RAPPORT dwar l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ: soluzzjonijiet possibbli

22.7.2013 - (2013/2045(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Joanna Katarzyna Skrzydlewska


Proċedura : 2013/2045(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0275/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ: soluzzjonijiet possibbli

(2013/2045(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2010 dwar "il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta' min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat",[1]

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ" (COM(2011)0933), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar l-Inizjattiva Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ[2] u l-mistoqsija għal tweġiba orali tiegħu lill-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ[3],

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ (COM(2012)0727),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ‘Żgħażagħ Mobbli’ (COM(2010)0478), 

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill, adottati fil-Lussemburgu fis-17 ta' Ġunju 2011, dwar il-promozzjoni tal-impjiegi taż-żgħażagħ għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar Inizjattiva tal-Impjiegi taż-Żgħażagħ,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2012 bl-isem 'Għall-istabbiliment ta' Qafas ta' Kwalità dwar l-Iskemi ta' Taħriġ. Konsultazzjoni tat-tieni stadju tal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew skont l-Artikolu 154 TFUE’ (COM(2012)0728),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2012 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-Twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (COM(2012)0729),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tat-13 ta' Ġunju 2012 intitolat "Youth Guarantee: Experiences from Finland and Sweden",

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2013 dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ[4],

–   wara li kkunsidra l-ftehim politiku li ntlaħaq fil-Kunsill fit-28 ta' Frar 2013 dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-Istabbiliment ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ,

–   wara li kkunsidra l-kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2009 dwar "Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ - Investiment u Responsabbilizzazzjoni. Metodu miftuħ u mġedded ta’ koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ" (COM(2009)0200),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal emenda għad-dokument tal-Kummissjoni "Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006’ (COM(2011)0607),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Membri tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta’ Jannar 2012 bit-titolu ‘Lejn Konsolidazzjoni Favur it-Tkabbir u Tkabbir Favur l-Impjiegi’,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2010 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020[5];

–   wara li kkunsidra l-Karta Ewropea tal-Kwalità tal-Internships u l-Apprendistati żviluppata mill-Forum Żgħażagħ Ewropej flimkien mal-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tat-22 ta' Ottubru 2012 intitolat "NEETs: young people not in employment, education or training: characteristics, costs and policy responses in Europe’ (NEETs: żgħażagħ mhux impjegati, f’edukazzjoni jew f’taħriġ: karatteristiċi, spejjeż u rispons għall-politika fl-Ewropa)[6],

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-21 ta’ Diċembru 2012 intitolat “Effectiveness of policy measures to increase the employment participation of young people” (Effikaċja tal-miżuri politiċi biex tiżdied il-parteċipazzjoni fl-impjieg taż-żgħażagħ)[7],

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tad-29 ta’ April 2011 bl-isem ‘Helping young workers during the crisis: contributions by social partners and public authorities’ (Ngħinu lill-ħaddiema żgħażagħ matul il-kriżi: kontribuzzjonijiet mill-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi)[8],

–   wara li kkunsidra r-rapport tiegħu dwar l-integrazzjoni tal-migranti, l-impatti fuq is-suq tax-xogħol u d-dimensjoni esterna tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-UE (2012/2131(INI)),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tas-7 ta’ Frar 2012 bl-isem “Żviluppi ta’ politika reċenti relatati ma’ dawk mhux impjegati, f’edukazzjoni jew f’taħriġ (NEETs)"[9],

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Eurofound tal-15 ta’ Jannar 2013 bl-isem "Inklużjoni attiva ta’ żgħażagħ b’diżabilità jew problemi ta’ saħħa"[10],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0275/2013),

A.  billi f'Ġunju 2013, 23.5% taż-żgħażagħ attivi kienu qiegħda, bir-rati li jvarjaw minn 10 % jew anqas fl-Awstrija u l-Ġermanja għal aktar minn 64.2 % fil-Greċja, u b'hekk dan jindika differenzi ġeografiċi kbar kemm bejn kif ukoll fi ħdan l-Istati Membri; billi l-aktar dejta u tbassir reċenti jindikaw deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni li jaffaċjaw iż-żgħażagħ f'xi Stati Membri;

B.   billi l-qgħad fost in-nisa ta' taħt l-età ta' 25 sena għadu qed jogħla, billi żdied minn 18.8 % fl-2009 sa 22.1 % fl-2012 u, skont l-aktar dejta reċenti, bħalissa jinsab fil-livell ta' 22.9 %; billi l-imġieba, bħall-iskoraġġament, l-awtoesklużjoni, u l-apatija għax-xogħol qed isiru aktar mifruxa; billi n-nisa żgħażagħ għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' kundizzjonijiet ta' suq tax-xogħol agħar mill-irġiel żgħażagħ, u billi dan qed iwassal għal telf sinifikanti ta' potenzjal ta' tkabbir ekonomiku għall-Ewropa billi qed ikunu sottovalutati l-ħiliet ta' nisa bi kwalifiki għoljin;

C.  billi fl-2011, 7.5 miljun żagħżugħ bejn il-15 u l-24 sena u 6.5 miljun bejn il-25 u d-29 sena ma kinux qed jistudjaw, jaħdmu jew jitħarrġu (NEETs), u fosthom hemm membri ta’ gruppi vulnerabbli; billi dan jista' jwassal għal konsegwenzi personali u soċjali serji bħal pereżempju prospetti futuri ħżiena jew mhux sikuri ta’ impjieg u faqar u esklużjoni soċjali, jew saħansitra disfunzjonijiet psikoloġiċi u fiżiċi; billi x’aktarx li dawn il-problemi jiżdiedu fil-futur qrib, waqt li jippreżentaw konsegwenzi finanzjarji serji għas-sistemi soċjali tal-Istati Membri;

D.  billi 14-il miljun NEETs jeħtieġu sforzi ħafna ikbar mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej, sabiex ikunu integrati mill-ġdid iż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol; billi ż-żgħażagħ madwar l-Ewropa għandhom bżonnijiet ferm differenti, u għalhekk kwalunkwe miżura ta' integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għandha tkun adattata għall-bżonnijiet ta' kull grupp speċifiku, u fejn possibbli għandha tinkludi wkoll politiki ta' evalwazzjoni personali;

E.   billi fl-2011, it-telf ekonomiku minħabba n-nuqqas ta' impenn taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol kien stmat għal EUR 153 biljun fl-Istati Membri, li jikkorrispondi għal 1.2 % tal-PDG tal-UE[11]; billi din is-somma tmur oltre l-EUR 10 biljuni li jkunu jenħtieġu biex jinħolqu 2 miljun impjieg għaż-żgħażagħ;[12] billi dan jirrappreżenta piż soċjali u ekonomiku fit-tul għall-UE kollha kemm hi;

F.  billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa fattur importanti li jikkontribwixxi għaż-żieda qawwija fil-migrazzjoni li qed iseħħ f’numru ta’ Stati Membri; billi hija parti żgħira minn dawk li jagħżlu l-mobilità u l-migrazzjoni li jagħmlu dan b'mod volontarju, għaliex din tkun għażla mmotivata minn ħtiġijiet ekonomiċi;

G.  billi fl-UE huma meħtieġa investimenti estensivi sabiex jinħolqu t-tkabbir u l-impjieg, kif ukoll tissaħħaħ id-domanda domestika; billi huwa neċessarju pakkett ta’ investiment bl-ammont ta’ 2 % tal-PDG tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea sabiex ikun hemm titjib sinifikanti tal-pożizzjoni ekonomika u s-sitwazzjoni fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri; billi din il-miżura tkun ta’ benefiċċju l-ewwel u qabel kollox għaż-żgħażagħ, bħala grupp l-iktar milqut mill-kriżi;

H.  billi ż-żgħażagħ ikunu partikolarment żvantaġġjati matul kriżi ekonomika, aktar mill-maġġoranza tal-gruppi; billi għal ħafna żgħażagħ il-qgħad attwali jista' jinbidel f'qgħad fit-tul, u dan iżid ir-riskji ta' esklużjoni soċjali; billi dan għandu konsegwenzi allarmanti għal ħafna żgħażagħ peress li huma ma jibqax ikollhom fiduċja fihom infushom, ma jwettqux l-ambizzjonijiet tagħhom, jonqos il-qligħ finanzjarju tagħhom u jiddewmu l-possibilitajiet tagħhom li jibdew ħajja adulta indipendenti, inkluż il-bidu ta’ familja, u minħabba f’hekk dan ikollu wkoll konsegwenzi għas-soċjetà billi jaffettwa b’mod negattiv is-sitwazzjoni soċjali, ekonomika u demografika fl-Ewropa kemm fit-tul kif ukoll fil-qosor, u jiżdied ir-riskju ta’ faqar fost l-anzjani minħabba n-nuqqas ta’ kontribuzzjonijiet soċjali matul il-ħajja tax-xogħol;

I.    billi l-Artikolu 13 tat-Trattat KE jagħti setgħa speċifika lill-Komunità biex tiġġieled kontra diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, fuq l-oriġini razzjali u etnika, fuq ir-reliġjon jew twemmin, fuq id-diżabilità, l-età jew fuq l-orjentazzjoni sesswali; billi minkejja d-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjiegi u l-okkupazzjoni, in-nisa żgħażagħ għadhom isofru diskriminazzjoni dwar l-età u l-ġeneru meta jidħlu fis-suq tax-xogħol;

J.    billi madwar erba’ miljun impjieg huma vakanti fl-UE [13] minħabba nuqqas ta' qbil bejn il-ħiliet; billi f’ċerti oqsma, bħas-setturi tal-IT u tar-R&Ż, hemm żieda persistenti fid-domanda għal forza tax-xogħol bi kwalifiki għoljin li mhix qed tiġi ssodisfata;

K.  billi l-ILO irrakkomandat baġit ta' EUR 21 biljun, ekwivalenti għal 0,5 % tan-nefqa kollha taż-żona tal-euro, għall-implimentazzjoni sħiħa ta' garanzija għaż-żgħażagħ fl-UE;

L.   billi fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-UE impenjat ruħha li ttejjeb il-livelli tal-edukazzjoni, tnaqqas ir-rata tal-persuni li jħallu l-edukazzjoni kmieni għal inqas minn 10 % sal-2020, iżżid ir-rata ta’ persuni bejn it-30 u l-34 sena jew dik ekwivalenti għal mill-inqas 40 % u żżid ir-rata tal-persuni bejn l-20 u l-64 sena li jaħdmu għal 75 %;

M.  billi l-kriżi wasslet biex jiżdied l-impjieg prekarju, partikolarment fost iż-żgħażagħ, u billi l-impjiegi full-time kienu ħafna drabi ssostitwiti b’kuntratti ta’ impjieg illimitati, b’impjieg fuq bażi part-time u b’impjieg mingħajr ħlas;

N.  billi ż-żgħażagħ ikollhom jidħlu għal taħriġ intern li ħafna drabi jkun iktar bla ħlas milli bil-ħlas, u billi din iċ-ċirkostanza toħloq diskriminazzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja individwali; billi l-problema tal-isfruttament tal-apprendisti għandha tkun dik rikonoxxuta bħala ħaddiema bi qligħ baxx u għalhekk, huwa neċessarju qafas ta’ kwalità għat-taħriġ intern;

O.  billi l-SMEs u l-mikrointrapriżi, li huma l-forza prinċipali għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi u għall-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, tilfu aktar minn 3.5 miljun impjieg u b’mod sinifikanti naqqsu r-reklutaġġ minħabba l-kriżi ekonomika, fejn l-għeluq ta’ postijiet tax-xogħol affettwa l-ħaddiema kollha, l-iktar liż-żgħażagħ;

P.   billi ż-żgħażagħ għandhom id-dritt għal impjieg ta' kwalità bi qbil mal-ħiliet tagħhom; billi impjieg ta' kwalità huwa fundamentali għad-dinjità u l-awtonomija taż-żgħażagħ tal-Ewropa;

Q.  billi l-kriżi ekonomika li bdiet tidher fl-2008 affettwat b’mod negattiv kemm lid-domanda kif ukoll lill-provvista fis-suq tax-xogħol, u b’hekk żiedet b’mod drammatiku l-inċertezza tal-prospetti ta’ impjiegi u għamlitha essenzjali li l-persuni qiegħda kollha jkunu informati aħjar dwar il-prospetti ta’ impjiegi; billi l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet spiss huma inaċċessibbli għall-iktar gruppi deprivati, inklużi ż-żgħażagħ b'diżabilitajiet;

R.   billi, minħabba l-enfasi tagħhom fuq il-ħiliet prattiċi, is-sistemi doppji ta’ edukazzjoni fil-klassi u taħriġ vokazzjonali, u korsijiet tal-lawrja akkademiċi-vokazzjonali li jeżistu fi wħud mill-Istati Membri wrew il-valur tagħhom matul il-kriżi; billi l-Kummissjoni ripetutament innutat li sistemi edukattivi doppji effettivi jistgħu jiggarantixxu provvista soda ta' ħaddiema kwalifikati filwaqt li jżommu r-rati ta' qgħad taż-żgħażagħ baxxi;

S.   billi t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għad-dinja tax-xogħol tippreżenta mument kruċjali fil-ħajja taż-żgħażagħ, li huwa deċiżiv għall-opportunitajiet futuri tal-karriera, id-dħul matul il-ħajja kollha, kif ukoll is-sitwazzjoni soċjali fit-tul ta’ dawn iż-żgħażagħ; billi f’dan il-kuntest, il-politika ta’ edukazzjoni tippreżenta parti mill-politika tas-suq tax-xogħol;

T.   billi l-kriżi ekonomika li bdiet fl-2008 affettwat b’mod negattiv kemm lid-domanda kif ukoll lill-provvista fis-suq tax-xogħol, u b’hekk żiedet b’mod drammatiku l-inċertezza tal-prospetti ta’ impjiegi u għamlitha essenzjali li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-investiment fil-ħolqien tal-impjiegi, it-taħriġ u l-edukazzjoni minn Stati Membri; billi l-konsegwenzi jistgħu jinkludu żieda fil-konflitti soċjali u inkwiet soċjali;

U.  billi s-servizzi ta’ impjiegi għandhom rwol ċentrali fis-suq tax-xogħol u għalhekk, għandhom jissodisfaw standards għolja ta’ kwalità, li għandhom jiġu kkontrollati mill-awtoritajiet kompetenti; jenfasizza, li dawn l-istandards ta’ kwalità u l-kontrolli relatati magħhom għandhom japplikaw bl-istess mod għas-servizzi ta’ impjiegi pubbliċi u privati;

V.  billi parti mis-soluzzjoni għall-qgħad tista’ tkun l-iżvilupp ta’ edukazzjoni vokazzjonali ta’ kwalità għolja u sistemi ta’ taħriġ b’għalliema u persuni li jħarrġu bi kwalifiki għoljin, metodi ta’ tagħlim innovattivi, infrastruttura u faċilitajiet ta’ kwalità għolja, relevanza għolja għas-suq tax-xogħol u possibilitajiet għal aktar edukazzjoni u taħriġ;

W. billi ż-żgħażagħ jammontaw għal 40 % ta’ dawk impjegati fuq kuntratti temporanji, iżda jammontaw biss għal 13 % tal-impjiegi totali u wieħed minn kull ħames żgħażagħ jibżgħu li jitilfu l-impjieg tagħhom;

X. billi f’xi Stati Membri jidher distakk li qed jikber bejn il-ħiliet tal-gradwati u r-rekwiżiti tal-ħiliet tas-suq tax-xogħol;

Y.  billi l-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol m'għandhiex tipprekludi lit-tfal milli jiksbu l-bażi inizjali tal-għarfien l-aktar wiesgħa possibbli għaliex dan huwa l-aħjar mod kif jiġi żgurat li huma se jadattaw għall-instabbiltà tas-suq tax-xogħol u tal-ħajja b'mod ġenerali; billi ħafna studji juru l-importanza ta’ edukazzjoni ta’ kwalità tajba fis-snin bikrija tal-iskola sabiex jiġi evitat it-tluq kmieni mill-iskola u t-tfal mill-isfondi soċjali l-aktar żvantaġġati jintegraw aħjar;

Z    billi r-riżorsi edukattivi miftuħa jtejbu l-kwalità, l-aċċessibilità u l-ekwità tal-edukazzjoni u jiffaċilitaw proċess ta’ tagħlim interattiv, kreattiv, flessibbli u personalizzat permezz tal-użu tal-ICT u teknoloġiji ġodda; billi l-edukazzjoni miftuħa ttejjeb l-impjegabilità sostnuta billi tappoġġja t-tagħlim tul il-ħajja;

