RAPPORT dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2013

8.10.2013 - (2013/2134(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Elisa Ferreira
Rapporteurs għall-opinjoni (*):
Catherine Trautmann, Kumitat għall-Baġits;
Verónica Lope Fontagné, Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
(*) Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura


Proċedura : 2013/2134(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0322/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2013

(2013/2134(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2012 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2012[1],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Marzu 2013,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(2) tiegħu,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[2],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri[3],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro[4],

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1177/2011 tat-8 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv[5],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[6],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro[7],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom[8],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro[9],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 (COM(2012)0750),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013[10],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 bit-titolu "It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE – Għodda għall-promozzjoni ta' ġustizzja u tkabbir effettivi" (COM(2013)0160),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Mejju 2013 li takkumpanja l-abbozz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2013 u msemmija "Is-Semestru Ewropew 2013: rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi – Nieħdu l-Ewropa lil hinn mill-kriżi’ (COM(2013)0350),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2013 dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-ewro (COM(2013)0379), kif ukoll il-proposti kollha tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Mejju 2013 għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għal Stati Membri individwali tal-Unjoni Ewropea,

–    wara li kkunsidra l-istudju tal-2012 bit-titolu "Dejta għall-valutazzjoni tal-proċess tas-Semestru Ewropew mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi"[11],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0322/2013),

A. billi l-kriżijiet ekonomiċi, soċjali, finanzjarji u ta’ dejn sovran għadhom ma ttaffewx u billi l-objettiv ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) iktar ibbilanċjata, robusta, stabbli u integrata għadu fil-proċess li jintlaħaq;

B.  billi l-kriżi tad-dejn sovran taż-żona tal-euro qed ikollha impatt sinifikanti fuq is-suq tal-flus tal-euro u anke fuq il-miżuri ta’ politika straordinarji tal-Eurosistema;

C. billi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) tal-Kummissjoni fihom xi informazzjoni utli u dettaljata, iżda b’mod ġenerali jistħoqqilhom li jiġu definiti b'mod preċiż u mtejba għal ċerti Stati Membri, b'mod partikolari f’termini tal-bilanċ tal-preskrizzjonijiet ta' politika fl-oqsma tal-politika; billi hemm ukoll marġini għal titjib fir-rigward tal-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-programmi ta' Riforma Nazzjonali u segwitu għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi;

D. billi l-SMEs jibqgħu s-sinsla tal-ekonomija taż-żona tal-euro, fejn jirrappreżentaw madwar 98 % tal-kumpaniji kollha taż-żona tal-euro, jimpjegaw madwar tliet kwarti tal-impjegati taż-żona tal-euro u jiġġeneraw madwar 60 % tal-valur miżjud;

E.  billi huwa importanti li jiġi salvagwardjat ir-rwol tas-sħab soċjali u jiġu rispettati d-diversi prattiki nazzjonali u l-istituzzjonijiet fir-rigward tal-formazzjoni tal-pagi meta jiġi implimentat is-Semestru Ewropew;

F.  billi hija meħtieġa azzjoni urġenti f’ħafna oqsma, fost l-oħrajn fir-restawr tas-self lill-ekonomija reali u lill-SMEs, li jinvolvi l-iżvilupp ta' riżorsi alternattivi tal-iffinanzjar, biex l-ambjent tan-negozju jsir aktar kompetittiv, fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar tat-taxxa aggressiv, fir-restawr tas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi u fit-tfittxija ta’ soluzzjonijiet Ewropej effettivi għall-qgħad u għalhekk jiġi stabbilit suq tax-xogħol integrat għalkollox u wkoll li jsaħħaħ b'mod sinifikanti d-dimensjoni soċjali tal-UEM;

G. billi l-leġittimità demokratika tal-governanza ekonomika fis-Semestru Ewropew teħtieġ rispett reali u ddedikat għall-prerogattivi parlamentari fil-livell nazzjonali u Ewropew kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni li huma stabbiliti fit-Trattati u fil-liġi tal-UE, kontra t-tendenza ta’ kultura dejjem aktar diparlamentizzata u intergovernattiva tat-tfassil ta’ politika ekonomika fil-livell tal-UE;

H. billi l-involviment tas-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa essenzjali biex jitwettqu valutazzjonijiet soċjali tal-impatt tal-kriżi fil-post, u b’hekk jittieħdu miżuri adegwati;

I.   billi, peress li d-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti bl-hekk imsejjaħ ‘2-pack’ diġà daħlu fis-seħħ, is-CSRs żdiedu fl-importanza issa li l-programmi ta’ riforma nazzjonali u l-programmi ta’ stabbiltà jridu jkunu konsistenti magħhom;

J.   billi, għalkemm fil-każ tal-Istati Membri taħt programm ta’ assistenza finanzjarja, ir-rakkomandazzjonijiet ġew infurzati b’mod strett, il-livell ta’ konformità mill-bqija tal-Istati Membri ma’ CSRs ta’ qabel hija baxxa;

K. billi t-2-pack jistabbilixxi regoli fi ħdan il-metodu tal-Komunità fir-rigward tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li qed jesperjenzaw jew li huma mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom;

L.  billi s-suq uniku u l-koeżjoni tal-UE jridu jiġu żgurati;

M. billi t-teknoloġiji ġodda joffru opportunitajiet ġodda għall-organizzazzjoni tax-xogħol, kemm għall-impjegati kif ukoll għall-kuntratturi, li jistgħu jippromwovu bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja, u għalhekk inklużjoni ikbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

N. billi, fis-17 ta' Settembru 2013, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament għamel laqgħa mal-parlamentari nazzjonali biex jiddiskuti l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill bil-għan li jitqiesu aħjar l-effettività tagħhom u l-effetti sekondarji potenzjali fl-UE;

1.  Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni speċifiċi għall-pajjiżi, adottati mill-Kunsill; jinnota li hemm lok għal titjib; jilqa' l-fatt li dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma aktar dettaljati mill-edizzjonijiet preċedenti tagħhom u jagħtu aktar informazzjoni dwar l-assidwità tal-Istati Membri fit-twettiq tal-obbligi li huma ftiehmu fil-passat; jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ‘biex jirnexxu, il-politiki mhux biss iridu jkunu mfassla tajjeb, iżda jrid ikollhom appoġġ politiku u soċjali’, u li l-Ewropa u l-Istati Memri jeħtieġu, lil hinn mill-konsolidazzjoni fiskali, riformi strutturali li jwasslu għal tkabbir reali, sostenibbli u soċjalment ibbilanċjat, impjieg sostenibbli u kompetittività msaħħa, filwaqt li jridu jsiru miżuri aktar speċifiċi u urġenti biex jiġu indirizzati l-livelli għoljin b’mod mhux aċċettabbli ta’ qgħad, b’mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni biex f’dan ir-rigward timmonitorja l-konformità tar-rapporti tal-Istati Membri kollha mal-miri tal-Ewropa 2020, b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tal-faqar u l-impjiegi, u biex tagħti ħarsa bir-reqqa lejn l-interkonnessjonijiet u l-interdipendenzi bejn il-politiki;

2.  Jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-pajjiżi ‘bid-defiċit’ iridu jagħtu spinta lill-kompetittività tagħhom u li l-pajjiżi ‘b’bilanċ pożittiv’ iridu jagħtu spinta, fejn ikun possibbli, lid-domanda tagħhom, b'mod proporzjonat u sostenibbli, sabiex jikkontribwixxu għall-istabbiltà u t-tkabbir taż-żona tal-euro;

3.  Jemmen li l-ekonomija inġenerali tal-UE trid tagħti spinta lill-kompetittività tagħha fl-ekonomija globali, b’mod partikolari biż-żieda fil-kompetittività fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi biex jissaħħu l-produttività u l-prezzijiet baxxi, u billi żżomm l-ispejjeż tax-xogħol b’mod parallel mal-produttività; jisħaq li l-UE ma tistax tikkompeti fuq l-ispejjeż biss iżda trid tinvesti aktar fir-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u l-effiċjenza tar-riżorsi;

4.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill ifittxu li jevitaw milli jieħdu approċċ ta’ daqs wieħed għal kulħadd għas-CSRs biex b'hekk jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet huma adattati skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u l-ħtiġijiet tal-Istat Membru kkonċernat filwaqt li jibqgħu ffukati fuq politiki għat-tkabbir u l-istabilità fiskali; jistieden lill-Istati Membri biex jivvalutaw l-impatt soċjali tal-pjanijiet ta’ riforma ekonomika u strutturali, u biex jiżguraw li ssir evalwazzjoni ġenwina tal-implimentazzjoni tagħhom bil-għan li jkun hemm koordinazzjoni u adattament aktar effiċjenti u mifruxa fuq il-politiki;

5.  Jinnota li l-istituzzjonijiet sovrani u finanzjarji juru vulnerabilitajiet persistenti f’ambjent ta’ tkabbir baxx;

6.  Jinnota li l-Kummissjoni identifikat livell sinifikanti ta’ progress meta mqabbel mas-snin preċedenti fi 15 % biss tal-madwar 400 rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiżi;

7.  Jilqa’ l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma diretti mhux biss lejn l-Istati Membri, iżda wkoll lejn iż-żona ewro kollha kemm hi; jikkunsidra li r-rakkomandazzjonijiet li saru lill-Istati Membri jridu jqisu dejjem aktar l-interdipendenza qawwija bejn l-ekonomiji tal-UE, partikolarment fiż-żona tal-euro, jew l-informazzjoni relevanti kollha li tinstab fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija;

8.  Jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, is-sorveljanza multilaterali, l-iskambju ta’ esperjenzi u l-aħjar prattiki u l-evalwazzjonijiet bejn il-pari;

9.  Jitlob investigazzjoni iktar fil-fond tar-raġunijiet għaż-żieda enormi u viżibbli fid-diverġenzi interni fil-kompetittività, il-konsolidazzjoni fiskali u l-prestazzjoni ekonomika fl-Istati Membri kollha li rriżultaw mill-funzjonament tal-munita unika u b’mod partikolari tal-impatt asimmetriku ta’ politiki komuni;

10. Jitlob għal interpretazzjoni prudenti tal-indikaturi tat-tkabbir ‘tal-irkupru kajman’ u jirrakkomanda ħarsa aktar mill-viċin fis-sostenibilità tat-titjib identifikat, b'mod partikolari fil-kummerċ u fil-bilanċi tal-kontijiet attwali u fid-defiċits pubbliċi, u fil-progress fir-riformi strutturali; jitlob li tingħata ħarsa aktar mill-qrib lejn il-kwalità tal-previżjonijiet ekonomiċi peress li l-previżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni ġew aktar iva milli le riveduti suċċessivament ’l isfel; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitfasslu programmi ta’ assistenza taħt suppożizzjonijiet u xenarji konservattivi aktar milli ottimisti, sabiex jiġu evitati l-effetti ta’ riżultati mhux miksuba u proċikliċi;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi l-objettivi nazzjonali tal-istrateġija Ewropa 2020 fir-rakkomandazzjonijiet maħruġa lill-Istati Membri skont il-Programmi ta’ Aġġustament Ekonomiku u biex jitqiesu kif suppost ir-restrizzjonijiet maħluqa minn programmi ta’ aġġustament fl-għoti ta' tali objettivi; jitlob ukoll biex il-leġitimità demokratika ta' tali programmi tiġi mħeġġa u miżjuda;

12. Jilqa' l-fatt li xi Stati Membri ppreżentaw rapporti dwar il-progress fir-rigward tal-istrateġija Ewropa 2020 u, f'xi każijiet semmew proġetti speċifiċi biex jilħqu l-objettivi; jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu tali rapporti fil-kontributi tagħhom għas-Semestru Ewropew 2014; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ppreżentatx rapport ta’ progress dwar l-istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta dan ir-rapport kull sena;

13. Jiddeplora l-fatt li l-ebda waħda mis-CSRs ma tindirizza l-isfida tal-impatt tar-reġim ta’ tassazzjoni fuq ix-xogħol fuq l-investiment fit-tul u r-riżultat f’termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi;

14. Jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-kompetittività Ewropea ‘ma tistax u mhux se tkun ibbażata biss fuq l-ispejjeż’; jinnota, barra minn hekk, li huwa essenzjali li jitjiebu l-produttività, inklużi l-kapital, il-produttività tar-riżorsi u tal-enerġija, l-inklużjoni soċjali, l-investiment fl-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-effiċjenza tar-riżorsi, f’konformità mal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020; jinkoraġġixxi iktar progress fir-rigward tal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 speċjalment fil-qasam tal-impjiegi; jitlob li dak li hu msemmi hawn fuq ikun rifless b’mod adegwat fis-CSRs tal-pajjiżi ‘bid-defiċit’ peress li dawn huma Stati Membri li huma fi ħtieġa kritika li jagħtu spinta lill-kompetittività tagħhom;

15. Jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-Kummissjoni fil-qasam tat-tassazzjoni ambjentali u l-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi tiegħu u jistieden lill-Kummissjoni tqis l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li ġej; jenfasizza l-impatt pożittiv mil-lat baġitarju, ta' impjiegi, soċjali u ambjentali jekk ikun hemm tassazzjoni ambjentali minflok tassazzjoni fuq ix-xogħol;

