RAPPORT dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa

24.10.2013 - (2013/2063(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Pilar del Castillo Vera

Proċedura : 2013/2063(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0353/2013
Testi mressqa :
A7-0353/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa

(2013/2063(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Settembru 2012 bl-isem ‘L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa’ (COM(2012)0529) u d-dokument ta’ ħidma mehmuż,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bl-isem ‘Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv’ (COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2010 bl-isem ‘Aġenda Diġitali għall-Ewropa’ (COM(2010)0245),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu dwar aġenda diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.ue,[1]

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru. 243/2012/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Jannar 2012 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali) (COM(2012)0011),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2011 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM(2011)0665),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom,

–   wara li kkunsidra l-ħidma tal-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) dwar mappa tal-istandards tal-cloud;

–   

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament u tal-Kunsill,

   wara li kkunsidra d-Direttiva 99/44/KE tal-Parlament u l-Kunsill dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom[2],

   wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data[3],

   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika, b'mod partikolari l-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern[4],

   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni[5],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0353/2013),

A. billi s-servizzi ta’ informatika remoti fil-forom varji, issa magħrufa b’mod komuni bħala l-‘cloud computing’, mhumiex ġodda iżda l-iskala, il-prestazzjoni u l-kontenut tal-cloud computing jikkostitwixxu avvanz sinifikanti għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT);

B.  billi l-cloud computing xorta attira l-attenzjoni fis-snin riċenti minħabba l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda u innovattivi tan-negozju fuq skala kbira, l-ispinta qawwija mill-bejjiegħa tal-cloud computing, l-innovazzjonijiet teknoloġiċi u ż-żieda fil-kapaċità tal-informatika, il-prezzijiet aktar baxxi u l-komunikazzjonijiet b'veloċità qawwija, kif ukoll minħabba l-benefiċċji ekonomiċi u ta’ effiċjenza potenzjali, inkluż f'termini tal-konsum tal-enerġija, li s-servizzi tal-cloud joffru lil kull tip ta’ utent;

C. billi l-introduzzjoni u l-iżvilupp tas-servizzi tal-cloud f'inħawi ftit li xejn popolati u f'inħawi mbiegħda jistgħu jikkontribwixxu sabiex jitnaqqas l-iżolament tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin jippreżentaw sfidi partikolarment serji minħabba d-disponibilità mhux suffiċjenti tal-infrastruttura meħtieġa;

D. billi l-benefiċċji għall-bejjiegħ fir-rigward tas-servizzi tal-cloud jikkonsistu pereżempju minn ħlasijiet għas-servizz, il-monetizzazzjoni tar-riżorsi informatiċi żejda u mhux użati biżżejjed, ekonomiji tal-kobor u l-possibbiltà ta’ klijentela magħluqa (l-hekk imsejjaħ effett lock-in) u l-użi sekondarji tal-informazzjoni tal-utent, bħal pereżempju għar-reklamar, b’kunsiderazzjoni xierqa għar-rekwiżiti tal-privatezza u l-protezzjoni tad-datapersonali; billi effett lock-in tal-klijentela jista’ jkollu żvantaġġi kompetittivi li madankollu jistgħu jiġu trattati permezz ta’ miżuri ta’ standardizzazzjoni raġonevoli u trasparenza aħjar dwar ftehim tal-liċenzja tal-proprjetà intellettwali;

E.  billi l-benefiċċji għall-utent fir-rigward tas-servizzi tal-cloud jikkonsistu minn spejjeż potenzjalment aktar baxxi, aċċess minn kullimkien, il-konvenjenza, l-affidabbiltà, l-iskalabilità u s-sigurtà;

F.  billi l-cloud computing jinvolvi wkoll riskji għall-utenti, b'mod partikulari fir-rigward ta' datasensittiva, u jeħtieġ li l-utenti jkunu konxji ta' dawn ir-riskji; billi jekk l-ipproċessar tal-cloud isir f’pajjiż partikolari, l-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż jista' jkollhom aċċess għad-dejta; billi dan għandu jitqies mill-Kummissjoni meta tressaq proposti u rakkomandazzjonijiet rigward il-Cloud Computing;

G. billi s-servizzi tal-cloud jobbligaw lill-utenti jgħaddu l-informazzjoni lil fornitur ta’ ħżin fil-cloud, li huwa parti terza, u dan iqajjem kwistjonijiet relatati mal-kontroll kontinwu u l-aċċess fuq l-informazzjoni tal-utenti individwali u l-protezzjoni tal-informazzjoni mill-fornitur innifsu, mill-utenti l-oħra tal-istess servizz u partijiet oħra; billi l-inkoraġġiment ta’ servizzi li jippermettu lill-utent u l-utent biss li jkollu aċċess għall-informazzjoni maħżuna, mingħajr ma l-fornituri tal-ħżin fil-cloud infushom ikollhom aċċess għal dik l-informazzjoni, jista’ jsolvi ftit mill-kwistjonijiet relatati ma' din il-problema;

H. billi ż-żieda fl-użu tas-servizzi tal-cloud ipprovduti minn numru limitat ta’ fornituri kbar ifisser li ammonti dejjem jikbru ta’ informazzjoni qed jinġabru f’idejn dawk il-fornituri, b’hekk jiġu mkabbra l-effiċjenzi tagħhom, iżda jiżdiedu wkoll ir-riskji ta’ telf katastrofiku ta’ informazzjoni, ta’ punti ċentralizzati ta’ falliment li jistgħu jdgħajfu l-istabbilità tal-Internet u ta’ aċċess għall-informazzjoni minn partijiet terzi;

I.   billi r-responsabbiltajiet u l-obbligi tal-partijiet interessati kollha involuti fis-servizzi tal-cloud computing għandhom jiġu ċċarati, b’mod partikolari billi huma jinvolvu s-sigurtà u r-rispett tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta;

J.   billi s-suq għas-servizzi tal-cloud jidher mifruq bejn il-linji tal-konsumatur u dawk tan-negozju;

K. billi għall-utenti kummerċjali, is-servizzi tal-cloud standardizzati jistgħu, jekk jissodisfaw il-ħtiġijiet partikolari tal-utent, ikunu mezz attraenti biex l-ispiża kapitali tiġi kkonvertita fi spiża operattiva u jippermettu d-disponibbiltà mgħaġġla u l-iskalar ta’ kapaċità addizzjonali ta' ħażna u pproċessar;

L.  billi għall-konsumaturi, il-fatt li l-fornituri ta’ sistemi operattivi għal tipi varji ta’ tagħmir tal-konsumatur, b’mod partikolari, qegħdin aktar iressqu lill-konsumaturi – permezz tal-użu ta’ settings prestabbiliti, eċċ – lejn l-użu tas-servizzi tal-cloud proprjetarji, ifisser li dawn il-fornituri qed joħolqu klijentela magħluqa u jiġbru l-informazzjoni tal-utenti tagħhom;

M. billi l-użu ta’ servizzi tal-cloud esterni fis-settur pubbliku għandu jiġi meqjus b’kawtela b’rabta ma’ riskji akbar fir-rigward tal-informazzjoni dwar iċ-ċittadini u mat-twettiq fiż-żgur tal-funzjonijiet tas-servizz pubbliku;

N. billi, minn perspettiva ta’ sigurtà, l-introduzzjoni tas-servizzi tal-cloud tfisser li r-responsabbiltà għaż-żamma tas-sigurtà tal-informazzjoni li tappartjeni għal kull utent individwali tgħaddi mill-individwu għall-fornitur, biex b’hekk jiżdied il-bżonn li jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizz ikollhom il-kapaċità legali li jipprovdu soluzzjonijiet sikuri u sodi għall-komunikazzjoni;

O. billi l-iżvilupp tas-servizzi tal-cloud se jżid l-ammont ta’ data trażmessa u d-domanda għall-bandwidth, veloċità aktar qawwija ta’ upload u għal broadband ta’ veloċità qawwija aktar disponibbi;

P.  billi l-kisba tal-objettivi tal-Aġenda Diġitali tal-Ewropa, b’mod partikolari l-użu tal-broadband u l-aċċess għalih għal kulħadd, is-servizzi pubbliċi transkonfinali u l-għanijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, hija pass meħtieġ jekk l-UE trid tibbenefika bis-sħiħ mill-benefiċċji li l-cloud computing għandu x’joffri;

Q. billi kien hemm ċerti żviluppi riċenti fir-rigward ta' ksur ta’ sigurtà u b’mod partikolari l-iskandlu ta’ spjunaġġ PRISM;

R.  billi hemm nuqqas ta’ ċentri ta’ servers fl-Ewropa;

S.  billi s-Suq Uniku Diġitali huwa fattur ewlieni biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, li jagħti spinta sinifikattiva lill-isforzi biex jinkisbu l-objettivi tal-Att dwar is-Suq Uniku u biex tingħata tweġiba għall-kriżi ekonomika u finanzjarja li qed taffettwa l-UE;

T.  billi l-provvista ta' broadband b’kopertura mal-UE kollha, aċċess universali u ugwali għas-servizzi tal-internet għaċ-ċittadini kollha u l-garanzija ta’ newtralità tan-network huma prerekwiżiti essenzjali għall-iżvilupp ta’ sistema Ewropea tal-cloud computing;

U. billi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, fost l-oħrajn, hija maħsuba biex iżżid l-użu tal-broadband fl-Ewropa;

V. billi l-cloud computing għandu jistimola l-integrazzjoni tal-SMEs bis-saħħa tat-tnaqqis tal-ostakli għad-dħul fis-suq (e.ż. billi jitnaqqsu l-ispejjeż tal-infrastruttura tal-informatika);

W. billi huwa essenzjali għas-sistema Ewropea tal-cloud computing li l-istandards legali Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data jkunu ggarantiti;

X. billi l-iżvilupp tal-cloud computing għandu jgħin biex titħeġġeġ il-kreattività għall-benefiċċju kemm tas-sidien tad-drittijiet kif ukoll tal-utenti; billi, barra minn hekk, id-distorsjonijiet fis-Suq Uniku għandhom jiġu evitati fil-proċess u l-kunfidenza tal-konsumaturi u n-negozji fil-cloud computing għandha tingħata spinta;

Ġenerali

1.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa u japprova l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa approċċ koerenti għas-servizzi tal-cloud imma jqis li, sabiex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi stipulati mill-istrateġija, strument leġislattiv kien ikun aktar adegwat f'ċerti aspetti;

2.  Jenfasizza li l-politiki li jippermettu l-infrastruttura tal-komunikazzjoni b’kapaċità għolja u sikura huma element kruċjali għas-servizzi kollha li jiddependu fuq il-komunikazzjonijiet, inklużi s-servizzi tal-cloud, iżda jenfasizza li minħabba l-baġit limitat tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-appoġġ għall-introduzzjoni tal-broadband jeħtieġ li jkun issupplimentat b’assistenza provduta minn programmi u inizjattivi oħra tal-Unjoni, inklużi l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej;

3.  Jenfasizza li s-servizzi tal-cloud għandhom joffru s-sigurtà u l-affidabbiltà proporzjonati maż-żieda fir-riskji li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni ta’ datau informazzjoni fil-pussess ta’ numru limitat ta’ fornituri;

4.  Jenfasizza li l-liġi tal-Unjoni għandha tkun newtrali u, sakemmma jkunxkemm raġunijiet konvinċenti ta’ interess pubbliku, m’għandhomx jiġu adattati biex jiffaċilitaw jew ifixklu l-mudell jew is-servizz ta’ negozju legali;

5.  Jenfasizza li strateġija dwar il-cloud computing għandha tinkludi aspetti kollaterali bħall-konsum enerġetiku taċ-ċentri tad-datau kwistjonijiet ambjentali relatati;

6.  Jenfasizza l-possibilitajiet enormi li joffri l-aċċess għal dataminn kwalunkwe tagħmir konness mal-internet;

7.  Jenfasizza l-interess evidenti, minn perspettiva duwali, li l-UE jkollha aktar ċentri tas-servers fit-territorju żona tagħha: f'termini tal-politika industrijali, din tippermetti sinerġiji msaħħa mal-objettivi ta’ tnedija għan-Netwerks ta' Aċċess tal-Ġenerazzjonili Jmiss (NGA) stipulati fl-Aġenda Diġitali, u, f'termini tar-reġim tal-protezzjoni tad-datatal-Unjoni, din trawwem il-fiduċja billi tiżgura s-sovranità tal-UE fuq is-servers tagħha.

