Proċedura : 2013/2092(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0338/2013

Testi mressqa :

A7-0338/2013

Dibattiti :

PV 09/12/2013 - 26
CRE 09/12/2013 - 26

Votazzjonijiet :

PV 10/12/2013 - 7.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0534

RAPPORT     
PDF 192kWORD 144k
18.10.2013
PE 514.925v02-00 A7-0338/2013

dwar il-Politika Industrijali Spazjali tal-UE - Ir-rilaxx tal-Potenzjal għat-Tkabbir fis-Settur Spazjali

(2013/2092(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Rapporteur: Angelika Niebler

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ĠUSTIFIKAZZJONI
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Politika Industrijali Spazjali tal-UE - Ir-rilaxx tal-Potenzjal għat-Tkabbir fis-Settur Spazjali

(2013/2092(INI))

Il-Parlament Ewropew,

   wara li kkunsidra t-titolu XIX, l-Artikolu 189 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jirrigwarda l-politika tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u l-politika spazjali u b'referenza partikolari għat-tħejjija ta' politika spazjali Ewropea sabiex jitħeġġu l-progress xjentifiku u tekniku, il-kompetittività industrijali u l-implimentazzjoni tal-politiki spazjali tal-Unjoni,

   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-28 ta' Frar 2013 intitolata ‘Il-Politika Industrijali Spazjali tal-UE’ (COM(2013)0108),

   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 intitolata ‘Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-28 ta’ Ottubru 2010 bit-titolu ‘Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni – Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali’ (COM(2010)0614),

   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bl-isem ‘Industrija Ewropea aktar b’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku’ (COM(2012)0582),

   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' April 2011 bl-isem ‘Lejn strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini’ (COM(2011)0152),

   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Novembru 2012 ‘li tistabbilixxi relazzjonijiet xierqa bejn l-UE u l-Aġenzija Spazjali Ewropea’ (COM(2012)0671),

   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2004/578/KE tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn il-Komunità Ewropea u l-Aġenzija Ewropea tal-Ispazju(1),

   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Ottubru 2010, tal-31 ta' Mejju 2011, tat-2 ta’ Diċembru 2011 kif ukoll tat-30 ta' Mejju 2013,

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2012(2) dwar strateġija tal-Ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0338/2013),

A. billi l-Artikolu 189 tat-TFUE jagħti lill-Unjoni Ewropea rwol espliċitu fit-tħejjija ta' politika spazjali sabiex jitħeġġu l-progress xjentifiku u tekniku, il-kompetittività industrijali u l-implimentazzjoni tal-politika tagħha biex tiġi żviluppata politika spazjali;

B.  billi minħabba ż-żieda fil-kompetizzjoni minn nazzjonijiet emerġenti ġodda bħaċ-Ċina u l-Indja, involuti fl-ispazju, il-piżijiet politiċi tal-Istati Membri tal-UE f'termini nazzjonali m’għadhomx biżżejjed biex jiġu indirizzati l-isfidi li għadna rridu naffaċċjaw f’dan is-settur;

C. billi l-politika spazjali hija element ewlieni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

D. billi diversi servizzi li ċ-ċittadini jużaw fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom jiddependu b’mod dirett jew indirett mis-settur spazjali, bħal pereżempju t-televiżjoni, l-internet b’veloċità għolja, is-sistemi ta’ navigazzjoni jew is-sistema awtomatika ta’ sejħiet għall-emerġenza fl-Ewropa kollha eCall;

E.  billi l-industrija spazjali Ewropea tiġġenera ċifra ta' negozju konsolidata ta' 6.5 biljun EUR u timpjega iktar min 34 500 persuna bi kwalifiki għolja; billi f’perjodu ta’ diffikultajiet ekonomiċi, l-importanza tas-settur spazjali bħala settur b’potenzjal għoli ta’ tkabbir u innovazzjoni, ħallieqa ta’ xogħol b’valur miżjud għoli għandu jiġi enfasizzat aħjar;

F.  billi fil-preżent m’hemmx biżżejjed koordinazzjoni tal-miżuri fis-settur tal-politika spazjali fost l-UE, l-Istati Membri u l-ESA u għalhekk dan wassal għal irdoppjar ta’ strutturi u għall-fatt li ma jkunux jistgħu jintużaw effetti sinerġetiċi; jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ qafas ta’ governanza spazjali ċar jippermetti kisbiet enormi fl-effiċjenza;

G. billi l-ESA, bħala organizzazzjoni intergovernattiva, m’għandha l-ebda relazzjoni formali mal-Parlament Ewropew u b’hekk hi nieqsa mir-rispons dirett miċ-ċittadini, li mill-bqija teżisti fis-setturi politiċi tal-Unjoni kollha;

H. billi l-industrija spazjali tirrigwarda industrija li teħtieġ ħafna investimenti b’ċikli ta’ żvilupp twal aktar mis-soltu u għalhekk is-sikurezza fil-livell tal-ippjanar għandha rwol deċiżiv fiha; billi l-viżibilità pprovduta minn dan se tkun ta' benefiċċju kbir għall-eżistenza ta' qafas regolatorju stabbli u qafas ta' governanza ċara;

I.   billi t-tħaddim ta’ sistema Ewropea tal-illanċjar jista’ jservi biex jiżgura aċċess indipendenti għall-ispazju;

J. billi l-UE bħalissa hija dipendenti fuq GNSS militari mhux Ewropea, u l-programm Galileo kien maħsub u żviluppat u se jibqa' taħt kontroll ċivili;

K. billi l-bejgħ kummerċjali għandu rwol aktar importanti għall-industrija spazjali Ewropea milli għall-kompetituri internazzjonali prinċipali tagħha;