16. Jiddispjaċih għad-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ EUR 120 biljun ‘Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi’ miftiehem f’Ġunju 2012, tal-inizjattiva tal-Bonds għall-Proġetti mnedija f’Novembru 2012 u tal-investiment addizzjonali ta’ EUR 180 biljun mill-BEI; jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni jinvestigaw u jneħħu mill-iktar fis possibbli l-ostakoli li qed jipprevjenu t-twettiq sħiħ ta’ dawn l-inizjattivi;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tibgħat b’mod urġenti proposti leġiżlattivi bil-għan li jinħoloq proċess ġenwin ta’ konverġenza fis-Semestru tal-UE bbażat fuq l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u li jinkludi inċentivi li jappoġġjaw l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, fil-forma ta’ Strument għall-Konverġenza u l-Kompetittività (CCI) kif ukoll dispożizzjonijiet dwar koordinazzjoni ta’ politika ekonomika ex ante bbażati fuq il-metodu tal-Komunità, bħala l-ewwel pass lejn kapaċità fiskali Ewropea;

18. Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li s-CCIs għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ faċilità ġdida skattata u ggvernata taħt il-metodu tal-Komunità bħala parti integrali tal-baġit tal-UE, iżda iktar mil-limiti tal-QFP; jaqbel mal-Kummissjoni li s-CCIs huma l-ewwel elementi fundamentali ta’ kapaċità fiskali ġenwina li tappoġġja s-solidarjetà, il-koeżjoni u l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali sostenibbli li jsaħħu t-tkabbir;

19. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fl-ambitu ta’ CCI appoġġ finanzjarju għar-riformi strutturali f’oqsma li jibblokkaw id-dinamiżmu u l-effiċjenza ekonomika;

20. Jilqa’ l-użu mill-Kummissjoni tal-flessibbiltà offruta mill-PST rivedut sabiex jiġu estiżi l-iskadenzi għall-korrezzjoni ta’ defiċits eċċessivi f’seba’ proċeduri; jifhem li din l-estensjoni tagħmilha eħfef għal dawk il-pajjiżi li jimplimentaw ir-riformi strutturali li għandhom bżonn; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li l-kontenut u l-kalendarju tal-pjan ta’ aġġustament fiskali jkunu adattati għall-ispeċifiċità ta’ kull pajjiż u b’mod partikolari fil-pajjiżi ‘bid-defiċit’, jinkludu l-flessibilità msemmija qabel u l-użu sħiħ tal-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej, riformi strutturali sodi u sostenibbli u l-identifikazzjoni tal-investimenti (jiġifieri fis-CSR) essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività; jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li fil-valutazzjoni tal-eżekuzzjoni baġitarja ta’ din is-sena, u fl-analiżi tal-baġits nazzjonali għall-2014, il-Kummissjoni diġà se tipprova takkomoda, b'mod partikolari fi ħdan il-fergħa preventiva tal-PST, taħt ċerti kundizzjonijiet, programmi ta’ investimenti pubbliċi li mhumiex rikorrenti b’impatt ippruvat fuq is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi, filwaqt li jiġu rispettati għalkollox il-qafas tas-sorveljanza fiskali tal-UE; jistenna bil-ħerqa l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, mistennija dalwaqt, dwar il-qafas operazzjonali konkret li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament, bi qbil mad-dikjarazzjoni mehmuża fit-2-pack;

21. Jinnota l-komunikazzjoni dwar il-qafas armonizzat għall-abbozz ta’ pjanijiet baġitarji u r-rapporti dwar il-ħruġ ta’ dejn fiż-żona euro adottata mill-Kummissjoni bħala linji gwida fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 473/2013; jistenna bil-ħerqa d-djalogu ekonomiku previst mill-Kummissjoni dwar il-kontenut ta’ dawn il-linji gwida;

22. Jilqa’ l-inklużjoni ta’ linji gwida ta’ rappurtar dwar indikazzjonijiet dwar kif miżuri fl-abbozzi ta’ pjanijiet baġitarji jindirizzaw is-CSRs, il-miri stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020, il-linji gwida ta’ rappurtar dwar l-impatt distributorju mistenni tal-miżuri ewlenin ta’ nfiq u dħul kif ukoll dettalji dwar in-nefqa ġenerali tal-gvern skont il-funzjoni; jenfasizza li tali linji gwida se jiffaċilitaw il-monitoraġġ tal-miżuri baġitarji meħuda bil-għan li jintlaħqu l-miri nazzjonali tal-istrateġija Ewropa 2020;

23. Jistenna bil-ħerqa d-divulgazzjoni li ġejja miftiehma dwar l-eżitu tat-2-pack tal-parametri u l-punti ta’ riferiment metodoloġiċi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri inklużi stimi ta’ multiplikaturi fiskali li jkunu moħbija fil-prospetti makroekonomiċi;

24. Jinnota li l-iżviluppi tal-pagi riċenti fil-pajjiż ‘b’bilanċ pożittiv’ qed jikkontribwixxu għas-sostenibilità tad-domanda u anke jkollhom effetti sekondarji pożittivi fi bnadi oħrajn fl-UE; jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-pajjiżi ‘b’bilanċ pożittiv’ bi spazju fiskali suffiċjenti għandhom rwol xi jwettqu biex tingħeleb il-kriżi attwali, inkluż billi jnaqqsu t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u billi jiżviluppaw pagi sabiex tingħata spinta lid-domanda domestika sostenibbli u titqies il-kompetittività internazzjonali; il-pajjiżi ‘b’bilanċ pożittiv’ jistgħu jħeġġu wkoll l-opportunitajiet ġodda tal-investiment favur it-tkabbir permezz tas-setgħa tal-akkwist tagħhom, speċjalment pemezz tal-investiment fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-enerġija u l-infrastruttura, jimmodernizzaw is-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-pensjoni, u jiftħu s-settur tas-servizzi tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-effetti sekondarji pożittivi li jista’ jkollhom dawn l-azzjonijiet fl-UE kollha, partikolarment jekk jiġu implimentati mill-akbar ekonomiji fi ħdan l-Unjoni;

25. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa politika industrijali Ewropea ġenwina, ibbażata fuq il-kompetittività u l-innovazzjoni miżjuda, li tiffoka fuq ir-restawr tal-kompetittività industrijali Ewropea u politiki ta’ ridimensjonament li jwasslu biex il-kumpaniji jittrasferixxu l-attività tagħhom ’il barra mill-UE; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa politika Ewropea tal-kummerċ estern koerenti, ibbażata fuq ir-reċiproċità u l-istandards minimi kondiviżi, b’mod partikolari fi kwistjonijiet soċjali u ambjentali; jemmen li huwa biss permezz tal-ġestjoni intelliġenti tar-relazzjoni tagħha ‘mal-globalizzazzjoni’ li l-Ewropa tista’ tiggarantixxi t-tkabbir, l-impjiegi, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-konformità mal-liġi internazzjonali u Ewropea u l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u għal diversi Stati Membri, l-allokazzjoni mill-ġdid progressiva rrakkomandata tar-riżorsi lil hinn mis-setturi mhux kummerċjabbli fis-setturi kummerċjabbli;

26. Ifaħħar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-miżuri ta' appoġġ finanzjarju meħuda mill-Istati Membri u l-UE għandhom jagħtu iktar attenzjoni lill-impatt distribuzzjonali tar-riformi u jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni ex ante bir-reqqa tal-impatt soċjali kemm fuq perjodu qasir kif ukoll dak twil tar-riformi rakkomandati l-ġodda kollha u biex tieħu l-konklużjonijiet meħtieġa kollha mir-rakkomandazzjonijiet preċedenti, inklużi dawk magħmula lill-Istati Membri li qegħdin taħt programmi ta’ assistenza finanzjarja;

27. Jistieden lill-Kummissjoni tibgħat proposti leġiżlattivi biex tikkompleta l-UEM, li għandhom jinkludu pilastru soċjali u jwaqqfu patt soċjali għall-Ewropa, kif inhu rakkomandat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 bit-titolu "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina", għax l-istabbilizzaturi awtomatiċi nazzjonali huma blukkati fl-Istati Membri fejn l-iktar li hemm bżonnhom; għal dan il-għan iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi tabella ta’ valutazzjoni separata marbuta mad-dimensjoni soċjali tal-UEM; jissuġġerixxi li r-rieżamijiet fid-dettall previsti fil-Proċedura ta’ Żbilanċi Ekonomiċi għandhom jagħmlu rieżami b’mod regolari tal-politiki tal-impjiegi u soċjali bil-għan li jiġu identifikati tali politiki li jimmitigaw il-problemi soċjali u jtejbu l-impjiegi; jemmen li din is-sistema msaħħa ta’ monitoraġġ tista’ tgħin biex jiġu kkoordinati b'mod aktar effettiv il-politiki bil-għan li jiġu identifikati u indirizzati sfidi ewlenin fil-ħin u biex jiġu integrati b'mod aktar effettiv it-tħassib dwar l-impjiegi u dak soċjali fix-xenarju globali ta’ politika;

28. Jaqbel li l-azzjoni tal-BĊE, li saret flimkien ma' riformi strutturali u l-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi, ‘ikkontribwiet b’mod deċiżiv għall-istabbiltà taż-żona tal-euro’; jirrikonoxxi li din l-azzjoni kellha l-effett li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-iffinanzjar għoljin b'mod mhux sostenibbli minn ċerti Stati Membri permezz tal-Programm tas-Suq tat-Titoli (SMP) u u pprovdiet pjan ta’ emerġenza ta’ likwidità għas-swieq tad-dejn sovran permezz ta’ Tranżazzjonijiet Monetarji Diretti (OMTs), billi evitat l-isfaxxar tas-settur bankarju u għenet fit-tisħiħ tar-rabta bejn il-banek u s-sovranità, li jillimita l-ispekulazzjoni dwar id-dejn sovran u naqqset b’mod temporanju l-firxiet; madankollu, jikkunsidra li n-nuqqas ta’ tkabbir sostenibbli u livelli għolja (u li għadhom qed jogħlew) ta’ dejn privat u pubbliku f’ħafna Stati Membri jfissru li huwa meħtieġ ‘proċess ta’ tnaqqis fl-ingranaġġ ġestit b’attenzjoni’; jaqbel mal-Kummissjoni li t-titjib fis-saħħa tas-settur bankarju jrid jibqa’ prijorità; jilqa' t-twaqqif mill-Kummissjoni, skont l-impenn li ħadet quddiem il-Parlament fid-dikjarazzjoni mehmuża mat-2-pack, tal-grupp ta' livell għoli ppresedut minn Gertrude Tumpel-Gugerell biex ifannad l-analiżi tas-sostituzzjoni parzjali tal-ħruġ tad-dejn nazzjonali permezz ta' ħruġ konġunt fil-forma ta' fond ta' tifdija u ewrokambjali, u biex jivvalutaha b'mod dettaljat, billi jitqiesu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-għażliet differenti; jinsab ħerqan dwar ir-rapport tal-grupp ta' livell għoli;

29. Jenfasizza li l-finanzjament tal-ekonomija reali u b’mod partikolari tal-SMEs, ma ġiex restawrat fil-periferija tal-UE; jinnota li d-differenzi kbar fl-aċċess għall-finanzi għandhom tendenza li jesaġeraw id-diverġenzi interni fl-UE, u fiż-żona tal-euro b’mod partikolari, u jfixklu s-suq intern permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni inġusta; ifakkar li l-konsolidament tal-portafoll tal-banek huwa prerekwiżit iżda jenfasizza li l-prospetti ekonomiċi negattivi jiġġustifikaw b’mod parzjali biss dawn il-limitazzjonijiet ta’ kreditu restrittivi; jitlob sorveljanza aktar mill-qrib tal-applikazzjoni tar-regoli prudenzjali ġodda u tal-prattiki tas-settur bankarju fil-finanzjament tal-ekonomija reali, b’mod partikolari l-SMEs ekonomikament vijabbli; jagħraf f’dan ir-rigward ir-rwol importanti li jista’ jkollhom l-istrumenti finanzjarji innovattivi l-ġodda fi programmi Ewropej varji u fil-Politika ta’ Koeżjoni fit-trawwim ta’ investiment pubbliku u privat, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura ċarezza u trasparenza legali ta’ implimentazzjoni madwar strumenti finanzjarji ġodda fi żmien xieraq u qabel il-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020; jitlob għal analiżi u kontroll iktar stretti tas-sistema bankarja parallela (shadow banking) u l-effett tagħha fuq l-ekonomija reali; jitlob lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-ħidma fuq sorsi alternattivi u diversifikati ta’ finanzjament għall-SMEs, b’mod partikolari permezz tas-swieq finanzjarji, il-fondi struttural u tal-investiment Ewropej, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew tal-Investiment u l-banek ta’ żvilupp pubbliku;

30. Jenfasizza li t-tnaqqis tad-diversi atturi finanzjarji fis-swieq nazzjonali jissuġġerixxi li qed jiddgħajfu minħabba frammentazzjoni tas-suq intern permezz ta' konċentrazzjoni eċċessiva, li qed timblokka s-suq interbankarju u ċċaħħad il-vantaġġi tas-suq intern jiġifieri diversifikazzjoni tar-riskji u opportunitajiet akbar;

