RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni)
31.10.2013 - (14605/1/2012 – C7-0000/2013 – 2013/2105(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Maria Eleni Koppa
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni)
(14605/1/2012 – C7‑0000/2013 – 2013/2105(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni) (14605/1/2012 - C7-0000/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 21, 24 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra t-Titolu V tat-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2012,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza InterParlamentari għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni tas-6 ta’ Settembru 2013,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà bit-titolu ‘Ewropa Sikura f'Dinja Aħjar’, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2003, u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha bit-titolu ‘Nipprovdu s-Sigurtà f'Dinja li qed Tinbidel’, adottat mill-Kunsill Ewropew fil-11 u t-12 ta’ Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-1 ta’ Diċembru 2011 u tat-23 ta’ Lulju 2012, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-kapaċitajiet militari tat-23 ta’ Marzu 2012,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istrateġija ta’ sigurtà marittima tas-26 ta’ April 2010,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni tas-27 ta’ Mejju 2011 u l-konklużjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar iċ-ċibersigurtà,
– wara li kkunsidra l-Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-Akkomunament u l-Kondiviżjoni adottat mill-ministri tad-difiża tal-UE fid-19 ta’ Novembru 2012,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2013 bl-isem “Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti” (COM(2013)0542),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità[1],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2013, dwar id-dimensjoni marittima tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni[3] u dwar l-istrutturi militari tal-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti futuri[4], tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni[5], dwar il-klawsoli ta’ difiża reċiproka u solidarjetà tal-UE: dimensjonijiet politiċi u operattivi[6], dwar ir-rwol tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni f'każ ta’ kriżijiet ikkawżati mill-klima u ta’ diżastri naturali[7], u dwar iċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċiberdifiża[8], tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur tad-difiża fl-Istati Membri tal-UE[9], tal-11 ta’ Mejju 2011 dwar l-iżvilupp tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona[10] u tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar il-kooperazzjoni ċivili-militari u l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ċivili-militari[11],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni tat-13 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-reviżjoni tal-2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE[12]u r-Reviżjoni tas-SEAE tal-2013 ippreżentata mir-Rappreżentant Għoli f’Lulju 2013[13],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-15 ta’ Ottubru 2013 tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni dwar il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-SEAE dwar ir-reviżjoni tal-proċeduri tal-immaniġġjar ta’ kriżijiet tal-PSDK adottat mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) fit-18 ta’ Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 119(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0360/2013),
Is-sigurtà u d-difiża Ewropea f’dinja li qed tinbidel
1. Jinnota l-bidliet sinifikanti u kontinwi fl-ambjent ġeopolitiku kkaratterizzat minn theddidiet multidimensjonali u asimmetriċi, mit-tkabbir ta’ setgħat emerġenti u minn bidla strateġika fl-attenzjoni tal-Istati Uniti lejn ir-reġjun tal-Paċifiku, mill-instabilità dejjem tiżdied fil-viċinat tan-nofsinhar tal-UE, minn żieda fl-isfidi marittimi tas-sigurtà, mill-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa u żieda fit-traffikar illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, u minn kriżi finanzjarja u ekonomika severa u fit-tul b’impatt ewlieni fuq il-PDG ta’ ħafna mill-Istati Membri tal-UE u, b’konsegwenza ta’ dan, fuq il-baġits tad-difiża nazzjonali fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku;
2. Jemmen li l-valutazzjoni mill-ġdid u t-tisħiħ tar-rwol tal-Ewropa fid-dinja jikkostitwixxu waħda mill-ikbar sfidi tas-seklu 21 u li wasal iż-żmien għall-Istati Membri tal-Unjoni biex juru r-rieda politika meħtieġa biex jagħmlu lill-UE attur globali rilevanti u tipprovdi s-sigurtà b’awtonomija strateġika reali; iqis li hija meħtieġa bidla fil-mentalità min-naħa tal-Istati Membri sabiex jiġi ankrat approċċ Ewropew ma’ politika impenjata u effettiva tas-sigurtà u d-difiża;