L.  billi s-servizzi bl-appoġġ tas-satelliti għandhom rwol sinifikanti fil-provvista ta’ informazzjoni għas-setturi li qegħdin jikbru tas-soċjetà diġitali u jikkontribwixxu biex jinkisbu l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali tal-UE;

M. billi skont l-istimi tal-esperti, f’għaxar snin is-suq għal servizzi ta’ monitoraġġ tan-navigazzjoni bis-satellita u l-monitoraġġ tad-dinja jista’ jilħaq ammont ta’ 300 biljun dollaru Amerikan u fil-preżent fl-Istati Membri tal-Punent tal-UE, 6-7 % tal-PDG diġà jiddependi min-navigazzjoni bis-satelliti;

N. billi minħabba d-domanda għas-servizzi tal-komunikazzjoni mingħajr fili u l-karatteristiċi fiżiċi tal-propagazzjoni tal-mewġ u l-limitu ta’ frekwenzi tar-radju marbut magħhom, il-koordinazzjoni internazzjonali tal-użu tal-ispettru dejjem qed issir aktar importanti;

Politika spazjali b'direzzjoni Ewropea

1.  Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Politika Industrijali Spazjali tal-UE; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkonċentra fuq il-ftit miżuri tal-politika spazjali kif imsemmija f'din il-komunikazzjoni sabiex tikseb żvilupp attwali tal-potenzjal ta’ tkabbir fis-settur spazjali;

2.  Jenfasizza li l-atturi kollha involuti fil-governanza tal-politiki spazjali tal-UE futuri, inklużi l-Kummissjoni, l-Aġenzija GNSS Ewropea, l-ESA, l-aġenziji nazzjonali u l-aġenziji speċjalizzati bħall-EUMETSAT, għandhom ikunu interkonnessi u għandhom joperaw fuq bażi ta' perjodu twil;

3.  Jikkunsidra li l-Aġenziji Nazzjoni jistgħu joħorġu bi proposti konkreti f’din id-direzzjoni sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tissemplifika l-input li ġej mill-Istati Membri u tiddefinixxi viżjoni tal-UE;

4.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha, kemm jista’ jkun malajr, tagħtina pjan direzzjonali ċar għall-programm GMES/Copernicus u għall-iżvilupp u l-użu tad-diversi Satelliti Sentinel, kif ukoll il-qafas legali u operazzjonali propost għal din is-sistema kumplessa;

5.  Jappoġġa l-Kummissjoni fil-pjanijiet tagħha li tieħu passi lejn it-twaqqif ta’ qafas regolatorju koerenti spazjali tal-UE; jirrakkomanda t-twaqqif ta’ suq komuni ġenwin tal-UE għall-prodotti spazjali u servizzi abbażi tal-ispazju; jikkunsidra importanti li l-politika għandha tiġi formulata u żviluppata mingħajr ma l-implimentazzjoni tagħha taffettwa ħażin jew toħloq distorsjoni tal-kundizzjonijiet kummerċjali tas-suq; josserva li kemm in-newtralità kompetittiva, kif ukoll it-trasparenza huma pilastri importanti tal-iżvilupp tal-politika spazjali Ewropea;

6.  Jinnota li s’issa il-Kummissjoni għad m’għandhiex approċċ orizzontali bil-għan li tintegra l-politika spazjali u l-objettivi tagħha fid-diversi oqsma politiċi tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel dan fil-futur billi tikkunsidra l-politika spazjali f'oqsma bħat-telekomunikazzjoni, it-trasport, l-ambjent, l-agrikoltura, is-sikurezza jew il-kultura;

7.  Jilqa’ l-istqarrija tal-Kummissjoni li t-telekomunikazzjoni, in-navigazzjoni u l-osservazzjoni tad-dinja bbażati fuq l-ispazju jipprovdu lill-UE bl-għarfien strateġikament importanti insostenn tar-relazzjonijiet esterni tagħha fil-qasam tal-assistenza għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-oqsma li ġejjin: kwistjonijiet istituzzjonali; Galileo u Copernicus; l-industrija spazjali bħala ġeneratur ta' tkabbir u impjieg; il-valutazzjoni tal-impatt ta' attivitajiet relatati mal-ispazju; l-aċċess indipendenti għall-ispazju; ir-rwol tal-R&D; il-komunikazzjoni bis-satellita; sorveljanza u intraċċar tal-ispazju; u residwu spazjali;

9.  Jappoġġa l-punt mressaq mill-Kummissjoni li ħafna komponenti tas-sistemi spazjali huma ta’ użu doppju jew ta’ natura militari u għaldaqstant huma suġġetti għad-Direttiva 2009/43/KE tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità(3), kif emendata bid-Direttiva 2012/47/UE tal-14 ta’ Diċembru 2012 fir-rigward tal-lista ta’ prodotti marbuta mad-difiża, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju(4) jew il-Pożizzjoni Komuni dwar l-esportazzjonijiet tal-armi; jilqa’ l-proposta li saret fil-komunikazzjoni biex jiġi ppreżentat rapport formali lill-Parlament dwar is-sistema ta’ użu doppju tal-kontroll tal-esportazzjoni qabel tmiem l-2013; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali (COARM) jiċċaraw liema qafas regolatorju għandu japplika għal kull kategorija ta’ oġġetti u teknoloġija;Kwistjonijiet istituzzjonali

