Proċedura : 2012/2263(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0251/2013

Testi mressqa :

A7-0251/2013

Dibattiti :

PV 12/09/2013 - 10
CRE 12/09/2013 - 10

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2013 - 13.20
CRE 12/09/2013 - 13.20

Testi adottati :

P7_TA(2013)0387

RAPPORT     
PDF 218kWORD 208k
26.8.2013
PE 504.197v04-00 A7-0251/2013

dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE

(2012/2263(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Nathalie Griesbeck

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAD-DRITTIJIET TAN-NISA U L-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE

(2012/2263(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 67 u 79 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, tas-6 ta’ Mejju 2010, dwar il-"Pjan ta' Azzjoni dwar Minorenni mhux Akkumpanjati (2010 – 2014)" (COM(2010)0213),

–   wara li kkunsidra r-rapport tat-28 ta’ Settembru 2012 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bit-titlu "Rapport intermedju dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar Minorenni mhux Akkumpanjati" (COM(2012)0554),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2010 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-"Pjan ta' Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma" (COM(2010)0171),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill ‘Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini – il-programm ta’ Stokkolma’(1),

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tat-3 ta’ Ġunju 2010 dwar minorenni mhux akkumpanjati, adottati waqt it-3018-il laqgħa tiegħu,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(2),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(3), u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, intitolata 'L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012–2016',

–   wara li kkunsidra d-direttivi dwar l-asil, b’mod partikolari d-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija(4), id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta' Jannar 2003 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-asil(5) u d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment(6),

–   wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni għal riforma tal-istrumenti tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Asil (SEKA), b’mod partikolari l-proposta emendata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-asil (tfassil mill-ġdid) (COM(2011)0320), il-proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali (tfassil mill-ġdid) (COM(2011)0319), u l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (tfassil mill-ġdid) (COM(2008)0820),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja(7),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali(8),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 779/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 programm speċifiku sabiex jipprevjeni u jikkumbatti l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u sabiex jipproteġi l-vittmi u l-gruppi li jkunu f’riskju (il-Programm Daphne III) bħala parti mill-Programm Ġenerali ‘Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja’(9),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill bl-isem 'Evalwazzjoni tal-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE' (COM(2010)0076),

–   wara li kkunsidra l-kontributi tal-Kunsill tal-Ewropa, u b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni 1810  (2011) tal-Assemblea Parlamentari tiegħu bit-titlu ‘Il-problemi relatati mal-wasla, is-soġġorn u r-ritorn ta’ tfal mhux akkumpanjati fl-Ewropa’, ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tiegħu lill-Istati Membri dwar proġetti tal-ħajja favur minorenni migranti mhux akkumpanjati (CM/Rec(2007)9) u ‘l-Għoxrin Linja Gwida dwar ir-Ritorn Sfurzat’ tal-Kumitat tal-Ministri tiegħu (CM(2005)40),

–   wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u speċjalment l-Artikolu 3 tagħha, u l-Kummenti Ġenerali tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, b’mod partikolari l-Kumment Ġenerali Nru 6 (2005) dwar it-trattament ta' tfal mhux akkumpanjati u separati barra l-pajjiż ta' oriġini tagħhom,

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar il-Politiki u l-Proċeduri fit-Trattament tal-Minorenni Mhux Akkumpanjati li jfittxu Asil, ippubblikati mill-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-NU fl-1997,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 19 tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, adottata fl-1992,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ta’ Diċembru 1993 dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, l-ewwel strument internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem marbut esklussivament mal-vjolenza kontra n-nisa,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0251/2013),

A. billi kull sena, eluf ta' tfal taħt it-tmintax-il sena li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew li huma apolidi, jaslu waħedhom fit-territorju tal-Unjoni Ewropea jew isibu ruħhom waħedhom wara l-wasla tagħhom;

B.  billi l-kunflitti li għadhom għaddejjin f'diversi partijiet tad-dinja u l-kriżi ekonomika globali attwali wasslu għal żieda fl-għadd ta' minorenni mhux akkumpanjati;

C. billi r-raġunijiet għalfejn dawn it-tfal jaslu mhux akkumpanjati huma diversi: gwerer, vjolenza, ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, xewqa ta’ riunifikazzjoni ma' membri tal-familja tagħhom, diżastri naturali, faqar, traffikar, sfruttament, eċċ.;

D. billi għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tfal mhux akkumpanjati li jkunu vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, peress li dawn jeħtieġu assistenza u appoġġ speċifiċi minħabba s-sitwazzjoni tagħhom ta' vulnerabilità partikolari;

E.  billi ħafna minorenni jaslu fl-UE għax qed jaħarbu żwiġijiet sfurzati, u billi l-UE trid taħdem iktar biex tikkumbatti dan il-fenomenu;

F.  billi dawn il-minorenni min-natura tagħhom huma vulnerabbli ħafna u jeħtieġ jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom;

G. billi skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom obbligu li jħarsu d-drittijiet tat-tfal;

H. billi l-programm ta’ Stokkolma poġġa l-ħarsien tal-minorenni mhux akkumpanjati f’livell prijoritarju; billi l-akkoljenza u l-indukrar tal-minorenni mhux akkumpanjati jvarja ħafna bejn pajjiż u ieħor, u ma jeżisti ebda livell ekwivalenti jew effettiv ta' protezzjoni;

I.   billi l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-protezzjoni ugwali tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti mhux akkumpanjati bniet u subien iridu jiġu żgurati, u billi trid tingħata attenzjoni speċjali lill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-bniet u l-provvediment ta' appoġġ adegwat u rimedji xierqa;

J.   billi jeżistu diversi każijiet ta’ tfal li jisparixxu miċ-ċentri ta' akkomodazzjoni jew akkoljenza għal dawk li jfittxu l-asil;

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.  Ifakkar li l-minorenni mhux akkumpanjati huma l-ewwel u qabel kollox tfal li potenzjalment jinsabu fil-periklu, u li l-protezzjoni tat-tfal, u mhux il-politiki tal-immigrazzjoni, trid tkun il-prinċipju ewlieni għall-Istati Membri u l-UE meta jitrattaw ma’ dawn it-tfal. B'hekk ikunu qed jirrispettaw il-prinċipju fundamentali tal-aħjar interessi tat-tfal; ifakkar li kwalunkwe persuna taħt l-età ta' 18-il sena, bla eċċezzjoni, għandha titqies bħala tifel jew tifla, u għalhekk bħala minorenni; jindika li l-minorenni mhux akkumpanjati, u b’mod partikolari l-bniet, huma doppjament suxxettibbli għall-problemi u d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom minorenni oħra; josserva li huma aktar u aktar vulnerabbli billi l-ħtiġijiet tagħhom huma l-istess bħal dawk ta' minorenni oħrajn u ta' rifuġjati oħra, li għandhom esperjenzi simili bħal tagħhom; jenfasizza li l-bniet u n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għall-ksur tad-drittijiet tagħhom matul il-proċess ta' migrazzjoni, u li l-bniet mhux akkumpanjati huma f'riskju partikolari peress li spiss ikunu l-miri prinċipali tal-isfruttament sesswali, l-abbuż u l-vjolenza; jirrimarka li l-awtoritajiet spiss jitrattaw lill-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE bħala delinkwenti li jkunu kisru l-liġijiet tal-immigrazzjoni, u mhux bħala individwi li għandhom drittijiet minħabba l-età u ċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom;

