RAPPORT dwar CARS 2020: lejn industrija tal-karozzi Ewropea b'saħħitha, kompetittiva u sostenibbli

18.11.2013 - (2013/2062(INI)).

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Franck Proust

Proċedura : 2013/2062(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0391/2013
Testi mressqa :
A7-0391/2013
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar CARS 2020: lejn industrija tal-karozzi Ewropea b'saħħitha, kompetittiva u sostenibbli

(2013/2062(INI)).

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 173 tat-Titolu XVII tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ex Artikolu 157 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea), li jkopri l-politika industrijali u jirreferi, b’mod partikolari, għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “CARS 2020: pjan ta’ azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa” (COM(2012)0636) ,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tal-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21 “għall-Kompetittività u t-Tkabbir Sostenibbli tal-Industrija tal-Karozzi fl-Unjoni Ewropea” (2012) u “Sistema Regolatorja Kompetittiva tal-Karozzi għas-Seklu 21” (2006),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Industrija Ewropea aktar b’saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku” (COM(2012)0582),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kumitat għall-“Kompetittività” tal-10 u l-11 ta’ Diċembru 2012 dwar id-sitwazzjoni tal-industrija Ewropea u dwar is-sitwazzjoni partikolari tal-industrija tal-karozzi,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0000/2013),

A. billi l-industrija tal-karozzi hija parti kbira tal-katina tal-produzzjoni industrijali kif ukoll fattur ta’ kompetittività, tkabbir u impjiegi fundamentali għall-Ewropa;

B.   billi l-industrija tal-karozzi Ewropea, minkejja l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali ta’ proporzjonijiet bla preċedent, għandha rwol importanti fl-iżgurar taż-żamma ta’ ċerti kompetenzi u setturi ta' produzzjoni fl-Ewropa, u din teħtieġ azzjoni koordinata fl-UE;

C.  billi s-sitwazzjoni ekonomika attwali mhijiex l-unika kawża ta' din il-kriżi u billi dak li huwa meħtieġ hija riforma sħiħa tal-approċċ tagħna lejn il-mobilità fis-seklu 21, peress li l-mobilità hija fattur ewlieni sabiex jitkattar it-tkabbir ekonomiku;

D.  billi l-industrija tal-karozzi bħalissa qed tesperjenza l-effetti ta' rivoluzzjoni li għaddejja fil-livell globali, bi tnaqqis jew staġnar tad-domanda fl-Ewropa, billi hemm ċaqliq kemm fid-domanda u kemm fil-produzzjoni lejn l-ekonomiji emerġenti, billi hemm bidla żgħira iżda li tinħass fis-sorsi tal-enerġiji li jintużaw, u billi qed issir id-diġitalizzazzjoni ta' partijiet u funzjonijiet komponenti, li qed iġġib livelli akbar ta' produttività, li min-naħa tagħhom qed iġibu bidliet kbar fil-katina tal-valur;

E.   billi l-industija tal-karozzi tal-Ewropa għadha fuq-quddiem fil-livell globali fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni u għalhekk teħtieġ li terġa' tikseb il-kompetittività u l-produzzjoni sostenibbli matul il-produzzjoni u l-katina tal-valur sħiħa;

F.   billi waħda mis-soluzzjonijiet għall-problema ta’ kapaċitajiet żejda ta’ produzzjoni tinsab fil-konverżjoni ta' kapaċitajiet lejn setturi industrijali oħrajn, bħat-trasport pubbliku u l-enerġija rinnovabbli u fl-investiment f'infrastrutturi sostenibbli;

Il-governanza politika

1.   Japprova l-istrateġija ġdida tal-Kummissjoni li tniedi politika industrijali Ewropea ġdida, b'mod partikolari għall-industrija tal-karozzi sostenibbli, li tinsab fil-qalba tal-ekonomija Ewropea;

2.   Jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tikkoordina b’mod aktar effiċjenti il-ħiliet tagħha sabiex tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet ta’ CARS 2020 isiru verament operattivi u jiġu ssorveljati mill-Grupp ta' Livell Għoli sabiex ma jerġax iseħħ il-falliment tal-ewwel fażi tal-proċess “CARS 21” (Diċembru 2005) fejn il-konklużjonijiet milħuqa ma ġewx segwiti bl-azzjoni neċessarja; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tistabbilixxi skeda ċara ta' miżuri mgħaġġla u, fir-rispett tal-kompetenzi tagħha, tinqeda mid-dritt ta’ inizjattiva tagħha, partikolarment billi tfassal linji gwida, biex tikkoordina u tibni fuq l-azzjoni mill-Istati Membri u mill-kumpaniji, biex jiġu żgurati standards ta' għajxien deċenti għaċ-ċittadini tal-UE u biex jiġu kkonsolidati l-industriji tal-UE, b'enfasi fuq it-tkabbir ekonomiku u fl-impjiegi u l-irkupru tas-suq;

3.   Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa pjanijiet direzzjonali trasversali li jkopru l-iżvilupp fis-settur tal-enerġija, fis-settur tat-trasport u fis-settur tal-ICT;

4.   Jemmen li l-azzjoni tal-Kummissjoni f’dan is-settur hija mxekkla b'diversi restrizzjonijiet u nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni tal-politika; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta studju li jesponi l-lakuna bejn l-ambizzjonijiet u l-mezzi disponibbli għaliha, bħala l-bażi għal dibattitu bejn il-Kunsill u l-Parlament;

5.   Jemmen li l-Kummissjoni għandha tqis is-settur tal-karozzi kollu kemm hu, b’mod partikolari s-sottokuntratturi, il-bejjiegħa bl-imnut u n-negozji tas-suq tal-assistenza wara l-bejgħ, fil-proċessi kollha futuri tat-tfassil tal-politika li jinvolvu s-settur;

6.   Jilqa’ l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Kompetittività fil-laqgħa tiegħu ta’ Diċembru 2012 dwar il-politika industrijali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippersistu fl-isforzi tagħhom biex jirrevoluzzjonaw il-politika industrijali fis-settur tal-karozzi u biex jistabbilixxu arranġamenti ġodda għal kooperazzjoni fil-livell Ewropew f'dak is-settur; jinnota li din il-kooperazzjoni iktar mill-qrib fil-qasam tal-politika industrijali għas-settur tal-karozzi tista’ ssir fil-livell tal-Unjoni jew fuq bażi volontarja bejn għadd ta' pajjiżi;

7. Jistieden lill-Istati Membri jwettqu riformi kkoordinati u strutturati sewwa mmirati lejn it-tisħiħ tal-kompetittività, bħall-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-bini tal-kompetenzi, it-tnaqqis tal-ispejjeż indiretti, it-tisħiħ tal-flessibilità tax-xogħol abbażi ta' djalogu soċjali, it-tnaqqis tal-burokrazija u t-tnaqqis fiż-żminijiet għall-ħlas;

8. Jemmen li huwa essenzjali, sabiex terġa’ tinbena l-fiduċja fl-UE, li l-Unjoni ttejjeb l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tagħha u l-mod kif jiġi kkomunikat il-pjan ta' azzjoni lill-pubbliku ġenerali, lill-investituri u lill-kumpaniji;

L-industrija u l-produzzjoni tal-karozzi fl-UE

9.   Iqis li huwa essenzjali li jinżammu u jissaħħu aktar ir-riċerka koeżiva u dinamika, il-manifattura, il-produzzjoni u l-valur, u l-katini tal-innovazzjoni fl-UE b'enfasi fuq il-produzzjoni ta' vetturi sostenibbli; huwa tal-fehma li sabiex tiġi żgurata ż-żamma tal-kompetittività fil-futur fl-Ewropa, l-industrija tal-karozzi għandha tinvolvi ruħha f'ċirku virtuż li jintegra l-innovazzjoni, l-impjieg, il-kompetittività, is-saħħa, l-ambjent u l-mobilità;

10. Jirrimarka li l-ispejjeż tax-xogħol fl-industrija tal-karozzi jammontaw biss għal bejn 13 u 20 % tal-valur miżjud; barra minn hekk, jirrimarka li l-kompetittività globali hija żgurata biss permezz tal-innovazzjoni fil-katina tal-produzzjoni u permezz tal-flessibilità fil-proċessi tal-produzzjoni, u li dan għandu jiġi nnegozjat b’mod xieraq mal-ħaddiema.

11. Jenfasizza l-importanza li tinżamm u tissaħħaħ il-bażi tal-produzzjoni fl-Ewropa sabiex jiġu żgurati standards ta’ għajxien deċenti għaċ-ċittadini tagħha u jiġu kkonsolidati l-industriji tagħha bil-għan li jinkisbu tkabbir u rkupru ekonomiku;

12. Jilqa' l-fatt li s-suq Ewropew huwa fi stat ta’ tnaqqis u ta’ kriżi, inkluż is-settur tal-karozzi; madankollu jiddispjaċih li l-Kummissjoni qed tonqos milli tanalizza r-raġunijiet fundamentali għal dan it-tnaqqis, bħaċ-ċirkostanzi li jvarjaw b'mod wiesa' fl-industrija (kumpaniji, segmenti u tipi ta’ swieq, prodotti, setturi) u l-ħafna bidliet strutturali li qed isiru fid-domanda (demografiċi, soċjoloġiċi, ta’ mġiba, ekonomiċi u tekniċi); jemmen għalhekk li l-miżuri speċifikament imfassla għaċ-ċirkostanzi tal-individwu għandhom isiru kemm fil-livell nazzjonali u kemm fil-livell Ewropew, b’mod parallel ma’ azzjoni trasversali mal-Ewropa kollha sabiex tiġi stimulata d-domanda;

13. Iqis li mudelli ġodda ta' mġiba ta' mobilità huma għodda b'saħħithom biex jagħtu spinta lill-kompetittività tas-settur tal-karozzi Ewropew, bħan-netwerks tat-trasport pubbliku u multimodali, il-ġestjoni tat-traffiku, bliet intelliġenti, car-sharing u skemi ta' multipropjetà;

14. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni qed tonqos milli tindirizza l-kwistjoni ta' kapaċità żejda, minkejja l-fatt li hemm problema esperjenzata mill-industrija kollha u li għandha riperkussjonijiet inevitabbli fuq terminu ta' żmien qasir u medju (katina, impjiegi, ekonomija reġjonali); għalhekk jitlob lill-Kummissjoni sabiex, mal-ewwel opportunità, tissottometti:

a.    studju dwar l-iskala tal-kapaċità żejda fl-Ewropa u l-aħjar prattika biex tiġi indirizzata din il-problema, inkluż barra mill-UE (l-Istati Uniti);

b.   pjan ta’ azzjoni li jiddeskrivi l-għodod politiċi kollha disponibbli f'dan il-qasam, b’mod partikolari dawk li jinvolvu r-riċerka u l-innovazzjoni;

c.    proposti għal appoġġ aktar attiv u koordinat lill-ħaddiema u l-kumpaniji tas-settur tal-karozzi biex jippromwovu l-konverżjoni tal-kompetenzi u l-impjieg lejn setturi oħra li qed jikbru;

