RAPPORT dwar is-Suq Intern għas-Servizzi: Is-sitwazzjoni attwali u l-passi li jmiss
18.7.2013 - (2012/2144(INI))
Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Anna Maria Corazza Bildt
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar is-Suq Intern għas-Servizzi: Is-sitwazzjoni attwali u l-passi li jmiss
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi – Sħubija għal tkabbir ġdid fis-servizzi 2012-2015” (COM(2012)0216) u d-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjawha,
– wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni bit-titolu “L-impatt ekonomiku tad-Direttiva dwar is-Servizzi: L-ewwel valutazzjoni wara l-implimentazzjoni” (Studji Ekonomiċi Nru 456),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi – nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi” (COM(2011)0020) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha bit-titolu “Dwar il-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi” (SEC(2011)0102),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid” (COM(2012)0573),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Governanza Aqwa tas-Suq Uniku” (COM(2012)0259),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku: Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja” (COM(2011)0206),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku” (COM(2010)0608),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Marzu 2013 dwar il-kontribut tal-politiki Ewropej għat-tkabbir u l-impjiegi,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012 dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2011 dwar funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi – il-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Frar 2013 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-governanza tas-Suq Uniku[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-20 preokkupazzjoni ewlenija taċ-ċittadini u l-impriżi Ewropej dwar il-funzjonament tas-Suq Uniku[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-proċess ta' evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar governanza u sħubija fis-Suq Uniku[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Frar 2011 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi 2006/123/KE[7],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0273/2013),
A. billi s-suq uniku tagħna hu pedament tal-kostruzzjoni Ewropea u l-funzjonament tajjeb tiegħu huwa essenzjali għall-implimentazzjoni kif jixraq tal-politiki tal-UE u huwa bażi għall-irkupru;
B. billi s-settur tas-servizzi jammonta għal aktar minn 65 % tal-PDG u l-impjiegi totali tal-UE u huwa pilastru tal-ekonomija tagħna; billi s-servizzi koperti bid-Direttiva dwar is-Servizzi jammontaw għal 45 % tal-PDG tal-UE;
C. billi l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva se ttejjeb ferm il-funzjonament tas-suq uniku fis-servizzi, b'mod partikolari billi tiffaċilita l-aċċess għas-suq għall-SMEs u għal dawk li jaħdmu għal rashom, tespandi l-għażla tal-konsumatur u tgħin it-tisħiħ tal-kompetittività fl-UE, it-tkabbir u l-impjiegi;
D. billi suq tas-servizzi funzjonali, effiċjenti u aktar kompetittiv huwa neċessarju għall-industrija Ewropea, l-intrapriżi Ewropej (speċjalment l-SMEs) u l-konsumaturi;
E. billi d-Direttiva dwar is-Servizzi ġabet benefiċċji konkreti minn meta ġiet adottata fl-2006, u ffaċilitat l-aċċess għas-suq kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi, iżda s’issa ma kisbitx ir-riżultati mistennija kollha, minħabba nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tagħha;
F. billi l-interpretazzjoni frammentata u l-implimentazzjoni inadegwata tad-direttiva għadhom qed ixekklu l-moviment liberu tas-servizzi bejn il-fruntieri;
G. billi n-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, għadhom qed ikollhom jikkonformaw ma' firxa estensiva ta' rekwiżiti amministrattivi u burokratiċi li huma piż kbir fuqhom, b'mod partikolari meta jitqiesu flimkien mad-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs biex jiksbu aċċess għall-kreditu;
H. billi r-riskju ta’ għeja mid-Direttiva dwar is-Servizzi m’għandux iwassal biex intaffu l-isforzi tagħna biex jinkiseb il-potenzjal sħiħ tad-direttiva;
I. billi wasal iż-żmien biex naġixxu, fid-dawl tal-fatt li, bil-qgħad li qed jiżdied u b'finanzi pubbliċi li sejrin għall-agħar, is-settur tas-servizzi huwa iktar minn qatt qabel sors ta’ kompetittività, tkabbir u impjiegi li ma jistax jiġi injorat;
Il-potenzjal għat-tkabbir u l-impjiegi tas-servizzi li għadu ma ġiex sfruttat
1. Jenfasizza li l-piż amministrattiv mhux meħtieġ u sproporzjonat, il-prattiki diskriminatorji u r-restrizzjonijiet mhux ġustifikati għall-provvediment ta’ servizzi madwar l-UE qed jimblukkaw sorsi sinifikanti ta' tkabbir, qed ixekklu l-ħolqien tal-impjiegi u qed iwasslu biex in-negozji jitilfu l-opportunitajiet;
2. Jenfasizza li jekk l-Istati Membri kienu lesti li jimplimentaw id-Direttiva dwar is-Servizzi kif jixraq u b’mod sħiħ, u jneħħu r-restrizzjonijiet inġustifikati, l-istima ambizzjuża tal-Kummissjoni hi li l-UE tista’ tagħmel gwadann ekonomiku massimu ta’ 2.6 % tal-PDG f’5-10 snin;
3. Jinnota li l-Kummissjoni għandha tiffoka l-isforzi tagħha fuq dawk is-setturi ta' servizzi li huma ta' importanza ekonomika kbira u li għandhom potenzjal ta' tkabbir 'il fuq mill-medja, bħas-servizzi kummerċjali, is-servizzi ta' kostruzzjoni, is-servizzi turistiċi u l-bejgħ bl-imnut, biex jiġu ġġenerati riżultati tanġibbli fuq perjodu qasir għat-tkabbir u l-impjiegi;