10. Jirrikonoxxi s-suċċessi li kisbet l-ESA għall-Ewropa fil-qasam tal-missjonijiet spazjali fid-deċennji riċenti, u jinkoraġġixxi Stati Membri li mhumiex fl-ESA biex jikkunsidraw l-adeżjoni u żieda fil-kooperazzjoni; jinnota, madankollu, li fuq medda twila ta' żmien, il-modi għall-akkwist ta' aktar effiċjenza operazzjonali u koordinazzjoni politika u responsabbiltà jistgħu jinkisbu billi jqarrbu flimkien l-ESA u l-UE fil-kooperazzjoni tagħhom, fost l-oħrajn biex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' attivitajiet u trikkib; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga fid-dettall jekk fil-futur l-ESA tistax, pereżempju, tiġi marbuta mal-istrutturi ta’ governanza tal-Unjoni bħala organizzazzjoni interstatali, sakemm ma jqisx li jkun xieraq li l-ESA tkun ittrasformata f’aġenzija Ewropea;

11. Jippreferi jekk sadanittant l-UE taħdem aktar mill-qrib mal-ESA fil-koordinazzjoni tal-politika spazjali u l-programmi spazjali tal-Istati Membri biex takkwista approċċ Ewropew ġenwin, filwaqt li tiżgura li jiġu rispettati l-interessi tal-ESA u tal-Istati Membri tagħha; jistabbilixxi li huwa biss permezz ta’ approċċ Ewropew li l-industrija spazjali tkun tista’ tingħata l-opportunità li ssir u tibqa’ kompettiva;

12. Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-ESA jwaqqfu tip ta’ grupp ta’ koordinazzjoni fejn il-Membri tiegħu jikkoordinaw flimkien l-istrateġiji u l-miżuri fil-qasam tal-ispazju sabiex ikunu evitati strutturi doppji u biex jiġi żviluppat approċċ komuni għall-kwistjonijiet u l-fora internazzjonali;

13. Jinnota li kwalunkwe żieda fl-użu tal-assi spazjali mill-militar jeħtieġ li ma jnaqqasx jew ma jillimitax l-użu ċivili u l-applikazzjonijiet ċivili futuri possibbli; jistieden lill-Istati Membri u l-VP/RGħ sabiex jagħtu bidu għar-reviżjoni tat-Trattat dwar l-Ispazju Extratmosferiku tal-1967, li llum hu meqjus barra minn żmienu, jew biex joħolqu qafas regolatorju ġdid li jikkunsidra l-progress teknoloġiku li sar mis-sittinijiet;

Galileo u Copernicus (GMES)

14. Jenfasizza li t-tlestija ta’ Galileo u u t-tkomplija ta’ Copernicus bħala punti ewlenin tal-politika spazjali Ewropea għandu jkollhom l-akbar prijorità sabiex l-ewwel servizzi ta’ Galileo ikunu jistgħu jinfetħu għall-pubbliku fl-2014;

15. Jenfasizza l-fatt li l-EGNOS huwa l-ewwel programm GNSS operazzjonali Ewropew; jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jippromwovu u jimplimentaw l-użu tal-EGNOS f’diversi żoni, bħat-trasport;

16. Jiddispjaċih li fil-passat kien hemm dewmien fl-iżvilupp tal-programm Ewropew ta’ navigazzjoni bis-satelliti Galileo; jilqa’ l-fatt li sadanittant ġew illanċjati erba’ satelliti fl-orbitu ta’ madwar id-dinja; jenfasizza li l-vantaġġi u l-użi ta’ Galileo b’mod partikolari u ta’ industrija spazjali Ewropea b’mod ġenerali għandhom jiġu kkomunikati lis-soċjetà b’mod aktar effettiv u jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq avveniment pubbliku effettiv għall-illanċjar futur tas-satelliti Galileo fl-ibliet kapitali tal-UE biex jikkompetu għal Galileo u l-applikazzjonijiet potenzjali tagħha;

17. Jenfasizza li l-UE għandha bżonn tinforma lin-nies, tiġbed inġiniera futuri, ixxerred l-informazzjoni dwar in-navigazzjoni bis-satellita tal-UE u tipproponi ġabra ta’ inċentivi għall-utenti kollha sabiex jintużaw it-teknoloġiji permessi ta’ Galileo u Egnos;

18. Huwa konvint dwar il-fatt li l-iskop ta' Kapaċità Operattiva Sħiħa (Full Operating Capacity, FOC), ibbażata fuq kostellazzjoni ta' 27 satellita flimkien ma' numru adegwat ta' satelliti sper u infrastruttura tajba hija prerekwiżit sabiex jinkiseb il-valur miżjud ta' Galileo speċjalment f'termini ta' awtentikazzjoni, preċiżjoni kbira u servizz mhux interrott u għalhekk sabiex jinkisbu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali;

19. Jiddispjaċih li mhux l-UE kollha hija preżentement koperta mis-sistema EGNOS u jitlob li dik is-sistema tiġi estiża lejn in-Nofsinhar, il-Lvant u x-Xlokk tal-Ewropa, b’hekk ikun permess l-użu tagħha fl-Ewropa kollha;

20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurmaw lill-Parlament dwar il-pjanijiet li jirrikorru għall-programm Copernicus u għas-servizz pubbliku regolat tal-programm Galileo insostenn tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;

L-industrija spazjali bħala mutur ta’ tkabbir u strument għall-impjiegi,

21. Jinnota li l-SMEs (mhux biss l-SMEs, iżda madankollu l-SMEs b'mod partikolari) jeħtieġu tip ta’ finanzjament li jagħti appoġġ min-naħa tas-settur pubbliku sabiex ikollhom biżżejjed mezzi finanzjarji għal investimenti fit-tul fir-riċerka u l-iżvilupp; huwa konvint dwar il-fatt li permezz ta’ finanzjament pubbliku u d-disponibbiltà ta’ pubbliċi għal prodotti u servizzi tal-industrija spazjali jistgħu jiġu stimulati l-innovazzjoni u b’hekk jiġu ġġenerati t-tkabbir u l-postijiet tax-xogħol;