AA. billi kemm l-għalliema fl-iskejjel kif ukoll fl-università jiffaċċjaw sfidi bla preċedent tal-ambjent ekonomiku globali li qed jinbidel b’rata mgħaġġla, li jirrikjedi l-iżvilupp ta’ ħiliet u sett ta’ kompetenzi ġodda, approċċi innovattivi u metodi moderni ta’ tagħlim bħala fattur ewlieni għall-edukazzjoni prosperuża u l-impjegabilità taż-żgħażagħ;

AB. billi 60 % tal-gradwati huma nisa, u sikwit jitqiegħdu f'pożizzjonijiet fejn ma jkunux impjegati jew imħallsa skond il-kwalifiki tagħhom; billi n-nisa żgħażagħ huma effettwati wkoll b’differenzi bejn is-sessi f’kundizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ impjieg u ta’ impjieg, li jwassal għal differenza fis-salarji (attwalment ta' 16.2 %) kif ukoll differenza fil-pensjonijiet;

AC. billi l-flessibilità u l-insikurezza tal-impjiegi għandhom effett akbar fuq l-impjieg tan-nisa milli fuq dak tal-irġiel: billi, fit-tielet kwart tal-2012, madwar 60% tal-ħaddiema kollha part-time fil-grupp ta’ età bejn il-15 u l-24 sena kienu nisa, filwaqt li fl-istess grupp ta' età, 64% tal-ħaddiema temporanji kollha b’livell ta’ edukazzjoni terzjarja, kienu wkoll nisa;

AD. billi minkejja l-Artikolu 19 TFUE tad-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 u d-Direttiva 2006/54/KE tal-5 ta' Lulju 2006, in-nisa żgħażagħ għadhom ibatu minn diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u l-ġeneru meta jidħlu fis-suq tax-xogħol; billi l-aċċess għas-suq tax-xogħol uffiċċjali hu aktar diffiċli għal nisa minn gruppi soċjali vulnerabbli, inklużi minoranzi etniċi;

AE. billi l-maternità sikwit ixxekkel l-aċċess għas-suq tax-xogħol għall-ommijiet żgħażagħ u b’hekk tikkontribwixxi għat-twessigħ tad-distakk fl-impjiegi bejn is-sessi;

AF. billi huwa meħtieġ li miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ jiġu integrati fi strateġija makroekonomika konsistenti, orjentata lejn il-futur u l-investiment li jiżguraw il-kundizzjoni għall-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u tas-seklu 21 kif ukoll tranżizzjoni effettiva mill-edukazzjoni għall-impjieg;

1.   Jenfasizza li l-miżuri politiċi nazzjonali u tal-UE għaż-żieda fl-impjiegi għaż0żgħażagħ għandhom ikunu koerenti u jsaħħu lil xulxin, u għandhom jiffokaw b'mod partikolari fuq edukazzjoni (vokazzjonali) ta' kwalità għolja, taħriġ u provvista ta' esperjenza tax-xogħol, biex b'hekk iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiksbu impjieg stabbli ta' kwalità tajba; jenfasizza li l-ħolqien ta' opportunitajiet għal apprendistati mħallsin b'mod adegwat u attivitajiet volontarji fl-interess pubbliku jista' jippermetti liż-żgħażagħ jieħdu sehem f'attivitajiet ta' importanza soċjali u jiksbu esperjenza professjonali;

2.   Jiddeplora ll-fatt li l-miżuri tal-kriżijiet kurrenti diretti lejn infiq pubbliku mnaqqas fil-pajjiżi fi kriżi diġà kellhom impatt negattiv dirett fuq iż-żgħażagħ minħabba t-tnaqqis fl-edukazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u s-servizzi ta’ appoġġ;

3.   Jenfasizza d-diversità ta’ gruppi fost iż-żgħażagħ qiegħda fejn huwa meħtieġ li jiġu identifikati skont il-bżonnijiet u l-kapaċitajiet tagħhom sabiex itejbu l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda; għandhom jiġu identifikati l-kompetenzi ewlenin li jippermettu li dawn iż-żgħażagħ ikollhom aċċess aktar mgħaġġel, stabbli u durabbli għas-suq tax-xogħol; Għandha tingħata importanza speċjali liż-żgħażagħ li ma għandhom l-ebda titolu, la jistudjaw, la jaħdmu u lanqas imħarrġa;

4.   Jitlob lill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-Istati Membri li għandhom aktar minn 25 % qgħad fost iż-żgħażagħ fir-reġjuni biex jiżviluppaw pjan ta’ għajnuna estiż fuq sena biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ permezz tal-ħolqien ta’ impjiegi għal mill-anqas 10 % miż-żgħażagħ affetwati;

5.   Jenfasizza l-ħtieġa għal politiki tas-suq tax-xogħol attivi, komprensivi u integrati bl-għan li jinħoloq l-impjieg, b'miżuri speċjali għaż-żgħażagħ, sabiex minn banda tiġi evitata ħela ta' riżorsi disponibbli u mill-banda l-oħra jonqos l-ammont ta' żgħażagħ qiegħda, u mhux sempliċement jiġi riċiklat; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jeżaminaw l-eżempji tal-aħjar prattiki minn Stati Membri oħra għall-prattikabbiltà fis-swieq tax-xogħol rilevanti u jieħdu miżuri xierqa fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ; jenfasizza l-esperjenzi tajbin minn pajjiżi li għandhom is-sistema tal-ETV u s-sistema doppja ta' taħriġ biex tittejjeb it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol, u b'hekk tingħeleb id-differenza bejn il-ħiliet miksuba bit-taħriġ u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; jenfasizza li l-kompitu tal-Kummissjoni huwa li tagħti appoġġ attiv lil sforzi bħal dawn, u jitlobha tirrapporta b'mod regolari fuq l-isforzi ta' riforma tal-Istati Membri fir-rigward tas-sistemi tagħhom ta' taħriġ vokazzjonali; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari lil gruppi vulnerabbli b'riskju għoli ta' esklużjoni soċjali, inklużi n-NEETs;

6.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tiġbor l-istejjer ta’ suċċess tat-taħriġ taż-żgħażagħ u terġa’ toħroġhom bħala manwal għal Stati Membri oħra;

7.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport annwali dwar ir-riforma tas-sistemi edukattivi fl-Istati Membri u sussegwentement, tipprovdi kontribuzzjoni strutturali u fit-tul biex titjieb l-impjegabilità taż-żgħażagħ;

8.   Jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida kwalitattivi għal sistema doppja ta’ edukazzjoni moderna, imsaħħa minn lista ta’ impjiegi ewlenin mhux akkademiċi definiti b’mod wiesa’ fl-Ewropa;

9.   Jenfasizza l-importanza li jitjiebu l-istandards tal-kwalità u l-aċċessibilità fl-edukazzjoni għolja u fl-ETV; jenfasizza wkoll l-importanza tat-tagħlim tal-lingwi fl-iskola kif ukoll fl-ETV;

10. Jenfasizza li l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, inklużi l-imsieħba soċjali, is-servizzi ta’ impjiegi, l-awtoritajiet tat-taħriġ u l-edukazzjoni, impjegaturi individwali, NGOs, u b'mod partikolari wkoll organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-istudenti, huwa essenzjali għal diżinn, implimentazzjoni u monitoraġġ b'suċċess ta' għadd ta' miżuri li jrawmu l-impjiegi u l-impjegabilità taż-żgħażagħ b'mod integrat; jenfasizza li l-miżuri għall-impjiegi taż-żgħażagħ li jkunu durabbli u ta’ kwalità għolja jeħtieġu jkunu flessibbli bil-għan li jissodisfaw il-ħtiġijiet li dejjem qegħdin jiżviluppaw fis-suq tax-xogħol; jinnota l-bżonn ta’ relazzjonijiet kuntrattwali flessibbli u fl-istess ħin affidabbli, politiki effettivi ta' riintegrazzjoni u attivi u sistemi ta’ sigurtà soċjali moderni; jenfasizza li gwida bikrija b'rabta mal-karrieri għaż-żgħażagħ, sew qabel ma dawn jispiċċaw l-iskola bażika sekondarja tagħhom, hija ta' valur partikolari peress li teħtieġ li l-ġenituri u l-iskejjel itejbu l-kapaċità tagħhom li jgħinu lill-istudenti u jagħtuhom pariri dwar l-għażla tal-edukazzjoni tagħhom u l-karriera sussegwenti;

11. Jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jagħtu prijorità lill-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġiji, l-inġinerija u l-matematika fil-programmi edukattivi tagħhom sabiex jilħqu l-iżviluppi futuri mistennija fis-suq tax-xogħol;

12. Jenfasizza r-rwol ewlieni li n-negozjar kollettiv għandu fil-promozzjoni u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol taż-żgħażagħ impjegati;

13. Jirrikonoxxi li l-investiment fil-ħiliet xierqa huwa fattur importanti li jgħin lill-Istati Membri jinnovaw u jiksbu lura l-kompetittività tagħhom;

14. Jitlob lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-isfidi bla preċedent tal-ambjent ekonomiku globali li qed jinbidel malajr, li kemm l-għalliema tal-iskejjel u kemm dawk tal-universitajiet qed ikollhom jaffaċjaw; jinnota li fattur muftieħ għall-edukazzjoni b'suċċess taż-żgħażagħ u l-prospetti tagħhom ta' impjieg huwa l-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda u settijiet ta’ kompetenzi, approċċi innovattivi u metodi moderni ta’ tagħlim;

15. Jitlob lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu u jappoġġjaw il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, speċjalment in-nisa, permezz tal-edukazzjoni, is-soċjetà ċivili u inizjattivi ta’ kwalità għaż-żgħażagħ biex jipparteċipaw fil-ħajja demokratika u biex jużaw għodda ġdida u eżistenti biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ politika, b’hekk itejbu l-iżvilupp taż-żgħażagħ, il-benesseri u l-inklużjoni soċjali tagħhom;

16. Jinsab imħasseb ferm sew dwar it-tnaqqis tal-baġit mill-Istati Membri fil-qasam tal-politika dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ li jista’ jwassal biex iż-żgħażagħ jibqgħu barra kemm mill-edukazzjoni kif ukoll mill-impjiegi, u jfakkar li l-allokazzjonijiet tal-baġit għall-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jitqiesu bħala investiment neċessarju u imprezzabbli għall-futur;

17. Jitlob li jkun hemm edukazzjoni u taħriġ vokazzjoni msaħħa għall-għalliema, b’mod speċjali fir-rigward tal-metodi moderni ta' tagħlim, kif ukoll l-użu ta’ teknoloġiji ġodda; jirrimarka li t-tagħlim tul il-ħajja jibda mill-edukazzjoni fi stadju bikri tat-tfulija u jenfasizza li l-kapaċitajiet fil-qasam tal-lingwi fuq kollox għandhom jiġu promossi b’mod divertenti;

18. Jenfasizza r-rwol tal-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self tal-UE proposta għall-istudenti full-time fil-livell ta’ Masters fl-UE u f'pajjiżi terzi sabiex tiġi ffaċilitata iżjed il-mobilità taż-żgħażagħ u biex jingħata kontribut lill-klassifikazzjoni multidimensjonali tal-universitajiet;

19. Iqis li l-ħtiġijiet lokali u l-karatteristiċi territorjali għandhom jitqiesu biex tiġi permessa identifikazzjoni tal-impjiegi, b'mod partikolari f'setturi innovattivi, bħas-setturi ekoloġiċi u n-negożji soċjali, fil-qafas ta' strateġiji ta' żvilupp territorjali integrat;

20. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex iwaqqfu strateġiji ta' żvilupp territorjali integrati, inklużi komponenti ta' taħriġ u ta' impjieg, billi jibdew b'miżuri biex jevitaw tluq bikri mill-iskejjel, u jibnu rotot lejn l-impjieg għaż-żgħażagħ;

21. Jirrikonoxxi s-sitwazzjoni partikolarment diffiċli f’ċerti reġjuni fejn il-livell tal-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa aktar minn 25 %; jilqa' l-fatt li l-appoġġ tal-UE għall-impjieg taż-żgħażagħ se jingħata spinta ulterjuri permezz tal-Inizjattiva tal-Impjiegi taż-Żgħażagħ proposta tal-UE, li se jkollha baġit massimu ta' EUR 8 biljun matul il-perjodu ta' seba' snin bejn l-2014 u l-2020; jenfasizza fl-istess waqt li għall-implimentazzjoni effettiva tal-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ, fiż-żona tal-euro biss, huma meħtieġa skont l-ILO fondi b’ammont ta’ EUR 21 biljun; jaqbel li l-allokazzjoni tal-fondi speċifika għal dawn l-inizjattivi għax-xogħol għaż-żgħażagħ u l-allokazzjoni korrispondenti tal-fondi tal-FSE għandhom ikunu forniti minn qabel;

22. Jenfasizza fuq l-importanza ta’ azzjonijiet immedjati biex jiġu miġġielda l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad għal żmien twil taż-żgħażagħ; jenfasizza wkoll fuq l-importanza li ż-żgħażagħ jingħataw impjiegi fit-tul, sostenibbli u ta’ kwalità;

23. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-liġi nazzjonali li taffettwa liż-żgħażagħ u b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni nazzjonali bbażata fuq id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi (2000/78/KE) ma tintużax biex jiġi ddiskriminat l-aċċess tal-ħaddiema żgħażagħ għall-benefiċċji soċjali; huwa tal-fehma li ħafna aktar għandu jsir biex jiġi żgurat li kemm l-impjegati u kemm min iħaddem ikunu konxji mid-drittijiet u l-obbligi tagħhom stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni;

24. Jistieden lill-Istati Membri biex jaġġornaw l-istrateġiji tal-iżvilupp reġjonali tagħhom, biex dawn jirriflettu miżuri biex jiżdiedu l-impjiegi, inkluż l-impjiegi fost iż-żgħażagħ;

25. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-EPSCO fit-28 ta’ Frar 2013 li jintlaħaq ftehim dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, u jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jimplimentaw skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ b'mod ambizzjuż fil-livell nazzjonali; jitlob biex l-estensjoni tal-gruppi fil-mira tinkludi żgħażagħ ta' taħt it-30 sena, inklużi gradwati u dawk li jitilqu s-sistemi ta' taħriġ mingħajr kwalifiki; jenfasizza li s-suċċess ta’ din il-miżura se jiddependi ħafna fuq firxa wiesgħa ta’ politiki u kundizzjonijiet qafas, bħal pereżempju l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, l-infrastruttura u l-kapaċità ta’ servizzi ta’ impjieg, id-disponibilità tal-postijiet tal-istudenti u l-iggradwati, u apprendistati u traineeships ta' kwalità, kif ukoll politiki ġenerali li jwasslu għall-ħolqien tal-impjiegi; jitlob li jkun hemm segwitu adegwat permezz tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tal-Istati Membri u fil-kuntest tas-Semestru Ewropew biex jiġu faċilitati l-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u t-titjib kontinwu ta' skemi nazzjonali ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ; jenfasizza li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tiġi integrata fi ħdan il-qafas usa’ ta’ politiki nazzjonali dwar is-suq tax-xogħol attiv;

26. Jinforma lill-Istati Membri li l-Parlament għandu l-ħsieb li jissorvelja mill-qrib l-attivitajiet kollha tal-Istati Membri biex il-Garanzija għaż-Żgħażagħ issir realtà u jistieden lill-organizzazzjonijet taż-żgħażagħ biex iżommu lill-Parlament Ewropew aġġornat dwar l-analiżi tagħhom tal-azzjonijiet tal-Istati Membri;

27. Jitlob lill-parlamenti nazzjonali flimkien mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ biex iżommu lill-gvernijiet tagħhom responsabbli għat-twettiq tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u biex jieġdu passi sabiex jiżguraw li kull persuna żagħżugħa (qiegħda jew li ħalliet l-edukazzjoni formali) fi żmien erba’ xhur tirċievi offerta ta’ kwalità tajba ta’ impjieg, edukazzjoni kontinwa u apprendistat jew skema ta’ taħriġ;

28. Jenfasizza li l-isforzi u l-finanzjament favur l-implimentazzjoni ta' skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ m'għandhomx jiskoraġixxu l-isforzi strutturali u r-riformi li jeħtieġu jagħmlu biex is-sistemi edukattivi u s-swieq tax-xogħol f’xi Stati Membri jkunu b’saħħithom għall-isfidi tal-ġejjieni;

29. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi miżuri li jiġġieldu b'mod speċifiku l-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-programmi kollha tagħha, filwaqt li ssegwi viżjoni globali u integrata skont l-inizjattiva emblematika “Żagħżagħ Attivi” fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020;

30. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar l-impenn tagħhom għall-objettivi tal-Ewropa 2020 ta’ rata ta’ impjieg ta' 75 % kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, u jwissi li l-livell attwali tal-qgħad taż-żgħażagħ jista' jeskludi ġenerazzjoni ta’ nisa mis-suq tax-xogħol, u jkabbar l-inviżibilità u l-vulnerabilità tagħhom;

31. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jimmoniterjaw u jippubblikaw id-dejta kollha li għandha x'taqsam mal-politiki biex jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ (inkluż l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ), jipproduċu statistika reġjonali għall-Istati Membri differenti u jagħtu attenzjoni partikulari għad-dimensjoni tal-ġeneru;

32. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw standards ċari ta' kwalità u indikaturi fir-rigward tal-iżvilupp ta' skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, kif ukoll iżidu l-appoġġ tagħhom għall-protagonisti kollha essenzjali għat-twettiq ta' skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, bħall-imsieħba soċjali nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-servizzi ta' impjieg u l-awtoritajiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ; jitlob biex l-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ jiġu faċilitati permezz ta' inċentivi finanzjarji, inkluż inċentivi fl-akkwist pubbliku, u l-finanzjament għat-taħriġ fil-post, li se jappoġġa l-intrapriżi biex jagħmlu offerti sostenibbli u ta' kwalità għolja b'rabta mal-impjieg u t-taħriġ, li se jirrappreżentaw investiment effettiv u mmirat fil-potenzjal taż-żgħażagħ; jenfasizza r-responsabbiltà speċifika tal-impriżi li għandhom jipprovdu servizzi bħal dawn;

33. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b’kooperazzjoni ma’ partijiet interessati taż-żgħażagħ u l-Parlament, biex jiżviluppaw pjan ta’ azzjoni dwar l-impjieg taż-żgħażagħ u jidentifikaw miżuri fuq żmien qasir, medju u fit-tul; jiddispjaċih li fid-dibattitu attwali miżuri fuq żmien twil qed jiġu ppreżentati bħala soluzzjonijiet fuq żmien qasir; jenfasizza li fuq żmien qasir l-enfasi għandha tkun fuq tnaqqis immedjat tal-kriżi, kemm għal dawk barra u kemm ġewwa s-suq tax-xogħol b’enfasi fuq is-sigurtà ta’ introjtu ta’ għajxien kif ukoll għażliet dwar is-suq tax-xogħol; jenfasizza li investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, il-ħolqien ta’ impjiegi, skemi tal-apprendistat u inċentivi mmirati lejn impjegaturi huma prinċipalment fuq żmien medju però huma wkoll miżuri fuq żmien twil li għandhom jiġu miftehma b’mod sod bejn l-atturi kollha u miżmuma għal minimu ta’ ħames snin; jenfasizza li speċjalment meta tibni sistema ta’ edukazzjoni doppja, apprendistati, taħriġ fuq ix-xogħol u integrazzjoni ta’ żgħażagħ fis-suq tax-xogħol huma miżuri fuq żmien twil li għandhom bżonn impenn fuq żmien twil;

34. Jirrakkomanda li fl-Istati Membri li għandhom sistema doppja ta’ edukazzjoni, għandu jkun disponibbli għaż-żgħażagħ taħt it-18-il sena li ma jsibux opportunità ta’ apprendistat, ‘tagħlim ta’ kumpens’ u għalhekk, garanzija għall-edukazzjoni f’forma ta’ taħriġ vokazzjonali ma' iktar minn impjegatur wieħed; Fl-Istati mingħajr is-sistema doppja ta’ edukazzjoni għandhom jittieħdu l-passi biex tiġi implimentata sistema aġġustata f’forma xierqa.

35. Jenfasizza li gruppi ta’ etajiet differenti jeħtieġu approċċi differenti biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ impjieg, jiffukaw fuq id-dħul fis-suq tax-xogħol għal gruppi ta’ etajiet iżgħar u biex itejbu is-sigurtà tax-xogħol u s-sigurtà soċjali għal gruppi ta’ etajiet akbar;

36. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawmu r-rikonċiljazzjoni bejn id-dinja tax-xogħol u l-edukazzjoni sabiex il-mogħdijiet tat-taħriġ , bħal taħriġ doppju, jistgħu jitfasslu sabiex jikkombinaw nozzjonijiet teoretiċi mal-esperjenza prattika, sabiex iż-żgħażagħ jakkwistaw ħiliet ġenerali u għarfien espert speċifiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestu wkoll fl-appoġġ għal kampanja sabiex titqajjem il-kuxjenza dwar taħriġ vokazzjonali (ETV) u studji tekniċi u intraprenditorjali;

37. Jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jagħtu eżempju tajjeb bit-tneħħija tar-reklamar tagħhom għal traineeships bla ħlas mill-websajts rispettivi tagħhom u jħallsu allowance minima abbażi tal-ispejjeż tal-għajxien fil-post fejn ikunu qed joffru apprendistat;

38. Jitlob lill-Istati Membri biex jistabbilixxu politiki ġodda inklussivi u mmirati għas-suq tax-xogħol li jiżguraw l-inklużjoni dinjituża u xogħol li għandu skop għaż-żgħażagħ, pereżempju permezz tat-twaqqif ta’ netwerks inspirazzjonali, arranġamenti ta' traineeships li jinkludu għajnuna finanzjarja sabiex min jitħarreġ ikun jista’ jmur joqgħod xi mkien ieħor u joqgħod qrib il-post fejn ikun qed isir it-taħriġ, ċentri internazzjonali tal-karrieri u ċentri taż-żgħażagħ għal gwida individwali dwar kwistjonijiet bħall-organizzazzjoni u l-għarfien kollettivi tal-aspetti legali li jirrigwardaw it-taħriġ tagħhom;

39. Jistieden lill-Istati Membri, b’kooperazzjoni mal-protagonisti u l-partijiet interessati kollha rilevanti, ifasslu strateġiji ta’ sensibilizzazzjoni addizzjonali speċifiċi rigward in-NEETs, li għandhom jgħaqqdu forom speċifiċi ta' riintegrazzjoni ta' min iħalli l-iskola kmieni biex jidħol lura fl-edukazzjoni jew ix-xogħol; jitlob għalhekk lill-Istati Membri biex, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, jippreżentaw proposti dwar kif se jagħmlu progress biex jintegraw aħjar lin-NEETs permezz tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u strumenti oħra; jenfasizza l-bżonn li jiżdiedu l-impjegabilità u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ permezz tat-trawwim tat-tagħlim tul il-ħajja u billi l-iskemi ta' sigurtà soċjali jkunu iktar inklussivi u attivanti; jitlob għat-tneħħija tal-ostakli prattiċi u loġistiċi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ bi bżonnijiet aktar kumplessi jew b'diżabilità meta jidħlu fis-suq tax-xogħol;

40. Jitlob lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex inaqqsu t-tluq kmieni mill-iskola sabiex jiksbu l-mira stabbilita fl-istrateġija UE 2020 ta’ rata ta' tluq mill-iskola ta' mhux aktar minn 10 % sal-2012; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu mill-firxa wiesgħa ta’ miżuri biex jiġġieldu t-tluq kmieni mill-iskola u l-analfabetiżmu, eż. iċekknu l-klassijiet, jipprovdu għajnuna għall-istudenti li ma jistgħux iħallsu biex itemmu l-edukazzjoni obbligatorja, iżidu l-enfasi fuq aspetti prattiċi fis-sillabu, jintroduċu konsulenti fl-iskejjel kollha, jistabbilixxu segwitu immedjat ta’ żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola; juża l-eżempju tal-Finlandja bħala eżempju ta’ pajjiż li naqqas b’suċċess in-numru ta’ żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola billi tiġi studjata mal-istudenti l-possibilità li tinstab direzzjoni ġdida; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina proġett fuq l-aqwa prattiki;

41. Jinnota li diġà fl-edukazzjoni bikrija, permezz tal-logħob, tista’ titwitta t-triq lejn edukazzjoni ta’ suċċess u jenfasizza li, b’mod partikolari f’dan il-kuntest, it-taħriġ pedagoġiku u t-taħriġ ulterjuri speċjalizzat tal-għalliema huma ta’ importanza kbira;

42. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, fid-dawl tal-kundizzjonijiet soċjali eċċezzjonali maħluqa mill-kriżi, sabiex ifasslu strateġija biex jipprovdu inċentivi - inklużi inċentivi finanzjarji - għal studenti minn gruppi vulnerabbli ta’ studenti żgħażagħ biex ilestu l-edukazzjoni sekondarja tagħhom;

43. Jenfasizza l-importanza ta’ netwerk pubbliku ta’ kwalità ta’ residenzi għall-istudenti;

44. Jappoġġa l-istabbiliment tal-Programm Erasmus għal Kulħadd b'kapitolu separat għaż-żgħażagħ kif ukoll allokazzjoni separata tal-baġit korrispondenti, inkluż appoġġ miżjud għal dawk li huma attivi fix-xogħol taż-żgħażagħ, kemm b'mod istituzzjonalizzat kif ukoll mhux; huwa tal-fehma li l-kisba ta' ħiliet, b'mod partikolari ħiliet trażversali (eż. ICT u lingwi), pereżempju permezz tal-istudju, il-ħidma jew il-volontarjat barra l-pajjiż, tista' tippromwovi l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fis-soċjetà u b'hekk l-integrazzjoni Ewropea, u tista' ttejjeb il-prospetti tagħhom fis-suq tax-xogħol, kif ukoll il-mobilità tal-ħaddiema b'mod ġenerali madwar l-Unjoni;

45. Jenfasizza r-rwol ċentrali li għandu jkollu l-Fond Soċjali Ewropew għandu biex jiġġieled kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u jitlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tmaniġerjali fil-programmi operazzjonali kollha biex jiżguraw li jkunu inklużi miżuri mmirati biex jintlaħaq dan il-għan;

46. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw l-miżuri stipulati fl-Iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ tagħhom, billi jqisu l-perspettiva tal-ġeneru f’kull stadju ta’ tħejjija, programmazzjoni u implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri; jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu ċentri ta' impjieg b'persunal imħarreġ b'mod adegwat, li jkunu kapaċi jimplimentaw politiki effikaċi ta' sensibilizzazzjoni u biex jipprovdu arranġamenti speċifiċi għan-nisa, ukoll biex ikun evitat il-qgħad fit-tul u r-riskju tal-esklużjoni soċjali;

47. Jenfasizza li biex il-Garanzija għaż-Żgħażagħ issir realtà, jeħtieġ li jiġi ggarantit ir-rispett għan-negozjar kollettiv għall-pagi u l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali;

48. Jissottolinja l-importanza li ż-żgħażagħ jitgħallmu ħiliet ġenerali bħall-ICT, tmexxija, il-ħsieb kritiku, lingwi u ħiliet intraprenditorjali, inklużi permezz ta' perjodi ta' studju barra minn pajjiżhom sabiex itejbu l-prospetti tagħhom fis-suq tax-xogħol u l-abilità tagħhom li jadattaw għall-iżilvuppi futuri tas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jagħtu aktar importanza lil dan it-tip ta' ħiliet fil-kurrikula tal-edukazzjoni tagħhom;

49. Jirrikonoxxi d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ biex joħolqu u jiżviluppaw in-negozju tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw intraprendituri żgħażagħ u żgħażagħ impjegati għal rashom billi jiffaċilitaw u jissimplifikaw l-aċċess għall-finanzi, inaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, jindirizzaw liġijiet dwar is-solvenza u joħolqu kundizzjonijiet preferenzjali ġenerali li għandhom jinkludu konsulenza effiċjenti u mentoring u jipprovdu inkubaturi għan-negozji;

50. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkuraġġixxu, jippromwovu u jappoġġjaw il-bidu ta’ intrapriżi u ta’ impjieg għal rashom min-nisa żgħażagħ billi jipprovdulhom taħriġ, pariri u aċċess aktar faċli għall-kreditu u għall-mikrokreditu fuq termini favorevoli u b'faċilitazzjonijiet fiskali, b’mod partikolari għall-SMEs;

51. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġġieldu kontra l-isterjotip li l-intraprenditorija hi riskjuża u attività ddominata mill-irġiel; jenfasizza li, sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni ġenerali tan-nisa fis-suq tax-xogħol u biex l-intraprenditorija tkun promossa b'mod aktar effettiv, għandhom jittieħdu miżuri li jappoġġjaw il-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali bejn l-imprendituri nisa u biex jitħeġġeġ il-ħolqien ta' netwerks ta' pjattaformi għall-iskambju tal-esperjenza u tal-aħjar prattiki;

52. Jilqa’, fil-kuntest tal-promozzjoni tal-impjieg indipendenti fost iż-żgħażagħ, is-suċċessur propost għall-Faċilità ta’ Mikrofinanzjament Progress inkluża fil-Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020, sabiex id-domanda tiġi sodisfata aħjar, anke fost iż-żgħażagħ li jibdew negozji żgħar, inklużi start-ups ta' studenti universitarji; jilqa' l-impenn tal-BEI li jagħti attenzjoni partikolari lill-investimenti li jtejbu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex dawn jiksbu aċċess għal impjiegi produttivi; jenfasizza li t-tliet assi tal-Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni jipprovdu mezzi kif jiġi miġġieled il-qgħad taż-żgħażagħ;

53. Jenfasizza li, waqt li l-ekonomija tal-internet toħloq 2.6 impjiegi għal kull impjieg “off-line” li jintilef, huwa importanti li ż-żgħażagħ jittrasformaw il-ħiliet diġitali tagħhom fi programmar, iddiżinjar jew marketing soċjali f’impjieg billi jużaw fondi nazzjonali u Ewropej disponibbli;

54. Jitlob approċċ politiku olistiku ambizzjuż kemm f’livell Ewropew kif ukoll nazzjonali li jeżamina l-inizjattivi tal-edukazzjoni, taħriġ, impjieg ta' kwalità u impjieg indipendenti u mobilità fl-impjiegi, għaż-żgħażagħ kollha fil-livelli differenti kollha, b’mod integrat; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jidħlu f’konsultazzjonijiet wiesgħa ma’ universitajiet u istituzzjonijiet edukattivi oħra, bil-ħsieb li jadattaw aħjar il-kurrikuli ta' edukazzjoni u ta' taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; fid-dawl tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss 2014-2020, jistieden lill-Kummissjoni tagħmel analiżi komprensiva dwar il-programmi tal-UE u s-sorsi finanzjarji investiti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-perjodu tal-programmazzjoni 2007-2013, u tirrapporta dwar il-kwsitjoni lill-Parlament u lill-Kunsill; jenfasizza li l-qgħad taż-żgħażagħ huwa marbut ma' tkabbir ekonomiku dgħajjef fil-parti l-kbira tal-Istati Membri; jenfasizza għalhekk il-bżonn urġenti li jiġu prijorizzati forom ta' tkabbir favorevoli tal-impjiegi li minnu jibbenefikaw iż-żgħażagħ ukoll, u biex jiġu indirizzati l-ostakli strutturali għad-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

55. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposta għal programm Korp għaż-Żgħażagħ Ewropej bl-għan li ż-żgħażagħ taħt it-30 sena ta’ madwar l-Ewropa jkunu jistgħu jagħmlu xogħol volontarju fi Stat Membru ieħor barra minn dak tagħhom għal perjodu ta’ tliet xhur; jenfasizza li l-idea tal-Korp għaż-Żgħażagħ Ewropej hija li jagħti liż-żgħażagħ iċ-ċans li jużaw u jtejbu l-ħiliet soċjali u edukattivi tagħhom, iżidu l-għarfien taż-żgħażagħ ta’ Stat Membru ieħor u jippromwovu l-ħbiberija u l-integrazzjoni madwar l-UE; jenfasizza li x-xogħol li jsir mill-Korp għaż-Żgħażagħ għandu jkun volontarju u bla ħlas u m’għandux jissostitwixxi impjiegi eżistenti fil-pajjiż taż-żjara; jemmen li Korp għaż-Żgħażagħ għandu jitqies bħala sħubija pubblika-privata bl-għan li jitwaqqaf programm fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jirċievu għotja individwali li tkopri l-ispejjeż tal-ivjaġġar u tal-għajxien għal massimu ta’ tliet xhur;

56. Iqis li l-istabbilimenti tal-edukazzjoni u/jew it-taħriġ għandhom jirranġaw kollokamenti ekstrakurrikulari sabiex jipprovdu lill-istudenti bl-esperjenza fil-qasam magħżul tagħhom bħala mezz biex jikkonsolidaw l-għarfien tagħhom u jistabbilixxu konnessjonijiet mal-post tax-xogħol;

57. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni bejn in-negozji u s-settur edukattiv fil-livelli kollha u jsaħħu s-sħubija tagħhom, bil-għan ta’ rabta aħjar tal-kurrikula mad-domandi tas-suq tax-xogħol, pereżempju bl-estensjoni tal-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali u l-Alleanzi tal-Għarfien;

