RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern
21.10.2013 - (07917/2013 – C7‑0180/2013 – 2013/0086(NLE)) - ***
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Helmut Scholz
ABBOZZ TA’ RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern
(07917/2013 – C7‑0180/2013 – 2013/0086(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (07917/2013),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (07918/2013),
– wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0180/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0339/2013),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
NOTA SPJEGATTIVA
In-natura u l-istruttura tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern
Il-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (GPA) huwa ftehim internazzjonali li jorbot legalment dwar l-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku mill-gvern, li għalih ċerti Membri tad-WTO huma Partijiet. Dan it-trattat plurilaterali, li ġie miftiehem b’mod parallel mal-Uruguay Round fl-1994, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1996. Jikkonsisti minn żewġ partijiet:
It-test ewlieni, li jiddefinixxi r-regoli tal-offerti u jiggarantixxi t-trasparenza tal-proċeduri u t-trattament indaqs tal-offerenti;
Il-kopertura magħmula minn annessi tal-aċċess għas-swieq, fejn il-Partijiet jispeċifikaw liema parti tas-suq tal-akkwist tagħhom ikunu se jiftħu għall-kompetizzjoni internazzjonali (l-hekk imsejjaħ "akkwist kopert"). Meta joħorġu sejħa għal offerti fl-isfera tal-akkwist kopert, il-Partijiet ma jistgħux jiddiskriminaw bejn offerenti domestiċi u offerenti oħra tal-GPA.
Fir-rigward tal-infurzar tan-natura tiegħu li torbot legalment, it-tilwim bejn Stat u ieħor skont il-GPA huwa soġġett għas-sistema tar-riżoluzzjoni tat-tilwim tad-WTO.
Attwalment il-GPA huwa magħmul minn 15-il Parti, kważi pajjiżi żviluppati biss: l-Armenja, il-Kanada, l-UE (rigward is-27 Stat Membru tagħha), Ħong Kong, l-Islanda, l-Iżrael, il-Ġappun, il-Korea, il-Liechtenstein, in-Norveġja, Singapor, l-Isvizzera, it-Tajwan, u l-Istati Uniti tal-Amerika. 27 Parti għandhom l-istatus ta’ osservatur[1], fejn l-10 pajjiżi osservaturi li ġejjin huma fil-proċess li jinnegozjaw l-adeżjoni tagħhom: l-Albanija, iċ-Ċina, il-Ġeorġja, ir-Repubblika Kirġiża, il-Moldova, in-New Zealand, l-Oman, il-Panama u l-Ukraina.
Għall-kuntrarju tal-ftehimiet bilaterali, il-GPA stabbilixxa regoli komuni għal grupp ikbar ta’ pajjiżi. Madankollu, il-ftehim tal-1996 apparentement ma kienx attraenti għall-parti l-kbira tal-membri tad-WTO. Kienet meħtieġa bidla, anke fid-dawl tal-iżviluppi fl-ambjent kummerċjali kumplessiv.
Negozjati
Il-GPA jinkludi klawżola ta’ reviżjoni inkorporata, li timpenja lill-Partijiet sabiex jinnegozjaw kemm dwar ir-regoli kif ukoll dwar il-kopertura tal-ftehim. Dan ipprovda l-isfond għat-tnedija ta’ negozjati fl-1999. F’Diċembru tal-2006 il-Partijiet għall-GPA laħqu ftehim dwar ir-reviżjoni tat-test ewlieni li jiddefinixxi r-regoli.
Għall-UE, in-negozjati tmexxew mill-Kummissjoni. Waqt in-negozjati daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, li jirrikjedi li jiġi stabbilit il-kunsens tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill għar-ratifikazzjoni tal-ftehim. Madankollu, il-proċedura ma tippermettix li l-Parlament Ewropew u r-rapporteur jemendaw ċerti partijiet tal-ftehim. Il-Parlament jista’ biss japprova jew ma japprovax il-pakkett sħiħ. Għaldaqstant il-Parlament għandu l-kompitu li jivvaluta jekk il-vantaġġi tal-ftehim jegħlbux l-aspetti negattivi possibbli, u jekk il-ftehim imurx lil hinn minn limiti ddefiniti fid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew.
