RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (KE) Nru 2004/585
28.11.2013 - (12007/3/2013 – C7‑0375/2013 – 2011/0195(COD)) - ***II
Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Ulrike Rodust
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (KE) Nru 2004/585
(12007/3/2013 – C7‑0375/2013 – 2011/0195(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (12007/3/2013 – C7‑0375/2013),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-28 ta’ Marzu 2012[1],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-4 ta' Marzu 2012[2],
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[3] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2011)0425) ,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 72 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għas-Sajd (A7-0409/2013),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu sabiex jiffirma l-att wara li jkun ivverifika li l-proċeduri ntemmu kif imiss u sabiex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
- [1] ĠU C 181, 21.6.2012, p. 183.
- [2] ĠU C 225, 27.7.2012, p. 20.
- [3] Testi adottati 6.2.2013, P7_TA(2013)0040.
ANNESS MAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġbir ta' data
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jitolbu lill-Kummissjoni tħaffef l-adozzjoni ta' proposta bil-għan li jiġi emendat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 sabiex il-prinċipji u l-objettivi għall-ġbir tad-dejta li huma essenzjali biex tiġi appoġġjata l-Politika Komuni tas-Sajd riformata u li huma spjegati fir-Regolament il-ġdid dwar il-PKS ikunu jistgħu jsiru effettivi b'mod prattiku mill-aktar fis possibbli.
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet pluriennali
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni huma impenjati li jaħdmu flimkien fl-indirizzar ta' kwistjonijiet interistituzzjonali u biex isir qbil dwar kif wieħed għandu jipproċedi b'mod li tiġi rrispettata l-pożizzjoni ġuridika kemm tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kunsill biex jiġu ffaċilitati l-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-pjanijiet pluriennali fuq bażi ta' prijorità skont it-termini tal-Politika Komuni tas-Sajd.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni stabbilew taskforce interistituzzjonali, magħmula mir-rappreżentati tat-tliet Istituzzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jinstabu soluzzjonijiet prattiċi u t-triq l-aktar adatta li wieħed għandu jaqbad.
NOTA SPJEGATTIVA
Wara l-adozzjoni mill-plenarja tal-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari fis-6 ta' Frar 2013, bdew negozjati informali mal-Presidenza Irlandiża bl-għan li jintlaħaq ftehim bikri fit-tieni qari. Wara seba' ċikli ta' trilogu, it-tim tan-negozjar tal-Parlament u tal-Kunsill laħqu ftehim dwar id-dossier fit-30 ta' Mejju 2013. It-test tal-ftehim tressaq quddiem il-Kumitat PECH għal votazzjoni ta' approvazzjoni fit-18 ta' Ġunju 2013, u dan ġie approvat b'maġġoranza kbira ħafna. Abbażi tal-approvazzjoni tal-Kumitat, il-President tal-Kumitat impenja ruħu, fl-ittra tiegħu lill-President tal-Coreper, li jirrakkomanda lill-plenarja tapprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari mingħajr emendar. Wara verifika ġuridikolingwistika, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tikkonferma l-ftehim fis-17 ta' Ottubru 2013.