58. Jenfasizza l-importanza tat-titjib fil-kwalità tal-ETV bil-għan li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn l-edukazzjoni u d-domanda tas-suq tax-xogħol; iqis li l-promozzjoni tal-ETV m’għandhiex issir askapitu tal-edukazzjoni għolja; jenfasizza li l-interazzjoni bejn l-ETV u l-edukazzjoni għolja u l-ftuħ ta’ toroq mill-ETV għal edukazzjoni għolja għandhom jitjiebu; jenfasizza li hemm bżonn ta' kurrikula aktar flessibbli sabiex jiffaċilitaw l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol u jadattaw aħjar għall-iżviluppi futuri tas-suq tax-xogħol;

59. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships, abbażi tal-proposti preċedenti tagħha għal Karta Ewropea tal-Kwalità dwar it-Traineeships u l-Apprendistati[14], inkluża definizzjoni ta' traineeships ta' kwalità bi kriterji għal kumpens, kundizzjonijiet tax-xogħol u standards tas-saħħa u s-sigurtà adegwati; jistieden lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali jiżguraw standards ta’ kwalità adegwati għat-traineeships, billi jiżguraw li dawn ikunu jaqblu mal-bżonnijiet taż-żgħażagħ biex dawn jiżviluppaw ħiliet rilevanti, appoġġati minn monitoraġġ obbligatorju, kif ukoll jiżguraw standards dwar il-kwalità għal sejba ta' esperjenzi prattiċi ta’ xogħol, fost l-oħrajn sabiex jiġi miġġieled l-abbuż tal-apprendisti bħala sostituzzjoni bl-irħis għall-impjiegi; jenfasizza li l-promozzjoni attiva u s-sensibilizzazzjoni rigward tali standards huma meħtieġa;

60. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikolari lill-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ migranti u jagħtu prijorità lit-tema tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-mainstreaming tal-politiki ta' integrazzjoni, minħabba li x-xogħol huwa ċ-ċavetta għall-integrazzjoni ta’ suċċess; jenfasizza li d-diffikultajiet li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ migranti fil-kisba ta' gwida dwar il-karriera għandhom jitqiesu u li l-integrazzjoni tal-migranti żgħażagħ fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol għandha tkun monitorjata u evalwata;

61. Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali Ewropej biex jieħdu l-impenn lejn approċċ ambizzjuż biex jiżviluppaw l-Alleanza għall-Apprendistati li se tiġi mnedija f'Lulju 2013, kif ukoll jappoġġaw kampanji Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali biex jinbidlu l-perċezzjonijiet dwar it-taħriġ vokazzjonali; jemmen li l-Alleanza għandha torganizza forum regolari ta' diskussjoni dwar il-monitoraġġ tal-istrateġija Ewropea dwar l-apprendistati mal-partijiet interessati kollha Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza li l-aċċess għall-finanzjament għandu jiġi pprovdut biex jiġu faċiltati attivitajiet ta’ taħriġ transkonfinali li jippermettu li kumpaniji u organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali jsiru involuti fl-istabbiliment ta’ sistemi doppji ta’ edukazzjoni;

62. Jistieden lill-Istati Membri, bi ftehim mal-Kummissjoni, biex jistabbilixxu miżuri u konċessjonijiet għal kuntratti ta’ apprendistat u bonus għat-tnedija ta’ intrapriża miż-żgħażagħ taħt il-35 sena;

63. Jenfasizza l-bżonn li jitjieb il-qafas tal-imsieħba soċjali u r-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji u d-ditti sabiex huma jinkorporaw aħjar il-Karta ta’ Apprendistati ta’ Kwalità Tajba kif ukoll il-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

64. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex, fit-tfassil tal-Programm għall-2014-2020, jistabbilixxu kriterji aktar rigorużi u kwantifikabbli dwar it-tfassil, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-objettivi tal-Fondi Strutturali, b'miri speċifiċi fir-rigward tal-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li wkoll għandha tkun tista' titkejjel abbażi tal-ġeneru (fil-perjodu bejn l-2007-2011, 52 % tal-benefiċjarji tal-Fond Strutturali kienu nisa);

65. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra adattament ulterjuri tal-FSE sabiex jagħti appoġġ addizzjonali fl-oqsma tat-taħriġ tan-nisa żgħażagħ, aċċess għall-impjieg u għall-kura tat-tfal;

66. Jemmen li, billi tappoġġa u tissupplimenta l-isforzi tal-Istati Membri biex tingħata ħajja lill-attività ekonomika u jitrawwem l-impjieg fit-territorju kollu, il-politika ta' koeżjoni tal-UE tirrappreżenta għodda fundamentali li permezz tagħha l-Unjoni tista' tgħin biex tingħeleb din is-sitwazzjoni attwali, li tipprovdi gwida u ssawwar l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali meħtieġa, tikkonċentra l-investiment fuq azzjonijiet ta’ prijorità sabiex timmassimizza l-impatt tal-investiment fuq is-sitwazzjoni soċjoekonomika ta' reġjun jew Stat Membru, tistimola l-ekonomija u tgħin biex jinħolqu impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ; jitlob għalhekk lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ u kkoordinat mill-fondi disponibbli tal-UE (FEŻR, FSE, FK, FAEŻR u FEMS), u b'hekk jippermettu liż-żgħażagħ li jkollhom parti attiva fl-ekonomija u s-soċjetà; jenfasizza li għandhom jitqiesu l-karatteristiċi reġjonali, billi dawn jistgħu jikkostitwixxu s-suċċess jew il-falliment tal-inizjattivi taż-żgħażagħ madwar l-UE, u b'mod partikolari fl-iktar reġjuni żvantaġġati u fir-reġjuni periferiċi, fejn l-investiment huwa meħtieġ biex jiżgura koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

67. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jħaddnu l-opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ lokalment, u jikkumplimentaw dan billi jiffaċilitaw il-mobilità taż-żgħażagħ lejn pajjiżi oħra tal-UE u lilhinn[15]; jitlob miżuri li jtejbu t-taħriġ u l-esperjenza, inkluż it-tneħħija ta' ostakli għal apprendistati u traineeships transkonfinali; jixtieq li jara iktar progress lejn ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u l-ħiliet u koordinazzjoni msaħħa tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali, speċjalment rigward is-sistemi tal-pensjoni, kif ukoll investiment sostanzjali kontinwu fit-tagħlim tal-lingwi sa minn età bikrija;

68. Jitlob lill-Istati Membri jkomplu bil-proċess ta’ riforma u żvilupp ta’ servizzi tal-impjiegi pubbliċi sabiex jimmiraw aħjar l-attivitajiet u l-approċċi tagħhom lejn iż-żgħażagħ bħala komponent fundamentali ta’ kwalunkwe Strateġija nazzjonali ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ; jenfasizza l-bżonn li jiġu introdotti riformi għal EURES bl-għan li jintlaħaq qbil proattiv bejn dawk li qed ifittxu xogħol jew jixtiequ jibdlu x-xogħol għal postijiet vakanti eżistenti, kif ukoll is-sensibilizzazzjoni dwar l-EURES, inkluż in-netwerk ta' konsulenza tagħha, u tiżdied il-viżibilità u d-disponibilità tagħha, bħala sistema li tipprovdi konsulenza dwar il-karrieri u li tgħin lill-istudenti jsiru aktar konxji mill-opportunitajiet ta’ impjiegi eżistenti; jenfasizza l-bżonn għal koordinazzjoni iktar mill-qrib bejn il-EURES u portali u servizzi oħra għaċ-ċittadini u n-negozji (eż. 'EURES my first job', punti ta’ informazzjoni Europe Direct jew in-Netwerk ta’ Intrapriżi Ewropej għall-SMEs), għal effiċjenza u effikaċja akbar tas-servizzi pprovduti; jilqa' l-ħidma tal-Kapijiet tas-Servizzi ta' Impjieg Pubbliku (HoPES), u jappoġġa l-istituzzjonalizzazzjoni tiegħu;

69. Jitlob lill-Istati Membri biex, fin-nuqqas ta’ ċifri speċifiċi dwar il-fluss ta’ migrazzjoni taż-żgħażagħ, joħolqu mekkaniżmi ta’ riċerka, monitoraġġ u evalwazzjoni ta’ tali mobiltà li jistgħu jiġu trasferiti għal EURES biex jiġu indirizzati aħjar tali fenomeni;

70. Jenfasizza wkoll l-importanza li aktar żgħażagħ ikunu konxji dwar l-użu tal-konsulenza offrut fil-qafas tas-servizzi tal-impjieg pubbliċi, tissaħħaħ l-isħubija ma’ skejjel u universitajiet kif ukoll li ssir ħidma għal integrazzjoni aħjar permezz tan-netwerk tal-EURES;

71. Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jivvalidaw kif xieraq it-tagħlim informali u mhux formali u l-edukazzjoni u l-kompetenzi miksuba, flimkien ma’ esperjenza professjonali oħra, bħala forma ta’ valorizzazzjoni tal-kompetenzi, biex iż-żgħażagħ jagħtu prova tal-edukazzjoni u l-kompetenzi tagħhom b'rabta mar-rekwiżiti biex jidħlu fis-suq tax-xogħol b'suċċess;

72. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw it-trasparenza u l-armonizzazzjoni fir-rikonoxximent tal-kwalifiki fl-Unjoni, partikolarment permezz tas-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, l-Europass u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tal-edukazzjoni non-formali u informali, u speċjalment biex ikun żgurat ir-rikonoxximent transkonfinali ta’ tagħlim mhux formali u informali; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni f'waqtha u tar-rapportar dwar dawn l-inizjattivi;

73. Jenfasizza li l-problema tal-‘ħela ta' mħuħ’ (brain waste) teħtieġ tiġi indirizzata, għaliex il-fatt li persuni bi kwalifiki u ħiliet għolja jkunu qegħdin jaħdmu f'xogħol ferm taħt il-potenzjal tagħhom jirriżulta fin-nuqqas ta' użu tal-ħiliet u l-kwalifiki attwali tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin jaffettwahom b'mod negattiv fuq livell soċjali u psikoloġiku;

74. Jirrikonoxxi li l-mobilità transkonfinali tax-xogħol tista' parzjalment tkun soluzzjoni effettiva biex ikun hemm qbil bejn id-domanda u l-provvista tax-xogħol madwar l-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri biex, fl-istess waqt, jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jipprevjenu l-fenomenu tal-eżodu ta' mħuħ permezz ta' miżuri sostenibbli li jiżguraw opportunitajiet ta' impjieg għal ħaddiema b'ħiliet kbar fl-Istat Membru jew reġjun tagħhom stess;

75. Jidentifika t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol bħala mument kruċjali għaż-żgħażagħ; jenfasizza l-importanza ta' miżuri li jiffavorixxu tranżizzjoni sikura; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jiżviluppaw servizz personalizzat għall-għoti ta’ pariri dwar il-karrieri, jissaħħu l-miżuri ta' gwida u ta' konsulenza, kif ukoll servizzi ta’ kollakament imfasslin apposta għall-bżonnijiet tal-individwu, li jibdew fl-ewwel snin tal-iskola sekondarja, bl-għan li jippermettu liż-żgħażagħ jagħmlu għażliet infurmati sew dwar l-edukazzjoni futura jew it-taħriġ vokazzjonali tagħhom, filwaqt li jintroduċu mekkaniżmi li jistgħu jimmonitorjaw l-opportunitajiet offruti u jivvalutaw ir-rata ta’ suċċess tat-tranżizzjoni sussegwenti lejn ix-xogħol ta’ dawk iż-żgħażagħ;

76. Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata sistema, li kull impriża li tkun laħqet ċertu daqs, tkun imħeġġa toffri postijiet għat-taħriġ fil-qafas tas-sistema doppja ta’ edukazzjoni, sakemm l-impriża ma tkunx tinsab f’diffikultajiet ekonomiċi kbar barra minn hekk, l-impriża għandha toffri impjieg lill-apprendisti wara li jtemmu t-taħriġ tagħhom;

77. Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu, jekk jixtiequ, jirċievu assistenza effettiva fl-għażla tal-karriera tagħhom, biex isiru jafu dwar id-drittijiet tagħhom u d-dħul minimu tagħhom;

78. Jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu fil-kurrikulum tal-universitajiet taħriġ bażiku dwar tfittxija għal xogħol;

79. Jemmen li s-sistemi edukattivi tal-UE għandhom jippromwovu l-prinċipju ta’ ekwità u opportunitajiet indaqs; jitlob il-promozzojni tal-ħiliet meħtieġa biex jiffaċilitaw l-aċċess għat-taħriġ tul il-ħajja, li hija kundizzjoni essenzjali fis-soċjetà tal-għarfien;

80. Jenfasizza li r-riżorsi finanzjarji kollha investiti fil-ġlieda attiva kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ għandhom jintefqu b’mod effikaċi; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għall-miżuri ta’ impjiegi implimentati, li għandha tkun pubblika u faċli biex iċ-ċittadini jaċċedu għaliha, kif ukoll sistema ta’ verifika tal-effikaċja ta’ dawk il-miżuri, bl-għan li dejjem issir aktar ħidma lejn politiki bbażati fuq l-evidenza li jistgħu wkoll jiġu kondiviżi fil-livell tal-UE; f’dan ir-rigward, jinnota li l-istabbiliment ta’ sistema komuni ta’ indikaturi ta’ riżultat u tal-impatt tista’ tikkontribwixxi għall-valutazzjoni kwalitattiva u kwantittativa tal-progress miksub fil-programmi differenti;

81. Jenfasizza li l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom rwol rikonoxxut fil-monitoraġġ u, fejn applikabbli, fl-implimentazzjoni ta’ politiki u inizjattivi mmirati biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ

82. Jenfasizza l-bżonn li jsir investiment fil-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi stabbli u ta’ kwalità bħala l-mod kif iż-żgħażagħ jista’ jkollhom ħajja deċenti; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimmobilizzaw il-fondi disponibbli kollha biex jistimulaw l-investimenti b’mod partikolari fl-impjiegi ekoloġiċi bl-għan li tiġi miġġielda r-rata għolja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

83. Huwa tal-fehma li huma meħtieġa strateġiji ta’ tagħlim aktar attraenti, b’inserzjoni reġjonali aħjar u l-ħolqien ta' netwerks ta' pjattaformi għall-iskambju ta' esperjenzi u tal-aħjar prattika bejn ir-reġjuni u l-Istat Membri, filwaqt li jitqiesu d-diversi sitwazzjonijiet u jkun permess użu flessibbli b’konformità mal-ħtiġijiet u l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull reġjun, jiġu definiti oqsma prijoritarji għall-iżvilupp ta' kull reġjun;

84. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri li jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn is-sessi li jkunu adatti sabiex iqisu l-gruppi soċjali vulnerabbli, inklużi l-persuni b’diżabilità, il-migranti u l-ommijiet waħedhom;

85. Jistieden lill-Istati Membri jsegwu politiki li jinkoraġġixxu l-preżenza tan-nisa fis-setturi u fil-karrieri fejn huma sotto-rappreżentati, bħal fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija (fl-2009, 33 % biss tax-xjentisti riċerkaturi fl-UE kienu nisa) u fis-settur ekonomiku u finanzjarju, peress li l-għażla ta’ dawn il-karrieri tippermetti li n-nisa jkunu aktar kompetittivi fis-suq tax-xogħol;

86. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġġieldu s-segregazzjoni bejn is-sessi kemm fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol, billi jidentifikaw korsijiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ speċifiċi u tagħlim ibbażat fuq segwitu kontinwu, iżommu mal-konklużjonijiet stipulati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 bit-titolu “Reviżjoni tal-Edukazzjoni” (COM(2012)0669), jgħaqqdu l-politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ mal-politiki dwar l-impjiegi fil-mira għan-nisa żgħażagħ; u jippromwovu u jipprovdu inċentivi għall-impjieg tan-nisa f’setturi ta’ żvilupp strateġiku;

87. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-aċċess għan-nisa żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, jieħdu miżuri li jħalluhom jibqgħu impjegati, filwaqt li jiffokaw fuq impjiegi ta’ kwalità u tkabbir professjonali, u jagħlqu d-differenzi fir-rigward tad-dħul fis-suq tax-xogħol, tal-karrieri u tal-pagi li minn dejjem ikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fil-post tax-xogħol;

88. Ħu tal-fehma li l-għajnuna għan-nisa biex jirritornaw lura fis-suq tax-xogħol tirrikjedi soluzzjonijiet multidimensjonali ta’ politika li jinkludu t-taħriġ tul il-ħajja u azzjoni għall-ġlieda kontra x-xogħol prekarju u l-promozzjoni ta’ xogħol bidrittijiet u prattiki divrenzjati ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, fuq talba tal-mara, sabiex ma jkollhomx għalfejn iħallu l-karrieri tagħhom, jew iwaqqfuhom għal xi żmien;

89. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki adegwati b’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali u jintroduċu miżuri speċifiċi, inkluż taħriġ iffukat fuq ix-xogħol u programmi ta’ impjieg sabiex jiżguraw opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel żgħażagħ sabiex jiksbu esperjenza reali ta’ xogħol;

90. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw politiki li jinkludu l-perspettiva tal-ġeneru u li jimmoniterjawha, u li jippermettu aċċess ta’ ċittadini mingħajr xogħol għal servizzi ta’ reklutaġġ u ta’ appoġġ soċjali;

91. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Iż-żgħażagħ bħalissa qed jaffaċċjaw sitwazzjoni ferm diffiċli fis-suq tax-xogħol. Ir-rata ta' qgħad għall-persuni kollha f'età li jaħdmu hija ta' madwar 11 %, filwaqt li dik taż-żgħażagħ hija d-doppju (23 %). Bħalissa, fl-Unjoni Ewropea kollha, 'il fuq minn 5.5 miljun persuna taħt l-età ta' 25 sena jinsabu qiegħda. Madankollu, hemm differenzi kbar bejn il-pajjiżi: filwaqt li r-rata ta' qgħad fil-Ġermanja u l-Awstrija hija taħt id-9 %, fil-Greċja milquta mill-kriżi u fi Spanja, din iċ-ċifra taqbeż il-55 %. Il-kriżi ekonomika li affettwat u għadha qed taffettwa lill-pajjiżi tal-UE, minn ftit u minn ħafna, fissret li mhux biss mhemmx impjiegi ġodda, iżda l-impjegaturi qed jipprovaw ifaddlu billi jnaqqsu l-ispejjeż fuq impjiegi eżistenti. Iktar frekwentement, u f'ċifri kbar, huma n-nies impjegati fuq kuntratti għal żmien determinat u dawk li jagħmlu xogħol mingħajr kuntratt tax-xogħol li jitkeċċew, jiġifieri tipikament iż-żgħażagħ li qed jidħlu jew li daħlu reċentement fis-suq tax-xogħol. L-istatistiċi għall-Ewropa kollha juru li ż-żgħażagħ jammontaw għal 40 % tal-persuni impjegati b'kuntratti temporanji, iżda jammontaw biss għal 13 % tal-persuni impjegati inġenerali. Barra minn hekk, hemm problemi ta' nuqqas ta' esperjenza u ta' kwalifiki li ma jaqblux mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Kollox ma' kollox, dan kollu joħloq sitwazzjoni xejn ottimistika għal żagħżugħ li dieħel fl-età adulta. Nuqqas ta' xogħol u ta' kwalunkwe indikazzjoni ta' bidla imminenti fil-prospetti foqra għaż-żgħażagħ huma riflessi f'sitwazzjoni demografika li sejra lura fl-Ewropa. Iż-żgħażagħ qed jipposponu kwalunkwe deċiżjoni li jibdew familja u li jkollhom it-tfal, peress li l-impjieg futur tagħhom huwa tant inċert.

Għalhekk, l-azzjoni biex jingħeleb il-qgħad taż-żgħażagħ għandha tiġi kkoordinata ma' azzjoni għal stimolu tal-irkupru ekonomiku ġenerali u riforma tal-politika tal-impjieg. Jenħtieġu inizjattivi biex jippromovu l-intraprenditorija u biex jinżammu l-impjiegi eżistenti kemm jista' jkun, kif ukoll miżuri li għandhom jittieħdu biex l-intraprendituri jitħeġġu joħolqu impjiegi ġodda. Titjib reali fis-sitwazzjoni taż-żgħażagħ jiddependi fil-parti l-kbira mill-appoġġ mill-Istat u minn kooperazzjoni msaħħa bejn is-servizzi tal-impjieg, servizzi ta' konsulenza dwar il-karrieri, istituzzjonijiet ta' taħriġ u servizzi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ, inkluż parteċipazzjoni attiva tal-imsieħba soċjali u tar-rappreżentanti taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

L-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill EPSCO ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ se żżid l-ispinta politika b'mod importanti. L-għan tal-inizjattiva huwa li tipprovdi liż-żgħażagħ ta' taħt il-25 sena b'impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistati jew taħriġ. Meta jitqiesu l-provi statistiċi li jenfasizzaw l-istruttura tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-limitu ta' età għal riċevituri ta' dan l-appoġġ għandu jittella' għal 30 sena. Il-flus pprovduti għal dan l-għan minn allokazzjoni separata tal-baġit u mill-Fond Soċjali Ewropew se jipprovdu appoġġ reali lill-Istati Membri f'dawn iż-żminijiet diffiċli. Għandha wkoll tingħata attenzjoni partikolari lil elementi importanti meħtieġa biex jiġi żgurat li l-inizjattiva jkollha suċċess, bħal pereżempju struttura operattiva adegwata, effikaċja tas-servizzi ta' impjieg pubbliċi u privati u l-provvista ta' taħriġ u ta' apprenditati ta' kwalità għolja.

Dawn l-attivitajiet kollha għandhom ikunu marbuta ma' żieda fl-appoġġ lill-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tat-tielet settur li jixtiequ jieħdu sehem fl-iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, b'kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi pubbliċi tal-impjieg, permezz ta' inċentivi fiskali, sussidji għal spejjeż fissi tal-impjieg u l-possibilità ta' aċċess għal finanzjament ta' appoġġ lil kumpaniji li jipprovdu taħriġ ta' kwalità għolja. Huwa importanti li l-Istati Membri ma jkunux ristretti għas-soluzzjonijiet stabbiliti fil-proposta tal-Kummissjoni, iżda li jkunu jistgħu japplikaw ukoll strumenti li l-effikaċja tagħhom ġiet murija fi Stati membri oħra u li jippermettu adattament aħjar għall-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq tax-xogħol individwali.

Id-diskussjoni dwar is-sitwazzjoni taż-żgħżagħ mgħandhiex tinjora l-hekk imsejħa NEETs (barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ). Il-persentaġġ ta' NEETs fl-Ewropa żdied fis-snin reċenti, u bħalissa jinsab fuq il-1.5 %. Dan il-fenomenu għandu jitqies b'iktar attenzjoni, speċjalment peress li dawk li jitilqu l-edukazzjoni mingħajr l-anqas ma jiksbu kwalifiki bażiċi qed jikkundannaw lilhom infushom għal esklużjoni soċjali. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw approċċ iktar speċifiku għan-NEETs, b'għaqda ta' intervent effettiv, fejn tingħeleb il-problema tat-tluq kmieni mill-iskola u r-riintegrazzjoni ta' min jitlaq mill-iskola kmieni, b'miżuri li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, żieda tal-impjegabilità taż-żgħażagħ u tneħħija tal-ostakli prattiċi u loġistiċi ffaċċjati miż-żgħażagħ bi bżonnijiet iktar kumplessi.

Mingħajr dubju, flimkien man-nuqqas ta' esperjenza professjonali, waħda mill-iktar raġunijiet importanti għal rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ hija l-fatt li l-kwalifiki ma jaqblux mar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol. Għal din ir-raġuni, l-edukazzjoni għandha tiġi modernizzata billi l-politika tal-edukazzjoni tiġi trasformata f'għodda bażika ta' investiment fil-futur taż-żgħażagħ u ttejjeb is-sitwazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol billi tadatta l-kurrikulu tal-iskejjel għall-bżonnijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol. Sistema ta' konsulenza individwali dwar il-karrieri tkun ta' għajnuna fil-kisba ta' dan l-objettiv. Din għandha tkun disponibbli diġà sa mill-iskola sekondarja, flimkien ma' sistema għall-monitoraġġ ta' offerti futuri tax-xogħol bl-għan li tiġi żgurata impjegabilità sussegwenti, sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jagħmlu għażliet iktar informati u aħjar fir-rigward tad-direzzjoni tal-edukazzjoni futura tagħhom.

Element wieħed importanti fil-politika għall-introduzzjoni taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol hija l-promozzjoni tal-impjieg għal rashom. L-azzjonijiet kollha bl-għan li jiġu żviluppati inizjattivi intraprenditorjali u indipendenti u talenti individwali għandhom jinżammu u jiġu appoġġati. Iż-żgħażagħ għandhom ikunu jafu kif iwaqqfu l-intrapriżi tagħhom stess u fejn jistgħu ifittxu għajnuna bl-aspett amministrattiv. Is-sistema ta' benefiċċji u kundizzjonijiet preferenzjali fil-forma ta' eżenzjonijiet mit-taxxa jew sussidji għandha tħeġġiġhom jagħmlu dan. Huwa għalhekk li huwa vitali li, fil-Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni 2014-2020, tinżamm l-idea ta' appoġġ lill-impjieg għal rashom u l-għajnuna għall-kisba ta' fondi għal start-ups.

Il-mobilità tal-impjiegi tikkostitwixxi mod ieħor kif jingħeleb il-qgħad fost iż-żgħażagħ. Hemm 'il fuq minn miljun offerta għal impjieg irreġistrati fl-UE, iżda l-pożizzjonijiet għadhom battala għaliex fil-postijiet fejn dawn huma disponibbli mhemmx nies interessati fihom. L-għajxien lilhinn mill-pajjiż ta' dak li jkun mhuwiex popolari. Huma biss 2 % miċ-ċittadini tal-UE li jgħixu f'pajjiż ieħor li mhuwiex il-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Iżda peress li ż-żgħażagħ għandhom tendenza ikbar u iktar abilità li jiċċaqalqu biex ifittxu impjieg, dan għandu jiġi faċilitat għalihom. Elementi essenzjali għall-appoġġ għall-mobilità huma progress ulterjuri lejn rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u l-ħiliet, koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali nazzjonali, b'mod partikolari s-sistema tal-pensjonijiet, u investiment sostanzjali fit-tagħlim tal-lingwi. Element ieħor huwa r-riforma kontinwa tan-netwerk tal-EURES, li permezz tiegħu iż-żgħażagħ għandhom aċċess għal informazzjoni u jistgħu jfittxu impjiegi b'mod attiv. Dan għandu jiġi promoss ulterjorment sabiex tiżdied il-viżibilità u d-disponibilità, flimkien mat-titjib tas-sistema ta' konsulenza dwar il-karrieri.

Ta' min wieħed isemmi wkoll li, fi ħdan il-programm Erasmus għal Kulħadd, inħoloq kapitlu separat għaż-żgħażagħ, b'allokazzjoni separata tal-baġit, flimkien ma' appoġġ għal gruppi ta' żgħażagħ li jinsabu impjegati attivament iżda mhux b'mod istituzzjonalizzat. Il-kisba ta' firxa wiesgħa ta' ħiliet, inkluż b'mezzi informali, tippromwovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà u ttejjeb il-kompetittività tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Huwa ferm importanti li ż-żgħażagħ jingħataw traineeships ta' kwalità, li l-organizzaturi tat-traineeships jingħataw appoġġ finanzjarju adegwat u li jiġi introdott monitoraġġ obbligatorju tas-sistema li jiżgura li t-traineeships, u l-effikaċja tagħhom, jinżammu f'livell adegwat. Hemm bżonn ta' promozzjoni qawwija kontinwa fost l-impjegaturi, li għandhom jittrattaw is-sistema bħala opportunità li jħejju persuna għal impjieg speċifiku, u b'hekk bħala opportunità ta' reklutaġġ u ta' żamma ta' ħaddiem imħarreġ u kkwalifikat b'mod adegwat. Għandu wkoll jingħata appoġġ għal żvilupp ulterjuri tal-edukazzjoni vokazzjonali. Għandhom jiġu organizzati kampanji Ewropej u nazzjonali għall-promozzjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali u għandha tiġi monitorjata l-istrateġija Ewropea tal-apprendistati.

Huwa wkoll ta' importanza kbira għall-Istati Membri li jirrikonoxxu u jivvalidaw edukazzjoni mhux formali, jiġifieri ħiliet miksuba barra s-sistema edukattiva formali. Dawn il-ħiliet jagħmlu kontribut pożittiv għall-iżvilupp personali ta' żagħżugħ, iżidu l-parteċipazzjoni attiva tiegħu/tagħha, isaħħu l-integrazzjoni soċjali u jżidu l-impjegabilità.

Il-kwistjoni tal-ħela ta' mħuħ għandha wkoll tiġi indirizzata, jiġifieri l-problema li persuni kwalifikati ħafna u żgħażagħ b'ħiliet jaħdmu f'pożizzjoni ferm taħt il-potenzjal tagħhom, li għandu effetti negattivi fuqhom f'termini soċjali u psikoloġiċi.

Bħala konklużjoni, kull azzjoni meħuda mill-Istati Membri għandha tiġi analizzata f'termini tal-effikaċja tagħha u kwalunkwe mekkaniżmu introdott għandu jiġi monitorjat hekk kif ikun qed jevolvi. Il-fondi minfuqa għandu jkun hemm provi effettivi għalihom. Is-sitwazzjoni ferm diffiċli li qed jaffaċċjaw iż-żgħażagħ tirrikjedi intervent deċiżiv u investiment ta' riżorsi finanzjarji adegwati, iżda fis-sitwazzjoni ekonomika attwali fl-Ewropa, bil-politika prevalenti tal-konsolidazzjoni finanzjarja, dawk il-fondi għandhom jiġu mmirati b'mod adegwat u jagħtu lok għal titjib viżibbli fis-sitwazzjoni.

21.6.2013

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

L-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ: soluzzjonijiet possibbli

(2013/2045(INI)) Il-Parlament Ewropew,

Rapporteur għal opinjoni: Luís Paulo Alves

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinsab imħasseb dwar il-livell inaċċettabbli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u, b'mod partikolari, id-differenzi konsiderevoli fil-qgħad taż-żgħażagħ li jeżistu bejn reġjun u ieħor u bejn l-Istati Membri, bir-rati li jvarjaw bejn inqas minn 10 % sa ’l fuq minn 60 %; jinsab imħasseb ukoll dwar l-għadd ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETS) (14-il miljun persuna b’età ta’ bejn 15 u 30), minbarra l-impjieg prekarju li qed jaffettwa grupp kbir ulterjuri ta' żgħażagħ li għandhom impjieg; huwa tal-fehma li dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet flimkien jipperikolaw il-proġett Ewropew innifsu, jheddu l-iżvilupp ekonomiku u l-fattibilità ta’ Ewropa magħquda fil-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha, u l-potenzjal potenzjali ta' tkabbir tagħha, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tar-reġjuni tal-Unjoni, kif prevista fl-Artikolu 174 TFUE; huwa tal-fehma wkoll li dan jirrikjedi miżuri effettivi fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, inkluż fir-rigward ta' bliet u żoni rurali, speċjalment fid-dawl tad-diffikultajiet u l-isfidi li qed tiffaċċja l-UE bħalissa u l-fatt li, iktar minn qatt qabel, teħtieġ żgħażagħ b'saħħithom u innovattivi;

2.  Huwa tal-fehma li, minħabba l-karatteristiċi soċjoekonomiċi tagħhom, iż-żgħażagħ jikkostitwixxu wieħed mill-aktar gruppi vulnerabbli fl-Unjoni b’rabta mal-impjiegi, partikolarment waqt is-sitwazzjoni attwali ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja, meta titqies l-importanza li jkun hemm għadd kbir ta’ żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u minħabba l-fatt li dawn jiffaċċjaw l-aktar problemi serji fejn għandu x’jaqsam l-impjieg; jemmen li, billi tappoġġa u tissupplimenta l-isforzi tal-Istati Membri biex tingħata ħajja lill-attività ekonomika u jitrawwem l-impjieg fit-territorju kollu, il-politika ta' koeżjoni tal-UE tirrappreżenta għodda fundamentali li permezz tagħha l-Unjoni tista' tgħin biex tingħeleb din is-sitwazzjoni attwali, li tipprovdi gwida u ssawwar l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali meħtieġa, tikkonċentra l-investiment fuq azzjonijiet ta’ prijorità sabiex timmassimizza l-impatt tal-investiment fuq is-sitwazzjoni soċjoekonomika ta' reġjun jew Stat Membru, tistimola l-ekonomija u tgħin biex jinħolqu impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ; jitlob għalhekk lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ u kkoordinat mill-finanzjament disponibbli (FEŻR, FSE, FK, FAEŻR u FEMS), biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jieħu sehem attiv fl-ekonomija u fis-soċjetà għall-benefiċċju tagħhom filwaqt li, fost affarijiet oħra, l-intraprendituri żgħażagħ jiġu megħjuna permezz ta' proġett ta' inkubatur tan-negozju madwar l-Ewropa li jippermettilhom jistabbilixxu l-kumpaniji tagħhom f'ambjent protett; jirrakkomanda minbarra dan li jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa għall-fondi ta' kapital ta' riskju, u jenfasizza li għandhom jitqiesu l-karatteristiċi reġjonali, billi dawn jistgħu jikkostitwixxu s-suċċess jew il-falliment tal-inizjattivi taż-żgħażagħ madwar l-UE, u b'mod partikolari fl-iktar reġjuni żvantaġġati u fir-reġjuni periferiċi, fejn l-investiment huwa meħtieġ biex jiżgura koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li, minbarra l-kriżi ekonomika li qed taffettwa lill-Ewropa, fost affarijiet oħra hemm kwistjonijiet strutturali li jirriżultaw mill-politika tal-edukazzjoni u tal-impjieg li jeħtieġ li jittejbu; huwa tal-fehma li huma meħtieġa strateġiji ta’ tagħlim aktar attraenti, b’inserzjoni reġjonali aħjar u l-ħolqien ta' netwerks ta' pjattaformi għall-iskambju ta' esperjenzi u tal-aħjar prattika bejn ir-reġjuni u l-Istat Membri, filwaqt li jitqiesu d-diversi sitwazzjonijiet u jkun permess użu flessibbli b’konformità mal-ħtiġijiet u l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull reġjun, jiġu definiti oqsma prijoritarji għall-iżvilupp ta' kull reġjun u jiġi promoss l-użu ta’ strateġiji aktar effiċjenti għat-tranżizzjoni għal ħajja aktar attiva (b’rabta qawwija bejn l-iskola u x-xogħol, b'mod partikolari permezz ta' sistemi edukattivi jew apprendistati doppji f'suġġetti partikolari matul l-istudji) u l-ħolqien ta’ rotot ta' karrieri aktar siguri; jenfasizza l-konsegwenzi allarmanti tal-kriżi ekonomika għas-sitwazzjoni li jinsabu fiha ż-żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jevitaw tnaqqis kbir f’oqsma importanti bħall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni billi, flimkien ma’ effetti negattivi oħrajn tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, dan it-tnaqqis jirrappreżenta ostakolu serju għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u jipprevjeni strateġiji futuri ta' investiment iffokati fuq iż-żgħażagħ;