4. Jenfasizza li l-infurzar effikaċi tar-regoli eżistenti huwa mod intelliġenti u rapidu kif jingħata kontribut għat-tkabbir mingħajr infiq pubbliku; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li d-direttiva tibda taħdem fil-prattika bil-ħsieb li jiġi rilaxxat il-potenzjal mhux sfruttat tagħha u li tikkontribwixxi għall-mudell Ewropew ta' ekonomija tas-suq soċjali bilanċjata u sostenibbli;
5. Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' indikaturi aħjar tal-prestazzjoni tas-Suq Uniku li jkunu bbażati fuq esperjenzi u aspettativi reali tan-negozji u tal-konsumaturi biex tittejjeb il-funzjonalità u l-għarfien tagħhom tad-diversi drittijiet li jistgħu jiġu invokati biex jiġi żgurat l-aċċess għas-Suq Uniku għas-Servizzi;
6. Jilqa’ l-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali u forom ġodda ta’ servizzi bħalma huma s-servizzi diġitali u mobbli u l-pakketti mħallta ta’ prodotti u servizzi; jenfasizza l-ħtieġa li d-direttiva tiġi implimentata kollha kemm hi, fid-diċitura u l-ispirtu, u b’mod validu anki għall-ġejjieni sabiex titħeġġeġ l-innovazzjoni;
7. Jinkoraġġixxi wkoll il-ftuħ gradwali tas-suq intern għal servizzi fis-settur tal-assistenza soċjali, filwaqt li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi;
8. Ifakkar li d-Direttiva dwar is-Servizzi ma tisfurzax il-liberalizzazzjoni tas-servizzi iżda twitti t-triq kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi biex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku tagħna fil-kuntest ta' ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva;
9. Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi bit-titolu “Sħubija għal tkabbir ġdid fis-servizzi 2012-2015” (COM(2012)0261), li twieġeb għall-obbligu ta’ rappurtar kif stipulat fl-Artikolu 41 tad-direttiva; itenni l-ħtieġa li jitqiesu l-effetti għal tul ta’ żmien medju u fit-tul tad-Direttiva dwar is-Servizzi fuq l-impjiegi fl-UE;
Ostakli, fruntieri u piżijiet marbuta mal-moviment liberu
10. Jiddispjaċih li hemm għadd sinifikanti ta’ każijiet identifikati fejn l-Istati Membri qed jinvokaw b'mod mhux xieraq raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku (Artikolu 15 tad-Direttiva dwar is-Servizzi) bl-iskop uniku li jipproteġu u jiffavorixxu s-suq domestiku tagħhom; iqis li l-użu ta’ raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku għandhom dejjem ikunu ġġustifikati oġġettivament u strettament proporzjonali mal-objettiv maħsub, b’konsistenza mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja; jenfasizza l-fatt li l-forom legali u r-rekwiżiti esaġerati tal-azzjonisti, ir-restrizzjonijiet territorjali, it-testijiet tal-ħtiġijiet ekonomiċi u t-tariffi fissi joħolqu ostakli mingħajr ġustifikazzjoni għall-istabbiliment transkonfinali effiċjenti u jagħmlu ħsara lis-suq intern għas-servizzi;
11. Jiddispjaċih li l-valutazzjoni tal-proporzjonalità rarament issir; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika l-kunċett ta’ proporzjonalità u toħroġ linji gwida għall-Istati Membri dwar kif japplikawh, filwaqt li tibni fuq il-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;
12. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex japplikaw b’mod effikaċi u sħiħ il-klawżola dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-Servizzi) u biex ineħħu l-piżijiet regolatorji doppji;
13. Jindika li għal attivitajiet fejn l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli jista’ jkun limitat minħabba skarsezza ta’ riżorsi naturali jew ta’ kapaċità teknika, id-Direttiva dwar is-Servizzi tistabbilixxi l-ħtieġa li l-fornitur ikun jista’ jirkupra l-ispejjeż tal-investiment u li jagħmel qligħ ġust fuq il-kapital investit, mingħajr restrizzjonijiet jew tagħwiġ tal-kompetizzjoni ħielsa;
14. Jinsab imħasseb dwar l-għadd dejjem ikbar ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni rrapportati mill-konsumaturi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinfurzaw kif jixraq u b’mod sħiħ l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi u jistieden lin-negozji biex ma jwettqux prattiki diskriminatorji mhux iġġustifikati abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post ta’ residenza; jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe obbligu ta' bejgħ imur kontra l-prinċipju fundamentali tal-libertà kuntrattwali; jilqa', għaldaqstant, il-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni fuq rapport ta' gwida dwar in-nondiskriminazzjoni, li joħloq il-bilanċ tajjeb għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tan-negozji; jilqa’ wkoll ir-rwol taċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej fl-identifikazzjoni u s-soluzzjoni tal-irregolarijiet osservati;
Governanza intelliġenti tas-suq intern għas-servizzi
15. Jenfasizza li l-funzjonament mingħajr skossi tas-suq intern għas-servizzi jirrikjedi interazzjoni mar-regoli speċifiċi għas-setturi li jistgħu jirrikjedu awtorizzazzjonijiet ulterjuri, li jwasslu għal spejjeż kumulattivi speċjalment għan-negozji; jenfasizza li jiddependi wkoll fuq l-implimentazzjoni ta’ atti leġizlattivi oħra tal-UE; jitlob għaldaqstant lill-Istati Membri biex jieħdu approċċ integrat fir-rigward tas-suq intern għas-servizzi sabiex tiġi żgurata ċertezza legali għall-konsumaturi u n-negozji, b’mod partikolari l-SMEs;
16. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm konsistenza bejn il-valutazzjoni bejn il-pari skont id-Direttiva dwar is-Servizzi u l-evalwazzjoni reċiproka skont id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali; jisħaq li għandha ssir valutazzjoni każ’ b’każ bir-reqqa, anke tal-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Istati Membri dwar ir-raġuni għalfejn jinżammu ċerti rekwiżiti, biex jiġu identifikati oqsma speċifiċi fejn l-Istati Membri qed jirregolaw b’mod sproporzjonat l-eżerċitar ta’ professjoni jew qed jibblukkaw l-aċċess għal ċerti professjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ineħħu tali rekwiżiti mhux ġustifikati;
17. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu ikbar mir-rikonoxximent reċiproku biex jiffaċilitaw il-moviment liberu tas-servizzi, kull fejn għad m’hemmx fis-seħħ regoli armonizzati;
18. Jinnota li d-diversità tal-istandards nazzjonali qed tikkawża frammentazzjoni u inċertezza; iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ standards volontarji Ewropej għas-servizzi koperti bid-Direttiva dwar is-Servizzi bħala mezz biex jitjiebu l-komparabilità u l-kummerċ transkonfinali;
19. Iqis li l-Kummissjoni Ewropea u l-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej għandhom jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib biex tkun żgurata, fejn ikun il-każ, koerenza fit-terminoloġija użata biex ir-regoli jiġu applikati konsistentement fl-UE kollha;
20. Jenfasizza wkoll il-fatt li kopertura transkonfinali inadegwata ta’ assigurazzjoni għall-fornituri tas-servizzi hija ostaklolu kbir għall-moviment liberu; iħeġġeġ lill-partijiet interessati biex isibu soluzzjonijiet permezz tad-djalogu;
21. Iħeġġeġ użu usa’ tas-sistema tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern bejn l-Istati Membri biex tiġi kkontrollata l-konformità mar-rekwiżiti tad-direttiva, b'mod partikolari f'każijiet ta' forniment transkonfinali ta' servizzi, u taċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej u s-SOLVIT sabiex in-negozji u l-konsumaturi jiġu megħjuna f’sitwazzjoni ta’ regoli konfliġġenti u nuqqas ta’ konformità; jenfasizza, għal dan l-iskop, l-importanza tal-iżgurar ta’ aċċess sħiħ tas-sħab assoċjati għan-netwerk SOLVIT f’livell tekniku;
22. Jinnota li l-għodod tas-Suq Uniku, inkluż is-SOLVIT, għandhom jaħdmu aħjar f'termini ta' żmien meħud biex jiġu solvuti l-każijiet; jenfasizza l-importanza ta' miri mtejba u ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni f'dan ir-rigward; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrevedi l-qafas legali tas-SOLVIT;
23. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaġġornaw għat-tieni ġenerazzjoni ta’ Punti Uniċi ta' Servizz li jkunu portali tal-gvern elettroniku kompletament funzjonali, multilingwi u faċli għall-utent; jenfasizza l-importanza li jittieħed approċċ ibbażat fuq il-fornituri tas-servizzi li jkopri ċ-ċiklu ekonomiku sħiħ; jemmen li l-proċeduri elettroniċi se jsaħħu s-simplifikazzjoni, se jnaqqsu l-ispejjeż ta’ konformità u se jżidu ċ-ċertezza legali; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw interoperabilità sħiħa tal-Punti Uniċi ta’ Servizz tagħhom u jagħmluhom magħrufa transkonfinalment, filwaqt li jinformaw liċ-ċittadini u n-negozji Ewropej dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom li jirriżultaw mid-Direttiva dwar is-Servizzi; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi kriterji ċari ta’ valutazzjoni komparattiva għall-evalwazzjoni tal-Punti Uniċi ta’ Servizz, fosthom data dwar il-livelli ta’ użu tagħhom, u biex tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar il-progress miksub;
Infurzar aħjar biex jinkisbu l-ikbar effetti ekonomiċi
24. Jenfasizza l-fatt li, fejn id-Direttiva dwar is-Servizzi ġiet infurzata b'mod xieraq, dan ġab riżultati konkreti f'termini ta' impjiegi u tkabbir; jappoġġa, għalhekk, l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, inklużi soluzzjonijiet innovattivi bejn l-awtoritajiet kompetenti fir-reġjuni mal-fruntieri;
25. Jinnota li l-implimentazzjoni inadegwata għandha impatt ‘mingħajr fruntieri’, fejn iċ-ċttadini madwar l-UE qed iħallsu qares; jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom responsabilità fil-konfront ta’ xulxin u fil-konfront tal-Unjoni biex jinfurzaw id-direttiva b’mod effikaċi, u għandhom jiġu kkonfrontati bl-obbligi tagħhom b’kundizzjonijiet ugwali;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri fir-rigward tal-problemi ewlenin li jkunu identifikaw rigward l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-Suq Uniku, inkluż dwar kif itejbu d-defiċits tat-traspożizzjoni u tal-konformità u kif jiksbu rimedju ġudizzjarju rapidu u effiċjenti;
27. Jenfasizza li l-awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti jridu jġorru wkoll ir-responsabilità kondiviża tagħhom għal infurzar sħiħ u kwalitattiv tad-diċitura u tal-ispirtu tad-direttiva, bl-għan ġenerali li jistimulaw l-attività ekonomika u l-impjiegi; jenfasizza, f’dak ir-rigward, kemm hu importanti li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi;
