RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f’konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/004 ES/Comunidad Valenciana materjali tal-bini minn Spanja)

21.10.2013 - (COM(2013)0635 – C7‑0269/2013 – 2013/2192(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Andrej Plenković

Proċedura : 2013/2192(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0341/2013
Testi mressqa :
A7-0341/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/004 ES/Comunidad Valenciana materjali tal-bini minn Spanja)

(COM(2013)0635 – C7‑0269/2013 – 2013/2192(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0635 – C7‑0269/2013),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2], (ir-Regolament dwar il-FEG)

–   wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali (FII) tas-17 ta' Mejju 2006,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0341/2013),

A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex jingħata appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twessa' għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta' Mejju 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa tal-FII tas-17 ta' Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEG,

D. billi Spanja ressqet l-applikazzjoni EFG/2013/004 ES/Comunidad Valenciana għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għas-630 sensja f'140 intrapriża li joperaw fir-reġjun NUTS II tal-Comunidad Valenciana, u b'300 ħaddiem fil-mira għal miżuri kofinanzjati mill-FEG, matul il-perjodu ta' referenza mill-14 ta' Ġunju 2012 sal-14 ta' Marzu 2013,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament dwar il-FEG ġew issodisfati u li, għalhekk, Spanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEG fit-22 ta' Mejju 2013 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fis-16 ta' Settembru 2013; jilqa’ l-perjodu ta’ evalwazzjoni rapidu ta' erba' xhur;

3.  Jinnota li l-Comunidad Valenciana ntlaqtet serjament mill-kriżi, b'rata tal-qgħad li tilħaq id-29.19 % fl-ewwel tliet xhur tal-2013; jilqa' l-fatt li r-reġjun qed jerġa' jagħmel użu mill-għajnuna tal-FEG biex jindirizza r-rata għolja ta' qgħad;

4.  Jifraħ lill-Comunidad Valenciana għall-kapaċità tagħha li tapplika għall-FEG u li tagħmel użu minnu biex tindirizza problemi fis-suq tax-xogħol tagħha, li huwa kkaratterizzat minn persentaġġ għoli ta' SMEs; f'dan il-kuntest ifakkar li r-reġjun tal-Comunidad Valenciana diġà applika għall-appoġġ tal-FEG erba' darbiet għas-settur tat-tessuti, taċ-ċeramika u tal-ġebla naturali kif ukoll għal dak tal-bini[3];

5.  Iqis li s-sensji fil-140 intrapriża involuti f'attivitajiet ta' manifattura fir-reġjun NUTS II tal- Comunidad Valenciana (ES52) huma relatati ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji, li wasslu għal żieda fl-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti minerali mhux metalliċi oħra u ma' tnaqqis fis-sehem tal-Unjoni ta' produzzjoni ta' prodotti oħra minerali mhux metalliċi fil-livell dinji;

6.  Jilqa' l-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Spanjoli ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fit-22 ta' Awwissu 2013, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett koordinat propost;

7.  Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli jinformaw li, fil-valutazzjoni tagħhom imsejsa fuq l-esperjenza ta' applikazzjonijiet preċedenti għall-FEG, 300 mill-ħaddiema fil-mira għall-appoġġ tal-FEG biss se jagħżlu li jipparteċipaw fil-miżuri; jistieden lill-awtoritajiet Spanjoli jagħmlu użu mill-potenzjal sħiħ tal-appoġġ tal-FEG, b'mod partikolari biex itejbu l-ħiliet tal-ħaddiema b'edukazzjoni bażika, li jirrappreżentaw 74.4 % tal-ħaddiema fil-mira;

8.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu kofinanzjati jinkludi miżuri għar-riintegrazzjoni fl-impjieg għal 300 ħaddiem li ngħataw is-sensja, bħal profiling, gwida dwar ix-xogħol, konsulenza, taħriġ, assistenza intensiva għat-tfittix ta' impjieg, appoġġ lill-intraprenditorija, inċentivi bħal dawk għat-tfittix ta' impjieg, kontribuzzjoni għal spejjeż għall-ivvjaġġar għax-xogħol, inċentivi għar-rikollokament u appoġġ għat-twaqqif ta' negozju;

