RAPPORT dwar ir-restrizzjonijiet tas-sajd u l-ibħra ġuriżdizzjonali fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed – mezzi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti

12.9.2013 - (2011/2086(INI))

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Nikolaos Salavrakos

Proċedura : 2011/2086(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0288/2013
Testi mressqa :
A7-0288/2013
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-restrizzjonijiet tas-sajd u l-ibħra ġuriżdizzjonali fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed – mezzi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti

(2011/2086(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (UNCLOS),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim tal-1995 għall-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 rigward il-konservazzjoni u l-immaniġġjar ta’ stokkiijiet transżonali tal-ħut u ta’ stokkijiet ta’ ħut migratorju ħafna,

–   wara li kkunsidra l-kodiċi ta' kondotta għal sajd responsabbli tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), adottat f’Ottubru 1995 mill-Konferenza tal-FAO,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Baħar l-Iswed kontra t-Tniġġis, iffirmata f’Bukarest f’April 1992,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar u r-Reġjun Kostali tal-Mediterran u tal-Protokolli tagħha, iffirmata f’Barċellona fi Frar 1976 u emendata f’Barċellona f’Ġunju 1995,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni Strateġiku għall-Protezzjoni Ambjentali u r-Riabilitazzjoni tal-Baħar l-Iswed, adottat f’Sofija f’April 2009,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marina)[1],

–   wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta (COM(2013)0133),

–    wara li kkunsidra [il-Parti VII dwar il-Politika Esterna] tar-Regolament (UE) Nru .../2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ [...] dwar il-Politika Komuni tas-Sajd,[2]

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed[3],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2011 dwar il-ġestjoni attwali u futura tas-sajd fil-Baħar l-Iswed[4],

–    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd[5],

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' Ottubru 2007 bl-isem ‘Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea’ (COM(2007)0575),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar il-Politika Marittima Integrata (IMP) – Evalwazzjoni tal-progress li sar u sfidi ġodda[6],

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Settembru 2009 bl-isem "Lejn Politika Marittima Integrata għal governanza aħjar fil-Mediterran" (COM(2009)0466),

–   wara li kkunsidra l-Politika Ewropea tal-Viċinat u Strumenti relatati ta’ finanzjament;

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2010 dwar “Għarfien dwar il-Baħar 2020 – dejta u osservazzjoni yal-baħar għat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli (COM(2010)0461),

–   wara li kkunsidra l-Programm ENPI ta' kooperazzjoni transkonfinali "Baċir Marittimu tal-Mediterran" 2007-2013, adottat mill-Kummissjoni fl-14 ta' Awwissu 2008,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta’ Settembru 2012 dwar “It-Tkabbir Blu – Opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu” (COM(2012)0494),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0288/2013),

A. billi sal-2025 l-iżvilupp urban fil-Mediterran jista’ jilħaq livell ta’ 60 %, b’terz tal-popolazzjoni kkonċentrata f’żoni kostali, u b’hekk tirdoppja d-domanda għall-ilma u r-riżorsi tas-sajd;

B.  billi l-Baħar Mediterran għandu sehem ta’ 30 % tat-traffiku marittimu dinji;

C. billi l-Mediterran u l-Baħar l-Iswed għandhom karatteristiċi speċifiċi minn perspettiva oċeanografika, mill-perspettiva tas-sajd, mill-perspettiva ambjentali u dik soċjoekonomika;

D. billi l-ġestjoni taż-żoni marittimi u kostali hija kumplessa u tinvolvi awtoritajiet privati u pubbliċi varji;

E.  billi l-baċini tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed għandhom rata baxxa ta’ tiġdid tal-ilma (80-90 sena u 140 sena rispettivament) u għalhekk huma estremament sensittivi għat-tniġġis marittimu;

F.  billi madwar 75 % tal-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar Mediterran huma sfruttati żżejjed;

G. billi sistemi legali li jirregolaw l-aċċess minn bastimenti għal attivajiet tas-sajd nazzjonali jvarjaw skont in-nazzjonalità tal-bastiment;