22. Itenni li l-UE m’għandiex titlef l-opportunità li tiżviluppa suq downstream tan-navigazzjoni bis-satellita u jenfasizza l-importanza ta’ pjan ta’ azzjoni għall-Aġenzija GNSS Ewropea sabiex tespandi s-suq GNSS, li ser ikun kruċjali għall-futur tal-ekonomija tal UE;

23. Ifakkar li applikazzjonijiet ġodda ta' navigazzjoni bis-satellita jistgħu jżidu s-sikurezza, l-effiċjenza u d-disponibbiltà ta' attivitajiet mis-setturi tal-avjazzjoni, marittimi, tat-toroq u agikoli, is-sikurezza fit-toroq, il-ġbir ta' ħlasijiet, il-ġestjoni tat-traffiku u l-ipparkjar, il-ġestjoni ta' flotot, sejħiet ta' emerġenza, l-insegwiment u l-intraċċar tal-oġġetti, il-prenotazzjonijiet, is-sikurezza tat-toroq, is-sikurezza tat-trasport marittimu, it-takografi diġitali, it-trasport tal-annimali u l-art sostenibbli;

24. Jinnota l-fatt imsemmi fil-komunikazzjoni li 60 % tal-elettroniċi abbord is-satelliti Ewropej huma attwalment importati mill-Istati Uniti; jappella għal inizjattiva dwar kif tista’ tiġi mħarsa dejta sensittiva jew personali f’dan il-kuntest u biex jintuża l-proċess attwali tal-akkwist pubbliku sabiex ikun żgurat kull fejn ikun possibbli li x-xiri tal-infrastruttura spazjali mill-Istati Membri jintuża bħala xprun ulterjuri għat-tkabbir fis-settur;

25. Iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni, l-ESA, l-EDA u l-Istati Membri jidentifikaw teknoloġiji kritiċi fil-kuntest tal-proċess konġunt għan-nondipendenza tal-Ewropa u jiżviluppaw alternattivi li huma inqas dipendenti fuq pajjiżi terzi; ifakkar fir-riskju li l-Istati Uniti jistgħu, f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, jagħlqu jew ixekklu l-infrastruttura spazjali Ewropea;

26. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri joħolqu inċentivi għall-industrija Ewropea, jiġu żviluppati komponenti għall-ispazju fuq livell Ewropew li b’hekk iwasslu għal tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjonijiet minn terzi pajjiżi;

27. Jinnota li l-impriżi li ma jagħmlux parti mill-industrija tal-ispazju jistgħu jibbenefikaw minn prodotti li jirriżultaw mir-riċerka spazjali; jitlob, għalhekk, lill-partijiet kollha kkonċernati jiżviluppaw skambji bejn atturi interni u esterni tal-industrija spazjali u jaħdmu fi sħubija għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jistgħu jwasslu għal innovazzjonijiet għall-benefiċċju tas-soċjetà; jenfasizza l-interess għal komunikazzjoni aħjar dwar il-benefiċċji konkreti li ġġib l-industrija spazjali tal-lum għall-Ewropej;

28. Jenfasizza li s-servizzi abbażi tal-ispazju u l-industriji robotiċi huma teknoloġiji li joffru bosta opportunitajiet fis-suq, l-aktar għall-SMEs;

29. Jenfasizza li s-sistemi robotiċi awtonomi u inteliġenti huma teknoloġiji ewlenin sabiex l-ispazju jkompli jiġi esplorat; ifakkar, f’dan il-kuntest, l-użu effiċjenti ta’ finanzjament Ewropew ta’ Orizzont 2020, partikolarment għal operazzjonijiet qrib is-suq;

30. Jenfasizza li huwa importanti ħafna li jkun hemm numru adegwat ta' impjegati kkwalifikati għal industrija spazjali Ewropea kompetittiva; jitlob, għalhekk, lill-partijiet kollha kkonċernati jżidu l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-industrija biex jinkoraġġixxu talent żagħżugħ, partikolarment talent femminili, jikkommetti ruħu f'dan is-settur (e.ż. billi jistabbilixxu programmi nazzjonali ta' persuni ggradwati u skemi ta' taħriġ, kif ukoll kompetizzjonijiet għal riċerkaturi Ewropej u non-Ewropej); jinnota wkoll li l-akkwist ta’ talenti minn pajjiżi terżi (inkluż billi jiġbed lura talent Ewropew) huwa indispensabbli;

Aċċess għall-ispazju

31. Jenfasizza l-importanza tal-aċċess għall-ispazju għall-Istati Membri kollha u tal-bejgħ kummerċjali għall-industrija spazjali Ewopea; jindika, fl-istess ħin, li l-aċċess għas-swieq istituzzjonali f’pajjiżi terzi jibqa’ jkun parzjalment magħluq għall-ekonomija Ewropea; jenfasizza l-importanza ta’ kundizzjonijiet inizjali ugwali għall-industrija Ewropea fil-livell internazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tippromwovi r-reċiproċità u tiżgura opportunitajiet ugwali u kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusti fl-ambitu tal-ftehimiet kummerċjali (e.ż. TTIP);

32. Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp u tal-ġestjoni ta’ lanċaturi Ewropej għal aċċess indipendenti għall-ispazju; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex f’kooperazzjoni mal-ESA, jippruvaw li tinżamm u tkun żviluppata sistema ta’ lanċaturi Ewropej, kif ukoll servizz ta’ llanċjar fuq perjodu ta' żmien twil;

33. Huwa tal-fehma li l-industrija spazjali għandha tirrikorri għall-infrastruttura spazjali Ewropea li diġà teżisti li ġiet iffinanzjata parzjalment minn fondi pubbliċi Ewropej;

