RAPPORT dwar il-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba
18.10.2013 - (2011/2152(ACI))
Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Rafał Trzaskowski
- PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
- ANNESS: Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar ID-dixxiplina baġitarja, IL-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar IL-ġestjoni finanzjarja tajba
- OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-BAĠITS
- RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 310, 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 għall-fini li jinkiseb eżitu pożittiv għall-proċedura ta' approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014-2020[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fit-8 ta' Frar 2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fit-28 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar il-ftehim politiku rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020[3],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 127(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0337/2013),
A. billi ntlaħaq ftehim politiku fis-27 ta’ Ġunju 2013 fl-ogħla livell politiku bejn il-Parlament Ewropew, il-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2014-2020 u dwar ftehim interistituzzjonali ġdid;
B. billi ntużaw għall-ewwel darba dispożizzjonijiet ġodda li jikkonċernaw il-QFP kif introdotti mit-Trattat ta' Lisbona, b’mod partikolari rigward ir-rwol u l-prerogattivi akbar mogħtija minnhom lill-Parlament Ewropew;
C. billi huwa xieraq li jiġi adottat, fil-kuntest tal-QFP, ftehim interistituzzjonali għall-implimentazzjoni tad-dixxiplina baġitarja u għat-titjib tal-funzjonament tal-proċedura baġitarja annwali u tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fi kwistjonijiet baġitarji;
1. Jaċċetta l-ftehim politiku li ntlaħaq dwar il-QFP għall-2014-2020 u dwar ftehim interistituzzjonali ġdid; huwa determinat li jagħmel użu sħiħ, matul il-proċeduri baġitarji li ġejjin, mill-istrumenti l-ġodda stabbiliti, speċjalment fir-rigward tal-flessibbiltà;
2. Jenfasizza li l-proċess twil u impenjattiv ta' negozjati, kemm fil-Kunsill kif ukoll fil-livell interistituzzjonali, flimkien mar-riżultat tiegħu jirrappreżentaw implimentazzjoni mhux sodisfaċenti tad-dispożizzjonijiet il-ġodda li jikkonċernaw il-QFP kif introdotti mit-Trattat ta' Lisbona, b’mod partikolari rigward ir-rwol u l-prerogattivi akbar mogħtija minnhom lill-Parlament Ewropew;
3. Jikkundanna l-istrateġija ta’ negozjati tal-Kunsill, li fiha n-negozjaturi tiegħu kienu marbuta mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta' Frar 2013 fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja bħal kriterji għall-allokazzjoni dettaljati, pakketti skont il-programmi jew il-benefiċjarju, kif ukoll allokazzjonijiet finanzjarji diskrezzjonarji li jaġġustaw il-livell tar-redditu nazzjonali mill-baġit tal-Unjoni, u b’hekk iż-żewġ fergħat leġiżlattivi ġew prevenuti milli jwettqu negozjati xierqa;
4. Jiddispjaċih, barra minn hekk, li l-kuntatti u l-laqgħat numerużi li saru matul dawn l-aħħar snin bejn id-delegazzjoni tiegħu u l-presidenzi suċċessivi tal-Kunsill ma kellhom l-ebda impatt fuq l-ispirtu, il-kalendarju jew il-kontenut tan-negozjati jew fuq il-pożizzjoni tal-Kunsill, inkluża l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-aspetti leġiżlattivi u dawk baġitarji tal-ftehim dwar il-QFP;
5. Jikkonkludi li, skont l-Artikolu 312(5) tat-TFUE, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti tax-xogħol alternattivi fil-futur biex jiffaċilitaw l-adozzjoni tal-QFP, u biex jiżguraw li s-setgħat leġiżlattivi u baġitarji tal-Parlament, kif mogħtija mit-TFUE, jiġu rispettati bis-sħiħ, li l-Kunsill jinnegozja wkoll effettivament kwalunkwe waħda mill-partijiet “relatati mal-QFP” tal-bażijiet legali għall-programmi, u li l-Kunsill Ewropew ma jaġixxix bħala leġiżlatur, bi ksur tat-TFUE;
6. Jistieden lill-Kumitat tiegħu responsabbli għall-Baġits, b’kooperazzjoni mal-Kumitat tiegħu responsabbli għall-Affarijiet Kostituzzjonali, biex iħejji l-konklużjonijiet meħtieġa u jressaq proposti ġodda, fi żmien xieraq qabel ir-reviżjoni ta' wara l-elezzjoni tal-2016, dwar il-modalitajiet tan-negozjati tal-QFP, sabiex jiżgura n-natura demokratika u trasparenti tal-proċess kollu kemm hu tat-tfassil tal-baġit;
7. Japprova l-konklużjoni tal-ftehim ta' hawn taħt;
8 Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-ftehim flimkien mal-President tal-Kunsill u mal-President tal-Kummissjoni u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi, għal skopijiet ta' informazzjoni, din id-deċiżjoni, inkluż l-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2012)0360.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2013)0078.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2013)0304.
ANNESS: Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar ID-dixxiplina baġitarja, IL-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar IL-ġestjoni finanzjarja tajba
IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U L-KUMMISSJONI EWROPEA,
minn hawn ’il quddiem imsejħa l-istituzzjonijiet,
FTIEHMU DAN LI ĠEJ
1. L-għan ta’ dan il-Ftehim, adottat skont l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) hu li tiġi implimentata d-dixxiplina baġitarja, jitjieb il-funzjonament tal-proċedura baġitarja annwali u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fi kwistjonijiet baġitarji kif ukoll sabiex tkun żgurata l-ġestjoni finanzjarja tajba.
2. Id-dixxiplina baġitarja f'dan il-Ftehim tkopri n-nefqa kollha. Il-Ftehim jorbot lill-istituzzjonijiet kollha sakemm jibqa’ fis-seħħ.
3. Dan il-Ftehim ma jibdilx il-poteri rispettivi li l-istituzzjonijiet għandhom fuq il-baġit kif stabbilit fit-Trattati, fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru ... [1][2]*(ir-"Regolament QFP") u fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [3](ir-"Regolament Finanzjarju").
4. Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim teħtieġ il-qbil komuni tal-istituzzjonijiet kollha.
5. Dan il-Ftehim jinqasam fi tliet partijiet:
– L-Ewwel Parti tikkonsisti f’dispożizzjonijiet komplementari marbuta mal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u f’dispożizzjonijiet dwar strumenti speċjali li mhumiex inklużi fil-QFP.
– It-Tieni Parti tirrigwarda l-kooperazzjoni interistituzzjonali matul il-proċedura baġitarja.
– It-Tielet Parti tinkludi dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-Unjoni.
6. Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fil-...[4]* u jissostitwixxi l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[5].
PARTI IQFP U STRUMENTI SPEĊJALI
a. dispożizzjonijiet marbuta mal-qfp
7. L-informazzjoni dwar l-operazzjonijiet li mhumiex inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni kif ukoll l-iżvilupp prevedibbli tad-diversi kategoriji tar-riżorsi proprji tal-Unjoni tinsab f’tabelli separati permezz ta’ indikazzjonijiet. Din l-informazzjoni għandha tiġi aġġornata kull sena flimkien mad-dokumenti mehmuża mal-abbozz tal-baġit.
8. L-istituzzjonijiet għandhom, għall-għanijiet ta' ġestjoni finanzjarja tajba, jiżguraw kemm jista’ jkun li matul il-proċedura tal-baġit u fi żmien l-adozzjoni tiegħu, jitħallew disponibbli marġni biżżejjed taħt il-livelli massimi għad-diversi intestaturi tal-QFP, ħlief għas-sottointestatura tal-"Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali".
