Proċedura : 2013/2040(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0426/2013

Testi mressqa :

A7-0426/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/12/2013 - 9.4
CRE 10/12/2013 - 9.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0548

ABBOZZ TA’ RAPPORT     
PDF 273kWORD 261k
2.12.2013
PE 513.082v02-00 A7-0426/2013

dwar is-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi

(2013/2040(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur: Edite Estrela

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi

(2013/2040(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fl-1984, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 25,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2(2), 3 u 12 tal-Patt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottat fl-1966, u kif interpretat fil-Kumment Ġenerali nru 14 tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 12(1) u 16(1) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), li jirreferu għas-saħħa tan-nisa, iż-żwieġ u l-ħajja tal-familja, u r-Rakkomandazzjonijiet Ġenerali 21 (1994) u 24 (1999),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 12 u 24 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl-1989, li jirreferu għal nondiskriminazzjoni, id-dritt tal-minuri li jinstemgħu, u l-ħarsien tas-saħħa materna, tat-trabi u tat-tfal, flimkien mal-iżvilupp ta’ edukazzjoni u servizzi relatati mal-ippjanar tal-familja,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta’ Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (il-Kajr, 13 ta’ Settembru 1994), id-dokumenti finali tal-konferenzi ta’ reviżjoni, ir-riżoluzzjoni tas-sessjoni speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (ICPD+5) f’Ġunju 1999, u r-Riżoluzzjoni 65/234 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-segwitu għall-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp lil hinn mill-2014 (Diċembru 2010),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin, adottati mir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta’ Settembru 1995 u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-18 ta’ Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin(1), tal-10 ta’ Marzu 2005 dwar is-segwitu għar-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa – Pjattaforma ta’ Azzjoni (Pekin+10)(2) u tal-25 ta’ Frar 2010 dwar Pekin +15 – Pjattaforma ta’ Azzjoni tan-NU għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi(3),

–   wara li kkunsidra l-għanijiet ta’ żvilupp tal-millennju adottati fis-Summit tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti f’Settembru 2000,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet parlamentari tal-impenn dwar ‘l-Implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tal-ICPD’ minn Ottawa (2002), Strasburgu (2004), Bangkok (2006), Addis Ababa (2009) u Istanbul (2012),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti tar-Rapporteur Speċjali dwar ‘Id-dritt għall-edukazzjoni’, (A/65/162 (2010)),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar is-Saħħa tan-Nisa u t-Tfal, imnedija fl-2010,

–   wara li kkunsidra l-paragrafu 16 tar-Rapport Interim tan-Nazzjonijiet Uniti tar-Rapporteur Speċjali dwar "Id-dritt għal kulħadd li jgawdi l-ogħla standard possibbli ta’ saħħa fiżika u mentali" (A/66/254(2011)),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti tar-Rapporteur Speċjali dwar "Id-dritt għal kulħadd li jgawdi l-ogħla standard possibbli ta’ saħħa fiżika u mentali" (A/HRC/17/25 (2011)),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-17 ta' Novembru 2011 dwar "Liġijiet u prattiki diskriminatorji u atti ta' vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom" (A/HR/C/19/41),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 21/6 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tal-21 ta’ Settembru 2012 dwar il-"Mortalità u l-Morbożità tal-Omm li jistgħu jiġu evitati u d-Drittijiet tal-Bniedem",

–   wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Fond tal-Popolazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, "L-istat tal-popolazzjoni tad-dinja 2012: B’għażla, mhux b’kumbinazzjoni" tal-14 ta’ Novembru 2012,

–   wara li kkunsidra l-paragrafi 45 sa 50 tar-Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti tar-Rapporteur Speċjali dwar "It-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti"(A/HRC/22/53 (2013)),

–    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari l-Artikolu 9, dwar id-dritt għat-twemmin u l-kuxjenza,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1399 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2004 dwar "Strateġija Ewropea għall-promozzjoni tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi",

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1607 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2008 dwar "Aċċess għal abort sikur u legali fl-Ewropa",

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 5 u 152 tat-Trattat tal-KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 9 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jirreferu għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp (2005),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-UE fis-Saħħa Globali adottati fit-3011-il laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-10 ta’ Mejju 2010;

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1567/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar l-għajnuna għal strateġiji u azzjonijiet dwar ir-riproduttività u s-saħħa sesswali u d-drittijiet fil-pajjiżi li għadhom jiżviluppaw(4),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi(5),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-29 ta’ Settembru 1994 dwar l-eżitu tal-Konferenza Internazzjonali tal-Kajr dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp(7), u tal-4 ta’ Lulju 1996 dwar is-segwitu għall-Konferenza Internazzjonali tal-Kajr dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Lulju 2002 dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi(9),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Frar 2004 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard(10),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2008 dwar l-Imwiet marbuta mal-Maternità qabel il-Laqgħa ta' Livell Għoli tan-NU tal-25 ta’ Settembru 2008 dwar ir-reviżjoni tal-Għanijiet tal-Millennju għall-iżvilupp (11),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(12),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2011(13),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar "Liġijiet u prattiki diskriminatorji u atti ta' vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom" (A/HR/C/19/41),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0426/2013),

A. billi d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma drittijiet tal-bniedem, li l-ksur tagħhom jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet għall-ugwaljanza, nondiskriminazzjoni, dinjità u saħħa, u l-libertà minn trattament inuman u degradanti;

B.  billi l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddikjara li, fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandu jkollha l-għan li telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

C. billi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi jolqtu lil kull bniedem f'kull stadju tal-ħajja u għaldaqstant huma kawża ta' tħassib kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel tul ħajjithom kollha; billi l-programmi dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi (SRHR) jeħtieġ li jitfasslu għal bżonnijiet u sfidi differenti li n-nies jiffaċċjaw fi żminijiet differenti ta' ħajjithom;

D. billi l-Artikolu 168 tat-TFUE jiddikjara li l-Unjoni għandha taġixxi f'konformità ma’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u biex ittejjeb is-saħħa pubblika;

E.  billi n-nisa u l-irġiel, irrispettivament mill-età, il-ġeneru, ir-razza, l-etniċità, il-klassi, il-kasta, l-affiljazzjoni reliġjuża, l-istat ċivili, il-professjoni, id- diżabilità, l-istatus tal-HIV (jew STI), l-oriġini taċ-ċittadinanza, l-istatus tal-immigrazzjoni, il-lingwa, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru għandu jkollhom il-libertà li jagħmlu l-għażliet infurmati u responsabbli tagħhom fir-rigward tas-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom, filwaqt li l-metodi u l-possibbiltajiet korrispondenti kollha għandhom ikunu disponibbli għalihom;

F.  billi l-inugwaljanza bejn is-sessi hija kawża ewlenija tan-nuqqas ta' sodisfazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa u l-adoloxxenti; billi l-perċezzjonijiet stereotipiċi tal-femminilità u l-maskulinità inġenerali, u l-perċezzjonijiet dwar is-sesswalità tal-bniet u tan-nisa b'mod partikolari, huma ostakoli kbar għall-kisba tal-SRHRs;

G. billi r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tal-2010 dwar "Id-dritt għall-edukazzjoni", jiddikjara li d-dritt għal edukazzjoni sesswali komprensiva huwa dritt tal-bniedem;

H. billi t-tqala mhux intenzjonata u mhux mixtieqa għadha realtà problematika għal ħafna nisa fl-UE, inklużi t-tfajliet taħt l-għoxrin sena;

I.   billi kważi f’terz tal-Istati Membri, il-kontraċettivi mhumiex koperti mill-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika, li huwa ostakolu serju għall-aċċess għal ċerti gruppi ta’ nisa, fosthom nisa b’introjtu baxx, adoloxxenti u nisa li jgħixu f’relazzjonijiet vjolenti;

J.   billi n-nisa huma affettwati b’mod sproporzjonat min-nuqqas ta’ drittijiet fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva (SRHRs) minħabba n-natura tar-riproduzzjoni tal-bniedem, u l-kuntest soċjali, legali u ekonomiku bbażat fuq is-sess li din isseħħ fih;

K. billi edukazzjoni dwar is-sesswalità komprensiva, adattata għall-età, ibbażata fuq l-evidenza, xjentifikament preċiża u ħielsa minn kull ġudizzju, servizzi ta’ ppjanar tal-familja ta’ kwalità u aċċess għall-kontraċezzjoni jgħinu fil-prevenzjoni ta’ tqaliet mhux intenzjonati u mhux mixtieqa, inaqqsu l-bżonn għall-abort u jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-HIV u l-STIs; billi t-tagħlim biex iż-żgħażagħ jieħdu responsabbiltà għas-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom stess għandu effetti pożittivi fuq medda twila ta’ żmien, li jdumu matul ħajjithom kollha u għandhom impatt pożittiv fuq is-soċjetà;

L.  billi skont il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA) kif ukoll l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), 287 000 mara jmutu kull sena b'riżultat ta' komplikazzjonijiet marbuta mat-tqala u t-twelid;

M. billi ħames miljun żagħżugħ ta’ età ta’ bejn il-15 u l-24 sena u madwar żewġ miljun adoloxxenti ta’ bejn l-10 u d-19-il sena huma stmati li jgħixu bl-HIV(14), u tipikament ma jkollhomx aċċess u ma jagħmlux użu mis-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u tal-HIV, peress li dawn rarament jissodisfaw il-ħtiġijiet sesswali u riproduttivi partikolari taż-żgħażagħ b’mod komprensiv;

N. billi, minkejja l-impenji internazzjonali, jeżistu disparitajiet fl-istandard tas-saħħa sesswali u riproduttiva bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom, u billi hemm ukoll inugwaljanza fir-rigward tad-drittijiet sesswali u riproduttivi li jgawdu minnhom in-nisa fl-Ewropa, inkluż f'termini ta' aċċess għas-servizzi tas-saħħa riproduttiva, il-kontraċezzjoni u l-abort, li jiddependu mill-pajjiż ta’ residenza, l-introjtu, l-età, status ta' immigrant u fatturi oħrajn;

O. billi l-ommijiet adoloxxenti għandhom aktar probabbiltà li ma jlestux l-edukazzjoni sekondarja u huma aktar suxxettibbli li jgħixu fil-faqar;

P.  billi n-nisa migranti, rifuġjati u mingħajr dokumenti jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali mhux sikuri, fejn il-preokkupazzjonijiet dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva spiss jingħataw inqas importanza jew jiġu injorati;

Q. billi l-oppożizzjoni għall-SRHRs żdiedet fl-Ewropa u madwar id-dinja, bil-għan li n-nisa u l-irġiel ma jingħatawx id-drittijiet sesswali u riproduttivi essenzjali li l-Istati Membri kollha tal-UE impenjaw ruħhom li jħarsu fi ftehimiet internazzjonali;

R.  billi l-SRHRs huma fatturi ewlenin għall-ugwaljanza bejn is-sessi, il-qerda tal-faqar, it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp;

S.  billi n-nisa u l-irġiel għandu jkollhom responsabbiltà indaqs fil-prevenzjoni ta’ tqaliet mhux mixtieqa; billi l-kontraċettivi jintużaw primarjament minn nisa;

T.  billi l-prevenzjoni tat-tqaliet mhux mixtieqa ma tinkludix biss is-servizzi u l-informazzjoni dwar il-kontraċettivi iżda tinkludi wkoll l-għoti ta’ edukazzjoni dwar is-sesswalità komprensiva kif ukoll assistenza materjali u finanzjarja għan-nisa tqal fil-bżonn;

U. billi l-aċċess għal abort sikur huwa pprojbit, ħlief f’każijiet tassew eċċezzjonali, fi tliet Stati Membri tal-UE (l-Irlanda, Malta u l-Polonja); billi f’bosta Stati Membri oħra l-abort jibqa’ legali iżda qed isir dejjem iktar diffiċli li jkun hemm aċċess għalih minħabba ostakoli regolatorji jew prattiki bħall-abbuż ta’ oġġezzjoni ta’ kuxjenza, il-perjodi ta’ stennija obbligatorji u pariri preġudikati, u billi Stati Membri oħrajn qed jikkunsidraw ukoll li jillimitaw l-aċċess għas-servizzi tal-abort;