3. Jilqa’, għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li ssir diskussjoni ddedikata għas-sigurtà u d-difiża fis-Summit ta’ Diċembru 2013; iqis li din tipprovdi opportunità f’waqtha biex tenfasizza fl-ogħla livell politiku u tikkomunika lill-pubbliku fl-Ewropa li l-kwistjonijiet ta’ sigurtà u difiża għadhom importanti, u li d-dimensjoni Ewropea hija iktar rilevanti minn qatt qabel; jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha l-ħtieġa li tkun kapaċi tipprovdi s-sigurtà liċ-ċittadini tagħha, li tippromwovi u tiddefendi l-valuri fundamentali tagħha, tassumi s-sehem tagħha tar-responsabbiltà fil-paċi dinjija u li jkollha rwol effettiv fil-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kriżijiet reġjonali fil-viċinat usa' tagħha, li tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni tagħhom u li tipproteġi ruħha mill-effetti negattivi ta’ dawn il-kriżijiet;
4. Jilqa’ wkoll ir-rapport tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni dwar il-PSDK, li jidentifika għadd ta’ ostakli li tiffaċċja l-politika; jiddispjaċih madankollu, li r-rapport ma jissuġġerixxix aktar azzjonijiet konkreti biex jimla l-lakuni tal-PSDK;
5. Jistenna bil-ħerqa li jittieħdu deċiżjonijiet ta’ sustanza fis-Summit ta’ Diċembru u li jressaq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu ma’ dan ir-rapport, li jibnu fuq il-pożizzjonijiet rilevanti meħuda mill-Parlament fil-passat riċenti u li tingħata attenzjoni mill-qrib lid-dibattitu li għaddej dwar it-tliet kwistjonijiet ewlenin (raggruppamenti) identifikati mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2012;
L-isfruttar tal-potenzjal tat-trattati
6. Jinnota li t-Trattat ta’ Lisbona introduċa bosta strumenti ġodda fil-qasam tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) li għadhom ma tpoġġewx fil-prattika;
7. Jenfasizza f’dan ir-rigward il-possibilità li tiġi stabbilita kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) fost l-Istati Membri (Artikolu 46(6) tat-TUE), li jiġu fdati strumenti u kapaċitajiet ta’ ppjanar u kondotta militari tal-PSDK b’mod partikolari lil dak il-grupp ta’ Stati Membri (Artikoli 42(5) u 44(1) tat-TUE), u li jiġi stabbilit fond ta’ tnedija għall-attivitajiet preparatorji għall-missjonijiet li mhumiex debitati lill-baġit tal-Unjoni (Artikolu 41(3) tat-TUE) u li mhumiex inkorporati fil-mekkaniżmu ATHENA; jistieden għalhekk lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex jistabbilixxu l-fond ta’ tnedija; jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza li jiġu ssimplifikati l-kwistjonijiet tal-PSDK f’dawk il-politiki tal-UE li għandhom impatt multidimensjonali fuq is-sigurtà u d-difiża jew li jikkontribwixxu għall-PSDK, bħall-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem, ir-riċerka industrijali u l-innovazzjoni, is-suq intern, il-politiki internazzjonali tal-kummerċ u tal-ispazju u oħrajn, sabiex jappoġġjaw lil dawk l-Istati Membri li huma involuti fit-tisħiħ ulterjuri tal-PSDK;
8. Jenfasizza l-importanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet miftiehma komunement għall-iżvilupp tal-PSDK u jitlob lill-Kunsill Ewropew biex imexxi diskussjoni serja dwar l-implimentazzjoni tagħhom b’mod koerenti; jitlob lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) biex ikollhom rwol attiv f'dan il-proċess;
L-ewwel raggruppament: żieda fl-effettività, il-viżibbiltà u l-impatt tal-PSDK
9. Jindika li, skont it-Trattati, l-għan tal-UE huwa li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha (Artikolu 3 tat-TUE) u li l-azzjoni tagħha fix-xena internazzjonali għandha tfittex li tikkonsolida u tappoġġja d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u biex tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, f’konformità mal-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mal-prinċipji tal-Att Finali ta’ Ħelsinki u mal-għanijiet tal-Karta ta’ Pariġi, inklużi dawk relatati mal-fruntieri esterni (Artikolu 21 tat-TUE); huwa konvint li l-PSDK isservi dawn l-għanijiet u jenfasizza l-bżonn li tiġi aġġornata;
10. Jenfasizza li l-assi ewlieni tal-Unjoni Ewropea huwa d-disponibbiltà ta’ politiki u strumenti varji, ikkumbinati permezz tal-hekk imsejjaħ ‘approċċ komprensiv’, u li huwa possibbli li jinkisbu riżultati aħjar fil-livelli kollha billi tiġi integrata aħjar il-PSDK f’dan l-approċċ; jilqa’ f’dan ir-rigward ir-reviżjoni tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE ippubblikata mill-VP/RGħ f’Lulju 2013, li tagħraf il-problemi tal-koordinazzjoni u dawk relatati mal-ħeffa u l-effettività tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-PSDK; jistenna bil-ħerqa li jittieħdu deċiżjonijiet speċifiċi fis-Summit ta’ Diċembru u jistenna li tiġi integrata ulterjorment il-PSDK biex tiġi analizzata bir-reqqa fil-Komunikazzjoni konġunta li jmiss tal-VP/RGħ u mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-approċċ komprensiv;
11. Itenni l-konvinzjoni tiegħu li għalkemm elementi tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà tal-2003, kif supplimentati fl-2008, jibqgħu validi, l-UE għandha bżonn tirrevedi u tikkumplimenta din l-istrateġija billi tqis l-iżviluppi riċenti u firxa ġdida ta’ sfidi u riskji għas-sigurtà u tiddefinixxi mill-ġdid l-interessi, l-objettivi u l-prijoritajiet strateġiċi tagħha, b’enfasi akbar fuq il-ħarsien taċ-ċittadini tagħha, fuq id-difiża tal-infrastrutturi kritiċi u fuq il-viċinat tagħha, u billi tikkombina s-sottostrateġiji reġjonali u tematiċi differenti; jemmen li tali eżerċizzju għandu jipprovdi qafas strateġiku iktar ċar għall-azzjoni esterna mill-UE, itejjeb il-konsistenza u, fl-istess waqt, jikkomunika aħjar liċ-ċittadini l-isfidi u r-riskji li jiffaċċjaw fil-futur; jitlob għalhekk li l-Kunsill Ewropew iniedi dibattitu dwar il-qafas strateġiku xieraq għall-Unjoni, jagħti mandat lill-VP/RGħ biex iressaq il-proposti f’dan ir-rigward qabel tmiem l-2014 u jiżgura segwitu sostenibbli, kif definit primarjament fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà;
