RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba

28.11.2013 - (COM(2013)0703 – C7‑0357/2013 – 2013/2262(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Jan Kozłowski

Proċedura : 2013/2262(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0410/2013
Testi mressqa :
A7-0410/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba

(COM(2013)0703 – C7‑0357/2013 – 521.799(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2013)0703 – C7–0357/2013),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1] (FII tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2] (ir-Regolament FEG),

–   wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0410/2013),

A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex jingħata appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni, lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja, għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tas-17 ta' Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEG,

C. billi d-Danimarka ressqet l-applikazzjoni EGF/2012/011 DK/Vestas għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-611-il sensja fil-Vestas Group, b'611-il ħaddiem fil-mira tal-miżuri kofinanzjati mill-FEG, matul il-perjodu ta' referenza mit-18 ta’ Settembru 2012 sat-18 ta’ Diċembru 2012,

D. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEG,

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, id-Danimarka hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2. Jinnota li l-awtoritajiet Daniżi ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-21 ta' Diċembru 2012 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni Ewropea fis-16 ta' Ottubru 2013; jinnota li l-valutazzjoni ta' din l-applikazzjoni ħadet ħafna aktar żmien meta mqabbla mal-każ preċedenti ta' Vestas li tressaq mid-Danimarka f'Mejju 2012;

3.  Iqis li s-sensji fil-kumpanija Vestas Group involuti fil-manifattura tat-turbini tar-riħ huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, minħabba l-istaġnar tad-domanda għall-installazzjoni tat-turbini tar-riħ fl-Ewropa u żieda tas-suq fl-Asja, il-penetrazzjoni tas-suq Ewropew mill-manifatturi Ċiniżi tat-turbini tar-riħ bi prezzijiet aktar kompetittivi u t-tnaqqis sinifikanti tas-sehem tas-suq tal-UE fil-kapaċità totali minn 66 % fl-2006 għal 27.5 % fl-2012[3];

4. Huwa tal-opinjoni li s-suq tal-enerġija tar-riħ tal-UE huwa previst li jkompli jikber u jiġġenera domanda għall-manifatturi tat-turbini tar-riħ tal-Ewropa u l-industriji assoċjati permezz tal-promozzjoni kontinwa ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-livell tal-Unjoni; jinnota f’dan ir-rigward il-miri nazzjonali mandatorji għall-użu tal-enerġija rinnovabili sal-2020; għalhekk, jesprimi tħassib dwar din ir-rilokazzjoni partikolari u jiġbed l-attenzjoni dwar ir-riskju tal-importazzjoni fis-suq Ewropew tat-turbini tar-riħ prodotti fl-Asja;

5. Jinnota li s-sensji kkonċernati huma r-riżultat dirett tad-deċiżjoni strateġika meħuda mill-Vestas group f'Novembru 2011 li jorganizza mill-ġdid l-istruttura tiegħu u tiżdied il-viċinanza mal-klijenti tiegħu fis-swieq reġjonali, speċjalment fiċ-Ċina; jinnota li r-reġjun affettwat ta' Ringkøbing-Skjern investa konsiderevolment fl-infrastruttura sabiex jattira kumpanija innovattiva bħall-Vestas group u d-deċiżjoni ta' Vestas toħloq diffikultajiet għar-reġjun;

6. Jinnota li fl-2009/2010 l-Vestas Group diġà kien soġġett għal sensji fuq skala kbira, b’mewġa ġdida fl-2012 li tellgħat l-għadd ta’ impjegati milquta ta’ Vestas għal madwar 2000, li jirrappreżentaw sfida kbira għall-muniċipalitajiet diġà milquta u soġġetti għal żieda rapida ta’ qgħad[4];

7. Jinnota li dan huwa t-tielet każ tal-FEG li jinvolvi l-kumpanija Vestas Group u r-raba’ każ tal-FEG fis-settur tat-turbini tar-riħ (EGF/2010/003 DK/Vestas[5], EGF/2010/022 DK/LM Glasfiber[6], EGF/2010/017 DK/Midtjylland Machinery[7]);