15. Fir-rigward tar-ristrutturar:

a.    jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi mill-ġdid it-task force biex issegwi l-operazzjonijiet prinċipali ta' ristrutturazzjoni, kif ukoll il-pubblikazzjoni tal-Green Paper dwar il-prattiki effettivi fil-qasam tar-ristrutturazzjoni (COM(2012)0007);

b.   jitlob lill-kumpaniji u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni u l-isforzi tagħhom biex jantiċipaw l-aġġustamenti industrijali, sabiex jiġu evitati riperkussjonijiet negattivi li jxekklu l-koeżjoni tal-proċess tal-produzzjoni industrijali (impjiegi, produzzjoni);

c.    jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet ta’ konverżjoni b’mod koordinat sabiex jappoġġjaw reġjuni li qed jaffaċċjaw telf drastiku ta’ impjiegi fis-settur tal-karozzi, u jitlob li jsir użu integrat, fil-proċess, tal-istrumenti kollha fil-livell Ewropew (BEI, FSE u FEŻR) u l-istrumenti nazzjonali biex jassistu lill-ħaddiema affettwati u jidderiġuhom mill-ġdid lejn impjiegi alternattivi f’setturi relatati, eż. l-enerġija alternattiva, u biex tkun ottimizzata t-teknoloġija tal-karozzi disponibbli;

d.   jenfasizza wkoll ir-rwol ċentrali u r-responsabbiltà tal-kumpaniji u tal-gvernijiet reġjonali fil-politika ta’ konverżjoni, b’mod partikolari billi jtejbu t-taħriġ tal-ħaddiem, iżda wkoll billi jagħmlu disponibbli postijiet battala għall-iżvilupp soċjoekonomiku u l-konverżjoni tar-reġjuni kkonċernati;

16. Jiġbed l-attenzjoni kemm tal-Istati Membri u kemm tal-kumpaniji għall-fatt li r-ragruppament (ix-xiri konġunt, l-arranġamenti ta' kooperazzjoni, il-konsorzji, il-fużjonijiet) jipprovdi mezz għaż-żamma tal-kompetittività quddiem kompetizzjoni ħarxa li qed tiżdied minn barra l-UE;

17. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jsaħħu l-għodod speċifiċi biex jiżdied l-aċċess ta' swieq kapitali għall-SMEs u l-kumpaniji ta’ daqs medju, b’mod partikolari billi joħolqu punti uniċi ta’ servizz territorjali; iqis li l-SMEs u l-kumpaniji ta’ daqs medju huma l-ewwel vittmi tal-kriżi, b’mod partikolari fis-sottokuntrattar, id-distribuzzjoni u l-bejgħ u l-assistenza ta’ wara l-bejgħ; jirrimarka, fl-istess waqt, li dawn il-kumpaniji huma ta' benefiċċju minħabba d-daqs u r-rispons tagħhom li jippermettilhom li jindirizzaw it-tibdil, u li huma spiss kienu s-sors ta' bosta avvanzi teknoloġiċi; għalhekk iqis li d-diversifikazzjoni tal-opportunitajiet kummerċjali (permezz ta' internazzjonalizzazzjoni u parteċipazzjoni fi proġetti ġodda) tal-SMEs u tal-kumpaniji ta’ daqs medju hija mezz ta’ żvilupp li għandu jintuża;

18. Itenni l-importanza tal-konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika fl-għażla tal-istandards sabiex ikunu mħarsa l-investimenti ta' dawk li jagħmlu l-ewwel pass, u b'hekk tiġi inkoraġġata l-innovazzjoni fis-settur;

Riżorsi umani

19. Jemmen li l-għarfien imsawwar mill-ħaddiema fl-industrija tal-karozzi huwa ta' benefiċċju għall-Ewropa; jilqa' t-twaqqif tal-Kunsill Ewropew tal-Ħiliet fl-Industrija tal-Karozzi fl-2013, u jittama li dan il-Kunsill jidentifika malajr politiki effettivi f'dan il-qasam;

20. Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiswir tal-ħiliet u l-iżvilupp tal-kompetenzi bħala l-bażi għal vantaġġ kompetittiv li jħalli effett fit-tul;

21. Jemmen li, bħalissa, hemm differenza bejn is-suq tax-xogħol u l-ħtiġijiet tas-settur (domanda kbira għal ħaddiema tas-sengħa); iqis li huwa importanti ħafna, f'dan ir-rigward, li mhux biss jiġu adattati l-istrateġiji pubbliċi ta’ taħriġ (promozzjoni tal-korsijiet u t-taħriġ vokazzjonali tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika) iżda wkoll l-istrateġiji tat-taħriġ tal-kumpaniji (b’mod partikolari billi jestendu s-sistemi tat-taħriġ doppju) biex jippermettu li l-kumpaniji jżommu u jħajru ħaddiema kwalifikati ħafna;

22. Jitlob lill-Istati Membri biex jagħmlu aġġustamenti fil-leġiżlazzjoni li huma meħtieġa għal djalogu soċjali u relazzjonijiet tax-xogħol aktar miftuħa u kostruttivi li jaffettwaw l-organizzazzjoni tax-xogħol (eż. ftehimiet settorjali, l-involviment tal-ħaddiema); jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jsegwu l-aħjar prattiki;

23. Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-kumpaniji għandhom itejbu l-għoti ta' taħriġ ulterjuri għall-ħaddiema, sabiex jantiċipaw il-bżonnijiet tal-ġejjieni u jkun possibbli li, f'każ ta' telf ta' impjiegi f'settur partikolari, il-ħiliet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja jintużaw tajjeb f'setturi li qed jikbru;

Innovazzjoni u teknoloġija

24. Jemmen li l-innovazzjoni teknoloġika hija l-fattur ewlieni għall-kompetittività ta’ din l-industrija; jitlob għal approċċ teknoloġikament newtrali; jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu biex jiżgura li jintlaħqu l-objettivi ta’ Ewropa 2020 u li jiġu żviluppati mezzi ta’ trasport ekonomiċi u sostenibbli u metodi ġodda ta’ produzzjoni;

25. Jenfasizza, li proġetti integrati ta’ innovazzjoni li jkopru l-katina kollha tal-valur, huma kruċjali għat-tisħiħ tal-kompetittività;

26. Huwa tal-fehma li l-għarfien u l-innovazzjoni jistgħu jiffurmaw il-bażi ta’ vantaġġ kompetittiv li jħalli effett fit-tul għall-industrija tal-karozzi Ewropea meta l-pass li bih jiġu introdotti soluzzjonijiet innovattivi jipprekludi l-possibbiltà li jiġu imitati, u meta l-mezz użat għall-protezzjoni tal-innovazzjoni u fil-ġlieda kontra l-ispjunaġġ industrijali jiżgura li huwa possibbli li jitwettaq ritorn fuq l-investiment mingħajr ma ssir ħsara lill-konsumaturi; jemmen li l-oqsma li fihom se jsir vantaġġ innovattiv fis-suq Ewropew huma ċċentrati fuq kunsiderazzjonijiet ambjentali u ta’ sigurtà;

27. Jafferma li jeżistu żewġ strateġiji effettivi għall-kompetittività fl-industrija tal-karozzi Ewropea: strateġija ta’ tmexxija tal-ispejjeż u strateġija ta’ divrenzjar; iħoss li l-applikazzjoni ta’ kombinazzjoni taż-żewġ strateġiji toħloq diffikultajiet u tkun inqas effettiva, minħabba li tkun teħtieġ perspettiva iktar ġenerali dwar ir-riċerka innovattiva;

28. Jinnota li l-industrija tal-karozzi Ewropea kisbet diversi suċċessi permezz tal-istrateġija tat-tmexxija tal-ispejjeż, permezz ta’ mudelli popolari bi prezz baxx li jiċċirkolaw fis-suq Ewropew (eż. produtturi bħal Škoda, Dacia u Nissan);

29. Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-avvanzi teknoloġiċi, iżda jirrimarka li l-projezzjonijiet tagħha għall-ħolqien ta' valur miżjud, tal-opportunitajiet u l-impjiegi kummerċjali huma soġġetti għal diversi kundizzjonijiet;

30. Iqis bħala essenzjali li titrawwem ir-riċerka u l-iżvilupp b'enfasi fuq teknoloġiji sostenibbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet, li fihom l-Ewropa qiegħda minn ta' quddiem, sabiex tonqos id-dipendenza tal-Ewropa fuq enerġija importata; jirrimarka li dawn jinkludu vetturi elettriċi u ibridi, fjuwils alternattivi, ħażna tal-enerġija mobbli, u l-iskjerament ta' netwerks u infrastrutturi neċessarji ta' distribuzzjoni, iżda jiddispjaċih il-fatt li dawn it-teknoloġiji għadhom ma ħarġux fis-suq; jistenna li tittieħed azzjoni bil-għan biex:

–    it-teknoloġiji jibqgħu kemm jista’ jkun viċin tal-aspettattivi tas-suq tal-UE u dak internazzjonali u jiżgura li dawn se jiġu aċċettati mill-bejjiegħa tal-karozzi, u

–    jitqiesu r-riperkussjonijiet kollha ambjentali u soċjali marbuta maċ-ċiklu tal-ħajja tal-vettura, mill-produzzjoni sar-rimedjazzjoni tagħha;

31. Huwa tal-fehma li sabiex l-industrija tal-karozzi Ewropea tkun kompetittiva, għandha ssir profittabbli billi tgħin fl-iżvilupp ta’ industriji li jikkooperaw fil-forniment ta’ kontributi irħas minn ġewwa l-Ewropa, bħal: azzar, ħadid fondut, xogħol tal-forġa, tapizzerija, tajers u komponenti elettroniċi;

32. Jemmen li l-isforzi tal-UE għandhom ikunu bbażati fuq strateġija ta' divrenzjar li tiddependi fuq għadd ta' prijoritajiet immirati biex jiġi kkonsolidat il-vantaġġ teknoloġiku tal-Ewropa, inkluż:

a.    il-konverġenza teknoloġika, b’mod partikolari dwar l-istandards ta’ qabel il-produzzjoni u d-distribuzzjoni;

b.   l-iżvilupp tal-ekoinnovazzjonijiet (vetturi eħfef, aktar effiċjenti, li jniġġsu anqas u li jistgħu jiġu riċiklati aktar faċilment, teknoloġiji abilitanti essenzjali, batteriji u ħażna tal-enerġija, assistenza għas-sewwieqa, kumdità, karozzi konnessi), tas-sigurtà u tal-aċċessibbiltà (sewwieqa b'diżabbiltà jagħmlu użu minnhom), li jagħmlu prodotti Ewropej differenti minn oħrajn;

c.    il-kooperazzjoni fil-livell Ewropew u internazzjonali fl-oqsma li għadhom mhux sfruttati ħafna, b’mod partikolari fil-qasam tal-propulsjoni,

d.   it-tisħiħ tat-tmexxija tal-Ewropa fl-istandards internazzjonali li jiżguraw li l-Ewropa tibqa' minn ta' quddiem fit-teknoloġija fis-swieq globali, filwaqt li titqies l-importanza tal-armonizzazzjoni internazzjonali għall-aċċess ta' swieq ġodda;

e.    il-mekkaniżmi, bħall-proċedura li tkejjel il-konsum tal-fjuwil, li qed issir aspett importanti tal-kompetittività għall-industrija globali tal-karozzi fuq is-suq Ewropew, jiżguraw li l-manifatturi Ewropej huma protetti minn kompetizzjoni inġusta;

f.    l-iskjerament tal-infrastruttura għall-karozzi elettriċi u għall-fjuwils alternattivi;

33. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistimulaw il-ħolqien ta’ clusters transnazzjonali, gruppi ta’ kompettitività u netwerks kollaborattivi pubbliċi u privati b'enfasi fuq il-mobilità tal-futur u jiġġeneraw proċess regolari ta’ innovazzjonijiet (prototipi);

34. Jirrimarka li r-riċerka u l-iżvilupp jeħtieġu finanzjament sostanzjali (riskju xjentifiku, ċiklu twil ta’ investiment) u jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, il-fatt li l-Ewropa għadha ma laħqitx il-mira li talloka 3 % tal-PDG għar-riċerka u l-iżvilupp; iqis li t-tnaqqis ippjanat mill-Istati Membri għall-baġits tal-COSME u għall-programmi tal-Horizon 2020 se jagħmlu ħsara, b'mod partikolari, lill-intestaturi tal-baġit relatati mat-trasport;

35. Jinnota li s-settur tal-karozzi huwa sors ta' investiment privat sostanzjali fir-riċerka u l-innovazzjoni; jirrimarka, madankollu, li sakemm ir-riċessjoni tkompli taffettwa lis-suq Ewropew, il-fondi tal-UE bħall-Horizon 2020 u COSME jistgħu jistimulaw investiment privat fis-settur; jenfasizza l-ħtieġa li titkompla t-tfittxija għal approċċ ambizzjuż għall-finanzjament tal-inizjattiva green car u l-iżvilupp tal-SMEs, li huma prijoritajiet ċari; jirrimarka li l-awtoritajiet reġjonali u lokali, skont il-kompetenzi tagħhom, għandhom diversi għodda biex jappoġġjaw l-industrija tal-karozzi b'mod attiv;

36. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu provduti riżorsi finanzjarji adegwati fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 għar-ristrutturar tas-settur u għall-ammeljorament u l-immodernizzar tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju tiegħu, biex tiżdied il-produttività u jiġu promossi oġġetti prodotti nazzjonalment mis-settur;

Ir-regolamentazzjoni

37. Jenfasizza l-ħtieġa għall-prinċipju ta' "regolamentazzjoni intelliġenti", bħala approċċ koerenti rigward leġiżlazzjoni li jkollha impatt fuq l-industrija tal-karozzi, li għandha tiġi implimentata mal-ewwel opportunità; jirrimarka li minkejja li din kienet waħda mir-rakkomandazzjonijiet li ġiet mill-ewwel grupp ta’ “CARS 21” (2005), din s'issa baqgħet ma ġietx ikkunsidrata; jenfasizza l-importanza vitali ta' regolamentazzjoni intelliġenti sabiex jiġi inkoraġġit investiment fis-settur tal-karozzi;

38. Huwa tal-fehma li l-moratorju propost mill-Kummissjoni fuq kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida li jista' jkollha impatt ħażin fuq is-sitwazzjoni ekonomika fis-settur qed jikkontribwixxi biex tinkiseb kompetittività fit-tul u qed jgħin biex jipprovdi risposti adegwati għall-isfidi ambjentali;

39. Jenfasizza l-importanza ta’ termini ta’ żmien raġonevoli sabiex l-industrija tkun tista’ tadatta faċilitajiet ta’ produzzjoni u tinvesti fis-sistema industrijali;

40. Jitlob għal reviżjoni, jekk xieraq, ta’ ċerti politiki u deċiżjonijiet li diġà ttieħdu, iżda li jistgħu jfixklu t-trasformazzjoni sostenibbli tal-industrija tal-karozzi; jitlob lill-Kummissjoni tniedi evalwazzjoni ex-post dwar leġiżlazzjoni adottata u n-nuqqas ta' implimentazzjoni jew implimentazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni adottata;

41. Jitlob lill-manifatturi Ewropej iżommu u jsaħħu l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar il-garanziji statutorji;

42. Huwa tal-fehma li l-garanziji kummerċjali għall-prodotti tal-karozzi Ewropej huma wisq għal żmien qasir u huma sproporzjonati għal-livelli għolja tagħhom ta’ affidabbiltà u li dan ipoġġihom fi żvantaġġ kompetittiv profond fir-rigward ta’ garanziji kummerċjali offruti minn manifatturi ta’ pajjiżi terzi (eż. il-Ġappun u l-Korea ta’ Isfel);

43. Iqis bħala essenzjali li jiġu armonizzati r-regolament tekniċi mal-UE kollha fil-ġlieda kontra kull distorsjoni artifiċjali tal-kompetizzjoni; jenfasizza l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni u t-titjib tal-proċedura ta' ttestjar li bħalissa qed jirriżultaw f'diskrepanzi sinifikanti rigward ċifri tal-konsum għal ċerti manifatturi; jitlob lill-Kummissjoni biex tirreaġixxi għall-problema li l-konsumaturi qed jiġu mqarrqa minn informazzjoni mhux rappreżentattiva dwar il-konsum tal-fjuwil tal-vetturi u l-prestazzjonijiet ambjentali; jappoġġja l-iżvilupp ippjanat ta' ċiklu tat-test tas-sewqan ġdid u preċiż u proċeduri li jirriflettu l-kundizzjonijiet reali tas-sewqan, u jitlob li dawn jiġu introdotti mingħajr dewmien;

44. Jinkoraġġixxi lill-intrapriżi Ewropej li huma involuti fil-produzzjoni tal-prodotti tal-karozzi biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom fis-suq uniku permezz ta’ standardizzazzjoni Ewropea, ċertifikazzjoni, unifikazzjoni u disponiment kif ukoll permezz ta’ segmentazzjoni volontarja tas-suq;

45. Jemmen li hemm ħtieġa li titjieb b'mod sinifikanti s-sikurezza fit-toroq tal-UE billi tittieħed azzjoni fuq vetturi, infrastruttura u mġieba tas-sewwieq; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni magħrufa bħala eCall, li permezz tagħha l-vetturi jagħmlu telefonati awtomatiċi għas-servizzi ta’ emerġenza f’każ ta’ inċident serju;

46. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-protezzjoni tad-dritt ta' propjetà intelletwali fil-livell internazzjonali u jintroduċu strateġija ta' kunfidenzjalità tan-negozju fil-livell tal-UE, bil-għan favur il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-ispjunaġġ industrijali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżvilupp teknoloġiku huwa qasam sensittiv u vulnerabbli;

Riżorsi Finanzjarji

47. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri biex jarmonizzaw, jottimizzaw u jsaħħu l-użu tal-mezzi finanzjarji disponibbli biex jistimulaw l-investiment fil-mobilità sostenibbli lil hinn mis-sussidji pubbliċi, permezz ta’ inċentivi fiskali għall-SMEs (krediti tat-taxxa għar-riċerka, bonus/malus ekoloġiku, skemi għall-iskrappjar) u strumenti finanzjarji kemm privati (fondi ta’ kapital fir-riskju, “investituri providenzjali”) u kemm pubbliċi (il-Bank Ewropew għall-Investiment);

48. Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel studju komparattiv fil-fond tal-pajjiżi tat-tassazzjoni applikata għas-settur tal-karozzi fl-UE, sabiex jiġi ssimplifikat u rrazzjonalizzat il-piż attwali tat-taxxa fuq il-produzzjoni u l-kummerċ fis-servizzi li għandhom x’jaqsmu mal-vetturi bil-mutur u sabiex titnaqqas il-burokrazija;

49. Iqis li huwa essenzjali li tinżamm il-komplementarjetà tal-fondi disponibbli, fuq naħa waħda, għar-ristrutturar, u fuq in-naħa l-oħra għar-riċerka u l-iżvilupp; għalhekk jitlob li l-fondi allokati għall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jinżammu fil-livell attwali;

50. Iqis li huwa vitali li l-politika tal-kompetizzjoni (regoli dwar l-għajnuna mill-Istat) tkun immirata li tiżgura kompetittività akbar, tkabbir u impjiegi, skont l-approċċ segwit mill-kompetituri tagħna barra mill-UE;

51. Jitlob li tiġi introdotta klawżola ta' kundizzjonalità, li fiha meta l-kumpaniji tal-karozzi jirċievu appoġġ ta' investiment għal sit partikolari huma meħtieġa li jżommu l-operazzjonijiet tagħhom f'dak is-sit sal-aħħar tal-perjodu ta' deprezzament u jekk imorru f'sit ieħor għandhom jagħtu lura s-sussidji tal-UE;

Is-Suq Intern

52. Jirrimarka li suq intern b’saħħtu huwa rekwiżit essenzjali għar-ritorn lejn il-kompetittività u is-sostennibbiltà fis-settur tal-karozzi;

53. Iqis bħala essenzjali l-approssimazzjoni Ewropea aktar fil-qrib fl-oqsma li fihom il-kundizzjonijiet prevalenti jimmilitaw kontra kundizzjonijiet ugwali:

a.    għall-kompetituri barranin: prezzijiet għoljin għall-enerġija u għall-materja prima, rata tal-kambju għolja tal-euro;

b.   għas-suq intern: kompetizzjoni soċjali u fiskali, benefiċċji tat-taxxa għall-kumpaniji u inċentivi għall-bejjiegħa (inċentivi għal-livell baxx ta' emissjonijiet, skemi tal-iskrappjar);

c.    fis-suq intern tal-UE: kundizzjonijiet relatati mar-riċiklabbiltà ta' vetturi u r-riċiklaġġ ekoloġiku ta' karozzi użati;

54. Jenfasizza, b'mod partikolari, li l-fornituri għandhom jiġu msaħħa, u li hawn jinsab il-potenzjal tal-innovazzjoni (Car2car, car2infrastructure) u l-possibbiltajiet ta’ impjieg;

55. Jiddispjaċih il-fatt li, dwar is-suq tal-assistenza wara l-bejgħ, l-frammentazzjoni legali attwali tagħmel il-ħsara lis-sewwieqa u lill-kompetizzjoni b’saħħitha u ġusta bejn l-Istati Membri; bil-għan li jissaħħu l-impjieg u s-setgħa ta’ akkwist tas-sewwieqa u li jinżammu u jiġu żviluppati linji ta' produzzjoni Ewropej u l-industrija tal-assistenza ta' wara l-bejgħ, jitlob approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari fis-settur tal-ispare parts u li tiġi provduta informazzjoni lis-sewwieqa dwar id-drittijiet tagħhom fir-rigward tat-tiswija; jitlob lill-Kummissjoni li tibbaża din l-approssimazzjoni fuq studju ddettaljat u komparattiv li jivvaluta l-implikazzjonijiet ta’ din il-frammentazzjoni legali għas-suq intern, is-settur tal-produzzjoni Ewropew u s-setgħa ta’ akkwist tas-sewwieqa;