12. Jitlob li din ir-reviżjoni tal-qafas strateġiku tal-UE tiġi tissarraf fit-tfassil ta' White Paper dwar il-politika ta’ sigurtà u difiża tal-UE u jissuġġerixxi li l-Kunsill Ewropew ikun jista’ jniedi dan il-proċess meħtieġ; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex iqisu serjament id-dimensjoni Ewropea fl-istrateġiji ta’ sigurtà nazzjonali, fil-White Papers u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tad-difiża; jistieden lill-VP/RGħ biex jiżviluppa mudell komuni għat-tfassil tar-reviżjonijiet nazzjonali konkorrenti;
13. Jindika l-ħtieġa li jiġi garantit li l-UE tkun f’pożizzjoni li tikkontribwixxi, permezz ta’ operazzjonijiet ta' mmaniġjar ta' kriżi, għall-prevenzjoni, l-istabbilizzazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti;
14. Jemmen li l-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ difiża reċiproka u ta’ klawżola ta’ solidarjetà mit-Trattati (Artikolu 42(7) tat-TUE u Artikolu 222 tat-TFUE) isaħħu s-sens ta’ destin komuni fost iċ-ċittadini Ewropej; ifakkar lill-Istati Membri li l-Unjoni tista' biss twettaq ir-rwol globali tagħha fi spirtu ta' impenn, fehim reċiproku u solidarjetà ġenwina, b'hekk issaħħaħ is-sigurtà tal-Ewropa u dik taċ-ċittadini tagħha; ifaħħar, għalhekk, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għall-Proposta Konġunta dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-klawsola ta' solidarjetà u jitlob lill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern biex itennu mill-ġdid l-impenn tagħhom lejn is-solidarjetà politika reċiproka u biex jipprovdu interpretazzjoni operattiva ċara taż-żewġ klawsoli;
15. Jinnota bi tħassib li n-numru u l-puntwalità tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, u l-iżvilupp tal-mezzi u l-kapaċitajiet ċivili u speċjalment militari għall-PSDK ma jilħqux dak li huwa meħtieġ minħabba l-viċinat dejjem inqas sikur u instabbli tal-UE; jiddeplora, b’mod partikolari, l-ambitu ġenerali limitat tal-missjonijiet tal-PSDK relatati mal-kriżijiet fil-Libja u fil-Mali u jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ flessibbiltà fil-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni li jammontaw għal reazzjonijiet effettivi mdewma f’xenarji ta’ kriżijiet, kif juru ż-żewġ eżempji; jitlob biex is-sitwazzjoni tiġi sorveljata u biex jinżamm l-impenn operattiv fl-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu tan-Nofsinhar, li ta riżultati pożittivi; jitlob aktar ambizzjoni u sforzi serji biex jitjieb it-tfassil tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet futuri tal-PSDK taħt ‘proċess ta’ tagħlimiet miksuba’ u biex jiġu żviluppati strateġiji ta’ ħruġ xierqa; jistieden lill-VP/RGħ biex jidderieġi dan il-proċess u jilqa' f'dan ir-rigward ir-rapport tagħha ppubblikat fil-15 ta' Ottubru 2013 bħala pass importanti dwar kif il-PSDK issir aktar effettiva u proattiva;
16. Jenfasizza l-bżonn li titjieb il-viżibbiltà tal-immaniġġjar tal-kriżi Ewropea u li jitqiegħdu l-isforzi kollha taħt il-PSDK, u li jsir użu, fejn xieraq, mid-dispożizzjoni fl-Artikolu 44 tat-TUE għal deċiżjoni tal-Kunsill li tafda l-implimentazzjoni ta’ kompitu lil grupp ta’ Stati Membri li għandhom ir-rieda u l-kapaċità meħtieġa għal tali kompitu;
17. Jesprimi t-tħassib tiegħu, abbażi tal-esperjenza tal-passat riċenti, li l-approċċ komprensiv għall-immaniġġjar tal-kriżi għadu ma laħaqx il-potenzjal sħiħ tiegħu; iqis li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet huma aktar sinifikanti meta jintisġu fi strateġija reġjonali, kif juri l-eżempju pożittiv tal-Qarn tal-Afrika; jieħu nota tas-‘Suġġerimenti għal proċeduri tal-immaniġġjar ta’ kriżijiet għall-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar ta’ kriżijiet tal-PSDK’ approvat mill-Istati Membri fit-18 ta’ Ġunju 2013;
18. Jitlob li l-problemi funzjonali tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK, notevolment dawk li jirrigwardjaw il-ħeffa tal-iskjerament u tal-persunal, jiġu ttrattati billi jiġi rivedut il-qafas legali u finanzjarju tagħhom, li spiss jikkomplika l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u jwassal għal dewmien; jitlob għal żieda fin-numru ta’ pjanifikaturi strateġiċi kwalifikati u politikament indipendenti, li huwa żgħir wisq ikkumparat man-numru ta’ missjonijiet; jitlob barra minn hekk lill-Istati Membri biex joħolqu ‘korpi ta’ riżerva ċivili’ li jistgħu jiġu skjerati malajr jekk ikun meħtieġ; jilqa’ f’dan ir-rigward il-maħżen permanenti tal-PSDK stabbilit riċentament;
19. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2001 li talbet il-ħolqien ta’ Korp Ewropew għall-Paċi Ċivili; jilqa’ l-isforzi riċenti biex jinħoloq Korp Volontarju ta’ Għajnuna Umanitarja fil-Kummissjoni u grupp ta’ esperti fil-medjazzjoni, id-djalogu, u r-rikonċiljazzjoni fis-Servizz għall-Azzjoni Esterna; jilqa’ wkoll l-eżistenza u l-kontinwazzjoni tas-Sħubija għat-Tisħiħ tal-Paċi bejn is-Servizz għall-Azzjoni Esterna u partijiet interessati tas-soċjetà ċivili rilevanti;
