żgħażagħ, inkluża d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon, id-diżabbiltà, l-età u l-orjentazzjoni sesswali;

70. Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-inugwaljanza bejn is-sessi u l-istereotipi għandha tkun parti integrali minn politika effettiva taż-żgħażagħ sabiex tipprevjeni u telimina b’mod partikolari l-vjolenza fuq in-nisa;

71. Jenfasizza l-importanza tar-rikonoxximent u l-impenn dirett maż-żgħażagħ bħala grupp ta’ prijorità fil-viżjoni soċjali tal-UE, biex b’hekk jissaħħu l-influwenza, l-iżvilupp, il-benessri u l-inklużjoni soċjali tagħhom;

72. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ effiċjenti u individwali liż-żgħażagħ b’diżabbiltà;

o

o         o

73. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU C 161, E, 31.5.2011, p. 21.
  • [2]  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
  • [3]  ĠU C 377, 7.12.2012, p. 77.
  • [4]  Eurofound (2012), ‘NEETs – Young people not in employment, education or training: Characteristics, costs and policy responses in Europe’, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, Lussemburgu.
  • [5]  Eurofound (2012), ‘NEETs – Young people not in employment, education or training: Characteristics, costs and policy responses in Europe’. l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, Lussemburgu.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

Fis-27 ta’ April 2009, il-Kummissjoni ppubblikat għall-ewwel darba Komunikazzjoni li tiddefinixxi strateġija ġdida tal-UE għaż-żgħażagħ, bl-għan li tistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni dwar il-kwistjonijiet taż-żgħażagħ għad-deċennju li ġej u li tipprovdi liż-żgħażagħ aktar opportunitajiet li jkunu wkoll aħjar għal ħajjithom. L-Istrateġija nqasmet fi tliet ċikli ta’ ħidma ta’ żmien ugwali u fi tmien oqsma ta’ azzjoni, jiġifieri a) l-edukazzjoni u t-taħriġ, b) l-impjieg u l-intraprenditorija, c) is-saħħa u l-benessri, d) l-inklużjoni soċjali, e) is-sehem iż-żgħażagħ, f) l-attivitajiet volontarji, g) il-kultura u l-kreattività, h) iż-żgħażagħ u d-dinja. Fl-aħħar ta’ kull ċiklu, għandu jiġi ppubblikat rapport ta’ progress sabiex jiġi vvalutat u stabbilit sett ta’ prijoritajiet għaċ-ċiklu ta’ ħidma li jmiss. Fil-fatt, fl-10 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tal-ewwel ċiklu tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ.

L-ewwel ċiklu ffoka fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost l-Istati Membri dwar kwistjonijiet u politiki taż-żgħażagħ, u tah prijorità. Barra min hekk, l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, it-tħeġġiġ tal-intraprenditorija u l-promozzjoni ta’ sehem iż-żgħażagħ kienu s-suġġetti prinċipali li ffukat fuqhom l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. Fil-fatt, diversi Stati Membri għamlu progress sinifikanti lejn l-iżvilupp ta’ pjan strateġiku nazzjonali għaż-żgħażagħ, li kien mira ewlenija tal-ewwel ċiklu. L-azzjonijiet tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ ġew allokati fi tmien oqsma ta’ azzjoni, u l-progress li sar mill-Istati Membri jvarja minn pajjiż għall-ieħor. Fir-rigward ta’ “impjieg u intraprenditorija”, l-ewwel djalogu strutturat huwa ffukat fuq l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, speċjalment fil-qasam ta’ azzjonijiet konkreti biex jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ li qed jiżdied. Barra minn hekk, l-inizjattivi tal-UE bħal “Garanzija għaż-Żgħażagħ”, u ż-żieda antiċipata fil-finanzjament għaż-żgħażagħ permezz tal-programm “Erasmus għal Kulħadd” fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss 2014-2020, qed jappoġġaw aktar il-politiki tal-Istati Membri.

L-inizjattivi u l-progress li saru fl-oqsma ta’ azzjoni kollha (l-edukazzjoni, l-impjieg eċċ.) huma inklużi fil-Komunikazzjoni relevanti tal-Kummissjoni.

