RAPPORT dwar l-Aspetti tal-Ġeneru tal-Qafas Ewropew għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom

24.10.2013 - (2013/2066(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Lívia Járóka

Proċedura : 2013/2066(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0349/2013
Testi mressqa :
A7-0349/2013
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Aspetti tal-Ġeneru tal-Qafas Ewropew għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom

(2013/2066(INI))

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 14, 15, 21, 23, 24, 25, 34 u 35,

–   wara li kkunsidra d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, notevolment il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Razzjali; id-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1992 dwar id-Drittijiet tal-Persuni li Jappartjenu għal Minoranzi Nazzjonali jew Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi; il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa; u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–   wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet Ewropej li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, notevolment il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR); il-Karta Soċjali Ewropea u r-rakkomandazzjonijiet relatati tal-Kumitat Ewropew għad-Drittijiet Soċjali; il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali; u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 8, 9 u 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom fl-2020 (COM(2011)0173) u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE (COM(2012)226),

–   wara li kkunsidra l-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri ta’ integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri (COM(2013)0460),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar passi ’l quddiem fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom (COM(2013)0454),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE[1] tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE[2] tas-27 ta' Novembru 2000 li Tistabbilixxi Qafas Ġenerali għall-Ugwaljanza fit-Trattament fl-Impjieg u fix-Xogħol,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008) 0426 finali),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2006 dwar il-qagħda tan-nisa Rom fl-Unjoni Ewropea[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Rom[4],

–   wara li kkunsidra l-Analiżi tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) ta' riżultati ta' stħarriġ skont il-ġeneru, pprovduta mill-FRA fuq talba li saret skont l-Artikolu 126,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0349/2013),

A. billi l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 teħtieġ lill-Kummissjoni ‘tappoġġa l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020’ u billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom (NRIS) jeħtieġu ‘perspettiva tal-ġeneru li għandha tiġi applikata fil-politiki u l-azzjonijiet kollha għall-avvanz tal-inklużjoni tar-Rom’;

B.  billi n-nisa Rom spiss jaffrontaw diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali abbażi tal-ġeneru u l-oriġini etnika, li hija iktar intensa minn dik kontra l-irġiel Rom jew in-nisa li mhumiex Rom, u għandhom aċċess limitat għall-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa, is-servizzi soċjali u t-teħid tad-deċiżjonijiet; billi n-nisa Rom ta' spiss huma vittmi tar-razziżmu, il-preġudizzju u l-isterjotipi li għandhom impatt negattiv fuq l-integrazzjoni reali tagħhom;

C. billi n-nisa Rom huma suġġetti għal tradizzjonijiet patrijarkali u sessisti li ma jippermettulhomx jeżerċitaw il-libertà tal-għażla fi kwistjonijiet fundamentali tal-ħajja tagħhom bħall-edukazzjoni, ix-xogħol, is-saħħa sesswali u riproduttiva u inkluż iż-żwieġ; billi d-diskriminazzjoni kontra n-nisa Rom ma tistax tiġi ġustifikata bi tradizzjoni, iżda għandha tiġi indirizzata filwaqt li jiġu rispettati t-tradizzjoni u d-diversità;

D. billi r-riskju tal-faqar għan-nisa Rom jaqbeż dak tal-irġiel Rom u billi familji Rom b’erbat itfal jew aktar huma l-aktar esposti għar-riskju tal-faqar fl-UE;

E.  billi indikaturi użati komunement għandhom it-tendenza li jittraskuraw problemi bħall-faqar fost dawk li jaħdmu, il-faqar enerġetiku, il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, il-faqar tal-familji kbar u tal-ġenituri waħedhom, il-faqar fost it-tfal, u l-esklużjoni soċjali tan-nisa;

F.  billi n-nisa Rom akbar fl-età huma esposti għal riskju akbar ta’ faqar minħabba li l-maġġoranza tagħhom ħadmu fl-ekonomija informali mingħajr remunerazzjoni jew affiljazzjoni ta’ sigurtà soċjali;

G. billi l-maġġoranza assoluta tal-adulti Rom ikklassifikati bħala ‘inattivi’ huma nisa u – parzjalment minħabba d-diviżjoni tax-xogħol tradizzjonali bejn in-nisa u l-irġiel u minħabba r-razziżmu u s-sessiżmu li jeżisti fi ħdan is-swieq Ewropej tax-xogħol – in-numru ta’ nisa Rom attivi mdaħħla fl-età f’impjieg imħallas huwa biss madwar nofs dak tal-irġiel Rom, biċ-ċifri simili f’termini ta’ impjieg għal rashom;

H. billi d-data mill-pajjiżi kollha turi li n-nisa Rom jiffaċċjaw esklużjoni serja fil-qasam tal-impjiegi kif ukoll diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol meta jkunu qed ifittxu impjieg jew meta jkunu impjegati; billi n-nisa Rom jibqgħu wkoll esklużi mill-ekonomija formali u huma ristretti mill-opportunitajiet limitati tal-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni inadegwata, il-kura tas-saħħa dgħajfa, ir-rwoli tradizzjonali tal-ġeneri u l-marġinalizzazzjoni ġenerali kif ukoll id-diskriminazzjoni mill-komunitajiet f’maġġoranza; billi r-rapporti nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE għall-NRIS għadhom ma jiffokawx biżżejjed fuq l-aspett ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri;

I.   billi huwa ferm aktar diffiċli għall-ommijiet ta’ familji kbar jew ommijiet waħedhom biex jaħdmu aktar ’il bogħod minn djarhom u l-familji f’żoni rurali żvantaġġati;

J.   billi r-rata tal-litteriżmu u l-prestazzjoni edukattiva tan-nisa Rom huma ħafna inqas minn tal-irġiel Rom u n-nisa li mhumiex Rom, u billi l-maġġoranza tal-bniet Rom jitilqu mill-iskola kmieni u proporzjon sinifikanti minnhom qatt ma attendew skola;

K. billi l-kriżi ekonomika kellha impatt negattiv fuq is-saħħa u l-benessri tan-nisa Rom, u aggravat is-sitwazzjoni inaċċettabbli u twila tagħhom, b’aktar minn kwart tan-nisa Rom kollha limitati fl-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum minħabba problemi ta’ saħħa;

L.  billi n-nuqqas ta’ rispett6 għad-drittijiet sesswali u riproduttivi komprensivi, inkluż l-aċċess għall-kontraċezzjoni, huwa ostakolu għall-għoti tas-setgħa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tan-nisa Rom u jwassal għal tqala mhux ippjanata, inkluża fost l-adolexxenti, li tfixkel l-opportunitajiet edukattivi u tax-xogħol tal-bniet; billi l-maternità bikrija hija fil-biċċa l-kbira konsegwenza tan-nuqqas ta’ aċċess xieraq għas-servizzi soċjali u l-istrutturi inadegwati tas-saħħa li ma indirizzawx il-bżonn tan-nisa Rom;

M. billi minħabba fl-istatus soċjoekonomiku baxx tagħhom u d-diskriminazzjoni li jipperċepixxu fil-kura tas-saħħa, in-nisa Rom ma humiex konxji tal-maġġorparti tad-drittijiet tagħhom u jirrikorru għas-servizzi mediċi ħafna inqas mill-maġġoranza tal-popolazzjoni;

