RAPPORT dwar L-għarfien dwar il-baħar 2020: L-immappjar ta’ qiegħ il-baħar għall-promozzjoni ta' sajd sostenibbli

26.9.2013 - (2013/2101(INI))

Kumitat għas-Sajd
Rapporteure: Maria do Céu Patrão Neves

Proċedura : 2013/2101(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0295/2013
Testi mressqa :
A7-0295/2013
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar L-għarfien dwar il-baħar 2020: L-immappjar ta’ qiegħ il-baħar għal skopijiet ta' sajd

(2013/2101(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Awwissu 2012 bit-titolu ‘Għarfien dwar il-Baħar 2020 – mill-immappjar ta’ qiegħ il-baħar għat-tbassir oċeaniku’ (COM(2012)0473),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Settembru 2010 bit-titolu ‘Għarfien dwar il-Baħar 2020 – dejta u osservazzjoni tal-baħar għat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli (COM(2010)0461),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta' Frar 2008 dwar it-twaqqif ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, l-immaniġġjar u l-użu ta' data fis-settur tas-sajd u dwar l-appoġġ għall-parir xjentifiku rigward il-politika komuni tas-sajd,

–   Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2013 għal direttiva li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta (COM(2013)133),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2012 bit-titolu ‘Tkabbir Blu – opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar u dak marittimu' (COM(2012)0494),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-istabbilizzazzjoni ta' qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ambjentali tal-baħar (Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima) (Direttiva 2008/56/KE),

–   Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (Direttiva 2007/2/KE),

–   Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (Direttiva 2003/98/KE),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013),

–   Wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Lulju 2012 intitolata "Lejn aċċess aħjar għall-informazzjoni xjentifika: Jingħataw spinta l-benefiċċji tal-investimenti pubbliċi fir-riċerka’ (COM(2102)0401),

–   wara li kkunsidra li r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2012 dwar l-aċċess għal u l-preservazzjoni tal-informazzjoni xjentifika (2012/417/UE),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2002 rigward l-implimentazzjoni ta' Amministrazzjoni Integrata taż-Żona Kostali fl-Ewropa (Rakkomandazzjoni 2002/413/KE),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-11 ta' Settembru 2012 bit-titolu ‘Il-progress tal-Politika Marittima Integrata tal-UE’ (COM(2012)0491),

–   Wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-29 ta' Awwissu 2012 dwar l-evalwazzjoni interim tan-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Dejta tal-Ibħra (SWD(2012)0250),

–   Wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2012 bit-titolu ‘Roadmap for a European marine observation and data network’ (Pjan Direzzjonali għal Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Dejta tal-Ibħra) (Ares(2012)275043),

–   Wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-8 ta' Settembru 2010 dwar l-evalwazzjoni tal-impatt tan-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Dejta tal-Ibħra (SEC(2010)0998),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu: ‘Europa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

–   Wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2010 dwar ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika dwar infrastruttura tad-dejta tal-ibħra (SEC(2010)0073),

–   Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-politika marittima integrata u l-2973 laqgħa (Affarijiet Ġenerali u Kunsill għar-Relazzjonijiet Esterni) tas-16 ta' Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ottubru 2009 bit-titolu ‘Konklużjonijiet mill-Konsultazzjoni dwar Politika Marittima Ewropea’ (COM(2009)0540),

–   Wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2009 bit-titolu "Building a European marine knowledge infrastructure: Roadmap for a European marine observation and data network",

–   Wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Settembru 2008 bit-titolu "Strateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima: Qafas koerenti ta’ Żona Ewropea ta’ Riċerka b’appoġġ ta’ użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra” u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Frar 2009 dwar ir-riċerka applikata b'rabta mal-politika komuni tas-sajd[1],

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2007 dwar politika marittima integrata għall-Unjoni Ewropea (COM(2007)0575),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A7-0295/2013),

A. Billi l-għarfien tal-ambjent marittimu huwa fundamentali għall-promozzjoni, l-iżvilupp u l-espansjoni tal-'Ekonomija Blu', li tirrappreżenta d-dimensjoni marittima tal-Istrateġija Ewropa 2020, li tgħaqqad fiha għarfien u innovazzjoni teknika, użu sostenibbli tar-riżorsi, kompetittività u ħolqien tal-impjiegi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

B.  billi l-għarfien tal-qasam marittimu huwa essenzjali biex tiżdied u titjieb l-informazzjoni b'rabta mal-ekosistemi u l-inċidenzi antropiċi fuq il-qasam marittimu, billi jippermetti protezzjoni tajba tal-ambjent, użu razzjonali u ambjentalment sostenibbli fit-tul tar-riżorsi u tkabbir ekwilibrat u sostenibbli tal-utilizzazzjonijiet u tal-attivitajiet tal-bniedem li jsiru b'rabta mal-baħar;

