RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi
23.9.2013 - (05835/2013 – C7‑0112/2013 – 2012/0334(NLE)) - ***
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Edit Bauer
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi
(05835/2013 – C7‑0112/2013 – 2012/0334(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05835/2013),
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi (16913/2012),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2)(a) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0112/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0290/2013),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Armenja.
NOTA SPJEGATTIVA
Skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, "l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun gwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja". Dan l-impenn għandu jitwettaq bl-iżvilupp u l-bini ta' sħubijiet ma' pajjiżi terzi, b'enfasi ewlenija fuq it-tkabbir taż-żona ta' demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza t-tajba. Wara t-tkabbir li sar fl-2004 u fl-2007, il-fruntieri esterni tal-UE nbidlu u feġġet ħtieġa ċara għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-"ġirien" il-ġodda tal-UE.
Il-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK), li kellhom rwol importanti, bdew jirregolaw ir-relazzjonijiet reċiproċi bejn l-UE u ċerti pajjiżi terzi anke qabel il-mewġiet ta' tkabbir imsemmija. Sa minn tmiem id-Disgħinijiet, għaxar PSK ġew konklużi mill-Unjoni Ewropea, wieħed minnhom mal-Armenja, li daħal fis-seħħ nhar il-31 ta' Mejju 1999. Il-ftehim ippreveda qafas għall-kooperazzjoni f'varjetà ta' oqsma, madankollu, ma hemm l-ebda dispożizzjoni dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi.
Il-ħolqien tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) kien sinjal ċar fil-konfront tal-pajjiżi ġirien il-ġodda, iżda wkoll fil-konfront tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, li issa, permezz tat-tkabbir il-ġdid, jinsab eqreb il-fruntieri tal-UE. L-inklużjoni tal-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja fil-PEV kienet timplika wkoll li l-imsieħba huma disposti jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom kif stabbilit fil-FSK. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV il-ġdid għall-Armenja ġab miegħu prospettivi ġodda ta' sħubija, inkluż it-twaqqif ta' djalogu fuq kwistjonijiet relatati mal-moviment tal-persuni, inkluża l-politika ta' riammissjoni u tal-viżi. Madankollu, l-objettiv f'dak l-istadju kien limitat għall-iskambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-viżi, billi kellu jsir ħafna xogħol għall-allinjament tal-proċeduri mal-istandards Ewropej.
Ittieħed pass ieħor meta twaqqfet is-Sħubija tal-Lvant, li hija dimensjoni speċjali tal-PEV. L-ambizzjoni ta' dan il-qafas il-ġdid hi li l-integrazzjoni ekonomika u politika ulterjuri bejn l-UE u l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina ssir b'ritmu aktar mgħaġġel. Permezz ta' din l-għodda, titqiegħed enfasi akbar fuq il-kuntatti interpersonali, li jmorru id f'id mal-faċilitazzjoni tal-ivvjaġġar permezz tal-liberalizzazzjoni tal-viżi. Id-Dikjarazzjoni tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant ta' Mejju 2009 għalhekk kien fiha impenn b'saħħtu tal-partijiet favur progress fil-liberalizzazzjoni tar-reġimi tal-viża.
F'Settembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar ipproponiet li tiftaħ in-negozjati dwar il-ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viżi, li ġie ffirmat nhar is-17 ta' Diċembru 2012, iżda hija meħtieġa l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew qabel ma dan ikun jista' jidħol fis-seħħ. L-UE diġà kkonkludiet ftehim ta' faċilitazzjoni tal-viżi ma' disa' pajjiżi mhux tal-UE. Minn pajjiżi tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, s'issa ftehim bħal dan ġie konkluż biss mal-Ġeorġja, iżda diġà għaddejjin in-negozjati mal-Azerbajġan.
Fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u l-Armenja tas-27 ta' Ottubru 2011, il-partijiet iddeċidew li jwaqqfu Sħubija għall-Mobilità msejsa fuq ir-reċiproċità, bl-iskop li jkun hemm ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni legali u tal-ħaddiema, inkluża migrazzjoni ċirkolari u temporanja.
Ir-rapporteur hi tal-fehma, b'konformità mal-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill, li wara bosta stadji ta' negozjati l-Armenja issa hija lesta tikkonkludi ftehim ta' liberalizzazzjoni tal-viżi.