Iċ-ċiklu l-ġdid tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2013-2015)

Skont il-proposta tal-Kummissjoni, iċ-ċiklu li jmiss (2013-2015) se jkompli jiffoka fuq l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u se jimmira b’mod partikolari fuq dawk li huma barra mill-impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ, bl-użu sħiħ tal-finanzjament tal-UE. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-impatt tal-kriżi fuq iż-żgħażagħ għandu jiġi ffaċċjat b’mod aktar effettiv, peress li l-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied għal livelli inaċċettabbli, b’mod speċjali fin-Nofsinhar tal-UE, jiġifieri fil-Greċja (59,1 % f’Jannar 2013), Spanja (55,9 %), l-Italja (38,4 %) u l-Portugall (38,3 %). Biex jiffaċċjaw din l-isfida, l-Istati Membri għandhom jużaw bis-sħiħ il-finanzjament disponibbli tal-UE u l-għażliet li toffri l-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ għall-ħruġ mill-kriżi, għall-benefiċċju taż-żgħażagħ li huma barra mill-impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ. Barra minn hekk, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jiżvela sinjali ċari ta’ żieda fin-numru ta’ persuni li jinsabu f’riskju li jaqbżu l-linja tal-faqar, b’mod speċjali l-faqar fost it-tfal. Dan huwa suġġett ieħor li l-Ewropa għandha tindirizza fit-tieni ċiklu. F’dan l-ambitu, l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għandha tilħaq liż-żgħażagħ vulnerabbli billi tiffoka fuq is-sehem kumplessiv taż-żgħażagħ fis-soċjetà ċivili u billi ttaffi l-konsegwenzi tal-kriżi attwali fuq l-inklużjoni soċjali kif ukoll l-effetti tagħha fuq is-saħħa u l-benessri taż-żgħażagħ.

Il-kummenti tar-rapporteur

Fi żmien ristrett, dan ir-rapport jipprova jenfasizza, jipproponi, u jikkontribwixxi biex jinstabu soluzzjonijiet xierqa għall-kwistjonijiet l-aktar diffiċli li l-ġenerazzjoni żagħżugħa qiegħda tiffaċċja llum il-ġurnata. L-għan prinċipali jibqa’ li jissaħħu l-politiki tal-Istati Membri, sabiex dawn jiksbu l-aħjar riżultati possibbli u jilħqu l-miri tagħhom. Barra minn hekk, ir-rapport jittama li jitfa’ dawl fuq kwistjonijiet li sa issa ma kinux koperti mill-Istrateġija attwali tal-UE għaż-Żgħażagħ. Pereżempju, ir-rwol tat-teknoloġiji l-ġodda u tal-midja soċjali ma jistax jitħalla fil-ġenb, peress li llum il-ġurnata l-kontribut tagħhom fl-aspetti kollha tal-ħajja taż-żgħażagħ (mill-impjieg u s-sehem tagħhom sad-divertiment u l-espressjoni) qiegħed jiżdied ferm.

Ma hemm l-ebda dubju li tliet snin wara li nħareġ ir-Rapport “Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabilizzazzjoni”, l-indikaturi soċjoekonomiċi fl-Ewropa nbidlu b’mod konsiderevoli. Is-sitwazzjoni ta’ dak iż-żmien ma tistax titqabbel ma’ dak li l-UE trid tiffaċċja llum il-ġurnata. Il-kriżi ekonomika persistenti li attwalment tinsab mifruxa madwar l-Ewropa qed twassal għal livelli baxxi ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ li qatt ma kien hemm bħalhom qabel. Din hija sfida li għandha tiġi ffaċċjata b’mod urġenti permezz ta’ miżuri mmirati u finanzjament xieraq, kif stqarr ukoll il-President Barroso f’Jannar 2012 meta ddeskriva fil-qosor l-inizjattiva dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ relevanti tal-Kummissjoni. Filwaqt li jenfasizza dawn il-fatti, ir-Rapporteur iħeġġeġ lill-UE biex tieħu azzjoni immedjata sabiex jiġi evitat li s-sitwazzjoni tmur aktar għall-agħar. Permezz tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, l-Ewropa tista’, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, tħaddem għodod, politiki u mekkaniżmi b’potenzjal li tirreaġixxi b’mod integrat għall-isfidi li l-ġenerazzjoni żagħżugħa qiegħda tiffaċċja llum il-ġurnata. Dan fil-fatt huwa tassew pass ’il quddiem imma ma jistax jitqies suffiċjenti biex jelimina l-konsegwenzi ta’ din il-kriżi li, f’ċerti każijiet, infirxet b’mod aktar mgħaġġel milli l-UE kienet kapaċi tirreaġixxi. It-Trattat ta’ Lisbona ma jippermettix kompetenzi ulterjuri tal-Istati Membri fi kwistjonijiet taż-żgħażagħ (sussidjarjetà), u għaldaqstant ma tistax tittieħed deċiżjoni b’mod sħiħ fil-livell Ewropew. Madankollu, kif jiżvela l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, jeżistu prattiki tajbin, għodod ta’ finanzjament, u għażliet speċifiċi.

