RAPPORT dwar il-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizju tal-kompiti mogħtija lill-Bank Ċentrali Ewropew fl-ambitu tal-mekkaniżmu superviżorju uniku

30.9.2013 - (2013/2198(ACI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur Carlo Casini
(Proċedura simplifikata – Artikolu 46(1) tar-Regoli ta' Proċedura)

Proċedura : 2013/2198(ACI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0302/2013
Testi mressqa :
A7-0302/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizju tal-kompiti mogħtija lill-Bank Ċentrali Ewropew fl-ambitu tal-mekkaniżmu superviżorju uniku

(2013/2198(ACI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-President tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013,

   wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizju tal-kompiti mogħtija lill-Bank Ċentrali Ewropew fil-kwadru tal-mekkaniżmu superviżorju uniku;

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 127(6), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 284(3), u l-Artikolu 295,

–    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu definita fit-12 ta' Settembru 2013 rigward l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu[1] u r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali dwar il-proposta ta' tali regolament[2]

   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew u tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013, waqt il-votazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-adozzjoni tal-proposta għal Regolament (UE) Nru... /2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu[3],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 127(1) u 46(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0302/2013),

1.  Japprova l-konklużjoni tal-ftehim anness hawnhekk u, waqt li jqis il-kontenut tal-ftehim, jiddeċiedi li jehmiżha mar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-ftehim flimkien mal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi d-deċiżjoni preżenti, flimkien mal-anness, lill-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-parlamenti nazzjonali.

  • [1]              P7_TA(2013)0372.
  • [2]              A7-0392/2012 (rapporteur Marianne Thyssen u rapporteur għal opinjoni Andrew Duff).
  • [3]              Ara l-anness għar-riżolużżjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-proposta ta' tali regolament (P7_TA(2013)0372).

ANNESS: Abbozz ta' Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizju tal-kompiti mogħtija lill-Bank Ċentrali Ewropew fl-ambitu tal-mekkaniżmu superviżorju uniku

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-BANK ĊENTRALI EWROPEW

–                 wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–                 wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(6) tiegħu,

–                 waqt li kkunsidraw ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, u b'mod partikolari l-Artikolu 127(1) tagħhom,

–                 wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru.../2013 tal-Kunsill ta' ... li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu[1], b'mod partikolari l-Artikolu 20(8) u (9) tiegħu,

–                 wara li kkunsidraw id-dikjarazzjoni konġunta mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, fl-okkażjoni tal-votazzjoni tal-Parlament għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru.../2013,

A. billi r-Regolament (UE) Nru... /2013 jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, bil-għan li jingħata kontribut lis-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabilità tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni Ewropea u lil kull Stat Membru li jipparteċipa fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU);

B. billi r-Regolament (UE) Nru... 2013 jistabbilixxi li l-BĊE huwa awtorità kompetenti sabiex iwettaq il-kompiti superviżorji konferiti lilu minn dak ir-regolament;

C. billi l-konferiment tal-kompiti superviżorji jimplika responsabilità sinifikanti għall-BĊE biex jikkontribwixxi għall-istabilità finanzjarja fl-Unjoni, billi jintużaw is-setgħat superviżorji tiegħu b'mod mill-aktar effikaċi u proporzjonat;

D. billi kwalunkwe konferiment tas-setgħat superviżorji fil-livell tal-Unjoni għandu jkun ibbilanċjat permezz ta' rekwiżiti tar-responsabilità xierqa; skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru... /2013 il-BĊE huwa għalhekk responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament għall-Parlament u l-Kunsill bħala istituzzjonijiet demokratikament leġittimizzati li jirrappreżentaw iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-Istati Membri;

E. billi l-Artikolu 20(9) tar-Regolament (UE) Nru... /2013 jipprevedi li l-BĊE għandu jikkoopera b'mod sinċier ma' kwalunkwe investigazzjoni mill-Parlament, suġġetta għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

F. billi l-Artikolu 20(8) tar-Regolament (UE) Nru... /2013 jipprevedi li, fuq talba, il-President tal-Bord ta' Superviżjoni tal-BĊE għandu jkollu diskussjonijiet kunfidenzjali bil-fomm fil-privat mal-President u l-Viċi Presidenti tal-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar il-kompiti superviżorji tal-BĊE fejn tali diskussjonijiet ikunu meħtieġa biex il-Parlament ikun jista' jeżerċita s-setgħat tiegħu skont it-TFUE; billi dak l-Artikolu jeħtieġ li l-modalitajiet għall-organizzazzjoni ta' dawn id-diskussjonijiet jiżguraw il-kunfidenzjalità sħiħa bi qbil mal-obbligi tal-kunfidenzjalità imposti fuq il-BĊE bħala awtorità kompetenti skont il-liġi tal-Unjoni rilevanti;

