RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2011/025 IT/Lombardia mill-Italja)
20.9.2013 - (COM(2013)0470 – C7‑0206/2013 – 2013/2138(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Salvador Garriga Polledo
MOZZJONI UROPEANGĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2011/025 IT/Lombardia mill-Italja)
(COM(2013)0470 – C7‑0206/2013 – 2013/2138(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0470 – C7-0206/2013),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (FII tas-17 ta’ Mejju 2006)[1], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ir-Regolament FEG)[2],
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 28 tal-FII tas-17 ta’ Mejju 2006,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0294/2013),
A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex jingħata appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twessa' għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2011 biex jinkludi sostenn għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;
C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta’ Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG;
D. billi l-Italja ressqet l-applikazzjoni EGF/2011/025 IT/Lombardia għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-529 sensja fil-Lombardia, b'480 ħaddiem fil-mira tal-miżuri kofinanzjati mill-FEG, matul il-perjodu ta' referenza mill-20 ta’ Marzu 2011 sal-20 ta’ Diċembru 2011;
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li għalhekk l-Italja hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;
2. Jinnota b'dispjaċir li l-awtoritajiet Taljani ressqu l-applikazzjoni għall-kontribuzzjoni finanzjarja FEG fit-30 ta' Diċembru 2011, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni Ewropea fit-28 ta' Ġunju 2013; jiddispjaċih dwar il-perjodu ta’ evalwazzjoni twil ta’ 18-il xahar;
3. Jinnota li l-Lombardia, ir-reġjun bl-akbar prosperità fl-Italja li jipproduċi 20 % tal-PDG Taljan, għandu bżonn jindirizza sfidi strutturali prinċipali aggravati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja; jilqa' l-fatt li għat-tieni darba, il-Lombardia qed tagħmel użu mill-għajnuna tal-FEG sabiex titratta d-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali;
4. Jistieden lill-awtoritajiet Taljani jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-appoġġ mill-FEG u jinkoraġġixxu n-numru massimu ta' ħaddiema jipparteċipaw fil-miżuri; ifakkar li l-ewwel interventi tal-FEG fl-Italja kienu kkaratterizzati minn rata relattivament baxxa ta' implimentazzjoni tal-baġit l-aktar minħabba rati ta' parteċipazzjoni baxxi;
5. Jenfasizza li l-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq is-settur tal-ICT u li l-FEG appoġġa ħaddiema li ngħataw is-sensja f'dan is-settur (każijiet: EGF/2011/016 IT/Agile u EGF/2010/012 NL/Noord Holland);
6. Jinnota li s-settur Taljan tal-ICT ilu jbati minn kompetizzjoni qawwija minn pajjiżi bi prezzijiet baxxi għal dawn l-aħħar għaxar snin; il-ħtieġa li s-settur jerġa' jiġi organizzat mill-ġdid minħabba l-ħolqien rapidu ta' teknoloġiji ġodda, bħall-cloud computing, tipi differenti ta' servizzi elettroniċi, netwerks soċjali eċċ., ilha rikonoxxuta bħala sfida għal għadd ta' snin; id-distakk diġitali bejn l-Italja u pajjiżi Ewropej ewlenin kif ukoll pajjiżi oħra fid-dinja twessa' aktar minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kkawżat mill-kriżi; dawn l-iżviluppi kollha wasslu għat-tnaqqis fil-persunal fis-settur tal-ICT fin-negozji Taljani mill-2009 'l hawn;
7. Jilqa' pożittivament il-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tal-miżuri personalizzati fl-1 ta' Marzu 2012, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;
8. Jinnota li sabiex l-impatt soċjali tas-sensji fis-settur tal-ICT ikun limitat, ġew użati b'mod estensiv xbieki ta' sigurtà soċjali bħall-fond għall-kumpens tal-pagi (CIG) li pprovdew benefiċċji finanzjarji lill-ħaddiema bħala kumpens għall-pagamenti tas-salarji; jinnota b'sodisfazzjoni li l-awtoritajiet Taljani ma talbu l-ebda appoġġ tal-FEG biex jiffinanzjaw l-allowances għas-sussistenza;
9. Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi kofinanzjat, jinkludi miżuri għall-integrazzjoni mill-ġdid ta' 480 ħaddiem lura f'impjieg, bħal tekniki tal-intervisti, it-tfassil ta' profili ta' ħiliet, id-definizzjoni tal-perkors, il-monitoraġġ, il-koordinazzjoni u l-ġestjoni tal-pjan ta' intervent personali, tutoring u gwida dwar ix-xogħol, l-esplorazzjoni ta' opportunitajiet ta' xogħol ma' impjegaturi ġodda, it-tqabbil ta' ħiliet mal-impjiegi, servizz ta' mentoring matul l-ewwel fażi ta' impjieg ġdid, pariri u appoġġ għal impjieg indipendenti, tutoring u appoġġ matul l-apprendistat;
10. Jinnota li miżuri ta' taħriġ u taħriġ mill-ġdid mhumiex inklużi fil-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati minħabba l-fatt li dawk il-miżuri se jkunu ffinanzjati permezz ta' sorsi reġjonali;
11. Jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali, u partikolarment l-involviment tat-trejdjunjins fil-livell lokali (CGIL, CISL, UIL, CISAL)[3], ġew ikkonsultati dwar it-tfassil tal-miżuri tal-pakkett koordinat tal-FEG, u li politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni se jiġu applikati matul id-diversi fażijiet tal-implimentazzjoni tal-FEG u fl-aċċess għalih;
12. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent kummerċjali reali;
13. Jinnota li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati, ikkonsultat mal-imsieħba soċjali, jinkludi miżuri relatati mal-parir dwar il-karrieri u l-ippjanar, mentoring, tqabbil ta' ħiliet u xogħol kif ukoll appoġġ għall-impjieg indipendenti u l-apprendistat;
14. Jinnota li l-informazzjoni mogħtija dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq li l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
15. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-arranġamenti proċedurali sabiex jaċċeleraw il-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG; jittama li jiġi integrat aktar titjib proċedurali u li jinkisbu effiċjenza, trasparenza u viżibilità akbar tal-FEG;
16. Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid f'impjieg stabbli ta' ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg sostenibbli u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma l-kompetenza tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas ma għandha tissostitwixxi l-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;
17. Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq fil-Kunsill dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tar-regolament FEG, għall-perjodu 2014-2020, il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, li jippermetti l-għoti ta' assistenza finanzjarja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali apparti lil dawk li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija;
18. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
ta'...
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2011/025 IT/Lombardia mill-Italja)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[3],
Billi:
(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jintegraw mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.
(2) Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 sat-30 ta’ Diċembru 2011 biex jinkludi appoġġ lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.
(3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG fi ħdan il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.
(4) L-Italja ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward ta’ sensji fl-intrapriżi Anovo Italia S.p.A. u Jabil CM S.r.l, fit-30 ta’ Diċembru 2011 u ssupplimentata b'informazzjoni addizzjonali sat-12 ta’ Marzu 2013. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li timmobilizza l-ammont ta' EUR 1 164 930.
(5) Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Italja,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 164 930 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
NOTA SPJEGATTIVA
I. L-isfond
Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta' EUR 500 miljun, meħud minn kwalunkwe marġni taħt il-limitu massimu tan-nefqa globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet ta' impenn ikkanċellati mis-sentejn ta' qabel, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala provvediment hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġnijiet suffiċjenti u/jew l-impenji kkanċellati.