Aġġornament tat-tbassir għall-approprjazzjonijiet ta' pagament għal wara l-2020
9. Fl-2017, Il-Kummissjoni għandha taġġorna t-tbassir għall-approprjazzjonijiet ta' pagament għal wara l-2020. Dan l-aġġornament għandu jieħu f’konsiderazzjoni l-informazzjoni kollha rilevanti, inkluża l-implementazzjoni reali tal-approprjazzjonijiet baġitarji għall-impenji u l-approprjazzjonijiet baġitarji għall-pagamenti, u kif ukoll it-tbassir għall-implementazzjoni. Għandhom ukoll jiġu kkunsidrati r-regoli mfassla biex ikun żgurat li l-approprjazzjonijiet ta' pagament jiżviluppaw b’mod irregolat b’referenza għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u t-tbassir tat-tkabbir tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni.
b. Dispożizzjonijiet marbuta mal-istrumenti speċjalili mhumiex inklużi fil-qfp
Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza
10. Meta l-Kummissjoni tikkunsidra li għandha tirrikorri għar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza, għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal trasferiment mir-Riżerva għal-linji baġitarji korrispondenti.
Madankollu, qabel kull proposta mill-Kummissjoni għal trasferiment mir-Riżerva, irid jiġi eżaminat l-ambitu għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet.
Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil għandha titnieda proċedura ta' trilogu.
It-trasferimenti mir-Riżerva għandhom isiru skont ir-Regolament Finanzjarju.
Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea
11. Meta jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet biex ikun jista’ jiġi mobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, kif stabbilit fl-att bażiku rilevanti, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta biex dan jiġi mobilizzat. Fejn ikun hemm raġuni għall-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet taħt l-intestatura li tkun teħtieġ nefqa addizzjonali, il-Kummissjoni għandha tqis dan meta tagħmel il-proposta meħtieġa, skont ir-Regolament Finanzjarju, permezz tal-istrument baġitarju xieraq. Id-deċiżjoni li jiġi mobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà għandha tittieħed b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza kkwalifikata u l-Parlament Ewropew għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu u tlieta minn kull ħames voti mixħuta.
Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil għandha titnieda proċedura ta' trilogu.
Strument ta’ Flessibbiltà
12. Il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta biex jiġi mobilizzat l-Istrument ta’ Flessibbiltà wara li tkun eżaminat il-possibbiltajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprijazzjonijiet taħt l-intestatura li tkun teħtieġ nefqa addizzjonali.
Il-proposta għandha tidentifika l-ħtiġijiet li għandhom jiġu koperti u l-ammont meħtieġ. Għal kwalunkwe sena finanzjarja speċifika, din il-proposta tista’ tiġi ppreżentata matul il-proċedura baġitarja.
Id-deċiżjoni li jiġi mobilizzat l-Istrument ta’ Flessibbiltà għandha tittieħed b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza kkwalifikata u l-Parlament Ewropew għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu u tlieta minn kull ħames voti mixħuta.
Għandu jintlaħaq qbil fi ħdan il-qafas tal-proċedura baġitarja annwali.
Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
13. Meta jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet biex ikun jista’ jiġi mobilizzat l--Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, kif stabbiliti fl-att bażiku rilevanti, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta sabiex dan jiġi mobilizzat. Id-deċiżjoni li jiġi mobilizzat il-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandha tittieħed b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza kkwalifikata u l-Parlament Ewropew għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu u tlieta minn kull ħames voti mixħuta.
Fl-istess waqt li tippreżenta l-proposta tagħha għal deċiżjoni biex il-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jiġi mobilizzat, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal trasferiment għal-linji baġitarji relevanti.
Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil għandha titnieda proċedura ta' trilogu.
It-trasferimenti marbuta mal-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom isiru skont ir-Regolament Finanzjarju.
Marġini ta' Kontinġenza
14. Il-mobilizzazzjoni tal-Marġini ta’ Kontinġenza, jew parti minnu, għandha tiġi proposta mill-Kummissjoni wara analiżi bir-reqqa tal-possibbiltajiet finanzjarji l-oħra kollha. Tali proposta tista' ssir biss fir-rigward ta' abbozz ta' baġit emendatorju jew ta' baġit annwali, fejn it-tali proposta tkun meħtieġa għall-adozzjoni tagħhom. Mal-proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Marġini ta’ Kontinġenza, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta għal riallokazzjoni ta’ ammont sostanzjali fl-ambitu tal-baġit eżistenti, sal-limitu sostnut mill-analiżi tal-Kummissjoni.
Id-deċiżjoni li jiġi mobilizzat il-Marġini ta' Kontinġenza għandha tittieħed b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill b'mod simultanju mal-approvazzjoni tagħhom tal-baġit emendatorju jew il-baġit ġenerali tal-Unjoni li l-Marġini ta' Kontinġenza jkun qed jiffaċilita l-adozzjoni tiegħu. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu skont ir-regoli tal-votazzjoni previsti fl-Artikolu 314 TFUE għall-approvazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.
PARTI IITITJIB FIL-KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI DWAR KWISTJONIJIET BAĠITARJI
a. proċedura ta' kooperazzjoni interistituzzjonali
15. Id-dettalji tal-kooperazzjoni interistituzzjonali matul il-proċedura baġitarja huma stipulati fl-Anness.
Trasparenza Baġitarja
16. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport annwali biex jakkumpanja l-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jgħaqqad flimkien l-informazzjoni disponibbli u mhux kunfidenzjali relatata ma':
– l-attiv u l-passiv tal-Unjoni, inklużi dawk li jirriżultaw minn operazzjonijiet ta' self li jorġinaw mill-Unjoni jew destinati lilha skont is-setgħat tagħha f'konformità mat-Trattati;
– id-dħul, in-nefqa, l-attiv u l-passiv tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), u mekkaniżmi oħra possibbli futuri, inklużi fondi fiduċjarji;
– in-nefqa imġarrba mill-Istati Membri fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa, sakemm din mhix inkluża fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.
b. inkorporazzjoni tad-dispożizzjonijiet finanzjarji f'atti leġiżlattivi
17. Kull att leġiżlattiv, li għandu x’jaqsam ma’ programm pluriennali, adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja għandu jinkludi dispożizzjoni li biha l-leġiżlatur jistabbilixxi l-pakkett finanzjarju għall-programm.
Dak l-ammont għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza primarja għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill għal matul il-proċedura baġitarja annwali.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u l-Kummissjoni meta din tfassal l-abbozz tal-baġit, jintrabtu li ma jitbiegħdux minn dak l-ammont b’aktar minn 10 % għall-medda kollha tal-programm kkonċernat, sakemm ma jinqalgħux ċirkustanzi ġodda, oġġettivi u għat-tul li għalihom jingħataw raġunijiet espliċiti u preċiżi, filwaqt li jitqiesu r-riżultati li miksuba mill-implementazzjoni tal-programm, b’mod partikolari fuq il-bażi ta' valutazzjonijiet. Kwalunkwe żieda li tirriżulta minn varjazzjoni bħal din, trid tibqa’ taħt il-livell massimu eżistenti applikabbli għall-intestatura kkonċernata, bla preġudizzju għall-użu tal-istrumenti msemmija fir-Regolament QFP u f’dan il-Ftehim.
