RAPPORT dwar ir-rapport ta’ implimentazzjoni 2013: l-iżvilupp u l-applikazzjoni tat-teknoloġija tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju fl-Ewropa

4.12.2013 - (2013/2079(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Chris Davies
Rapporteur għal opinjoni (*):
Vicky Ford, Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura


Proċedura : 2013/2079(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0430/2013
Testi mressqa :
A7-0430/2013
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapport ta’ implimentazzjoni 2013: l-iżvilupp u l-applikazzjoni tat-teknoloġija tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju fl-Ewropa

(2013/2079(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi tal-Parlment Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (id-Direttiva tas-CCS)[1]

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 dwar il-Futur tal-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju fl-Ewropa (COM(2013)0180),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 bl-isem ‘Qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030’ (COM(2013)0169),

–  wara li kkunsidra l-pakkett tal-UE dwar il-klima u l-enerġija ta’ Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0430/2013),

A.  billi l-Ġbir u Ħżin tad-Diossidu tal-Karbonju (CCS) huwa teknoloġija promettenti li tista' tkun l-uniku mezz biex jintlaħaq tnaqqis sinifikanti ta' CO2 minn sorsi industrijali u għandu l-potenzjal li jnaqqas b'mod sinifikanti l-emissjonijiet tas-CO2 minn impjanti tal-enerġija b'karburanti fossili, li jeħtieġ madankollu investiment u dimostrazzjoni fuq skala industrijali biex tiġi promossa l-innovazzjoni, jiġi żgurat it-tnaqqis tal-ispejjeż u tiġi kkonfermata s-sigurtà ambjentali tiegħu;

B.  billi l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija tbassar li l-karburanti fossili se jkomplu jipprovdu 75 % tat-taħlita tal-enerġija globali sal-2030, jissuġġerixxi li s-CCS huwa meħtieġ biex iwassal għal kważi 20 % ta' tnaqqis tas-CO2 meħtieġ sal-2050, u jsostni li jekk is-CCS ma jintużax, ikun jeħtieġ investiment addizzjonali ta' 40 % fl-elettriku biex tiġi evitata żieda fit-temperatura ta' iktar minn 2°C;

C.  billi s-CCS huwa l-unika teknoloġija li kapaċi tipprovdi tnaqqis qawwi tas-CO2 mis-setturi industrijali ewlenin inklużi dawk tal-azzar, tas-siment u tal-kimiċi u mir-raffineriji taż-żejt, u flimkien mal-użu tal-bijomassa għall-ġenerazzjoni tal-elettriku għandu l-potenzjal li jippromwovi tnaqqis nett fl-emissjonijiet tas-CO2;

D.  billi abbażi tal-livelli ta' użu attwali tal-karburanti fossili u l-projezzjonijiet futuri dwar l-użu tal-istess karburanti fossili, is-CCS jidher li huwa fundamentali biex jinkiseb l-għan li ż-żieda tat-temperatura globali tinżamm inqas minn 2°C;

E.  billi l-iżvilupp tas-CCS għandu jitqies bħala strateġija komplementari għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju;

F.  billi fl-2007 il-Kapijiet ta’ Gvern tal-UE aspiraw li jkollhom sa 12-il impjant ta’ dimostrazzjoni tas-CCS li jkunu qed jopweraw sal-2015, iżda minħabba li l-vijabbiltà finanzjarja tagħhom kienet tiddependi fuq il-fatt li jkun hemm prezz għoli tal-karbonju, issa dawn l-ambizzjonijiet ma jistgħux jintlaħqu;

G.  billi l-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija m’għandux iservi ta' inċentiv biex jiżdied il-proporzjon tal-impjanti tal-enerġija b'karburanti fossili;

H.  billi l-UE qed titlef it-tmexxija teknoloġika tagħha fis-CCS u – bi proġett wieħed biss li għadu qed jiġi kkunsidrat għall-iffinanzjar tal-istrument NER300, u l-proġetti tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru twaqqfu jew ġew sospiżi – issa m’għandha l-ebda politika effettiva biex tippromwovi l-iżvilupp tal-proġetti emblematiċi tas-CCS;

I.  billi l-pubbliku ġenerali għandu dejjem jirċievi stampa sħiħa u ċara tal-vantaġġi tas-CCS u tat-theddid possibbli mis-CCS qabel ma jiġi żviluppat kwalunkwe proġett fuq skala kummerċjali;

Żieda fl-ambizzjonijiet

1.  Jirrikonoxxi li t-tħaddim tas-CCS għandu l-potenzjal li jippermetti lill-UE tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha ta’ livell baxx tal-karbonju fl-2050 bl-anqas spejjeż possibbli u li huwa meħtieġ partikolarment għad-dekarbonizzazzjoni tal-industriji li jarmu ħafna CO2; jemmen li jista' jikkontribwixxi wkoll għad-diversità u s-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija filwaqt li jżomm u joħloq opportunitajiet ta' xogħol; jafferma l-bżonn urġenti li tkun żviluppata firxa ta’ katina sħiħa ta’ proġetti ewlenin tas-CCS sabiex jiġu identifikati l-aqwa u l-aktar soluzzjonijiet ekonomikament vantaġġużi, u jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi għanijiet biex jintlaħaq dan l-objettiv; japprezza li, minħabba l-investiment sostanzjali neċessarju, jinħtieġu strumenti addizzjonali għas-sistema għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS) tal-UE biex titħeġġeġ ir-riċerka u l-applikazzjoni teknika u sikura tas-CCS;