8.  Jissottolinja l-importanza tal-kompetenza diġitali fost iċ-ċittadini kollha u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw kunċetti dwar kif jippromwovu l-użu sikur tal-Internet inkluż is-servizzi tal-cloud computing;

Il-cloud bħala strument għat-tkabbir u l-impjiegi

9.  Jenfasizza li, minħabba l-potenzjal ekonomiku tal-cloud li jżid il-kompetittività globali tal-Ewropa, dan jista’ jsir strument b’saħħtu għat-tkabbir u l-impjiegi;

10. Jenfasizza, b’hekk, li l-iżvilupp tas-servizzi tal-cloud, fl-assenza jew fid-disponibilità mhux suffiċjenti ta’ infrastruttura tal-broadband, jirriskja li jkabbar id-distakk diġitali bejn l-inħawi urbani u dawk rurali, li tibqa’ tagħmel iktar diffiċli li jinkisbu l-koeżjoni territorjali u t-tkabbir ekonomiku reġjonali;

11. Jenfasizza li l-Unjoni tiffaċċja pressjonijiet multipli u simultanji dwar it-tkabbir tal-PGD fi żmien meta l-kamp ta’ applikazzjoni biex jiġi stimulat it-tkabbir mill-fondi pubbliċi huwa limitat b’livelli għolja ta’ dejn u ta’ defiċit, u jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri jimmobilizzaw kull lieva ta’ tkabbir possibbli; jinnota li l-cloud computing jista’ jevolvi fi żvilupp trasformattiv fis-setturi kollha tal-ekonomija, b’rilevanza speċjali f’oqsma bħall-kura tas-saħħa, l-enerġija, is-servizzi pubbliċi u l-edukazzjoni;

12. Jenfasizza li l-qgħad, inkluż il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul, laħaq livelli għolja inaċċettabbli fl-Ewropa u x’aktarx jibqa’ għoli fil-futur qrib, u li hija meħtieġa azzjoni determinata u urġenti fil-livelli politiċi kollha; jinnota li l-ħiliet elettroniċi u l-azzjonijiet ta’ edukazzjoni diġitali fil-cloud computing jistgħu, konsegwentement, ikunu ta’ importanza straordinarja sabiex jiġi indirizzat l-qgħad li qiegħed jiżdied, speċjalment fost iż-żgħażagħ;

13. Jenfasizza l-bżonn ta’ aktar kompetenza diġitali fost l-utenti u li t-taħriġ juri l-benefiċċji li jista’ jingħata mill-cloud computing; ifakkar il-ħtieġa li jonħolqu aktar skemi ta’ kwalifika għal speċjalisti li jimmaniġjaw is-servizzi tal-cloud computing;

14. Jenfasizza li l-SMEs huma fil-qalba tal-ekonomija tal-UE u li hemm bżonn ta’ aktar azzjonijiet sabiex tiġi promossa l-kompetittività globali tal-SMEs tal-UE u biex jitwaqqaf l-aħjar ambjent possibbli għall-użu ta’ żviluppi teknoloġiċi ġodda promettenti, bħall-cloud computing, li jista’ jkollhom impatt kbir fuq il-kompetittività tan-negozji tal-UE;

15. Jinsisti dwar l-impatt pożittiv tas-servizzi tal-cloud computing fuq l-SMEs, partikolarment dawk stabbiliti f’żoni remoti jew ultraperiferiċi jew f’inħawi li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet ekonomiċi, peress li dawn is-servizzi jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-ispejjeż fissi għall-SMEs billi jippermettulhom li jikru kapaċità u ħażna kompjuterizzati, u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra qafas xieraq li jippermetti lill-SMEs iżidu t-tkabbir u l-produttività tagħhom, peress li l-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis fl-infiq bil-quddiem u aċċess imtejjeb għal għodod analitiċi;

16. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkomunikaw il-potenzjal ekonomiku tal-cloud computing, b’mod partikolari, lill-SMEs;

17. Jinnota li l-UE għandha tisfrutta l-fatt li din it-teknoloġija hija f'fażi relattivament bikrija u li trid tinvesti fl-iżvilupp tagħha sabiex tibbenefika mill-ekonomiji ta’ skala li hija mistennija toffri u b’hekk terġa’ tagħti ħajja lill-ekonomija tal-Unjoni, partikolarment fis-settur tal-ICT;

Is-suq tal-UE u l-cloud

18. Jenfasizza li s-suq intern għandu jibqa’ miftuħ għall-fornituri kollha li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni, minħabba li l-fluss ħieles globali tas-servizzi u l-informazzjoni jżid il-kompetittività u l-opportunitajiet għall-industrija tal-Unjoni u l-benefiċċji taċ-ċittadini tal-Unjoni;

19. Jiddispjaċih dwar l-indikazzjonijiet ta’ aċċess governattiv massiv, pervażiv u indiskriminat għall-informazzjoni relatata mal-utenti tal-Unjoni maħżuna fi clouds ta’ pajjiżi terzi u jitlob lill-fornituri tas-servizzi tal-cloud sabiex ikunu trasparenti dwar kif jimmaniġjaw l-informazzjoni li l-konsumaturi jagħtuhom permezz tal-użu tas-servizzi tal-cloud;

20. Jinsisti li, sabiex jingħeleb ir-riskju li l-informazzjoni tkun aċċessibbli b’mod dirett jew indirett minn gvernijiet barranin, fejn tali aċċess ma jkunx permess skont il-liġi tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha:

(i)  tiżgura li l-utenti jkunu konxji minn dan ir-riskju, anke billi tappoġġja l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) biex tiġi attivata l-pjattaforma ta’ informazzjoni ta’ interess pubbliku fid-Direttiva Servizz Universali, u

(ii) tisponsorizza r-riċerka f'teknoloġiji rilevanti u t-tnedija kummerċjali jew l-akkwist pubbliku ta' dawn it-teknoloġiji, bħall-ikkodifikar u l-anonimizzazzjoni, li jippermettu li l-utenti jassiguraw l-informazzjoni tagħhom b’mod faċli;

(iii) tinvolvi lill-ENISA fil-verifika tal-istandards minimi tas-sigurtà u tal-privatezza tas-servizzi tal-cloud computing offruti lill-konsumaturi Ewropej u, b’mod partikolari, lis-settur pubbliku;

21. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi sistema ta’ ċertifikazzjoni għall-UE kollha li tkun tista’ tipprovdi inċentiv għall-iżviluppaturi u l-fornituri tas-servizzi tal-cloud computing biex jinvestu fi protezzjoni aħjar tal-privatezza;

22. Jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-industrija tal-Unjoni u partijiet interessati oħra, biex tidentifika oqsma fejn approċċ speċifiku tal-Unjoni jista’ jkun partikolarment attraenti fuq livell globali;

23. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat suq tal-Unjoni kompetittiv u trasparenti sabiex l-utenti kollha tal-Unjoni jiġu pprovduti b’servizzi sikuri, sostenibbli, finanzjarjament aċċessibbli u affidabbli; jappella għal metodu sempliċi u trasparenti li jidentifika d-difetti fis-sigurtà b’mod li l-fornituri tas-servizz fis-suq Ewropew ikollhom inċentiv suffiċjenti u xieraq biex dawn id-difetti jiġu rimedjati;

24. Jenfasizza li l-fornituri kollha tal-cloud li joperaw fl-Unjoni għandhom jikkompetu b’kundizzjonijiet ekwi, u li l-istess regoli applikabbli għal kulħadd;

L-akkwist pubbliku, l-akkwist ta’ soluzzjonijiet innovattivi, u l-cloud

25. Jenfasizza li l-użu tas-servizzi tal-cloud mis-settur pubbliku għandu l-potenzjal li jnaqqas l-ispejjeż għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u jipprovdi servizzi aktar effiċjenti liċ-ċittadini, filwaqt li l-effett ta’ lieva diġitali għas-setturi kollha tal-ekonomija jkun ta’ benefiċċju kbir; jirrimarka li s-settur privat jista’ wkoll jieħu vantaġġ minn dawk is-servizzi tal-cloud għall-akkwist ta’ soluzzjonijiet innovattivi;

26. Jinkoraġġixxi l-amministrazzjonijiet pubbliċi jikkunsidraw servizzi ta’ cloud mingħajr periklu, affidabbli u sikuri fl-akkwist tal-IT, filwaqt li jissottolinja r-responsabbiltajiet partikolari tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni relatata maċ-ċittadini, l-aċċessibbiltà u l-kontinwità tas-servizz;

27. B’mod partikolari, jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-użu tas-servizzi tal-cloud, fejn xieraq, sabiex tkun ta’ eżempju għal oħrajn;

28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-ħidma tas-Sħubija Ewropea tal-Cloud;

29. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-cloud computing qasam prijoritarju għall-programmi tar-riċerka u tal-iżvilupp, u jippromovuh fis-settur amministrattiv pubbliku bħala soluzzjoni elettronika innovattiva tal-gvern fl-interess tal-pubbliku, kif ukoll fis-settur privat bħala għodda innovattiva għall-iżvilupp tan-negozju;

30. Jisħaq li l-użu tas-servizzi tal-cloud mill-awtoritajiet pubbliċi, inklużi mill-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi u l-istituzzjonijiet tal-UE, jeħtieġ kunsiderazzjoni u koordinazzjoni speċjali bejn l-Istati Membri; ifakkar li l-integirtà u s-sigurtà tad-data jridu jiġu ggarantiti u li l-aċċess mhux awtorizzat, inkluż minn gvernijiet barranin u s-servizzi tagħhom tal-intelligence mingħajr bażi ġuridiku skont id-dritt tal-Unjoni tal-Istat Membru, ikun prevenut; jisħaq li dan japplika wkoll għal attivitajiet ta’ pproċessar speċifiċi li jsiru minn ċerti servizzi mhux governattivi essenzjali li għandhom aċċess għal data personali, b'mod partikolari l-ipproċessar ta' kategoriji speċifiċi ta' data personali, bħalma huma l-banek, il-kumpaniji tal-assikurazzjoni, fondi ta' pensjoni, l-iskejjel u l-isptarijiet; barra minn hekk, jenfasizza li dan kollu msemmi hawn fuq huwa ta’ importanza partikolari jekk id-data qed tiġi trasferita (barra mill-Unjoni Ewropea bejn ġurisdizzjonijiet differenti); huwa tal-fehma, għalhekk, li l-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll is-servizzi mhux governattivi u s-settur privat għandhom, kemm jista' jkun, joqogħdu fuq il-fornituri ta' cloud tal-UE meta jipproċessaw data u informazzjoni sensittivi sa ma jkunu ddaħħlu regoli globali sodisfaċenti dwar il-protezzjoni tad-data, billi tkun żgurata s-sigurtà ta' data sensittiva, u tal-bażijiet ta' datamiżmuma minn entitajiet pubbliċi;

L-istandards u l-cloud

31. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol ewlieni fil-promozzjoni ta' standards u speċifikazzjonijiet li jappoġġjaw servizzi tal-cloud li jirrispettaw l-privatezza, li jkunu affidabbli, ferm interoperabbli, sikuri u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bħala parti integrali ta’ politika industrijali tal-futur tal-Unjoni; jenfasizza li l-affidabbiltà, is-sigurtà u l-protezzjoni tad-datahuma meħtieġa għall-fiduċja tal-konsumatur u l-kompetittività;

32. Jenfasizza li l-istandards huma bbażati fuq eżempji tal-aħjar prattiki;

33. Jinsisti li l-istandards għandhom jippermettu l-portabbiltà faċli u sħiħa tad-data u tas-servizzi, u grad għoli ta’ interoperabilità bejn is-servizzi tal-cloud sabiex tiżdied u mhux tiġi limitata l-kompetittività;

34. Jilqa’ l-immappjar ta’ standards li ġew fdati lill-ETSI, u jenfasizza l-importanza li jkun hemm kontinwità ta’ proċess miftuħ u trasparenti;

Il-konsumaturi u l-cloud

35. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-tagħmir għall-konsumatur ma jagħmilx użu mis-servizzi tal-cloud b’mod awtomatiku jew jiġi ristrett għal kwalunkwe fornitur speċifiku tas-servizz tal-cloud;

36. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe ftehim kummerċjali bejn operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u fornituri tal-cloud ikun konformi bis-sħiħ mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE u li jippermettu aċċess sħiħ tal-konsumaturi għal kull servizz tal-cloud li juża konnessjoni tal-internet minn kwalunkwe operatur tat-telekomunikazzjonijiet;

37. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-prerogattiva tagħha, li għalissa għadha mhux użata, skont id-Direttiva 1999/5 (id-Direttiva RTTE), li titlob li t-tagħmir ikun jinkorpora salvagwardji li jipproteġu l-informazzjoni tal-utenti;

38. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jrawmu kuxjenza fil-konsumaturi dwar ir-riskji kollha relatati mal-użu tas-servizzi tal-cloud;

39. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-konsumaturi, meta jintalbu li jaċċettaw jew inkella jiġu offruti servizz tal-cloud, l-ewwel jingħataw l-informazzjoni meħtieġa biex jieħdu deċiżjoni motivata, b’mod partikolari meta tkun ikkonċernata l-ġurisdizzjoni li tkopri d-datamaħżuna f’dawn is-servizzi tal-cloud;

40. Jenfasizza li l-informazzjoni mogħtija għandha tidentifika, fost affarijiet oħra, min hu l-fornitur aħħari tas-servizz u kif is-servizz huwa ffinanzjat; jenfasizza, barra minn hekk, li jekk is-servizz ikun iffinanzjat billi tintuża l-informazzjoni tal-utenti għall-iskop ta’ reklamar jew biex jippermetti lill-oħrajn jagħmlu hekk, dan għandu jiġi żvelat lill-utent;

41. Jenfasizza li l-informazzjoni għandha tkun f’format standardizzat, portabbli, li jinftiehem faċilment u komparabbli;

42. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora miżuri xierqa għall-iżvilupp ta’ livell minimu aċċettabbli tad-drittijiet tal-konsumatur fir-rigward tas-servizzi tal-cloud, li jkopru kwistjonijiet bħall-privatezza, il-ħżin tad-dataf’pajjiżi terzi, ir-responsabbiltà għal datamitlufa u kwistjonijiet oħra ta’ interess sinifikanti għall-konsumaturi;

43. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jadottaw miżuri speċifiċi dwar l-użu u l-promozzjoni tal-cloud computing fir-rigward ta’ aċċess miftuħ u riżorsi edukattivi miftuħa;

Il-proprjetà intellettwali, il-liġi ċivili, eċċ, u l-cloud

44. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tarmonizza aktar il-liġijiet fl-Istati Membri sabiex tiġi evitata l-konfużjoni u l-frammentazzjoni ġurisdizzjonali u biex tassigura li jkun hemm trasparenza fis-suq uniku diġitali;

45. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni l-oħra tal-UE biex tindirizza n-nuqqasijiet relatati mal-cloud computing; jitlob b’mod partikolari li tiġi kjarifikata s-sistema tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u għal rieżami tad-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali, id-Direttiva dwar Klawżoli Inġusti fil-Kuntratti u tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, li huma l-atti legiżlattivi tal-Unjoni l-aktar rilevanti applikabbli għall-cloud computing;

46. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas legali ċar fil-qasam tal-kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur fil-cloud, speċjalment fir-rigward tar-regolamenti ta’ liċenzjar;

47. Jirrikonoxxi li l-introduzzjoni tal-ħżin ta' xogħlijiet protetti mis-servizzi tal-cloud computing m'għandhiex tikkomprometti d-dritt tad-detenturi tad-drittijiet Ewropej li jirċievu kumpens ġust għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, iżda jistaqsi jekk dawn is-servizzi jistgħux jitqiesu li huma ugwali għall-midja u t-tagħmir tradizzjonali u diġitali tal-irrekordjar u tal-ħżin.

48. Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga t-tipi differenti ta' servizzi tal-cloud computing, kif il-ħżin fil-cloud ta' xogħlijiet protetti jolqot lis-sistemi tal-ħlas tad-drittijiet tal-awtur u, aktar speċifikament, il-modi ta' kif l-imposti tal-ikkuppjar privat li huma relevanti għal ċerti tipi ta' servizzi tal-cloud computing jiġu imposti;

49. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp, b'mod konġunt mal-partijiet konċernati, tas-servizzi diċentralizzati msejsa fuq softwer bla ħlas u minn sors miftuħ li jaf jgħin l-armonizzazzjoni tal-prattiki fost l-fornituri tal-cloud u jippermetti liċ-ċittadini tal-UE jerġgħu jiksbu kontroll fuq id-datau l-komunikazzjonijiet personali tagħhom, pereżempju permezz tal-kodifikazzjoni minn punt sa punt;

50. Jenfasizza li, minħabba inċertezzi dwar il-liġi applikabbli u l-ġurisdizzjoni, il-kuntratti huma l-għodod prinċipali għall-istabbiliment tar-relazzjonijiet bejn il-fornituri tal-cloud u l-klijenti tagħhom, u li għalhekk hemm bżonn ċar ta' linji gwida komuni tal-UE f'dal-qasam;

51. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-Istati Membri biex jiżviluppaw mudelli tal-aħjar prattika għall-kuntratti tal-UE, jew ‘mudelli ta’ kuntratti’, li jiżguraw trasparenza totali billi jipprovdu t-termini u l-kundizzjonijiet f’format ċar ħafna;

52. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, flimkien mal-partijiet interessati, l-iskemi volontarji ta’ ċertifikazzjoni għas-sistemi ta’ sigurtà tal-fornitur li jgħinu biex jarmonizzaw il-prattiki tal-fornituri tal-cloud u li jagħmlu lill-klijenti aktar konxji ta’ dak li għandhom jistennew mill-fornituri tas-servizz tal-cloud;

53. Jenfasizza li, minħabba problemi ta’ ġurisdizzjoni, il-konsumaturi fl-UE fil-prattika għandhom anqas probabbiltà li jkunu jistgħu jfittxu rimedju legali mill-fornituri tas-servizzi tal-cloud f’ġurisdizzjonijiet oħrajn; jitlob għalhekk, lill-Kummissjoni tipprovdi mezzi adegwati ta’ rimedju fil-qasam tas-servizzi tal-konsumatur, peress li hemm żbilanċ qawwi ta’ poter bejn il-konsumaturi u l-fornituri ta’ cloud computing;

54. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni rapida tar-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim u r-Riżoluzzjoni tat-Tilwim Online u biex tiżgura li l-konsumaturi jkunu mgħammra b’mezzi ta’ rimedju kontra l-ksur tas-sigurtà u l-privatezza adegwati kif ukoll kontra d-dispożizzjonijiet kuntrattwali illegali għas-servizzi tal-cloud;

55. Jiddispjaċih għan-nuqqas attwali ta’ rimedji effettivi għall-utenti f’każ ta’ ksur tal-kuntratt;

56. Jappella sabiex l-informazzjoni sistematika għall-konsumaturi dwar l-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ datapersonali tkun inkluża fil-proposti ta’ kuntratt, kif ukoll li l-kunsens tal-utenti jkun obbligatorju qabel ma jkunu jistgħu jinbidlu t-termini tal-kuntratt;

57. Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas tad-diskussjonijiet tal-grupp ta' esperti, biex tesiġi li l-fornituri tal-cloud jinkludu fil-kuntratti ċerti klawżoli importanti li jiggarantixxu l-kwalità tas-servizz, bħal obbligi li jaġġornaw softwer u ħardwer fejn ikun meħtieġ, biex jiddeterminaw x’jiġri jekk id-data tintilef, u jiddeterminaw iż-żmien li jkun jinħtieġ biex issolvu l-problema jew kemm is-servizz tal-cloud ikun jista’ jneħħi malajr materjali li joffendu, jekk l-utent tal-cloud jitlob li dan isir;

58. Ifakkar li, fejn fornitur tal-cloud juża d-data għal skop differenti mill-iskop miftiehem skont il-ftehim tas-servizz, jew jikkomunika d-data jew jużaha b’mod kuntrarju għat-termini tal-kuntratt, huwa għandu jitqies bħala kontrollur tad-data u għandu jinżamm responsabbli għall-ksur li jkun sar;

59. Jenfasizza li l-arranġamenti ta' servizzi tal-cloud iridu jiddelineaw, b'mod ċar u trasparenti, id-dmirijiet u l-jeddijiet tal-partijiet dwar l-attivitajiet ta' proċessar tad-data mill-fornituri tal-cloud; jirrimarka li l-arranġamenti kontrattwali ma jfissrux it-tneħħija tas-salvagwardji, jeddijiet u protezzjonijiet mogħtijin mid-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposti biex jinkiseb lura l-bilanċ bejn il-fornituri tas-servizzi tal-cloud u l-klijenti tagħhom fir-rigward tat-termini u l-kundizzjonijiet użati mis-servizzi tal-cloud, li jinkludu d-dispożizzjonijiet;

  li jiżguraw il-protezzjoni kontra l-kanċellazzjoni arbitrarja tas-servizzi u t-tħassir tad-data;

  li jiggarantixxu lill-klijenti l-opportunità raġonevoli biex jiksbu lura data maħżuna fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ servizz u/jew it-tneħħija ta’ data;

  li jagħtu linji gwida ċari għall-fornituri tal-cloud biex jiffaċilitaw il-migrazzjoni faċli tal-klijenti tagħhom lejn servizzi oħra;

60. Jenfasizza li r-rwol tal-fornitur tas-servizz tal-cloud skont il-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni jeħtieġ li jkun determinat fuq bażi ta’ każ b'każ, peress li l-fornituri jistgħu jkunu kemm proċessuri tad-data u anke kontrolluri tad-data; jitlob li t-termini u l-kundizzjonijiet għall-utenti kollha jitjiebu billi jiġu żviluppati mudelli internazzjonali tal-aħjar prattika għall-kuntratti u billi jiġi ċċarat fejn il-fornitur tas-servizz jaħżen id-data u skont liema qasam tal-liġi fl-UE;

61. Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjonijiet fejn l-iżbilanċ fis-sitwazzjoni kuntrattwali bejn il-klijent u l-fornitur tal-cloud iwassal sabiex il-klijent jidħol f’arranġamenti kuntrattwali li jimponu servizzi standard u kuntratt li għandu jiġi ffirmat, fejn il-fornitur jiddefinixxi l-iskopijiet, il-kundizzjonijiet, il-mezzi tal-ipproċessar[6]; jisħaq li f’tali ċirkostanzi, il-fornitur tal-cloud għandu jiġi kkunsidrat bħala “kontrollur tad-data” u jidħol responsabbli flimkien mal-klijent;

Il-protezzjoni tad-data, id-drittijiet fundamentali, l-infurzar tal-liġi u l-cloud

62. Huwa tal-fehma li l-aċċess għal Internet sikur huwa jedd fundamentali ta’ kull ċittadin u li l-cloud computing se jkompli jkollu rwol importanti f’dan l-aspett; itenni għalhekk, l-istedina lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirrikonoxxu b’mod mhux ekwivoku l-libertajiet diġitali bħala jeddijiet fundamentali u bħala prerekwiżiti indispensabbli għat-tgawdija ta’ jeddijiet tal-bniedem universali;

63. Itenni li, bħala regola ġenerali, il-livell tal-protezzjoni tad-data f’ambjent ta’ cloud computing m’għandux ikun inferjuri għal dak li hu meħtieġ fi kwalunkwe kuntest ieħor ta’ pproċessar ta’ data;

64. Jenfasizza li l-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, billi hi teknoloġikament newtrali, diġà tapplika kollha kemm hi għas-servizzi tal-cloud computing li joperaw fl-UE u għalhekk għandha tiġi rispettata għalkollox; jenfasizza li l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 (WP29) dwar il-Cloud Computing[7] għandha tittieħed f'kunsiderazzjoni billi tagħti gwida ċara għall-applikazzjoni tal-prinċipji u r-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data għas-servizzi tal-cloud, bħalma huma l-kunċetti ta' kontrollur/proċessur, limitazzjoni tal-iskop u proporzjonalità, integrità u sigurtà tad-data, l-użu tas-sottokuntratturi, l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet, il-ksur tad-data u t-trasferimenti internazzjonali; jissottolinja l-ħtieġa li jitneħħew il-lakuni fil-protezzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-cloud computing fir-rieżami li għaddej tal-qafas ġuridiku tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data msejjes fuq aktar gwida mis-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data u d-WP29;

65. Ifakkar fit-tħassib gravi tiegħu dwar l-iżvelar reċenti tal-programmi ta' sorveljanza tal-Aġenzija Nazzjonali tas-Sigurtà tal-Istati Uniti, u ta' programmi simili mħaddmin mill-aġenziji tal-intelligence f'diversi Stati Membri, fir-rikonoxximent li, kemm-il darba l-informazzjoni disponibbli sa issa tkun kkonfermata, dawn il-programmi jkunu jirrappreżentaw vjolazzjoni gravi tal-jedd fundamentali taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, kif ukoll għall-jedd għall-ħajja privata u tal-familja, għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, għall-preżunzjoni tal-innoċenza, għal-libertà tal-espressjoni, għal-libertà tal-informazzjoni, u għal-libertà li jsir in-negozju;

66. itenni u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-iżvelar dirett obbligatorju tad-data u l-informazzjoni personali tal-UE, ipproċessati skont ftehimiet tal-cloud, lil awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi minn fornituri tal-cloud soġġetti għal liġijiet ta’ pajjiżi terzi jew li jużaw servers tal-ħżin li jinsabu f’pajjiżi terzi, u dwar l-aċċess dirett mill-bogħod għad-data u l-informazzjoni personali pproċessati minn awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi u servizzi tal-intelligence ta' pajjiżi terzi;

67. Jiddispjaċih li dan l-aċċess ħafna drabi jsir permezz tal-eżekuzzjoni diretta ta’ regoli tal-liġi minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi mingħajr ma jintużaw strumenti internazzjonali stabbiliti għal kooperazzjoni legali bħalma huma l-ftehimiet tal-assistenza legali reċiproka (MLA) jew forom oħrajn ta' kooperazzjoni ġudizzjarja;

68. Jisħaq li prattiki bħal dawn iqanqlu mistoqsijiet ta' fiduċja f'dak li għandu x'jaqsam mal-fornituri tas-servizzi ta' cloud u servizzi onlajn li jinsabu barra mill-UE, u f'dak li għandu x'jaqsam ma' pajjiżi terzi li ma joqogħdux fuq l-istrumenti internazzjonali għall-kooperazzjoni legali u ġudizzjarja;

69. Jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji biex tissolva din is-sitwazzjoni u biex tkun żgurata l-osservanza tal-jeddijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE;

70. Ifakkar li l-kumpaniji kollha li jagħtu servizzi fl-UE jridu jottemperaw ruħhom mingħajr eċċezzjoni mad-dritt tal-UE u li huma responsabbli għal kwalunkwe vjolazzjoni;

71. Jisħaq li s-servizzi tal-cloud li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżi terzi għandhom jagħtu lill-utenti li jinsabu fl-UE twissija ċara u distingwibbli dwar il-possibiltà li d-data personali tagħhom tkun soġġetta għal sorveljanza mill-intelligence u mill-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni ta’ pajjiżi terzi, segwita, fejn ikun applikabbli, mit-talba għall-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data għall-ipproċessar ta’ data personali;

72. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, hi u tinnegozja l-ftehimiet internazzjonali li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali, li tieħu nota b'mod partikolari tar-riskji u l-isfidi li l-cloud computing iressaq għall-jeddijiet fundamentali, b'mod partikolari - imma mhux esklussivament - għall-jedd għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, kif stipulat fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tieħu nota tar-regoli domestiċi tas-sħab tagħha fl-innegozjar li jirregolaw l-aċċess għall-eżekuzzjoni tal-liġi għad-data personali proċessata permezz ta’ servizzi ta’ cloud computing, b’mod partikolari r-rekwiżit li l-aċċess għall-awtoritajiet għall-eżekuzzjoni tal-liġi u l-awtoritajiet tal-intelligence jista’ jingħata biss bl-osservanza sħiħa ta' proċess xieraq tal-liġi u li għandu jkun hemm bażi ġuridika li ma tkunx ambigwa, kif ukoll ir-rekwiżit biex ikunu speċifikati l-kundizzjonijiet eżatti tal-aċċess, l-iskop tal-ksib ta' tali aċċess, il-miżuri ta’ sigurtà stabbiliti meta tiġi konsenjata d-data u l-jeddijiet tal-individwi, kif ukoll ir-regoli għas-superviżjoni u għal mekkaniżmu ta’ rimedju effettiv;

