RAPPORT dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE
29.10.2013 - (2013/2075(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Ramon Tremosa i Balcells
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2012 (COM(2013) 0257 final) u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SWD(2013) 0159),
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 101, 102 u 107 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 169/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni[2],
– wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (COM(2013) 0404),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara fl-azzjonijiet għad-danni bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C(2013) 3440),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Konsultazzjoni pubblika: Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għar-Rimedju Kollettiv” (SEC(2011) 0173),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2013 bl-isem “Lejn Qafas Orizzontali Ewropew għal Rimedju Kollettiv” (COM(2013) 0401),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar prinċipji komuni għall-mekkaniżmi tar-rimedju kollettiv inġuntiv u kompensatorju fl-Istati Membri fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet mogħtija skont il-Liġi tal-Unjoni (C(2013) 3539/3),
– wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni bl-isem “Collective redress in Antitrust” (Rimedju Kollettiv fl-Antitrust) ta’ Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ AT.39740 – Google (2013/C 120/09),
– wara li kkunsidra l-impenji offruti lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ COMP/39.398 – Visa Europe,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet)[3],
– wara li kkunsidra l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 dwar kontroll tal-UE fuq il-fużjoni – abbozz rivedut ta’ proċedura simplifikata u regolament ta’ implimentazzjoni dwar il-fużjoni,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2008 dwar l-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (il-Komunikazzjoni Bankarja)[4],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2008 bl-isem "Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji matul il-kriżi finanzjarja attwali: limitazzjoni tal-għajnuna għal dak minimu meħtieġ u salvagwardji kontra distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni" (il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni)[5]
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2009 dwar it-trattament ta’ assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità (il-Komunikazzjoni dwar Assi Indeboliti)[6],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 2009 dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar)[7],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2008 dwar qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (il-Qafas Temporanju oriġinali)[8],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Diċembru 2010 dwar Qafas Temporanju tal-Unjoni għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (il-Qafas Temporanju ġdid), li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2010[9],
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-appoġġ ta’ miżuri favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (l-abbozz ta’ Komunikazzjoni Bankarja ġdida)[10],
– wara li kkunsidra d-dokument dwar kwistjonijiet mill-Kummissjoni għall-attenzjoni tal-KEF dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar tal-banek,
– wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni bl-isem “Għajnuna mill-Istati – Regoli dwar il-kriżi għas-settur finanzjarju u l-ekonomija reali", ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornituri ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali[11],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali[12],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011)”[13],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil intrapriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali[14],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2011 dwar ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali[15],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)” (COM(2012) 0209),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2013 dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat[16],
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ Għajnuna mill-Istat orizzontali u r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (COM(2012) 0730),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (COM(2012) 0725),
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji[17],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-politika reġjonali bħala parti minn skemi usa’ ta’ għajnuna mill-Istat[18],
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta’ Novembru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea[19] (minn issa ’l quddiem “il-Ftehim Qafas”), b’mod partikolari l-paragrafi 9, 12, 15 u 16 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-azzjoni legali ppreżentata fi Stat Membru partikolari li allega l-ksur tal-prinċipju legali bażiku "nulla poena sine lege", skont liema kumpanija ma tistax tiġi mmultata għal ksur tal-kartell meta l-ammont tal-multa ma jkunx ġie stabbilit bil-liġi;
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tiegħu tat-22 ta’ Frar 2005 dwar “ir-Rapport Nru XXXIII tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni – 2003”[20], tal-4 ta’ April 2006 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2004[21], tad-19 ta’ Ġunju 2007 dwar ir-Rapport rigward il-Politika tal-Kompetizzjoni 2005[22], tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar ir-Rapporti dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2006 u l-2007[23], tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008[24], tal-20 ta’ Jannar 2011 dwar ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009[25], tat-2 ta’ Frar 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni[26] u tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE[27],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0357/2013),
A. billi l-ekwivalenti ta’ EUR 1.6 triljun ingħata f’għajnuna mill-Istat lil banek fl-UE matul il-perjodu bejn l-2008 sa tmiem l-2011; u billi dawn l-għajnuniet mill-Istat, b’mod ġenerali, jieħdu l-forma ta’ sottoskrizzjoni għall-ħruġ ta’ dejn jew garanzija jew, f’każijiet eċċezzjonali, il-forma ta’ sovvenzjoni;
B. billi f’bosta Stati Membri kriżi finanzjarja serja qed taffettwa lill-SMEs, li jirrappreżentaw 98% tal-impriżi tal-UE;
C. billi kull sena jiġi akkumulat telf ta’ EUR 181-320 biljun – madwar 3 % tal-PDG tal-UE – minħabba l-eżistenza ta’ kartelli;
D. billi n-nuqqas ta’ liberalizzazzjoni u ftuħ tat-trasport ta’ passiġġieri u merkanzija bil-ferrovija huwa parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ korpi superviżorji tassew indipendenti fil-livell nazzjonali f’ċerti Stati Membri;
E. billi r-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni għandu jservi bħala strument biex titjieb il-kompetittività ġenerali tal-Unjoni, bl-espanzjoni tal-kompetizzjoni u l-ftuħ għal atturi ġodda, u b’hekk jitwessa’ u jiġi approfondit is-suq intern, u mhux biss fir-rigward tal-implimentazzjoni prattika tal-politika tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni;
F. billi l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija, is-servizzi, il-persuni u l-kapital hija prekundizzjoni għat-tkabbir;
G. billi setturi li fihom il-livell ta' kompetizzjoni hija aktar baxxa huma dawk fejn il-prestazzjoni ekonomika hija għajjiena;
H. billi l-politika tal-kompetizzjoni għandha tiżgura il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u ambjent b'kundizzjonijiet ekwi, biex tipproteġi lill-konsumaturi minn prattiċi antikompetittivi u tiżgura l-aqwa prezzijiet; billi l-iskop tal-politika tal-kompetizzjoni mhuwiex li timmaniġġja fuq livell mikro iżda li tinforza regoli ċari u ġusti, li fihom il-forzi tas-suq jistgħu jiffunzjonaw b’mod effettiv;
I. billi l-azzjoni pubblika, l-investiment pubbliku u s-servizzi ta' interess ġenerali (SIEĠ) għandhom rwol essenzjali li jiżguraw il-koeżjoni soċjali, b’mod partikulari waqt kriżi;
J. billi l-Artikolu 14 tat-TFUE jistabbilixxi li l-kodeċiżjoni għandha tintuża biex tassigura l-kundizzjonijiet b'mod partikolari l-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, għat-tħaddim tas-SIEĠ;
K. billi l-Protokoll Nru 26 għat-TFUE jiggrantixxi diskrezzjoni wiesgħa lill-awtoritajiet pubbliċi fil-fornitura, l-ikkummissjonar u l-organizzazzjoni tas-SIEĠ;
L. billi s-sentenza Altmark tistabbilixxi erba' kriterji biex issir distinzjoni bejn kumpens għal servizz pubbliku u għal għajnuna mill-Istat;
Il-politika tal-kompetizzjoni hija għodda għat-trawwim ta’ suq uniku
1. Jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni u l-iffukar tiegħu fuq il-kontribut tal-politika tal-kompetizzjoni għall-kontroll tal-amalgamazzjonijiet, kif ukoll għat-tneħħija tal-ostakli, tal-abbużi ta' pożizzjonijiet dominanti, ta' ftehimiet ta' kollużjoni u ta' miżuri ta' għajnuna mill-Istat li jxekklu, għall-benefiċċju tas-suq uniku, filwaqt li titqies l-evoluzzjoni tal-ekonomija globali;
2. Jiddispjaċih li fir-rapport tagħha tal-2012 dwar il-politika tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tiffoka bil-qawwi fuq prattiki inġusti ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw minn prattiki tal-Istati, waqt li tagħti relattivament ftit attenzjoni lill-prattiki inġusti dovuti għall-konċentrazzjoni ta’ kumpaniji fis-Suq Uniku;
3. Jemmen li l-politika dwar il-kompetizzjoni hija mutur tat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, b’mod speċjali fi żminijiet ta’ kriżi.
4. Jindikali l-politika tal-kompetizzjoni u l-funzjonament tajjeb tas-suq uniku huma indispensabbli biex tiġi affrontata l-kriżi, għall-promozzjoni tat-tkabbir u tal-impjiegi sostenibbli tal-Istrateġija Ewropea 2020 u biex jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-għanijiet tal-Unjoni Ewropea.
5. Jaqbel għaldaqstant mal-Kummissjoni li l-kriżi m’għandhiex tkun pretest għat-trattib tal-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni
6. Huwa tal-fehma li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tiġi emendata sabiex twieġeb aħjar għall-isfidi ppreżentati mill-globalizzazzjoni.