8.  Jilqa' l-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Daniżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' Marzu 2013, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett koordinat propost;

9.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati li għandu jiġi kofinanzjat jinkludi miżuri għar-riintegrazzjoni ta’ 611-il ħaddiem sensjat f’impjiegi bħal counselling, mentoring u coaching, pakketti ta’ taħriġ immirati individwalizzati (korsijiet ta’ taħriġ interkulturali, korsijiet ta’ lingwa, taħriġ imprenditorjali, korsijiet diġà disponibbli u programmi ta’ taħriġ) allowances għall-imprenditorjat, miżuri għall-55+ b’mentoring speċjali u rikollokament kif ukoll kumpens għas-sussistenza;

10. Jilqa' l-fatt li l-ħaddiema se jsegwu pakketti ta' taħriġ immirati u individwalizzati li jilħqu l-bżonnijiet tagħhom kif definit matul il-fażi ta' counselling u coaching;

11. Jilqa' l-fatt li l-pakkett koordinat jipprevedi miżuri b'mentoring speċjali u rikollokament għal ħaddiema ta' 55 sena jew akbar, li probabbli jesperjenzaw diffikultajiet addizzjonali biex isibu impjieg ġdid minħabba l-età tagħhom;

12. Jinnota li l-pakkett fih inċentivi finanzjarji konsiderevoli għall-istabbiliment ta’ negozji proprji (sa EUR 25 000) li se jkunu marbuta strettament mal-parteċipazzjoni f’korsijiet ta’ imprenditorjat u eżerċizzju ta' monitoraġġ fi tmiem il-proġett tal-FEG;

13. Jiddispjaċih madankollu li aktar minn nofs l-appoġġ tal-FEG se jintefaq fuq allowances finanzjarji - il-ħaddiema kollha jingħad li se jirċievu benefiċċju ta' sussistenza li huwa stmat għal EUR 10 400 għal kull ħaddiem;

14. Ifakkar li l-appoġġ tal-FEG għandu jkun allokat primarjament għat-tfittxija ta’ impjieg u għal programmi ta’ taħriġ flok kontribuzzjoni diretta għal allowances finanzjarji; jinnota li, jekk ikunu inklużi fil-pakkett, dawn l-allowances għandhom ikunu ta’ natura komplimentari u qatt ma jieħdu post l-allowances li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Istati Membri jew tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi; jenfasizza f'dan il-kuntest li r-regolament tal-FEG il-ġdid għall-perjodu 2014-2020 se jintroduċi limitu għall-allowances finanzjarji, li mhux se jkun aktar minn 35 % tal-kost tal-pakkett u li r-rata tal-allowances, fi ħdan il-pakkett kooordinat għal din it-talba, mhux se terga' tkun fir-regolament il-ġdid;

15. Jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali, inklużi t-trejdjunjins, ġew ikkonsultati matul it-tħejjija tal-applikazzjoni tal-FEG, u li l-politika ta' parità bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni se jiġi applikat matul id-diversi fażijiet tal-implimentazzjoni tal-FEG u fl-aċċess għalih.

16.      Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent kummerċjali reali;

17. Jinnota li l-informazzjoni provduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Daniżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċievux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

18. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-arranġamenti proċedurali sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibbiltà ta' applikazzjoni għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG; jittama li jiġi integrat titjib proċedurali ulterjuri fir-Regolament FEG il-ġdid għall-2014-2020 u li jinkisbu effiċjenza, trasparenza u viżibilità akbar tal-FEG;

19. Jisħaq fuq il-fatt li, bi qbil mal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jiġi żgurat li l-FEG jappoġġa r-riintegrazzjoni f'impjieg stabbli tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg sostenibbli u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas ma għandha tissostitwixxi l-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

20. Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq fil-Kunsill dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tar-regolament FEG, għall-perjodu 2014-2020, il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, li jippermetti l-għoti ta' assistenza finanzjarja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali apparti lil dawk li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija;

21. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]               'World Wind Energy association' The World Wind Energy Association 2012 Annual Report', Bonn, Mejju 2013. http://www.wwindea.org/webimages/WorldWindEnergyReport2012_final.pdf
  • [4]               www.dst.dk
  • [5]               COM(2012)0502 – Deċiżjoni 2012/731/EU (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 19).
  • [6]               COM(2011)0258 – Deċiżjoni 2011/469/EU (ĠU L 195, 27.7.2011, p. 53).
  • [7]               COM(2011)0421 – Deċiżjoni 2011/725/EU (ĠU L 289, 8.11.2011, p. 31).