20. Jenfasizza r-rwol importanti tal-medjazzjoni u d-djalogu fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti b’mod paċifiku; ifaħħar il-progress li għamel is-SEAE fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ medjazzjoni tiegħu u jtenni l-appoġġ tiegħu għat-titjib ulterjuri tal-kapaċitajiet tal-Ewropa f’dan il-qasam; jemmen li l-involviment b’suċċess tal-Parlament fil-proċessi ta’ medjazzjoni wera r-rwol importanti li jista’ jkollhom il-membri parlamentari fl-appoġġ għall-proċessi ta’ medjazzjoni u djalogu u għandu l-intenzjoni li jkompli jżid l-isforzi tiegħu f’dan il-qasam;
21. Jipproponi l-inklużjoni ta’ konsulenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar il-ġeneru fil-missjonijiet kollha tal-PSDK u jinkoraġġixxi skambju tal-aħjar prattiki fost il-missjonijiet tal-PSDK sabiex jitqies bis-sħiħ it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem u għall-protezzjoni u l-inklużjoni sħiħa tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u ta’ wara l-kunflitti, jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE biex jieħdu passi ulterjuri biex jinkludu aspetti tal-ġeneru fl-ippjanar tal-persunal għall-missjonijiet tal-PSDK;
22. Jenfasizza l-fatt li l-operazzjonijiet militari ta’ suċċess jirrikjedu funzjoni ċara ta’ kmand u kontroll; itenni għalhekk it-talba tiegħu għall-istabbilment ta’ kwartieri ġenerali ta’ operazzjonijiet militari permanenti; jinnota b’dispjaċir in-nuqqas ta’ progress fuq din il-kwistjoni u r-reżistenza qawwija ta’ xi Stati Membri; jenfasizza li PSDK effettiva teħtieġ appoġġ ta’ twissija bikrija u informazzjoni sigrieta adegwat; iqis, għalhekk, li dawn il-kwartieri ġenerali għandhom jinkludu ċelloli għall-ġbir ta’ informazzjoni sigrieta u għall-għarfien tat-twissijiet bikrija jew tas-sitwazzjoni;
23. Itenni l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni temporanja u jiġbed l-attenzjoni lejn il-proposta tiegħu biex jitjieb l-istat taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet għall-Qarn tal-Afrika li huwa attiv bħalissa u biex tiġi pprovduta għajnuna għall-ippjanar militari u għall-koordinazzjoni bejn l-atturi fil-qasam operattiv; jitlob lill-VP/RGħ biex tiżviluppa tali opzjoni, fi ħdan ir-restrizzjonijiet tad-daqs u l-infrastruttura attwali tiegħu, biex jitjieb l-użu tar-riżorsi attwali u biex tiġi eżaminata l-fattibbiltà li ż-żona ġeografiku ta' operazzjonijiet titwessa’ biex tinkludi reġjuni oħra importanti; iqis li dan il-korp għandu jkollu kapaċità legali u jiġi assenjat ir-rwol li jikkoordina l-akkwist bejn Brussell u l-kwartieri ġenerali tal-missjoni individwali, u juża l-ekonomiji ta’ skala biex jimmassimizza t-tfaddil;
24. Jinnota l-fatt li l-gruppi tattiċi tal-UE għadhom qatt ma ġew skjerati u jikkunsidra li l-eżistenza tagħhom se tkun diffiċli biex tkun iġġustifikata maż-żmien; jenfasizza li dawn jikkostitwixxu għodda importanti għall-ġenerazzjoni tal-forzi f’waqtha, għat-taħriġ u għar-reazzjoni rapida; jilqa’ d-deċiżjoni li din il-kwistjoni tiġi indirizzata matul is-Summit ta’ Diċembru; huwa konvint li l-UE għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha forzi tattiċi permanenti lesti biex jidħlu fl-azzjoni fi żmien qasir, b’komponenti tal-art, tal-baħar, ċibernetiċi u tal-forzi speċjali u b’livell għoli ta’ ambizzjoni; jenfasizza l-fatt li l-gruppi tattiċi tal-UE għandhom ikunu skjerati għal kull tip ta' kriżi, inkluż il-kriżi umanitarja kkawżata mill-klima; huwa favur approċċ iktar flessibbli u mmirat biex itejjeb ir-rispons u l-adattabbiltà għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi differenti, u li titjieb il-modularità sabiex jimtlew il-lakuni matul il-fażijiet inizjali tat-tnedija tal-operazzjonijiet tal-PSDK mingħajr ma tiġi kompromessa, madankollu, il-kapaċità operattiva tal-grupp tattiku b’mod ġenerali;
25. Jenfasizza l-fatt li għandhom isiru aktar sforzi biex inizjattivi bħall-Eurocorps u l-Grupp tal-Ajru Ewropew ikunu integrati fil-livell tal-UE;
26. Jikkonferma li s-sistema finanzjarja attwali ta’ ‘spejjeż jitħallsu fejn jitnefqu’ tikkostitwixxi problema serja għall-PSDK, li twassal għal dewmien jew imblukkar totali fit-teħid ta' deċiżjonijiet, notevolment fuq l-iskjerament rapidu tal-gruppi tattiċi; jirrakkomanda li l-Istati Membri jaqblu fuq mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-UE bbażat fuq qsim tal-piżijiet għall-użu tal-gruppi tattiċi taħt il-bandiera tal-UE, sabiex jingħatalhom futur realistiku; jitlob ukoll li ‒ fl-interess tal-koerenza u l-effettività ‒ is-SEAE għandu jikseb il-kontroll tal-istrumenti finanzjarji marbuta mal-miżuri tal-immaniġġjar ta’ kriżijiet ippjanati u mmexxija minnu; jistenna li l-VP/RGħ u l-Istati Membri interessati jressqu proposti konkreti f’dan ir-rigward;