G. billi l-Artikolu 15(1) tat-TFUE jipprevedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom iwettqu l-ħidma tagħhom b'mod miftuħ kemm jista' jkun; billi l-kundizzjonijiet li skonthom dokument tal-BĊE jkun kunfidenzjali huma stipulati fid-Deċiżjoni 2004/258/KE tal-BĊE[2]; billi dik id-Deċiżjoni tipprevedi li kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni u kwalunkwe persuna fiżika u ġuridika li tgħix jew li għandha l-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru, għandha dritt għal aċċess tad-dokumenti tal-BĊE, suġġetta għall-kundizzjonijiet u l-limiti definiti f'dik id-Deċiżjoni; billi, bi qbil ma' dik id-deċiżjoni, il-BĊE għandu jirrifjuta milli jiżvela fejn ċerti interessi pubbliċi speċifiċi jiġu mhedda mill-iżvelar;

H. billi l-iżvelar tal-informazzjoni relatata mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu mhuwiex għad-diskrezjoni tal-BĊE imma huwa suġġett għal-limiti u l-kundizzjonijiet kif inhuma stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni rilevanti li għalihom huma suġġetti kemm il-Parlament kif ukoll il-BĊE; billi skont l-Artikolu 37.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-BĊE (l-Istatut tas-SEBĊ), il-persuni li għandhom aċċess għal dejta koperta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li timponi obbligu ta' segretezza huma suġġetti għal tali leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

I. billi l-Premessa 55 tar-Regolament (KE) Nru... tispeċifika li kwalunkwe obbligu ta' rappurtar fir-rigward tal-Parlament għandu jkun suġġett għar-rekwiżiti ta' segretezza professjonali rilevanti; billi l-premessa 74 u l-Artikolu 27(1) ta' dak ir-Regolament jipprevedu li l-membri tal-Bord Superviżorju, il-kumitat ta' tmexxija, il-persunal tal-BĊE u l-persunal issekondat mill-Istati Membri parteċipanti li jwettqu dmirijiet superviżorji għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 37 tal-Istatut tas-SEBĊ u fl-atti rilevanti tal-liġi tal-Unjoni; ; billi l-Artikolu 339 tat-TFUE u l-Artikolu 37 tal-Istatut tas-SEBĊ jistabbilixxu li l-membri tal-korpi li jiggvernaw u l-persunal tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali huma marbutin mid-dmir ta' segretezza professjonali;

J. billi, skont l-Artikolu 10.4 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-proċedimenti tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE għandu jkun kunfidenzjali;

K. billi l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru.../2013 jipprevedi li għall-għan li jitwettqu l-kompiti konferiti fuqu f'dak ir-Regolament, il-BĊE għandu japplika l-liġi tal-Unjoni rilevanti kollha, u fejn din il-liġi tal-Unjoni hija magħmula minn Direttivi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi;

L. billi suġġett għall-emendi futuri jew kwalunkwe leġiżlazzjoni rilevanti futura, id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni rilevanti fir-rigward tat-trattament tal-informazzjoni, li nstab li huwa kunfidenzjali, b'mod partikolari l-Artikoli 53 sa 62 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[3] jimponu obbligi stretti ta' segretezza professjonali fuq l-awtoritajiet kompetenti u l-persunal tagħhom għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu; billi l-persuni kollha li jaħdmu jew li kienu jaħdmu għall-awtoritajiet kompetenti huma marbutin mill-obbligu tas-segretezza professjonali; billi l-informazzjoni kunfidenzjali li jirċievu matul it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom tista' tiġi żvelata biss f’forma sommarja jew aggregata, b'tali mod li l-istituzzjonijiet ta' kreditu individwali ma jistgħux ikunu identifikati, bla preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġi kriminali;

M. billi l-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) Nru.../2013 jipprevedi li għall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu minn dak ir-regolament, il-BĊE hu awtorizzat, fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi rilevanti tal-Unjoni, li jiskambja informazzjoni ma’ awtoritajiet u korpi nazzjonali jew tal-Unjoni fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jiddivulgaw informazzjoni lil dawk l-entitajiet jew fejn l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal tali divulgazzjoni skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni;