Iktar importanti issa huwa li dawk l-għodod jiġu adattati – mill-QFP l-ġdid u l-Programm tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport sa inizjattivi ġodda (Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ eċċ.) – b’mod li jiżgura l-aħjar riżultati għaż-żgħażagħ.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u minkejja t-talba tal-UE għal aktar infiq fuq l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija taż-żgħażagħ, qed niffaċċjaw tnaqqis importanti fil-baġit relevanti minn għadd konsiderevoli ta’ Stati Membri, fatt li mhux talli jpoġġi ostakoli serji għall-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ imma li qiegħed ukoll jhedded li jiġu sospiżi l-miri tal-Istrateġija “UE-2020”. Barra minn hekk, l-Istati Membri jagħmlu biss użu parzjali mill-Fondi Strutturali tal-UE biex jappoġġaw l-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ. Is-sena li għaddiet, EUR 30 biljun mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) kienu għadhom ma ġewx iddikjarati mill-Istati Membri. Din hija ċifra diżappuntanti. Meta jitqies li l-QFP il-ġdid jespandi aktar investimenti f’dawk l-oqsma, huwa ċar li l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw għodod aktar effettivi u għandhom jieħdu azzjonijiet aktar immirati.

Barra minn hekk, jinħtieġu strumenti u indikaturi definiti b’mod aktar ċar. Għalkemm task forces dwar iż-żgħażagħ issa qegħdin jaħdmu fi tmien Stati Membri, ma ġie osservat l-ebda progress sinifikanti sa issa, fatt li jenfasizza l-ħtieġa għal informazzjoni aħjar dwar il-kompetenzi u l-missjoni tat-task forces. Fl-2011, it-telf ekonomiku minħabba n-nuqqas ta’ impenn taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol kien stmat għal EUR 153 biljun, li jikkorrispondi għal 1,2 % tal-PDG tal-UE. Dan l-element għandu piż soċjoekonomiku serju. Simultanjament, ir-rati eċċessivi ta’ qgħad f’xi Stati Membri jġiegħlu liż-żgħażagħ jemigraw, u jżidu r-riskju ta’ eżodu ta’ mħuħ u ta’ konsegwenzi negattivi fil-pajjiżi ta’ oriġini ta’ dawk iż-żgħażagħ, filwaqt li fl-istess ħin isir aktar diffiċli għal dawk l-Istati Membri biex jerġgħu jiksbu l-kompetittività tagħhom u jmorru lura għal tkabbir ekonomiku sostenibbli bbażat fuq ħiliet ta’ livell għoli. Kif juru studji reċenti tal-Kummissjoni, din is-sitwazzjoni tinħass aktar fil-livell reġjonali.

In-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-impjiegi huwa sfida addizzjonali li r-Rapporteur jiffoka fuqha. Għalkemm l-inizjattivi pożittivi huma importanti, bħall-għodda online “Panorama ta’ Ħiliet tal-UE”, li għandha l-għan li tiffaċċja n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet, dawn ċertament mhumiex biżżejjed. Skont id-data, fi żminijiet ta’ ħafna qgħad fost iż-żgħażagħ, żewġ miljun impjieg fl-Ewropa għadhom vakanti minħabba nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet. Dan iwassal bla ebda dubju għal tħassib serju fir-rigward tal-kapaċità tas-sistemi tal-edukazzjoni nazzjonali li jaġġustaw ruħhom għad-domandi tas-suq attwali. Fil-fatt, in-numru ta’ żgħażagħ li bħalissa huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) żdied b’mod drammatiku madwar l-UE (aktar minn 22 %), intensifikat f’xi każijiet bl-esklużjoni soċjali, persuni mingħajr dar u l-faqar; dawn huma fatti li jiffavorixxu t-tħassib li qed niffaċċjaw il-periklu li tinħoloq “ġenerazzjoni mitlufa”.

Sadanittant, tfaċċaw sfidi ġodda. Stimulati bl-impatt tal-kriżi, l-estremiżmu u r-radikaliżmu sabu art fertili fejn jikbru. Dan huwa żvilupp li jaffettwa liż-żgħażagħ b’mod profond, anke fil-pajjiżi (kif juri l-Ewrobarometru) li fihom il-kriżi kellha impatt anqas serju. Ir-Rapporteur jemmen li ċ-ċiklu l-ġdid tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għandu jiffoka aktar fuq dan l-aspett billi jissuġġerixxi azzjonijiet u politiki preċiżi inklużi f’dan ir-rapport. Dawn il-proposti għandhom jiġu kkombinati wkoll mal-ispinta ta’ sehem iż-żgħażagħ fid-dibattitu u d-diskussjonijiet Ewropej. Fil-fatt, l-approċċ transsettorjali sa issa wassal għal riżultati pożittivi, għalkemm, fil-fehma tar-Rapporteur, wieħed jeħtieġ jinkludi numru akbar ta’ żgħażagħ (jiġifieri individwi u mhux żgħażagħ organizzati).