Il-Parlament Ewropew ġie infurmat b’mod regolari bil-miktub dwar in-negozjati permezz tal-Kumitat INTA.
Fit-30 ta’ Marzu 2012, il-Partijiet għall-GPA laħqu ftehim politiku dwar il-ftehim kumplessiv - inkluż il-kopertura. Jeħtieġ li dan il-ftehim finali jiġi rratifikat mill-Partijiet kollha.
Proċedura ta’ emenda
Sabiex tirratifika l-GPA emendat, il-Kummissjoni pproponiet Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li Jemenda l-GPA abbażi tal-Artikolu 207(4) fit-22 ta’ Marzu 2013 soġġett għall-kunsens tal-Parlament Ewropew. Fl-14 ta’ Ġunju 2013, il-Kunsill bagħat ir-referenza uffiċjali tiegħu lill-Parlament. Jeħtieġ li l-Kunsill jadotta d-deċiżjoni, ladarba l-Parlament jkun ta l-kunsens tiegħu. Wara tiġi ddepożitata għand is-Segretarjat tad-WTO. Il-GPA emendat se jidħol fis-seħħ, ladarba 2/3 tal-Partijiet ikunu kkonkludew il-proċedura ta’ ratifika tiegħu.
L-interess tal-UE fit-titjib tal-ambitu tal-GPA
F’bosta pajjiżi, il-gvern, u l-aġenziji li jikkontrolla, jikkostitwixxu flimkien l-ikbar xerrejja ta’ prodotti ta’ kull tip, li jvarjaw minn komoditajiet bażiċi għal tagħmir ta’ teknoloġija avvanzata.
L-UE għandha suq għall-akkwist pubbliku miftuħ de-jure fejn l-awtoritajiet kontraenti Ewropej jagħtu aċċess lill-offerenti barranin lil hinn mill-akkwist pubbliku kopert mill-GPA. Madankollu, bosta pajjiżi għandhom skemi preferenzjali għall-fornituri domestiċi. Il-GPA jipprovdi lill-kumpaniji tal-UE b’ċertezza legali għall-aċċess għas-swieq barranin.
Barra dan, l-UE stabbiliet regoli komuni għas-sejħa għal offerti ta’ kuntratti pubbliċi skont il-leġiżlazzjoni tagħha għall-akkwist pubbliku fis-suq intern tal-UE. Attwalment parti minn din il-leġiżlazzjoni qiegħda tiġi riveduta[2]. L-UE daħħlet fis-seħħ sett ta’ regoli, li jżidu t-trasparenza u jippromwovu prattiki ta’ sejħa għal offerti tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku bħall-akkwist elettroniku. Iż-żieda fit-trasparenza skont il-linji tar-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE żżid iċ-ċertezza legali u tikkontribwixxi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tixħim fil-pajjiżi terzi.
L-iżgurar tal-għoti ta’ servizzi ta’ interess ġenerali lill-popolazzjoni, b’mod partikolari l-aċċess għas-servizzi essenzjali bħall-ilma, il-kenn mill-perikolu, il-ġestjoni tal-iskart, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-kultura, għadu wieħed mill-kompiti l-iżjed importanti għal kull gvern. Pajjiżi differenti jadottaw approċċi differenti sabiex jibbilanċjaw dan il-kompitu mal-ħtiġijiet għall-użu effiċjenti ta’ riżorsi pubbliċi skarsi u l-impenn sabiex jintlaħqu l-aqwa valur u kwalità tas-servizzi u l-prodotti mixtrija. F’bosta pajjiżi, l-akkwist pubbliku jservi wkoll bħala għodda essenzjali għall-istimolu tal-impjieg u l-attività ekonomika f’reġjun u għall-promozzjoni ta’ standards għolja fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali u kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol. Jeżistu wkoll differenzi dwar il-livelli amministrattivi tal-entitajiet tal-akkwist. Għaldaqstant, il-kompitu diffiċli ta’ Ftehim dwar l-Akkwist huwa t-twaqqif ta’ kundizzjonijiet ekwi u ġusti waqt li fl-istess ħin jipprovdi spazju biżżejjed għad-deċiżjonijiet u d-diversità politiċi. Il-GPA jipprova jindirizza dan f’ċerti dispożizzjonijiet espliċiti billi jindirizza miri ta’ protezzjoni ambjentali u fil-limitu relattivament għoli ta’ USD 5 miljun għall-kuntratti tal-bini.