28. Jappoġġa bil-qawwa l-politika ta’ tolleranza żero tal-Kummissjoni fir-rigward ta' restrizzjonijiet mhux ġustifikati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura implimentazzjoni sħiħa u korretta tar-regoli eżistenti, fi djalogu fuq bażi ugwali mal-Istati Membri; jitlob li kull meta tiġi identifikata implimentazzjoni inkorretta jew insuffiċjenti tad-direttiva, jew ksur tagħha, il-proċeduri ta' ksur aċċellerati jiġu applikati u kompluti mhux aktar tard minn 18-il xahar wara;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tuża x-‘Xahar tas-Suq Uniku’ bħala opportunità biex turi l-benefiċċji tas-Suq Uniku għas-servizzi lin-negozji;
Tisħiħ tat-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont
30. Jitlob lill-Kummissjoni, abbażi tal-eżitu tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari, telenka r-restrizzjonijiet li għandhom l-iktar piż, tipproponi riformi mmirati u żżomm lill-Kunsill u lill-Parlament infurmati;
31. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari fir-rigward tas-settur tas-servizzi fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u r-Rapport dwar is-Sitwazzjoni tal-Integrazzjoni tas-Suq Uniku, u biex tinkludi s-servizzi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi; iqis li l-Kummissjoni u l-Kunsill, permezz ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati speċifiċi għall-pajjiż, għandhom ikomplu jinkoraġġixxu lill-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw politiki ta' tkabbir fit-tul;
32. Jistieden lill-parlamenti nazzjonali jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-appoġġ tal-infurzar tad-direttiva u jużaw is-setgħat tagħhom ta’ skrutinju fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali fil-livelli kollha;
33. Iħeġġeġ lill-partijiet interessati, lill-komunità kummerċjali u s-sħab soċjali biex jagħmlu l-parti tagħhom biex iżommu responsabbli lill-gvernijiet għat-tisħiħ tas-settur tas-servizzi Ewropew u għall-ħolqien ta’ impjiegi stabbli;
34. Jistieden lill-Kunsill u l-Presidenza tiegħu jqiegħdu s-suq intern għas-servizzi fuq l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill Kompetittività fuq bażi regolari; jissuġġerixxi l-introduzzjoni mill-ġdid tar-‘rapporti ta’ konformità’ bħala mezz biex jitkejjel il-progress miksub fl-iffaċilitar tal-aċċess għas-suq;
35. Iħeġġeġ lill-membri tal-Kunsill Ewropew biex iġorru r-responsabilità politika sħiħa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern għas-servizzi; jistieden lill-President tal-Kunsill Ewropew biex iżomm dan is-suġġett fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew għal kemm ikun hemm bżonn, bi pjan direzzjoni maqbul, inklużi parametri referenzjarji speċifiċi u kalendarju għall-Istati Membri biex jagħtu impetus ġdid u jneħħu l-ostakli pendenti għall-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar is-Servizzi;
36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 376, 27.12.2006, p.36.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2013)0054.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2012)0395.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2011)0456.
- [5] Testi adottati, P7_TA(2011)0144.
- [6] Testi adottati, P7_TA(2011)0307.
- [7] Testi adottati, P7_TA(2011)0051.
NOTA SPJEGATTIVA
Is-suq intern għas-servizzi mhuwiex qiegħed hemm biex isir xogħol li diġà sar, iżda biex dak ix-xogħol iħalli l-frott. Dan jinvolvi l-evoluzzjoni minn implimentazzjoni inadegwata lejn infurzar sħiħ. Din ir-riżoluzzjoni għandha l-għan li l-Istati Membri jiġu kkonfrontati bir-responsabilità tagħhom li japplikaw b’mod sħiħ u korrett id-diċitura u l-ispirtu tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Ir-Rapporteur tirrakkomanda interpretazzjoni estensiva li tkopri forom ta’ servizzi ġodda, mingħajr ma tintalab reviżjoni tad-direttiva. Il-kriżi ekonomika għamilitha iktar urġenti li tittieħed azzjoni sabiex jinfetaħ il-potenzjal sħiħ tas-settur tas-servizzi għat-tkabbir u l-impjiegi. Għaldaqstant ma jkunx għaqli li nneħħuha minn fuq l-aġenda politika.
Il-potenzjal għat-tkabbir u l-impjiegi tas-servizzi li għadu ma ġiex sfruttat
Is-settur tas-servizzi jammonta għal iktar minn 65 % tal-PDG tal-UE u huwa parti dinamika, moderna u orjentata lejn il-futur tal-ekonomija Ewropea. Kostantament qed jitfaċċaw modi diversi ta’ forniment ta’ servizzi, immexxija bl-innovazzjoni. Is-servizzi diġitali u mobbli qed ibiddlu l-mod kif topera l-ekonomija. Il-prodotti u s-servizzi qed jinbiegħu dejjem iżjed flimkien bħala pakketti. Qed naraw ukoll li dan l-impakkettar f’servizzi qed jiżdied u hemm interkonnessjoni iktar b’saħħitha bejn is-servizzi u l-manifattura (eż. servizzi ta’ wara l-bejgħ, servizzi tal-ICT...). Għal dawn ir-raġunijiet kollha, suq intern għas-servizzi li jiffunzjona aħjar huwa element kostitwenti għal ekonomija Ewropea iktar kompetittiva b’mod ġenerali.
Mill-2006, id-Direttiva dwar is-Servizzi kienet u għadha mutur importanti tar-riforma strutturali fis-settur tas-servizzi Ewropew. Skont il-Kummissjoni, dawk l-Istati Membri li wettqu riformi biex jiftħu s-suq tagħhom għas-servizzi kellhom benefiċċji sinifikanti. Madankollu, tliet snin wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni, id-Direttiva għadha mhux applikata b’mod sħiħ u korrett fl-Istati Membri kollha. Teżisti evidenza kbira ta’ kif l-akkumulazzjoni tal-burokrazija u l-ostakli qed twaqqaf ir-ritmu ta’ tkabbir u qed iċċaħħad liċ-ċittadini mill-impjiegi, filwaqt li l-prattiki diskriminatorji qed idgħajfu l-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq uniku.