31. Jenfasizza l-ħtieġa li jitkomplew programmi maħsuba biex jinkoraġġixxu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ billi jiġu maħluqa għalihom opportunitajiet ta’ bidu ta’ negozju speċjali, flimkien ma’ aktar aċċess għal finanzjament Ewropew u pariri dwar in-negozju;

32. Jilqa’ l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni biex jinħoloq Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (inklużi Awtorità Ewropea Unika u Fond Ewropew Uniku ffinanzjat mill-industrija), li huwa essenzjali biex titlesta l-Unjoni Bankarja; jitlob lill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Parlament biex jaqblu ta' malajr dwar il-ħolqien ta' Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni; iħeġġeġ lill-Kunsill jikkonkludi malajr in-negozjati mal-Parlament dwar id-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti u dwar id-Direttiva tar-Riżoluzzjoni u l-Irkupru Bankarju (li jridu jiġu nnegozjati b’mod parallel);

33. Jitlob rikapitalizzazzjoni bankarja diretta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) biex tkun disponibbli, hekk kif jitwaqqaf il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), kif imħabbar fid-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern taż-żona tal-euro f'Ġunju 2012; minħabba l-urġenza biex ikun hemm Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni biex jakkompanja l-SSM, jappoġġja t-twaqqif immedjat tal-mekkaniżmu ta' pjan ta' emerġenza, b'perjodu ta’ rimborż mill-industrija; jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposta ħalli ġġib l-MES taħt l-acquis tal-Komunità filwaqt li tipprevedi responsabbiltà demokratika komprensiva tal-Parlament Ewropew;

34. Jilqa’ ‘l-Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa’ tal-Kummissjoni u r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar ‘miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa’u dwar ‘il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva’ adottati fis-6 ta’ Diċembru 2012; ifakkar fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u r-rifuġji fiskali, li identifikat azzjonijiet meħtieġa oħra li għandhom jittieħdu fil-qasam tal-frodi tat-taxxa, il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u r-rifuġji fiskali; jenfasizza li l-ġustizzja fil-qsim tal-piżijiet teħtieġ approċċ rinfurzat għall-frodi u l-evażoni tat-taxxa; jitlob għal azzjoni urġenti u strateġija komprensiva, ibbażati fuq miżuri leġiżlattivi konkreti mill-Kummissjoni biex jiġu trattati l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa u għal appoġġ ċar mill-Kunsill dwar id-dossiers imblokkati jew pendenti kollha marbuta mat-tassazzjoni;

35. Jistieden lill-Kunsill biex jikkonkludi n-negozjati għat-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, sabiex titħeġġeġ l-introduzzjoni tat-taxxa mal-Ewropa kollha u biex jiġu inklużi fl-aġenda tiegħu, b’mod urġenti, miżuri li jnaqqsu d-diskrepanza fiskali, jindirizzaw ir-rifuġji fiskali u jaħdmu dwar il-konverġenza tas-sistemi tat-taxxa fi ħdan l-UE;

36. Jemmen li l-introduzzjoni tat-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, li għandha tiġi segwita permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa, għandha titqies bħala l-ewwel pass lejn l-introduzzjoni tagħha fil-livell internazzjonali;

37. Jitlob għall-applikazzjoni sħiħa u urġenti tas-6-pack u tat-2-pack, bil-għan li titfassal mill-ġdid is-sistema ad hoc ta’ ‘trojki’ fi struttura legalment soda skont il-liġi tal-Komunità, li tirrispetta l-kontabbiltà demokratika; iħeġġeġ lit-Trojka biex tirrevedi l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tagħha li ripetutament sfat f’diżastru; jenfasizza li, fuq tul ta' żmien medju, sistema purament Ewropea tkun preferibbli u li l-Kummissjoni għandha tfassal proposti li jfasslu mill-ġdid, b'mod adegwat, il-mudell tat-"trojka";

38. Ifakkar li l-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, ikkonferma fir-rimarki tiegħu lill-Parlament fl-1 ta’ Frar 2012 li l-operazzjoni MES se tkun suġġetta għal skrutinju tal-Parlament Ewropew; għal dan il-għan, jistenna bil-ħerqa in-negozjar ta’ arranġament mal-grupp tal-euro li jipprovdi, inter alia, il-possibbiltà li jiġu organizzati smigħ u jiġu indirizzati mistoqsijiet bil-miktub lid-Direttur Maniġerjali tal-MES u l-Bord tal-Gvernaturi;

39. Jenfasizza li s-Semestru Ewropew m’għandu bl-ebda mod jipperikola l-prerogattivi tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-involviment formali xieraq tal-Parlament Ewropew fil-passi kollha tal-proċess tas-Semestru Ewropew sabiex tiżdied il-leġittimità tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw liċ-ċittadini kollha; jistieden lill-Kummissjoni ssib modi biex tiżdied il-viżibbiltà tal-proċess;

40. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-responsabbiltà demokratika għall-Parlament Ewropew u għall-parlamenti nazzjonali ta’ elementi essenzjali tal-operat taż-żona tal-euro, bħall-MES, id-deċiżjonijiet tal-grupp tal-euro u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi ta’ assistenza finanzjarja; jitlob, f’dan il-kuntest, lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika evalwazzjonijiet interni ex post tar-rakkomandazzjonijiet u l-parteċipazzjoni tagħha fit-Trojka;

41. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvolvu b’mod attiv lill-parlamenti nazzjonali tagħhom, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili fil-proċess tas-Semestru Ewropew kollu kemm hu, u b’mod partikolari fl-iżvilupp, id-diskussjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura dak l-involviment; jisħaq fuq il-fatt li l-involviment tal-partijiet interessati kollha fl-iżvilupp tar-riformi meħtieġa huwa kruċjali għat-twettiq u s-suċċess tagħhom;

42. Jenfasizza l-importanza tad-djalogu bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali bil-ħsieb li jinkiseb proċess ta’ Semestru Ewropew li jopera b’mod sħiħ u jinkiseb il-livell meħtieġ ta’ kontabbiltà demokratika fir-rigward ta’ dawk kollha involuti; jenfasizza l-utilità tal-Ġimgħa Ewropea Parlamentari dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika (EPW 2013);

43. Jiddispjaċih li l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi proposti mill-Kummissjoni ma ħarġitx fil-pubbliku f'ħin reali; jiddispjaċih li d-deliberazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, ma ħarġitx fil-pubbliku f'ħin reali;

44. Jisħaq fuq il-fatt li għandu jkun hemm qasma ċara bejn il-kompetenzi tal-livell tal-UE u dawk nazzjonali u li l-Parlament Ewropew huwa s-sede tar-responsabbiltà fil-livell tal-Unjoni; jitlob li, meta kompetenzi ġodda jiġu ttrasferiti jew maħluqa fil-livell tal-Unjoni jew meta jitwaqqfu istituzzjonijiet ġodda tal-Unjoni, iridu jiġu żgurati l-iskrutinju demokratiku korrispondenti min-naħa tal-Parlament Ewropew u r-responsabbiltà quddiem il-Parlament Ewropew;

Il-kontributi settorjali lis-Semestru Ewropew 2013

Impjiegi u politiki soċjali

45. Iqis ir-rikonoxximent mill-Kummissjoni tal-ħtieġa li jitnaqqsu t-taxxi fuq l-impjieg favur sorsi oħrajn ta' dħul bħala żvilupp pożittiv li jħaffef il-proċess ta' konsolidazzjoni fiskali fuq bażi aktar ġusta;

46. Jagħraf li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) għal din is-sena huma partikolarment importanti minħabba li l-Istati Membri qed jiddefinixxu l-prijoritajiet ta’ investiment tagħhom għall-politika ta’ koeżjoni fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss; jitlob, f’dan ir-rigward, sabiex il-fondi tal-UE jkunu mmirati aktar fuq il-prijoritajiet kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020, partikolarment permezz tal-politiki favur it-tkabbir u l-impjiegi, inkluż dwar il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fuq żmien fit-tul, u dwar il-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli, mhux prekarji, li jkunu soġġetti għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u b’paga adegwata; jesprimi t-tħassib tiegħu għad-diverġenzi soċjali u ekonomiċi li qed jiżdiedu bejn l-Istati Membri differenti;

47. Jinnota li diversi Stati Membri adottaw riformi maġġuri fis-suq tax-xogħol bil-għan li jtejbu r-reżiljenza tas-suq tax-xogħol, jintroduċu flessibilità interna u esterna akbar, inaqqsu s-segmentazzjoni u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni bejn l-impjiegi; jenfasizza li r-riformi tax-xogħol għandhom jitwettqu b'kunsens xieraq fost is-sħab soċjali;

48. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fil-linji gwida ta' politika tagħha u s-CSRs, jiżguraw li l-flessibilità neċessarja li teżisti fis-suq tax-xogħol ma tolqotx b'mod ħażin il-livelli għolja ta' protezzjoni soċjali li jiddistingwu l-mudell soċjali tagħna, u li r-riformi fis-suq tax-xogħol ikollhom l-għan li jippromwovu l-kwalità fix-xogħol, itejbu l-immaniġġjar tar-riskju soċjali, jinkiseb progress fl-inklużjoni tal-gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, jitnaqqas il-faqar fost dawk li jaħdmu, ikun hemm rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja, jiġu promossi l-ugwaljanza bejn is-sessi, u s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema b'kuntratti atipiċi u titjieb il-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom;

49. Jinnota li l-Istati Membri kollha rċevew rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-livelli ta' parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għandhom livelli baxxi ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol sabiex, b’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, isaħħu l-miżuri attivi, komprensivi u inklużivi favur is-suq tax-xogħol, bħas-servizzi tat-taħriġ u tal-impjiegi, u sabiex jintroduċu aktar riformi biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjieg ta’ kwalità, jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, jipprevjenu t-tluq kmieni mis-suq tax-xogħol, itejbu l-kompetittività u jiġġieldu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, kif ukoll iqabblu l-ħiliet tal-ħaddiema mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

50. Jirrimarka li s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ qiegħda hija partikolarment tat-tħassib u li jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti; jappella sabiex jitwaqqaf Patt Ewropew għall-Impjieg taż-Żgħażagħ li jdaħħal fis-seħħ il-miżuri li ilu li kien hemm ftehim dwarhom u li jiġu impenjati riżorsi u mizuri ġodda biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ, inaqqsu l-għadd ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) u l-faqar fost iż-żgħażagħ, billi jiġi kkunsidrat l-aspett kwalitattiv ta’ xogħol deċenti bir-rispett sħiħ tal-istandards ewlenin tax-xogħol;

51. Jistenna bil-ħerqa l-investiment inizjali tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ skont is-sejħa tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali permezz tal-emendi tiegħu għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR);

52. Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, kif ukoll is-EUR 6 biljun iddedikati għall-Inizjattiva għall-Impjieg taż-Żgħażagħ skont il-QFP li jmiss; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod urġenti l-Iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u jużaw ir-riżorsi disponibbli b’mod effiċjenti billi jikkonċentraw l-attivitajiet fuq dawk li jinsabu fis-sitwazzjonijiet l-aktar diffiċli;

53. Jilqa’ l-fatt li dawn il-fondi jistgħu jintużaw fl-ewwel sentejn tal-QFP li jmiss; jenfasizza li dan l-ammont, madanakollu, mhuwiex biżżejjed biex jiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ b'mod dejjiemi u li għandu jikkostitwixxi biss pagament inizjali li bih jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ; jirrimarka li l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) ikkalkulat li fiż-żona tal-euro biss jinħtieġu EUR 21 biljun biex jitwettaq programm effettiv kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

54. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tal-Gruppi ta’ Azzjoni tal-Impjieg taż-Żgħażagħ biex tgħin lill-Istati Membri bl-ogħla livelli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ jipprogrammaw mill-ġdid il-finanzjamenti strutturali mill-UE skont il-QFP 2007-2013 sabiex dawn ikunu mmirati favur iż-żgħażagħ; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tibni fuq il-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol (EURES) billi tintensifika u twessa’ l-attivitajiet tagħha u, b’mod partikulari, billi tippromwovi l-mobilità taż-żgħażagħ; jinnota, madankollu, li l-mobilità għandha tibqa’ volontarja u li l-isforzi biex jinħolqu postijiet tax-xogħol u taħriġ fuq il-post, ma għandhomx għalhekk ikunu llimitati;

55. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill iqisu li anke l-Istati Membri fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv għandhom l-ispazju fiskali sabiex jużaw dawn il-miżuri, b’mod partikolari jekk il-kofinanzjament tal-Istati Membri tal-miżuri għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ jiġi eżentat b’mod temporanju mill-kalkolu tad-defiċit eċċessiv;

56. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas ta’ kwalità għall-iskemi ta’ taħriġ li jinkludi, fost l-oħrajn, il-kriterji għal ħlas, miri edukattivi, kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll għal standards ta’ saħħa u sigurtà xierqa; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-sħab soċjali tal-UE jimplimentaw b’mod ambizzjuż l-Alleanza għall-Apprendistati;