N. billi l-ksur ta' rekwiżiti ta' segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni superviżorja għandu jwassal għal sanzjonijiet adegwati; billi l-Parlament għandu jipprevedi qafas adegwat biex isegwi kwalunkwe każ ta' ksur tal-kunfidenzjalità mill-Membri jew il-persunal tiegħu;

O. billi s-separazzjoni organizzattiva tal-persunal tal-BĊE involut fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tal-BĊE minn persunal involut fit-twettiq tal-kompiti tal-politika monetarja trid tkun b'tali mod li r-Regolament (UE) Nru.../2013 jiġi osservat b'mod sħiħ;

P. billi dan il-Ftehim ma jkoprix l-iskambju ta' informazzjoni kunfidenzjali rigward il-politika monetarja jew kompiti oħra tal-BĊE li mhumiex parti mill-kompiti konferiti fuq il-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru.../2013;

Q. billi dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabilità tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali lejn il-parlamenti nazzjonali bi qbil mal-liġi nazzjonali;

R. billi dan il-Ftehim ma jkoprix jew ma jaffettwax ir-responsabilità u l-obbligi ta' rappurtar tal-MSU lill-Kunsill, il-Kummissjoni jew il-parlamenti nazzjonali;

JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

I. RESPONSABILITÀ, AĊĊESS GĦAL INFORMAZZJONI, KUNFIDENZJALITÀ

1. Rapporti

§ Il-BĊE għandu jressaq rapport kull sena lill-Parlament ("Rapport Annwali") dwar l-eżekuzzjoni tal-kompiti konferiti lilu mir-Regolament (UE) Nru.../2013. Il-President tal-Bord Superviżorju għandu jippreżenta r-Rapport Annwali lill-Parlament waqt smigħ pubbliku. L-abbozz tar-Rapport Annwali għandu jkun disponibbli għall-Parlament fuq bażi kunfidenzjali f'wieħed mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni erbat ijiem qabel is-smigħ. It-traduzzjonijiet fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni għandhom sussegwentement isiru disponibbli. Ir-Rapport Annwali għandu jkopri, fost l-oħrajn:

i. it-twettiq tal-kompiti superviżorji

ii. il-qsim tal-kompiti mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali

iii. il-kooperazzjoni ma' awtoritajiet relevanti nazzjonali/tal-Unjoni oħra

iv. is-separazzjoni bejn il-politika monetarja u l-kompiti superviżorji

v. l-evoluzzjoni tal-istruttura superviżorja u l-persunal, inkluż in-numru u l-kompożizzjoni nazzjonali tal-Esperti Nazzjonali Sekondati

vi. l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta

vii. il-metodu ta' kalkolu u l-ammont tal-ispejjeż superviżorji

viii. il-baġit għall-kompiti superviżorji

ix. l-esperjenza bir-rappurtar fuq il-bażi tal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru.../2013 (Rappurtar tal-ksur).

§ Matul il-fażi ta' tnedija msemmija fl-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru.../2013, il-BĊE għandu jressaq quddiem il-Parlament rapporti ta' kull tliet xhur dwar il-progress fl-implimentazzjoni operattiva tar-Regolament, li jkopru fost l-oħrajn:

i. il-preparazzjoni, l-organizzazzjoni u l-ippjanar tax-xogħol interni

ii. l-arranġamenti konkreti magħmula biex jikkonformaw mar-rekwiżiti li jisseparaw il-politika monetarja u l-funzjonijiet superviżorji

iii. il-kooperazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti nazzjonali/tal-Unjoni oħra

iv. kwalunkwe ostaklu li jaffaċċja l-BĊE fil-preparazzjoni tal-kompiti superviżorji tiegħu

v. kwalunkwe avveniment ta' tħassib jew bidla fil-Kodiċi ta' Kondotta

§ Il-BĊE għandu jippubblika r-Rapport Annwali fuq il-websajt tal-MSU. Il-BĊE għandu jippubblika r-Rapport Annwali fuq il-websajt tal-MSU. Il-"hotline tal-email tal-informazzjoni" tal-BĊE se jiġi estiż biex jittratta speċifikament il-mistoqsijiet relatati mal-MSU, u l-BĊE għandu jikkonverti l-feedback li jirċievi pemezz tal-emails f'sezzjoni tal-FAQ fuq il-websajt tal-MSU.

