RAPPORT dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2013 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima III – Il-Kummissjoni
22.10.2013 - (14870/2013 – C7‑0378/2013 – 2013/2151(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Giovanni La Via
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2013 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima III – Il-Kummissjoni
14870/2013 – C7‑0378/2013 – 2013/2151(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[1],
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, adottat b'mod definittiv fit-12 ta' Diċembru 2012[2],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej[3],
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2013, li l-Kummissjoni ressqet fl-10 ta' Lulju 2013 (COM(2013)0518) u emendat fit-18 ta' Settembru 2013 permezz ta' ittra ta' emenda (COM(2013)0655),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2013 adottata mill-Kunsill fil-21 ta' Ottubru 2013 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (14870/2013 – C7‑0378/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 75b u 75e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0347/2013),
A. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2013, kif emendat fit-18 ta' Settembru 2013 mill-Kummissjoni permezz ta' ittra ta' emenda, jirrigwarda reviżjoni tat-tbassir tar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (i.e. id-dazji doganali u l-imposti fuq is-settur taz-zokkor), il-bażijiet tal-VAT u l-ING, l-ibbaġitjar tal-korrezzjonijiet rilevanti għar-Renju Unit, u reviżjoni tat-tbassir ta' korrezzjonijiet għal dħul ieħor, u reviżjoni tat-tbassir ta' dħul ieħor minn multi, biex b'hekk jirriżulta f'bidla fil-livell u d-distribuzzjoni bejn l-Istati Membri tal-kontributi tar-riżorsi proprji tagħhom għall-baġit tal-Unjoni,
B. billi l-ABE Nru 6/2013 jkopri wkoll il-ħolqien tal-istruttura baġitarja meħtieġa biex jiġi akkomodat il-ħolqien ta' fondi fiduċjarji tal-Unjoni previst fl-Artikolu 187 tar-Regolament Finanzjarju,
C. billi l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-ABE Nru 6/2013 ma timmodifikax il-proposta tal-Kummissjoni, kif emendata permezz ta' ittra ta' emenda,
D. billi dan l-ABE hu kruċjali biex jiġi evitat li jkun hemm nuqqasijiet ta' flus li jistgħu jwasslu għal defiċit ta' implimentazzjoni fl-2013, abbażi tal-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-Baġit 2013 inklużi l-Baġits Emendatorji minn 1 sa 5/2013 biss,
1. Jieħu nota tal-ABE Nru 6/2013, ippreżentat mill-Kummissjoni fl-10 ta' Lulju 2013, kif emendat mill-ittra ta' emenda tat-18 ta' Settembru 2013, li jipprevedi reviżjoni tat-tbassir tar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (i.e. id-dazji doganali u l-imposti fuq is-settur taz-zokkor), abbażi tal-aħjar estimi tal-Kummissjoni u ta' ċerti żviluppi oħra, kif ukoll ir-reviżjoni ulterjuri tat-tbassir ta' dħul ieħor, minħabba sensiela ta' multi li saru definittivi u li għaldaqstant jistgħu jiġu bbaġitjati;
2. Jinnota li t-tnaqqis fit-tbassir tar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali, b'xi EUR 3 955 miljun, u fir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, b'xi EUR 384 miljun, qed jiġi kkumpensat mill-multi msemmijin hawn fuq għal ammont akkumulat ta' EUR 1 229 miljun;
3. Jinnota li dan, mekkanikament, jirriżulta f'żieda fil-kontribuzzjonijiet komplementari bbażati fuq l-ING mill-Istati Membri, b'ammont ta' EUR 3 110 miljun, i.e. żieda netta fil-"kontribuzzjonijiet nazzjonali" (inkluż il-VAT) b'EUR 2 736 miljun;
4. Jissottolinja, filwaqt li jirrikonoxxi l-piż sinifikanti li dan se jirrappreżenta għall-baġits nazzjonali, li dan l-aġġustament tekniku fuq in-naħa tad-dħul m'għandux isir għad-detriment ta' kopertura sħiħa tal-ħtiġijiet għal pagament ġustifikati, li diġà ġew identifikati mill-Kummissjoni fl-abbozzi ta' baġits emendatorji 8 u 9/2013; ifakkar lill-Kunsill rigward il-pożizzjoni tiegħu bbażata fuq il-fatt li, fis-snin preċedenti, artifiċjalment ma ġewx ibbaġitjati biżżejjed approprjazzjonijiet u jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-fatt li l-akkumulazzjoni tal-baġits annwali għall-perjodu 2007-2013 tilħaq livell li hu inferjuri b'EUR 60 biljun għal-limitu massimu tal-pagamenti globali miftehma fil-QFP għall-perjodu 2007-2013, waqt li ammont żejjed kumulattiv ta' EUR 12-il biljun għall-perjodu 2007-2013 ġie de facto mogħti lura lill-Istati Membri billi l-kontribuzzjonijiet kumulattivi tagħhom mill-ING tnaqqsu b'dan l-ammont;
5. Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament Ewropew b'kull informazzjoni li jkollha dwar meta u kif dawn il-kontribuzzjonijiet nazzjonali miżjuda se jiġu ttrasferiti mit-teżori tal-Istati Membri għall-baġit tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament bl-impatt nett li din il-kontribuzzjoni mill-ING miżjuda se jkollha, jekk ikollha, fuq il-bilanċ tal-baġits tal-Istati Membri fl-2013 jew fl-2014;
6. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 6/2013;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 6/2013 ġie adottat b’mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
22.10.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 2 10 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Richard Ashworth, Zuzana Brzobohatá, Isabelle Durant, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Ivars Godmanis, Lucas Hartong, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, George Lyon, Barbara Matera, Claudio Morganti, Juan Andrés Naranjo Escobar, Dominique Riquet, Alda Sousa, László Surján, Derek Vaughan, Angelika Werthmann |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Maria Da Graça Carvalho, Susy De Martini, Edit Herczog, Jürgen Klute, Peter Šťastný, Georgios Stavrakakis |
||||