73. Jissottolinja t-tħassib gravi tiegħu dwar ix-xogħol li sar fil-Kunsill tal-Ewropa mill-Kumitat għall-Konvenzjoni taċ-Ċiberkriminalità bil-ħsieb li jiġi żviluppat protokoll addizzjonali dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tat-23 ta’ Novembru 2001 dwar “l-aċċess bejn il-fruntieri għal data maħżuna f’kompjuters bil-kunsens jew fejn pubblikament disponibbli”[8] sabiex ikun “iffaċilitat l-użu effettiv tiegħu u l-implimentazzjoni fid-dawl ta’ żviluppi legali, politiki u teknoloġiċi”; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-ħsieb tal-kunsiderazzjoni li daqt se ssir mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li jiżguraw il-kompatibilità tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità, u l-interpretazzjoni tagħha fl-Istati Membri, mal-jeddijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data, u b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar il-fluss transkonfinali ta' data personali, kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, l-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-Rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ('Konvenzjoni 108'), li jivvinkolaw lill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrespinġu b'saħħa kull miżura li tpoġġi l-applikazzjoni ta' dawn il-jeddijiet f'sogru; hu allarmat bil-fatt illi kieku kellu jkun approvat tali protokoll addizzjonali, l-implementazzjoni tiegħu tista' twassal f'aċċess mill-bogħod mingħajr xkiel mill-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi fuq servers u sistemi tal-kompjuter li jkunu jinsabu f'ġurisdizzjonijiet oħrajn, mingħajr ma jkun hemm riferiment għall-ftehimiet tal-MLA u strumenti oħrajn ta' kooperazzjoni ġudizzjarja intiżi li jiggarantixxu l-jeddijiet fundamentali tal-individwu, inkluża l-protezzjoni tad-data u s-smigħ xieraq;

74. Jissottolinja li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-SMEs li qed jiddependu dejjem aktar mit-teknoloġija tal-cloud computing meta jipproċessaw data personali, u li mhux dejjem ikollhom ir-riżorsi jew l-għarfien espert sabiex jindirizzaw l-isfidi ta’ sigurtà b’mod adegwat;

75. Jissottolinja li l-kwalifika tal-kontrollur jew proċessur tad-data jeħtieġ tiġi riflessa kif xieraq mil-livell ta’ kontroll veru li jkollha fuq il-mezzi ta’ proċessar sabiex jiġu allokati b’mod ċar ir-responsabbiltajiet għall-protezzjoni ta’ data personali bl-użu tal-cloud computing;

76. Jenfasizza li l-prinċipji kollha stabbiliti fil-liġi Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data, bħall-fier u l-legalità, il-limitazzjoni tal-iskop, il-proporzjonalità, il-preċiżjoni u l-perjodi limitati għaż-żamma tad-data, iridu jitqiesu sew għall-ipproċessar ta’ data personali mill-fornituri tas-servizzi tal-cloud computing;

77. Jissottolinja l-importanza ta’ sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi li jkunu jistgħu jiġu imposti fuq servizzi tal-cloud computing li ma jkunux ikkonformaw mal-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-UE;

78. Jenfasizza li l-impatt tal-protezzjoni tad-data ta’ kull servizz ta’ cloud computing għandu attwalment ikun ivvalutat fuq bażi ad hoc sabiex jiġu definiti l-aktar salvagwardji xierqa li għandhom ikunu implimentati;

79. Jenfasizza li fornitur Ewropew ta’ servizz tal-cloud għandu jaġixxi dejjem f’konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE, anki jekk din tmur kontra l-istruzzjonijiet ta’ klijent jew kontrollur stabbilit f’pajjiż terz jew meta s-suġġetti tad-data kkonċernati jkunu (biss) residenti ta’ pajjiżi terzi;

80. Jissottolinja l-bżonn li jiġu indirizzati l-isfidi li tqajmu mill-cloud computing f'livell internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tas-sorveljanza mill-intelligence tal-gvern u s-salvagwardji neċessarji;

81. Jenfasizza li ċ-ċittadini tal-UE suġġetti għal sorveljanza mill-intelligence ta' awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi għandhom igawdu minn tal-anqas mill-istess salvagwardji u rimedji bħaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat;

82. Jiddispjaċih għall-approċċ muri fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li fiha ma ssemmewx ir-riskji u l-isfidi marbutin mal-cloud computing, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tissokta b'ħidmietha fuq il-cloud computing billi tiżviluppa komunikazzjoni aktar ħolistika fuq il-cloud computing li tkun tqis l-interess tal-istakeholders kollha u li jkun fiha, barra mir-riferiment standard għall-protezzjoni tal-jeddijiet fundamentali u l-ottemperanza mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data, mill-anqas dan li ġej:

  linji gwida biex tiġi żgurata l-konformità l-aktar stretta mal-obbligi tal-UE fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data;

  kundizzjonijiet limitattivi li taħthom jista’ jsir jew jista' ma jsirx aċċess għad-data tal-cloud għal finijiet ta’ eżekuzzjoni tal-liġi, f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u mad-dritt tal-UE;

  salvagwardji kontra l-aċċess illegali minn entitajiet barranin u domestiċi, pereżempju billi jiġu emendati r-rekwiżiti tal-akkwist u jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96[9] biex jirribatti liġijiet barranin li jistgħu jirriżultaw fi trasferimenti illegali massiċċi tad-data tal-cloud taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE;

  proposti dwar kif jiġi definit ‘trasferiment’ ta’ data personali u dwar kif jiġu aġġornati klawżoli kuntrattwali standard li jkunu mfassla skont l-ambjent cloud peress li l-cloud computing ħafna drabi jinvolvi flussi kbar ta’ data mill-klijenti tal-cloud għas-servers tal-fornituri tal-cloud u ċentri tad-data u jinvolvi ħafna partijiet differenti u qsim tal-fruntieri bejn pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE;

83. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-adegwatezza ta’ rieżami tal-Ftehim Safe Harbour bejn l-UE u l-Istati Uniti sabiex tadattah għall-iżviluppi teknoloġiċi, speċjalment fir-rigward tal-aspetti konnessi mal-cloud computing;

84. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  Testi adottati, P7_TA(2010)0133.
  • [2]  ĠUL 171, 07.07.1999, p. 12.
  • [3]  ĠUL 281, 23.11.1995, p. 31.
  • [4]  ĠUL 178, 17.07.2000, p. 1.
  • [5]  ĠUL 167, 22.06.2001, p. 10.
  • [6]  B’mod partikolari f’każ ta’ konsumaturi u SMEs li jużaw is-servizzi tal-cloud.
  • [7]  L-Opinjoni 5/2012, WP 196, hija disponibbli hawn: http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/opinion-recommendation/index_en.htm#h2-1.
  • [8]  http://www.coe.int/t/dghl/cooperation/economiccrime/Source/Cybercrime/TCY/TCY%202013/T CY(2013)14transb_elements_protocol_V2.pdf http://www.coe.int/t/DGHL/cooperation/economiccrime/cybercrime/default_en.asp
  • [9]  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat-22 ta’ Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti ta' l-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha (ĠU L 309, 29.11.1996, p. 1-6; URL: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:31996R2271:MT:HTML)

NOTA SPJEGATTIVA

Fid-dinja kollha, il-kumpaniji qegħdin dejjem aktar jirrealizzaw il-qligħ tal-produttività li jistgħu jiksbu billi faċilment jaċċedu għall-applikazzjonijiet tan-negozju bl-aqwa prestazzjoni u/jew drastikament jagħtu spinta lir-riżorsi infrastrutturali tagħhom bi spejjeż affordabbli. F’dan ir-rigward, l-estimi tal-Kummissjoni Ewropea jikkalkulaw li sal-2014 id-dħul mill-cloud jista’ jilħaq il-148.8 biljun u li 60 % tal-piżijiet tax-xogħol tas-servers kollha se jkunu virtwalizzati.

Il-prospetti ekonomiċi u kummerċjali tal-cloud huma tassew promettenti u konsegwentement hemm każ ta’ negozju għall-iżvilupp tiegħu, li f’termini prattiċi jfisser li bl-intervent tal-Ewropa jew mingħajru, il-cloud computing se jkompli jiżviluppa b’xi mod jew ieħor.

Fil-passat l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ħadu passi mixtieqa iżda żgħar, bħal meta l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Komunikazzjoni tal-2010 ‘Lejn l-interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej’ u r-rapport ENISA dwar il-kwistjonijiet ewlenin tas-sigurtà relatati mal-cloud.

Konsegwentement il-preżentazzjoni tal-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-cloud computing hija milqugħa. Madankollu, ma rridux ninsew li meta jiġi żviluppat qafas strateġiku ta’ azzjoni, u b’mod partikolari din l-istrateġija futura tal-cloud computing, għandna nippruvaw u nkunu kemm jista’ jkun orizzontali mingħajr ma nieħdu b’fatta ebda ċirkostanza li tista’ ma tidhirx li taffettwa b’mod dirett l-iżvilupp tagħha.

Għaldaqstant, il-politiki tal-infrastruttura huma kruċjali: netwerks tal-komunikazzjoni b’saħħithom kemm fissi kif ukoll mobbli huma prerekwiżit sabiex jinħataf il-potenzjal sħiħ tal-cloud u konsegwentement ir-rapporteur jiddispjaċiha li l-komunikazzjoni Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u b’mod aktar speċifiku r-regolament propost dwar il-Linji gwida għan-netwerks tat-Telekomunikazzjoni trans-Ewropej, li huma passi milqugħa li għandhom il-kapaċità li jsaħħu l-investiment tant meħtieġ fin-netwerks tal-broadband fl-Ewropa, mhux se jkunu kapaċi jirrendu b’mod adegwat jekk ma jiġux ipprovduti b’riżorsi finanzjarji xierqa.

Min-naħa l-oħra, minħabba n-natura kummerċjali qawwija tas-sistemi cloud, l-istrateġija futura għandha tindirizza għadd wiesa’ ta’ aspetti li jvarjaw minn kwistjonijiet teknoloġiċi relatati mal-iżvilupp, il-ġestjoni u l-modularità elastika tas-sistemi cloud, mingħajr ma wieħed jinsa l-flessibbiltà li kwalunkwe żvilupp tal-ICT jeħtieġ sabiex ma jfixkilx l-innovazzjoni meta jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ standardizzazzjoni, għal kwistjonijiet mhux tekniċi bħall-aspetti legali relatati mal-privatezza u s-sigurtà tad-dejta li jippreżentaw xkiel kbir lejn l-adozzjoni wiesgħa tal-infrastrutturi cloud.

Fir-rigward ta’dawn l-aħħar aspetti: il-qafas regolatorju tal-protezzjoni tad-dejta propost li issa qed jiġi diskuss fil-Parlament huwa milqugħ minħabba l-ħtieġa urġenti -hekk kif mitlub fir-rapport fuq l-inizjattiva tal-Parlament stess dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa- li r-reġim tal-1995 jiġi adottat għas-soċjetà diġitali. Madankollu huwa kruċjali li r-riżultat finali ma jfixkilx l-iżvilupp tas-servizzi cloud ġodda u tal-ogħla livell, u jippromwovu l-użu tagħhom. F’dan ir-rigward huwa importanti li l-qafas tal-protezzjoni tad-dejta jistabbilixxi delimitazzjoni ċara tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-kontrollur u l-proċessur-. Barra minn hekk, id-direttiva proposta riċentement dwar is-sigurtà tan-netwerk u l-informazzjoni hija wkoll milqugħa.

Dawn huma aspetti kruċjali; ma rridux ninsew li l-Cloud, minħabba n-natura esternalizzata tagħha, iżżid element ieħor ta’ nuqqas ta’ sigurtà fil-perċezzjoni tagħna dwar –il-protezzjoni tas-sigurtà u tad-dejta. F’dan ir-rigward, il-Forum Ekonomiku Dinji nnota li 90 fil-mija tal-fornituri u l-utenti tas-servizzi cloud jaħsbu li r-riskji għall-privatezza huma ta’ xkiel ‘serju ħafna’ għall-adozzjoni wiesgħa tal-cloud computing.

Barra minn hekk, l-Ewropa għandha tistimola r-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku fil-qasam tal-cloud computing. L-isfond eċċellenti tal-Ewropa fl-aspetti tar-riċerka u l-iżvilupp ewlenin, bħal GRIDS u Arkitetturi Orjentati lejn Servizz, jista’ jagħti vantaġġ kompetittiv lill-UE. Konsegwentement, l-Orizzont 2020 għandu jieħu rwol ewlieni.

Fir-rigward tal-linji ta’ azzjoni konkreti tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, dan li ġej jista’ jiġi enfasizzat:

1. Tinġieb l-Ordni fil-Konfużjoni tal-Istandards:

Dan huwa aspett fundamentali. Fl-aħħar tal-ġurnata l-utenti għandhom ikunu jistgħu jbiddlu l-fornitur tal-cloud tagħhom b’mod rapidu u sikur. Fi kliem ieħor: il-portabbiltà sħiħa, il-grad għoli ta’ interoperabilità u l-ispeċifikazzjonijiet miftuħa huma essenzjali. Għandu jkun hemm sforzi biex jiġi eliminat l-irbit tal-klijenti. Konsegwentement l-immappjar tal-istandards eżistenti fdati lill-ETSI huwa, f’dan l-istadju, bidu tajjeb. Iżda għandu jiġi ggarantit li l-proċess ikun kemm jista’ jkun miftuħ u trasparenti. Barra minn hekk, ir-Rapporteur temmen li l-istandards tal-cloud huma minnhom infushom ta’ natura globali, u l-ebda reġjun tad-Dinja ma jista’ jimplimenta standards applikabbli fuq livell globali b’mod iżolat. L-Ewropa trid tiffoka biex timmassimizza l-opportunitajiet għall-SMEs u l-konsumaturi tagħha fis-suq globali. Hemm il-ħtieġa ta’ standards li għandhom il-kapaċità li jsiru standards dinjija.

Barra minn hekk, l-ENISA jista’ jkollha wkoll rwol importanti u r-Rapporteur taqbel li għandha tassisti fl-iżvilupp ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarja fl-UE fir-rigward tal-cloud computing, biex tintlaħaq l-iskadenza stabbilita fil-Komunikazzjoni li tistabbilixxi lista ta’ skemi bħal dawn sal-2014.