57. Jemmen li hemm ħtieġa urġenti, minħabba l-għadd ta' ħaddiema, partikolarment żgħażagħ, li jitilqu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom lejn oħrajn tal-UE sabiex ifittxu opportunità ta’ xogħol, li jiġu żviluppati miżuri xierqa biex tiġi rieżaminata l-liġi tal-UE sabiex tingħata l-garanzija tal-portabilità tad-drittijiet tal-pensjoni u, għal perjodu ta' mill-anqas tliet xhur, tal-kontinwazzjoni tal-benefiċċji tal-impjieg, waqt it-tfittxjia għax-xogħol fi Stat Membru ieħor; jilqa' t-titjib li sar lill-portal Ewropew tal-mobilità u jappella biex titfassal strateġija speċifika għalih flimkien mal-Istati Membri;

58. Jilqa’ l-fatt li għall-ewwel darba, ċerti CSRs qegħdin jindirizzaw is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri rigward il-faqar; jikkundanna bil-qawwa l-fatt li l-ebda CSR ma tindirizza speċifikament il-każ tas-swieq tax-xogħol li minnhom huma esklużi n-nisa u fejn l-ebda miżura ma hija prevista sabiex tinkludihom;

59. Jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm azzjoni speċifika biex tiżdied il-parteċipazzjoni fid-dinja tax-xogħol tan-nisa, ta' ħaddiema aktar anzjani u ta' ħaddiema b'diżabilità billi jiġi żgurat li jkun hemm inċentivi effiċjenti biex wieħed jirritorna għax-xogħol jew biex wieħed jibqa' fih; ifakkar li l-kwalità, l-affordabilità u l-aċċessibilità tas-servizzi relatati mal-edukazzjoni bikrija tat-tfal, mal-kura tat-tfal u l-kura tal-anzjani għandhom rwol importanti;

60. Jenfasizza li dawk li jkunu qiegħda għal żmien twil għandhom ikunu appoġġjati permezz ta’ approċċi ta’ ħolqien ta’ impjiegi u inklużjoni attiva integrata inkluż inċentivi ta’ attivazzjoni pożittivi, bħall-programmi ta’ gwida personalizzata u għat-tranżizzjoni minn dipendenza fuq il-benefiċċji għas-suq tax-xogħol, sistemi adegwati ta’ benefiċċju, u aċċess għal servizzi ta’ kwalità li jippermettulhom li jikkollegaw mill-ġdid mas-suq tax-xogħol u li jaċċedu għal impjiegi ta’ kwalità;

61. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq green paper dwar allowance minimu għall-qgħad għaż-żona tal-euro, wara d-dibattitu fis-seduta plenarja tal-Parlament dwar id-dimensjoni soċjali tal-UEM u s-seduta organizzata fid-9 ta' Lulju 2013 mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament;

62. Ifakkar id-differenzi bejn id-domanda u l-provvista fil-ħiliet u s-sitwazzjonijiet ta’ konġestjoni tal-ħiliet f’ħafna reġjuni u setturi, kif ukoll l-inkapaċità ta’ ċerti sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet tas-suq u tal-ħaddiema f'dan il-kuntest; jilqa’ r-riformi fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mwettqa minn diversi Stati Membri sabiex jadattaw il-ħiliet u l-kompetenzi mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-ħtiġijiet tal-ġejjieni tal-ħaddiema, speċjalment dawk taż-żgħażagħ; jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-benefiċċji tas-sistemi ta’ edukazzjoni doppja; ifakkar li kważi l-Istati Membri kollha jeħtieġu li jieħdu azzjoni ulterjuri u jinvestu aktar fl-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp;

63. Jiinota li, minbarra r-riforma tas-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ, jeħtieġ li jkun hemm strateġija fit-tul, sostenibbli u bbażata fuq il-kriterji, għall-immigrazzjoni, sabiex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet u t-tibdil demografiku;

64. Jinnota li l-kriżi ħalliet impatt sever u dejjiemi fil-livelli tal-qgħad u s-sitwazzjoni soċjali tal-Istati Membri, li wassal għal żidiet mhux sostenibbli fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali, inkluż il-faqar fost it-tfal, u sitwazzjonijiet ta' persuni bla saqaf, l-inugwaljanza soċjali, il-faqar fost dawk li jaħdmu, u dejn eċċessiv tal-familji; jistieden, f’dan il-kuntest, lill-Istati Membri jsaħħu n-netwerks ta’ sikurezza u jiżguraw l-effettività tas-sistemi soċjali li jieħdu ħsieb lil dawk milquta, minbarra li jinvestu f’miżuri preventivi;

Politiki baġitarji

65. Ifakkar illi, minkejja li d-daqs tiegħu huwa modest iżżejjed sew f’termini assoluti kif ukoll f’termini relattivi meta mqabbel mal-ġid ekonomiku tal-Unjoni, il-baġit tal-UE għandu valur miżjud importanti bħala għodda għall-promozzjoni tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, meta wieħed iqis ir-rwol tiegħu bħala katalist għall-investiment;

66. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Istati Membri qed ikomplu jissottovalutaw ir-rwol u l-kontribut tal-baġit tal-UE fit-tisħiħ tal-governanza ekonomika u tal-koordinazzjoni baġitarja fl-Unjoni kollha kemm hi, u għalhekk jistidinhom biex il-kontribuzzjoni tagħhom lill-baġit tal-UE ma jqisuhiex bħala varjabbli ta' aġġustament fl-isforzi ta' konsolidament tagħhom, u biex ma jippruvawx inaqqsu b'mod artifiċjali l-volum tal-infiq tal-UE li jqawwi t-tkabbir; f’dak ir-rigward u bir-rispett debitu lejn id-dikjarazzjoni konġunta ffirmata mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f’Diċembru 2012 u għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-3 ta' Ġunju 2013 dwar il-qbil politiku rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020, iħeġġeġ lill-Kunsill biex jadotta fl-intier tiegħu kwalunkwe baġit emendatorju għall-2013 imressaq mill-Kummissjoni li jista' jkun meħtieġ matul is-sena, sabiex il-perjodu attwali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali jingħalaq b’karta ta’ bilanċ nadifa;

67. Itenni li l-kompromess milħuq fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta' Frar 2013 dwar il-QFP 2014-2020 ma kienx jikkorrispondi mal-aspettattivi tal-Parlament; jinsisti li kwalunkwe qbil fuq livell hekk baxx seta' jkun aċċettabbli biss bil-kundizzjonijiet imniżżla fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013;

68. Huwa konvint li kontribuzzjoni kredibbli tal-UE biex tintemm il-kriżi attwali trid tkun ibbażata fuq bidla fundamentali fil-mod kif jiġi ffinanzjat il-baġit tal-UE, jiġifieri lejn riżorsi proprji ġenwini;

69. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu ħilithom kollha ħalli jiddeċiedu bla dewmien dwar il-programmazzjoni nazzjonali tagħhom għall-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, sabiex jiġi evitat dewmien fl-użu ta' dawn il-fondi, li għandhom l-għan li jappoġġjaw it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

70. Jenfasizza l-importanza tax-xjenza u l-innovazzjoni għall-iżvilupp strateġiku tal-kompetittività u, għalhekk, għall-ħolqien tal-impjiegi fil-livell Ewropew, sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika u finanzjarja;

Suq intern

71. Ifakkar li s-Suq Uniku hu mutur ewlieni għat-tkabbir u l-impjiegi u għandu rwol indispensabbli biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jinnota, madankollu, li dan il-potenzjal għadu mhux qed jiġi sfruttat f'diversi aspetti;

72. Ifakkar li l-potenzjal sħiħ ekonomiku u ta’ impjiegi tas-settur tas-servizzi għadu mhux sfruttat biżżejjed; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa u xierqa tad-Direttiva tal-UE dwar is-Servizzi waqt li jiġu ssalvagwardati l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jiżguraw aċċess universali għal servizzi ta’ kwalità affordabbli għal kulħadd; jistieden lill-Istati Membri jinvestu b’mod partikolari f’servizzi soċjali ta’ kwalità; jinnota, fl-istess ħin, li l-istandards soċjali u salarjali għandhom jiġu osservati; jistieden lill-Istati Membri jneħħu l-ostakoli fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u r-restrizzjonijiet eċċessivi fis-servizzi professjonali u fil-professjonijiet rregolamentati; jappella, fl-istess ħin, għat-tneħħija tal-ostakli għall-moviment liberu tal-ħaddiema sabiex titttejjeb il-mobilità u jiġi ottimizzat l-użu tal-kapital uman tal-UE;

73. Jilqa' l-fatt li fis-Semestru Ewropew 2013, għall-ewwel darba, l-Istħarriġ tat-Tkabbir Annwali kien sostnut minn rapport dwar il-qagħda tal-integrazzjoni tas-suq uniku;

74. Jiddispjaċih, madankollu, li minkejja l-evidenza qawwija dwar l-importanza tas-suq uniku biex tingħeleb il-kriżi, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2013 ma jindirizzawx biżżejjed il-potenzjal tat-tkabbir, il-fiduċja tal-konsumatur u l-potenzjal tal-impjiegi għall-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tar-regoli tas-suq uniku;

75. Jappoġġa l-enfasi mogħtija mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi ta' din is-sena biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet u l-ostakli mhux ġustifikati għad-dħul fis-setturi tas-servizzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati biex jagħtu l-akbar kunsiderazzjoni lil dawk ir-rakkomandazzjonijiet u sabiex ineħħu, b'mod urġenti, dawn l-ostakli għat-tkabbir tas-suq uniku;

76. Jistieden lill-Kummissjoni biex tqiegħed bħala prijorità l-governanza tas-suq uniku fl-Istħarriġ tat-Tkabbir Annwali li jmiss u fis-Semestru Ewropew 2014, u sabiex, fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li jmiss, tqis sew l-oqsma ewlenin tat-tkabbir – identifikati bħala s-settur tas-servizzi, is-settur tal-enerġija, is-settur tat-trasport u s-suq diġitali uniku – kif ukoll il-miżuri inklużi fl-Atti I u II tas-Suq Uniku;

77. Jiddispjaċih għall-fatt li n-nuqqas ta’ investiment nazzjonali u Ewropew qed ifixkel il-kisba tal-miri u l-objettivi ta' prijorità fl-oqsma ewlenin tal-enerġija, it-trasport u s-suq diġitali indikati fir-rapport dwar "L-Istat ta’ Integrazzjoni tas-Suq Uniku 2013 – Kontribuzzjoni għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013";

78. Iħeġġeġ, fl-istess waqt, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iżidu l-isforzi tagħhom fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-suq uniku u biex jissorveljaw dan l-infurzar, fost l-oħrajn permezz ta' azzjonijiet ta' kontroll regolari tal-UE;

79. Huwa mħasseb bil-kbir dwar l-inċertezza persistenti tal-investituri privati, in-nuqqas ta’ fiduċja li għandhom u r-riluttanza tagħhom li jinvestu, b’mod partikolari bħala konsegwenza tal-istandards ta’ produttività bi frammentazzjoni persistenti tas-suq wieħed u bidliet fil-politika industrijali; jiddeplora l-fatt li, bħala konsegwenza tal-kriżi, ambjent ta’ fiduċja baxxa qed iġiegħel kemm lill-investituri privati kif ukoll lill-istituzzjonijiet tas-settur finanzjarju jitmeżimżu mir-riskju kbir u jtenni li x-xogħol għat-tisħiħ tas-settur bankarju għandu jissokta;

Politiki reġjonali

80. Huwa mħasseb ħafna dwar il-waqgħa drastika fl-investiment pubbliku u privat fl-ekonomija produttiva u speċjalment fil-livell lokali u reġjonali; huwa tal-opinjoni li huma meħtieġa miżuri deċiżivi għar-riforma tas-swieq tal-prodotti u tax-xogħol, għall-adozzjoni ta' politiki salarjali kawti u biex il-mudell għat-tkabbir futur ikun ibbażat fuq l-innovazzjoni u l-bidla fil-produzzjoni lejn attivitajiet ta’ valur miżjud għoli; huwa tal-fehma li politika ekonomika sostenibbli tiddependi fuq kundizzjonijiet tajbin ħafna għall-ħolqien ta’ negozji; jesprimi t-twemmin sħiħ tiegħu li l-Fondi Strutturali u tal-Investiment huma essenzjali sabiex ikun hemm prevenzjoni u mitigazzjoni ta’ kull waqgħa fl-investiment kif intqal aktar ’il fuq u biex tingħata spinta lill-investiment pubbliku; jiġbed l-attenzjoni lejn l-opportunitajiet li jistgħu jintużaw fl-Istati Membri biex jappoġġjaw investiment pubbliku mill-Fondi Strutturali billi jipprovdu ċertu flessibilità għall-proċeduri finanzjarji ta’ dawn il-fondi, eż. billi jżidu r-rati ta’ kofinanzjament tal-istati li jidħlu fi programm ta’ aġġustament u jirċievu l-assistenza finanzjarja tal-UE jew billi jtawlu r-regola tad-diżimpenn b’sena għall-Istati Membri kollha fil-perjodu ta’ programmar 2007-2013 (kif se jkun il-każ fil-perjodu ta’ programmar 2014-2020);

81. Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-kondizzjonalità makroekonomika, kif proposta fil-qafas tan-negozjati tal-QFP għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-Unjoni Ewropea għax din, mingħajr ebda relazzjoni bejn il-prestazzjoni tal-politika fuq livell reġjonali u dik tal-Istati Membri, tippenalizza r-reġjuni għal kwalunkwe falliment ta’ konformità mal-proċeduri ta’ governanza ekonomika fuq livell nazzjonali;