V. billi ċ-ċirkustanzi soċjoekonomiċi u dawk relatati mal-impjieg jagħmluha diffiċli biex ħafna nisa u koppji żgħażagħ jagħżlu li jsiru ġenituri;

W. billi l-mortalità materna tibqa’ punt ta’ tħassib f’ċerti Stati Membri, u sfida fil-qafas tal-politika Ewropea għall-iżvilupp;

X. billi l-vjolenza sesswali hija ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għandha impatt devastanti fuq is-sesswalità, id-dinjità, il-benessri psikoloġiku, l-awtonomija u s-saħħa riproduttiva tan-nisa u l-bniet; billi l-prattiki tradizzjonali, bħall-mutilazzjoni/qtugħ ġenitali tan-nisa, u ż-żwieġ furzat u bikri għandhom effett ta' ħsara fuq il-benessri personali u l-fiduċja tan-nisa fihom infushom, ir-relazzjonijiet sesswali, it-tqala, u t-twelid, u jikkostitwixxu riskju għas-saħħa tan-nisa li jdum għal ħajjithom kollha, kif ukoll għall-komunitajiet u s-soċjetà kollha kemm hi;

Y. billi l-vjolenza fuq in-nisa, b’mod partikolari l-vjolenza domestika u l-istupru, hija mifruxa sew u numru dejjem jikber ta’ nisa qegħdin fir-riskju li jikkuntattjaw l-AIDS u STI’s oħrajn b’riżultat tal-imġiba sesswali riskjuża ħafna tas-sieħeb tagħhom; billi tali vjolenza sseħħ ukoll kontra nisa tqal, u b'hekk iżżid il-possibbiltà ta’ korriment, twelid ta' tarbija mejta jew abort;

Z.  billi d-disparitajiet fir-rati tal-abort fost l-Istati Membri, u n-nuqqas ta’ kura tas-saħħa riproduttiva mifruxa f’partijiet mill-UE jindikaw il-ħtieġa għall-provvista mhux diskriminatorja ta’ servizzi li huma affordabbli, aċċessibbli, aċċettabbli u ta’ kwalità, inklużi servizzi għall-ippjanar tal-familja u li huma mmirati għaż-żgħażagħ, kif ukoll edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità;

AA. billi t-tnaqqis fil-baġit fis-saħħa pubblika jkompli jillimita l-aċċess għas-servizzi u l-kura tas-saħħa;

AB. billi n-nisa u l-bniet li huma involuti fil-prostituzzjoni jew użu tad-drogi huma huma dawk bl-ogħla riskju ta' infezzjoni b'STIs, fosthom l-HIV, u billi l-bżonnijiet tat-tali nisa u bniet relatati mal-SRHR spiss jiġu injorati,

AC. billi l-istudji wrew li edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità u servizzi ta’ kwalità relatati mal-ippjanar tal-familja jżidu l-possibbiltà ta’ mġiba responsabbli, sikura u rispettuża meta sseħħ l-ewwel attività sesswali kif ukoll dawk sussegwenti;

AD. billi l-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni, vjolenza u deskrizzjonijiet preġudikati tas-sesswalità tagħhom u tal-identitajiet tal-ġeneru tagħhom fl-Istati Membri kollha tal-UE sal-ġurnata tal-lum;

AE. billi għandha tingħata attenzjoni mhux biss lit-terminazzjoni ta' tqaliet mhux mixtieqa, iżda wkoll b'mod partikolari lill-prevenzjoni tagħhom; billi l-prevenzjoni tat-tqaliet mhux mixtieqa ma tinkludix biss il-forniment ta' metodi ta' kontraċezzjoni u informazzjoni dwarha, iżda tinkludi wkoll l-għoti ta’ edukazzjoni dwar is-sesswalità komprensiva kif ukoll assistenza materjali u finanzjarja għan-nisa tqal u koppji fil-bżonn;

AF. billi ż-żgħażagħ huma esposti ferm u minn kmieni ħafna għal kontenut pornografiku, speċjalment permezz tal-internet, kemm jekk f’darhom kif ukoll jekk fl-ambjent skolastiku;

AG. billi l-abort mhux sikur iqiegħed f’periklu serju s-saħħa fiżika u mentali tan-nisa, u jista' jkun ta' periklu għal ħajjithom;

AH. billi s-sesswalizzazzjoni tal-bniet fil-midja hija fenomenu li jaffettwa l-iżvilupp emozzjonali u l-ħajja sesswali tan-nisa kif ukoll tal-irġiel u jikkontribwixxi għall-persistenza tal-istereotipi tal-ġeneru u ta' diversi forom ta' diskriminazzjonijiet u ta' vjolenza sesswali;

AI. billi l-prattika ta’ sterilizzazzjoni sfurzata jew imġiegħla tar-Rom u ta’ nisa b’diżabilità, kif ukoll il-persuni transġeneru għadha sseħħ f’ċerti Stati Membri;

AJ. billi l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri jippermetti li jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet u jissalvagwardja b'mod aktar effettiv l-interessi taċ-ċittadini kollha tal-UE;

AK.    billi hemm eżempji tal-Istati Membri li jikkumbinaw il-leġiżlazzjoni liberali dwar l-abort ma’edukazzjoni dwar is-sesswalità effettiva, servizzi ta’ ppjanar tal-familja ta’ kwalità għolja u d-disponibbiltà ta’ kontraċettivi differenti li flimkien iwasslu għal rati ta’ abort iktar baxxi u rati ta’ twelid ogħla;

Fir-rigward tal-politika dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi fl-UE inġenerali

1.  Itenni li "s-saħħa hija dritt fundamentali tal-bniedem, li hija indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ drittijiet oħra tal-bniedem" u li l-UE ma tistax tilħaq l-ogħla standard tas-saħħa li jista’ jinkiseb jekk ma jiġux rikonoxxuti u promossi bis-sħiħ l-SRHRs ta' kulħadd;

2.  Jenfasizza li l-ksur tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi għandu impatt dirett fuq il-ħajja tan-nisa u tal-bniet, fuq l-indipendenza ekonomika tan-nisa, fuq it-tgawdija tas-servizzi soċjali min-nisa, fuq l-aċċess tan-nisa għat-teħid tad-deċiżjonijiet u tal-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika, fuq il-vulnerabbiltà tan-nisa għall-vjolenza maskili, l-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni u t-tgawdija tal-ħajja privata, u għalhekk tali ksur jaffettwa lis-soċjetà inġenerali;

3.  Jenfasizza li l-għoti ta’ setgħa lin-nisa u lill-bniet huwa essenzjali biex jinkiser iċ-ċiklu tad-diskriminazzjoni u tal-vjolenza u għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi s-saħħa sesswali u riproduttiva;

4.  Jirrikonoxxi li d-drittijiet għas-saħħa sesswali u riproduttiva huma element essenzjali għad-dinjità tal-bniedem li għandhom ikunu indirizzati fil-kuntest usa’ ta’ diskriminazzjoni strutturali u inugwaljanzi bejn is-sessi; jistieden lill-Istati Membri jissalvagwardjaw l-SRHR permezz tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), mhux l-inqas billi jipprovdu għal programmi u servizzi relatati mas-saħħa riproduttiva, inklużi t-tipi ta' kura u mediċini essenzjali għall-ippjanar tal-familja volontarju u s-saħħa materna u tat-trabi, u billi jżommu l-viġilanza fuq il-politiki u/jew il-leġiżlazzjoni li jistgħu jiksru s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi ta’ kwalità adatti għall-bżonnijiet ta’ gruppi speċifiċi mingħajr ebda diskriminazzjoni u beżgħat li dak li jkun jiġi ġġudikat (pereżempju żgħażagħ u gruppi vulnerabbli); jenfasizza li dawn is-servizzi għandhom ukoll jimmiraw lejn u jiffaċilitaw ir-rwol attiv tal-irġiel u tas-subien fil-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għall-imġiba sesswali u l-konsegwenzi tagħha;

6.  Jenfasizza li l-politiki tal-UE u tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li jirrispettaw, jipproteġu u jissodisfaw l-SRHRs għal kulħadd billi jrawmu fehim tas-sesswalità tal-bniedem bħala aspett pożittiv tal-ħajja u joħolqu kultura ta’ aċċettazzjoni, rispett, nondiskriminazzjoni u nonvjolenza;

7.  Jenfasizza li fl-UE u fejn rilevanti fil-politiki esterni tagħha, l-UE għandha tiżgura li l-liġijiet u l-politiki huma emendati, ippromulgati jew imħassra biex jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet għas-saħħa sesswali u riproduttiva u jippermettu lill-individwi kollha sabiex jeżerċitawhom mingħajr diskriminazzjoni fuq l-ebda bażi;

8.  Jenfasizza li l-għażliet riproduttivi u s-servizzi tal-fertilità għandhom jiġu pprovduti f’qafas nondiskriminatorju;

9.  Jenfasizza l-fatt li l-maternità surrogata tirrappreżenta merċifikazzjoni kemm tal-iġsma tan-nisa, kif ukoll tat-tfal;

10. Jenfasizza li l-isterilizzazzjoni furzata jew imposta ta’ kwalunkwe persuna tirrappreżenta ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-integrità fiżika ta’ dik il-persuna, u jitlob lill-Istati Membri jabolixxu kwalunkwe liġi eżistenti li timponi l-isterilizzazzjoni;

11. Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li l-proposta għal Programm ġdid dwar is-Saħħa għat-Tkabbir 2014-2020 ma ssemmix l-SRHRs u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-SRHRs fl-Istrateġija tal-UE li jmiss dwar is-Saħħa Pubblika;

12. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw distribuzzjoni ġeografikament adegwata tal-postijiet li jipprovdu servizz tas-saħħa ta’ kwalità u għażliet ta’ trasportazzjoni ta’ kwalità u sikuri biex jiġi ggarantit l-aċċess indaqs għall-popolazzjoni kollha, li tinkludi n-nisa u l-bniet li jgħixu f’żoni rurali;

13. Jinnota li għalkemm hija kompetenza tal-Istati Membri li jifformulaw u jimplimentaw politiki dwar l-SRHRs, l-UE tista’ teżerċita kompetenza fit-tfassil tal-politika b'rabta ma' strateġiji u inizjattivi li jintegraw kwistjonijiet relatati mal-SRHRs fl-oqsma tas-saħħa pubblika u n-nondiskriminazzjoni, sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni aħjar u s-sensibilizzazzjoni dwar leġiżlazzjoni u politiki dwar id-drittijiet sesswali u riproduttivi u tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;

14. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva permezz ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u mingħajr ebda diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika, l-istatus tal-akkomodazzjoni, l-istatus tal-migrazzjoni, l-età, id-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-istatus tas-saħħa jew ċivili;

15. Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati jiżviluppaw politika nazzjonali ta’ kwalità għolja dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva, b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet pluralistiċi tas-soċjetà ċivili, billi jipprovdu informazzjoni estensiva dwar il-metodi effettivi u responsabbli tal-ippjanar tal-familja, bil-għan li jiggarantixxu aċċess ugwali għal varjetà ta’ metodi ta’ kontraċezzjoni ta’ kwalità għolja u sensibilizzazzjoni dwar il-fertilità ;

16. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri kollha jiġbru u jissorveljaw data u statistika aktar komprensivi fir-rigward ta’ indikaturi tas-saħħa sesswali u riproduttiva (STIs, rati ta’ abort u kontraċezzjoni, bżonnijiet mhux sodisfatti għal kontraċezzjoni, tqala fl-adoloxxenza, eċċ.), tal-anqas maqsuma skont is-sess u l-età;

17. Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-kontraċezzjoni fil-pajjiżi f’fażi ta’ adeżjoni; jistieden lill-gvernijiet ta’ dawk il-pajjiżi sabiex jadottaw miżuri leġiżlattivi u politiki li jiggarantixxu l-aċċess universali għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, u sabiex jiġbru sistematikament l-informazzjoni neċessarja għat-titjib tas-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

18. Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu finanzjament sostenibbli għas-servizzi pubbliċi u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jipprovdu servizzi fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

19. Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni, mal-EIGE u mas-soċjetà ċivili sabiex ifasslu strateġija Ewropea għall-promozzjoni tal-SRHRs, u biex jappoġġaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali komprensivi għas-saħħa sesswali u riproduttiva; jissuġġerixxi li l-EIGE jingħata s-setgħa li jiġbor, janalizza u jikkompila data u l-aħjar prattiki mal-Ewropa kollha, sabiex jinftiehmu aħjar l-ostakoli għall-integrazzjoni tal-programmi għall-prevenzjoni u t-trattament tas-saħħa sesswali u riproduttiva fis-sistemi bażiċi tal-kura tas-saħħa;

20. Jenfasizza li l-miżuri ta’ awsterità attwali għandhom impatt detrimentali, b’mod partikolari għan-nisa, f’termini ta’ kwalità kif ukoll ta’ affordabilità u aċċessibilità, fuq is-servizzi tas-saħħa pubblika, l-informazzjoni u l-programmi relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva, u f'termini ta' kwalità u aċċessibbiltà, anke fuq organizzazzjonijiet għall-ippjanar tal-familja, fuq fornituri ta’ servizzi lil NGOs, u fuq l-indipendenza ekonomika tan-nisa; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva ma jiġix ostakolat;

21. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġija dwar l-SRHRs b’baġit allokat, pjan ta’ implimentazzjoni u sistema ta’ monitoraġġ assoċjata miegħu;

22. Jenfasizza l-importanza vitali li n-nisa jkollhom aċċess għal eżamijiet ġinekoloġiċi u mammografiji annwali, u għalhekk huwa inaċċettabbli li l-Istati Membri jnaqqsu dawn is-servizzi bl-iskuża tal-kriżi u t-tnaqqis fil-baġit;

23. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki tagħhom u pakketti ta' miżuri għall-politika fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

24. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati, biex fid-dawl tal-impatt tal-kriżi finanzjarja u ekonomika fuq is-settur tas-saħħa pubblika, jipprovdu – mingħajr ħlas u b'mod li jkun finanzjarjament aċċessibbli – informazzjoni adattata dwar il-kontraċettivi u servizzi kontraċettivi, u servizzi oħra relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva, bħal eżamijiet ġinekoloġiċi u mammografiji, kif ukoll miżuri għall-prevenzjoni, id-dijanjożi u t-trattament ta' STIs, li jinkludu pariri u konsulenza professjonali ta' kwalità għolja, lill-gruppi kollha tal-popolazzjoni, inklużi nisa f'żoni rurali, żgħażagħ, minoranzi etniċi, migranti, persuni b'diżabilitajiet, u dawk soċjalment esklużi;

25. Jenfasizza li l-SRHRs huma drittijiet bażiċi tan-nisa u ma għandhomx jiġu ristretti għal raġunijiet reliġjużi, pereżempju billi jiġu konklużi konkordati.

26. Jinsisti li meta n-nisa, il-bniet u l-koppji jingħataw il-libertà fundamentali li jieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħajja sesswali u riproduttiva tagħhom, inkluż anke dwar jekk għandhomx ikollhom tfal u meta, jinħolqu opportunitajiet għalihom biex iwettqu attivitajiet bħall-edukazzjoni u x-xogħol li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp inklużiv u sostenibbli; jinnota li meta familja tkun tista’ tagħżel li jkollha inqas tfal, b’aktar żmien bejn twelid u ieħor, jinħoloq il-potenzjal ta’ aktar investiment fl-edukazzjoni u s-saħħa ta' kull tifel jew tifla;

Tqala mhux intenzjonata u mhux mixtieqa: aċċess għal servizzi ta’ kontraċezzjoni u abort sikur

27. Jenfasizza li huwa essenzjali għall-iżvilupp individwali, soċjali u ekonomiku li n-nisa jkollhom id-dritt li jiddeċiedu b’mod ħieles u responsabbli dwar in-numru ta’ tfal li jkollhom, meta jkollhom it-tfal u l-età bejniethom, kif stabbilit minn liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

28. Jenfasizza li l-ippjanar tal-familja volontarju jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tqaliet mhux intenzjonati u mhux mixtieqa u jnaqqas il-ħtieġa għall-abort;

29.  Jistieden lill-Istati Membri joqogħdu lura milli jwaqqfu lin-nisa tqal li qegħdin ifittxu l-abort milli jivvjaġġaw lejn Stati Membri jew ġurisdizzjonijiet oħra fejn il-proċedura hija legali;

30. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu r-riċerka xjentifika relatata ma’ metodi ta’ kontraċezzjoni kkontrollati mill-irġiel u min-nisa, sabiex ikun faċilitat il-qsim ta’ responsabbiltà għall-kontraċezzjoni;

31. Jenfasizza li l-abort fl-ebda każ ma għandu jkun promoss bħala metodu għall-ippjanar tal-familja;

32. Jisħaq fuq il-fatt li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw politiki u miżuri mmirati lejn il-prevenzjoni tar-rikors għal abort minħabba raġunijiet soċjali u ekonomiċi billi jingħata appoġġ lill-ommijiet u l-koppji f’diffikultà;

33. Jirrakkomanda li, bħala preokkupazzjoni relatata mad-drittijiet tal-bniedem u s-saħħa pubblika, is-servizzi tal-abort ta' kwalità għolja għandhom isiru legali, sikuri u aċċessibbli għal kulħadd fi ħdan is-sistemi tas-saħħa pubblika tal-Istati Membri, inklużi nisa mhux residenti, li spiss ifittxu dawn is-servizzi f'pajjiżi oħra minħabba liġijiet restrittivi dwar l-abort fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom, u biex jiġi evitat l-abort klandestin li jista' jipperikola serjament is-saħħa fiżika u mentali tan-nisa;

34. Jenfasizza li anke meta jkun legali, l-abort ħafna drabi huwa mxekkel jew imdewwem minn ostakoli għall-aċċess għal servizzi xierqa, bħall-użu mifrux ta’ oġġezzjoni ta’ kuxjenza, perjodi ta’ stennija li mhumiex meħtieġa mil-lat mediku jew konsulenza preġudikata; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jirregolaw u jissorveljaw l-użu tal-oġġezzjoni tal-kuxjenza fil-professjonijiet ewlenin, sabiex jiżguraw li l-kura tas-saħħa riproduttiva tkun garantita bħala dritt tal-individwu, filwaqt li jkun żgurat l-aċċess għal servizzi legali u li jkunu stabbiliti sistemi ta’ referenza pubbliċi xierqa ta’ kwalità tajba; jenfasizza li d-dritt għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza huwa dritt individwali u mhux politika kollettiva, u li l-pariri u l-konsulenza għandhom ikunu kunfidenzjali u imparzjali; huwa mħasseb li l-persunal mediku huwa mġiegħel jirrifjuta li joffri s-servizzi relatati mal-SRHRs fl-isptarijiet u l-kliniċi bbażati fuq ir-reliġjon madwar l-UE.

35. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni mmirata sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni vulnerabbli li jinsabu f'riskju ta' emarġinazzjoni u ta' esklużjoni soċjali u ekonomika, b'mod partikolari n-nisa żgħażagħ f’żoni rurali, fejn l-aċċess għal metodi kontraċettivi moderni jista’ jkun ostakolat minn diffikultajiet ekonomiċi u soċjali, speċjalment fis-sitwazzjoni attwali tal-kriżi ekonomika;

36. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-professjonisti tal-kura tas-saħħa li jwettqu l-abort u servizzi relatati mal-abort ma jiġux imħarrka u ppenalizzati mill-ebda strument tal-liġi kriminali, minħabba li jkunu pprovdew dawn is-servizzi;

37. Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati jastjenu milli jħarrku nisa li jkunu għamlu abort illegali;

38. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jkomplu jipprovdu l-informazzjoni u s-servizzi meħtieġa sabiex jinżamm livell baxx fil-mortalità materna u jagħmlu aktar sforzi biex titnaqqas il-mortalità materna u biex tkun garantita kura ta’ kwalità kemm qabel u kemm wara t-twelid;

Fir-rigward ta’ edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità u servizzi mmirati lejn iż-żgħażagħ

39. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess universali għal informazzjoni, edukazzjoni u servizzi dwar id-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva, iħeġġiġhom biex jiżguraw li din l-informazzjoni tkopri varjetà ta’ metodi moderni ta’ ppjanar tal-familja u konsulenza, għajnuna minn persuni mħarrġa waqt it-twelid, u d-dritt għall-aċċess għal kura ġinekoloġika u ostetrika ta’ emerġenza, u li tkun mingħajr preġudizzju u eżatta mil-lat xjentifiku fir-rigward tas-servizzi ta’ abort;

40. Jenfasizza li l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, b'kooperazzjoni ma' partijiet interessati oħrajn, bħall-ġenituri, fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi hija importanti ħafna biex l-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità tkun effettiva; iħeġġeġ l-użu ta' edukaturi tal-pari fl-edukazzjoni dwar is-sesswalità bħala metodu tajjeb li jwassal għall-għoti ta' setgħa u jistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati jagħmlu użu minn diversi metodi oħrajn sabiex jilħqu l-udjenza żagħżugħa, bħal kampanji ta' reklamar, kummerċjalizzazzjoni soċjali għall-użu tal-kondoms u metodi oħrajn ta' kontraċezzjoni, u inizjattivi bħal-linji telefoniċi għall-għajnuna kunfidenzjali;

41. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li t-tagħlim tal-edukazzjoni dwar is-sesswalità jkun obbligatorju għall-istudenti kollha fl-iskejjel primarji u sekondarji u li dan is-suġġett jingħatalu biżżejjed spazju fil-kurrikula skolastiċi; jenfasizza l-importanza li t-taħriġ dwar l-edukazzjoni dwar is-sesswalità jiġi rivedut u aġġornat regolarment b’attenzjoni partikolari mogħtija lir-rispett tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

42. Jenfasizza li l-edukazzjoni dwar is-sesswalità għandha tkun imfassla u implimentata b’mod olistiku, ibbażat fuq id-drittijiet u pożittiv, filwaqt li jiġi enfasizzat l-iżvilupp tal-ħiliet għall-ħajja u jiġu inklużi kemm l-aspett psikosoċjali kif ukoll dak bijomediku tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet għaliha;

43. Jenfasizza li l-ħtiġijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva tal-adoloxxenti jvarjaw minn dawk tal-adulti; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-adoloxxenti jkollhom aċċess għal servizzi li huma faċli għall-utent fejn il-preokkupazzjonijiet u d-drittijiet tagħhom għall-kunfidenzjalità u l-privatezza jitqiesu kif meħtieġ;

44. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva favorevoli għall-adoloxxenti li jkunu xierqa skont l-età, il-maturità u l-ħiliet li jevolvu, li ma jiddiskriminawx abbażi tal-ġeneru, l-istat ċivili, id-diżabilità jew l-identità/l-orjentazzjoni sesswali, u li jkunu aċċessibbli mingħajr il-kunsens tal-ġenituri jew tal-kustodji;

45. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw edukazzjoni dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet emozzjonali li hija obbligatorja u pprovduta f’qafas komuni għas-subien u għall-bniet, adattata skont l-età u skont is-sessi għat-tfal u l-adoloxxenti kollha;

46. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw u jimplimentaw programmi u korsijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ wara l-lawrija dwar temi rigward is-saħħa sesswali u d-drittijiet riproduttivi indirizzati lejn l-istudenti tal-mediċina u l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa bil-għan li jiżguraw konsulenza ta’ kwalità għan-nisa u l-koppji, abbażi tal-istat tas-saħħa tagħhom u l-ħtiġijiet personali u tal-professjoni tagħhom, rigward id-dimensjoni familjari mixtieqa;

47. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri biex ineħħu l-ostakoli kollha li jostakolaw l-aċċess tal-bniet u s-subien adoloxxenti għal metodi sikuri, effettivi u affordabbli ta’ kontraċezzjoni, inklużi l-kondoms, u jipprovdu informazzjoni ċara dwar il-kontraċettivi