2.  Jemmen li minkejja li s-CCS jista’ joffri parti mis-soluzzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet sabiex jiġu limitati l-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta’ serra, ikun aħjar jekk l-Istati Membri jirnexxielhom jilħqu dawn l-għanijiet mingħajr l-użu tas-CCS;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi t-tħaddim tas-CCS mhux biss b'rabta mal-ġenerazzjoni tal-enerġija tal-faħam u l-gass iżda b'rabta wkoll ma' firxa ta' setturi industrijali bħall-kimiċi, il-metallurġija, il-ħadid u l-azzar, is-siment u r-raffineriji; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tindirizza l-kwistjoni tat-tnedija tas-CCS fi ħdan il-qafas tal-klima u l-enerġija 2030, u għandha tressaq proposti għall-promozzjoni tal-kostruzzjoni bikrija ta' proġetti ewlenin tas-CCS;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri b'effetti mifruxa biex iħeġġu l-kooperazzjoni internazzjonali u biex jippromwovu l-użu tat-teknoloġiji li jtaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima, sabiex jiggwidaw lill-ekonomiji li qed jespandu fid-direzzjoni ta’ alternattivi ta’ żvilupp, li jinkludu pereżempju s-CCS, b'livell baxx ta' karbnonju;

5.  Jemmen li l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Azzar għandu jagħmel referenza speċifika għall-ħtieġa li jiġu żviluppati proġetti ewlenin tas-CCS f’dan is-settur;

Ir-rwol prinċipali tal-Istati Membri

6.  Jirrikonoxxi li t-tħaddim tas-CCS ma jistax isir mingħajr l-appoġġ mill-Istati Membri u investituri privati, u li l-Membri għandhom dritt assolut u sovran biex jinkoraġġixxu jew jipprevjenu l-applikazzjoni tiegħu; jinnota li filwaqt li ċerti Stati Membri indikaw li ma jistennewx li s-CCS jintuża fl-istrateġiji ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom, dan m'għandux jiskoraġġixxi inizjattivi minn dawk li jikkunsidraw li t-teknoloġija jista' jkollha rwol effettiv fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju;

7.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-Parlament sejjaħ għal leġiżlazzjoni li teżiġi li kull Stat Membru jipproduċi strateġija għal livell baxx ta’ karbonju sal-2050; jissuġġerixxi li dawn il-pjanijiet direzzjonali nazzjonali għandhom ikunu aġġornati kull ħames snin; jistenna li jindikaw jekk u kif is-CCS għandu jintuża mill-Istati Membri kkonċernati;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jħejju u jippubblikaw pjanijiet direzzjonali nazzjonali lejn livell baxx ta' karbonju qabel il-konferenza tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima fl-2015;

9.  Jenfasizza li, fl-assenza ta' prezz għoli tal-karbonju, l-Istati Membri li jixtiequ jipprovmovu t-tħaddim tas-CCS għandhom ir-rwol prinċipali li jipprovdu flussi ta' dħul trasparenti u tali appoġġ finanzjarju ieħor skont kif ikun meħtieġ biex jassiguraw il-kostruzzjoni u l-operazzjoni ta' proġetti ewlenin, filwaqt li jippermettu lill-operaturi li jaffaċċjaw spejjeż għoljin tal-innovatur biex jassiguraw ritorn fuq l-investiment tagħhom; jinnota li jistgħu jinħtieġu arranġamenti regolatorji xierqa jekk is-CCS għandu jitħaddem fuq bazi kummerċjali; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jintlaħqu l-istandards tas-sigurtà ambjentali;

Ir-regolament u l-iffinanzjar tal-UE

10.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-ħolqien ta’ fond ta’ investiment għall-innovazzjoni industrijali tal-UE sabiex tappoġġja l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi li ma jagħmlux ħsara lill-klima, inkluż il-proġetti ewlenin tas-CCS, teknoloġiji innovattivi oħra b'livell baxx ta’ karbonju, u miżuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn industriji intensivi fl-enerġija u l-proċessi tagħhom; jissuġġerixxi li dan ikun iffinanzjat mill-bejgħ tal-kwoti mill-ETS tal-UE; jenfasizza li dan m'għandux iwassal għal domanda ġdida fuq il-baġit tal-UE; jirrikonoxxi li fit-tfassil tal-parametri għall-użu ta’ tali fondi għandhom jiġu kkunsidrati l-lezzjonijiet meħuda mil-limitazzjonijiet u n-nuqqas ta’ flessibbiltà tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament eżistenti tan-NER300;

11.  Jemmen li l-istrateġiji u l-politiki tas-CCS għandhom jitfasslu biss abbażi ta’ evidenza soda tal-impatt pożittiv li se jkollhom fuq l-ambjent, fuq l-istabbiltà tal-industrija tal-UE, fuq l-impjiegi fl-UE u fuq l-affordabilità tal-prezzijiet tal-enerġija għall-pubbliku u għall-industrija;

12.  Jemmen li l-appoġġ għas-CCS fuq terminu itwal għandu prinċipalment jiġi minn sinjal tal-prezz tas-CO2 xieraq, iżda jissuġġerixxi li kwalunkwe appoġġ finanzjarju interim meħtieġ mill-Istati Membri jew mill-UE l-aħjar jiġi mill-produzzjoni u l-importazzjoni tal-karburanti fossili prinċipalment responsabbli għall-emissjonijiet tas-CO2; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tiffaċilita d-dibattitu dwar l-għażliet possibbli biex tagħmel analiżi tas-sistemi li jeħtieġu x-xiri taċ-ċertifikati tas-CCS li jixhdu l-emissjonijiet tas-CO2 evitati, permezz ta' ħżin jew trattament, proporzjonalment mas-CO2 li jifforma parti mill-karburanti fossili mqiegħda fis-suq;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprepara linji gwida għall-Istati Membri fir-rigward tal-bosta mekkaniżmi finanzjarji u oħrajn li jistgħu jużaw biex jappoġġjaw u jinċentivaw l-iżvilupp tas-CCS, u biex ikollhom aċċess għall-fondi ta' appoġġ fi ħdan il-baġit tal-UE;