4.  Jemmen li, meta jitqies li s-suq tal-impjiegi huwa karatterizzat mill-għajbien u l-ħolqien tal-impjiegi fil-bosta setturi ekonomiċi, u li hu previst li kull sena 15 % tal-impjiegi jintilfu filwaqt li jinħoloq l-istess ammont ta’ impjiegi ġodda, ikun xieraq li noħolqu approċċ globali li jkun jista’ jantiċipa l-bidliet bħala parti minn politika tal-impjiegi verament effettiva; iqis li huwa essenzjali li jinħolqu politiki tal-kwalifiki li jkunu jistgħu jippromwovu b’mod effettiv sforzi b'rabta mat-taħriġ tul il-ħajja billi jiffaċilitaw l-adattament tal-ħiliet, mill-bidu sal-aħħar, għall-ħtiġijiet tan-negozju u tal-impriżi fir-reġjuni kollha; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza li jinqerdu d-differenzi bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, u jenfasizza dawk id-differenzi bejn il-ħiliet edukattivi u l-impjiegi tal-lum, u l-importanza li jiġu implimentati miżuri għall-protezzjoni u l-appoġġ tal-persuni mingħajr impjiegi meta dawn ikunu qed ifittxu opportunitajiet ġodda; huwa tal-fehma li l-miżuri meħuda għandhom ikunu marbuta mill-qrib sabiex jagħtu spinta u jippromwovu l-produttività u l-investiment pubbliku u privat f'setturi b'potenzjal kbir ta' tkabbir, u biex jipprevjenu nuqqasijiet ta' impjiegi fil-ġejjieni f'pożizzjonijiet li diġà jesperjenzaw defiċits;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jiżguraw aktar effikaċja fil-politiki edukattivi u tal-impjiegi, li għandhom ikunu msejsa fuq 3 punti ewlenin:

     –   approċċ li jħares ’il quddiem, biex ikunu jistgħu jiġu antiċipati aħjar il-bidliet fis-suq tax-xogħol u b’hekk jinħolqu r-rabtiet meħtieġa bejn is-suq tax-xogħol u l-edukazzjoni u t-taħriġ,

     –   iktar involviment min-naħa tal-protagonisti kollha pubbliċi u privati, bħall-għalliema, il-ġenituri, l-istudenti, l-impriżi, l-iskejjel u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, inklużi l-NGOs;

     –   approċċ reġjonali li jipprovdi għal mekkaniżmi li jidentifikaw aħjar il-problemi, jiżguraw li t-teħid ta' deċiżjonijiet ikun iktar effikaċi u jipprovdu dehra ċara tal-ħtiġijiet ta' taħriġ b'kooperazzjoni mill-qrib ma' dawk ikkonċernati;

     iqis li l-ħtiġijiet lokali u l-karatteristiċi territorjali għandhom jitqiesu biex tiġi permessa identifikazzjoni tal-impjiegi, b'mod partikolari f'setturi innovattivi, bħas-setturi ekoloġiċi u n-negożji soċjali, fil-qafas ta' strateġiji ta' żvilupp territorjali integrat;

6.  Jitlob li tittieħed azzjoni konġunta mill-fondi Ewropej, b’mod partikolari l-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni u l-FSE, biex jiġu stimolati l-investimenti għat-tkabbir u l-impjiegi u biex tinstab soluzzjoni urġenti b’rispons għal din is-sitwazzjoni allarmanti; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-SMEs jirrappreżentaw il-mutur tal-Ewropa, il-pedament tal-impjiegi u l-protagonisti ewlenin biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi; b'hekk iqis neċessarju t-titjib fl-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament u fl-ambjent tan-negozju li joperaw fih; iħeġġeġ lill-Bank ta’ Investiment Ewropew jinvesti fil-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ, bl-użu ta' benefiċċji konsegwenti, sakemm jagħti s-self qabel kollox lill-SMEs; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lil dawk ir-reġjuni kollha li ntlaqtu bl-iktar mod aħrax mill-qgħad taż-żgħażagħ, u jenfasizza li l-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej jistgħu jgħinu lil kumpaniji, speċjalment lil SMEs, biex jimpjegaw liż-żgħażagħ u jnaqqsu l-qgħad taż-żgħażagħ, kif ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa għas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jappoġġaw it-tranżizzjoni tal-ħaddiema lejn swieq lokali ta' impjieg billi jiksbu kapaċitajiet u impjiegi ġodda (inklużi impjiegi ekoloġiċi, impjiegi meħtieġa b'riżultat tat-tendenzi demografiċi, teknoloġiji ġodda u diversifikazzjoni tal-impjieg fiż-żoni rurali); jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex iwaqqfu strateġiji ta' żvilupp territorjali integrati, inklużi komponenti ta' taħriġ u ta' impjieg, billi jibdew b'miżuri biex jevitaw tluq bikri mill-iskejjel, u jibnu rotot lejn l-impjieg għaż-żgħażagħ;

7.  Jilqa' l-miżuri tal-Kummissjoni biex jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ li, flimkien mal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tal-UE u speċjalment il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u bi qbil mal-Istrateġija UE2020, għandha tfittex soluzzjonijiet biex tħeġġeġ il-ħolqien ta' impjiegi deċenti, ta' kwalità għolja u sostenibbli u opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ, billi tippromwovi l-inklużjoni soċjali, tnaqqas l-insikurezza tal-impjiegi u r-riskju tal-faqar, u tagħti liż-żgħażagħ sens ta' dinjità u ħajja indipedenti u tiġġieled l-eżodu ta' mħuħ; –iqis li dawn il-miżuri għandhom ukoll iħeġġu u jsaħħu l-programmi ta' mobilità eżistenti u titjib fir-rikonoxximent ta' ħiliet u kwalifiki fi ħdan l-UE, u jippromwovu iktar kooperazzjoni transkonfinali u interreġjonali filwaqt li jillimitaw l-ostakoli amministrattivi eżistenti u jeliminaw l-ostakoli attwali għall-apprendistati u t-traineeships biex jiġu miġġielda aħjar id-differenzi ġeografiċi bejn il-provvista u d-domanda għal impjiegi bħala parti minn pjan direzzjonali għall-futur ta' unjoni ekonomika u monetarja iktar koeżiva ekonomikament, soċjalment u territorjalment; jitlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jimplimentaw malajr il-miżuri mfassla taħt l-Iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, u jippromwovu skambji ta' mudelli ta' suċċess li jkunu rriżultaw f'tendenzi pożittivi f'termini ta' tnaqqis ta' qgħad taż-żgħażagħ, b'mod partikolari fost il-grupp NEETS; jinnota madankollu li l-finanzjament għall-ġlieda kontra l-qgħad taż-żgħażagħ huwa inadegwat, u jenfasizza li l-EUR 6 miljuni proposti għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tal-UE 2014-2020 mhumiex biżżejjed biex ikollhom impatt sinifikanti fuq is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.6.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Francesca Barracciu, Jean-Jacob Bicep, Victor Boştinaru, John Bufton, Alain Cadec, Nikos Chrysogelos, Rosa Estaràs Ferragut, Brice Hortefeux, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Vincenzo Iovine, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva Kekuš, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Vladimír Maňka, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Ana Miranda, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Giommaria Uggias

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Susy De Martini, Miroslav Ouzký, Marit Paulsen

20.6.2013

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ: soluzzjonijiet possibbli

(2013/2045(INI)) Il-Parlament Ewropew,

Rapporteur għal opinjoni: Emilio Menéndez del Valle

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-politiki tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għandhom rwol kruċjali fil-ġlieda kontra l-livell għoli tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; billi sabiex jinżamm il-pass ma’ suq tax-xogħol li qiegħed jevolvi malajr jeħtieġ li jsir aktar investiment u li dan l-investiment ikun iktar immirat lejn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), l-edukazzjoni għolja u r-riċerka, kif ukoll kurrikula flessibbli u titjib fil-kooperazzjoni bejn in-negozji u s-settur tal-edukazzjoni;

B.  billi sistemi doppji ta’ taħriġ huma dipendenti fuq kooperazzjoni mill-qrib bejn is-setturi pubbliċi u dawk privati, bi grad għoli ta’ involviment minn sħab soċjali; billi Stati Membri b’interazzjoni istituzzjonalizzata ħafna bejn is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol għandhom livelli baxxi ħafna ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ;

C. billi t-traineeships huma strument utli li jiffaċilita u jinkoraġġixxi t-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mis-sistema edukattiva għas-suq tax-xogħol; billi traineeship jeħtieġ ikun ibbażat fuq strateġija tat-taħriġ, it-traineeships huma regolarment użati ħażin minn min iħaddem biex jirrekluta ħaddiema rħas li għandhom ftit protezzjoni, u aktar u aktar żgħażagħ Ewropej spiss ikollhom jaċċettaw diversi traineeships li jkunu jew mhux imħallsa jew imħallsa bil-ftit qabel ma jkunu jistgħu jiksbu impjieg permanenti;

D. billi l-kriżi finanzjarja aggravat, u t-tnaqqis fil-baġit u politiki oħra ta' awsterità, speċjalment f' dawk l-Istati Membri li huma iktar fraġli mil-lat ekonomiku, dgħajfu l-istandards tat-tagħlim u kellhom impatt negattiv dirett fuq il-prospetti taż-żgħażagħ biex jiksbu aċċess fl-edukazzjoni u fl-impjiegi u li jibqgħu fihom; billi, barra minn hekk, f’bosta Stati Membri hemm pressjoni fiskali kbira fuq id-dinja intraprenditorjali;

E.  billi fl-2011, 7.5 miljun żagħżugħ fl-età ta’ bejn il-15 u l-24 sena u 6.5 miljun żagħżugħ ta’ bejn il-25 u t-30 sena ma kinux qed jistudjaw, jaħdmu jew jitħarġu (NEET); billi l-Istati Membri għandhom jipprovdu sistema ta’ sigurtà soċjali u jiggarantixxu kundizzjonijiet ta’ għajxien deċenti għal ħaddiema li jisfaw qiegħda u għal żgħażagħ li ma jistgħux isibu xogħol;

F.  billi l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jista’ jipprovdi l-finanzjament għall-investimenti f’pajjiżi fejn ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ huma ’l fuq mill-medja tal-UE; billi l-enfasi reġjonali tal-BEI tista’ tkun fuq l-investimenti strateġiċi għat-titjib u l-espansjoni tal-opportunitajiet tal-impjiegi u għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-innovazzjoni;

G. billi l-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol m'għandhiex tipprekludi lit-tfal milli jiksbu l-bażi inizjali tal-għarfien l-aktar wiesgħa possibbli għaliex dan huwa l-aħjar mod kif jiġi żgurat li huma se jadattaw għall-instabbiltà tas-suq tax-xogħol u tal-ħajja b'mod ġenerali; billi ħafna studji juru l-importanza tal-provvediment ta' edukazzjoni ta’ kwalità għolja fis-snin bikrija tal-iskola sabiex jiġi evitat it-tluq kmieni mill-iskola u jiġi żgurat li t-tfal mill-isfondi soċjali l-aktar żvantaġġati jintegraw bis-sħiħ fil-ħajja tal-iskola;

H. billi r-riżorsi edukattivi miftuħa jtejbu l-kwalità, l-aċċessibilità u l-ekwità tal-edukazzjoni u jiffaċilitaw proċess ta’ tagħlim interattiv, kreattiv, flessibbli u personalizzat permezz tal-użu tal-ICT u teknoloġiji ġodda; billi l-edukazzjoni miftuħa ttejjeb l-impjegabilità sostnuta billi tappoġġja t-tagħlim tul il-ħajja;

I.   billi t-tluq kmieni mill-iskola jfixkel serjament l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Unjoni, u miżuri integrati huma meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan tal-Istrateġija 2020 li r-rata tat-tluq kmieni mill-iskola tinżel taħt l-10%; billi dawk li jitilqu mill-iskola kmieni jkunu ħafna drabi qiegħda u f’riskju ta’ esklużjoni soċjali; billi l-iżvilupp ta' programmi tal-integrazzjoni mill-ġdid fl-iskola li joffru opportunità oħra lill-istudenti li jitilqu kmieni mill-iskola għandu jagħti attenzjoni partikulari lill-gruppi vulnerabbli f’riskju għoli ta’ esklużjoni soċjali bl-għan li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà;

J.   billi kemm l-għalliema fl-iskejjel kif ukoll fl-università jiffaċċjaw sfidi bla preċedent tal-ambjent ekonomiku globali li qed jinbidel b’rata mgħaġġla, li jirrikjedi l-iżvilupp ta’ ħiliet u sett ta’ kompetenzi ġodda, approċċi innovattivi u metodi moderni ta’ tagħlim bħala fattur ewlieni għall-edukazzjoni prosperuża u l-impjegabilità taż-żgħażagħ;

K. billi l-programmi tal-mobilità tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni u ż-żgħażagħ, u t-tagħlim minn kmieni tal-lingwi barranin isaħħu l-prospetti tal-impjiegi u jħeġġu l-mobilità tas-suq tax-xogħol; billi l-programmi ta’ mobilità għaż-żgħażagħ għall-2014-2020 għandhom jipprovdu opportunitajiet ġenwini għat-tagħlim u l-akkwist ta’ ħiliet, biex b’hekk jgħinu biex jiżdiedu r-rati ta’ impjiegi fost iż-żgħażagħ;

L.  billi, bil-ħsieb tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020, hija meħtieġa analiżi komprensiva tal-fondi tal-UE, investiti fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fl-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ matul il-perjodu tal-programm 2007-2013; billi l-approċċ integrat u l-effett ta’ sinerġija bejn id-diversi programmi u r-riżorsi ta’ finanzjament nazzjonali u tal-UE se jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-miżuri favur l-impjiegi taż-żgħażagħ; billi huwa wkoll neċessarju li jiġu adottatti politiki tal-UE fil-livell lokali u nazzjonali u jitwettqu b'mod konkret fuq il-post;

M. billi, minkejja l-livelli ġenerali għoljin tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, ċerti setturi bħat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u l-kura tas-saħħa għandhom diffikultà li dejjem qed tiżdied biex jimlew l-impjiegi vakanti b’persunal kwalifikat;

1.  Jinsab imħasseb ferm sew dwar it-tnaqqis tal-baġit mill-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ li jista’ jwassal biex iż-żgħażagħ jibqgħu barra kemm mill-edukazzjoni kif ukoll mill-impjiegi, u jfakkar li l-allokazzjonijiet tal-baġit għall-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jitqiesu bħala investiment neċessarju u imprezzabbli għall-futur; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa tal-finanzjament tal-UE li jkun indirizzat b’mod aktar effettiv lejn il-ħolqien tax-xogħol għaż-żgħażagħ;