C. Billi d-data eżistenti dwar l-ambjent marittimu bħalissa tinsab f'bosta korpi differenti b'mod mifrux u frammentat; Billi huwa fundamentali li tiġi żgurata disponibilità u faċilità ta' aċċess għar-riżerva vasta ta' data eżistenti dwar l-ambjent marittimu fl-Ewropa, sabiex jiġu massimizzati r-riżorsi u jiġu promossi l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi fis-setturi tal-baħar u marittimi;

D. billi s-settur tas-sajd jikkostitiwixxi waħda mill-attivitajiet tal-bniedem ewlenin li jsiru fl-ambjent marittimu, jikkontribwixxi għad-disponibilità tal-provvisti tal-ikel u huwa ta' importanza enormi, speċjalment għall-komunitajiet kostali, u jikkostitwixxi għalhekk element determinanti tal-Politika Marittima Integrata; Billi għandu jitfakkar li l-attivitajiet ta' sajd spiss għandhom impatti negattivi sinifikanti fuq l-ekosistemi tal-baħar, minħabba l-varjetà u l-kwantità tal-istokkijiet ta' ħut li jinqabdu; Billi s-sajd huwa wkoll l-iktar settur affettwat mill-bosta użi u attivitajiet li jsiru fl-ambjent marittimu, bħat-trasport marittimu u t-turiżmu, l-iżvilupp tal-bliet u tal-kosti, it-tniġġis tal-ibħra, l-industriji estrattivi u l-enerġiji rinnovabbli, li l-impatti tagħhom jistgħu jingħaqdu ma' dawk dovuti għall-attivitajiet ta' sajd;

E.  Billi hemm diversità kbira fost l-ibħra Ewropej, b'varjazzjonijiet fil-flotot tas-sajd u t-tipi ta' sajd li jsiru mid-diversi Stati Membri; Billi r-rikonoxximent u l-apprezzament ta' din id-diversità u tal-karatteristiċi speċifiċi jiddependu ħafna mill-informazzjoni disponibbli fir-rigward tal-attività tas-sajd;

F.  Billi hemm tendenza ta' żieda mhux biss fl-użu ta' teknoloġiji tal-informazzjoni marbuta mas-settur tas-sajd - li żied l-aċċessibilità u t-trasparenza tal-informazzjoni - iżda wkoll ta' kompjuterizzazzjoni tal-ġbir tad-data u sistemi ta' trasferiment fl-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali u fl-organizzazzjonijiet tal-produtturi; Iqis għalhekk li mhemmx dubju li żieda fid-disponibilità tal-informazzjoni dwar l-attività ta' sajd tista' twassal għal proċess ta' tħeġġiġ ta' prattiki ta' sajd iktar sostenibbli, mhux biss f'termini ambjentali iżda wkoll ekonomiċi u soċjali;

G. billi jitqies il-bżonn li ssir identifikazzjoni u delimitazzjoni taż-żoni sensittivi fuq il-pjan bijoġeografiku u jiġu stabbiliti żoni ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut u żoni tal-baħar protetti sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni u l-preservazzjoni effettivi tal-ekosistemi marittimi vulnerabbli kontra l-prattiki ta' sajd li jagħmlu ħsara; billi jfakkar li iktar ma jkun hemm informazzjoni mtejba dwar l-ambjent marittimu u l-attività ta' sajd, iktar jiġu mifhuma, aċċettati u applikati l-miżuri mtejba ta' protezzjoni tal-ekosistemi u ta' ġestjoni tal-piskeriji u ippjanar tal-ispazju marittimu;

H. Billi l-inizjattiva Għarfien dwar il-Baħar 2020 fetħet skambju ta' ideat dwar dan is-suġġett u wettqet konsultazzjoni pubblika biex jinstemgħu opinjonijiet fir-rigward tal-opportunitajiet u l-isfidi provduti mill-aċċess għal informazzjoni dwar il-monitoraġġ marittimu fl-Ewropa; Billi tintlaqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippubblika l-Green Paper "Għarfien dwar il-Baħar 2020: mill-immappjar ta' qiegħ il-baħar għat-tbassir oċeaniku";