14.  Jinnota d-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jipprojbixxi s-self għall-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija bil-faħam li jarmu aktar minn 550g CO2/kWh; jenfasizza li mingħajr appoġġ finanzjarju biex jiġu żviluppati s-CCS, huwa importanti li jkun hemm introduzzjoni ta’ standards strinġenti ta’ rendiment għall-emissjonijiet;

15.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra kif jista’ jsir użu mill-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar tal-UE biex tappoġġja d-dimostrazzjoni prekummerċjali tas-CCS f’dawn is-setturi industrijali;

16.  Japprezza l-inkoraġġiment mogħti mill-gvern Norveġiż għal proġetti tas-CCS fl-UE u jesprimi x-xewqa li fin-negozjar tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, issir talba għall-appoġġ finanzjarju għall-proġetti ewlenin tas-CCS;

17.  Jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta l-benefiċċji tal-adozzjoni u l-iżvilupp tal-proġett pilota tas-CCS ta' Ciuden, fi Spanja, li rċieva madwar EUR 100 miljun bħala appoġġ finanzjarju minn sorsi tal-UE, bħala faċilità Ewropea għall-ittestjar tat-teknoloġiji tal-qbid u l-ħżin tas-CO2 intern;

It-trasport u s-siti għall-ħżin

18.  Jirrikonoxxi li jista’ jsir iffrankar finanzjarju sinifikanti jekk jiġu stabbiliti gruppi ta’ installazzjonijiet industrijali ta’ CCS moqdija mill-istess pipelines jew sistemi oħra tat-trasport tas-CO2; jissuġġerixxi li l-operaturi tal-impjanti ma jistgħux ikunu mistennija li jqisu r-rekwiżiti futuri ta’ installazzjonijiet oħra, u li investimenti prinċipali bħal trunk pipelines li eventwalment għandhom l-għan li jġorru s-CO2 minn diversi sorsi jistgħu jkunu żviluppati permezz ta' sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat; jenfasizza li l-Istati Membri li qed ifittxu t-tħaddim tas-CCS jista' jkollhom rwol dirett sabiex jiżguraw il-provvediment ta’ trasport tas-CCS u jiddeterminaw id-disponibbiltà ta’ infrastruttura ta’ ħżin;

19.  Jitlob kooperazzjoni eqreb mal-Istati Uniti u l-Kanada, fil-forma ta’ skambju ta’ kompetenzi u l-aħjar prattiki fid-dawl tal-attivitajiet imwettqa fir-rigward tas-CCS fil-kuntest tad-Djalogu Bilaterali bejn il-Kanada u l-Istati Uniti dwar l-enerġija nadifa;

20.  Jinsisti li teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju għandhom jitqiesu bħala komplementari u mhux bħallikieku qed jikkompetu ma' xulxin; jenfasizza l-fatt li kemm l-enerġija rinnovabbli kif ukoll is-CCS għandhom rwol fil-futur tat-taħlita tal-enerġija tal-UE u li s-CCS m'għandux isir għad-detriment biex jintlaħaq l-għan obbligatorju tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli; jitlob li l-miżuri jippromwovu l-użu taż-żewġ teknoloġiji proposti fi ħdan il-qafas dwar il-klima u l-enerġija 2030;

21.  Jinnota li l-ġeoloġija tal-Ewropa tista' tipprovdi abbundanza ta' siti potenzjali għas-sekwestru permanenti ta' kwantitajiet kbar ta' CO2, partikolarment taħt il-Baħar tat-Tramuntana 'l bogħod mill-abitazzjoni mill-bniedem; jappoġġja l-miżuri u l-finanzjament mill-UE sabiex tiġi stabbilita definizzjoni komuni tal-karattru ta’ sit ta’ ħżin, jiġu identifikati l-postijiet ta’ ħżin xierqa fl-Ewropa, jiġu żviluppati l-proġetti pilota u jkunu ppreparati s-siti ta’ ħżin fuq skala kummerċjali fit-teritorju ta' Stati Membri li jagħtu l-appoġġ tagħhom;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-produzzjoni ta’ atlas Ewropew ta’ siti ta’ ħżin potenzjali tas-CO2;

23.  Jirrikonoxxi li l-Artikolu 6 tal-Protokoll ta' Londra ġie emendat b'mod li m'għadx għandu bżonn jipprovdi barriera għat-trasportazzjoni transkonfinali tas-CO2 għas-sekwestru; jinnota, madankollu, li r-ratifika ta' din il-bidla tista' tieħu ħafna snin; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara jekk hemmx ċirkustanzi fejn tippermetti t-trasferiment transkonfinali tas-CO2 qabel ir-ratifika tal-Protokoll;

Ir-responsabbiltajiet tal-ħżin

24.  Jinnota t-tħassib ta' xi żviluppaturi potenzjali tas-CCS li r-rekwiżiti u l-obbligazzjonijiet imposti fuqhom għall-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 f'siti approvati minn Stati Membri m'humiex ikkwantifikati u huma eċċessivi; ifakkar, madankollu, ir-regoli dwar ir-responsabbiltà għall-ħżin tas-CO2 stabbiliti fid-Direttiva dwar il-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 (id-Direttiva tas-CCS) u l-obbligi tad-detenturi ta’ permess tal-ħżin.

