RAPPORT dwar ir-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni
15.10.2013 - (2013/2081(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Elmar Brok
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (14605/1/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali (FII) tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1], u b’mod partikolari l-Parti II, Taqsima G, paragrafu 43 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2012[2], tal-11 ta’ Mejju 2011[3] u tal-10 ta’ Marzu 2010[4] dwar ir-rapporti annwali tal-2011, l-2010 u l-2009 dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, rispettivament,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni li addotta fit-8 ta’ Lulju 2010[5] dwar is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-26 ta’ April 2013 lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-analiżi tal-2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) dwar ir-responsabbiltà politika[6],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Lulju 2010 dwar l-organizzazzjoni bażika tal-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE[7],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2013 bl-isem 'Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti' (COM(2013)0542),
– wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar l-istrumenti finanzjarji esterni ġodda għall-qafas finanzjarju pluriennali għall-2014-2020,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Interparlamentari għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni li saru f'Vilnjus mill-4 sas-6 ta' Settembru 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0330/2013),
A. billi l-iskrutinju tal-politika estera tal-UE, imwettaq mill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-livelli rispettivi tagħhom, huwa essenzjali biex l-azzjoni esterna Ewropea tiġi mifhuma u appoġġjata miċ-ċittadini tal-UE; billi l-iskrutinju parlamentari jtejjeb il-leġittimità ta’ din l-azzjoni;
Dinja għaddejja li qed tinbidel: l-ibbilanċjar tal-interessi u l-valuri f’politika estera ġdida tal-UE
1. Iqis li l-ewwel kwart tas-seklu wieħed u għoxrin huwa kkaratterizzat minn perjodu ta’ tibdil strutturali fit-tul li qed jittrasforma l-ordni globali; jenfasizza li dan jeżiġi approċċ ġdid sabiex titfassal ordni dinjija multipolari ġdida li tkun inklużiva u msejsa fuq l-istat tad-dritt u l-mudell demokratiku pluralista kif ukoll fuq valuri universali, inklużi d-drittijiet tal-bniedem; jinnota li fil-ġejjieni se jkun hemm bosta ostakli mhux l-inqas fir-rapporti mal-qawwiet emerġenti fir-riforma tas-sistema multilaterali, fl-ibbilanċjar mill-ġdid tad-distribuzzjoni reġjonali fraġli tas-setgħat u fl-indirizzar ta’ theddid multiplu, u sfidi min-nazzjonijiet, atturi mhux statali, stati fraġli u instabbiltà reġjonali;
2. Jenfasizza li l-kriżi finanzjarja dinjija u l-ekonomiji emerġenti l-ġodda li qed jimponu dejjem iżjed ir-rieda tagħhom qed joħolqu sfidi politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u ambjentali kbar, inklużi sfidi rigward il-problemi interni, għall-partijiet kollha u huwa tal-opinjoni li l-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jeħtieġ azzjoni kollettiva u unita u l-ħolqien ta’ alleanzi sabiex jiġu promossi l-paċi, is-sigurtà, il-progress soċjali, u l-ġid, flimkien mad-demokrazija fid-diversità kulturali, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-politiki u l-azzjonijiet kollha tal-UE għandhom ikunu skont id-dritt internazzjonali tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;
3. Huwa tal-opinjoni li l-UE għandha tiddefendi lill-interessi taċ-ċittadini tagħha fid-dinja b'mod determinat u unifikat, filwaqt li dejjem tibbaża l-politiki tagħha fuq il-promozzjoni tal-valuri fundamentali li fuqhom hija mibnija l-Unjoni (id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar) u fuq ir-rispett għal pajjiżi oħra;
4. Jenfasizza li l-politika estera tal-UE teħtieġ tkun flessibbli meta tirrispondi għat-theddid emerġenti u l-isfidi f'oqsma bħas-saħħa, l-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-aċċess għall-ilma, li kollha jista' jkollhom impatt fuq il-prijoritajiet politiċi tagħna u l-ekonomiji tagħna kif ukoll fuq l-iżvilupp internazzjonali;
5. Jenfasizza li l-UE teħtieġ tistabbilixxi politika estera ġdida u kredibbli bħala rispons għall-isfidi attwali fid-dinja; jemmen li sabiex tippromwovi u tippreserva l-valuri, id-dehra u l-interessi u l-pożizzjoni tagħha fix-xena globali, l-UE teħtieġ tkun mhux biss koerenti u konsistenti fl-azzjoni esterna tagħha iżda, l-ewwel u qabel kollox għandha tiddefinixxi b’mod ċar u timplimenta l-objettivi strateġiċi tagħha, bl-użu sħiħ tal-opportunitajiet provduti mit-Trattat ta’ Lisbona; jikkunsidra li kemm l-UE kollha kemm hi u l-Istati Membri għandhom l-interess fl-iżvilupp ta' viżjoni komuni li tmur lil hinn mill-perċezzjonijiet u l-esperjenza storika tal-Istati Membri individwali; jitlob li jintuża l-istrument tal-kooperazzjoni mtejba sabiex tinkiseb iktar kapaċità ta’ azzjoni u jingħeleb l-użu mhux xieraq tal-veto fil-Kunsill;
6. Jiddikjara li huwa biss permezz ta’ azzjoni konġunta jew tal-għaqda li jkollna s-saħħa nsegwu l-interessi tagħna u niddefendu l-valuri tagħna f’din id-dinja, u għaldaqstant l-Istati Membri għandhom juru ‒ iktar milli fl-imgħoddi ‒ l-istat ta’ tħejjija u r-rieda politika tagħhom għal azzjoni kollettiva, veloċi u effettiva; jafferma li l-Istati Membri għandhom jissodisfaw l-obbligu kuntrattwali tagħhom ta’ lealtà lejn il-PESK, kemm fl-azzjoni kif ukoll fl-ispirtu, li huwa minqux fit-Trattat ta’ Lisbona[8];
7. Jenfasizza li l-effettività tal-azzjoni esterna tal-UE tiddependi wkoll mill-appoġġ sħiħ taċ-ċittadini tagħha u mil-leġittimità li jirriżulta minn dan billi tkun ankrata fil-valuri fundamentali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem tal-UE, u għaldaqstant jitlob konsultazzjoni mill-qrib, regolari u f'waqtha tal-Parlament Ewropew meta jiġu stabbiliti b’mod ċar il-prijoritajiet u l-objettivi għall-politika estera tal-UE;
8. Jemmen li l-iżvilupp tal-midja Ewropea hija mixtieqa sabiex tippromwovi s-solidarjetà, tqarreb lejn xulxin il-bosta perċezzjonijiet nazzjonali u tqajjem kuxjenza dwar il-PESK;
Il-bini ta’ approċċ komprensiv ġdid għall-politika estera tal-UE
9. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaqdu rwol kostruttiv fil-politika estera u ta' sigurtà tal-Unjoni billi jippromwovu politika ta' koordinazzjoni strateġika fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari permezz ta' kooperazzjoni effettiva bejn il-kapitali tagħhom u Brussell fir-rigward tal-pożizzjonijiet li jadottaw fil-forums multilaterali, speċjalment fin-Nazzjonijiet Uniti u fi ħdan in-NATO; jenfasizza l-ħtieġa, matul perjodu kkaratterizzat minn restrizzjonijiet ekonomiċi, li titjieb l-effettività tal-Unjoni bħala attur globali koeżiv; jinnota b'mod partikolari li l-Istati Membri għandhom rwol importanti x'jaqdu fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni effettiva tal-PESK, mhux biss billi jagħmlu disponibbli l-kapaċitajiet ċivili u militari, iżda anke billi jiżguraw il-finanzjament komuni tal-operazzjonijiet tal-PESK u t-tisħiħ tal-bażi teknoloġika u industrijali Ewropea, u jistenna li dan l-irwol jissaħħaħ wara d-diskussjoni dwar il-futur tad-difiża Ewropea fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013;
10. Jikkunsidra, f'dan ir-rigward, li hija ta' importanza kbira li tissaħħaħ il-kooperazzjoni, titjieb il-koordinazzjoni u jiżviluppaw is-sinerġiji ma' programmi u proġetti tal-Istati Membri tal-UE f'pajjiżi terzi sabiex titjieb l-effettività tal-azzjoni esterna tal-UE u tkampa mar-restrizzjonijiet baġitarji attwali;
11. Jilqa’ l-inizjattiva tal-VP/RGħ li jiġi żviluppat il-kunċett ta’ 'Approċċ Komprensiv' sabiex jinkiseb il-potenzjal sħiħ tat-Trattat ta’ Lisbona u jiġu żgurati l-effettività u l-koerenza globali tal-PESK u l-PSDK; jistieden lill-VP/RGħ sabiex tinvolvi ruħha f’dibattitu mal-Parlament dwar l-aħjar mod kif għandu jiġi żgurat li l-approċċ komprensiv jiġi implimentat b’mod konsistenti u b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat li l-prijoritajiet tal-politika estera tagħna jkomplu jiġu żviluppati b’mod konsistenti mal-interessi u l-valuri tagħna u jiġu appoġġjati bil-mezzi finanzjarji meħtieġa u bi strumenti effettivi u flessibbli; Jenfasizza li l-istrutturi u l-kapaċitajiet militari, inkluż l-istruttura ta' ppjanar permanenti u l-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni militari, jiffurmaw parti integrali minn tali approċċ, u jikkunsidra li t-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn il-Kapijiet tal-Missjoni, ir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE u l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet se jikkontribwixxu wkoll għat-tfassil konsistenti u koerenti tal-politiki esteri u ta' sigurtà tal-UE fuq il-post; Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw lill-VP/RGħ sabiex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tal-approċċ komprensiv;
12. Jiddeplora l-fatt li l-UE għadha ma żviluppatx strateġija ċara għar-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja u li l-attivitajiet tagħha huma definiti iżjed b’reazzjoni milli b’azzjoni; għaldaqstant jitlob dibattitu fundamentali u strateġiku, li għandu jinkludi lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament; jinnota, bħala kontribuzzjoni għal dan id-dibattitu, l-inizjattiva tal-Istrateġija Globali Ewropea segwita mill-ministri għall-affarijiet barranin tal-Isvezja, Spanja, il-Polonja u l-Italja.