9.  Jinnota li l-pakkett ikkoordinat jipprevedi inċentivi finanzjarji għat-tfittix ta' impjieg (somma waħda ta' EUR 300), gratifika għall-mobilità (sa EUR 400), u inċentiv għar-rikollokament (sa EUR 700); jilqa' l-fatt li l-ammont globali ta' inċentivi finanzjarji huwa limitat, u jippermetti li l-maġġoranza tal-kontribuzzjoni tintefaq fuq taħriġ, konsulenza, għajnuna għat-tfittix ta' impjiegi u appoġġ għall-intraprenditorija;

10. Jilqa' l-fatt li l-imsieħba soċjali, u b'mod partikolari t-trade unions fil-livell lokali (UGT-PV, CCOO-PV) u l-organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ FESMAC, ġew ikkonsultati dwar id-disinn tal-miżuri tal-pakkett koordinat tal-FEG, u li politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni se jiġu applikati matul id-diversi fażijiet tal-implimentazzjoni tal-FEG u fl-aċċess għalih;

11. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent kummerċjali nnifsu;

12. Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat jinkludi taħriġ vokazzjonali li jiffoka fuq setturi fejn jeżistu jew x'aktarx li jirriżultaw opportunitajiet, u jinkludi wkoll titjib tal-ħiliet imfassal għall-bżonnijiet futuri tal-manifatturi fis-settur ikkonċernat mill-għoti ta' sensji;

13. Jinnota li l-informazzjoni provduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċievux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma tista' sseħħ l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

14. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-arranġamenti proċedurali sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba tal-Parlament biex jitħaffef il-ħruġ tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibbiltà ta' applikazzjoni għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG; jittama li fir-Regolament il-ġdid dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) jiġi integrat titjib proċedurali ulterjuri, u li jinkisbu aktar effiċjenza, trasparenza u viżibbiltà tal-FEG;

15. Jisħaq fuq il-fatt li, b'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jiġi żgurat li l-FEG jappoġġa r-riintegrazzjoni f'impjieg stabbli tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg sostenibbli u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas ma għandha tissostitwixxi l-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

16. Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq fil-Kunsill dwar l-introduzzjoni mill-ġdid fir-Regolament dwar il-FEG, għall-perjodu 2014-2020, tal-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni minħabba l-kriżi, li jippermetti l-għoti ta' assistenza finanzjarja lil ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali minbarra lil dawk li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba bidliet fl-andament kummerċjali dinji.

17. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]  Applikazzjonijiet EGF/2009/0014 ES/Comunidad Valenciana; EGF/2010/005 ES/Comunidad Valenciana u EGF/2010/009 ES/Comunidad Valenciana, EGF/2011/006 ES/Comunidad Valenciana - Kostruzzjoni ta' bini;

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' ...

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/004 ES/ ComunidadValenciana materjali tal-bini minn Spanja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[3],

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(3)      Spanja bagħtet applikazzjoni biex jiġi mobilizzat il-FEG, fir-rigward tas-sensji li ngħataw f'140 intrapriża li joperaw fit-Taqsima 23 tan-NACE Reviżjoni 2 ("Manifattura ta' prodotti oħra minerali mhux metalliċi") fir-reġjun NUTS II tal- Comunidad Valenciana (ES52), fit-22 ta' Mejju 2013 u ssupplimentat din l-applikazzjoni b'informazzjoni addizzjonali sas-17 ta' Lulju 2013. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li jiġi mobilizzat l-ammont ta' EUR 840 000.

(4)      Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa minn Spanja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 840 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]  ĠU C […], […], p. […].

NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta' EUR 500 miljun, meħud minn kwalunkwe marġni taħt il-limitu massimu ta' nfiq globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet ta' impenn ikkanċellati mis-sentejn preċedenti, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġnijiet suffiċjenti u/jew l-impenji kkanċellati.

Fir-rigward tal-proċedura, fil-każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, sabiex il-Fond jiġi attivat il-Kummissjoni tippreżenta proposta lill-awtorità baġitarja għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tressaq talba korrispondenti għat-trasferiment. B'mod parallel, jista' jiġi organizzat trilogu sabiex jinstab qbil dwar l-użu tal-Fond u l-ammonti meħtieġa. It-trilogu jista' jkun f'forma semplifikata.

