RAPPORT dwar il-kriżi alimentari, il-frodi fil-katina alimentari u l-kontroll tagħha
4.12.2013 - (2013/2091(INI))
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Esther de Lange
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kriżi alimentari, il-frodi fil-katina alimentari u l-kontroll tagħha
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-pjan ta’ azzjoni b’ħames punti[1] ppreżentat mill-Kummissjoni f’Marzu tal-2013 wara l-iskoperta ta’ netwerk kbir ta’ frodi fejn il-laħam taż-żiemel kien qed jiġi mgħoddi bħala laħam taċ-ċanga,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-benessri tal-annimali,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza tal-Ikel u jistabilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004,
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, regoli dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimal, dwar is-saħħa tal-pjanti, dwar il-materjal riproduttiv tal-pjanti, [u] dwar prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (COM(2013)0265),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-11 ta’ Ottubru 2012 dwar il-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess f'erba’ aġenziji tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0434/2013),
A. billi l-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-UE dwar l-ikel, skont ir-Regolament 178/2002, jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni ta' ikel mhux sikur kif ukoll prattiki frodulenti, l-adulterazzjoni ta’ ikel u kwalunkwe prattika oħra li tista' tqarraq bil-konsumatur;
B. billi r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-projbizzjoni ta' reklamar u prattiki ta' tikkettar qarrieqa;
C. billi l-qafas regolatorju fis-seħħ tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel u l-katina alimentari s'issa pprovda livell għoli ta’ sikurezza tal-ikel għall-konsumaturi tal-UE; billi l-leġiżlazzjoni attwali madankollu għadha fraġli u mhux dejjem tista' torbot fuqha, u għalhekk teżisti l-ħtieġa ta' titjib prattiku;
D. billi, fl-istess ħin, każijiet reċenti ta’ frodi alimentari dgħajfu l-fiduċja tal-konsumatur fil-katina alimentari, u dan ħalla impatt negattiv fuq is-settur agroalimentari, minħabba li dawn l-iskandli jagħmlu ħsara lid-dehra ġenerali ta’ dan is-settur ewlieni fl-ekonomija tal-UE; billi huwa importanti ħafna li tiġi akkwistata mill-ġdid il-fiduċja tal-konsumatur fil-prodotti agroalimentari Ewropej, kemm fl-UE u kemm lil hinn mill-fruntieri tagħha; billi jeħtieġ li jkun enfasizzat il-fatt li l-parti l-kbira tal-prodotti agroalimentari Ewropej huma ta’ kwalità eċċellenti u għalhekk ħaqqhom li jkunu rikonoxxuti fil-livell internazzjonali;
E. billi t-trasparenza hija komponent ewlieni tal-approċċ adottat mill-Kummissjoni u l-Istati Membri lejn il-kontrolli tas-sikurezza tal-ikel;
F. billi s-settur agroalimentari huwa wieħed mill-ikbar setturi ekonomiċi fl-UE, li jipprovdi 48 miljun impjieg u għandu valur ta' EUR 715 biljun fis-sena;
G. billi l-każijiet individwali ta’ frodi alimentari għandhom impatt negattiv fuq id-dehra tas-settur agroalimentari kollu;
H. billi l-liġi tal-UE dwar l-ikel hija dettaljata ħafna fir-rigward tas-sikurezza tal-ikel u tinkludi kontrolli u testijiet għal residwi u kontaminazzjonijiet oħrajn tal-ikel u l-għalf, iżda, billi ma hemm l-ebda qafas fis-seħħ li b’mod speċifiku għandu fil-mira l-frodi alimentari għajr l-istipulazzjoni ġenerali li l-konsumaturi ma jistgħux jiġu mqarrqa;
I. billi jeżistu wkoll problemi fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali u teżisti ħtieġa li jkun hemm iktar kontrolli uffiċjali effettivi fuq l-ikel miksub mill-annimali f’kull stadju tal-katina alimentari;
J. billi ma teżisti l-ebda statistika dwar l-inċidenza ta’ frodi alimentari fl-UE, u billi l-Kummissjoni għadha kif identifikat reċentement il-frodi alimentari bħala qasam ġdid ta’ azzjoni;
K. billi l-każijiet reċenti ta' frodi jinkludu pereżempju l-kummerċjalizzazzjoni ta' laħam taż-żiemel bħala laħam taċ-ċanga u l-kummerċjalizzazzjoni ta' laħam minn żwiemel ittrattati bil-fenilbutażon mgħoddi bħala laħam taż-żiemel tajjeb għall-ikel, il-kummerċjalizzazzjoni ta' dqiq ordinarju bħala dqiq organiku, bajd minn tiġieġ mrobbija f'batteriji bħala bajd organiku, melħ tat-triq bħala melħ tal-ikel, l-użu ta' alkoħol kontaminat mill-metanol fl-ispirti, l-użu ta' xaħam kontaminat bid-diossina fil-produzzjoni tal-għalf tal-annimali u tikettar żbaljat ta' speċi ta' ħut u prodotti tal-frott tal-baħar;