7. Huwa tal-fehma li għandu jkun possibbli għall-politika tal-kompetizzjoni l-ġdida tal-UE li tinkludi klawsoli ta' flessibbiltà;
8. Jirrikonoxxi li għad hemm wisq setturi maqsuma ħafna minħabba fruntieri nazzjonali u osatkoli artifiċjali pubbliċi jew privati, u jaqbel li l-politika tal-kompetizzjoni għandha rwol fundamentali fil-ġlieda kontra din il-frammentazzjoni u fil-ħolqien ta’ ambjent b'kundizzjonijiet ekwi fis-setturi kollha tas-suq uniku, filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet speċjali tal-SMEs u tal-konsumaturi finali;
9. Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni f’sens usa’ m’għandhiex issaħħaħ il-kumpaniji u fornituri ta’ prodotti u servizzi diġà stabbiliti, iżda pjuttost l-objettiv komprensiv tagħha għandu jkun il-faċilitazzjoni tad-dħul ta’ atturi ġodda u t-tfaċċar ta’ ideat u tekniki ġodda, sabiex b’hekk jiġi mmassimizzat il-benefiċċju għaċ-ċittadini tal-Unjoni;
10. Iqis li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni u r-rinforz ta' standards miftuħa u tal-interoperabilità biex jiġi evitat li jkun hemm irbit teknoloġiku tal-konsumaturi u tal-klijenti ma' minoranza ta' parteċipanti fis-suq;
11. Iqis li l-prezzijiet tal-prodotti għadhom ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor, eż. fir-rigward ta' mediċini, minħabba ftehim differenti bejn l-Istati Membri u l-industrija farmaċewtika; jistieden lill-Kummissjoni teżamina dan il-fenomenu u tippreżenta proposti sabiex toħloq suq intern aktar trasparenti, sabiex tevita kwalunkwe distakki mhux meħtieġa fil-prezzijiet, fl-interess tal-konsumatur;
12. Jilqa’ l-privattiva unitarja tal-UE bħala pass ’il quddiem biex jitlesta s-suq uniku u jistieden lill-Istati Membri jipparteċipaw fiha; jitlob li jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw fih; iqis li hi meħtieġa r-rikonċiljazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mad-domandi tal-kompetizzjoni, billi jiġi preservat l-interess ġenerali u jiġi żgurat li d-detenturi tal-privattivi ma jagħmlux użu abbużiv mid-drittijiet tagħhom b’detriment għaċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni tressaq għal prosekuzzjoni kwalunkwe mġiba mmirata biex iddewem bl bżonn id-dħul fis-suq tal-mediċini ġeneriċi;
Il-leġittimità u l-effettività tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE
13. Iqis li għandu jkollu setgħat ta' kodeċiżjoni leġiżlattivi fl-istabbiliment tal-qafas ta' politika tal-kompetizzjoni; jiddispjaċih li l-Artikoli 103 u 109 TFUE jipprevedu biss għal konsultazzjoni tal-Parlament; jemmen li dan id-defiċit demokratiku ma jistax jiġi ttollerat; jipproponi li dan id-defiċit jingħeleb mill-iktar fis possibbli permezz ta’ arranġamenti interistituzzjonali fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni u jiġi korrett fit-tibdil li jmiss tat-Trattat; ifakkar li r-responsabilità politika tal-Kummissjoni lill-Parlament tkopri politika tal-kompetizzjoni u li d-djalogu strutturat mal-Kummissarju rilevanti hija għodda importanti biex jitwettaq kontroll demokratiku sod f'dan il-qasam;
14. Jemmen li l-kwalità tad-djalogu murija mill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni ma tistax tieħu post skrutinju demokratiku veru min-naħa tal-Parlament; jenfasizza li dan il-kontroll huwa ħafna aktar meħtieġ biex il-politika tal-kompetizzjoni twassal għal kontroll mill-Kummissjoni fuq id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali u lokali eletti demokratikament; jenfasizza wkoll l-ħtieġa li jiġi żviluppat djalogu aħjar bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili;
15. Jenfasizza l-importanza li l-Parlament u l-Kunsill jiġu ttrattati bl-istess mod rigward l-aċċess għal-laqgħat u l-għoti ta’ informazzjoni għat-tħejjija ta’ leġiżlazzjoni jew liġi nonvinkolanti fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, kif previst fil-Ftehim Qafas; jiddispjaċih li dan ma ġiex irrispettat mill-Kummissjoni;
16. Jisħaq fuq il-bżonn li tissaħħaħ kultura ta’ kompetizzjoni li tippromwovi l-valuri tagħha u tikkontribwixxi għal attitudni pożittiva lejn il-konformità b’effett preventiv u ta’ benefiċċju għall-iżvilupp tal-politika ta’ kompetizzjoni;
17. Juri li d-dimensjoni orizzontali tal-politika tal-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea teżiġi l-koerenza massima bejn din il-politika u l-politiki komunitarji fis-setturi differenti, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern jeħtieġ li r-regolamenti settorjali jirrispettaw il-prinċipji tal-politika tal-kompetizzjoni;
18. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tressaq proposta sabiex tirregola l-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni konnessi ma sehem minoritarju f’kumpanija kummerċjali;
19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli toħroġ linji gwida dwar il-liġijiet nonvinkolanti fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, waqt li tikkunsidra kif xieraq il-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiżgura xi ċertezza legali għall-partijiet interessati; iqis, madankollu, li l-liġi nonvinkolanti ma tistax tieħu post il-leġiżlazzjoni f’oqsma fejn iċ-ċertezza legali hija ta’ importanza kruċjali;
20. Jisħaq li l-impożizzjoni ta’ multi hija għodda dissważiva, li għandha rwol importanti għall-politika tal-kompetizzjoni u li tinħtieġ azzjoni mgħaġġla għas-suċċess tal-investigazzjonijiet; jemmen li ċertezza legali, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri u l-possibbiltà ta’ finalizzazzjoni minn qabel permezz ta’ ftehimiet xierqa huma kruċjali u għalehkk jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora r-regoli dwar il-multi fir-Regolament (EC) Nru 1/2003; fl-istess ħin, iqis li l-Kummissjoni għandha żżid l-ispezzjonijiet għal għarrieda, u tieħu azzjoni kontra ksur issuspettat;
21. Jemmen, madankollu, li l-użu ta’ multi li dejjem qed jiżdiedu bħala l-uniku strument ta’ antitrust jista’ jkun drastiku wisq, mhux l-inqas meta wieħed jikkunsidra t-telf potenzjali ta’ impjiegi bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ kapaċità li jsiru ħlasijiet; jenfasizza li politika ta’ multi għolja m’għandhiex tintuża bħala mekkaniżmu alternattiv ta’ finanzjament ta’ baġit; jippreferi l-approċċ "tal-inċentiv u l-kastig", b'pieni li jservu bħala deterrent effikaċi, b'mod partikulari għal dawk li jiksru l-liġi ripetutament, filwaqt li jħeġġeġ il-konformità;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika tagħha dwar il-multi u l-infurzar tilħaq ir-restawr ta’ suq ibbilanċjat u tinċentiva lill-kumpaniji sabiex jidentifikaw il-ksur internament u tiġi implimentata azzjoni ta’ restawr b’mod volontarju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-livell ta’ profitt u telf illeċitu magħmul minn dawk affettwati;
23. Itenni li l-għadd ta’ talbiet għal tnaqqis ta’ multi minħabba n-nuqqas ta’ ħila li jsir ħlas żdied, b’mod partikolari minn impriżi u SMEs ta’ “mono-prodotti”; jerġa’ jqis li sistema ta’ ħlasijiet b’dewmien u/jew maqsuma tista’ tiġi kkunsidrata bħala alternattiva għat-tnaqqis tal-multi sabiex jiġi evitat il-falliment ta’ impriżi;