Fir-rigward tad-Direttiva dwar is-Servizzi jeżisti wkoll ċertu sens ta’ għeja fil-levell politiku u f’dak amministrattiv, peress li l-aspettattivi għoljin għadhom ma ntlaħqux. Il-potenzjal tad-Direttiva dwar is-Servizzi ma kienx sopravvalutat, iżda r-rieda politika ta’ xi Stati Membri li jwettqu r-riformi neċċessarji kienet insuffiċjenti. Bil-qgħad li qiegħed jiżdied, huwa ta’ importanza imperattivi li ma nnaqqsux l-ambizzjonijiet tagħhna. Fi żmien fejn qed jintalab li l-awsterità tiġi kkomplementata b’politiki favur it-tkabbir filwaqt li fl-istess ħin ma nistgħux nonfqu l-flus tal-kontribwenti biex noħorġu mill-kriżi, is-suq intern għas-servizzi huwa wieħed mill-ftit oqsma fejn nistgħu niġġeneraw tkabbir bla ma nżidu d-dejn pubbliku. L-istudju tal-Kummissjoni dwar l-impatt ekonomiku tad-Direttiva dwar is-Servizzi wera b’mod ċar li jekk l-Istati Membri jieħdu approċċ iktar kuraġġuż favur l-implimentazzjoni tagħha, it-tkabbir ekonomiku totali jista’ jkun tliet darbiet ikbar minn dak miksub, madwar 2.6 % tal-PDG.
Ostakli, fruntieri u piżijiet li jxekklu l-moviment liberu
In-negozji jesperjenzaw firxa wiesgħa ta’ rekwiżiti li individwalment ma jidhrux ta’ dannu, iżda b’mod kollettiv ipoġġu piż serju fuq il-fornituri tas-servizzi, speċjalment l-SMEs. L-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva jħallu lill-Istati Membri liberi li jiddeċiedu jekk ċerti rekwiżiti nazzjonali jistgħux jinżammu abbażi tat-testijiet tal-proporzjonalità u n-neċessità. Sfortunatament, uħud mill-Istati Membri ta’ sikwit wisq interpretaw b’mod wiesa’ żżejjed d-diskrezzjoni tagħhom li jipproteġu u jiffavorixxu s-suq u l-professjonijiet tagħhom. Minflok, jeħtieġ li l-Istati Membri, bħala kwistjoni ta' prijorità, jindirizzaw l-oqsma dubjużi b’mod responsabbli.
B’mod partikolari, il-forom legali u r-rekwiżiti esaġerati tal-azzjonisti, ir-restrizzjonijiet territorjali u t-testijiet tal-ħtiġijiet ekonomiċi joħolqu ostakli għall-istabbiliment fi Stat Membru ieħor, ixekklu l-provvediment tas-servizzi u jagħlqu barra mis-suq ċerti partijiet interessati. Pereżempju, il-periti jaf ikollhom ibiddlu l-mudell ta’ negozju tagħhom biex jistabbilixxu kumpanija sussidjarja fi Stat Membru ieħor. Il-bejjiegħa bl-imnut jaf ukoll ikollhom jiġġustifikaw il-valur miżjud tal-ħanut tagħhom lil kummissjoni komposta mill-kompetituri tagħhom.
Skont l-Artikolu 20.2 tad-Direttiva, in-negozji jridu joqogħdu lura milli jiddiskriminaw kontra l-konsumaturi abbażi tan-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza. Madankollu, speċjalment online, il-konsumaturi ta’ sikwit ma jitħallewx jixtru minn Stat Membru ieħor, jew inkella jiġu offruti l-istess servizzi – bħal pereżempju kiri ta’ karozzi jew pakketti ta’ kruċieri – bi prezz ogħla. Filwaqt li l-libertà kuntrattwali għandha tipprevali u l-SMEs ma jistgħux jiġu obbligati li jbigħu b’telf, il-prattiki diskriminatorji li jnaqqsu l-għażla tal-konsumaturi u jżidu l-prezzijiet għandhom jiġu indirizzati. F’dan il-kunstest, ir-Rapporteur tilqa’ l-ħidma tal-Kummissjoni fuq rapport gwida speċifiku dwar in-nondiskriminazzjoni.
Governanza intelliġenti tas-suq intern għas-servizzi
L-ambitu ta’ din ir-riżoluzzjoni jiffoka fuq il-ħolqien tal-impjiegi, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar is-Servizzi: “din id-Direttiva ma taffettwax il-liġi tal-impjieg, jiġifieri kwalunkwe dispożizzjoni legali jew kuntrattwali dwar il-kondizzjonijiet tal-impjieg, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u r-relazzjoni bejn min jimpjega u l-ħaddiema...”. Id-dimensjoni soċjali tas-settur tas-servizzi ovvjament hija importanti ħafna, iżda hija koperta f’leġiżlazzjonijiet separati, bħad-direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u fil-liġijiet tax-xogħol nazzjonali.
Għalhekk l-attenzjoni għandha tkun iffokata fuq il-mobilizzazzjoni tar-rieda politika fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali biex jitneħħew l-ostakli spjaċevoli għall-moviment liberu u jiġu indirizzati l-korporazzjonijiet u l-interessi personali. Bosta ostakli għall-ħolqien tal-impjiegi joriġinaw minn interazzjoni ħażina bejn id-Direttiva dwar is-Servizzi u regoli nazzjonali jew tal-UE oħra. Wasal iż-żmien li jittieħed approċċ integrat u validu anki għall-ġejjieni fir-rigward tal-implimentazzjoni.