Fir-rigward tal-proċedura, sabiex il-Fond jiġi attivat, il-Kummissjoni, fil-każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, tippreżenta proposta lill-awtorità baġitarja għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tressaq talba korrispondenti għat-trasferiment. B'mod parallel, jista' jiġi organizzat trilogu sabiex jinstab qbil dwar l-użu tal-Fond u l-ammonti meħtieġa. It-trilogu jista' jkun f'forma semplifikata.
II. L-applikazzjoni tal-Lombardia u l-proposta tal-Kummissjoni
Fit-28 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur l-Italja bħala appoġġ għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja f'Anovo Italia S.p.A. u Jabil CM S.r.l. minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni.
Din hija l-ħames applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-kuntest tal-baġit tal-2013 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 1 164 930 mill-FEG għall-Italja. Din tirrigwarda 529 sensja f'żewġ intrapriżi Taljani fis-settur tal-ICT, Anovo Italia S.p.A. u Jabil CM S.r.l., b'480 ħaddiem fil-mira għal miżuri kofinanzjati mill-FEG matul il-perjodu ta' referenza mill-20 ta' Marzu 2011 sal-20 ta' Diċembru 2011. It-322 sensja f'Jabil CM S.r.l. ġew ikkalkolati skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-207 sensji f'Anovo Italia S.p.A. ġew ikkalkolati skont it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.
L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Diċembru 2011, li ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali sat-12 ta’ Marzu 2013. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.
L-awtoritajiet Taljani jisħqu li t-tnaqqis fid-domanda u l-investiment fl-ICT, kemm min-naħa tal-konsumaturi u kemm tal-intrapriżi b'riżultat tal-kriżi, ikkontribwixxa b'mod sinifikanti lejn it-tnaqqis fir-ritmu fis-settur Taljan tal-ICT u tal-komponenti elettroniċi (NACE 26)[3] mill-2009 'l hawn[4].
L-awtoritajiet Taljani jiddikjaraw li s-settur tal-ICT fl-Italja kien mar pjuttost tajjeb fil-perjodu mill-2005 sal-2008 u kiseb livell raġonevoli ta' attività ekonomika partikolarment meta mqabbel ma' setturi oħra tal-ekonomija Taljana, u dan minkejja kompetizzjoni qawwija tul dawn l-aħħar għaxar snin minn kumpaniji tal-ICT f'pajjiżi bi spejjeż baxxi tal-produzzjoni (ara l-punt li jmiss). B'riżultat tal-kriżi madankollu, ix-xejra pożittiva tul is-snin sal-2008 inbidlet, b'rati negattivi ta' tkabbir f'bosta oqsma tal-ICT, pereżempju l-qasam tal-IT: – 9 % fl-2009, – 2.5 % fl-2010, – 4.1 % fl-2011 (rati ta' tkabbir negattivi meta mqabbla mas-snin preċedenti rispettivi).
Is-settur Taljan tal-ICT ilu jbati minn kompetizzjoni qawwija minn pajjiżi bi prezzijiet baxxi għal dawn l-aħħar għaxar snin, u l-ħtieġa li s-settur jerġa' jiġi organizzat mill-ġdid minħabba l-ħolqien rapidu ta' teknoloġiji ġodda, bħall-cloud computing, tipi differenti ta' servizzi elettroniċi, netwerks soċjali eċċ., ilha rikonoxxuta bħala sfida għal għadd ta' snin. Id-distakk diġitali bejn l-Italja u pajjiżi Ewropej ewlenin kif ukoll pajjiżi oħra fid-dinja, twessa' aktar minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kkawżat mill-kriżi. Dawn l-iżviluppi kollha wasslu għat-tnaqqis fil-persunal fis-settur tal-ICT fl-intrapriżi Taljani mill-2009 'l hawn.