27. Jesprimi t-tħassib tiegħu, barra minn hekk, li l-kriżi ekonomika u tad-dejn jista’ jkollha impatt fuq ir-rieda tal-Istati Membri tal-UE li jikkontribwixxu għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, b’mod partikolari dawk b’implikazzjonijiet militari u tad-difiża; jitlob għalhekk estensjoni tal-ambitu tal-mekkaniżmu ATHENA u l-użu ta’ fond ta’ tnedija (Artikolu 41(3) tat-TUE) biex jiġi żgurat l-iffinanzjar rapidu tal-kompiti urġenti; jenfasizza madankollu li anke jekk jinħtieġ li l-PSDK terġa’ tiġi enerġizzata, dan għandu jsir skont il-limitazzjonijiet baġitarji;
28. Jistieden lill-Istati Membri biex jisfruttaw il-possibilitajiet offruti mill-PESCO u biex jibdew jimplimentaw din id-dispożizzjoni tat-Trattat biex jittrattaw ‘l-għeja mill-PSDK’ prevalenti u tikber il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni militari; jitlob lill-Kunsill Ewropew biex jagħti linji gwida ċari għall-implimentazzjoni tagħha u jistieden lill-Istati Membri li mhumiex interessati biex jaġixxu b’mod kostruttiv; jenfasizza li għandha tibqa’ miftuħa l-possibbiltà ta’ sħubija fi stadju aktar tard sabiex tiġi żgurata l-flessibbiltà u tiġi evitata Ewropa b’żewġ veloċitajiet;
29. Jirrimarka li l-UE għandha interess vitali f'ambjent marittimu sigur u miftuħ li jippermetti l-passaġġ ħieles tal-kummerċ u l-użu paċifiku, legali u sostenibbli tar-rikkezzi tal-oċeani; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata politika barranija marittima tal-UE li timmira li tipproteġi u tippreserva l-infrastruttura kritika, ir-rotot tal-baħar miftuħ u r-riżorsi naturali u tqiegħed enfasi fuq ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti fi ħdan il-kuntest tal-liġi internazzjonali u b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar; jistenna bil-ħerqa l-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Sigurtà Marittima, b'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' April 2010, u jitlob għall-iżvilupp ta' pjan ta' implimentazzjoni speċifiku; jindika li l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima fost is-setturi u l-fruntieri diġà hija għodda intersettorjali tal-Politika Marittima Integrata tal-UE (PMI); jenfasizza l-importanza li jiġi implimentat b’mod rapidu l-proġett tal-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni u l-bini ta’ ‘pont’ bejn il-PMI u l-PSDK biex jitjieb il-qsim tal-informazzjoni bejniethom;
30. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata l-militarizzazzjoni ta’ reġjuni bħall-Artiku u jenfasizza l-ħtieġa li jintużaw mezzi paċifiċi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti inklużi strumenti ta’ kummerċ;
31. Jitlob li l-Kunsill Ewropew jikkonferma mill-ġdid l-importanza tal-ispazju, li jsejjes l-awtonomija strateġika tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u l-potenzjal li jintrebaħ l-aċċess awtonomu għall-ispazju permezz tal-iżvilupp ta’ lanċaturi u satelliti; itenni l-importanza tal-ġbir ta’ informazzjoni sigrieta preċiża għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet kemm ċivili kif ukoll militari tal-PSDK; jenfasizza b’mod partikolari r-rwol tal-assi bbażati fuq l-ispazju fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tal-immaniġġjar tal-kriżijiet qabel, waqt, u wara kriżi; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa politika speċifika biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ assi tal-ispazju li għandhom użu multiplu;
32. Itenni l-importanza dejjem tikber li jiġi indirizzat it-theddid tas-sigurtà ċibernetika; jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jiżviluppa linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE tas-Sigurtà Ċibernetika u biex jieħu miżuri konkreti fir-rigward tal-protezzjoni tal-infrastruttura ċibernetika, u l-investiment fit-tisħiħ ta’ kooperazzjoni madwar l-UE fuq il-proċeduri tal-immaniġġjar tal-kriżijiet, l-eżerċizzji ċibernetiċi, it-taħriġ u l-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ biex jiżguraw li l-politika tas-sigurtà ċibernetika tiġi ppromulgata b’mod transsettorjali, sabiex tiġi żgurata l-konnessjoni adegwata bejn il-politiki tas-sigurtà interni u esterni tal-UE, u lill-Istati Membri kollha biex jiżviluppaw jew jiffinalizzaw l-Istrateġiji tas-Sigurtà Ċibernetika nazzjonali rispettivi tagħhom u biex jimmiraw għal livell ogħla ta' sinkronizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni;
33. Jitlob lill-Kunsill Ewropew biex jafferma mill-ġdid is-sinifikat tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa u tal-aċċess diversifikat u sostenibbli għar-riżorsi tal-enerġija; jinnota li xi Stati Membri m’għandhomx il-kapaċità li jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija tagħhom u b’hekk isiru dejjem aktar vulnerabbli; f’dan ir-rigward, jappoġġja b’mod qawwi l-isforzi kollaborattivi tal-Istati Membri f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi; jenfasizza li l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika fl-Ewropa għandha tattiva l-klawsola tad-difiża reċiproka u/jew ta’ solidarjetà; Jinnota wkoll li l-operazzjoni ATALANTA diġà qed twettaq rwol ta’ sigurtà tal-enerġija billi tikkumbatti lill-pirati li ħatfu numru ta’ tankers taż-żejt mill-2008 ‘l hawn; jemmen, għaldaqstant, li dawn l-aspetti jeħtieġ li jkunu parti mill-approċċ strateġiku meħtieġ; jenfasizza f’dan il-kuntest li l-provvista tal-enerġija hija fattur kruċjali għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet ta’ suċċess tal-PSDK;