13. Għaldaqstant jenfasizza li fehim komprensiv tal-PESK ikopri l-oqsma kollha tal-politika estera, inkluż it-tfassil progressiv tal-PSDK, li jista' jwassal għal difiża komuni, b’enfasi fuq l-insegwiment tal-koerenza u l-konsistenza filwaqt li tiġi rrispettata l-ispeċifiċità ta’ kull komponent tal-azzjoni esterna; jemmen li għandu jkun hemm koordinazzjoni iżjed mill-qrib, taħt it-tmexxija tal-VP/RGħ, tal-politiki interni tal-UE u tal-għażliet ta’ politika tal-Istati Membri f’oqsma ewlenin bħall-konnettività, il-kummerċ, it-trasport, l-enerġija, l-ambjent u l-komunikazzjoni, meta dawn ikollhom implikazzjonijiet transnazzjonali ċari, b'mod partikolari fir-rigward tad-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE;
14. Jistieden lill-Kunsill u l-VP/RGħ sabiex iwieġbu għar-rakkomandazzjoni tal-Parlament dwar l-analiżi tal-2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ulterjuri ta’ struttura xierqa fis-SEAE (bil-parteċipazzjoni tas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni), fejn jiġu integrati l-kompetenzi ġeografiċi u tematiċi u jmexxu approċċ komprensiv għall-ippjanar, il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika;
Tmexxija u koerenza fil-politika estera tal-UE
15. Jenfasizza r-rwol ta’ tmexxija politika li l-VP/RGħ hija mistennija li tieħu sabiex tiżgura l-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni tal-Unjoni; jinnota li l-VP/RGħ, fir-reviżjoni tagħha tas-SEAE, identifikat oqsma li fihom ir-rwol tagħha għandu jissaħħaħ u jsir iktar effettiv fit-tnedija, l-eżekuzzjoni u l-iżgurar tal-konformità mad-deċiżjonijiet tal-PESK u ħarġet rakkomandazzjonijiet maħsuba biex jiżguraw koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, filwaqt li tagħmel użu sħiħ mill-pożizzjoni tagħha bħala Viċi President tal-Kummissjoni; jenfassizza, in vista tas-Seduti tal-Kummissjoni l-ġdida fl-2014, il-fatt li l-Parlament Ewropew għandu jappoġġja din it-tendenza billi jsaħħaħ ir-rwol tal-Viċi President fir-relazzjonijiet esterni u b'hekk l-koordinazzjoni bejn is-SEAE u l-Kummissjoni tkun irrinforzata;
16. Itenni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-tmexxija tal-VP/RGħ, taħt ċirkostanzi diffiċli, tan-negozjati mal-Iran u jfaħħarha għas-suċċess li kisbet sabiex tqarreb il-partijiet flimkien fl-UE ‒ id-djalogu ffaċilitat bejn il-Kosovo u s-Serbja; iqis li dawn l-eżempji ta’ tmexxija u ta’ stabbiliment ta’ prijoritajiet għandhom jiġu applikati aktar, kemm fil-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali tal-UE u fil-viċinat tagħha u kemm bħala tweġiba għal firxa ta’ sfidi strateġiċi li testendi mill-Asja Ċentrali sal-Lvant Nofsani u mill-Qarn tal-Afrika sas-Saħel; jesprimi r-rieda tiegħu li jappoġġja dan il-proċess;
17. Jitlob li ssir analiżi tad-distribuzzjoni tal-infrastruttura u r-reklutaġġ ta’ persunal tad-delegazzjonijiet tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-effiċjenza, il-viżibbiltà u r-rappreżentanza tal-Unjoni fil-pajjiżi terzi jirriflettu l-ambizzjonijiet politiċi tagħna u l-prijoritajiet mistennija; jitlob li din l-analiżi tiġi diskussa mal-kumitat kompetenti tal-Parlament, b’mod speċjali fejn ir-riżultat jeħtieġ kwalunkwe ridistribizzjoni ta’ riżorsi jew deċiżjoni li jinfetħu jew jingħalqu delegazzjonijiet f’pajjiżi terzi;
It-tqabbil tal-objettivi ma’ riżorsi adegwati
18. Jistaqsi, fir-rigward tal-firxa tal-isfidi u t-talbiet għall-impenn tal-UE fid-dinja, ir-raġunament tal-Kunsill għall-qtugħ tal-qafas finanzjarju pluriennali, li se jnaqqas il-kapaċità tal-Unjoni biex tippromwovi l-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp ekonomiku u l-kredibbiltà tagħha fir-rigward ta’ tali sforzi; iwissi li jekk dan it-tnaqqis jiġi applikat b’mod mhux ikkoordinat, dan jirriskja li jdgħajjef is-segwitu effettiv tal-interessi u l-valuri tagħna kif ukoll il-ħila kollettiva tagħna li nippromwovu l-paċi, id-demokrazoja, is-sigurtà tal-bniedem u l-ġid fil-viċinat tagħna u lil hinn minnu;
19. Jirrikonoxxi, fl-istess ħin, il-ħtieġa li jsiru għażliet strateġiċi u li jiġu stabbiliti prijoritajiet sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi tal-Unjoni jintużaw b’mod iffukat u effettiv; Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-politiki nazzjonali tagħhom huma konsistenti u kkoordinati mal-objettivi u l-impenji strateġiċi tal-Unjoni;
20. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji l-ġodda tar-relazzjonijiet esterni li qed jiġu kkunsidrati mill-Parlament u mill-Kunsill ikunu kompletament iffinanzjati, imfassla biex isaħħu l-interessi strateġiċi tal-Unjoni u jkunu jistgħu jiġu adattati għaċ-ċirkustanzi politiċi li qed jinbidlu;
21. Jinsisti li r-reviżjoni tal-FII 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda għandha timmarka pass ieħor ’il quddiem f’termini ta’ iktar trasparenza fir-rigward tal-PESK; jemmen li l-iskrutinju demokratiku jeħtieġ linji baġitarji separati għal kull missjoni jew operazzjoni tal-PSDK, inkluż ix-xogħol ta’ Rappreżentanti Speċjali tal-UE, akkumpanjati minn proċeduri simplifikati ‒ iżda trasparenti ‒ għat-trasferiment intern ta’ fondi jekk iċ-ċirkostanzi jeħtieġu dan;
Il-valutazzjoni tal-kisbiet tal-VP/RGħ u tal-Kunsill fl-2011
22. Jilqa’ l-passi meħuda mill-Kunsill, bl-appoġġ tal-VP/RGħ, fir-Rapport Annwali tal-2011, lejn l-immappjar tal-politika estera tal-Unjoni f’dokument ta’ politika li jħares ’il quddiem u strateġiku;
23. Jinnota l-isforzi li saru sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet deskritti fil-qosor fl-aħħar riżoluzzjoni tal-Parlament dwar dan is-suġġett, b’mod partikolari t-tfassil ta’ missjonijiet u operazzjonijiet ġodda tal-PSDK fil qafas tal-approċċ ġenerali tal-Unjoni lejn pajjiż jew reġjun;
24. Madankollu, jemmen li r-Rapport Annwali tal-Kunsill għadu ma jilħaqx l-ambizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona f’ċertu aspetti importanti, u għaldaqstant jistieden sabiex fil-futur:
· jiġu stabbiliti prijoritajiet ċari u linji gwida strateġiċi għall-PESK bħala parti essenzjali tal-proċess tal-applikazzjoni tar-riżorsi diplomatiċi, ekonomiċi, finanzjarji u ‒ meta jkun meħtieġ ‒ ta’ ġestjoni ta’ kriżi b’mod iżjed effettiv fit-twettiq tal-politika estera u ta’ sigurtà tal-Unjoni,
· jiġi stabbilit qafas għall-valutazzjoni tal-imsieħba strateġiċi eżistenti u għall-iżvilupp ta’ sħubijiet ġodda inklużi ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali;
· jiġi stabbilit pjan direzzjonali biex isir progress fl-innovazzjonijiet importanti tat-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari (1) billi l-allokazzjoni tal-kompiti speċjali u l-missjonijiet għal grupp ristrett tal-Istati Membri isir b'mod operazzjonali, (2) permezz tal-istabbiliment ta' kooperazzjoni strutturali permanenti fid-difiża minn Stati Membri kapaċi u li huma l-aktar disposti, u (3) permezz tat-tisħiħ tar-rwol tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea u ta' aktar riżorsi għaliha,
· jiġu indirizzati l-problemi serji fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-PSDK, fost l-oħrajn fir-rigward tal-proċeduri ta' finanzjament u l-finanzjament ta' operazzjonijiet, li jirriżultaw f'dewmien inkomprensibbli bejn it-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi għat-tnedija ta' missjoni u l-attwazzjoni effettiva ta' dik il-missjoni fl-art (fejn il-Libja u l-Mali huma l-iżjed riċenti f'linja twila ta' eżempji), inkluż permezz ta' rivalutazzjoni tal-iskop u l-kapaċità tal-Gruppi Tattiċi tal-UE, u b'hekk jitjieb il-qafas ġenerali għas-simplifikazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-PSDK;
·
25. Jistieden lill-Kunsill jitlob li l-VP/RGħ tistabbilixxi fir-Rapport Annwali li jmiss l-objettivi tagħha fil-qasam tal-politika estera għas-snin 2014 u 2015, kif ukoll iż-żmien u r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza li dawn il-prijoritajiet għandhom jiffukaw fuq l-għanijiet strateġiċi tal-UE, li jibdew bis-sħubija transatlantika, l-iżvilupp ekonomiku u politiku tal-Viċinati tal-Lvant u n-Nofsinhar tagħha u l-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani;
26. Jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ, meta jfasslu r-Rapporti Annwali futuri dwar il-PESK, biex jinvolvu ruħhom fi stadju bikri mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin sabiex jiddiskutu l-objettivi tal-politika estera għas-snin li ġejjin u jipprovdu liċ-ċittadini tal-UE b’dikjarazzjoni ċara dwar l-evoluzzjoni, il-prijoritajiet u l-progress tal-politika estera tal-Unjoni, u b'hekk ir-rwol tal-VP/RGħ bħala mexxej fil-politika estera tal-UE ikun ivvalutat mill-ġdid u jintwera;
27. Jilqa’ l-inizjattiva li jsir Summit tal-Kunsill Ewropew dwar il-futur tad-difiża Ewropea f’Diċembru 2013 bħala opportunità għal reviżjoni tal-għanijiet strateġiċi u l-interessi ta’ sigurtà tal-UE, kunċetti li għandhom jiġu żviluppati ulterjorment f’White Book dwar id-difiża Ewropea; jitlob li din il-laqgħa twassal għal pjan direzzjonali ċar bi skedi ta' żmien biex jinkisbu l-objettivi ewlenin, inkluż, għall-ewwel darba, ir-reviżjoni f'waqtha tal-Istrateġija tas-Sigurtà Ewropea u l-użu ta' White Book li jservi bħala mudell komuni għas-sigurtà nazzjonali u r-reviżjonijiet tad-difiża fl-istess ħin; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata kooperazzjoni aktar mill-qrib biex tiggarantixxi s-sigurtà militari u tikseb it-tfaddil;