25.  Jaċċetta bis-sħiħ li kwalunkwe rilaxx aċċidentali tas-CO2 minn sit ta' ħżin għandu jkun evitat u li l-integrità ambjentali tal-proġett għandha tkun protetta skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva tas-CCS; jistieden lill-Kummissjoni toffri gwida fir-rigward tal-livell sa fejn id-dettalji tal-arranġamenti ta' konformità għandhom ikunu ddeterminati minn qabel permezz ta' negozjati bejn l-operaturi potenzjali u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konċernati;

26.  Jinnota li d-Direttiva tas-CCS tagħti lill-Istati Membri flessibbiltà wiesgħa sabiex jiddeterminaw is-sigurtà finanzjarja li għandha tkun ipprovduta mill-operaturi tas-CCS u l-perjodu li qablu r-responsabbiltà għal sit ta’ ħżin magħluq tiġi ttrasferita lill-awtorità kompetenti; jissuġġerixxi li l-Istati Membri li qed ifittxu li jippromwovu l-iżvilupp tas-CCS irid ikollhom rwol intraprenditorjali akbar u jaċċettaw sehem akbar tar-responsabbiltajiet milli huwa mifhum bħalissa;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-dokumenti ta’ gwida tagħha dwar id-Direttiva CCS sabiex jiġu ċċarati dawn il-punti;

28.  Jissuġġerixxi li r-rekwiżit tad-Direttiva tas-CCS, li f’każ ta’ rilaxx ta’ CO2 l-operaturi għandhom iċedu l-kwoti, ma jqisx l-isforzi ta’ rimedji għalja meħtieġa; jibża’ li dan l-obbligu jpoġġi ostakolu ieħor fit-triq għall-iżvilupp tas-CCS; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi reviżjoni għall-evalwazzjoni tagħha tad-Direttiva tas-CCS;

Status ta’ tlestija ta’ qbid u ħżin

29.  Jinsisti li mhuwiex aktar aċċettabbli li jsir investiment f’impjanti tal-enerġija jew installazzjonijiet industrijali li għandhom il-probabbiltà li jarmu kwantitajiet kbar ta’ CO2 mingħajr ma jitqies il-mod ta' kif dan jista’ jitnaqqas fil-futur;

30.  Jenfasizza li, skont stħarriġ tal-Ewrobarometru, il-popolazzjoni Ewropea għadha ftit li xejn konxja dwar is-CCS, iżda li dawk li huma infurmati x'aktarx li jappoġġjawha; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-komunikazzjoni sabiex iqajmu kuxjenza pubblika dwar is-CCS, u jemmen li għarfien usa' tas-CCS huwa kruċjali għall-aċċettazzjoni pubblika, u għaldaqstant għall-implimentazzjoni tas-CCS;

31.  Jinnota li l-Istati Membri huma awtorizzati li jevalwaw b’modi differenti d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tas-CCS li jirrikjedu evalwazzjoni tal-kapaċità tal-qbid, it-trasport u l-ħżin u li dan għandu jsir qabel ma jiġu mogħtija l-liċenzji ta’ operazzjoni għall-impjanti tal-enerġija;

32.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tissuġġerixxi li tista’ tkun kundizzjoni tal-kostruzzjoni, fl-Istati Membri li jkunu ddeċidew li jagħmlu użu mit-teknoloġija tas-CCS, li jkun hemm preparazzjoni adegwata għall-implimentazzjoni tas-CCS, jew għal miżuri oħra biex inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 b'mod sinifikanti, għall-impjanti tal-enerġija b’karburanti fossili ġodda kollha u installazzjonijiet industrijali b’emissjonijiet għolja ta’ daqs miftiehem, minbarra f’każi fejn hemm tnaqqis tad-domanda għall-elettriku l-aktar intensiva jew meta Stat Membru huwa konformi ma’ rekwiżit leġiżlattiv li jippubblika pjan direzzjonali li jindika kif se jilħaq l-għanijiet ta’ tnaqqis tas-CO2 sal-2050 mingħajr l-użu tas-CCS;

33.  Jitlob lill-Kummissjoni tanalizza u tippreżenta rapport dwar il-livell ta’ CCS li jkun jinħtieġ li jintuża sa ċerti dati ewlenin, pereżempju l-2030, sabiex is-CCS jagħti kontribut sinifikanti lill-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-2050;

Il-qbid u l-użu tal-karbonju

34.  Jilqa’ l-inizjattivi varji biex isir użu tas-CO2 b’modi li jitnaqqsu l-emissjonijiet globali fl-atmosfera u li jinħolqu prodotti alternattivi bħall-karburanti sostenibbli għat-trasport; jitlob, b’mod partikolari lill-Kummissjoni biex b’mod urġenti tevalwa l-potenzjal għall-użu sikur ta’ CO2 biex jitjieb l-irkupru taż-żejt u l-gass fl-UE;

o

o    o

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]    ĠU L140, 5.6.2009, p. 114.
  • [2]    ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 75.

NOTA SPJEGATTIVA

Ħames snin ilu kien hemm tama qawwija li l-Unjoni Ewropea tkun fuq quddiem fid-dinja fit-tħaddim tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju (CCS). Il-Kunsill Ewropew mhux biss ħaddan l-idea li jkun hemm 12-il proġett ta’ dimostrazzjoni ta’ CCS li jaħdmu sal-2015 iżda approva wkoll proposta mill-Parlament Ewropew għal mekkaniżmu ta’ ffinanzjar (NER300) li deher li x’aktarx kien se jipprovdi biżżejjed appoġġ lis-settur pubbliku biex dan isir.