Ir-Rapporteur jemmen li l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għandha tqis ukoll it-teknoloġiji l-ġodda u r-rwol tal-midja soċjali fil-ħajja taż-żgħażagħ. Fil-fatt, l-impjegabbiltà, l-intraprenditorija, it-taħriġ u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ jeħtieġu ambjent ta’ ħiliet moderni u ta’ livell għoli. Huwa pjuttost diżappuntanti li għad hemm għadd kbir ta’ żgħażagħ li ma jafux jużaw tajjeb jew li ma jafu jużaw xejn il-kompjuter, filwaqt li fl-istess ħin veloċitajiet broadband għadhom ma waslux għand iċ-ċittadini Ewropej kollha. Skont il-Kummissjoni, 20 % tal-istudenti fl-iskejjel sekondarji qatt jew kważi qatt ma użaw kompjuter waqt il-lezzjonijiet tagħhom, filwaqt li 50 % biss tal-istudenti li għandhom 16-il sena jmorru fi skola mgħammra tajjeb ħafna diġitalment. Fl-istess ħin, 80 % taż-żgħażagħ Ewropej li għandhom bejn is-16 u l-24 sena jużaw l-internet għal netwerking soċjali u dan isostni kważi 230 000 post tax-xogħol fl-Ewropa.

Minbarra dawn l-isfidi, it-talba storika għall-UE kienet u tibqa’ l-ħtieġa li twassal messaġġ ċar u ottimist li l-Ewropa hija ddedikata biex telimina t-theddid imsemmi hawn fuq, billi toħloq xaqq ta’ dawl ċar. Fil-fehma tar-Rapporteur, dan jista’ jintlaħaq aħjar bil-prijoritizzazzjoni tal-oqsma ta’ azzjoni fiċ-ċiklu li jmiss sabiex l-ebda wieħed mit-tmien oqsma ma jitwarrab. Fil-limiti ta’ dan ir-rapport, ir-Rapporteur prova jenfasizza l-oqsma fejn għandha tittieħed aktar azzjoni. Għal dan l-għan, huwa jagħti prijorità lil azzjonijiet u jipproponi għodod u politiki ġodda biex jgħin liż-żgħażagħ fuq perjodu qasir, medju u twil. Huwa jinsisti wkoll fuq il-perspettiva li l-Parlament Ewropew, bħala l-unika istituzzjoni tal-UE eletta b’mod demokratiku miċ-ċittadini Ewropej u responsabbli quddiemhom, għandu jsemma’ aktar leħnu fil-formulazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ.

Fil-fatt, huwa importanti ħafna li matul dan il-perjodu ta’ kriżi, l-UE tkompli tispira liż-żgħażagħ. Billi tipprovdi aktar opportunitajiet fl-edukazzjoni u fil-forom kollha ta’ taħriġ, billi tinvesti fiż-żgħażagħ u tappoġġa l-ispirtu innovattiv u intraprenditorjali, billi tiffinanzja b’kuraġġ il-programmi taż-żgħażagħ u billi temmen li kull euro li jintefaq għall-ġenerazzjoni żagħżugħa għandu effetti multipli fuq it-tkabbir fl-Ewropa, kif ukoll fuq il-koeżjoni soċjali futura tagħha. L-UE għandha l-għodod u l-politiki xierqa biex dan tagħmlu realtà. Iżda xejn ma jista’ jintlaħaq mingħajr id-determinazzjoni tal-Istati Membri. Bl-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, nibagħtu messaġġi ċari, nagħtu prijorità u nibnu linji gwida. Madankollu, huwa f’idejn l-Istati Membri, speċjalment dawk li qed jiffaċċjaw l-akbar problemi, li jagħmlu użu sħiħ dawk il-linji gwida b’mod urġenti u effettiv. Neħtieġu nħaffu, nikkoreġu jew nissussidjaw inizjattivi mhux effettivi, u jeħtieġ li nibqgħu iddedikati għat-talba storika tal-UE. Kontra l-istimi pessimisti, kontra t-tbassir li jikkundanna, għandna nibqgħu ottimisti li se nilħqu l-għanijiet tagħna.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (31.5.2013)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2010-2012
2013/2073(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ole Christensen

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-kriżi wasslet biex jiżdiedu forom prekarji ta’ impjieg għaż-żgħażagħ, b’kuntratti għal żmien qasir u part-time u skemi ta’ esperjenza ta’ xogħol mingħajr ħlas li ta’ spiss jissostitwixxu impjiegi eżistenti;

B.  billi r-rata ġenerali tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE kienet ta' 23,5 % fi Frar 2013 u billi 7,5 miljun żagħżugħ fl-età ta' bejn il-15 u l-24 sena, u 6,5 miljun fl-età ta' bejn il-25 u d-29 sena, ma kinux f'kors ta' edukazzjoni, f'impjieg jew f'taħriġ (NEETs) fl-2011;

C. billi fl-2011, it-telf ekonomiku minħabba n-nuqqas ta' impenn taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol kien stmat għal EUR 153 biljun, li jikkorrispondu għal 1,2 % tal-PDG tal-UE[1];