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta’ ...

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni baġitarja tajba (applikazzjoni EGF/2012/011 DK/Vestas mid-Danimarka).

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(3)      Id-Danimarka ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta' sensji fl-kumpanija Vestas Group fil-21 ta' Diċembru 2012 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sas-16 ta' Lulju 2013. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, ipproponiet li timmobilizza ammont ta' EUR 6 364 643.

(4)      Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mid-Danimarka,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 6 364 643 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

  • [1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assitenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta' EUR 500 miljun, meħud minn kwalunkwe marġni taħt il-limitu massimu ta' nfiq globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet ta' impenn ikkanċellati mis-sentejn preċedenti, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġnijiet suffiċjenti u/jew l-impenji kkanċellati.

Fir-rigward tal-proċedura, fil-każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, sabiex il-Fond jiġi attivat il-Kummissjoni tippreżenta proposta lill-awtorità baġitarja għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tressaq talba korrispondenti għat-trasferiment. B'mod parallel, jista' jiġi organizzat trilogu sabiex jinstab qbil dwar l-użu tal-Fond u l-ammonti meħtieġa. It-trilogu jista' jkun f'forma semplifikata.

II. L-applikazzjoni tal-Vestas Group u l-proposta tal-Kummissjoni

Fis-16 ta' Ottubru 2013, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur id-Danimarka sabiex il-ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-kumpanija Vestas Group minħabba tibdil strutturali kbir fix-xejriet kummerċjali dinjija jiġu megħjuna fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Din hija t-tmien applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2013 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 6 364 643 mill-FEG għad-Danimarka. Tikkonċerna 611 sensja fil-Vestas Group b’611-il ħaddiem fil-mira għall-miżuri ta’ kofinanzjament tal-FEG matul il-perjodu ta’ referenza mit-18 ta' Settembru 2012 sat-18 ta' Diċembru 2012. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkolati skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fit-21 ta’ Diċembru 2012, u ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali sas-16 ta’ Lulju 2013. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

L-awtoritajiet Daniżi jargumentaw li l-industrija tal-manifattura tat-turbini tar-riħ fl-UE ġiet milquta serjament mit-bidliet fl-andament tal-kummerċ dinji li wasslu għal tnaqqis sinifikanti fis-sehem tas-suq tal-UE. Id-domanda għall-enerġija rinnovabbli, inkluż l-enerġija mir-riħ, se tikber drastikament, madankollu s-swieq se jinbidlu. Waqt li sal-2006 l-enerġija mir-riħ kienet industrija ddominata mill-Ewropa u sa issa kien hemm tkabbir bbilanċjat bejn l-Ewropa, l-Asja u l-Istati Uniti, illum hemm żieda qawwija fid-domanda għall-enerġija tar-riħ fl-Asja u fl-Amerika ta' Fuq, fl-Amerika ta' Isfel dalwaqt u fl-Afrika fil-futur imbiegħed. Il-manifattura u l-manutenzjoni se jimxu lejn postijiet, fejn hemm domanda għalihom u lejn reġjuni bi tkabbir ekonomiku mgħaġġel. Minbarra l-kost lavorattiv konsiderevolment aktar baxx, il-kost biex jiġu ttrasportati l-partijiet il-kbar tat-turbini tar-riħ wassal lill-produtturi Ewropej biex iqarrbu l-produzzjoni tagħhom lejn l-aktar swieq dinamiċi tal-utenti finali biex jiżguraw il-kompetittività tagħhom u l-pożizzjoni fis-suq. Minħabba f’hekk, il-produzzjoni kull ma jmur qed titlaq mill-UE.

