RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire (2013-2018)

29.11.2013 - (08701/2013 – C7‑0216/2013 – 2013/0102(NLE)) - ***

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Jean Louis Cottigny

Proċedura : 2013/0102(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0416/2013
Testi mressqa :
A7-0416/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire (2013-2018)

(08701/2013 – C7‑0216/2013 – 2013/0102(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (08701/2013),

–   wara li kkunsidra l-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire (2013-2018) (08699/2013),

–   wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0216/2013),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0416/2013),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament Ewropew informazzjoni relevanti dwar il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt kif ipprovdut fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, b'mod partikolari l-minuti u l-konklużjonijiet korrispondenti, flimkien ma' rapport annwali dwar ir-riżultati tal-implimentazzjoni prattika tal-programm ta' appoġġ settorjali pluriennali msemmi fl-Artikolu 3 tal-Protokoll; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni, waqt is-sena finali tal-validità tal-Protokoll u qabel il-ftuħ tan-negozjati għat-tiġdid tiegħu, tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' valutazzjoni ex-post li jkun jinkludi fih analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tal-implimentazzjoni tal-Protokoll;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Côte d'Ivoire.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Ir-relazzjonijiet rigward is-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire bdew uffiċjalment fl-1990 bl-ewwel Ftehim ta' Sħubija. Għalhekk, dan huwa ftehim relattivament qadim u importanti għaż-żewġ Partijiet.

In-negozjati dwar it-tiġdid tas-sħubija saru fi klima serena u ftehim reċiproku bejn iż-żewġ Partijiet, peress li Protokoll ġdid ġie ffirmat fid-9 ta' Jannar 2013, wara biss żewġ sessjonijiet ta' negozjati. Il-Protokoll imsemmi ġie konkluż fuq ħames snin u jestendi mill-1 ta' Lulju 2013 sat-30 ta' Ġunju 2018. Huwa jikkonċedi opportunitajiet ta' sajd lill-flotot tat-tonn Ewropej u japplika provviżorjament mill-1 ta' Lulju 2013 sakemm il-Parlament Ewropew jieħu l-pożizzjoni tiegħu.

Sabiex il-Protokoll tas-Sħubija jiġi vvalidat, huwa xieraq li jiġi analizzat jekk dan tal-aħħar jirrispettax il-kriterji li ġejjin:

1) kumpens finanzjarju ġust,

2) kunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku, politiku u soċjali tal-Côte d'Ivoire,

3) protokoll ibbilanċjat, raġonevoli u ta' benefiċċju għaż-żewġ Partijiet.

Kontenut tal-Protokoll il-ġdid

Evalwazzjoni

Dan il-Ftehim ġdid huwa partikolarment ibbażat fuq ir-riżultati ta' evalwazzjoni ex post ta' Ġunju 2012 tal-Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija fil-qasam tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Côte d'Ivoire li jkopri l-perjodu bejn Lulju 2007 u Ġunju 2013, imfassal minn esperti indipendenti u ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea.

Dan ir-rapport jissottolinja l-fatt li minn meta sar, il-Ftehim huwa ġustifikat ekonomikament, huwa raġonevoli, ibbilanċjat u effikaċi. L-Unjoni Ewropea u l-Côte d'Ivoire huma sħab privileġġjati, partikolarment fil-qasam tas-sajd, peress li kważi t-totalità tal-produzzjoni Ivorjana tat-tonn tiġi esportata lejn l-Unjoni Ewropea. Dan jirrappreżenta medja ta' madwar 55 000 tunnellata fis-sena. Ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ Partijiet involuti nżammu tul il-kriżi politika reċenti kollha li għaddiet minnha l-Côte d'Ivoire.

Opportunitajiet ta' sajd

Il-ftehim ta' Shubija jipprevedi opportunitajiet ta' sajd maqsuma f'żewġ kategoriji ta' bastimenti, jiġifieri 28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun mgħammra bi friżer u 10 bastimenti tas-sajd bil-konz Franċiżi u Spanjoli.