82. Iqis li għandu jiżdied l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-programmi rilevanti, b'mod partikolari l-istrateġija Ewropa 2020, sabiex b’hekk jikber is-sens ta’ responsabbiltà tagħhom għall-għanijiet tal-istrateġija fil-livelli kollha u sabiex tiġi żgurata sensibilizzazzjoni akbar minħabba l-objettivi u r-riżultati tagħha;

Id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi

83. Jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) rigward miżuri biex jittejbu l-faċilitajiet tal-kura tat-tfal, jitneħħew id-diżinċentivi għat-tieni persuna li taqla’ l-flus, tiġi armonizzata l-età tal-irtirar statutorja għall-irġiel u n-nisa, jiġu akkomodati l-ħtiġijiet li jiġu kkumbinati flimkien il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata, partikolarment billi jitħeġġeġ l-aċċess għat-teknoloġiji ġodda u għat-taħriġ dwar l-użu tagħhom, u jiġu eliminati d-differenzi bejn is-sessi u fil-pensjonijiet; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li ħafna minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet diġà kienu ġew stabbiliti fl-2012, ħaġa li tindika nuqqas ta’ implimentazzjoni fl-Istati Membri;

84. Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom itejbu r-rata ta' parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ fis-sistemi edukattivi u għandhom jiffokaw aktar fuq il-problema ta' tluq bikri mill-iskola, b'mod speċjali billi jiġbru informazzjoni dwar ir-raġunijiet ewlenin għat-tluq bikri mill-iskola sabiex jadottaw u jimplimentaw politiki għall-prevenzjoni ta' dan;

85. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jikkunsidraw il-miri relatati mas-sessi fil-programmi nazzjonali tax-xogħol, b'attenzjoni partikolari għal nisa li jieħdu ħsieb l-anzjani, ommijiet li jrabbu t-tfal waħedhom jew bi tfal b'diżabilitajiet; barra minn hekk, jitlob li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwistjoni tat-tluq bikri mill-iskola minħabba ż-żieda qawwija fin-numru ta' tfal li jitilqu l-istudji bejn l-età ta' 10 snin u 16-il sena u t-telfien f'sens ta' riżorsi li dan jirrappreżenta b'mod ċar għall-Unjoni kollha;

86. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li ġej, tqajjem il-kwistjoni ta’ linji gwida tal-politiki speċifiċi dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn is-sessi, inklużi, b’mod partikolari, linji gwida dwar it-tnaqqis fid-differenzi fil-pagi li hemm bejn is-sessi – li ta' spiss jirriżulta fin-nisa li jsibu ruħhom taħt il-livell tal-faqar fi stadju aktar tard ta' ħajjithom – u fid-differenza fil-pensjonijiet li hemm bejn is-sessi, dwar iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u dwar il-ġlieda kontra s-segregazzjoni tas-sessi fis-suq tax-xogħol minħabba li l-prosperità futura tal-UE tiddependi kruċjalment fuq il-kapaċità tagħha li tuża bis-sħiħ ir-riżorsi tax-xogħol tagħha;

87. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-ibbaġitjar tas-sessi bl-għan li jiġu eżaminati l-programmi u l-politiki governattivi kollha, l-effetti tagħhom fuq l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-kontribut tagħhom għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

88. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

  • [1]  Testi adottati, P7_TA(2012)0408.
  • [2]  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.
  • [3]  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.
  • [4]  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8.
  • [5]  ĠU L 306, 23.11.2011. p. 33.
  • [6]  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
  • [7]  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.
  • [8]  ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
  • [9]  ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.
  • [10]  Testi adottati, P7_TA(2013)0052.
  • [11]  Il-Parlament Ewropew, id-Direttorat-Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku C.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (18.9.2013)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika:Implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2013
(2013/2134(INI))

Rapporteur (*): Catherine Trautmann

(*) Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jissottolinja, għal darba oħra, ir-rwol importanti li għandu l-baġit tal-UE biex jistimula t-tkabbir, jagħti spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u jnaqqas l-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE;

2.  Ifakkar illi, minkejja li d-daqs tiegħu huwa modest iżżejjed sew f’termini assoluti kif ukoll f’termini relattivi meta mqabbel mal-ġid ekonomiku tal-UE, il-baġit tal-UE għandu valur miżjud importanti bħala għodda għall-promozzjoni tal-objettivi tal-Ewropa 2020, meta wieħed iqis ir-rwol tiegħu bħala katalizzatur għall-investiment;

3.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Istati Membri qed ikomplu jissottovalutaw ir-rwol u l-kontribut tal-baġit tal-UE fit-tisħiħ tal-governanza ekonomika u tal-koordinazzjoni baġitarja fl-Unjoni kollha kemm hi, u għalhekk jistidinhom biex il-kontribuzzjoni tagħhom lill-baġit tal-UE ma jqisuhiex bħala varjabbli ta' aġġustament fl-isforzi ta' konsolidament tagħhom, u biex ma jippruvawx inaqqsu b'mod artifiċjali l-volum tal-infiq tal-UE li jqawwi t-tkabbir; f’dak ir-rigward u bir-rispett debitu lejn id-dikjarazzjoni konġunta ffirmata mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f’Diċembru 2012 u għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-3 ta' Ġunju 2013 dwar il-qbil politiku rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020, iħeġġeġ lill-Kunsill biex jadotta fl-intier tiegħu kwalunkwe baġit emendatorju mressaq mill-Kummissjoni li jista' jkun meħtieġ matul is-sena, sabiex il-Qafas Finanzjarju Pluriennali kurrenti jingħalaq b’karta ta’ bilanċ nadifa;

4.  Itenni li l-kompromess milħuq fil-Kunsill Ewropew tat-8 ta' Frar 2013 dwar il-QFP 2013-2020 ma kienx jikkorrispondi ma' dak li jistenna l-Parlament; jinsisti li kwalunkwe qbil fuq livell hekk baxx seta' jkun aċċettabbli biss bil-kundizzjonijiet imniżżla fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013;

5.  Jiddeplora s-segwitu insuffiċjenti dwar il-“Patt għal Tkabbir u Impjiegi” adottat fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2012, kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni; barra minn hekk, jinsab imħasseb għall-aħħar dwar in-nuqqas tant kbir ta’ ambizzjoni li l-Kunsill qed juri fir-reazzjoni tiegħu għall-kriżi b’mod ġenerali;

6.  Jappoġġja kemm il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE kif ukoll il-proposta għal Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ bħala mezzi utli fil-ġlieda kontra l-livell għoli u inaċċettabbli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ; huwa preokkupat, madankollu, dwar il-livell xejn ambizzjuż – f'termini tal-baġit – ta' finanzjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għall-perjodu kollu tal-QFP li jmiss; jimpenja ruħu li jagħmel dak kollu li jkun possibbli biex jintensifika din l-azzjoni;

7.  Huwa konvint li kontribuzzjoni kredibbli tal-UE biex tintemm il-kriżi attwali trid tkun ibbażata fuq bidla fundamentali fil-mod kif jiġi ffinanzjat il-baġit tal-UE, jiġifieri lejn riżorsi proprji ġenwini;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu ħilithom kollha ħalli jiddeċiedu bla dewmien dwar il-programmazzjoni nazzjonali tagħhom għall-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, sabiex jiġi evitat dewmien fl-użu ta' dawn il-fondi, li għandhom l-għan li jappoġġjaw it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

9.  Jenfasizza l-importanza tax-xjenza u l-innovazzjoni għall-iżvilupp strateġiku tal-kompetittività u. għalhekk, għall-ħolqien tal-impjiegi fil-livell Ewropew, sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika u finanzjarja;

10. Jissottolinja l-importanza tas-Semestru Ewropew f'dak li jirrigwarda l-monitoraġġ tar-riformi strutturali adottati mill-Istati Membri, li huma stess għandhom ifittxu li jiżguraw kundizzjonijiet ta' qafas tajbin għall-innovazzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Reimer Böge, Zuzana Brzobohatá, Jean Louis Cottigny, Jean-Luc Dehaene, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Ivars Godmanis, Lucas Hartong, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Claudio Morganti, Vojtěch Mynář, Juan Andrés Naranjo Escobar, Dominique Riquet, László Surján, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Frédéric Daerden, Jürgen Klute, Paul Rübig, Peter Šťastný, Nils Torvalds, Catherine Trautmann, Adina-Ioana Vălean

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Oana Antonescu, Andrzej Grzyb, Ivana Maletić, Marian-Jean Marinescu, Traian Ungureanu, Iuliu Winkler

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (19.9.2013)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2013
(2013/2134(INI))

Rapporteur (*): Verónica Lope Fontagné

‘(*) Kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura.

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-fatt li xi Stati Membri ppreżentaw rapporti dwar il-progress fir-rigward tal-istrateġija Ewropa 2020 u, f'xi każijiet semmew proġetti speċifiċi biex jilħqu l-objettivi; jistieden lill-Istati Membri jinkludu dawn ir-rapporti bħala parti mill-kontributi tagħhom għas-Semestru Ewropew 2014; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ppreżentatx rapport ta’ progress dwar l-Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta dan ir-rapport kull sena;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar nuqqas ġenerali ta’ ambizzjoni u progress rigward il-miri tal-Ewropa 2020; jappella sabiex il-miri tal-Ewropa 2020 jitqiegħdu fil-qalba tas-Semestru Ewropew u li l-Istati Membri jistabbilixxu miri nazzjonali ambizzjużi li jniżżlu fid-dettall l-istrateġiji sabiex jilħquhom u li l-progress jiġi mmonitorjat b’mod viżibbli permezz tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż u fl-IstħarriġAnnwali dwar it-Tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tindirizza b’mod sistematiku r-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar kull wieħed mill-miri tal-Ewropa 2020 fejn ikun hemm nuqqas ta’ progress;

3.  Ifakkar li, fir-rapport tiegħu dwar l-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir, il-Parlament Ewropew kien talab strateġija li tagħmel il-gwida tal-politika ekonomika u r-riformi strutturali tal-UE kompatibbli mal-inċentivi tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. jilqa' l-introduzzjoni ta' tibdiliet fil-kalendarju tal-konsolidazzjoni fiskali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jevalwaw fuq bażi regolari r-ritmu u l-kalendarju tal-konsolidazzjoni fiskali u l-possibilità li l-iskadenzi biex jiġu kkoreġuti d-defiċits eċċessivi jerġgħu jiġu estiżi sabiex jippermettu li jkun hemm tkabbir u ħolqien tal-impjiegi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex timmonitorja l-objettivi nazzjonali tal-Ewropa 2020 fl-Istati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja u, għal dak il-għan, sabiex tipprovdi r-rakkomandazzjonijet speċifiċi addattati għall-pajjiż billi tikkunsidra kif xieraq ir-restrizzjonijiet maħluqa minn programmi ta’ aġġustament makroekonomiku;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill ikomplu jtejbu l-indikaturi għall-monitoraġġ tad-dimensjoni soċjali, ambjentali u ta’ innovazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 fil-kuntest tas-Semestru Ewropew; jitlob li jiġu żviluppati metodoloġiji kwantitattivi u kwalitattivi għat-titjib tal-preċiżjoni fl-evalwazzjonijiet tar-realtajiet soċjali u ambjentali ġenerali li attwalment mhux qed jiġu riflessi bis-sħiħ mill-istatistiki komparabbli ta’ livell tal-UE;

5.  Iqis li l-għarfien mill-Kummissjoni tal-ħtieġa li jitnaqqsu t-taxxi fuq l-impjieg u favur sorsi oħrajn ta' dħul bħala żvilupp pożittiv li jħaffef il-proċess ta' konsolidazzjoni fiskali fuq bażi aktar ġusta;

6.  Jagħraf li r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs) għal din is-sena huma partikularment importanti minħabba li l-Istati Membri qed jiddefinixxu l-prijoritajiet ta’ investiment tagħhom għall-politika ta’ koeżjoni fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss; jappella, f’dan il-kuntest, sabiex il-fondi tal-UE jkunu mmirati aktar fuq il-prijoritajiet kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020, partikolarment permezz tal-politiki favur it-tkabbir u l-impjiegi, inkluż dwar il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fuq żmien fit-tul, u dwar il-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli, mhux prekarji, li jkunu soġġetti għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u b’paga adegwata; jesprimi t-tħassib tiegħu għad-diverġenzi soċjali u ekonomiċi li qed jiżdiedu bejn l-Istati Membri differenti;

7.  Jinnota li diversi Stati Membri adottaw riformi maġġuri fis-suq tax-xogħol bil-għan li jtejbu r-reżiljenza tiegħu, jintroduċu flessibilità interna u esterna akbar, inaqqsu s-segmentazzjoni u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni bejn l-impjiegi; jenfasizza li r-riformi tax-xogħol għandhom jitwettqu b'kunsens xieraq fost is-sħab soċjali;