2.  Ifakkar ukoll li l-aħjar interessi tat-tfal, kif imħaddna fit-testi legali u fil-ġurisprudenza, għandhom jiġu qabel kull kunsiderazzjoni oħra, f'kull azzjoni meħuda fir-rigward tagħhom, kemm min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll mill-istituzzjonijiet privati; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-UE dwar l-aħjar interessi tat-tfal u li tipproponi linji gwida strateġiċi, imsejsa fuq l-aħjar prassi, il-ġurisprudenza u l-Kumment Ġenerali Nru 6 (2005) tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal li jirrigwarda t-trattament ta' tfal mhux akkumpanjati u separati barra l-pajjiż ta' oriġini tagħhom, u biex tivvaluta, abbażi ta’ sensiela ta’ indiċijiet u kriterji, x’jikkostitwixxi l-aħjar interessi ta’ tifel jew tifla; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta miżuri leġiżlattivi u mhumiex biex tkun żgurata l-protezzjoni adegwata tat-tfal u tal-minorenni mhux akkumpanjati, b'mod partikolari bl-għan li ttejjeb il-metodi ta’ tfittxija ta' soluzzjonijiet dejjiema;

3.  Jikkundanna bil-qawwi l-lakuni eżistenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fi ħdan l-UE, u jiddenunzja l-fatt li l-minorenni sikwit jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ akkoljenza deplorabbli, u l-ħafna ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom f’ċerti Stati Membri;

4.  Jenfasizza l-bżonn urġenti li l-UE u l-Istati Membri jfasslu rispons koerenti għall-protezzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom; jilqa’ lil dawk l-Istati Membri li għażlu li japplikaw il-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-provvediment ta' protezzjoni legali għat-tfal kontra l-agħar forom ta' sfruttament;

5.  Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kummissjoni Ewropea ta’ pjan ta’ azzjoni dwar il-minorenni mhux akkumpanjati 2010–2014; jiddispjaċih, madankollu, li l-approċċ tal-Kummissjoni mhux aktar imsejjes fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-minorenni, u jinnota li l-miżuri eżistenti mhumiex biżżejjed u li l-protezzjoni komprensiva tal-minorenni mhux akkumpanjati tirrikjedi aktar miżuri; ifakkar li wieħed mill-objettivi tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Minorenni mhux Akkumpanjati kien li l-UE u l-Istati Membri tagħha jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni u jintegraw il-kwistjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' ambjenti sikuri biex it-tfal ikun jistgħu jikbru fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta’ żvilupp ulterjuri tad-dimensjoni preventiva tal-politiki tal-UE fir-rigward tal-minorenni mhux akkumpanjati billi ssir enfasi akbar fuq l-isforzi relatati mal-eliminazzjoni tal-faqar, il-politiki tas-saħħa u x-xogħol, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni u r-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti; iqis li l-UE trid tmur lil hinn mill-Pjan ta' Azzjoni propost mill-Kummissjoni sabiex id-drittijiet fundamentali tal-minorenni mhux akkumpanjati jissaħħu verament; jenfasizza, b'mod partikolari, il-bżonn li jissaħħaħ l-istatus ta' 'kustodju legali' fl-UE u l-pajjiżi sħab, u jemmen li huwa importanti ħafna li jitfassal pjan ta' monitoraġġ b'kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini u ma' kwalunkwe pajjiż ta' tranżitu sabiex jiżgura li t-tfal jiġu protetti b'mod xieraq wara li jirritornaw u wara li jiġu integrati mill-ġdid fil-pajjiż tal-oriġini;

6.  Jiddispjaċih dwar il-frammentazzjoni tad-dispożizzjonijiet Ewropej dwar il-minorenni mhux akkumpanjati u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal manwal – indirizzat lill-Istati Membri u l-prattikanti kollha – li jiġbor fih dawn id-diversi bażijiet ġuridiċi, biex tkun faċilitata l-implimentazzjoni xierqa mill-Istati Membri u biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati;

7.  Jiddeplora n-nuqqas ta’ statistiki uffiċjali affidabbli dwar il-minorenni mhux akkumpanjati; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jtejbu l-ġbir ta’ statistiki dwar il-minorenni mhux akkumpanjati, fosthom l-istatistiki dwar l-età u l-ġeneru, itejbu l-komparabilità tal-ġbir tad-data fl-Istati Membri kollha, ifasslu metodu koordinat għall-ġbir u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni f'kull Stat Membru, filwaqt li jiżguraw li d-data personali tiġi protetta, permezz ta’ pjattaformi li jiġbru flimkien lill-atturi kollha involuti fil-kwistjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati u lista ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali u biex jagħmlu użu aħjar tal-għodod li huma disponibbli diġà għall-ġbir tal-istatistiki fil-livell tal-UE, bħall-Eurostat, Frontex, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u n-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni; jenfasizza li l-iskop tal-ġbir ta’ data ta’ dan it-tip hu li s-sitwazzjoni tkun mifhuma aħjar, filwaqt li jittejbu l-protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati u r-rispons għall-ħtiġijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u nongovernattivi biex jagħmlu sforzi addizzjonali fil-ġbir, il-monitoraġġ u l-iskambju ta’ data preċiża u mqassma skont il-ġeneru, biex ikollhom vista ġenerali komprensiva tal-għadd ta’ bniet minorenni mhux akkumpanjati u biex ikun jistgħu jiġu studjati l-bżonnijiet speċifiċi ta’ dan il-grupp, bil-ħsieb li jingħatalhom appoġġ u li jiġu implimentati miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati dawk il-ħtiġijiet, u biex jiskambjaw l-aħjar prassi bl-għan li jsir titjib;

8.  Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri għandhom jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom mal-pajjiżi terzi ta’ oriġini u ta’ tranżitu fir-rigward tal-minorenni mhux akkumpanjati, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom u kwistjonijiet bħall-identifikazzjoni ta' soluzzjonijiet dejjiema, l-ittraċċar tal-familja, ir-ritorn u r-riammissjoni monitorjati meta dan ikun fl-aħjar interessi tat-tifel jew tifla, ir-restorazzjoni tar-rabtiet tal-familja u r-riintegrazzjoni; jitlob ukoll li titjieb il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu fir-rigward tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, b’mod partikolari t-traffikar tat-tfal u l-isfruttament tal-minorenni, il-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari u forom oħra ta’ vjolenza kontra n-nisa bħaż-żwieġ furzat, fosthom fil-kuntest tad-djalogi regolari li jsiru bejn l-UE u dawn l-istati u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw il-protezzjoni tat-tfal u l-kwistjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fil-politiki tal-iżvilupp u tal-kooperazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' żvilupp koerenti tal-politiki tal-UE dwar l-immigrazzjoni, l-asil u d-drittijiet tat-tfal – fir-rigward tal-minorenni kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi - b'kunsiderazzjoni xierqa tal-impatt tagħhom fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; ifakkar l-obbligu tal-Koerenza tal-Politiki (PCD) minqux fit-Trattat ta' Lisbona; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi jtejbu l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku fil-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ trasferiment u ta’ destinazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati dwar ir-riskji relatati mal-migrazzjoni tat-tfal, partikolarment dwar l-isfruttament tal-minorenni u l-kriminalità organizzata; jenfasizza li l-investigazzjonijiet tal-istorja personali u familjari huma importanti ħafna sabiex ikun aċċertat l-isfond tal-minorenni u sabiex jitfasslu pjanijiet speċifiċi għall-integrazzjoni tagħhom fil-pajjiż tal-wasla jew ir-riintegrazzjoni tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini;