N. billi n-nisa u t-tfajliet Rom huma affettwati b’mod sproporzjonat minn bosta mard – inklużi HIV/AIDS – iżda programmi ta’ prevenzjoni għalihom ħafna mid-drabi ma jingħatawx biżżejjed prijorità u finanzjament, u l-aċċessibbiltà għal screening għadha baxxa;

O. billi l-faqar estrem, l-inugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diskriminazzjoni interna jesponu lin-nisa Rom għal riskju ikbar ta' traffikar, prostituzzjoni, vjolenza domestika u sfruttamen, filwaqt li jħabbtu wiċċhom ma' ostakoli addizzjonali fl-aċċess għall-protezzjoni;

P.  billi għadd kbir ta’ nisa Rom kienu vittmi ta’ vjolenza domestika f’idejn żwieġhom, familjari ta’ żwieġhom u membri familjari oħra; billi l-maġġoranza kbira tal-vjolenza u l-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem kontra n-nisa Rom ma jiġux irrappurtati minħabba l-fatt li l-vjolenza kontra n-nisa għadha aċċettata f’soċjetajiet patrijarkali bħala eżerċizzju legali tas-setgħa iżda wkoll minħabba l-fatt li l-awturi tal-vjolenza kontra n-nisa rari jinżammu responsabbli għall-atti tagħhom, li jiskoraġġixxi lin-nisa milli jfittxu għajnuna legali;

Q. billi atti ta' vjolenza kontra n-nisa Rom frekwentement jitwettqu minn awtoritajiet fl-Istati Membri kollha tal-UE fil-forma ta' diskriminazzjoni profonda u ksur ċar tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jista' jieħu forom differenti, bħall-ġbir u ħżin tad-data f’reġistri ta' nies u tfal Rom, abbażi tal-isfond etniku biss, jew l-evizzjoni ta’ mijiet ta’ nies mingħajr l-offerta ta’ ebda akkomodazzjoni alternattiva xierqa jew appoġġ huma atti tal-mistħija u insensittivi li jinjora totalment l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tal-Istati Membri;

R.  billi l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri jġorru r-responsabbiltà biex jeradikaw il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u, bl-istess mod, biex itemmu l-impunità, billi jressqu quddiem il-ġustizzja l-awturi ta' reati ta’ mibegħda, diskors ta’ mibegħda, diskriminazzjoni u vjolenza kontra n-nisa u l-bniet Rom;

S.  billi d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tar-razza u l-oriġini etnika; billi madwar 30 proċedura ta’ ksur infetħu mill-Kummissjoni tal-UE kontra Stati Membri minħabba li d-Direttiva għall-Ugwaljanza Razzjali ma ġietx trasposta b'mod xieraq fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

1.  Jenfasizza li l-NRIS għandhom jiffokaw fuq l-għoti tas-setgħa lin-nisa Rom biex jieħdu l-kontroll ta' ħajjithom billi jsiru aġenti viżibbli tal-bidla fi ħdan il-komunitajiet tagħhom u billi jgħollu leħinhom biex jinfluwenzaw il-politiki u l-programmi li jaffettwawhom, kif ukoll fuq it-tisħiħ tar-reżiljenza soċjoekonomika tan-nisa Rom, jiġifieri l-kapaċità tagħhom li jadattaw għall-ambjent ekonomiku li qed jinbidel malajr, permezz tal-affettwazzjoni tat-tfaddil u l-prevenzjoni tat-tnaqqis tal-beni;

2.  Jilqa' r-rapport ta' progress 2012 tal-Kummissjoni[5] u l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar miżuri effettivi għall-integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri[6] b'attenzjoni speċjali għall-aċċess għall-impjiegi, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, fejn l-Istati Membri jiġu mistiedna jintroduċu azzjonijiet pożittivi u jintegraw strateġiji għall-integrazzjoni tar-Rom fil-ġlieda tagħhom kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

3.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li rċevew, barra minn hekk, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż taħt is-Semestru Ewropew dwar kwistjonijiet b'rabta mar-Rom biex jimplimentawhom fil-pront u jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, inkluż fuq il-post tax-xogħol, jinvolvu lis-soċjetà ċivili – inklużi l-organizzazzjonijiet Rom – fit-teħid ta' deċiżjonijiet, u jallokaw fondi mhux biss tal-UE iżda wkoll nazzjonali u oħrajn għat-twettiq tal-impenji tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom (NRIS);

4.  Jiddispjaċih li minkejja l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni tan-nisa Rom fl-2006 u l-10 Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Inklużjoni tar-Rom mill-Kunsill, tal-Unjoni Ewropea, li fihom wieħed mill-prinċipji jirrigwarda s-sensibilizzazzjoni tal-ġeneri, is-sitwazzjoni vulnerabbli tan-nisa Rom u Vjaġġaturi, fil-prattika, baqgħet ma ġietx indirizzata minn dawk li jfasslu l-politika Ewropea u nazzjonali;

5.  Jisħaq li l-effiċjenza tal-Qafas tal-UE għall-NRIS tista’ tiżdied b’mod sinifikanti permezz tal-involviment imsaħħaħ tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-potenzjal tagħha li ttejjeb il-kwalità tar-regolamenti u strumenti oħra, tinkoraġġixxi koerenza akbar tal-politiki u tippromwovi l-għanijiet ġenerali tal-Qafas;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali fl-erba’ oqsma prinċipali ta’ prijorità: is-saħħa, l-akkomodazzjoni, l-impjiegi, u l-edukazzjoni b’għanijiet u miri speċifiċi, finanzjamenti, indikaturi u żmien; jevalwaw il-progress billi jkejlu r-riżultati tal-implimentazzjoni;

7.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex jinvolvu lin-nisa Rom, permezz ta' organizzazzjonijiet tan-nisa, NGOs tar-Rom u partijiet interessati rilevanti fit-tħejjija, fl-implimentazzjoni, fl-evalwazzjoni u fil-monitoraġġ tal-NRIS u biex jinħolqu rabtiet bejn entitajiet għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u strateġiji għall-inklużjoni soċjali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tindirizza l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'mod konsistenti meta timplimenta l-Istrateġija UE 2020 u programmi ta' riforma nazzjonali;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta ‘flow chart’ tal-proċess tal-inklużjoni tar-Rom tal-UE, dwar il-kisbiet, l-objettivi, il-miżuri speċifiċi użati biex jinkisbu dawn l-objettivi, is-sitwazzjoni attwali rigward il-miżuri ta’ implimentazzjoni u l-passi li jmiss;

9.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra s-segregazzjoni spazjali, l-evizzjonijiet furzati u l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar iffaċċjati min-nisa u l-irġiel Rom, u jwaqqfu politiki tal-akkomodazzjoni effettivi u trasparenti;