56. Jitlob koordinazzjoni fuq livell tal-UE sabiex tiżdied il-ġlieda kontra l-importazzjoni ta’ spare parts foloz;

57. Jinnota l-ħtieġa għall-Istati Membri biex jiżguraw aktar trasparenza u rispett mal-prinċipji tal-bona fede f'relazzjonijiet kummerċjali bejn il-manifatturi u d-distributuri; huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta għall-manifatturi u d-distributuri huwa mezz affidabbli sabiex jinkiseb dan; iqis li dan il-kodiċi għandu, tal-inqas, jinkludi klawżoli relatati mat-trasferiment ta’ attivitajiet tad-distributuri, mal-multi-branding u mad-dritt għal kumpens fil-każ ta’ rtirar tal-kuntratt mill-manifattur mingħajr raġuni valida, f’konformità mal-linji gwida supplementari 2010/C 138/05 tal-Kummissjoni Ewropea;

58. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi, trasparenza u sikurezza fis-suq tal-karozzi użati, u biex taħdem favur it-tneħħija gradwali ta' vetturi li jniġġsu u li huma inqas sikuri; ifaħħar ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, fir-regolament ta' ttestjar tal-karozzi fit-triq, li tirrikjedi r-reġistrazzjoni tal-kilometraġġ f'kull test; iqis li inizjattivi bħal-iskema "Car Pass" fil-Belġju jistgħu jitħeġġu permezz ta' Standard Ewropew; jinnota li l-proċeduri ta' reġistrazzjoni mill-ġdid għat-trasferimenti tal-vetturi għandhom ukoll jiskoraġġixxu frodi ta' kilometraġġ transkonfinali;

59. Jafferma mill-ġdid l-interess ekonomiku għall-Ewropa biex jiġu stabbiliti proġetti kbar industrijali ġodda, bħal dawk fl-ajrunawtika u fl-industrija spazjali, biex jinkiseb id-daqs kritiku meħtieġ kontra l-kompetizzjoni internazzjonali; ifakkar li dawn il-proġetti kbar jistgħu jiġu organizzati fil-livell tal-Unjoni jew anke bejn Stati Membri fuq bażi volontarja;

60. Jenfasizza l-importanza tal-strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti biex jiġi stabbilit qafas għall-kompetizzjoni intra-UE fl-istess oqsma ta’ attività biex jiġu inkoraġġiti l-ispeċjalizzazzjonijiet reġjonali komplimentari li jagħmlu lill-UE iktar kompetittiva fir-rigward ta' pajjiżi terzi;

61. Għall-attenzjoni ta’:

a.    l-Istati Membri dwar mezzi alternattivi li huma disponibbli biex tinkoraġixxi d-domanda, bħas-skemi ta' tikketti, ir-rilaxx ta' fondi mmirat minn skemi ta' tfaddil tal-impjegati, l-inċentivi tat-taxxa għax-xiri mill-kumpaniji, ir-riċiklaġġ ta’ materjali, l-akkwist pubbliku;

b.   il-kumpaniji għal diversi għodda kummerċjali disponibbli, bħall-assigurazzjoni li tinkludi rimborż fil-każ ta’ telf tal-impjieg, l-estensjoni tal-garanzija, car sharing, bejgħ bl-internet;

62. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-pjan ta’ azzjoni CARS 2020 primarjament jiffoka fuq manifatturi Ewropej tal-karozzi, filwaqt li jinjora s-sinifikat tas-settur sħiħ tas-suq ta’ wara l-bejgħ, l-atturi u l-bżonnijiet tiegħu; iħoss li l-politika Ewropea tal-karozzi trid tkun iktar espansiva u tiġi bbażata fuq approċċ olistiku; jafferma li l-objettiv prinċipali għandu jkun li jkunu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti kollha tul il-katina; għalhekk huwa tal-fehma li l-politika tal-industrija Ewropea tal-karozzi għandha tinkorpora wkoll dispożizzjonijiet adattati għall-atturi kollha – mill-manifatturi prinċipali sal-SMEs – fil-katina tad-distribuzzjoni u t-tiswija;

Is-swieq esterni u r-relazzjonijiet kummerċjali

63. Jirrimarka li l-industrija tal-karozzi tagħti kontribuzzjoni pożittiva u mdaqqsa għall-bilanċ kummerċjali tal-UE, li l-esportazzjonijiet lejn swieq emerġenti huma neċessità innegabbli sabiex jiġi massimizzat is-suċċess tagħna fit-tul u li l-alleanzi ma’ kumpaniji u fondi mhux tal-UE huma integrali għall-futur tal-kumpaniji tagħna, bħall-installazzjoni ta’ siti f'pajjiżi mhux fl-UE (inkluż għall-produzzjoni ta' karozzi għas-swieq lokali) sabiex jiġi ġġenerat it-tkabbir, u jiġu importati vetturi biex tkun sodisfatta d-domanda;

64. Jilqa’ l-avviż tal-Kummissjoni li ntlaħaq avvanz fil-ħidma fuq żona ta’ kummerċ ħieles mal-Istati Uniti u l-Ġappun u fuq aċċess ugwali għas-swieq globali, li jfisser li l-parteċipanti kollha fis-suq tal-karozzi globali jkollhom jaderixxu strettament mal-istess regoli; huwa tal-fehma li dan iżid il-probabbiltà li l-iżvilupp sostenibbli u t-titjib fis-sigurtà tat-toroq se jsiru l-bażi għall-kisba ta’ vantaġġ kompetittiv madwar id-dinja kollha;

65. Jirrikonoxxi li sistema ta’ ċertifikazzjoni internazzjonali uniformi li tippermetti l-ispezzjoni tal-vetturi u tal-partijiet tal-karozzi fis-suq uniku Ewropew u li hija bbażata fuq standards ambjentali u ta’ sigurtà tal-UE jista’ jkollha rwol ewlieni fl-eliminazzjoni ta’ kompetizzjoni inġusta;

66. Jirrikonoxxi li d-domanda fis-swieq emerġenti se tikber mhux biss fil-kategorija tal-lussu, iżda anke fis-segmenti aktar baxxi, u li l-industrija Ewropea se tkun iżjed kompetittiva f’dawn is-segmenti;

67. Jirrimarka li ħafna mill-kumpaniji tagħna tal-karozzi qed isiru anqas kompetittivi minħabba kompetizzjoni li qed tikber – xi ftit minnha inġusta – minn kumpaniji mhux tal-UE; jenfasizza li ħafna minn dawn il-kumpaniji għandhom il-potenzjal li jirnexxu jekk jitħallew jilħqu d-domanda dejjem tikber fis-swieq ġodda ta’ esportazzjoni; tħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi l-politika kummerċjali tagħha, sabiex tkun tista':

a.    tikkoordina l-miżuri tal-Istati Membri għall-promozzjoni tal-kumpaniji Ewropej u tipproteġi l-prodotti tal-UE, l-investiment u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali barra mill-UE;

b.   tiċċentralizza l-istrumenti kollha Ewropej tal-esportazzjoni, b’mod partikolari dawk immirati għall-SMEs (“Small Business, Big World”), eż. permezz tal-ħolqien ta’ pjattaforma diġitali komprensiva, aċċessibbli u settorjali;

c.    tqiegħed, gradwalment, il-prinċipju ta’ reċiproċità fil-qalba tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħna, li huwa prinċipju sottovalutat mill-Kummissjoni f’“CARS 2020”;

d.   tħeġġeġ it-tneħħija tal-ostakli mhux tariffarji li jaffettwaw is-settur tal-karozzi;

e.    tqassar iż-żmien meħud biex jitniedu investigazzjonijiet u tapplika strumenti ta’ difiża kummerċjali;

68. Jitlob lill-Kummissjoni testendi l-evalwazzjonijiet tal-impatt ex ante tagħha dwar ftehimiet kummerċjali futuri għall-kunċett ta’ kompetittività fis-settur tal-karozzi, , twettaq studji ġodda wara d-dħul fis-seħħ tagħhom u tivvaluta regolarment l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet, kemm dawk attwalment fis-seħħ kif ukoll dawk li jinsabu f’fażi ta’ negozjar, abbażi ta’ kriterji speċifiċi u definiti, inkluż il-mod kif jiġu involuti l-partijiet interessati;

69. Jitlob li l-Parlament għandu jkollu l-mezzi neċessarji biex ikejjel hu stess l-impatt ta’ kull FTA;

o

o    o

70. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

X’tirrapreżenta l-industrija tal-karozzi fl-Ewropa?

L-industrija tal-karozzi Ewropea hija ass innegabbli u strateġiku għall-ekonomija u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea.

Fil-pjan ta’ azzjoni tagħha “CARS 2020”, il-Kummissjoni Ewropea tikxef l-importanza ta’ dan is-settur:

-     12-il miljun impjieg dirett u indirett,

-     4 % tal-PDG fil-livell Ewropew,

-     EUR 90 biljun ta’ eċċess kummerċjali,

-     kwart tal-produzzjoni dinjija.

Ma’ dawn l-istimi rridu wkoll inżidu l-profitti ġġenerati mill-bidu sal-aħħar tal-katina tal-produzzjoni, relatati:

-     mar-riċerka u l-iżvilupp: 80 % tal-investiment privat fir-riċerka u l-iżvilupp,

-     mal-innovazzjoni: trasferimenti tat-teknoloġija, materjali ġodda, batteriji elettriċi, ċelloli tal-fjuwil,

-     mal-ħiliet: l-immaniġġjar, il-ġestjoni ta’ proċessi ta’ produzzjoni,

-     u ma’ esternalitajiet pożittivi għall-ekonomija, l-assigurazzjoni, l-għajnuna tal-gvern;

L-industrija tal-karozzi hija pilastru tal-ekonomija industrijali tagħna, kemm f’termini reali kif ukoll simboliċi. Dan huwa settur li jidentifika b’mod ċar ħafna l-ispeċifiċitajiet tal-industrija Ewropea u li jistħoqqlu, għaldaqstant, azzjoni politika prioritarja u malajr.

Għaliex il-Parlament Ewropew ħa r-responsabilità għal kwistjoni bħal din?

Fl-Ewropa, is-settur tal-karozzi għaddej minn kriżi mingħajr preċedent. Fl-2012, l-Ewropa rreġistrat bejgħ ta’ madwar 12-il miljun unità, mqabbla ma’ madwar 17-il miljun fl-2007, eżatt qabel il-kriżi, li huwa l-iżjed livell baxx mill-1995. U kmieni fl-2013, iċ-ċifri wrew tnaqqis li jqarribna lejn is-snin disgħin. Ir-raġuni għal dan it-tnaqqis għandha titfittex fit-telf f’daqqa u permanenti fis-saħħa tax-xiri tal-familji Ewropej. Ix-xiri u l-manutenzjoni ta’ vettura huma t-tieni element ta’ nefqa għall-familji, wara dawk relatati mal-akkomodazzjoni.