9.  Ifakkar li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin hi pass neċessarju u kruċjali, għax il-minorenni, speċjalment il-bniet, huma partikolarment konfrontati u vulnerabbli għal dan it-traffikar, il-vjolenza speċifika għall-ġeneru u l-isfruttament, b’mod partikolari l-isfruttament u l-abbużi tax-xogħol u sesswali; jenfasizza l-fatt li jridu jiġu stabbiliti mekkaniżmi effettivi għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, ir-rappurtar, ir-riferiment, l-investigazzjoni, it-trattament u s-segwitu ta’ inċidenti relatati ma' traffikar u l-sfruttament u l-abbuż tax-xogħol u sesswali, u li għandha tittieħed azzjoni fil-pajjiżi terzi biex jiġu trattati l-kawżi prinċipali tat-traffikar; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikunu viġilanti ħafna u jimplimentaw b'mod effettiv id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, id-Direttiva 2011/92/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija u d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità; jistieden ukoll lill-Istati Membru u l-UE biex isaħħu l-kooperazzjoni pulizjeska u ġudizzjarja u biex jikkooperaw mal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin biex jidentifikaw vittmi potenzjali, jissensibilizzaw lill-pubbliku u jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin; jilqa’, finalment, l-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (2012-2016), b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tat-tfassil ta’ linji gwida dwar is-sistemi tal-protezzjoni tat-tfal u l-iskambju tal-aħjar prassi; ifakkar lill-Istati Membri fl-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li jitlob lill-istati jieħdu miżuri biex jikkumbattu t-trasferiment illeċitu tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu b'mod kollaborattiv ma' pajjiżi terzi biex jindirizzaw il-problema dejjem tikber tal-kuntrabandu illegali tat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu passi legali kontra l-kuntrabandisti, u meta jkun possibbli b'sanzjonijiet xierqa u kommensurabbli; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni ta' ħafna minorenni mhux akkumpanjati li jgħixu bil-moħbi fl-UE u huma partikolarment vulnerabbli għall-isfruttament u l-abbuż; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaħdmu flimkien u jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw il-protezzjoni u d-dinjità tagħhom;

10. Iqis li hija ħasra li l-protezzjoni tat-tfal hi sottofinanzjata b'mod sinifikanti u konsistenti meta din titqabbel ma' setturi umanitarji oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċifika lill-minorenni mhux akkumpanjati fil-Fond Ewropew għall-Migrazzjoni u l-Asil sabiex jingħataw garanziji fit-tul f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tat-tfal, u fosthom it-taqsimiet relatati mar-refuġjati, dawk li jfittxu l-asil, il-fruntieri esterni u r-ritorn, u fil-Fond Soċjali Ewropew, b'mod partikolari bil-għan li jiġu appoġġjati l-aktar reġjuni milquta; iqis li għandu jkun żgurat finanzjament adegwat fit-tul, b’mod partikolari għall-programmi mmirati lejn l-identifikazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati, l-akkoljenza adegwata, il-protezzjoni, il-ħatra ta' kustodju legali, l-ittraċċar tal-familja, ir-risistemazzjoni u r-riintegrazzjoni, u t-taħriġ tal-gwardji u l-awtoritajiet tal-fruntieri;

Linji gwida strateġiċi

11. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwidi strateġiċi għall-Istati Membri li għandhom, abbażi tal-aħjar prassi, ikollhom il-forma ta’ standards minimi komuni u li jindirizzaw kull stadju tal-proċess, mill-wasla tal-minorenni fit-territorju Ewropew sakemm tinstab soluzzjoni dejjiema għalih/a, biex tkun żgurata protezzjoni adegwata għalih/a; jistieden lill-Istati Membri jadottaw strateġiji nazzjonali għall-minorenni mhux akkumpanjati, li jkunu msejsa fuq dawn il-linji gwida strateġiċi, u jaħtru punt ta’ kuntatt nazzjonali responsabbli għall-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri u l-azzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja s-sitwazzjoni u l-azzjonijiet meħuda fl-Istati Membri b’kooperazzjoni mal-grupp ta’ esperti eżistenti u tissottometti rapport annwali lill-Parlament u l-Kunsill;

12. Ifakkar li l-ebda tifel jew tifla ma jistgħu jiġu miċħuda aċċess għat-territorju tal-UE u jinsisti li l-Istati Membri jridu josservaw l-obbligi internazzjonali u Ewropej li japplikaw meta t-tfal ikunu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, mingħajr ebda restrizzjoni arbitrarja; ifakkar ukoll li l-ebda tifel jew tifla ma jistgħu jiġu mibgħuta lura permezz ta’ proċedura aċċellerata fil-fruntiera ta’ Stat Membru;

13. Jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw b’mod strett u mingħajr eċċezzjonijiet mal-obbligu fundamentali li minorenni ma jista’ qatt jiġi detenut; jiddeplora l-fatt li l-proposta emendata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-asil ma projbixxietx id-detenzjoni ta' tfal mhux akkumpanjati li jfittxu l-asil, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw il-parametru referenzjarju ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali stabbilit mid-Direttiva; jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti, toqgħod attenta ħafna meta tapplika d-dispożizzjoijiet tad-dritt tal-UE dwar id-detenzjoni tal-minorenni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqiegħdu lill-minorenni fi djar maħsuba speċifikament għat-tfal, filwaqt li jqisu l-età u l-ġeneru tagħhom;

14. Iqis li hija r-responsabilità ta’ kull Stat Membru li jidentifika l-minorenni mhux akkumpanjati; jistieden lill-Istati Membri jidderieġu lil dawn il-minorenni, immedjatament malli jaslu, lejn servizzi speċjalizzati bħas-servizzi soċjali u edukattivi, li jridu, min-naħa l-waħda, jivvalutaw iċ-ċirkostanzi individwali u l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni speċifiċi ta’ kull minorenni, b'mod partikolari n-nazzjonalità, l-edukazzjoni, l-isfond etniku, kulturali u lingwistiku u l-grad ta' vulnerabilità u, min-naħa l-oħra, jipprovdulhom immedjatament, b’lingwa u b’mezz li huma jifhmu, fejn meħtieġ permezz ta’ interpreti, l-informazzjoni kollha li jeħtieġu dwar id-drittijiet tagħhom, protezzjoni, opportunitajiet legal u ta’ assistenza, u l-proċeduri u l-implikazzjonijiet tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prassi dwar għodod adattati għat-tfal biex jagħtuhom idea ċara tal-proċeduri relevanti u d-drittijiet tagħhom; jistieden lill-Istati Membri, f’dan ir-rigward, biex jagħtu attenzjoni partikolari u jipprovdu arranġamenti speċjali f’termini ta’ identifikazzjoni, akkoljenza u protezzjoni lill-minorenni mhux akkumpanjati bi bżonnijiet speċifiċi ta' protezzjoni, u b’mod partikolari lill-minorenni mhux akkumpanjati li jkunu vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, filwaqt li jipprovdulhom l-assistenza u l-protezzjoni meħtieġa skont id-Direttiva 2011/36/UE;