L. billi jekk manifattur ipoġġi fuq żewġt iswieq separati prodott li jidher identiku mmanifatturat bl-użu ta’ ingredjenti ta’ kwalità differenti, dan jista' jingħad li huwa każ ta' frodi;
M. billi l-frodi alimentari ġeneralment isseħħ fejn il-potenzjal li jitwettaq frodi alimentari u t-tentazzjoni għal dan huma għoljin u r-riskju li wieħed jinqabad u li jingħata sanzjonijiet huwa baxx;
N. billi l-katina tal-provvista alimentari hija ħafna drabi twila u kumplessa u tinvolvi ħafna operaturi ta’ negozji tal-ikel u partijiet oħra; billi l-konsumaturi qed ikunu dejjem inqas konxji dwar il-mod kif qed jiġi prodott l-ikel tagħhom filwaqt li l-operaturi individwali ta' negozji tal-ikel mhux dejjem ikollhom jew jeħtiġilhom ikollhom stampa ġenerali tal-katina alimentari sħiħa;
O. billi l-frodi fuq skala enormi tal-ikliet tal-laħam taż-żiemel fl-Ewropa kollha huwa s-sintomu ta’ sistema ta’ provvista globalizzata inkontrollabli, ta’ produzzjoni agroalimentari bi prezzijiet imnaqqsa u ta’ sistema ta' tikkettar mhux kompluta;
P. billi l-kummerċjanti u l-intermedjarji fil-katina alimentari mhumiex dejjem reġistrati u ċċertifikati bħala operaturi ta’ negozji tal-ikel; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri spiss ma jkunux ċerti min-numru ta’ kummerċjanti mhux reġistrati li huma attivi;
Q. billi wara każijiet ta’ frodi alimentari serji, l-operaturi frodulenti ta' negozji tal-ikel li jkunu nstabu ħatja ta’ reat ta’ frodi xi drabi ma jitħallewx ikomplu joperaw mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; billi dawn in-negozji ftit wara jerġgħu jirreġistraw x’imkien ieħor u jkomplu n-negozju tagħhom bħal qabel; billi l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar negozji li jkunu nstabu ħatja ta’ frodi jista’ jtejjeb il-monitoraġġ ta’ dawn in-negozji sabiex ma jitħallewx iwettqu attivitajiet frodulenti ġodda;
R. billi r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-UE dwar l-ikel hija tal-Istati Membri u billi l-infurzar u l-kontroll huma għalhekk limitati l-aktar fil-livell nazzjonali, u b’riżultat ta’ dan, il-ħarsa ġenerali transfruntiera fl-UE hija limitata jew inkella lanqas biss teżisti;
S. billi l-awtoritajiet nazzjonali għandhom it-tendenza li jiffukaw il-kontrolli tagħhom fuq is-sikurezza tal-ikel u ma jagħmlux il-frodi alimentari bħala prijorità, spiss minħabba nuqqas ta’ kapaċità u riżorsi;
T. billi l-awtoritajiet kompetenti ta’ xi Stati Membri għandhom unitajiet tal-pulizija speċjalizzati biex jiġġieldu kontra l-frodi alimentari; billi l-kontrolli f’xi Stati Membri huma delegati parzjalment lil korpi privati tal-kontroll; billi f’xi Stati Membri oħra l-kontrolli jitwettqu kompletament mill-awtoritajiet kompetenti;
U. billi s-Sistema ta’ Twissija Bikrija għall-Ikel u l-Għalf hija għodda utli għall-iskambju rapidu ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, pereżempju fil-każ tal-frodi reċenti fil-laħam taż-żiemel;
V. billi l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO) tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-kontroll tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ kwalità u ta’ sikurezza tal-ikel tal-UE, u billi l-awditjar tiegħu jitħabbar tipikament bil-quddiem u jitħejja flimkien mal-awtoritajiet kompetenti; billi l-għadd ta' awditi kull sena huwa ristrett mill-kapaċità limitata tal-FVO; billi l-FVO indika li attwalment mhuwiex mgħammar jew imħarreġ biex jiffoka fuq il-frodi alimentari;
W. billi t-twissijiet dwar iż-żieda fin-numru ta’ żwiemel maqtula f’ċerti Stati Membri kienu injorati totalment mill-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari mill-FVO;
X. billi l-Europol osserva żieda fin-numru ta’ każijiet ta’ frodi alimentari u jistenna li din it-tendenza tkompli, flimkien mal-involviment dejjem jikber ta’ organizzazzjonijiet kriminali fil-frodi alimentari;
Y. billi s-sistema ta’ informazzjoni tal-Europol tista’ tintuża mill-Istati Membri biex jikkondividu informazzjoni dwar investigazzjonijiet transfruntieri; billi l-Europol jista’ jassisti lill-Istati Membri biss bil-kompetenza, l-għodda analitika u l-bażijiet ta' data tiegħu, fuq talba tagħhom; billi fil-każ ta’ frodi fil-laħam taż-żiemel, għall-ewwel l-Istati Membri kienu qed isibuha bi tqila biex jaħdmu mal-Europol;