Dan kollu kien għall-ġid. Jekk l-emissjonijiet globali tas-CO2 għandhom ikunu mnaqqsa b’mod drammatiku sal-2050 bl-anqas spejjeż possibbli, allura t-tħaddim tat-teknoloġija tas-CCS se jkun essenzjali. Huwa bżonnjuż biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn installazzjonijiet industrijali kbar u jista’ jagħmel possibbli użu kontinwu ta’ karburanti fossili b’konsegwenzi mnaqqsa sew ta’ tisħin globali.

Sfortunatament, ftit kienu r-riżultati ta’ dan l-entużjażmu tal-bidu. Fost l-applikanti tal-bidu għall-ewwel fażi tal-iffinanzjar tan-NER300 kien hemm tlettax-il proġett sinifikanti f’sitt pajjiżi, però, ħafna minnhom spiċċaw ġew irtirati jew naqsu milli jilħqu r-rekwiżiti strinġenti u inflessibbli li kienu ġew stabbiliti. Fit-tieni fażi, proġett wieħed biss (UK ‘White Rose’) jinsab għaddej, però għadu mhuwiex ċert li r-rekwiżiti tal-Istat Membru u r-rekwiżiti tal-Kummissjoni se jaqblu biżżejjed biex ikun jista’ jsir l-impenn. Sadanittant, il-maġġor parti tal-EUR 1 biljun disponibbli għall-proġetti pilota tas-CCS fl-2009 permezz tal-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku jibqgħu mhux minfuqa u mhux se jiġu riallokati.

It-teknoloġija tas-separazzjoni u l-qbid tas-CO2 ila disponibbli mit-tletinijiet. It-trasportazzjoni tas-CO2 permezz ta’ pipeline hija komuni fid-dinja. Is-sigurtà tal-ħażna taħt l-art tas-CO2 ġiet ippruvata, mhux l-anqas fi Sleipner fejn in-Norveġja ilha mill-1996 tinjetta 1m tunnellata ta’ CO2 fis-sena fil-fond fil-blat tal-Baħar tat-Tramuntana mingħajr l-ebda sinjal ta’ ċaqliq tiegħu mhux mistenni.

Studju wara studju juri li s-CCS se jkun orħos kull tunellata ta’ CO2 evitata minn enerġija ġenerata mir-riħ jew mix-xemx f’impjant fuq il-baħar, allura, għaliex ma ġietx milqugħa b’aktar entużjażmu t-teknoloġija?

L-aħjar raġuni hija li la l-Unjoni Ewropea u lanqas l-Istati Membri tagħha ma ħolqu mudell kummerċjali li jippromwovi l-investiment privat. Waqt li l-iżviluppaturi tal-enerġija rinnovabbli rċevew sussidji fi flus grazzi għall-utenti tal-elettriku, il-promozzjoni tas-CCS iddependiet kważi kompletament fuq kwoti tal-karbonju li tant kienu għoljin li investituri fittxew alternattiva kif jixtruhom billi żguraw li l-emissjonijiet tas-CO2 jiġu evitati. Il-valur tal-mekkaniżmu tal-iffinanzjar NER300 ukoll iddependa direttament fuq il-prezz tal-karbonju u għalhekk il-waqgħa tiegħu ppreżentat diżappunt doppju għat-tamiet li jitħaddem is-CCS

Mingħajr dubju, il-prezz tal-karbonju ta’ EUR 60-70 kull tunnellata jnaqqas bi kbir il-bżonn ta’ sussidji rinnovabbli u jistimola l-investiment tas-CCS però dan huwa improbabbli li jseħħ għal ħafna snin li ġejjin. Huwa meħtieġ approċċ alternattiv. F’dan ir-rapport ir-rapporteur jissottolinja d-direzzjoni li tista’ tittieħed u l-miżuri li jkunu neċessarji.

Huwa jenfasizza li jekk is-CCS għandu jkun żviluppat, huwa essenzjali l-appoġġ politiku u finanzjarju tal-Istati Membri. Waqt li l-ebda Stat Membru m’għandu jadotta din it-teknoloġija kontra qalbu, huwa jisfida kwalunkwe suppożizzjoni li l-gvernijiet tal-UE jafu kif se jilħqu l-miri tagħhom ta’ tnaqqis tas-CO2 sal-2050, jew apprezzaw il-parti li s-CCS jista’ jkollha. Parzjalment għal din ir-raġuni huwa jenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha teħtieġ li kull Stat Membru jippubblika strateġija ta’ indikazzjoni li tispjega kif se jilħqu l-miri 2050.

Mhux kollox għandu jitħalla għas-settur privat. L-Istati Membri li ma japprezzawx il-potenzjal tas-CCS għandhom ikunu ppreparati li jkollhom irwol attiv biex iġibu l-iżvilupp tiegħu. Huma jkollhom bżonn jipprovdu mekkaniżmi finanzjarji bħal tariffi garantiti (feed-in tariffs) tal-istess ordni bħal dawk li jkunu tħallsu biex tkun appoġġjata l-enerġija rinnovabbli. Jista’ jkollhom bżonn jassistu fil-kostruzzjoni ta’ netwerk ta’ pipeline u jgħinu jidentifikaw u jippreparaw siti ta’ ħżin. Jista’ jkollhom bżonn jieħdu l-irwol ewlieni li jipperswadixxu pubbliku xettiku li l-ħżin tas-CO2 joħloq anqas riskju minn ħafna attivitajiet industrijali oħra. Għandhom jaċċettaw sehem mir-responsabbiltà finanzjarja f’każ li jinqalgħu xi problemi f’sit ta’ ħżin li huma stess ikunu approvaw.

