Proċedura : 2013/2023(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0291/2013

Testi mressqa :

A7-0291/2013

Dibattiti :

PV 07/10/2013 - 23
CRE 07/10/2013 - 23

Votazzjonijiet :

PV 08/10/2013 - 9.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0396

RAPPORT     
PDF 171kWORD 117k
20.9.2013
PE 508.078v01-00 A7-0291/2013

dwar ‘It-titjib tad-dritt internazzjonali privat: regoli dwar il-ġurisdizzjoni applikabbli għall-impjieg’

(2013/2023(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Relatur: Evelyn Regner

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ‘It-titjib tad-dritt internazzjonali privat: regoli dwar il-ġurisdizzjoni applikabbli għall-impjieg’

(2013/2023(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 12, 15, 16, 27, 28, 30, 31 u 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 45, 81 u 146 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea 18/02(1) , C-341/05(2) u C-438/05(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0291/2013),

A. billi r-reviżjoni tar-Regolament Brussell I(4) kien suċċess kbir, billi daħħlet titjib imdaqqas għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza f’materji ċivili u kummerċjali fl-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-kamp ta' applikazzjoni ta' dik il-proċedura ta' riformulazzjoni ma kienx jinkludi ċerti kwestjonijiet tad-dritt tax-xogħol;

C. billi l-Ftehima Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001(5) tiddisponi li t-teknika tar-riformulazzjoni tintuża għal atti li jkunu emendati ta’ sikwit;

D. billi hu importanti li tkun żgurata l-koerenza bejn ir-regoli li jiggvernaw il-ġurisdizzjoni f’kwistjoni u r-regoli li jiggvernaw id-dritt applikabbli għal kwistjoni;

E.  billi hu ta’ tħassib maġġuri għad-dritt internazzjonali privat f’livell Ewropew li jkun hemm il-prevenzjoni tat-tiftix tal-aħjar ġurisdizzjoni - l-aktar meta dan jista' jwassal għad-detriment tal-parti li tkun l-aktar dgħajfa, bħalma huma l-impjegati b'mod partikolari - u biex ikun żgurat li tkun magħrufa bil-quddiem bl-akbar livell possibbli ta' preċiżjoni l-ġurisdizzjoni;

F.  billi, bħala prinċipju ġenerali, il-qorti li jkollha l-eqreb ness mal-kawża ta’ azzjoni hi dik li għandu jkollha ġurisdizzjoni;

G. billi għadd ta’ kawżi Ewropej ta’ profil għoli fuq il-ġurisdizzjoni u d-dritt applikabbli b’rabta mal-kuntratti ta’ impjieg individwali u ma’ azzjoni industrijali wasslu għal biżgħat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-dritt tax-xogħol jistgħu jisfaw imminati mir-regoli Ewropej li jistgħu jwasslu, f’ċerti każijiet, li d-dritt ta’ Stat Membru wieħed jiġi applikat mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor(6);

H. billi, invista tal-importanza ewlenija tad-dritt tax-xogħol għall-identitajiet kostituzzjonali u poltiċi tal-Istati Membri, hu importanti li d-dritt Ewropew jirrispetta t-tradizzjonijiet nazzjonali f’dan il-kamp;

I.   billi hu wkoll fl-interess tal-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja li tallinja kemm jista' jkun ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni mar-regoli dwar id-dritt applikabbli;

J.   billi jidher li hu xieraq li jkun ivvalutat jekk hemm ħtieġa ta' bidliet fir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fil-kamp tad-dritt tax-xogħol;

K. billi, b’mod partikolari, f’dak li għandu x’jaqsam mal-azzjoni industrijali, il-qrati tal-Istat Membru jekk l-azzjoni industrijali ttieħdet jew se tittieħed għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni;

L.  billi, f'dak li għandu x’jaqsam mal-kuntratti ta’ impjieg individwali, għandu jkun żgurat, sa kemm hu mixtieq, li l-qrati tal-Istat Membru li jkollu l-eqreb ness mar-relazzjoni tal-impjieg għandhom ikollhom ġurisdizzjoni;