1.  Jinnota l-impatt tal-ewwel ċiklu tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ (2010-2012); jenfasizza li l-qafas għal involviment transsettorjali tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u tal-partijiet interessati relevanti hu bidu tajjeb, imma jeħtieġ li dan jissaħħaħ fil-futur billi jitjieb l-aċċess għall-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, b'hekk jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni, filwaqt ukoll li jintuża approċċ transsettorjali li jifrex il-prattiki fost is-setturi relevanti;

2.  Jinnota li l-aspetti relatati mal-impjiegi fl-Istrateġija għaż-Żgħażagħ saru aktar urġenti minħabba l-kriżi attwali, il-livelli ferm allarmanti ta' qgħad fost iż-żgħażagħ u l-kost stmat ta' "ebda azzjoni" fi ħdan l-UE; iqis li, minħabba l-kważi 2 miljun karigi vakanti fl-UE, iċ-ċiklu li jmiss (2013-2015) għandu jikkontribwixxi għal żewġ objettivi ġenerali tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ (li huma l-ħolqien ta' opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali) billi jiffoka fuq il-qgħad, l-edukazzjoni u t-taħriġ taż-żgħażagħ; jenfasizza li għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-impatt tal-kriżi fuq iż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà; iwissi kontra l-fatt li ż-żgħażagħ jiddaħħlu fl-impjieg permezz ta' kwalunkwe mezz għaliex dan iġorr ir-riskju li l-kwalità ta' dan it-tip ta' xogħol u d-drittijiet fuq ix-xogħol għaż-żgħażagħ, speċjalment id-dritt għal dħul diċenti, jiġu injorati; jenfasizza, għalhekk, li l-Istrateġija għaż-Żgħażagħ għandha tgħin biex jinħolqu impjiegi ta' kwalità għolja li jippermettu liż-żgħażagħ jgħixu b'mod indipendenti u ħielsa mill-faqar;

3.  Ifakkar fil-miri ewlenin ta' Ewropa 2020, jiġifieri li 75 % tal-popolazzjoni ta' età bejn l-20 u l-64 sena għandhom ikunu impjegati, li r-rati ta' tluq bikri mill-iskola għandhom ikunu anqas minn 10 %, u li mill-inqas 20 miljun persuna għandhom jinqalgħu mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ matul iċ-ċiklu li jmiss għandha tkun marbuta mill-qrib mal-kisba tal-miri ewlenin ta' Ewropa 2020;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jressqu għarfien u rapporti bbażati fuq l-evidenza dwar is-sitwazzjoni soċjali taż-żgħażagħ u l-kundizzjonijiet ta' għajxien tagħhom u jfasslu pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u jimplimentawhom b'mod konsistenti;

5.  Jenfasizza li, sa mit-tfulija, għandha tingħata attenzjoni speċjali lil gruppi vulnerabbli f'riskju għoli ta' esklużjoni soċjali inklużi persuni li mhux qed isegwu xi programm ta' edukazzjoni jew taħriġ jew li huma qiegħda (NEETs), u żgħażagħ żvantaġġati billi jiġu provduti opportunitajiet ta' impjieg reali u tanġibbli u billi jiġu inkoraġġiti jipparteċipaw b'mod attiv fis-soċjetà;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa tal-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-iskola; jenfasizza li mingħajr azzjoni integrata maġġuri l-objettiv Ewropa 2020 ta' tnaqqis tar-rati ta' tluq bikri mill-iskola mhux se jintlaħaq; jistieden lill-atturi kollha biex jiżguraw tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għall-impjieg permezz ta' djalogu fost l-individwi kkonċernati, is-settur edukattiv, is-servizzi tal-impjiegi u s-servizzi soċjali u tal-familja, permezz ta' rabtiet aħjar bejn it-taħriġ inizjali u dak vokazzjonali ulterjuri sabiex jiġi mħeġġeġ taħriġ adegwat immirat għall-ħtiġijiet tal-programmi ta' reintegrazzjoni tas-suq tax-xogħol li joffri t-tieni opportunità, u permezz tal-introduzzjoni ta' sistema edukattiva mħallta;

7.  Jidentifika t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol bħala mument partikolarment importanti għaż-żgħażagħ, minħabba li l-bidu tal-karrieri tagħhom għandu impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp futur tagħhom; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti li l-iżvilupp fit-tfulija jista' jkollu biex iwaqqaf iċ-ċiklu vizzjuż interġenerazzjonali tal-iżvilupp uman fjakk tat-tfal żvantaġġati; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-provvista ta' servizzi ta' konsulenza u gwida fi stadju bikri sabiex tittejjeb il-kapaċità taż-żgħażagħ li jieħdu deċiżjonijiet infurmati kif xieraq dwar il-karriera futura tagħhom, b'hekk issir aktar faċli għaż-żgħażagħ li jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa u jsibu impjieg relevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jenfasizza l-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi ħodor fl-ekonomija, fil-kura tas-saħħa, fis-servizzi soċjali u fl-ICT;