Ir-rwol tar-riċerka u l-iżvilupp

34. Jilqa’, addizzjonalment, il-fatt li anki fl-ambit u tal-Programm Qafas għar-Riċerka Orizzont 2020, għandhom jiġu investiti EUR 1.5 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-ispazju; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, tiddedika parti mill-baġit għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet tal-komunikazzjoni bis-satellita;

35. Huwa tal-fehma li speċjalment fil-qasam tal-attivitajiet tar-riċerka, jeħtieġ li jkun hemm aktar koordinazzjoni bejn l-UE, l-ESA u l-Istati Membri; jitlob lit-tlett atturi jiżviluppaw “skeda ta’ tmexxija tar-riċerka” għall-perjodu ta’ żmien sas-sena 2020, u jiddefinixxu prijoritajiet u objettivi tal-politika spazjali li għandhom jinkisbu b’mod konġunt sabiex tiġi żgurata sigurtà fil-livell ta’ ippjanar lill-atturi involuti, partikolarment fl-ekonomija; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fir-riċerka mal-pajjiżi terzi;

36. Jenfasizza li l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet u servizzi GNSS huwa essenzjali biex ikun żgurat li l-investiment fl-infrastruttura li Galileo jirrappreżenta jiġi sfruttat bis-sħiħ u li s-sistema Galileo tiġi żviluppata sal-kapaċità sħiħa tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-finanzjament xieraq jiġi provdut għar-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward tal-GNSS u għall-implimentazzjoni tagħha; Jiddispjaċih dwar il-fatt li t-tnaqqis fil-finanzjament allokat għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-applikazzjonijiet ibbażati fuq EGNOS u Galileo qed iwassal għal dewmien konsiderevoli fil-progress teknoloġiku u fit-tkabbir tal-kapaċità industrijali, kif ukoll tal-implimentazzjoni effettiva mil-lat ambjentali, fl-UE, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi arranġamenti li jippermettu lill-SMEs biex jiksbu aċċess għall-finanzjament aktar faċli;

37. Jinnota li l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet innovattivi fl-Ewropa qed ikun imfixkel minn ostakli differenti; ifakkar lill-Kummissjoni li f’dan l-isfond, hemm suq mhux skopert marbut mal-użu kummerċjali tad-dejta spazjali li tinħoloq minn programmi tas-satellita u tal-monitoraġġ tad-dinja; jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka biex tidentifika dawn l-ostakli (bħal: responsabbiltà għad-dannu kkważat minn oġġetti/residwu spazjali; inċertezza rigward id-disponibbiltà tas-servizzi; tħassib rigward is-sigurtà u l-protezzjoni tad-dejta; nuqqas ta' għarfien tal-potenzjal; u nuqqas ta' interoperabilità), u tressaq proposti possibbli rigward modi kif jinfetħu tali swieq;

Il-komunikazzjoni bis-satelliti

38. Jenfasizza li l-komunikazzjoni bis-satelliti tassumi rwol importanti fi ħdan l-industrija spazjali Ewropea, peress li ordnijiet minn dan is-settur jiggarantixxu użu fit-tul tal-vetturi għall-ivvjaġġar fl-ispazju u l-lanċaturi, filwaqt li b’hekk jikkontribwixxu għall-objettiv ta’ aċċess indipendenti għall-ispazju għall-UE; jirreferi, f'dan il-kuntest, għar-rwol ta’ “payload capacities” indipendenti li jirriżultaw mill-illanċjar ta’ satelliti kummerċjali (l-hekk magħrufa “hosted payloads”) u li jistgħu jintużaw għall-ittestjar fl-ispazju ta’ prodotti u teknoloġiji ġodda u b’hekk jgħinu kemm fit-tnaqqis tal-ispejjeż u anke fiż-żmien biex jiġu offruti servizzi ġodda;

39. Jenfasizza li l-komunikazzjoni bis-satellita tirrappreżenta possibiltà effiċjenti għall-provvista ta’ servizzi multimedjali, saħansitra lil min s’issa, fl-ekonomija jew fis-soċjetà, ma setax jintlaħaq mit-teknoloġiji terrestri;

40. Jenfasizza li n-networks tas-satelliti għal kopertura totali tal-UE b’konnessjonijiet broadband speċjalment f’oqsma diżabitati, jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-aġenda diġitali tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, li f’termini ta’ newtralità teknoloġika l-internet tas-satelliti jiġi kkunsidrat b’mod xieraq fit-taħlita teknoloġika li hija intenzjonata għall-estensjoni tal-broadband, pereżempju fil-politika ta’ koeżjoni tal-UE;

40. Jinnota li l-komunikazzjoni bis-satelliti fis-sitwazzjonijiet ta’ kriżi, bħal pereżempju d-diżastri naturali jew fiż-żamma tas-sigurtà interna, qed takkwista funzjoni loġistika dejjem aktar importanti, peress li l-konnessjonijiet tad-dejta u ta’ komunikazzjoni tagħha huma indispensabbli f’sitwazzjonijiet fejn m’hemmx infrastrutturi terrestri jew fejn dawn ġew meqruda;

41. Jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tanalizza d-disponibbiltà attwali kif ukoll il-ħtieġa fil-futur ta’ frekwenzi tar-radju għall-komunikazzjoni bis-satelliti u biex waqt il-konferenza dinjija li jmiss dwar il-komunikazzjoni bir-radju tal-ITU tipprova tara li jiġu difiżi b’mod adegwat l-interessi tal-UE u l-interessi tal-industrija tal-komunikazzjonijiet bis-satelliti fit-tqassim ta’ frekwenzi tar-radju globali u reġjonali;