34. Jenfasizza l-importanza tal-effiċjenza enerġetika fil-qasam tad-difiża, u b’mod partikolari, jenfasizza l-ħtieġa li jiġi vvalutat l-impatt tal-konsum tal-enerġija fuq il-baġits tad-difiża u l-effettività militari u li tiġi żviluppata strateġija komprensiva tal-effiċjenza enerġetika għall-forzi armati;
35. Jenfasizza l-importanza li l-UE tiżviluppa ulterjorment is-sħubijiet u li tkabbar id-djalogu dwar is-sigurtà man-NU, mal-organizzazzjonijiet reġjonali u mal-partijiet rilevanti, inkluż ma’ pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant dawk tal-Viċinat tan-Nofsinhar;
36. Jirrimarka li l-UE għandha tinvolvi ruħha ulterjorment man-NU, mal-Unjoni Afrikana, mal-OSKE u mal-ASEAN sabiex taqsam l-analiżi u tikkoopera fl-indirizzar tal-isfidi tal-politika ambjentali u tat-tibdil fil-klima, inklużi l-implikazzjonijiet tas-sigurtà tagħha; jenfasizza l-bżonn għal azzjoni preventiva u jħeġġeġ lill-UE biex tiżviluppa u ttejjeb il-kapaċitajiet ta’ twissija bikrija;
37. Jitlob kooperazzjoni iktar b’saħħitha bejn l-istrutturi tal-UE u tan-NATO permezz ta’ approċċ kumplimentari u koordinazzjoni aktar mill-qrib sabiex jgħin biex tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn iż-żewġ imsieħba u biex tindirizza b'mod effettiv it-theddidiet ġodda; huwa konvint li t-tisħiħ tal-PSDK ma jagħmilx ħsara, iżda filfatt isaħħaħ, lis-sigurtà kollettiva u lir-rabtiet transatlantiċi; isostni li l-iżvilupp tal-kapaċitajiet difensivi fil-kuntest tal-UE huwa ta’ benefiċċju għan-NATO wkoll; jinnota l-kollaborazzjoni kostruttiva rigward inizjattiva ta’ akkomunament u kondiviżjoni tal-UE u l-inizjattiva ta’ difiża intelliġenti tan-NATO; jilqa’ l-intenzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li tissieħeb fil-Programm ta’ Sħubija għall-Paċi tan-NATO li tista’ twassal għal bidla u tħeġġeġ lit-Turkija biex tadotta attitudni ugwalment kostruttiva; iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ qafas komprensiv għall-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u t-tkabbir tad-djalogu politiku b’rispett sħiħ lejn it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ kull parti;
38. Huwa tal-opinjoni li l-UE teħtieġ tkun kapaċi taġixxi b’mod awtonomu, iżda dejjem f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU filwaqt li tiżgura rispett sħiħ lejn il-liġi umanitarja internazzjonali;
It-tieni raggruppament: tisħiħ tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ difiża
39. Jikkonferma t-tħassib li tnaqqis ulterjuri fil-baġits tad-difiża nazzjonali jagħmluha impossibbli li jiġu miżmuma l-kapaċitajiet militari kritiċi u ser jirriżultaw f’telfa irriversibbli ta’ kompetenzi u teknoloġiji; jinnota li n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet tal-Istati Membri saru apparenti matul l-operazzjonijiet fil-Libja u fil-Mali u li l-kriżi ekonomika aggravat il-problemi strutturali eżistenti; itenni l-opinjoni tiegħu, madankollu, li l-problema hija anqas ta’ natura baġitarja milli ta’ natura politika;
40. Jinnota l-proposti magħmula mill-VP/RGħ fir-rapport tagħha dwar il-PSDK ta’ Ottubru 2013, u l-aktar dawk immirati biex joħolqu inċentivi għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-kapaċitajiet tad-difiża, inkluż inċentivi ta' taxxa; jenfasizza l-opportunità għall-Istati Membri li jgawdu mill-benefiċċji sħaħ li jaħdmu iktar mill-qrib flimkien biex jiġġeneraw effiċjenza militari u li jiddeċiedu li jottimizzaw u jonfqu riżorsi skarsi b’mod aħjar u iktar intelliġenti, permezz ta’ tnaqqis koordinat ta’ duplikazzjoni mhux meħtieġa u kapaċitajiet żejda u skaduti;
41. Jilqa’ r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-Pjan ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet bħala l-bażi għall-kunċett tat-trasformazzjoni konġunta fuq żmien twil għall-bini tal-kapaċità; jemmen li dan il-kunċett ta’ trasformazzjoni għandu jiġi diskuss b’mod regolari u l-implimentazzjoni tiegħu għandha tiġi simplifikata u riveduta kif xieraq;
42. Jiġbed l-attenzjoni għall-missjoni tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), kif dispost fl-Artikoli 42(3) u 45 tat-TUE, skont liem l-Aġenzija hija fdata b’kompiti importanti f’termini tal-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti, il-formulazzjoni ta’ politika Ewropea għall-kapaċitajiet u l-armamenti, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri, u t-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża iżda mingħajr implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit tal-UE;
43. Iqis li, għalkemm mhux rimedju, l-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-kapaċitajiet militari jikkostitwixxi rispons importanti għan-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet Ewropej; jilqa’ r-rwol faċilitattiv tal-EDA u l-progress li nkiseb s’issa; jemmen li l-akkomunament u l-kondiviżjoni m’għandhomx jiġu meqjusa biss f’termini ta’ provvisti konġunti, iżda wkoll f’termini ta’ integrazzjoni, u għandhom ikopru l-manutenzjoni kondiviża u l-utilizzazzjoni tal-kapaċitajiet;
44. Jitlob għat-tisħiħ tar-rwol tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) fil-koordinazzjoni tal-kapaċitajiet, bl-għan li trażżan id-duplikazzjonijiet u l-programmi paralleli bejn l-Istati Membri li huma spiża żejda għall-persuni taxxabbli.
45. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex itejbu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fl-ippjanar tad-difiża u, f'konformità mal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-Akkomunament u l-Kondiviżjoni, jinkludu s-soluzzjonijiet tal-akkomunament u l-kondiviżjoni fiċ-ċikli ta’ ppjanar tad-difiża nazzjonali u fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;
46. Jenfasizza li l-fiduċja reċiproka, it-trasparenza u l-affidabbiltà huma fatturi ewlenin għas-suċċess ta’ kwalunkwe impenn komuni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; huwa konvint li l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ difiża għandu jkun minsuġ f’approċċ strateġiku li jiddetermina t-taħlita xierqa ta’ kapaċitajiet u l-għanijiet li għalihom għandhom jintużaw;
47. Fid-dawl ta’ dan, jistenna li s-Summit dwar id-Difiża li ġej:
(a) jipprovdi gwida politika u strateġika, li tikkonferma mill-ġdid l-impenn tal-Istati Membri lejn l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-livell ta’ ambizzjoni deskritt fid-Dikjarazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet tal-2008;
(b) jistabbilixxi l-pedamenti għal ippjanar tassew kollettiv, li jkollu firxa mill-ippjanar strateġiku sal-akkwist u l-iżvilupp teknoloġiku, filwaqt li jagħti attenzjoni partikolari lejn il-kwistjonijiet tal-arranġamenti u l-inċentivi finanzjarji;
(c) iħaffef l-implimentazzjoni tal-proġetti attwali, partikolarment dawk li jirrigwardaw il-mezzi ta’ għajnuna strateġiċi, u li jipprovdu appoġġ politiku għall-proġetti ewlenin tal-EDA, jiġifieri, ir-Riforniment ta’ Fjuwil fl-Ajru, il-Komunikazzjoni bis-Satellita, l-Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod, id-Difiża Ċibernetika u l-Ajru Uniku Ewropew;
(d) jagħti l-kompitu lill-VP/RGħ u lill-EDA biex, b’mod parallel mal-Kummissjoni, iressqu proposti prattiċi ġodda li jirrigwardaw l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ difiża sal-aħħar tal-2014;
(e) jistabbilixxi proċess ta’ monitoraġġ li regolarment jivvaluta l-progress miksub;
(f) itenni l-valur tal-kollaborazzjoni mill-qrib man-NATO u mal-imsieħba strateġiċi fid-dominju tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet;
(g) iqis it-tnedija ta’ xogħol ta’ żvilupp fuq Għan Militari Ewlieni 2025, possibilment ikkumplimentat minn Għan Primarju Industrijali;
It-tielet raggruppament: tisħiħ tal-industrija tad-difiża tal-Ewropa
48. Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti’, li tressaq xi ideat u proposti ġodda; jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tkabbar is-suq tad-difiża interna u tas-sigurtà u biex tiżviluppa politika tal-industrija tad-difiża, li tipprovdi appoġġ adegwat għall-SMEs li għandhom rwol ewlieni fl-innovazzjoni, fir-R&Ż, fil-ħolqien tal-impjiegi u fit-tkabbir ekonomiku, f’konformità mal-istrateġija Ewropa 2020;
49. Jenfasizza l-fatt li t-tisħiħ tal-bażi teknoloġika u industrijali tas-settur tad-difiża huwa għan tal-Unjoni minqux fl-Artikoli 42(3) u 45 tat-TUE; jenfasizza li Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) solida li hija kapaċi ssostni lill-PSDK, sabiex tkompli ttejjeb il-kapaċitajiet militari tal-Ewropa, filwaqt li tippreserva l-awtonomija strateġika tal-UE hija kruċjali għal difiża Ewropea effettiva; jenfasizza r-rabta bejn l-iżvilupp tar-riċerka, tal-industrija u tal-kapaċitajiet, li huma kollha elementi meħtieġa għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività, kif ukoll għal PSDK aktar b’saħħitha;
50. Itenni l-ħtieġa għal industrija Ewropea tad-difiża b’saħħitha u inqas frammentata li hija kapaċi tappoġġja l-PSDK u ttejjeb l-awtonomija strateġika tal-UE; jenfasizza l-importanza taċ-ċertifikazzjoni u l-istandardizzazzjoni fit-titjib tal-interoperabilità tal-forzi armati; jitlob lill-Kunsill Ewropew biex jagħti l-mandat lill-EDA sabiex tipprepara pjan direzzjonali għall-iżvilupp ta’ standards tal-industrija tad-difiża, u lill-Istati Membri biex jissimplifikaw il-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni Ewropej permezz tar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati u biex jarmonizzaw il-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni tagħhom;
51. Jenfasizza li l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-bidla u tar-ristrutturar huma parti integrali ta’ kwalunkwe politika industrijali; iqis, għalhekk, li l-integrazzjoni ulterjuri tas-suq fis-settur tad-difiża għandha tmur id f’id mad-djalogu soċjali attiv u mal-mitigazzjoni tal-impatti negattivi fuq l-ekonomiji reġjonali u lokali, li tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti finanzjarji tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni;
52. Jitlob lill-Kunsill Ewropew biex jieħu azzjoni f’dawn l-oqsma permezz ta’ finanzjament sod tar-R&Ż, inkluż fil-livell Ewropew; jappoġġja l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni effettiva u kosteffiċjenti bejn is-sigurtà ċivili u l-attivitajiet ta’ riċerka tad-difiża; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa kontinwa għal reġim effettiv ta’ esportazzjoni b’użu doppju;
53. Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu żgurati sorsi ġodda ta' finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tad-difiża, jiġifieri permezz tal-Orizzont 2020;
Rimarki tal-għeluq
54. Jappoġġja b’mod sħiħ li jsir dibattitu fuq it-tliet raggruppamenti fis-Summit dwar id-Difiża ta’ Diċembru; jenfasizza l-importanza ugwali tagħhom u l-fatt li huma marbuta flimkien minn loġika inerenti li taqdi l-istess objettivi strateġiċi;