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, li jiffukaw fuq iż-żgħażagħ li mhumiex fl-edukazzjoni, fit-taħriġ jew li m’għandhomx impjieg, sabiex jingħatawlhom offerti ta’ tagħlim u ta’ taħriġ ta’ kwalità biex b’hekk ikunu jistgħu jiksbu ħiliet u esperjenzi meħtieġa għall-inseriment professjonali tagħhom jew l-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid fis-sistema edukattiva permezz ta' korsijiet imfassla għad-diffikultajiet tagħhom;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw it-tluq kmieni mill-iskola, inaqqsu l-livell tat-tluq mill-iskola u jiżguraw li jagħtu t-tieni opportunità għall-edukazzjoni tal-ogħla standard possibbli. Dawn il-miżuri jnaqqsu l-għadd ta’ NEETs l-iżjed vulnerabbli għall-qgħad fit-tul;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm edukazzjoni u taħriġ għal kulħadd, jiġbed l-attenzjoni fuq ir-rwol tar-reġjuni fil-politiki ta’ taħriġ, l-impjiegi u l-mobilità, u jistieden lir-reġjuni jużaw ir-riżorsi kollha biex jiġi ffaċilitat l-aċċess taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u sabiex dawn jirċievu għajnuna biex jiddiversifikaw il-ħiliet tagħhom;

5.  Jitlob li jkun hemm edukazzjoni u taħriġ vokazzjoni msaħħa għall-għalliema, b’mod speċjali fir-rigward tal-metodi moderni ta' tagħlim, kif ukoll l-użu ta’ teknoloġiji ġodda; jirrimarka li t-tagħlim tul il-ħajja jibda mill-edukazzjoni fi stadju kmieni tat-tfulija u jenfasizza li matulha għandhom jiġu promossi b’mod speċjali l-kompetenzi tal-lingwi permezz tal-logħob;

6.  Jistieden lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet rilevanti biex jippromwovu x-xjenzi, it-teknoloġiji, l-inġinerija u l-matematika fil-programmi edukattivi tagħhom sabiex jissodisfaw id-domanda attwali tas-suq tax-xogħol;

7.  Jitlob li tiġi stabbilita sistema komuni ta’ indikaturi ta’ riżultat u impatt biex jiġi vvalutat il-progress miksub taħt il-programmi differenti, li jkun fiha l-miżuri dwar l-impjiegi fil-kuntest tal-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom u mhux biss f’termini tal-implimentazzjoni finanzjarja tagħhom;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jrawmu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politiki settorjali, relatati mal-iżvilupp tagħhom. jemmen li meta ż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jkunu parteċipanti reali u mhux biss osservaturi u/jew benefiċjarji fil-proċessi, dan se jikkontribwixxi għall-leġitimità miżjuda u valur miżjud fit-tfassil tal-politika dwar iż-żgħażagħ;

9.  Jitlob li jsir aktar użu mis-sistemi doppji tal-edukazzjoni li jgħaqqdu t-tagħlim teoretiku u prattiku; jenfasizza l-importanza tal-involviment tas-sħab soċjali fil-bini ta’ dawn is-sistemi; jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida kwalitattivi għal sistema doppja ta’ edukazzjoni moderna, imsaħħa minn lista ta’ impjiegi ewlenin Ewropej mhux akkademiċi definiti b’mod wiesa’;

10. Jistieden lill-Kummissjoni titlob b’mod attiv l-appoġġ u l-inizjattivi kif ukoll forom oħra ta’ kooperazzjoni mas-settur privat sabiex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ, u jħeġġeġ il-formazzjoni ta' kemm sħubiji ma' negozji kif ukoll sħubiji pubbliċi privati; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, u jistenna li l-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-partijiet interessati rilevanti, tħejji qafas ta' kwalità Ewropew trasparenti għat-traineeships;

11. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw qafas ta' kwalità legalment vinkolanti dwar it-traineeships, it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u l-apprendistati, inklużi remunerazzjoni deċenti u rikonoxximent tal-għarfien miksub bħala esperjenza ta' xogħol, u biex itejbu l-provvediment ta' servizzi ta' konsulenza u gwida liż-żgħażagħ fi stadju kmieni sabiex tiżdied l-abilità tagħhom li jagħmlu deċiżjonijiet infurmati sew dwar il-karriera futura tagħhom u jiġi faċilitat l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol,

12. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni bejn in-negozji u s-settur edukattiv fil-livelli kollha u jsaħħu s-sħubija tagħhom, bil-għan ta’ rabta aħjar tal-kurrikula mad-domandi tas-suq tax-xogħol, pereżempju bl-estensjoni tal-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali u l-Alleanzi tal-Għarfien;

13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu l-ostakoli għat-traineeships, it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u l-apprendistati transkonfinali sabiex iqabblu aħjar il-provvista u d-domanda ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol għaż-żgħażagħ, biex b’hekk jitjiebu l-mobilità u l-impjegabilità, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntiera;

14. Jenfasizza l-importanza tat-titjib fil-kwalità tal-ETV bil-għan li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn l-edukazzjoni u d-domanda tas-suq tax-xogħol; iqis li l-promozzjoni tal-ETV m’għandhiex issir askapitu tal-edukazzjoni għolja; jenfasizza li l-interazzjoni bejn l-ETV u l-edukazzjoni għolja u l-ftuħ ta’ toroq mill-ETV għal edukazzjoni għolja għandhom jitjiebu; jenfasizza li hemm bżonn ta' kurrikula aktar flessibbli sabiex jiffaċilitaw l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol u jadattaw aħjar għall-iżviluppi futuri tas-suq tax-xogħol;

15. Jenfasizza l-importanza li jitjiebu l-istandards tal-kwalità u l-aċċessibilità fl-edukazzjoni għolja u fl-ETV; jenfasizza wkoll l-importanza tal-istudju tal-lingwi barranin fl-iskejjel u fl-ETV bħala prerekwiżit għal iżjed bini ta’ kapaċità, mobilità u realizzazzjoni aħjar taż-żgħażagħ fis-Suq Uniku; jistieden lill-Istati Membri jħeġġu l-inklużjoni tal-istudji tal-lingwi barranin fis-sistemi edukattivi tagħhom;

16. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw ir-rikonoxximent tal-edukazzjoni mhux formali minħabba li din għandha rwol vitali fit-tħejjija taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol billi jiġu żviluppati ħiliet interpersonali kruċjali mitluba minn min iħaddem; jenfasizza l-importanza li jiġu adottati malajr prattiki tajbin fir-rigward tal-aċċess tal-bniet u n-nisa fit-taħriġ f'oqsma tradizzjonalment meqjusa aktar "maskili", u partikolarment fis-settur il-ġdid tal-ICT;

17. Jissottolinja l-importanza li ż-żgħażagħ jitgħallmu ħiliet ġenerali bħall-ICT, tmexxija, il-ħsieb kritiku, lingwi u ħiliet intraprenditorjali, inklużi permezz ta' perjodi ta' studju barra minn pajjiżhom sabiex itejbu l-prospetti tagħhom fis-suq tax-xogħol u l-abilità tagħhom li jadattaw għall-iżilvuppi futuri tas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jagħtu aktar importanza lil dan it-tip ta' ħiliet fil-kurrikula tal-edukazzjoni tagħhom;

18. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-impjieg indipendenti fost iż-żgħażagħ permezz tat-titjib fl-edukazzjoni intraprenditorjali; jenfasizza li hija meħtieġa attenzjoni partikolari sabiex titnaqqas il-biża’ mir-riskju fost iż-żgħażagħ bħala prekundizzjoni għas-suċċess tal-intraprenditorija; jitlob ukoll assistenza fiskali għan-negozji mwaqqfa u ġestiti miż-żgħażagħ sabiex jiżviluppaw kultura ta’ negozju u l-possibbiltà li joħolqu postijiet ġodda tax-xogħol;

19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jpoġġu fil-prattika t-trasparenza u l-armonizzazzjoni fir-rikonoxximent tal-kwalifiki fl-Unjoni, partikolarment permezz tas-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, l-Europass u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tal-edukazzjoni non-formali u informali, u speċjalment biex ikun żgurat ir-rikonoxximent transkonfinali ta’ tagħlim mhux formali u informali; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni f’waqtha u tar-rapportar dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi;

20. Jilqa' l-Iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jimplimentaw l-iskema b’mod effiċjenti u f’waqtha, inkluż billi joħolqu sħubiji bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjieg u istituzzjonijiet edukattivi bħala mod ta' appoġġ għaż-żgħażagħ minnufih wara li jispiċċaw l-edukazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi estiża l-garanzija għaż-żgħażagħ kollha sal-età ta’ 30 sena;

21. Jissottolinja l-ħtieġa ta’ biżżejjed finanzjament għall-Iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ permezz tal-Fond Soċjali Ewropew u fondi strutturali oħra tal-UE, u jfakkar li l-ħolqien ta’ impjiegi għaż-żgħażagħ huwa objettiv ewlieni tal-politika ta’ koeżjoni appoġġjata mill-FEŻR u l-FSE; jenfasizza, madankollu li dawn l-isforzi m'għandhomx jiskoraġixxu l-isforzi strutturali u r-riformi li jeħtieġu jagħmlu biex is-sistemi edukattivi u s-swieq tax-xogħol f’xi Stati Membri jkunu b’saħħithom għall-isfidi tal-ġejjieni;

22. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw objettivi u indikaturi ċari għall-Iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, biex effettivament ikunu fil-qagħda li jkejlu u jevalwaw l-impatt ta’ din l-inizjattiva;

23. Jenfasizza l-importanza tal-programmi ta’ mobilità għall-istudenti u jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw iż-żieda ppjanata fil-finanzjament għal dawn il-programmi taħt il-QFP ġdid tal-2014-2020; jenfasizza r-rwol tal-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self tal-UE proposta għall-istudenti full-time fil-livell ta’ Masters fl-UE u f'pajjiżi terzi sabiex tiġi ffaċilitata iżjed il-mobilità taż-żgħażagħ u l-klassifikazzjoni multidimensjonali tal-università;

24. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi miżuri li jiġġieldu b'mod speċifiku l-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-programmi kollha tagħha, filwaqt li ssegwi viżjoni globali u integrata skont l-inizjattiva emblematika “Żagħżagħ Attivi” fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020;

25. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess akbar għall-offerti ta' impjieg u offerti ta' traineeships u li t-taħriġ bażiku fil-ħiliet ta' tfittxija ta' impjieg ikun inkorporat fil-korsijiet tal-università tal-istudenti;

26. Jinnota li s-sistemi edukattivi tal-UE għandhom jippromwovu l-prinċipju ta’ opportunitajiet ġusti u indaqs; jitlob il-promozzojni tal-ħiliet meħtieġa biex jiffaċilitaw l-aċċess għat-taħriġ tul il-ħajja, li hija kundizzjoni essenzjali fis-soċjetà tal-għarfien;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.6.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zoltán Bagó, Lothar Bisky, Piotr Borys, Jean-Marie Cavada, Silvia Costa, Santiago Fisas Ayxela, Mary Honeyball, Petra Kammerevert, Emma McClarkin, Emilio Menéndez del Valle, Marek Henryk Migalski, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Monika Panayotova, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marietje Schaake, Marco Scurria, Hannu Takkula, László Tőkés, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Milan Zver

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Liam Aylward, Ivo Belet, Nadja Hirsch, Iosif Matula, Georgios Papanikolaou, Kay Swinburne, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Vasilica Viorica Dăncilă

30.5.2013

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar "L-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ: soluzzjonijiet possibbli"

(2013/2045(INI)) Il-Parlament Ewropew,

Rapporteur għal opinjoni: Roberta Angelilli

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-qgħad fost in-nisa żgħażagħ (taħt l-età ta' 25 sena) għadu qed jogħla, billi żdied minn 18.8 % fl-2009 sa 22.1 % fl-2012 u, skont l-aktar dejta reċenti, bħalissa jinsab fil-livell ta' 22.9 %; billi kwistjonijiet bħall-iskoraġġament, l-awtoesklużjoni, u l-apatija għax-xogħol qed isiru aktar mifruxa; billi n-nisa żgħażagħ għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' kundizzjonijiet ta' suq tax-xogħol agħar mill-irġiel żgħażagħ, u billi dan qed iwassal għal telf sinifikanti ta' potenzjal ta' tkabbir ekonomiku għall-Ewropa billi qed ikunu sottovalutati l-ħiliet ta' nisa bi kwalifiki għoljin;

B.  billi fl-UE hemm aktar minn 2 miljun impjieg vakanti li ma jistgħux jimtlew; billi l-kriżi kkawżat ukoll l-irtirar mis-suq tax-xogħol ta’ għadd kbir ta’ nisa, li jirrappreżenta sotto-utilizzazzjoni tal-kapital uman u tal-ħiliet; billi l-parteċipazzjoni tan-nisa hija objettiv politiku urġenti;

C. billi l-ispejjeż, spiss għoljin ta' servizzi ta' kura tat-tfal, flimkien mad-disponibilità insuffiċjenti tagħhom, għandhom impatt negattiv fuq l-impjegabilità ta' ommijiet żgħażagħ;

D. billi ż-żgħażagħ huma wieħed mill-gruppi soċjali l-aktar affettwati mid-deterjorament attwali fis-suq tax-xogħol, peress li huma aktar esposti għall-qgħad, l-impjieg prekarju u l-pagi baxxi, anki jekk għandhom livelli ogħla ta' edukazzjoni mill-ġenerazzjonijiet preċedenti;

E.  billi qiegħed jikber l-għadd ta' gradwati universitarji li għandhom kwalifiki żejda għall-impjiegi vakanti fis-suq tax-xogħol jew li m'għandhomx esperjenza ta' xogħol rilevanti;

F.  billi 60 % tal-gradwati huma nisa, u sikwit jitqiegħdu f'pożizzjonijiet fejn ma jkunux impjegati jew imħallsa skond il-kwalifiki tagħhom; billi n-nisa żgħażagħ huma effettwati wkoll b’differenzi bejn is-sessi f’kundizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ impjieg u ta’ impjieg, li jwassal għal differenza fis-salarji (attwalment ta' 16.2 %) kif ukoll differenza fil-pensjonijiet;

G. billi l-flessibilità u l-insikurezza tal-impjiegi għandhom effett akbar fuq l-impjieg tan-nisa milli fuq dak tal-irġiel: fit-tielet kwart tal-2012, madwar 60 % tal-ħaddiema part-time fil-grupp ta’ età bejn il-15 u l-24 sena kienu nisa; billi fl-istess grupp ta’ età, 64 % tal-ħaddiema temporanji kollha b’livell ta’ edukazzjoni terzjarja (livell ta' lawrja u post-lawrja), kienu nisa,

H. billi, skont stħarriġ tal-Eurobarometer ippubblikat fis-26 ta’ Frar 2013 dwar in-Nisa u l-Inugwaljanzi bejn is-Sessi fil-Kuntest tal-Kriżi, min iħaddem qiegħed juża l-kriterju tal-ġeneru fl-għażla tal-persunal għad-detriment tal-professjonaliżmu u l-ħiliet tan-nisa: fil-mistoqsijiet mpoġġija fl-intervisti għall-impjieg, it-tħassib ewlieni ta’ min iħaddem hu dak tal-maternità (49 %), segwit mill-flessibilità fix-xogħol (35 %) u l-apparenza fiżika (33 %), filwaqt li għall-irġiel, l-esperjenza (40 %) u l-kwalifiki professjonali (38 %) huma meqjusa bħala l-aktar importanti,

I.   billi l-għadd ta' żgħażagħ NEET (li la jaħdmu, la jistudjaw u lanqas jitħarrġu) laħaq is-7.5 miljuni, jiġifieri 12.9 % taż-żgħażagħ Ewropej bejn l-età ta' 15 u l-24 sena, l-ispiża ta' din is-sitwazzjoni tammonta għal 1.2 % tal-PDG tal-UE u aktar minn 30 % tan-nies qegħda ta' taħt il-25 sena fl-UE ilhom ma jaħdmu 'l fuq minn sena; billi r-rata ta' nisa NEET tal-età bejn il-15 u l-24 sena żdiedet minn 12.9 % fl-2009 għal 13.4 % fl-2011 (għall-irġiel tal-età bejn il-15 u l-24 sena ċ-ċifra telgħet minn 12.4 % għal 12.9 %),

J.   billi hemm periklu kbir li fil-futur ikun hemm “ġenerazzjoni mitlufa” ta’ żgħażagħ, u billi n-nisa huma grupp ta’ riskju ta’ qgħad;

K. billi n-nisa jiddependu aktar fuq il-benefiċċji soċjali li bħalissa qed jitnaqqsu minħabba l-kriżi, u qed tinħoloq l-hekk imsejħa diskriminazzjoni ġdida; billi 31.4 % tan-nisa tal-età bejn it-18 u l-24 sena jinsabu f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali (iċ-ċifra kienet ta’ 28.3 % għall-irġiel fl-istess grupp ta’ età);