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar kompetizzjoni akbar għal inqas stokkijiet u riżorsi tal-baħar, li twassal għall-ħolqien ta’ tensjoni reġjonali u possibbilment tilwim bejn l-istati kostali dwar iż-żoni marittimi; Jitlob, f’dan il-kuntest, sforzi akbar fil-livelli reġjonali, nazzjonali u tal-UE favur it-tisħiħ tar-regolazzjoni tal-aċċess għar-riżorsi;

2.  Iħeġġeġ lill-istati littorali kollha jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex iwaqqfu gradwalment is-sajd żejjed fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, hekk kif it-tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut iżid il-potenzjal ta’ konflitti f’din iż-żona;

3.  Jemmen bil-qawwa li riżoluzzjoni paċifika tat-tilwimiet rigward iż-żoni marittimi u d-delimitazzjoni ta’ fruntieri marittimi, f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi skont id-dritt tal-UE u d-dritt internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-dritt tal-Baħar, hija element essenzjali ta’ governanza tajba tal-oċeani;

4.  Jemmen li l-ġestjoni tal-baħar fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed teħtieġ grad ogħla ta’ koeżjoni u kooperazzjoni politika fost l-istati kostali kkonċernati; jissottolinja r-rwol importanti tal-kooperazzjoni bilaterali u tal-ftehimiet internazzjonali, billi l-biċċa l-kbira tal-istati tal-Baħar l-Iswed u tal-Mediterran mhumiex membri tal-UE u għalhekk mhumiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni Komunitarja;

5.  Jilqa’ r-rwol tal-Kummissjoni fil-promozzjoni ta’ djalogu aktar solidu u strutturat ma’ stati li mhumiex membri tal-UE u li għandhom kosta mal-Mediterran u l-Baħar l-Iswed għall-ġestjoni ta’ stokkijiet maqsuma f’dawn il-baċini; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi tagħha għal dan l-iskop billi ssegwi approċċ reġjonali;

6.  Jistieden lill-UE, sabiex il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien u l-ġestjoni ta’ ħażniet kondiviżi jittejbu, sabiex timmira lejn il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni dwar sajd sostenibbli ma’ dawn il-pajjiżi; jittama li dawn il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma jkollhomx l-għan li jagħtu lill-bastimenti tal-UE d-dritt għas-sajd, iżda li joħolqu sitwazzjoni fejn l-UE tagħti appoġġ finanzjarju u tekniku bl-għan li twassal lill-pajjiż terz sieħeb biex jimplimenta regoli simili għal dawk tal-UE rigward il-ġestjoni sostenibbli;

7.  Jemmen li l-ġestjoni tal-baħar fir-reġjun tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed tippreżenta opportunitajiet għal relazzjonijiet internazzjonali u għal governanza effettiva tar-reġjun;

8.  Jenfasizza li l-kompetizzjoni għal livelli aktar baxxi ta’ stokkijiet tal-ħut u riżorsi tal-baħar tista’ ssir sors ta’ tilwim ma’ pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiżguraw monitoraġġ, kontroll, sigurtà u sikurezza tal-ilmijiet kostali u territorjali, iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi (EEZs), il-blata kontinentali u l-infrastruttura marittima u r-riżorsi tal-baħar; jinnota li l-UE għandha żżomm profil politiku għoli f'dan ir-rigward u tfittex li tipprekludi nuqqas ta' ftehim internazzjonali;

9.  Iħeġġeġ lill-UE tuża r-riżorsi diplomatiċi tagħha biex tippromwovi d-djalogu bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi sabiex tiżgura li japprezzaw il-prinċipji tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE u biex timmonitorja l-konformità mar-regoli tagħha; Jenfasizza li l-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE, b’mod partikolari, għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-politika tas-sajd tal-UE kif ukoll il-liġijiet relevanti tal-UE u dawk internazzjonali li japplikaw għall-attivitajiet tas-sajd;

10. Jinnota li mill-21 stat Mediterran, tlieta la ffirmaw u lanqas irratifikaw l-UNCLOS; jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi, b’mod partikolari il-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE, isiru partijiet fil-konvenzjoni u biex jimplimentaw il-UNCLOS bħala parti integrali tal-qafas regolatorju tal-UE għall-affarijiet marittimi;