2. Termini u Kundizzjonijiet Kuntrattwali Sikuri u Ġusti

Minkejja li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ titratta kuntratti b’ ‘kontenut diġitali’ għall-konsumaturi u d-ditti ż-żgħar, jista’ jkun meħtieġ strument biex jiġu trattati aspetti oħra, b’mod speċjali l-lok u t-trasferiment tad-dejta – għandha tingħata attenzjoni kbira l-opinjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 -, u t-terminoloġija kuntrattwali komuni.

Madankollu, il-prinċipju sottostanti f’din l-azzjoni ewlenija għandu jkun li l-cloud joffri servizzi differenti u mudelli ta’ negozju ‘Ma jistax jintuża l-istess kejl għal kollox’. Konsegwentement, meta jiġu stabbiliti ‘termini tal-kuntratt sikuri u ġusti’, huwa ċar li l-kuntratti bejn in-negozji u l-konsumaturi huma ta’ natura sostanzjalment differenti minn dawk bejn in-negozji. Bl-istess mod, l-isfidi li amministrazzjonijiet pubbliċi jiffaċċjaw meta jħaddnu s-servizzi cloud ivarjaw bil-kbir minn dawk tal-konsumaturi regolari. Fi kliem ieħor, clouds differenti jirrispondu għal ħtiġijiet u sfidi differenti. Madankollu, il-liġi kuntrattwali għandha tkun f’qagħda li takkomoda l-aspetti kollha,

3. Il-Promozzjoni tar-Rwol Ewlieni Komuni tas-Settur Pubbliku permezz ta’ Sħubija Ewropea tal-Cloud

Ir-Rapporteur temmen li s-settur pubbliku, inkluża l-Kummissjoni nnifisha, iridu jieħdu rwol ewlieni. Mhux biss minħabba l-qligħ tal-produttività li jista’ jinkiseb billi jkun hemm aċċess faċli għall-applikazzjonijiet li jagħtu l-aħjar rendiment u teknoloġiji bi spejjeż affordabbli, iżda għax barra minn hekk, iċ-ċittadini jkunu f’pożizzjoni li jibbenefikaw minn servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u innovattivi. Bħala eżempju, il-prospetti fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa elettronika, l-edukazzjoni u t-trasport huma enormi.

Is-sħubija tal-cloud hija għodda milqugħa, madankollu hemm bżonn li ningranaw aktar. Hemm ħtieġa urġenti għal grad għoli ta’ koordinazzjoni u biex jiġi evitat ir-riskju serju li fil-futur qarib is-suq tas-settur pubbliku jkun aktar frammentat, bħal ma ġara bl-Identità elettronika, meta l-ebda koordinazzjoni reali ma seħħet meta l-Istati Membri bdew jiżviluppaw is-sistemi nazzjonali differenti tagħhom.

Ir-Rapporteur temmen li sabiex jitgawdew bis-sħiħ il-benefiċċji tat-teknoloġija cloud u jiġi massimizzat l-użu tar-riżorsi, is-settur pubbliku għandu jkun il-mutur minħabba d-daqs u l-preżenza tiegħu fi kważi kull settur fl-Ewropa. Għandna ninsistu li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jwettqu l-‘bidla diġitali’ tagħhom, u jibdew, b’mod proattiv, jikkoordinaw l-inizjattivi tagħhom immedjatament.

Bl-istess mod, l-istituzzjonijiet Ewropej ukoll iridu mingħajr aktar dewmien jibdew jevalwaw il-possibbiltajiet u l-isfidi li t-teknoloġija cloud għandha x’toffrilhom. Minħabba l-ħafna mistoqsijiet kumplessi li jridu jiġu mwieġba (il-limitazzjonijiet strutturali baġitarji, il-possibbiltà ta’ nuqqas tal-iżvilupp tas-suq, il-kjarifika tal-aspetti tas-sigurtà interna, eċċ), l-Istituzzjonijiet għandhom jelaboraw strateġija għall-istituzzjonijiet Ewropej.

Il-cloud computing u s-Suq Uniku Diġitali

L-iżvilupp sħiħ tal-cloud computing għandu importanza strateġika fit-twettiq tas-suq uniku diġitali. F’dan is-sens, l-istrateġija cloud tolqot ħafna aspetti li jaffettwaw il-ħtieġa għal konverġenza akbar, u eventwalment, l-armonizzazzjoni, sabiex jiġu eliminati l-ostakoli kollha eżistenti pereżempju: it-tnedija tal-broadband, l-allokazzjoni tal-ispettru, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-IPR, il-protezzjoni tad-dejta, ir-regolamenti dwar prodotti speċifiċi, u t-tranżazzjonijiet tal-pagamenti.

Konsegwentement, l-iżvilupp tal-Cloud fl-Ewropa għandu l-potenzjal straordinarju li jiżviluppa f’aċċeleratur qawwi għat-twettiq tas-suq uniku diġitali.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (23.9.2013)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa
(2013/2063(INI))

Rapporteur (*): Lidia Joanna Geringer de Oedenberg

(*) Kumitati assoċjati – l-Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Ir-rapporteur tiegħek tilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, iżda tqis li huwa xieraq, sabiex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni ġejjiena tkun operattiva, li l-Kummissjoni tintalab tagħmel ċerti dispożizzjonijiet aktar stretti u li tħares lejn il-problema flimkien ma’ kull leġiżlazzjoni oħra li tista’ tgħin biex jiġu eliminati l-ostakli u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħha.

Il-cloud computing għandu potenzjal enormi u għandu jipprovdi benefiċċji għan-negozju, iċ-ċittadini u s-settur pubbliku[1] iżda bħala mudell ġdid ta' networked computing, jippreżenta xi riskji legali u kuntrattwali. Fost tħassib ieħor, bħas-sigurtà jew lock-in tal-fornitur, hemm tħassib kbir kemm fost il-fornituri kif ukoll l-utenti tas-servizz dwar in-nuqqas ta’ standardizzazzjoni li tkun meħtieġa għal suq uniku fl-Ewropa, id-diversità tal-leġiżlazzjoni rilevanti madwar l-Ewropa, dispożizzjonijiet ta’ kuntratt li attwalment mhumiex ċari u n-nuqqas ta’ regoli ċari dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR).

Riċerka riċenti turi li 48% tal-maniġers kemm fis-settur pubbliku u f’dak privat huma konxji li l-implimentazzjoni tal-cloud computing tista’ tħaffefilhom u tiffaċilitalhom xogħolhom. Aktar minn nofshom, madankollu, ma introduċew l-ebda proċeduri biex jimminimizzaw ir-riskji tan-negozju bħas-serq ta’ identità.

L-ikbar theddida fil-cloud huma l-hekk imsejħa ‘insiders’, dawk li jaħdmu fl-istabbilimenti li jipprovdu servizzi cloud, li għandhom aċċess għad-dejta tal-klijent, segwiti minn kerrejja oħra tal-fornitur tas-servizz fil-cloud, notevolment fil-każ ta’ ħsara ta’ mekkaniżmi ta’ iżolament.

Is-suq uniku diġitali tal-UE għadu frammentat minħabba reġimi legali differenti fost l-Istati Membri, u meta niġu għall-IPR livell limitat ta’ armonizzazzjoni biss seħħ fid-dawl tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur. Għalhekk għandha tiġi mmirata azzjoni biex tindirizza l-kwistjoni tas-servizzi cloud li jiddependu fuq skema IPR uniformi biex jaqsmu l-fruntieri. Il-proposti dwar il-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi u l-imposta tal-kopja privata għandhom iqisu l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, b’mod partikolari servizzi cloud computing, u jiċċaraw ir-regoli għall-iżgurar tal-IPR f’ambjent diġitali.

Skont il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni riċenti dwar il-cloud computing, ir-reġim legali ma kienx ċar għall-intimati f’90% tal-każijiet. Hemm konfużjoni ġenerali fost il-partijiet interessati dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet f’sitwazzjonijiet transkonfinali tal-cloud computing, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà u l-ġurisdizzjoni. Flimkien mal-frammentazzjoni tas-suq intern, dan jitlob għal aktar armonizzazzjoni tal-liġijiet fl-Istati Membri, b’mod partikolari billi jiġu eliminati n-nuqqasijiet u d-dgħjufijiet fil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE, notevolment id-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Inġusti u d-Direttiva dwar it-Termini Inġusti tal-Kuntratti f’termini ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u d-Direttiva E-Commerce rigward l-eżenzjonijiet mill-imposti tal-kopja privata.

Il-konsumaturi u l-SMEs li jixtiequ jagħmlu użu ta’ clouds pubbliċi spiss jiġu wiċċ imb’wiċċ ma’ kuntratti li jew taċċettahom kif inhuma jew xejn, ħafna drabi ftehimiet billi timmarka kaxxa. Il-Kummissjoni għandha għalhekk, flimkien mal-Istati Membri, tikkunsidra li tintroduċi regoli aktar ċari jew mudelli ta’ kuntratti. Hemm bżonn ta’ linji gwida u skemi ta’ kuntratti b’mudell standardizzati li jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet li huma importanti għall-utenti ewlenin, filwaqt li tiżdied it-trasparenza.

L-utenti tal-cloud għandhom ikunu jistgħu jevalwaw ukoll kull offerta tas-servizz tal-cloud fuq il-bażi ta’ proċeduri standardizzati rigward is-sigurtà u garanziji pprovduti mis-servizz, l-hekk imsejħa Ftehimiet ta' Livell ta' Servizz (SLA). Skema ta’ ċertifikazzjoni volontarja li tippermetti lill-utenti jevalwaw u jqabblu, b’mod sempliċi, il-livell ta’ konformità mal-istandards, l-interoperabbiltà u s-sistemi tas-sigurtà tas-servizzi cloud għandhom għalhekk jiġu implimentati fl-livell Ewropew, filwaqt li jitqiesu d-differenzi li nstabu f’dawn l-aspetti fit-tliet livelli differenti ta' servizz: Infrastruttura bħala Servizz (IaaS), Pjattaforma bħala Servizz (PaaS) u Software bħala Servizz (SaaS). L-ewwel każ jikkonċerna tagħmir ta’ sigurtà, linji tal-provvista, dejta, eċċ. Fit-tieni każ, ir-responsabbiltà għas-sigurtà ġeneralment hija tal-klijent, li għandu jipproteġi adegwatament id-dejta tiegħu. Fit-tielet, ir-responsabbiltà hija tal-fornitur.

Il-provvista ta’ mezzi adegwati ta’ rimedju għall-utenti mill-fornituri tas-servizz ta’ cloud computing huwa meħtieġ, b’mod partikolari fil-qasam tas-servizz tal-konsumatur. Minħabba problemi ġurisdizzjonali, x’aktarx li fil-prattika l-konsumaturi Ewropej ma jkunux kapaċi jfittxu rimedju legali mill-fornitur tas-servizz. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tħaffef l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni Alternattiva u Online tat-Tilwim u forom ta’ rimedju kollettiv sabiex tiffaċilita s-soluzzjoni tal-kunflitti li jħabbtu wiċċhom magħhom l-utenti f’dan il-qasam, mingħajr ma tqiegħed wisq pressjoni addizzjonali fuq il-qrati nazzjonali.

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni biex tarmonizza aktar il-liġijiet fl-Istati Membri sabiex tiġi evitata konfużjoni ġurisdizzjonali u l-frammentazzjoni u biex tassigura trasparenza fis-suq uniku diġitali;

2.  Jinnota l-bżonn urġenti għal leġiżlazzjoni ċara u uniformi għall-cloud computing biex jiġi assigurat ambjent Ewropew kompetittiv, aktar innovazzjoni u tisħiħ tat-tkabbir;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-leġiżlazzjoni l-oħra tal-UE biex tindirizza n-nuqqasijiet relatati mal-cloud computing; jitlob b’mod partikolari li tiġi kjarifikata s-sistema tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u għal rieżami tad-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali, id-Direttiva dwar Klawżoli Inġusti fil-Kuntratti u tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, li huma l-atti legiżlattivi tal-Unjoni l-aktar rilevanti applikabbli għall-cloud computing;

4.  Jinnota l-importanza li jiġi kkunsidrat il-qafas legali għall-cloud computing mar-rieżami attwali tar-regoli tal-Protezzjoni tad-Dejta tal-UE, u jiġu żgurati regoli ċari rigward l-ipproċessar tad-dejta personali; jinnota l-importanza tal-moviment liberu ta' tali dejta f'qafas legali sigur, li jirriżulta f'interoperabilità akbar tad-dejta, u aktar importanti minn hekk, iktar fiduċja għall-utenti;

5.  Ifakkar li d-dritt tal-privatezza huwa dritt fundamentali u għaldaqstant, li jridu jiġu żviluppati servizzi ġodda tal-cloud computing b'mod li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta personali f'konformità mad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet bażiċi tal-Unjoni;

6.  Jitlob li, f’każ ta’ trasferimenti ta’ dejta personali taċ-ċittadini Ewropej lil pajjiżi terzi, il-ħolqien ta’ ‘tikketta Ewropea’ li tiggarantixxi li l-kumpaniji involuti u l-pajjiżi terzi inkwistjoni jirrispettaw il-Liġi tal-Unjoni u d-dritt fundamentali tal-protezzjoni tal-ħajja privata.

7.  Jitlob lill-Kummissjoni biex timplimenta l-azzjonijiet neċessarji u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn operaturi privati għall-iżvilupp tal-cloud computing Ewropea, li tirrispetta l-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni.

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi qafas legali ċar fil-qasam tal-kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur fil-cloud, speċjalment fir-rigward ta’ regolamenti ta’ liċenzjar;

9.  Jirrikonoxxi li l-iżvilupp tal-ħżin ta' xogħlijiet protetti mis-servizzi cloud computing m'għandux jikkomprometti id-dritt tad-detenturi tad-drittijiet Ewropej li jirċievu kumpens ġust għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, iżda jistaqsi jekk dawn is-servizzi jistgħux jitqiesu li huma l-istess bħall-midja u t-tagħmir tradizzjonali u diġitali tal-irrekordjar u tal-ħżin.

10. Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza t-tipi differenti ta' servizzi ta' cloud computing, kif il-ħżin fil-cloud ta' xogħlijiet protetti jolqot lis-sistemi tal-ħlas tad-drittijiet tal-awtur u, aktar speċifikament, il-modi ta' kif l-imposti tal-ikkuppjar privat li huma relevanti għal ċerti tipi ta' servizzi ta' cloud computing jiġu imposti;

11. Jenfasizza li, minħabba inċertezzi dwar il-liġi applikabbli u l-ġuriżdizzjoni, il-kuntratti huma l-għodod prinċipali għall-istabbiliment tar-relazzjonijiet bejn il-fornituri tal-cloud u l-klijenti tagħhom, u li għalhekk hemm bżonn ċar għal linji gwida Ewropej komuni fil-qasam;

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem flimkien mal-Istati Membri biex jiżviluppaw l-aħjar mudelli għall-prattika tal-kuntratti Ewropej, jew ‘mudelli ta’ kuntratti’, li se jiżguraw trasparenza totali billi jipprovdu t-termini u l-kundizzjonijiet f’format ċar ħafna;

13. Jenfasizza l-importanza tas-servizzi cloud computing għall-SMEs, partikolarment dawk stabbiliti f’żoni remoti jew ultraperiferiċi jew f’pajjiżi li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet ekonomiċi, u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra qafas xieraq biex l-SMEs jingħataw lok iżidu t-tkabbir u l-produttività, għax l-SMEs jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis fl-infiq bil-quddiem u aċċess imtejjeb għall-għodod analitiċi;

14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa, flimkien mal-partijiet interessati, l-iskemi volontarji ta’ ċertifikazzjoni għas-sistemi ta’ sigurtà tal-fornitur li jgħinu biex jarmonizzaw il-prattiċi tal-fornituri tal-cloud u li jagħmlu lill-klijenti aktar konxji ta’ dak li għandhom jistennew mill-fornituri tas-servizz tal-cloud;

15. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp, b'mod konġunt mal-partijiet konċernati, ta' servizzi diċentralizzati msejsa fuq softwer bla ħlas u minn sors miftuħ (FOSS) li jaf jgħin l-armonizzazzjoni tal-prattiki fost l-fornituri tal-cloud u jippermetti liċ-ċittadini Ewropej jerġgħu jiksbu kontroll fuq id-dejta u l-komunikazzjonijiet personali tagħhom, pereżempju permezz ta' kodifikazzjoni minn punt sa punt;

16. Jenfasizza li, minħabba problemi ta’ ġurisdizzjoni, il-konsumaturi Ewropej fil-prattika għandhom anqas probabbiltà li jkunu kapaċi jfittxu rimedju legali mill-fornituri tas-servizzi cloud f’ġurisdizzjonijiet oħrajn; jitlob għalhekk, lill-Kummissjoni biex tipprovdi mezzi adegwati ta’ rimedju fil-qasam tas-servizzi tal-konsumatur, peress li hemm żbilanċ qawwi ta’ poter bejn il-konsumaturi u l-fornituri ta’ cloud computing;

17. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni rapida tar-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim u r-Riżoluzzjoni tat-Tilwim Online u biex tiżgura li l-konsumaturi jkunu mgħammra b’mezzi ta’ rimedju kontra l-ksur tas-sigurtà u l-privatezza adegwati kif ukoll kontra d-dispożizzjonijiet kuntrattwali illegali għas-servizzi cloud.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Klaus-Heiner Lehne, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Jiří Maštálka, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Alexandra Thein, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Eva Lichtenberger, Angelika Niebler, József Szájer, Axel Voss

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Olle Schmidt

  • [1]  Id-daqs tas-suq globali huwa mistenni jiżdied ħafna, minn USD 21.5 biljun fl-2010 għal USD 73 biljun fl-2015; il-cloud computing huwa mistenni li jagħti spinta lill-PGD b’madwar 1 u 2% fl-akbar ħames ekonomiji tal-Ewropa; huwa mistenni li jżid 11.3 miljun impjieg għall-ekonomija dinjija sal-2014 (dejta meħuda mit-tbassir globali u reġjonali dwar is-servizzi tal-cloud IT tal-International Data Corporation (IDC) għall-perjodu 2011-2015 u Federico Etro, The Economics of Cloud Computing, 2011).

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (19.9.2013)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa
(2013/2063(INI))

Rapporteur(*): Judith Sargentini

(*)           Il-Kumitat assoċjat – l-Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jitlob lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Itenni li flimkien mal-potenzjal u l-benefiċċji tal-’cloud computing’ għan-negozji, iċ-ċittadini, is-settur pubbliku u l-ambjent, b'mod partikolari f'termini ta' riduzzjoni tal-kostijiet, jinvolvi riskji u sfidi sinifikanti, b’mod partikolari għal-jeddijiet fundamentali (inkluża l-privatezza u l-protezzjoni tad-data) u billi jżid l-impatt fil-każ li jseħħu interruzzjonijiet, kemm jekk jiġu kkawżati minn nuqqas ta’ funzjonament, prattika ħażina, azzjoni kriminali jew fil-każ ta’ azzjoni ostili minn pajjiż ieħor;

2.   Huwa tal-fehma li l-aċċess għal Internet sikur huwa jedd fundamentali ta’ kull ċittadin u li ‘cloud computing’ se jkompli jkollu rwol importanti f’dan l-aspett; itenni għalhekk, l-istedina lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirrikonoxxu b’mod mhux ekwivoku l-libertajiet diġitali bħala jeddijiet fundamentali u bħala prerekwiżiti indispensabbli għat-tgawdija ta’ jeddijiet tal-bniedem universali;

3.   Itenni li, bħala regola ġenerali, il-livell tal-protezzjoni tad-data f’ambjent ta’ ‘cloud computing’ m’għandux ikun inferjuri għal dak li hu meħtieġ fi kwalunkwe kuntest ieħor ta’ pproċessar ta’ data;

4.   Jenfasizza li l-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, billi hi teknoloġikament newtra, diġà tapplika kollha kemm hi għas-servizzi cloud computing li joperaw fl-UE u għalhekk għandha tiġi rispettata għalkollox; jissottolinja li l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 (WP29) dwar il-Cloud Computing[1] għandha tittieħed f'kunsiderazzjoni billi tagħti gwida ċara għall-applikazzjoni tal-prinċipji u r-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data għas-servizzi cloud, bħalma huma l-kunċetti ta' kontrollur/proċessur, limitazzjoni tal-iskop u proporzjonalità, integrità u sigurtà tad-data, l-użu tas-sottokuntratturi, l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet, il-ksur tad-data u t-trasferimenti internazzjonali; jissottolinja l-ħtieġa li jitneħħew l-avariji fil-protezzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-cloud computing fir-rieżami li għaddej tal-qafas ġuridiku tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data msejjes fuq aktar gwida mis-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data (EDPS) u d-WP29; jikkunsidra li mhux l-informazzjoni sensittiva kollha hi data personali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi linji gwida biex tipproteġi data sensittiva li mhix personali f’kuntest cloud, b’mod partikolari fil-każ ta’ data tal-gvern u ta’ data minn organizzazzjonijiet bħal banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni, skejjel ta’ fondi tal-pensjoni u sptarijiet;

5.   Ifakkar li, fejn fornitur tal-cloud juża d-data għal skop differenti mill-iskop miftiehem skont il-ftehim tas-servizz, jew jikkomunika d-data jew jużaha b’mod kuntrarju għat-termini tal-kuntratt, għandu jitqies bħala kontrollur tad-data u għandu jinżamm responsabbli għall-ksur li jkun sar;

6.   Jissottolinja li l-arranġamenti ta' servizzi cloud iridu jiddelineaw, b'mod ċar u trasparenti, id-dmirijiet u l-jeddijiet tal-partijiet dwar l-attivitajiet ta' proċessar tad-data mill-fornituri cloud; l-arranġamenti kontrattwali ma jfissrux tneħħija tas-salvagwardji, jeddijiet u protezzjonijiet mogħtijin mid-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposti biex jinkiseb lura l-bilanċ bejn il-fornituri tas-servizzi cloud u l-klijenti tagħhom fir-rigward tat-termini u l-kundizzjonijiet użati mis-servizzi cloud, li jinkludu d-dispożizzjonijiet;

–  li jiżguraw il-protezzjoni kontra l-kanċellazzjoni arbitrarja tas-servizzi u t-tħassir tad-data;

–  li jiggarantixxu lill-klijent opportunità raġonevoli biex jikseb lura data maħżuna fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ servizz u/jew it-tneħħija ta’ data;

–  li jagħtu linji gwida ċari għall-fornituri tal-cloud biex jiffaċilitaw il-migrazzjoni faċli tal-klijenti tagħhom lejn servizzi oħra;

7.   Jenfasizza li r-rwol tal-fornitur tas-servizz cloud skont il-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni jeħtieġ li jkun determinat fuq bażi ta’ każ każ, peress li l-fornituri jistgħu jkunu kemm proċessuri tad-data u anke kontrolluri tad-data; jitlob li jkun hemm titjib fit-termini u l-kundizzjonijiet għall-utenti kollha jitjiebu billi jiġu żviluppati mudelli internazzjonali tal-aħjar prattika għal kuntratti u billi jiġi ċċarat fejn il-fornitur tas-servizz jaħżen id-data u skont liema qasam tal-liġi fl-UE;

8.   Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjonijiet fejn l-iżbilanċ fis-sitwazzjoni kuntrattwali bejn il-klijent u l-fornitur tal-cloud iwassal lill-klijent jidħol f’arranġamenti kuntrattwali li jimponu servizzi standard u kuntratt li għandu jiġi ffirmat, fejn il-fornitur jiddefinixxi l-iskopijiet, il-kundizzjonijiet, il-mezzi tal-ipproċessar[2]; jisħaq li f’tali ċirkostanzi, il-fornitur tal-cloud għandu jiġi kkunsidrat bħala “kontrollur tad-data” u jidħol responsabbli flimkien mal-klijent;

9.   Jisħaq li l-użu tas-servizzi cloud mill-awtoritajiet pubbliċi, inklużi mill-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi u l-istituzzjonijiet tal-UE, jeħtieġ kunsiderazzjoni u koordinazzjoni speċjali bejn l-Istati Membri; ifakkar li l-integirtà u s-sigurtà tad-data jridu jiġu ggarantiti u li l-aċċess mhux awtorizzat, inkluż minn gvernijiet barranin u s-servizzi tagħhom tal-intelligence mingħajr bażi ġuridiku skont id-dritt tal-Unjoni tal-Istat Membru, ikun prevenut; jisħaq li dan japplika wkoll għal attivitajiet ta’ pproċessar speċifiċi li jsiru minn ċerti servizzi mhux governattivi essenzjali li għandhom aċċess għal data personali, b'mod partikolari l-ipproċessar ta' kategoriji speċifiċi ta' data personali, bħalma huma l-banek, il-kumpaniji tal-assikurazzjoni, l-iskejjel u l-isptarijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida għal dawn l-organizzazzjonijiet biex jimxu magħhom meta jużaw is-servizzi cloud biex jipproċessaw, jittrażmettu jew jaħżnu d-data tagħhom, inkluż l-adozzjoni ta’ standards miftuħa biex jiġi evitat lock-in tal-bejjiegħ u preferenza għal softwer ta’ sors miftuħ sabiex titjieb it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-servizzi użati; barra minn hekk, jenfasizza li, dan kollu li msemmi hawn fuq huwa ta’ importanza partikolari jekk id-data qed tiġi trasferita (barra mill-Unjoni Ewropea bejn ġurisdizzjonijiet differenti); huwa tal-fehma, għalhekk, li l-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll is-servizzi mhux governattivi u s-settur privat għandhom, kemm jista' jkun, joqogħdu fuq il-fornituri ta' cloud tal-UE meta jipproċessaw data u informazzjoni sensittivi sa ma jkunu ddaħħlu regoli globali sodisfaċenti dwar il-protezzjoni tad-data, billi tkun żgurata s-sigrutà ta' data sensittiva, u tad-dejtabejżis, li jkun hemm għand l-entitajiet pubbliċi;

10. Ifakkar fit-tħassib gravi tiegħu dwar l-iżvelar reċenti tal-programmi ta' sorveljanza tal-Aġenzija Nazzjonali tas-Sigurtà tal-Istati Uniti, u ta' programmi simili mħaddmin mill-aġenziji tal-intelligence f'varji Stati Membri, fir-rikonoxximent li, jekk kemm-il darba l-informazzjoni disponibbli sa issa tkun kkonfermata, dawn il-programmi huma ta' vjolazzjoni gravi tal-jedd fundamentali taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, kif ukoll għall-jedd għall-ħajja privata u tal-familja, għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, għall-preżunzjoni tal-innoċenza, għal-libertà tal-espressjoni, għal-libertà tal-informazzjoni, u għal-libertà li jsir in-negozju;

11. itenni u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-iżvelar dirett obbligatorju tad-data u l-informazzjoni personali tal-UE, iġproċessati skont ftehimiet tal-cloud, lil awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi minn fornituri tal-cloud soġġetti għal liġijiet ta’ pajjiżi terzi jew li jużaw servers tal-ħżin li jinsabu f’pajjiżi terzi, u dwar l-aċċess dirett mill-bogħod għad-data u l-informazzjoni personali pproċessati minn awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi u servizzi tal-intelligence ta' pajjiżi terzi;

12. Jiddispjaċih li dan l-aċċess ħafna drabi jsir permezz tal-eżekuzzjoni diretta ta’ regoli tal-liġi minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi mingħajr ma jintużaw strumenti internazzjonali stabbiliti għal kooperazzjoni legali bħalma huma l-ftehimiet tal-assistenza legali reċiproka (MLA) jew forom oħrajn ta' kooperazzjoni ġudizzjarja;