II. L-applikazzjoni tal-Comunidad Valenciana u l-proposta tal-Kummissjoni

Fis-16 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur Spanja biex tappoġġa r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja f'140 intrapriża li joperaw fit-Taqsima 23 tan-NACE Reviżjoni 2[3] (Manifattura ta' prodotti oħra minerali mhux metalliċi[4]) fir-reġjun NUTS II tal-Comunidad Valenciana (ES52) minħabba bidliet strutturali ewlenin fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni.

Din hija s-seba' applikazzjoni eżaminata fil-baġit 2013 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 840 000 mill-FEG għal Spanja. Tirrigwarda 630 każ ta' għoti ta' sensja f'140 intrapriża li joperaw fit-Taqsima 23 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti oħra minerali mhux metalliċi), u hemm 300 ħaddiem fil-mira għall-miżuri kofinanzjati mill-FEG matul il-perjodu ta' referenza mill-14 ta' Ġunju 2012 sal-14 ta' Marzu 2013. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkolati skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Mejju 2013, u ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali sas-17 ta’ Lulju 2013. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

L-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li l-kriżi finanzjarja u ekonomika wasslet għal kollass f'daqqa tal-ekonomija b'impatt enormi fuq ħafna setturi u b'mod partikolari fuq id-domanda għall-kostruzzjoni. F'pajjiżi bħal Spanja, fejn ir-rata annwali tat-tkabbir tal-attività tal-kostruzzjoni kienet ogħla mill-medja Ewropea, kien diġà antiċipat tnaqqis fl-attività tal-kostruzzjoni fuq perjodu medju. Madankollu, dawk li jimmanifatturaw il-materjali tal-bini ma setgħux jantiċipaw il-kombinazzjoni ta' importazzjonijiet ta' materjali tal-bini li żdiedu, li ttriplikaw f'dawn l-aħħar għaxar snin, u t-tnaqqis f'salt u sostanzjali tal-attività tal-kostruzzjoni b'konsegwenza tal-kriżi finanzjarja u ekonomika.

L-impjieg fil-Comunidad Valenciana ġie affettwat serjament mill-kriżi. Ir-rata tal-qgħad fir-reġjun żdiedet malajr, minn 9.61 % (Q1 2008) għal 29.19 % (Q1 2013). Is-sitwazzjoni tal-impjieg fir-reġjun milqut tidher partikolarment fraġli, minħabba l-impatt tal-kriżi fuq setturi tradizzjonali bħat-tessuti, iż-żraben u l-kostruzzjoni, li huma importanti ħafna għall-ekonomija tar-reġjun. Barra minn hekk, l-impjiegi disponibbli fit-Taqsima 23 tan-NACE Reviżjoni 2 fil-Comunidad Valenciana naqsu bi kważi 40 % mill-2008 sal-2011.

L-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li l-għoti ta' sensji fit-Taqsima 23 tan-NACE Reviżjoni 2 fil-Comunidad Valenciana se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad, peress li r-reġjun u l-provinċja ta' Castellón b'mod partikolari jiddependu ħafna fuq dan is-settur. Il-koeffiċjent tal-ispeċjalizzazzjoni reġjonali tal-attività ekonomika fil-Comunidad Valenciana fir-rigward tat-Taqsima 23 tan-NACE Reviżjoni 2 huwa 2,074.

Il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu kofinanzjati jinkludi miżuri għar-riintegrazzjoni ta' 300 ħaddiem f'impjieg bħal profiling, gwida dwar ix-xogħol, konsulenza, taħriġ, assistenza intensiva għat-tfittix ta' impjieg, appoġġ għall-intraprenditorija, inċentivi bħal dawk għat-tfittix ta' impjieg, kontribuzzjoni għal spejjeż għall-ivvjaġġar għax-xogħol, inċentivi għar-rikollokament u appoġġ għat-twaqqif ta' negozju.

Skont l-awtoritajiet Spanjoli, il-miżuri mibdija fit-22 ta' Awwissu 2013 flimkien jiffurmaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati u jirrappreżentaw miżuri attivi għas-suq tax-xogħol bil-għan li jintegraw mill-ġdid lill-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

Rigward il-kriterji inklużi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Spanjoli fl-applikazzjoni tagħhom:

· ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tissostitwixxix miżuri li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

· urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u mhumiex se jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma rċevewx assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE.

Fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi responsabbli mill-ġestjoni u l-kontroll tal-FSE. Id-Direttorat Ġenerali għall-Proġetti u l-Fondi Ewropej tal-Ministeru Reġjonali tal-Finanzi u l-Gvern tal-Comunidad Valenciana[5] se jkun il-korp intermedjarju għall-awtorità ta' ġestjoni.

III. Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità tal-Baġit talba għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 840 000 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 05 01).

Din hija s-seba' proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ippreżentata lill-Awtorità tal-Baġit fl-2013. L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja propost jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-FEG jibqa' disponibbli għall-allokazzjonijiet matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif meħtieġ mill-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

It-trilogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG jista' jieħu forma semplifikata, kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi ġuridika, għajr jekk ikun hemm nuqqas ta' qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
  • [4]  It-Taqsima 23 tan-NACE Reviżjoni 2, "Manifattura ta' prodotti oħra minerali mhux metalliċi" tinkludi: manifattura ta' ħġieġ u prodotti tal-ħġieġ, manifattura ta’ prodotti rifrattorji, manifattura ta’ materjal tal-bini tat-tafal, manifattura ta’ prodotti oħra tal-porċellana u ċ-ċeramika, manifattura ta’ siment, ġir u ġibs, manifattura ta’ oġġetti tal-konkos, siment u ġibs, qtugħ, iffurmar u rfinar ta’ ġebel u manifattura ta’ prodotti li joborxu u prodotti minerali mhux metalliċi n.e.c.
  • [5]  Dirección General de Proyectos y Fondos Europeos de la Consellería de Hacienda y Administraciones Públicas de la Generalitat Valenciana.

ANNESS II: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

Is-Sur Alain Lamassoure

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 13E158

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EFG2013/004 ES/Comunidad Valenciana materjali tal-bini minn Spanja (COM(2013)635 finali)

Għażiż Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG fi ħdan l-istess Kumitat eżamina l-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2013/004 ES/Comunidad Valenciana, materjali tal-bini, u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond b'rabta ma' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni hija msejsa fuq l-Artikolu 2(b) tar-Regolament dwar il-FEG u għandha l-għan li jingħata appoġġ lil 300 ħaddiem mit-total ta' 630 ħaddiem li ngħataw is-sensja f’140 intrapriża li joperaw fit-Taqsima 23 tan-NACE Reviżjoni 2 ("materjali tal-bini") fil-perjodu ta' referenza bejn is-16 ta' Ġunju 2012 u l-14 ta' Marzu 2013 fir-reġjun NUTS II tal-Comunidad Valenciana (ES52).

B)  Billi l-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li s-sensji kienu kkawżati mill-globalizzazzjoni li laqtet serjament lis-settur tal-kostruzzjoni ta' Spanja;

C)  Billi minħabba l-globalizzazzjoni, iċ-Ċina, li hija l-akbar produttur ta' prodotti oħra minerali mhux metalliċi fid-dinja, żiedet il-produzzjoni tagħha bi 312 % matul il-perjodu 2001-2011, filwaqt li l-produzzjoni fl-UE naqset bi 12 % fl-istess perjodu;

D)  Billi t-tkabbir fil-produzzjoni ta' prodotti oħra minerali mhux metalliċi kien inqas minn dak tal-kompetituri ewlenin tagħha u s-sehem tas-suq tal-UE naqas minn 22.36 % fl-2001 għal 9.48 % fl-2011;

E)  Billi l-istatistika tal-kummerċ tal-Eurostart turi li l-importazzjoni ta' prodotti oħra mhux metalliċi fl-UE ttriplikat bejn l-2001 u l-2010 u wara tnaqqis fl-2008 u fl-2009 kompliet tiżdied fl-2012;

F)  Billi l-awtoritajiet Spanjoli jinsistu li s-settur Spanjol segwa l-istess tendenza negattiva bħall-UE;

G)  Billi 89 % tal-ħaddiema koperti mill-miżuri huma rġiel u 11 % huma nisa; billi 81 % tal-ħaddiema għandhom bejn 25 u 54 sena u 18.3 % tal-ħaddiema għandhom iktar minn 55 sena;

H)  Billi l-forza tax-xogħol li ngħatat is-sensja tikkonsisti minn 66.3 % operaturi ta' impjanti u magni, 15.7 % tekniċi u 12 % persunal b'okkupazzjonijiet elementari;