Kumpens finanzjarju

Il-kumpens finanzjarju globali mħallas mill-Unjoni Ewropea jammonta għal EUR 680 000 fis-sena u huwa mqassam b'dan il-mod:

- EUR 422 500 fis-sena se jintefqu għad-drittijiet ta' aċċess għaż-Żona Ekonomika Esklussiva Ivorjana, jiġifieri fl-ilmijiet fejn il-Côte d'Ivoire teżerċita drittijiet sovrani fuq l-isfruttament tar-riżorsi. L-ammont ta' tunnellati ta' referenza huwa ffissat għal 6 500 tunnellata fis-sena;

- EUR 257 500 fis-sena għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd fil-Côte d'Ivoire, li se jservi b'mod partikolari għall-iżvilupp tal-akkwakultura, għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, li jolqot iż-żona b'mod qawwi ħafna, u għall-immodernizzar tas-sistema tar-rappurtar tal-qbid tal-ħut. Dan jikkorrispondi ma' dak li l-Unjoni Ewropea tixtieq tistabbilixxi fil-politika tas-sajd tagħha.

Barra minn hekk, ġiet miftiehma tariffa ta' EUR 35 għall kull tunnellata. Il-prezz tal-liċenzja se jogħla għal

EUR 5 390 għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun u għal EUR 1 960 għall-bastimenti tas-sajd bil-konz.

Din il-kumpens finanzjarju tela' għal 42 % fir-riward tal-Protokoll tal-2007, li kien jipprevedi kumpens ta' EUR 595 000. It-tunnellaġġ ta' referenza, min-naħa tiegħu, naqas bi ftit, u għadda minn 7 000 tunnellata fis-sena fl-2007 għal 6 500 tunnellata fl-2013. Dan huwa spjegat mill-ħtieġa li tiġi ppreservata r-riżorsa fl-ilmijiet Ivorjani. Il-possibilitajiet kollha ta' qbid ma kinux qed jiġu użati, u għalhekk seħħ it-tnaqqis, filwaqt li fl-istess ħin inżamm il-potenzjal kbir ta' sajd.

Tabella komparattiva tal-Protokolli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Côte d'Ivoire fis-snin 2007 - 2013 u 2013 - 2018

 

Protokoll tal-2007-2013

Protokoll tal-2013-2018

Kumpens finanzjarju

EUR 595 000 kull sena.

EUR 680 000 kull sena.

Tunnellaġġ ta’ referenza

7 000 tunnellata fis-sena

6,500 tunnellata fis-sena

Kategoriji ta' bastimenti

25 bastiment tas-sajd bil-purse seines

15 bastiment tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ

28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun mgħammra bi friżer

10 bastiment tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ

L-impjegar ta’ baħrin

Il-Protokoll jipprevedi wkoll li s-sidien tal-bastimenti Ewropej jimpjegaw fuq il-bastimenti tagħhom mill-inqas 20 % tal-baħrin mill-pajjiżi AKP, bi prijorità għall-baħrin ta' nazzjonalità Ivorjana.

Osservazzjonijiet tar-Rapporteur

Dan il-Ftehim ifisser, għalhekk, ammont numeruż ta' impjieġi għaż-żewġ Partijiet, u jenfasizza l-aspett soċjali. Iż-żamma tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea u fil-Côte d'Ivoire huwa argument addizzjonali, partikolarment fil-kuntest tal-kriżi u s-sitwazzjoni fejn il-Côte d'Ivoire qed tagħmel diversi sforzi biex terġa' takkwista stabilità politika. Dan il-Protokoll huwa ugwalment importanti għaż-żamma tal-attività tal-flotta tal-Unjoni u huwa ekonomikament vijabbli, peress li tunnellata ta' tonn saret għal darb'oħra aktar minn għaxar darbiet il-prezz tal-qbid bħala medja.

Il-Protokoll preżenti jaqbel mal-aspettattivi tal-Istituzzjonijiet Ewropej, jiġifieri, il-promozzjoni tal-akkwakultura, il-ġlieda kontra s-sajd IUU u l-kunfidenzjalità tad-dejta.