13. Jisħaq li prattiki bħal dawn iqanqlu mistoqsijiet ta' fiduċja f'dak li għandu x'jaqsam mal-fornituri tas-servizzi ta' cloud u onlajn li jinsabu barra mill-UE, u f'dak li għandu x'jaqsam ma' pajjiżi terzi li ma joqogħdux fuq l-istrumenti internazzjonali għall-kooperazzjoni legali u ġudizzjarja;

14. Jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji biex tissolva din is-sitwazzjoni u biex tkun żgurata l-osservanza tal-jeddijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE;

15. Ifakkar li l-kumpaniji kollha li jagħtu servizzi fl-UE jridu jottemperaw ruħhom mingħajr eċċezzjoni mad-dritt tal-UE u li huma responsabbli għal kwalunkwe vjolazzjoni;

16. Jisħaq li s-servizzi cloud li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżi terzi għandhom jagħtu lill-utenti li jinsabu fl-UE twissija ċara u distingwibbli dwar il-possibiltà li d-data personali tagħhom tkun soġġetta għal sorveljanza mill-intelligence u mill-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni ta’ pajjiżi terzi, segwita, fejn ikun applikabbli, mit-talba għall-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data għall-ipproċessar ta’ data personali;

17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, hi u tinnegozja l-ftehimiet internazzjonali li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali, li tieħu nota b'mod partikolari tar-riskji u l-isfidi li l-cloud computing iressaq għall-jeddijiet fundamentali, b'mod partikolari - imma mhux esklussivament - għall-jedd għall-ħajja privat u għall-protezzjoni tad-data personali, kif delineat fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundametnali tal-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tieħu nota tar-regoli domestiċi tal-imsieħba fl-innegozjar li jirregolaw l-aċċess għall-eżekuzzjoni tal-liġi għad-data personali proċessata permezz ta’ servizzi ta’ ‘cloud computing’, b’mod partikolari r-rekwiżit li l-aċċess għall-awtoritajiet għall-eżekuzzjoni tal-liġi u l-awtoritajiet tal-intelligence jista’ jingħata biss bl-osservanza sħiħa ta' proċess xieraq tal-liġi u li għandu jkun hemm bażi ġuridika li ma tkunx amibgwa, kif ukoll ir-rekwiżit biex ikunu speċifikati l-kundizzjonijiet eżatti tal-aċċess, l-iskop tal-ksib ta' tali aċċess, il-miżuri ta’ sigurtà stabbiliti meta tiġi konsenjata d-data u l-jeddijiet tal-individwi, kif ukoll ir-regoli għas-superviżjoni u għal mekkaniżmu ta’ rimedju effettiv;

18. Jissottolinja t-tħassib gravi tiegħu dwar ix-xogħol li sar fil-Kunsill tal-Ewropa mill-Kumitat għall-Konvenzjoni taċ-Ċiberkriminalità bil-ħsieb li jiġi żviluppat protokoll addizzjonali dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tat-23 ta’ Novembru 2001 dwar “l-aċċess bejn il-fruntieri għal data maħżuna f’kompjuters bil-kunsens jew fejn pubblikament disponibbli”[3] sabiex ikun “iffaċilitat l-użu effettiv tiegħu u l-implimentazzjoni fid-dawl ta’ żviluppi legali, politiki u teknoloġiċi”; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, invista tal-kunsiderazzjoni li daqt se ssir mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li jiżguraw il-kompatibilità tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità, u l-interpretazzjoni tagħha fl-Istati Membri, mal-jeddijiet fundametnali, inkluża l-protezzjoni tad-data, u b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar il-flus transfronterjali ta' data personali, kif minquxin fil-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali, l-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-Rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ('Konvenzjoni 108'), li jivvinkolaw lill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrespinġu fermament kull miżuri li tqejjem l-applikazzjoni ta' dawn il-jeddijiet f'sogru; hu allarmat bil-fatt illi kieku kellu jkun approvat tali protokoll addizzjonali, l-implementazzjoni tiegħu tkun tirriżulta f'aċċess mill-bogħod mingħajr xkiel mill-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi fuq servers u sistemi tal-kompjuter li jkunu jinsabu f'ġurisdizzjonijiet oħrajn, mingħajr ma jkun hemm riferiment għall-ftehimiet tal-MLA u strumenti oħrajn ta' kooperazzjoni ġudizzjarja intiżi li jiggarantixxu l-jeddijiet fundamentali tal-individwu, inkluża l-protezzjoni tad-data u s-smigħ xieraq;

19. Jissottolinja li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-impriżi żgħar u medji li qed jiddependu dejjem aktar mit-teknoloġija ‘cloud computing’ meta jipproċessaw data personali u li mhux dejjem ikollhom ir-riżorsi jew l-għarfien espert sabiex jindirizzaw l-isfidi ta’ sigurtà b’mod adegwat;

20. Jissottolinja li l-kwalifika tal-kontrollur jew proċessur tad-data jeħtieġ tiġi riflessa kif xieraq mil-livell ta’ kontroll veru li jkollha fuq il-mezzi ta’ proċessar sabiex jiġu allokati b’mod ċar ir-responsabbiltajiet għall-protezzjoni ta’ data personali bl-użu ta’ cloud computing;

21. Jissottolinja l-importanza tal-kompetenza diġitali fost iċ-ċittadini kollha u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw kunċetti dwar kif jippromwovu l-użu sikur tal-Internet inkluż is-servizzi cloud computing;

22. Jissottolinja li l-prinċipji kollha stabbiliti fil-liġi Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data, bħall-fier u l-legalità, il-limitazzjoni tal-iskop, il-proporzjonalità, il-preċiżjoni, il-perjodi limitati għaż-żamma ta’ data, iridu jitqiesu sew għall-ipproċessar ta’ data pesonali mill-fornituri tas-servizz tal-cloud computing;

23. Jissottolinja l-importanza ta’ sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi li jkunu jistgħu jiġu imposti fuq servizzi ta’ ‘cloud computing’ li ma jkunux jottemperaw mal-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-UE;

24. Jissottolinja li l-impatt tal-protezzjoni tad-data ta’ kull servizz ta’ cloud computing għandu attwalment ikun ivvalutat fuq bażi ad hoc sabiex jiġu definiti l-aktar salvagwardji xierqa li għandhom ikunu implimentati;

25. Jissottolinja li fornitur Ewropew ta’ servizz cloud għandu jaġixxi dejjem f’konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE, anke jekk din tmur kontra l-istruzzjonijiet ta’ klijent jew kontrollur stabbilit f’pajjiż terz jew meta s-suġġetti tad-data kkonċernati jkunu (biss) residenti ta’ pajjiżi terzi;

26. Jissottolinja l-bżonn li jiġu indirizzati l-isfidi li tqajmu mill-cloud computing f'livell internazzjonali, b’mod partikolari s-sorveljanza mill-intelligence tal-gvern u s-salvagwardji neċessarji;

27. Jissottolinja li ċ-ċittadini tal-UE suġġetti għal sorveljanza mill-intelligence ta' awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi għandhom igawdu minn tal-anqas mill-istess salvagwardji u rimedji bħaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat;

28. Jiddispjaċih mill-approċċ fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li bih ma ssemmiex ir-riskji u l-isfidi marbutin mal-cloud computing, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tissokta b'ħidmietha fuq il-cloud computing billi tiżviluppa komunikazzjoni aktar ħolistika fuq il-cloud computing li tkun tqis l-interess tal-istakeholders kollha u li jkun fiha, barra mir-riferiment standard għall-protezzjoni tal-jeddijiet fundamentali u l-ottemperanza mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data, mill-anqas dan li ġej:

–  linji gwida biex tiġi żgurata konformità l-aktar stretta mal-obbligi tal-UE fir-rigward tal-jeddijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data;

–  kundizzjonijiet limitattivi li taħthom jista’ jsir jew jista' ma jsirx aċċess għad-data tal-cloud għal finijiet ta’ eżekuzzjoni tal-liġi, f’konformità mal-Karta Fundamentali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE u mad-dritt tal-UE;

–  salvagwardji kontra l-aċċess illegali minn entitajiet barranin u domestiċi, pereżempju billi jiġu emendati r-rekwiżiti tal-akkwist u jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96[4] biex jirribatti liġijiet barranin li jistgħu jirriżultaw fi trasferimenti illegali massiċċi tad-data tal-cloud taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE;

–  proposti biex jiġu ggarantiti n-newtralità tal-Internet u n-newtralità tas-servizzi bil-għan li tiġi pprevenuta d-diskriminazzjoni mmotivata mill-kummerċ kontra servizzi cloud speċifiċi;

–  proposti biex jiġi ggarantit li l-aċċess għall-kontenut legali ma jiġi danneġġat minn azzjonijiet kontra l-kontenut illegali;

–  proposti dwar kif jiġi definit ‘trasferiment’ ta’ data personali u dwar kif jiġu aġġornati klawżoli kuntrattwali standard li jkunu mfassla skont l-ambjent cloud peress li ‘cloud computing’ ħafna drabi jinvolvi flussi massiċċi ta’ data mill-klijenti tal-cloud għas-servers tal-fornituri tal-cloud u ċentri tad-data u jinvolvi ħafna partijiet differenti u qsim tal-fruntieri bejn pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE;

–  miżuri biex jiġi indirizzat l-iżbilanċ eżistenti fis-suq tas-servizzi cloud bejn il-fornituri tas-servizz u l-parti l-kbira tal-utenti tas-servizzi tagħhom;

–  miżuri li jippromwovu r-riċerka dwar kif l-oqfsa leġiżlattiva kurrenti tal-UE u ftehimiet internazzjonali joqogħdu għax-xenarji partikolari tas-servizzi cloud computing, li jkejlu kemm l-impatt ekonomiku kemm dak ambjentali tal-cloud computing, billi ftit kienu l-istudji li saru s'issa dwar dawn l-aspetti.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Roberta Angelilli, Edit Bauer, Rita Borsellino, Emine Bozkurt, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Salvatore Caronna, Philip Claeys, Carlos Coelho, Ioan Enciu, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Hélène Flautre, Kinga Gál, Kinga Göncz, Sylvie Guillaume, Ágnes Hankiss, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Timothy Kirkhope, Juan Fernando López Aguilar, Svetoslav Hristov Malinov, Clemente Mastella, Véronique Mathieu Houillon, Claude Moraes, Georgios Papanikolaou, Carmen Romero López, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Renate Sommer, Rui Tavares, Nils Torvalds, Wim van de Camp, Axel Voss, Renate Weber, Josef Weidenholzer, Tatjana Ždanoka, Auke Zijlstra

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Cornelis de Jong, Mariya Gabriel, Marian-Jean Marinescu, Salvador Sedó i Alabart, Janusz Wojciechowski

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Nuno Teixeira

  • [1]  L-Opinjoni 5/2012, WP 196, hija disponibbli hawn .
  • [2]  B’mod partikolari f’każ ta’ konsumaturi u SMEs li jużaw is-servizzi tal-cloud.
  • [3]  1http://www.coe.int/t/dghl/cooperation/economiccrime/Source/Cybercrime/TCY/TCY%202013/T CY(2013)14transb_elements_protocol_V2.pdf http://www.coe.int/t/DGHL/cooperation/economiccrime/cybercrime/default_en.asp
  • [4]  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat-22 ta’ Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti ta' l-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha (ĠU L 309, 29.11.1996, p. 1-6; URL: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:31996R2271:MT:HTML)

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (4.6.2013)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa
(2013/2063(INI)) Il-Parlament Ewropew,

Rapporteur: Sabine Verheyen

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jitlob lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkludi s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

   wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament u tal-Kunsill[1],

   wara li kkunsidra d-Direttiva 99/44/KE tal-Parlament u l-Kunsill dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom[2],

   wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data[3],

   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika, b'mod partikolari l-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern[4],

   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni[5],

A. billi s-suq komuni huwa fattur ewlieni għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, li jagħti spinta sinifikattiva għall-akkwist tal-objettivi tal-Att dwar is-Suq Uniku u biex tkun indirizzata l-kriżi ekonomika u finanzjarja li taffettwa l-UE;

B. billi l-provvista b’networks tal-broadband b’kopertura mal-UE kollha, aċċess universali u ugwali għas-servizzi tal-internet għaċ-ċittadini kollha u garanzija ta’ newtralità tan-network huma prerekwiżit essenzjali għall-iżvilupp ta’ sistema cloud Ewropea;

C. billi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, fost l-oħrajn, hija maħsuba biex iżżid l-użu tal-broadband fl-Ewropa;

D. billi l-benefiċċji tat-teknoloġija cloud jinsabu fl-iffrankar tal-ispejjeż, il-ħolqien tal-impjieg u opportunitajiet ta' negozju ġodda, il-flessibilità (adattament tal-kapaċità tal-ħżin tad-data skont il-bżonnijiet), il-mobilità (ta' ħaddiema, intrapriżi u ċittadini), il-kompetittività miżjuda permezz ta' ekonomiji ta' skala potenzjali, u l-innovazzjoni potenzjali ta' servizzi ġodda, li eventwalment iwasslu għal benefiċċji ekonomiċi, partikolarment għall-SMEs (intrapriżi żgħir u ta' daqs medju);

E.  billi l-cloud computing għandu jistimola l-integrazzjoni tal-SMEs grazzi għat-tnaqqis tal-ostakli għad-dħul fis-suq (e.ż. it-tnaqqis fl-ispejjeż tal-infrastruttura tal-informatika);

F.  billi huwa essenzjali għas-sistema cloud Ewropea li l-istandards legali Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data jkunu ggarantiti;

G. billi l-iżvilupp tal-cloud computing għandu jgħin biex titħeġġeġ il-kreattività għall-benefiċċju kemm tas-sidien tad-drittijiet kif ukoll tal-utenti; billi, barra minn hekk, id-distorsjonijiet fis-Suq Uniku għandhom jiġu evitati fil-proċess u l-kunfidenza tal-konsumaturi u n-negozji fil-cloud computing għandha tingħata spinta;

