Proċedura : 2013/2042(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0269/2013

Testi mressqa :

A7-0269/2013

Dibattiti :

PV 07/10/2013 - 21
CRE 07/10/2013 - 21

Votazzjonijiet :

PV 08/10/2013 - 9.11
CRE 08/10/2013 - 9.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0401

RAPPORT     
PDF 198kWORD 147k
25.9.2013
PE 510.736v03-00 A7-0269/2013

dwar effetti tar-restrizzjonijiet baġitarji għall-awtoritajiet reġjonali u lokali rigward in-nefqa tal-Fondi Strutturali tal-UE fl-Istati Membri

(2013/2042(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Erminia Mazzoni

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-BAĠITS
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar effetti tar-restrizzjonijiet baġitarji għall-awtoritajiet reġjonali u lokali rigward in-nefqa tal-Fondi Strutturali tal-UE fl-Istati Membri

(2013/2042(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012(1),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta' Marzu 2013(2),

–   wara li kkunsidra n-negozjati interistituzzjonali kurrenti dwar il-futur tal-Politika ta' Koeżjoni u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-Euro bl-isem 'Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina'(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar l-Aġenda Urbana Ewropea u l-futur tagħha fil-Politika ta’ Koeżjoni(4),

–   wara li kkunsidra l-proposta leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro(5),

–   wara li kkunsidra l-emendi tiegħu adottati fit-12 ta' Marzu 2013 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom fiż-żona tal-euro(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-11 ta' Marzu 2009 dwar il-Politika ta' Koeżjoni: investiment fl-ekonomija reali(7),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali(8),

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' opinjoni tal-Kumitat għar-Reġjuni tas-6 ta' Marzu 2013 bl-isem 'Sinerġiji bejn l-investiment privat u l-finanzjament pubbliku fil-livelli lokali u reġjonali –Sħubijiet għat-tkabbir ekonomiku u l-prosperità',

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-1 ta' Frar 2013 bl-isem 'Noħolqu sinerġiji ikbar bejn il-baġits tal-UE, nazzjonali u sottonazzjonali',

–   wara li kkunsidra l-memo tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-2012 dwar l-impatt tal-awsterità baġitarja fuq il-finanzji u l-investimenti lokali,

–   wara li kkunsidra n-nota tal-Bank Ewropew tal-Investiment tal-14 ta' Diċembru 2012 dwar l-impatt tar-riċessjoni fl-2008–2009 fuq il-konverġenza reġjonali tal-UE(9),

–   wara li kkunsidra d-dokument okkażjonali tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2012 dwar il-kwalità tal-infiq pubbliku fl-UE(10),

   wara li kkunsidra r-rapport tal-FMI bl-isem 'World Economic Outlook' (Ix-Xejra Ekonomika Dinjija) ta' Ottubru 2012,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0269/2013),

A. billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija xekklet il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-UE u kkawżat qgħad ogħla, inqas PDG u żiedet id-disparitajiet reġjonali u d-defiċits baġitarji fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;

B.  billi l-ħin u s-severità tal-kriżi varjat ħafna fir-reġjuni tal-UE, filwaqt li enfasizzat id-dgħjufijiet strutturali eżistenti minn qabel u ġabet tnaqqis serju fit-tkabbir tal-PDG, rati rekord ta' qgħad, tfaqqir kbir tal-iktar kategoriji soċjali fraġli, u klima tan-negozju deterjorata u fiduċja mnaqqsa tal-konsumatur;

C. billi l-banek u s-swieq finanzjarji qed joqogħdu dejjem iktar lura milli jsellfu, peress li ddeterjorat l-affidabilità kreditizja tal-gvernijiet sovrani u sottonazzjonali;

D. billi ntwera li l-patt fiskali wera mhux xieraq biex jiffaċċja l-isfidi tal-kriżi u billi huwa previst patt tat-tkabbir li jippermetti investimenti importanti fuq skala Komunitarja bħala l-iktar soluzzjoni vijabbli, peress li llum hemm kunsens li l-awsterità finanazjarja u t-tnaqqis baġitarju mingħajr investimenti ma jirxoxtawx l-ekonomija u mhux se joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-ħolqien tal-imjiegi u t-tkabbir ekonomiku;

E.  billi l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej huma maħsuba biex jippromwovu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE kollha, jnaqqsu d-disparitajiet reġjonali, jippromwovu l-konverġenza u jistimulaw l-iżvilupp, l-impjiegi u l-progress soċjali permezz ta' investiment produttiv;

F.  billi l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej huwa bl-istess mod infiq dedikati għall-appoġġ tat-tkabbir u l-kompetittività intelliġenti, inklużivi u sostenibbli u b'hekk għandhom impatt pożittiv fuq id-denominatur tal-proporzjon tad-defiċit għall-PDG;

G. billi l-kollass tal-finanzi pubbliċi fl-UE kollha skattat mill-kriżi tad-dejn sovran irriżulta fit-tixrid ta' politiki ta' awsterità; billi l-effetti tagħhom fuq il-finanzi lokali kienu devastanti, billi kkawżat tnaqqis u moderazzjoni f'diversi linji baġitarji u pperikolaw serjament il-kapaċitajiet ta' finanzjament/kofinanzjament għal investiment produttiv tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

H. billi ftit stati biss baqgħu jappoġġaw l-investiment lokali, filwaqt li oħrajn, iffaċċjati mill-kriżi tad-dejn sovran, iddeċidew li jiffriżaw jew inaqqsu l-appoġġ finanzjarju għall-investiment tal-awtoritajiet lokali, b'tendenza qawwija li jiġu ċentralizzati u jiddaħħlu regoli interni tal-patt ta' stabilità li naqqsu drastikament l-investiment;