15. Jiddeplora n-natura intrużiva u mhux adatta tat-tekniki mediċi utilizzati f’ċerti Stati Membri biex tiġi determinata l-età tal-minorenni, lijistgħu jikkawża trawma, u n-natura kontroversjali u l-marġnijiet kbar ta' żbalji ta’ wħud mill-metodi li huma bbażati fuq il-maturità tal-għadam jew il-mineralizzazzjoni tas-snien; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, fil-linji gwida strateġiċi, standards komuni msejsa fuq l-aħjar prassi, fir-rigward tal-metodu biex tiġi vvalutata l-età, li għandu jikkonsisti f’valutazzjoni multidimensjonali u multidixxiplinarja, imwettqa b’mod xjentifiku, sikur, sensittiv għat-tfal, sensittiv għall-ġeneru u ġust, b’attenzjoni partikolari għall-bniet, u għandha ssir minn prattikanti u esperti indipendenti u kwalifikati; ifakkar li d-determinazzjoni tal-età għandha ssir bir-rispett dovut tad-drittijiet u tal-integrità fiżika tat-tfal, u tad-dinjità tal-bniedem, u li l-minorenni għandhom dejjem jingħataw il-benefiċċju tad-dubju; ifakkar ukoll li l-eżamijiet mediċi għandhom isiru biss wara li jkun intużaw metodi oħra ta’ valutazzjoni tal-età, u li għandu jkun possibbli li jsir appell kontra r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni; jilqa’ l-ħidma tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil f’dan ir-rigward, li għandha tintuża bħala bażi ta’ kif għandhom jiġu trattati l-minorenni kollha;

16. Jistieden lill-Istati Membri, malli minorenni mhux akkumpanjat jasal jew tasal fit-territorju tagħhom u sakemm tinstab soluzzjoni dejjiema, biex jiżguraw li jinħatar kustodju jew persuna responsabbli li takkumpanja, tassisti u tirrappreżenta lill-minorenni fil-proċeduri kollha u li tippermetti lilu jew lilha jgawdi jew tgawdi d-drittijiet kollha tiegħu jew tagħha fil-proċeduri kollha, u jitlob li l-minorenni jiġu informati dwar il-ħatra tal-persuna responsabbli għalihom mingħajr ebda dewmien; jitlob, barra minn hekk, li din il-persuna jkollha taħriġ speċifiku fl-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-minorenni mhux akkumpanjati, il-protezzjoni tat-tfal u d-drittijiet tat-tfal, u l-liġi tal-asil u tal-migrazzjoni, u biex taġixxi b’indipendenza totali; jemmen li dawn il-persuni għandhom jirċievu taħriġ regolari u jkunu monitorjati b’mod regolari u indipendenti; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-linji gwida strateġiċi tinkludi standards komuni, abbażi tal-l-aħjar prassi, fir-rigward tal-mandat, il-funzjonijiet, il-kwalifiki, il-ħiliet u t-taħriġ ta’ dawn il-persuni;

17. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-uffiċjali u l-persunal li jaħdmu għall-awtoritajiet li aktarx ikollhom kuntatt mal-minorenni mhux akkumpanjati, inklużi minorenni li jkunu sfaw vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, ikunu kwalifikati u mħarrġa, biex ikun jistgħu jidentifikaw każijiet ta’ dan it-tip u jitrattawhom kif jixraq, u li jipprovdulhom taħriġ adegwat dwar il-ħtiġijiet speċifiċi tal-minorenni mhux akkumpanjati u dwar id-drittijiet tat-tfal, l-imġiba u l-psikoloġija tat-tfal, u l-liġi tal-asil u tal-migrazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu taħriġ obbligatorju speċifiku għall-ġeneru għall-persunal li jilqgħu minorenni mhux akkumpanjati fid-djar ta’ kenn, dawk li jagħmlu l-intervisti, dawk li jieħdu deċiżjonijiet u r-rappreżentanti legali ta’ minorenni mhux akkumpanjati, u jiżguraw li l-pulizija u l-awtoritajiet legali fl-Istati Membri jattendu regolarment taħriġ speċifiku għall-ġeneru; jenfasizza li l-persuna inkarigata mill-minorenni għandha tinformahom u tagħtihom pariri, iżda din tista' biss tissupplimenta l-parir legali u ma tistax tissostitwih; jindika li indipendentement min-nazzjonalità tat-tfal, u jekk din in-nazzjonalità tkunx rikonoxxuta jew le, l-Istat Membru li jsibu ruħhom fih it-tfal mhux akkumpanjati jrid jaġixxi bħala l-kustodju tat-tfal u jipprovdilhom l-ogħla grad ta' protezzjoni;

18. Sabiex ikunu żgurati l-konsistenza u standards ugwali fil-protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE, iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu protezzjoni adegwata lill-minorenni mhux akkumpanjati, independentement mill-istatus tagħhom u bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li jgħoddu tat-tfal li jkollhom in-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ akkoljenza:

-  aċċess għal akkomodazzjoni xierqa: l-akkomodazzjoni għandha dejjem tinkludi kundizzjonijiet sanitarji adegwati, l-akkomodazzjoni ‘f’ċentru’ m’għandha qatt tkun f’ċentru magħluq, u fl-ewwel jiem, għandha tkun f’ċentru speċjalizzat tal-akkoljenza ta’ minorenni mhux akkumpanjati; wara din l-ewwel fażi, il-minorenni għandhom jiġu provduti b’akkomodazzjoni aktar stabbli; il-minorenni mhux akkumpanjati għandhom ikunu dejjem separati mill-adulti; iċ-ċentru għandu jissodisfa l-ħtiġijiet tal-minorenni u jkollu faċilitajiet xierqa; l-akkomodazzjoni f’familji ta’ akkoljenza u ‘f’unitajiet tal-għajxien’, u l-kondiviżjoni ta' akkomodazzjoni ma’ minorenni oħra li jkunu qraba jew ħbieb tal-minorenni mhux akkumpanjati għandha titħeġġeġ meta tkun xierqa u mixtieqa mill-minorenni;

-  irid ikun provdut lilhom appoġġ materjali, legali u psikoloġiku adegwat mill-mument li fih jiġu identifikati bħala minorenni mhux akkumpanjati;

-  id-dritt għall-edukazzjoni, taħriġ professjonali u pariri soċjoedukattivi, u aċċess immedjat għalih; il-possibilità li jattendu l-iskola fil-pajjiż ta’ akkoljenza għandha tiġi żgurata mingħajr dewmien; barra minn hekk, il-minorenni mhux akkumpanjati għandhom meta jkun possibbli jingħataw aċċess effettiv għall-korsijiet tal-lingwa, fil-lingwa relevanti tal-pajjiż ta’ akkoljenza, immedjatament wara l-wasla tagħhom fit-territorju ta' Stat Membru; L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-istudji preċedenti tat-tfal sabiex jippermettulhom aċċess għal edukazzjoni ulterjuri fl-Ewropa;

-  id-dritt għas-saħħa u aċċess effettiv għal kura medika bażika adegwata; barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jipprovdu kura medika u psikoloġika adegwata għall-minorenni li jkunu sfaw vittmi ta' tortura, abbuż sesswali jew forom oħra ta' vjolenza; L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll trattamenti speċjali skont il-ħtieġa (i.e. aċċess għas-servizzi ta' riabilitazzjoni) għall-minorenni li jkunu sfaw vittmi ta' xi forma ta' abbuż, sfruttament, tortura jew trattament krudili, inuman u degradanti, jew li jkunu milquta minn kunflitti armati;

-  aċċess għall-informazzjoni u użu tal-midja (ir-radju, it-televiżjoni, l-internet) sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom ta' komunikazzjoni;

-  id-dritt li jiddevertu, fosthom id-dritt li jilagħbu u li jieħdu sehem f'attivitajiet rikreattivi;

-  id-dritt tal-minorenni mhux akkumpanjati kollha ta’ użu u żvilupp kontinwi tal-identità u l-valuri tagħhom stess, inkluża l-lingwa materna tagħhom;

-  id-dritt li jimmanifestaw u jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom;