10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet fundamentali tan-nisa u t-tfal Rom huma rispettati, u li, permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni wkoll, in-nisa u l-bniet Rom ikunu konxji dwar drittijiethom skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diskriminazzjoni, biex jiġġieldu iktar kontra tradizzjonijiet patrijarkali u sessisti;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika d-diviżjoni istituzzjonali tal-kompiti u r-responsabbiltajiet fost l-organizzazzjonijiet, il-fora u l-korpi involuti, u biex tiddefinixxi b'mod ċar ir-rwol ta' dawn il-partijiet interessati - bħalma huma t-Task Force tar-Rom tal-KE, in-Netwerk tal-Punti Nazzjonali ta’ Kuntatt, il-Pjattaforma Ewropea tar-Rom, l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u l-grupp ta' ħidma ad-hoc dwar l-Inklużjoni tar-Rom - fis-sorveljanza, il-kontroll u l-koordinazzjoni tal-Qafas tal-UE għall-NRIS;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-NRIS billi tfittex indikaturi komuni, kumparabbli u affidabbli u billi tiżviluppa Kwadru Operattiv ta' indikaturi tal-UE għall-inklużjoni tar-Rom sabiex tippreżenta data ċara u mhux ambigwa li magħha jista' jitkejjel il-progress kif ukoll biex jintlaħaq ir-rekwiżit ta' monitoraġġ effettiv;

13. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri ta' awsterità ma jkollhomx impatt mhux proporzjonali fuq in-nisa Rom u Vjaġġaturi u li d-deċiżjonijiet dwar il-baġit ikunu bbażati fuq prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jippreżentaw indikaturi tar-riżultat, linji ta’ referenza u miri numeriċi ewlenin fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-oqsma prinċipali ta’ prijorità, li magħhom jista’ jitkejjel il-progress;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li data diżaggregata għall-ġeneru u l-etniċità tinġabar mill-amministrazzjonijiet kollha u tintuża biex jiġi infurmat l-iżvilupp tal-politika; jindika li l-ġbir ta' data għandu jitwettaq bi qbil mal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem rilevanti;

16. Jistieden lill-Isati Membri jqabblu l-impenji tal-politika nazzjonali tagħhom permezz tal-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji xierqa għall-implimentazzjoni tal-NRIS, kif ukoll jirriflettu l-istrateġiji ta’ inklużjoni tagħhom fil-politiki nazzjonali baġitarji;

17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu qafas xieraq għall-konsultazzjoni, it-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju ta' esperjenzi fost dawk li jfasslu l-politika u l-organizzazzjonijiet tar-Rom u jniedu djalogu strutturat li jinkludi l-organizzazzjonijiet tar-Rom u l-NGOs fl-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-istrateġiji Ewropej, nazzjonali u lokali għall-inklużjoni tar-Rom;

18. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-ugwaljanza fid-drittijiet ċivili u l-aċċess ugwali għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-akkomodazzjoni filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u jkunu kumpatibbli man-nomadiżmu f’każijiet rilevanti;

19. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jinkludu l-istrumenti tal-Investiment Territorjali Integrat u tal-Iżvilupp Lokali mmexxi mill-Komunità fil-kuntratti tagħhom ta’ sħubija, biex jimmobilizzawhom għal mikro-reġjuni sottożviluppati u territorji fil-bżonn, kif ukoll biex jinkludu Żvilupp Lokali mmexxi mill-Komunità fil-grupp ta’ programmi operattivi li għandhom jiġu żviluppati;

20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni speċifika u komprensiva dwar l-antidiskriminazzjoni skont standards internazzjonali u Ewropej fl-Istati Membri kollha, billi jiżguraw li korpi tal-antidiskriminazzjoni jkunu mgħammra biex jippromwovu t-trattament ugwali u jkollhom mekkaniżmi li huma aċċessibbli għan-nisa u l-bniet Rom;

21. Jistieden lill-Istati Membri jenfasizzaw aktar fuq l-aspetti territorjali tal-inklużjoni soċjali fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom, u biex jimmiraw lejn l-aktar mikro-reġjuni fil-bżonn permezz ta’ programmi ta’ żvilupp kumplessi u integrati;

22. Jistieden lill-Istati Membri jiffokaw ukoll fuq id-dimensjoni urbana tal-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari bliet li huma affettwati b’mod sproporzjonat affettwati mill-iżbilanċi soċjali bħall-qgħad, l-esklużjoni soċjali u l-polarizzazzjoni u jassistuhom biex jiżviluppaw l-infrastruttura tagħhom sabiex jisfruttaw il-kontribut potenzjali tagħhom għat-tkabbir ekonomiku kif ukoll isaħħu r-rabtiet bejn iż-żoni urbani u rurali bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp inklużiv;

23. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-integrazzjoni tal-ġeneri meta jimplimentaw l-NRIS tagħhom, billi japplikaw perspettiva ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki u l-prattiki kollha li jaffettwaw lin-nisa Rom u biex jorbtu l-implimentazzjoni tagħhom ma’ strateġiji eżistenti dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b’mod partikolari billi jeliminaw id-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri fil-komunitajiet Rom, kif ukoll l-eradikazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet bħala objettivi espliċiti u biex tittieħed azzjoni reali għal dawn il-finijiet;

24. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li miżuri speċifiċi marbuta mad-drittijiet tan-nisa u l-integrazzjoni tal-ġeneru jkunu inklużi fl-NRIS, li jqisu l-perspettiva tal-ġeneru u s-sitwazzjoni ta' diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali li jħabbtu wiċċhom magħha n-nisa Rom, speċjalment rigward l-impjiegi, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-edukazzjoni, u li l-valutazzjoni u l-monitoraġġ annwali mwettqa mill-Kummissjoni u, b'mod partikolari, mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, jikkunsidraw il-perspettiva tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’kull taqsima tal-NRIS; jitlob li dawn is-sejbiet ikunu ppreżentati lill-Parlament Ewropew;

25. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-NRIS jirriflettu d-drittijiet u l-bżonnijiet speċifiċi tan-nisa Rom u jiżviluppaw indikaturi konkreti għall-implimentazzjoni, is-segwitu u l-monitoraġġ tagħhom ibbażati fuq, pereżempju, l-Indiċi ta’ Żvilupp tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti Relatat mal-Ġeneri (GDI) li jeżamina aspetti bħal ħajja twila u b'saħħitha, l-għarfien u livell diċenti ta' għajxien u l-Miżura tal-Għoti tas-Setgħa lill-Ġeneri (GEM) li tinkludi l-parteċipazzjoni politika u t-teħid ta' deċiżjonijiet, il-parteċipazzjoni ekonomika u teħid ta' deċiżjonijiet u s-setgħa fuq riżorsi ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjni u lill-Istati Membru jużaw il-baġitjar għall-ġeneri bħala waħda mill-għodda għall-integrazzjoni tal-ġeneri;

26. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni nazzjonali għall-NRIS li jkopri aspetti bħall monitoraġġ tal-baġit u forom oħra ta' monitoraġġ tas-soċjetà ċivili (imwettqa mill-NGOs nazzjonali, min-netwerks tal-NGOs jew mill-organizzazzjonijiet umbrella), valutazzjoni esperta (imwettqa minn esperti indipendenti b'għarfien espert bil-provi fil-qasam), u monitoraġġ amministrattiv;

27. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-ġeneri meta jiġu ddisinjati l-miżuri speċifiċi tal-NRIS tagħhom;

28. Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi strumenti aktar effettivi għall-kejl tas-sitwazzjoni soċjoekonomika reali tan-nisa Rom, permezz tal-inkorporazzjoni tal-kwantifikazzjoni tal-'ekonomija tal-ħajja u r-rikonoxximent tal-ekonomija informali pereżempju fil-proġett tagħha ‘lil hinn mill-PDG’; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u timmonitorja indikaturi speċifiċi għall-ġeneru għall-NRIS u l-politiki ta’ inklużjoni soċjali;