I.   billi t-tnaqqis baġitarju sostanzjali li sar f'oqsma u f'setturi importanti jikkostitwixxi wieħed mill-ikbar problemi li bħalissa qed jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

J.   billi l-gvernijiet sottonazzjonali huma atturi reġjonali ewlenin tal-iżvilupp: dawn jirrapreżentaw 60 % tal-investiment pubbliku u 38 % tal-infiq statali konsolidat 'għall-affarijiet ekonomiċi', u b'hekk jinkludu l-parti l-kbira tal-infiq li jista' jinfluwenza l-iżvilupp reġjonali, bħal dak għall-affarijiet kummerċjali u tal-impjiegi, l-agrikola, it-trasport u r-R&Ż;

K. billi fl-UE, l-investiment aġixxa bħala aġġustament varjabbli f'żewġ pajjiżi minn tlieta, parzjalment minħabba l-isforzi li saru fl-2009 fil-ġlieda kontra l-kriżi; billi naqas l-investiment dirett fi sbatax-il stat Membru fl-2011, meta mqabbel mal-2010, u naqas b'iktar minn 10 % f'għaxar pajjiżi fl-2011 (l-Awstrija, il-Latvja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, il-Bulgarija, il-Greċja, il-Portugall, l-Ungerija u Spanja); billi t-tnaqqis fl-investiment li beda fl-2010 (l-għotjiet ta' investiment mill-gvernijiet ċentrali niżlu bi -8.7 %) qed ikompli u jidher li se jidħol fi spirali negattiva;

L.  billi l-livell ta' dejn tal-kollettivitajiet lokali huwa ferm iktar baxx minn dak tal-protagonisti nazzjonali;

M. billi l-awtoritajiet sottonazzjonali huma meħtieġa jipparteċipaw fl-isforz ta' konsolidazzjoni u jnaqqsu d-defiċits u d-dejn tagħhom filwaqt li l-kundizzjonijiet tas-self iddeterjoraw għall-gvernijiet subonazzjonali finanzjarjament dgħajfa;

N. billi l-investiment pubbliku huwa essenzjali għall-inklużjoni soċjali u billi l-ħtiġijiet ta' investiment huma sostanzjali f'ħafna setturi kruċjali fl-ekonomija tal-UE, bħas-suq tax-xogħol, l-infrastruttura, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

O. billi, wara perjodu ta' żieda fil-konverġenza fl-UE bejn l-2000 u l-2007, il-konverġenza naqqset il-pass tagħha b'mod sostanzjali matul il-riċessjoni; billi r-reġjuni l-aktar milquta kienu dawk b'investimenti mhux sostenibbli u spekulattivi u dawk b'setturi tal-manifattura tal-esportazzjoni qawwija;

P.  billi l-mekkaniżmu ta' assorbiment tal-fondi strutturali tal-Unjoni jimplika li l-Kummissjoni tista' biss tirrimborża ħlasijiet intermedji abbażi ta' dikjarazzjonijiet ta' nefqa diġà appoġġati fl-Istati Membri;

Q. billi l-kofinanzjament nazzjonali pubbliku tal-fondi strutturali tal-Ue-27 għall-perjoud ta' programmazzjoni 2007-2013 jammonta għal madwar EUR 132 biljun, u billi ċifra bħal din tirrappreżenta prekundizzjoni għall-assorbiment regolari ta' dawn il-fondi kif ukoll għall-kwalità tal-investimenti, billi tiżdied l-awtonomizzazzjoni u r-responsabbiltà fil-qasam tal-użu tal-fondi tal-Unjoni;

R.  billi l-kofinanzjament pubbliku tal-programmi appoġġati mill-Politika ta' Koeżjoni jista' jiġi kompromess minħabba n-nuqqas ta' flessibilità fl-applikazzjoni tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir (PST), u dan jillimita l-kontribuzzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni għat-titjib tal-kompetittività u biex tingħeleb il-kriżi attwali;

Osservazzjonijiet ġenerali

1.  Jinnota bi tħassib kbir il-mudell ċar ta' żieda fl-inugwaljanza reġjonali fl-UE llum, billi bosta reġjuni relattivament foqra jinsabu fl-Istati Membri l-ġodda u fin-Nofsinhar tal-Ewropa u l-parti l-kbira tar-reġjuni sinjuri jinsabu fl-Ewropa Ċentrali u tat-Tramuntana, u anke fl-Istati Membri nnifishom u r-reġjuni tagħhom; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza primarja tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE bħala għodda ewlenija għall-investiment immirat lejn il-konverġenza u l-iżvilupp sostenibbli fl-UE;

2.  Jenfasizza li l-ekonomija lokali hija fattur ta' rkupru ewlieni għall-komunitajiet u li dan huwa importanti fis-sitwazzjoni attwali ta' kriżi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-ekonomija soċjali fit-titjib tal-koeżjoni soċjali fil-livell lokali; Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu opportunitajiet ta' ffinanzjar għall-ekonomija soċjali permezz tal-Fondi Strutturali għall-perjodu 2014–2020;