8.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-iskemi tat-taħriġ – b'mod partikolari bħala parti mill-kwalifika tat-taħriġ jew ta' kors universitarju – biex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jakkwistaw taħriġ u esperjenza; jenfasizza li għandhom ikunu rispettati s-salvagwardji għaż-żgħażagħ u li l-Kummissjoni għandha tipproponi definizzjoni ta' skemi ta' taħriġ ta' kwalità għolja li jinkludu kriterji relatati mal-protezzjoni soċjali, kumpens xieraq, kundizzjonijiet tax-xogħol (b'rispett lejn l-approċċi nazzjonali) u standards tas-saħħa u tas-sikurezza xierqa, irrispettivament mit-tul tal-iskema ta' taħriġ;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Qafas ta' Kwalità għall-Iskemi ta' Taħriġ u l-Alleanza għall-Apprendistati, bl-għan li jiġu promossi skemi ta' taħriġ ta' kwalità għolja fl-UE kollha għall-istudenti u ż-żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod urġenti l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u biex ivaraw immedjatament il-proġetti tagħhom sabiex jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ, filwaqt li jutilizzaw is-EUR 6 biljun disponibbli bħala fondi tal-UE għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u jallokaw biżżejjed riżorsi proprji biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tagħti sostenn lill-Istati Membri li qed jimplimentaw l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, filwaqt li jfakkar fir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR);

10. Jenfasizza li s-suċċess tal-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ jiddependi ħafna fuq politiki pubbliċi oħra fis-seħħ – inklużi politiki attivi u inklużivi tas-suq tax-xogħol – li jiżguraw li s-servizzi tal-impjiegi jkollhom l-infrastruttura meħtieġa u l-kapaċità li jipprovdu servizzi personalizzati mfassla apposta għaż-żgħażagħ; jirrimarka li l-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ li tiffunzjona b'suċċess hija wkoll dipendenti fuq l-isforzi ta' min iħaddem u fuq l-inklużjoni tas-sħab soċjali u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

11. Jenfasizza li l-mobbiltà volontarja taż-żgħażagħ għandha tissaħħaħ – inkluż permezz tal-portal tal-impjieg EURES u tal-programmi Tagħlim tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni –sabiex jitjiebu l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim reċiproku u li l-provvista tkun taqbel aktar mad-domanda tax-xogħol;

12. Jenfasizza li l-fondi Ewropej jistgħu jservu ta' kumpliment importanti għal investimenti meħtieġa mill-baġits nazzjonali, speċjalment f'dawk l-Istati Membri u reġjuni l-aktar affettwati mill-kriżi u li qed jiffaċċjaw rata partikolarment għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) meta jkunu qed jimplimentaw l-Istrateġija għaż-Żgħażagħ, filwaqt li jfakkar li l-FSE jagħti attenzjoni lill-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u l-appoġġ għal impjiegi sostenibbli; hu tal-fehma li l-FSE għandu għalhekk jiġi allokat għall-inqas 25 % tar-riżorsi finanzjarji maħsuba għall-politika ta' koeżjoni; jenfasizza li r-riżorsi u l-fondi użati favur l-impjieg taż-żgħażagħ għandhom jitqiesu mhux bħala spiża fuq perjodu twil ta' żmien, imma bħala investiment ewlieni fit-tul u kontinwu li jimmassimizza l-potenzjal taż-żgħażagħ kemm fis-suq tax-xogħol kif ukoll fis-soċjetà kollha kemm hi; jenfasizza li hemm argument soċjali, demokratiku u ekonomiku b'saħħtu għal tali investiment u jindika 'r-redditu' għoli miksub mill-investiment fit-taħriġ u fil-ħiliet;

13. Jenfasizza li implimentazzjoni b'suċċess tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ teħtieġ involviment kontinwu, konsistenti u kkoordinat tal-partijiet interessati kollha relevanti, partikolarment is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u rappreżentanti ta' kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw jekk eżempji tal-aħjar prattiki minn Stati Membri oħra japplikawx għas-swieq tax-xogħol tagħhom stess; jemmen li d-Djalogu Strutturat huwa mod siewi ta' kif iż-żgħażagħ jistgħu jiġu involuti fil-proċess deċiżjonali u kif tista' tissaħħaħ is-sjieda tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jħaddnu l-użu ta' dan il-forum matul iċ-ċiklu li jmiss tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