Dan il-Punt ma japplikax għall-approprjazzjonijiet għall-koeżjoni adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u allokati minn qabel mill-Istati Membri, li jkun fihom pakkett finanzjarju għall-medda sħiħa tal-programm u lanqas ma japplika għall-proġetti ta’ skala kbira msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament QFP.
18. L-atti leġislattivi, li jikkonċernaw il-programmi pluriennali, li mhumiex suġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja m’għandux ikollhom fihom "ammont meqjus neċessarju".
Jekk il-Kunsill ikun jixtieq jinkludi ammont ta' referenza finanzjarja, dan l-ammont għandu jitqies bħala turija tar-rieda tal-leġiżlatur u m’għandhux jaffettwa s-setgħat baġitarji tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif stabbiliti mit-TFUE. Għal dan il-għan, għandha tiġi inkluża dispożizzjoni fl-atti leġislattivi kollha li jinkludu tali ammont ta' referenza finanzjarja.
Jekk l-ammont ta' referenza finanzjarja ikkonċernat kien is-suġġett ta’ ftehim konformi mal-proċedura ta’ konċiljazzjoni stabbilita fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 1975[6], dan għandu jitqies bħala ammont ta’ referenza fl-ambitu tal-Punt 17 ta’ dan il-Ftehim.
c. in-nefqa rigward ftehimiet dwar is-sajd
19. In-nefqa marbuta ma’ ftehimiet dwar tas-sajd għandha tkun suġġetta għal dawn ir-regoli speċifiċi li ġejjin.
Il-Kummissjoni timpenja ruħha li żżomm lill-Parlament Ewropew informat b'mod regolari dwar it-tħejjija u t-tmexxija tan-negozjati, inkluż l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom.
Matul il-proċedura leġislattiva marbuta mal-ftehimiet dwar is-sajd, l-istituzzjonijiet jintrabtu li jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-proċeduri kollha jitwettqu mill-aktar fis possibbli.
L-ammonti previsti fil-baġit għal ftehimiet ġodda dwar is-sajd jew għat-tiġdid ta’ ftehimiet dwar is-sajd li se jidħlu fis-seħħ wara l-1 ta’ Jannar tas-sena finanzjarja kkonċernata għandhom jitqiegħdu f’riżerva.
Jekk jinstab li l-approprjazzjonijiet marbuta ma’ ftehimiet dwar is-sajd (inkluża r-riżerva) ma jkunux biżżejjed, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-informazzjoni meħtieġa għal skambju ta’ fehmiet f’forma ta’ trilogu, possibbilment f'forma semplifikata, dwar il-kawżi tas-sitwazzjoni, u dwar miżuri li jistgħu jiġu adottati skont proċeduri stabbiliti. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tipproponi l-miżuri xierqa.
Kull tliet xhur, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni ddettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar is-sajd fis-seħħ u kif ukoll tbassir finanzjarju għall-bqija tas-sena.
20. Rappreżentanti tal-Parlament Ewropew jistgħu jieħdu sehem f'konferenzi bilaterali u multilaterali li jinnegozjaw ftehimiet internazzjonali dwar is-sajd, bi status ta' osservatur, waqt li jitqiesu s-setgħat tal-Parlament Ewropew fil-qasam tal-ftehimiet dwar is-sajd u f'konformità mal-punti 25 u 26 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni[7].
21. Mingħajr preġudizzju għall-proċedura rilevanti li tirregola n-negozjar ta' ftehimiet dwar is-sajd, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jintrabtu, fil-qafas tal-kooperazzjoni baġitarja, li jaslu għal qbil f'waqtu dwar il-finanzjament adegwat tal-ftehimiet dwar is-sajd.
d. in-nefqa marbut mar-riżerva għal kriżijietfis-settur agrikolu
22. L-approprjazzjonijiet għar-Riżerva għal kriżijiet fis-settur agrikolu previsti fl-[Artikolu 25a] tar-Regolament (UE) Nru ... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[8][9]* għandhom jiddaħħlu direttament fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. Kwalunkwe ammont tar-Riżerva li ma jsirx disponibbli għal miżuri ta' kriżi għandu jiġi rimborżat f'pagamenti diretti.
In-nefqa b'rabta ma' miżuri għal kriżijiet li jseħħu bejn is-16 ta' Ottubru u tmiem is-sena finanzjarja jista' jiġi ffinanzjat mir-riżerva tas-sena finanzjarja ta' wara skont ir-rekwiżiti stabbiliti fit-tielet paragrafu.
Jekk l-Kummissjoni tqis li jeħtieġ tintuża r-Riżerva, f'konformità mal-att leġiżlattiv rilevanti, għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal trasferiment mir-Riżerva lil-linji tal-baġit li jiffinanzjaw il-miżuri li tqis li huma meħtieġa. Qabel kull proposta mill-Kummissjoni għal trasferiment mir-Riżerva jrid jiġi eżaminat l-ambitu għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet.
It-trasferimenti mir-Riżerva għandhom isiru skont ir-Regolament Finanzjarju.
Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil għandha titnieda proċedura ta' trilogu.
e. il-finanzjament tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (pesk)
23. L-ammont totali tan-nefqa operattiva tal-PESK għandu jiddaħħal kollu f'kapitolu wieħed tal-baġit, intitolat PESK. Dak l-ammont għandu jkopri l-bżonnijiet reali prevedibbli, evalwati fil-qafas tal-istabbiliment tal-abbozz tal-baġit, fuq il-bażi ta’ tbassir imfassal kull sena mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-"Rappreżentant Għoli"), u marġini raġonevoli għall-azzjonijiet mhux previsti. L-ebda fondi ma jistgħu jiddaħħlu f'riżerva.
24. Rigward in-nefqa tal-PESK li tiġi ddebitata lill-baġit ġenerali tal-Unjoni skont l-Artikolu 41 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, u fuq il-bażi tal-abbozz tal-baġit stabbilit mill-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex kull sena jilħqu ftehim dwar l-ammont tan-nefqa operattiva li għandu jiġi ddebitat lill-baġit tal-Unjoni u dwar it-tqassim ta’ dan l-ammont bejn l-artikoli tal-kapitolu tal-baġit tal-PESK skont kif issuġġerit fir-raba’ paragrafu ta’ dan il-Punt. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, huwa mifhum li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom idaħħlu fil-baġit l-ammont li jidher fil-baġit preċedenti jew l-ammont propost fl-abbozz tal-baġit, skont liema minnhom huwa l-aktar baxx.
L-ammont totali tan-nefqa operattiva tal-PESK għandu jitqassam bejn l-artikoli tal-kapitolu tal-baġit tal-PESK skont kif issuġġerit fir-raba’ paragrafu. Kull artikolu għandu jkopri l-istrumenti li huma diġà adottati, l-istrumenti li huma previsti iżda li għadhom mhumiex adottati u l-istrumenti l-oħra kollha futuri – jiġifieri dawk li mhumiex previsti – li se jiġu adottati mill-Kunsill matul is-sena finanzjarja kkonċernata.
Billi, skont ir-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha l-awtorità tittrasferixxi l-approprjazzjonijiet b’mod awtonomu bejn l-artikoli inklużi fil-kapitolu tal-baġit tal-PESK, il-flessibbiltà meqjusa bħala meħtieġa għall-implementazzjoni mgħaġġla tal-azzjonijiet PESK għandha, għaldaqstant, tiġi assigurata. F'każ li l-ammont tal-kapitolu tal-baġit tal-PESK matul is-sena finanzjarja jinstab li ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż meħtieġa, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom isibu soluzzjoni b’urġenza, skont proposta mill-Kummissjoni, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-Artikolu 3 tar-Regolament QFP u l-Punt 10 ta' dan il-Ftehim.