3.  Itenni l-importanza tal-Politika ta' Koeżjoni bħala l-istrument ewlieni ta' investiment tal-Unjoni, li għandu rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-kriżi, it-tnaqqis fl-inugwaljanzi u l-involviment tal-UE u r-reġjuni tagħha fit-triq tat-tkabbir sostenibbli; jenfasizza r-rwol speċjali tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fl-appoġġar tal-investiment soċjali u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, b'mod partikolari billi jikkontribwixxi għal livelli għoljin ta' impjieg sostenibbli u produttività u, fl-istess ħin, jiġġieled b'mod effettiv il-faqar u l-esklużjoni soċjali kif ukoll tiżdied il-koeżjoni soċjali; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li jkunu żgurati dispożizzjonijiet baġitarji suffiċjenti fil-kuntest tan-negozjati tal-QFP għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment, filwaqt li jitqies partikolarment is-sehem ewlieni tagħhom ta' investiment f'oqsma bħall-impjiegi, l-innovazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, l-ekonomija b'karbonju baxx u l-appoġġ għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

4.  Jirrimarka li l-Politika ta' Koeżjoni wriet li tiflaħ għall-kriżi, bl-adattament tal-programmi tagħha u l-istrumenti ta' finanzjament u b'hekk tipprovdi flessibilità akbar u tagħti kontribut kruċjali f'oqsma fejn huwa meħtieġ investiment għall-modernizzazzjoni ekonomika u l-kompetittività mtejba u għat-tnaqqis fid-disparitajiet ġeografiċi;

Il-kapaċità ta' finanzjament tar-reġjuni tal-UE u s-sinerġiji bejn il-livell reġjonali, il-livell nazzjonali u dak tal-UE

5.  Jenfasizza r-rwol li għandhom bosta kollettivitajiet lokali fl-ibbilanċjar mill-ġdid tal-baġit billi jżommu l-livell ta' investiment pubbliku u jikkofinanzjaw proġetti ġodda u jipprovdu effett ta' lieva, speċjalment meta l-investiment privat ikun baxx; jenfasizza l-fatt li, fi żmien ta' riċessjoni u tkabbir dgħajjef, l-akkwisti pubbliċi sostenibbli u l-kapaċità ta' finanzjament/kofinanzjament u tal-teħid ta' impenji għall-investiment hija kruċjali sabiex jinżamm il-potenzjal tat-tkabbir;

6.  Huwa mħasseb li l-miżuri ta' awsterità mtawla u l-governanza ekonomika stretta mwettqa fl-2011 u l-2012, li żiedu l-pressjoni u naqqsu l-baġits pubbliċi, qed jirriskjaw li jnaqqsu l-ambitu tal-politiki lokali mmirati li jissodisfaw l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi restawrata u tijieb il-kapaċità finanzjarja, fil-livell sottonazzjonali, u li tiġi provduta assistenza teknika adegwata, speċjalment fl-implimentazzjoni ta' proġetti konġunti kumplessi mmexxija lokalment, sabiex jiġi żgurat l-investiment pubbliku għall-programmi u l-proġetti mmirati lejn it-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u r-ristawr tat-tessut soċjali, il-forniment ta' servizzi soċjali u ta' kura tas-saħħa adegwati u l-iżgurar tal-impjiegi, speċjalment fil-livell reġjonali u f'dak lokali; itenni li l-allokazzjoni addizzjonali speċifika għar-reġjuni l-aktar imbiegħda m'għandhiex tkun soġġetta għall-konċentrazzjoni tematika u għandha tintuża sabiex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE, li jġarrbu r-reġjuni l-aktar mbiegħda jinnota, barra minn hekk, li l-allokazzjoni addizzjonali speċifika tista' tintuża ukoll sabiex tgħin fil-finanzjament ta' għajnuna operattiva u ta' nfiq li jkopri obbligi tas-servizz pubbliku u kuntratti fir-reġjuni l-aktar mbiegħda;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ iktar il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u li jsiru iktar sforzi biex titnaqqas il-burokrazija li taffettwa b'mod negattiv ukoll lil dawn l-awtoritajiet bħala benefiċjarji u tirrestrinġi l-kapaċità tagħhom li jimplimentaw il-proġetti ffinanzjati mill-UE;

9.  Jitlob lill-istituzzjonijiet itejbu d-dispożizzjonijiet eżistenti sabiex ir-reġjuni ta’ ċerti Stati Membri li ntlaqtu partikolarment ħażin mill-kriżi finanzjarja jkunu jistgħu jkomplu jtejbu l-kapaċità tagħhom li jassorbu l-fondi strutturali u ta’ koeżjoni u jipprevjenu d-diżimpenji enormi antiċipati;

10. Jitlob li r-regoli jiġu simplifikati iktar u li jkun hemm flessibilità u trasparenza miżjuda fl-ipprogrammar u l-ġestjoni tal-Fondi Strutturali, li se jippermettu implimentazzjoni aħjar tal-proġetti kif ukoll reazzjonijiet aktar fil-pront u aktar xieraq għall-isfidi u t-theddid soċjali;

11. Jilqa' r-Rapport tal-2012 tal-Kummissjoni dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-UEM u speċjalment il-kapitolu dwar id-Deċentralizzazzjoni Fiskali fl-UE, li jenfasizza l-validità ta' mudell fiskali federalista li jagħti r-responsabilitajiet għall-ħolqien tal-introjtu kif ukoll l-infiq lill-awtoritajiet substatali; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi tali kapitolu dwar l-istat tal-finanzi pubbliċi u r-riformi substatali fir-rapport tas-sena d-dieħla dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-UEM;

