RAPPORT dwar il-promozzjoni ta' strateġija Ewropea għat-trasport u t-teknoloġija għall-mobilità Ewropea sostenibbli tal-ġejjieni

6.8.2013 - (2012/2298(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Michael Cramer

Proċedura : 2012/2298(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0241/2013
Testi mressqa :
A7-0241/2013
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-promozzjoni ta' strateġija Ewropea għat-trasport u t-teknoloġija għall-mobilità Ewropea sostenibbli tal-ġejjieni

(2012/2298(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Riċerka u innovazzjoni b'appoġġ għall-poltika tat-trasport – Żvilupp ta’ strateġija Ewropea għat-trasport u t-teknoloġija’ (COM(2012)0501),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020’ (COM(2011)0808),

–   wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-2011 bit-titolu ‘Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti’(COM(2011)0144),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-8 ta' Lulju 2011 dwar is-sikurezza fit-toroq 2011-2020[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0241/2013),

A. billi l-Kummissjoni identifikat in-nuqqasijiet tas-sistema tal-innovazzjoni tat-trasport Ewropea;

B.  billi l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tat-trasport ifissru wkoll investiment fl-ekonomija u l-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol, u għaldaqstant jista’ jkollhom impatt triplu;

C. billi l-innovazzjoni hi essenzjali biex tinħoloq sistema tat-trasport aktar smart, aktar sikura u aktar intelliġenti għall-pubbliku, biex jiġu ffaċċati l-isfidi ambjentali li qed iħabbat wiċċu magħhom is-settur tat-trasport u biex tinkiseb ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

D. billi fl-istrateġija Ewropa 2020 il-miri relatati mat-tibdil fil-klima u mal-enerġija huma marbuta mill-qrib mal-innovazzjoni fit-trasport: 20 % inqas emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra b'paragun mal-1990, 20 % tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u żieda ta’ 20 % fl-effiċjenza enerġetika, kif ukoll il-miri ta’ 50 % inqas imwiet mill-inċidenti tat-traffiku b’paragun mal-2001;

E.  billi se jkun hemm bżonn ta’ bidla reali fl-attitudnijiet tal-utenti, u fl-istandards li dawn jitolbu, biex għadd kbir ta’ negozji u fornituri ta’ servizzi jiġi konvinti jibdlu l-paradigmi tagħhom u biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet ta’ innovazzjoni offruti mill-konverġenza kreattiva u l-ħsibijiet atipiċi deskritti fil-punt 5.3 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2012)0501);

F.  billi l-inizjattivi msemmija fil-White Paper dwar it-trasport huma milqugħa pożittivament, b’mod partikolari dawk imsemmija fit-taqsima 3.2 (bit-titlu ‘L-innovazzjoni għall-ġejjieni – it-teknoloġija u l-imġiba’), flimkien mal-inizjattivi 7 (‘Trasport multimodali ta’ merkanzija: e-freight’) u 22 (‘Mobilità konsistenti 'bieb bieb’);

G. billi l-istrateġija Ewropea għandha tiżgura ekwilibriju bejn l-isforzi għat-tnaqqis tal-impronta ambjentali tat-trasport u sforzi biex tkun żgurata l-libertà ta’ ċirkolazzjoni fl-Unjoni Ewropea, biex naslu għall-kisba ta’ żona unika Ewropea tat-trasport li tkun intermodali, interkonnessa, integrata u effikaċi fl-użu tar-riżorsi;

H. billi fis-sena 2012 inqatlu iktar minn 31 000 persuna u ndarbu ’l fuq minn 1 500 000 persuna, uħud minn serjament, f’inċidenti tat-traffiku fl-Unjoni Ewropea;

I.   billi diġà jeżistu teknoloġiji li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi ta’ “Żona Ewropea ta’ Trasport Sikur”, iżda dawn għadhom ma tqegħdux fis-suq;

Il-prinċipji ġenerali

1.  Jenfasizza li strateġija Ewropea tat-teknoloġija tat-trasport għall-mobilità sostenibbli ġejjiena tal-Ewropa għandha tippromwovi l-ewwel u qabel kollox il-kwalità tas-servizz, il-kumdità tal-passiġġieri u l-impriżi, u l-mobilità sostenibbli, u li din għandha tkun ibbażata fuq il-miri u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jirrigwardaw it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, fl-istorbju tat-traffiku, fl-elementi li jniġġsu l-arja, fil-materji primi u fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra sal-2020, l-2030 u l-2050, kif ukoll it-titjib tas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja, it-titjib fil-kwalità tas-servizzi, il-provvediment ta’ soluzzjonijiet dejjem aktar speċifiċi u mmirati aktar mill-qrib lejn il-ħtiġijiet tal-utenti, u t-titjib tas-sikurezza u s-sigurtà;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill, fid-dawl tal-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-ekonomija Ewropea kollha, jirrikonoxxu l-importanza tal-inizjattiva Orizzont 2020 u jiggarantixxu finanzjament adegwat għaliha;

3.  Jikkonferma l-objettiv tal-Kummissjoni għal allinjament aħjar tar-riċerka u l-innovazzjoni fit-trasport mal-għanijiet u l-pjanijiet direzzjonali tal-politika tat-trasport Ewropea għal kull qasam, iżda jemmen li l-approċċ propost fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni jeħtieġ jiġi aġġustat skont il-prijoritajiet definiti hawn taħt;

4.  Jemmen li strateġija Ewropea tajba fil-qasam tat-teknoloġiji tat-trasport għandha tkopri r-reġjuni kollha tal-UE biex tiżgura ċ-ċirkolazzjoni effiċjenti tal-persuni u l-merkanzija, u l-ħolqien ta’ suq uniku Ewropew ta’ veru;