Fil-kapitolu tal-baġit tal-PESK, l-artikoli li fihom għandhom jiddaħħlu l-azzjonijiet tal-PESK jistgħu jkunu dawn il-linji li ġejjin:
– missjonijiet ewlenin individwali kif imsemmijin fl-Artikolu 49(1)(g) tar-Regolament Finanzjarju,
– operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar ta’ kriżijiet, prevenzjoni ta’ kunflitti, riżoluzzjoni u stabilizzazzjoni, u monitoraġġ u implementazzjoni ta’ proċessi ta’ paċi u sigurtà,
– nonproliferazzjoni u diżarm,
– miżuri ta' emerġenza,
– miżuri preparatorji u ta’ segwitu,
– Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea.
25. Kull sena, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għandu jikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar dokument li jħares ’il quddiem, li għandu jintbagħat sal-15 ta’ Ġunju għas-sena inkwistjoni, li jkun jistabbilixxi l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-PESK, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, evalwazzjoni tal-miżuri mnedija fis-sena n-1 u valutazzjoni tal-koordinazzjoni u l-komplementarjetà tal-PESK mal-istrumenti finanzjarji esterni l-oħrajn tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli għandu jżomm lill-Parlament Ewropew informat regolarment billi jorganizza laqgħat konsultattivi konġunti mill-inqas ħames darbiet fis-sena, fil-qafas tad-djalogu politiku regolari dwar il-PESK, li għandu jintlaħaq qbil dwarhom sa mhux aktar tard minn meta jiltaqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. Il-parteċipazzjoni f'dawn il-laqgħat għandha tkun determinata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill rispettivament, b'kont meħud tal-objettiv u n-natura tal-informazzjoni skambjata f'dawk il-laqgħat.
Il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna tipparteċipa f’dawn il-laqgħat.
Jekk il-Kunsill jadotta deċiżjoni fil-qasam tan-nefqa li tinvolvi l-PESK, ir-Rappreżentant Għoli għandu, immedjatament, u fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, jibgħat lill-Parlament Ewropew stima tal-ispejjeż previsti ("rendikont finanzjarju"), b’mod partikolari dawk l-ispejjeż marbuta maż-żmien stabbilit, l-impjieg tal-persunal, l-użu tal-bini u infrastruttura oħra, faċilitajiet tat-trasport, ħtiġijiet għat-taħriġ u arranġamenti ta’ sigurtà.
Darba kull tliet xhur, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-PESK u t-tbassir finanzjarju għall-bqija tas-sena finanzjarja.
f. l-involviment tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-politika tal-iżvilupp u tal-fond ewropew għall-iżvilupp
26. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi djalogu informali mal-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet tal-politika tal-iżvilupp indipendentement mis-sors ta’ finanzjament tagħhom. L-iskrutinju tal-Parlament Ewropew fuq il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) se jiġi allinjat fuq bażi volontarja mad-drittijiet ta’ skrutinju li jeżistu skont il-baġit ġenerali tal-Unjoni, b’mod speċifiku rigward l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, skont l-arranġamenti ddettaljati li għandhom jiġu stabbiliti fid-djalogu informali.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinnotaw li l-Kummissjoni, bl-intenzjoni, inter alia, li ssaħħaħ l-iskrutinju demokratiku tal-politika tal-iżvilupp, bi ħsiebha tipproponi l-baġitizzazzjoni tal-FEŻ sa mill-2021.
g. il-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet fil-proċedura baġitarja dwar in-nefqa amministrattiva
27. L-iffrankar implikat mil-limitu massimu għall-intestatura 5 kif stipulat fl-Anness għar-Regolament QFP, għandu jinqasam b'mod proporzjonali bejn l-istituzzjonijiet kollha kif ukoll bejn il-korpi l-oħra tal-Unjoni abbażi tas-sehem rispettiv tagħhom tal-baġits amministrattivi.
Kull istituzzjoni, korp jew aġenzija hija mistennija tippreżenta estimi tan-nefqa fil-proċedura baġitarja annwali b'mod konsistenti mal-orjentazzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu.
Biex tkun newtralizzata l-akkumulazzjoni ta' kapaċità addizzjonali b'riżultat taż-żieda tal-ħin tax-xogħol għal 40 siegħa fil-ġimgħa, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li progressivament inaqqsu 5 % tal-persunal kif hemm fl-organigramma fl-1 ta' Jannar 2013[10]. Dan it-tnaqqis għandu japplika għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha, u għandu jitwettaq bejn l-2013 u l-2017. Dan ma jippreġudikax id-drittijiet baġitarji tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
PARTI IIIĠESTJONI FINANZJARJA TAJBA
TAL-FONDI TAL-UNJONI
a. Ġestjoni konġunta
28. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li fuq talba tagħhom, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Qorti tal-Awdituri jirċievu kwalunkwe informazzjoni u dokumentazzjoni relatata mal-fondi tal-Unjoni li ntefqu permezz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, akkwistati skont il-ftehimiet ta' verifika konklużi ma' dawn l-organizzazzjonijiet, li huma meqjusa neċessarji għat-twettiq tal-kompetenzi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Qorti tal-Awdituri skont it-TFUE.
Rapport ta’ evalwazzjoni
29. Fir-rapport ta' evalwazzjoni previst mill-Artikolu 318 TFUE, il-Kummissjoni għandha tiddistingwi bejn il-politiki interni, iffukati fuq l-istrateġija Ewropa 2020, u l-politiki esterni u għandha tuża aktar informazzjoni dwar il-prestazzjoni, inklużi riżultati tal-eżerċizzji ta' awditjar tal-prestazzjoni, biex il-finanzi tal-Unjoni jiġu evalwati abbażi tar-riżultati miksuba.
Ipprogrammar finanzjarju
30. Darbtejn fis-sena, l-ewwel darba f’April jew f'Mejju (flimkien mad-dokumenti li jakkumpanjaw l-abbozz tal-baġit) u t-tieni darba f’Diċembru jew f'Jannar (wara l-adozzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni), il-Kummissjoni għandha tressaq pprogrammar finanzjarju sħiħ għall-intestaturi 1 (ħlief għas-sottointestatura tal-"Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali"), 2 (għall-"ambjent" u s-"sajd" biss), 3 u 4 tal-QFP. Dan l-ipprogrammar, strutturat skont l-intestatura, l-oqsma ta’ politika u l-linji baġitarji, għandu jidentifika:
(a) il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, b’distinzjoni bejn il-programmi pluriennali u l-azzjonijiet annwali:
– għall-programmi pluriennali, il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-proċedura skont liema dawn il-programmi ġew adottati (proċedura leġizlattiva ordinarja jew speċjali), it-tul ta’ żmien tagħhom, il-pakkett finanzjarju totali u s-sehem allokat għan-nefqa amministrattivi;
– għall-azzjonijiet annwali (marbuta ma' proġetti pilota, azzjonijiet ta’ tħejjija, aġenziji) u l-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-prerogattivi tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi estimi pluriennali u tispeċifika l-marġini li jifdal taħt il-livelli massimi awtorizzati ffissati fir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012[11];
(b) il-proposti leġiżlattivi pendenti: il-proposti pendenti tal-Kummissjoni, bl-aħħar aġġornamenti.