I.   Billi jeħtieġ li, bi qbil mar-regoli stabbiliti, jiġi rilaxxat il-potenzjal tal-ammont kbir ta' data dwar l-ambjent marittimu li nġabret u nħażnet minn bosta korpi pubbliċi u privati fil-livell Ewropew, u li din issir disponibbli u aċċessibbli għall-utenti potenzjali, biex b'hekk jiġi enfasizzat il-bżonn ta' ċaqliq ta' paradigma b'rabta mal-ġbir u mal-użu, sabiex is-sistema attwali li taħtha jsiru bosta ġabriet ta' data għal użi speċifiċi u singoli tiġi sostitwita b'mudell li jippermetti li d-data tinġabar u ssir disponibbli għal bosta użi;

J.   Billi disponibilità ikbar u faċilità ta' aċċess għad-data se jippromwovu l-użu ta' din id-data fi studji multidixxiplinari u jħeġġu l-ħolqien ta' sħubiji intersettorjali, b'mod partikolari bejn is-settur pubbliku u dak privat, u b'hekk tiġi provduta massa ta' data b'kapaċità u b'utilità ferm ikbar mis-somma tal-partijiet tagħha;

K. Billi din l-inizjattiva hija bbażata fuq strateġija interdixxiplinari li tintegra u torbot l-attivitajiet kollha ta' osservazzjoni tal-ibħra li qed isiru bħalissa fl-UE; Billi jenfasizza l-utilità u l-vantaġġi ta' aċċess għal bosta forom ta' data permezz ta' pjattaforma diġitali bi dħul uniku li tipprovdi data dwar l-ambjent marittimu;

L.  Billi l-importanza enormi u d-diversità tas-settur tas-sajd, bħala attività marittima anċestrali u tradizzjonali, tiġġustifika bis-sħiħ l-inklużjoni ta' informazzjoni dwar il-ġestjoni u l-użu tas-sajd fost id-data li għandha tiġi mmappjata u ssir disponibbli skont l-inizjattiva Għarfien dwar il-Baħar 2020;

M. billi, biex tiġi appoġġata l-ġestjoni tal-politika komuni dwar is-sajd (PKS), l-UE, mill-2001, tiffinanzja l-ġbir tad-data b'rabta mas-settur tas-sajd u t-tixrid tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri; billi jfakkar li s-sajd tal-UE huwa ġestit permezz ta' pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali u mmexxija permezz ta' approċċi ta' prekawzjoni u ekosistemiku bl-għan li jiġi minimizzat l-impatt tal-attività tas-sajd fuq l-ekosistemi marittimi, strateġija li timplika riċerka multidixxiplinari u li teħtieġ il-ġbir ta' ħafna data xjentifika dwar l-istokkijiet tal-ħut;

N. Billi r-riforma tal-PKS li qed issir bħalissa iżżid l-obbligi tal-Istati Membri f'termini ta' ġbir ta' data ambjentali, bijoloġika, teknika u soċjoekonomika dwar l-attività ta' sajd, fil-kuntest tal-Qafas għall-Ġbir tad-Data dwar is-sajd, li għandu jiġi allokat iktar fondi għall-perjodu 2014-2020 skont il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS);

Sorsi ta' informazzjoni u tipi ta' data

1.  Jenfasizza l-eżistenza ta' bosta organiżmi pubbliċi u privati li jżommu data dwar l-attività ta' sajd fl-UE li għandhom jiġu integrati fl-immappjar diġitali b'riżoluzzjoni multipla ta’ qiegħ il-baħar disponibbli għall-pubbliku;

2.  Jenfasizza li, biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom lill-UE taħt il-Qafas għall-Ġbir tad-Data, l-Istati Membri għandhom jiġbru u jittrażmettu data li tikkostitwixxi sors eċċellenti ta' informazzjoni dwar l-attività ta' sajd, u li dan l-ammont kbir ta' informazzjoni jinġabar miċ-Ċentru Komuni ta' Riċerka (JRC) u huwa soġġett għall-valutazzjoni tal-esperti tal-gruppi ta' ħidma tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF); iżid jgħid li d-data miġbura mill-Istati Membri skont il-qafas għall-ġbir tad-data fis-settur tas-sajd tintuża mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) biex jipprovdi informazzjoni xjentifika dwar ir-riżorsi u pariri għall-ġestjoni tal-pixkeriji;

3.  Jenfasizza l-ammont konsiderevoli ta' data ġġenerata mill-flotta mgħammra b'Sistema ta' Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS) bis-satellita, li l-użu tagħha jkun utli ferm biex jitfasslu mapep tal-attività tas-sajd; ifakkar fl-importanza tad-data VMS fil-każ ta' sajd imħallat; jenfasizza r-rilevanza ta' integrazzjoni u ta' mmappjar tal-informazzjoni supplimentari, partikolarment tad-data rreġistrata fil-gazzetti tas-sajd elettroniċi jew fuq karta, ir-reġistri ta' osservaturi tas-sajd abbord u d-data tal-kampanji ta' monitoraġġ tar-riżorsi tal-ħut;