11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi terzi jiżviluppaw approċċ reġjonali favur il-konservazzjoni tal-ħut u s-sajd fl-ilmijiet tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed, filwaqt li jikkunsidraw id-dimensjoni transkonfinali tas-sajd u n-natura migratorja ta’ ċerti speċijiet; jenfasizza, f’dan ir-rigward, ir-rwol sinifikanti tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) biex tiżgura sitwazzjoni ugwali għal kulħadd u bħala forum reġjonali biex tiżgura sajd sostenibbli fil-Baħar l-Iswed;

12. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ ħarsien ambjentali u żvilupp sostenibbli f’dawn il-baċini, u ta’ sforzi msaħħa lejn governanza u kontroll tal-baħar, skont id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari il-UNCLOS, bħala mezz biex jingħata kontribut għal protezzjoni ambjentali msaħħa tal-ispazju kostali u tal-baħar;

13. Jemmen li l-Politika Marittima Integrata, u b’mod partikolari l-ippjanar spazjali marittimu, jista’ jkollhom rwol ċentrali fil-prevenzjoni tal-konflitti bejn l-Istati Membri tal-UE kif ukoll pajjiżi terzi;

14. Iħeġġeġ l-implimentazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, tal-ġestjoni integrata taż-żoni kostali u tal-ippjanar spazjali marittimu (fir-rigward tal-produzzjoni ta' enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta, it-tqegħid ta' kejbils u tubi taħt il-baħar, it-trasport marittimu, is-sajd u l-akkwakultura, il-ħolqien ta' żoni ta' ripopolazzjoni), fil-qafas tal-istrateġija għal Tkabbir Blu, fil-kuntest tal-konvenzjonijiet eżistenti ma' pajjiżi ġirien, inklużi pajjiżi terzi, li jużaw l-istess baħar reġjonali;

15. Jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta’ żoni marittimi, b’mod partikolari ż-żoni ekonomiċi esklussivi u ż-żoni marittimi protetti, li mhux biss itejjeb il-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-attivitajiet tas-sajd lil hinn mill-ibħra territorjali, iżda jippromwovi wkoll ir-riżorsi sostenibbli tal-attivitajiet tas-sajd, jiffaċilita l-kontroll u l-ġlieda kontra l-IUU (sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat), kif ukoll itejjeb il-ġestjoni tal-baħar ġewwa dawn il-baċini; jenfasizza l-bżonn li l-UE tipprovdi gwida, koordinazzjoni u appoġġ adegwati lill-Istati Membri f’dan ir-rigward;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tqis iżjed dawn il-kwistjonijiet bil-ħsieb li tiżgura l-koerenza fl-oqsma tal-politika tal-UE rilevanti, b'mod partikolari l-Politika Komuni tas-Sajd u l-Politika Marittima Integrata, u tippromwovi din il-koerenza u kundizzjonijiet ekwi, kemm fl-UE kif ukoll ma’ pajjiżi sħab tal-viċinat, permezz ta’ kooperazzjoni u djalogu mtejbin

17. Jenfasizza l-importanza tal-valutazzjonijiet tal-istokkijiet u jitlob kooperazzjoni msaħħa bejn l-istituti xjentifiċi fiż-żewġ baċini, inkluż l-iskambju ta’ data xjentifika u l-qsim ta’ informazzjoni; jemmen li l-UE għandha tippromwovi, tistimula u tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-ħidma konġunta bejn it-timijiet xjentifiċi tal-UE u l-kontroparti tagħhom fil-pajjiżi l-oħra involuti li mhumiex stati membri; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-inizjattiva “Għarfien dwar il-Baħar 2020”, li għandha l-għan li tagħmel id-data dwar l-ambjent tal-baħar disponibbli għal numru kbir ta’ partijiet potenzjalment interessati, inklużi korpi pubbliċi, industrijali, edukattivi u ta’ riċerka u s-soċjetà ċivili;