I)  Billi 74.4 % tal-ħaddiema mogħtija s-sensja għandhom biss edukazzjoni bażika, 10 % spiċċaw l-edukazzjoni sekondarja għolja, 13 % oħra huma gradwati b’edukazzjoni terzjarja u 2.3 % huma ħaddiema li ddefinixxew ruħhom bħala li m’għandhomx edukazzjoni;

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Spanjola:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament FEG (1927/2006) huma ssodisfati u li għalhekk, Spanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-22 ta' Mejju 2013 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni Ewropea fis-16 ta' Settembru 2013; jilqa’ l-perjodu ta’ evalwazzjoni rapidu ta' erba' xhur;

3.  Jinnota li l-Comunidad Valenciana ġiet affettwata serjament mill-kriżi, b'rata tal-qgħad li tilħaq id-29.19 % fl-ewwel tliet xhur tal-2013; jilqa' l-fatt li r-reġjun qed jerġa' jagħmel użu mill-FEG biex jindirizza r-rata għolja ta' qgħad;

4.  Jifraħ lill-Comunidad Valenciana għall-kapaċità tagħha li tapplika għall-FEG u li tagħmel użu minnu biex tindirizza problemi fis-suq tax-xogħol tagħha, li huwa kkaratterizzat minn persentaġġ għoli ta' SMEs; f'dan il-kuntest ifakkar li r-reġjun ta' Valenciana diġà applika għall-appoġġ tal-FEG erba' darbiet għas-settur tat-tessuti, taċ-ċeramika u tal-ġebla naturali kif ukoll għal dak tal-bini (Applikazzjonijiet EGF/2009/0014 ES/Comunidad Valenciana; EGF/2010/005 ES/Comunidad Valenciana u EGF/2010/009 ES/Comunidad Valenciana, EGF/2011/006 ES/Comunidad Valenciana - Kostruzzjoni ta' bini;

5.  Jilqa’ l-fatt li biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Spanjoli ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tal-miżuri qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett koordinat propost;

6.  Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli jinformaw li, fil-valutazzjoni tagħhom imsejsa fuq l-esperjenza ta' applikazzjonijiet preċedenti għall-FEG, 300 mill-ħaddiema fil-mira għal appoġġ tal-FEG biss se jagħżlu li jipparteċipaw fil-miżuri; jistieden lill-awtoritajiet Spanjoli jagħmlu użu mill-potenzjal sħiħ tal-appoġġ tal-FEG, b'mod partikolari biex itejbu l-ħiliet tal-ħaddiema b'edukazzjoni bażika, li jirrappreżentaw 74.4 % tal-ħaddiema fil-mira;

7.  Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat jinkludi taħriġ vokazzjonali li jiffoka fuq setturi fejn jeżistu jew x'aktarx li jirriżultaw opportunitajiet, u jinkludi wkoll titjib tal-ħiliet imfassal għall-bżonnijiet futuri tal-manifatturi fis-settur ikkonċernat mill-għoti ta' sensji;

8.  Jinnota li l-pakkett ikkoordinat jipprevedi inċentivi finanzjarji għat-tfittix ta' impjieg (somma waħda ta' EUR 300), gratifika għall-mobilità (sa EUR 400), u inċentiv għar-rikollokament (sa EUR 700); jilqa' l-fatt li l-ammont globali ta' inċentivi finanzjarji huwa limitat, u jippermetti li l-maġġoranza tal-kontribuzzjoni tintefaq fuq taħriġ, konsulenza, għajnuna għat-tfittix ta' impjiegi u appoġġ għall-intraprenditorija;

9.  Jilqa' l-fatt li l-imsieħba soċjali ġew ikkonsultati f'diversi okkażjonijiet dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati;

10.  Jinnota li dan il-każ tipikament jirrifletti x-xenarju soċjali u ekonomiku ta' reġjun li l-ekonomija lokali tiegħu hija kkaratterizzata minn persentaġġ għoli ta' SMEs li fil-futur għandu jiġi indirizzat billi jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-FEG għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom (kif propost mill-Kummissjoni fil-proposta għall-FEG 2014-2020).

Dejjem tiegħek,

Pervenche Berès

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.10.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zuzana Brzobohatá, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Lucas Hartong, Jutta Haug, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Jan Mulder, Vojtěch Mynář, Juan Andrés Naranjo Escobar, Nadezhda Neynsky, Andrej Plenković, Alda Sousa, Oleg Valjalo

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Da Graça Carvalho, Paul Rübig, Georgios Stavrakakis