2. Smigħ u diskussjonijiet kunfidenzjali bil-fomm

§ Il-President tal-Bord Superviżorju għandu jipparteċipa fi smigħ pubbliku ordinarju dwar it-twettiq tal-kompiti superviżorji fuq talba tal-kumitat kompetenti tal-Parlament. . Il-kumitat kompetenti tal-Parlament u l-BĊE għandhom jaqblu dwar kalendarju għal żewġ seduti ta' smigħ bħal dawn li jridu jsiru matul is-sena ta' wara. Talbiet għal bidliet fil-kalendarju li hemm qbil dwaru għandhom isiru bil-miktub.

§ Barra minn hekk, il-President tal-Bord Superviżorju jista' jiġi mistieden għal skambji ta' opinjonijiet ad-hoc addizzjonali dwar kwistjonijiet superviżorji mal-kumitat kompetenti tal-Parlament.

§ Fejn hu neċessarju għat-twettiq tas-setgħat tal-Parlament skont it-TFUE, il-President tal-kumitat kompetenti tiegħu jista' jitlob għal laqgħat kunfidenzjali speċjali mal-President tal-Bord Superviżorju bil-miktub, waqt li jingħataw ir-raġunijiet. Tali laqgħat għandhom isiru f'data li tkun miftiehma b'mod reċiproku.

§ Il-parteċipanti kollha fil-laqgħat kunfidenzjali speċjali għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-membri tal-Bord Superviżorju u l-persunal superviżorju tal-BĊE.

§ Fuq talba motivata mill-President tal-Bord Superviżorju jew il-President tal-kumitat kompetenti tal-Parlament, u bi ftehim reċiproku, ir-rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord Superviżorju jew il-membri għolja tal-persunal superviżorju (Diretturi Ġenerali jew id-Deputati tagħhom) jistgħu jattendu s-smigħ ordinarju, l-iskambji ta' opinjonijiet ad-hoc u l-laqgħat kunfidenzjali.

§ Il-prinċipju tal-ftuħ tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni bi qbil mat-Trattat għandu japplika wkoll għall-MSU. Id-diskussjoni f'laqgħat kunfidenzjali speċjali għandha ssegwi l-prinċipju tal-ftuħ u l-elaborazzjoni fiċ-ċirkustanzi relevanti. Tinvolvi l-iskambju tal-informazzjoni kunfidenzjali rigward it-twettiq tal-kompiti superviżorji, fil-limitu stipulat mil-liġi tal-Unjoni. L-iżvelar jista' jkun ristrett mil-limiti ta' kunfidenzjalità previsti b'mod legali.

§ Persuni impjegati mill-Parlament u mill-BĊE ma jistgħux jiżvelaw informazzjoni akkwistata matul l-attivitajiet tagħhom relatata mal-kompiti konferiti lill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru.../2013, anki wara li jkunu ntemmu tali attivitajiet jew il-persuni jkunu telqu minn impjieg bħal dan

§ Is-smigħ ordinarju, l-iskambji ta' opinjonijiet ad-hoc u l-laqgħat kunfidenzjali jistgħu jkopru l-aspetti kollha tal-attivitajiet u t-twettiq tal-MSU koperti mir-Regolament (UE) Nru.../2013.

§ Ma għandu jsir l-ebda minuti jew kwalunkwe rrekordjar ieħor tal-laqgħat kunfidenzjali. Ma għandha ssir l-ebda dikjarazzjoni għall-istampa jew xi midja oħra. Kull parteċipant tad-diskussjonijiet kunfidenzjali għandu kull darba jiffirma dikjarazzjoni solenni li ma jiżvelax il-kontenut ta' dawk id-diskussjonijiet lil xi persuna terza.

§ Il-President tal-Bord Superviżorju u l-President u l-Viċi Presidenti tal-kumitat kompetenti tal-Parlament biss jistgħu jattendu l-laqgħat kunfidenzjali. Kemm il-President tal-Bord Superviżorju kif ukoll il-President u l-Viċi Presidenti tal-kumitat kompetenti tal-Parlament jistgħu jkunu akkumpanjati minn żewġ membri tal-persunal tal-BĊE u tas-Segretarjat tal-Parlament rispettivament.

3. Tweġib tal-mistoqsijiet

§ Il-BĊE għandu jwieġeb bil-miktub għal mistoqsijiet bil-miktub imressqa quddiemu mill-Parlament. Dawk il-mistoqsijiet għandhom jitressqu lill-President tal-Bord Superviżorju permezz tal-President tal-kumitat kompetenti tal-Parlament. Il-mistoqsijiet għandhom jitwieġbu kemm jista' jkun malajr, u f'kwalunkwe każ fi żmien ħames ġimgħat mit-tressiq tagħhom quddiem il-BĊE.