5.  Jemmen li użu aktar effiċjenti, koerenti u mmirat tar-riċerka u l-iżvilupp fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politika tat-trasport huwa kruċjali għal rispons għar-realtajiet ġodda, b’separazzjoni mill-modi tal-ħsieb konvenzjonali u b’enfasi fuq ideat innovattivi, u għaldaqstant biex l-utenti jingħataw soluzzjonijiet innovattivi tat-trasport li jwieġbu għall-ħtiġijiet u jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ disponibilità, profitabilità, kredibilità, kwalità u kontinwità;

6.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex toħloq qafas favorevoli għar-riċerka u l-innovazzjoni billi tistabbilixxi sistemi ta’ pprezzar ġusti, effiċjenti u innovattivi għall-modi kollha ta’ mobilità u trasport, partikolarment permezz tal-internalizzazzjoni tal-kostijiet esterni, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-prinċipji ta’ “min iniġġes iħallas” u ta’ “l-utent iħallas”;

7.  Jinnota s-siwi tas-Sistema ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fit-Trasport (TRIMIS) proposta mill-Kummissjoni u jsostni li din għandha tinkorpora fiha l-perspettiva tal-utent, għax dan joffri mezz ideali biex jiġu identifikati l-ostakli għall-innovazzjoni maħluqa minħabba l-abitudini, biex jiġu identifikati l-opportunitajiet u biex jiġi mħeġġeġ it-tixrid ta’ possibilitajiet ta’ servizz ġodda biex jiffavorixxu u jippromwovu tibdil fl-attitudnijiet soċjali lejn it-trasport sostenibbli;

8.  Jisħaq li l-imblokk teknoloġiku jostakola t-twettiq tal-potenzjal kollha ta’ innovazzjoni fit-trasport, u jista’ jistakola l-iżvilupp ta’ ideat ġodda u innovattivi; iqis, għaldaqstant, li l-politiki tal-Unjoni għandhom ikunu teknomoloġikament newtrali fir-rigward ta’ teknoloġiji alternattivi għat-trasport(‘newtralità tat-teknoloġija’), filwaqt li d-deċiżjonijiet dwar prijoritajiet u finanzjament għandhom isiru abbażi tar-riżultati tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tat-teknoloġiċi użati f’oqsma speċifiċi tat-trasport, u li l-isforzi fir-rigward tal-armonizzazzjoni ma jridux ikunu ta’ ostaklu għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi u alternattivi fil-qasam tat-trasport, għad-diversità tat-taħlita ta’ enerġija u għat-tħejjija għall-użu ta’ teknoloġiji tal-komunikazzjoni smart;

9.  Jenfasizza li biex in-negozji u l-korpi pubbliċi jiġu megħjuna jassorbu soluzzjonijiet ġodda u teknoloġiji innovattivi, jeħtieġ ikun hemm aktar effiċjenza fil-katina tal-innovazzjoni, kif ukoll aktar investiment f’miżuri bħal inċentivi ekonomiċi biex jiġu megħluba l-ostakoli għat-tħejjija għall-użu u għat-tpoġġija fis-suq (‘impenji taċ-ċiklu sħiħ’); iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni biex taġixxi fuq l-idea tagħha li biex jiġi żviluppat il-potenzjal innovattiv sħiħ tas-settur tat-trasport u biex jiġu appoġġjati l-impriżi innovattivi, is-sussidji għandhom jintużaw ukoll biex jgħinu l-introduzzjoni, id-dimostrazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa ta’ soluzzjonijiet ġodda fis-suq, u li strumenti xierqa ta’ ġestjoni u ffinanzjar jistgħu jiggarantixxu l-implimentazzjoni b’ħeffa tar-riżultati tar-riċerka;

10. Jemmen li r-reġjuni Ewropej kollha, u l-forzi ta' ħidma rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu vantaġġ minn tali strateġija, u jenfasizza l-bżonn li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet u l-potenzjal reġjonali, speċjalment meta jiġu żviluppati mezzi ta' trasport iktar nadif; jistieden lill-awtoritajiet f’livelli sussidjarji biex joħolqu, flimkien mal-partijiet konċernati, sħubiji għall-innovazzjoni fil-qasam tal-mobilità sostenibbli;

11. Jitlob biex ikun hemm aktar għall-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), b’mod partikolari permezz ta’ aċċess aktar faċli għall-fondi tal-UE u ta’ tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, u jenfasizza l-importanza tal-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli permezz tar-riċerka u l-iżvilupp;

12. Isostni li l-investimenti taħt il-Fondi Strutturali tal-UE u l-fondi ta' investiment jistgħu jkunu ta' għajnuna biex ikabbru l-prospetti fir-reġjuni Ewropej biex tiġi żviluppata speċjalizzazzjoni smart fil-qasam tal-mobilità sostenibbli;

13. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali biex ifasslu strateġiji fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni msejsa fuq il-kunċett ta’ speċjalizzazzjoni smart, bl-għan li jkun hemm użu aktar effikaċi tal-fondi strutturali u li jissaħħu s-sinerġiji bejn l-investiment tas-settur pubbliku u dak privat;

14. Ifakkar, f'dan ir-rigward, li għandha titfassal strateġija għal teknoloġija innovattiva maħsuba fuq il-bażi tal-karatteristiċi tat-territorji konċernati u tal-fatturi li jiddistingwuhom. Dan ifisser li l-approċċ ta' soluzzjoni waħda li tapplika għal kulħadd b'mod ugwali mhix biżżejjed; iqis, pereżempju, li r-reġjuni b’limitazzjonijiet territorjali speċifiċi, bħall-ġżejjer u r-reġjuni muntanjużii, ultraperiferiċi u dawk b'densità ta’ popolazzjoni baxxa, għandhom tipi speċifiċi ta' potenzjal ekonomiku u potenzjal ieħor li, biex jiġu sfruttat bis-sħiħ, jirrikjedi soluzzjonijiet tal-mobilità xierqa u innovattivi; jiindika, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġu allokati riżorsi adegwati għall-infrastruttura tat-trasport sostenibbli;

15. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu simplifikati aktar il-proċeduri amministrattivi għall-għoti tal-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali, lokali u dak transkonfinali, sabiex jiġi stabbilit qafas legali ċar u trasparenti;

16. Jenfasizza li l-isforzi biex jonqos l-għadd ta’ persuni maqtula jew midruba fit-toroq ma għandhomx jiġu ttraskurati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis u timplimenta dawl il-proposti għat-titjib fis-sikurezza tat-toroq li l-Parlament adottata b’maġġoranza kbira;

17. Huwa tal-fehma li bidla fit-teknoloġija tat-trasport hija ħaġa tajba u importanti; jenfasizza, madankollu, li din il-bidla trid isseħħ mhux permezz ta’ projbizzjonijiet iżda permezz ta’ inċentivi biex jintużaw it-teknoloġiji ġodda b’użu baxx tar-riżorsi;

18. Jenfasizza li ma għandux ikun hemm projbizzjonijiet għall-pjanijiet soluzzjonijiet tat-trasport ġodda u innovattivi jew għall-introduzzjoni ta’ proċeduri li diġà taw prova tal-effikaċja tagħhom f’kombinazzjonijiet ġodda;

Miżuri ġenerali

19. Jemmen li r-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-mobilità sostenibbli għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju tal-integrazzjoni, b’mod partikolari billi jiġi trattat in-nuqqas ta’ konnessjonijiet transkonfinali (interkonnessjonijiet), billi tiżdied il-kompatibilità bejn u fi ħdan is-sistemi (interoperabbiltà) kif ukoll permezz tal-objettivi li jkun hemm bidla fid-direzzjoni lejn taħlita tal-aktar mezz tat-trasport xieraq u sostenibbli għal rotta partikolari (inter- u ko-modalità);

20. Ifakkar fil-bżonn li l-UE tiżviluppa politika komuni tat-trasport ġenwina, filwaqt li tiżgura r-relevanza tat-trasport adegwati fi ħdan ir-reġjuni Ewropej u bejniethom u l-koerenza tiegħu fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew; jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni jiżguraw li t-taħlita ta’ mezzi tat-trasport tiżgura enfasi ikbar fuq mobilità ġenwinament sostenibbli;

21. Jenfasizza li din l-istrateġija trid tkun ibbażata fuq mudell integrattiv li fih il-konnessjonijiet interreġjonali u dawk transkonfinali neqsin jingħataw l-ikbar importanza, anke fir-reġjuni frammentati ġeografikament, u li s-soluzzjonijiet innovattivi għat-trasport multimodali jistgħu jnaqqsu d-disparitajiet reġjonali, jistimulaw il-mobilità tax-xogħol u jtejbu l-koeżjoni territorjali; hu konxju tal-fatt li bħalissa hemm differenzi konsiderevoli bejn ir-reġjuni fir-rigward tan-netwerks ta' trasport, u jiġbed l-attenzjoni fuq il-ħtieġa li jsir investiment fit-teknoloġiji u soluzzjonijiet tat-trasport sostenibbli fir-reġjuni bi żvantaġġi speċifiċi, filwaqt li jitqies ukoll il-potenzjal tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

22. Jisħaq li r-riċerka u l-innovazzjoni għandha tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ elementi ta’ infrastruttura sostenibbli li jappoġġaw it-trasport ta’ prodotti primarji rinnovabbli bħall-injam jew materjal imħallat bħall-komponenti tal-infrastruttura tal-ferroviji (pereżempji arbli għal sistemi katernarji u s-sinjalizzazzjoni, mataterjali tal-bini għall-pjattaformi u l-pontijiet); jindika li dan jinkludi wkoll l-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp ta’ sustanza ta’ mili (impregnation) għat-travi tal-injam (sleepers) li tista’ sservi bħala alternattiva għall-kreożot, li skont il-leġiżlazzjoni tal-UE se jiġi abolit fl-2018 ;

23. Jenfasizza l-fatt li approċċi ġodda għall-mobilità ma jistgħux jiġu imposti u li biex tiġi promossa mġiba aktar sostenibbli huma meħtieġa sforzi akbar tar-riċerka fl-oqsma tal-għarfien ekosoċjali u l-ippjanar urban u spazjali, u f’teknoloġiji fl-oqsma tad-domanda tal-mobilità u bidla fl-imġiba bl-għan li jkunu kontrollati aħjar il-flussi tat-trasport, permezz ta’, fost l-oħrajn, strumenti innovattivi tal-ġestjoni tal-mobilità, ktajjen tal-mobilità mingħajr intoppi mill-punt tat-tluq sal-wasla fid-destinazzjoni li jissodisfaw i-rrekwiżiti tal-utenti, sistemi tas-sewqan ekoloġiċi u intelliġenti, u l-użu ta’ teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni b’informazzjoni fil-ħin reali;

24. Huwa tal-fehma li huwa indispensabbli li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti fil-governanza tal-politika ta’ innovazzjoni Ewropea fil-qasam tat-trasport u l-mobilità; jinnota li tali awtoritajiet pubbliċi jistgħu jużaw l-esperjenza u l-għarfien espert tagħhom kemm fl-integrazzjoni tat-teknoloġiji, l-infrastruttura, il-vetturi u l-passiġġieri u fit-trawwim ta’ abitudnijiet soċjali ġodda għal dak li jirrigwarda l-mobilità; jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jidentifikaw, u għandhom il-kompitu li jiġġestixxu, l-aktar problemi akuti tal-mobilità, li huma kontinwament jittestjaw u jinawguraw prattiki tajba u ideat innovattivi, u li, minħabba l-varjetà ta’ sitwazzjonijiet li jkollhom jikkonfrontaw, huma partikolarment familjari mal-innovazzjoni;