Barra minn hekk, dan il-Protokoll huwa f'konformità mal-prinċipji tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) fir-rigward tal-ġestjoni tal-istokkijiet. Fil-fatt, il-kwoti li ġew miftiehma ma jaqbżux ir-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi, u t-tonn huwa eskluż mill-ispeċji awtorizzati. Il-qbid inċidentali jibqa' dgħajjef u realment aċċidentali.

Konklużjonijiet

Meta jitqiesu l-elementi msemmija qabel, ir-Rapporteur ma jarax elementi negattivi essenzjali u jitlob l-approvazzjoni tal-Protokoll tas-sajd preżenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Côte d'Ivoire, li huwa ta' ġid għaż-żewġ Partijiet u għas-sajjieda taż-żona. Il-Ftehim huwa effettivament mezz ta' ħolqien ta' impjiegi u ta' prosperità, u għalhekk huwa xieraq li jiġi sostnut.

Il-Parlament Ewropew, madankollu, jibqa' viġilanti rigward il-kwalità ta' għajnuna għas-settur Ivorjan, għal dak li għandu x'jaqsam mal-impjiegi, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ il-kontrolli fuq l-użu effettiv tal-fondi li jintefqu u fuq is-sajd illegali. Il-Parlament jixtieq ukoll ikun infurmat dwar il-laqgħat u l-avvenimenti li jirrigwardaw it-twaqqif tal-Ftehim, kif ukoll id-disponibilità ta' tabella li tindika l-għajnuna settorjali, sabiex ikun hemm stampa ċara tal-attivitajiet.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (17.9.2013)

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire (2013-2018)
(08701/2013 – C7-0216/2013 – 2013/0102(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Maurice Ponga

ĠUSTIFIKAZZJONI FIL-QOSOR

Il-Côte d'Ivoire huwa pajjiż fil-fażi ta' żvilupp b'indiċi ta' żvilupp tal-bniedem baxx ħafna. Fil-fatt, il-pajjiż ġie kklassifikat fil-post 168 minn 186 skont l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2013.

Il-Côte d'Ivoire ħiereġ minn kriżi politika gravi li damet aktar minn 10 snin. Ir-rikostruzzjoni fil-pajjiż bħalissa qiegħda fl-aqwa tagħha u l-isfidi biex jerġa' jkun stabbilit l-istat tad-dritt fuq it-territorju Ivorjan kollu huma bosta minħabba proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali diffiċli u kumpless.

L-UE tinsab maġenb il-Côte d'Ivoire u qiegħda tgħinu fir-rikostruzzjoni permezz ta' interventi multipli fil-forma ta' għajnuna umanitarja bis-"Sħubija għat-tranżizzjoni" u l-programmi tagħha ta' żvilupp (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument għall-Istabbiltà, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u l-Inizjattiva tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG)). L-10 FEŻ (2008-2013) għall-Côte d'Ivoire jammonta għal iktar minn EUR 600 miljun u jsostni l-konsolidament tal-paċi u l-governanza tajba kif ukoll ir-riċerka ta' koeżjoni soċjali u r-riabilitazzjoni tal-infrastrutturi soċjali u ekonomiċi. Il-biċċa l-kbira tal-kooperazzjonijiet internazzjonali reġgħu saru effettivi u dan jippermetti implimentazzjoni aktar malajr tal-Pjan Nazzjonali ta' Żvilupp mibdi f'Marzu 2012.

Fil-livell ekonomiku, minkejja sitwazzjoni ekonomika diffiċli bi PDG per capita ta' EUR 1 300 fl-2011 u kważi 50 % tal-Ivorjani li jgħixu taħt is-soll tal-faqar, il-Côte d'Ivoire bħalissa għaddej minn fażi ta' tkabbir. Skont l-istimi, fl-2012, il-PDG żdied bi 8.6 %. Fit-terminu medju, l-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali ta' Żvilupp (2012-2015) għandu jippermetti lill-pajjiż jerġa' jitqiegħed fit-triq tat-tkabbir sostenibbli, b'rati li jvarjaw bejn 8.9 % u 9.8 % għall-2013 u għall-2014.