1.  Jifraħ lill-istituzzjonijiet tar-reviżjoni b’suċċess tar-Regolament Brussell I;

2.  Iqis li l-kwestjonijiet ta' dritt tax-xogħol għandha tkun indirizzata ulterjorment mill-Kummissjoni għall-fini ta' rieżami possibbli fil-futur;

3.   Jinnota li wieħed mill-prinċipji ewlenin tad-dritt internazzjonali privat dwar il-ġurisdizzjoni huwa l-protezzjoni tal-parti l-aktar dgħajfa u li l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiem huwa stipulat fir-regoli ta' ġurisdizzjoni attwali;

4.  Jinnota li l-ħaddiema huma ġeneralment protetti sew mir-regoli ta' ġurisdizzjoni, f’materji ta’ impjieg, meta jkunu konvenuti f'kawżi mressqa mill-impjegaturi tagħhom permezz tal-kriterji ta’ ġurisdizzjoni esklużivi stabbiliti fir-Regolament Brussell I;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-qafas ġuridiku kurrenti skont ir-Regolament Brussell I iqisx suffiċjentement l-ispeċifiċitajiet tal-azzjonijiet fis-settur tal-impjiegi;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għall-kwestjonijiet li ġejjin:

(a) jekk f’dak li għandu x’jaqsam mar-responsabilità ta’ ħaddiem jew ta’ impjegat, jew ta’ organizzazzjoni li tirrappreżenta l-interessi professjonali tal-ħaddiema jew tal-impjegati, għad-danni kkawżati minn azzjoni industrijali, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Brussell I kif riformulat jirreferix għal-lok fejn se ttieħed l-azzjoni industrijali jew fejn tkun ittieħdet l-istess azzjoni, u jekk l-allinjament mal-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma II ikunx necessarju;

(b) Jekk, fil-każijiet fejn l-impjegat ifittex lil min iħaddmu, il-klawżola standard sekondarja li tkun tapplika fejn ma jkunx hemm lok abitwali tax-xogħol għandha tinbidlilha d-diċitura għal-lok tan-negozju li minnu l-impjegat jirċievi jew ikun irċieva l-istruzzjonijiet kwotidjani aktar milli l-lok tan-negozju fejn ġie ingaġġat;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

(1)

Sentenza tal-Qorti (is-Sitt Kamra) tal-5 ta’ Frar 2004 fil-kawża C-18/02, Danmarks Rederiforening, inrappreżentanza ta’ DFDS Torline A/S v LO Landsorganisationen i Sverige, inrappreżentanza ta’ SEKO Sjöfolk Facket för Service och Kommunikation, ECR 2004 p. I-01417.

(2)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Diċembru 2007 fil-Kawża C-341/05, Laval un Partneri Ltd v Svenska Byggnadsarbetareförbundet, Svenska Byggnadsarbetareförbundets avdelning 1, Byggettan and Svenska Elektrikerförbundet, ECR 2007 p. I-11767.

(3)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-11 ta’ Diċembru 2007 fil-Kawża Case C-438/05, International Transport Workers’ Federation and Finnish Seamen’s Union v Viking Line ABP and OÜ Viking Line Eesti, ECR 2007 p. I-10779.

(4)

Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.

(5)

Il-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali, ĠU C 077, 28.3.2002, p. 1.

(6)

Ara, b’mod partikolari, iċ-ċirkostanzi marbutin mal-Kawża Case C-438/05, International Transport Workers’ Federation and Finnish Seamen’s Union v Viking Line ABP and OÜ Viking Line Eesti, ECR 2007 p. I-10779.