L-awtoritajiet Daniżi stqarru li l-madwar 800 sensja minn Vestas Group fil-muniċipalità ta’ Ringkøbing-Skjern f’2009/2010 ma kinux previsti minħabba l-espansjoni rapida tas-settur globali tal-enerġija mir-riħ. F’Jannar 2012, Vestas ħabbret il-pjan tagħha li tagħti s-sensja lil 1 300 ħaddiem ieħor. Sa nofs l-2012 Vestas laħqet l-għadd ta’ 1 300 sensja fid-Danimarka, li 788 minnhom kienu inklużi fil-każ precedent EGF/2012/003 DK/Vestas, imressaq mill-Kummissjoni f’Mejju 2012. L-awtoritajiet Daniżi għalhekk ma kinux qed jistennew sensji addizzjonali u kienu maħsuda mill-aħbar ta’ Vestas f’Settembru 2012 li l-kumpanija kienet se tissensja 611 haddiem ieħor. Fl-2009 ħaddiema mingħajr ħiliet jew b’ħiliet baxxi ġew affettwati wara l-andament kummerċjali dinji ġdid li l-manifattura tiġi esternalizzata lejn pajjiżi b'kosti tax-xogħol baxxi. Sadanittant fl-2012 is-sensji fil-Vestas Group laqtu fil-maġġoranza lil ħaddiema b'ħiliet għolja, speċjalizzati u b’livell tajjeb ta’ edukazzjoni.

Is-sensji qed iseħħu fi żmien meta l-qgħad qed jiżdied b’mod rapidu. Fl-2012, kien hemm 34 804 f’Syddanmark u 32 571 f’Midjylland (mqabbla ma’ 14 030 u 13 132 rispettivament fl-2008).

Il-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati li għandu jiġi kofinanzjat jinkludi miżuri għar-riintegrazzjoni ta’ 611 ħaddiem f’impjiegi bħal counselling, mentoring u coaching, pakketti ta’ taħriġ immirati individwalizzati (korsijiet ta’ taħriġ interkulturali, korsijiet ta’ lingwa, taħriġ imprenditorjali, korsijiet diġà disponibbli u programmi ta’ taħriġ) allowances għall-imprenditorjat, miżuri għall-55+ b’mentoring speċjali u rikollokament kif ukoll kumpens għas-sussistenza.

Skont l-awtoritajiet Daniżi, il-miżuri mibdija fl-1 ta' Marzu 2013 flimkien jiffurmaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati u jirrappreżentaw miżuri attivi għas-suq tax-xogħol bil-għan li jintegraw mill-ġdid lill-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

Fir-rigward tal-kriterji inklużi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Daniżi fl-applikazzjoni tagħhom:

•  ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tissostitwixxix miżuri li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

•  urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u mhumiex se jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

•  ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE.

Fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll, id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi ġestita u kkontrollata mill-istess korpi bħal dawk tal-Fond Soċjali Ewropew, li bħala Awtorità Maniġerjali għandha wkoll l-Awtorità Daniża tal-Intrapriżi. L-Awtorità li Tiċċertifika se tkun tinsab f'dipartiment differenti tal-istess korp. L-Awtorità ta' Awditjar se jkollha l-funzjoni ta' Kontrollur tal-UE fl-Awtorità Daniża tal-Intrapriżi.

III. Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-awtorità baġitarja talba ta' trasferiment għal ammont globali ta' EUR 6 364 643 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 05 01).