24. Għadu qed jistenna adattament tal-linji gwida għall-għoti ta’ multi li jikkonċerna impriżi u SMEs ta’ “mono-prodotti”; minkejja dan jilqa’ l-fatt li dan l-aħħar il-Kummissjoni kkunsidrat il-ħtiġijiet speċifiċi tal-impriżi ta’ “mono-prodotti” fid-deċiżjoni tagħha dwar il-“Muntaturi għat-twieqi” (COMP/39452 of 28/03/2012);
25. Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-kooperazzjoni tagħha mal-qrati nazzjonali biex tiffaċilita l-infurzar privat u r-riżoluzzjoni korretta tat-tilwim dwar l-għajnuna tal-Istat; jilqa’ l-programmi ta’ taħriġ tal-Kummissjoni għall-imħallfin nazzjonali;
26. Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rwol tal-korpi ġudizzjarji fil-politika tal-kompetizzjoni u jħeġġiġhom jużaw il-fakultajiet tagħhom sabiex jiksbu informazzjoni u opinjoni tal-Kummissjoni kif ukoll jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ taħriġ tal-komunità; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet ġudizzjarji, tagħmel eżerċizzju attiv tal-fakultajiet tagħha biex twassal kontribuzzjonijiet lill-korpi ġudizzjarji bħal “amicus curiae” li għandhom jiġu pubblikati fil-ħin fil-websajt tal-Kummissjoni u tqis il-possibbiltà li tieħu azzjoni legali sabiex jiġi evitat li l-UE titħalla mingħajr protezzjoni u biex jiġu salvagwardjati l-interessi li għandha tipproteġi;
27. Jirrikonoxxi "il-proposta tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar azzjonijiet rigward danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni li bħalissa qiegħda taħdem fuqha; huwa determinat li jsib eżitu sodisfaċenti biex bih jiġu indirizzati l-kwistjonijiet speċifiċi li jitqajmu f'dan il-qasam;
28. Isostni l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropew tippromwovi b’mod attiv il-konverġenza sostantiva u proċedurali tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-qasam internazzjonali; iqis li l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali għall-iżgurar tal-konsistenza u l-interoperabbiltà fl-applikazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni għall-awtoritajiet responsabbli differenti, li tikkontribwixxi għall-effettività tal-investigazzjonijiet u għall-eżistenza ta’ kamp ekwilibrat;
29. Jenfasizza l-importanza tat-trawwim tal-konverġenza globali tar-regoli tal-kompetizzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali dwar l-infurzar ta’ kompetizzjoni; bħalissa qed taħdem fuq il-ftehim propost bejn l-UE u l-Isvizzera dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom; huwa determinat li jsib eżitu sodisfaċenti biex bih jiġu indirizzati l-kwistjonijiet speċifiċi li jitqajmu f'dan il-qasam;
30. Iqis li r-riżorsi għad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni għandhom jiżdiedu skont iż-żieda fil-piż tax-xogħol u l-firxa tal-kompiti, inter alia bil-mobilizzazzjoni mill-ġdid ta' riżorsi allokati għal linji baġitarji skaduti jew sottoutilizzata, sabiex tkun tista' tittieħed azzjoni aktar proattiva;
Awtoritajiet tal-kompetizzjoni
31. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs) kollha u r-regolaturi tas-setturi mill-gvernijiet nazzjonali, biex in-nominazzjoni ta’ presidenti u membri tal-bord li mhumiex politiċi u m’għandhomx kunflitti ta’ interess oħra bħal irbit ma’ lobbies, issir indispensabbli; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-persunal u r-riżorsi tal-NCAs u r-regolaturi tas-settur ikunu suffiċjenti u jvarjaw skont il-ħtiġijiet derivati tas-suq u skont il-ħtiġijiet tal-eżerċizzju effikaċi tad-dmiri tagħhom;
32. Jisħaq fuq l-importanza ta’ trasparenza sħiħa tal-NCAs u r-regolaturi tas-settur; jitlob li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-każijiet u d-deċiżjonijiet uffiċjali, b’kunsiderazzjoni tas-sigrieti kummerċjali li jistgħu jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni, issir aktar aċċessibbli online permezz ta’ database miftuħa;
33. Jappoġġa l-kooperazzjoni strutturata fi ħdan in-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni (ECN), li tippermetti koerenza fl-UE kollha tal-infurzar pubbliku tar-regoli tal-kompetizzjoni u tħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri tiegħu, peress li xi swieq għandhom tendenza li jkollhom dimensjonijiet aktar nazzjonali minn oħrajn, minħabba kundizzjonijiet legali, ekonomiċi u kulturali differenti; jemmen li, bħala regola ġenerali, il-programmi ta' ħidma u l-konklużjonijiet tal-laqgħat ECN għandhom jsiru pubbliċi fuq il-websajt tad-DĠ Kompetizzjoni;
34. Jemmen li l-NCAs u regolaturi oħra tas-settur nazzjonali għandhom ikomplu jikkooperaw sabiex tiġi żgurata azzjoni komplementari, b’mod partikolari fis-setturi fejn il-liberalizzazzjoni għadha mhix kompluta jew ma tkunx operattiva bis-sħiħ; jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ netwerk usa’ għar-regolaturi Ewropej inklużi NCAs u regolaturi tas-settur għall-iskambju tal-aħjar prattiki;
L-Għajnuna mill-Istat u l-effetti fuq l-ekonomija reali
Għajnuna mill-Istat lill-banek
35. Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat sa mill-bidu tal-kriżi bħala mekkaniżmu ta’ ristrutturazzjoni u riżoluzzjoni għall-banek li jinsabu f’diffikultà;
36. Jemmen li l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat matul il-kriżi għandu jiffoka kemm fuq l-istabbilizzazzjoni tas-sistema tal-banek kif ukoll fuq l-indirizzar ta’ segmentazzjoni inġusta tal-kundizzjonijiet ta’ kreditu u d-diskriminazzjoni tal-SMEs fis-suq uniku; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, tiżgura li l-għan li tiġi stabbilizzata s-sistema bankarja ma twassalx għal żieda ulterjuri fid-dejn pubbliku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni torbot l-estensjoni tal-għajnuna mill-Istat temporanja għas-settur bankarju ma' kundizzjonijiet aktar stretti u msaħħa li jirregolaw fejn l-enfasi titqiegħed fuq is-self bl-imnut, u restrizzjonijiet aktar b'saħħithom u regoli trasparenti fuq bonuses, strutturi tal-miżati u d-distribuzzjoni tad-dividendi;
37. Jinnota li l-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli dwar l-għajnuna tal-Istati lill-banek introdotti fl-2008 bħala miżuri temporanji f’bosta okkażjonijiet. għaldaqstant, jilqa’ l-azzjonijiet meħuda dan l-aħħar mill-Kummissjoni f’dan il-qasam.
38. Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna b’mod regolari d-dejta dwar l-għajnuniet mill-Istat mogħtija lis-settur finanzjarju sa mill-bidu tal-kriżi, it-telf konsolidat u l-evoluzzjoni ta’ rimborsi magħmula b’mod dettaljat pajjiż, pajjiż u entità, entità, u l-publikazzjoni tar-riżultati fil-website tal-Kummissjoni sabiex ikun hemm trasparenza sħiħa tal-iskala ta’ intervenzjoni pubblika sa mill-bidu tal-kriżi u l-impatt tagħha fuq il-kontribwenti;
39. Jemmen li l-metodi ta’ kontabbiltà għandhom jiġu armonizzati qabel ma ssir kwalunkwe valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li trid tingħata lill-banek, b’tali mod li t-trattament ta’ kontabbiltà tas-self iffinanzjat mill-ġdid għat-tieni darba, pereżempju, ikun l-istess irrispettivament mill-Istat Membru kkonċernat;
40. Jenfasizza li, b’mod partikolari fil-każ tal-banek li jirċievu għajnuna mill-Istat, ir-rifinanzjament tas-self għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-vijabbiltà tar-riċevitur; iqis li, fil-każ tal-korporazzjonijiet multinazzjonali, il-bejgħ ta’ assi u ishma fuq kumpaniji pparteċipati għandu jitqiegħed bħala kundizzjoni għar-rifinanzjament tas-self.
41. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib dawk is-swieq fis-settur bankarju fejn il-konċentrazzjoni hija għolja jew qed tikber, b’mod partikolari bħala riżultat tar-ristrutturazzjoni b’reazzjoni għall-kriżi; ifakkar li s-swieq oligopolistiċi huma suxxettibbli partikolarment għal prattiki antikompetittivi; jibża’ li din il-konċentrazzjoni finalment tista’ tkun ta’ dannu għall-konsumaturi; jenfasizza li konċentrazzjoni kbira żżejjed tista’ tipperikola l-industrija finanzjarja, kif ukoll l-ekonomija reali;
42. Jenfasizza li l-konsolidazzjoni fis-settur bankarju żiedet is-sehem tas-suq ta’ bosta istituzzjonijiet finanzjarji kbar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħasses mill-qrib is-settur sabiex tissaħħaħ il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur fis-swieq bankarji Ewropej, inkluż fil-banek ta' investiment, fejn depożiti bl-imnut huma ssussidjati b'konnessjoni ma' attivitajiet bankarji ta' investiment aktar riskjużi;
43. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra b’attenzjoni l-firxa ta’ assi u impriżi tal-istituzzjonijiet finanzjarji qabel l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat
44. Jenfasizza li depożituri li għandhom sa EUR 100 000 fil-kontijiet tagħhom f’entità bankarja għandu jkollhom il-protezzjoni massima u jiġu esklużi minn kull arranġament ta’ kondiviżjoni ta’ piż mir-ristrutturar jew riżoluzzjoni;
45. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-possibbiltà ta' għajnuna mill-Istat lill-banek li kultant tingħata fuq il-kundizzjoni ta' kreditu li jingħata lill-SMEs;
46. Jenfasizza li, minn meta bdiet il-keiżi finanzjarja, l-SMEs ġew affettwati b’mod sproporzjonat fil-ħila tagħhom li jkollhom aċċess għal finanzjamenti; jenfasizza li l-SMEs jikkostitwixxu 98% tal-impriżi kollha taż-żona ewro, jimpjegaw madwar tliet kwarti tal-impjegati taż-żona ewro, u jiġġeneraw madwar 60% ta’ valur miżjud u li l-aċċess għal finanzjamenti qed jipprevenihom milli jinvestu u qed irażżan it-tkabbir tagħhom; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza miżuri għall-ikkalibrar mill-ġdid tar-regolament finanzjarju biex tippromwovi t-tkabbir u ttaffi l-kriżi tal-finanzjament għall-SMEs;
47. Jisħaq li l-banek li jirċievu għajnuna mill-Istat m’għandhomx iżidu d-daqs u l-kumplessità tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħeġġiġhom jiffukaw il-mudell tan-negozju tagħhom fuq il-parti vijabbli tal-attivitajiet tagħhom, fuq il-politika ta' remunerazzjoni u l-istruttura tal-miżati u mhux iżidu l-espożizzjoni tagħhom għal dejn pubbliku, speċjalment jekk dawn qed inaqqsu l-fluss ta' kreditu lill-SMEs u lill-familji f'daqqa; jirrimarka li sistema regolatorja ġdida permanenti, hija neċessarja sabiex jiġu indirizzati d-difetti li nstabu fis-sistema legali li kienet tintuża qabel il-kriżi, b'mod partikolari fir-rigward tas-settur finanzjarju kif ukoll għar-rimedju tad-distorsjonijiet maħluqa matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika, u biex tiżgura li tingħata attenzjoni prijoritarja lill-konsegwenzi u l-benefiċċji għal dawk li jħallsu t-ttaxxa, għall-konsumaturi u s-suq uniku kollu kemm hu, meta l-banek ikunu qegħdin jirċievu għajnuna mill-Istat;
48. Jiddispjaċih li l-SMEs li għaddejjin minn programmi ta’ aġġustament fl-Istati Membri qed isibu diffikultajiet biex jaċċessaw kreditu mill-banek u huma obbligati jħallsu rati ta’ imgħax ogħla sempliċiment minħabba l-post tagħhom fiż-żona tal-euro, fatt li joħloq distorsjonijiet fis-suq uniku;
49. Jisħaq li l-investituri esterni għandhom jitħeġġu jipparteċipaw kemm jista’ jkun f’kumpaniji maniġerjali tal-assi (KMA) maħluqa taħt il-programmi tal-għajnuna mill-Istat bħala mezz għas-separazzjoni ta’ assi danneġġati, biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm kunflitt ta’ interessi bejn l-investituri li jħaddnu jew jittrasferixxu l-assi u l-għanijiet ta’ KMA partikolari;
50. Jemmen li l-KMA għandhom jippruvaw ibiegħu l-assi tagħhom mill-iktar fis possibbli sabiex jiksbu mill-ġdid in-normalità tas-suq u jtemmu l-intervent pubbliku f’settur speċifiku;
51. Jitlob għal darb’oħra lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-ħolqien ta’ aġenzija tal-klassifikazzjoni pubblika li għandha tkun maħsuba bħala l-unika aġenzija b’permess li tivvaluta d-dejn sovran ġewwa l-Unjoni Ewropea. jinnota li, bħala attur mhux tas-suq, huwa mistenni li din l-aġenzija tal-klassifikazzjoni pubblika jkollha perspettiva iżjed razzjonali u fit-tul fil-valutazzjoni tad-dejn pubbliku u l-istabilità finanzjarja tal-Unjoni b’mod ġenerali;
52. Jemmen li l-esperjenza tad-DĠ COMP fil-qasam tal-kriżi tal-banek għandha titqies bħala l-aqwa prattika u tintuża fil-futur iżjed għal skopijiet ta’ prevenzjoni milli għal interventi ex-post;
Il-Modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat
53. Jilqa’ għal darb’oħra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat (COM(2012)0209) u l-adozzjoni ta’ dan l-aħħar tal-Kunsill ta’ regoli riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat fuq eżenzjonijiet ġenerali u proċeduri; jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-istimolar tat-tkabbir ekonomiku, bħala wieħed mill-għanijiet ġenerali ta' din ir-riforma, mhuwiex se jwassal għal żieda fid-dejn pubbliku;
54. Iqis li l-kumpaniji jridu jirristrutturaw skont limiti ċari, billi jnaqqsu għal livell minimu l-effetti ta’ ħsara għall-kompetituri li ma rċevewx appoġġ mill-finanzjament pubbliku;
55. Huwa tal-opinjoni li mhux biss l-istituzzjonijiet finanzjarji imma wkoll il-kumpaniji industrijali jistgħu jsiru "kbar wisq biex ifallu”, kif kien il-każ tal-General Motors, li kellha tkun salvata mill-gvern tal-Istati Uniti; jitlob lill-Kummissjoni teżamina meta l-kumpaniji jkunu saru kbar wisq biex ifallu u tqis liema miżuri jistgħu jittieħdu f’livell nazzjonali jew tal-UE għalbiex ikun prevenut li l-kumpaniji jsiru jiddependu mill-bailouts futuri tal-gvern;
56. Jinnota l-intenzjoni ġenerali tal-Kummissjoni li teżenta aktar miżuri mir-rekwiżit ta' notifika; jenfasizza, madankollu, li l-Istati Membri se jkollhom jiżguraw il-konformità ex ante mar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat ta’ miżuri de minimis u skemi ta’ eżenzjoni sħiħa sabiex jiġi ppreservat livell suffiċjenti ta’ kontroll waqt li l-Kummissjoni tkompli teżerċita kontroll ex post ta’ dawn il-każijiet;
57. Jikkondividi l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-proċeduri tal-għajnuna mill-Istat għandhom jitħaffew sabiex ikun hemm iktar konċentrazzjoni fuq każijiet ikkumplikati b’effetti serji għall-kompetizzjoni fis-suq intern; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li tgħolli l-livell ta’ diskrezzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi kif għandha tittratta l-ilmenti; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi kriterji ddettaljati kif tiddistingwi l-każijiet importanti minn dawk inqas importanti f’dan il-kuntest; jirrimarka li limiti massimi aktar għoljin fir-regolament de minimis u l-estensjoni tal-kategoriji orizzontali fir-regolament permittenti u r-regolament għal eżenzjoni ġenerali sħiħa huma modi xierqa biex issir din id-dinstinzjoni;
58. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiżgura skambju aħjar mal-Istati Membri f’termini ta’ kwalità u puntwalità tas-sottomissjoni ta’ informazzjoni u t-tħejjija tan-notifiki; jenfasizza li sistemi nazzjonali effettivi għandhom jiżguraw li l-miżuri tal-għajnuna mill-Istat li jkunu eżenti mill-obbligu ta’ notifika ex ante jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni; jirrimarka li limiti massimi aktar għoljin fir-regolament de minimis u l-estensjoni tal-kategoriji orizzontali fir-regolament permittenti u r-regolament għal eżenzjoni ġenerali sħiħa huma modi xierqa biex issir din id-dinstinzjoni;
59. Jinnota li s'issa l-informazzjoni rilevanti għall-każijiet ta' kontroll tal-għajnuna mill-Istat ingħatat esklużivament mill-Istati Membri; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tevalwa jekk riżorsi umani addizzjonali se jkunu meħtieġa biex testendi l-għodod tagħha għall-ġbir tal-informazzjoni u tkun tista' tirċievi informazzjoni diretta minn parteċipanti fis-suq; jinnota, madankollu, li l-Kummissjoni m’għandhiex tkun kapaċi tinkludi kunsiderazzjonijiet addizzjonali ta’ kwalità u effiċjenza fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà;
60. Jinnota n-nuqqas ta’ ċarezza f’ċerti Stati Membri dwar jekk il-finanzjament pubbliku liċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumaturi (ECCs) jistax jitqies bħala għajnuna mill-Istat mhux iġġustifikata u skont it-tifsira tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni; huwa mħasseb li dan joħloq riskju għall-appoġġ tal-Istati Membri lill-ECCs u diġà rriżulta fis-sospensjoni temporanja tal-finanzjament għall-ECCs; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tiżgura l-funzjonament tajjeb tal-ECCs billi tiċċara mill-iktar fis possibbli li dan it-tip ta’ finanzjament ma jikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat skont id-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li l-ECCs mhumiex involuti f’attivitajiet ekonomiċi iżda jiżguraw servizzi ta’ appoġġ għall-konsumaturi;
Is-settur tat-trasport
61. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-politika tal-kompetizzjoni u l-politika tat-trasport sabiex ittejjeb il-kompetittività tas-settur Ewropew tat-trasport;
62. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw kompetizzjoni miftuħa u ġusta fil-moduli kollha tat-trasport;
63. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa netwerks tat-trasport pubbliku bil-għan li jittejbu s-servizzi għall-klijenti, li diġà jikkontribwixxu finanzjarjament permezz tat-taxxi tagħhom;
64. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bil-għan li tiġi miġġielda ż-żieda kontinwa fl-emissjonijiet tas-CO2, tiddedika attenzjoni partikolari lit-teħid ta' miżuri stretti fis-settur tat-trasport sabiex jintlaħaq l-impenn internazzjonali li t-tisħin globali jiġi limitat għal zieda ta' żewġ gradi Celsius (° C) fuq livelli pre-industrijali, kif stabbilit bħala mira għall-2020;
Ferrovija
65. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tlesti l-implimentazzjoni taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, tiżgura trasparenza sħiħa fil-flussi ta’ flus bejn il-maniġers tal-infrastrutturi u l-impriżi ferrovjarji, u tivverifika li kull Stat Membru għandu regolatur nazzjonali b’saħħtu u indipendenti;
66. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiggarantixxu l-ftuħ tas-settur tat-trasport ferrovjarju għal kompetizzjoni ġusta, kif ukoll kwalità aħjar tas-servizzi.
67. Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li tadotta proposta leġiżlattiva għal korp regolatorju Ewropew li jikkoopera mar-regolaturi nazzjonali eżistenti u jaġixxi fejn dawn ma jeżistux jew, fejn xieraq, meta jkunu inattivi.
68. Jisħaq li s-suq uniku fis-settur tal-merkanzija bil-ferrovija huwa affettwat minn traspożizzjoni ħażina jew mhux kompleta tal-liġi tal-UE mill-Istati Membri u minn konġestjoni għall-mobbiltà transkonfinali li tkun ta’ dannu għall-kompetizzjoni u t-tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-ostakli tekniċi jew tas-suq li huma differenti minn Stat Membru għal ieħor, bħall-wisa’ bejn il-binarji, il-provvista tal-enerġija u s-sistemi ta’ sinjali, u ostakoli simili dwar l-interoperabbiltá u l-aċċessibblitá tal-infrastruttura, jistgħux jitqiesu bħala ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni;
Avjazzjoni
69. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi l-linji gwida tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għall-avjazzjoni u l-ajruporti sal-aħħar tal-2013 bl-obbligu tal-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe tgħawwiġ tal-kompetezzjoni u t-twaqqif ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti kollha fis-suq;
70. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi ħarsa ġenerali ġustifikata biex taċċerta liema trasportaturi tal-ajru jwettqu mġiba kuntrarja għall-kompetizzjoni, permezz tal-eżerċizzju ħażin ta’ kundizzjonijiet speċjali jew ta’ abbużi tal-pożizzjoni dominanti tagħhom f’ċerti ajruporti;
71. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinvestiga jekk ċerti prattiki dwar id-deskrizzjoni ta’ ajruporti ċentrali speċifiċi —ibbażati fuq it-termini ta’ ’l fuq minn 1000 ftehima bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru ffirmati mill-Istati Membri ma’ pajjiżi mhux tal-UE — humiex ġustifikati b’mod objettiv u ma jirriżultawx perikolużi għall-kompetizzjoni l-interessi tal-konsumaturi Ewropej;
Is-settur awtomottiv
72. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura poteri ta' negozjar bilanċjati bejn il-manifatturi u d-distributuri, filwaqt li tenfasizza:
l-importanza tal-ġlieda kontra l-prattiki diskriminatorji fil-qasam tad-distribuzzjoni online kif irregolat mir-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija għall-Akkordji Vertikali (Regolament tal-Kummissjoni 330/2010), għas-salvagwardja tal-ħila tad-distributuri li jużaw metodi ta’ distribuzzjoni innovattivi u jilħqu għadd u spettru ikbar ta’ klijenti;
– l-importanza tan-negozjaturi fis-swieq għall-bejgħ ta' vetturi ġodda bil-mutur wara li jiskadi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 fil-31 ta' Mejju 2013;
jitlob lill-Kummissjoni tinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati prinċipji ta’ kondotta tajba bejn il-manifatturi u n-negozjanti rigward il-ftehimiet vertikali fis-settur tal-vetturi bil-mutur, b’mod partikolari rigward il-ħarsien tal-investimenti wara t-tmiem ta’ kuntratt u l-possibbiltà tat-trasferiment ta’ negozju lejn membru ieħor tal-istess netwerk tal-prodott, għall-promozzjoni tat-trasparenza fir-relazzjonijiet kummerċjali u kuntrattwali bejn il-partijiet;
Is-settur tal-bini tal-bastimenti
73. Jistieden li tiġi garantita l-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti li tiffavorixxi l-attività tagħha fi ħdan l-Unjoni Ewropea fil-konfront ta’ ambjent internazzjonali li kulma jmur isir aktar kompetittiv.
74. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt tas-sidien Ewropej fl-Istati Membri kollha u t-trattament indaqs tagħhom kollha.
Is-settur tal-enerġija
75. Josserva li suq uniku għall-enerġija ma għandux jirriżulta biss fi prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi imma jżid ukoll il-kompetittività tal-impriżi tal-UE;
76. Jilqa’ l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Kummissjoni kontra l-monopolju fis-settur tal-enerġija;
77. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex li twettaq l-implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett tas-suq tal-enerġija interna, minħabba l-fatt li suq uniku miftuħ u kompetittiv fis-settur tal-enerġija għadu ma ntlaħaqx għall-kollox; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun deċiża fit-tkomplija tal-passi meħuda fid-dawl tal-inkjesta dwar is-settur sabiex ir-regoli tal-kompetizzjoni jiġu applikati b’mod effettiv għas-settur tal-enerġija; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-proċeduri li għaddejja tal-liġi dwar il-kompetizzjoni fis-settur tal-enerġija, bil-għan li jitlesta s-suq intern tal-enerġija fl-2014 u li jiġu eliminati l-ostakli stabbiliti mill-ġdid mill-fornituri tal-enerġija;
78. Iqis li suq uniku Ewropew tal-enerġija jbaxxi l-prezz tal-enerġija mħallas mill-konsumaturi u n-negozji, u jsaħħaħ il-kompetittività tal-operaturi tan-negozji Ewropej fuq skala globali. jemmen li, għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi mħeġġa tiżviluppa suq uniku Ewropew tal-enerġija sal-2014;
79. Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni f’waqtha u korretta tal-leġiżlazzjoni eżistenti għas-suq tal-enerġija, inkluż ix-xogħol regolatorju mitlub mit-Tielet Pakkett tas-Suq tal-Enerġija Interna, sabiex jintlaħaq suq tal-enerġija interna Ewropew li jkun integrat u kompetittiv sal-2014;
80. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-regolamenti u d-direttivi dwar l-enerġija huma trasposti u applikati b’mod tajjeb fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni tkun partikolarment għassa għall-prezzijiet meta jaqbżu l-medja tal-UE, peress li l-prezzijiet għolja jxekklu l-kompetizzjoni u jkunu ta’ dannu għall-konsumaturi;
81. Jemmen li l-Kummissjoni teħtieġ tkun stretta bl-introduzzjoni ta’ riformi tas-suq tal-enerġija għat-tnaqqis tal-prezzijiet tiegħu, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri taħt proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
82. Jistieden lill-Kummissjoni u lir-regolaturi nazzjonali jindagaw kontra l-imġiba kollużiva tal-impriżi jew l-abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-fjuwils bl-imnut;
83. Jilqa’ fid-dawl ta’ dan l-inkjesti li għamlet dan l-aħħar il-Kummissjoni fis-settur taż-żejt, waqt li jirrikonoxxi li l-ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni f’dan il-qasam jkollu implikazzjonijiet enormi għall-konsumaturi.