25. Jenfasizza l-ħtieġa għal riċerka dwar kompetizzjoni ġusta intramodali u intermodali fis-settur tat-trasport, u dwar l-ostakli li jinħolqu minħabba l-interessi marbuta mal-mudelli tan-negozju attwali, fosthom, b’mod partikolari, riċerka dwar l-għodod teknoloġiċi meħtieġa biex jitjieb l-infurzar konsistenti u effettiv, kif ukoll il-kontrolli, tar-regoli dwar l-kabotaġġ, il-kundizzjonijiet soċjali fit-trasport bit-toroq u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni impjegati fis-settur;

26. Jenfasizza l-fatt li soluzzjonijiet innovattivi biex jonqsu l-ħsejjes fil-modi kollha tat-trasport, b'mod partikolari fis-sors, huma meħtieġa urġentement biex tiġi protetta s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-UE u tiġi żgurata l-aċċettazzjoni fost il-popolazzjoni; ifakkar b’enfasi, f’dan ir-rigward, ir-riżoluzzjoni tiegħu dwar Żona Unika Ewropea tat-Trasport, li talbet li jkun hemm tnaqqis, sal-2020, ta’ 20 % tal-ħsejjes u l-vibrazzjonijiet mill- vetturi ferrovjarji u tal-konsum tal-enerġija tagħhom meta mqabbla mal-valuri ta’ referenza għall-2010, u jenfasizza għal darba oħra li l-emissjonijiet ta’ ħsejjes għandhom sa mill-bidu nett jingħataw rwol importanti fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, strateġiji u infrastrutturi fil-qasam tat-trasport;

27. Jinsab konvint li teknoloġiji innovattivi li jindirizzaw l-interazzjoni bejn l-infrastruttura u l-vetturi jista’ jkollhom rwol sinifikanti biex jonqsu l-inċidenti, l-istorbju u l-vibrazzjonijiet, il-konsum tal-enerġija, l-emissjonijiet ta’ gassijiet u l-impatt klimatiku;

28. Jikkonferma li l-isforzi għall-kisba ta’ enerġija iktar nadifa għat-teknoloġiji tat-trasport u l-mobilità għandhom ikunu marbuta ma’ kunċetti aktar effiċjenti u ma’ tfassil aħjar tal-vetturi; jenfasizza l-potenzjal ta’ tfaddil enerġetiku innovattiv permezz tal-użu ta’ ideat innovattivi, bħala miżuri tal-ġbir tal-enerġija li jisfruttaw l-opportunitajiet li joffru l-enerġiji rinnovabbli u l-użu ta’ fjuwils alternattivi;

29. Jenfasizza l-ħtieġa li naħsbu mhux biss dwar il-bini ta’ infrastruttura ġdida tat-trasport iżda wkoll li fl-istrateġiji tar-riċerka u l-iżvilupp jitqiesu espliċitament l-aspetti tat-tiswija, il-manutenzjoni u r-rivalutazzjoni (pereżempju billi tiġi mgħammra b’komponenti għall-ġestjoni intelliġenti tat-traffiku u teknoloġija “car to infrastructure”);

30. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvestu fir-riċerka dwar Sistemi Intelliġenti tat-Trasport (ITS) u jaraw li din ir-riċerka titwettaq, biex b’hekk jikkontribwixxu biex tonqos il-konġestjoni tat-traffiku, tiżdied l-ekoeffiċjenza Ewropea tat-trasport u jitjiebu l-istandards tas-sikurezza;

31. Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-armonizzazzjoni tal-containers u ta’ kontenituri oħra tat-trasport, u d-dimensjonijiet tal-vetturi fil-mezzi kollha tat-trasport, biex ikun promoss l-objettiv tal-interoperabilità u l-intermodalità;

32. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri manwal bi prattiki li taw prova ta’ suċċess biex jinżammu l-valuri ta’ limitu previsti fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja;

Miżuri speċifiċi

33. Jirrikonoxxi l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-mobilità individwali u jenfasizza li l-imġiba tal-utenti tat-trasport hija deċiżiva; jitlob li jitfasslu inċentivi biex jintgħażlu mezzi tat-trasport u l-mobilità sostenibbli, fiżikament attivi, sikuri u sani, biex jiġu żviluppati approċċi innovattivi li jippromwovu t-trasport pubbliku li jiffavorixxi l-ambjent, il-mixi u l-użu tar-roti, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet ta’ żoni urbani, peri-urbani, interurbani u dawk rurali; iqis li huwa importanti li titjieb l-interoperabilità bejn is-servizzi tat-trasport, u jemmen li l-awtoritajiet ta’ approvazzjoni se jkollhom ikunu partikolarment attenti fir-rigward ta’ kwalunkwe problema teknika u amministrattiva li tista’ tinqala’, u li jitrattawha b'urġenza, sabiex ikunu jistgħu jiġu introdotti fis-suq mezzi tat-trasport ġodda bil-karatteristiċi msemmija hawn fuq;

34. Jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu eżempju ta’ prattika tajba fis-servizzi tal-ġestjoni tal-mobilità tagħhom stess, u li jiġġestixxu l-isforz meħtieġ u l-frott tiegħu b’mod trasparenti, filwaqt li dan isir karatteristika li jintgħarfu minnha;

35. Jenfasizza l-bżonn li jiġu promossi prattiki li jkollhom suċċess fil-qasam tat-trasport sostenibbli u li jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' prattiki tajbin bejn ir-reġjuni b'potenzjali simili ta' żvilupp; jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali ikomplu jibnu fuq l-eżempji ta’ prattiki tajbin billi jiżviluppaw pjanijiet ta’ mobilità urbana sostenibbli b’konsultazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili;