48. Ifakkar lill-Istati Membri li għandhom jiżguraw li t-tfal u ż-żgħażagħ jistgħu jgawdu d-dritt tagħhom li jfittxu, jirċievu u jipprovdu informazzjoni relatata mas-sesswalità, inkluża l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru, b’mod xieraq għall-età u b’mod sensittiv għall-ġeneru;

49. Jinsisti li l-Istati Membri jfasslu miżuri li jipprovdu għal ħidma mal-ommijiet żgħażagħ u ta’ taħt l-età u man-nisa tqal sabiex jiġu appoġġati sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-problemi tal-maternità f’età żgħira u sabiex jiġu evitati każijiet ta’ qtil tat-trabi tat-twelid;

50. Jenfasizza li l-edukazzjoni dwar is-sesswalità għandha tinkludi l-ġlieda kontra l-istereotipi u l-preġudizzji, il-forom kollha ta' vjolenza sessista u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, titfa’ dawl fuq u tikkundanna d-diskriminazzjoni bejn is-sessi u abbażi tal-orjentament sesswali, kif ukoll l-ostakoli strutturali għall-ugwaljanza sostantiva, b’mod partikolari l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u tenfasizza r-rispett reċiproku u r-responsabbiltà kondiviża;

51. Jenfasizza li l-edukazzjoni sesswali għandha tinkludi informazzjoni nondiskriminantorja u twassal opinjoni pożittiva dwar il-persuni LGBTI, sabiex tappoġġa u tipproteġi b’mod effettiv id-drittijiet tal-persuni LGBTI żgħażagħ;

52. Jenfasizza f’dan ir-rigward li l-edukazzjoni dwar is-sesswalità hija partikolarment meħtieġa, peress li ż-żgħażagħ għandhom aċċess minn kmieni għal kontenut pornografiku u degradanti, b’mod partikolari permezz tal-internet; jenfasizza, għaldaqstant, li l-edukazzjoni dwar is-sesswalità trid tkun parti minn proċess aktar wiesa' ta’ appoġġ għall-iżvilupp emozzjonali taż-żgħażagħ biex jippermettilhom jiffurmaw relazzjonijiet bir-rispett reċiproku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu kampanji ta’ għarfien għall-ġenituri u għall-adulti li jaħdmu ma-żgħażagħ, biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-effetti ħżiena tal-pornografija fuq l-adoloxxenti;

53. Jitlob ukoll lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtieġa fundamentali għal edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità li tintegra l-aspetti emozzjonali tar-relazzjonijiet, minħabba l-fenomenu tas-sesswalizzazzjoni tal-bniet żgħar f’kontenut awdjoviżiv u diġitali li għalihom iż-żgħażagħ għandhom aċċess wiesa’;

54. Jitlob lill-Istati Membri jiffukaw fuq il-prevenzjoni tal-infezzjonijiet trażmessi sesswalment (STIs), fosthom l-HIV, fil-qafas tal-edukazzjoni dwar is-sesswalità, billi jippromovu mġiba sesswali sikura u jiffaċilitaw l-aċċess għal mezzi ta’ protezzjoni;

Fir-rigward ta’ prevenzjoni u trattament ta’ STI

55. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess immedjat u universali għal trattamenti ta’ STI, ipprovduti b’mod sikur u imparzjali;

56. Jistieden lill-Istati Membri jżommu u jżidu l-kwalità u l-livell ta' informazzjoni disponibbli għall-pubbliku ġenerali u jsaħħu l-politiki tagħhom biex iżidu l-għarfien dwar l-STIs, b'mod partikolari l-HIV/AIDS, abbażi tal-aħħar żviluppi u prattiki mediċi, dwar il-metodi kif jiġi trażmess il-mard, kif ukoll metodi ta' prevenzjoni, u biex tiġi evitata wkoll it-tqala mhux mixtieqa;

57. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu attivitajiet ta’ prevenzjoni minbarra l-ittestjar u l-konsulenza volontarji;

58. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw l-SRHRs speċifiċi ta’ persuni li qed jgħixu bl-HIV/AIDS, b’enfasi fuq il-bżonnijiet tan-nisa u l-popolazzjonijiet li qegħdin f’riskju, inklużi persuni fil-prostituzzjoni, ħabsin, migranti u dawk li jużaw drogi injettabbli, l-aktar billi jiġi integrat l-aċċess għall-ittestjar u t-trattament mat-treġġigħ lura ta’ fatturi soċjoekonomiċi sottostanti, bħall-inugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diskriminazzjoni, li jikkontribwixxu għar-riskju tan-nisa u popolazzjonijiet f'riskju li jiġu infettati bl-HIV/AIDS;

59. Jistieden lill-UE tippromwovi u tinvesti fir-riċerka u żvilupp ta’ teknoloġiji ta’ prevenzjoni ta’ kwalità għolja ġodda u mtejba, aċċettabbli, affordabbli u aċċessibbli, dijanjostika u trattamenti, li għandhom l-HIV, l-AIDS u STIs oħra bħala mira tagħhom, kif ukoll il-mard tropikali minsi sabiex jonqos il-piż ta’ dan il-mard fuq is-saħħa materna u tat-tfal;

60. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu strateġiji effettivi u inklużivi għall-prevenzjoni tal-HIV, u jneħħu r-regolamenti u l-liġijiet li jippenalizzaw u jistigmatizzaw lin-nies li jgħixu bl-HIV/AIDS, billi dawn il-liġijiet ġew meqjusa ineffettivi u saħansitra kontroproduttivi għall-prevenzjoni tal-HIV;

61. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-aċċess għall-informazzjoni, għall-vaċċini u għal kura aktar faċli sabiex it-trabi jiġu protetti kontra l-infezzjoni tal-HIV waqt it-tqala u jiġi żgurat trattament xieraq u fil-pront wara t-twelid f'każ ta' infezzjoni;

Fir-rigward ta’ vjolenza relatata ma’ drittijiet sesswali u riproduttivi

62. Jikkundanna kull ksur tal-integrità fiżika tan-nisa, kif ukoll prattiki ta’ ħsara maħsuba biex jikkontrollaw l-awtonomija sesswali u riproduttiva tan-nisa, b’mod partikolari l-mutilazzjonijiet ġenitali femminili; jenfasizza li dan huwa ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li għandu jiġi indirizzat b’mod urġenti mill-Istati Membri;

63. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li l-irġiel u n-nisa tal-gruppi soċjali u etniċi kollha jagħtu l-kunsens infurmat tagħhom għas-servizzi u l-proċeduri mediċi bħas-servizzi kontraċettivi, l-isterilizzazzjoni u l-abort; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri li jiggarantixxu l-libertà mit-trattament inuman u degradanti fl-ambjenti tal-kura tas-saħħa riproduttiva, b’attenzjoni partikolari fuq iċ-ċentri ta’ detenzjoni, il-ħabsijiet, u l-istituzzjonijiet tas-saħħa mentali u tal-kura tal-anzjani;

64. Itenni li l-vjolenza sesswali jew il-kontroll sesswali fuq in-nisa, bħal stupru, inkluż l-istupru fiż-żwieġ, il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), l-abbuż sesswali, l-inċest, l-isfruttament sesswali, il-fastidju sesswali u ż-żwieġ bikri/tat-tfal sfurzat, għandhom impatt ta' ħsara fit-tul fuq is-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa u l-bniet, kif ukoll fuq il-fiduċja tagħhom fihom infushom u l-għoti ta' setgħa; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtieġa li n-nisa u l-bniet jiġu protetti minn dawn l-abbużi, u jipprovdu servizzi għall-vittmi, bl-appoġġ ta' programmi edukattivi fil-livelli nazzjonali u komunitarji, u jiffokaw fuq miżuri biex jagħmlu dan li jkunu jinkorporaw pieni severi għal dawk li jwettqu l-abbuż, inkluża l-kriminalizzazzjoni tal-aggressjoni sesswali;

65. Jistieden lill-Istati Membri jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika;

66. Jeħtieġ lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati jiggarantixxu li mara li tinqabad tqila bħala konsegwenza ta’ stupru, kif ukoll f’każijiet oħrajn fejn ikun hemm riskju serju għas-saħħa jew għall-ħajja, tkun tista’ tagħmel abort bil-garanziji sanitarji u legali kollha u mingħajr l-ebda tip ta’ restrizzjoni;

67. Jinsisti li jeħtieġ li l-SRHRs jeħtieġ li jkollhom l-għeruq tagħhom fl-istrumenti internazzjonali eżistenti tad-drittijiet tal-bniedem u d-dokumenti ewlenin ta’ kunsens politiku; jiddispjaċih li l-pożizzjoni formulata mill-UE bi tħejjija għall-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20), li rrikonoxxiet li s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma kwistjoni li għandha rabtiet ma’ aspetti oħra tal-iżvilupp, ma ġietx riflessa fid-dokument finali tan-NU, minħabba li l-UE ma kellhiex leħen wieħed unifikat;

68. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-integrazzjoni tal-proċessi ICPD+20, Pekin+20 u Rio+20 fil-qafas ta’ wara l-2015;

Fir-rigward tal-SRHRs u l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA)

69. Ifakkar lill-Istati Membri li investimenti fis-saħħa riproduttiva u l-ippjanar tal-familja huma fost l-aktar metodi kosteffikaċi f’termini ta’ żvilupp, u l-mezzi l-aktar effettivi għall-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli ta’ pajjiż;

70. Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u tas-sensibilizzazzjoni fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva bħala parti integrali mill-aġenda tas-saħħa tan-nisa fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;

71. Jitlob lill-Kummissjoni tagħti lok għal linja speċifika l-SRHRs taħt il-linji tematiċi tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, kif ukoll finanzjament suffiċjenti għall-aġenda wiesgħa tal-SRHR fl-istrumenti xierqa kollha;

72. Ifakkar il-ħtieġa urġenti għal ħaddiema mħarrġa fil-qasam tas-saħħa fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw kif ukoll li jiġi evitat l-eżodu tal-imħuħ tal-professjonisti tas-saħħa permezz ta’ inċentivi finanzjarji u appoġġ għat-taħriġ; jenfasizza l-importanza ta’ servizzi tas-saħħa integrati relatati mal-HIV u l-SRHRs kif ukoll l-involviment tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali, il-komunitajiet, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi mingħajr skop ta' qligħ tas-saħħa pubblika u l-organizzazzjonijiet volontarji f’kull livell meta jiġu stabbiliti s-servizzi tas-saħħa; jinsisti b’mod partikolari dwar il-bżonn li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kura tas-saħħa relatata mal-SRHRs f’żoni rurali u mbiegħda;

73. Jappoġġa r-Rakkomandazzjoni 1903(2010) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa li jiġi allokat 0,7 % mid-dħul nazzjonali gross għall-ODA; jitlob li l-UE żżomm dan l-impenn permezz tal-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-azzjonijiet esterni Ewropej 2014-2020 u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;

74. Jenfasizza l-fatt li l-epidemiji li jolqtu serjament ċerti pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u li huma sħab tal-UE, fosthom dik tal-HIV, jimpedixxu l-iżvilupp b’mod konsiderevoli;

75. Iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet li jirċievu fondi tal-UE għall-HIV/AIDS u/jew protezzjoni tas-saħħa biex jiżviluppaw strateġija ċara, konċiża u trasparenti dwar kif jistgħu jinkorporaw l-SRHRs u l-prevenzjoni primarja tal-HIV fl-interventi tagħhom;

76. Iħeġġeġ lill-UE biex tiżgura li l-kooperazzjoni Ewropea għall-iżvilupp tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u li jkollha mira b'saħħitha u espliċita, kif ukoll miri konkreti dwar l-SRHRs, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lis-servizzi ta’ ppjanar tal-familja, il-mortalità materna u tat-trabi, l-abort sikur, il-kontraċezzjoni, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-HIV/AIDS u mard ieħor trażmess sesswalment, u l-eliminazzjoni ta' prattiki bħall-mutilazzjoni tal-ġenitali tan-nisa, iż-żwiġijiet bikrija u/jew furzati, l-għażla selettiva skont il-ġeneru tat-tarbija fil-ġuf u l-isterilizzazzjoni furzata;

77. Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE biex jaħdmu mal-gvernijiet relevanti biex ifasslu u jimplimentaw politiki li jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-valur tan-nisa u l-bniet fis-soċjetà, biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi bejn is-sessi, id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet u n-normi soċjali li jirregolaw il-preferenza ta’ wild maskili li hi l-kawża ewlenija tal-għażliet qabel it-twelid fuq il-bażi tal-ġeneru, l-infantiċidju femminili u l-abort ta’ feti femminili, kif ukoll iż-żwiġijiet furzati bikrija u l-mutilazzjoni ġenitali femminili; jenfasizza li l-isforzi biex tiġi limitata s-selezzjoni tal-ġeneru m'għandhomx ixekklu jew jillimitaw id-dritt tan-nisa li jkollhom aċċess għal teknoloġiji u servizzi leġittimi relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva;

78. Iħeġġeġ li l-għoti ta’ għajnuna umanitarja tal-UE u tal-Istati Membri għandu effettivament jiġi eskluż mir-restrizzjonijiet fuq l-għajnuna umanitarja imposti mill-Istati Uniti tal-Amerika jew donaturi oħra, b’mod partikolari billi jkun żgurat aċċess għall-abort għal nisa u bniet vittmi ta' stupru f’konflitti armati;

79. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex, fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, jindirizzaw l-ostakoli li jiffaċċjaw in-nies meta jippruvaw jaċċessaw is-servizzi tas-saħħa riproduttiva u jeżerċitaw id-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom;

80. Jinnota li l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) li ttieħdet deċiżjoni dwarha fil-Kajr fl-1994, irrikonoxxiet li s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma fundamentali għall-kisba ta’ żvilupp sostenibbli,

81. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, biex fil-prijoritajiet tagħha ta' żvilupp iżżomm it-tneħħija tal-ostakli kollha għall-aċċess għal SRHSs ta’ kwalità, għall-but ta’ kulħadd, aċċettabbli u aċċessibbli, servizzi tal-kura tas-saħħa ta’ qabel it-twelid u materna, inkluż l-ippjanar volontarju tal-familja, l-aċċess għall-kontraċettivi u l-abort sikur, u servizzi favur iż-żgħażagħ, filwaqt li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni skont il-ġeneru li twassal għal aborti selettivi skont il-ġeneru u għall-abort involontarju, l-isterilizzazzjoni furzata u l-vjolenza sesswali, filwaqt li jiġi żgurat il-forniment ta' provvisti tas-saħħa sesswali u riproduttiva, provvisti għall-kura tas-saħħa ta’ qabel it-twelid u tal-maternità, kif ukoll il-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ tal-HIV, mingħajr diskriminazzjoni;

82. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-proċess tar-reviżjoni operattiva tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD+20) iwassal għal reviżjoni komprensiva tal-aspetti kollha relatati mat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet sesswali u riproduttivi, li jafferma mill-ġdid approċċ qawwi u progressiv lejn id-drittijiet sesswali u riproduttivi għal dak kollu li hu konsistenti mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u li jżid l-obbigu ta’ rendikont tal-gvernijiet biex jilħqu l-objettivi miftiehma; jistieden, b’mod partikolari, lill-UE u l-Istati Membri tagħha, sabiex jiżguraw li l-proċess ta’ reviżjoni jitmexxa b’mod parteċipattiv u joffri opportunità għall-partijiet interessati differenti, inklużi s-soċjetà ċivili kif ukoll in-nisa, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ, biex jipparteċipaw b’mod sinifikanti; ifakkar li l-qafas għal tali reviżjoni għandu jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u għandu jagħti attenzjoni speċifika lid-drittijiet sesswali u riproduttivi;

83. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-SEAE, u b’mod partikolari lid-delegazzjonijiet tal-UE fuq il-post, biex ikunu konxji sew mill-SRHRs u mill-kura tas-saħħa ta’ qabel it-twelid u dik materna bħala fatturi importanti għall-iżvilupp inklużiv u sostenibbli, fil-kuntest tal-iżvilupp tal-bniedem, il-governanza, l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-bniedem, u l-għoti tas-setgħa ekonomika liż-żgħażagħ u n-nisa fil-livell nazzjonali, u bħala fatturi importanti għall-proċess ta’ programmar attwali tal-UE għall-perjodu 2014-2020;

84. Iħeġġeġ lill-UE tiżgura li d-dinamiki tal-popolazzjoni, ir-rabtiet mal-iżvilupp inklużiv u sostenibbli u s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi jkunu prijorità fit-tiswir tal-qafas tal-iżvilupp dinji post-2015, fejn l-individwi kollha jistgħu jiksbu d-drittijiet tal-bniedem tagħhom, inklużi l-SRHRs, indipendentement mill-istatus soċjali, l-età, l-orjentament sesswali, l-identità tal-ġeneru, ir-razza, l-etniċità, id-diżabilità, ir-reliġjon jew it-twemmin; jinsisti li l-UE trid titkellem b’leħen unifikat, koerenti u mexxej dwar din il-kwistjoni;

85. Ifakkar li n-nisa fid-dinja kollha li jkollhom tqala mhux mixtieqa għandu jkollhom aċċess faċli għal informazzjoni affidabbli u konsulenza; ifakkar li għandhom jiġu offruti wkoll servizzi u assistenza tal-kura tas-saħħa ta’ kwalità u komprensivi;

86. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jonoraw l-impenji li ħadu għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u r-riżultati tal-konferenzi ta’ rieżami;

87. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jappoġġaw is-sjieda u t-tmexxija min-naħa tal-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili fir-rigward tal-provvista u l-promozzjoni tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, li huma universali u jridu jkunu bbażati fuq responsabilitajiet kondiviżi.

88. Jitlob lill-Parlament Ewropew jindirizza l-ksur tal-SRHRs fir-rapport annwali tiegħu dwar 'id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni';

°

°         °

89. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 59 E, 23.2.2001, p. 133.

(2)

ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 12.

(3)

ĠU C 348 E, 21.12.2010, p. 11.

(4)

ĠU L 224, 6.9.2003, p.1.

(5)

ĠU L 403, 30.12.2006, p. 9.

(6)

ĠU L142, 30.4.2004, p. 1.

(7)

ĠU C 305, 31.10.94, p. 80.

(8)

ĠU C 211, 22.7.1996, p. 31.

(9)

ĠU C 271, 12.11.2003, p. 219.

(10)

ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.

(11)

ĠU C 295, 4.12.2009.

(12)

ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 26.

(13)

ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 1.

(14)

Rapport tal-UNICEF bit-titolu "Opportunity in crisis: preventing HIV from early adolescence to young adulthood" (l-Oppportunitàfil-kriżi: il-prevenzjoni tal-HIV mill-adolexxenza bikrija saż-żgħożija), 2011.


NOTA SPJEGATTIVA

Kull sena l-UNDP jikkategorizza l-pajjiżi skont il-livell tagħhom ta’ inugwaljanza bejn is-sessi. L-Indiċi dwar l-Inugwaljanza bejn is-Sessi jitqies permezz tal-iżvantaġġ abbażi tas-sessi fi tliet aspetti tas-saħħa li huma s-saħħa riproduttiva, l-għoti tas-setgħa u s-suq tal-impjiegi.(1) Dan ir-rapport jiffoka fuq l-ewwel element u d-drittijiet korrispondenti tiegħu, mhux biss bħala kwistjoni ta’ drittijiet tal-bniedem, iżda wkoll bħala mezz biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Minħabba li huma fost l-aktar pajjiżi żviluppati fid-dinja, l-Istati Membri (SM) jiġu minn ta’ quddiem fil-kategorizzazzjoni globali ta’ pajjiżi skont l-istat tas-saħħa riproduttiva tal-popolazzjonijiet tagħhom.(2) Madankollu, id-data disponibbli mill-Istati Membri turi disparità qawwija fis-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa madwar l-Ewropa.

F’diversi okkażjonijiet, il-Parlament Ewropew (PE) esprima l-appoġġ tiegħu għal investiment fis-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi (SRHRs). Pożizzjoni b'saħħitha tal-UE dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi ser tkun possibbli biss bis-saħħa ta’ spinta qawwija minn din l-istituzzjoni.

Dan ir-rapport wasal fi żmien importanti ħafna. Il-kuntest politiku u ekonomiku attwali qed jhedded ir-rispett tad-drittijiet għas-saħħa sesswali u riproduttiva. Minħabba l-kriżi finanzjarja u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku attwali u t-tnaqqis relatat fil-baġits pubbliċi hemm tendenza fost l-Istati Membri li jaċċelleraw il-privatizzazzjoni tas-servizzi tas-saħħa u jnaqqsu l-aċċess għal u l-livell tal-kwalità ta’ servizzi tas-saħħa(3). Barra minn dan, pożizzjonijiet tassew konservattivi fir-rigward tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi żviluppaw madwar l-Ewropa kollha. Kif muri biċ-ċar f’pajjiżi bħal Spanja u l-Ungerija, u f’forums reġjonali bħall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kumitat Ewropew dwar id-Drittijiet Soċjali, u wkoll il-PE, l-oppożizzjoni kontra l-għażla qed issir dejjem aktar b’saħħitha u qed issemma’ aktar leħinha. Minħabba dawn l-attakki, huwa aktar kritiku minn qatt qabel li l-PE jieħu pożizzjoni favur id-drittijiet sesswali u riproduttivi bħala drittijiet tal-bniedem, u jipprovdi sommarju utli tas-sitwazzjoni attwali tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi fil-livell Ewropew.

Saħħa Sesswali u Riproduttiva

Id-WHO tiddikjara li “saħħa riproduttiva tindirizza l-proċessi, il-funzjonijiet u s-sistema riproduttivi fl-istadji kollha tal-ħajja. [Dan] għaldaqstant jimplika li l-persuni jkun jista’ jkollhom ħajja sesswali responsabbli, sodisfaċenti u sikura, u li jkollhom il-kapaċità li jirriproduċu u l-libertà li jiddeċiedu jekk, meta u l-frekwenza biex jagħmlu dan. Dan jimplika li rġiel u nisa għandhom id-dritt li jkunu infurmati dwar u li jkollhom aċċess għal metodi sikuri, effettivi, affordabbli u aċċettabbli għar-regolazzjoni tal-fertilità tal-għażla tagħhom, u d-dritt għal aċċess għal servizzi tal-kura tas-saħħa xierqa li jippermetti nisa li jgħaddu mingħajr periklu mit-tqala u t-twelid, u jipprovdu lill-koppji bl-aqwa opportunità biex ikollhom tarbija b’saħħitha.”(4)

Saħħa sesswali hija definita bħala “stat ta’ benesseri fiżiku, emozzjonali, mentali u soċjali b’relazzjoni għas-sesswalità; mhix biss in-nuqqas ta’ mard, disfunzjoni jew infermità. Saħħa sesswali tirrikjedi approċċ pożittiv u mibni fuq rispett lejn is-sesswalità u r-relazzjonijiet sesswali, kif ukoll il-possibilità li wieħed ikollu esperjenzi sesswali ta’ pjaċir u sikuri, mhux sfurzati u mingħajr diskriminazzjoni u vjolenza. Sabiex wieħed jikseb u jżomm saħħa sesswali, id-drittijiet sesswali tal-persuni kollha għandhom ikunu rispettati, protetti u sodisfatti.”(5)

Drittijiet Sesswali u Riproduttivi

Saħħa sesswali u riproduttiva hija protetta minn drittijiet sesswali u riproduttivi. Kif rikonoxxut mill-artikolu 96 tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Bejġing (1995), dawk id-drittijiet huma bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-ugwaljanza u dinjità.