§ Kemm il-BĊE kif ukoll il-Parlament għandhom jiddedikaw sezzjoni speċifika tal-websajts għall-mistoqsijiet u t-tweġibiet imsemmija hawn fuq.

4. Aċċess għall-informazzjoni

§ Il-BĊE għandu jipprovdi lill-kumitat kompetenti tal-Parlament b'tal-anqas rekord komprensiv u bis-sens tal-proċedimenti tal-Bord Superviżorju li jippermetti fehim tad-diskussjonijiet, inkluża lista annotata tad-deċiżjonijiet. Fil-każ ta' oġġezzjoni tal-Kunsill Governattiv kontra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Bord Superviżorju bi qbil mal-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru.../2013, il-President tal-BĊE għandu jinforma lill-President tal-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar ir-raġunijiet għal tali oġġezzjoni, konformi mar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità msemmija f'dan il-Ftehim.

§ Fil-każ tal-għeluq ta' istituzzjoni ta' kreditu, l-informazzjoni mhux kunfidenzjali relatata ma' dik l-istituzzjoni ta' kreditu għandha tiġi żvelata ex-post, ladarba tieqaf tapplika kwalunkwe restrizzjoni dwar l-għoti ta' informazzjoni relevanti bħala riżultat tar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità.

§ L-ispejjeż superviżorji u spjegazzjoni dwar kif jiġu kkalkulati għandhom jiġu ppubblikati fil-websajt tal-BĊE.

§ Il-BĊE għandu jippubblika fuq il-websajt tiegħu gwida tal-prattiki superviżorji tiegħu.

5. Salvagwardja tal-informazzjoni u d-dokumenti kklassifikati tal-BĊE

§ Il-Parlament għandu jimplimenta salvagwardji u miżuri li jikkorrispondu għal-livell ta' sensittività tal-informazzjoni tal-BĊE jew tad-dokumenti tal-BĊE u għandu jinforma l-BĊE dwar dan. F'kull każ, informazzjoni jew dokumenti żvelati se jintużaw biss għar-raġuni li għaliha jkunu ġew provduti.

§ Il-Parlament għandu jfittex il-kunsens tal-BĊE għal kwalunkwe żvelar lil persuni jew istituzzjonijiet addizzjonali u ż-żewġ istituzzjonijiet iridu jikkooperaw f'kwalunkwe proċediment ġuridiku, amministrattiv jew proċedimenti oħra li fihom jitfittex l-aċċess għal tali informazzjoni jew dokumenti. Il-BĊE jista' jitlob lill-Parlament, fir-rigward tal-kategoriji kollha jew ċerti kategoriji ta' informazzjoni jew dokumenti żvelata, li huwa jżomm lista ta' persuni li jkollhom l-aċċess għal din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti.

II. PROĊEDURI TA’ GĦAŻLA

§ Il-BĊE għandu jispeċifika u jagħmel pubbliku l-kriterji għall-għażla tal-President tal-Bord Superviżorju, inkluż il-bilanċ tal-ħiliet, l-għarfien tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji, u l-esperjenza fis-superviżjoni finanzjarja u s-sorveljanza makroprudenzjali. Fl-ispeċifikazzjoni tal-kriterji, il-BĊE għandu jimmira għall-ogħla standards professjonali u għandu jikkunsidra l-bżonn li jiġi protett l-interess tal-Unjoni fit-totalità tagħha u d-diversità fil-kompożizzjoni tal-Bord Superviżorju.

§ Il-kumitat kompetenti tal-Parlament għandu jkun informat ġimagħtejn qabel il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jippubblika d-dettalji tal-avviż ta' postijiet battala, inkluż il-kriterji tal-għażla u l-profil tal-impjieg speċifiku, tal-"proċedura tal-għażla miftuħa" li bi ħsiebu japplika għall-għażla tal-President.

§ Il-kumitat kompetenti tal-Parlament għandu jkun infurmat mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE dwar il-kompożizzjoni tan-numru ta' applikanti għall-pożizzjoni ta' President (numru ta' applikanti, taħlita ta' ħiliet professjonali, bilanċ ta' sess u nazzjonalità, eċċ.) kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu n-numru ta' applikanti jiġi skrinjat sabiex titfassal lista iqsar b'tal-inqas żewġ kandidati u eventwalment jiddetermina l-proposta tal-BĊE.