30.5.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Heinz K. Becker, Jean-Luc Bennahmias, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Minodora Cliveti, Marije Cornelissen, Frédéric Daerden, Sari Essayah, Richard Falbr, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Verónica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Csaba Őry, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Nicole Sinclaire, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Malika Benarab-Attou, Iliana Malinova Iotova, Svetoslav Hristov Malinov, Ria Oomen-Ruijten, Antigoni Papadopoulou

  • [1]  Eurofound (2012), ‘NEETs – Żgħażagħ li mhumiex f'impjieg, f'edukazzjoni jew taħriġ: karatteristiċi, spejjeż u rispons għall-politika fl-Ewropa', Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (3.6.2013)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2010-2012
(2013/2073(INI))

Rapporteur: Martina Anderson

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jitlob lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora dawn is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jagħmel enfasi fuq l-importanza tal-koeżjoni soċjoekonomika u territorjali tal-Unjoni Ewropea, kif hemm speċifikat fl-Artikolu 174 TFUE, fil-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija taż-Żagħżagħ tal-UE, jiġifieri l-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet ugwali għaż-żgħażagħ kollha bil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u s-solidarjetà għaż-żgħażagħ kollha, billi jitnaqqas ir-riskju tal-faqar u jikber il-proporzjon tal-popolazzjoni fl-impjieg, fil-kuntest tal-miżuri li għaddejin bħalissa għat-tnaqqis tad-dejn, iż-żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ, u l-livelli diverġenti ta' ksib u taħriġ edukattivi;

2.  Jemmen li l-ewwel prijorità tal-UE għandha tkun il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa; jinsab imħasseb dwar il-livell allarmanti ta’ żgħażagħ li la għandhom edukazzjoni u lanqas xogħol; jemmen li jekk l-UE ma tistax tindirizza kif suppost din l-isfida, in-nuqqas ta’ prospetti għaż-żgħażagħ se jċajpru l-fiduċja fil-proġett Ewropew;

3.  Jissottolinja l-importanza tal-investiment strateġiku tal-finanzjament strutturali tal-UE fl-iżvilupp reġjonali, fil-kompetittività u fil-ħolqien tal-apprendistati ta’ kwalità għolja, l-istages u l-impjiegi sostenibbli u durevoli, li jagħtu liż-żgħażagħ l-usa’ opportunitajiet possibbli għall-impjiegi li jkunu jirrispettaw jeddijiet l-impjegat f’kull Stat Membru, ħalli l-prekarjetà u r-riskju tal-faqar jitnaqqsu b’mod sinifikattiv; jissottolinja barra minn hekk l-importanza tad-diversifikazzjoni ekonomika f’setturi ta’ valur għoli miżjud, fejn ikun xieraq, u l-ħtieġa ta’ enfasi fuq iz-żoni rurali u żvantaġġati;

4.  Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-każijiet ta’ tlaqqigħ ġeografiku ħażin bejn il-provvista tal-impjiegi u d-domanda għalihom kemm fi ħdan l-Istati Membri u kemm bejniethom, b’mod partikolari permezz tal-bidliet għall-Portal Ewropew tal-Mobilità fl-Impjiegi (EURES), bil-għan li jittejbu l-opportunitajiet ta’ impjiegi għaż-żgħażagħ;

5.  Jemmen li l-interventi bikrija u l-politiki proattivi dwar is-suq tax-xogħol jirrappreżentaw ċaqliqa mit-trattament tas-sintomi taċ-ċħid multiġenerazzjonali lejn l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji kmieni fil-ħajja biex jiġi pprevenut il-qgħad u tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni; jiġbed attenzjoni speċjali għal dawk li l-aktar huma emarġinati u li jinsabu fl-ogħla riskju li jsibu ruħhom qiegħda;

6.  Jipproponi li l-aktar triq effikaċi għall-progress hi l-iżvilupp ta’ qafas li jorbot espliċitament l-eżiti mal-progress fl-implementazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Jeddijiet tat-Tfal (UNCRC), billi jingħata appoġġ lill-fehma li l-politika taż-żgħażagħ jeħtieġ li tkun robusta miżurabbli;

7.  Jinnota li flimkien mal-istrateġiji tal-UE dwar l-impjiegi, l-ibliet u r-reġjuni iwettqu rwol importanti fl-ivvalutar tas-swieq lokali tax-xogħol, fl-antiċipazzjoni ta’ ħtiġiethom, u fit-tfassil ta’ programmi apposta għaż-żagħżagħ, u jagħmel enfasi fuq l-importanza taż-żgħażagħ fil-komunitajiet tagħhom, inklużi r-reġjuni li huma gżira u li huma fuq barra tat-territorju tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jinkoraġġixxu ċ-ċittadinanza attiva u jiżguraw li r-rappreżentanti taż-żgħażagħ jew tal-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ jipparteċipaw fl-inizjattivi differenti proposti mill-UE;