36. Jemmen li sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita Ewropej bħall-Galileo għandhom ikunu pilastru ewlieni għall-iżvilupp ta' trasport intelliġenti u effiċjenti fl-Ewropa;

37. Jappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni li tista’ tikkontribwixxi għal bidla minn sjieda ta' vetturi għal imġiba mhux konvenzjonali tal-utenti u forom ġodda ta’ servizzi relatati mat-trasport, bħall-użu kondiviż tal-karozzi u tar-rot; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-promozzjoni tagħha ta’ forom kollettivi ta’ mobilità individwali u ta’ sistemi individwalizzati tat-trasport pubbliku u kollettiv;

38. Iħeġġeġ biex, bl-istess mod, ir-riċerka tiġi estiża għall-isfera fiskali u amministrattiva sabiex titwitta t-triq għal inċentivi kreattivi f’termini ta’ taxxi, miżati u tariffi pubbliċi, immirati kemm lejn individwi privati kif ukoll lejn il-manifatturi jew fornituri ta’ prodotti, servizzi, u/jew kontenut, bil-ħsieb li jiġu inkuraġġiti l-użu tar-roti u l-mixi, fejn possibbli kkombinati mat-trasport pubbliku u forom oħra ta’ mobilità sostenibbli;

39. Jenfasizza għal darb’oħra l-ħtieġa ta’ titjib u promozzjoni ta’ trasport multimodali permezz ta’ skemi ta’ informazzjoni u ta’ biljetti integrati u elettroniċi, imsejsa fuq soluzzjonijiet ‘open-data’; jinnota li r-riċerka u l-innovazzjoni f’dan il-qasam, għandhom ikunu indirizzati partikolarment lejn il-ħelsien mill-ostakli, l-interopabilità, prezzijiet li jintlaħqu, trasparenza tal-prezzijiet, sistemi li jiffavorixxu l-utent, u l-effiċjenza;

40. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu żviluppati soluzzjonijiet tal-infrastruttura innovattivi u dejjiema – fosthom żvilupp ulterjuri tas-sistemi tal-informazzjoni, ħlas u riżervazzjoni – li jikkunsidraw b’mod partikolari l-aċċessibilità mingħajr ostakoli għall-passiġġieri kollha, u speċifikament għall-persuni b’diżabilità u għall-persuni b’mobilità mnaqqsa (PRMs), bħal utenti b’siġġijiet tar-roti, ‘pushchairs’, roti jew bagalji tqal;  Jiffavorixxi l-idea li d-dejta dwar l-iskedi tal-ħinijiet u dwar dewmien fit-trasport pubbliku jiġu magħmula liberamentdisponibbli, biex partijiet terzi jingħataw lok jiżviluppaw applikazzjonijiet telematiċi li jistgħu joffru aktar kumdità lill-passiġġieri, bħal informazzjoni fil-ħin reali dwar kif wieħed jasal f’destinazzjoni speċifika permezz ta’ mezzi ta' trasport differenti jew tqabbil tal-impronta ekoloġika ta’ mezzi differenti tat-trasport waqt l-ivjaġġar lejn destinazzjoni speċifika;

42. Jisħaq li fir-rigward tal-iżvilupp tal-innovazzjoni għat-trasport u l-mobilità f’żoni urbani u residenzjali, l-enfasi għandu jitpoġġa fuq is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja, inkluż sehem ġust ta’ spazju għall-kulħadd, inqas storbju u arja aktar nadifa;

43. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa urġenti li titjieb is-sikurezza għall-utenti kollha tat-toroq, b’mod partikolari l-aktar utenti vulnerabbli, bħat-tfal, l-anzjani, il-persuni mexjin u ċ-ċiklisti jew il-persuni b’diżabilità u mobilità ristretta; japprova l-proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni li jinvolvu taħlita ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi u sewwieqa intelliġenti u l-approċċi relatati mal-imġiba tagħhom;

44. Jemmen li biex tonqos il-konġestjoni tat-toroq fiż-żoni urbani u fir-reġjuni ta’ agglomerazzjoni kbira, u għal aktar effiċjenza fil-mezzi tat-trasport li diġà jeżistu, huma importanti wkoll l-avvanzi teknoloġiċi li jagħtu lok li jinstabu soluzzjonijiet alternattivi tat-trasport u jħeġġu l-użu tagħhom;

45. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi bil-qawwa l-innovazzjoni fil-qasam ta’ bastimenti mingħajr emissjonijiet, b’mod partikolari l-ferries, il-bastimenti tal-kruċieri u l-bastimenti tal-baħar miftuħ, abbażi tal-użu ta’ forom ta’ enerġija rinnovabbli mir-riħ, mix-xemx u mill-mewġ, u dawk marbuta ma’ teknoloġiji taċ-ċelluli tal-fjuwil;

46. Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka l-isforzi tar-riċerka għal tnaqqis ulterjuri tal-impatt fuq is-saħħa u l-klima tal-emissjonijiet mill-mezzi kollha tat-trasport;

47. Iqis li strateġija Ewropea dwar it-teknoloġija tat-trasport għandha tkun konformi mal-Istrateġija Ewropa 2020 (COM(2010)2020) u l-miri ta' tnaqqis tal-1990, kif ukoll għandha tosserva b'mod sħiħ il-White Paper tal-Kummissjoni tal-2011 bl-isem ‘Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti’(COM(2011)0144), f'dak li għandu x'jaqsam mal-koeżjoni territorjali u l-iżvilupp ibbilanċjat; jemmen li din għandha tippermetti tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, l-istorbju tat-traffiku, il-bżonnijiet tat-traffiku, l-elementi li jniġġsu l-arja u l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra; jinsisti fuq il-ħtieġa li sabiex tilħaq dawk l-objettivi l-UE se jkollha bżonn tistabbilixxi miri fermi għall-2020, l-2030 u l-2050;

48. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tan-navigazzjoni interna, speċifikament biex jiġu żviluppati bastimenti u teknoloġiji nodfa adattati għan-navigazzjoni f’livell baxx ta’ sajd (low draught), bħall-Bastimenti Adattati għax-Xmajjar għal Navigazzjoni Interna Sostenibbli (River Adapted Ships for Sustainable Inland Navigation - RASSIN), li jagħtu lok ta’ ffrankar fl-infrastruttura tal-passaġġi interni tal-ilma;

49. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment tar-Riċerka dwar it-Trasport u l-Monitoraġġ tal-Innovazzjoni u s-Sistemi tal-Informazzjoni (TRIMIS); jenfasizza l-importanza li tiġi provduta informazzjoni regolari, libera, aċċessibbli faċilment u affidabbli għal dawk li jagħmlu l-politiki; jiddispjaċih dwar il-fatt li s'issa għadu diffiċli ħafna li wieħed jaċċessa l-informazzjoni dwar il-fondi tal-UE għall-proġetti tat-trasport;

50. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa inizjattivi li jidentifikaw u jippremjaw programmi ta’ żvilupp urban sostenibbli, tal-istess tip bħall-premjijiet RegioStars;

51. Jenfasizza li strateġija Ewropea komprensiva trid tkun appoġġata minn isfel għal fuq permezz ta' strateġiji integrati tat-trasport li jkunu preparati sew min-naħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-gvernijiet nazzjonali; hu tal-fehma li t-tfassil ta' tali strateġiji għandu jkun appoġġat mill-fondi Ewropej;

52. Jemmen li meta tinkiseb għajnuna pubblika, jeħtieġ tiġi rispettata l-leġiżlazzjoni Ewropea fis-seħħ relatata mal-għajnuna tal-Istat, inklużi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni, kif ukoll il-finanzjment ta’ attivitajiet tat-trasport u ta’ infrastruttura; hu tal-fehma, madankollu, li r-regoli Ewropej fir-rigward tal-għajnuna tal-Istat għandhom iqisu l-iżvantaġġi partikulari ta’ ċerti reġjuni.

53. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni ttejjeb l-attivitajiet tagħha fit-trasferiment tal-għarfien li jirriżulta minn attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni lil utenti interessati (bħall-SMEs jew l-istituti tar-riċerka) billi tinħoloq bażi ta’ dejta akkumulata li tipprovdi ħarsa ġenerali kategorizzata tal-proġetti kollha ta’ riċerka u innovazzjoni ffinanzjati mill-UE;

54. Jenfasizza l-importanza ta’ inizjattivi ġodda, bħall-pooling tal-kapaċitajiet tat-trasport u l-loġistika bil-ħsieb ta’ trasport tal-merkanzija aktar effiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-ostakli potenzjali għal tali inizjattivi;

55. Jenfasizza l-importanza ta’ standards ta’ emissjonijiet għal ċerti mezzi tat-trasport, bħal pereżempju l-karozzi; hu tal-fehma li approċċ simili għandu jiġi riċerkat fil-qasam tal-avjazzjoni u l-bastimenti;

56. Jappoġġa aktar riċerka u innovazzjoni fil-qasam tas-soluzzjonijiet tas-sigurtà għas-settur tat-trasport, sakemm jiġu rrispettati l-prinċipji tal-proporzjonalità, in-nondiskriminazzjoni u l-protezzjoni tad-dejta;

57. Jiffavorixxi u jappoġġja l-kunċett propost mill-Kummissjoni bil-miżuri tiegħu għal strateġija Ewropea għat-teknoloġija tat-trasport; jenfasizza, madankollu, li dan ma jipprovdix bażi ġuridika għal atti legali delegati jew atti simili, u li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni jistgħu jiġu adottati biss permezz ta’ kodeċiżjoni;

58. Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-prijoritajiet imsemmija f’dan ir-rapport meta tħejji l-pjan strateġiku Ewropew tat-teknoloġija tat-trasport u l-għażliet għal azzjoni ulterjuri;

59. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Dan ir-rapport għandu l-għan li jindirizza l-komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Riċerka u innovazzjoni b'appoġġ għall-poltika tat-trasport – Żvilupp ta’ strateġija Ewropea għat-trasport u t-teknoloġija’.

Ir-rapporteur jinsab imħasseb b’mod partikolari dwar l-ilħuq tal-miri tal-Unjoni f'termini ta' tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, l-istorbju tat-traffiku, l-elementi li jniġġsu l-arja, l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, l-inċidenti u l-użu tal-art, u b’hekk jitnaqqas l-impatt tat-trasport fuq it-tibdil tal-klima u jikkontribwixxi għal titjib fis-saħħa taċ-ċittadini tal-UE u l-kwalità tal-ħajja.

Jirrikonoxxi li għad baqa’ ħafna sfidi f’termini ta’ allinjament aħjar tar-riċerka u l-iżvilupp mal-politika tat-trasport. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu rispettati prinċipji ġenerali bħan-newtralità tat-teknoloġija, il-kumplimentarjetà, ir-responsabilizzazzjoni u t-trasparenza. Jinsab partikolarment imħasseb li d-duplikazzjoni tal-isforzi tar-riċerka fil-livell nazzjonali jew tal-UE tista’ xxekkel il-progress meħtieġ urġentement, u jitlob li jkun hemm użu effiċjenti u koerenti tar-riżorsi tar-riċerka u l-iżvilupp.

Ir-Rapporteur jemmen ukoll li l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju jixraqilhom attenzjoni partikolari u li għandhom jingħataw aktar opportunitajiet ta’ riċerka, speċjalment permezz ta’ proċeduri razzjonalizzati u t-tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi meta jsiru applikazzjoni għall-iskemi ta’ finanzjament tal-UE. Fil-fatt, in-negozji jinħtieġu l-għajnuna biex jassorbu soluzzjonijiet ġodda u teknoloġiji innovattivi, permezz ta’ aktar effiċjenza u investiment.