Drittijiet sesswali u riproduttivi, inkluż id-dritt għall-kura tas-saħħa materna u ppjanar tal-familja, jinkludu kemm libertajiet kif ukoll benefiċċji marbuta ma’ ħafna mad-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali diġà stabbiliti. Għalkemm dawn mhumiex interskambjabbli, id-drittijiet riproduttivi huma aspett wieħed ta’ drittijiet sesswali, bħalma d-drittijiet sesswali huma parti waħda mid-drittijiet riproduttivi.(6)

Il-mortalità materna

Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għadhom iżommu proporzjon tassew baxx ta’ mortalità materna (bejn 2 u 10 mewta materna għal kull 100,000 twelid ħaj)(7), f’ċerti SM dawn il-proporzjonijiet huma kemmxejn ogħla (34 fil-Latvja, 27 fir-Rumanija, 21 fl-Ungerija, u 20 fil-Lussemburgu). Numru ta’ SM juru tendenzi inkoraġġanti bħal pereżempju, bejn l-1990 u l-2010, ir-rata ta’ mortalità materna tar-Rumanija naqset minn 170 għal 27, tal-Latvja minn 54 għal 34, tal-Bulgarija minn 24 għal 11, tal-Litwanja minn 34 għal 8. Madankollu, fl-istess ħin, SM oħra qed juru tendenzi u varjazzjonijiet inkwetanti; ir-rata ta’ mortalità materna stmata tal-Lussemburgu żdiedet b’mod sod minn 6 fl-1990 għal 20 fl-2010, filwaqt li l-Ungerija rnexxielha tnaqqas ir-rata ta’ mortalità materna tagħha minn 23 fis-snin 90 għal 10 matul is-snin 2000, iżda din reġgħet żdiedet għal 21 fl-2010.(8) Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2012, dwar ir-rapport annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja tal-2011 u l-politika tal-UE dwar din il-kwistjoni, il-Parlament Ewropew fakkar li l-prevenzjoni ta’ mortalità materna u morbożità tirrikjedi il-promozzjoni u l-protezzjoni effettivi tad-drittijiet tal-bniedem ta’ nisa u bniet, b’mod partikolari d-drittijiet tagħhom għall-ħajja, l-edukazzjoni, l-informazzjoni u s-saħħa. Il-PE jenfasizza li l-UE għandu għalhekk ikollha rwol importanti biex tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ komplikazzjonijiet li jistgħu jiġu evitati milli jiġru qabel, matul u wara t-tqala u t-twelid;

Ġbir ta’ data

Ħafna SM ma jiġbrux id-data meħtieġa sabiex jikkalkolaw kompletament is-saħħa riproduttiva u sesswali. Pereżempju aktar minn żewġ terzi ta’ SM ma għandhom l-ebda informazzjoni dwar il-perċentwal ta’ nisa tqal li jkunu rċevew tal-anqas viżta waħda qabel it-twelid, u aktar minn kwart tal-Istati Membri ma għandhom l-ebda data dwar il-perċentwal ta’ twelid li jkun assistit minn professjonist tal-kura tas-saħħa.(9) Filwaqt li ċerti pajjiżi żviluppati jistgħu jqisu l-ġbir ta’ din id-data bħala xogħol żejjed, madankollu din hija indikatur importanti li jippermetti l-monitoraġġ konsistenti ta’ standards ta’ saħħa riproduttiva. Huwa neċessarju li l-Istati Membri kollha jiġbru u jissorveljaw data u statistika aktar komprensiva fir-rigward ta’ indikaturi tas-saħħa sesswali u riproduttiva (STIs, rati ta’ abort u kontraċezzjoni, bżonn mhux milħuq għal kontraċezzjoni, tqala fl-adoloxxenti...), tal-anqas maqsuma skont is-sess u l-età. Sabiex tinkiseb stampa ġenerali aktar ċara tas-sitwazzjoni fl-Unjoni kollha, l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għalhekk għandu jingħata s-setgħa li jiżgura l-ġbir u l-analiżi ta’ dejta u l-aqwa prassi.

Edukazzjoni dwar is-sesswalità

Fil-biċċa l-kbira tal-SM, l-edukazzjoni dwar is-sesswalità hija obbligatorja permezz ta’ liġi nazzjonali, għalkemm il-kontenut u l-kwalità jvarjaw. Skont studju reċenti, l-aqwa prassi ta’ edukazzjoni dwar is-sesswalità jinsabu fil-pajjiżi tal-Benelux u Nordiċi, fi Franza u fil-Ġermanja. L-Istati Membri tal-Ewropa tal-Lvant u tan-Nofsinhar għandhom it-tendenza li jkollhom programmi ta’ edukazzjoni dwar is-sesswalità b’ħafna nuqqasijiet jew huma ineżistenti.(10)

Rati ogħla ta’ twelid lil ommijiet adoloxxenti, abort u infezzjonijiet trażmessi sesswalment (STIs) għandhom tendenza li jkunu marbuta ma’ edukazzjoni dwar is-sesswalità b’nuqqasijiet jew insuffiċjenti. Id-dejta tal-UE attwali ssegwi din il-premessa, kif jidher mill-ogħla rati ta’ twelid lil ommijiet adoloxxenti u abort fost SM tal-Ewropa tal-Lvant(11).

Għalkemm it-tendenza ġenerali hija li l-programmi ta’ edukazzjoni dwar is-sesswalità qed jitjiebu ftit ftit, il-qsim ta’ objettivi komuni u prassi tajba fost l-istati tal-UE jistgħu jservu biex jiffaċilitaw l-armonizzazzjoni ta’ standards ta’ edukazzjoni dwar is-sesswalità u biex jikkontribwixxu għal saħħa sesswali u riproduttiva aktar ugwali għaż-żgħażagħ Ewropej kollha.

Rati ta’ Twelid lil Ommijiet Adoloxxenti u Tqala Mhux Mixtieqa

Rati ta’ twelid lil ommijiet adoloxxenti(12) jvarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. L-aktar rati baxxi ta’ twelid lil ommijiet adoloxxenti (bejn 5 u 9 twelid fis-sena) bħalissa jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, id-Danimarka, l-Isvezja, Ċipru, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Finlandja. Rati kemmxejn ogħla ta’ twelid lil ommijiet adoloxxenti (bejn 10 u 20 twelid) jinsabu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri: il-Ġermanja, l-Awstrija, Franza, il-Belġju, il-Greċja, Spanja, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Polonja, il-Portugall, l-Irlanda, il-Litwanja, l-Ungerija u Malta. L-ogħla rati ta’ twelid lil ommijiet adoloxxenti jinsabu fis-Slovakkja (22), l-Estonja (24), ir-Renju Unit (26), ir-Rumanija (40) u l-Bulgarija (44).

Minkejja tendenzi inkoraġġanti f’ċerti SM, id-disparità qawwija bejn ir-rata ta’ twelid lil ommijiet adoloxxenti fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ 5, dik tar-Renju Unit ta’ 26, u tal-Bulgarija li hija ta’ 44, tindika li ħafna miż-żgħażagħ tal-UE huma neqsin mill-kapaċitajiet u l-għarfien meħtieġa biex jagħmlu għażliet sesswali u riproduttivi responsabbli.

Minbarra n-natura mhux ippjanata ta’ bosta tqaliet ta’ tfajliet u n-nuqqas ta’ preparazzjoni ġenerali ta’ tfajliet għar-rwol ta’ omm, it-twelid lil ommijiet adoloxxenti sikwit jirriżulta f’konsegwenzi li jdumu. Kwistjonijiet tas-saħħa relatati mat-tqala ġeneralment huma aktar komuni fi tqala ta’ omm adoloxxenti milli fi tqala ta’ omm adulta (pereżempju, korriment, mewt mat-twelid). Studji juru wkoll li ommijiet adoloxxenti x’aktarx li ma jiggradwawx mil-liċeo u huma aktar suxxettibbli li jgħixu fil-faqar. Barra minn dan, tfal ta’ adoloxxenti sikwit jitwieldu b’piż baxx u jesperjenzaw problemi fis-saħħa u fl-iżvilupp tagħhom.(13)

Nisa adulti wkoll jiffaċċjaw il-problema ta’ tqala mhux mixtieqa, li tista’ sseħħ minħabba diversi raġunijiet: kontraċezzjoni li ma taħdimx, użu ħażin jew inkonsistenti ta’ kontraċezzjoni, sħab sesswali li jopponu l-użu ta’ kontraċezzjoni, sess sfurzat jew stupru, jew raġunijiet ta’ saħħa. Kif tinnota d-WHO, “anke tqala ppjanata tista’ ssir mhux mixtieqa jekk jinbidlu ċ-ċirkostanzi.”(14)

Abort

Għoxrin SM jippermettu legalment l-abort meta dan jintalab. Fost is-sebgħa l-oħra, tliet SM (ir-Renju Unit, il-Finlandja u Ċipru) jippermettu interpretazzjoni wiesgħa tar-raġunijiet għal-limitazzjoni, filwaqt li fi tliet SM oħra (l-Irlanda, il-Polonja u l-Lussemburgu) l-interpretazzjoni restrittiva ta’ raġunijiet għal-limitazzjoni u nuqqas ta’ rieda jew biża’ ġenerali biex jitwettaq l-abort irriżultat fil-fatt li aborti legali (rapportati) ftit li xejn iseħħu, jekk mhux qatt. Malta hija l-uniku SM li jipprojbixxi legalment l-abort mingħajr ebda eċċezzjoni.(15) Raġunijiet għal-limitazzjoni sabiex ikun permess l-abort jistgħu jinkludu jekk il-ħajja jew is-saħħa fiżika u/jew mentali tal-mara jkunu f’riskju, f’każ ta’ problemi fil-fetu, f’każ ta’ stupru, jew għal raġunijiet mediċi jew soċjoekonomiċi. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-limitu tal-ġestazzjoni għall-abort huwa ta’ 12-il ġimgħa. Il-ħlas għall-abort ivarja ħafna minn SM għal ieħor; f’pajjiżi fejn l-assigurazzjoni nazzjonali tkopri l-abort, ġeneralment tkopri dawk biss li jsiru għal raġunijiet mediċi. Ċerti SM jirrikjedu perjodu ta’ stennija obbligatorju, u f’każ ta’ minuri li jkunu jridu abort jista’ jkun meħtieġ il-kunsens tal-ġenituri.(16)

Ta’ min jinnota li b’mod aktar frekwenti qed jiġu imposti ostakli għal servizzi ta’ abort f’pajjiżi anke fejn hemm liġijiet tal-abort permissivi. Fil-biċċa l-kbira, in-nisa jkollhom jiffaċċjaw l-użu mhux regolat ta’ oġġezzjoni ta’ kuxjenza ta’ dawk li jipprovdu kura tas-saħħa riproduttiva, perjodi ta’ stennija obbligatorji jew pariri preġudikati(17). Il-prattika tal-oġġezzjoni ta’ kuxjenza ċaħdet l-aċċess ta’ ħafna nisa għal servizzi tas-saħħa riproduttiva, bħall-informazzjoni dwar, l-aċċess għal u x-xiri ta’ kontraċettivi, ittestjar qabel it-twelid, u t-twaqqif legali ta’ tqala. Hemm każijiet irrapportati mis-Slovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija, il-Polonja, l-Irlanda u l-Italja fejn kważi 70 % tal-ġinekologi kollha u 40 % tal-anestetisti kollha jagħmlu oġġezzjoni ta’ kuxjenza li jipprovdu servizzi ta’ abort. Dawn l-ostakli jikkontradixxu b’mod ċar l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards mediċi internazzjonali.(18)

Mhux rari għal nisa li jgħixu f’pajjiżi b’politiki ta’ abort restrittivi li jivvjaġġaw lejn SM oħra sabiex jagħmlu abort. Madankollu, din il-prattika tippreżenta piż ekonomiku għoli għal ċerti gruppi, minbarra l-possibilità ta’ prosekuzzjoni kriminali fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom. Barra minn dan, dan jagħmilha diffiċli biex tinġabar dejta affidabbli dwar l-abort. L-ivvjaġġar għal abort legali ta’ sikwit huwa meħtieġ ukoll f’ċerti SM għal nisa li jgħixu f’żoni rurali.(19) Prattikament, il-projbizzjoni taffettwa b’mod partikolari nisa li diġà huma marġinalizzati—dawk li ma jistgħux jivvjaġġaw faċilment lejn SM oħra tal-UE għal servizzi tal-abort, bħal dawk f’ċirkostanzi finanzjarji diffiċli, dawk li qed ifittxu l-ażil, nisa fil-kura jew taħt il-kustodja tal-Istat, eċċ.—li jikkontribwixxi għal inugwaljanzi fis-saħħa dejjem akbar fl-Unjoni.