1.  Huwa konxju tal-potenzjal ekonomiku, soċjali u kulturali kbir tal-cloud computing u jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi strateġija cloud komprensiva, u b’hekk tindirizza l-kwistjonijiet legali marbuta magħha;

2.  Jenfasizza l-possibilitajiet enormi li jinvolvi l-aċċess għal data minn kwalunkwe tagħmir konness mal-internet;

3.  Jenfasizza li d-dimensjoni strateġika fuq tul ta' żmien itwal tal-cloud computing għandha tiġi rikonoxxuta bis-sħiħ u appoġġjata bħala opportunità għat-tnedija mill-ġdid tal-ekonomija Ewropea (per eżempju l-inkorporazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp, u l-użu tat-teknoloġija cloud fl-industrija);

4.  Jinsisti, madankollu, dwar il-problemi relatati mal-użu tal-Cloud Computing, billi jgħin lill-impriżi jidentifikaw, jagħżlu u jipprattikaw soluzzjonijiet cloud adatti għall-ħtiġijiet tagħhom u jappoġġa l-iżvilupp tal-aċċess għall-internet b’veloċità għolja u broadband;

5.  Jenfasizza l-biżgħat relatati mat-telf ta’ kontroll tal-utent fuq id-data tiegħu u d-dependenza fuq fornituri esterni dovuta għall-outsourcing tad-data jistgħu jnaqqsu l-kunfidenza tal-utenti fil-cloud computing; jinsisti, għalhekk, fuq il-fatt li l-protezzjoni tad-data għandha tiġi żgurata bis-sħiħ biex toħloq u żżomm il-kunfidenza tal-utenti pubbliċi u privati fil-cloud computing;

6.  Jenfasizza, b'mod partikolari, il-bżonn li tkun żgurata protezzjoni adegwata tad-data sensittiva, bħal pereżempju data relatata mas-saħħa;

7.  Iqis li l-iżgurar tal-portabilità, l-integrità, il-kunfidenzjalità, id-disponibilità u r-riversibilità tad-data u l-interoperabilità tas-servizzi, il-pjattaformi u l-infrastrutturi jirrappreżentaw sfida kbira minħabba l-fatt li dawn kollha huma essenzjali għall-istimolu tal-innovazzjoni u l-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-fornituri tal-cloud ma jirrestrinġux l-utenti tal-cloud għas-servizzi tagħhom stess, u li l-utenti jżommu kontroll sħiħ fuq id-data tagħhom u jkunu jistgħu jaqilbu għal servizz ieħor fuq talba tagħhom, mingħajr dewmien mhux ġust, mingħajr spejjeż u mingħajr telf ta' data; iqis li huwa essenzjali li jingħelbu dawn l-isfidi biex tikber il-kunfidenza fis-settur tal-konsumaturi tan-negozji u dak pubbliku fis-servizzi bbażati fuq il-cloud u b'hekk jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tagħhom;

8.  Jinnota li l-Ewropa għandha tisfrutta l-fatt li din it-teknoloġija hija f'fażi relattivament bikrija u tinvesti fl-iżvilupp tagħha sabiex tibbenefika mill-ekonomiji ta’ skala li hija mistennija toffri u b’hekk terġa’ tagħti ħajja lill-ekonomija tagħha, partikolarment fis-settur tal-ICT;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-Cloud Computing għall-SMEs, partikolarment dawk stabbiliti f’pajjiżi li jiffaċċjaw diffikultajiet ekonomiċi jew f’żoni rimoti jew ultraperiferiċi, bħala mezz kif jiġġieldu l-iżolament tagħhom u li jagħmilhom aktar kompetittivi, kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi, li jippermettilhom jagħmlu s-servizzi tagħhom aktar effikaċi u flessibbli u jitnaqqsu l-ispejjeż u l-burokrazija;

10. Jiddispjaċih li, fil-qasam tal-cloud computing, rekwiżiti legali differenti jwasslu għal frammentazzjoni tas-Suq Diġitali Uniku u għal spejjeż ta’ tranżazzjoni għoljin għall-fornituri u l-utenti tal-cloud;

11. B'dan il-mod, jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri leġiżlattivi rigward rekwiżiti ta' trasparenza u biex tevita prattiki abbużivi u inġusti; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw li l-acquis tal-konsumatur japplika għas-servizzi cloud computing b'mod komprensiv u uniformi fl-UE kollha;

12. Jilqa' l-passi tal-Kummissjoni favur l-iżvilupp ta' kundizzjonijiet kuntrattwali standard fl-UE kollha billi jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet nazzjonali u l-aħjar prattiki, minħabba l-fatt li kemm is-sigurtà għolja tas-servizzi kif ukoll iċ-ċertezza legali għall-utenti u l-fornituri tal-cloud huma importanti biex tittejjeb aktar l-evoluzzjoni tas-servizzi cloud; madankollu jemmen li dan m'għandux iżomm lis-suq milli jiżviluppa servizzi cloud bħala tweġiba għall-bżonnijiet tal-konsumaturi, in-negozji jew il-gvernijiet;

13. Jiddeplora l-proposta mill-Istati Membri biex il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa titnaqqas b’EUR 8.2 biljun fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura approċċ teknoloġikament newtrali appoġġjat minn standards miftuħa u interoperabbli sabiex jimmassimizza l-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumaturi;

15. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi sistema ta’ ċertifikazzjoni għall-UE kollha li tista’ tipprovdi inċentiv għall-iżviluppaturi u l-fornituri tas-servizzi ta’ cloud computing biex jinvestu fi protezzjoni aħjar tal-privatezza;

16. Jenfasizza li l-utenti mhumiex neċessarjament konxji tal-fatt li s-servizzi li jużaw jiddependu fuq il-Cloud Computing; jinsisti, madankollu, dwar il-ħtieġa tal-utenti li jkunu infurmati aħjar dwar il-ġestjoni tad-data tagħhom, speċjalment dwar min, fejn u kif id-data tkun ġestita;

17. Jenfasizza li s-settur pubbliku għandu rwol ewlieni għall-iżvilupp tal-cloud computing; jilqa’ t-twaqqif tas-Sħubija Cloud Ewropea u l-konklużjonijiet adottati mill-bord ta’ tmexxija tagħha wara l-ewwel laqgħa tiegħu; jenfasizza l-ħtieġa li jkunu elaborati rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki mal-UE kollha u nazzjonali għat-trasferiment tal-użu tal-IT għal cloud, filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta’ għarfien dwar il-kwistjoni tas-sigurtà, speċjalment fejn hi kkonċernata d-data personali;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, permezz tal-adozzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali standard jew regoli korporattivi vinkolanti, li kwalunkwe trasferiment ta’ data personali ta’ utent tas-servizzi cloud tal-UE lejn pajjiż terz għandu jkun suġġett għal salvagwardji u kundizzjonijiet stretti konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

19. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-adegwatezza ta’ rieżami tal-Ftehim Safe Harbour bejn l-UE u l-Istati Uniti sabiex tadattah għall-iżviluppi teknoloġiċi, speċjalment fir-rigward tal-aspetti konnessi mal-cloud computing;

20. Jenfasizza li l-cloud computing iqajjem il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli u d-definizzjoni tar-responabilitajiet tal-partijiet involuti kollha fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE, speċjalment fir-rigward tad-data maħżuna tal-utenti tal-UE bl-użu tat-teknoloġija tal-cloud computing minn kumpaniji minn pajjiżi terzi; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw li kwalunkwe trasferiment u pproċessar tad-data personali tar-residenti tal-UE minn operaturi tat-teknoloġija cloud stabbiliti f’pajjiż terz isir skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw li utenti tat-teknoloġija cloud ibbażati fl-UE jkunu infurmati meta operaturi tal-cloud jikkomunikaw id-data tagħhom lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ pajjiż terz; jenfasizza b'mod partikolari t-tħassib tiegħu dwar il-ftehimiet tal-kummerċ futuri dwar ir-responsabilitajiet tal-fornituri tas-servizz tal-internet, li jinkludu l-protezzjoni tad-data;

21. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jissimplifikaw l-aċċess transkonfinali legali għal kontenut u servizzi minn cloud, u biex iqisu li jipprovdu sistemi ta' liċenzji aktar flessibbli; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, matul ir-reviżjoni attwali tagħha tar-regoli tad-drittijiet tal-awtur, tadotta proposti speċifiċi biex tiżgura li r-reġim applikabbli futur jippromwovi d-distribuzzjoni u t-tixrid tas-servizzi u l-innovazzjoni tal-cloud computing;

22. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li kwalunkwe ftehimiet kummerċjali bejn operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u fornituri tal-cloud ikunu konformi bis-sħiħ mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE u li jippermettu aċċess sħiħ tal-konsumaturi għal kull servizz cloud li juża konnessjoni tal-internet minn kwalunkwe operatur tat-telekomunikazzjonijiet;

23. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għan-natura strateġika ħafna tal-postijiet fejn jinsabu ċ-ċentri tad-data u l-impatt potenzjali ta’ tali postijiet barra mit-territorju tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-ħażna ta’ data sensittiva jew data ta’ korpi pubbliċi;

24. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħmlu l-cloud computing prijorità tal-programmi tar-riċerka u tal-iżvilupp, u jippromovuh fis-settur amministrattiv pubbliku bħala soluzzjoni elettronika innovattiva tal-gvern fl-interess tal-pubbliku, kif ukoll fis-settur privat bħala għodda innovattiva għall-iżvilupp tan-negozju;

25. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonsulta ma’ organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-industrija fuq bażi regolari u tqis l-osservazzjonijiet tagħhom b’mod xieraq, partikolarment fir-rigward tat-twaqqif ta’ standards kuntrattwali għall-cloud computing u tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar id-diskussjonijiet u l-konklużjonijiet imfassla mill-grupp ta' esperti;

26. Jinkoraġġixxi l-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jikkomunikaw il-potenzjal ekonomiku tal-cloud computing, b’mod partikolari, lill-SMEs;

27. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri għal imposti tad-drittijiet tal-awturi li jrawmu l-innovazzjoni u jippromwovu l-kreattività għall-benefiċċju kemm tas-sidien tad-drittijiet kif ukoll tal-utenti, u biex tiżgura li l-kontenut diġitali li huwa suġġett għal ftehim ta' liċenzji bejn il-fornitur tas-servizzi u s-sidien tad-drittijiet u li huwa legalment akkwistat minn individwi jew negozji privati (billi titqies kwalunkwe restrizzjoni marbuta f'termini ta' użu tan-negozji), ma jiġix suġġett għal aktar imposti permezz tal-fatt li jiġi aplowdjat fil-cloud jew maħżun fil-cloud minn fornitur tas-servizzi, sakemm ir-remunerazzjoni tas-sidien tad-drittijiet tkun effettiva;

28. Jinnota l-fatt teknoloġiku li jekk l-ipproċessar tal-cloud isir f’pajjiż partikolari, l-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż, inkluż is-servizzi ta’ sigurtà, ikollhom aċċess għad-data; jinnota li dan għandu implikazzjonijiet mill-perspettiva ta’ spjunaġġ industriali; jitlob lill-Kummissjoni tqis dan meta tressaq proposti u rakkomandazzjonijiet rigward il-Cloud Computing;

29. Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas tad-diskussjonijiet tal-grupp ta' esperti, biex tagħmel mandatorja għall-fornituri tal-cloud l-inklużjoni f’kuntratti ta’ ċerti klawżoli prinċipali li jiggarantixxu l-kwalità tas-servizz, bħall-obbligu li jiġi aġġornat softwer u ħardwer fejn meħtieġ, biex ikun determinat x’jiġri jekk id-data tintilef, u biex jiġi determinat iż-żmien li hu meħtieġ biex tissolva l-problema jew kemm is-servizz cloud ikun jista’ jneħħi malajr materjali li joffendu jekk l-utent tal-cloud jitlob li dan isir;

30. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jadottaw miżuri speċifiċi dwar l-użu u l-promozzjoni tal-cloud computing fir-rigward ta’ aċċess miftuħ u riżorsi edukattivi miftuħa;

31. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja u tidentifika l-aħjar prattiki fi ħdan Stati Membri individwali rigward it-tfaddil potenzjali li jista’ jiġi akkwistat fl-infiq pubbliku permezz tal-użu tal-cloud computing mis-settur pubbliku, b'mod partikolari billi jiġu stabbiliti mudelli ġodda ta’ akkwist;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

30.5.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Claudette Abela Baldacchino, Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Preslav Borissov, Jorgo Chatzimarkakis, Birgit Collin-Langen, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Cornelis de Jong, Vicente Miguel Garcés Ramón, Evelyne Gebhardt, Małgorzata Handzlik, Stanimir Ilchev, Sandra Kalniete, Edvard Kožušník, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Sirpa Pietikäinen, Phil Prendergast, Mitro Repo, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jürgen Creutzmann, Ashley Fox, Ildikó Gáll-Pelcz, Anna Hedh, Roberta Metsola, Marc Tarabella, Kyriacos Triantaphyllides, Sabine Verheyen, Josef Weidenholzer

  • [1]  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.
  • [2]  ĠU L 171, 07.07.1999, p. 12.
  • [3]  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
  • [4]  ĠU L 178, 17.07.2000, p. 1.
  • [5]  ĠU L 167, 22.06.2001, p. 10.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.10.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Amelia Andersdotter, Josefa Andrés Barea, Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Jürgen Creutzmann, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Vicky Ford, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Edit Herczog, Romana Jordan, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Marisa Matias, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Vittorio Prodi, Herbert Reul, Jens Rohde, Paul Rübig, Salvador Sedó i Alabart, Francisco Sosa Wagner, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Marita Ulvskog, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Antonio Cancian, Rachida Dati, Ioan Enciu, Françoise Grossetête, Roger Helmer, Jolanta Emilia Hibner, Werner Langen, Zofija Mazej Kukovič, Alajos Mészáros