Il-Kummissjoni għandha tqis modi kif tagħmel referenzi inkorċjati bejn l-ipprogrammar finanzjarju u l-ipprogrammar leġiżlattiv biex jiġi pprovdut tbassir aktar preċiż u affidabbli. Għal kull proposta leġiżlattiva, il-Kummissjoni għandha tindika jekk din hijiex inkluża fil-programm ta' April jew f'dak ta' Diċembru. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikunu partikolarment informati dwar:
(a) l-atti leġislattivi ġodda kollha u l-proposti pendenti kollha ppreżentati iżda mhux inklużi fil-programm ta’ April jew ta' Diċembru (bl-ammonti korrispondenti);
(b) il-leġiżlazzjoni prevista fil-programm ta’ ħidma leġiżlattiv annwali tal-Kummissjoni, b’indikazzjoni jekk hux probabbli li l-azzjonijiet se jkollhom impatt finanzjarju.
Kull meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-ipprogrammar mill-ġdid li jkun mitlub minħabba proposti leġislattivi ġodda.
b. aġenziji u skejjel ewropej
31. Qabel ma tressaq proposta għall-ħolqien ta’ aġenzija ġdida, il-Kummissjoni għandha tipproduċi valutazzjoni tal-impatt tajba, kompleta u oġġettiva, filwaqt li tqis, inter alia, il-massa kritika tal-persunal u tal-kompetenzi, l-aspetti tal-proporzjon kostijiet-benefiċċji, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, l-impatt fuq l-attivitajiet nazzjonali u tal-Unjoni, u l-implikazzjonijiet baġitarji għall-intestatura ta’ nefqa kkonċernata. Fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri leġiżlattivi li jirregolaw it-twaqqif tal-aġenzija, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jintrabtu, fil-qafas tal-kooperazzjoni baġitarja, li jaslu għal ftehim f’waqtu dwar l-iffinanzjar tal-aġenzija proposta.
Għandhom jiġu applikati l-passi proċedurali li ġejjin:
– l-ewwel nett, b’mod sistematiku, il-Kummissjoni għandha tippreżenta kwalunkwe proposta għat-twaqqif ta’ aġenzija ġdida lill-ewwel trilogu li jsegwi l-adozzjoni tal-proposta tagħha, u għandha tippreżenta d-dikjarazzjoni finanzjarja mehmuża mal-att legali li jipproponi l-ħolqien tal-aġenzija u għandha tispjega l-konsegwenzi tagħha għall-bqija tal-perjodu tal-ipprogrammar finanzjarju;
– it-tieni, waqt il-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni għandha tassisti lil-leġiżlatur fil-valutazzjoni tal-konsegwenzi finanzjarji tal-emendi proposti. Dawn il-konsegwenzi finanzjari għandhom jitqiesu matul it-trilogi leġiżlattivi rilevanti;
– it-tielet, qabel il-konklużjoni tal-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni għandha tippreżenta dikjarazzjoni finanzjarja aġġornata li tieħu kont tal-modifiki potenzjali mil-leġiżlatur; din id-dikjarazzjoni finanzjarja finali għandha titqiegħed fuq l-aġenda tat-trilogu leġiżlattiv finali u għandha tiġi approvata formalment mil-leġiżlatur. Għandha titqiegħed ukoll fuq l-aġenda tat-trilogu baġitarju sussegwenti (f'każijiet urġenti, f'forma semplifikata), bil-għan li jintlaħaq qbil dwar il-finanzjament;
– ir-raba', il-ftehim milħuq waqt trilogu, b'kont meħud tal-valutazzjoni baġitarja tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut tal-proċess leġiżlattiv, għandu jiġi kkonfermat f'dikjarazzjoni konġunta. Dan il-ftehim għandu jkun suġġett għal approvazzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kull wieħed f'konformità mar-regoli ta' proċedura tiegħu.
L-istess proċedura għandha tiġi applikata fil-każ ta’ kwalunkwe emenda ta' att legali li jikkonċerna aġenzija, li kieku jkollha impatt fuq ir-riżorsi tal-aġenzija kkonċernata.
Jekk il-kompiti ta’ aġenzija jiġu modifikati b’mod sostanzjali mingħajr emenda tal-att legali li jistabbilixxi l-aġenzija inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill permezz ta’ dikjarazzjoni finanzjarja riveduta, sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jkunu jistgħu jaslu għal ftehim f’waqtu dwar l-iffinanzjar tal-aġenzija.
32. Id-dispożizzjonijiet rilevanti mill-Approċċ Komuni anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati ffirmata fid-19 ta' Lulju 2012, għandhom jitqiesu kif dovut fil-proċedura baġitarja.
33. Meta jkun previst il-ħolqien ta’ Skola Ewropea ġdida mill-Bord tal-Gvernaturi, għandha tiġi applikata, mutatis mutandis, proċedura simili għall-implikazzjonijiet baġitarji tagħha fuq il-baġit ġenerali tal-Unjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Għall-Kummissjoni
Il-President Il-President Membru tal-Kummissjoni
ANNESS
KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI WAQT IL-PROĊEDURA BAĠITARJA
Parti A. Kalendarju tal-proċedura baġitarja
1. L-istituzzjonijiet għandhom jaqblu dwar kalendarju prammatiku kull sena fi żmien biżżejjed qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja abbażi tal-prattika preżenti.
Parti B. Prijoritajiet għall-proċedura baġitarja
2. Fi żmien xieraq qabel l-adozzjoni tal-abbozz tal-baġit mill-Kummissjoni għandu jissejjaħ trilogu li fih jiġu diskussi l-prijoritajiet possibbli għall-baġit tas-sena finanzjarja li jmiss.
Parti C. Stabbiliment tal-Abbozz tal-Baġit u l-Aġġornar tal-Estimi
3. L-istituzzjonijiet, iżda mhux il-Kummissjoni, huma mistiedna jadottaw id-dikjarazzjoni tal-estimi tagħhom qabel l-aħħar ta’ Marzu.
4. Kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz tal-baġit li fih jidhru l-ħtiġijiet finanzjarji attwali tal-Unjoni.
F’dan l-abbozz il-Kummissjoni għandha tikkunsidra:
(a) it-tbassir marbut mal-Fondi Strutturali pprovdut mill-Istati Membri,
(b) il-kapaċità li jutilizzaw 1-approprjazzjonijiet, filwaqt jagħmlu sforz biex iżommu relazzjoni stretta bejn 1-approprjazzjonijiet ta' impenn u l-approprjazzjonijiet ta' pagament,
(c) il-possibbiltajiet li tnedija ta’ politiki ġodda permezz ta’ proġetti pilota, azzjonijiet preparatorji ġodda jew it-tnejn li huma, jew għat-tkomplija ta’ azzjonijiet pluriennali li jkunu waslu biex jintemmu, wara li jiġi vvalutat jekk huwiex possibbli li jiġi żgurat att bażiku, skont it-tifsira tar-Regolament Finanzjarju (id-definizzjoni ta’ att bażiku, il-ħtieġa ta’ att bażiku għall-implimentazzjoni u l-eċċezzjonijiet),
(d) il-ħtieġa biex jiġi żgurat li kwalunkwe bidla fin-nefqa marbuta mas-sena ta’ qabel hija skont ir-restrizzjonijiet tad-dixxiplina baġitarja.
5. Sa fejn hu possibbli, l-istituzzjonijiet għandhom jevitaw li jdaħħlu partiti fil-baġit li jinvolvu ammonti insinifikanti ta’ nefqa għall-operazzjonijiet.
6. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jintrabtu wkoll li jżommu f’moħħhom il-valutazzjoni tal-possibbiltajiet għall-implimentazzjoni tal-baġit maħdum mill-Kummissjoni fl-abbozzi tagħha u f’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit kurrenti.