4.  Ifakkar li ċerti organizzazzjonijiet tal-produtturi (OP), speċjalment dawk tas-sajd industrijali, iżommu data dwar l-attività tas-sajd li għandha tikkompleta l-informazzjoni disponibbli bħalissa; iżid jgħid li, fil-każ tas-sajd kostali u artiġjanali - attività li għaliha l-informazzjoni hija pjuttost limitata - għandu jitħeġġeġ il-ġbir ta' data mill-flotta nnifisha, bl-użu ta' bastimenti bħala pjattaformi ta' ġbir tad-data ta' monitoraġġ tas-sajd, eventwalment permezz tal-installazzjoni fil-bastimenti b'apparat sempliċi ta' monitoraġġ 'live' flimkien ma' sistemi GPS/GPRS; jinnota wkoll li parti kbira ħafna mid-data dwar is-sajd tinkiseb fil-kuntest ta' proġetti ta' riċerka;

5.  Jenfasizza l-utilità li jsiru disponibbli l-mapep tat-tqassim spazjali tal-flotta tas-sajd, tal-isforz tas-sajd u tal-għamla u l-volum tal-qbid, billi dan jippermetti lill-utenti potenzjali li jaċċedu għal informazzjoni b'rabta maż-żoni soġġetti għal intensità ikbar ta' sajd, u għall-ispeċijiet tal-ħut u l-volum tal-qbid f'żona partikolari, fost parametri oħra; fost l-informazzjoni kollha li għandha tiġi inkluża f'dan it-tip ta' mapep hemm id-data b'rabta mat-tipoloġija tal-flotta (peż. in-nazzjonalità, il-port tal-irmiġġ, l'età, it-tul, it-tunnellaġġ, is-saħħa, l-ekwipaġġ), l-isforz tas-sajd (peż. in-numru ta' vjaġġi jew ta' jiem tas-sajd, in-numru u l-karatteristiċi ta' rkaptu) u l-qbid (peż. l-ispeċijiet mira, l-ispeċijiet aċċessorji, ir-rifjuti, it-toqol, il-valur); jenfasizza barra minn hekk li l-provvista ta' data VMS tippermetti t-tqassim spazjali tal-flotta u t-tqabbil ta' din l-informazzjoni mad-data tal-gazzetti tas-sajd, li jippermetti l-valutazzjoni tat-tqassim spazjali tal-qbid;

6.  Jemmen li l-immappjar separat tad-data skont it-tip ta' attività ta' sajd, bħas-sajd fuq skala żgħira, is-sajd tradizzjonali u s-sajd industrijali, jipprovdi idea iktar realistika tad-diversità tas-settur tas-sajd; Jenfasizza wkoll li jekk l-indikaturi soċjoekonomiċi b'rabta mas-sajd (eż. età u taħriġ tal-membri tal-ekwipaġġ) isiru disponibbli, jistgħu jgħinu biex tingħata deskrizzjoni iktar dettaljata tas-settur;

Kif ikunu promossi l-ksib u d-disponibilità tad-data

7.  Jirrikonoxxi li bosta persuni għandhom interess leġittimu fl-aċċess għal informazzjoni b'rabta mal-attività tas-sajd u l-istat ta' konservazzjoni u l-isfruttament tar-riżorsi; Jappoġġa għalhekk il-ħolqien ta' mekkaniżmi li jipprovdu aċċess faċli għal data rilevanti dwar is-sajd, b'kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti u b'livelli differenti ta' aċċess, u filwaqt li jiġu żgurati livelli adegwati ta' kunfidenzjalità tal-informazzjoni u tal-interessi kummerċjali;

8.  Ifakkar li l-ġbir ta' data u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ħut huma ffinanzjati mill-UE u mill-Istati Membri u li dawn jistgħu jkunu aċċessibbli għall-utenti potenzjali u l-pubbliku ġenerali; jappoġġa l-fatt li d-data l-oħra miksuba permezz ta' fondi pubbliċi (mill-UE jew l-Istati Membri) għandha wkoll tkun aċċessibbli u disponibbli għall-pubbliku, filwaqt li l-aċċess għal data dwar il-ħut miksuba permezz ta' fondi privati u li ma fihiex informazzjoni kummerċjalment sensittiva tinkiseb bil-kundizzjoni li dan jiġi awtorizzat mill-organiżmi li jżommu l-informazzjoni;