29. Jistieden lill-NGOs li jaħdmu f'dan il-qasam fl-Istati Membri, biex ifasslu pjanijiet ta' azzjoni personalizzati li jkollhom l-għan li jgħinu lin-nisa u liż-żgħażagħ isibu impjieg, jipprovdu konsulenza psikoloġika biex iħeġġu lin-nies Rom jipparteċipaw fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u biex jidentifikaw il-ħiliet u l-kapċitajiet personali tagħhom sabiex tittejjeb l-inklużjoni soċjali fis-suq tax-xogħol; biex joffru medjazzjoni bejn il-fornituri ta’ taħriġ/taħriġ mill-ġdid u l-impjegaturi fuq naħa, u n-nisa Rom/il-popolazzjoni Rom fuq in-naħa l-oħra; biex jagħtu spinta lin-nisa u l-bniet Rom biex jidħlu fil-edukazzjoni permezz tal-għoti ta’ sussidji u boroż ta’ studju, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs, billi jitqies il-fatt li l-bniet jiżżewġu f’età aktar żgħażugħa mis-subien;

30. Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw il-miżuri tagħhom biex jindirizzaw b’mod espliċitu lin-nisa Rom f’deprivazzjoni soċjoekonomika estrema u biex jiffukaw simultanjament fuq gruppi li huma f’riskju billi jipprevjenu u jindirizzaw il-fatturi li qed joħolqu l-faqar;

31. Jistieden lill-Istati Membri jżidu n-numru u l-viżibbiltà tal-programmi u l-benefiċjarji Rom u l-Vjaġġaturi, inkluż appoġġ speċifiku għal organizzazzjonijiet Rom u tal-Vjaġġaturi li jaħdmu biex jippromwovu l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-aċċess lill-NGOs għall-fondi strutturali;

32. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi finanzjarji għall-appoġġ tas-soċjetà ċivili u l-monitoraġġ tal-komunità fir-rigward tal-politika tal-inklużjoni soċjali, l-inizjattivi u l-proġetti fir-rigward tan-nisa Rom u Vjaġġaturi;

33. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu mira għat-tnaqqis fil-faqar fost it-tfal fil-proċess tal-UE għall-inklużjoni tar-Rom, jintegraw id-drittijiet tat-tfal ma’ miżuri ta’ inklużjoni soċjali, jimmonitorjaw il-progress mill-perspettiva tal-faqar fost it-tfal, u jidentifikaw u jiżviluppaw azzjonijiet prijoritarji f’dan il-qasam;

34. Jenfasizza li l-prevenzjoni tal-marġinalizzazzjoni għandha tibda mit-tfulija; iqis li huwa essenzjali li jiġi adottat approċċ immirat lejn ġenerazzjonijiet differenti ta' nisa sabiex titwaqqaf it-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-faqar;

35. Jistieden lill-Istati Membri jinkludu fl-NRIS tagħhom programmi mfassla apposta, l-inklużjoni attiva tan-nisa Rom fis-suq tax-xogħol billi jiggarantixxu aċċess għal programmi edukattivi ta’ kwalità għolja għan-nisa u l-bniet Rom u billi jagħmlu t-tagħlim tul il-ħajja disponibbli sabiex jinkisbu ħiliet li jistgħu jintużaw fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu bħala għan orizzontali l-bini tal-kapaċità u l-għoti tas-setgħa tan-nisa Rom fl-oqsma ta’ prijorità kollha tal-NRIS kif ukoll biex jippromwovu politika ta’ parteċipazzjoni politika billi jappoġġaw il-parteċipazzjoni attiva tan-nisa Rom fuq livell lokali, nazzjonali u Ewropew;

36. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri pożittivi ta’ azzjoni biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjiegi fl-amministrazzjoni pubblika għan-nisa u l-irġiel Rom;

37. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri speċifiċi mmirati lejn familji kbar (b’erbat itfal jew aktar), u familji b’ġenitur wieħed li jiffaċilitaw id-dħul fis-suq tax-xogħol permezz ta' arranġamenti ta' benessri mfassla apposta, jestendu l-faċilitajiet ta’ kura tat-tfal u jiżguraw li t-tfal Rom jiġu integrati fl-iskejjel lokali u l-faċilitajiet ta’ kura tat-tfal u jkollhom aċċess sħiħ u ugwali għall-edukazzjoni obbligatorja, biex b’hekk tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-ħolqien tal-gettos;

38. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess ugwali għall-kura tat-tfal ta' kwalità u bi prezzijiet raġonevoli u edukazzjoni tat-tfulija, servizzi għall-iżvilupp tat-tfal u edukazzjoni ta' sħubija parentali għat-tfal Rom, jintroduċu mill-ġdid il-miri ta' Barċellona għall-kura tat-tfal u jiżviluppaw servizzi ta' kura aċċessibbli, bi prezzijiet raġonevoli u ta' kwalità għolja għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu;

39. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjenu t-tkeċċija ta’ impjegati matul it-tqala jew it-trobbija tat-tfal, u biex jikkunsidraw ir-rikonoxximent tat-trobbija tat-tfal bħala perjodu li jgħodd lejn id-drittijiet għall-pensjoni;

40. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jeżaminaw l-ostakli għall-impjieg indipendenti ffaċjati min-nisa Rom, sabiex jiffaċilitaw reġistrazzjoni aċċessibbli, mgħaġġla u mhux għalja għall-intraprendituri nisa Rom u biex jiżviluppaw skemi ta' mikro-self li jimmiraw lejn negozji żgħar li għadhom jibdew u intraprendituri bi proċeduri amministrattivi sempliċi, u faċli li jintużaw mill-intraprendituri, inkluża assistenza teknika u miżuri ta' appoġġ u liċenzji speċjali għar-rikonoxximent ta' medda ta' impjiegi staġjonali u temporanja bħala 'xogħol imħallas' li jikkontribwixxi għall-ħlasijiet tas-sigurtà soċjali; jistieden ukoll lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali biex jimmobilizzaw il-faċilità Ewropea ta’ mikrofinanzjament għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali;

41. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri mmirati u orjentati lejn l-integrazzjoni fil-qasam tal-appoġġ għall-qgħad, (taħriġ mill-ġdid, ħolqien tax-xogħol u kollokament b'appoġġ għall-paga, appoġġ mis-sigurtà soċjali, allowances tat-taxxi, eċċ.) minflok il-mira kurrenti, kważi esklużiva fuq il-programmi tax-xogħol pubbliċi;

42. Jitlob għall-appoġġ u l-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-popolazzjoni Rom fis-suq tax-xogħol; josserva li, sabiex ikunu ddifferenzjati s-servizzi u l-miżuri tax-xogħol ta' amministrazzjoni u sabiex ikunu żviluppati l-proċessi ta' gwida, jinħtieġu persunal ta' appoġġ u maniġers tal-każijiet b'esperjenza mar-Rom;

43. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu mentoring speċifiku fl-edukazzjoni u sistema ta' appoġġ permezz ta' edukazzjoni bbażata fuq il-komunità u servizzi soċjali mill-bidu tat-tfulija sal-università għaż-żgħażagħ Rom, b'attenzjoni partikolari għall-kwistjonijiet dwar il-ġeneri;

44. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-Fondi Strutturali, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) sabiex titjieb kemm l-edukazzjoni kif ukoll il-prospetti tal-impjieg tar-Rom, biex jingħataw ċans reali ta' inklużjoni soċjali u jiskapulaw ir-rati għolja persistenti tal-faqar; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jissorveljaw il-progress fuq bażi regolari, b'mod partikolari fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ taż-żgħażagħ Rom, speċjalment in-nisa;

45. Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu l-isterjotipi, sabiex jipprevjenu l-anatematizzazzjoni ta' dan il-grupp etniku li tiskorraġixxi lill-impjegaturi milli jimpjegaw lil persuni Rom u dan iwassal għal diskriminazzjoni fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika u l-iskejjel u għandu impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet mal-awtoritajiet u t-tfittxija tal-impjiegi;

46. Itenni l-fatt li n-nuqqasijiet fl-edukazzjoni tar-Rom għandhom dimensjoni tal-ġeneri importanti fejn ir-rata tal-litteriżmu tan-nisa Rom hija bejn wieħed u ieħor 68 %, b'paragun ma' 81 % għall-irġiel Rom, u fejn ir-rata tar-reġistrazzjoni fl-iskola primarja għall-bniet Rom hija biss ta' 64 %; nuqqas li jidher ukoll fir-rigward tar-rati ta' reġistrazzjoni għall-kwalifiki vokazzjonali; josserva, madankollu, li f’din l-istatistika hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri;

47. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi speċifiċi biex jiżguraw li l-bniet u n-nisa żgħażagħ Rom jibqgħu l-iskola primarja, sekondarja u edukazzjoni għolja, u wkoll jistabbilixxu miżuri speċjali għall-ommijiet adolexxenti u bniet li telqu mill-iskola kmieni, b’mod partikolari biex jappoġġaw l-edukazzjoni mhux interrotta, jissussidjaw d-dħul fis-suq tax-xogħol tagħhom, u jipprovdu taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol; jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu dawn il-miżuri meta jikkoordinaw u jevalwaw l-NRIS;

48. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji antidiskriminatorji biex tiġi prevenuta u kundannata mġiba razzista f’servizzi pubbliċi u fi ħdan is-suq tax-xogħol b’mod partikolari, b’hekk jiżguraw li d-drittijiet tan-nisa u l-irġiel Rom fis-suq tax-xogħol ikunu rispettati strettament;

49. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu riżorsi biex jattiraw “studenti mhux tradizzjonali” biex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom u jappoġġaw lill-NGOs u programmi li l-għan tagħhom hu li jżidu l-inklużjoni ta’ studenti mhux tradizzjonali fl-edukazzjoni u programmi ta’ tagħlim għall-adulti;

50. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu netwerks ta’ studenti Rom, biex jinkoraġġixxu solidarjetà bejniethom, iżidu l-viżibbiltà ta’ każijiet li jirnexxu u tingħeleb l-iżolazzjoni tal-istudenti Rom;

51. Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-familji Rom fl-iskejjel, jivvalutaw l-iskejjel fejn it-tfal u ż-żgħażagħ Rom jistudjaw, u jagħmlu l-bidliet kollha meħtieġa biex jiżguraw l-integrazzjoni edukattiva u s-suċċess ta' kulħadd; jenfasizza li l-miżuri speċifiċi għandhom jimmiraw lejn il-bniet Rom, abbażi ta’ każijiet ta’ suċċess li ġew validati mill-komunità akkademika;

52. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jallokaw fondi għall-bini ta' skejjel, kindergartens u skejjel tat-trabi b'aktar postijiet sabiex it-tfal Rom ikunu jistgħu jipparteċipaw fi klassijiet mat-tfal l-oħra mhux Rom, mingħajr ma jiġu diskriminati u jitħallew barra mis-sistema tal-edukazzjoni jew jiġu rifjutati mill-għalliema bħala riżultat tal-oriġini etnika tagħhom;

53. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu programmi sistematiċi ta' taħriġ dwar is-sensittività tal-ġeneri u l-ispeċifiċitajiet kulturali għas-servizzi soċjali u l-fornituri tal-kura tas-saħħa;

54. Jenfasizza li l-edukazzjoni tal-bniet Rom tgħin fit-titjib tal-ħajja tan-nies Rom b'bosta modi, hekk kif hija, fost affarijiet oħra, kundizzjoni kruċjali għaż-żieda fl-impjegabilità tan-nisa Rom, li tiffaċilita l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol u tipprovdi xi sigurtà tad-dħul, kif ukoll peress li hija essenzjali biex il-faqar u l-esklużjoni soċjali jiġu megħluba; josserva, barra minn hekk, li ż-żieda tal-għarfien tal-għalliema tal-kultura Rom tgħin tnaqqas l-esklużjoni; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jiġġieldu kontra s-segregazzjoni biex jiżguraw edukazzjoni aktar inklużiva u aċċessibbli u metodi tat-tagħlim sensittivi lejn il-kultura, l-involviment tal-assistenti tal-iskola bi sfond Rom u tal-ġenituri, li jagħtu prijorità lit-titjib tal-ħiliet professjonali skont id-domanda tas-suq tax-xogħol;

55. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw lin-nisa Rom bħala grupp fil-mira espliċitu għall-inizjattivi tas-saħħa tagħhom, speċjalment fir-rigward ta’ mard li huwa marbut b’mod qawwi mas-sistema ormonali femminili u/jew mal-faqar, bħall-osteoporożi, problemi muskuloskeletali u mard tas-sistema nervuża ċentrali; iħeġġeġ, barra minn hekk, li l-iscreening u l-prevenzjoni tal-kanċer tas-sider u tal-għonq tal-utru – inklużi vaċċini kontra l-papillomaviruses fil-bniedem – ikun totalment aċċessibbli u biex jimmiraw lejn kura tas-saħħa għal nisa tqal li huma diġà fl-ewwel trimestru tat-tqala tagħhom;

56.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess għas-saħħa, l-aktar permezz tal-parteċipazzjoni tal-NGOs tan-nisa Rom fid-disinn, l-implimentazzjoni, u l-evalwazzjoni tal-programmi tal-kura tas-saħħa u jiżguraw li n-nisa u l-bniet Rom ikunu jistgħu jagħmlu l-għażliet tagħhom dwar is-sesswalità, is-saħħa u l-maternità billi jiġu promossi l-ippjanar tal-familja, l-aċċess għall-medda sħuiħa ta' servizzi tal-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-edukazzjoni sesswali, u l-protezzjoni tat-tfal u l-addolexxenti mill-abbuż sesswali u ż-żwieġijiet kmieni, fejn tiġi prevenuta l-mortalità tat-trabi u tal-omm u l-fenomenu tal-isterilizzazzjoni furzata;

57. Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jippromwovu l-parteċipazzjoni bilanċjata bejn il-ġeneri tal-komunitajiet Rom fid-disinn, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-prevenzjoni tal-mard, it-trattament, il-kura u l-programmazzjoni ta’ appoġġ, kif ukoll fit-tnaqqis tal-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni fis-sistema tal-kura tas-saħħa;

58. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, jiżviluppaw u jimplimentaw politiki li jiżguraw li n-nisa Rom kollha, inklużi dawk li jappartjenu għal komunitajiet aktar imwarrba, ikollhom aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa primarja, ta’ urġenza u preventiva u biex jorganizzaw attivitajiet ta’ taħriġ maħsuba biex jeliminaw il-preġudizzji kontra l-popolazzjoni Rom, immirati lejn il-ħaddiema tas-settur tal-kura tas-saħħa;