Prijoritajiet strateġiċi: ċrieki konċentriċi ta’ paċi, sigurtà u żvilupp soċjoekonomiku
28. Jilqa' l-iżvilupp tas-'sħubijiet strateġiċi' bħala format tal-impenn tal-UE id f'id mas-setgħat kemm stabbiliti kif ukoll emerġenti; sostna madankollu li l-kunċett jeħtieġ kriterji ċari u konsistenti fir-rigward ta' postu fl-arkitettura tal-politika estera tal-UE; jitlob li jitfasslu deċiżjonijiet futuri dwar l-imsieħba strateġiċi biex ikunu mfassla skont il-prijoritajiet tal-politika estera tal-Unjoni u li l-Parlament jiġi infurmat b’mod regolari qabel it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar is-sħubijiet futuri, b’mod partikolari fejn tali sħubijiet jirċievu appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-Unjoni jew jinvolvu relazzjoni kuntrattwali iżjed mill-qrib mal-UE;
• L-Istati Uniti tal-Amerika
29. Jenfasizza l-fatt li s-sħubija mal-Istati Uniti hija bbażata fuq rabtiet politiċi, kulturali, ekonomiċi u storiċi b'saħħithom u fuq valuri komuni bħal-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jemmen bis-sħiħ li l-Istati Uniti hija l-aktar sieħeb strateġiku importanti għall-UE, minkejja l-fehmiet diverġenti dwar kwistjonijiet importanti; għaldaqstant iħeġġeġ lill-UE sabiex tagħti prijorità politika ċara lit-tisħiħ tar-relazzjonijiet transatlantiċi fil-livelli kollha u li dawn jitwessgħu sabiex jiġu inklużi msieħba transatlantiċi oħra, bil-għan tal-insegwiment tal-benefiċċju komuni u r-reċiproċità;
30. Huwa tal-opinjoni li l-UE u l-Istati Uniti għandhom bżonn jikkooperaw mill-qrib fir-rigward tar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u l-kriżijiet li jinqalgħu bħala riżultat tal-programm nukleari tal-Iran u tal-proċess ta' tranżizzjoni fil-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija u tal-Lvant Nofsani; jilqa' l-impenn tal-President Obama għal soluzzjoni ta' żewġ stati għall-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jistieden lill-UE, wara dibattitu parlamentari, biex tintensifika l-attività diplomatika bħala parti minn strateġija politika komprensiva miftiehma għall-istabbiltà fit-tul u s-sigurtà tar-reġjun kollu;
31. Jilqa’ l-aħbar dwar it-tnedija ta’ negozjati għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), li jistgħu jagħtu spinta ekonomika importanti lill-ekonomiji tal-UE u tal-Istati Uniti, jistimolaw il-progress għal ftehimiet internazzjonali oħra u jirrappreżentaw mudell biex ikun segwit minn atturi reġjonali u globali oħra; ifakkar il-ħtieġa li jitwaqqaf Kunsill Politiku Transatlantiku; jinnota li, sadanittant, it-tkomplija tal-prattika li jsiru summits annwali bejn l-UE u l-Istati Uniti tista’ tipprovdi opportunità għall-identifikazzjoni ta’ objettivi komuni, għall-koordinazzjoni ta’ strateġiji fir-rigward ta’ theddid u sfidi ta’ rilevanza globali, l-iżvilupp ta’ approċċ komuni lejn is-setgħat emerġenti, jiġi żgurat il-multilateraliżmu u l-iskambju tal-aħjar prattiki; ifakkar li s-summit annwali bejn l-UE u l-Istati Uniti għadu ma sarx din is-sena; jinnota li, barra minn hekk, il-konklużjoni eventwali tat-TTIP u tan-negozjati tal-UE mal-Kanada li għaddejjin se joħolqu l-prospett ta' spazju ekonomiku wiesa' li jinkludi lill-Amerika ta' Fuq, l-UE u bosta pajjiżi tal-Amerika Latina u jġibu tkabbir fl-ekonomika u impjiegi; jissuġġerixxi li aktar opportunitajiet politiċi jiġu esplorati għall-kooperazzjoni transatlantika triangulari;
32. Jikkunsidra li sabiex tinbena l-fiduċja, jeħtieġ li l-Istati Uniti tikkonforma mal-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tad-data sensibbli u tbiddel l-attivitajiet tal-ġbir tad-data tagħha diretti lejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha, u jistaqsi għal konklużjoni rapida tal-ftehim komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-data, li tipprovdi informazzjoni u rimedju legali għaċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li d-divulgazzjonijiet riċenti qajmu tħassib madwar l-Ewropa li jistgħu jkunu ta' ħsara għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti; ifakkar li l-protezzjoni tad-data għandha tkun rispettata kemm mill-UE kif ukoll mill-imsieħba tagħha, u jikkunsidra li jinħtieġu standards komuni għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata li tipproteġi lil-libertà kemm taċ-ċittadini tal-UE u tal-Istati Uniti;
· Ir-Russja
33. Itenni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-politika tal-Unjoni ta’ involviment kritiku mar-Russja; jikkunsidra lir-Russja bħala ġara strateġika importanti, iżda huwa tal-opinjoni li sabiex tinbena sħubija ġenwina għandhom jiġu rrispettati l-valuri fundamentali tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jilqa' l-kooperazzjoni mar-Russja dwar kwistjonijiet internazzjonali importanti, b'mod speċjali fir-rigward tal-Lvant Nofsani, l-Iran, l-Afganistan u s-Sirja;
34. Jiddispjaċih madankollu għall-fatt li r-Russja tuża l-veto tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) sabiex iddgħajjef l-isforzi tal-komunità internazzjonali li taġixxi b'mod effettiv u fil-pront b’reazzjoni għal kriżijiet umanitarji, bħat-traġedja u l-vjolenza li qiegħda tiżdied fis-Sirja; jistieden għaldaqstant lill-VP/RGħ biex jużaw l-piż diplomatiku u l-isforzi tal-UE għal aktar impenn mar-Russja dwar dawn il-kwistjonijiet; jilqa' l-medjazzjoni tar-Russja fir-rigward tal-ħażna tal-armi kimiċi tas-Sirja, flimkien mal-proposta deskritta mill-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov li jħeġġeġ lis-Sirja biex iċċedi l-kontroll tal-ħażna kimika, u l-offerta tar-Russja biex tassisti f'tali operazzjoni; jiddispjaċih għall-fatt li tali medjazzjoni ma saritx fi stadju aktar bikri, li kieku kienet tevita t-telfa ta' eluf ta' ħajjiet;
35. Jibqa' mħasseb dwar in-nuqqas ta' impenn min-naħa tar-Russja għall-istat tad-dritt, id-demokrazija pluralista u d-drittijiet tal-bniedem, kif muri mil-leġiżlazzjoni riċenti li xxekkel il-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u timmira lejn il-minoritajiet , inkluż il-komunitajiet LGBT, kif ukoll r-restrizzjoni tal-libertà tal-espressjoni, il-libertà ta' għaqda u l-libertà ta' assoċjazzjoni; jenfasizza li t-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika Russa, inkluża l-ekonomija, ikun rispons kostruttiv għan-nuqqas ta' kuntentizza espress minn ħafna ċittadini Russi u huwa essenzjali biex tinbena sħubija ġenwina u kostruttiva bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza li sforz determinat biex jindirizza l-korruzzjoni huwa importanti għat-tisħiħ tal-kunfidenza fir-relazzjoni ekonomika bejn l-UE u r-Russja u li l-progress rigward in-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi ‒ li l-istadju preliminari tiegħu kien pożittiv ‒ għandu jkun dipendenti fuq il-progress f'oqsma bħall-ġustizzja selettiva u l-elezzjonijiet liberi, ġusti u kompetittivi;
36. Jenfasizza r-rieda tal-UE li tikkontribwixxi għas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni u għal kwalunkwe suċċessur għall-ftehim ta’ sħubija u kooperazzjoni attwali li huwa marbut mal-progress tar-Russja f'oqsma bħad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija pluralista (inklużi l-elezzjonijiet liberi, ġusti u kompetittivi); jenfasizza wkoll li l-UE tibqa' impenjata biex tibni fiduċja reċiproka u tkompli d-djalogu politiku mar-Russja, inkluż dwar kwistjonijiet ta' importanza globali bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu, in-nonproliferazzjoni, il-kriminalità organizzata u t-tibdil fil-klima;
37. Jikkritika l-fatt li r-Russja, bi ksur ta’ normi internazzjonali (pereżempju l-Ftehimiet ta’ Ħelsinki) tuża l-istrumenti tal-politika tal-enerġija u l-kummerċ sabiex tirrikatta lill-pajjiżi fil-viċinat Ewropew sabiex iġġiegħelhom jingħaqdu mal-unjoni doganali mmexxija mir-Russja minflok ma jiffirmaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-UE, u b'hekk tfixkel id-deċiżjonijiet sovrani tagħhom; jemmen, barra minn hekk, li l-integrazzjoni progressiva ta' pajjiżi sħab mal-UE tista' tkun konsistenti mal-intenzjoni tagħhom ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat mar-Russja; iħeġġeġ lir-Russja tadotta pożizzjoni kostruttiva rigward il-kunflitti ffriżati; jiddispjaċih għall-fatt li l-UE ma kinitx involuta b'mod aktar sod fir-riżoluzzjoni ta' dawn il-kunflitti; iwissi lir-Russja li l-użu ta' kunflitti mhux solvuti għal skopijiet politiċi jista' joħloq ġlied ġdid u jiddestabbilizza r-reġjun kollu;
· Iċ-Ċina
38. Jinkoraġġixxi lill-UE biex tiżviluppa aktar l-isħubija komprensiva u strateġika tagħha maċ-Ċina, filwaqt li tippromwovi l-interessi globali taż-żewġ partijiet, il-proġetti komuni bbażati fuq l-istandards ġeostrateġiċi u r-rispett reċiproku; jistieden lill-UE u l-Istati Membri sabiex jitkellmu b’vuċi waħda mal-Gvern Ċiniż; jitlob, filwaqt li jilqa’ madwar 60 djalogu settorjali attivi u n-negozjati proposti rigward trattat tal-investiment, li jiġu żviluppati iktar djalogi settorjali u għar-riżoluzzjoni rapida ta' investigazzjonijiet tal-kummerċ li għaddejjin; itenni mill-ġdid l-ħtieġa għad-djalogu fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, bejn l-UE u ċ-Ċina, fost l-oħrajn permezz tal-involviment tas-soċjetà ċivili u l-kooperazzjoni man-NU;
39. Jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fl-arena multilaterali hija kruċjali sabiex tippromwovi l-istabbiltà u tindirizza l-isfidi globali, fost l-oħrajn fir-rigward ta' kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, inklużi l-isforzi biex jiġu kkontrollati l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u r-rifuġju fiskali; jenfasizza wkoll li l-kooperazzjoni hija meħtieġa wkoll sabiex tindirizza t-tibdil fil-klima, il-kwistjonijiet ambjentali, l-użu tar-riżorsi naturali limitati tal-pjaneta, u l-kooperazzjoni tal-iżvilupp, biex tappoġġja l-paċi u r-rispett għad-dritt internazzjonali f'kunflitti bħal dak fis-Sirja, u biex tirrispondi għall-isfidi maħluqa mill-Iran u l-Korea ta' Fuq fir-rigward tan-nonproliferazzjoni;
40. Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li ċ-Ċina għadha tikser id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi kulturali u reliġjużi, bħal fit-Tibet;
· Il-Ġappun
41. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkonsolidati r-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-Ġappun bħala sieħeb strateġiku u attur internazzjonali ewlieni li jaqsam il-valuri demokratiċi komuni tal-UE u huwa sieħeb naturali għall-kooperazzjoni fil-fora multilaterali; jistenna bil-ħerqa n-negozjati tal-Ftehim Qafas komprensiv u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles;
· Il-Korea t’Isfel
42. Jistieden lill-UE tapprofondixxi l-kooperazzjoni politika tagħha mal-Korea t'Isfel, attur Asjatiku demokratiku ewlieni li riċentament intensifika r-relazzjonijiet kummerċjali mal-UE permezz ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ambizzjuż;
· L-Indja
43. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu r-relazzjonijiet tagħhom mal-Indja, abbażi tal-promozzjoni tad-demokrazija, l-inklużjoni soċjali, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u jħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jagħmlu minn kollox biex jikkonkludu n-negozjati ta’ ftehim ta' kummerċ ħieles komprensiv bejn l-UE u l-Indja, li għandu jistimula l-kummerċ u t-tkabbir ekonomiku Ewropew u Indjan;
· It-Turkija
44. Jenfasizza l-importanza strateġika tad-djalogu u l-kooperazzjoni tal-UE mat-Turkija dwar l-istabbiltà, id-demokrazija u s-sigurtà, b’referenza partikolari għal-Lvant Nofsani usa’; jinnota li t-Turkija mhijiex biss alleat tan-NATO iżda wkoll kandidat biex tissieħeb mal-UE jekk u meta jintlaħqu l-kriterji tal-adeżjoni u d-deċiżjoni rigward is-sħubija sħiħa tiġi approvata demokratikament; jistaqsi għall-ftuħ tal-kapitli kruċjali, speċjalment sabiex jiġu mnedija r-riformi politiċi meħtieġa; jinnota li t-Turkija kkundannat b’mod qawwi u ripetut il-vjolenza tar-reġim Sirjan kontra persuni ċivili u qed tipprovdi assistenza umanitarja vitali lis-Sirjani li qed jaħarbu l-vjolenza li qed isseħħ lil hinn mill-fruntieri; jitlob għal aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u t-Turkija, flimkien mal-miżuri fil-livell tal-Unjoni, fir-rigward ta' fluss tar-rifuġjati li qed jikber fil-fruntieri esterni tal-UE; jenfasizza li r-reputazzjoni internazzjonali li qed tikber tat-Turkija għandha tkun ibbażata wkoll fuq l-impenn tagħha għad-drittijiet fundamentali, l-istat sekulari, id-demokrazija pluralista u l-istat tad-dritt internament, u li l-aktar riformi kruċjali għadhom iridu jitlaħqu; jinnota l-vitalità tad-domandi demokratiċi magħmula mis-soċjetà ċivili fit-Turkija u itenni mill-ġdid it-tħassib tiegħu dwar il-vjolenza, ir-risposti ripressivi u spiss inadegwati mill-awtoritajiet; jistaqsi għall-appoġġ tat-Turkija kontra l-movimenti fundamentalisti u mhux demokratiċi fir-reġjun;
· L-Afrika t'Isfel
45. Itenni mill-ġdid l-importanza tas-sħubija strateġika tal-UE mal-Afrika t'Isfel; jitlob li l-Afrika t’Isfel, meta wieħed iqis ir-rekord tagħha tat-tranżizzjoni għad-demokrazija, liema tranżizzjoni kienet ta’ suċċess u paċifika, u r-rwol tagħha bħala setgħa reġjonali, tista’ tkun forza kbira li tippromwovi d-demokrazija u l-governanza tajba, trawwem integrazzjoni ekonomika reġjonali, u tappoġġja rikonċiljazzjoni nazzjonali madwar l-Afrika kollha, u sieħeb ewlieni għall-UE f’dawn l-isforzi; jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Afrika t’Isfel dwar it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u r-riformi ta’ istituzzjonijiet internazzjonali;
‒ L-UE li se titkabbar
46. Jenfasizza li s-sħubija mal-UE tipprovdi l-paċi, il-prosperità, l-iżvilupp demokratiku, l-istabbiltà u s-sigurtà f’ambjent internazzjonali li qed jinbidel b’mod mgħaġġel, u li l-appartenenza fl-UE tkompli toffri l-perspettiva ta’ żvilupp soċjoekonomiku; huwa tal-opinjoni li t-tkabbir jibqa' għodda importanti fil-politika estera tal-UE u huwa fl-interess strateġiku fit-tul tal-UE, li ma jistax ikun neċessarjament imkejjel f'termini ta' karti tal-bilanċi f'perijodu qasir; jinnota li, madankollu, il-politika tat-tkabbir għandha tikkunsidra l-kapaċità tal-integrazzjoni tal-UE stess u l-impenn ġenwin tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tat-Turkija biex jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom u jindirizzaw it-tħassib pendenti. jilqa' l-ftehim dwar it-telekomunikazzjoni u l-enerġija milħuq bejn is-Serbja u l-Kosovo matul is-16-il laqgħa ta' negozjati mal-VP/RGħ, u jitlob għal aktar sforżi biex jingħelbu l-ostakli li fadal;
‒ Il-viċinat tal-UE
47. Jenfasizza li l-UE teħtieġ tagħmel iktar sforz, tagħti prijorità ikbar, u turi impenn ikbar lill-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) fi żmien fejn din il-politika tinsab f'diffikultà u qiegħda tiġi sfidata mill-iżviluppi f'bosta pajjiżi; jemmen għaldaqstant li għal raġunijiet ta' solidarjetà u minħabba l-interess tagħha stess fi żvilupp paċifiku u liberu, l-UE għandha tiffoka b'saħħa l-istrumenti tagħha, fost l-oħrajn billi ssaħħaħ l-approċċi multilaterali fir-reġjun, u tagħmel rabtiet sodi bejn l-istrumenti tal-politika, finanzjarji tagħha u l-finanzjament sabiex tilħaq l-objettivi tal-politika tagħha, speċjalment rigward it-tfassil tar-riformi dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ekonomija; jinnota li l-perspettiva Ewropea tibqa' inċentiv ewlieni, partikolarment għall-pajjiżi Ewropej tal-viċinat, biex jitfasslu riformi ambizzjużi;
48. Jenfasizza li l-modernizzazzjoni tal-viċinat Ewropew kollu hija bbażata fuq l-iżvilupp gradwali tad-demokrazija libera li fiha dawk li kienu eletti b'mod demokratiku jiggvernaw b'mod demokratiku wkoll skont prinċipji kostituzzjonali, ir-rispett għall-oppożizzjoni, għad-divrenzja tal-opinjonijiet u għan-nonkonformità;
49. Jitlob biex il-prinċipji sottostanti tal-approċċ il-ġdid tal-PEV, kif stabbiliti mill-VP/RGħ u l-Kummissjoni fil-komunikazzjonijiet konġunti relevanti[9], b’mod partikolari l-prinċipji ta’ 'aktar għal aktar', ta’ differenzjazzjoni u ta’ responsabilità reċiproka u 'is-sħubija mas-soċjetà', ikunu kompletament operattivi u li l-assistenza tal-Unjoni tkun allinjata bis-sħiħ ma’ dan l-approċċ ġdid;
50. Jenfasizza li, sabiex jiġu evitati tensjonijiet soċjali ta’ wara l-adeżjoni u/jew żbilanċi soċjoekonomiċi fl-Unjoni mkabbra, il-Kummissjoni għandha tippromwovi politiki ta’ qabel l-adeżjoni mmirati lejn it-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali strutturali, kif ukoll sabiex jingħelbu d-differenzi kulturali fl-istati tal-adeżjoni qabel iż-żmien tal-adeżjoni; jenfasizza li għandha tingħata prijorità lill-integrazzjoni nazzjonali tal-minoritajiet soċjali u kulturali, biex b'hekk tipprevjeni l-moviment tal-massa lejn Stati Membri oħra wara l-adeżjoni;
· Il-Viċinat tal-Lvant
51. Ifakkar li l-Viċinat tal-Lvant huwa ta’ importanza strateġika u jfakkar il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi kkonċernati, li tibqa' inċentiv elwieni għal dawn il-pajjiżi biex ifasslu r-riformi; jenfasizza li l-UE għandha influwenza reali f'dan il-qasam u għandha tiddefendi l-qawwa trasformattiva tagħha bis-sħiħ; jikkunsidra li wasal iż-żmien għall-isforzi intensifikati, flimkien ma' impenn politiku ikbar, biex jilħqu l-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant, inkluż il-ħtieġa li tkun stabbilita rabta aktar mill-qrib bejn il-PESK u l-PEV; jilqa' l-progress li sar, u jistieden ukoll lin-naħat kollha biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex jiġu ffirmati jew inizjati l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, il-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv u l-ftehimiet dwar il-liberalizzazzjoni tar-reġim tal-viżi tal-UE ladarba l-kundizzjonijiet stabbiliti jintlaħqu, u jistieden lill-imsieħba tagħna tal-Lvant biex jissodisfaw ir-rekwiżiti għal Summit ta' Vilnjus ta' suċċess f'Novembru 2013; jenfasizza li s-summit għandu jimmarka pass ċar 'il quddiem biex is-soċjetajiet tal-Istati Membri u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jitqarrbu lejn xulxin;