7. Fl-interessi ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u minħabba bidliet maġġuri fit-titoli u l-kapitoli tan-nomenklatura baġitarja dwar ir-responsabbiltajiet tar-rappurtar maniġerjali tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jintrabtu li jiddiskutu mal-Kummissjoni kwalunkwe bidla maġġuri matul il-konċiljazzjoni.
8. Fl-interess ta' kooperazzjoni istituzzjonali leali u soda, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jżommu kuntatti regolari u attivi fil-livelli kollha, permezz tan-negozjaturi rispettivi tagħhom, matul il-proċedura baġitarja kollha u b'mod partikolari matul il-perijodu ta' konċiljazzjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jiżguraw l-iskambju reċiproku kontinwu u f'waqtu ta' informazzjoni rilevanti u dokumenti f'livelli kemm formali u kemm informali kif ukoll li jagħmlu laqgħat tekniċi jew informali, kif meħtieġ, matul il-perjodu ta' konċiljazzjoni, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura aċċess ugwali u f'waqtu għal informazzjoni u dokumenti għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill.
9. Sa dak iż-żmien meta jiltaqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk ikun meħtieġ, temenda l-abbozz tal-baġit skont l-Artikolu 314(2) TFUE u tista’ wkoll, permezz ta’ ittra ta’ emenda, taġġorna l-istimi tan-nefqa għall-agrikoltura. Il-Kummissjoni għandha tissottometti informazzjoni dwar aġġornamenti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-kunsiderazzjonijiet tagħhom hekk kif dawn jkunu disponibbli. Il-Kummissjoni għandha wkoll tipprovdi lill-Parlament u lill-Kunsill bir-raġunijiet iġġustifikati kif dovut li jistgħu jirrikjedu.
Parti D. Proċedura baġitarja qabel il-proċedura ta' Konċiljazzjoni
10. Għandu jsir trilogu fi żmien xieraq qabel il-qari tal-Kunsill sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jkollhom skambju ta' fehmiet dwar l-abbozz ta' baġit.
11. Sabiex, meta jasal iż-żmien xieraq, il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-implimentabbiltà tal-emendi previsti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li joħolqu azzjonijiet preparatorji jew proġetti pilota ġodda jew li jtawlu dawk eżistenti, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward, sabiex l-ewwel diskussjoni tkun tista’ ssir diġà f’dan it-trilogu.
12. Jista' jiġi msejjaħ trilogu qabel il-votazzjonijiet fil-plenarja tal-Parlament Ewropew.
Parti E. Proċedura ta' konċiljazzjoni
13. Jekk il-Parlament Ewropew jadotta emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill, il-President tal-Kunsill, matul l-istess seduta plenarja, għandu jieħu nota tad-differenzi fil-pożizzjoni taż-żewġ istituzzjonijiet u jagħti l-qbil tiegħu lill-President tal-Parlament Ewropew biex ilaqqa' minnufih lill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni. L-ittra li tlaqqa' l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandha tintbagħat sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol tal-ġimgħa ta’ wara t-tmiem tas-sessjoni parzjali parlamentari li matulha tkun saret il-votazzjoni plenarja, u l-perjodu ta’ konċiljazzjoni għandu jibda l-għada. Il-perjodu ta' żmien ta' 21 jum għandu jiġi kkalkulat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) No 1182/71[12].
14. Jekk il-Kunsill ma jkunx jista’ jaqbel dwar l-emendi kollha adottati mill-Parlament Ewropew, għandu jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu permezz ta’ ittra mibgħuta qabel l-ewwel laqgħa prevista għal matul il-perjodu ta’ konċiljazzjoni. F’dan il-każ, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jipproċedi skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi li ġejjin.
15. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jiġi ppresedut b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-laqgħat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandhom jiġu ppreseduti mill-kopresident mill-istituzzjoni li tkun qed tospita l-laqgħa. Kull istituzzjoni għandha tinnomina, skont ir-regoli ta’ proċedura tagħha stess, il-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa u tistabbilixxi l-mandat tagħha għan-negozjati. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikunu rrappreżentati f'livell xieraq fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni sabiex kull delegazzjoni tkun tista' timpenja politikament lill-istituzzjoni rispettiva tagħha u jkun jista' jsir progress reali lejn il-qbil finali.
16. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 314(5) TFUE, il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-proċedimenti tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa biex tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
17. It-trilogi għandhom isiru tul il-perjodu kollu tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni, f’livelli differenti ta’ rappreżentanza, bil-għan li jiġu solvuti l-problemi marbuta ma’ kwistjonijiet pendenti u titħejja l-bażi għal ftehim li jrid jintlaħaq fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.
18. Il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u t-trilogi għandhom isiru alternattivament fil-bini tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, bil-għan li l-faċilitajiet jinqasmu ndaqs, inklużi l-faċilitajiet għall-interpretazzjoni.
19. Id-dati tal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tat-trilogi għandhom jiġu stabbiliti minn qabel bi ftehim bejn it-tliet istituzzjonijiet.
20. Sett komuni ta' dokumenti ("dokumenti inizjali") li jqabblu d-diversi passi tal-proċedura baġitarja għandu jsir disponibbli għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni[13]. Dawn id-dokumenti għandhom jinkludu ċifri “linja b’linja”, totali skont l-intestaturi tal-QFP, kif ukoll dokument konsolidat b’ċifri u rimarki marbuta mal-linji baġitarji kollha meqjusa bħala teknikament “miftuħa”. Mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, dokument speċifiku għandu jelenka l-linji baġitarji kollha meqjusa teknikament magħluqa[14]. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu klassifikati skont in-nomenklatura baġitarja.
Dokumenti oħrajn għandhom jiġu mehmuża wkoll mad-dokumenti inizjali għall-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, inkluża ittra ta’ implimentabbiltà mill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill u tal-emendi tal-Parlament Ewropew; u kwalunkwe ittra/i minn Istituzzjonijiet oħrajn dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill jew tal-emendi tal-Parlament Ewropew.
21. Bil-għan li jintlaħaq ftehim sal-aħħar tal-perjodu ta’ konċiljazzjoni, it-trilogi għandhom:
– jiddefinixxi l-ambitu tan-negozjati tal-kwistjonijiet baġitarji li għandhom jiġu indirizzati;
– japprovaw il-lista tal-linji baġitarji meqjusa bħala teknikament magħluqin, suġġett għall-ftehim finali dwar il-baġit sħiħ ta-sena finanzjarja;
– jiddiskutu l-kwistjonijiet identifikati taħt l-ewwel inċiż bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim possibbli biex jiġi approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni;
– jindirizzaw kwistjonijiet tematiċi, anke skont l-intestaturi tal-QFP.
Għandhom jintlaħqu konklużjonijiet tentattivi b’mod konġunt matul jew immedjatament wara kull trilogu, u b'mod simultanju, għandha tkun miftiehma l-aġenda tal-laqgħa ta’ wara. Dawn il-konklużjonijiet għandhom jiġu rreġistrati mill-istituzzjoni li tospita t-trilogu u għandhom jitqiesu bħala provviżorjament approvati wara 24 siegħa, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.
22. Il-konklużjonijiet tat-trilogi u dokument li possibbilment ikun irid jiġi approvat għandhom ikunu disponibbli għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fil-laqgħat tiegħu, flimkien mal-linji baġitarji li dwarhom ikun intlaħaq ftehim tentattiv matul it-trilogu.