59. Jistieden lill-Istati Membri jinvestigaw, jipprojbixxu u jħarrku diskriminazzjoni diretta u indiretta kontra n-nisa Rom fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom u fl-aċċess għal servizzi pubbliċi, u biex jipprevjenu kwalunkwe diskriminazzjoni ulterjuri; jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-isterjotipi razzisti kontra l-popolazzjoni Rom, u n-nisa Rom b’mod partikolari;

60. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jinkludu lir-Rom u partikolarment in-nisa Rom bħala grupp fil-mira speċifiku fil-programmi operattivi u l-programmi ta’ żvilupp taż-żoni rurali għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

61. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport ta' evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE f'kull Stat Membru; bl-istess mod jistieden lill-Kummissjoni tfassal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull Stat Membru biex jinkludu wkoll id-dimensjoni tal-ġeneri fi ħdan id-direttiva;

62. Jappella lill-Kunsill jilħaq ftehim dwar id-Direttiva għat-Trattament Indaqs dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament indaqs bejn il-persuni, irrispettivament mir-reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, sabiex jiżgura li kull bażi ta’ diskriminazzjoni, kif ukoll diskriminazzjoni multipla jsiru illegali f’kull sfera tal-ħajja; bl-istess mod jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jiżguraw li d-diskriminazzjoni intersezzjonali tkun inkluża f'din id-Direttiva;

63. Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa, bħall-vjolenza domestika, l-isfruttament sesswali u t-traffikar tal-persunni, b’attenzjoni speċjali għal nisa Rom, u biex jappoġġaw il-vittmi billi jinkludu objettivi speċifiċi biex jindirizzaw it-traffikar tan-nisa Rom fl-NRIS, u billi jiżguraw riżorsi xierqa għas-servizzi pubbliċi relatati u billi jipprovdu assistenza anke permezz ta’ servizzi mainstream, bħas-saħħa, l-impjieg u l-edukazzjoni; barra minn hekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni toffri appoġġ lill-inizjattivi governattivi u tas-soċjetà ċivili maħsuba biex jaffrontaw dawn il-problemi, filwaqt li jiżguraw id-drittijiet fundamentali tal-vittmi;

64. Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu man-nisa Rom biex joħolqu strateġiji ta’ għoti tas-setgħa li jirrikonoxxu l-identità intersezzjonali tagħhom u jippromwovu attivitajiet li jiġġieldu l-isterjotipi tal-ġeneri, li jimmiraw lejn in-nisa, l-irġiel, il-bniet u s-subien;

65. Jinnota li ż-żwiġijiet irranġati, iż-żwiġijiet tat-tfal u żwiġijiet furzati għadhom prevalenti bħala ‘prattiki tradizzjonali’, jenfasizza l-fatt li dawn il-prattiki huma ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li mhux biss għandhom impatt sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniet Rom, billi jżidu r-riskju ta’ kumplikazzjonijiet waqt it-tqala u t-twelid iżda wkoll li jesponu lill-bniet għall-abbuż u l-isfruttar sesswali, kif ukoll jipprekludu l-opportunitajiet edukattivi u ta’ xogħol;

66. Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Dwar Azzjoni Kontra t-Traffikar tal-Bniedem u biex jittrasponu bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bniedem u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu[7], b’mod partikolari bit-tisħiħ tal-identifikazzjoni, il-protezzjoni u l-assistenza għall-vittmi, b’enfasi speċjali fuq it-tfal;

67. Jitlob soluzzjonijiet Ewropej mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-problemi tan-nies Rom, b’kunsiderazzjoni tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu bħala ċittadini Ewropej, u l-ħtieġa ta’ kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet li jħabbat wiċċu magħhom dan il-grupp etniku;

68. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw l-iskambju ta’ informazzjoni u prattiki tajbin fl-integrazzjoni tan-nisa Rom fl-oqsma kollha tas-soċjetà;

69. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa sabiex iwaqqfu l-prattika li n-nisa Rom żgħażagħ li qegħdin jingħataw fi żwieġijiet irranġati, li jikkostitwixxu affront morali għad-dinjità tagħhom;

70. Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw b’mod urġenti l-bżonnijiet tan-nisa Rom akbar fl-età peress li huma wieħed mill-aktar gruppi vulnerabbli u huma nieqsa minn dħul xieraq u jeħtieġu aċċess għall-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul aktar ma jikbru;

71. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi strateġija komprensiva għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa kif mitlub mill-Parlament f’diversi riżoluzzjonijiet; jappella lill-Kummissjoni twassal strumenti legali, inkluża Direttiva Ewropea għall-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru;

72. Jitlob li jiġi promoss l-iżvilupp tal-lingwa u tal-kultura Rom, li jiġu żviluppati l-istrutturi amministrattivi kkonċernati mal-affarijiet tar-Rom, li l-politika Rom u l-implimentazzjoni tagħha jiġu msaħħa u li tiżdied il-parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet tar-Rom;

73. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
  • [2]  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
  • [3]  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p.283.
  • [4]  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p.112.
  • [5]  COM(2012) 226 final.
  • [6]  COM(2013) 460 final.
  • [7]  ĠU L 101, 15.4.2011, p.1.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (30.9.2013)

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar l-aspetti tal-ġeneru tal-Qafas Ewropew għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom
(2013/2066(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Edit Bauer

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' r-rapport ta' progress 2012 tal-Kummissjoni[1] u l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar miżuri effettivi għall-integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri[2] b'attenzjoni speċjali għall-aċċess għall-impjiegi, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, fejn l-Istati Membri jiġu mistiedna jintroduċu azzjonijiet pożittivi u jintegraw strateġiji għall-integrazzjoni tar-Rom fil-ġlieda tagħhom kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

2.  Jistieden lill-Istati Membri li jkunu rċevew, barra minn hekk, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż taħt is-Semestru Ewropew dwar kwistjonijiet b'rabta mar-Rom biex jimplimentawhom fil-pront u jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, inkluż fuq il-post tax-xogħol, jinvolvu lis-soċjetà ċivili – inklużi l-organizzazzjonijiet Rom – fit-teħid ta' deċiżjonijiet, u jallokaw fondi mhux biss tal-UE iżda wkoll nazzjonali u oħrajn għat-twettiq tal-impenji tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom (NRIS);

3.  Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha aktar mill-qrib u tuża l-istrumenti kollha tagħha biex tiżgura li l-Istati Membri jtejbu l-leġiżlazzjoni tagħhom u jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni;

4.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' opportunitajiet ta' impjieg u r-rati ta' impjieg baxxi fost in-nisa Rom, l-aktar minħabba n-nuqqas ta' opportunitajiet ta' xogħol u taħriġ, prattiki diskriminatorji, nuqqas ta' aċċess għall-edukazzjoni, u l-livell baxx tagħhom ta' edukazzjoni u taħriġ hija kwistjoni prinċipali; jenfasizza, għaldaqstant, li l-indirizzar aħjar tal-opportunitajiet tax-xogħol u r-rati ta' impjieg ogħla, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kemm fl-iskola kif ukoll fis-suq tax-xogħol huma fost l-għodod l-aktar importanti biex tinkiseb rata ta' impjieg ogħla, titnaqqas id-dipendenza fuq l-assistenza soċjali u jitnaqqas ir-riskju tal-faqar, u b'hekk tissaħħaħ l-awtonomija finanzjarja u titjieb l-inklużjoni soċjali tan-nisa Rom b'mod sinifikanti;