L-awtoritajiet Taljani jisħqu li t-tnaqqis kbir fis-settur tal-ICT fl-Italja b'riżultat tal-kriżi laqat ukoll iż-żewġ intrapriżi li huma s-suġġett ta' din il-proposta: Anovo Italia S.p.A. (fil-provinċja ta' Varese) u Jabil CM S.r.l. (fil-provinċja ta' Milan). Is-sitwazzjoni diġà diffiċli tagħhom kompliet teħżien, u l-isforzi li saru f’dawn l-aħħar snin għall-konverżjoni u l-organizzazzjoni mill-ġdid fallew, u dan wassal sabiex dawn l-intrapriżi għalqu u taw is-sensja lill-ħaddiema.
Il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi kofinanzjat jinkludi miżuri għall-integrazzjoni mill-ġdid ta' 480 ħaddiem lura f'impjieg, bħal tekniki tal-intervisti, it-tfassil ta' profili ta' ħiliet, id-definizzjoni tal-perkors, il-monitoraġġ, il-koordinazzjoni u l-ġestjoni tal-pjan ta' intervent personali, tutoring u gwida dwar ix-xogħol, l-esplorazzjoni ta' opportunitajiet ta' xogħol ma' impjegaturi ġodda, it-tqabbil ta' ħiliet mal-impjiegi, servizz ta' mentoring matul l-ewwel fażi ta' impjieg ġdid, pariri u appoġġ għal impjieg indipendenti, tutoring u appoġġ matul l-apprendistat.
Skont l-awtoritajiet Taljani, il-miżuri mibdija fil-15 ta' Marzu 2012 flimkien jiffurmaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati u jirrappreżentaw miżuri attivi għas-suq tax-xogħol immirati biex jintegraw mill-ġdid lill-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.
Fir-rigward tal-kriterji inklużi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Taljani fl-applikazzjoni tagħhom:
· ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tissostitwixxix miżuri li huma l-kompetenza tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;
· urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u m'għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;
· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE.
Fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, l-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi ġestita kif ġej: Il-Ministero del lavoro e delle politiche sociali – Direzione Generale per le Politiche attive e Passive del lavoro (MLPS – DG PAPL) huwa l-awtorità ta' ġestjoni, ċertifikazzjoni u ta' awditjar (MLPS – DG PAPL Ufficio A bħala l-awtorità ta' ġestjoni; MLPS – DG PAPL Ufficio B bħala l-awtorità ta' ċertifikazzjoni u MLPS – DG PAPL Ufficio C bħala l-awtorità ta' awditjar). Ir-Regione Lombardia se jkun il-korp intermedju għall-awtorità ta' ġestjoni fil-livell reġjonali. Fl-applikazzjoni FEG tagħha (parti I), l-Italja ddeskriviet sistema dettaljata ta' ġestjoni u ta' kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet rispettivi tal-atturi involuti fil-livelli nazzjonali u reġjonali.
III. Il-proċedura
Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment għal ammont globali ta' EUR 1 164 930 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 05 01).
Din hi l-ħames proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ippreżentata lill-Awtorità Baġitarja fl-2013. L-ammont propost tal-kontribuzzjoni finanzjarja se jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-FEG jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif meħtieġ mill-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.
It-trilogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG jista' jieħu forma semplifikata, kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi ġuridika, għajr fin-nuqqas ta' qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.
Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.
- [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
- [2] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
- [3] Is-settur NACE 26 jinkludi varjetà ta' attivitajiet, inklużi l-manifattura ta’ prodotti tal-kompjuter u elettroniċi, tagħmir ottiku u elettriku, strumenti tal-kejl, arloġġi tal-idejn u arloġġi kif ukoll attivitajiet ta’ servizzi relatati mal-produzzjoni ta’ softwer, konsulenza u attivitajiet relatati.
- [4] Is-sorsi kkwotati mill-Italja: Assinform – L-Assoċjazzjoni Taljana tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (www.assinform.it); Ir-rapport tal-2009 tal-Osservatorio ICT & PMI della School of Management del Politecnico di Milano (www.osservatori.net); ISTAT (http://www.istat.it/).