12. Jenfasizza l-ħtieġa għal sinerġiji akbar bejn il-baġit tal-infiq pubbliċi nazzjonali, dak sottonazzjonali u dak Ewropew permezz tal-istabbiliment ċar tar-rwoli u r-responsabilitajiet tal-awtoritajiet baġitarji differenti fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u dak substatali, inkluż li dawn ikunu ċari dwar ir-rwol u r-raġuni għall-politika tal-UE u l-intervent tal-finanzjament, jirrispettaw il-perjodi ta' pagament iffissati fid-Direttiva 2011/7/UE dwar il-Ħlas Tardiv, jirrispettaw is-sussidjarjetà u d-drittijiet baġitarji tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (ir-rwol tagħhom fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fl-iskrutinju), jiġifieri r-responsabilizzazzjoni demokratika tagħhom għall-komunitajiet li jeleġġuhom, u li jiżguraw l-awtonomija ta' kull livell ta' governanza fid-determinazzjoni tal-prijoritajiet u tal-infiq; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi data fattwali ċara dwar kif jista’ jissaħħaħ ir-rwol tal-baġit tal-UE li juża l-influwenza tiegħu biex iqanqal investimenti fil-livelli differenti;

13. Jappoġġa bil-qawwa aktar trasparenza u semplifikazzjoni tal-proċessi baġitarji fil-livelli kollha ta' governanza (inkluża l-identifikazzjoni tas-sorsi ta' finanzjament tal-UE espliċitament fil-baġits nazzjonali u substatali), kif ukoll li tiġi żgurata d-disponibilità tad-data fil-livell tal-UE dwar il-profili ta' nfiq tal-programmi ta' finanzjament tal-UE fil-livell reġjonali (meta dan ikun possibbli), iżda wkoll li jiġi ċċarat kif il-prijoritajiet u l-finanzjament huma allinjati fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u dak substatali lejn il-prijoritajiet mifthiema fil-livell tal-tal-UE;

14. Jenfasizza l-importanza tal-adattament għal-limiti baġitarji li għaddejjin fl-Ewropa, filwaqt li jibqa' jsir investiment fil-ġejjieni; ifakkar lill-Istati Membri li l-isfida mhijiex li jintnefaq aktar, imma li jsir infiq b'mod aktar effiċjenti;

15. Jilqa' l-fatt li taħt il-Politika ta' Koeżjoni l-applikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji qed tiġi estiża għall-objettivi tematiċi kollha u għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej kollha; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi u valutazzjoni bir-reqqa tal-potenzjal tal-mezzi u s-sorsi l-ġodda ta' finanzjament biex jiġi appoġġat l-investiment għat-tkabbir, bħas-suq tal-bonds, l-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju u l-użu ta' strumenti finanzjarji innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jipproponu modi innovattivi ta' finanzjament tal-investimenti għat-terminu twil tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, anke billi jiġi attirat il-kapital privat; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-iskemi ta' self tal-BEI fil-finanzjament ta' proġetti ta' interess Ewropew, u jitlob li jkun hemm iktar koordinazzjoni u sinerġija bejn tali skemi u l-Fondi Strutturali;

16. Jenfasizza l-importanza ta' JESSICA għall-appoġġ tal-iżvilupp sostenibbli fil-bliet u r-rijabilitazzjoni taż-żoni urbani permezz ta' mekkaniżmi ta' inġinerija finanzjarja u jitlob li jiżdied l-użu ta' JESSICA għall-perjodu ta' programmazzjoni futur;

Il-governanza ekonomika tal-UE u l-investiment għat-tkabbir u l-impjiegi

17. Jenfasizza r-rwol li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista' jkollhom fl-ilħiq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; itenni l-importanza tas-sħubija bejn l-awtoritajiet ċentrali u dawk reġjonali u lokali fl-istabbiliment tal-prijoritajiet u fl-għoti tal-kofinanzjament meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-programmi bħala prekundizzjoni għall-kisba ta' effett massimu b'riżorsi limitati fit-tentattivi li jintlaħqu dawn l-objettivi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-istrumenti l-ġodda għal żvilupp lokali mmexxi mill-komunità, li jippermetti gruppi ta' azzjoni fil-livell lokali biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji lokali għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jistieden lill-Istati Membri biex jipprevedu opportunitajiet bħal dawn bħala parti mill-proċess ta' programmar attwali sabiex isir użu mill-potenzjal kbir tal-gruppi ta' azzjoni lokali fir-rigward tal-innovazzjoni; jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u, meta applikabbli, tas-sħab soċjali u sħab relevanti oħra fl-ipprogrammar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Fondi Strutturali u l-preparazzjoni tal-ftehimiet ta' sħubija, li jistgħu jirriżultaw f'rabtiet aħjar bejn l-istrateġiji tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali;

18. Jesprimi t-twemmin li hemm bżonn konċentrazzjoni tematika fuq għadd żgħir ta' prijoritajiet; jenfasizza, madankollu, li l-flessibilità hija meħtieġa biex l-Istati Membri u r-reġjuni jkunu jistgħu jirreaġixxu b'mod kemm jista' jkun effettiv għal miri komuni, filwaqt li jiġu rrispettati wkoll l-ispeċifiċitajiet territorjali, ekonomiċi u soċjali;