52. Madankollu, jiddispjaċih li s-sitwazzjoni ġenerali fir-rigward tal-istandards demokratiċi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem f’ħafna mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant ftit li xejn għamlet progress, jekk ma ddeterjoratx; jitlob lill-UE taqdi rwol aktar attiv u ta' sostenn fit-tfittxija għal soluzzjonijiet politiċi għall-kunflitti ffriżati fil-Viċinat tal-Lvant, b'mod partikolari bil-għan li tikser l-imblokk dwar l-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Abkażja u dwar il-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh u taqdi bis-sħiħ rwol b'appoġġ għal kwalunkwe ftehim ta' paċi li jirriżulta; jinkuraġġixxi aktar progress dwar il-kwistjoni tat-Transnistrija; jenfasizza barra minn hekk li l-iżvilupp sħiħ tas-Sħubija tal-Lvant jista' jsir biss ladarba l-kunflitti ffriżati jiġu solvuti b'mod paċifiku, li għandu jkun prijorità; jitlob lill-UE biex tagħmel użu sħiħ mill-għodod disponibbli għaliha biex tagħmilha ta' medjatur u tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem huma rrispettati kollha; itenni mill-ġdid li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet għandu jsir bil-kundizzjoni li jkun hemm impenn sinifikattiv lejn id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
53. Ifakkar li r-riformi demokratiċi promossi mill-UE huma fl-interess tal-pajjiżi msieħba nfushom u jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom; jirrimarka li istituzzjonijiet demokratiċi b’saħħithom u rabtiet iżjed mill-qrib mal-UE permezz tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, DCFTAs u l-miżuri ta' faċilitazzjoni tal-viżi se jgħinu lit-tisħiħ tas-sovranità ta’ dawn il-pajjiżi kontra l-influwenza tal-pajjiżi ġirien b’saħħithom; huwa mħasseb ħafna dwar il-pressjoni dejjem ikbar fuq uħud mill-pajjiżi msieħba, bħall-Moldova, l-Ukraina u l-Armenja, li fl-aħħar mill-aħħar għandha l-għan li tnaqqas il-progress lejn aktar involviment mal-UE; jitlob lill-UE biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet b'mod koerenti politikament; jafferma mill-ġdid ir-rieda tal-UE li tkun sieħba affidabbli u b’saħħitha għal dawn il-pajjiżi, abbażi ta’ valuri komuni kondiviżi u s-solidarjetà, u li taqsam magħhom il-vantaġġi kollha tal-acquis tal-UE, b’konformità ma’ arranġament ta’ Żona Ekonomika Plus;
54. Jenfasizza li għalkemm il-ftehim bejn l-UE u l-Ukraina ġie inizjalat, jista’ jiġi ffirmat u ratifikat biss jekk l-Ukraina tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa kif stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ukraina tal-10 ta’ Diċembru 2012; itenni mill-ġdid l-istedina tiegħu lill-Parlament u l-Gvern tal-Ukraina biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-ġustizzja selettiva u jibdew billi minnufih jeħilsu lil Yulia Tymoshenko, u jimplimentaw ir-riformi stabbiliti fl-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni miftiehma b’mod konġunt, inkluża r-riforma ġudizzjarja (jiġifieri l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali) u r-riforma tal-liġi elettorali; jistieden lill-Ukraina temenda l-kodiċi penali tagħha, billi tneħħi s-sanzjonijiet kriminali għal atti politiċi mwettqa b’mod ċar minn funzjonarji tal-Istat li jaġixxu f’kapaċità uffiċjali;
55. Jappoġġja l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja, iżda jemmen li jinħtieġ progress tanġibbli mill-awtoritajiet tal-Ġeorgja fil-qasam tal-istat tad-dritt; jitlob, b'mod partikolari, għall-ħelsien tal-priġunieri politiċi, inkluż l-eks-Prim Ministru Vano Merabishvili, u biex jintlaħqu l-istandards Ewropej fl-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin;
· Il-Viċinat tan-Nofsinhar u l-Lvant Nofsani
56. Jenfasizza r-relazzjonijiet fit-tul tal-UE mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Ewropa; jitlob biex il-prinċipji sottostanti tal-approċċ il-ġdid tal-PEV, kif stabbiliti mill-VP/RGħ u l-Kummissjoni fil-komunikazzjonijiet konġunti rilevanti, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ 'aktar għal aktar', ta’ differenzjazzjoni u ta’ responsabilità reċiproka u 'is-sħubija mas-soċjetà', ikunu kompletament operattivi u li l-assistenza tal-Unjoni tkun allinjata bis-sħiħ ma’ dan l-approċċ ġdid;
57. Ifakkar l-appoġġ tiegħu għall-użu ta’ kunċetti ġodda mill-VP/RGħ, bħat-Task Force għan-Nofsinhar tal-Mediterran, bħala mod biex jiġi massimizzat l-ingranaġġ miksub mill-finanzjament mill-UE u l-imsieħba tagħha, għall-benefiċċju taċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi; jistenna riżultati tanġibbli minn dan l-approċċ innovattiv f’termini ta’ koordinazzjoni aħjar bejn il-kontribuzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri, ta’ għajnuna fil-bini tal-kapaċitajiet lill-pajjiżi benefiċjarji u ta’ responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet tagħhom;
58. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u l-vjolenza eċċessiva min-naħa tal-partijiet kollha, inkluż kemm mill-forzi tas-sigurtà tal-Istat kif ukoll mill-forzi tal-oppożizzjoni; jenfasizza li l-UE għandha tappoġġja d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u jilqa’ d-deċiżjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE tal-21 ta’ Awwissu 2013 li jissospendu l-liċenzji kollha tal-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna; iħeġġeġ lill-atturi politiċi fl-Eġittu sabiex isibu soluzzjoni għad-differenzi tagħhom permezz ta’ djalogu paċifiku u jitlob li jintlaħaq ftehim politiku inklużiv u li s-setgħa tiġi ttrasferita lill-mexxejja eletti b’mod demokratiku kemm jista’ jkun malajr; iħeġġeġ lill-UE u b'mod partikolari lill-VP/RGħ, sabiex tikkapitalizza fuq il-pożizzjoni unika tagħha u n-netwerks tagħha ta' relazzjonijiet fost l-atturi prinċipali u biex tkompli l-isforzi tagħha bħala medjatur, għal soluzzjoni politika fir-rigward ta' parametri bażiċi ta' tranżizzjoni demokratika;
59. Jiddispjaċih għall-fatt li l-UE rrinunzjat il-politika komuni tagħha għall-embargo fuq l-armi għas-Sirja, u b'hekk iddgħajjef approċċ komuni; jikkundanna t-tixrid ta’ demm traġiku u li għadu għaddej fis-Sirja, li diġà kellu impatt umanitarju devastanti inkluż fuq il-pajjiżi ġirien, b’mod partikolari l-Ġordan, il-Libanu u t-Turkija; jistieden lill-Istati Membri biex juru solidarjetà u jipprovdu għajnuna lir-rifuġjati mis-Sirja u persuni spostati fis-Sirja; jikkundanna b'qawwa l-qtil bil-massa ta' nies ċivili u jenfasizza li l-użu tal-armi kimiċi mill-Gvern Sirjan huwa ksur serju tan-normi internazzjonali li jista' jwassal għat-tressiq quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali ta' dawk kollha responsabbli; jilqa' r-risposta internazzjonali soda u jitlob għall-implimentazzjoni rapida, taħt superviżjoni internazzjonali, tal-pjan biex jinqerdu tali armi kimiċi kollha; jenfasizza li l-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja teħtieġ livell għoli ta' koerenza u solidarjetà fost l-Istati Membri tal-UE, ħidma b'kooperazzjoni man-NATO u atturi reġjonali, speċjalment mar-Russja, l-Iran, l-Iżrael u t-Turkija; jitlob lill-UE tappoġġja b'mod attiv l-isforzi biex jitlaqqgħu t-taħdidiet ta’ Ġinevra II sabiex tiġi promossa soluzzjoni politika aċċettabbli għas-Sirjani u tintemm l-ispirali fatali ta’ vjolenza;
60. Ikompli jappoġġja l-approċċ fuq żewġ binarji adottat mill-UE, l-Istati Uniti, ir-Russja u ċ-Ċina bil-għan tal-insegwiment tan-nonproliferazzjoni; jistieden lill-President Iranjan biex isegwi dikjarazzjonijiet pożittivi riċenti billi jikkoopera bis-sħiħ mal-komunità internazzjonali fl-indirizzar tat-tħassib fir-rigward tan-natura esklussivament paċifika tal-programm nukleari Iranjan; jistieden lill-UE 3-plus-3 tikkunsidra kemm miżuri addizzjonali kif ukoll inċentivi dipendenti fuq l-Iran filwaqt li tagħmel progress konkret fit-teħid ta' passi verifikabbli għall-indirizzar tat-tħassib tal-komunità internazzjonali; jenfasizza li kwalunkwe falliment jew twaqqif fin-negozjati bejn l-UE 3-plus-3 u l-Iran dwar in-nonproliferazzjoni nukleari se jwassal għal riskji serji għas-sigurtà reġjonali u globali;
61. Jesprimi tama għan-negozjati ta’ paċi tal-Lvant Nofsani u jfakkar li s-soluzzjoni tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani hija ta’ interess fundamentali għall-UE, kif ukoll għall-partijiet infushom u r-reġjun usa’; għaldaqstant jenfasizza li l-ħtieġa għal progress hija ħafna iktar urġenti minħabba t-tibdil li għaddej bħalissa fid-dinja Għarbija, il-kriżi Sirjana u s-sitwazzjoni partikolarment instabbli fil-Lvant Nofsani usa’; jistieden lill-Istati Membri jsibu raġuni komuni għal azzjoni iżjed deċiżiva min-naħa tal-UE b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Lega Għarbija u l-membri l-oħra tal-Kwartett; jilqa' it-tkomplija ta' negozjati diretti bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani bħala bażi għat-triq lejn soluzzjoni ta' żewġ stati; jikkritika l-politika ta' insedjament Israeljana, li hija ksur tad-dritt internazzjonali u qiegħda tfixkel il-prospetti ta' paċi u riżoluzzjoni negozjata tal-kunflitt; itenni mill-ġdid li huwa fl-interess tal-UE li l-Lvant Nofsani jkun stabbli u paċifiku u jitlob għal aktar involviment attiv bil-għan li jintlaħaq dan l-iskop; jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-istrumenti ta' finanzjament tal-UE u jitlob għall-implimentazzjoni sensittiva u mhux burokratika tagħhom;