Billi l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari hija konformi mal-ftehim milħuq fit-trilogi, ir-Rapporteur tirrakkomanda lill-Kumitat li jaċċettaha mingħajr emendi addizzjonali. Ir-Rapporteur tixtieq tenfasizza b'mod partikolari l-elementi li ġejjin tal-kompromess:
Din ir-riforma fl-aħħar qed tindirizza l-aktar problema serja tal-Politika Komuni tas-Sajd, li hija s-sajd żejjed li jsir kontinwament, . Skont it-test il-ġdid il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qed jiġi obbligat jaġixxi b'mod sostenibbli fid-deċiżjonijiet annwali tiegħu dwar il-kwoti tal-qabdiet. Bħala regola ġenerali, is-sajd żejjed għandu jieqaf, jekk possibbli sal-2015, sabiex l-istokkijiet tal-ħut ikunu jistgħu jibdew jirkupraw. Qed jiġi ċċarat li posponiment ta’ dan għal data aktar 'il quddiem (l-aktar tard fl-2020) jista jiġi permess biss jekk is-sostenibilità ekonomika u soċjali tal-flotot tas-sajd ikkonċernati tiġi pperikolata serjament. L-istokkijiet kollha, għalhekk, fil-ġejjieni għandhom jiġu mmaniġġjati skont il-prinċipju tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY). F'dan ir-rigward, waħda mit-talbiet l-aktar importanti min-naħa tal-Parlament kienet li l-prinċipju tal-MSY ma jkollux sempliċement l-istatus ta' dikjarazzjoni politika ta' intenzjoni, iżda għandu verament ikun ġuridikament vinkolanti għad-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu fil-futur. Dan jinkludi pjanijiet pluriennali futuri, iżda wkoll deċiżjonijiet awtonomi tal-Kunsill dwar il-qabdiet totali permissibbli (TAC) fuq il-bażi tal-Artikolu 43(3) tat-TFUE.
F’dan ir-rigward, il-Parlament irnexxielu jiżgura diċitura li tenfasizza b’mod aktar ċar li l-objettiv ta’ dawn il-miżuri kollha huwa li l-istokkijiet jitħallew jikbru mhux sempliċement għal livell sostenibbli imma proprju aktar mil-livell sostenibbli. Il-Parlament Ewropew, għaldaqstant, proprju fis-sens ta' approċċ preventiv, adotta "marġini ta' sikurezza" favur l-ambjent. Dan ikun ta' ġid għall-ekonomija tas-sajd ukoll: jekk l-istokkijiet tal-ħut ikunu kemm kemm ogħla mil-livell tal-MSY, il-profitti jiżdiedu, peress li l-ispejjeż tas-sajd jonqsu proporzjonalment maż-żieda fid-densità ta' ħut fil-baħar.
Intlaħaq qbil ukoll fir-rigward tal-obbigu tal-ħatt l-art tal-qabdiet kollha ("il-projbizzjoni fuq ir-rimi tal-ħut fil-baħar"). It-test jipprovdi, kif rikjest mill-Parlament fl-ewwel qari, għall-introduzzjoni vinkolanti ta' projbizzjoni fuq ir-rimi tal-ħut f'perjodu ta' żmien definit b'mod ċar (gradwalment mill-2015 sal-2019). L-ispeċijiet li fil-każ li jintremew fil-baħar juru rata għolja ta' sopravvivenza huma, fost ħwejjeġ oħra, esklużi mill-projbizzjoni tar-rimi fil-baħar.
Kuntrarju għall-pożizzjoni oriġinali tal-Parlament, jistgħu jiġu adottati eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni tar-rimi tal-ħut fil-baħar (sa 5 % tal-qabdiet kollha, 7 % għal perjodu ta' tranżizzjoni) - madankolu, dawn ma japplikawx awtomatikament, iżda biss permezz ta' deċiżjoni separata. Din id-deċiżjoni normalment għandha tittieħed permezz tal-adozzjoni tal-pjan pluriennali rilevanti fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Fin-nuqqas ta' pjan pluriennali, il-Kummissjoni tista' tadotta eżenzjonijiet għal tul massimu ta' tliet snin, wara li tkun irċeviet rakkomandazzjoni konġunta korrispondenti mill-istati Membri kkonċernati permezz tal-proċedura ta' reġjonalizzazzjoni (ara aktar 'l isfel) . Deċiżjoni indiretta tal-Kummissjoni permezz ta' att delegat, jiġifieri mingħajr konsultazzjoni istituzzjonali tal-Istati Membri kkonċernati, hija wkoll possibbli.
F'dan ir-rigward, it-tim tan-negozjati argumenta wkoll b'suċċess li eżenzjonijiet għandhom jiġu adottati biss fejn ikun diffiċli ħafna li s-sajjieda kkonċernati jistadu b'mod aktar selettiv, jew fejn l-ipproċessar tal-qabdiet inċidentali jġib miegħu spejjeż għolja b'mod sproporzjonat.