84. Jistieden lill-Kummissjoni u lir-regolaturi nazzjonali jinvestigaw jekk l-hekk imsejjaħ “l-effett tat-Tnejn” – allegazzjoni ta’ manipulazzjoni tal-prezzijiet tal-petrol mill-kumpaniji skont il-ġurnata speċifika tal-ġimgħa – huwiex reali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-livell ta’ kompetizzjoni billi l-ikbar tliet atturi għadhom jirrappreżentaw madwar 75 % (elettriku) u ’l fuq minn 60 % (gass) tas-suq minkejja l-ftuħ progressiv tas-swieq f’nofs is-snin disgħin; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida sabiex ittejjeb l-aċċess tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija għan-netwerk tal-enerġija;
85. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina fir-rapport annwali tagħha li jmiss il-punti safejn il-konċentrazzjoni ta’ fornituri tal-materji primi kritiċi tista’ tkun ta’ ħsara għall-attività tas-setturi tal-klijenti u għal ekonomija iktar ekoeffiċjenti billi wħud minn dawn huma ta’ importanza kruċjali għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ekoeffiċjenti meħtieġa għall-ilħuq ta’ għanijiet ambjentali;
86. Jenfasizza r-rwol tal-grids intelliġenti fil-komunikazzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet bejn il-produtturi tal-elettriku u l-konsumaturi, u jirrimarka li l-grids intelliġenti jistgħu jippermettu lill-konsumaturi josservaw u jadattaw l-użu tagħhom tal-elettriku; jisħaq li l-Istati Membri għandhom jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli fuq il-websajts għall-konsumaturi u għall-atturi rilevanti kollha bħall-bennejja, l-arkitetti u l-fornituri tat-tagħmir tas-sħana, tat-tkessiħ u tal-elettriku;
·Is-servizzi ta’ pagament:
87. Huwa mħasseb li s-suq Ewropew għall-pagamenti elettroniċi għadu frammentat u li kwistjonijiet dwar il- kompetizzjoni għad iridu jissolvew; jirrikonoxxi ż-żewġ proposti tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2013 dwar ħlasijiet interskambjali għal tranżazzjonijiet ta' ħlas bil-kard u fuq servizzi ta' ħlas fis-suq intern, li fuqhom bħalissa qed taħdem; huwa determinat li jsib eżitu sodisfaċenti biex bih jiġu indirizzati l-kwistjonijiet speċifiċi li jitqajmu f'dan il-qasam;
88. Jisħaq li minkejja l-fatt li d-Direttiva (2011/7/UE) dwar il-Ħlasijiet Tard kellha tiġi ttrasposta fil-liġijiet nazzjonali sa Marzu 2013, mhux l-Istati Membri kollha implimentawha. jinnota li dan huwa dannuż għall-kompetizzjoni fis-suq uniku, u jaffettwa lill-SMEs b'mod partikolari;
Telekomunikazzjonijiet
89. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirdoppja l-isforzi tagħha fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet sabiex tikkontribwixxi għat-tmiem tal-frammentazzjoni tas-swieq tat-telekomunikazzjonijiet u tevita l-abbużi tal-pożizzjonijiet dominanti mill-operaturi bis-setgħa tas-suq; jistedinha tissorvelja li s-servizzi tal-operaturi, b’mod partikolari dawk ta’ aċċess għall-Internet, ikunu trasparenti, kumparabbli u eżentati minn ostakoli kuntrattwali għall-kompetizzjoni;
90. Jilqa’ l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta’ infrastrutturi ta’ veloċità għolja madwar it-territorju Ewropew kollu, li jiġġeneraw kompetittività ekonomika u koeżjoni soċjali; jistaqsi dwar in-natura possibbli ta’ SIEĠ diġitali fl-Ewropa;
91. Iqis li l-kontribut tal-politika tal-kompetizzjoni għandu importanza kbira fl-iskjerament tal-infrastrutturi tal-broadband fis-suq uniku b’mod li permezz ta’ bilanċ ġust bejn l-investiment pubbliku u privat jistgħu jiġu koperti l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali u tintlaħaq il-kopertura taż-żoni remoti, rurali jew b’popolazzjoni baxxa tal-Unjoni Ewropea;
Teknoloġiji ġodda u l-Internet
92. Jenfasizza l-importanza distinta tal-“privattivi essenzjali” għall-innovazzjoni fis-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u, għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni taġixxi malajr sabiex tiżgura li s-suġġetti tagħha jagħtu liċenzji ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji lejn operaturi oħrajn sabiex b’hekk ikun jista’ jkompli l-progress tekniku u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda għall-benefiċċju tal-konsumaturi; jissottolinja l-fatt li l-politika tal-kompetizzjoni għandha strumenti sabiex tevita l-ħolqien ta’ ostakoli artifiċjali għall-interkonnessjoni, għall-interoperabbiltà u l-iżvilupp ta’ ekonomiji tal-kobor fis-swieq;
93. Jilqa' l-progress li sar fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni tal-prattiki antikompetittivi ta' Google u aħbarijiet riċenti ta' soluzzjoni possibbli sar-rebbiegħa 2014; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi b'mod deċiżiv fuq it-tħassib kollu li ġie identifikat, u, bħala prijorità, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex "jiżgura kompetizzjoni ġusta fit-tiftix onlajn u s-swieq tar-reklamar marbut mat-tiftix, fid-dawl tad-dominanza ta' Google, b'sehem tas-suq ta' aktar minn 90% f'ħafna mill-Istati Membri, u l-abbuż possibbli ta' din id-dominanza;
94. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tittestja fis-suq il-proposti l-ġodda mressqa minn Google sabiex tevalwa bir-reqqa l-adegwatezza u l-impatt tagħhom; jenfasizza, fid-dawl tal-importanza li l-magni għat-tiftix għandhom fl-ekonomija diġitali, li l-Kummissjoni għandha – fi kwalunkwe każ – tiżgura li Google timpenja ruħha bis-sħiħ, u timplimenta, soluzzjonijiet biex jindirizzaw l-erba' oqsma ta' tħassib imqajma mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni, jekk dan ma jistax jintlaħaq permezz ta' ftehim, biex minnufih tibgħat Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet lill-kumpanija għat-tfittxija kkonċernata;
95. Ifakkar li n-newtralità netta hija tal-ikbar importanza sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn is-servizzi tal-Internet u li l-kompetizzjoni tiġi ggarantita bis-sħiħ.
Għajnuna mill-Istat lill-futbol
96. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tiftaħ investigazzjonijiet kontra l-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat fil-futbol peress li toħloq tgħawwiġ fir-rigward tal-użu tar-riżorsi pubbliċi.
97. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tistudja bir-reqqa kwalunkwe self jew kwalunkwe finanzjament mill-ġdid ta' self minn banek li rċevew għajnuna mill-Istat immirata għall-klabbs tal-futbol, b'mod partikolari ir-rati tas-self imqabbla mar-rata medja tas-self u d-daqs tiegħu meta mqabbel mad-dejn tal-klabb tal-futbol ikkonċernat;
98. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza b'mod strutturat ir-relazzjonijiet bejn l-isports professjonali u l-politika tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari li jonqsu li jitħallsu tariffi soċjali, l-ilħuq tal-obbligi tat-taxxa mill-klabbs tal-futbol u l-klawsoli ta' terminazzjoni;
Distribuzzjoni u alimentazzjoni
99. Jilqa' l-ħolqien tat-Task Force tal-Ikel fi ħdan id-DĠ COMP bil-għan li jiġu sorveljati żviluppi fil-kompetizzjoni fil-katina tal-ikel u l-impatt fuq il-konsumaturi, kif ukoll it-tnedija ta' studju dwar is-settur bl-imnut; iqis li l-istabbiliment ta' sistema bbilanċjata ta' relazzjonijiet fis-settur tal-ikel m'għandux isir għad-detriment tal-politika tal-kompetizzjoni jew permezz ta' approċċ purament kummerċjali li ma jirriflettix il-prinċipji bażiċi tal-istess politika;
100. Jilqa’ l-azzjonijiet tal-Kummissjoni li tispezzjona l-provvista tas-suq taz-zokkor abjad u jistenna bil-ħerqa r-riżultati tal-investigazzjoni;
Aspetti soċjali
101. Jinnota li l-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-kontroll demokratiku u l-promozzjoni tal-interess pubbliku huma prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
102. Jenfassiza li, flimkien mal-prinċipji ġenerali tat-Trattati (nondiskriminazzjoni, trattament ugwali, proporzjonalità) l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu kif is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) jiġu finanzjati u organizzati; f’dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni fuq l-għanijiet soċjali tal-Unjoni u fuq il-promozzjoni tal-kwalità, tal-aċċessibilità u tal-effettività ta’ dawn is-servizzi, kemm jekk dawn huma provduti minn operaturi pubbliċi kif ukoll privati;
103. Jinnota li l-Unjoni qed taffaċċja sfidi kbar f’termini ta’ reindustrijalizzazzjoni, tranżizzjoni enerġetika u ta’ tagħmir diġitali, li jeħtieġu investimenti kbar; u li l-investimenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u fil-ħiliet maħsuba biex jikkumbattu l-qgħad fost iż-żgħażagħ jikkumplimentaw, aktar milli jikkontradixxu, l-għanijiet tal-politika tal-kompetizzjoni;
104. Jirrimarka li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tikkonforma mal-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi li fil-politiki u l-azzjonijiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tqis il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg;
105. Jenfasizza l-importanza li għandha tingħata lill-inklużjoni ta’ kriterji soċjali u ambjentali fl-offerti għal kuntratti ta’ akkwist pubbliku;
106. Huwa konvint li politika ta’ konverġenza soċjali tista’ titwettaq b’mod konsistenti flimkien ma’ politki ekonomiċi u kompetizzjonijiet b’saħħithom;
107. Iqis li l-iżgurar tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta għall-intrapriżi fis-suq domestiku jiddependi wkoll mill-ġlieda kontra d-dumping soċjali, li għandu jitqies bħala prattika antikompetittiva; jemmen li l-Kummissjoni għandha toqgħod attenta għall-prattiki ta’ dumping fl-UE, fejn impriża, b’mod internazzjonali jew domestiku, tbigħ unitajiet bi prezz iktar baxx minn dak tal-produzzjoni biex tfalli kompetitur wieħed jew iktar; jemmen li l-Kummissjoni għandha għalhekk tistinka biex l-Istati Membri jikkonverġu f'terimini ta' prestazzjoni soċjali u ekonomika; jenfasizza l-ħtieġa li r-riformi strutturali jinkludu tiġdid tas-sistema ta’ tassazzjoni biex jiġġieldu l-frodi, l-evażjoni tat-taxxa ur-rifuġji fiskali;
108. Ittenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex, fil-futur, tinkludi sezzjoni speċifika fuq l-impatt tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE fuq l-impjiegi u kwistjonijiet soċjali fir-rapporti tagħha;
°
° °
109. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali (NCAs).