NOTA SPJEGATTIVA

Nhar it-12 ta’ Diċembru 2012, ġiet iffirmata r-riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali(1). Ir-riformulazzjoni tar-regolametn daħħlet att ta’ titjibiet maġġuri, b’mod partikolari l-abolizzjoni tal-proċedura tal-exequatur li tfisser li l-eżekuzzjoni ta' sentenza fi Stat Membru ieħor se tkun ferm eħfef fil-ġejjieni.

B’dana kollu, il-kamp ta’ riferiment tal-proċedura ta’ riformulazzjoni ma koprix ċerti aspetti tar-regoli tal-ġurisdizzjoni li japplikaw għad-dritt tax-xogħol, ukoll jekk bosta akkademiċi jemmnu li hemm ħtieġa ta' aġġustamenti f'dan il-qasam.

Dik hi r-raġuni l-għala l-Kumitat għall-Affarijiet Legali ddeċieda li joħroġ rapport ta’ inizjattiva proprja dwar il-kwestjoni tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tad-dritt tax-xogħol, invista tal-emendar li ġej tar-Regolament Brussell I.

Għadd ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat u d-dritt tax-xogħol qanqlu l-biżgħat li r-regoli tal-Unjoni Ewropea jistgħu jolqtu r-regoli li jipproteġu jeddijiet il-ħaddiema fl-Istati Membri. Ir-rapporteur jemmen li dawn il-biżgħat huma eżaġerati, imma li xi titjib hu f’loku biex ikun żgurat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tkunx imminata fis-suq intern.

Id-dritt tax-xogħol hu qasam li fih l-Unjoni Ewropea għandha biss influwenza relattivament minuri. Stati Membri differenti sabu l-ekwilibriju bejn jeddijiet il-ħaddiema, l-attività tat-trade unions u l-libertà tan-negozju b’modi differenti. Mhux kompitu tal-Unjoni Ewropea, f’dan il-waqt, li tittanta tinterferixxi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam – x’sar mill-proposta għar-Regolament Monti II dwar il-jedd għall-istrajk juri li dan hu qasam estremament delikat.

B’dana kollu, fid-dawl tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema u l-kapital fl-Unjoni Ewropea, l-Unjoni ppreskriviet regoli li jirregolaw, f’sitwazzjonijiet transfronterjali, liema ġurisdizzjonijiet tal-Istati Membri għandhom il-jedd jaqtgħu l-kwistjonijiet, inkluż fil-qasam tad-dritt tax-xogħol.

Kif ġie spjegat aktar ’il fuq, id-dritt tax-xogħol hu qasam partikolarment delikat, u r-regoli speċifiċi eżistenti tar-Regolament Brussell I għall-kuntratti ta’ impjieg individwali jirriflettuh dan. Billi l-objettiv tar-rapporteur hu li ma tħallix li r-regoli tal-Istati Membri individwali dwar l-impjieg jiġu mminati mill-ġurisdizzjonijiet ta’ Stati Membri oħrajn, temmen li hu importanti li jkun żgurat li, kemm jista’ jkun, Stat Membru jkollu ġurisdizzjoni fil-kwisjonijiet fejn id-dritt tiegħu tax-xogħol ikun applikabbli. Il-ġurisdizzjoni u d-dritt applikabbli għandhom ikunu dawk tal-istess Stat Membru, safejn dan ikun possibbli.

Dan il-prinċipju għandu jkun applikat għal żewġ oqsma differenti: l-azzjoni industrijali (I.) u l-kuntratti ta’ impjieg individwali (II.).

I. Azzjoni industrijali

Il-jeddijiet u l-obbligi, kif ukoll ir-rwol skont il-liġi, tat-trade unions u organizzazzjonijiet simili jvarja minn Stat Membru għal ieħor. L-azzjoni kollettiva li hi protetta bil-liġi mill-kostituzzjoni f’xi Stati Membri tista’ tkun illegali f’xi oħrajn, ngħidu aħna jekk ma tiġix segwita proċedura speċifika.