Il-popli Ewropej qed jiddubitaw il-futur ta’ din il-produzzjoni li fiha nnifisha tissimbolizza l-istat ġenerali tal-ekonomija u li l-attenzjoni tal-midja u pubblika lejha tinsab fl-aqwa tagħha. Għalhekk, il-Parlament Ewropew, l-unika istituzzjoni ta’ rappreżentanza diretta, għandu l-missjoni li jindirizza t-tħassib tagħhom. Minkejja l-fatt li dan ir-rapport mhux se jkun vinkolanti u minkejja l-fatt li l-Unjoni Ewropea għandha ftit flessibilità li taġixxi direttament fuq il-kriżi, ir-rapporteur jaħseb li għandna d-dmir li nieħdu ħsieb dan is-suġġett u li nwettqu fil-prattika l-proposti tagħna flimkien mal-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-intrapriżi.

L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li l-azzjoni pubblika tmur mill-kliem għall-fatti. Għandu jipprovdi valur miżjud sinifikanti għall-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Minħabba l-għadd kbir ta’ suġġetti koperti, ir-rapporteur ried li dan ir-rapport ikollu suġġett komuni, identifikabbli b’mod ċar u ċentrali: il-produzzjoni industrijali.

Il-pjan ta’ azzjoni huwa sodisfaċenti?

Ir-rapporteur jilqa’ l-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea fil-pjan ta’ azzjoni tagħha “CARS 2020” u l-kuntatti kollha li stabbilixxiet fil-livell istituzzjonali bejn il-partijiet interessati differenti (il-ħolqien u l-attivazzjoni mill-ġdid tal-grupp ta’ livell għoli “CARS 21”). Hija żviluppat dinamika konsistenti biex il-produzzjoni industrijali tal-karozzi terġa’ titpoġġa fiċ-ċentru tal-iżvilupp ekonomiku. Fejn ftit snin ilu, l-Ewropa kienet iddeċidiet li tiffoka fuq is-“servizzi kollha”, illum il-ġurnata, il-mexxejja jirrikonoxxu l-interess ekonomiku u soċjali li jinkiseb minn tiġdid b’bażi produttiva b’saħħitha u sostenibbli. Din hija għażla politika kuraġġuża li aħna għandna nappoġġjaw. Jekk nerġgħu nsibu bażi produttiva fuq il-kontinent ifisser ukoll li nsiru inqas dipendenti fuq il-kompetituri tagħna.

“CARS 2020” huwa l-ewwel approċċ settorjali żviluppat mill-Kummissjoni wara t-Trattat ta’ Lisbona. Dan huwa sinjal tajjeb li jindika li l-Kummissjoni tixtieq tpoġġi l-vettura bħala prijorità. Il-pjan ta’ azzjoni għandu l-vantaġġ li jqassar f’dokument wieħed l-oqsma kollha ta’ ħiliet li għandhom x’jaqsmu mal-vetturi. B’mod ġenerali, ir-rapporteur jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb ir-rwol tal-industrija fil-PDG, biex iżżid is-sehem ta’ dan is-settur minn16 % fil-preżent għal 20 % fl-2020. Iżda xorta jeħtieġ li nipprovdu l-mezzi xierqa.

Ir-rapporteur iqis li l-ambitu ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni jippreżenta nuqqasijiet u lakuni, b’mod partikolari, dwar il-konklużjonijiet tal-grupp ta’ livell għoli “CARS 21” (Ġunju 2012). Il-konklużjoni hi għalhekk parzjali u s-soluzzjonijiet proposti kienu inqas fattibbli milli kien mixtieq.

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni sempliċement tiddeskrivi s-sitwazzjoni ġenerali u trasversali tal-industrija tal-karozzi. Ir-rapporteur iqis li analiżi ulterjuri ġġegħlna niddifferenzjaw bejn is-sitwazzjonijiet ekonomiċi u nipprovdu tweġibiet differenti għax il-kriżi ekonomika ma taffettwax lil kulħadd bl-istess mod:

-     il-manifatturi (l-organizzazzjoni interna, l-istrateġiji ta’ bejgħ, is-swieq)

-     is-segmenti tas-suq (il-kwalità, il-ġeneralisti, il-livell ta’ dħul), il-prodotti (il-karozzi, it-trakkijiet, il-vetturi b’żewġ roti)

-     u l-fergħat tal-industrija (il-fornituri, il-manifatturi, id-distribuzzjoni u l-assistenza ta’ wara l-bejgħ).

Ir-rapporteur jiddispjaċih li l-Kummissjoni ssottovalutat il-bosta bidliet strutturali fid-domanda, li huma raġunijiet fundamentali għat-tnaqqis fis-suq Ewropew:

-     demografiċi: urbanizzazzjoni, il-popolazzjoni li qed tixjieħ,

-     soċjoloġiċi u tal-imġiba: il-mobilità kollettiva, ir-restrizzjoni tal-aċċess tal-vetturi fiċ-ċentri urbani, l-użu differenzjat skont it-territorju ta’ residenza, l-immaġni tad-ditta,

-     ekonomiċi: it-tnaqqis tal-ammont medju ddedikat għall-vettura, iż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil, l-esplożjoni tas-suq tal-vetturi użati,

-     tekniċi: iż-żieda sinifikanti tal-ħajja tal-vetturi u tal-kwalità tagħhom.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni l-ħin kollu ssemmi l-kapaċità żejda tal-produzzjoni (medja stmata ta’ 20 %) u r-ristrutturar, mingħajr ma toffri soluzzjonijiet, b’mod partikolari l-opportunità għas-setturi l-oħra biex jibbenefikaw mill-kompetenzi industrijali tal-ħaddiema tal-karozzi li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom.

Hija ma tkellmitx fuq il-prinċipju tar-reċiproċità fir-relazzjonijiet kummerċjali.

Ir-rapporteur iqis bħala negattiv li ċerti kunċetti ma ġewx definiti sew, filwaqt li dawn xorta waħda huma prerekwiżiti indispensabbli għall-qafas tal-azzjoni tagħna:

-     l-intrapriża Ewropea: din tista’ tkun intrapriża li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Ewropa imma l-unitajiet ta’ produzzjoni tagħha jinsabu madwar id-dinja, jew inkella intrapriża li għandha unità waħda jew aktar fl-Ewropa iżda l-uffiċċju prinċipali tagħha jinsab barra mill-Ewropa, jew bl-uffiċċju prinċipali fl-Ewropa u l-fabbriki fl-Ewropa? L-objettiv finali ta’ dan il-pjan hu li jinħolqu tkabbir u impjiegi fl-Ewropa. Bl-użu tal-lievi kollha biex tingħata għajnuna lill-kumpaniji Ewropej kollha, iżda l-iktar billi jiġi appoġġjat l-istabbiliment ta’ kumpaniji fl-Ewropa, aħna nilħqu l-mira tagħna. Biex nagħmlu dan, aħna jrid ikollna viżjoni ċara madwar l-Ewropa kollha tal-għan tal-azzjoni tagħna, u din il-viżjoni għadha ma ntlaħqitx;

-     il-katina tal-valur u l-katina tal-produzzjoni, li huma kunċetti differenti, iżda li ż-żamma u l-iżvilupp tagħhom it-tnejn huwa ta’ interess għall-Ewropa. Katina ta’ valur stabbilita ħafna fl-Ewropa se tippermettilna li nsibu jew nerġgħu nsibu l-kompetittiva fil-prodotti li nikkontrollaw l-aħjar (it-teknoloġiji avvanzati). Il-ħarsien ta’ katina ta’ produzzjoni koerenti, jiġifieri, mill-bida sat-tmiem tad-disinn u tal-produzzjoni, għandu jevita l-fatt li l-Ewropa ma tkunx preżenti u tikkontrolla biss parti mill-katina. Madankollu, għandu jinsab l-aħjar bilanċ biex l-Ewropa ma ssirx dejjem inqas kompetittiva f’ċerti spejjeż (bħall-enerġija u l-manodopera).

X’risposta jista’ jagħti l-Parlament Ewropew?

Suġġetti żviluppati fil-CARS 2020

Id-dibatitu mniedi mill-pjan ta’ azzjoni għandu jġegħlna nerġgħu naħsbu sew fuq il-mobilità tas-seklu wieħed u għoxrin. L-istatus quo hija l-agħar soluzzjoni. Iżda aħna għandna nagħmlu dan bi prammatiżmu, nevitaw li nipproponu soluzzjonijiet li huma maqtugħin mill-aspettattivi u r-realtajiet, u b’hekk nevitaw li nantiċipaw wisq domanda li s’issa għadha ma teżistix.

Barra minn hekk, il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima trid tibqa’ fil-qalba tal-ħidma tagħna. U l-Ewropa tant għandha riżorsi li sirna eżempju għall-bqija tad-dinja. Iżda f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi, irid ikollna prijorità oħra, li hija kemm importanti u kemm rilevanti: l-indirizzar tat-tħassib ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħna, jiġifieri t-telf ta’ kompetittività tal-ekonomija Ewropea, it-telf tas-saħħa tax-xiri, it-telf ta’ impjiegi u l-kompetizzjoni dejjem aktar ħarxa minn pajjiżi barranin. L-ewwel u qabel kollox, għandna bżonn nagħtu tweġibiet għal din il-kriżi ta’ fiduċja f’dan ir-rapport.

Huwa għalhekk li, għall-ewwel, ir-rapporteur kompla u lesta l-assi żviluppati f’“CARS 2020” sabiex:

-     jintefa fokus fuq l-iżvilupp teknoloġiku (l-uniku vantaġġ komparattiv li l-Unjoni għandha biex tikkompeti mal-BRICS iżda li aħna għandna niddefendu u ninkoraġġixxu) u fuq ir-riċerka ta’ enerġiji alternattivi, iżda filwaqt li jitkejjlu l-opportunitajiet tagħhom fis-suq,

-     jiġu addattati r-regolamenti għall-għanijiet stabbiliti,

-     jinstabu modi kif jiġu antiċipati ħiliet futuri biex jiġu adattati r-riżorsi umani għall-bidliet fid-domanda u fl-għodod tal-produzzjoni,

-     ir-relazzjonijiet fil-katina ta’ produzzjoni jsiru aktar bilanċjati sabiex jiġu promossi l-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-kumpaniji l-aktar vulnerabbli,

-     jitjiebu r-riżorsi finanzjarji li huma disponibbli għalina u, jekk meħtieġ, jerġgħu jiġu vvintati,

-     tingħata spinta lis-suq domestiku, minħabba li l-kumpaniji Ewropej jiddependu primarjament fuq is-suq Ewropew,

-     ir-relazzjonijiet kummerċjali jsiru aktar ġusti, biex jiġu appoġġjati bl-aħjar mod il-kumpaniji tagħna fis-swieq emerġenti;

Il-governanza politika

L-Ewropa għandha tistabbilixxi aġenda urġenti ta’ riformi u mekkaniżmi politiċi, li ġejja minn xewqa reali biex tissaħħaħ il-politika industrijali tal-karozzi tagħna fil-livell Ewropew. Dan huwa dak li huwa sfortunatament nieqes fil-pjan ta’ azzjoni propost “CARS 2020”.