42. Huwa tal-fehma li l-potenzjal ta’ innovazzjoni fil-qasam tal-komunikazzjoni bis-satelliti għadu ma ġiex sfruttat; jindika l-possibiltajiet ta’ teknoloġiji ġodda bħal pereżempju "Laser Communication Terminals" (LCT) jew ukoll il-"High Throughput Satellites" (HTS) biex jissodisfaw il-ħtieġa ta’ skambju ta’ dejta dejjem aktar b’saħħtu b’veloċità dejjem akbar;

43. Jenfasizza li l-Ewropa tista’ żżomm biss il-vantaġġ teknoloġiku tagħha fil-komunikazzjoni bis-satelliti jekk jitkomplew l-isforzi ta’ riċerka f’dan is-settur fil-livell Ewropew;

Residwu spazjali

44. Jenfasizza li l-infrastrutturi spazjali jikkostitwixxu l-pedament ta’ diversi servizzi li jintużaw kuljum mill-ekonomija u s-soċjetà; jindika li l-ħsara f’tali infrastrutturi, pereżempju minħabba kolliżjonijiet bejn satelliti u oġġetti jew residwu spazjali oħra, tista’ tirriskja s-sigurtà tal-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini;

45. Jinnota li r-residwu spazjali jikkostitwixxi problema li qed issir dejjem aktar rilevanti; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu biex jiksbu governanza globali għall-ispazju; jitlob fl-istess ħin lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu biex jiġi ffirmat il-“Kodiċi tal-Imġiba għall-Ispazju”, li ġie elaborat mill-UE, minn pajjiżi terzi permezz tal-kanali diplomatiċi kollha;

46. Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-istabbilment mill-aktar fis possibbli fil-livell Ewropew tal-programm ta’ appoġġ għas-servizz ta’ sorveljanza tal-ispazju u ta’ lokalizzjoni propost fil-bidu ta’ din is-sena, bil-għan li tiżgura aktar indipendenza tal-istituzzjonijiet fl-Istati Uniti li javżaw dwar kolliżjonijiet;

1. 47. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 261, 6.8.2004, p. 63.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2012)0013.

(3)

ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.

(4)

ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.


ĠUSTIFIKAZZJONI

Għalkemm l-industrija spazjali hija biss settur speċifiku (“niche”) b’ 35 000 impjegat bi kwalifiki għoljin, din tiġġenera dħul annwali kkonsolidat ta’ aktar minn 6.6 biljun EUR. Diversi servizzi jiddependu direttament jew indirittemant mit-teknoloġiji spazjali. Fl-istess waqt, is-settur spazjali huwa forza motriċi għat-tkabbir u l-innovazzjoni. Diversi setturi mhux marbuta mal-ispazju jibbenefikaw mill-kisbiet tekniċi tal-industrija spazjali. F’diversi oqsma bħal pereżempju s-servizzi tal-komunikazzjoni bis-satellita, l-ekonomija Ewropea għandha pożizzjoni fuq quddiem.

Minkejja dan, l-Istati Uniti jibqgħu in-nazzjon fl-ewwel post għall-ispazju u dan jiddependi mhux l-anqas mill-ammont ta’ fondi investiti fis-settur spazjali ċivili u militari. Sadanittant, anki nazzjonijiet oħra bħaċ-Ċina u l-Indja qed javvanzaw fis-settur spazjali. F’dan il-kuntest, aħna l-Ewropej għandna nistaqsu lilna nfusna jekk fil-futur irridux nokkupaw ċerti pożizzjonijiet minn ta’ quddiem, jew fil-każ ideali inkomplux niżviluppawhom, jew jekk nixtiqux sempliċement inkunu wara nazzjonijiet oħra.

Il-Parlament Ewropew dejjem kellu politika spazjali Ewropea ambizzjuża, anki fir-rapport ta’ inizjattiva attwali.

Fil-komunikazzjoni tagħha tat-28 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni tissuġġerixxi numru ta’ miżuri differenti biex takkwista “l-iżvilupp tal-potenzjal ta’ tkabbir fis-settur spazjali”. Il-Parlament Ewropew huwa wkoll tal-fehma li l-industrija spazjali toffri potenzjal konsiderevoli fir-rigward tal-iżvilupp tat-tkabbir, il-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol u b’hekk għall-kisba tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020.

Għal dan il-għan, madankollu, ċerti deċiżjonijiet ċentrali huma importanti ħafna fix-xhur u s-snin li ġejjin. L-ewwel nett, għandu jkun hemm koordinazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-attivitajiet spazjali tal-UE, l-ESA u l-Istati Membri sabiex jiġu evitati strutturi doppji u sabiex il-forzi jingħaqdu flimkien. Fl-aħħar mill-aħħar, l-UE teħtieġ suq intern ġenwin għall-industrija spazjali bi kwadru ġuridiku koerenti iżda mingħajr ma wieħed jimmira lejn armonizzazzjoni sħiħa tad-dispozizzjonijiet legali tal-Istati Membri. Dan id-distakk huwa wieħed mill-akbar sfidi għall-futur.

Jeħtieġ li l-ekonomija Ewropea, bl-appoġġ tal-politika Ewropea, tikkonċentra wkoll fuq dawk is-setturi li diġà joffru potenzjal rilevanti għat-tkabbir u l-impjiegi. Fost dawn hemm bla dubju l-programm Ewropea ta’ navigazzjoni bis-satelliti Galileo, il-programm ta’ monitoraġġ tad-Dinja Copernicus (GMES) u l-komunikazzjoni bis-satelliti b’mod ġenerali.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (24.9.2013)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar il-Politika Industrijali Spazjali tal-UE - Ir-rilaxx tal-Potenzjal għat-Tkabbir Ekonomiku fis-Settur Spazjali