Hu u jirrikonoxxi din is-sitwazzjoni, l-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma II dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali(2) jispeċifika li ‘il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali fir-rigward tar-responsabbiltà ta' persuna fil-kapaċità ta' ħaddiem jew ta' persuna li tħaddem jew ta' l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi professjonali tagħhom għal danni kkawżati b'azzjoni industrijali, pendenti jew eżegwita, għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn l-azzjoni tkun sejra titwettaq jew diġà twettqet’.

Din id-dispożizzjoni tiżgura li, fl-evenjent ta' azzjoni industrija, id-dritt li jiġi applikat ikun dak tal-Istat Membru inkwestjoni. Fil-kawża Torline(3), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fl-2004 li, skont ir-regoli invigore dak iż-żmien, kien jinkombi fuq il-qrati Daniżi li jieħdu deċiżjoni fuq il-legalità tal-azzjoni industrijali li kienet għaddeja fl-Isvezja, u li tikkundanna kwantu għad-danni. Ir-Regolament Ruma II issa jikkjarifika li d-dritt Svediż ikun applikabbli, imma r-regoli tal-ġurisdizzjoni ma nbidlux bir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni), u dan ifisser li l-qorti Daniża xorta tkun għadha tiddeċiedi l-legalità o meno tal-azzjoni, iżda billi tapplika d-dritt Svediż.

Dan għandu l-potenzjal ikun ta' żvantaġġ għall-ħaddiema u għall-uffiċjali tat-trade union li jkunu qed jeżerċitaw il-jeddijiet kostituzzjonali tagħhom, imma jkun ifisser ukoll li, f’xi każijiet, il-qrati li jkun qed jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-azzjoni industrijali jkollhom japplikaw dritt barrani, u b’hekk neċessarjament inaqqsu l-kwalità tal-ġustizzja billi jkunu anqas familjari mar-regoli barranin dwar l-azzjoni industrijali.

Ir-rapporteur għalhekk temmen li r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni għal kwistjonijiet dwar ir-relazzjonijiet tax-xogħol jeħtieġ li jkunu allinjati mar-regoli rilevanti tad-dritt applikabbli. Il-qorti tal-Istat Membru fejn se tittieħed jew tkun ittieħdet l-azzjoni industrijali għandha għalhekk ikollha ġurisdizzjoni taqta’ l-kwistjonijiet marbutin mal-istess.

II. Kuntratti individwali ta' impjieg

Dwar il-kuntratti individwali ta’ impjieg, ir-Regolament Brussell I ta’ bħalissa ġa jirrikonoxxi sitwazzjoni speċifika billi jiddisponi ċerti regoli speċjali ta’ protezzjoni għall-impjegati, bl-istess mod li fih regoli speċjali ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u l-persuni assikurati.

B’dana kollu, ir-rapporteur tħoss li r-regoli ta’ bħalissa għandhom jittejbu bil-kbir. Ġa sar xi titjib bil-bidliet ta’ dan l-aħħar għar-Regolament Brussell I, imma ma ngħatax biżżejjed qies lin-ness importanti bejn il-ġurisdizzjoni fil-kwistjonijiet ta' impjieg u l-ordinament ġuridiku applikabbli għall-kuntratt tal-impjieg.

Fil-każijiet fejn min iħaddem ikun il-konvenut, kawża tista’ tiġi intentata, skont it-termini tal-Artikolu 21 tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni), jew fid-domiċilju ta’ min iħaddem jew inkella fil-lok fejn jew minn fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu (jew l-aħħar lok minn fejn għamel dan jekk ma jkunx għadu aktar fl-impjieg ta’ dak li kien iħaddmu). Jekk ma jkun jista’ jiġi identifikat l-ebda lok abitwali tax-xogħol (jew lok li minnu x-xogħol kien abitwalment isir), dak il-kriterju jiġi sostitwit mil-lok fejn in-negozju li jkun ingaġġa lill-impjegat ikun ubikat.