62. Jistaqsi kemm lill-Iran u lill-Emirati Għarab Magħquda biex jipparteċipaw fi djalogu miftuħ u onest fejn soluzzjoni paċifika għat-tilwima territorjali tagħhom tkun possibbli u kollha kemm hi konsistenti mad-dritt internazzjonali;
L-Amerika Latina
63. Jilqa’ d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Amerika Latina, inklużi s-summits tal-kapijiet tal-Istati u l-Assemblea Parlamentari EUROLAT;
64. Jemmen li l-UE u l-pajjiżi tal-Amerika Latina jikkondividu impenn komuni għal żvilupp ekonomiku soċjalment sostenibbli u rabta komuni mal-valuri demokratiċi u mal-istat tad-dritt, iżda jesperjenzaw ukoll tensjonijiet fir-rikonċiljazzjoni ta' dawk il-valuri u l-għanijiet b'kundizzjonjiet ta' governanza;
65. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-proċess ta’ negozzjar ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur u jinnota l-impenn taż-żewġ partijiet sabiex jaslu għal skambju ta’ offerti dwar l-aċċess għas-swieq sal-aħħar tal-2013; jilqa' id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Assoċċjazzjoni bejn l-Amerika Ċentrali u l-UE u tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles b'iktar minn partit wieħed mal-Kolombja u l-Perù u jistenna bil-ħerqa t-tneħħija tar-rekwiżiti tal-viżi ma' dawn iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll il-ħidma fuq aktar Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, inkluż mal-Ekwador; jinnota li tali ftehimiet jirrappreżentaw avvanzi importanti fir-relazzjonijiet strateġiċi li qed jiżviluppaw bejn l-UE u l-Amerika Latina;
66. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-kuntatti u l-koordinazzjoni mal-imsieħba tal-Amerika Latina fil-fora multilaterali; jitlob għall-adozzjoni tal-Karta Ewro-Latinamerikana għall-Paċi u s-Sigurtà, kif mitlub mill-Assemblea EUROLAT;
– L-Afrika
67. Jinsisti li t-tħejjijiet għar-Raba’ Samit bejn l-UE u l-Afrika fl-2014 joffru opportunità sabiex isir pass lil hinn mill-bini ta’ kapaċitajiet istituzzjonali fil-livell kontinentali lejn l-istabbiliment ta’ sħubija politika għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp soċjoekonomiku, mill-isforzi biex jiġġieldu kontra l-flussi finanzjarji illegali mill-Afrika, il-kisba tal-Għan ta' Żvilupp tal-Millenju u l-governanza tajba fil-livell reġjonali u subreġjonali;
68. Jenfasizza l-importanza tal-istrateġiji rispettivi tal-UE għall-Qarn tal-Afrika u r-reġjun ta’ Saħel bħala mezz ewlieni sabiex tiġi indirizzata l-kumplessità tal-isfidi fl-oqsma tas-sigurtà, il-governanza u l-iżvilupp li jaffettwaw lil dawn ir-reġjuni li jkopru min-naħa għall-oħra tal-Afrika;
69. Ifakkar li l-istabbiltà aktar fit-tul tal-Istat u s-sigurtà tal-bniedem f'dawn iż-żewġ reġjuni ma jinħtieġux biss ir-rebħa kontra l-estremisti radikali vjolenti u dawk li jittraffikaw l-armi, id-drogi u l-persuni, iżda wkoll il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tas-soċjetà tal-istat u dawk ċivili u d-dispożizzjoni ta' attivitajiet ekonomiċi alternattivi biex jagħtu lin-nies għajxien dinjituż, partikolarment permezz tal-ħolqien ta' impjiegi billi jiġu ffaċilitati l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' miżuri li jkabbru l-fiduċja;
– L-Asja ċentrali
70. Jappoġġja l-promozzjoni tal-UE għal approċċ reġjonali fl-Asja Ċentrali, li huwa essenjali fl-indirizzar tal-isfidi komuni, b'mod partikolari fir-rigward tal-istabbiltà, is-sigurtà, l-ilma u l-enerġija, billi jiġi ffaċilitat id-djalogu, jiġu żviluppati r-relazzjonijiet tajba ta' viċinat u l-interessi strateġiċi tal-UE jkunu promossi; jitlob li l-impenn tal-UE f'dan ir-reġjun ikun marbut mal-progress fid-demokratizzazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, l-iżvilupp sostenibbli soċjoekonomiku, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; ikompli jenfasizza l-importanza tal-preżenza tal-UE fl-art sabiex tissorvelja mill-qrib il-proċessi motivati politikament, u l-ħtieġa tal-promozzjoni għall-pluraliżmu politiku;
71. Jenfasizza wkoll l-importanza tad-djalogu tal-UE mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà reġjonali u ambjentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma u tas-sitwazzjoni fl-Afganistan wara l-2014; jilqa' t-tnedija tad-Djalogu ta' Sigurtà ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Asja Ċentrali fit-13 ta' Ġunju 2013;
72. Jinnota li l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali li huma rikki fl-enerġija u r-riżorsi naturali huma potenzjalment sinifikanti għad-diversifikazzjoni tas-sorsi u r-rotot ta’ provvista tal-UE sabiex jinkiseb grad ogħla ta' sigurtà tal-enerġija; jistieden lis-SEAE u l-Kummissjoni biex ikomplu jappoġġjaw bis-sħiħ il-proġetti ta’ diversifikazzjoni tal-provvista ta’ enerġija bħall-Kuritur tan-Nofsinhar u t-trans-Caspian pipeline;
• L-Afganistan
73. Huwa mħasseb ħafna dwar il-vjolenza kontinwa, fil-forom kollha tagħha, fl-Afganistan, partikolarment dik immirata lejn in-nisa; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Afganistan biex iħejji sabiex jieħu r-responsabbiltà sħiħa wara l-irtirar tal-forzi internazzjonali mill-2014; jistieden lill-Istati Membri jingranaw sabiex jappoġġjaw il-bini tal-kapaċitajiet militari u ċivili tal-Gvern tal-Afganistan u l-Forzi ta’ Sigurtà Nazzjonali tiegħu sabiex tinħoloq l-istabbiltà u s-sigurtà li huma prerekwiżiti għall-iżvilupp, u sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ sitwazzjoni ta’ vakwu ladarba l-pajjiż jassumi r-responsabbiltà sħiħa għas-sigurtà tiegħu stess wara l-2014; jenfasizza l-ħtieġa li jitkompla l-appoġġ tal-UE għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni; itenni mill-ġdid il-ħtieġa li jiġi stabbilit pjan għall-eliminazzjoni tal-produzzjoni tal-oppju; ifakkar li l-Parlament talab ripetutament għall-promozzjoni ta' pjan ta' ħames snin għall-eliminazzjoni tal-produzzjoni tal-oppju;
74. Itenni mill-ġdid l-impenn fit-tul tal-UE biex tassisti lill-Afganistan fi tranżizzjoni paċifika u l-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli; jilqa' l-fatt li l-UE u l-Afganistan dalwaqt se jikkonkludu n-negozjati dwar il-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp; jistieden liż-żewġ naħat jikkonkludu n-negozjati malajr;
75. Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni mtejba fis-subreġjun tal-Asja Ċentrali u mar-Russja, il-Pakistan, l-Indja u l-Iran sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tat-traffikar transkonfinali tal-bnedmin u l-merkanzija, u għall-ġlieda kontra l-produzzjoni illegali u t-traffikar tad-drogi; iwissi kontra r-riskju ta’ problemi bħal dawn li jixxerdu f’pajjiżi ġirien u fis-subreġjun usa’ wara l-2014; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-Pakistan fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;
– L-Asja
76. Jistieden lill-UE biex iżżid il-preżenza tagħha fir-reġjun tal-Asja Paċifiku, biex tiffoka lil hinn miċ-Ċina, l-Indja u l-Ġappun; jenfasizza l-potenzjal politiku u ekonomiku tas-sħubija stabbilita bejn l-UE u l-Indonesja, demokrazija bir-raba' l-akbar ‒ fil-parti l-kbira tagħha Musulmana ‒ popolazzjoni, u membru tal-G-20; jenfasizza l-prospetti l-ġodda għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN li jsegwu t-tibdiliet demokratiċi fil-Myanmar; iqis il-Pjan ta’ Azzjoni Bandar Seri Begawan biex tissaħħaħ is-sħubija mtejba tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN)-UE bħala pass rilevanti; jara wkoll it-Trattat ta’ Ħbiberija bħala okkażjoni għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u jistenna bil-ħerqa li jinkisbu riżultati tanġibbli f’dan ir-rigward;
77. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu konklużi n-negozjati dwar ftehimiet ta’ sħubija u kooperazzjoni u ftehimiet dwar il-qafas politiku ma’ bosta pajjiżi tax-Xlokk u l-Lvant tal-Asja, ibbażat fuq standards soċjali u r-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji Ewropej, sabiex jikkonsolida u jgħolli l-livell tar-relazzjonijiet tal-UE mar-reġjun;
78. Jenfasizza l-importanza tas-sigurtà reġjonali tal-Asja-Paċifiku, u jinsab mħasseb dwar it-tensjonijiet, inkluż it-tilwim territorjali madwar il-Baħar tal-Lvant u n-Nofsinhar taċ-Ċina, filwaqt li jinsab dejjem iżjed imħasseb dwar il-Korea ta’ Fuq; jissuġġerixxi li l-UE tista’ tassumi rwol iżjed attiv, u jitlob li l-partijiet kollha kkonċernati jiġu inklużi f’mekkaniżmi ta’ djalogu u kooperazzjoni, b’mod speċjali fix-xena multilaterali, fid-dawl tal-importanza tal-istabbiltà f’din iż-żona għas-sigurtà marittima u l-interessi kummerċjali tal-UE;