Il-Kummissjoni ħadet l-ewwel pass permezz tal-verifiki tal-prestazzjoni fil-qasam tas-servizzi kummerċjali, il-kostruzzjoni u t-turiżmu. Issa jeħtieġ li nimxu ’l quddiem f’din id-direzzjoni. B’mod partikolari, l-interazzjoni mad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali hija prijorità u l-Istati Membri għandhom ineħħu r-rekwiżiti mhux ġustifikati li jimblukkaw l-aċċess għal ċerti professjonijiet. Barra minn hekk, attwalment il-fornituri tas-servizzi jkollhom iħallsu żewġ assigurazzjonijiet jew jillimitaw l-attività tagħhom għal pajjiż wieħed. Għalhekk ir-Rapporteur tilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed taħdem mas-settur tal-assigurazzjonijiet biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti.
B’mod ġenerali, l-Istati Membri m’għandhomx joħolqu rekwiżiti żejda li jirriżultaw fi spejjeż. Ta’ sikwit wisq, it-tort tal-frammentazzjoni jintefa' fuq l-UE, filwaqt li r-responsabilità għal traspożizzjoni u interpretazzjoni effikaċi hija kemm tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Għaldaqstant, filwaqt li għandha tiġi segwita ħidma biex jiġu armonizzati regoli u għall-iżvilupp ta’ standards komuni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ ukoll mir-rikonoxximent reċiproku.
Sabiex titnaqqas il-burokrazija żejda, tiżdied iċ-ċertezza legali u tiġi ffaċilitata applikazzjoni koerenti tar-regoli madwar l-UE, strumenti bħas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern u s-SOLVIT għandhom jintużaw aħjar u b’aktar frekwenza. Barra minn hekk, il-Punti Uniċi ta’ Servizz jikkostitwixxu għodda tanġibbli għad-dispożizzjoni tal-fornituri tas-servizzi u dawk li jirċevuhom. Ir-riformi f’dawk l-Istati Membri, li diġà aġġornaw il-Punti Uniċi ta’ Servizz tagħhom għat-tieni ġenerazzjoni, urew li l-ikkompletar ta’ proċeduri elettroniċi fl-aħħar mill-aħħar inaqqsu l-ispejjeż tal-konformità u jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq. L-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fost il-partijiet interessati huma kruċjali biex il-Punti Uniċi ta’ Servizz isiru portal tal-gvern elettroniku effikaċi. Għandhom jiżdiedu l-isforzi biex dawn isiru sempliċi, aċċessibbli u miftuħa għal applikazzjonijiet f’lingwi ta’ Stati Membri oħrajn. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-progress miksub mill-Istati Membri, skont kriterji ta’ valutazzjoni komparattiva ċari stipulati f’Karta tal-Punti Uniċi ta’ Servizz.
Infurzar aħjar biex jinkisbu l-ikbar effetti ekonomiċi
Is-sinifikat politiku tal-integrazzjoni tas-suq tas-servizzi fl-Ewropa ma għandux jiġi sottovalutat fi żmien meta huwa importanti li jkun hemm Ewropa magħquda, sabiex tiġi promossa l-koeżjoni bejn il-pajjiżi fiż-żona tal-euro u dawk li mhux fiż-żona tal-euro u jiġu evitati unjonijiet fl-Unjoni. L-Istati Membri kollha għandhom responsabilità kondiviża biex jikkompletaw is-suq komuni għas-servizzi. Ir-Rapporteur hija konxja mir-realtajiet differenti fl-Istati Membri, id-diffikultajiet affaċċati fil-ftuħ tas-suq u l-importanza li jiġi rikonoxxut il-progress miksub. Madankollu, ma għandhom jiġu tollerati l-ebda standards doppji jew eċċezzjonijiet. Il-priedki favur is-suq intern mingħajr ma dan jitqiegħed fil-prattika jwassal biex tiddgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fl-aġenda ta’ riforma tal-UE.
F’dan il-kuntest, ir-Rapporteur tilqa’ l-komunikazzjoni eċċellenti tal-Kummissjoni “ Sħubija għal tkabbir ġdid fis-servizzi” u tappoġġa l-politika ta’ tolleranza żero kontra l-ksur ċar tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Il-Kummissjoni diġà bdiet azzjonijiet preliminari għall-proċedura ta’ ksur kontra tnax-il Stat Membru. Ir-Rapporteur tappoġġa wkoll djalogu kostruttiv, prammatiku u orjentat lejn ir-riżultati mal-Istati Membri biex jiġu mmassimizzati l-effetti ekonomiċi u l-kompetittività globali tal-Ewropa.
L-isforzi konġunti issa jridu jkunu iffokati fuq il-ħolqien ta’ iktar opportunitajiet għan-negozji, iktar possibilitajiet għal impjiegi u iktar għażla għall-konsumaturi f’suq unit verament. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom ibiddlu l-perspettiva, u jħarsu lejn x’jista’ jsir iżjed biex jiġu infurzati r-regoli b’tali mod li tiġi inkluża l-ekonomija diġitali u li jwassal għat-tkabbir, iktar milli jħarsu biss lejn dak li huwa meħtieġ mid-diċitura tad-Direttiva.
Għaldqstant, il-valutazzjoni bejn il-pari li għaddejja bħalissa hija forum eċċellenti għall-iskambju tal-aħjar prattiki. L-Istati Membri jistgħu jitgħallmu minn dawk il-pajjiżi li għaddew minn riformi b’suċċess tas-settur tas-servizzi tagħhom sabiex jirrevedu l-qafas regolatorju tagħhom. B’mod partikolari, wasal iż-żmien li tiġi evalwata l-proporzjonalità ta’ bosta rekwiżiti li l-Istati Membri għażlu li jżommu. Il-Kummissjoni għandha tenfasizza iktar l-użu eċċessiv tal-protezzjoni tal-interess pubbliku u toħroġ rapport gwida għall-Istati Membri dwar l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità u l-oqsma dubjużi. Dan għandu jrawwem ukoll għarfien aħjar u sensibilizzazzjoni - b’mod partikolari fil-livell lokali - tal-konsegwenzi negattivi tal-prattiki restrittivi.