9.  Jirrimarka li t-taqsima tar-Regolament li tistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-PKS li tittratta d-dejta u l-informazzjoni li fiha artikoli mmirati speċifikament għall-protezzjoni ta’ dejta personali u l-kunfidenzjalità ta’ sigriet professjonali u kummerċjali; Jenfasizza wkoll li r-Regolament t’hawn fuq jgħid b’mod espliċitu li d-dejta dwar is-sajd li l-kollezzjoni, l-iskambju u l-iżvelar tagħha jippreġudika l-protezzjoni tal-privatezza u l-integrità tal-individwu jew l-interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluż il-proprjetà intellettwali, hija soġġetta għar-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali u kummerċjali;

10. Jafferma li dan se jkun il-każ ukoll għad-data dwar il-ħut li tiġi minn proġetti ta' riċerka u li huwa għalhekk normali li l-informazzjoni miksuba fil-kuntest ta' proġetti xjentifiċi żviluppati permezz ta' finanzjament jew kofinanzjament pubbliku (UE jew Stati Membri) tkun aċċessibbli u titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti potenzjali u l-pubbliku ġenerali, fir-rispett tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu speċifikati bil-quddiem fil-proġetti; jenfasizza li ċerti tipi ta' data dwar il-ħut huma dovuti speċifikament għall-ħolqien u l-użu ta' mudelli, prototipi jew apparat sperimentali, b'tali mod li l-użu tagħhom ikun partikolarment sensittiv;

11. Jenfasizza l-eżistenza ta’ komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u rakkomandazzjonijiet dwar l-aċċess għal u t-tixrid u l-preservazzjoni ta’ informazzjoni xjentifika, li jistqarru li l-iżvelar tad-dejta ta’ riċerka għandu jikkonforma mar-regoli nazzjonali Ewropej dwar il-protezzjoni tad-dejta; jirrimarka wkoll li dawn d-dokumenti jirreferu għall-ħtieġa li jiġu salvagwardati l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-iżvelar tad-dejta u r-restrizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw mar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali, il-privatezza, is-segretezza kummerċjali, l-interessi kummerċjali leġittimi u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

12. Iqis li, indipendentement mill-fatt li d-data tinżamm minn organiżmi pubbliċi jew tinkiseb permezz ta' fondi pubbliċi jew privati, jaqbel dejjem li jissemma l-organiżmu responsabbli mill-ġbir, l-ipproċessar u l-komunikazzjoni tal-informazzjoni; jafferma barra minn hekk li, f'każ fejn il-komunikazzjoni tal-informazzjoni jista' jkollha konsegwenzi fil-livell tal-kompetittività, il-kompetizzjoni jew id-dħul finanzjarju tal-organizzazzjonijiet li jżommu l-informazzjoni, huma biss il-prodotti tad-data u d-data aggregata li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u mhux id-data netta jew ipproċessata; Huwa tal-fehma li, fir-rigward ta' każijiet bħal dawn, jekk isir riferiment għas-sors tad-data, il-persuni interessati jkunu jistgħu jikkuntattjaw lid-detenturi tal-informazzjoni oriġinali u jitolbuhom aċċess għad-data iktar dettaljata jew għad-data netta;

13. Iqis li meta jkun qed isir l-immappjar u d-data dwar il-movimenti u l-operazzjonijiet tal-flotta tas-sajd issir disponibbli, b'mod partikolari informazzjoni miksuba minn rapporti VMS, gazzetti tas-sajd, u gazzetti miżmuma minn osservaturi abbord, għandhom jittieħdu miżuri biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità u jiġu salvagwardati l-interessi kummerċjali, b'konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli f'dan il-kuntest; Jenfasizza li dan jista' jsir permess ta' omissjoni ta' informazzjoni individwali, bħall-ismijiet tal-bastimenti u l-marki tar-reġistrazzjoni, it-tixrid ta' data aggregata, possibilment skont iż-żona, it-taqsima tal-flotta jew it-tip ta' ekwipaġġ tas-sajd, u billi jitħalla biżżejjed żmien bejn il-ġbir tad-data u l-mument meta l-mappa tas-sajd issir disponibbli; Jirrimarka madankollu li jekk id-data tiġi aggregata fuq bażi wisq wiesa' u l-iskali spazjali u ż-żminijiet ikunu twal wisq, il-livell ta' dettall u l-preċiżjoni tal-informazzjoni ma jibqgħux b'saħħithom;