79. Jinnota l-isforzi magħmula għal kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti wara l-'fus' għall-Asja, kif muri mill-approċċ komuni għat-tneħħija tas-sanzjonijiet fuq il-Mjanmar; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm iktar koordinazzjoni tal-politiki tal-Istati Uniti u l-UE lejn l-Asja, flimkien ma’ dawk ta’ msieħba ewlenin bħall-Awstralja u n-New Zealand; iħeġġeġ għal dan il-għan il-konklużjoni rapida tan-negozjati dwar il-ftehimiet qafas mal-Awstralja u n-New Zealand, li għandha tirrifletti l-approċċ komuni tal-UE għall-inklużjoni ta' klawżoli politiċi miktuba ċari dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-ftehimiet internazzjonali kollha nnegozjati mill-UE;
80. Ifakkar l-ewwel Djalogu Strateġiku bejn l-UE u l-Pakistan li sar f’Ġunju 2012 u l-impenn għal diskussjonijiet kostruttivi dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali u l-opinjonijiet komuni dwar il-kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali ta’ interess reċiproku, inkluż impenn aktar proattiv favur soċjetà pluralista bħala element essenzjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jistieden lill-VP/RGħ taġġorna lill-Parlament dwar is-segwitu għal dak id-djalogu strateġiku u l-preparazzjonijiet għal dak li jmiss, li għandu jseħħ fi Brussell fl-2013;
81. Ifaħħar l-isforzi kontinwi tat-Tajwan fiż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku; jirrikonoxxi l-progress magħmul fir-relazzjonijiet bejn l-Istretti, b’mod speċjali l-konnessjonijiet ekonomiċi, it-turiżmu u l-kooperazzjoni kulturali li qed jiffjorixxu; itenni mill-ġdid l-appoġġ b’saħħtu tiegħu għall-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan f’organizzazzjonijiet u attivitajiet internazzjonali rilevanti, inkluża l-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiffaċilitaw in-negozjati ta' ftehim ta' kooperazzjoni ekonomika (ECA) bejn l-UE u t-Tajwan; jinkoraġġixxi kooperazzjoni bilaterali aktar mill-qrib bejn l-UE u t-Tajwan f’oqsma bħall-kummerċ, ir-riċerka, il-kultura, l-edukazzjoni u l-protezzjoni ambjentali;
82. Jibqa' mħasseb ħafna dwar il-ksur enormi kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem tal-Korea ta' Fuq u t-testijiet kontinwi tagħha tal-apparati nukleari dejjem aktar b'saħħithom u missili għal distanzi twal, li jibqgħu theddida serja għall-paċi internazzjonali, l-istabbiltà u s-sigurtà u għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż;
– L-imsieħba multilaterali
83. Jemmen li l-G-20 jista’ jkun forum utli u partikolarment xieraq għall-bini ta’ kunsens li jkun inklużiv, ibbażat fuq is-sħubija u kapaċi li jrawwem konverġenza, inkluża konverġenza regolatorja; huwa tal-opinjoni, madankollu, li l-G-20 għad irid juri l-valur tiegħu fit-trasformazzjoni tal-konklużjonijiet tas-summit f’politiki sostenibbli li jindirizzaw sfidi kritiċi;
84. Jirrikonoxxi r-rwol tal-KNSU bħala l-ogħla korp internazzjonali responsabbli għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, filwaqt li jinnota li l-kriżijiet riċenti enfasizzaw l-inabbiltà tiegħu li dejjem tikber biex jaġixxi fil-ħin b'risposta għal theddidiet gravi għall-paċi internazzjonali u s-sigurtà, minħabba l-istrutturi u l-metodi ta' ħidma tiegħu; iħeġġeġ għaldaqstant lill-VP/RGħ biex tpoġġi l-isforzi tagħha sabiex ikun żgurat siġġu permanenti tal-UE fil-KNSU u biex tmexxi r-riforma tal-KNSU; jistieden lil dawk l-Istati Membri tal-UE li għandhom siġġu permanenti biex jinvolvu lill-VP/RGħ fit-teħid ta' deċiżjoni tagħhom;
85. Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tal-UE li tavvanza l-kamp tal-multilateraliżmu effettiv, li fil-qalba tiegħu jkun hemm is-sistema tan-NU, billi jsaħħu r-rappreżentanza, ir-responsabbiltà u l-effettività tan-NU, li teħtieġ ir-riforma tal-KNSU, inklużi r-restrizzjonijiet tas-setgħa tal-veto; jenfasizza l-importanza tal-ħidma ma’ imsieħba internazzjonali oħra, sabiex tingħata tweġiba għall-isfidi internazzjonali; jenfasizza l-fatt li siġġu għall-UE fil-KSNU mkabbar jibqa’ għan ċentrali u fuq perjodu ta’ żmien twil tal-UE; barra minn hekk, jitlob lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-preżenza tal-UE fis-sistema tan-NU, biex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom fl-għażla ta’ uffiċjali għolja għal postijiet ta’ livell għoli fin-NU u f’istituzzjonijiet internazzjonali oħra;
86. Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha sabiex jikkooperaw mal-imsieħba fit-tisħiħ tar-rwol tal-organizzazzjonijiet reġjonali fiż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti, il-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili u militari, u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti; jenfasizza l-ħtieġa li ssir ħidma mal-imsieħba biex jiġi żgurat li l-kunċett tar-Responsabilità ta’ Protezzjoni (R2P) huwa żviluppat legalment u jitħaddem meta jkun hemm bżonn, jiffoka fuq il-prevenzjoni, il-protezzjoni u r-rikostruzzjoni wara kunflitt; ifakkar ir-rakkomandazzjoni tiegħu li 'Konsensus dwar ir-R2P' interistituzzjonali tal-UE jkun adottat, u jistenna li s-SEAE jibda l-konsultazzjonijiet għal dan il-għan; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati linji gwida u kapaċitajiet ta’ medjazzjoni iżjed effettivi, inkluż permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-UE u n-NU;
87. Jilqa’ l-impenji li saru mill-UE u n-NATO biex isaħħu l-isħubija strateġika tagħhom permezz ta' approċċ kumplimentari; jinnota li l-kriżi ekonomika attwali globali u Ewropea xprunat sforzi għal kapaċitajiet operazzjonali aktar kosteffikaċi kemm fl-UE kif ukoll fin-NATO li huma meħtieġa b’mod urġenti; jitlob għal soluzzjoni politika urġenti għall-istaġnar li għad hemm li qed ifixkel kooperazzjoni xierqa u mill-qrib bejn l-UE u n-NATO; jilqa' inizjattivi bħall-applikazzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri tal-UE għas-sħubija fis-Sħubija għall-Paċi (PfP) tan-NATO bħala l-ewwel pass lejn it-tneħħija ta' ostakli bejn l-UE u n-NATO;
88. Jibqa' imħasseb dwar il-problemi biex jinbdew il-missjonijiet tal-PSDK, bħal pereżempju d-dewmien fl-ippjanar u t-tnedija, in-nuqqas ta’ persunal, l-ippjanar finanzjarju u d-diffikultajiet ta’ implimentazzjoni, il-kwistjonijiet dwar l-istatus tal-ftehimiet tal-PESK ma' pajjiżi terzi u d-diffikultajiet tal-bidu; jitlob li jinħoloq mekkaniżmu ta’ segwitu li jiżgura li dawn il-problemi rikorrenti jiġu indirizzati flimkien;
89. Jitlob lill-VP/RGħ tintegra iċ-ċibersigurtà fl-azzjoni esterna tal-UE sabiex tikkoordina mal-azzjoni li qed tittieħed mill-Programm ta' Stokkolma u biex tiżviluppa netwerks ta’ imsieħba li jaħsbuha l-istess biex jittrattaw it-theddid u l-isfidi taċ-ċibersigurtà; jenfasizza li għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat li strumenti legali internazzjonali eżistenti huma infurzati fiċ-ċibersfera;
90. Jenfasizza l-ħtieġa biex il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment u l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ta' tagħmir u software intenzjonat primarjament għas-sorveljanza jew l-interċezzjoni tal-komunikazzjonijiet bl-internet u bit-telefon ikunu rregolati fil-livell tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-kumpaniji Ewropej ma jitħallewx jesportaw oġġetti ta’ użu doppju ta’ dan it-tip lejn reġimi mhux demokratiċi, awtoritarji u ripressivi;
91. Itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ sabiex tieħu kont tal-effettività tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva kif ukoll tal-politiki tagħha għall-indirizzar tal-armi konvenzjonali, inklużi l-esportazzjonijiet tal-armi;
92. Jilqa’ l-approċċ ikkoordinat tal-UE waqt in-negozjar tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, li rriżulta f’riżultat pożittiv; jitlob lill-Istati Membri jirrattifikaw it-Trattat malajr sabiex ikun jista’ jidħol fis-seħħ, wara l-kunsens tal-Parlament; Jitlob għall-kompetenza fir-rigward tar-regoli li jirregolaw l-esportazzjoni tal-armi u tat-tagħmir jew is-software intenzjonat primarjament għas-sorveljanza jew l-interċezzjoni tal-komunikazzjonijiet bl-internet u bit-telefon fuq netwerks mobbli biex ikunu trasferiti kollha għall-UE;
93. Jappoġġja d-djalogu dwar ir-riforma tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u t-tnedija tal-proċess Ħelsinki 40+ f’Diċembru 2012, li jipprovdi pjan direzzjonali strateġiku għat-tisħiħ tal-OSKE; jappoġġja bis-sħiħ ix-xogħol tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) li jwettaq xogħol imprezzabbli fil-qasam tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards demokratiċi;
94. Jirrikonoxxi r-rwol dejjem aktar importanti tal-organizzazzjonijiet reġjonali, b’mod partikolari tal-Lega Għarbija, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC), l-Organizzazzjoni tal-Konferenza Islamika u l-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni Ekonomika, u jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha, speċjalment dwar kwistjonijiet relatati mal-proċessi ta’ tranżizzjoni u l-ġestjoni tal-kriżi fil-Viċinat tan-Nofsinhar; jilqa’ l-isforzi tal-UE biex tassisti lil-Lega Għarbija fil-proċess ta’ integrazzjoni tagħha;
°
° °
95. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lill-President fil-kariga tal-OSKE, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, lill-President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.