Il-kriterju standard sekondarju tal-lok tan-negozju li jkun ingaġġa rarament ikun rilevanti, billi ukoll fil-każijiet fejn ma jkunx hemm lok stabbli ta’ xogħol, ikun hemm normalment bażi stabbli li minnha l-impjegat iwettaq xogħlu. B’dana kollu, jistgħu jqumu l-problemi fis-settur tat-trasport internazzjonali: persunali tal-linji tal-ajru, sewwieqa tat-trakkijiet, trasport marittimu, eċċ. F’dawn il-każijiet, ikun ta’ sikwit diffiċli li jkun determinat minn fejn ħadem l-impjegat, billi l-kumpanija u l-mezzi ta’ trasport jistgħu jkunu reġistrati fi Stati Membri differenti, il-ġestjoni rilevanti tista’ tkun ubikati fi Stat Membru terz u l-abitazzjoni tal-impjegat terġa’ fi Stat Membru ieħor.

F’dan is-sens, il-lok ta’ negozju li jkun ingaġġa hu, bħala kriterju, ġeneralment la loġiku u lanqas fl-interess tal-impjegat, billi ta’ sikwit ma jkun hemm l-ebda ness veru bejn dak il-lok tan-negozju li jkun ingaġġa u x-xogħol kwotidjan(4).

Ir-rapporteur għaldaqstant tipproponi l-abolizzjoni tal-kriterju standard sekondarju tal-lok ta’ negozju li jkun ingaġġa. L-adozzjoni tal-kriterju li jkopri kollox tar-Regolament Ruma II (il-lok b’ness eqreb invista taċ-ċirkostanzi(5)) mhux biżżejjed preċiż għad-determinazzjoni minn qabel tal-ġurisdizzjoni.

Ir-rapporteur għalhekk jipproponi kriterju standard sekondarju tal-lok ta’ negozju li jkun jagħti struzzjonijiet kwotidjani lill-impjegat dwar ix-xogħol li għandu jsir. In-ness bejn il-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni u r-rapport attwali ta’ impjieg għalhekk x'aktarx ikun isħaħ f'dawk il-każijiet fejn ikun meħtieġ kriterju standard sekonarju minħabba fl-assenza ta' lok abitwali tax-xogħol.

III. Konklużjoni

Fid-dawl tas-suddett, ir-rapporteur għaldaqstant tipproponi l-bidliet segwenti għar-regoli Brussell I dwar il-ġurisdizzjoni fil-kamp tad-dritt tax-xogħol:

1. forum għall-kwistjonijiet marbutin mal-azzjonijiet industrijali, inlinja mar-Regolament Ruma II, fil-lok fejn l-azzjoni industrijali tkun se tittieħed jew tkun ittieħdet;

2. fil-każijiet fejn l-impjegat ifittex lil min iħaddmu, sostituzzjoni fid-diċitura tal-klawżola standard sekondarja fejn ma jkunx hemm lok abitwali tax-xogħol billi tibda tirreferi għal-lok tan-negozju li minnu l-impjegat ikun irċieva l-istruzzjonijiet kwotidjani aktar milli l-lok tan-negozju fejn ġie ingaġġat.

skop ta’ dawn il-bidliet hu li jipproteġu kollettivament u individwalment lill-impjegati, li jkunu ġeneralment il-parti l-aktar dgħajfa fir-relazzjonijiet tax-xogħol, u wkoll li tkun żgurata l-konsistenti fil-liġijiet u l-prevenzjoni tal-imminar tat-tradizzjonijiet ġuridiċi nazzjonali fil-qasam tad-dritt tax-xogħol billi jkun żgurat, safejn dan ikun possibbli, li l-ġurisdizzjoni u d-dritt applikabbli jkunu jikkombaċjaw.

(1)

Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.

(2)

Regolament(KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Rome II), ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.