Kwistjoni kontroversjali oħra bejn l-istituzzjonijiet kienet dwar kif wieħed għandu jittratta fil-ġejjieni l-kapaċità żejda tal-flotot li teżisti f'uħud mis-setturi tal-flotta tal-UE. It-test ta' kompromess jistabbilixxi l-prinċipju li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kapaċità tal-qbid tagħhom tkun adattata skont ir-riżorsi disponibbli. Il-Parlament ottjena l-inklużjoni ta' dispożizzjoni li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżaminaw il-kapaċità ta' qbid tal-flotta tagħhom kull sena skont kriterji stipulati mill-Kummissjoni. Jekk dan l-eżami juri li l-flotta hija kbira wisq, l-Istat Membru in kwistjoni għandu jressaq pjan għat-tnaqqis tal-kapaċità żejda u jieħu l-miżuri meħtieġa. Il-Kummissjoni tista' timponi sanzjonijiet finanzjarji għan-nuqqas ta' konformità ma' dawn id-dispożizzjonijiet.
Fil-qafas tar-riforma, saru tħejjijiet ukoll għad-deċentralizzazzjoni ulterjuri ('reġjonalizzazzjoni') tat-teħid ta' deċiżjoni. L-għan huwa li jiġi żgurat li b'mod partikolari fejn għandhom jiġu stabbiliti regoli tekniċi dettaljati għal żoni tal-baħar individwali, dan iseħħ aktar fil-qrib ta' dawk affettwati, u mhux b'mod ċentralizzat minn Brussell kif ġara sa issa. L-UE ċertament se tkompli teżamina jekk il-miri li jirriflettu l-prinċipji tal-politika tas-sajd tal-UE humiex qed jintlaħqu.
Il-mekkaniżmu bażiku għar-reġjonalizzazzjoni, jiġifieri s-sottomissjoni ta' rakkomandazzjonijiet konġunti minn gruppi ta' Stati Membri, jista' jintuża wkoll biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-elementi li jirrigwardaw is-sajd li jinsabu fid-direttivi ambjentali tal-UE (pereżempju, fid-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima). Madankollu, jekk l-Istati Membri kkonċernati ma jkunux kapaċi jilħqu ftehim, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tieħu l-miżuri rilevanti għal perjodu limitat jekk il-miri ta' protezzjoni tad-direttivi ambjentali altrimenti jkunu mhedda.
Ir-reġjonalizzazzjoni għandha tintuża, barra minn hekk, biex jiżdied l-impetu għall-ħolqien, min-naħa tal-UE, ta' żoni ta' protezzjoni tal-baħar u żoni fejn il-qbid ikun ipprojbit.
Fil-kuntest tar-reġjonalizzazzjoni, l-entitajiet ta' konsulenza kkreati mir-riforma preċedenti se jkollhom rwol akbar, peress li jirrappreżentaw forum importanti għall-ħolqien ta' consensus fi ħdan reġjun. Il-"Kunsilli Konsultattivi", kif inhuma magħrufin, se jkunu komposti b'mod iktar ibbilanċjat fil-ġejjieni, billi 40 % tal-membri tagħhom ikunu rappreżentanti minn barra s-settur tas-sajd (eż. mill-NGOs). Din kienet waħda mit-talbiet li l-Parlament Ewropew għamel bi dritt.
It-test jistipula wkoll li l-UE ma għandhiex tikkontribwixxi għas-sajd żejjed f'ilmijiet barranin. Il-ħut żejjed mhux utilizzabbli minn pajjiż terz biss jista' jinqabad, kif provdut fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar. Ftehimiet dwar l-attivitajiet tas-sajd ma' pajjiżi terzi fil-ġejjieni se jinkludu klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri, il-ftehimiet jistgħu jiġu sospiżi jekk id-drittijiet tal-bniedem jinkisru. Barra minn hekk, fil-futur, il-ftehimiet dwar l-attivitajiet tas-sajd ma' pajjiżi terzi għandhom jinkludu klawsola ta' esklużività (jiġifieri, il-ftehim ma jistax jiġi injorat permezz ta' kuntratti privati bejn is-sajjieda u gvernijiet ta' pajjiż terz). Barra minn hekk, l-UE se tieħu miżuri kontra t-tibdil tal-bandiera tal- bastimenti tas-sajd.