Barra minn hekk, huwa wkoll ta’ tħassib għar-Rapporteur li l-UE taf titlef il-pożizzjoni ewlenija tagħha f’termini ta’ riċerka u żvilupp. Jistieden lill-Istati Membri iżidu l-isforzi tagħhom ta’ koordinazzjoni u investiment biex jiġu sfruttati r-riżultati tar-riċerka fit-trasport, filwaqt li jħeġġu l-kummerċjalizzazzjoni u t-tħejjija għall-użu. Jistieden ukoll lill-istituzzjonijiet tla-UE tiżviluppa aktar proġetti pilota fis-servizzi tagħhom stess tal-ġestjoni tal-mobilità.

Ir-Rapporteur jemmen li jeħtieġ li l-istrateġija Ewropea tat-teknoloġija tat-trasport issir effiċjenti kemm jista’ jkun, għal titjib ekonomiku, ambjentali u soċjali u biex tingħata spinta lit-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-kompetittività tal-Unjoni tista’ tingħata spinta permezz ta’ proġetti ta’ riċerka li jqisu ‘impenji taċ-ċiklu sħiħ’.

Finalment, ir-Rapporteur jappoġġa bis-sħiħ ir-riċerka u l-iżvilupp bl-għan li jitnaqqsu l-ħtiġijiet tat-trasport permezz ta’ ppjanar aħjar tal-ispazju, strateġiji tal-komunikazzojni kif ukoll approċċi tal-imġiba ġodda. Il-potenzjal ta’ skemi integrati ta’ informazzjoni u ta’ biljetti għandu jiġi studjat aħjar, filwaqt li jippermetti li t-teknoloġiji jiġu mħejjija għall-użu fl-Ewropa kollha. L-istrateġija tat-teknoloġija tat-trasport għandi tagħti prijorità anke lir-riċerka u l-iżvilupp ta’ mobilità faċli, sostenibbli u sikura għall-aktar ċittadini vulnerabbli.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (3.6.2013)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar il-promozzjoni ta' strateġija Ewropea għat-trasport u t-teknoloġija għall-mobilità Ewropea sostenibbli tal-ġejjieni
(2012/2298(INI))

Rapporteur: Jean-Jacob Bicep

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-Kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar fil-bżonn li l-UE tiżviluppa politika komuni tat-trasport ġenwina, filwaqt li tiżgura r-relevanza tat-trasport adegwati fi ħdan ir-reġjuni Ewropej u bejniethom u l-koerenza tiegħu fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew; jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni jiżguraw li t-taħlita ta’ mezzi tat-trasport tiżgura enfasi ikbar fuq mobilità ġenwinament sostenibbli;

2.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu promossi prattiki li jkollhom suċċess fil-qasam tat-trasport sostenibbli u li jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' prattiki tajbin bejn ir-reġjuni b'potenzjali simili ta' żvilupp; jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali ikomplu jibnu fuq l-eżempji ta’ prattiki tajbin billi jiżviluppaw pjanijiet ta’ mobilità urbana sostenibbli b’konsultazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili;

3.  Jemmen li strateġija Ewropea tajba fil-qasam tat-teknoloġiji tat-trasport għandha tkopri r-reġjuni kollha tal-UE, biex tiżgura ċ-ċirkolazzjoni effiċjenti tal-persuni u tal-merkanzija, u l-ħolqien ta’ suq uniku Ewropew ta’ veru;

4.  Iqis li strateġija Ewropea dwar it-teknoloġija tat-trasport għandha tkun konformi mal-Istrateġija Ewropa 2020 (COM(2010)2020) u l-miri ta' tnaqqis tal-1990, kif ukoll għandha tosserva b'mod sħiħ il-White Paper tal-Kummissjoni tal-2011 bl-isem ‘Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti’(COM(2011)0144), f'dak li għandu x'jaqsam mal-koeżjoni territorjali u l-iżvilupp ibbilanċjat; jemmen li din għandha tippermetti tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, l-istorbju tat-traffiku, il-bżonnijiet tat-traffiku, l-elementi li jniġġsu l-arja u l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra; jinsisti fuq il-ħtieġa li sabiex tilħaq dawk l-objettivi l-UE se jkollha bżonn tistabbilixxi miri fermi għall-2020, l-2030 u l-2050;

5.  Jenfasizza li din l-istrateġija trid tkun ibbażata fuq mudell integrattiv li fih il-konnessjonijiet interreġjonali u l-konnessjonijiet transkonfinali neqsin jingħataw l-ikbar importanza, anke fir-reġjuni frammentati ġeografikament, u li s-soluzzjonijiet innovattivi għat-trasport multimodali jistgħu jnaqqsu d-disparitajiet reġjonali, jistimulaw il-mobilità tal-ħaddiema u jtejbu l-koeżjoni territorjali; hu konxju tal-fatt li bħalissa hemm differenzi konsiderevoli bejn ir-reġjuni fir-rigward tan-netwerks ta' trasport, u jiġbed l-attenzjoni fuq il-ħtieġa li jsir investiment fit-teknoloġiji u soluzzjonijiet tat-trasport sostenibbli fir-reġjuni bi żvantaġġi speċifiċi, filwaqt li jitqies ukoll il-potenzjal tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

6.  Jemmen li r-reġjuni Ewropej kollha u l-forzi ta' ħidma rispettivi tagħhom għandhom jieħdu vantaġġ minn tali strateġija, u jenfasizza l-bżonn li jitqiesu l-elementi speċifiċi u l-potenzjal reġjonali, speċjalment meta jiġu żviluppati modi ta' trasport iktar nadif; jistieden lill-awtoritajiet f’livelli sussidjarji biex joħolqu, flimkien mal-partijiet konċernati, sħubiji għall-innovazzjoni fil-qasam tal-mobilità sostenibbli;