Tisħiħ tat-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont
L-ikbar responsabilità għall-implimentazzjoni sħiħa, koerenti u ambizzjuża tad-Direttiva dwar is-Servizzi hija tal-Istati Membri nnifishom. Iċ-ċittadini tal-Ewropa għandhom id-dritt ikunu jafu l-prezz li qed iħallsu għal implimentazzjoni inadegwata. Għaldaqstant, din ir-riżoluzzjoni titlob trasparenza u obbligu ta’ rendikont ikbar.
Il-parlamenti nazzjonali għandhom rwol importanti u jistgħu jużaw is-setgħat ta’ skrutinju tagħhom biex iżommu responsabbli lill-gvernijiet. Il-komunità kummerċjali u s-sħab soċjali ukoll għandhom jerfgħu r-responsabilità kondiviża tagħhom biex ipoġġu pressjoni fuq il-gvernijiet tagħhom.
Ir-Rapporteur tappoġġa l-isforzi mwettqa mill-Kummissjoni biex tibqa’ qalbiena filwaqt li tikkonfronta lill-Istati Membri bir-responsabilitajiet tagħhom. B’mod partikolari, ir-riżultati tal-evalwazzjoni bejn il-pari, ir-rapporti ta’ konformità u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar is-servizzi għandhom ikunu disponibbli pubblikament għall-Parlament. Is-sensibilizzazzjoni u d-dibattiti pubbliċi dwar il-problemi tal-ikkompletar tas-suq intern għas-servizzi se jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini biex jipparteċipaw u jżommu responsabbli lill-awtoritajiet kompetenti.
Iktar importanti, il-membri tal-Kunsill Ewropew u l-Kunsill Kompetittività għandhom jiġu inkarigati biex iżommu regolarment is-suq intern għas-servizzi fuq l-aġenda politika, bi pjan direzzjonali ċar biex jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu. Fl-aħħer nett, huwa biss jekk l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom favur suq intern għas-servizzi verament liberu u miftuħ għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha li, finalment, l-Ewropa se taqbad it-triq lejn it-tkabbir.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (20.6.2013)
għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
dwar is-Suq Intern għas-Servizzi: Is-sitwazzjoni attwali u l-passi li jmiss
(2012/2144(INI))
Rapporteur għal opinjoni: is-Suq Intern għas-Servizzi: Is-sitwazzjoni attwali u l-passi li jmiss
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi s-settur tas-servizzi jifforma aktar minn 65 % tat-total tal-PDG u tal-impjiegi fl-UE, u li jkun hemm Suq Uniku aktar integrat u li jiffunzjona aħjar huwa kruċjali għall-irkupru ekonomiku u għall-ġlieda kontra l-qgħad;
B. billi d-Direttiva dwar is-Servizzi tagħmilha aktar faċli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li jixtiequ jwettqu u jespandu l-attivitajiet tan-negozju tagħhom u jirreklutaw persunal fi Stati Membri oħra;
C. billi s-servizzi koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi jikkostitwixxu 45 % tal-PDG tal-UE u 43 % tal-impjiegi fl-Unjoni;
D. billi jeħtieġ li s-Suq Uniku għas-servizzi jiġi żviluppat bis-sħiħ filwaqt li jibqa’ jinżamm il-mudell soċjali Ewropew;
1. Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi bit-titolu ‘Sħubija għal tkabbir ġdid fis-servizzi 2012-2015’, li twieġeb għall-obbligu ta’ rappurtar kif spjegat fl-Artikolu 41 tad-direttiva; itenni l-ħtieġa li jitqiesu l-effetti li jkollha d-Direttiva dwar is-Servizzi tul żmien medju u fit-tul fuq l-impjiegi fl-UE;
2. Ifakkar li d-Direttiva dwar is-Servizzi għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-trattati, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-klawsola soċjali orizzontali fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Artikolu 14 tat-TFUE, tal-Protokoll Nru 26 anness mat-Trattati, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
3. Itenni l-ħtieġa li jitqiesu l-effetti kemm fuq perjodu medju u kemm fit-tul, kif ukoll l-impatt, kemm kwantitattiv (il-ħolqien tal-impjiegi u l-qerda tagħhom) u kemm kwalitattiv (il-kwalità tal-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol), tad-Direttiva dwar is-Servizzi, fuq l-impjiegi fl-UE;
4. Jinnota li l-partijiet interessati prinċipali kollha għandhom jimpenjaw ruħhom biex jinfurzaw kif suppost l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku, filwaqt li jiżguraw ukoll li d-dimensjoni soċjali tagħha titqies ukoll; iqis li l-approfondiment tas-suq intern fis-servizzi għandu jitqies bħala opportunità biex jissaħħu l-assistenza soċjali, id-drittijiet tal-ħaddiema u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għaċ-ċittadini kollha tal-UE, inkluża l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali kif stabbilit fl-Artikolu 157 TFUE; jikkunsidra wkoll li d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol ma jistgħux jitqiesu li huma restrizzjonijiet sproporzjonati;
5. Jirrakkomanda li wieħed għandu jipproċedi għal valutazzjoni ex post tal-impatt li għandha l-liberalizzazzjoni tas-servizzi fuq l-impjieg, il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, u jivvaluta dan l-impatt fir-rigward tal-effetti mistennija fil-ħin tal-adozzjoni tad-direttiva;
6. Ifakkar li d-direttiva teskludi għadd ta' oqsma mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha, inklużi s-servizzi mhux ekonomiċi ta' interess ġenerali, is-servizzi tal-kura tas-saħħa u l-biċċa l-kbira tas-servizzi soċjali; jinnota wkoll li d-direttiva ma tapplikax għal-liġi tax-xogħol u l-anqas ma taffettwa l-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-Istati Membri;
7. Jinnota li għal żewġ deċennji s-Suq Uniku kien ta’ suċċess kbir; jemmen, fl-istess ħin, li jeħtieġ li jiġu kkonċentrati aktar sforzi fuq il-promozzjoni tal-prosperità ekonomika, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, il-kwalità tas-servizzi għall-konsumaturi finali kif ukoll il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali u tal-ambjent, bħala mezz biex l-UE tkun tista’ tegħleb il-kriżi li għaddejja minnha bħalissa;
8. Jirrimarka li teħtieġ li jiġi stabbilita fl-livell Ewropew definizzjoni ċara tat-terminu "ħaddiem" sabiex jiġu evitati l-każijiet dejjem aktar frekwenti tal-fenomenu fejn ir-regolamenti tax-xogħol, tas-sigurtà soċjali, u tal-protezzjoni tas-saħħa qed jiġu evitati, pereżempju permezz ta' impjieg indipendenti falz;
9. Jesprimi l-appoġġ tiegħu, bil-għan li tingħata spinta lill-livelli tal-impjiegi u lill-ħolqien tal-impjiegi fl-UE, għall-inizjattivi mmirati biex itejbu l-provvista transkonfinali ta' servizzi filwaqt li jirrispettaw ir-regolamenti tax-xogħol u dawk soċjali.