- [1] ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.
- [2] ĠUL 61, 5.3.2009, p. 1.
- [3] ĠUL 24, 29.1.2004, p. 1.
- [4] ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8.
- [5] ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2.
- [6] ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1.
- [7] ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9.
- [8] ĠU C 16, 22.1.2009, p. 1.
- [9] ĠU C 6, 11.1.2011, p. 5.
- [10] ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.
- [11] ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4.
- [12] ĠUL 7, 11.1.2012, p. 3.
- [13] ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15.
- [14] ĠUL 114, 26.4.2012, p. 8.
- [15] ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 51.
- [16] Testi adottati, P7_ TA(2013)0026.
- [17] ĠU C 184, 22.7.2008, p. 13.
- [18] Testi adottati, P7_TA(2013)0267.
- [19] ĠUL 304, 20.11.2010, p. 47.
- [20] ĠU C 304 E, 1.12.2005, p. 114.
- [21] ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 143.
- [22] ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 105
- [23] ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 43
- [24] C 349 E, 22.12.2010, p. 16.
- [25] ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 60
- [26] ĠU C 239 E, 20.8.2013, p. 97
- [27] Testi adottati, P7_TA(2013)0268.
NOTA SPJEGATTIVA
Illum, 20 sena wara li nibet is-suq uniku, ħafna konsumaturi għadhom affettwati b’mod serju mill-prattiki antikompetittivi f’bosta setturi ekonomiċi. Xi drabi, dawn il-prattiki jkollhom l-għeruq tagħhom fis-settur privat, bħal fil-każ tal-kartelli, iżda huwa magħruf ferm li s-settur pubbliku wkoll għandu tendenza li jkun kontra l-ftuħ tal-kompetizzjoni f’bosta setturi ekonomiċi importanti bħall-ferrovija, l-ajruporti, it-telekomunikazzjonijiet jew l-elettriku.
Barra minn hekk, bosta drabi, is-settur pubbliku ma jipprovdix regolaturi indipendenti għalkollox li jistgħu jiżguraw li s-swieq jibqgħu jaħdmu kif xieraq, b’mod ġust u nondiskriminatorju. stess sitwazzjoni tiġri lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.
Kwistjoni oħra ta’ importanza kbira hija r-regoli u l-prattiki fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, l-għajnuna mill-Istat lil banek ilha għal żmien twil kwistjoni kontroversjali f’ċerti gruppi politiċi. Wieħed jista’ jifhem dan, hekk kif filwaqt li f’ċerti partijiet tal-Ewropa jinqatgħu s-servizzi soċjali sabiex terġa’ tinkiseb sostenibbiltà fiskali, il-banek jirċievu l-biljuni fi flus pubbliċi. Għandna niżguraw li l-banek ikunu responsabbli għalkollox fir-rigward ta’ kif jużaw dawn il-flus pubbliċi.
Għalija huwa fundamentali wkoll li jiġi żgurat li l-kont għall-kontribwent ikun baxx kemm jista’ jkun. Ċerti politiki li nipproponi jinkludu l-obbligu għall-banek li jbigħu l-ishma tagħhom f’kumpaniji oħra qabel ma jirċievu għajnuna mill-Istat.
Nixtieq nirrimarka wkoll it-tħassib tiegħi dwar is-sitwazzjoni tal-kreditu lil SMEs fl-Ewropa. Hekk kif il-kriżi tikber, il-kreditu lill-ekonomija reali jibqa’ jonqos u jkun aktar u aktar għali. Mhux minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tal-SMEs, iżda minħabba l-post tagħhom fiż-żona tal-euro. Din is-sitwazzjoni trid tiġi indirizzata hekk kif il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni ta’ politika monetarja huwa de facto miksur. Distorsjoni oħra tinħoloq mill-fatt li ċerti banek li jirċievu għajnuna mill-Istat jużaw dawn il-flus biex jixtru aktar dejn sovran meta fl-istess ħin inaqqsu l-kreditu lill-SMEs u d-djar.
Settur ieħor ta’ importanza fundamentali għalija huwa s-settur tat-trasport. Huwa urġenti li titlesta l-implimentazzjoni taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, u jiġi żgurat li s-suq uniku fis-settur tat-trasport tal-passiġġieri u l-merkanzija bil-ferrovija ma jsirlux dannu minn traspożizzjoni ħażina jew mhux kompleta tal-Liġi Komunitarja mill-Istati Membri. Fil-qasam tal-avjazzjoni, inħoss li l-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiż terz li jisfurzaw lill-konsumatur juża linja tal-arju jew ajruport partikolari għandhom jiġu riveduti malajr kemm jista’ jkun biex jitneħħew dawn id-dispożizzjonijiet.
Fl-aħħar nett, fir-rapport nindirizza wkoll ċertu tħassib dwar is-setturi tal-enerġija u l-Internet. Dawn huma swieq fejn il-preservazzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta hija fundamentali jekk aħna, bħala Ewropej, irridu noħolqu ekonomija innovattiva, kompetittiva u sostenibbli.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (26.9.2013)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE
(2013/2075(INI)) Il-Parlament Ewropew,
Rapporteur għal opinjoni: Françoise Castex
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi l-politika tal-kompetizzjoni għandha tiżgura il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u ambjent b'kundizzjonijiet ekwi, biex tipproteġi lill-konsumaturi minn prattiċi antikompetittivi u tiżgura l-aqwa prezzijiet; billi l-iskop tal-politika tal-kompetizzjoni mhuwiex li timmaniġġja fuq livell mikro iżda li tinforza regoli ċari u ġusti, li fihom il-forzi tas-suq jistgħu jiffunzjonaw b’mod effettiv;
B. billi b'kunsiderazzjoni għar-rwol essenzjali tal-azzjoni pubblika, l-investimenti pubbliċi u s-servizzi ta' interess ġenerali (SIEĠ) li jiżguraw il-koeżjoni soċjali, b’mod partikulari waqt kriżi;
C. billi l-Unjoni Ewropea hija konċernata b’mod partikolari bil-qgħad fost iż-żgħażagħ fis-suq uniku, u billi ż-żgħażagħ jitgħabbew bil-piż tal-qgħad ikkaġunat minn swieq bi prestazzjoni baxxa;
D. billi l-Artikolu 14 tat-TFUE jistabbilixxi li l-kodeċiżjoni għandha tintuża biex tassigura l-kundizzjonijiet b'mod partikolari l-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, għat-tħaddim tas-SIEĠ;
E. billi l-Protokoll Nru 26 għat-TFUE jiggrantixxi diskrezzjoni wiesgħa lill-awtoritajiet pubbliċi fil-fornitura, l-ikkummissjonar u l-organizzazzjoni tas-SIEĠ;
F. billi s-sentenza Altmark[1] tistabbilixxi erba' kriterji biex issir distinzjoni bejn kumpens għal servizz pubbliku u għal għajnuna mill-istat;
1. Jinnota li l-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-kontroll demokratiku u l-promozzjoni tal-interess pubbliku huma prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
2. Ifakkar fl-implementazzjoni, fl-2012, tal-“Pakkett tal-Għajnuna tal-Istat”; jinnota li ċerti miżuri ta’ eżenzjoni ta’ notifika għall-investimenti pubbliċi xierqa huma sodisfaċenti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tal-istess, inklużi l-effetti potenzjali kwantitattivi u kwalitattivi fuq l-impjieg u fuq is-servizzi liċ-ċittadin, fid-dawl tal-fatt li l-kriżi qiegħda tkompli tiddanneġġa l-ekonomija;
3. Jenfassiza li, flimkien mal-prinċipji ġenerali tat-Trattati (nondiskriminazzjoni, trattament ugwali, proporzjonalità) l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu kif is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) jiġu finanzjati u organizzati; f’dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni fuq l-għanijiet soċjali tal-Unjoni u fuq il-promozzjoni tal-kwalità, tal-aċċessibilità u tal-effettività ta’ dawn is-servizzi, kemm jekk dawn huma provduti minn operaturi pubbliċi kif ukoll privati;
4. Jinnota r-risposta tal-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura s-salvataġġ u l-vijabilità ta’ numru stabbilit ta’ banek fl-2012 u biex twaqqaf pjan ta’ emerġenza temporanju; jemmen li għandu jiġi addottat l-istess approċċ biex jingħata appoġġ lil setturi industrijali oħra fi kriżi;