- [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p.1.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2012)0334.
- [3] ĠU C 377 E, 7.12.2012, p.35.
- [4] ĠU C 349 E, 22.12.2010, p.51.
- [5] ĠU C 351 E, 2.12.2011, p.454.
- [6] Ibid., p.470.
- [7] Ibid., p.472.
- [8] 'L-Istati Membri għandhom isostnu l-politika esterna u ta’ sigurtà tal-Unjoni attivament u mingħajr riserva fi spirtu ta’ lealtà u solidarjetà reċiproka u għandhom jirrispettaw l-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam. [...] Għandhom joqgħodu lura minn kull azzjoni li tkun kontra l-interessi tal-Unjoni jew li x’aktarx tagħmel ħsara għall-effettività tagħha bħala forza b’koeżjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali. Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli għandhom jassiguraw li dawn il-prinċipji jkunu rispettati.' (L-Artikolu 24(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea).
- [9] Komunikazzjoni konġunta tal-25 ta’ Mejju 2011 intitolata 'Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni: Reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat' (COM(2011)0303); komunikazzjoni konġunta tal-20 ta’ Marzu 2013 intitolata 'Politika Ewropea tal-Viċinat: Naħdmu lejn Sħubija aktar b’Saħħitha' (JOIN(2013)0004).
OPINJONI TAL-MINORANZA
Opinjoni tal-minoranza dwar ir-Rapport dwar ir-rapport annwali tal-Kunsill lilll-Parlament Ewropew dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK)
Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur Elmar Brok
Rapport tal-minoranza mressaq f'isem il-GUE/NGL minn Willy Meyer, Sabine Lösing, Nikos Chountis u Takis Hadjigeorgiou
Nopponu r-rapport kompletament peress li:
- jiddefendi u jippromwovi ulterjorment il-militarizzazzjoni bħala l-element ewlieni fil-PESK - jippromwovi s-sinerġija tal-kapaċitajiet ċivili u militari;
- jiddefendi l-fatt li l-PESK għandha tkopri l-oqsma kollha tal-politika estera u l-kwistjonijiet kollha relatati mas-sigurtà tal-Unjoni, inkluż it-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni li taf twassal għal politika ta' difiża komuni
Nitolbu li jkun hemm:
- UE ċivili, strettament separata min-NATO
- Id-dissoluzzjoni tan-NATO
- PESK ibbażata fuq prinċipji paċifiċi
- Ir-rispett għad-dritt internazzjonali u l-Karta tan-NU
- Nefqa militari li tintuża għal raġunijiet ċivili
- L-għeluq tal-bażijiet militari kollha fl-Ewropa
- Id-diżarm tal-Ewropa, inkluż diżarm nukleari totali
- Astenzjoni min-naħa tal-UE minn politiki ta’ intervent b'rispett għas-sovranità tal-istati
Strasburgu, l-10 ta' Ottubru 2013.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (27.6.2013)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni fl-2012
(2013/2081(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Nadezhda Neynsky
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jieħu nota li fl-2011 l-eżitu tal-baġit tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) kien ta’ EUR 332 miljun, jew 3,54 % tal-approprjazzjoniet totali tal-intestatura 4; jieħu nota li sa Diċembru 2012 l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament disponibbli għal din il-politika kienet ta’ 93,12 %; għadu mħasseb, madankollu, dwar il-fatt li l-mandati għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo u l-missjoni ta’ monitoraġġ fil-Ġeorġja għall-perjodu 2012-2013 ġġeddu mill-Kunsill b’baġit aktar baxx minn dak mistenni;
2. Iwissi, fid-dawl tar-rata ta’ implimentazzjoni tajba ġenerali, kontra qtugħ mhux ġustifikat lill-baġit tal-PESK fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2014-2020 li kieku jipperikola l-effikaċja u l-impatt ta' din il-politika;
3. Għadu mħasseb dwar il-problemi biex jinbdew il-missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), bħal pereżempju d-dewmien fl-ippjanar u l-attivazzjoni, in-nuqqas ta’ persunal, l-ippjanar finanzjarju u d-diffikultajiet ta’ implimentazzjoni, il-kwistjonijiet dwar l-istatus tal-ftehimiet tal-PESK ma' pajjiżi terzi u d-diffikultajiet tal-bidu; jirrikjedi li jinħoloq mekkaniżmu ta’ segwitu li jiżgura li dawn il-problemi rikorrenti jiġu indirizzati flimkien;
4. Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-iskrutinju parlamentari tal-baġit tal-PESK, it-trasparenza tal-baġit u l-użu tal-mekkaniżmu Athena għall-operazzjonijiet tal-PSDK; jilqa’ l-isforzi biex issir analiżi fid-dettall ċara tal-partiti kollha ffinanzjati mill-baġit tal-PESK, inkluż għal kull operazzjoni tal-PSDK, għal kull rappreżentant speċjali tal-UE u għal kull politika oħra relatata, sakemm din ma tneħħi xejn mill-flessibilità u r-reattività meħtieġa tal-PESK; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-ammont totali tal-infiq operattiv tal-PESK għandu jiddaħħal kompletament f'kapitolu baġitarju wieħed, intitolat PESK, u jitqassam bejn l-artikoli tal-baġit tal-PESK;
5. Ifakkar fl-importanza li jinħolqu sinerġiji u jkun evitat irduppjar bejn politiki eżistenti u inizjattivi ġodda, u jilqa’ l-isforzi biex jiġu promossi s-sinerġiji ċivili militari u l-konsistenza bejn l-azzjonijiet tal-PESK. hu tal-fehma li, sabiex tkun konsistenti mal-valuri proprji tal-UE, il-politika estera u l-azzjoni esterna tal-UE jridu jagħtu indikazzjoni ċara tal-istrumenti u l-allokazzjonijiet finanzjarji li għandhom jintużaw fir-rigward ta' kull waħda mill-prijoritajiet tal-UE dwar il-bini tal-paċi, il-promozzjoni tad-demokrazija u l-istat ta’ dritt, il-governanza tajba u s-soċjetajiet ġusti; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-Istrument għall-Istabilità bħala għodda strateġika tal-UE għall-indirizzar ta’ għadd ta’ sfidi marbuta mas-sigurtà u l-iżvilupp globali;
6. Jisħaq fuq il-bżonn li jsir użu mill-flessibilità msaħħa pprovduta mir-regolament finanzjarju l-ġdid u li titħaffef il-provvista ta’ għajnuna f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u f’sitwazzjonijiet ta’ periklu imminenti jew immedjat bit-theddida ta’ eskalazzjoni f’kunflitt armat jew ta’ destabbilizzazzjoni ta’ pajjiż, waqt li tingħata prijorità għas-sitwazzjonijiet ta' kriżi, fejn intervent bikri tal-Unjoni jkun ta’ importanza kbira għall-promozzjoni tal-prevenzjoni ta’ kunflitt;
7. Jistieden f'dan il-kuntest lill-Kummissjoni tippreżenta, f’konformità mal-Artikolu 54(2), atti delegati rigward ir-regoli dettaljati għall-finanzjament ta’ miżuri preparatorji fil-qasam tal-PESK.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
27.6.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
16 1 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marta Andreasen, Jean Louis Cottigny, Jean-Luc Dehaene, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Jens Geier, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Giovanni La Via, Claudio Morganti, Jan Mulder, Dominique Riquet, Alda Sousa, Helga Trüpel, Derek Vaughan |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Georgios Stavrakakis |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
10.10.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
48 12 7 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Bastiaan Belder, Elmar Brok, Jerzy Buzek, Tarja Cronberg, Arnaud Danjean, Mark Demesmaeker, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Richard Howitt, Liisa Jaakonsaari, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Vytautas Landsbergis, Ryszard Antoni Legutko, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Marusya Lyubcheva, Willy Meyer, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols, Justas Vincas Paleckis, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Bernd Posselt, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Tokia Saïfi, Nikolaos Salavrakos, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Werner Schulz, Adrian Severin, Marek Siwiec, Sophocles Sophocleous, Laurence J.A.J. Stassen, Davor Ivo Stier, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Nikola Vuljanić, Sir Graham Watson, Boris Zala, Karim Zéribi |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, Charalampos Angourakis, Jean-Jacob Bicep, Andrew Duff, Göran Färm, Hélène Flautre, Kinga Gál, Doris Pack, Dominique Vlasto, Paweł Zalewski |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Andreas Pitsillides, Vilja Savisaar-Toomast, Peter Šťastný |
||||