19. Itenni bil-qawwa l-oppożizzjoni tiegħu għall-introduzzjoni ta' kundizzjonalità makroekonomika fil-Politika ta' Koeżjoni 2014–2020 li tippenalizza r-reġjuni u l-gruppi soċjali li diġà huma mdgħajfa mill-kriżi permezz tas-sospensjoni tal-pagamenti li possibbilment ikollhom effetti sproporzjonati f'xi Stati Membri u speċjalment fir-reġjuni, minkejja l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fl-isforzi biex jibbilanċjaw il-baġits pubbliċi, u li sservi biss biex iddgħajjef lill-istati li jinsabu f'diffikultà finanazjarja u tagħmel ħsara lill-isforzi ta' solidarjetà li huma essenzjali biex jinżamm il-bilanċ makroekonomiku fl-Unjoni; hu tal-fehma, barra minn hekk, li approċċ ta' sanzjonijiet bħal dan jista' ma jinftiehemx mill-pubbliku in ġenerali u jista' jżid in-nuqqas ta' fiduċja f'mument meta n-nies diġà tinsab affettwata minn kriżi u mill-effetti tal-politiki ta' awsterità;

20. Iqis li f'dan il-perjodu ta' tnaqqis fil-finanzjamenti pubbliċi, għandu jiġi rikunsidrat il-prinċipju tal-addizzjonalità biex l-applikazzjoni ssir koerenti mal-kuntest tal-governanza ekonomika Ewropea, u jitlob li jsir dibattitu dwar din il-kwistjoni fil-kuntest tan-negozjati dwar il-Politika ta' Koeżjoni wara l-2013;

21. Jinnota li l-kummenti riċenti tal-FMI li l-awsterità ddgħajjef il-pajjiżi fejn tiġi applikata bla ħsieb, minħabba li meta l-perspettiva ekonomika globali tkun fqira, it-tnaqqis preċipitat tad-defiċit tal-gvern ixekkel l-irkupru għat-terminu qasir billi jbaxxi d-dħul mit-taxxi u b'hekk iżid iktar id-defiċit; jaqbel mal-FMI li jeħtieġ li titqiegħed enfasi fuq il-bilanċ mill-ġdid bejn it-tindif u t-tkabbir, u mhux biss fuq it-tindif tal-finanzi pubbliċi;

22. Jilqa' l-proposta mressqa minn bosta Stati Membri biex, fil-kuntest tan-negozjati dwar il-QFP, tiġi inkluża "klawsola ta' reviżjoni" tal-kontijiet bejn l-2015 u l-2016 li tippermetti żieda fil-baġit matul l-eżekuzzjoni tiegħu favur oqsma kruċjali, bħall-impjieg taż-żgħażagħ u l-impriżi żgħar u ta' daqs medju;

23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jisfruttaw il-marġnijiet kollha ta' flessibilità li jeżistu fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir (PST) għall-bilanċ tal-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku produttiv u sostenibbli mal-objettivi tad-dixxiplina fiskali; iqis li dan jista' jsir, pereżempju, bl-esklużjoni tal-volumi aggregati tal-kofinanzjament nazzjonali taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej mil-limiti imposti mill-PST, billi l-kalkoli għall-iskopijiet tal-Patt jiġu bbażati fuq ir-rekwiżiti ta' awtofinanzjament netti ta' Stat Membru, u mhux fuq ir-rekwiżiti grossi, jiġifieri n-nett tat-taxxi pagabbli fuq l-ispejjeż effettivi (partikolarment il-VAT), jew inkella bl-applikazzjoni ta' fażijiet skont skadenzi differenti taż-żewġ sorsi (Ewropew u nazzjonali) ta' finanzjament tal-programmi, sabiex l-fondi jkunu kompletament Ewropej matul l-ewwel snin ta' programm u jiġu fl-intier tagħhom minn sors nazzjonali fl-aħħar snin, filwaqt li wieħed jassumi li l-Istat Membru individwali kkonċernat sa dakinhar ikun irnexxielu jikseb riżultati tanġibbli f'termini tal-politika tal-osservanza tal-proporzjoni tad-dejn f'paragun mal-PDG;

24. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li n-nefqa pubblika mġarrba mill-Istati Membri għall-programmi ta' kofinanzjament appoġġati mill-Fondi Strutturali ma tidhirx fost l-ispejjeż strutturali, pubbliċi jew assimilati, ikkunsidrati fil-qafas ta' ftehim ta' sħubija għall-kontroll tar-rispett tal-PTS, sakemm dan ikun obbligu dovut direttament għall-osservanza tal-prinċipju ta' addizzjonalità; jitlob, għalhekk, li n-nefqa pubblika relatata mal-implimentazzjoni tal-programmi kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej tkunu eskluża kompletament mid-definizzjoni ta' defiċits strutturali tal-PST għax din hija nefqa dedikat għall-ilħiq tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li tappoġġa l-kompetittività, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, speċjalment f'dak li jikkonċerna l-impjiegi għaż-żgħażagħ;

25. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar il-kamp ta' applikazzjoni għal azzjoni possibbli fil-konfini tal-qafas fiskali eżistenti tal-UE sabiex tiġi indirizzata iktar il-kwistjoni tas-separazzjoni tal-infiq kurrenti u l-investiment fil-kalkoli tad-defiċit tal-baġit sabiex jiġi evitat li l-investimenti pubbliċi b'benefiċċji netti fit-tul jiġu kkalkolati bħala negattivi;

26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu, fil-kuntest tan-negozjati kurrenti dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-futur, il-marġni kollha ta' flessibbiltà fil-qafas ta' governanza makroekonomika sabiex jippermettu l-investiment produttiv, b'mod partikolari billi terġa' tifformula l-relazzjoni bejn il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir u l-investiment pubbliku produttiv u teskludi n-nefqa pubblika relatata mal-implimentazzjoni tal-programmi kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment fil-qafas ta' politiki favur it-tkabbir mir-regoli ta' sorveljanza baġitarja skont il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir;

27. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/131388.pdf.