8.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fil-linji gwida ta' politika tagħha u s-CSRs, jiżguraw li l-flessibilità neċessarja li teżisti fis-suq tax-xogħol ma tolqotx b'mod ħażin il-livelli għolja ta' protezzjoni soċjali li jiddistingwu l-mudell soċjali tagħna, u li r-riformi fis-suq tax-xogħol ikollhom l-għan li jippromwovu l-kwalità fix-xogħol, jtejbu l-immaniġġjar tar-riskju soċjali, jinkiseb progress fl-inklużjoni tal-gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, jitnaqqas il-faqar fost dawk li jaħdmu, ikun hemm rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja, jiġu promossi l-ugwaljanza bejn is-sessi, u s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema b'kuntratti atipiċi u titjieb il-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom;

9.  Jieħu nota tal-proposta tas-CSR għal ħafna Stati Membri fir-rigward tar-riformi tal-pensjonijiet; jiddispjaċih li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni saru mingħajr riferenza għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament fil-Green u l-White Papers dwar il-pensjonijiet; jenfasizza li r-riformi fil-pensjonijiet jirrikjedu koeżjoni politika u soċjali nazzjonali u jistgħu jkunu ta' suċċess biss meta jkunu nnegozjati mas-sħab soċjali;

10. Jinnota li l-Istati Membri kollha rċevew rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-livelli ta' parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għandhom livelli baxxi ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol sabiex, b’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, isaħħu l-miżuri attivi, komprensivi u inklużivi favur is-suq tax-xogħol, bħas-servizzi tat-taħriġ u tal-impjiegi, u sabiex jintroduċu aktar riformi biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjieg ta’ kwalità, jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, jipprevjenu t-tluq kmieni mis-suq tax-xogħol, itejbu l-kompetittività u jiġġieldu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, kif ukoll iqabblu l-ħiliet tal-ħaddiema mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

11. Jilqa’ r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż tal-Kummissjoni fil-qasam tat-tassazzjoni ambjentali u l-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi tiegħu u jistieden lill-Kummissjoni tqis l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li ġej; jenfasizza l-impatti pożittivi mil-lat baġitarju, ta' impjiegi, soċjali u ambjentali jekk ikun hemm tassazzjoni ambjentali minflok tassazzjoni fuq ix-xogħol;

12. Jiddeplora l-fatt li l-ebda waħda mis-CSRs ma tindirizza l-isfida tal-impatt tar-reġim ta’ tassazzjoni fuq ix-xogħol fuq l-investiment fit-tul u r-riżultat f’termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi;

13. Jirrimarka li s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ qiegħda hija partikolarment tat-tħassib u li jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti; Jappella sabiex jitwaqqaf Patt Ewropew għall-Impjieg taż-Żgħażagħ li jdaħħal fis-seħħ il-miżuri li ilu li kien hemm ftehim dwarhom u li jiġu impenjati riżorsi u mizuri ġodda biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ, inaqqsu l-għadd ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) u l-faqar fost iż-żgħażagħ, billi jiġi kkunsidrat l-aspett kwalitattiv ta’ xogħol deċenti bir-rispett sħiħ tal-istandards ewlenin tax-xogħol;

14. Jistenna bil-ħerqa l-investiment antiċipat tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ skont is-sejħa tal-kumitat EMPL permezz tal-emendi tiegħu għas-CPR;

15. Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, kif ukoll is-EUR 6 biljun iddedikati għall-Inizjattiva għall-Impjieg taż-Żgħażagħ skont il-QFP li jmiss; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod urġenti l-Iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u jużaw ir-riżorsi disponibbli b’mod effiċjenti billi jikkonċentraw l-attivitajiet fuq dawk li jinsabu fis-sitwazzjonijiet l-aktar diffiċli;

16. Jilqa’ l-fatt li dawn il-fondi jistgħu jintużaw fl-ewwel sentejn tal-QFP li jmiss; jenfasizza li dan l-ammont, madanakollu, mhuwiex biżżejjed biex jiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ b'mod dejjiemi u li għandu jikkostitwixxi biss pagament inizjali li bih jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ; jirrimarka li l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) ikkalkulat li fiż-żona tal-euro biss jinħtieġu EUR 21 biljun biex jitwettaq programm effettiv kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

17. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill iqisu li anke l-Istati Membri fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv għandhom l-ispazju fiskali sabiex jużaw dawn il-miżuri, b’mod partikolari jekk il-kofinanzjament tal-Istati Membri tal-miżuri għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ jiġi eżentat b’mod temporanju mill-kalkolu tad-defiċit eċċessiv;

18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tal-Gruppi ta’ Azzjoni tal-Impjieg taż-Żgħażagħ biex tgħin lill-Istati Membri bl-ogħla livelli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ jipprogrammaw mill-ġdid il-finanzjamenti strutturali mill-UE skont il-QFP 2007-2013 sabiex dawn ikunu mmirati favur iż-żgħażagħ; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tibni fuq il-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol (EURES) billi tintensifika u twessa’ l-attivitajiet tagħha u, b’mod partikulari, billi tippromwovi l-mobilità taż-żgħażagħ; jinnota, madankollu, li l-mobilità għandha tibqa’ volontarja u li l-isforzi biex jinħolqu postijiet tax-xogħol u taħriġ fuq il-post, ma għandhomx għalhekk ikunu llimitati;

19. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas ta’ kwalità għall-iskemi ta’ taħriġ li jinkludi, fost l-oħrajn, il-kriterji għal ħlas, miri edukattivi, kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll għal standards ta’ saħħa u sigurtà xierqa; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-sħab soċjali tal-UE jimplimentaw b’mod ambizzjuż l-Alleanza għall-Apprendistati;

20. Jemmen li hemm ħtieġa urġenti, minħabba l-għadd ta' ħaddiema, partikolarment żgħażagħ, li jitilqu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom lejn oħrajn tal-UE sabiex ifittxu opportunità ta’ xogħol, li jiġu żviluppati miżuri xierqa biex tiġi rieżaminata l-liġi tal-UE sabiex tingħata l-garanzija tal-portabilità tad-drittijiet tal-pensjoni u, għal perjodu ta' mill-anqas tliet xhur, tal-kontinwazzjoni tal-benefiċċji tal-impjieg, waqt it-tfittxjia għax-xogħol fi Stat Membru ieħor; jilqa' t-titjib li sar lill-portal Ewropew tal-mobilità u jappella biex titfassal strateġija speċifika għalih flimkien mal-Istati Membri;

21. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu skemi sabiex jiġi żgurat iżjed aċċess għall-finanzi għall-SMEs sabiex jiżdied it-tkabbir tal-impjieg;

22. Jilqa’ l-fatt li għall-ewwel darba, ċerti CSRs qegħdin jindirizzaw is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri rigward il-faqar; jikkundanna bil-qawwa l-fatt li l-ebda CSR ma tindirizza speċifikament il-każ tas-swieq tax-xogħol li minnhom huma esklużi n-nisa u fejn l-ebda miżura ma hija prevista sabiex tinkludihom;

23. Jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm azzjoni speċifika biex tiżdied il-parteċipazzjoni fid-dinja tax-xogħol tan-nisa, ta' ħaddiema aktar anzjani u ta' ħaddiema b'diżabilità billi jiġi żgurat li jkun hemm inċentivi effiċjenti biex wieħed jirritorna għax-xogħol jew biex wieħed jibqa' fih; ifakkar li l-kwalità, l-affordabilità u l-aċċessibilità tas-servizzi relatati mal-edukazzjoni bikrija tat-tfal, mal-kura tat-tfal u l-kura tal-anzjani għandhom rwol importanti;

24. Jenfasizza li dawk li jkunu qiegħda għal żmien twil għandhom ikunu appoġġjati permezz ta’ approċċi ta’ ħolqien ta’ impjiegi u inklużjoni attiva integrata inkluż inċentivi ta’ attivazzjoni pożittivi, bħall-programmi ta’ gwida personalizzata u għat-tranżizzjoni minn dipendenza fuq il-benefiċċji għas-suq tax-xogħol, sistemi adegwati ta’ benefiċċju, u aċċess għal servizzi ta’ kwalità li jippermettulhom li jikkollegaw mill-ġdid mas-suq tax-xogħol u li jaċċedu għal impjiegi ta’ kwalità;

25. Ifakkar li l-potenzjal sħiħ ekonomiku u ta’ impjiegi tas-settur tas-servizzi għadu mhux sfruttat biżżejjed; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa u xierqa tad-Direttiva tal-UE dwar is-Servizzi waqt li jiġu ssalvagwardati l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jiżguraw aċċess universali għal servizzi ta’ kwalità affordabbli għal kulħadd; jistieden lill-Istati Membri jinvestu b’mod partikolari f’servizzi soċjali ta’ kwalità; jinnota, fl-istess ħin, li l-istandards soċjali u salarjali għandhom jiġu osservati; jistieden lill-Istati Membri jneħħu l-ostakoli fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u r-restrizzjonijiet eċċessivi fis-servizzi professjonali u fil-professjonijiet rregolamentati; jappella, fl-istess ħin, għat-tneħħija tal-ostakli għall-moviment liberu tal-ħaddiema sabiex titttejjeb il-mobilità u jiġi ottimizzat l-użu tal-kapital uman tal-UE;

26. Jenfasizza l-potenzjal għall-impjieg tal-ekonomija "ħadra" li skont l-istimi tal-Kummissjoni, fis-setturi tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli biss, tista’ toħloq ħames miljun impjieg sal-2020, bil-kundizzjoni li jiġu stabbiliti politiki ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw livelli suffiċjenti ta’ investiment f’dawn is-setturi, jantiċipaw il-ħtieġa għall-ħiliet futuri għall-ħaddiema u jiggarantixxu l-kwalità tal-"impjiegi ħodor"; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-isfruttament tal-potenzjal tal-impjiegi tal-ekonomija ħadra bħala prijorità fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014;

27. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta green paper dwar allowance minimu għall-qgħad għaż-żona tal-euro bħala stabilizzatur awtomatiku, b'segwitu tad-dibattitu fis-seduta plenarja dwar id-dimensjoni soċjali tal-UEM u s-seduta organizzata fid-9 ta’ Lulju 2013 mill-kumitat EMPL tal-Parlament;

28. Ifakkar id-differenzi bejn id-domanda u l-provvista fil-ħiliet u s-sitwazzjonijiet ta’ konġestjoni tal-ħiliet f’ħafna reġjuni u setturi, kif ukoll l-inkapaċità ta’ ċerti sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet tas-suq u tal-ħaddiema f'dan il-kuntest; jilqa’ r-riformi fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mwettqa minn diversi Stati Membri sabiex jadattaw il-ħiliet u l-kompetenzi mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-ħtiġijiet tal-ġejjieni tal-ħaddiema, speċjalment dawk taż-żgħażagħ; jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-benefiċċji tas-sistemi ta’ edukazzjoni doppja; ifakkar li kważi l-Istati Membri kollha jeħtieġu li jieħdu azzjoni ulterjuri u jinvestu aktar fl-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp;

29. Jiinota li, minbarra r-riforma tas-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ, jeħtieġ li jkun hemm strateġija fit-tul, sostenibbli u bbażata fuq il-kriterji, għall-immigrazzjoni, sabiex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet u t-tibdil demografiku;

30. Jinnota li l-kriżi ħalliet impatt sever u dejjiemi fil-livelli tal-qgħad u s-sitwazzjoni soċjali tal-Istati Membri, li wassal għal żidiet mhux sostenibbli fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali, inkluż il-faqar fost it-tfal, u sitwazzjonijiet ta' persuni bla saqaf, l-inugwaljanza soċjali, il-faqar fost dawk li jaħdmu, u dejn eċċessiv tal-familji; jistieden, f’dan il-kuntest, lill-Istati Membri jsaħħu n-netwerks ta’ sikurezza u jiżguraw l-effettività tas-sistemi soċjali li jieħdu ħsieb lil dawk milquta, minbarra li jinvestu f’miżuri preventivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-impatt tal-programmi ta’ aġġustament ekonomiku fuq il-progress lejn il-miri ewlenin ta’ Ewropa 2020 f’dawk l-Istati Membri li jkollhom diffikultajiet finanzjarji u li tilħaq qbil dwar modifiki mmirati sabiex jikkonformaw il-programmi ta’ aġġustament mal-objettivi ta’ Ewropa 2020; jinnota li r-rekwiżiti biex jiġi kkonsolidat il-baġit m'għandhomx jostakolaw l-investimenti fit-taħriġ u l-impjiegi siguri, mhux prekarji;

31. Jilqa' l-fatt li dis-sena xi Stati Membri għamlu sforz akbar biex jinvolvu l-parlamenti nazzjonali, lis-sħab soċjali u lis-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-programmi nazzjonali tar-riforma tagħhom, iżda jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm sforz akbar; itenni l-appell tiegħu biex tiżdied il-leġittimità demokratika tas-Semestru Ewropew; jenfasizza li l-involviment tal-parlamenti nazzjonali u tal-partijiet interessati kollha fl-iżvilupp ta' PNRs u CSRs ambizzjużi, li jistgħu jiżguraw l-ilħuq tal-miri tal-Ewropa 2020 huwa kruċjali għat-twettiq u s-suċċess tagħhom; jistieden lill-Kummisjoni tiggarantixxi l-involviment tas-sħab soċjali fil-livell Ewropew fl-iżvilupp tal-gwida ta' politika tas-Semestru Ewropew fi kwistjonijiet soċjali u ta' impjieg;