L-Ewropa trid issir aktar reattiva. Il-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni, kemm fuq il-pjan tal-amministrazzjoni tagħha kif ukoll tal-gruppi ta’ livell għoli għandha issa titwettaq fil-livell politiku. Dan jista’ jirriżulta fl-istabbiliment ta’ kooperazzjoni ambizzjuża bejn l-Istati u l-Kummissjoni. L-Ewropa għandha bosta mezzi disponibbli għaliha (is-suq intern, il-kummerċ internazzjonali, l-ambjent, ir-riċerka u l-iżvilupp). Ir-rapporteur jixtieq li dan ir-rapport ikun opportunità biex jintwera l-aħjar mod biex isir użu minnhom, jiġu kkoordinati u tibda ħidma parallela ta’ riformi fil-fond biex jitpoġġew dawn il-mezzi f’korrelazzjoni mal-miri tagħna.

Ir-rapporteur iqis li r-rapport għandu jkun opportunità biex jiġu diskussi b’mod miftuħ il-metodi li jkunu ġew ippruvati, bħal fl-Istati Uniti, li jindirizzaw b’mod ċar il-kwistjoni tal-mezzi tal-Unjoni Ewropea, id-daqs tal-kumpaniji tagħna u l-kompetizzjoni feroċi bejn il-kumpaniji Ewropej tagħna stess anke jekk aħna għandna niffaċċjaw kompetizzjoni minn dejjem iktar qawwija mill-kompetituri barranin tagħna, hawnhekk bħal fis-swieq barranin. Aħna rridu naċċettaw din id-dinja ġdida.

L-azzjoni tal-Unjoni Ewropea hija kruċjali f’ħafna oqsma. Madankollu, hi tbati minn nuqqasijiet serji fl-istrateġija tagħha ta’ “marketing”. B’mod aktar speċifiku, nuqqas serju ta’ popolarità. Min-naħa l-oħra, l-Ewropa qed titħabat biex tbigħ (kummerċ u standards) l-għarfien teknoloġiku tagħha fix-xena internazzjonali. Dan isir inkapaċitanti ħafna, għaliex jekk ma nagħmlu xejn, aħna se nsiru dejjem iktar dipendenti fuq standards li ma żviluppajniex aħna. Ir-rapporteur iqis li wasal iż-żmien li tiġi rettifikata din is-sitwazzjoni u tiġi restawrata l-kunfidenza taċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-investituri.

F’dan ir-rapport, ir-rapporteur żied kapitolu dwar il-“governanza politika” li ma deherx f’“CARS 2020”, biex jiġu diskussi kif xieraq dawn il-kwistjonijiet.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (23.9.2013)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar CARS 2020: lejn industrija tal-karozzi Ewropea b’saħħitha, kompetittiva u sostenibbli
(2013/2062(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Maria Badia i Cutchet

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-industrija tal-karozzi tal-Unjoni, li bħalissa tiġġenera 12-il miljun impjieg direttament jew indirettament, hija ta’ importanza strateġika għall-ekonomija u għall-impjieg fl-UE, u jindika li tagħti kontribuzzjoni pożittiva u mdaqqsa għall-bilanċ kummerċjali tal-UE, minkejja żieda fil-kompetizzjoni, xi kultant inġusta, minn kumpaniji ta’ pajjiżi terzi;

2.  Jirrikonoxxi li s-suq tal-UE għal karozzi ġodda sejjer lura, għalkemm id-domanda għal vetturi ta’ enerġija nadifa (elettriċi, ibridi, plug-in) qed tiżdied; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta mingħajr dewmien strateġija sostenibbli biex tippromwovi u ssaħħaħ l-industrija tal-karozzi, b’mod partikolari l-miżuri ta' CARS 2020, sabiex b’hekk tippermetti li l-industrija tibqa’ effiċjenti u kompetittiva u tikseb aċċess għal swieq ġodda;

3.  Jindika li, skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, sal-2050 kważi 60 % tal-karozzi l-ġodda mibjugħa madwar id-dinja se jkunu ibridi, plug-in jew elettriċi;

4.  Jenfasizza li l-produtturi Ewropej qed jaqgħu lura fis-suq tal-vetturi ta’ enerġija nadifa, iżda l-miri nazzjonali jappoġġaw it-tkabbir ulterjuri ta’ dan is-suq;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa ta’ iżjed elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport fid-deċennji li ġejjin, f’konformità ma’ politiki oħra tal-UE;

6.  Jirrikonoxxi li d-domanda fis-swieq emerġenti se tikber mhux biss fil-kategorija tal-lussu, iżda anke fis-segmenti aktar baxxi, u li l-industrija Ewropea se tkun iżjed kompetittiva f’dawn is-segmenti;

7.  Jemmen bis-sħiħ li din l-industrija hija xprun essenzjali għall-innovazzjoni teknoloġika u hija multiplikatur importanti tat-tkabbir; iqis li ż-żamma ta’ livell għoli ta’ innovazzjoni hija vitali sabiex l-industrija żżomm il-vantaġġ tagħha fis-sostenibbiltà u t-teknoloġija u sabiex tippromwovi l-impjieg u l-appoġġ għall-kumpaniji, inklużi l-SMEs, bil-għan li tissaħħaħ il-kompetittività internazzjonali; iqis li d-disinn ta’ vetturi nodfa jnaqqas id-dipendenza enerġetika tal-UE minn pajjiżi terzi; jenfasizza li n-netwerks tat-trasport pubbliku, il-mobbiltà tat-traffiku u l-avvanzi tekniċi tal-bliet intelliġenti (smart cities) – bħalma huma l-vetturi ibridi jew il-vetturi b’emissjonijiet żero – għandhom effett qawwi ta’ lieva biex jagħtu spinta lill-kompetittività tas-settur tal-karozzi Ewropew; jisħaq fuq ir-rwol deċiżiv li l-akkwist pubbliku jista’ jkollu f’dan ir-rigward, meta jintuża bħala għodda strateġika għall-politika industrijali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni u l-isforzi tagħhom biex jikkonsolidaw il-pożizzjoni ta’ tmexxija tal-Ewropa fit-tfassil ta’ standards internazzjonali, u b’hekk jiżguraw li l-UE tkun tista’ żżomm is-superjorità teknoloġika tagħha fis-suq dinji; jenfasizza l-importanza kruċjali li jkun hemm qafas ġuridiku u fiskali ċar u stabbli biex jinkoraġġixxi l-investiment fl-industrija tal-karozzi;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fid-disinn u l-manifattura ta’ prodotti ġodda, filwaqt li jinħolqu teknoloġiji innovattivi ddisinjati għall-konsumaturi globali bil-għan li jiġi appoġġat it-tkabbir tal-katina tal-valur usa’ tal-UE;

9.  Jenfasizza li l-isfidi ambjentali tal-ġejjieni huma xpruni importanti għall-innovazzjoni; ifakkar li hemm bżonn li jsir iżjed progress teknoloġiku sabiex tittejjeb l-effiċjenza ambjentali tal-vetturi, filwaqt li jitrawmu l-iżvilupp u t-tqegħid fis-suq ta’ vetturi bi fjuwil alternattiv, bħall-vetturi elettriċi; ifakkar ukoll li hemm bżonn ta’ iżjed progress fir-rigward tar-regolamentazzjoni teknika mmirata lejn it-tnaqqis ulterjuri fl-emissjonijiet tas-CO2;

10. Japprova l-kunsens milħuq fil-grupp ta’ livell għoli CARS 21 dwar il-fatt li l-politika kummerċjali tal-Unjoni għandha ttejjeb il-kompetittività tal-UE fis-swieq globali permezz tal-armonizzazzjoni internazzjonali tar-regolamenti dwar il-vetturi u għandha tqis bis-sħiħ l-importanza li żżomm bażi b’saħħitha, innovattiva u kompetittiva tal-manifattura tal-karozzi, u jindika bil-qawwa li dan taħt l-ebda ċirkostanza m’għandu jsir għad-dannu tad-drittijiet tax-xogħol, tal-ġustizzja soċjali jew tal-istandards soċjali;

11. Jisħaq fuq l-importanza tan-negozjati multilaterali u bilaterali li għandhom l-għan li jippromwovu r-reċiproċità fl-aċċess għas-suq u li jnaqqsu u jiżmantellaw l-ostakoli tariffarji u nontariffarji (ONT), meta dawn mhumiex ġustifikati permezz ta’ tħassib relatat mal-protezzjoni tas-saħħa jew dik tal-ambjent; jemmen li l-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni u l-kooperazzjoni regolatorja bilaterali għandhom jinvolvu impenji sinifikattivi favur it-tneħħija tal-ONT li jaffettwaw is-settur tal-karozzi tal-UE, u għandhom jiżguraw aċċess għal materja prima importata; jenfasizza li d-drittijiet tal-proprjetà industrijali tal-UE li jgawdu l-kumpaniji Ewropej iridu jkunu protetti b’mod effikaċi u rispettati mill-pajjiżi sħab kollha tal-Unjoni;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli għaddejja bl-isforzi tagħha fil-proċess tal-istandardizzazzjoni globali; iqis li s-sħab kummerċjali tal-UE jmisshom jaċċettaw l-istandards WP.29 tan-NU/KEE u li jridu jinstabu soluzzjonijiet universali ġodda għat-teknoloġiji innovattivi, pereżempju plug universali għall-karozzi elettriċi;

13. Jirrikonoxxi l-importanza li jitħaffef l-iżvilupp ta’ proposta għal regolament ġdid dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ approvazzjonijiet internazzjonali tat-tip ta’ vettura sħiħa u l-ispare parts għat-tiswija u l-manutenzjoni, sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi marbuta mal-introduzzjoni tal-istess mudell tal-vettura fi swieq ta’ pajjiżi terzi;

14. Jenfasizza li l-oqfsa internazzjonali għall-kooperazzjoni dwar standards u regolamenti tekniċi għandhom jibqgħu l-opzjoni preferuta għat-tfittix tal-armonizzazzjoni tagħhom u li l-inizjattivi bilaterali kollha għandhom jiġu żviluppati bil-għan tal-multilateralizzazzjoni tagħhom, filwaqt li jiġu inklużi wkoll l-ekonomiji emerġenti; jemmen, b’rabta ma’ dan, li l-UE għandha tkompli ttejjeb ir-rekwiżiti ambjentali tagħha u tipprova tistabbilixxi l-iżjed standards internazzjonali avvanzati abbażi ta’ dan;