18. Jitlob sistema msaħħa ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza ta’ attivitajiet tas-sajd f’perspettiva integrata għat-titjib tal-konservazzjoni tal-ekosistema fiż-żewġ baċini, f’konformità mad-dritt tal-UE u d-dritt internazzjonali, partikolarment il-UNCLOS, u b’hekk jingħata kontribut lill-isfruttament sostenibbli fuq żmien twil tal-istokkijiet tal-ħut u lill-ġlieda kontra s-sajd IUU b’mod aktar effiċjenti;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.
  • [2]  Ara d-dokument tal-Kunsill Nru...
  • [3]  ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 81.
  • [4]  ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 43.
  • [5]  Testi adottati, P7_TA(2012)0461.
  • [6]  ĠU C 70E, 8.3.2012, p. 70.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (29.5.2013)

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar ir-restrizzjonijiet tas-sajd u l-ibħra ġuriżdizzjonali fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed – mezzi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti
(2011/2086(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Eva Joly

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi fil-pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp, is-sajd huwa kemm settur li joħloq il-ġid u l-impjiegi kif ukoll sors ta' proteini għall-popolazzjoni;

1.  Jinnota li l-kunflitti dwar iż-żoni marittimi jqumu l-aktar minħabba l-isfruttament tar-riżorsi tal-baħar li jkunu saru limitati, jew saħansitra rari, speċjalment minħabba li parti minnhom tkun ġiet sfruttata żżejjed u ntużat b'mod mhux sostenibbli fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed; jenfasizza li għal numru ta' pajjiżi kostali li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp, ir-riżorsi tal-baħar jikkostitwixxu bażi fundamentali għall-iżvilupp futur tagħhom u għas-sigurtà tal-ikel tagħhom;

2.  Jenfasizza li r-riżoluzzjoni tal-kunflitti li jikkonċernaw id-delimitazzjoni tal-fruntieri marittimi u l-ħolqien ta' żoni marittimi jridu jsiru f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali, abbażi tal-prinċipji ta' kooperazzjoni leali, it-trasparenza, l-ugwaljanza u l-ġustizzja, filwaqt li jiġu żgurati s-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-baħar u l-protezzjoni tal-ekosistemi, speċjalment bis-saħħa tar-rispett għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar u b'mod partikolari għall-Artikolu 62 tagħha;

3.  Iqis li l-organizzazzjonijiet reġjonali fil-qasam tal-ġestjoni tas-sajd, u b'mod partikolari l-Kunsill Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran, jikkostitwixxu qafas xieraq għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti ta' kompetenza u r-regolamentazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd; jistieden, għalhekk, lill-Istati kostali u lil dawk l-Istati li jeżerċitaw attivitajiet tas-sajd fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed biex jiffavorixxu dan il-qafas ta’ diskussjoni;

4.  Jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tkompli tappoġġa lill-pajjiżi kostali li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp sabiex jistabbilixxu pjanijiet ta’ ġestjoni sostenibbli tas-sajd fl-ibħra ġuriżdizzjonali tagħhom u sabiex jikkumbattu b’mod effikaċi s-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat;

5.  Jitlob li jiġi adottat qafas strateġiku fuq perjodu twil għall-kooperazzjoni xjentifika fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, b'tali mod li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka dwar il-baħar, inkluż l-iskambju ta' data u informazzjoni xjentifiċi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.5.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Corina Creţu, Véronique De Keyser, Charles Goerens, Mikael Gustafsson, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell, Bill Newton Dunn, Andreas Pitsillides, Maurice Ponga, Jean Roatta, Alf Svensson, Keith Taylor, Ivo Vajgl, Anna Záborská, Iva Zanicchi

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philippe Boulland, Emer Costello, Isabella Lövin, Cristian Dan Preda, Patrizia Toia

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Antonello Antinoro, Kriton Arsenis, Chris Davies, Carmen Fraga Estévez, Dolores García-Hierro Caraballo, Marek Józef Gróbarczyk, Werner Kuhn, Isabella Lövin, Gabriel Mato Adrover, Guido Milana, Maria do Céu Patrão Neves, Crescenzio Rivellini, Raül Romeva i Rueda, Struan Stevenson, Isabelle Thomas, Nils Torvalds

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Louis Cottigny, Iñaki Irazabalbeitia Fernández, Jens Nilsson, Nikolaos Salavrakos

Sostitut(i) skont l-Artikolu 187(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Kozłowski