L-impatt fuq l-aspetti tax-xogħol, soċjali u ambjentali fl-UE
Il-GPA rivedut ma jaffettwax l-istatus tal-liġi tax-xogħol u dak tal-liġi soċjali u ambjentali fl-UE: Il-kwistjoni dwar sa liema punt l-awtoritajiet kontraenti tal-UE jistgħu jitolbu l-konformità mal-liġi tax-xogħol u dik ambjentali tal-Istat Membru ospitanti hija rregolata permezz ta’ Direttivi dwar l-akkwist pubbliku tal-UE li attwalment qed jiġu riveduti. Madankollu, il-GPA jobbliga li dawn ir-regoli soċjali u ambjentali jiġu applikati għall-offerenti kollha irrispettivament mill-fatt li jkunu mill-UE jew minn pajjiżi li huma Parti għall-GPA.
Il-karatteristiċi tal-GPA emendat
Ir-reviżjoni tal-GPA ttejjeb it-test ewlieni, li jiddefinixxi r-regoli tal-offerta, billi tipprovdi livell ogħla ta’ ċarezza u trasparenza.
Fir-rigward tar-regoli mtejba, waqt in-negozjati l-UE ppruvat tirristruttura t-test tal-GPA l-ġdid, sabiex issegwi l-ordni sekwenzjali ta’ proċedura ta’ akkwist. Ir-regoli l-ġodda jinkludu numru ta’ karatteristiċi ġodda:
· Jinkludu l-possibbiltà li jintużaw irkanti elettroniċi b’iżjed flessibbiltà għall-awtoritajiet tal-akkwist tal-Partijiet, pereżempju fil-forma ta’ perjodi ta’ avviż iqsar meta tintuża għodda elettronika;
· Il-Partijiet tal-GPA se jkunu meħtieġa li jwaqqfu bażi tad-dejta elettronika mingħajr ħlas u ċentralizzata, li se tinkludi avviżi ta’ akkwist ippubblikati minn Ministeri u entitajiet ċentrali oħra ta’ akkwist. Dawn l-obbligi huma fil-biċċa l-kbira ispirati mill-mudell tal-UE, l-hekk imsejħa bażi tad-dejta waħda TED – Tender Electronic Daily;
· B’mod simili għas-sistema tal-UE, ir-regoli riveduti dwar l-għażla se jiżguraw li l-kumpaniji li jkunu nstabu ħatja ta’ reati serji, jew reati serji oħra jew kondotta professjonali ħażina jistgħu jiġu esklużi mill-proċess tal-akkwist;
· Il-GPA rivedut jinkludi dispożizzjonijiet għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jixtiequ jissieħbu fil-GPA. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li bdew il-proċess ta’ adeżjoni tagħhom mal-Ftehim jistgħu jibbenefikaw minn sett ta’ miżuri tranżizzjonali: Huma jinkludu: i) preferenzi fil-prezzijiet; (ii) kumpensi; (iii) iż-żieda gradwali ta’ entitajiet u setturi speċifiċi; u (iv) limiti massimi li inizjalment jiġu stabbiliti f’livell ogħla mil-livell permanenti tagħhom. Ġiet introdotta wkoll dispożizzjoni għad-dewmien tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe obbligu speċifiku inkluż fil-GPA, minbarra r-rekwiżit li jiġi pprovdut trattament ekwivalenti għall-prodotti, is-servizzi u l-fornituri tal-Partijiet l-oħra kollha għall-Ftehim, għal perjodu ta’ ħames snin wara l-adeżjoni għall-Ftehim għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) jew sa tliet snin għal pajjiżi oħra fil-fażi ta’ żvilupp. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż ulterjorment;
· Fir-regoli riveduti saret referenza - b’konformità mad-Direttivi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku - dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti jqisu kunsiderazzjonijiet ambjentali fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi;
· Barra dan, l-UE kisbet is-semplifikazzjoni tal-obbligi attwali dwar ir-rappurtaġġ statistiku. Dan jinkludi limitazzjoni tan-numru ta’ dejta li trid tiġi pprovduta, il-possibbiltà li jiġu provduti stimi, u l-introduzzjoni ta’ rinunzja tal-obbligi għall-Partijiet (bħall-UE) li jżommu bażi ta’ dejta ċentralizzata.