23. It-test konġunt previst fl-Artikolu 314(5) TFUE għandu jiġi stabbilit mis-segretarjati tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bl-assistenza tal-Kummissjoni. Dan it-test għandu jkun kompost minn ittra ta' trażmissjoni indirizzata mill-presidenti taż-żewġ delegazzjonijiet lill-President tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li fiha tidher id-data tal-ftehim milħuq fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, u kif ukoll l-annessi, li għandhom jinkludu:
– iċ-ċifri linja b’linja għall-partiti baġitarji u ċ-ċifri sommarji kollha skont l-intestaturi tal-QFP;
– dokument konsolidat li jindika ċ-ċifri u t-test finali tal-linji kollha li tkun saritilhom modifika matul il-proċedura ta' konċiljazzjoni;
– il-lista tal-linji mhux modifikati b’rabta mal-abbozz tal-baġit jew il-pożizzjoni tal-Kunsill dwarha.
Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jista’ wkoll japprova konklużjonijiet u dikjarazzjonijiet konġunti possibbli b’rabta mal-baġit.
24. It-test konġunt għandu jiġi tradott fil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (mis-servizzi tal-Parlament Ewropew) u għandu jiġi preżentat għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fi żmien erbatax-il jum wara l-ftehim dwar it-test konġunt skont il-Punt 23.
Il-baġit għandu ikun suġġett għall-finalizzazzjoni mill-ġuristi-lingwisti wara l-adozzjoni tat-test konġunt bl-integrazzjoni tal-annessi tat-test konġunt mal-linji baġitarji li ma jkunux ġew modifikati matul il-proċedura ta' konċiljazzjoni.
25. L-istituzzjoni li tkun qed tospita l-laqgħa (it-trilogu jew il-konċiljazzjoni) għandha tipprovdi l-faċilitajiet għall-interpretazzjoni bl-għażliet lingwistiċi komprensivi applikabbli għal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni kif ukoll għażliet lingwistiċi ad hoc għat-trilogi.
L-istituzzjoni li tkun qed tospita l-laqgħa għandha tiżgura li d-dokumenti tal-kamra għandhom ikunu riprodotti u mqassma.
Is-servizzi tat-tliet istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw għall-kodifikazzjoni tar-riżultati tan-negozjati sabiex jiffinalizzaw it-test konġunt.
Parti F. Baġits Emendatorji
Principji generali
26. B'kont meħud tal-fatt li spiss il-baġits emendatorji jiffokaw fuq kwistjonijiet speċifiċi u xi drabi urġenti, l-istituzzjonijiet qablu dwar il-prinċipji li ġejjin biex jiżguraw kooperazzjoni interistituzzjonali xierqa għal proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet bla xkiel u fil-pront tal-baġits emendatorji filwaqt li jiġi evitat, kemm jista' jkun, it-tlaqqigħ ta' laqgħa ta' konċiljazzjoni għall-baġits emendatorji.
27. Kemm jista’ jkun, l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu sforz biex jillimitaw l-għadd ta’ baġits emendatorji.
Kalendarju
28. Il-Kummissjoni għandha tinforma bil-quddiem lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-dati possibbli tal-adozzjoni tal-abbozzi tal-baġits emendatorji, mingħajr preġudizzju għad-data finali tal-adozzjoni.
29. Kull wieħed skont ir-regoli ta' proċedura interni tiegħu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jagħmlu sforz biex jeżaminaw l-abbozz tal-baġit emendatorju propost mill-Kummissjoni mal-ewwel opportunità wara li l-Kummissjoni tkun adottatu.
30. Sabiex titħaffef il-proċedura, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiżguraw li l-kalendarji ta' ħidma rispettivi tagħhom ikunu kkoordinati kemm jista’ jkun sabiex il-proċedimenti jkunu jistgħu jitwettqu b’mod koerenti u konverġenti. Għalhekk, mill-aktar fis possibbli, huma għandhom ifittxu jistabbilixxu kalendarju indikattiv għad-diversi stadji li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jikkunsidraw l-urġenza relattiva tal-baġit emendatorju u l-ħtieġa tal-approvazzjoni tiegħu fi żmien xieraq sabiex ikun effettiv matul is-sena kkonċernata.
Kooperazzjoni matul il-qari
31. L-istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw b'rieda tajba tul iż-żmien kollu li tieħu l-proċedura biex, kemm jista’ jkun, iwittu t-triq għall-adozzjoni tal-baġits emendatorji f’fażi bikrija tal-proċedura.
Meta jkun xieraq u meta tinqala’ l-possibbiltà ta’ diverġenza, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill, qabel ma jassumu l-pożizzjoni finali tagħhom dwar il-baġit emendatorju, jew il-Kummissjoni fi kwalunkwe ħin, jistgħu jipproponu li jissejjaħ trilogu speċifiku biex jiġu diskussi d-diverġenzi u jipprovaw jilħqu kompromess.
32. L-abbozzi kollha tal-baġits emendatorji proposti mill-Kummissjoni, iżda li ma jkunux għadhom ġew approvati b’mod finali, għandhom jiddaħħlu sistematikament fl-aġenda tat-trilogi ppjanati għall-proċedura baġitarja annwali. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-abbozzi tal-baġits emendatorji u l-Parlament Ewopew u l-Kunsill għandhom, kemm jista’ jkun, jgħarrfu bil-pożizzjoni rispettiva tagħhom qabel ma jitlaqqa’ t-trilogu.
33. Jekk jintlaħaq kompromess matul it-trilogu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom biex jikkunsidraw ir-riżultati tat-trilogu meta ikunu qed jiddeliberaw dwar il-baġit emendatorju f'konformità mat-TFUE u r-regoli ta' proċedura tagħhom.
Kooperazzjoni wara l-qari
34. Jekk il-Parlament Ewropew japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill mingħajr emendi, il-baġit emendatorju għandu jiġi adottat f'konformità mat-TFUE.
35. Jekk il-Parlament Ewropew jadotta emendi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, għandu japplika l-Artikolu 314(4)(c) TFUE. Madankollu, qabel jiltaqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jissejjaħ trilogu:
– jekk jintlaħaq ftehim matul it-trilogu u suġġett għall-ftehim tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-riżultati tat-trilogu, il-konċiljazzjoni għandha tintemm permezz ta’ skambju ta’ ittri mingħajr ma jkollha ssir laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.
– jekk ma jintlaħaqx qbil matul it-trilogu, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandu jiltaqa' u jorganizza l-ħidma tiegħu skont iċ-ċirkostanzi, bil-ħsieb li jiġi kkompletat kemm jista' jkun il-proċess deċiżjonali qabel l-iskadenza ta' wieħed u għoxrin jum stabbilita fl-Artikolu 314(5) TFUE. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jista’ jikkonkludi bi skambju ta’ ittri.
Parti G. "Impenji pendenti" (RAL)
36. Minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata progressjoni ordnata tal-approprjazzjonijiet ta' pagament totali b'rabta mal-approprjazzjonijiet ta' impenn sabiex tiġi evitata kwalunkwe bidla anormali tar-RAL minn sena għal oħra, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jissorveljaw mill-qrib il-livell tar-RAL sabiex jiġi mmitigat ir-riskju li tiġi ostakolata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni minħabba nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fi tmiem il-QFP.
Sabiex jiġu żgurati livell u profil maniġġabbli għall-pagamenti fl-intestaturi kollha, regoli ta' diżimpenn għandhom jiġu applikati b'mod strett fl-intestaturi kollha, b'mod partikolari r-regoli għad-diżimpenn awtomatiċi.