(2013/2092(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Tarja Cronberg

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Frar 2013 bit-titolu "Il-Politika Industrijali Spazjali tal-UE - Ir-Rilaxx tal-Potenzjal għat-Tkabbir Ekonomiku fis-Settur Spazjali (COM(2013)0108) bħala pass importanti lejn l-indipendenza strateġika tal-UE fit-teknoloġija spazjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom ħalli jibnu kapaċitajiet li jiggarantixxu l-aċċess awtonomu għall-ispazju permezz ta’ launchers u satelliti Ewropej; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu sostnuti l-isforzi diretti lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni Ewropea fis-settur ħalli jingħeleb il-livell għoli ta’ frammentazzjoni speċjalment fir-rigward tad-domanda istituzzjonali; huwa konvint li Industrija Spazjali Ewropea tista’ tkun kompetittiva fuq livell internazzjonali biss jekk tkun aktar kosteffiċjenti u konsolidata; jenfasizza li l-politika industrijali spazjali Ewropea għandha tiġi aktar żviluppata b’koordinazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) biex tiġi żgurata l-komplementarjetà;

2.  Jisħaq fuq il-ħtieġa, qabel ma jsiru deċiżjonijiet fuq inizjattivi ġodda u l-kontribuzzjonijiet baġitarji tal-UE, li l-ewwel jiġi ċċarat il-livell ta’ ambizzjoni tal-UE b’mod speċjali fir-rigward tal-objettivi strateġiċi u geopolitiċi tagħha; jinnota l-fatt li l-komunikazzjoni ma tiddefinixxix ir-relazzjoni bejn il-politika industrijali spazjali tal-UE u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK); jemmen li l-politika spazjali tal-UE għandha titqies bħala riżorsa għall-PSDK, peress li tipprovdi sinerġija aħjar bejn il-mezzi spazjali ċivili u l-mezzi spazjali militari u b'hekk tirrifletti r-rwol doppju ċivili u militari tal-PSDK; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-VP/RGħ jiddefinixxu b’mod ċar il-kontribut potenzjali ta’ dan is-settur għall-PSDK, in-natura u l-grad tas-sinerġiji ċivili-militari, ir-rwol ta' tali teknoloġiji fid-distribuzzjoni effikaċi tal-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja u fil-previżjoni tal-flussi u t-tendenzi tal-migrazzjoni wara kunflitti jew diżastri naturali, u r-rilevanza tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u l-azzjonijiet l-oħra tal-UE fil-qasam tal-prevenzjoni ta’ kunflitti, il-kontroll tal-armi, in-nonproliferazzjoni ta’ teknoloġiji AQM (Armi ta’ Qerda tal-Massa), il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-migrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurmaw lill-Parlament dwar il-pjanijiet li jirrikorru għall-programm Copernicus u għas-servizz pubbliku regolat tal-programm Galileo insostenn tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurmaw lill-Parlament dwar kif il-kooperazzjoni spazjali militari tista’ sseħħ fl-ambitu tal-kooperazzjoni strutturata permanenti; jirrakkomanda li jiżdied il-livell ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-ESA, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) fl-iżvilupp u l-użu konġunt tal-assi spazjali insostenn tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;

4.  Jilqa’ l-istqarrija tal-Kummissjoni li t-telekomunikazzjoni, in-navigazzjoni u l-osservazzjoni tad-dinja bbażati fuq l-ispazju jipprovdu lill-UE bl-għarfien strateġikament importanti insostenn tar-relazzjonijiet esterni tal-UE fil-qasam tal-assistenza għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja;

5.  Jissottolinja d-dimensjoni tas-sigurtà tal-programm Copernicus (li qabel kien il-programm tal-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES)), b’mod partikolari l-applikazzjonijiet ta' prevenzjoni u rispons għall-kriżi, l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni, il-prevenzjoni tal-kunflitti li tinvolvi l-monitoraġġ tal-konformità mat-trattati internazzjonali, u s-sorveljanza marittima;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timxi mal-iskeda u l-qafas finanzjarju relatat mal-programm Galileo; jisħaq fuq l-użu doppju tal-funzjoni tan-navigazzjoni bir-radju u tal-pożizzjonar, inklużi applikazzjonijiet relevanti għall-attivitajiet kemm ċivili u militari, b’mod partikolari l-possibbiltà għall-Istati Membri li jużaw is-Servizz Pubbliku Regolat (PRS) għal skopijiet militari; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ċċarat sa liema punt se jintużaw il-PRS u servizzi oħra għall-PSDK jew missjonijiet militari nazzjonali barra mill-qafas tal-UE;

7.  Jinnota l-fatt imsemmi fil-komunikazzjoni li 60 % tal-elettroniċi abbord is-satelliti Ewropej huma attwalment importati mill-Istati Uniti; jappella għal inizjattiva dwar kif tista’ tiġi mħarsa dejta sensittiva jew personali f’dan il-kuntest u wkoll biex jintuża l-proċess attwali tal-akkwist pubbliku sabiex ikun żgurat kull fejn ikun possibbli li x-xiri tal-infrastruttura spazjali mill-Istati Membri jintuża bħala xprun ulterjuri għat-tkabbir fis-settur; jirrikonoxxi li l-impjegati fi ħdan is-settur spazjali jiddisponu mill-ogħla livelli ta' edukazzjoni u għarfien teknoloġiku; jinnota, madankollu, li s-settur għad għandu nuqqas ta’ ħiliet speċifiċi ewlenin, li jvarjaw minn oqsma tal-inġinerija għal lawrji fil-fiżika u dan għandu jiġi indirizzat; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni, l-ESA, l-EDA u l-Istati Membri jidentifikaw teknoloġiji kritiċi fil-kuntest tal-proċess konġunt għan-nondipendenza tal-Ewropa u jiżviluppaw alternattivi li huma inqas dipendenti fuq pajjiżi terzi; ifakkar fir-riskju li l-Istati Uniti jistgħu, f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, jagħlqu jew ixekklu l-infrastruttura spazjali Ewropea;