§ Il-BĊE għandu jipprovdi lill-kumitat kompetenti tal-Parlament b'lista iqsar ta' kandidati għall-pożizzjoni tal-President tal-Bord Superviżorju. Il-BĊE għandu jipprovdi dik il-lista iqsar tal-inqas tliet ġimgħat qabel il-preżentazzjoni tal-proposta tiegħu għall-ħatra tal-President.

§ Il-kumitat kompetenti talo-Parlament jista' jressaq mistoqsijiet quddiem il-BĊE relatati mal-kriterji tal-għażla u l-lista qasira tal-kandidati fi żmien ġimgħa minn meta jkun irċeviha. Il-BĊE għandu jwieġeb għal tali mistoqsijiet bil-miktub fi żmien ġimagħtejn.

§ Il-proċess ta' approvazzjoni għandu jkun fih il-passi li ġejjin:

o Il-BĊE għandu jgħaddi l-proposti tiegħu lill-President u lill-Viċi President tal-Parlament flimkien ma' spjegazzjonijiet bil-miktub dwar ir-raġunijiet sottostanti.

o Għandu jsir smigħ pubbliku tal-President u l-Viċi President tal-Bord Superviżorju proposti fil-kumitat kompetenti tal-Parlament.

o Il-Parlament għandu jiddeċiedi dwar l-approvazzjoni tal-kandidat propost mill-BĊE għall-President u l-Viċi President permezz ta' votazzjoni fil-kumitat kompetenti u fil-plenarja. Il-Parlament, normalment, filwaqt li jqis il-kalendarju tiegħu, ifittex li jieħu dik id-deċiżjoni fi żmien sitt ġimgħat mill-proposta.

§ Jekk il-proposta għall-President ma tiġix approvata, il-BĊE jista' jiddeċiedi jew li jagħżel mil-lista ta' kandidati li applikaw oriġinarjament għall-pożizzjoni jew li jerġa' jinbeda l-proċess ta' għażla, inkluż l-elaborazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' post battal pubbliku ġdid.

§ Il-BĊE għandu jressaq kwalunkwe proposta biex jitneħħa l-President jew il-Viċi President mill-kariga lill-Parlament u jipprovdi l-ispjegazzjonijiet.

§ Il-proċess ta' approvazzjoni se jkun fih:

o Votazzjoni fil-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar abbozz ta' riżoluzzjoni; kif ukoll

o Votazzjoni fil-plenarja, għal approvazzjoni jew oġġezzjoni, dwar dik ir-riżoluzzjoni.

§ Fejn il-Parlament jew il-Kunsill ikun informa l-BĊE li jqis il-kundizzjonijiet għat-tneħħija tal-President jew tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju bħala ssodisfati għar-raġunijiet tal-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) Nru.../2013, il-BĊE għandu jipprovdi l-kunsiderazzjonijiet tiegħu bil-miktub fi żmien erba' ġimgħat.

III. Investigazzjonijiet

§ Fejn il-Parlament iwaqqaf Kumitat ta' Inkjesta, skont l-Artikolu 226 tat-TFUE u d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni[4], il-BĊE li jaġixxi f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, għandu jassisti lill-Kumitat ta' Inkjesta biex iwettaq il-kompiti tiegħu bi qbil mal-prinċipju tal-kooperazzjoni sinċiera.

§ Kwalunkwe attività tal-Kumitat ta' Inkjesta li jassisti l-BĊE għandha ssir fil-ambitu tad-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA.

§ Il-BĊE għandu jikkoopera b'mod sinċier ma' kwalunkwe investigazzjoni mill-Parlament imsemmija fl-Artikolu 20(9) tar-Regolament (UE) Nru.../2013 fi ħdan l-istess qafas li japplika għall-Kumitati ta' Inkjesta u taħt l-istess protezzjoni ta' kunfidenzjalità kif previst f'dan il-Ftehim għal-laqgħat kunfidenzjali bil-fomm (I.2.).

§ Ir-reċipjenti kollha tal-informazzjoni pprovduta lill-Parlament fil-kuntest ta' investigazzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal rekwiżiti ta' kunfidenzjalità ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-membri tal-Bord Superviżorju u għall-persunal superviżorju tal-BĊE, u l-Parlament u l-BĊE għandhom jaqblu dwar il-miżuri li jridu jiġu applikati ħalli tiġi żgurata l-protezzjoni ta' tali informazzjoni.