Għalkemm l-Istati Membri għandu jkollhom irwol ewlieni, dejjem kien aċċettat li l-UE kollettivament għandha tieħu sehem biex tistimola l-iżvilupp tas-CCS u tiżgura li l-għarfien jinqasam għall-benefiċċju ta’ kulħadd. Kif qegħdin l-affarijiet, l-UE m’għadx fadlilha politika effettiva biex tagħmel dan.

Ir-rapporteur jipproponi li għandha tiġi miftiehma mira tal-UE sabiex jiġu kkonċentrati l-imħuħ u jiġi inkoraġġut użu ta’ xi fondi eżistenti limitati li jistgħu jkunu disponibbli sabiex jintlaħaq l-għan. Huwa jargumenta li għandna sempliċiment nappoġġjaw l-iżvilupp ta’ firxa ta’ proġetti ewlenin ta’ CCS jekk għandha tkun promossa l-innovazzjoni, jitnaqqsu l-ispejjeż, u t-teknoloġija biex tiġi aċċettata bħala għażla vijabbli. Huwa jipproponi mira modesta li jkun hemm biżżejjed proġetti ta’ CCS jaħdmu jew taħt kostruzzjoni sal-2020 li jippermettu l-ħżin annwali ta’ 10m tunellata ta’ CO2. Dan huwa parti waħda minn ħamsa tal-mira globali għas-sena ssuġġerita mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija.

Se jkun meħtieġ sors addizzjonali ta’ ffinanzjar fi żmien qasir. Ir-rapporteur huwa favur il-ħolqien ta’ fond għall-innovazzjoni industrijali mill-bejgħ ta’ kwoti tal-karbonju. Ir-riżorsi jistgħu jkunu disponibbli mhux biss biex jappoġġjaw is-CCS iżda biex jiżviluppaw ukoll proġetti ta’ enerġija rinnovabbli innovattivi u mezzi kif jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn industriji intensivi fl-enerġija.

Il-Kummissjoni Ewropea tistenna li s-CCS tkun vijabbli fuq bażi individwali sal-2035, però r-rapporteur jemmen li fl-istadju prekummerċjalizzazzjoni ta’ wara l-2020, is-sors ta’ appoġġ finanzjarju għandu jkun l-karburant fossili minn fejn jinbtu l-emissjonijiet tas-CO2. Huwa jirrakkomanda l-ħolqien ta’ skema ta’ ċertifikati ta’ CCS fuq il-mudelli tal-‘Obbligazzjoni dwar l-Enerġija Rinnovabbli’ jew l-iskema ta’ ċertifikati Svediżi/Norveġiżi. Huwa jirrakkomanda li l-obbligazzjoni li jinżammu numru ta’ ċertifikati ta’ CCS għandha tkun applikata b’mod speċifiku għall-produtturi u l-importaturi ta’ karburanti fossili.

Jekk ma jkunx hemm appoġġ finanzjarju disponibbli għas-CCS, l-alternattiva għandha tkun li jittieħed approċċ regolatorju. Ir-rapporteur jippreferi jevita l-introduzzjoni ta’ standards ta’ emissjonijiet però hu jaċċetta li jista’ jkun li jkollhom parti f’dan.

Il-Parlament Ewropew kiseb kreditu fl-2008 talli ppropona mekkaniżmu finanzjarju sabiex jappoġġja s-CCS li assiguraw l-appoġġ tal-Kunsill u l-Kummissjoni. Ir-rapporteur jittama li l-Membri Parlamentari jkunu jistgħu jerġgħu jieħdu l-inizjattiva u li f’dan ir-rapport il-Parlament jipproponi mezz kif jiżgura l-applikazzjoni ta’ teknoloġija li għandha l-irwol prinċipali li tiġġieled kontra t-theddida tat-tisħin globali.

OPINJONItal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (*) (6.11.2013)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar ir-rapport ta’ implimentazzjoni 2013: L-iżvilupp u l-applikazzjoni tat-teknoloġija tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju fl-Ewropa
(2013/2079(INI))

Rapporteur (*): Vicky Ford(*)  Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) huwa l-unika teknoloġija fuq skala kbira u dimostrabbli li bħalissa hija disponibbli sabiex id-diossidu tal-karbonju mill-kombustjoni tal-fjuwils fossili jintuża għall-produzzjoni tal-elettriku b’emissjonijiet baxxi ta’ diossidu tal-karbonju;

B.  billi fis-settur tal-enerġija hemm alternattivi għall-fjuwils fossili, f’diversi setturi industrijali – bħall-industriji tal-kimika, tal-azzar, tar-raffinar u tas-siment – tnaqqis qawwi ta’ emissjonijiet jista’ jinkiseb biss permezz tas-CCS; għaldaqstant l-iżvilupp tas-CCS industrijali huwa prijorità;

C.  billi l-futur tal-faħam fl-Ewropa għandu jkun ibbażat fuq strateġija ta’ żvilupp stabbli, peress li l-faħam jibqa’ vitali għall-ekonomija tal-UE; billi l-isfida għat-taħlita tal-enerġija tal-UE ta’ wara l-2030 hija li tipprovdi opportunitajiet għal tkabbir ekonomiku stabbli filwaqt li tinżamm is-sigurtà tal-enerġija tal-Istati Membri u l-iżvilupp rapidu ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija, inklużi t-teknoloġiji tal-faħam;

D.  billi l-politiki adottati fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima ma kellhomx l-effett mistenni u, f’ħafna każijiet, wasslu għar-rilokazzjoni tal-industrija fi ħdan l-UE u għal żieda fil-prezzijiet tal-elettriku, u b’hekk ikkontribwixxew għal tnaqqis fil-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u għall-faqar fost il-pubbliku Ewropew;