(2)

http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/136151.pdf.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2012)0430.

(4)

ĠU C 390 E, 18.12.2012, p. 10.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2013)0070.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2013)0069.

(7)

ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 113.

(8)

Testi adottati, P7_TA(2013)0078.

(9)

http://www.eib.org/infocentre/publications/all/econ-note-2012-regional-convergence.htm.

(10)

http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/occasional_paper/2012/pdf/ocp125_en.pdf.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-kriżi kurrenti tpoġġi restrizzjonijiet sinifikanti fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, l-awtoritajiet sottonazzjonali (reġjonali u lokali) qed jiġu ffaċċjati dejjem iktar bi sfida kbira fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jiżguraw investiment produttiv. Min-naħa waħda, dawn huma xhieda ta' tnaqqis qawwi fl-introjti, peress li l-gvernijiet ċentrali jnaqqsu t-trasferimenti u jitolbu lill-gvernijiet reġjonali u lokali biex jikkontribwixxu lejn l-awsterità, filwaqt li, min-naħa l-oħra, ikollhom jiżguraw servizzi soċjali dejjem iktar eżiġenti, bħala riżultat tal-kriżi, ħaġa li titfa' iktar pressjoni fuq il-fondi pubbliċi tagħhom.

F'dan il-kuntest partikolari, ir-rapporteur tqis li huwa importanti li tagħmel proposti konkreti sabiex tkun permessa l-flessibbiltà kollha possibbli għall-kofinanzjament nazzjonali tan-nefqa għall-iżvilupp tal-UE f'kuntest ta' implimentazzjoni rigoruża tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir. Dan se jsir billi jiġi analizzat sa liema punt il-kriżi attwali kellha impatt fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet sottonazzjonali li jilħqu l-objettivi ta' tkabbir u impjiegi li jinsabu fl-Istrateġija Ewropa 2020 u billi jiġu suġġeriti modi biex titjieb il-kapaċità finanzjarja ta' dawn l-entitajiet lejn investimenti produttivi.

Minħabba n-negozjati attwali dwar il-Politika ta' Koeżjoni futura, dwar il-QFP u, f'termini iktar ġenerali, id-dibattitu dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-futur, ir-rapporteur tenfasizza l-importanza politika kbira li l-Parlament jidentifika u jirrakkomanda għażliet vijabbli biex l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jinvestu fit-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, ir-rapporteur tqis neċessarju li jiġu sfruttati b'mod partikolari l-marġini kollha ta' flessibbiltà fil-qafas ta' governanza makroekonomika sabiex ikun jista' jsir investiment adegwat, b'mod partikolari li tiġi fformulata mill-ġdid ir-relazzjoni bejn il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir u l-investiment pubbliku produttiv. Il-Kummissjoni hija mistiedna b'mod qawwi biex tirrapporta dwar dan sal-31 ta' Lulju 2013, kif mitlub fl-hekk imsejħa "Two Pack":

-          li n-nefqa pubblika relatata mal-implimentazzjoni tal-programmi kofinanzjati fil-qafas tal-Politika ta' Koeżjoni u l-politika dwar l-iżvilupp rurali għandha tkunu eskluża mil-limitazzjonijiet tal-PST għax din hi nefqa dedikata għall-appoġġ tal-kompetittività u t-tkabbir;

-          li jiġu sfruttati l-possibiltajiet imqiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir sabiex il-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku produttiv jiġu bbilanċjati mal-objettivi tad-dixxiplina fiskali.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-BAĠITS (27.6.2013)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar l-effetti tar-restrizzjonijiet baġitarji għall-awtoritajiet reġjonali u lokali rigward in-nefqa tal-Fondi Strutturali tal-UE fl-Istati Membri

(2013/2042(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Derek Vaughan

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-baġit tal-UE huwa primarjament baġit ta’ investiment, b’94 % mill-volum totali tiegħu investit mill-ġdid fl-Istati Membri, u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għal sehem sostanzjali mill-infiq pubbliku fl-Ewropa;

2.  Jisħaq fuq il-fatt li l-politika ta’ koeżjoni għandha rwol kruċjali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, fl-għoti ta' spinta lill-impjiegi u t-tkabbir u fit-tnaqqis tal-iżbilanċji makroekonomiċi;

3.  Jitlob li tingħata prijorità għall-ħolqien ta’ sinerġiji bejn il-baġits tal-UE, tal-Istati Membri, kif ukoll fil-livell lokali u reġjonali; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi data fattwali ċara dwar kif jista’ jissaħħaħ ir-rwol tal-baġit tal-UE li juża l-influwenza tiegħu biex iqanqal investimenti fil-livelli differenti; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ fil-livelli kollha mill-opportunitajiet ta’ finanzjament addizzjonali previsti mill-Bank Ewropew tal-Investiment u mill-istrument il-ġdid ta’ bonds tal-proġetti; jilqa' barra minn hekk il-fatt li l-applikazzjoni ta’ strumenti finanzjarji qed tiġi estiża taħt il-politika ta' koeżjoni għall-objettivi tematiċi kollha u għall-fondi kollha tal-QSK;

4.  Jinsab imħasseb li l-qtugħ fil-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni tal-QFP li jmiss se jnaqqas il-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jinvestu fi tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jenfasizza li l-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni għandu tal-anqas jinżamm fil-livell preżenti;