5.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jindirizzaw l-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod konsistenti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE2020 u l-programmi nazzjonali ta' riforma, u jagħtu prijorità għolja lill-indirizzar tal-ostakli għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tevalwa l-punt sa fejn l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom iqisu l-perspettiva tas-sessi u s-sitwazzjoni ta' diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali ffaċċjati min-nisa Rom fl-erba' oqsma ta' prijorità stabbiliti (impjiegi, saħħa, akkomodazzjoni u edukazzjoni) u, b'mod speċifiku, dawk dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-azzjonijiet ta' ħarsien tad-drittijiet fundamentali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw u jeliminaw l-ostakli għall-parteċipazzjoni tan-nisa Rom fis-suq tax-xogħol, u aktar minn hekk, jagħmlu enfasi xierqa fuq ir-rwol tan-nisa fil-motivazzjoni tat-tfal tagħhom u tal-membri tal-komunità tagħhom għall-edukazzjoni u aktar tard għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jeżaminaw l-ostakli għall-impjieg indipendenti ffaċjati min-nisa Rom, bl-għan li joħolqu programmi biex jippermettu reġistrazzjoni aċċessibbli, mgħaġġla u mhux għalja għall-intraprendituri nisa Rom u biex jagħmlu krediti – inklużi mikrokrediti – akkumpanjati minn programmi ta' gwida u taħriġ, aċċessibbli għalihom;

9.  Jistieden lill-Istati Membri joħolqu sistemi ta' self immirati lejn negozji żgħar li għadhom jibdew u l-intraprenditorija, fejn nisa Rom ikunu l-benefiċjarji ppreferuti;

10. Itenni l-fatt li n-nuqqasijiet fl-edukazzjoni tar-Rom għandhom dimensjoni tas-sessi importanti fejn skont id-data, ir-rata tal-litteriżmu tan-nisa Rom hija bejn wieħed u ieħor 68%, b'paragun ma' 81% għall-irġiel Rom, u fejn ir-rata tar-reġistrazzjoni fl-iskola primarja għall-bniet Rom hija biss ta' 64%; nuqqas li jista' jkun innutat ukoll fir-rigward tar-rati ta' reġistrazzjoni għall-kwalifiki vokazzjonali; josserva, ċertament, li f’dawn l-istatistiċi hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri;

11. Jenfasizza li aċċess limitat għall-edukazzjoni jżid ir-riskju ta' żwieġ u tqala kmieni, li jwassal għat-tluq kmieni mill-iskola, u li għandu wkoll il-konsegwenza li jillimita l-opportunitajiet ta' impjieg fil-ħajja adulta li, flimkien ma' fatturi oħra, jikkawża riskju ogħla ta' faqar; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-atturi rilevanti kollha jwaqqfu dan iċ-ċirku vizzjuż;

12. Għandu l-opinjoni li ż-żieda tal-edukazzjoni sesswali fost l-istudenti Rom jista' jkollha impatt pożittiv fit-tnaqqis tat-tluq mill-iskola, li ħafna drabi huwa konsegwenza ta' tqala u żwieġ kmieni;

13. Jistieden lill-Istati Membri jfasslu u jniedu programmi ta' ppjanar tal-familja (sensibilizzazzjoni, aċċessibilità finanzjarja) biex itejbu s-saħħa materna tan-nisa Rom; jistieden ukoll lill-Istati Membri jnaqqsu l-mortalità tat-trabi, il-mortalità materna, u l-ħlas kmieni permezz ta' kopertura u monitoraġġ kmieni tan-nisa tqal u konsultazzjonijiet dwar il-maternità;

14. Jistieden lill-Istati Membri, fl-implimentazzjoni tal-NRIS tagħhom u lill-Kummissjoni, fl-eżerċitar tal-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni ta' dawn l-istrateġiji, biex isaħħu l-prijorità tal-miżuri għall-edukazzjoni tal-bniet, il-ġlieda kontra t-tluq kmieni mill-iskola u l-assenteiżmu;

15. Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta wkoll perspettiva sensittiva lejn is-sessi fil-provvediment ta' servizzi tas-saħħa biex tiżgura aċċess għalihom mill-bniet u n-nisa minn komunitajiet Rom marġinalizzati;

16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw programmi sistematiċi ta' taħriġ dwar is-sensittività tas-sessi u l-ispeċifiċitajiet kulturali għas-servizzi soċjali u l-fornituri tal-kura tas-saħħa;

17. Jenfasizza li l-edukazzjoni tal-bniet Rom għandha impatt kumpless fit-titjib tal-ħajja tan-nies Rom, hekk kif hija, fost affarijiet oħra, kundizzjoni kruċjali għaż-żieda fl-impjieg tan-nisa Rom, li tiffaċilita l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol u tipprovdi xi sigurtà tad-dħul u hija essenzjali biex il-faqar u l-esklużjoni soċjali jiġu megħluba; josserva, barra minn hekk, li ż-żieda tal-għarfien tal-għalliema tal-kultura Rom tgħin tnaqqas l-esklużjoni; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jiġġieldu kontra s-segregazzjoni biex jiżguraw edukazzjoni aktar inklużiva u aċċessibbli u metodi tat-tagħlim sensittivi lejn il-kultura, l-involviment tal-assistenti tal-iskola bi sfond Rom, kif ukoll tal-ġenituri, li jagħtu prijorità lit-titjib tal-ħiliet għall-impjiegi skont id-domanda tas-suq tax-xogħol;

18. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess ugwali għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ mingħajr diskriminazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu programmi ta' taħriġ għall-għalliema bl-għan li tiżdied l-edukazzjoni tat-tfal Rom, b'mod partikolari tal-bniet; jenfasizza wkoll f'dan il-kuntest, l-importanza partikolari tal-gruppi ta' riferiment soċjali tal-bniet, il-ġenituri, il-qraba jew il-ħbieb, li għandhom rwol ewlieni fl-edukazzjoni u l-orjentazzjoni lejn ix-xogħol; jistieden ukoll lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni tal-bniet fil-proċess kollu anke permezz ta' appoġġ għall-individwi li għandhom l-aktar influwenza fuq iż-żgħażagħ;

19. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa edukazzjoni integrata, sensittiva lejn is-sessi u lejn il-kultura, li tagħmel l-edukazzjoni aktar attraenti għall-komunitajiet Rom marġinalizzati;

20. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-inklużjoni ta' azzjonijiet pożittivi fl-istrateġiji tar-riżorsi umani, bħal korsijiet ta' taħriġ, klassijiet tal-litteriżmu u apprendistati għan-nisa Rom, bħala mod ta' promozzjoni tal-impjegabilità tagħhom kemm fis-servizzi pubbliċi kif ukoll fis-settur privat;