Ir-reġim issemplifikat tal-viżi jista' jwassal biex jagħti spinta ġdida lill-kooperazzjoni, l-aktar lill-mobilità taċ-ċittadini, li se tiġi ssemplifikata permezz tar-reġim liberalizzat tal-viżi. Ir-regoli l-ġodda se jħaffu l-proċeduri (id-deċiżjoni tkun trid tittieħed fi żmien għaxart ijiem, u f'każijiet urġenti anki f'jumejn jew anqas), isiru orħos (il-pagament tal-viża għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet taċ-ċittadini Armeni se jkun jammonta għal EUR 35) u anqas burokratiċi (id-dokumenti li jkunu jridu jitressqu dwar l-iskop tal-vjaġġ ġew issemplifikati għal xi kategoriji ta' persuni, l-aktar għall-qraba, il-membri tad-delegazzjonijiet uffiċjali, l-istudenti, l-għalliema, dawk fin-negozju, xjenzati, eċċ.) u hemm ukoll kriterji semplifikati għall-ħruġ ta' viżi għal dħul multiplu. Il-gvern tal-Armenja diġà abolixxa l-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini tal-UE, b'effett mill-10 ta' Jannar 2013.
Il-konklużjoni tal-liberalizzazzjoni tal-viżi u tal-ftehimiet ta' riammissjoni hi pass importanti ħafna fir-relazzjonijiet reċiproċi tal-Armenju u tal-UE. Madankollu, hi meħtieġa aktar integrazzjoni. Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-ħtieġa għal strateġija tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar, stieden lill-UE tkun ukoll aktar attiva fiż-żona tal-Kawkasu tan-Nofsinhar. Livell ieħor, aktar profond ta' integrazzjoni fil-forma ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni, ġie reċentement innegozjat bejn il-partijiet, u dan se jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Armenja u l-Unjoni Ewropea.
Dwar il-konklużjoni tal-ftehim ta' liberalizzazzjoni tal-viżi,
– ir-rapporteur tistieden u tapprova l-konklużjoni tal-ftehim, li se jiffaċilita l-aktar il-mobilità taċ-ċittadini, li hi essenzjali għall-bini ta' kuntatti interpersonali;
– ir-rapporteur titlob lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni taż-żewġ ftehimiet sabiex jiġu identifikati dispożizzjonijiet potenzjalment ta' piż li għandhom jiġu korretti sabiex jiġu sfruttati għalkollox il-vantaġġi tar-reġim issemplifikat tal-viżi;
– ir-rapporteur titlob lill-Kummissjoni tħaffef l-isforzi tan-negozjar biex jiġu konklużi l-istess ftehimiet mal-Azerbajġan, li hu l-aħħar pajjiż mir-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar;
– barra minn hekk, ir-rapporteur titlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jenfasizzaw b'mod konsistenti, matul in-negozjati attwali, ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-riżoluzzjoni tal-PE tat-18 ta' April 2012 dwar in-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Armenja.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN (27.6.2013)
għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubbika tal-Armenja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi
(05835/2013 – C7‑0112/2013 – 2012/0334(NLE))
Rapporteur: Tomasz Piotr Poręba
ĠUSTIFIKAZZJONI FIL-QOSOR
Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-4 ta' Diċembru 2006 dwar it-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV)[1], il-Kummissjoni kienet irrakkomandat li għandhom jinbdew in-negozjati dwar ir-riammissjoni u l-faċilitazzjoni tal-viżi mal-pajjiżi tal-PEV.
Id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta' Praga tas-7 ta' Mejju 2009 li tistabbilixxi s-Sħubija tal-Lvant iffissat l-objettiv fit-tul tal-liberalizzazzjoni tal-viżi, proċess gradwali li jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn titjib fil-kundizzjonijiet tas-sigurtà għall-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera u l-migrazzjoni irregolari. Fis-Samit ta' Varsavja tad-29 u t-30 ta' Settembru 2011, il-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern tennew l-impenn tagħhom favur l-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant u l-issoktar tal-implimentazzjoni tagħha.