5.  Jitlob lill-istituzzjonijiet itejbu d-dispożizzjonijiet eżistenti sabiex ir-reġjuni ta’ ċerti Stati Membri li ntlaqtu partikolarment ħażin mill-kriżi finanzjarja jkunu jistgħu jkomplu jtejbu l-kapaċità tagħhom li jassorbu l-fondi strutturali u ta’ koeżjoni u jipprevjenu d-diżimpenji enormi antiċipati;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li l-kondizzjonalitá makroekonomika mhijiex aċċettabbli peress li tista’ tikkawża diffikultajiet għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u potenzjalment toħloq riskji għall-kisba tal-obbligi fuq żmien twil; itenni li l-introduzzjoni ta’ kondizzjonalità mekroekonomika kieku taffettwa lil dawk ir-reġjuni li l-aktar għandhom bżonn u jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma għandhomx jiġu penalizzati għad-diffikultajiet li jinħolqu fil-livell ta’ Stat Membru; jissottolinja, barra minn hekk, l-oppożizzjoni tiegħu għar-riżerva ta’ rendiment, li tista’ taqta’ qalb ir-reġjuni biex, minflok jagħżlu proġetti aktar ambizzjużi u innovattivi, jagħżlu proġetti b’miri li jistgħu jinkisbu aktar faċilment;

7.  Jesprimi t-twemmin li hemm bżonn konċentrazzjoni tematika fuq għadd żgħir ta' prijoritajiet; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li l-flessibilità hija meħtieġa biex l-Istati Membri u r-reġjuni jkunu jistgħu jwieġbu bl-aktar mod effikaċi għall-miri komuni, filwaqt li jirrispettaw ukoll l-ispeċifiċitajiet territorjali, ekonomiċi u soċjali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

27.6.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Reimer Böge, Jean Louis Cottigny, Jean-Luc Dehaene, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Jens Geier, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Giovanni La Via, Claudio Morganti, Jan Mulder, Dominique Riquet, Alda Sousa, Helga Trüpel, Derek Vaughan

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georgios Stavrakakis


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI (21.6.2013)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar effetti tar-restrizzjonijiet baġitarji għall-awtoritajiet reġjonali u lokali rigward in-nefqa tal-Fondi Strutturali tal-UE fl-Istati Membri

(2013/2042(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jan Kozłowski

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li, fi żmien ta' kriżi li tirriżulta f'domanda dejjem tikber għas-servizzi soċjali ta' kwalità, il-pressjoni fuq l-awtoritajiet reġjonali u lokali bħala riżultat ta' limiti finanzjarji qed ikollha effett negattiv fuq il-koeżjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-impjieg sostenibbli; jenfasizza li l-awtoritajiet reġjonali u lokali qed jaffaċċjaw ostakli biex jittrattaw problemi bħall-faqar u l-esklużjoni soċjali, u għalhekk biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa 2020;

2.  Jenfasizza r-rwol speċjali tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fl-appoġġjar tal-investiment soċjali u l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020, b'mod partikolari billi jikkontribwixxi għal livelli għoljin ta' impjieg sostenibbli u produttività u, fl-istess ħin, jiġġieled b'mod effettiv il-faqar u l-esklużjoni soċjali kif ukoll tiżdied il-koeżjoni soċjali;

3.  Jilqa' s-simplifikazzjoni tal-proċeduri marbuta mal-implimentazzjoni tal-FSE u l-aċċessibbiltà miżjuda tal-Fond, b'mod partikolari għal proġetti iżgħar fil-livell lokali, li jippermetti rispons aħjar u aktar fil-pront għall-isfidi ppreżentati mis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali diffiċli u għal parteċipazzjoni usa' minn organizzazzjonijiet benefiċjarji fl-implimentazzjoni tal-investimenti; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-istrumenti l-ġodda għal żvilupp lokali mmexxi mill-komunità, li jippermetti gruppi ta' azzjoni fil-livell lokali biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji lokali tal-impjieg; jistieden lill-Istati Membri biex jipprevedu opportunitajiet bħal dawn bħala parti mill-proċess ta' programmar attwali sabiex isir użu mill-potenzjal kbir tal-gruppi ta' azzjoni lokali fir-rigward tal-innovazzjoni;

4.  Jemmen li l-infiq tal-koeżjoni għandu joffru l-livell xieraq ta' flessibilità sabiex jippermetti lill-Istati Membri li jindirizzaw il-konġestjonijiet tal-politiki speċifiċi tagħhom stess sabiex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020;

5.  Jenfasizza l-importanza tal-adattament għal-limiti baġitarji li għaddejjin fl-Ewropa, filwaqt li jibqa' jsir investiment fil-ġejjieni; ifakkar lill-Istati Membri li l-isfida mhijiex li jintnefaq aktar, imma li jsir infiq aktar effiċjenti.

6.  Jinnota li fi tmiem l-2012, it-talbiet għall-ħlas li jammontaw għal EUR 4.2 biljun ma setgħux jiġu onorati f'isem l-FSE u qed jitħallsu mill-envelopp tal-2013; jisħaq fuq l-impatt negattiv tat-treġġigħ lura fir-rigward tal-implimentazzjoni dwar is-sitwazzjoni tat-teżor tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-benefiċjarji; barra minn hekk jenfasizza li mill-ammont globali ta' EUR 11.2 biljun previst fil-Baġit ta' Emenda Nru.2/2013, EUR 3.253 biljun huma maħsubin għall-FSE u li dan il-baġit ta' emenda għandu jitħallas kollu kemm hu, possibilment f'żewġ passi; jitlob impenn politiku mill-Kunsill biex l-obbligi legali kollha dovuti fl-2013 jitħallsu sal-aħħar ta' din is-sena;