Din hi t-tmien proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ippreżentata lill-Awtorità Baġitarja fl-2013. L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja propost jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-FEG jibqa' disponibbli għall-allokazzjonijiet matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif meħtieġ mill-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

It-trilogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG jista' jieħu forma semplifikata, kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi ġuridika, għajr jekk ikun hemm nuqqas ta' qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

EK/nt

D(2013)53024

Is-Sur Alain Lamassoure

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 13E158

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2012/011 DK/Vestas mid-Danimarka (COM(2013)703 finali)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2012/011 DK/Vestas mid-Danimarka u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 2(a) tar-Regolament tal-FEG u tidentifika għall-għajnuna 611-il ħaddiem li ngħataw is-sensja matul il-perjodu ta’ referenza bejn it-18 ta’ Settembru 2012 u t-18 ta’ Diċembru 2012 fil-kumpanija Vestas li timmanifattura turbini tar-riħ;

B)  Billi l-awtoritajiet Daniżi jsostnu li s-sensji kienu kkawżati minn bidliet strutturali kbar fis-suq tat-turbini tar-riħ madwar id-dinja li wasslu għal tnaqqis sinifikanti tas-sehem tas-suq tal-UE;

C)  Billi d-domanda tal-UE qed tistaġna u s-suq globali u speċjalment l-Asja kienet qed tevolvi rapidament il-Vestas Group iddeċieda li jiċċaqlaq eqreb lejn is-swieq li qed jiżviluppaw sabiex inaqqas l-ispejjeż ta' produzzjoni u ta' trasport;

D)  Billi dan il-każ il-ġdid li jikkonċerna l-industrija tar-riħ f’Stat Membru wieħed juri l-bżonn għal strateġija industrijali tal-UE u titjib tal-prattiċi ta’ ristrutturar sabiex tissaħħaħ it-tranżizzjoni tal-enerġija filwaqt li jinżammu l-impiegi;

E)  Billi l-awtoritajiet Daniżi jsostnu li s-sensji kkonċernati ma kinux previsti meta jitqies il-mewġ ta' sensji fil-Vestas Group li diġà seħħew fl-2009/2010 u f'nofs l-2012 u li l-gvern Daniż kien qed jinnegozja politika tal-enrġija ambizzjuża għas-snin 2012-2020 b'żieda fl-iżvilupp tat-turbini tar-riħ;

F)  Billi l-impatt tas-sensji huwa mistenni li jkun sinifikanti fil-livell lokali peress li sitt muniċipalitajiet affettwati għandhom rati ta’ qgħad f’żieda kostanti u b'mod partikolari qgħad fit-tul;

G)  Billi 64,48 % tal-ħaddiema koperti mill-miżuri huma rġiel u 35,52 % huma nisa; billi 84,78 % tal-ħaddiema għandhom bejn il-25 u l-54 sena u iktar minn 14,40 % għandhom aktar minn 55 sena;

H)  Billi l-ħaddiema ssensjati huma ħaddiema b'ħiliet għolja, b'edukazzjoni tajba jew speċjalizzati: 23,08 % tekniċi tax-xjenza tal-inġinerija, 22,26 % inġiniera, 22,91 % ħaddiema fil-manifattura u 21,60 % operaturi tal-makkinarju u inkarigati mill-assemblaġġ.

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Daniża:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG (1927/2006) huma ssodisfati u li, għalhekk, id-Danimarka hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Daniżi ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-21 ta' Diċembru 2012 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni Ewropea fis-16 ta' Ottubru 2013; jinnota li l-valutazzjoni ta' din l-applikazzjoni ħadet ħafna aktar żmien meta mqabbla mal-każ preċedenti ta' Vestas li tressaq mid-Danimarka f'Mejju 2012;

3.  Huwa tal-opinjoni li s-suq tal-enerġija tar-riħ tal-UE huwa previst li jkompli jikber u jiġġenera domanda għall-manifatturi tat-turbini tar-riħ tal-Ewropa u l-industriji assoċjati permezz tal-promozzjoni kontinwa ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-livell tal-UE; jinnota f’dan ir-rigward il-miri nazzjonali mandatorji għall-użu tal-enerġija rinnovabili sal-2020; għalhekk, jesprimi tħassib dwar din ir-rilokazzjoni partikolari u jiġbed l-attenzjoni dwar ir-riskju tal-importazzjoni fis-suq Ewropew tat-turbini tar-riħ prodotti fl-Asja;