32. Jitlob lill-Kummissjoni iddaħħal din l-opinjoni, fis-sħuħija tagħha, fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Heinz K. Becker, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Philippe Boulland, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Minodora Cliveti, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Richard Falbr, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Danuta Jazłowiecka, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Verónica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Claudette Abela Baldacchino, Georges Bach, Jürgen Creutzmann, Sergio Gutiérrez Prieto, Anthea McIntyre, Csaba Sógor, Andrea Zanoni

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (5.9.2013)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-2013
(2013/2134(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Andreas Schwab

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-governanza tas-Suq Uniku[1],

–   wara li kkunsidra l-ewwel Rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2012 dwar 'L-Istat ta' Integrazzjoni tas-Suq Uniku 2013 - Kontribuzzjoni għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013' (COM(2012)0752),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-8 ta’ Gunju 2012 bit-titolu ‘Governanza Aqwa tas-Suq Uniku’ (COM(2012)0259),

1.  Ifakkar li s-Suq Uniku hu mutur ewlieni għat-tkabbir u l-impjiegi u għandu rwol indipensabbli biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jinnota, madankollu, li dan il-potenzjal għadu mhux qed jiġi sfruttat f'diversi aspetti;

2.  Jikkunsidra li t-titjib tal-qafas tal-governanza ekonomika għandu jibbaża ruħu fuq sett ta’ politiki interkonnessi u reċiprokament konsistenti li jistimulaw it-tkabbir u l-impjiegi u li l-iżvilupp sħiħ tas-suq intern huwa element meħtieġ sabiex dan iseħħ;

3.  Ifakkar li l-potenzjal ekonomiku enormi tas-settur tas-servizzi għadu mhux sfruttat biżżejjed; jirrimarka li implimentazzjoni sħiħa u xierqa tad-Direttiva dwar is-Servizzi tista’ twassal għal potenzjal ta’ tkabbir ta’ bejn 0.8 % u 2.6 % tal-PDG u li flimkien mal-ikkompletar tas-suq uniku diġitali jista’ jiġġenera benefiċċji ekonomiċi ekwivalenti għal EUR 4 200 annwali għal kull unità domestika;

4.  Jilqa' l-fatt li fis-Semestru Ewropew 2013, għall-ewwel darba, l-Istħarriġ tat-Tkabbir Annwali kien sostnut minn rapport dwar l-Istat ta' Integrazzjoni tas-Suq Uniku;

5.  Jemmen li, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, is-Suq Uniku għandu jkun integrat ma' oqsma ta' politiki orizzontali oħra;

6.  Jiddispjaċih, madankollu, li minkejja l-evidenza qawwija dwar l-importanza tas-Suq Uniku biex tingħeleb il-kriżi, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2013 ma jindirizzawx biżżejjed il-potenzjal tat-tkabbir, il-fiduċja tal-konsumatur u l-potenzjal tal-impjiegi għall-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tar-regoli tas-Suq Uniku;

7.  Jappoġġa l-enfasi mogħtija mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ta' din is-sena biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet u l-ostakli mhux ġustifikati għad-dħul fis-setturi tas-servizzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati biex jagħtu l-akbar kunsiderazzjoni lil dawk ir-rakkomandazzjonijiet u sabiex ineħħu, b'mod urġenti, dawn l-ostakli għat-tkabbir tas-suq uniku;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tqiegħed bħala prijorità l-governanza tas-Suq Uniku fl-Istħarriġ tat-Tkabbir Annwali li jmiss u fis-Semestru Ewropew 2014, u sabiex, fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li jmiss, tqis sew l-oqsma ewlenin tat-tkabbir, identifikati bħala s-settur tas-servizzi, is-settur tal-enerġija, is-settur tat-trasport u s-suq diġitali uniku, kif ukoll il-miżuri inklużi fl-Att I u II tas-Suq Uniku;

9.  Jiddispjaċih li n-nuqqas ta’ investiment nazzjonali u Ewropew ifixkel il-kisba tal-prijoritajiet indikati fir-rapport dwar 'L-Istat ta’ Integrazzjoni tas-Suq Uniku 2013 – Kontribuzzjoni għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013' fl-oqsma ewlenin tal-enerġija, it-trasport u s-suq diġitali;

10. Iħeġġeġ, fl-istess waqt, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iżidu l-isforzi tagħhom fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku u biex jissorveljaw dan l-infurzar, fost l-oħrajn permezz ta' azzjonijiet ta' kontroll regolari tal-UE;

11. Itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-governanza tas-Suq Uniku billi tistabbilixxi ċiklu annwali ta’ governanza tas-Suq Uniku bħala pilastru speċifiku tas-Semestru Ewropew, li jinkludi Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern, rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku bħala parti mill-Istħarriġ tat-Tkabbir Annwali, gwida tal-Kunsill Ewropew għall-Istati Membri, pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali bl-għan li jiġu implimentati l-linji gwida tas-Suq Uniku u rakkomandazzjonijiet dedikati speċifiċi għall-pajjiż;

12. Jinnota n-nuqqas ta' involviment tal-parlamenti nazzjonali fid-dibattitu dwar l-aspetti tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew 2013; jenfasizza li hu kruċjali li l-partijiet interessati jkunu impenjati fir-riformi meħtieġa biex dawn jitwettqu u jkunu suċċess, u jistieden lill-parlamenti nazzjonali biex jimpenjaw lilhom infushom b'mod attiv fi djalogu mal-Parlament Ewropew, u mal-gvernijiet rispettivi tagħhom, biex iwettqu l-impenji dwar regolamentazzjoni aħjar, bħat-test tas-Suq Uniku, u biex jattivaw b'mod aħjar il-potenzjal tat-tkabbir u tal-impjiegi li għadu ma ġiex sfruttat biżżejjed;

13. Jenfasizza l-importanza ta’ involviment intensifikat u f’fażi bikrija tal-imsieħba soċjali u tal-partijiet interessati kollha fil-formulazzjoni, fl-adozzjoni, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-miżuri meħtieġa li jappoġġaw it-tkabbir u d-drittijiet taċ-ċittadini fis-Suq Uniku.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Claudette Abela Baldacchino, Adam Bielan, Preslav Borissov, Birgit Collin-Langen, Lara Comi, Cornelis de Jong, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Philippe Juvin, Hans-Peter Mayer, Franz Obermayr, Sirpa Pietikäinen, Phil Prendergast, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Andreas Schwab, Catherine Stihler, Emilie Turunen, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ildikó Gáll-Pelcz, Liem Hoang Ngoc, María Irigoyen Pérez, Pier Antonio Panzeri, Olle Schmidt, Olga Sehnalová, Marc Tarabella, Wim van de Camp, Patricia van der Kammen

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Liisa Jaakonsaari

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (26.9.2013)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-2013
(2013/2134(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Tamás Deutsch

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa’ r-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Pajjiżi tal-2013 (CSR) u l-aktar il-fokus tagħhom fuq il-miżuri għat-tqabbid mill-ġdid tat-tkabbir, għat-trattament tal-qgħad u l-ħolqien tal-impjiegi u għat-titjib tal-kompetittività tal-ekonomiji tal-UE; jinnota bi tħassib li taħt il-pressjoni persistenti tal-kriżi ekonomika, soċjali, finanzjarja u tad-dejn sovran, is-CSR b’mod ġenerali mhumiex ambizzjużi biżżejjed; jirrileva, fid-dawl ta’ dan, jirrimarka dwar in-nuqqas ta’ rakkomandazzjonijiet biex jiġi restawrat self meħtieġ b’mod urġenti għall-ekonomija reali u għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, it-tisħiħ tal-konnessjoni bejn il-kapaċitajiet tal-investiment pubbliku u privat, il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-indirizzar tad-dimensjoni soċjali tal-UEM;

2.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-leġitimità demokratika tal-proċess tas-Semestru Ewropew; jissottolinja l-fatt li l-Parlamenti Nazzjonali, u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, għandhom aċċess limitat ħafna għall-proċess tas-Semestru Ewropew u r-rwol tagħhom huwa prattikament injorat fi ħdan is-CSR, minkejja l-fatt li l-kontribuzzjoni u s-sehem tagħhom huma neċessarji biex il-probabbiltajiet tal-ilħuq tal-miri tal-Ewropa 2020 jitjiebu;

Tkabbir u Kompetittività

3.  Itenni l-importanza tal-Politika ta’ koeżjoni bħala l-istrument ewlieni ta’ investiment, li għandu rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-kriżi, it-tnaqqis tad-diskrepanzi reġjonali u l-involviment tal-UE u r-reġjuni tagħha fit-triq tat-tkabbir sostenibbli; jissottolinja, għalhekk, l-importanza li jkunu żgurati dispożizzjonijiet baġitarji suffiċjenti fil-kuntest tan-negozjati tal-QFP għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jitqies partikolarment is-sehem ewlieni tagħhom ta’ investiment f’firxa ta’ oqsma bħall-impjiegi, l-innovazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli u l-appoġġ għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju;

4.  Huwa mħasseb ħafna mill-waqgħa drastika fl-investiment pubbliku u privat fl-ekonomija produttiva u l-aktar fil-livell lokali u reġjonali; huwa tal-opinjoni li huma meħtieġa miżuri deċiżivi għar-riforma tas-swieq tal-prodotti u tax-xogħol; jadotta politiki salarjali kawti u jibbaża l-mudell għat-tkabbir futur fuq l-innovazzjoni u ċ-ċaqliqa fil-produzzjoni lejn attivitajiet ta’ valur miżjud għoli; huwa tal-fehma li politika ekonomika sostenibbli teħtieġ kundizzjonijiet tajbin ħafna għall-ħolqien ta’ negozji; ifisser it-twemmin sħiħ tiegħu li l-Fondi Strutturali u tal-Investiment huma essenzjali ħalli jkun hemm prevenzjoni u mitigazzjoni ta’ kull waqgħa fl-investiment kif intqal aktar ’il fuq u biex tingħata spinta għall-investiment pubbliku; jiġbed l-attenzjoni lejn opportunitajiet li jistgħu jintużaw fl-Istati Membri biex jappoġġjaw l-investiment pubbliku mill-Fondi Strutturali billi jagħtu ċertu grad ta' flessibilità fil-proċeduri finanzjarji ta’ dawn il-fondi, eż. billi jżidu r-rati ta’ kofinanzjament tal-istati li jidħlu fi programm ta’ aġġustament u jirċiecu l-assistenza finanzjarja tal-UE jew billi jtawlu r-regola tad-diżimpenn b’sena għall-Istati Membri kollha fil-perjodu ta’ programmar 2007 - -2013 (kif se jkun il-każ fil-perjodu ta’ programmar 2014-2020);

5.  Jirrileva li, fi żmien ta’ restrizzjoni fiskali qawwija u kapaċità ta’ self imnaqqsa fis-settur privat, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE, jirrappreżentaw lieva essenzjali biex tiġi stimulata l-ekonomija, speċjalment permezz tal-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi; jemmen li użu miżjud ta’ strumenti finanzjarji innovattivi fil-Politika ta’ Koeżjoni jista’ jrawwem sħubiji pubbliċi – privati, jikseb effett ta’ multiplikatur fil-baġit tal-UE, jiggarantixxi kurrent finanzjarju importanti għall-investiment strateġiku reġjonali u jżid il-potenzjal tat-tkabbar tal-UE; jilqa', f’dan ir-rigward, ir-rwol importanti li l-istrumenti finanzjarji innovattivi ġodda se jkollhom fil-politika ta’ Koeżjoni fil-perjodu tal-ipprogrammar 2014-2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti lill-istrumenti finanzjarji wkoll pożizzjoni iktar ċara qalb is-CSR u ssaħħaħ l-allinjament tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej mal-programmi tal-EIB, b’mod partikulari fil-qasam tal-garanziji tas-self għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju u mikrointrapriżi;

6.  Huwa mħasseb dwar id-deindustrijalizzazzjoni kontinwa u enormi ta’ ċerti reġjuni fl-Ewropa, li qed twassal għal qgħad eċċessiv u għadd kbir ta’ problemi demografiċi;

7.  Jinnota bi tħassib li l-finanzjament tal-ekonomija produttiva, speċjalment l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju ma ġiex restawrat madwar l-Ewropa, bir-reġjuni l-inqas żviluppati li jintlaqtu l-iktar; jirrimarka li differenzi dejjem jikbru fl-aċċess għall-kreditu jista’ jipprofondixxi iktar diverġenzi reġjonali; jisottolinja għalhekk l-importanza tal-kapaċità tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment biex jgħaqqdu l-investiment pubbliku u privat u jwasslu sorsi alternattivi ta’ finanzjament għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju; jistieden lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi, fi żmien xieraq u qabel il-bidu tal-perjodu tal-ipprogrammar 2014-2020, ċarezza legali u trasparenza fir-rigward l-użu ta’ strumenti finanzjajri innovattivi ‘off-the shelf’;

8.  Jemmen li filwaqt li l-miżuri għall-protezzjoni finanzjarja magħmulin mill-BĊE ikkontribwew għall-istabilità taż-żona ewro u kkalmaw is-swieq finanzjarji, xorta l-problema tal-kompetittività fiż-żona tal-ewro baqgħat mhux riżolta;