15. Jilqa’ l-inizjattiva meħuda fil-qafas tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku għat-tnedija tal-ħidma fuq Regolament Tekniku Globali dwar is-sikurezza u l-promozzjoni ta’ vetturi elettriċi u jisħaq fuq l-importanza li tiġi attirata sħubija wiesgħa, inklużi s-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE;

16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-impenji kollha fin-negozjati u l-ftehimiet kummerċjali attwali u futuri huma rispettati b’mod effikaċi; jistieden lill-Kummissjoni tuża Strumenti Komunitarji għad-Difiża tal-Kummerċ skont ir-regoli tad-WTO u, jekk ikun meħtieġ, tagħmel użu mill-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, sabiex tippreserva l-industrija tal-karozzi tal-UE u tiġġieled kontra l-prattiki kummerċjali inġusti li jmorru kontra l-interessi tal-UE, bħalma huma t-taxxi speċjali fuq il-karozzi importati;

17. Iqis li l-attività ta’ investiment fis-swieq tat-tkabbir trid tissaħħaħ u tiġi salvagwardata bi ftehimiet kummerċjali;

18. Iqis li l-istandards tal-UE dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva u dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati għandhom jiġu implimentati wkoll minn kumpaniji Ewropej fil-pajjiżi terzi fejn ikunu qed isiru l-investimenti, u li għandu jiġi promoss l-iżvilupp reġjonali;

19. Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi l-kunċett ta’ kompetittività tas-settur tal-karozzi fil-valutazzjonijiet tal-impatt ex ante tagħha dwar ftehimiet kummerċjali futuri, twettaq studji ġodda wara d-dħul fis-seħħ u tivvaluta regolarment l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet, kemm dawk attwalment fis-seħħ kif ukoll dawk li jinsabu f’fażi ta’ negozjar, abbażi ta’ kriterji speċifiċi u definiti, inkluż il-mod kif jiġu involuti l-partijiet interessati;

20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa viżjoni strateġika dwar il-politika industrijali tagħha mill-aktar fis possibbli, li tkun tista’ tgħin lil dawk is-setturi industrijali li huma milquta minn kapaċitajiet strutturali żejda, bħas-settur tal-karozzi, sabiex jantiċipaw ix-xejriet billi jikkonvertu lilhom infushom f’setturi tal-futur, bħat-trasport pubbliku b’emissjonijiet żero tas-CO2.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

1

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia i Cutchet, María Auxiliadora Correa Zamora, Andrea Cozzolino, George Sabin Cutaş, Marielle de Sarnez, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Henri Weber, Jan Zahradil

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Amelia Andersdotter, Josefa Andrés Barea, Salvatore Iacolino, Elisabeth Köstinger, Emma McClarkin, Mario Pirillo, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Krzysztof Lisek

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (10.9.2013)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar CARS 2020: lejn industrija tal-karozzi Ewropea b’saħħitha, kompetittiva u sostenibbli
(2013/2062(INI)) Il-Parlament Ewropew,

Rapporteur: Sergio Gaetano Cofferati

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2012 dwar eCall: servizz ġdid "112" għaċ-ċittadini[1],

1.  Jenfasizza li pjan ta' azzjoni Ewropew għall-industrija tal-karozzi jrid isegwi approċċ ħolistiku, li jikkumplimenta r-regolamentazzjoni b'investimenti tal-infrastruttura u azzjonijiet biex tiżdied id-domanda u jikber il-kapital uman, filwaqt li titħeġġeġ il-forza tax-xogħol kwalifikata ferm; f'dan il-kuntest jemmen li l-investimenti biex jagħtu spinta lill-iżvilupp ta' teknoloġiji avvanzati, inklużi miżuri li jtejbu s-sikurezza fit-toroq, jittrattaw is-CO2 u jnaqqsu l-emissjonijiet inkwinanti u tal-istorbju, huma vitali biex isostnu l-kompetittività, it-tkabbir u l-ħolqien tal-valur miżjud u l-impjiegi fis-settur tal-karozzi; Jemmen li, sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industriji tal-karozzi Ewropej, dan il-pjan ta' azzjoni għandu jiġi kkoordinat ma' politiki interkonnessi oħra tal-UE;

2.  Jenfasizza li s-suq intern tal-UE huwa l-aktar fattur importanti f'termini li jiġi żgurat futur b'saħħtu għall-industrija tal-karozzi: l-ewwel, bħala suq għall-vetturi, jistabbilixxi standards tekniċi, f'isem 500 miljun konsumatur, dwar il-prestazzjoni ambjentali, is-sikurezza fit-toroq, is-sikurezza tal-prodott u l-emissjonijiet tal-istorbju, u dawn huma validi u importanti għal industriji oħra lil hinn mill-fruntieri tagħha; it-tieni nett, huwa post l-istabbilimenti ta' riċerka pubbliċi u privati li joffru riċerka avvanzata u b'hekk jgħinu biex jingħata futur promettenti lill-industrija tal-karozzi;

3.  Jenfasizza li investiment ambizzjuż fil-livell Ewropew għandu jiġi implimentat biex jappoġġja l-istrateġija proposta, inkluż permezz tal-Programm ta' Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020 – u l-Fond Soċjali Ewropew; Jitlob għal aċċess aktar faċli għall-fondi tal-Orizzont 2020 u jenfasizza l-importanza li jsiru investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex wieħed jibqa' kompetittiv fis-suq globali fl-oqsma kollha tas-settur tal-karozzi, b'mod partikolari fis-sikurezza stradali, is-servizz tal-konsumatur ta' kwalità, il-mobilità favur l-ambjent, it-teknoloġiji avvanzati u prodotti ta' valur miżjud għoli; Barra minn hekk, iħeġġeġ l-użu ta' fondi mill-Bank Ewropew għall-Investiment sabiex jiġu ffinanzjati tali proġetti;

4.  Jitlob għal qafas leġiżlattiv li jirregola s-settur tal-karozzi li jkun flessibbli biżżejjed biex jirreaġixxi ta' malajr għall-iżviluppi u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi li jirfdu l-kompetittività tal-industrija tal-karozzi u biex ikoprihom kollha;

5.  Jenfasizza l-fatt li s-suq intern tal-UE għandu jgħin biex javvanza mhux biss il-manifattura u l-bejgħ tal-prodotti tal-vetturi imma wkoll ir-riċiklabilità tal-vetturi u tal-partijiet tal-vetturi u l-materja prima użata fihom; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa qafas Ewropew għar-riċiklaġġ ekoloġiku ta' karozzi użati;

6.  Jenfasizza li l-produzzjoni u t-tlestija ta' vetturi bħala prodott industrijali huma lejn tmiem katina tal-valur tal-industriji tal-fornituri Ewropej, inklużi fornituri tal-komponenti ta' daqs żgħir u medju, u li dawn l-industriji upstream għandhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-industrija tal-karozzi u jaffaċċjaw l-istess sfidi fuq livell Ewropew u dawk globali; jinnota li l-fornituri tal-karozzi Ewropej, inklużi l-SMEs, huma ta' spiss innovaturi ewlenin, b'hekk jistimulaw l-iżvilupp tal-vetturi Ewropej tal-futur, u wkoll joħolqu suq importanti għall-ispare parts; jiddispjaċih dwar id-diffikultajiet li jaffaċċjaw ċerti SMEs fis-settur tal-provvista biex jagħmlu użu mill-programmi u l-finanzjament tal-Unjoni, u jitlob għal aċċess aktar faċli, ukoll permezz tal-programm tal-Kompetittività tal-Impriżi u l-SMEs (COSME);

7.  Jemmen li s-suq tal-ispare parts ħaqqu l-istess ammont ta' attenzjoni daqs is-suq tal-vetturi lesti; jenfasizza li għandu jiġi trattat fuq l-istess livell, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġbir u l-ġestjoni tal-informazzjoni tal-prodott; jinnota li l-ħolqien ta' suq komuni għall-partijiet tat-tuning u l-ispare parts huwa diffiċli ħafna minħabba regolamenti nazzjonali diverġenti; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti li jarmonizzaw u jiżviluppaw aktar dan is-settur u biex twessa' l-istandards Ewropej ibbażati fuq il-produzzjoni ta' spare parts iċċertifikati u komponenti approvati fl-UE;

8.  Jenfasizza li trid tingħata kunsiderazzjoni partikolari għall-vetturi ta' interess storiku u għan-negozji u l-ħaddiema li jaħdmu fuqhom, minħabba l-fatt li, biż-żieda kostanti fin-numru ta' vetturi storiċi, il-manteniment, l-użu u l-konservazzjoni tagħhom huma importanti mhux biss f'termini ta' kultura u turiżmu imma wkoll għall-ekonomija; madankollu jenfasizza li għandu jkun hemm definizzjoni restrittiva tal-vetturi storiċi sabiex, hekk kif in-numri tagħhom ikomplu jikbru, l-implikazzjonijiet negattivi u potenzjali tas-sikurezza u tal-ambjent relatati mal-vetturi storiċi li ma jissodisfawx l-istandards tal-vetturi l-ġodda għandhom jibqgħu limitati;

9.  Jilqa' l-proposta li jissaħħaħ is-suq tal-fjuwil alternattiv u tal-vetturi elettriċi, imma jinnota li l-iżvilupp tal-elettromobilità fl-Ewropa qed jimxi b'pass ta' nemla; iħeġġeġ li tingħata prijorità lill-iżvilupp tal-infrastrutturi xierqa permezz ta' investimenti adegwati fil-livelli Ewropew u nazzjonali, inkluż il-finanzjament adegwat għall-istrument tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u permezz ta' standards komuni għal fjuwils alternattivi u sistemi ta' propulsjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti leġiżlattivi korrispondenti fejn ikun meħtieġ, u jitlob għall-adozzjoni mgħaġġla tal-proposta leġiżlattiva u ta' standard komuni dwar l-interfaċċja tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi; jenfasizza l-importanza li tinżamm attitudni pożittiva lejn soluzzjonijiet innovattivi oħra għall-motorizzazzjoni ta' vetturi elettriċi, bħat-teknoloġija ta' ċelluli tal-fjuwil;

10. Jilqa' l-proposta biex tiġi żviluppata skema ta' ttikkettar tal-fjuwil, li tipprovdi informazzjoni faċili tinftiehem lill-konsumaturi dwar il-kompatibbiltà bejn il-vetturi tagħhom u l-fjuwils offerti;

11. Jemmen li l-iżvilupp tal-industrija tal-karozzi Ewropea għandu jżomm komponent tal-esportazzjoni sinifikanti imma għandu jiffoka wkoll fuq iż-żieda fid-domanda domestika, permezz ta' investimenti pubbliċi u privati, permezz ta' kompetizzjoni ġusta u billi tissaħħaħ il-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini Ewropej; jenfasizza li huwa neċessarju għall-industrija tal-karozzi Ewropej biex toffri prodotti ta' kwalità, u biex ikollha pożizzjoni ta' tmexxija teknoloġika, permezz tal-innovazzjoni sabiex tkun attraenti għaċ-ċittadini tal-UE u biex tiżgura l-kompetittività fuq tul ta' żmien twil tas-settur;