§ Fejn il-protezzjoni ta' interess pubbliku jew privat rikonoxxuta fid-Deċiżjoni 2004/258/KE tirrikjedi li tinżamm il-kunfidenzjalità, il-Parlament għandu jiżgura li din il-protezzjoni tinżamm u m'għandux jiżvela l-kontenut ta' kwalunkwe informazzjoni bħal din

§ Id-drittijiet u l-obbligi tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, kif ġew stipulati fid-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-BĊE.

§ Kwalunkwe tibdil fid-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA minn att legali ieħor jew emenda tiegħu għandu jwassal għal rinegozjar tal-parti III ta' dan il-Ftehim. Sakemm ma jinstabx Ftehim ġdid dwar il-partijiet rispettivi, dan il-Ftehim għandu jibqa' validu inkluż id-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA fil-verżjoni tiegħu fid-data tal-firma ta' dan il-ftehim.

IV. KODIĊI TA’ KONDOTTA

§ Qabel l-adozzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta msemmija fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru.../2013, il-BĊE għandu jinforma l-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar l-elementi ewlenin tal-Kodiċi ta' Kondotta maħsub.

§ Fuq talba bil-miktub tal-kumitat kompetenti tal-Parlament, il-BĊE għandu jinforma lill-Parlament bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta. Il-BĊE għandu jinforma wkoll lill-Parlament dwar il-bżonn ta' aġġornamenti fil-Kodiċi ta' Kondotta.

§ Il-Kodiċi ta' Kondotta għandu jindirizza kwistjonijiet ta' kunflitti ta' interess u jiżgura r-rispett tar-regoli dwar is-separazzjoni bejn il-funzjonijiet tal-politika superviżorja u monetarja.

V. ADOZZJONI TAL-ATTI MILL-BĊE

§ Il-BĊE għandu jinforma kif suppost lill-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar il-proċeduri (inkluż iż-żmien) li stabbilixxa għall-adozzjoni tar-regolamenti, id-deċiżjonijiet, il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet tal-BĊE ("atti"), li huma suġġetti għal konsultazzjoni pubblika bi qbil mar-Regolament (UE) Nru.../2013.

§ Il-BĊE għandu jinforma b'mod partikolari lill-Parlament dwar il-prinċipji u t-tipi ta' indikaturi jew informazzjoni li ġeneralment qed juża biex jiżviluppa atti u rakkomandazzjonijiet ta' politika, bil-għan li jiżdiedu t-trasparenza u l-konsistenza mal-politika.

§ Il-BĊE għandu jibgħat l-abbozz tal-atti lill-kumitat kompetenti tal-Parlament qabel il-bidu tal-proċedura ta' konsultazzjoni pubblika. Fejn il-Parlament jibgħat kummenti għall-atti, jista' jkun hemm skambji informali ta' opinjonijiet mal-BĊE dwar kummenti bħal dawn. Tali skambji ta' opinjonijiet informali għandhom isiru b'mod parallel mal-konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa li l-BĊE għandu jagħmel bi qbil mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru.../2013.

§ Ladarba l-BĊE jkun adotta att, huwa għandu jibagħtu lill-kumitat kompetenti tal-Parlament. Il-BĊE għandu jinforma wkoll b'mod regolari lill-Parlament bil-miktub dwar il-bżonn li jiġu aġġornati l-atti adottati.

VI. DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

1. L-implimentazzjoni prattika ta' dan il-Ftehim għandu jiġi vvalutat miż-żewġ istituzzjonijiet kull tliet snin.

2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru.../2013 jew fid-data wara l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, skont liema jiġi l-aħħar.

3. L-obbligi rigward il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni għandhom ikomplu jkunu vinkolanti għaż-żewġ istituzzjonijiet anki wara t-tmiem ta' dan il-Ftehim.

4. Dan il-Ftehim għandu jiġi ppublikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, [data]

Għall-Parlament Ewropew                                                                      Għall-Bank Ċentrali Ewropew

Il-President                                                                              Il-President

M. Schulz                                                                                               M. Draghi

  • [1]               ĠU L ...
  • [2]  Deċiżjoni 2004/258/KE tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 42).
  • [3]  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
  • [4]  Id-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċitar tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew, ĠU L 78, 6.4.1995, p. 1.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-ftehim interistituzzjonali (AII) li qed jiġi eżaminat hu riżultat ta' negozjati kumplessi li ntemmu fil-bidu ta' Settembru 2013 u li ppermettew li l-Parlament Ewropew japprova r-regolament dwar il-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU)[1].