Matul il-proċedura baġitarja, l-istituzzjonijiet għandhom jiltaqgħu b'mod regolari bil-ħsieb li jivvalutaw b'mod konġunt is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti għall-implimentazzjoni baġitarja fis-sena attwali u fis-snin futuri. Dan għandu jieħu l-forma ta' laqgħat interistituzzjonali dedikati fil-livell xieraq, li qabel ma jsiru l-Kummissjoni għandha tipprovdi lstampa dettaljata tal-qagħda attwali, analizzata skont il-Fond u l-Istat Membru, dwar l-implimentazzjoni tal-pagamenti, ir-rimborż tat-talbiet li tkun irċeviet u t-tbassir rivedut. B'mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun tista' tissodisfa l-obbligi finanzjarji kollha tagħha li jirriżultaw mill-impenji eżistenti u dawk futuri fil-perjodu 2014-2020 f'konformità mal-Artikolu 323 tat-TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom janalizzaw u jiddiskutu l-estimi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-livell meħtieġ ta' approprjazzjonijiet ta' pagament.
- [1] Regolament tal-Kunsill (UE) Nru ... ta' [ . .2013] li jistabbilixxi l-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L ..., p. )
- [2] * ĠU: Jekk jogħġbok daħħal in-numru u d-data tar-Regolament fi ħdan id-dok. st11791/13 u spiċċa r-referenza ta' qiegħ il-paġna.
- [3] Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
- [4] * ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament fi ħdan id-dok st11791/13.
- [5] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
- [6] ĠU C 89, 22.4.1975, p. 1.
- [7] ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
- [8] Ir-Regolament (UE) Nru … tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ ... dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L ...)
- [9] * ĠU: Jekk jogħġbok daħħal in-numru u d-data tad-dok fi ħdan ...... u spiċċa r-referenza ta' qiegħ il-paġna.
- [10] Il-Kunsill u l-Kummissjoni diġà implimentaw l-ewwel tnaqqis ta' 1 % tal-persunal kif hemm fl-organigramma tagħhom fl-1 ta' Jannar 2013.
- [11] Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).
- [12] Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta' żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).
- [13] Id-diversi passi jinkludu: il-baġit tas-sena finanzjarja kurrenti (inklużi baġits ta’ emenda adottati); l-abbozz tal-baġit inizjali; il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit; l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kunsill u l-ittri ta’ emendi ppreżentati mill-Kummissjoni (jekk ma jkunux diġà approvati b’mod sħiħ mill-istituzzjonijiet kollha).
- [14] Linja baġitarja meqjusa bħala teknikament magħluqa hija linja li dwarha ma jkun jeżisti ebda nuqqas ta’ qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u li għaliha ma ġiet ippreżentata ebda ittra ta’ emenda.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-BAĠITS (9.10.2013)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
dwar l-abbozz ta' Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba
(2011/2152(ACI))
Rapporteur għal opinjoni: Jean-Luc Dehaene, Ivailo Kalfin
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
Il-Parlament Ewropew
1. Jilqa' l-ftehim politiku li ntlaħaq fis-27 ta’ Ġunju 2013 fl-ogħla livell politiku bejn il-Parlament, il-Presidenza Irlandiża u l-Kummissjoni dwar il-pakkett tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2014-2020 (ir-Regolament QFP u l-FII); huwa determinat li jagħmel użu sħiħ, matul il-proċeduri baġitarji li ġejjin, mill-istrumenti l-ġodda stabbiliti, speċjalment fir-rigward tal-flessibbiltà;
2. Jenfasizza li n-negozjati twal u ibsin, kemm fil-Kunsill u kemm fil-livell interistituzzjonali, u r-riżultati tagħhom jirrappreżentaw implimentazzjoni mhux sodisfaċenti tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-TFUE li jikkonċernaw il-QFP, u li ġew implimentati għall-ewwel darba, b’mod partikolari fir-rigward tar-rwol u l-prerogattivi tal-Parlament;
3. Jikkundanna l-fatt li l-Kunsill qies il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta’ Frar 2013 bħala vinkolanti għan-negozjaturi tal-Kunsill; jenfasizza li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew kienu jinkludu wkoll elementi li jaqgħu taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, bħal kriterji għall-allokazzjoni dettaljati, pakketti skont programmi jew il-benefiċjarju, kif ukoll allokazzjonijiet finanzjarji diskrezzjonarji li jaġġustaw il-livell tal-qligħ nazzjonali mill-baġit tal-Unjoni;
4. Jiddispjaċih, barra minn hekk, li l-kuntatti u l-laqgħat numerużi li saru matul dawn l-aħħar snin bejn id-delegazzjoni tiegħu u l-presidenzi suċċessivi tal-Kunsill ma kellhom l-ebda impatt fuq l-ispirtu, il-kalendarju jew il-kontenut tan-negozjati jew fuq il-pożizzjoni tal-Kunsill, inkluża l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-aspetti leġiżlattivi u dawk baġitarji tal-ftehim tal-QFP:
5. Jikkonkludi li, skont l-Artikolu 312(5) tat-TFUE, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti tax-xogħol alternattivi fil-futur biex jiffaċilitaw l-adozzjoni tal-QFP, li jkunu jiżguraw li s-setgħat leġiżlattivi u baġitarji tal-Parlament, kif mogħtija mit-TFUE, jiġu rispettati bis-sħiħ, li l-Kunsill jinnegozja wkoll attwalment kwalunkwe parti tal-bażijiet legali msejħa “relatata mal-QFP”, u li l-Kunsill Ewropew ma jaġixxix bħala leġiżlatur, bi ksur tat-TFUE;
6. Jistieden lill-Kumitat għall-Baġits tiegħu, b’kooperazzjoni mal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, biex iħejji l-konklużjonijiet meħtieġa u jressaq proposti ġodda, fi żmien xieraq qabel ir-reviżjoni ta' wara l-elezzjoni tal-2016, dwar il-modalitajiet ta’ tali negozjati, sabiex jiżgura n-natura demokratika u trasparenti tal-proċess tal-baġit kollu kemm hu.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
9.10.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
32 4 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Richard Ashworth, Francesca Balzani, Zuzana Brzobohatá, Jean Louis Cottigny, Jean-Luc Dehaene, Isabelle Durant, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Jens Geier, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Lucas Hartong, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, George Lyon, Barbara Matera, Vojtěch Mynář, Juan Andrés Naranjo Escobar, Dominique Riquet, Alda Sousa, Derek Vaughan, Angelika Werthmann |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Frédéric Daerden, Ivana Maletić, Paul Rübig, Peter Šťastný, Nils Torvalds |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Ildikó Gáll-Pelcz, Oldřich Vlasák |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
14.10.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 5 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alfredo Antoniozzi, Andrew Henry William Brons, Zdravka Bušić, Carlo Casini, Andrew Duff, Ashley Fox, Roberto Gualtieri, Zita Gurmai, Gerald Häfner, Stanimir Ilchev, Constance Le Grip, Morten Messerschmidt, Sandra Petrović Jakovina, Paulo Rangel, Algirdas Saudargas, Søren Bo Søndergaard, Rafał Trzaskowski, Luis Yáñez-Barnuevo García |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Elmar Brok, David Campbell Bannerman, Dimitrios Droutsas, Isabelle Durant, Marietta Giannakou, Alain Lamassoure, Andrej Plenković |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Edward McMillan-Scott, Elisabeth Morin-Chartier, Catherine Trautmann |
||||