12. Jitlob għal koordinazzjoni aktar b'saħħitha tal-miżuri min-naħa tad-domanda għall-vetturi u fjuwils, inklużi l-inċentivi finanzjarji u l-politika tat-tassazzjoni, li fihom ukoll appoġġ finanzjarju dirett u inċentivi tat-tassazzjoni, inkluż l-użu tal-iskemi tat-tassazzjoni gradwati; jitlob lill-Kummissjoni biex issegwi l-linji gwida dwar l-inċentivi finanzjarji b'azzjonijiet aktar vinkolanti bil-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwi xierqa u tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-industrija mal-UE kollha; iqis li miżuri min-naħa tad-domanda, iżda wkoll miżuri dwar l-ispejjeż u kundizzjonijiet ta' kuljum , għandhom jidderieġu lill-konsumaturi lejn vetturi aktar sikuri u ekoloġiċi;

13. Ifakkar li tipi differenti ta' miżuri li jiffaċilitaw ix-xiri ta' vetturi ġodda b'emissjonijiet baxxi li jkunu effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, diġà jeżistu f'diversi Stati Membri; iħeġġeġ l-iskambju ta' tali prattiki tajbin; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw politiki fiskali innovattivi sabiex iċ-ċittadini tal-UE jitrawmu jixtru karozzi ġodda u favur l-ambjent;

14. Jirrikonoxxi l-bżonn li tiġi ttrattata, b'mod ikkoordinat, il-kapaċità żejda strutturali fis-settur tal-karozzi fl-UE, sabiex tiġi żgurata l-kompetittività fuq tul ta' żmien twil; jenfasizza li kull manifattur tal-vetturi huwa responsabbli biex isib soluzzjonijiet adegwati meta jaffaċċja l-isfidi, imma fl-istess ħin jirrikonoxxi l-importanza tal-intervent pubbliku effettiv ħalli jiġi żgurat li jinżammu għal minimu l-konsegwenzi soċjali negattivi ta' kwalunkwe ristrutturar fis-settur; jagħti importanza partikolari lill-ippjanar fit-tul tat-tibdil strutturali sabiex jiġi żgurat li, jekk jinbidlu r-rekwiżiti tax-xogħol, il-livell tal-ħiliet ikun tali li jiżgura l-impjieg, u li t-tranżizzjoni għal forom ġodda ta' produzzjoni u mudelli kummerċjali tkun gradwali; jemmen li l-qafas Ewropew biex tiġi antiċipata l-bidla u jittaffa l-impatt soċjali tar-ristrutturazzjoni, inkluż att leġiżlattiv, huwa neċessarju, ukoll sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tas-suq intern;

15. Jilqa' l-eżistenza tal-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u tal-Fond Soċjali Ewropew u jitlob għall-użu ottimali u mmirat tagħhom f'każijiet ta' ristrutturar fis-settur tal-karozzi, notevolment għal taħriġ mill-ġdid, għall-akkwist ta' ħiliet ġodda, għar-rilokazzjoni tal-ħaddiema affettwati u biex tingħata l-għajnuna lil reġjuni kkonċernati;

16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, ħalli tiżgura wkoll livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi, trasparenza u sikurezza fis-suq tal-karozzi użati, u ħalli taħdem favur it-tneħħija gradwali ta' vetturi li jniġġsu u li huma inqas sikuri; ifaħħar ir-rakkomandazzjoni tiegħu, fir-regolament ta' ttestjar tal-karozzi fit-triq, li tirrikjedi r-reġistrazzjoni tal-kilometraġġ f'kull test; iqis li inizjattivi bħal-iskema "Car Pass" fil-Belġju jistgħu jitħeġġu permezz ta' Standard Ewropew; jinnota li l-proċeduri ta' reġistrazzjoni mill-ġdid għat-trasferimenti tal-vetturi għandhom ukoll jiskoraġġixxu frodi ta' kilometraġġ transkonfinali;

17. Jitlob lill-Kummissjoni biex tirreaġixxi għall-problema li jiġu mqarrqa l-konsumaturi permezz ta' informazzjoni mhux rappreżentattiva dwar il-konsum tal-fjuwil tal-vetturi u l-prestazzjoni ambjentali; jappoġġja l-iżvilupp ippjanat ta' ċiklu u proċeduri tal-eżami tas-sewqan ġodda, u jitlob li dawn jiġu introdotti mingħajr dewmien;

18. Jinnota l-bżonn ta' relazzjoni kostruttiva, trasparenti u rispettuża li trid tinżamm bejn il-partijiet interessati varji fl-industrija tal-vetturi bil-magni, b'mod partikolari bejn il-manifatturi u n-negozjanti tagħhom, u għall-iżbilanċi favur il-parti aktar b'saħħitha tar-relazzjoni, li jaf ikollhom effett negattiv fuq il-konsumaturi wkoll, li jrid jiġi evitat;

19. Ifakkar li l-awtoritajiet reġjonali u lokali, skont il-kompetenzi tagħhom, għandhom diversi għodod biex jappoġġjaw b'mod attiv l-industrija tal-karozzi, b'mod partikolari fil-qasam tal-promozzjoni tal-karozzi elettriċi permezz tal-ġestjoni tal-ispazji għall-parkeġġ tal-karozzi u tal-għoti ta' appoġġ amministrattiv għall-investiment f'infrastrutturi għal fjuwils alternattivi; iħeġġeġ li tali prattiki jiġu skambjati fil-livell Ewropew u kkoordinati b'mod effettiv; jitlob li fondi tal-UE jintużaw b'mod immirat u ottimizzat, skont ir-rekwiżiti ta' żvilupp speċifiċi tar-reġjun ikkonċernat;

20. Jeħtieġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri li jagħmlu aktar sforzi fis-sikurezza tat-toroq, u jressqu azzjonijiet dwar aspetti tal-vetturi, tal-infrastrutturi u dwar l-imġiba tas-sewwieq; f'dan il-kuntest ifakkar ir-riżoluzzjoni tat-3 ta' Lulju 2013, li titlob għal adozzjoni rapida tas-sistema eCall u li fiha rekwiżiti preċiżi rigward il-protezzjoni tad-data, dwar iċ-ċarezza tar-responsabbiltajiet tad-diversi atturi involuti, dwar in-newtralità teknoloġika u t-trasparenza għall-konsumaturi; ifakkar, barra minn hekk, it-talba għas-sistema eCall biex tkun ibbażata fuq pjattaforma interoperabbli u b'aċċess miftuħ għal applikazzjonijiet jew servizzi futuri possibbli, mhux obbligatorji u integrati fil-karozzi li jkunu konformi ma' standards ta' sikurezza, sigurtà u privatezza tal-protezzjoni tad-data, li jippermettu għażla miftuħa għall-konsumaturi u aċċess miftuħ għall-fornituri tas-servizz;

21. Jinsisti li jiġu aktar issikkati l-istandards tas-sikurezza attwali, partikolarment għal vetturi tal-klassi L, u li jitjiebu r-rekwiżiti tas-sikurezza u s-sistemi ta' protezzjoni tal-qiegħ għat-trakkijiet;

22. Jikkonferma l-appoġġ tiegħu għal rieżami tal-qafas għall-approvazzjoni tat-tip, u jistenna bil-ħerqa li jikkollabora mal-Kummissjoni u jħeġġeġ djalogu mal-partijiet interessati matul il-proċess;

23. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li twettaq testijiet ta' proporzjonalità dwar il-miżuri ta' implimentazzjoni proposti għar-rekwiżiti leġiżlattivi eżistenti; jinnota li t-tħassib tagħha dwar rekwiżiti kontra t-tbagħbis u emissjonijiet ta' evaporar fuq vetturi tal-kategorija L ġie rikonoxxut b'mod espliċitu;

24. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex topera aħjar fir-rwol tagħha bħala inizjatur tal-leġiżlazzjoni "intelliġenti" u li jara 'l bogħod, sabiex toffri l-industrija sigurtà fuq tul ta' żmien twil, b'hekk tinżamm kompetittiva u, bħala riżultat dirett, il-konsumaturi jingħataw livell ogħla ta' trasparenza fir-rigward tal-prodotti ta' vetturi ġodda; jenfasizza li l-proċess għat-twaqqif ta' standards ġodda u komuni għall-industrija tal-karozzi irid fil-futur ikun aktar miftuħ għall-ippjanar u jrid ikun ikkoordinat aħjar, u li għandu iqis iċ-ċikli tal-prodotti;

25. Jenfasizza l-importanza ta' armonizzazzjoni regolatorja internazzjonali li tirfed il-kompetittività globali tal-industrija tal-karozzi Ewropea; Jappoġġja r-riforma tal-Ftehim tal-1958 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) u l-iżvilupp ta' sistema tal-approvazzjonijiet internazzjonali tat-tip tal-vetturi kompluti (IWVTA); jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha aktar mal-Parlament biex jiġi żgurat appoġġ politiku għas-sħab globali biex ikunu jistgħu jgħollu l-profil ta' dawn il-proġetti kruċjali;

26. Jiddeplora d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti li jwaqqfu l-impenn tal-MPE f'diskussjonijiet dwar CARS 2020; jinnota li diversi organizzazzjonijiet rappreżentattivi oħra u l-politiċi tal-Istati Membri huma involuti; jċitlob li l-Konferenza tal-Presidenti tirrevedi din id-deċiżjoni fid-dawl tal-proposti importanti dwar il-futur tal-industrija tal-karozzi li qed jiġu żviluppati fil-qafas CARS 2020; jinnota li kwalunkwe leġiżlazzjoni li tevolvi minn CARS 2020 se tiġi eżaminata bir-reqqa u approvata mill-Parlament, u l-fatt li l-Parlament jipparteċipa f'gruppi ta' politika ma jimminax l-indipendenza tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Claudette Abela Baldacchino, Adam Bielan, Preslav Borissov, Birgit Collin-Langen, Lara Comi, Cornelis de Jong, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Philippe Juvin, Hans-Peter Mayer, Franz Obermayr, Sirpa Pietikäinen, Phil Prendergast, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Andreas Schwab, Catherine Stihler, Emilie Turunen, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ildikó Gáll-Pelcz, Liem Hoang Ngoc, María Irigoyen Pérez, Pier Antonio Panzeri, Olle Schmidt, Olga Sehnalová, Marc Tarabella, Wim van de Camp, Patricia van der Kammen

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.11.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

5

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Fabrizio Bertot, Jan Březina, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Vicky Ford, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Kent Johansson, Romana Jordan, Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Vittorio Prodi, Miloslav Ransdorf, Jens Rohde, Paul Rübig, Amalia Sartori, Salvador Sedó i Alabart, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Evžen Tošenovský, Catherine Trautmann, Claude Turmes, Vladimir Urutchev

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jerzy Buzek, Ioan Enciu, Andrzej Grzyb, Roger Helmer, Seán Kelly, Bernd Lange, Zofija Mazej Kukovič, Franck Proust, Algirdas Saudargas

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Chrysogelos