8.  Jenfasizza li l-programmi tal-UE u speċjalment il-fondi strutturali u dawk ta’ koeżjoni huma l-istrumenti l-aktar effiċjenti għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda u biex jingħata appoġġ lill-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ;

9.  Iqis li hu ta’ dispjaċir li d-dikjarazzjonijiet kbar li saru mill-Kunsill Ewropew rigward impenji għaż-żgħażagħ mhumiex riflessi f’impenji finanzjarji ekwivalenti; jinnota li parti kbira mill-“Pakkett tat-Tkabbir” imħabbar fl-2012 ikkonsistew prinċipalment riallokazzjoni parzjali ta’ fondi strutturali li kienu diġà mwiegħda u sar impenn dwarhom;

10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli li jeżistu biex il-perjodi ta’ prattika, l-apprendistati u l-esperjenzi tax-xogħol għall-istudenti u l-gradwati jsiru b’mod transkonfinali sabiex isir tlaqqigħ aħjar tal-provvista tal-opportunitajiet ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ ibbażat fuq ix-xogħol mad-domanda għal tali opportunitajiet, u b’hekk tittejjeb il-mobilità u l-impjegabilità, b’mod partikolari fir-reġjuni ta’ mal-fruntieri;

11. Iqis li h ta’ dispjaċir l-ambivalenza li wera l-Kunsill, li qed jitkellem favur riżorsi addizzjonali għaż-żgħażagħ imma jtawwal fin-negozjati fuq il-pagamenti b’rabta mal-baġit li jemenda għall-2013, u b’hekk jhedded il-pagamenti tal-boroż ta’ studju Erasmus; jistieden lill-Kunsill jadotta approċċ aktar kostruttiv billi jieqaf milli jkompli jkabbar id-distakk li hemm bejn l-approprjazzjonijiet ta’ pagament u l-approprjazzjonijiet ta’ impenn f’kull baġit annwali;

12. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmobilizzaw il-fondi kollha disponibbli, b’mod partikolari fil-qafas tal-fondi strutturali, għal programm massiċċ li jistimola l-investimenti għall-impjiegi u t-taħriġ bil-għan li tiġi miġġielda r-rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, inkluż l-inkoraġġiment tal-iżvilupp tan-negozju għaż-żgħażagħ permezz tal-intraprenditorija; jilqa’ l-Inizjattiva tal-Impjiegi għaż-Żgħażagħ u jħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni kkonċernati jagħmlu użu sħiħ mill-flejjes mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-allokazzjoni speċjali;

13. Iqis li r-rata għolja ta’ qgħad f’ċerti Stati Membri setgħet ġiet evitata permezz ta’ strateġiji nazzjonali u reġjonali intensivi mmirati li jħeġġu lill-kumpaniji jimpjegaw ħaddiema żgħażagħ;

14. Jipproponi li l-Garanzija għaż-Żagħżagħ tkun iffinanzjata b’mod adegwat b’użu aħjar tal-FSE;

15. Jenfasizza li għandu jingħata appoġġ akbar lill-iżvilupp tal-ispirtu imprenditorjali fost iż-żgħażagħ permezz tal-aċċess għall-fondi tal-UE u għall-għoti ta’ pariri dwar in-negozju;

16. Iqis li għandhom jiġu mfassla programmi ġodda bil-ħsieb li jipprovdu liż-żgħażagħ edukazzjoni teknoloġika ta’ kwalità għolja u li jippromwovu opportunitajiet għalihom biex jispeċjalizzaw jew biex jaħdmu fi Stat Membru ieħor;

17. Jagħraf li l-impriżi soċjali jistgħu jwettqu rwol importanti fil-promozzjoni ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja, filwaqt li jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, billi jinvestu fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-Ewropej żgħażagħ.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

30.5.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Jean-Jacob Bicep, John Bufton, Nikos Chrysogelos, Francesco De Angelis, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Vincenzo Iovine, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva Kekuš, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Ana Miranda, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Georgios Stavrakakis, Csanád Szegedi, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson, Vasilica Viorica Dăncilă, Karin Kadenbach, Lena Kolarska-Bobińska, Elisabeth Schroedter, Patrice Tirolien, Evžen Tošenovský, Manfred Weber, Iuliu Winkler

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Albert Deß, Takis Hadjigeorgiou, Katarína Neveďalová

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.6.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zoltán Bagó, Lothar Bisky, Piotr Borys, Jean-Marie Cavada, Silvia Costa, Santiago Fisas Ayxela, Lorenzo Fontana, Mary Honeyball, Petra Kammerevert, Emma McClarkin, Marek Henryk Migalski, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Monika Panayotova, Gianni Pittella, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marco Scurria, Hannu Takkula, László Tőkés, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Milan Zver

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Liam Aylward, Ivo Belet, Nadja Hirsch, Iosif Matula, Georgios Papanikolaou, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Vasilica Viorica Dăncilă