55. Jitlob lill-Kunsill Ewropew, kif ukoll lil dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha fl-Istati Membri tal-Unjoni, biex juru aktar ambizzjoni u kuraġġ fit-tnedija ta’ dibattitu pubbliku, peress li dan huwa aktar importanti fi żmien ta’ awsterità ekonomika; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar investiment u biex tikber il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża, u li tiġi spjegata r-relazzjoni kawżali bejn is-sigurtà u d-difiża fuq naħa, u l-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prosperità fuq l-oħra;
56. Jenfasizza r-rabta indiviżibbli bejn is-sigurtà interna u esterna u li ambjent paċifiku, sigur u stabbli huwa prekundizzjoni għall-preservazzjoni tal-mudell politiku, ekonomiku u soċjali fl-Ewropa;
57. Jesprimi t-tamiet kbar tiegħu li dan il-Kunsill Ewropew mhux ser ikun avveniment iżolat, iżda l-punt tal-bidu ta’ proċess kontinwu li jirrivedi l-kwistjonijiet ta’ sigurtà u difiża fil-livell tal-Kunsill Ewropew fuq bażi regolari; jiffavorixxi, bħala segwitu għall-Kunsill Ewropew, l-istabbiliment ta’ pjan direzzjonali b’punti ta’ riferiment u skedi ta’ żmien speċifiċi u mekkaniżmu ta’ rappurtar; hu favur l-istabbiliment ta’ Kunsill tal-Ministri tad-Difiża fuq żmien medju biex il-kwistjonijiet ta’ sigurtà u difiża jingħataw il-piż li jixirqilhom;
58. Jimpenja ruħu li jżomm u jsaħħaħ rabtiet aktar mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri permezz ta’ laqgħat regolari sabiex jippromwovi d-djalogu u l-iskambju ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà u ta’ difiża;
59. Jemmen li l-PSDK hija pilastru bażiku tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropew;
60. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-President fil-kariga tal-OSKE, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, lill-President tal-Assemblea tal-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN.
- [1] ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.
- [2] ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2013)0380.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2013)0381.
- [5] Testi adottati, P7_TA(2012)0455.
- [6] Testi adottati, P7_TA(2012)0456.
- [7] Testi adottati, P7_TA(2012)0458.
- [8] Testi adottati, P7_TA(2012)0457.
- [9] ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 9.
- [10] ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 51.
- [11] ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 7.
- [12] Testi adottati, P7_TA(2013)0278.
- [13] http://eeas.europa.eu/library/publications/2013/3/2013_eeas_review_mt.pdf
OPINJONI TAL-MINORANZA
dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (abbażi
tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni) (00000/2013 – 2013/2105(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: Maria Eleni Koppa
Opinjoni tal-minoranza mressqa mill-MEPs Sabine Lösing, Willy Meyer u Nikolaos Chountis tal-GUE/NGL
Ir-rapport irid jagħti lill-militar rwol ċentrali għas-sigurtà tar-riżorsi tal-enerġija u tal-linji ta' kummerċ u jippromwovi aktar minn qabel il-militarizzazzjoni ulterjuri tal-UE billi jitlob aktar missjonjiet tal-PSDK u kapaċitajiet militari kif ukoll “forzi tattiċi flessibbli, lesti li jidħlu fl-azzjoni fi żmien qasir” ‒ de facto Armata Ewropea.
Noggezzjonaw għar-rapport peress li jrid jittrasforma lill-UE f'attur militari globali, speċjalment minħabba li:
· jippromwovi Kwartieri Ġenerali tal-UE b'appoġġ ta' twissija bikrija kif ukoll Kunsill tad-Difiża permanenti;
· jappoġġja r-reviżjoni tal-qafas finanzjarju għall-missjonijiet tal-PSDK permezz tal-estensjoni tal-mekkaniżmu ATHENA lil hinn mill-kontroll parlamentari u l-finanzjament tal-EDA mill-baġit tal-UE;
· ma jagħmilx distinzjoni bejn ir-riċerka (u l-finanzjament) ċivili u militari kif ukoll bejn is-sigurtà interna u esterna;
· jiddispjaċih li l-gruppi tattiċi qatt ma ġew skjerati f’operazzjonijiet militari tal-UE;
· jippromwovi l-klawsola ta' difiża reċiproka u solidarjetà (Artikolu 42(7) TUE + Artikolu 222 TFUE)
· ġeneralment jiffoka fuq “soluzzjonijiet” militari minflok fuq kapaċitajiet għal soluzzjonijiet ta' kunflitt ċivili paċifiċi.
Nitolbu:
- diżarm radikali (inkluż CBRN) fl-Unjoni Ewropea u f'livell dinji;
- l-ebda finanzjament militari mill-baġit tal-UE
- li l-attivitajiet kollha jkunu strettament konformi mal-Karta tan-NU u mad-Dritt Internazzjonali;
- approċċi rigorożament ċivili u paċifiċi rigorużi għas-soluzzjoni tal-kunflitti min-naħa tal-UE, kif ukoll is-separazzjoni tal-azzjonijiet ċivili u militari;
- separazzjoni distinta bejn l-UE u n-NATO.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
24.10.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
40 11 7 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Bastiaan Belder, Elmar Brok, Tarja Cronberg, Arnaud Danjean, Susy De Martini, Mark Demesmaeker, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Jelko Kacin, Tunne Kelam, Maria Eleni Koppa, Paweł Robert Kowal, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Ryszard Antoni Legutko, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Willy Meyer, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Justas Vincas Paleckis, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Mirosław Piotrowski, Bernd Posselt, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, György Schöpflin, Werner Schulz, Sophocles Sophocleous, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Nikola Vuljanić, Boris Zala |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Charalampos Angourakis, Reinhard Bütikofer, Marije Cornelissen, Véronique De Keyser, Kinga Gál, Barbara Lochbihler, Emilio Menéndez del Valle, Doris Pack, Marietje Schaake, Ivo Vajgl, Janusz Władysław Zemke |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Dubravka Šuica |
||||