4. Jinnota li din ir-raba' applikazzjoni tal-FEG li tindirizza s-sensji fl-industrija tat-turbini tar-riħ, kollha kemm huma mid-Danimarka u t-tielet applikazzjoni li tikkonċerna l-Vestas group (EGF/2010/003 DK/Vestas, EGF/2010/017 DK Midtjylland Machinery, EGF/2010/022 DK/LM Glasfiber, EGF, EGF/2012/003 DK/Vestas);

5.  Jinnota li s-sensji kkonċernati huma r-riżultat dirett tad-deċiżjoni strateġika meħuda mill-Vestas group f'Novembru 2011 li jorganizza mill-ġdid l-istruttura tiegħu u tiżdied il-viċinanza mal-klijenti tiegħu fis-swieq reġjonali, speċjalment fiċ-Ċina; jinnota li r-reġjun affettwat ta' Ringkøbing-Skjern investa konsiderevolment fl-infrastruttura sabiex jattira impriża innovattiva bħall-Vestas group u d-deċiżjoni ta' Vestas toħloq diffikultajiet għar-reġjun;

6.  Jilqa’ l-fatt li l-implimentazzjoni tal-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati beda fit-1 ta’ Marzu 2013 – sew qabel id-deċiżjoni li jingħata appoġġ tal-FEG mill-awtorità baġitarja;

7.  Jilqa' l-fatt li l-ħaddiema se jsegwu pakketti ta' taħriġ immirati u individwalizzati li jilħqu l-bżonnijiet tagħhom kif definit matul il-fażi ta' counselling u coaching;

8.  Jilqa' l-fatt li l-pakkett koordinat jipprevedi miżuri b'mentoring speċjali u rikollokament għal ħaddiema ta' 55 sena jew akbar, li probabbli jesperjenzaw diffikultajiet addizzjonali biex isibu impjieg ġdid minħabba l-età tagħhom;

9.  Jinnota li l-pakkett fih inċentivi finanzjarji konsiderevoli għall-istabbiliment ta’ negozji proprji (sa EUR 25 000) li se jkunu marbuta strettament mal-parteċipazzjoni f’korsijiet ta’ imprenditorjat u eżerċizzju ta' monitoraġġ fi tmiem il-proġett tal-FEG;

10.  Jiddispjaċih madankollu li aktar minn nofs l-appoġġ tal-FEG se jintefaq fuq allowances finanzjarji - il-ħaddiema kollha jingħad li se jirċievu benefiċċju ta' sussistenza li huwa stmat għal EUR 10 400 għal kull ħaddiem;

11.  Ifakkar li l-appoġġ tal-FEG għandu jkun allokat primarjament għat-tfittxija ta’ impjieg u għal programmi ta’ taħriġ flok kontribuzzjoni diretta għal allowances finanzjarji; jekk inkluż fil-pakkett, dan għandu jkun ta' natura komplimentari u qatt ma jieħu post l-allowances li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Istati Membri jew tal-kumpaniji permezz tal-liġi nazzjonali jew tal-ftehimiet kollettivi; jenfasizza f'dan il-kuntest li r-regolament tal-FEG il-ġdid għall-perjodu 2014-2020 se jintroduċi limitu għall-allowances finanzjarji, li mhux se jkun aktar minn 35 % tal-kost tal-pakkett u li r-rata tal-allowances, fi ħdan il-pakkett kooordinat għal din it-talba, mhux se terga' tkun fir-regolament il-ġdid;

12.  Jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali ġew ikkonsultati matul il-fażi preparatorja tal-pakkett u li huma kontinwament infurmati dwar l-istatus tal-każ.

Dejjem tiegħek,

Is-Sa Pervenche Berès

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

27.11.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Zuzana Brzobohatá, Jean-Luc Dehaene, James Elles, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Lucas Hartong, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Ivailo Kalfin, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, George Lyon, Jan Mulder, Vojtěch Mynář, Juan Andrés Naranjo Escobar, Dominique Riquet, Oleg Valjalo, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Frédéric Daerden, Jürgen Klute, Paul Rübig

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Juozas Imbrasas