10. Jenfasizza l-ħtieġa għad-difiża qawwija ta' salvagwardji għall-ħaddiema li għaddejjin minn proċess li jibdlu l-impjegatur tagħhom; iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li l-forza tax-xogħol ta’ impjegatur preċedenti tista' tiġi ttrasferita awtomatikament għall-impjegatur il-ġdid mingħajr ma jiddgħajfu d-drittijiet tal-ħaddiema kif stabbilit fil-Kapitolu IV tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fit-Titoli IX u X tat-TFUE, b'enfasi partikolari fuq ir-rwol tad-trade unions u l-klawsola ta' “appoġġ ibbilanċjat" tal-Artikolu 154 TFUE;
11. Jinnota l-komunikazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid’, immirata biex issaħħaħ l-integrazzjoni tas-Suq Uniku fi ħdan l-UE, tistimula t-tkabbir u trawwem il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja, partikolarment għaż-żgħażagħ; jilqa' l-appoġġ offrut mill-komunikazzjoni għall-intraprenditorija soċjali; jitlob li din l-inizjattiva tiġi segwita minn inizjattivi oħrajn b'appoġġ għall-SMEs b'mod ġenerali;
12. Jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu r-regoli dwar il-portabbiltà ta' skemi tal-pensjoni, b'mod partikolari skemi ta' pensjoni tax-xogħol.
13. Jenfasizza li f'settur wieħed ewlieni, jiġifieri dak tal-internet, tal-komunikazzjonijiet u tal-ekonomija kreattiva, is-suq intern għad mhuwiex komplut; jirrimarka li l-ikkompletar tas-Suq Uniku diġitali għad għandu potenzjal kbir ta’ tkabbir u ta’ ħolqien tal-impjiegi;
14. Jistieden lill-Istati Membri, għall-finijiet tat-twassil transkonfinali ta' servizzi, jipprovdu l-gwida meħtieġa fir-rigward tal-liġi attwali dwar ix-xogħol, is-sigurtà soċjali, u t-taxxa, lill-impjegaturi, il-ħaddiema, u partijiet interessati oħra; iqis li din l-informazzjoni teħtieġ li tkun aċċessibbli qabel, waqt, u wara l-esperjenza ta’ mobbiltà;
15. Jinnota l-importanza ta' Punti ta' Kuntatt Waħdieni (PKW) biex jipprovdu interface uniku li jiddeskrivi l-proċeduri kollha meħtieġa għan-negozji, u b'hekk jitnaqqsu l-ostakoli amministrattivi u jiġu inkoraġġiti attivitajiet tan-negozju;
16. Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu żviluppati PKW tat-tieni ġenerazzjoni li jkunu aktar faċli għall-utent u li jiffaċilitaw it-tlestija transkonfinali tal-proċeduri; jenfasizza l-importanza li titqajjem kuxjenza tal-eżistenza ta' dawn il-PKW u tal-benefiċċji li jipprovdu.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
20.6.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
41 4 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Regina Bastos, Edit Bauer, Heinz K. Becker, Jean-Luc Bennahmias, Phil Bennion, Pervenche Berès, Philippe Boulland, Milan Cabrnoch, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Marije Cornelissen, Emer Costello, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Richard Falbr, Thomas Händel, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Ádám Kósa, Jean Lambert, Verónica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu, Inês Cristina Zuber |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Sergio Gutiérrez Prieto, Richard Howitt, Jelko Kacin, Ria Oomen-Ruijten, Birgit Sippel |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jorgo Chatzimarkakis, Ricardo Cortés Lastra, Jürgen Klute |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
9.7.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 2 13 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Claudette Abela Baldacchino, Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Preslav Borissov, Sergio Gaetano Cofferati, Birgit Collin-Langen, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Cornelis de Jong, Vicente Miguel Garcés Ramón, Evelyne Gebhardt, Thomas Händel, Małgorzata Handzlik, Philippe Juvin, Sandra Kalniete, Edvard Kožušník, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Franz Obermayr, Sirpa Pietikäinen, Phil Prendergast, Robert Rochefort, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jürgen Creutzmann, Ashley Fox, María Irigoyen Pérez, Othmar Karas, Roberta Metsola, Olle Schmidt, Olga Sehnalová, Sabine Verheyen |
||||