7.  Isostni li l-investimenti taħt il-Fondi Strutturali tal-UE u l-fondi ta' investiment jistgħu jkunu ta' għajnuna biex ikabbru l-prospetti fir-reġjuni Ewropej biex tiġi żviluppata speċjalizzazzjoni intelliġenti li tiġi applikata għall-mobilità sostenibbli;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali biex ifasslu strateġiji fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni li huma msejsa fuq l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, għal użu aktar effikaċi tal-Fondi Strutturali u tisħiħ tas-sinerġiji bejn l-investiment tas-settur pubbliku u dak privat;

9.  Ifakkar, f'dan ir-rigward, li għandha tinħaseb strateġija għal teknoloġija innovattiva fuq il-bażi tal-karatteristiċi u l-fatturi li jiddistingwu tat-territorji, u li f'dan il-kuntest l-approċċ ta' soluzzjoni waħda li tapplika għal kulħadd b'mod ugwali mhux se jagħti riżultati pożittivi; iqis, pereżempju, li r-reġjuni tal-ġżejjer, tal-muntanji, ultraperiferiċi u dawk b'popolazzjoni baxxa għandhom tipi speċifiċi ta' potenzjal li jeħtieġu soluzzjonijiet ta' mobilità xierqa u innovattivi sabiex jintuża l-potenzjal ekonomiku ta' dawk ir-reġjuni milquta minn limitazzjonijiet territorjali speċifiċi; jiindika, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġu allokati riżorsi adegwati għall-infrastruttura tat-trasport sostenibbli;

10. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu simplifikati aktar il-proċeduri amministrattivi għall-għoti tal-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali, lokali u dak transkonfinali, sabiex jiġi stabbilit qafas legali ċar u trasparenti;

11. Jemmen li biex tonqos il-konġestjoni tat-toroq fiż-żoni urbani u fir-reġjuni ta’ agglomerazzjoni kbira, u għal aktar effiċjenza fil-mezzi tat-trasport li diġà jeżistu, huma importanti wkoll l-avvanzi teknoloġiċi li jagħtu lok li jinstabu soluzzjonijiet alternattivi tat-trasport u jħeġġu l-użu tagħhom;

12. Jenfasizza li strateġija Ewropea komprensiva trid tkun appoġġata minn isfel għal fuq permezz ta' strateġiji integrati tat-trasport li jkunu preparati sew min-naħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-gvernijiet nazzjonali; hu tal-fehma li t-tfassil ta' tali strateġiji għandu jkun appoġġat mill-fondi Ewropej;

13. Iqis li strateġija Ewropea fil-qasam tat-teknoloġiji tat-trasport, b'konformità mas-sħubija rurali urbana għall-iżvilupp sostenibbli (RURBAN), għandha tfittex li tiżgura l-mobilità fir-reġjuni kollha, speċjalment l-ifqar reġjuni u dawk l-iktar imbiegħda, sabiex tkun evitata d-depopolazzjni tagħhom, kif ukoll fl-interessi tal-koeżjoni territorjali integrata u bl-għan li jitwettaq il-potenzjal għal tkabbir tal-Ewropa kollha;

14. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment tar-Riċerka dwar it-Trasport u l-Monitoraġġ tal-Innovazzjoni u s-Sistemi tal-Informazzjoni (TRIMIS); jenfasizza l-importanza li tiġi provduta informazzjoni regolari, libera, aċċessibbli faċilment u affidabbli għal dawk li jagħmlu l-politiki; jiddispjaċih dwar il-fatt li s'issa għadu diffiċli ħafna li wieħed jaċċessa l-informazzjoni dwar il-fondi tal-UE għall-proġetti tat-trasport;

15. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa l-inizjattivi li jidentifikaw u jippremjaw il-proġetti ta’ żvilupp urban sostenibbli, bħall-premjijiet RegioStars;

16. Jemmen li meta tinkiseb għajnuna pubblika, jeħtieġ tiġi rispettata l-leġiżlazzjoni Ewropea fis-seħħ relatata mal-għajnuna tal-Istat, inklużi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni, kif ukoll il-finanzjment ta’ attivitajiet tat-trasport u ta’ infrastruttura; hu tal-fehma, madankollu, li r-regoli Ewropej fir-rigward tal-għajnuna tal-Istat għandhom iqisu l-iżvantaġġi partikulari ta’ ċerti reġjuni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

30.5.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Jean-Jacob Bicep, John Bufton, Nikos Chrysogelos, Francesco De Angelis, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Vincenzo Iovine, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva Kekuš, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Ana Miranda, Jens Nilsson, Lambert van Nistelrooij, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Georgios Stavrakakis, Csanád Szegedi, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson, Vasilica Viorica Dăncilă, Karin Kadenbach, Lena Kolarska-Bobińska, Elisabeth Schroedter, Patrice Tirolien, Evžen Tošenovský, Giommaria Uggias, Manfred Weber, Iuliu Winkler

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Albert Deß, Takis Hadjigeorgiou, Katarína Neveďalová

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.6.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdi Cristiano Allam, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Philip Bradbourn, Antonio Cancian, Michael Cramer, Joseph Cuschieri, Luis de Grandes Pascual, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Gesine Meissner, Hubert Pirker, Dominique Riquet, Petri Sarvamaa, David-Maria Sassoli, Brian Simpson, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Giommaria Uggias, Dominique Vlasto, Artur Zasada, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Phil Bennion, Spyros Danellis, Eider Gardiazábal Rubial, Gilles Pargneaux, Alfreds Rubiks, Sabine Wils