ANNESS II: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
Is-Sur Alain Lamassoure
President tal-Kumitat għall-Baġits
ASP 13E158
Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2011/025 IT/Lombardia mill-Italja (COM(2013)0470 finali)
Sur President,
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżamina l-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2011/025 IT/Lombardia u adotta l-opinjoni li ġejja.
Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond b'rabta ma' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.
Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 2(b) tar-Regolament FEG u għandha l-għan li tappoġġa 480 ħaddiem mit-total ta' 529 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul il-perjodu ta' referenza bejn l-20 ta' Marzu 2011 u l-20 ta' Diċembru 2011 f'żewġ intrapriżi li joperaw f'NACE Reviżjoni 2 id-Diviżjoni 26 "Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi'' fir-reġjun NUTS II ta' Lombardia;
B) Billi l-awtoritajiet Taljani jsostnu li s-sensji kienu kkawżati mill-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija li wasslet għal tnaqqis f'daqqa fid-domanda u l-investiment fl-ICT;
C) Billi l-awtoritajiet Taljani wrew li diversi fergħat tal-ICT fl-Italja ċkienu tul l-2009, l-2010 u l-2011;
D) Billi l-awtoritajiet Taljani jisħqu li ż-żewġ intrapriżi Anovo Italia S.p.A u Jabil CM S.r.l. diġà kienu f'sitwazzjoni diffiċli fil-kuntest tal-kompetizzjoni qawwija minn pajjiżi bi prezzijiet baxxi u li l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja wasslu għall-għeluq tagħhom u s-sensja tal-ħaddiema;
E) Billi 60,4 % tal-ħaddiema koperti mill-miżuri huma rġiel u 39,6 % huma nisa; billi 93,8 % tal-ħaddiema għandhom bejn l-24 u l-54 sena u 4,6 % tal-ħaddiema għandhom iktar minn 55 sena;
F) Billi 48,5% tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma operaturi tal-magni, impjanti u muntaturi, 31,9 % huma ħaddiema fl-artiġjanat u snajja relatati u 11,9 % huma ħaddiema ta' appoġġ/skrivani;
Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu rigward l-applikazzjoni Taljana:
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijet stipulati fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament FEG (1927/2006) huma ssodisfati u li għalhekk, l-Italja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-regolament;
2. Jinnota b'dispjaċir li l-awtoritajiet Taljani ressqu l-applikazzjoni għall-kontribuzzjoni finanzjarja FEG fit-30 ta' Diċembru 2011, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni Ewropea fit-28 ta' Ġunju 2013; jiddispjaċih dwar il-perjodu ta’ evalwazzjoni twil ta’ 18-il xahar;
3. Jenfasizza li l-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq is-settur tal-ICT u li l-FEG appoġġa ħaddiema li ngħataw is-sensja f'dan is-settur (każijiet: EGF/2011/016 IT/Agile u EGF/2010/012 NL/Noord Holland);
4. Jinnota li l-Lombardia, ir-reġjun bl-akbar prosperità fl-Italja li jipproduċi 20 % tal-PDG Taljan, għandu bżonn jindirizza sfidi strutturali prinċipali aggravati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja; jilqa' l-fatt li għat-tieni darba, il-Lombardia qed tagħmel użu mill-għajnuna tal-FEG sabiex titratta d-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali;
5. Jilqa' pożittivament il-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tal-miżuri personalizzati fl-1 ta' Marzu 2012, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;
6. Jistieden lill-awtoritajiet Taljani jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-appoġġ mill-FEG u jinkoraġġixxu n-numru massimu ta' ħaddiema sabiex jipparteċipaw fil-miżuri; ifakkar li l-ewwel interventi tal-FEG fl-Italja kienu kkaratterizzati minn rata relattivament baxxa ta' implimentazzjoni tal-baġit l-aktar minħabba rati ta' parteċipazzjoni baxxi;