7.  Jitlob għat-tnaqqis tal-livell globali ta' reste à liquider (RAL), li jikkostitwixxi theddida serja għall-użu effettiv tal-politika ta' koeżjoni li tfixkel l-investimenti futuri fit-tkabbir u l-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħmlu l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi disponibbli taħt il-Fondi ta' Koeżjoni u Strutturali, permezz ta' ppjanar sod ta' proġetti u applikazzjonijiet, u biex jiġi żgurat li l-kofinanzjament ikun appoġġjat kif suppost;

8.  Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni hija fattur importanti li jagħti spinta lill-investiment pubbliku u privat, bil-potenzjal li jgħin biex jiżviluppa governanza tajba u parteċipazzjoni pubblika fil-livelli kollha, b'hekk ikun hemm kontribut simultanju għat-tkabbir ekonomiku, l-impjieg, l-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni soċjali fl-Unjoni kollha u fir-reġjuni li jibbenefikaw direttament minnu, b'hekk tiġi żgurata s-solidarjetà fost iċ-ċittadini Ewropej u r-reġjuni Ewropej; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li anki fi żminijiet ta' kriżi, l-atturi lokali għadhom ipprovduti bir-riżorsi finanzjarji neċessarji biex ikunu kapaċi jużaw il-Fondi Strutturali;

9.  Jappoġġja bis-sħiħ bidla fil-prijoritajiet tal-infiq b'tali mod li l-Istati Membri jinvestu fi tkabbir fuq perjodu twil, inkluż investiment fl-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, li jista' jkollhom rwol importanti biex jagħtu spinta lill-kompetittività tal-Istati Membri;

10. Jenfasizza li l-ekonomija lokali hija fattur ta' rkupru ewlieni għall-komunitajiet u li dan huwa importanti fis-sitwazzjoni attwali ta' kriżi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-ekonomija soċjali fit-titjib tal-koeżjoni soċjali fil-livell lokali; Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu opportunitajiet ta' ffinanzjar għall-ekonomija soċjali permezz tal-Fondi Strutturali għall-perjodu 2014-2020;

11. Jenfasizza r-rwol li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista' jkollhom fit-tisħiħ ta' tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi, fit-trawwim tat-tessut soċjali u fil-promozzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, in-netwerks intelliġenti u l-mobilità sostenibbli;

12. Jenfasizza li l-governanza ekonomika tal-UE għandha tkun flessibbli biżżejjed biex tippermetti investimenti favur it-tkabbir u li joħolqu l-impjieg, li huma appoġġjati mill-politika ta' koeżjoni, sakemm dawn ma jwasslux biex l-Istati Membri jaqbżu l-livelli ta' dejn u defiċit miftiehem fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir imġedded;

13. Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u, fejn ikun applikabbli, tas-sħab soċjali u sħab relevanti oħrajn fl-ipprogrammar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Fondi Strutturali, li jirriżultaw f'rabtiet aħjar bejn l-istrateġiji tal-UE, nazzjonali u reġjonali; iħeġġeġ l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kulfejn hu possibbli, biex jiżviluppaw parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili sabiex jiġi żgurat li l-proġetti jirċievu l-appoġġ u l-iffinanzjar neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi tagħhom;

14. Jitlob għal aktar trasparenza fl-użu ta' fondi u għal komunikazzjoni aħjar li jwasslu għal sjieda aktar ġenerali, apprezzament u kontroll tal-użu tal-fondi;

15. Jitlob għal aktar simplifikazzjoni tar-regoli u għal flessibilità u trasparenza miżjuda fl-ipprogrammar u l-ġestjoni tal-Fondi Strutturali, li b'hekk jippermettu implimentazzjoni aħjar tal-proġetti kif ukoll rispons aktar fil-pront u aktar xieraq għall-isfidi u t-theddid soċjali;

16. Jenfasizza li ma hemm l-ebda relazzjoni diretta bejn il-prestazzjoni tal-politika reġjonali u l-prestazzjoni makroekonomika ta’ Stat Membru, u li r-reġjuni m’għandhomx jiġu kkastigati għan-nuqqas ta’ konformità fil-livell nazzjonali mal-proċeduri relatati mal-governanza ekonomika; jemmen li jekk jiġu imposti penali addizzjonali, il-problemi ta' dawk l-Istati Membri li diġà qed jaffaċċjaw diffikultajiet makroekonomiċi jistgħu jiggravaw u li għalhekk, dawn il-kundizzjonalitajiet makroekonomiċi mhumiex aċċettabbli.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.6.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Heinz K. Becker, Jean-Luc Bennahmias, Phil Bennion, Philippe Boulland, Milan Cabrnoch, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Marije Cornelissen, Emer Costello, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Richard Falbr, Thomas Händel, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Jean Lambert, Verónica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Csaba Őry, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Kinga Göncz, Sergio Gutiérrez Prieto, Jelko Kacin, Jan Kozłowski, Svetoslav Hristov Malinov, Evelyn Regner, Birgit Sippel

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jorgo Chatzimarkakis, Jürgen Klute


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

10.7.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Catherine Bearder, Victor Boştinaru, John Bufton, Nikos Chrysogelos, Francesco De Angelis, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Vincenzo Iovine, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva Kekuš, Constanze Angela Krehl, Jacek Olgierd Kurski, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Vladimír Maňka, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Younous Omarjee, Markus Pieper, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Cozzolino, Karima Delli, Cornelia Ernst, Ivars Godmanis, James Nicholson, Elisabeth Schroedter, Evžen Tošenovský

Avviż legali - Politika tal-privatezza