Il-Kunsill Ewropew tat-28-29 ta' Ġunju 2012 kien talab biex titwaqqaf unjoni bankarja tal-Unjoni għall-pajjiżi taż-żona tal-euro bbażata fuq tliet pilasti, fosthom superviżjoni bankarja unika, fond (mekkaniżmu) Ewropew ta' riżoluzzjoni (għall-falllimenti bankarji) u sistema ta' garanzija Ewropea għad-depożiti. Il-proposti tal-Kummissjoni dwar mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU), li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) il-kompitu ta' superviżjoni tal-banek kemm taż-żona euro u kemm tal-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw fl-MSU, ġew adottati fit-12 ta' Settembru 2012.

Jum wara li dawn il-proposti ġew adottati mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar "Il-proposti dwar Unjoni Bankarja Ewropea (UBE)"[2], filwaqt li enfasizza li "kwalunkwe bidla maġġuri fis-superviżjoni, inkluż ċaqliq lejn istituzzjonijiet oħra, jeħtieġ li tkun akumpanjata minn żieda ekwivalenti fit-trasparenza u r-responsabbiltà ta’ tali istituzzjonijiet lejn il-Parlament Ewropew, li jeħtieġ li jkollu drittijiet sħaħ li jagħmel mistoqsijiet u setgħat sħaħ rigward proċeduri ta’ ħatra u proċeduri baġitarji".

Għal din ir-raġuni, matul in-negozjati bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-proposta għall-MSU, il-Parlament talab biex, minbarra r-regolament li jagħti kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar politiki li jirrigwardaw is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu, jiġi konkluż Ftehim Interistituzzjonali (IIA) bejn il-Parlament u l-BĊE. Dan il-Ftehim Interistituzzjonali, bi qbil mal-Artikolu 20(9) tar-regolament inkwistjoni, kellu jiddetermina "l-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizzju ta' responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizzju tal-kompiti mogħtija lill-BĊE".

In-negozjati biex jitfassal dan il-IIA bejn il-Parlament u l-BĊE seħħew bejn Mejju u Settembru 2013 u ġew konklużi qabel ma l-Parlament ivvota dwar il-proposti għal regolament fit-12 ta' Settembru 2013. Il-ftehim jipprevedi monitoraġġ parlamentari b'saħħtu tal-eżerċizzju tal-kompiti ta' superviżjoni tal-BĊE, permezz ta' skambji regolari ta' opinjonijiet mal-kumitat kompetenti tal-Parlament, ta' diskussjonijiet orali bil-magħluq mal-Bureau tal-istess kumitat, u fl-aħħarnett, aċċess akbar għall-informazzjoni, inklużi partijiet mhux kunfidenzjali tal-minuti tal-bord ta' sorveljanza. Il-ftehim jiggarantixxu wkoll il-kollaborazzjoni sħiħa bejn iż-żewġ istituzzjonijiet fi kwalunkwe investigazzjoni. Fl-aħħarnett, l-abbozz tal-AII jipprevedi għall-kontroll parlamentari dwar il-proċedura tal-għażla tal-President tal-Bord ta' Sorveljanza.

Dikjarazzjoni mill-Presidenti taż-żewġ Istituzzjonijiet akkumpanjat il-vot tal-Parlament Ewropew dwar it-testi leġiżlattivi tal-MSU, li fihom ikkonfermaw l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-abbozz tat-test u b'hekk talbu liż-żewġ istituzzjonijiet jadottaw formalment il-ftehim interistituzzjonali mill-aktar fis possibbli.

Fuq il-bażi tat-12 ta' Settembru 2013, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew tat l-appoġġ unanimu tagħha għall-abbozz tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-BĊE.

F'konformità, għalhekk, mal-Artikolu 127 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, l-abbozz ta' ftehim tressaq quddiem il-Kumitat AFCO sabiex jiġi eżaminat.Tali eżami kkonċentra fuq il-valutazzjoni ġenerali tas-sinifikat istituzzjonali fid-dawl tat-Trattati, li kienet assolutament pożittiva, u fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ftehim propost jitlobx a priori emenda tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew. Din l-emenda, madankollu, ma kenitx meħtieġa.

Fir-rigward ta' din il-kwisjtoni, u minħabba l-implikazzjonijiet mhux biss ġuridiċi ta' dan il-Ftehim Interistituzzjonali fuq il-Parlament Ewropew, dan qed jitlob ukoll il-pubblikazzjoni tiegħu bħala anness għar-regolament imsemmi hawn fuq.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni

17.9.2013

Data tal-adozzjoni

17.9.2013