L-agrikoltura hija l-pilastru tal-ekonomija Ivorjana billi tikkontribwixxi għal aktar minn kwart il-PDG nazzjonali. Tħaddem madwar 4 miljun ruħ jiġifieri żewġ terzi tal-popolazzjoni attiva. Il-pajjiż huwa wieħed mill-akbar esportaturi dinjin ta' kawkaw, kafè, ġewż tal-anakardju u żejt tal-palm. Il-Côte d'Ivoire huwa wkoll pajjiż produttur ta' żejt u ta' gass. Is-settur tas-sajd, min-naħa tiegħu, jirrappreżenta madwar 1 % tal-PDG nazzjonali u l-port ta' Abidjan huwa l-ewwel port fl-Afrikan tal-Punent.

Il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE l-Côte d'Ivoire inizjalat f'April 2007 ħa post il-ftehim l-antik tal-1990. Xi protokolli jiffissaw l-opportunitajiet tas-sajd kif ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji.

Dan il-protokoll il-ġdid ikopri perjodu ta' 5 snin (mill-1 ta' Lulju 2013 sat-30 ta' Ġunju 2013) u joffri opportunitajiet tas-sajd għal 28 bastiment li jistad għat-tonn bit-tartarun bil-friża u 10 bastimenti li jistadu bil-konz tal-wiċċ. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni prevista għall-protokoll il-ġdid tammonta għal EUR 680 000 fis-sena u tinqasam b'dan il-mod:

-    EUR 422 500 għall-aċċess tal-bastiment tal-Unjoni fiż-Żona Ekonomika Esklussiva tal-Côte d'Ivoire għal tunnellaġġ ta' referenza ta' 6 500 tunnellata,

-    EUR 257 500 fis-sena bħala sostenn għall-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd (jiġifieri żieda ta' iktar minn 84 % meta mqabbel mal-protokoll preċedenti).

Ma' din il-kontribuzzjoni finanzjarja jiżdiedu d-drittijiet b'rata fissa mħallsa mis-sidien tal-bastimenti.

Ir-rapporteur tagħkom jikkonstata li, ġeneralment, l-implimentazzjoni tal-protokoll preċedenti ta riżultati pjuttost sodisfaċenti, kif turi l-valutazzjoni ex-post;

-    il-koerenza fi ħdan il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd, sew fuq skala tal-Unjoni sew fuq dik tal-Côte d'Ivoire,

-    ir-rispett tal-prinċipji tal-governanza tajba,

-    il-ħolqien ta' numru mdaqqas ta' impjiegi. Fil-fatt, 20 000 ruħ jaħdmu direttament jew indirettament fis-settur tas-sajd (partikolarment fis-settur tal-portijiet u dak tal-ipproċessar tar-riżorsi tal-ħut). Ma' dan jiżdied il-qafas soċjali li jibbenefikaw minnu l-ħaddiema tal-fabbriki (salarji deċenti, assigurazzjoni medika, pensjoni, taħriġ u edukazzjoni...),

-    redditu li jilħaq il-170 % għal kull euro investit.

Jekk ċerti klawsoli tal-protokoll, bħas-sistema ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza, u l-imbark ta' osservaturi, ma setgħux jiġu rispettati minħabba l-assenza ta' qafas ġuridiku, ta' infrastruttura fi stat ta' funzjonament u ta' riżorsi umani, fit-totalità tal-protokoll jidher livell tajjeb ta' effettività.

Ir-rapporteur tagħkom huwa attent għall-konklużjonijiet tal-valutazzjoni ex-post li jenfasizzaw il-bżonn li jiġi evitat li l-azzjonijiet meħuda bil-kontribuzzjoni finanzjarja jiġu sparpaljati bil-għan li tiżdied l-effikaċja tal-għajnuna kif ukoll il-bżonn li jsiru investimenti importanti biex il-port ta' Abidjan isir aktar attraenti mil-lat tekniku u finanzjarju, u dan jeħtieġ li jiġi żgurat li l-mezzi finanzjarji maqbula minn dan il-protokoll ikunu kkoordinati mal-fondi tal-11-il FEŻ u mal-programmi ta' assistenza l-oħrajn.