14. Iqis illi, meta data dwar il-ħut tinżamm minn organiżmi pubbliċi tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tfassal sett standard komprensiv ta' parametri li għandhom jinxterdu, li tiġi imposta skadenza bejn il-ġbir, l-ipproċessar u l-komunikazzjoni tal-informazzjoni, u li jitħeġġeġ it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' din l-informazzjoni sabiex il-persuni interessati ewlenin ikunu jistgħu jikkonsultawha; iqis li jeħtieġ li jiġi previst sett minimu ta' parametri ta' komunikazzjoni obbligatorja, kif ukoll komunikazzjoni u qsim tad-data ekwivalenti, sabiex l-Istati Membri kollha jkollhom l-istess tip ta' informazzjoni dwar is-sajd;

15. Iqis li, meta data dwar l-attività tas-sajd tinkiseb fil-kuntest ta' proġetti ta' riċerka ffinanzjati jew soġġetti għal kofinanzjament mill-UE jew mill-Istati Membri, għandha titqies klawsola li tipprevedi l-obbligu ta' komunikazzjoni tad-data wara l-finalizzazzjoni tal-proġett u bi qbil mal-kalendarju prestabbilit;

16. Iqis li meta d-data tkun inkisbet minn proġetti ta' riċerka, ir-riċerkaturi kkonċernati għandhom jingħataw żmien raġonevoli biex jippubblikaw l-istudji tagħhom; Huwa tal-fehma li, skont approċċ appoġġat fl-inizjattiva Orizzont 2020, din ir-restrizzjoni tista' tingħeleb billi tiġi stabbilita moratorja li tippermetti żmien għall-pubblikazzjoni; Iqis ukoll li d-data għandha tiġi komunikata fi żmien qasir kemm jista' jkun u li l-moratorja għalhekk m'għandhiex tkun itwal minn tliet snin, sabiex jiġi żgurat li d-data ma ssirx inutli u biex jittieħed benefiċċju sħiħ mit-tixrid tagħha;

Kif għandha tinġabar u titqassam id-data b'mod effettiv

17. Jinnota li d-data għandha tkun b'saħħitha u affidabbli, il-kwalità tagħha għandha tkun standardizzata, verifikata u ċċekkjata, kemm jekk tkun ġejja mill-bażijiet tad-data tal-Istati Membri kif ukoll minn proġetti ta' riċerka dwar is-sajd;

18. Iqis li huwa essenzjali li jiġu stabbiliti protokolli/mudelli komuni, armonizzati u ttestjati fi strateġiji ta' teħid ta' kampjuni, u li jiġu stabbiliti proċeduri ta' ġbir u ta' ipproċessar tad-data u l-format li fih għandha tiġi komunikata l-informazzjoni, peress li dan kollu huwa essenzjali biex id-data dwar is-sajd tkun paragunabbli u interoperabbli; Jinnota li l-mudell tal-Qafas għall-Ġbir tad-Data jista' jintuża għal dan l-għan;

19. Jinnota li l-forma li fiha tiġi komunikata d-data dwar is-sajd tista' tvarja skont il-kumplessità tagħha u li jeħtieġ li jiġi determinat liema tipi ta' data jistgħu jsiru disponibbli bħala data netta, f'forma ipproċessata jew bħala prodotti tad-data; Jirrimarka li l-iktar parametri bażiċi/sempliċi jistgħu jiġu komunikati f'forma ta' data netta, filwaqt li parametri iktar kumplessi/speċifiċi li jeħtieġu analiżi u interpretazzjoni speċjalizzata għandhom jiġu fornuti fil-forma ta' data ipproċessata jew prodotti tad-data; Jinnota li huwa importanti li jiġu speċifikati t-tipi ta' informazzjoni dwar is-sajd disponibbli għall-utenti potenzjali, billi ssir distinzjoni bejn id-data netta, id-data ipproċessata, il-prodotti tad-data u bejn il-parametri miksuba permezz ta' kejl u dawk li jirriżultaw minn mudelli;

20. Jirrimarka li f'ċerti każijiet, jekk id-data kkomunikata jkollha wisq dettall u r-riżoluzzjoni tal-immappjar tkun għolja wisq, l-isforz tas-sajd jista' jiġi kkonċentrat b'mod mhux mixtieq fuq riżorsi speċifiċi u ħabitats marittimi vulnerabbli; Iqis għalhekk li meta informazzjoni bħal din tiġi komunikata, għandhom ukoll jittieħdu passi għall-protezzjoni u l-monitoraġġ tar-riżorsi u l-ħabitats ikkonċernati; Isostni wkoll li informazzjoni sensittiva dwar it-tqassim spazjali ta' speċijiet marittimi rari jew perikolati għandha tinżamm biex dawn jiġu protetti;