E.  billi t-tibdil fil-klima jista’ jiġi miġġieled b’suċċess biss jekk jiġu implimentati miżuri speċifiċi madwar id-dinja;

1.  Jemmen li s-CCS tista’ tippermetti lill-Istati Membri jisfruttaw il-provvisti tal-enerġija bbażati fuq il-karbonju tagħhom skont id-domanda, u b’hekk jikkontribwixxu wkoll għad-diversità u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, filwaqt li jinżammu l-impjiegi industrijali u jinħolqu impjiegi ġodda speċjalizzati fl-UE; jirrimarka, sadanittant, li kwalunkwe żieda fl-użu tal-fjuwils fossili fis-settur tal-enerġija għandha timxi id f’id mal-użu tas-CCS inklużi inċentivi għall-investiment;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri b'effetti mifruxa biex iħeġġu l-kooperazzjoni internazzjonali u biex jippromwovu l-użu tat-teknoloġiji li jtaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima, sabiex jiggwidaw lill-ekonomiji li qed jespandu fid-direzzjoni ta’ alternattivi ta’ żvilupp li jinkludu, pereżempju, is-CCS, b’marka tal-karbonju iżgħar;

3.  Ifakkar li l-fjuwils fossili se jkomplu jirrappreżentaw il-maġġoranza tat-taħlita tal-enerġija fid-deċennji li ġejjin (75 % fl-2030 skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE)), li jagħmel is-CCS teknoloġija siewja li għandha tiġi esplorata;

4.  Jenfasizza li l-Energy Technology Perspectives 2012 tal-AIE jindikaw li l-ħtiġijiet addizzjonali tal-investiment fl-elettriku li huma meħtieġa għal żieda massima ta’ żewġ gradi fit-temperaturi globali se jiżdiedu b’40 % aktar jekk is-CCS ma tkunx disponibbli;

5.  Jinnota li n-nuqqas ta’ inklużjoni tas-CCS fi strateġija ta’ enerġija fit-tul se jfixkel b’mod gravi l-isforzi nazzjonali, tal-Unjoni u globali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;

6.  Jemmen li l-istrateġiji u l-politiki tas-CCS għandhom jitfasslu biss abbażi ta’ evidenza soda tal-impatt pożittiv li se jkollhom fuq l-ambjent, fuq l-istabbiltà tal-industrija tal-UE, fuq l-impjiegi fl-UE u fuq l-affordabilità tal-prezzijiet tal-enerġija għall-pubbliku u għall-industrija;

7.  Jemmen li teknoloġiji ġodda b’emissjonijiet baxxi ta’ disossidu tal-karbonju m’għandhomx jitqiesu bħala li qegħdin f’kompetizzjoni iżda pjuttost bħala komplementari għal xulxin sabiex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa għad-dekarbonizzazzjoni fit-tul; jenfasizza li kemm is-sorsi rinnovabbli kif ukoll is-CCS għandhom rwol importanti fit-taħlita tal-enerġija futura tal-UE; għalhekk, jitlob li kemm is-sorsi rinnovabbli kif ukoll is-CCS ikollhom mekkaniżmi mfassla apposta biex tiġi provduta ċ-ċertezza tal-investiment fil-pakkett li jmiss tal-2030 dwar politiki tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, f’konformità mal-Artikolu 194(2) tat-TFUE, sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u jassigura kompetizzjoni ġusta fost teknoloġiji differenti tal-enerġija b’emissjonijiet baxxi ta’ diossidu tal-karbonju;

8.  Jemmen li l-appoġġ ta’ proġetti inizjali, it-tagħlim mill-esperjenzi u l-qsim tal-għarfien huma prerekwiżiti għall-iżvilupp ta’ dettalji ta’ miżuri aktar fit-tul għall-appoġġ tas-CCS/tal-ġbir u l-użu tad-diossidu tal-karbonju (CCU) u jistgħu jirriżultaw fi spejjeż imnaqqsa tal-użu tas-CCS/CCU; jitlob, għalhekk, kollaborazzjoni internazzjonali kontinwa bejn l-industrija, inklużi l-SMEs innovattivi, u l-istituzzjonijiet sabiex jiġi żgurat li jiġu applikati l-aħjar prattiki; ifakkar, fl-istess ħin, fl-isfidi tal-istadji differenti tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u tat-tqegħid fis-suq ta' teknoloġiji ġodda u, għal dan il-għan, jemmen li strumenti li jappoġġaw proġetti fil-livell tal-UE għandhom jissaħħu sabiex ikunu jistgħu jistimolaw ġenwinament l-involviment tal-impriżi b'kollaborazzjoni ma' ċentri tar-riċerka;

9.  Jitlob kooperazzjoni eqreb mal-Istati Uniti u l-Kanada, fil-forma ta’ skambju ta’ kompetenzi u l-aħjar prattiki fid-dawl tal-attivitajiet imwettqa fir-rigward tas-CCS fil-qafas tad-djalogu bilaterali bejn il-Kanada u l-Istati Uniti dwar l-enerġija nadifa;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jindirizzaw l-ostakli regolatorji, finanzjarji u soċjali ewlenin għall-użu tas-CCS, bħall-għoti ta’ permessi u finanzjament, l-istabbiliment ta’ bażi ta’ ħiliet fis-CCS u l-iżvilupp u l-ittestjar ta’ teknoloġiji għall-ġbir, it-trasport u l-ħżin effettivi;

11.  Jemmen li l-inċentivi u l-miżuri politiċi għandu jkollhom fil-mira kemm id-dimostrazzjoni tas-CCS kif ukoll il-proġetti operazzjonali sussegwenti aktar fit-tul u jridu jipprovdu aktar ċertezza għall-investiment fis-settur privat; barra minn hekk, jemmen li l-inċentivi u l-miżuri għandhom jinqasmu b’mod effiċjenti kemm fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija kif ukoll fis-CSS fil-proċessi tal-produzzjoni industrijali;