19. Ifakkar li l-proċeduri kollha għandhom ikunu adattati għall-minorenni, billi jitqiesu l-età, il-grad ta’ maturità u l-livell safejn jifhmu, u għandhom ikunu sensittivi għall-bżonnijiet tat-tfal, b'konformità mal-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Ġustizzja Adattata għat-Tfal, u jilqa' l-attivitajiet tal-Kummissjoni għall-promozzjoni ta' dawn il-linji gwida; il-fehmiet tal-minorenni għandhom jinstemgħu u jitqiesu f’kull pass tal-proċeduri, b’kooperazzjoni ma’ persuni kompetenti u imħarrġa bħal psikologi, assistenti soċjali u medjaturi kulturali;

20. Jilqa’ l-progress li sar fil-leġiżlazzjoni dwar l-asil u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu r-riformi leġiżlattivi u amministrattivi neċessarji sabiex jimplimentawh tali dispożizzjonijiet b'mod effettiv; ifakkar, madankollu, li l-politiki tal-UE dwar l-asil iridu jitrattaw lill-minorenni mhux akkumpanjati l-ewwel u qabel kollox bħala tfal, u jħeġġeġ lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex safejn ikun possibbli jeżentaw lill-minorenni mhux akkumpanjati minn proċeduri aċċellerati u minn proċeduri fil-fruntieri; ifakkar ukoll li l-Istat Membru responsabbli għal applikazzjoni għall-asil magħmula f’aktar minn Stat Membru wieħed minn minorenni mhux akkumpanjat, bla membri tal-familja tiegħu jew tagħha legalment preżenti fit-territorju tal-Istati Membr, hu l-Istat li fih il-minorenni jkun preżenti wara li jkun għamel applikazzjoni hemmhekk, u jistieden lill-Istati Membri jsegwu d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja; jenfasizza l-fatt li hu kruċjali, minħabba l-bżonnijiet speċifiċi tal-minorenni mhux akkumpanjati, li l-applikazzjonijiet għall-asil tagħhom jingħataw prijorità biex tkun tista' tittieħed deċiżjoni ġusta malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw is-sistemi tagħhom ta' asil bil-għan li jistabbilixxu qafas istituzzjonali armonizzat u sensittiv għat-tfal li jqis il-bżonnijiet speċjali u d-diffikultajiet differenti tal-minorenni mhux akkumpanjati, u speċjalment tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

21. Jisħaq li kwalunkwe deċiżjoni li tikkonċerna l-minorenni mhux akkumpanjati għandha tittieħed abbażi ta' valutazzjoni individwali u bir-rispett dovut tal-aħjar interessi tat-tifel jew tifla;

22. Jikkundanna s-sitwazzjonijiet prekarji ħafna li dawn il-minorenni jħabbtu wiċċhom magħhom, f’daqqa waħda, ġaladarba jkollhom l-età legali; jistieden lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prassi u jipprevedu proċeduri ta' assistenza għal dawn il-minorenni fit-tranżizzjoni tagħhom għall-ħajja adulta; ifaħħar il-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa f’dan ir-rigward, u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-linji gwida strateġiċi tagħha l-aħjar prassi għat-tfassil ta’ ‘proġetti tal-ħajja individwalizzati’ mħejjija għall-minorenni, u magħhom;

23. Jistieden lill-Istati Membri jiddefinixxu r-responsabilitajiet ta' kull sieħeb, b'mod partikolari l-awtoritajiet nazzjonali u lokali, is-servizzi ta’ assistenza soċjali, il-ħaddiema maż-żgħażagħ, il-familji u r-rappreżentanti legali, fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' proġetti tal-ħajja u biex jiżguraw il-koordinazzjoni tagħhom;

24. Jenfasizza bil-qawwi li l-għan aħħari, ġaladarba minorenni mhux akkumpanjat jasal jew tasal fit-territorju tal-UE, irid ikun li tinstab soluzzjoni dejjiema għalih jew għaliha, li tirrispetta l-aħjar interessi tiegħu jew tagħha; ifakkar li din it-tiftixa għal soluzzjoni għandha tibda billi jiġu studjati l-possibilitajiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, fl-UE u barra minnha, sakemm dan ikun fl-aħjar interessi tat-tifel jew tifla; jenfasizza li bħala prinċipju l-minorenni jista' jintalab jgħin fit-tfittxija għall-membri tal-familja tiegħu imma li m'għandu jkun hemm ebda obbligu li dan jikkoopera bħala fattur determinanti fil-kunsiderazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali; ifakkar li, f'każijiet fejn ikun hemm riskju għall-ħajja tal-minorenni jew tal-membri tal-familja, b'mod partikolari meta l-membri tal-familja jibqgħu fil-pajjiż ta' oriġini, il-ġbir, l-ipproċessar u t-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar dawn il-persuni jridu jsiru fuq bażi kunfidenzjali sabiex ikun żgurat li ma tiġix ipperikolata l-ħajja ta' dawk ikkonċernati; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom kollha jtejbu l-kooperazzjoni, b’mod partikolari billi jneħħu l-ostakli burokratiċi kollha fil-qasam tal-ittraċċar u/jew riunifikazzjoni tal-familja u jikkondividu l-aħjar prassi; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, u b’mod speċjali l-Artikolu 10(3) tagħha;

25. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, fil-linji gwida strateġiċi tagħha, standards komuni, imsejsa fuq l-aħjar prassi, dwar il-kundizzjonijiet li jridu jintlaħqu biex minorenni jkun jista’ jiġi ritornat, b’mod konsistenti, b’rispett tal-aqwa interessi tat-tifel jew tifla u bbażati fuq l-Istudju Komparattiv dwar Prattiki fil-Qasam tar-Ritorn tal-Minorenni, ippubblikat mill-Kummissjoni fl-2011, li jinkludi lista’ ta’ kontroll u ġabra tal-aħjar prassi; itenni b’qawwa li l-ebda deċiżjoni ta’ ritorn ta’ minorenni ma tista’ tittieħed jekk ma tkunx fl-aħjar interessi tat-tifel jew tifla jew jekk din tipperikola l-ħajja, is-saħħa fiżika u mentali, il-benessri, is-sigurtà jew id-drittijiet fundamentali tal-minorenni jew tal-familja tiegħu, u li jridu jitqiesu u jiġu valutati għalkollox iċ-ċirkostanzi individwali ta’ kull minorenni (u tal-membri tal-familja tiegħu jew tagħha fil-każ ta' riunifikazzjoni tal-familja); ifakkar li deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tittieħed biss wara li jkunu ġie aċċertat li l-minorenni, se jgawdi, fil-pajjiż ta’ ritorn, dispożizzjoni sikuri, konkretti u adatti li jirrispettaw id-drittijiet tiegħu jew tagħha u assoċjati ma’ miżuri ta’ riintegrazzjoni fil-pajjiż ta’ ritorn; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għall-iżgurar ta’ ritorn sikur tat-tifel jew tifla, biex jistabbilixxu arranġamenti ta’ kooperazzjoni u monitoraġġ mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu u b’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet nongovernattivi lokali u internazzjonali, u biex jiżguraw il-protezzjoni u r-riintegrazzjoni tal-minorenni wara r-ritorn tagħhom; jinnota li tali arranġamenti huma element vitali tar-ritorn; jistieden lill-Kummissjoni biex fl-evalwazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tinsisti fuq l-impatt tagħha fuq il-minorenni mhux akkumpanjati, u b'mod partikolari l-Artikolu 10, l-Artikolu 14(1)(c) u l-Artikolu 17 tagħha; jistieden lill-Unjoni Ewropea timpenja ruħha li ttejjeb ir-reazzjoni tagħha bl-għan li jintemmu l-fatturi potenzjali li jħeġġu l-migrazzjoni, inkluż iż-żwieġ bikri u sfurzat, prattiki tradizzjonali dannużi bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili, u l-vjolenza sesswali fid-dinja kollha;

26. Jenfasizza l-fatt li l-integrazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjat fil-pajjiż ta' akkoljenza trid tkun iċċentrata fuq proġett tal-ħajja individwali, imfassal għall-minorenni u miegħu, b'rispett sħiħ tal-isfond etniku, reliġjuż, kulturali u lingwistiku tiegħu jew tagħha;

27. Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu obbligu li l-awtoritajiet pubbliċi jieħdu azzjoni fir-rigward ta' minorenni mhux akkumpanjati li jisfgħu vittmi tat-talb ta’ flus fit-toroq; iqis li l-isfruttament tal-minorenni b'rabta mat-talb għall-flus fit-toroq għandu jiġi evitat akkost ta' kollox.