Minkejja l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd mal-Côte d'Ivoire ġie implimentat f'kuntest politiku diffiċli, l-iżvolġiment tiegħu sar b'mod sodisfaċenti u tali Ftehim ta kontribut notevoli lill-proċess ta' żvilupp sostenibbli tal-Côte d'Ivoire. F'kuntest ta' rikostruzzjoni tal-Istat Ivorjan huwa importanti li l-UE tibqa' preżenti maġenb dan l-aħħar, u dan il-protokoll il-ġdid għandu jipparteċipa f'din ir-rikostruzzjoni fis-settur tas-sajd. Jixraq madankollu li nkunu attenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-protokoll u nirrikorru, jekk neċessarju, għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8, jiġifieri s-sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-protokoll f'każ ta' ksur tal-elementi essenzjali u fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem.

Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rapporteur tagħkom jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għar-ratifika tal-protokoll il-ġdid.

******

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat ghas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tqis kif jixraq il-punti li ġejjin waqt l-implimentazzjoni tal-Protokoll:

(a)  jagħmel appell li jitkompla għadd limitat ta' objettivi fil-qafas tal-programm settorjali pluriennali bil-għan li titjieb l-effikaċja tal-għajnuna settorjali;

(b)  ifakkar li l-azzjonijiet li jittieħdu għandhom ikunu koerenti u kkoordinati mal-azzjonijiet ffinanzjati minn programmi Ewropej oħra għall-iżvilupp, partikolarment il-11-il FEŻ jew il-programm AKP Fish II u l-programmi reġjonali u nazzjonali Ivorjani; jappella li dawn l-azzjonijiet ikkoordinati jipparteċiapw għat-titjib tal-infrastrutturi tal-port ta' Abidjan;

(c)  jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, kif ukoll fl-objettivi msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) tal-protokoll il-ġdid, tikkunsidra l-adozzjoni ta' miżuri għat-tisħiħ tal-qafas ġuridiku u tal-mezzi finanzjarji, tekniċi u umani għall-azzjonijiet ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza biex jiġi skoraġġit is-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat (IUU). Jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġa l-isforzi tal-Côte d'Ivoire intiżi li jiġu promossi l-istrumenti ta' kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tal-kontroll fil-baħar, speċjalment l-azzjonijiet meħuda fi ħdan is-CPCO, inkluż it-twaqqif ta' programm ta' osservaturi reġjonali tal-attivitajiet ta' sajd tat-tonn jew il-ħolqien ta' ċentru reġjonali ta' sorveljanza tas-sajd;

(d)  jitlob li r-rapporti annwali dwar l-użu tal-allokazzjoni settorjali jintbagħtu lill-Parlament u lill-Kunsill bil-għan li tiġi faċilitata t-trasparenza u jiġi garantit li din l-allokazzjoni supplementari ddestinata li ssostni l-politika settorjali tas-sajd tintuża effettivament għal dan l-iskop.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Corina Creţu, Véronique De Keyser, Leonidas Donskis, Mikael Gustafsson, Filip Kaczmarek, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Jean Roatta, Birgit Schnieber-Jastram, Keith Taylor, Patrice Tirolien, Ivo Vajgl

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philippe Boulland, Enrique Guerrero Salom, Edvard Kožušník, Krzysztof Lisek, Isabella Lövin, Judith Sargentini

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Emma McClarkin, Jarosław Leszek Wałęsa, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (5.9.2013)

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet
(08701/2013 – C7 - 0216/2013 – 2013/0102(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: François Alfonsi

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Abbażi tas-setgħat mogħtija lilha mill-Kunsill, il-Kummissjoni wettqet negozjati mar-Repubblika tal-Côte d'Ivoire bil-ħsieb li jiġġedded il-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire. Fid-9 ta' Jannar 2013 wara li ntemmu n-negozjati, ġie inizjalat abbozz ta' Protokoll ġdid min-negozjaturi. Il-Protokoll il-ġdid ikopri perjodu ta' ħames snin li jiddekorri mill-1 ta' Lulju 2013, li hija d-data tal-applikazzjoni provviżorja ffissata fl-Artikolu 13.