L-Istati Membri bl-anqas numru ta’ aborti rrapportati(20) huma l-Ġermanja, il-Greċja, id-Danimarka u l-Portugall (b’varjetà ta’ bejn 7 u 9 aborti legali għal kull 1 000 mara tal-età bejn 15 u 44 sena), filwaqt li SM bl-ogħla numru ta’ aborti rrapportati huma l-Estonja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Latvja, l-Ungerija u l-Isvezja (b’varjetà bejn 35 għal 21 abort), segwiti mir-Renju Unit (17) u Franza (18).(21)

Minħabba l-konsegwenzi potenzjali għas-saħħa pubblika li jirriżultaw mill-projbizzjoni tal-abort, jidher evidenti li l-projbizzjoni tal-abort mhix se tinkoraġġixxi t-tnaqqis fir-rata tiegħu. pjuttost, ikun aktar effiċjenti li wieħed jiffoka fuq il-prevenzjoni ta’ tqala mhux mixtieqa.(22) Fl-aħħar mill-aħħar, hemm ftit wisq relazzjoni bejn il-legalità tal-abort u l-inċidenza tal-abort, hemm korrelazzjoni qawwija bejn il-legalità tal-abort u s-sikurezza tal-abort. Barra minn dan, skont id-WHO, “l-ispiża li jitwettaq abort sikur hija [. . .] wieħed minn għaxra tal-ispiża għat-trattament tal-konsegwenzi ta’ abort mhux sikur.”(23)

Ta’ min jinnota li l-attenzjoni attwali fuq il-politiki tal-familja minħabba l-kriżi demografika għandha wkoll impatti diretti u indiretti fuq l-għażliet politiċi li jsiru fir-rigward tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi. Jidher li hemm l-idea li l-projbizzjoni tal-abort tista’ żżid in-numru fit-twelid, u l-awtorizzazzjoni ta’ dan jista’ jkun fattur ta’ nuqqas fil-popolazzjoni. Din l-idea mhix appoġġata minn dejta konkreta, u aħna nemmnu li r-rata tat-twelid fl-Ewropa ċertament li tkun appoġġata b’mod aktar effiċjenti mit-titjib fil-possibilitajiet għall-ommijiet u l-missirijiet li jibbilanċjaw aħjar il-ħajja privata u professjonali tagħhom.

Infezzjonijiet Trażmessi Sesswalment

B’mod sistematiku l-UE tagħmel stħarriġ dwar ċerti STIs: HIV, sifilide, sifilide konġenita, gonorrea, klamidja, u lymphogranuloma venereum (LGV). Skont id-Deċiżjoni 2119/98/KE, l-Istati Membri huma mistennija li jissottomettu dejta relatata mal-varjabbli kollha meħtieġa; madankollu, dan mhux dejjem iseħħ fil-prattika, barra min-nuqqas ta’ kompletezza ta’ ċerti sistemi nazzjonali ta’ sorveljanza tal-STIs. Konsegwentement, it-tqabbil u l-identifikazzjoni ta’ tendenzi jistgħu jkunu bbażati fuq dejta insuffiċjenti jew noneżistenti.

Ir-rata medja ta’ każijiet ġodda ta’ HIV fis-sena fl-Istati Membri hija ta’ 5.7 għal kull 100 000 ruħ, bir-rati l-aktar baxxi fl-2010 irrapportati mis-Slovakkja (0.5) u r-Rumanija (0.7) u l-ogħla rati rrapportati mill-Estonja (27.8), il-Latvja (12.2), il-Belġju (11) u r-Renju Unit (10.7). Minn dejta aggregata skont l-età, 11 % ta’ każijiet ġodda ta’ HIV kienu fost żgħażagħ tal-età bejn 15 u 24 sena.(24)

Huwa importanti li l-Kummissjoni Ewropea (KE) u l-Istati Membri jindirizzaw is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi speċifiċi u l-bżonnijiet ta’ nisa li jgħixu bl-HIV, bħala parti minn approċċ olistiku sabiex titwaqqaf l-epidemija. Dan jista’ jinkiseb bl-espansjoni tal-aċċess għal programmi ta’ kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva, l-integrazzjoni ta’ aċċess għal ittestjar u trattament ta’ HIV/AIDS, appoġġ bejn il-pari, servizzi ta’ konsulenza u ta’ prevenzjoni, u bit-treġġigħ lura tal-fatturi soċjoekonomiċi sottostanti li jikkontribwixxu għar-riskju tan-nisa għal HIV/AIDS, bħall-inugwaljanza bejn is-sessi, diskriminazzjoni, u nuqqas ta’ protezzjoni għad-drittijiet tal-bniedem.

Vjolenza relatata ma’ drittijiet sesswali u riproduttivi

Huwa stmat li seba’ nisa minn kull għaxra jesperjenzaw vjolenza fiżika u/jew sesswali fil-ħajja tagħhom. Il-vjolenza bbażata fuq is-sess hija forma ta’ diskriminazzjoni li xxekkel b’mod serju l-abilità tagħhom li jgawdu drittijiet u libertajiet fuq bażi ta’ ugwaljanza mal-irġiel. Il-vjolenza sesswali għandha impatt devastanti tul il-ħajja fuq is-saħħa psikoloġika u fiżika u l-benesseri tal-vittmi u ta’ dawk li jgħaddu minn din il-vjolenza. Ir-rispett u l-promozzjoni ta’ saħħa sesswali u riproduttiva, u l-protezzjoni u t-tisħiħ ta’ drittijiet riproduttivi huma kundizzjoni meħtieġa biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi u tingħata s-setgħa lin-nisa sabiex huma jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tagħhom kollha, u għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta’ vjolenza kontra n-nisa.

Għandha tingħata wkoll attenzjoni partikolari lil prattiki tradizzjonali ta’ dannu, bħall-mutilazzjoni/qtugħ tal-ġenitali tan-nisa, żwieġ kmieni u sfurzat, minħabba li dawn il-prattiki jista’ jkollhom effett dannuż fuq il-benesseri, ir-relazzjonijiet sesswali, it-tqala, u t-twelid, iżda wkoll fuq il-komunitajiet.

Is-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi fl-Għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp

Is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma elementi essenzjali għad-dinjità tal-bniedem u l-iżvilupp tal-bniedem, u huma bażi ewlenija għall-progress soċjali u ekonomiku. Dejta miġbura reċentement turi sfidi gravi persistenti fi kwistjonijiet ta’ saħħa sesswali u riproduttiva madwar id-dinja, u b’mod aktar partikolari f’pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Minbarra li tipproduċi impenji ta’ politika b’saħħithom, l-UE għandha wkoll tieħu r-rwol tagħha bħala attur tal-iżvilupp u politiku fil-ġlieda għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi. L-UE għandha rwol importanti fil-promozzjoni, l-infurzar u d-difiża ta’ drittijiet għas-saħħa sesswali u riproduttiva fil-livell internazzjonali, inkluż fil-qafas tal-iżvilupp għal wara l-2015, biex tiżgura li l-popolazzjoni u s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi jingħataw prijorità fit-tfassil tal-qafas tal-iżvilupp globali għal wara l-2015 u s-segwitu għall-konferenza ta’ Rio+20.

L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu biex iħaffu l-progress sabiex jinkiseb l-Għan ta’ Żvilupp tal-Millennju Nru 5, u ż-żewġ miri tiegħu billi tiġi indirizzata s-saħħa riproduttiva, materna, tat-trabi tat-twelid u tat-tfal b’mod komprensiv. Dan jista’ jinkludi l-provvista ta’ servizzi ta’ ppjanar tal-familja, kura qabel it-twelid, assistenza minn professjonisti tal-kura tas-saħħa, kura ostetrika u tat-trabi tat-twelid ta’ emerġenza, kura għal wara t-twelid u metodi ta’ prevenzjoni u trattament ta’ mard u infezzjonijiet trażmessi sesswalment, bħall-HIV. L-Istati Membri għandhom jippromwovu wkoll sistemi li jipprovdu aċċess ugwali għal servizzi integrati ta’ kura tas-saħħa affordabbli, ekwi u ta’ kwalità għolja, u jinkludu kura preventiva u klinika bbażata fil-komunità.

Il-KE jista’ jkollha rwol importanti, billi tiżgura li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp Ewropew tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem b’attenzjoni espliċita u miri konkreti fuq is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi.

(1)

Il-Fond għall-Iżvilupp tan-NU (2011). Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2011: Sostenibilità u Ugwaljanza: Futur Aħjar għal Kulħadd, Nota Teknika 3.

(2)

Kif muri mid-dejta ta’ indikazzjoni użata biex jiġi kkalkulat l-Indiċi tal-Inugwaljanza bejn is-Sessi. UNDF(2011). Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2011: Sostenibilità u Ugwaljanza: Futur Aħjar għal Kulħadd. Anness bl-Istatistika, Tabella 4.

(3)

Ir-riżoluzzjoni tal-PE tat-12 ta’ Marzu 2013 dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa.

(4)

Il-Kumitat għall-Politika Globali tad-WHO (1994). Il-Karta ta’ Pożizzjoni dwar is-Saħħa, il-Popolazzjoni u l-iżvilupp għall-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, il-Kajr 5-13 ta’ Settembru 1994, p. 24, paragrafu 89.

(5)

WHO (2006): Niddefinixxu s-saħħa sesswali: Rapport ta’ konsultazzjoni teknika dwar saħħa sesswali; 28-31 ta’ Jannar 2002, Ġinevra.

(6)

Yamin, A. E. (Ed.), 2005, Learning to dance: Advancing women’s reproductive health and well-being from the perspectives of public health and human rights, Cambridge, Harvard University Press. (Nitgħallmu niżfnu: L-avvanz tas-saħħa u l-benesseri riproduttiva tan-nisa mill-perspettivi ta’ saħħa pubblika u drittijiet tal-bniedem, Cambridge, Harvard University Press.) (Nitgħallmu niżfnu: L-avvanz tas-saħħa u l-benesseri riproduttiva tan-nisa mill-perspettivi ta’ saħħa pubblika u drittijiet tal-bniedem, Cambridge, Harvard University Press.)

(7)

Wieħed jassumi li “pajjiżi b’1-10 mewta għal kull 100 000 twelid għandhom prestazzjoni essenzjalment fuq l-istess livell u li d-differenzi huma każwali", ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(8)

Il-Grupp tal-Interaġenziji dwar l-Istima tal-Mortalità Materna tan-NU (2012) Tendenzi fil-mortalità materna bejn l-1990 u l-2010: l-istimi tad-WHO, l-UNICEF, l-UNFPA u l-Bank Dinji.

(9)

UNDF(2011). Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2011: Sostenibilità u Ugwaljanza: Futur Aħjar għal Kulħadd. Anness bl-Istatistika, Tabella 4.

(10)

Beaumont, K; Maguire, M; Schulze, E; Il-Parlament Ewropew (2013): Politiki għall-edukazzjoni dwar is-sesswalità fl-Unjoni Ewropea, disponibbli mill-websajt: http://www.europarl.europa.eu/committees/en/femm

(11)

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (Ġunju 2012) Infezzjonijiet Trażmessi Sesswalment fl-Ewropa 1990-2010.

(12)

Numru annwali ta’ twelid lil bniet tal-età bejn 15 u 19-il sena għal kull 1 000 tifla f’dak il-grupp ta’ età.

(13)

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (Ġunju 2012) Infezzjonijiet Trażmessi Sesswalment fl-Ewropa 1990-2010.

(14)

WHO (2012): Saħħa sesswali u riproduttiva: fatti u ċifri dwar l-abort fir-reġjun Ewropew.

(15)

Ara r-Reviżjoni tal-UN ICPD Lil Hinn mill-2014 (Lulju 2012), Profili ta’ Implimentazzjoni tal-Pajjiżi; Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ippjanar tal-Familja (Mejju 2012), il-Leġiżlazzjoni tal-Abort fl-Ewropa.

(16)

IPPF (Mejju 2012). Il-Leġiżlazzjoni dwar l-Abort fl-Ewropa.