L.  billi ż-żgħażagħ qegħdin jidħlu aktar tard fis-suq tax-xogħol bħala konsegwenza tal-kriżi; billi minkejja l-Artikolu 19 TFUE tad-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 u d-Direttiva 2006/54/KE tal-5 ta' Lulju 2006, in-nisa żgħażagħ għadhom ibatu minn diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u l-ġeneru meta jidħlu fis-suq tax-xogħol; billi l-aċċess għas-suq tax-xogħol uffiċċjali hu aktar diffiċli għal nisa minn gruppi soċjali vulnerabbli, inklużi minoranzi etniċi;

M. billi l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 jipprovdu għal rata ta’ impjieg ta’ 75 % għall-persuni bejn l-etajiet ta’ 20 u 64 sena, rata ta’ tluq mill-iskola taħt l-10 % u t-tneħħija ta’ mill-anqas 20 miljun persuna mir-riskju tal-faqar;

N. billi l-maternità sikwit ixxekkel l-aċċess għas-suq tax-xogħol għall-ommijiet żgħażagħ u b’hekk tikkontribwixxi għat-twessigħ tad-distakk fl-impjiegi bejn is-sessi;

1.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tar-Rakkomandazzjoni dwar l-Istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ;

2.  Jistieden lill-Istati Membri b’mod partikolari dawk bl-ogħla rata ta’ qgħad taż-żgħażagħ jimplimentaw b'urġenza l-miżuri stipulati fl-Iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ għaż-żgħażagħ kollha li jiġu minn sfondi edukattivi u soċjali differenti sal-età ta' 30 sena, u jqisu wkoll il-perspettiva tal-ġeneru f’kull stadju ta’ tħejjija, programmazzjoni u implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri; jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu ċentri ta' impjieg b'persunal imħarreġ b'mod adegwat, li jkunu kapaċi jimplimentaw politiki effikaċi ta' sensibilizzazzjoni u biex jipprovdu arranġamenti speċifiċi għan-nisa, ukoll biex ikun evitat il-qgħad fit-tul u r-riskju tal-esklużjoni soċjali;

3.  Jenfasizza li biex il-Garanzija għaż-Żgħażagħ issir realtà, jeħtieġ li jkun hemm investimenti pubbliċi li jippromwovu l-ħolqien nett ta' impjiegi, jinħolqu impjiegi permanenti b’kuntratti ta’ impjieg xierqa u jiġi ggarantit ir-rispett għan-negozjar kollettiv għall-pagi u l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri li jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn is-sessi li jkunu adatti sabiex iqisu l-gruppi soċjali vulnerabbli, inklużi l-persuni b’diżabilità, il-migranti u l-ommijiet waħedhom;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkuraġġixxu, jippromwovu u jappoġġjaw il-bidu ta’ intrapriżi u ta’ impjieg għal rashom min-nisa żgħażagħ billi jipprovdulhom taħriġ, pariri u aċċess aktar faċli għall-kreditu u għall-mikrokreditu fuq termini favorevoli u b'faċilitazzjonijiet fiskali, b’mod partikolari għall-SMEs;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jsegwu politiki li jinkoraġġixxu l-preżenza tan-nisa fis-setturi u fil-karrieri fejn huma sotto-rappreżentati, bħal fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija (fl-2009, 33 % biss tar-riċerkaturi fl-UE kienu nisa) u fis-settur ekonomiku u finanzjarju, peress li l-għażla ta’ dawn il-karrieri tippermetti li n-nisa jkunu aktar kompetittivi fis-suq tax-xogħol;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja u opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid għall-impjieg li għandhom jagħmluha aktar faċli għall-istudenti nisa u għan-nisa li diġà daħlu fis-suq tax-xogħol, li jimxu minn impjieg għall-ieħor;

8.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar l-impenn tagħhom għall-objettivi tal-Ewropa 2020 ta’ rata ta’ impjieg ta' 75 % kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, u jwissi li l-livell attwali tal-qgħad taż-żgħażagħ jista' jħalli ġenerazzjoni ta’ nisa barra mis-suq tax-xogħol, u jkabbar l-inviżibilità u l-vulnerabilità tagħhom;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġġieldu s-segregazzjoni bejn is-sessi kemm fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol, billi jidentifikaw korsijiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ speċifiċi u tagħlim ibbażat fuq segwitu kontinwu, iżommu mal-konklużjonijiet stipulati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 bit-titolu “Reviżjoni tal-Edukazzjoni” (COM(2012)0669), jgħaqqdu l-politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ mal-politiki dwar l-impjiegi fil-mira għan-nisa żgħażagħ; u jippromwovu u jipprovdu inċentivi għall-impjieg tan-nisa f’setturi ta’ żvilupp strateġiku; jenfasizza li l-għan ta' dawn l-attivitajiet huwa li jkun evitat it-tluq bikri mill-iskola u biex ikun żgurat li l-ħiliet miksuba jkunu biżżejjed biex iwettqu l-bżonnijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol;

10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jevalwaw għalfejn l-għodod nazzjonali għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, speċjalment fost in-nisa żgħażagħ, mhumiex effettivi, u biex jippromwovu l-iskambju tal-aħjar prattiki u mudelli li jkunu taw riżultati pożittivi fil-livell Ewropew, bħal tnaqqis fir-rata tat-tluq bikri mill-iskola, ritorn lejn sistema edukattiva, tranżizzjoni effettiva mid-dinja tal-edukazzjoni għad-dinja tax-xogħol, tnaqqis tar-rata tal-qgħad taż-żgħażagħ, u aċċess għall-impjiegi għall gruppi żvantaġġjati;

11. Jenfasizza li l-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg ġodda jridu jkunu akkumpanjati minn miżuri implimentattivi għall-konċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja, li jinkuraġġixxu lill-irġiel u lin-nisa jaqsmu r-responsabilitajiet fid-dar, li jgħinu d-dħul mill-ġdid tal-ommijiet żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol billi jipprovdulhom faċilitajiet ta’ kura tat-tfal suffiċjenti aċċessibbli, bi prezz tajjeb u ta’ kwalità tajba (bħal nurseries tul il-jum, crèches u attivitajiet ta’ rikreazzjoni pubblika għat-tfal), u servizzi għall-adulti dipendenti fis-settur pubbliku u privat; jenfasizza li tali miżuri jevitaw ir-riskju li l-ommijiet ikollhom iħallu jew iwaqqfu temporanjament il-karrieri tagħhom, jew iwaqqfuhom jew idewmuhom milli jibdew familja, biex b'hekk jevitaw l-esklużjoni professjonali u soċjali tagħhom u jitnaqqas ir-riskju li wliedhom jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali; jistieden, f’dan il-kuntest, lill-Kunsill biex isib pożizzjoni komuni flimkien mal-Parlament dwar id-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità;

12. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-aċċess għan-nisa żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, jieħdu miżuri li jħalluhom jibqgħu fih, filwaqt li jiffokaw fuq impjiegi ta’ kwalità u tkabbir professjonali, u jagħlqu d-differenzi fir-rigward tad-dħul fis-suq tax-xogħol, tal-karrieri u tal-pagi li minn dejjem ikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fil-post tax-xogħol,

13. Jappella għall-adozzjoni ta’ miżuri li jiffokaw b’mod speċifiku fuq nisa żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali, jiġifieri nisa b’diżabilità, nisa immigranti, nisa minn minoranzi, nisa bi ftit taħriġ jew xejn, nisa li sofrew vjolenza abbażi tal-ġeneru, nisa li ħallew il-prostituzzjoni jew il-ħabs u li għalihom hu ħafna aktar diffiċli li jsibu impjieg deċenti;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jorganizzaw kampanji għal programmi għall-possibilitajiet ta’ reklutaġġ u ta’ aċċess għall-faċilitajiet soċjali u għall-kura tat-tfal, u sabiex jipprovdu biżżejjed informazzjoni dwarhom;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu l-użu tat-telexogħol kemm fis-settur tal-kumpaniji u fil-korpi pubbliċi amministrattivi sabiex iż-żgħażagħ jiġu offruti l-possibilità li jibdew karriera mobbli u dinamika;

16. Ħu tal-fehma li l-għajnuna għan-nisa biex jirritornaw lura fis-suq tax-xogħol tirrikjedi soluzzjonijiet multidimensjonali ta’ politika li jinkludu t-taħriġ tul il-ħajja u azzjoni għall-ġlieda kontra x-xogħol prekarju u l-promozzjoni ta’ xogħol bidrittijiet u prattiki divrenzjati ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, fuq talba tal-mara, sabiex ma jkollhomx għalfejn iħallu l-karrieri tagħhom, jew iwaqqfuhom għal xi żmien;

17. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki adegwati b’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali u jieħdu miżuri speċifiċi, inkluż taħriġ iffukat fuq ix-xogħol u programmi ta’ impjieg sabiex jiżguraw opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel żgħażagħ sabiex jiksbu esperjenza reali ta’ xogħol;

18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw politiki li jinkludu l-perspettiva tal-ġeneru u li jimmoniterjawha, u li jappoġġaw l-aċċess ta’ ċittadini mingħajr xogħol għal servizzi ta’ reklutaġġ u ta’ appoġġ soċjali;

19. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw u jirrikonoxxu l-forom mhux formali u informali tal-edukazzjoni u tax-xogħol tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ bħala strumenti li jippermettu lill-istudenti joħolqu l-ewwel rabtiet tagħhom mas-suq tax-xogħol;

20. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jimmoniterjaw u jippubblikaw id-dejta kollha li għandha x'taqsam mal-politiki biex jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ (inkluż l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ), jipproduċu statistika reġjonali għall-Istati Membri differenti u jagħtu attenzjoni partikulari għad-dimensjoni tal-ġeneru; jappella, barra minn hekk, biex l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' dawn il-politiki jiddaħħlu fil-qafas tas-Semestru Ewropew u fir-rakkomandazzjoni lill-pajjiżi individwali;

21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex, fit-tfassil tal-Programm għall-2014-2020, jistabbilixxu kriterji aktar rigorużi u kwantifikabbli dwar it-tfassil, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-objettivi tal-Fondi Strutturali, b'miri speċifiċi fir-rigward tal-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li wkoll għandha tkun tista' titkejjel abbażi tal-ġeneru (fil-perjodu bejn l-2007-2011, 52 % tal-benefiċjarji tal-Fond Strutturali Ewropew kienu nisa);

22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġġieldu kontra l-isterjotip li l-intraprenditorija hi riskjuża u impjieg iddominat mill-irġiel; jenfasizza li, sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni ġenerali tan-nisa fis-suq tax-xogħol u biex l-intraprenditorija tkun promossa b'mod aktar effettiv, għandhom jittieħdu miżuri li jappoġġjaw il-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali bejn l-imprendituri nisa u biex jitħeġġeġ il-ħolqien ta' netwerks ta' pjattaformi għall-iskambju tal-esperjenza u tal-aħjar prattiki;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra adattament ulterjuri tal-FSE sabiex jagħti appoġġ addizzjonali fl-oqsma tat-taħriġ tan-nisa żgħażagħ, aċċess għall-impjieg u għall-kura tat-tfal;

24. Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li tiddedika EUR 6 biljun għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, skont l-QFP 2014-2020; iżda jfakkar, barra minn hekk, li mit-EUR 82 biljun f’finanzjament Ewropew mhux allokat li kellhom jiġu riprogrammati għall-inizjattivi dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ, imħabbra f’Jannar 2012, intużaw biss EUR 16-il biljun (Marzu 2013); jappella biex l-approprjazzjonijiet kollha jkunu marbuta ma' programmazzjoni mtejba u mħaffa u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkuraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-akbar impenn finanzjarju possibbli, inkluż billi jużaw fondi mill-baġits nazzjonali għall-ġlieda kontra l-qgħad taż-żgħażagħ filwaqt li jikkunsidraw il-kwistjonijiet marbuta mal-ġeneru;

25. Jistieden lill-Istati Membri, bi qbil mal-Kummissjoni, biex jistabbilixxu skema ta’ inċentivi fiskali għall-promozzjoni tal-impjieg fost iż-żgħażagħ u biex jappoġġjaw l-intrapriżi ta' persuni taħt il-35 sena, permezz ta’ inċentivi għall-intrapriżi ‑ partikolarment l-SMEs ‑ sabiex jirreklutaw żgħażagħ fuq kuntratti permanenti; jipproponi, għal dan il-għan ‑ kif suġġerit mill-Kummissjoni fil-pakkett dwar l-impjiegi ‑ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw l-istrument tas-sussidji għall-impjiegi u t-tnaqqis tal-"feles fiskali", partikolarment biex min iħaddem jitħallas għas-sigurtà soċjali u għall-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni tas-saħħa;

26. Jistieden lill-Istati Membri, bi ftehim mal-Kummissjoni, biex jistabbilixxu miżuri u konċessjonijiet għal kuntratti ta’ apprendistat u bonus għat-tnedija ta’ intrapriża miż-żgħażagħ taħt il-35 sena; iqis, b’mod partikolari li l-Istati Membri għandom jipprovdu servizzi ta’ appoġġ akbar u aħjar għall-intrapriżi li għadhom qed jibdew, jorganizzaw kampanji ta’ informazzjoni rigward l-opportunitajiet u l-prospetti involuti f'impjieg indipendenti, u joħolqu kooperazzjoni akbar bejn is-servizzi ta’ impjieg u jipprovdu appoġġ għall-intrapriżi, inkluż bil-għajnuna tal-(mikro-) finanzjament;

27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu u jikkonsultaw b'mod obbligatorju lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u lis-sħab soċjali fid-deċiżjonijiet, fil-politiki u fil-programmi li jirrigwardaw il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, kif ukoll fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ, u l-iżvilupp ulterjuri tal-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati . jappella biex it-tfajliet ikunu aktar involuti fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-istudenti u, sussegwentement fl-attivitajiet tal-NGOs, sabiex ikunu jistgħu jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom u jkabbru l-influwenza tagħhom;

28. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu d-diversità bejn is-sessi fil-gruppi ta’ ħidma u fil-post tax-xogħol sabiex jinkisbu riżultati aħjar fuq il-post tax-xogħol;

29. Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu politiki li jħeġġu lin-nies, speċjalment lin-nisa żgħażagħ biex jibqgħu jaħdmu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

29.5.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Marije Cornelissen, Edite Estrela, Iratxe García Pérez, Mikael Gustafsson, Mary Honeyball, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Constance Le Grip, Astrid Lulling, Barbara Matera, Elisabeth Morin-Chartier, Krisztina Morvai, Norica Nicolai, Siiri Oviir, Antonyia Parvanova, Joanna Senyszyn, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Marc Tarabella, Marina Yannakoudakis, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Roberta Angelilli, Rosa Estaràs Ferragut, Mariya Gabriel, Nicole Kiil-Nielsen, Katarína Neveďalová, Chrysoula Paliadeli, Antigoni Papadopoulou, Angelika Werthmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.7.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

1

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Heinz K. Becker, Jean-Luc Bennahmias, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Minodora Cliveti, Marije Cornelissen, Emer Costello, Andrea Cozzolino, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Richard Falbr, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Ruža Tomašić, Traian Ungureanu, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Roberta Angelilli, Jan Kozłowski, Ria Oomen-Ruijten, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Anneli Jäätteenmäki, Jacek Włosowicz

  • [1]  Testi adottati, P7_ TA(2010)0262.
  • [2]  Testi adottati, P7_TA(2012)0224.
  • [3]  O-000106/2012; B7-0113/2012.
  • [4]  Testi adottati, P7_ TA(2013)0007.
  • [5]  ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 9.
  • [6]  Eurofound (2012), NEETs: young people not in employment, education or training: characteristics, costs and policy responses in Europe', Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.
  • [7]  Eurofound (2012), Effectiveness of policy measures to increase the employment participation of young people, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.
  • [8]  Eurofound (2011), Helping young workers during the crisis: contributions by social partners and public authorities, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu
  • [9]  Eurofound (2012) Żviluppi ta’ politika reċenti relatati ma’ dawk mhux impjegati, f’edukazzjoni jew f’taħriġ (NEETs), L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu (http://www.eurofound.europa.eu/docs/erm/tn1109042s/tn1109042s.pdf)
  • [10]  Eurofound (2013) Inklużjoni attiva ta’ żgħażagħ b’diżabilità jew problemi ta’ saħħa, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu (http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef1226.htm)
  • [11]  Eurofound (2012), ‘NEETs – Young people not in employment, education or training: characteristics, costs and policy responses in Europe’ (NEETs: żgħażagħ mhux impjegati, f’edukazzjoni jew f’taħriġ: karatteristiċi, spejjeż u rispons għall-politika fl-Ewropa). Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.
  • [12]  Ministeru Federali Awstrijakk għall-Impjieg, Affarijiet Soċjali u Ħarsien tal-Konsumatur, Jannar 2012.
  • [13]  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-12-380_en.htm?locale=fr
  • [14]  COM(2012)0728
  • [15]  B'inizjattivi bħall-Programm MobiPro