28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1)

ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 12.

(2)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(3)

ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

(4)

ĠU L 337, 20.12.11, p. 9.

(5)

ĠU L 31, 6.2.2003, p. 18.

(6)

ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.

(7)

ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12.

(8)

ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23.

(9)

ĠU L 173, 3.7.2007, p. 19.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (24.4.2013)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE

(2012/2263(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Charles Goerens

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jenfasizza l-importanza ta' żvilupp koerenti tal-politiki tal-UE dwar l-immigrazzjoni, l-asil u d-drittijiet tat-tfal – fir-rigward tal-minorenni kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi - b'kunsiderazzjoni xierqa tal-impatt tagħhom fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; ifakkar l-obbligu tal-Koerenza tal-Politiki (PCD) inkluż fit-Trattat ta' Lisbona;

2.   Ifakkar li wieħed mill-objettivi tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar Minorenni mhux Akkumpanjati kien li l-UE u l-Istati Membri tagħha jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni u jintegraw il-kwistjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' ambjenti sikuri biex it-tfal ikun jistgħu jikbru fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta’ żvilupp ulterjuri tad-dimensjoni preventiva tal-politiki tal-UE fir-rigward tal-minorenni mhux akkumpanjati billi ssir enfasi akbar fuq l-isforzi għall-eliminazzjoni tal-faqar, il-politiki dwar is-saħħa u x-xogħol, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni, kif ukoll ir-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti;

3.   Jenfasizza li l-azzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali billi jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tagħha hija prerekwiżit essenzjali biex tkun indirizzata l-kwistjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati; hu tal-fehma li l-miżuri għall-protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati għandhom jiġu estiżi biex jinkludu l-proċeduri ta' adozzjoni internazzjonali;

4.   Ifakkar fil-bżonn li t-tfal jitqiesu bħala partikolarment vulnerabbli u jenfasizza li l-prinċipju tal-"aħjar interessi tat-tfal" irid jieħu preċedenza fuq kull kunsiderazzjoni oħra fir-rigward ta' minorenni mhux akkumpanjati;

5.   Jindika id-diskrepanza ovvja fil-protezzjoni fil-livell tal-UE fl-ilqugħ u l-għoti ta' assistenza lill-minorenni mhux akkumpanjati; ifakkar f'dan il-kuntest li l-iżgurar tas-sigurtà u s-saħħa tal-minorenni mhux akkumpanjati, indipipendentement mit-tul taż-żjara tagħhom fl-UE, hi r-responsabilità tal-Istati Membri rispettivi; iqis, fid-dawl ta' dan, li l-UE għandha tkompli: (a) tipprovdi aktar riżorsi għall-appoġġ tal-implimentazzjoni sħiħa tat-titjib fil-leġiżlazzjoni u fil-politiki riċenti tal-UE, inkluża l-implimentazzjoni msaħħa tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar Minorenni mhux Akkumpanjati; (b) tippjana biex iġġedded l-isforzi f'dan il-qasam permezz ta' pjan ta' azzjoni ulterjuri għal wara l-2014, u (c) tintroduċi qafas regolatorju komuni u vinkolanti, imsejjes fuq definizzjoni komuni ta’ minorenni mhux akkumpanjati u b'regoli ċari li jindirizzaw l-isfida fit-totalità tagħha, sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet attwali u d-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri, bħall-valutazzjoni tal-età, it-tuturi, l-aċċess għal servizzi u l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet sostenibbli;

6.   Jindika li indipendentement min-nazzjonalità tat-tfal, u jekk din tkunx rikonoxxuta jew le, l-Istat Membru li jsibu ruħhom fih it-tfal mhux akkumpanjati għandu jaġixxi bħala tutur tat-tfal u jipprovdilhom l-ogħla grad ta' protezzjoni;

7.   Jiddispjaċih li meta wieħed iqabblu ma’ setturi umanitarji oħrajn, jeżisti nuqqas ta’ finanzjarjament sinifikanti u konsistenti fis-settur tal-protezzjoni tat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu l-aħjar prattiki għas-salvagwardja tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ta' minorenni mhux akkumpanjati, u b’mod partikolari d-dritt għas-saħħa u d-dritt għal edukazzjoni, kif stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

8.   Jitlob li titjieb il-kooperazzjoni bejn il-pajjiż tal-oriġini, il-pajjiż ta' tranżitu u l-pajjiż ta’ destinazzjoni dwar kwistjonijiet bħat-traċċar tal-familja, ir-ritorn monitorjat – dejjem jekk iċ-ċirkostanzi tal-familja tat-tfal jagħmlu jippermettu jew jissuġġerixxu dan – ir-riintegrazzjoni u l-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet adegwati, bil-għan li joqorbu lejn approċċ komuni tal-UE u lejn is-sejba ta’ soluzzjonijiet dejjiema; iħeġġeġ l-iskambju ta' informazzjoni u prattiki tajba, kif ukoll taħriġ speċjali għall-persunal u l-awtoritajiet fil-fruntieri dwar kif għandhom jaġixxu b'sensittività ma’ tfal ġejjin minn ambjenti trawmatiċi; iqis li l-UE trid tmur lil hinn mill-Pjan ta' Azzjoni propost mill-Kummissjoni sabiex id-drittijiet fundamentali tal-minorenni mhux akkumpanjati jissaħħu verament; jenfasizza, b'mod partikolari, il-bżonn li jissaħħaħ l-istatus ta' ‘tutur legali’ fl-UE u l-pajjiżi sħab, u jemmen li huwa importanti ħafna li jitfassal pjan ta' monitoraġġ b'kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini u ma' kwalunkwe pajjiż ta' tranżitu sabiex jiżgura li t-tfal jiġu protetti b'mod xieraq wara li jirritornaw u wara li jiġu integrati mill-ġdid fil-pajjiż tal-oriġini;

9.   Jenfasizza l-importanza ukoll ta’ Pjan ta' azzjoni li jagħti kunsiderazzjoni xierqa tal-integrazzjoni sħiħa ta' minorenni mhux akkumpanjati f'pajjiżi ospitanti;

10. Jenfasizza li l-prevenzjoni tal-ħtieġa tal-migrazzjoni insikura u t-tnaqqis tar-riskji tagħha, l-identifikazzjoni, l-ittraċċar tal-familji, il-valutazzjoni taċ-ċirkostanzi familjari, it-tkattir ta' opportunitajiet għal ritorn u integrazzjoni mill-ġdid meta dan ikun fl-aħjar interessi tal-minorenni, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u t-tisħiħ tas-sistemi tal-protezzjoni tat-tfal huma kwistjonijiet li għandhom jiġu diskussi fid-djalogi regolari tal-UE mal-pajjiżi sħab u jridu jagħmlu parti integrali mill-aġenda tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u tad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni;