8.  Jappoġġa l-punt mressaq mill-Kummissjoni li ħafna komponenti tas-sistemi spazjali huma ta’ użu doppju jew ta’ natura militari u għaldaqstant huma suġġetti għad-Direttiva 2009/43/KE tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità(1), kif emendata bid-Direttiva 2012/47/UE tal-14 ta’ Diċembru 2012 fir-rigward tal-lista ta’ prodotti marbuta mad-difiża, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju(2) jew il-Pożizzjoni Komuni dwar l-esportazzjonijiet tal-armi; jilqa’ l-proposta fil-komunikazzjoni li jitressaq rapport formali lill-Parlament dwar is-sistema ta’ użu doppju tal-kontroll tal-esportazzjoni qabel tmiem l-2013. jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali (COARM) jiċċaraw liema qafas regolatorju għandu japplika għal kull kategorija ta’ oġġetti u teknoloġija;

9.  Jappoġġa l-enfasi fuq is-sostenn għar-riċerka u l-innovazzjoni spazjali fl-ambitu tal-FP7 u l-Orizzont 2020 li għandu jkun prerekwiżit għall-iżvilupp futur f'dan il-qasam, kif ukoll il-provvediment ta’ EUR 3 786 miljun fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-programm tal-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (Copernicus), li ser jipprovdi servizzi affidabbli, f’waqthom u preċiżi biex jiġi ġestit l-ambjent globali, kif ukoll fehim u mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima u se jikkontribwixxi għar-rispons għall-kriżijiet;

10. Jinnota li kwalinkwe żieda fl-użu tal-assi spazjali mill-militar jeħtieġ li ma jnaqqasx jew ma jillimitax l-użu ċivili u l-applikazzjonijiet ċivili futuri possibbli; jistieden lill-Istati Membri u l-VP/RGħ sabiex jagħtu bidu għar-reviżjoni tat-Trattat dwar l-Ispazju Extratmosferiku tal-1967, li hu meqjus barra minn żmienu, jew biex jagħtu bidu għal qafas regolatorju ġdid li jikkunsidra l-progress teknoloġiku li sar mis-sittinijiet; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jiġi ridott ir-riskju ta’ kolliżjoni minħabba n-numru dejjem akbar ta’ satelliti u residwu spazjali; jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipproponi l-qafas organizzattiv għall-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ sorveljanza spazjali Ewropea u sistema ta’ traċċar (SST); jilqa' bl-istess mod l-inizjattiva multilaterali sponsorjata mill-UE għall-Kodiċi Internazzjonali ta’ Kondotta għall-Attivitajiet Spazjali bħala mod ta' kif jiġu introdotti standards ta' mġiba fl-ispazju intiż sabiex jinkisbu sikurezza, sigurtà, u sostenibilità akbar fl-ispazju billi jiġi enfasizzat li l-attivitajiet spazjali għandhom jinvolvu livell għoli ta’ kura, diliġenza dovuta, u trasparenza xierqa, bil-għan li tinbena l-fiduċja fost l-atturi tas-settur spazjali fid-dinja; jemmen li kwalunkwe qafas ġdid għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fehmiet tal-Istati Membri kollha u jkun qafas imfassal strateġikament li jħares lejn il-futur fit-tul tal-industrija, li jipprevjeni b’mod effikaċi tellieqa tal-armi fl-ispazju extratmosferiku u li jiżgura l-projbizzjoni ta’ interferenzi dannużi ma’ oġġetti spazjali.

11. Ifakkar lill-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-ħtieġa għal kooperazzjoni internazzjonali aktar profonda fl-affarijiet spazjali; jappella għal livell ogħla ta’ kooperazzjoni ma' sħab bħall-Istati Uniti, ir-Russja u ċ-Ċina sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni paċifika fl-ispazju;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

52

6

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pino Arlacchi, Elmar Brok, Jerzy Buzek, Susy De Martini, Mark Demesmaeker, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Takis Hadjigeorgiou, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Vytautas Landsbergis, Ryszard Antoni Legutko, Sabine Lösing, Marusya Lyubcheva, Willy Meyer, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Justas Vincas Paleckis, Pier Antonio Panzeri, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Fiorello Provera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Werner Schulz, Sophocles Sophocleous, Laurence J.A.J. Stassen, Davor Ivo Stier, Charles Tannock, Eleni Theocharous, Geoffrey Van Orden, Nikola Vuljanić

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Charalampos Angourakis, Jean-Jacob Bicep, Biljana Borzan, Kinga Gál, Metin Kazak, Barbara Lochbihler, Emilio Menéndez del Valle, Norbert Neuser, Doris Pack, Jean Roatta, Potito Salatto, Marietje Schaake, Alf Svensson, Renate Weber

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

José Manuel Fernandes, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Isabella Lövin, Antonio Masip Hidalgo, Antigoni Papadopoulou, Jarosław Leszek Wałęsa

(1)

ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.

(2)

ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

7.10.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Amelia Andersdotter, Josefa Andrés Barea, Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Fabrizio Bertot, Jan Březina, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Vicky Ford, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Kent Johansson, Romana Jordan, Lena Kolarska-Bobińska, Philippe Lamberts, Marisa Matias, Angelika Niebler, Vittorio Prodi, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Michèle Rivasi, Jens Rohde, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Evžen Tošenovský, Catherine Trautmann, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Adina-Ioana Vălean

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Antonio Cancian, António Fernando Correia de Campos, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Marian-Jean Marinescu, Alajos Mészáros, Mario Pirillo, Laurence J.A.J. Stassen

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ramon Tremosa i Balcells

Avviż legali - Politika tal-privatezza