7. Jinnota li sabiex l-impatt soċjali tas-sensji fis-settur tal-ICT ikun limitat, ġew użati b'mod estensiv xbieki ta' sigurtà soċjali bħall-fond għall-kumpens tal-pagi (CIG) li pprovdew benefiċċji finanzjarji lill-ħaddiema bħala kumpens għall-pagamenti tas-salarji; jinnota b'sodisfazzjon li l-awtoritajiet Taljani ma talbu l-ebda appoġġ tal-FEG biex jiffinanzjaw l-allowances għas-sussistenza;
8. Jinnota li miżuri ta' taħriġ u taħriġ mill-ġdid mhumiex inklużi fil-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati minħabba l-fatt li dawk il-miżuri se jkunu ffinanzjati permezz ta' sorsi reġjonali;
9. Jinnota li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati, ikkonsultat mal-imsieħba soċjali, jinkludi miżuri relatati mal-parir dwar il-karrieri u l-ippjanar, mentoring, tqabbil ta' ħiliet u xogħol kif ukoll appoġġ għall-impjieg indipendenti u l-apprendistat;
Dejjem tiegħek,
Is-Sur Pervenche Berès
ANNESS III : ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
Is-Sur Alain LAMASSOURE
President
Kumitat għall-Baġits
Parlament Ewropew
Bât. Altiero Spinelli,13E205B-1047 Brussell
Suġġett:
Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2012/008 IT/De Tomaso Automobili mill-Italja)
COM(2013)0469- C7-0207/2013 - 2013/2139(BUD)
Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2011/025 IT/Lombardia mill-Italja)
COM(2013)0470- C7-0206/2013 - 2013/2138(BUD)
Sur Lamassoure,
Il-Kummissjoni Ewropea infurmat lill-Parlament Ewropew fil-proposti għal deċiżjonijiet tagħha tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li, abbażi taż-żewġ applikazzjonijiet imressqa mill-Italja biex jiġi mobilizzat il-Fond skont l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) 1927/2006, u skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba, u skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament imsemmi hawn fuq, qed tipproponi l-mobilizzazzjoni tal-Fond kif ġej:
1. Fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa mill-Italja skont l-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) 1927/2006, b'rabta mal-1 030 sensja f'De Tomaso Automobili S.p.A., il-Kummissjoni qed tipproponi li timmobilizza ammont ta' EUR 2 594 672;
2. Fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa mill-Italja skont l-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) 1927/2006, b'rabta mal-529 sensja f'żewġ intrapriżi li joperaw f'NACE Reviżjoni 2 id-Diviżjoni 26 "Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi'' fir-reġjun NUTS II ta' Lombardia (ITC4), il-Kummissjoni qed tipproponi li timmobilizza ammont ta' EUR 1 164 930.
Sabiex jiġi evitat dewmien bla bżonn fl-approvazzjoni ta' dawn il-miżuri, bi pjaċir ninfurmawk li l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali m'għandux oġġezzjoni għall-mobilizzazzjonijiet proposti tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jiġu allokati l-ammonti msemmija hawn fuq kif propost mill-Kummissjoni, u f'konformità mar-regoli stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 u fir-Regolament (KE) Nru 1927/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006, li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.
Dejjem tiegħek,
Danuta Hübner
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
18.9.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
33 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marta Andreasen, Reimer Böge, Zuzana Brzobohatá, Jean Louis Cottigny, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Ivars Godmanis, Lucas Hartong, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Claudio Morganti, Vojtěch Mynář, Juan Andrés Naranjo Escobar, Dominique Riquet, László Surján, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Angelika Werthmann |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexander Alvaro, Frédéric Daerden, Jürgen Klute, Paul Rübig, Peter Šťastný, Nils Torvalds, Catherine Trautmann, Adina-Ioana Vălean |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Elena Oana Antonescu, Andrzej Grzyb, Ivana Maletić, Marian-Jean Marinescu, Traian Ungureanu, Iuliu Winkler |
||||