12.  Jemmen li sabiex jirrendu s-CCS ekonomikament vijabbli u ambjentalment sostenibbli, il-proġetti ta' dimostrazzjoni tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju għandhom jimmiraw lejn l-iżvilupp ta’ strateġiji relatati mas-siti għall-ġbir u l-użu tad-diossidu tal-karbonju (CCU) biex jinkiseb ċiklu tas-CO2 awtosuffiċjenti, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħeġġu attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp tekniku fil-qasam tat-teknoloġija korrispondenti;

13.  Iqis li l-metodi stabbiliti għall-appoġġ ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni li jużaw l-istrument ta' finanzjament NER300 naqsu milli jwasslu opportunità kummerċjali attraenti għall-investiment fit-tul fis-settur privat fis-CCS, u li n-nefqa kapitali u, fuq kollox, l-ispejjeż operattivi meħtieġa għal din it-tip ta’ teknoloġija għadhom għoljin wisq;

14.  Minkejja d-dibattitu li għaddej dwar ir-riforma strutturali fit-tul tal-ETS, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iressqu miżuri politiċi komplementari oħra u mudell finanzjarju aktar flessibbli li jwasslu għall-ewwel proġetti operazzjonali tas-CCS fl-UE sal-2020;

15.  Jemmen li l-appoġġ fil-livell tal-UE jrid, fost l-oħrajn, jitkompla permezz tal-Inizjattiva Industrijali Ewropea tas-CCS u l-programm Orizzont 2020;

16.  Jenfasizza li, skont stħarriġ tal-Ewrobarometru, il-popolazzjoni Ewropea għadha ftit li xejn konxja dwar is-CCS, iżda li dawk li huma infurmati x'aktarx li jappoġġjawha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-komunikazzjoni sabiex iqajmu kuxjenza pubblika dwar is-CCS, u jemmen li għarfien usa' tas-CCS huwa kruċjali għall-aċċettazzjoni pubblika, u għaldaqstant għall-implimentazzjoni, tas-CCS;

17.  Huwa preokkupat li l-Artikolu 6 tal-Protokoll ta’ Londra se jfixkel it-trasportazzjoni transfruntiera tal-iskart mis-CCS u sussegwentement jillimita l-potenzjal tagħha fl-Istati Membri mingħajr l-ebda siti ta’ ħżin identifikabbli; jistieden, għalhekk, lill-partijiet kontraenti biex isibu soluzzjoni, bħar-ratifika tal-emenda tal-2009 għall-Artikolu 6, sabiex jiġi żgurat li ma jsirx ostaklu għall-użu tas-CCS;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tanalizza u tippreżenta rapport dwar il-livell ta’ CCS li jkun jinħtieġ li jintuża sa ċerti dati ewlenin, pereżempju l-2030, sabiex is-CCS jagħti kontribut sinifikanti lill-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-2050;

19.  Jemmen li, skont il-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli, għandna nappoġġaw mhux biss il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju, iżda anke r-riċerka u l-innovazzjoni fir-rigward tal-użu tas-CO2;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkollhom għarfien aktar profond tal-potenzjal għas-CCS fl-applikazzjonijiet industrijali, filwaqt li jintużaw l-emissjonijiet, it-teknoloġija u projezzjonijiet tal-ispiża sabiex is-CCS industrijali tingħata prominenza fid-deċiżjonijiet politiċi fuq perjodu ta’ żmien qasir u medju;

21.  Jirrikonoxxi li l-ippjanar għadu kompetenza fil-livell tal-Istat Membru u jistieden lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Istati Membri u lill-gvernijiet lokali, biex jippjanaw b’mod aktar wiesa' u konsistenti opportunitajiet tas-CCS f’siti industrijali b’emissjonijiet għolja, li b’mod sinifikanti se jgħinu fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-infrastruttura u l-ħżin; jemmen li dawn is-siti jistgħu jifformaw hubs u jibbenefikaw minn opportunitajiet ta’ infrastruttura kondiviża.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.11.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Vicky Ford, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Kent Johansson, Romana Jordan, Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Vittorio Prodi, Miloslav Ransdorf, Jens Rohde, Paul Rübig, Amalia Sartori, Salvador Sedó i Alabart, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Evžen Tošenovský, Catherine Trautmann, Claude Turmes, Vladimir Urutchev

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jerzy Buzek, Ioan Enciu, Andrzej Grzyb, Roger Helmer, Seán Kelly, Bernd Lange, Zofija Mazej Kukovič, Franck Proust, Algirdas Saudargas

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Chrysogelos

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

27.11.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

12

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Oana Antonescu, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Lajos Bokros, Franco Bonanini, Biljana Borzan, Yves Cochet, Spyros Danellis, Chris Davies, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Martin Kastler, Holger Krahmer, Corinne Lepage, Kartika Tamara Liotard, Linda McAvan, Miroslav Ouzký, Gilles Pargneaux, Andrés Perelló Rodríguez, Pavel Poc, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Kārlis Šadurskis, Carl Schlyter, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Dubravka Šuica, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Salvatore Tatarella, Thomas Ulmer, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Erik Bánki, Gaston Franco, Julie Girling, Eduard-Raul Hellvig, Georgios Koumoutsakos, Marusya Lyubcheva, Judith A. Merkies, Miroslav Mikolášik, James Nicholson, Alojz Peterle, Vittorio Prodi, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Anna Záborská, Andrea Zanoni

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Esther de Lange