Ir-regolament bażiku l-ġdid jinkludi deċiżjoni fundamentali li l-approprjazzjonijiet mill-fondi tal-qasam tas-sajd tal-UE jistgħu jiġu allokati biss jekk ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd jiġu rispettati. Dan japplika kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-impriżi individwali tas-sajd. Id-dettalji ta' din ir-regolamentazzjoni se jitniżżlu fir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u tas-Sajd (FEMS).
Suċċess kbir għat-tim tan-negozjati kien l-inklużjoni fit-test tal-hekk imsejħa "kriterji għall-aċċess". L-Istati Membri, fil-ġejjieni, għandhom jiddistribwixxu l-opportunitajiet tas-sajd ("kwoti") fost is-sajjieda tagħhom skont objettivi u kriterji trasparenti. Dawn il-kriterji għandhom jinkludu kriterji ekoloġiċi, soċjali u ekonomiċi. Dan jista' jkun ta' benefiċċju għal dawk is-setturi tal-flotta tas-sajd li jistgħu jiddimostraw li kapaċi joħolqu numru ta' impjiegi 'l fuq mill-medja u li jkollhom impatt ambjentali taħt il-medja.
Il-Parlament Ewropew ma ħax ħsieb it-trasparenza biss fil-kwistjoni tad-distribuzzjoni tal-kwoti: anki d-dejta xjentifika miġbura mill-Istati Membri dwar is-sitwazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut, fir-rispett tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta, għandha tkun aċċessibbli għall-partijiet kollha interessati.
Politika tas-sajd tkun ta' suċċess biss jekk ir-regoli jiġu rispettati għalkollox. Sabiex jiġu żgurati titjib fil-kwalità u estensjoni tal-opportunitajiet ta' kontroll tal-Istati Membri, fil-ġejjieni "grupp ta' esperti għar-rispett tar-regoli" se jiffaċilita djalogu kontinwu dwar dan is-suġġett, sabiex fil-futur jiġu stabbiliti "l-aħjar prattiki" f'dan il-qasam.
PROĊEDURA
Titolu |
Il-Politika Komuni tas-Sajd |
||||
Referenzi |
12007/3/2013 – C7-0375/2013 – 2011/0195(COD) |
||||
Data tal-1 qari tal-PE - Numru P |
6.2.2013 T7-0040/2013 |
||||
Proposta tal-Kummissjoni |
COM(2011)0425 - C7-0198/2011 |
||||
Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari |
24.10.2013 |
||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
PECH 24.10.2013 |
|
|
|
|
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Ulrike Rodust 26.9.2011 |
|
|
|
|
Eżami fil-kumitat |
4.11.2013 |
|
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
27.11.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 1 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
John Stuart Agnew, Carmen Fraga Estévez, Pat the Cope Gallagher, Dolores García-Hierro Caraballo, Ian Hudghton, Werner Kuhn, Isabella Lövin, Gabriel Mato Adrover, Maria do Céu Patrão Neves, Crescenzio Rivellini, Ulrike Rodust, Raül Romeva i Rueda, Struan Stevenson, Nils Torvalds, Jarosław Leszek Wałęsa |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Luis Manuel Capoulas Santos, Jean Louis Cottigny, Jim Higgins, Jens Nilsson |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
María Auxiliadora Correa Zamora, Salvador Garriga Polledo, Francisco José Millán Mon, Younous Omarjee, Ivo Vajgl, Luis Yáñez-Barnuevo García |
||||
Data tat-tressiq |
28.11.2013 |
||||