(3)

Sentenza tal-Qorti (is-Sitt Kamra) tal-5 ta’ Frar 2004 fil-kawża C-18/02, Danmarks Rederiforening, inrappreżentanza ta’ DFDS Torline A/S v LO Landsorganisationen i Sverige, inrappreżentanza ta’ SEKO Sjöfolk Facket för Service och Kommunikation, ECR 2004 p. I-01417.

(4)

Ugljesa Grusic, Jurisdiction in employment matters under Brussels I: a reassessment, I.C.L.Q. 2012, 61(1), 91-126.

(5)

Artikolu 8(4).


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (5.9.2013)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar it-titjib tad-dritt internazzjonali privat: regoli dwar il-ġurisdizzjoni applikabbli għall-impjieg

(2013/2023(INI))

Rapporteur għal opinjoni: imressqa minn Ria Oomen-Ruijten

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi r-riformulazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni)) ma indirizzatx ir-regoli ta' ġurisdizzjoni applikabbli fir-rigward tat-tilwimiet dwar l-impjiegi;

B.  billi l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001(1) jipprevedi li t-teknika tar-riformulazzjoni għandha tintuża għal atti li huma emendati b’mod frekwenti, li ma kienx il-każ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000; billi, f’każijiet bħal dawn l-użu tat-teknika tar-riformulazzjoni huwa limitazzjoni mhux ġustifikata tad-drittijiet ta’ kodeċiżjoni tal-Parlament;

C. billi, fil-prinċipju, il-qorti tal-Istat Membru bl-eqreb rabta mal-każ għandu jkollha l-ġurisdizzjoni; billi, fil-każ speċifiku ta' azzjoni industrijali, il-qrati tal-Istat Membru fejn l-azzjoni industrijali ttieħdet jew se tittieħed għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni;

1.  Jinnota li wieħed mill-prinċipji ewlenin tad-dritt internazzjonali privat dwar il-ġurisdizzjoni huwa l-protezzjoni tal-parti l-aktar dgħajfa u li l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiem huwa stipulat fir-regoli ta' ġurisdizzjoni attwali;

2.  Jinnota li l-ħaddiema huma ġeneralment protetti sew mir-regoli ta' ġurisdizzjoni, f’materji ta’ impjieg, meta jkunu konvenuti f'kawżi mressqa mill-impjegaturi tagħhom permezz tal-kriterji ta’ ġurisdizzjoni esklużivi stabbiliti fir-Regolament Brussell I;

3.  Jitlob li jittieħdu passi għat-titjib tar-regoli ta' ġurisdizzjoni applikabbli għall-proċedimenti rigward kuntratti individwali ta' impjieg;

4.  Jitlob li l-Kummissjoni tipproponi emenda għar-Regolament Brussell I li tipprovdi għal forum esklużiv għal tilwim li jikkonċerna l-azzjoni industrijali, fil-post fejn għandha tittieħed jew ittieħdet l-azzjoni industrijali;

5.  Jitlob li l-Kummissjoni tipproponi emenda għall-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell I biex tiżgura li l-ħaddiem jista’ jfittex lill-impjegatur tiegħu fil-qrati tal-Istat Membru fejn il-ħaddiem ikun domiċiljat.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Heinz K. Regina Bastos, Edit Bauer, Heinz K. Becker, Jean-Luc Bennahmias, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Minodora Cliveti, Marije Cornelissen, Emer Costello, Frédéric Daerden, Sari Essayah, Richard Falbr, Marian Harkin, Stephen Hughes, Jean Lambert, Verónica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Siiri Oviir, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Ruža Tomašić, Traian Ungureanu, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Malika Benarab-Attou, Richard Howitt, Anthea McIntyre, Ria Oomen-Ruijten, Antigoni Papadopoulou, Csaba Sógor

(1)

Il-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali, ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Klaus-Heiner Lehne, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Jiří Maštálka, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Alexandra Thein, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Eva Lichtenberger, Angelika Niebler, József Szájer, Axel Voss

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Olle Schmidt

Avviż legali - Politika tal-privatezza