L-għan ewlieni tal-Protokoll għall-Ftehim huwa li joffri opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fl-ilmijiet tar-Repubblika tal-Côte d'Ivoire skont il-limiti tas-surplus disponibbli. Il-pożizzjoni ta' negozjar tal-Kummissjoni kienet ibbażata, fost l-oħrajn, fuq ir-riżultati ta' evalwazzjoni ex-post imwettqa minn esperti esterni.

L-għan ġenerali huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire favur l-istabbiliment ta' qafas ta' sħubija għall-iżvilupp ta' politika tas-sajd sostenibbli u l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Côte d'Ivoire fl-interess taż-żewġ Partijiet.

Il-Protokoll il-ġdid jipprevedi kontribuzzjoni finanzjarja totali ta' EUR 3 585 000 għall-perjodu kollu u EUR 3 400 000 għall-perjodu kollu għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali ta' EUR 680 000 hija bbażata fuq: (a) tunnellaġġ ta' referenza ta' 6 500 tunnellata, għal ammont ta' EUR 422 500 marbut mal-aċċess u (b) appoġġ għall-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd tar-Repubblika tal-Côte d'Ivoire li tammonta għal EUR 257 500. Dan l-appoġġ huwa konformi mal-objettivi tal-politika nazzjonali fir-rigward tas-sajd u b'mod partikolari mal-ħtiġijiet tal-Côte d'Ivoire fil-ġlieda kontra s-sajd illegali.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għall-konservazzjoni u l-ġestjoni ta' riżorsi naturali mħallsa mill-baġit tal-Unjoni għaldaqstant hija ta' EUR 680 000 kull sena.

Tip ta' nefqa

2013

2014

2015

2016

2017

Total

Konservazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi naturali

680 000

680 000

680 000

680 000

680 000

3 400 000

Nefqa amministrattiva

37 000

37 000

37 000

37 000

37 000

185 000

AMMONT TOTALI

717 000

717 000

717 000

717 000

717 000

3 585 000

Il-Kumitat għall-Baġits itenni t-talbiet preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni li:

•   kull sena tevalwa jekk l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom joperaw skont il-Protokoll għall-Ftehim ikunux osservaw ir-rekwiżiti ta' rappurtar. Fejn dan ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta li tilqa' t-talbiet tagħhom għal liċenzji tas-sajd għas-sena ta' wara;

•   kull sena tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-programm settorjali pluriennali deskritt fl-Artikolu 7 tal-Protokoll, kif ukoll dwar il-konformità mill-Istati Membri mar-rekwiżiti ta' rappurtar;

•   tressaq, qabel ma jiskadi l-Protokoll jew qabel ma jibdew in-negozjati għas-sostituzzjoni possibbli tiegħu, lill-Parlament u l-Kunsill evalwazzjoni ex-post tal-Protokoll, inkluża analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji.

******

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Zuzana Brzobohatá, Jean Louis Cottigny, Jean-Luc Dehaene, Isabelle Durant, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Ingeborg Gräßle, Lucas Hartong, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, George Lyon, Claudio Morganti, Jan Mulder, Juan Andrés Naranjo Escobar, Andrej Plenković, Dominique Riquet, Alda Sousa, Oleg Valjalo, Derek Vaughan, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Maria Da Graça Carvalho, Frédéric Daerden, Paul Rübig, Peter Šťastný, Georgios Stavrakakis, Nils Torvalds, Catherine Trautmann

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

27.11.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Carmen Fraga Estévez, Pat the Cope Gallagher, Ian Hudghton, Werner Kuhn, Isabella Lövin, Gabriel Mato Adrover, Maria do Céu Patrão Neves, Crescenzio Rivellini, Ulrike Rodust, Raül Romeva i Rueda, Struan Stevenson, Isabelle Thomas, Nils Torvalds, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Luis Manuel Capoulas Santos, Jean Louis Cottigny, Jim Higgins, Jens Nilsson

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

María Auxiliadora Correa Zamora, Salvador Garriga Polledo, Francisco José Millán Mon, Younous Omarjee, Ivo Vajgl, Luis Yáñez-Barnuevo García