Fir-rigward tal-kopertura mkabbra, il-pakkett ta’ żidiet għall-aċċess għas-suq li l-konklużjoni timplika jinkludi:
· Kopertura mill-Partijiet ta’ (bħala minimu) iżjed minn 200 aġenzija tal-gvern addizzjonali, ċentrali, lokali u aġenziji oħra tal-gvern skont il-Ftehim;
· Il-koperatura mill-Korea, għall-ewwel darba, ta’ kuntratti ta’ bini-operazzjoni-trasferiment;
· Il-kopertura ta’ servizzi addizzjonali minn kważi l-Partijiet kollha, pereżempju fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet;
· Ċertu titjib fil-kopertura tal-prodotti;
· Il-kopertura mill-Partijiet kollha, għall-ewwel darba, tal-firxa kollha ta’ servizzi tal-bini, soġġett għal limiti massimi rilevanti;
· Aġġustamenti ’l isfel fil-limiti massimi applikati skont il-Ftehim minn uħud mill-Partijiet, prinċipalment l-Iżrael, il-Ġappun, il-Korea u l-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward ta’ Aruba;
· Kopertura estiża tal-Inizjattiva ta’ Finanzjament Privat mill-Ġappun;
· L-eliminazzjoni gradwali mill-Iżrael tar-reġim ta' kumpens tiegħu (attwalment 20 % għal kull akkwist mogħti lil offerent barrani);
· It-tneħħija mill-Istati Uniti ta’ dispożizzjonijiet Buy America minn akkwisti ffinanzjati mis-Servizz tal-Utilitajiet Rurali.
B’mod ġenerali, l-UE kisbet opportunitajiet tas-suq f’termini tat-tkabbir tal-kopertura tal-entitajiet (prinċipalment mill-pajjiżi taż-ŻEE, il-Kanada, il-Korea t’Isfel, l-Istati Uniti, l-Iżrael, it-Tajwan, Ħong Kong (iċ-Ċina), f’termini ta’ kopertura tal-prodotti u s-servizzi, kif ukoll f’termini ta’ limiti massimi ta’ prodotti u servizzi koperti (prinċipalment mill-Ġappun, il-Korea u l-Iżrael). Dan jiżgura lill-UE ammont ta’ madwar EUR 30 biljun f’opportunitajiet adizzjonali ta’ aċċess għas-swieq.
Min-naħa tagħha, l-UE għamlet offerti f’termini ta’ kopertura estiża ta’ entitajiet għall-pajjiżi taż-ŻEE, l-Isvizzera, it-Tajwan, il-Ġappun u l-Istati Uniti. Offriet ukoll konċessjonijiet ta’ xogħol lill-Korea, il-pajjiżi taż-ŻEE u l-Isvizzera u pprovdiet ftuħ parzjali reċiproku tas-settur ferrovjarju lill-Ġappun, u akkwist ta’ livell subċentrali lill-Kanada.