Id-deċiżjoni proposta tqis u tirrifletti l-qafas eżistenti għall-kooperazzjoni mal-Armenja, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li daħal fis-seħħ fl-1999, il-Pjan ta' Azzjoni UE-Armenja tal-Politika Ewropea tal-Viċinat adottat f'Novembru 2006, id-Dikjarazzjonijiet tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant, kif ukoll in-negozjati li qed isiru bil-għan li jiġi konkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Armenja.
Id-direttivi dwar in-negozjati għall-konklużjoni ta' ftehim ta' faċilitazzjoni tal-viżi mal-Armenja ġew adottati mill-Kunsill fid-19 ta' Diċembru 2011. In-negozjati nfetħu f'Jerevan fis-27 ta' Frar 2012, u t-test finali tal-Ftehim ġie inizjalat fit-18 ta' Ottubru 2012. Bid-deċiżjoni tal-4 ta' Ottubru 2012 tal-Gvern tar-Repubblika tal-Armenja, mill-10 ta' Jannar 2013, huma eżenti mill-obbligu tal-viża ċ-ċittadini tal-UE, kif ukoll dawk mill-pajjiżi assoċjati ta' Schengen.
Id-deċiżjoni proposta dwar il-konklużjoni tal-ftehim tinkludi elementi standard ta' ftehimiet tal-UE dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi, li jistabbilixxu l-iskadenzi għal deċiżjonijiet dwar il-ħruġ tal-viżi, il-ħlasijiet u l-eżenzjonijiet minnhom, id-dokumentazzjoni meħtieġa u l-eżenzjonijiet, kif ukoll semplifikazzjoni tal-kriterji għal ċerti kategoriji ta' persuni. Barra minn hekk, il-proposta tinkludi Dikjarazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni rigward dokumenti tal-ivvjaġġar u skambji regolari dwar is-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u dwar id-dokumenti li jridu jiġu ppreżentati meta ssir applikazzjoni għal viża għal mawriet ta' żmien qasir. Id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għar-Renju Unit, l-Irlanda u r-Renju tad-Danimarka, li huma mistiedna jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi, bħalma huma wkoll il-pajjiżi li, filwaqt li mhumiex Membri tal-UE, huma partijiet kontraenti tal-ftehim ta' Schengen.
It-titjib tal-mobilità se jiffaċilita l-kuntatti interpersonali, element essenzjali għall-iżvilupp ta' rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali u ta' tipi oħra. Għaldaqstant huwa importantissmu għar-realizzazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant, meta wieħed iqis li l-għan fit-tul huwa l-liberalizzazzjoni sħiħa tal-viżi.
******
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
27.6.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
28 0 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Bastiaan Belder, Michael Gahler, Ana Gomes, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Marusya Lyubcheva, Ria Oomen-Ruijten, Bernd Posselt, Hans-Gert Pöttering, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Marek Siwiec, Charles Tannock, Eleni Theocharous, Geoffrey Van Orden, Boris Zala |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Antonio López-Istúriz White, Marietje Schaake, Traian Ungureanu, Ivo Vajgl, Janusz Władysław Zemke |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Leonidas Donskis, Danuta Jazłowiecka, Gabriel Mato Adrover |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT ()
Data tal-adozzjoni |
18.9.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
45 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jan Philipp Albrecht, Roberta Angelilli, Edit Bauer, Rita Borsellino, Emine Bozkurt, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Salvatore Caronna, Philip Claeys, Carlos Coelho, Ioan Enciu, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Hélène Flautre, Kinga Gál, Kinga Göncz, Sylvie Guillaume, Ágnes Hankiss, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in 't Veld, Lívia Járóka, Timothy Kirkhope, Juan Fernando López Aguilar, Svetoslav Hristov Malinov, Clemente Mastella, Véronique Mathieu Houillon, Claude Moraes, Georgios Papanikolaou, Carmen Romero López, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Renate Sommer, Rui Tavares, Nils Torvalds, Wim van de Camp, Axel Voss, Renate Weber, Josef Weidenholzer, Tatjana Ždanoka, Auke Zijlstra |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexander Alvaro, Cornelis de Jong, Marian-Jean Marinescu, Salvador Sedó i Alabart, Janusz Wojciechowski |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Nuno Teixeira |
||||