21. Jafferma li ġbir u provvista effikaċi tad-data jeħtieġu koordinazzjoni tajba min-naħa tal-Kummissjoni u sforz ta' artikolazzjoni u ta' kooperazzjoni fil-livell tal-Istati Membri; jenfasizza li l-koordinazzjoni mill-Kummissjoni hija essenzjali għat-twaqqif ta' objettivi prijoritarji, għat-titjib tar-rapport bejn l-ispiża u l-effikaċja matul il-ġbir, tal-ipproċessar u l-provvista tad-data, kif ukoll tal-iżvilupp ta' sinerġiji bejn l-Istati Membri;

22. Jenfasizza li, meta titqies id-diversità tas-sistemi ta' ġbir tad-data u tal-volum u t-tip ta' data miġbura mid-diversi organiżmi pubbliċi u privati li jżommu l-informazzjoni dwar il-ħut, l-artikolazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri huma essenzjali biex tiġi garantita l-armonizzazzjoni tal-varjetà, tal-kwantità u tal-format tad-data; jenfasizza li l-effikaċja tal-artikolazzjoni u tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għandha tkun soġġetta għal valutazzjonijiet regolari min-naħa tal-Kummissjoni;

23. Jirrakkomanda l-impożizzjoni lill-Istati Membri ta' definizzjoni tal-organiżmu nazzjonali responsabbli mill-ġbir, il-kompilazzjoni, l-ipproċessar, il-kontroll tal-kwalità, l-artikolazzjoni u t-trażmissjoni tad-data li għandha tiddaħħal fi pjattaforma komuni ta' aċċess għall-informazzjoni dwar il-ħut; jenfasizza li huwa possibbli li għal dan l-għan, fil-livell tal-Istati Membri, jinħoloq organiżmu speċifiku ffinanzjat mill-fondi Komunitarji u kkoordinat mill-Kummissjoni;

Kif jittieħdu l-benefiċċji mill-ipproċessar u l-interpretazzjoni tad-data

24. Jirrimarka li biex jittieħed benefiċċju massimu minn din l-inizjattiva, il-governanza u l-mudell operattiv għandhom jippermettu l-ġbir, ipproċessar, interpretazzjoni u komunikazzjoni meħtieġa tad-data dwar is-sajd u jiżguraw il-parteċipazzjoni u l-involviment ġenwin tal-Istati Membri, tad-dinja xjentifika u tal-komunitajiet lokali;

25. Isostni li, fir-rigward tal-governanza u tal-operazzjoni, in-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Dejta tal-Ibħra (EMODnet) għandu jingħata status permanenti; Huwa tal-fehma li, fir-rigward tal-inkorporazzjoni tad-data li mbagħad issir disponibbli fuq din il-pjattaforma, ikun tajjeb li jittieħed benefiċċju mill-esperjenza miksuba fl-iżvilupp tal-kunċett EMODnet, billi jiġi inkluż l-gruppi speċjalisti stabbiliti u li qed jaħdmu b'dan l-iskop u portali tematiċi b'rabta mal-ibħra (idrografija, ġeoloġija, fiżika, kimika, bijoloġija, ħabitats u attivitajiet tal-bniedem);

26. Huwa tal-fehma li, meta titqies l-importanza tas-settur tas-sajd, id-data dwar is-sajd preferibbilment għandha ssir grupp speċifiku addizzjonali fi ħdan il-pjattaforma EMODnet jew inkella tiġi integrata fil-portal tematiku li għadu kemm inħoloq għall-"attivitajiet tal-bniedem", biex b'hekk ikun possibbli l-aċċess għal kontenut ġenerali b'varjetà usa';

27. Iqis li l-pjattaforma EMODnet għandha tkun ikkoordinata mas-Servizz Marittimu tal-programm Ewropew ta monitoraġġ tad-dinja (Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà - GMES), biex tiġi pprovduta kemm informazzjoni kemm jista' jkun u biex id-data dwar is-sajd tkun tista' tintrabat mad-data tal-monitoraġġ mis-satellita GMES li tiffoka fuq parametri ambjentali;

28. Iqis li inizjattiva ambizzjuża bħall-"Għarfien dwar il-Baħar 2020", ta' daqs enormi u bbażata fuq approċċ multidixxiplinari b'input fil-forma mixtieqa pprovduta mill-informazzjoni dwar is-sajd, timplika ħtieġa għal pjan ta' azzjoni speċifiku li jistabbilixxi l-għanijiet fit-tul u fuq żmien medju, abbażi ta' sforz ikkoordinat mill-Ue u mill-Istati Membri;