21. Jenfasizza li ż-żgħażagħ Rom huma partikolarment vulnerabbli għall-qgħad u għandhom ir-riskju li jibqgħu esklużi fit-tul mis-soċjetà ġenerali, jiġifieri li huma jkunu sussegwentament esposti għal riskju akbar ta’ faqar; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza tal-promozzjoni tal-attendenza regolari fl-iskola u l-kompletar tal-edukazzjoni primarja u/jew sekondarja, kif ukoll it-taħriġ vokazzjonali fi stadju aktar tard, li jista', flimkien ma' politiki antidiskriminatorji stretti u l-ħolqien tal-impjiegi, iżid b'mod drammatiku l-impjieg fost iż-żgħażagħ Rom u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-sistemi ta' sigurtà soċjali tal-Istati Membri; jistieden ukoll lill-Istati Membri biex jipprovdu boroż ta' studju b'mira u mentoring lill-istudenti Rom fil-livell sekondarju u terz, sabiex numru dejjem ikbar ta' studenti Rom, b'mod partikolari l-bniet Rom, jistgħu jakkwistaw livell adegwat ta' edukazzjoni;

22. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni u l-passi meħtieġa biex iżidu l-parteċipazzjoni tan-nies Rom fit-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja, sabiex jiżdiedu l-possibbiltajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol u jitnaqqas il-faqar;

23. Jitlob għall-appoġġ u l-promozzjoni tad-dħul tal-popolazzjoni Rom fis-suq tax-xogħol; josserva li, sabiex ikunu ddifferenzjati s-servizzi u l-miżuri tax-xogħol ta' amministrazzjoni u sabiex ikunu żviluppati l-proċessi ta' gwida, jinħtieġu persunal ta' appoġġ u maniġers tal-każijiet b'esperjenza mar-Rom;

24. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu mentoring edukattiv speċifiku u sistema ta' appoġġ permezz ta' edukazzjoni bbażata fuq il-komunità u servizzi soċjali minn età żgħira tat-tfal sal-università għaż-żgħażagħ Rom, b'attenzjoni partikolari għall-kwistjonijiet dwar is-sessi;

25. Għandu l-fehma li l-aġġustament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali huwa neċessarju biex tiġi promossa ħajja diċenti għal kulħadd, filwaqt li jistimula l-parteċipazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol, itejjeb l-prospetti tal-impjiegi fis-suq tax-xogħol primarju u jiġġieled kontra d-diskriminazzjoni; jitlob li l-integrazzjoni tal-popolazzjoni Rom titrawwem u li s-servizzi soċjali u tas-saħħa jsiru aktar inklussivi u mmirati b'mod aktar effettiv;

26. Jinnota li t-titjib għall-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u l-isforzi dejjem ikbar biex ikun provdut aċċess ugwali għall-kwalità tal-faċilitajiet għall-kura tat-tfal għar-rikonċiljazzjoni tal-familja u l-ħajja tax-xogħol u għall-kwalità tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal, is-servizzi tal-iżvilupp tat-tfal u l-edukazzjoni bbażata fuq is-sħubija tal-ġenituri, b'mod partikolari f'żoni rurali, jkollu impatt pożittiv fuq l-integrazzjoni tar-Rom u l-inklużjoni professjonali tan-nisa Rom; jenfasizza f'dan il-kuntest, ir-responsabbiltà tal-Istati Membri biex jinvestu f'aktar persunal u l-kwalità tal-faċilitajiet għall-kura tat-tfal sabiex jinkisbu l-miri ta' Barċellona għall-faċilitajiet għall-kura tat-tfal;

27. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-Fondi Strutturali, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) sabiex titjieb kemm l-edukazzjoni kif ukoll is-sitwazzjoni ta' impjieg tar-Rom, biex ikollhom ċans reali ta' inklużjoni soċjali u jiskapulaw ir-rati għolja persistenti tal-faqar; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jissorveljaw il-progress fuq bażi regolari, b'mod partikolari fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ taż-żgħażagħ Rom, speċjalment in-nisa;

28. Jitlob biex jiġi żgurat trattament ugwali fid-djar u li titnaqqas l-insigurtà;

29. Jenfasizza li l-prevenzjoni tal-marġinalizzazzjoni għandha tibda mit-tfulija; iqis li huwa essenzjali li jiġi adottat approċċ immirat lejn ġenerazzjonijiet differenti ta' nisa sabiex titwaqqaf it-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-faqar;

30. Jistieden lill-Istati Membri biex jeliminaw is-segregazzjoni spazjali, l-evizzjonijiet sfurzati u l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar iffaċċjati min-nisa u l-irġiel Rom, u jwaqqfu politiki tal-akkomodazzjoni effettivi u trasparenti.

31. Jitlob li jiġi promoss l-iżvilupp tal-lingwa u tal-kultura Rom, li jiġu żviluppati l-istrutturi amministrattivi kkonċernati mal-affarijiet tar-Rom, li l-politika Rom u l-implimentazzjoni tagħha jiġu msaħħa u li tiżdied il-parteċipazzjoni fil-koperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet tar-Rom;

32. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjoni ta' vjolenza kontra n-nisa, il-vjolenza domestika u l-isfruttament sesswali fil-forom kollha tiegħu u biex jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin, li jaffettwa lil numru kbir ta' nisa Rom u li ħafna drabi jkunu riżultat tat-tifqir u l-esklużjoni soċjali ta' nisa Rom minħabba l-qgħad u n-nuqqas ta' edukazzjoni tagħhom.

33. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill li jgħidu li 'Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-interessi u d-diffikultajiet tan-nisa u l-bniet Rom' u biex titlob li tiġi applikata perspettiva tas-sessi fil-politiki u l-azzjonijiet kollha ta' inklużjoni tar-Rom;

34. Jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta approċċ sistematiku lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa Rom bħala aġenti ta' bidla li bħalissa huwa nieqes mill-NRIS.

35. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkludu bħala għan orizzontali l-bini tal-kapaċità u t-tisħiħ tan-nisa Rom fl-oqsma ta’ prijorità kollha tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Inklużjoni tar-Rom;

36. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkorporaw involviment aktar b'saħħtu u aktar effettiv tan-nisa Rom fl-implimentazzjoni tal-NRIS;

37. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-pajjiżi ta' adeżjoni mal-UE jiżguraw li l-istrateġiji nazzjonali jħeġġu t-tisħiħ, il-bini tal-kapaċità u programmi ta' tmexxija għan-nisa u l-bniet Rom, li għandhom rwol partikolari fil-proċess tal-bini tal-komunità;

38. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġbru, janalizzaw u jippubblikaw data statistika affidabbli diżaggregata skont is-sessi sabiex ikunu jistgħu jevalwaw u jaġġornaw kif xieraq l-istrateġiji kif ukoll ikejlu l-impatti tal-proġetti u l-interventi tal-istrateġiji fir-rigward tan-nisa Rom.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Heinz K. Becker, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Philippe Boulland, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Minodora Cliveti, Emer Costello, Frédéric Daerden, Sari Essayah, Richard Falbr, Marian Harkin, Danuta Jazłowiecka, Ádám Kósa, Jean Lambert, Verónica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Csaba Őry, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Ruža Tomašić, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Françoise Castex, Philippe De Backer, Anthea McIntyre, Ria Oomen-Ruijten, Evelyn Regner, Birgit Sippel, Tatjana Ždanoka

  • [1]  COM(2012) 226 finali.
  • [2]  COM(2013) 460 finali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.10.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Marije Cornelissen, Tadeusz Cymański, Zita Gurmai, Mikael Gustafsson, Lívia Járóka, Silvana Koch-Mehrin, Astrid Lulling, Elisabeth Morin-Chartier, Antonyia Parvanova, Raül Romeva i Rueda, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Marc Tarabella

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Kartika Tamara Liotard, Doris Pack, Angelika Werthmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Antolín Sánchez Presedo, Rui Tavares