- [1] L-Albanija, l-Arġentina, l-Awstralja, il-Baħrejn, il-Kamerun, iċ-Ċili, iċ-Ċina, il-Kolombja, il-Kroazja, il-Ġeorġja, l-Indja, l-Indoneżja, il-Ġordan, ir-Repubblika Kirgiża, il-Malasja, il-Montenegro, in-New Zealand, l-Oman, il-Panama, il-Federazzjoni Russa, l-Arabja Sawdija,is-Sri Lanka, it-Turkija, l-Ukraina, il-Vjetnam.
- [2] In-negozjaturi tal-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim politiku dwar it-test finali f’Lulju.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (17.9.2013)
għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern
(07917/2013 – C7‑0180/2013 – 2013/0086(NLE))
Rapporteur għal opinjoni: Filip Kaczmarek
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
Il-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku tal-1994 għandu għadd limitat ta' membri, il-biċċa l-kbira tagħhom huma ekonomiji żviluppati. Wieħed mill-objettivi tar-reviżjoni tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku huwa ż-żieda fl-għadd tal-membri attwali. Konsegwentement il-Ftehim rivedut jipprevedi inċentivi għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, bħall-possibilità ta' applikazzjoni provviżorja ta' limiti ogħla u l-estensjoni progressiva għal entitajiet u setturi bl-għan li jiffaċilitaw ekonomija miftuħa li qed taffaċċja kompetizzjoni barranija.
Madankollu għadu mhuwiex ċar jekk il-klawsola riveduta dwar it-trattament speċjali u differenti rigward il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ittejjibx ir-regoli attwalment applikabbli. It-test il-ġdid jipprevedi protezzjoni addizzjonali fuq bażi tranżitorja tas-swieq tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, filwaqt li attwalment l-eżenzjonijiet jistgħu jkunu negozjati mingħajr ma jkunu limitati fiż-żmien. Min-naħa l-oħra, it-test il-ġdid ma joffrix lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp titjib sinifikanti fl-aċċess għas-swieq tal-partijiet l-oħra tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku.
Minkejja t-titjib ġeneralment pożittiv f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċeduri ta' offerti u mat-trasparenza, dak li jkun ma jistax jistenna li l-pajjiżi jiffirmaw dan il-Ftehim mingħajr ma jintwera li l-vantaġġi jegħlbu l-kostijiet - bħall-kostijiet amministrattivi marbuta mal-proċess ta' adeżjoni u l-kostijiet soċjali u ekonomiċi li jirriżultaw mit-telf tas-swieq tal-akkwist mill-kumpaniji nazzjonali - u mingħajr il-ħolqien ta' xbieki ta' sigurtà neċessarji biex jimminimizzaw l-effetti ta' tali telf.
L-effetti fuq terminu twil tal-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-akkwist nazzjonali u ż-żieda konsegwenti fl-aċċess għas-suq huma pożittivi, minkejja d-difetti fit-test rivedut imsemmijin qabel.
*******
Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill- Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
17.9.2013 |
|
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
17 6 0 |
|||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Thijs Berman, Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Corina Creţu, Leonidas Donskis, Mikael Gustafsson, Filip Kaczmarek, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Jean Roatta, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Keith Taylor, Patrice Tirolien, Ivo Vajgl |
||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Philippe Boulland, Edvard Kožušník, Isabella Lövin, Judith Sargentini |
||||
|
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Emma McClarkin, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
14.10.2013 |
|
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 0 2 |
|||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia i Cutchet, Nora Berra, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, Andrea Cozzolino, George Sabin Cutaş, Marielle de Sarnez, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Franziska Keller, Bernd Lange, Vital Moreira, Paul Murphy, Niccolò Rinaldi, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Jan Zahradil |
||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jarosław Leszek Wałęsa |
||||
|
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Elisabeth Jeggle, Krzysztof Lisek, Iosif Matula, Catherine Stihler |
||||