5. Jinnota li l-Unjoni qed taffaċċja sfidi kbar f’termini ta’ reindustrijalizzazzjoni, tranżizzjoni enerġetika u ta’ tagħmir diġitali, li jeħtieġu investimenti kbar; jemmen li l-kumpaniji li jiffukaw fuq għanijiet ta’ profittabiltà fuq żmien qasir ma jistgħux jiżguraw dawn l-investimenti fit-tul meħtieġa biex jerġgħu lura għal tkabbir sostenibbli u inklużiv; iqis li hija r-responsabilità tal-awtoritajiet pubbliċi li jippromwovu dawn l-investimenti li għandhom potenzjal sinifikanti ta’ impjieg; iqis li l-politika ta’ kompetizzjoni ma tistax tikkostitwixxi xkiel għall-investiment futur; jinnota wkoll li s-swieq tax-xogħol Ewropej isofru minn diskrepanza ta’ ħiliet bejn żgħażagħ li qed ifittxu x-xogħol u l-impjegaturi u li l-investimenti edukattivi pubbliċi mfassla kontra l-qgħad qalb iż-żgħażagħ jikkumplimentaw, aktar milli jikkontradixxu, l-għanijiet tal-politika tal-kompetizzjoni;
6. Jirrimarka li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tikkonforma mal-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi li fil-politiki u l-azzjonijiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tqis il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg; iqis li din il-klawżola orizzontali hija ta’ interess kbir għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE u għat-teħid tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw lis-setturi fi kriżi u b’telf drammatiku ta’ impjieg; jenfasizza l-ħtieġa li l-għan prinċipali tal-politiki li jimmaniġġjaw il-proċessi ta’ ristrutturar ikun li ma jkun hemm l-ebda qgħad, flimkien mar-rikonoxximent li l-politiki għandhom iwasslu soluzzjonijiet xierqa għal kull ħaddiem, filwaqt li jitqies il-fatt li matul id-deċennji l-kompetizzjoni globali u r-ristrutturar tal-kumpaniji wasslu għat-telf tal-impjiegi fl-industriji tal-manifattura fl-Unjoni b’mod partikolari qalb il-ħaddiema bi ftit kwalifiki;
7. Jisħaq fuq l-importanza li jissaħħu mill-ġdid s-setturi industrijali Ewropej permezz ta’ investimenti fil-modernizzazzjoni tal-għodod tal-produzzjoni u permezz ta’ politika ta’ kompetizzjoni li tippermetti l-ħolqien ta’ gruppi industrijali fuq skala globali;
8. Jilqa’ l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta’ infrastrutturi ta’ veloċità għolja madwar it-territorju Ewropew kollu, li jiġġeneraw kompetittività ekonomika u koeżjoni soċjali; jistaqsi dwar in-natura possibbli ta’ SIEĠ diġitali fl-Ewropa;
9. Jenfasizza l-importanza li għandha tingħata lill-inklużjoni ta’ kriterji soċjali u ambjentali fl-offerti għal kuntratti ta’ akkwist pubbliku;
10. Huwa konvint li politika ta’ konverġenza soċjali tista’ titwettaq b’mod konsistenti flimkien ma’ politki ekonomiċi u kompetizzjonijiet b’saħħithom;
11. Jiddubita l-kunċett ta' "għajnuna mhux xierqa" introdotta mill-Kummissjoni, jitlob li l-kriterji li jiddefinixxu għajnuna effettiva li għandhom jiġu speċifikati u għal indikazzjoni ċara tar-regoli li japplikaw meta l-Istati Membri, korpi lokali jew reġjonali jew mis-settur privat jagħmel investimenti f'diversi setturi li jipprovdu servizzi ekonomiċi jew soċjali jew taħlita tat-tnejn; jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-effiċjenza ekonomika hija irrelevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-finanzjament tas-suq komuni;
12. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa l-interazzjoni bejn, minn naħa waħda, il-politika tal-kompetizzjoni u min-naħa l-oħra, l-objettivi tal-politiki ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-UE, filwaqt li żżomm f’moħħha d-diffikultajiet affaċċati biex ikun assigurat aċċess addattat għall-finanzi mis-settur pubbliku u l-ekonomija soċjali, tilħaq il-miri 2020 u tikkonforma mar-restrizzjonijiet baġitarji u fiskali mitluba mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir;
13. Huwa tal-fehma li l-ekonomija u l-attivitajiet li jikkontribwixxu għal objettivi speċifċi soċjali, ekonomiċi u ambjentali għandhom jibbenefikaw minn ċerta flessibbiltà jew sett proprju ta' regoli speċjali dwar l-għajnuna mill-istat, b'kunsiderazzjoni għan-natura speċifika tal-operat u l-objettivi tagħhom, sakemm l-appoġġ għal organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitti u għal SIEĠ ma jwassalx għal distorsjonijiet fis-suq; jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni ma għandhiex tiġi użata bħala skuża biex jiġu mminati s-Servizzi Ekonomiċi ta’ Interess Ġenerali tal-Istati Membri;
14. Huwa tal-fehma li, fis-settur tad-djar soċjali, huwa preżenti b’mod qawwi l-valur tas-sussidjarjetà u li l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma għandhiex tipprevjeni l-iżvilupp tar-regoli nazzjonali sabiex tintlaħaq l-aħjar integrazzjoni soċjali;
15. Jemmen li l-kwalità tad-djalogu murija mill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni ma tistax tieħu post skrutinju demokratiku veru min-naħa tal-Parlament; jenfasizza li dan il-kontroll huwa ħafna aktar meħtieġ biex il-politika tal-kompetizzjoni twassal għal kontroll mill-Kummissjoni fuq id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali u lokali eletti demokratikament; jenfasizza wkoll l-ħtieġa li jiġi żviluppat djalogu aħjar bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili;
16. Huwa tal-fehma li l-iżgurar tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta għall-intrapriżi fis-suq domestiku jiddependi wkoll mill-ġlieda kontra d-dumping soċjali, li għandu jitqies bħala prattika antikompetittiva; jemmen li l-Kummissjoni għandha toqgħod attenta għall-prattiki ta’ dumping fl-UE, fejn impriża, b’mod internazzjonali jew domestiku, tbigħ unitajiet bi prezz iktar baxx minn dak tal-produzzjoni biex tfalli kompetitur wieħed jew iktar; jemmen li l-Kummissjoni għandha għalhekk tistinka biex l-Istati Membri jikkonverġu f'terimini ta' prestazzjoni soċjali u ekonomika; jenfasizza l-ħtieġa li r-riformi strutturali jinkludu tiġdid tas-sistema ta’ tassazzjoni biex jiġġieldu l-frodi, l-evażjoni tat-taxxa ur-rifuġji fiskali;
17. Itenni t-talba tiegħu għall-kodeċiżjoni f’dak li għandu x’jaqsam mar-regoli tal-kompetizzjoni, permezz ta’ ftehimiet interistituzzjonali u f'emenda futura tat-Trattat;
18. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex, f'rapporti futuri, tinkludi sezzjoni speċifika dwar l-impatt tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE fuq l-impjiegi u l-affarijiet soċjali.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
26.9.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
34 3 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Edit Bauer, Heinz K. Becker, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Philippe Boulland, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Minodora Cliveti, Emer Costello, Frédéric Daerden, Sari Essayah, Richard Falbr, Marian Harkin, Danuta Jazłowiecka, Ádám Kósa, Jean Lambert, Verónica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Csaba Őry, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Ruža Tomašić, Traian Ungureanu |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Françoise Castex, Philippe De Backer, Anthea McIntyre, Ria Oomen-Ruijten, Evelyn Regner, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Tatjana Ždanoka |
||||
- [1] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta' Lulju 2003 fil-kawża C-280/00, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
17.10.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
32 1 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Paul Besset, Udo Bullmann, George Sabin Cutaş, Rachida Dati, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Markus Ferber, Jean-Paul Gauzès, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Philippe Lamberts, Ivana Maletić, Marlene Mizzi, Ivari Padar, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Peter Simon, Kay Swinburne, Sampo Terho, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells, Pablo Zalba Bidegain |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Thijs Berman, Zdravka Bušić, Herbert Dorfmann, Ashley Fox, Roberto Gualtieri, Enrique Guerrero Salom |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Julie Girling, Phil Prendergast, Milan Zver |
||||