11. Iqis essenzjali li jiġi introdott metodu kkoordinat mal-UE kollha għall-ġbir ta' data, li jinkludi data kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva, billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Frontex u tal-Europol u bil-parteċipazzjoni tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.4.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Andreas Pitsillides, Jean Roatta, Michèle Striffler, Alf Svensson, Keith Taylor, Patrice Tirolien, Ivo Vajgl, Anna Záborská, Iva Zanicchi

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Guerrero Salom, Cristian Dan Preda, Judith Sargentini, Jan Zahradil


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAD-DRITTIJIET TAN-NISA U L-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI (30.5.2013)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE

(2012/2263(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Barbara Matera

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/95/UE dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija(1),

–    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 19 tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, adottata fl-1992,

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ta’ Diċembru 1993 dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, l-ewwel strument internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem marbut esklussivament mal-vjolenza kontra n-nisa,

–    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 779/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 programm speċifiku sabiex jipprevjeni u jikkumbatti l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u sabiex jipproteġi l-vittmi u l-gruppi li jkunu f’riskju (il-Programm Daphne III) bħala parti mill-Programm Ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”,

–    wara li kkunsidra l-Protokoll dwar il-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tal-Kummerċ fil-Persuni, speċjalment tan-Nisa u tat-Tfal, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Transnazzjonali Organizzata,

1.   Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u nongovernattivi jagħmlu sforzi addizzjonali fil-ġbir, il-monitoraġġ u l-iskambju ta’ data preċiża li titqassam skont is-sess sabiex ikollu idea komprensiva tal-għadd ta’ minorenni mhux akkumpanjati, b’mod partikolari l-bniet żgħar, u jeżamina l-bżonnijiet speċifiċi ta’ dan il-grupp bil-ħsieb li jingħatalhom appoġġ u jiġu implimentati miżuri speċifiċi biex jindirizzaw dawk il-kwistjonijiet u jagħmlu skambju tal-aqwa prattiki biex jittejbu;

2.   Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu d-dritt tal-bniet mhux akkumpanjati li jirċievu kustodja amministrattiva adegwata u jevitaw kwalunkwe status irregolari tal-bniet sabiex jipproteġu d-drittijiet tat-tfal; jenfasizza li l-bniet jista’ jkun li jsiru ommijiet u uliedhom ukoll għandhom jirċievu trattament xieraq u jgawdu l-protezzjoni ġuridika sħiħa mill-Istati Membri;

3.   Jistieden lill-Istati Membri jsegwu l-proċeduri tal-verifika tal-età fir-rigward tal-minorenni mhux akkumpanjati u biex id-dettalji tagħhom jiġu rreġistrati wara intervisti mas-servizzi soċjali u jinżammu f’fajl għal kemm idumu fil-pajjiż ikkonċernat sa meta jingħaqdu mill-ġdid mal-familji tagħhom jekk dan ikun possibbli u mixtieq, jew inkella sa meta jsiru adulti;

4.   Jirrimarka li l-problemi u d-diffikultajiet li jiffaċċjaw lill-minorenni mhux akkumpanjati, partikolarment lill-bniet, fi ħdan l-UE huma darbtejn ikbar minn dawk ta’ minorenni oħrajn; josserva li huma aktar u aktar vulnerabbli billi l-ħtiġijiet tagħhom huma l-istess bħal dawk ta' minorenni oħrajn u ta' rifuġjati oħra, li għandhom esperjenzi simili bħal tagħhom;

5.   Ifakkar id-diversi raġunijiet u l-mezzi li bihom il-minorenni mhux akkumpanjati jaslu fl-Istati Membri; ifakkar ir-rikonoxximent tal-fenomenu speċifiku għas-sessi tat-traffikar ta’ bnedmin u l-fatt li l-bniet ta’ spiss jiġu traffikati għall-isfruttament sesswali u l-abbuż, għall-isfruttament kriminali, għall-isfruttament ekonomiku (bħalma huma d-donazzjoni sfurzata ta’ organi), l-iskjavitù modern, it-tħaddim illegali tat-tfal, it-talb ta’ flus fit-toroq jew il-pornografija tat-tfal, iżda fuq kollox għall-isfruttament sesswali; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-drittijiet li dawn il-bniet għandhom għall-protezzjoni u permessi ta’ residenza, kemm-il darba jkunu jixtiequ joqogħdu fil-pajjiż ta’ destinazzjoni; jitlob li l-miżuri ta' assistenza u appoġġ għall-minorenni jkunu speċifiċi skont is-sess;

6.   Ifakkar li l-ewwel sfida hi li tingħeleb l-inviżibilità ta’ bniet mhux akkumpanjati; jenfasizza li din l-inviżibilità ssaħħaħ u tikkorrelata ħafna mal-esklużjoni soċjali u r-riskju tal-esklużjoni soċjali u l-vulnerabilità li jsofru dawn il-bniet, li huma vittmi ta’ diskriminazzjoni tripla minħabba l-istatus ġuridikament irregolari tagħhom u l-fatt li huma taħt l-età kif ukoll li huma bniet jew nisa;

7.   Jenfasizza l-importanza tal-isforzi li jsiru biex jiġu żarmati ċ-ċrieki tat-traffikar tal-bnedmin, b’mod partikolari dawk imdaħħla fit-traffikar ta’ minorenni mhux akkumpanjati, u tal-isfruttament tal-minorenni, kif ukoll l-importanza li jiġi stabbilit programm ta' għajnuna u assistenza għall-vittmi;

8.   Jistieden lill-Istati Membri jsegwu l-proċeduri ta’ superviżjoni stabbiliti, filwaqt li jaħtru kunsilliera, preferibbilment nisa, fil-każ tal-bniet, biex jagħtu assistenza lill-minorenni kollha u jiggwidawhom fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom;

9.   Jistieden lill-Istati Membri, lill-assoċjazzjonijiet u lill-NGOs biex jagħmlu użu mis-suċċessur tal-programm Daphne III mmirat lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa; jistedinhom jiżviluppaw programmi speċifiċi biex tiġi eradikata l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra l-bniet mhux akkumpanjati;

10. Jindika li l-vjolenza sessista u l-fatt li wieħed ikun vittma ta’ traffikar tal-bnedmin huma rilevanti għal applikazzjoni għall-asil u parir ġuridiku u rappreżentanza fir-rigward ta’ investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali mingħajr ħlas;

11. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi għall-bniet mhux akkumpanjati jkunu bbażati fuq valutazzjoni personali li ssir minn qabel fejn titqies is-sitwazzjoni u l-kundizzjoni inidividwali ta’ kull tifla, inklużi l-aspetti bħall-post ta’ oriġini, l-istrateġija tal-familja, in-netwerk personali u r-relazzjonijiet, ir-rotta migratorja, is-sitwazzjoni rigward is-suq tax-xogħol, l-obbligi tal-familja u l-aċċess għas-servizzi soċjali fil-pajjiż tal-wasla; jenfasizza li dawn id-dettalji għandhom jiffaċilitaw lill-Istati Membri u lis-servizzi tal-kustodja biex jiddeterminaw il-profil tal-bniet inkwistjoni u jintroduċu politiki speċifiċi; jenfasizza li għandhom jiġu kkunsidrati profili speċifiċi għall-bniet mhux akkumpanjati ġejjin mill-pajjiżi tas-sub-Sahara li jkunu vittmi ta’ vjolenza sesswali (stupru, tqala sfurzata, vjolenza), bniet mhux akkumpanjati mill-Ewropa tal-Lvant, vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin għall-isfruttament sesswali, bniet Rom, li jintbagħtu jittalbu jew li jkunu involuti f’offiżi minuri jew il-bniet li jkunu emigraw biex jiltaqgħu ma’ qraba li ma jkunux jafu;