29. Isostni li l-implimentazzjoni u s-suċċess ta' proġetti ta' dan it-tip jiddependu minn finanzjament sostanzjali għall-kontinwità u l-prevedibilità fuq żmien twil; Jitlob biex il-provvista ta' data dwar is-sajd adegwata biex tiġi inkluża fl-immappjar diġitali b'riżoluzzjoni multipla ta’ qiegħ il-baħar tirċievi l-inkoraġġiment u l-appoġġ meħtieġa min-naħa tal-UE; Jirrimarka li, biex tiġi prodotta informazzjoni dwar is-sajd, se jkun hemm bżonn li jingħaqdu s-sorsi kollha ta' finanzjament disponibbli fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, u jinnota li l-FEMS jgħaqqad ġo fih l-appoġġ meħtieġ għal kull mezz tekniku użat għat-twaqqif u t-tħaddim tal-EMODnet;

30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sajd u l-Akkwakultura, lill-kunsilli konsultattivi reġjonali u lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd.

  • [1]  ĠU C 76 E, 25.3.2010, p.38.

NOTA SPJEGATTIVA

Fix-xahar ta' Awwissu 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Green Paper bl-isem "Għarfien dwar il-Baħar 2020: mill-immappjar ta’ qiegħ il-baħar għat-tbassir oċeaniku" integrat fil-promozzjoni, l-iżvilupp u l-espansjoni tal-"ekonomija blu". Din tgħin biex jintlaħqu l-isfidi tal-Istrateġija Ewropa 2020 fl-oqsma marbutin mal-baħar, billi tikkombina l-għarfien u l-innovazzjoni teknoloġika, l-użu sostenibbli tar-riżorsi, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

Għal dan l-għan, huwa previst it-tfassil ta' mappa diġitali b'riżoluzzjoni multipla ta’ qiegħ il-baħar Ewrope sal-2020. Dan huwa proġett ambizzjuż, kbir u pluridixxiplinari, li għandu l-għan li jxerred l-informazzjoni lil bosta partijiet interessati mid-data dwar l-oċeani fil-livell tal-organiżmi pubbliċi, l-industrija, it-tagħlim u r-riċerka, kif ukoll is-soċjetà ċivili. Din il-kartografija diġitali tkopri bosta oqsma, partikolarment informazzjoni dwar it-topografija, il-ġeoloġija, il-ħabitats u l-ekosistemi ta' qiegħ il-baħar u l-attivitajiet tal-bniedem. Hija tipprovdi data dwar il-parametri fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi tal-kolonna tal-ilma soprastanti u tagħmel previżjonijiet oċeanografiċi.

Mingħajr ma tiġi sottostmata l-importanza ta' viżjoni olistika tal-oċeani, iżda billi huwa impossibbli li jitkoprew it-tematiki kollha tal-Green Paper minħabba l-ambitu tagħha u l-multidixxiplinarità, dan ir-rapport għandu l-għan li janalizza kif is-settur tas-sajd jista' jiġi integrat f'dan il-kuntest ġdid: kif jista' jikkontribwixxi għall-"Għarfien dwar il-Baħar 2020" u kif jista' jibbenefika minnu.

B'hekk, ir-rapport se jiffoka fuq ir-rilevanza u l-utilità tal-integrazzjoni, tal-kartografija u tal-provvista ta' data dwar l-attività tas-sajd fil-kuntest tal-inizjattiva "Għarfien dwar il-Baħar 2020", billi titqiegħed l-enfasi fuq il-problemi fundamentali li ġejjin:

-     Sorsi ta' informazzjoni u tipi ta' data;

-     Kif ikunu promossi l-elaborazzjoni u l-provvista tad-data;

-     Kif tiggarantixxi ipproċessar u pooling effikaċi tad-data;

- Kif jittieħdu l-benefiċċji mill-ipproċessar u l-interpretazzjoni tad-data.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Kriton Arsenis, Alain Cadec, Carmen Fraga Estévez, Dolores García-Hierro Caraballo, Marek Józef Gróbarczyk, Ian Hudghton, Iliana Malinova Iotova, Werner Kuhn, Isabella Lövin, Gabriel Mato Adrover, Guido Milana, Maria do Céu Patrão Neves, Ulrike Rodust, Struan Stevenson, Isabelle Thomas, Nils Torvalds, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Besset, Izaskun Bilbao Barandica, Gesine Meissner, Jens Nilsson, Antolín Sánchez Presedo

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Esther Herranz García, Juan Andrés Naranjo Escobar