(17)

Ir-Rapport ta’ Christine McCafferty tal-Kunsill tal-Ewropa, L-aċċess tan-nisa għal kura medika legali: il-problema tal-użu mhux regolat tal-oġġezzjoni ta’ kuxjenza, 20.07.2010, u r-Riżoluzzjoni 1763 (2010) tal-Assemlea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(18)

WHO (It-tieni edizzjoni, 2012), L-abort sikur: gwida teknika u politika għal sistemi tas-saħħa

(19)

IPPF (Mejju 2012), Il-Leġiżlazzjoni tal-Abort fl-Ewropa.

(20)

Bl-esklużjoni tal-Istati Membri bl-aktar politiki restrittivi (l-Irlanda, il-Polonja, il-Lussemburgu, Malta).

(21)

Id-dejta għall-Awstrija, Ċipru, il-Lussemburgu u Malta mhix disponibbli. Id-Dipartiment għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali tan-NU: It-Tqassim tal-Popolazzjoni (Marzu 2011), Politiki dwar l-Abort fid-Dinja 2011.

(22)

IPPF (Mejju 2012), Il-Leġiżlazzjoni tal-Abort fl-Ewropa.

(23)

WHO (2012): Saħħa sesswali u riproduttiva: fatti u ċifri dwar l-abort fir-reġjun Ewropew.

(24)

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)/ l-Uffiċċju Reġjonali għall-Ewropa tad-WHO, sorveljanza ta’ HIV/AIDS fl-Ewropa 2011.


OPINJONI TAL-MINORANZA

ta' Anna Zaborska

Din ir-riżoluzzjoni mhux vinkolanti tikser it-Trattat tal-UE u ma tistax tintuża biex tintroduċi dritt għall-abort, jew kontra l-implimentazzjoni sħiħa ta' ECI(2012)000005. L-ebda trattat internazzjonali li huwa legalment vinkolanti u la l-KEDB u lanqas id-dritt internazzjonali konswetudinarju ma jistgħu jiġu ċċitati bi preċiżjoni bħala strumenti li jistabbilixxu jew jirrikonoxxu tali dritt. L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE għandhom jibqgħu newtrali dwar il-kwistjoni tal-abort. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma (C-34/10) li kwalunkwe bajda femminili wara l-fertilizzazzjoni tikkostitwixxi embriju uman li għandu jiġi protett. Id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tiddikjara li t-tfal kollha għandhom id-dritt għal protezzjoni legali qabel it-twelid kif ukoll wara. L-assistenza tal-Unjoni m'għandha tingħata lill-ebda awtorità jew organizzazzjoni li tippromwovi, tappoġġa jew tipparteċipa fil-ġestjoni ta' kwalunkwe azzjoni li tinvolvi l-abort. Id-dritt tal-bniedem għal oġġezzjoni tal-kuxjenza flimkien mar-responsabbiltà tal-Istat li jiżgura li l-pazjenti jkunu jistgħu jaċċedu għal kura medika legali b’mod partikolari f’każijiet ta’ emerġenza relatati mal-kura tas-saħħa ta’ qabel it-twelid u tal-omm, għandu jinżamm; L-ebda persuna, sptar jew istituzzjoni m'għandha tiġi furzata jew miżmuma responsabbli jew tiġi soġġetta għal diskriminazzjoni bl-ebda mod minħabba li tkun ċaħdet li twettaq, takkomoda, tassisti jew tissottometti għal prattiki li jistgħu jikkawżaw il-mewt tal-embriju uman.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (10.7.2013)

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar is-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi

(2013/2040(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Michael Cashman

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinsisti li l-aċċess universali għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi (SRHR) huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-kooperazzjoni tal-iżvilupp u l-qafas ta’ żvilupp globali futur jadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u jkun iffukat b’mod qawwi u espliċitu, kif ukoll ikollu miri konkreti u indikaturi kalkulabbli dwar l-SRHR, waqt li jagħti prijorità lill-għoti ta’ setgħa u lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri tan-nisa u taż-żgħażagħ;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, li fil-prijoritajiet tagħha ta' żvilupp iżżomm it-tneħħija tal-ostakli kollha biex ikun jista' jkun hemm aċċess għal servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva ta’ kwalità, għall-but ta’ kulħadd, aċċettabbli u aċċessibbli, servizzi tal-kura tas-saħħa ta’ qabel it-twelid u materna, inkluż l-ippjanar volontarju tal-familja, l-aċċess għall-kontraċettivi u l-abort sikur, u servizzi favur iż-żgħażagħ, filwaqt li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri li twassal għal aborti selettivi skont il-ġeneru aborti involontarji, sterilizzazzjoni furzata u vjolenza sesswali, kif ukoll tkun żgurata l-provvediment ta' provvisti tas-saħħa sesswali u riproduttiva, prodotti meħtieġa għall-kura tas-saħħa ta’ qabel it-twelid u tal-maternità, il-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ tal-HIV, mingħajr diskriminazzjoni;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti lok għal linja speċifika dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi taħt il-linji tematiċi tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, kif ukoll finanzjament suffiċjenti għall-aġenda wiesgħa tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi fl-istrumenti xierqa kollha;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-integrazzjoni tal-proċessi ICPD+20, Bejġing+20 u Rio+20 fi ħdan il-qafas ta’ wara l-2015;

5.  Jirrikonoxxi li l-aċċess universali għal kura u servizz tas-saħħa ta’ kwalità, inklużi s-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, kura tas-saħħa ta’ qabel it-twelid u dik materna, u l-edukazzjoni, jikkontribwixxu għal żvilupp inklużiv u sostenibbli u għat-tnaqqis tal-mortalità tat-trabi, tat-tfal u dik materna, kif ukoll għall-għoti ta’ setgħa lin-nisa u ż-żgħażagħ u li, għalhekk, din hija strateġija tas-saħħa pubblika u tal-iżvilupp kosteffikaċi ħafna;

6.  Jinsisti li jeħtieġ li s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi jkollhom l-għeruq tagħhom fl-istrumenti internazzjonali eżistenti tad-drittijiet tal-bniedem u d-dokumenti ewlenin ta’ kunsens politiku; jiddispjaċih li l-pożizzjoni formulata mill-UE bi tħejjija għall-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20), li rrikonoxxiet li s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma kwistjoni li għandha rabtiet ma’ aspetti oħra tal-iżvilupp, ma ġietx riflessa fid-dokument finali tan-NU, minħabba li l-UE ma kellhiex leħen wieħed unifikat;

7.  Iħeġġeġ lill-UE tiżgura li d-dinamiki tal-popolazzjoni u rabtiet mal-iżvilupp inklużiv u sostenibbli u s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi jkunu prijorità fit-tfassil tal-qafas tal-iżvilupp dinji post-2015, fejn l-individwi kollha jistgħu iwettqu d-drittijiet tal-bniedem tagħhom, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, indipendentement mill-istatus soċjali tagħhom, mill-età, l-orjentament sesswali, l-identità tal-ġeneru, ir-razza, l-etniċità, diżabilità, reliġjon jew twemmin tagħhom; jinsisti li l-UE trid titkellem b’leħen unifikat, koerenti u mexxej dwar din il-kwistjoni;

8.  Jinsisti li meta n-nisa, l-bniet u l-koppji jingħataw il-libertà fundamentali li jieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħajja sesswali u riproduttiva tagħhom, inkluż anke dwar jekk għandhomx ikollhom tfal u meta, jinħolqu opportunitajiet għalihom biex iwettqu attivitajiet bħall-edukazzjoni u x-xogħol li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza tal-ġeneri, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp inklużiv u sostenibbli; jinnota li meta familja tkun tista’ tagħżel li jkollha inqas tfal, b’aktar żmien bejn twelid u ieħor, jinħoloq il-potenzjal ta’ aktar investiment fl-edukazzjoni u s-saħħa ta' kull tifel jew tifla;

9.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jżommu l-impenji li ħadu għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u r-riżultati tal-konferenzi ta’ reviżjoni tagħhom;

10. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), u b’mod partikolari lid-Delegazzjonijiet tal-UE fuq il-post, biex ikunu konxji sew mis-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u mill-kura tas-saħħa ta’ qabel it-twelid u dik materna bħala fatturi importanti għall-iżvilupp inklussiv u sostenibbli, fil-kuntest tal-iżvilupp tal-bniedem, il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem, l-għoti tas-setgħa ekonomika liż-żgħażagħ u n-nisa fil-livell nazzjonali, kif ukoll mill-fatturi importanti għall-proċess ta’ programmar tal-UE attwali għall-perjodu 2014-2020;

11. Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE biex jaħdmu mal-gvernijiet relevanti biex ifasslu u jimplimentaw politiki li jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-valur tan-nisa u l-bniet fis-soċjetà, biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi fuq il-bażi tal-ġeneru, id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet u n-normi soċjali li jirregolaw il-preferenza ta’ wild maskili li hi l-kawża ewlenija tal-għażliet qabel it-twelid fuq il-bażi tal-ġeneru, l-infantiċidju femminili u l-abort ta’ feti femminili, kif ukoll iż-żwiġijiet furzati bikrija u l-mutilazzjoni ġenitali femminili; jenfasizza li l-isforzi biex tiġi limitata s-selezzjoni tal-ġeneru m'għandhomx ixekklu jew jillimitaw id-dritt tan-nisa li jkollhom aċċess għal teknoloġiji u servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

12. Iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet li jirċievi fondi tal-UE għall-HIV/AIDS u/jew protezzjoni tas-saħħa biex jiżviluppaw strateġija ċara, konċiża u trasparenti ta’ kif jistgħu jintegraw id-drittijiet u s-saħħa sesswali u riproduttivi u l-prevenzjoni primarja tal-HIV fl-interventi tagħhom;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-SEAE jappoġġaw is-sjieda u t-tmexxija ta’ gvernijiet nazzjonali, ta’ awtoritajiet lokali u tas-soċjetá ċivili dwar il-provvista u l-promozzjoni tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, li huma universali u jridu jkunu bbażati fuq responsabilitajiet maqsuma.

14. Jistieden lill-UE tippromwovi r-riċerka u l-iżviluppi ta’ teknoloġiji tal-prevenzjoni, dijanjosi u trattament ġodda u mtejba li jkunu aċċettabbli, bi prezz li jista' jintlaħaq minn kulħadd u aċċessibbli, u li jimmiraw lejn is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u lejn il-mard tropikali relatat mal-faqar u dak li jiġi traskurat, li jxekkel ħafna s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi fil-familji b’introjtu baxx u medju, u li flimkien huma l-kawżi ewlenija tal-imwiet materni u tat-tfal;

15. Jitlob lill-Parlament Ewropew jindirizza l-ksur tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttiva fir-rapport annwali tiegħu dwar 'id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni';

16. Ifakkar li n-nisa fid-dinja kollha li jkollhom tqala mhux mixtieqa għandu jkollhom aċċess faċli għal informazzjoni affidabbli u servizz ta’ pariri; ifakkar li għandhom jiġu offruti wkoll servizzi u assistenza tal-kura tas-saħħa ta’ kwalità u komprensivi;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.7.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Véronique De Keyser, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Mikael Gustafsson, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, Jean Roatta, Michèle Striffler, Keith Taylor, Ivo Vajgl, Anna Záborská, Iva Zanicchi

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Emer Costello, Santiago Fisas Ayxela, Enrique Guerrero Salom, Edvard Kožušník, Isabella Lövin, Cristian Dan Preda

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Kozłowski


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

7

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Emine Bozkurt, Andrea Češková, Tadeusz Cymański, Edite Estrela, Zita Gurmai, Mikael Gustafsson, Mary Honeyball, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Astrid Lulling, Ulrike Lunacek, Elisabeth Morin-Chartier, Norica Nicolai, Angelika Niebler, Siiri Oviir, Antonyia Parvanova, Joanna Senyszyn, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Britta Thomsen, Marina Yannakoudakis, Anna Záborská, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Minodora Cliveti, Mariya Gabriel, Nicole Kiil-Nielsen, Christa Klaß, Katarína Neveďalová, Antigoni Papadopoulou, Michèle Striffler

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eva Lichtenberger

Avviż legali - Politika tal-privatezza