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiġbor l-aqwa prattiki f’miżuri ta’ akkoljenza u inklużjoni fost l-Istati Membri fir-rigward tal-iżgurar ta’ kura u assistenza xierqa għal bniet mhux akkumpanjati. jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu l-aċċess għal kura tas-saħħa adegwata għat-tfal kollha mingħajr diskriminazzjoni, ikun xi jkun l-istatus ġuridiku jew kwalunkwe status ieħor tagħhom, u jinkorporaw interpretazzjoni professjonali u appoġġ ta’ medjazzjoni interkulturali mandatorji; jenfasizza li l-bniet b’mod partikolari, iżda wkoll is-subien, għandhom, kemm jista’ jkun possibbli, jiġu pprovduti tobba tal-istess sess meta din tkun l-għażla ppreferuta tagħhom; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-problemi emozzjonali u lis-sitwazzjoni tas-saħħa mentali tat-tfal mifruda li jkunu qed ifittxu l-asil; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi tas-saħħa u fiżjoloġiċi speċifiċi għall-bniet mhux akkumpanjati li jkunu vittmi ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili jew ta’ kwalunkwe sura oħra ta' vjolenza sesswali;

13. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw id-dritt tal-bniet għall-edukazzjoni u jipprevjenu l-istigmatizzazzjoni doppja tagħhom;

14. Jenfasizza d-differenzi ta’ bejn l-Istati Membri rigward il-kundizzjonijiet u r-regoli li jappartienu lid-detenzjoni tal-barranin f’ċentri u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddefendu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem f’dan il-qasam; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li n-nisa li jkunu f'detenzjoni jkunu jistgħu joqogħdu f'ċelel għalihom maqtugħin mill-irġiel bil-għan li jingħataw livell xieraq ta' privatezza, sakemm l-irġiel ikkonċernati ma jkunux membri tal-familja;

15. Jirrimarka li l-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE spiss jiġu ttrattati mill-awtoritajiet ta’ delinkwenti li jkunu kisru l-liġijiet tal-immigrazzjoni u mhux bħala individwi li għandhom drittijiet minħabba l-età u ċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom;

16. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw superviżjoni umana adegwata billi jipprovdu għadd suffiċjenti ta’ impjegati nisa, inklużi interpreti, f’xelters sabiex jiġi offrut ambjent sensittiv għas-sessi adegwat u appoġġ soċjali, psikoloġiku u mediku għall-bniet żgħar; jenfasizza l-ħtieġa li l-persunal jirċievi taħriġ kontinwu u aġġornamenti regolari rigward il-leġiżlazzjoni kollha relatata mal-minorenni;

17. Jistieden lill-Istati Membri jagħżlu mentors esperti u ta’ fiduċja, konsulenti u assistenti skont is-sess tagħhom, abbażi tas-suppożizzjoni li l-minorenni femminili se jikkomunikaw aħjar ma’ persunal femminili dwar ċerti kwistjonijiet;

18. Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu taħriġ obbligatorju speċifiku għas-sessi għall-persunal li jilqgħu minorenni mhux akkumpanjati fix-xelters kif ukoll għal dawk li jagħmlu l-intervisti, dawk li jieħdu deċiżjonijiet u rappreżentanti legali ta’ minorenni mhux akkumpanjati, u biex jiġi żgurat li l-pulizija u l-awtoritajiet legali fl-Istati Membri jattendu taħriġ speċifiku għas-sessi regolarment;

19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri speċifiċi għal minorenni tqal jew minorenni li għandhom ulied ta’ età żgħira, inkluż appoġġ psikololġiku u mediku u faċilitajiet ta’ kura tul il-ġurnata; jitlob ukoll li x-xelters jiġu adattati għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom waqt u fuq kollox wara t-tqala;

20. Jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-EIGI, biex tipproponi standards minimi armonizzati ta’ sensitittività dwar is-sessi abbażi tal-aqwa prattiki eżistenti, bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni li jmiss tagħhom għal minorenni mhux akkumpanjati;

21. Jistieden lill-Istati Membri biex jipproduċu fuljetti sensittivi għas-sessi u għat-tfal b’bosta lingwi biex jinfurmaw lill-minorenni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom bħala applikanti għall-asil, inklużi s-suriet differenti ta’ persekuzzjoni sessista li jkunu rikonoxxuti bħala raġunijiet għall-asil;

22. Jistieden lill-Istati Memrbi biex jikkunsidraw il-prijoritizzazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-asil relatati mas-sessi sabiex joffru protezzjoni lill-bniet li ġejjin minn pajjiżi terzi fejn is-sitwazzjoni politika hija partikolarment mhux stabbli u li fihom il-bniet huma diskriminati u jbatu minn diversi forom ta’ vjolenza, bħaż-żwiġijiet imġiegħla, il-vjolenza sesswali u l-mutilazzjoni ġenitali femminili;

23. Jindika li l-ebda pajjiż ma jista’ jitqies "sikur” fejn għandha x’taqsam il-persekuzzjoni sessista u jistieden lill-Istati Membri jqisu dan il-fatt;

24. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta’ bniet mhux akkumpanjati li ġejjin mill-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq; jinnota li l-Istati Membri fin-Nofsinhar tal-Ewropa qed iħabbtu wiċċhom ma’ wasla sinifikanti minħabba l-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija u għandhom għalhekk jiksbu l-appoġġ meħtieġ mill-UE biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni sew;

25. Jistieden lill-Kummissjoni ddaħħal miżuri preventivi għall-gruppi vulnerabbli potenzjali bħala parti mill-assistenza fir-rigward tat-tkabbir billi tiffinanzja programmi ta' protezzjoni għall-vittmi tfal mhux akkumpanjati fid-dawl tar-riskji li huma jiffaċċjaw.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

29.5.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

0

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Marije Cornelissen, Edite Estrela, Iratxe García Pérez, Mikael Gustafsson, Mary Honeyball, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Constance Le Grip, Astrid Lulling, Barbara Matera, Elisabeth Morin-Chartier, Krisztina Morvai, Norica Nicolai, Siiri Oviir, Antonyia Parvanova, Joanna Senyszyn, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Marc Tarabella, Marina Yannakoudakis, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Roberta Angelilli, Anne Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Mariya Gabriel, Nicole Kiil-Nielsen, Katarína Neveďalová, Chrysoula Paliadeli, Antigoni Papadopoulou, Angelika Werthmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson

(1)

ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

19.6.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Edit Bauer, Rita Borsellino, Emine Bozkurt, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Salvatore Caronna, Philip Claeys, Carlos Coelho, Ioan Enciu, Tanja Fajon, Hélène Flautre, Kinga Gál, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Ágnes Hankiss, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Timothy Kirkhope, Juan Fernando López Aguilar, Baroness Sarah Ludford, Svetoslav Hristov Malinov, Véronique Mathieu Houillon, Anthea McIntyre, Nuno Melo, Roberta Metsola, Antigoni Papadopoulou, Georgios Papanikolaou, Jacek Protasiewicz, Carmen Romero López, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Renate Sommer, Rui Tavares, Nils Torvalds, Kyriacos Triantaphyllides, Axel Voss, Renate Weber, Josef Weidenholzer, Tatjana Ždanoka, Auke Zijlstra

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Oana Antonescu, Anna Maria Corazza Bildt, Dimitrios Droutsas, Monika Hohlmeier, Jan Mulder

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jürgen Creutzmann, Jelko Kacin, Olle Ludvigsson

Avviż legali - Politika tal-privatezza