Il-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi

9.  Jilqa’ r-riformi fis-suq tax-xogħol li għandhom l-objettiv li jtejbu l-fibra tas-suq tax-xogħol, idaħħlu aktar flessibilità interna u esterna, inaqqsu l-frammentazzjoni u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni bejn l-impjiegi; ifakkar, iżda, li aktar riformi li jkunu wkoll aktar profondi huma meħtieġa, l-aktar għat-titjib tal-mobilità fis-suq tax-xogħol u speċjalment il-mobilità fost iż-żgħażagħ; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward u b'rabta maċ-ċifri allarmanti ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa, tagħmel fokus speċjali fuq it-titjib tal-opportunitajiet professjonali u tippromwovi l-programmi ta' għoti ta' bidu għan-negozji għaż-żgħażagħ, b'mod partikolari dawk li jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet meta jidħlu fis-suq tax-xogħol, li jagħtu l-assistenza fit-tiftix għax-xogħol u jistabbilixxu rabtiet ċari trasparenti bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ ħalli l-ħiliet u l-impjiegi disponibbli jikkombaċjaw aħjar u b’hekk ma jiġix aggravat in-nuqqas ta’ forza tax-xogħol imħarrġa; jinnota li s-sistema ta’ taħriġ doppju hija adattata sew għar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol, waqt li huwa ffaċilitat id-dħul fid-dinja tax-xogħol għaż-żgħażagħ;

10. Jaċċentwa l-ħtieġa biex jipprijoritizza l-miżuri disponibbli kollha biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

11. Iqis li, issa iżjed minn qatt qabel, huma meħtieġa riformi strutturali fil-livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi mmirati lejn il-forza tax-xogħol taż-żgħażagħ; jenfasizza li dawn l-isforzi għandhom jiffukaw b’mod partikolari fuq l-allinjament tal-istrateġiji tal-UE dwar l-impjiegi u r-rekwiżiti futuri tal-ekonomija Ewropea;

12. Jenfasizza l-ħtieġa li jitkomplew il-programmi mfassla sabiex iħeġġu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-ħolqien ta’ opportunitajiet speċjali ta’ bidu ta’ negozju għalihom, li jkunu akkumpanjati b’żieda fl-aċċess għall-finanzjament Ewropew u għall-pariri dwar in-negozju;

Aċċess għall-finanzjament u l-frammentazzjoni interna tas-suq

13. Huwa mħasseb bil-kbir fl-inċertezza persistenza tal-investituri privati, in-nuqqas ta’ fiduċja li għandhom u r-riluttanza tagħhom li jinvestu, b’mod partikolari bħala konsegwenza tal-istandards ta’ produttività bi frammentazzjoni persistenti tas-suq wieħed u bidliet fil-politika industrijali; jiddeplora li, bħala konsegwenza tal-kriżi, ambjent ta’ fiduċja baxxa qed jġiegħel kemm lill-investituri privati kemm lill-istituzzjonijiet tas-settur finanzjarju jitmeżimżu mir-riskju kbir u jtenni li x-xogħol għat-tisħiħ tas-settur bankarju għandu jissokta;

14. Iqis li huwa meħtieġ li jittieħdu miżuri urġenti sabiex l-UE ssir iżjed kompetittiva fil-livell internazzjonali u tiġġenera tkabbir intern sostenibbli; jenfasizza li l-isforzi għandhom jiġu ffukati fuq il-ħolqien ta’ skemi innovattivi li jinvolvu kreditu iżjed irħis u aċċessibbli għall-SMEs u titjib fil-klima tan-negozju bil-promozzjoni ta’ sorsi ġodda ta’ kapital, inkluż is-self minn negozju għal negozju, u li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kapital ta’ riskju;

Il-governanza makroekonomika

15. Jilqa’ t-tnaqqis fl-għadd ta’ Stati Membri li għaddejjin mill-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u l-Istati Membri jnaqqsu d-dejn tagħhom u jikkonsolidaw il-baġit tagħhom; iħeġġeġ b’saħħa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jisfruttaw il-marġini kollha ta’ flessibilità inerenti fid-driegħ preventiv tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir ħalli jkunu bbilanċjati l-ħtiġiet ta' investiment pubbliku produttiv u l-objettivi tad-dixxiplina fiskali, ngħidu aħna bl-esklużjoni tal-volumi aggregati ta' kofinanzjament nazzjonali taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment mil-limiti imposti mill-Patt ta' Stabilità u ta' Tkabbir, jew billi jibbażaw il-kalkoli għall-finijiet tal-Patt fuq ir-rekwiżiti ta’ likwidità netta ta’ Stat Membru, b’differenza mir-rekwiżiti gross;

16. Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu kontra l-kondizzjonalità makroekonomika proposta fil-qafas tan-negozjati tal-QFP għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-Unjoni Ewropea għax din, mingħajr ebda relazzjoni bejn il-prestazzjoni tal-politika fuq livell reġjonali u tal-Istat Membru, tippenalizza r-reġjuni jekk ma jimxux mal-proċeduri ta’ governanza ekonomika f'livell nazzjonali;

17.      Jistieden lill-Kummissjoni tikkompleta l-UEM billi twassal l-proposti leġiżlattivi marbutin mal-pilastru soċjali; jissottolinja li kwadru ta’ valutazzjoni soċjali li jservi ta’ pedament ta’ dan il-pilastru jeħtieġ li jinkludi wkoll l-ispeċifiċitajiet reġjonali u lokali rilevanti.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Charalampos Angourakis, Catherine Bearder, John Bufton, Francesco De Angelis, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Iñaki Irazabalbeitia Fernández, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva Kekuš, Constanze Angela Krehl, Jacek Olgierd Kurski, Petru Constantin Luhan, Vladimír Maňka, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Younous Omarjee, Tomasz Piotr Poręba, Ovidiu Ioan Silaghi, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Cozzolino, Joseph Cuschieri, Ivars Godmanis, Juozas Imbrasas, Karin Kadenbach, Andrey Kovatchev, James Nicholson, Heide Rühle, Elisabeth Schroedter, Richard Seeber, Giommaria Uggias, Iuliu Winkler

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

António Fernando Correia de Campos, Sabine Verheyen

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (24.9.2013)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-2013
(2013/2134(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Marije Cornelissen

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–   wara li kkunsidra l-istudju dwar dejta għall-valutazzjoni tal-proċess tas-Semestru Ewropew mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi 2012[1],

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015" (COM(2010)0491),

A. billi t-teknoloġiji ġodda joffru kemm lill-impjegaturi kif ukoll lill-impjegati opportunitajiet ġodda biex jorganizzaw ix-xogħol b’tali mod li jkunu jistgħu jsibu bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata u b’hekk jagħmlu s-suq tax-xogħol aktar inklużiv għan-nisa;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-miżuri ta’ konsolidament fiskali fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċifika lill-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Programmi ta’ Stabbiltà u ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali (PRN) tagħhom, inter alia billi jiżguraw li f’dawn il-programmi jiġu inklużi deskrizzjonijiet trasparenti tal-effetti li jkollhom fuq is-sessi l-introjti u n-nefqiet proposti;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miri nazzjonali diżaggregati skont is-sess għall-istrateġija UE 2020; jistieden lill-Kummissjoni tiddiżaggrega d-dejta skont is-sess ħalli l-progress li jsir fuq il-miri ewlenin tal-UE 2020 u fuq il-miri nazzjonali korrispondenti jkun jista jiġi mmoniterjat, u tiddefinixxi indikaturi addizzjonali speċifiċi skont is-sess fejn meħtieġ;

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-PRN huma nieqsa minn strateġiji komprensivi u sistematiċi biex titmexxa ’l quddiem l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma tal-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri bil-għan li dan in-nuqqas jiġi rrimedjata fiċ-ċikli tas-Semestru Ewropew futuri;

4.  Jenfasizza l-importanza tal-investiment pubbliku f’livell tal-UE u f’livell nazzjonali biex tiġi promossa l-koeżjoni ekonomika u soċjali, b’mod partikolari fir-rigward tal-investiment f’reġjuni inqas żviluppati; jisħaq li l-infiq fuq l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, ir-R&Ż u l-infrastruttura, inklużi l-enerġiji rinnovabbli, it-trasport u l-komunikazzjonijiet, jikkostitwixxu investiment fil-futur ta’ kwalunkwe pajjiż;

5.  Jilqa’ r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (RSP) dwar it-titjib tal-faċilitajiet tal-kura tat-tfal, it-tneħħija tad-diżinċentivi għat-tieni persuna li taqla’ l-flus, l-armonizzazzjoni tal-età tal-irtirar statutorja għall-irġiel u n-nisa, l-akkomodar tal-ħtieġa li jiġu kkumbinati flimkien il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata, b’mod partikolari bil-promozzjoni tal-aċċess għat-teknoloġiji ġodda u t-taħriġ fl-użu tagħhom, u l-eliminar tad-distakki tas-sessi u tal-pensjonijiet; jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li ħafna minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet diġà kienu ġew stabbiliti fl-2012, ħaġa li tindika nuqqas ta’ implimentazzjoni fl-Istati Membri;

6.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom itejbu r-rata ta’ parteċipazzjonil tat-tfal u tal-adulti żgħażagħ fis-sistemi edukattivi u għandhom jiffokaw aktar fuq il-problema tat-tluq bikri mill-iskola, b'mod speċjali billi jiġbru informazzjoni dwar il-kawżi ewlenin ta’ din il-problema bil-ħsieb li jadottaw u jimplimentaw politiki għall-prevenzjoni tagħha;

7.  Jilqa' l-ħolqien ta' rabta bejn il-Proċess Ewropew ta' Integrazzjoni tar-Rom u s-Semestru Ewropew, li b’hekk qed jiġu artikolati r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi biex jittejjeb aktar il-proċess ta' inklużjoni tar-Rom;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri iqisu kif dovut il-miri relatati mal-kwistjoni tas-sessi fil-programmi nazzjonali tax-xogħol, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lin-nisa li għandhom persuni anzjani li jiddependu minnhom, lill-ommijiet li jrabbu t-tfal waħedhom u lin-nisa li għandhom tfal b'diżabilità. jitlob, barra minn hekk, li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwistjoni tat-tluq bikri mill-iskola, minħabba ż-żieda qawwija fil-għadd ta’ tfal li jitilqu mis-sistema edukattiva bejn l-etajiet ta’ 10 snin u 16-il sena u t-telf ta' riżorsi li dan bla dubju jirrappreżenta għall-UE kollha.

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li se tagħmel dalwaqt, tqajjem il-kwistjoni ta’ linji gwida tal-politiki speċifiċi dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn is-sessi, inklużi, b’mod partikolari, linji gwida dwar l-għeluq tad-distakk fil-pagi li hemm bejn is-sessi - li ta' spiss jirriżulta f'li n-nisa jsibu ruħhom taħt il-linja tal-faqar fi stadju aktar tard ta' ħajjithomu - kif ukoll dwar l-għeluq tad-distakk fil-pensjonijiet li hemm bejn is-sessi, dwar it-tiżjid tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u dwar il-ġlieda kontra s-segregazzjoni tas-sessi fis-suq tax-xogħol, peress li l-prosperità futura tal-UE tiddependi b’mod kruċjal mill-abilità tagħha li tuża bis-sħiħ ir-riżorsi tal-forza tax-xogħol tagħha;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka aktar fuq li s-Semestru Ewropew torbtu aktar mal-istrateġija Ewropa 202 bil-għan li tiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-faqar;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida għall-impenjar tal-partijiet interessati, tappoġġja l-finanzjament għall-impenjar sistematiku tal-partijiet interessati nazzjonali fis-Semestru Ewropew, li jkun jeħtieġ li l-kontributi tal-partijiet interessati jiġu annessi mal-PRN, u tlaqqa' seduta ta' smigħ annwali, flimkien mal-Parlament u li tkun tinvolvi s-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, bil-għan li jiġi vvalutat il-progress li jsir fuq il-miri u jingħataw proposti għar-RSP;

12. Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza tal-ibbaġittjar fir-rigward tal-kwistjoni tas-sessi bil-ħsieb li jiġu eżaminati l-programmi u l-politiki governattivi kollha, l-effetti tagħhom fuq l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-kontribut tagħhom għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

7

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Emine Bozkurt, Andrea Češková, Zita Gurmai, Mikael Gustafsson, Mary Honeyball, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Astrid Lulling, Ulrike Lunacek, Elisabeth Morin-Chartier, Norica Nicolai, Angelika Niebler, Siiri Oviir, Antonyia Parvanova, Joanna Senyszyn, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Britta Thomsen, Marina Yannakoudakis, Anna Záborská, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Mariya Gabriel, Nicole Kiil-Nielsen, Christa Klaß, Katarína Neveďalová, Antigoni Papadopoulou, Michèle Striffler

  • [1]  Dipartiment tal-Politika, Parlament Ewropew.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

30.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marino Baldini, Jean-Paul Besset, Sharon Bowles, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Jürgen Klute, Philippe Lamberts, Werner Langen, Ivana Maletić, Arlene McCarthy, Anni Podimata, Peter Simon, Ivo Strejček, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Fabrizio Bertot, Zdravka Bušić, Mojca Kleva Kekuš, Olle Ludvigsson, Catherine Stihler, Nils Torvalds, Oleg Valjalo

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Wim van de Camp