Z. billi mill-2011, il-Europol wettaq b’suċċess bosta operazzjonijiet OPSON fuq prodotti tal-ikel iffalsifikati u ta’ standard baxx; billi f’dawn l-operazzjonijiet il-Europol jikkoopera mal-Interpol, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, pajjiżi mhux tal-UE kif ukoll ma’ sħab privati;
AA. billi t-tikkettar tal-pajjiż jew tal-post tal-oriġini tal-laħam u tal-prodotti tal-laħam fih innifsu ma jevitax il-frodi; billi l-oriġini ta’ prodott tal-ikel f’ċerti każijiet jiddetermina parzjalment il-prezz tal-prodott tal-ikel; billi t-tikkettar tal-oriġini jista’ jirriżulta f'iktar frodi;
AB. billi l-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles attwalment previsti mill-UE tista’ twassal biex iddgħajjef il-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel;
AC. billi għandu jsir sforz ġdid sabiex il-frodi tiġi kkunsidrata f’kuntest ekonomiku kkaratterizzat mill-kriżi finanzjarja dinjija u minn dumping soċjali kemm fl-UE u kemm lil hinn mill-fruntieri tagħha;
AD. billi l-prattiki ta’ kummerċ u ta’ rkant invers huma sorsi li jħeġġu tnaqqis drastiku fir-rigward tal-kwalità, is-sikurezza u t-trasparenza u għandhom impatt fuq il-marġini tal-qligħ tas-settur kollu;
AE. billi l-prattiki ta’ distribuzzjoni u l-użu ta’ intermedjarji ta’ distribuzzjoni huma sorsi ta’ destabilizzazzjoni għas-swieq ta’ produzzjoni billi jnaqqsu l-marġini tal-produtturi;
Frodi alimentari: ambitu u definizzjoni
1. Jiddeplora l-fatt li l-ġlieda kontra l-frodi alimentari hija kwistjoni relattivament ġdida fuq l-aġenda Ewropea u li fil-passat qatt ma kienet prijorità ewlenija għal-leġiżlazzjoni u l-infurzar fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;
2. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt potenzjali li għandha l-frodi alimentari fuq il-fiduċja tal-konsumaturi, is-sikurezza tal-ikel, il-funzjonament tal-katina alimentari u l-istabilità tal-prezzijiet agrikoli, u jenfasizza l-importanza li l-fiduċja tal-konsumaturi Ewropej terġa' tinkiseb malajr;
3. Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tagħti lill-frodi alimentari l-attenzjoni sħiħa li jistħoqqilha u tieħu l-passi kollha neċessarji sabiex il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi alimentari jsiru parti fundamentali mill-politika tal-UE;
4. Jenfasizza l-bżonn li jinkiseb aktar għarfien dwar l-iskala, l-inċidenza u l-elementi ta’ każijiet ta’ frodi alimentari fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru b'mod sistematiku data dwar każijiet ta’ frodi u jiskambjaw l-aħjar prattiki sabiex jidentifikaw u jiġġieldu kontra l-frodi alimentari;
5. Jinnota li l-liġi tal-UE attwalment ma tipprovdix definizzjoni ta’ frodi alimentari u li l-Istati Membri jadottaw metodoloġiji differenti għad-definizzjoni tagħha; jikkunsidra li definizzjoni uniformi hija essenzjali biex ikun żviluppat approċċ Ewropew fil-ġlieda kontra l-frodi alimentari; jenfasizza l-bżonn li tkun adottata b’mod rapidu definizzjoni armonizzata fil-livell tal-UE, abbażi ta' diskussjonijiet mal-Istati Membri, partijiet interessati rilevanti u esperti, li tinkludi elementi bħan-nuqqas ta’ konformità mal-liġi dwar l-ikel u/jew l-iżgwidar tal-konsumatur (inkluża l-omissjoni ta’ informazzjoni dwar il-prodott), l-intenzjoni u l-gwadann finanzjarju potenzjali u/jew il-vantaġġ kompetittiv;
6. Jenfasizza l-fatt li, minħabba n-natura tas-suq uniku tal-UE, f’ħafna każijiet il-frodi alimentari testendi lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri u ssir theddida għas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej kollha;
7. Jinnota li l-każijiet reċenti ta' frodi alimentari esponew tipi differenti ta' frodi alimentari, bħas-sostituzzjoni ta' ingredjenti ewlenin b'alternattivi orħos jew ta' kwalità aktar baxxa, it-tikkettar żbaljat b'rabta mal-piż, il-bejgħ ta' ikel ordinarju bħala ikel organiku, l-użu inġust ta' logos ta' kwalità li jindikaw l-oriġini jew il-benessri tal-annimal, it-tikettar ta' ħut tal-akkwakultura bħala ħut li nqabad fil-ħabitat naturali jew il-kummerċjalizzazzjoni ta' varjetà ta' ħut inferjuri taħt isem ta' kategorija superjuri jew ta' speċi aktar għalja, u l-falsifikazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ikel skadut;
8. Jindika li l-ikel li ħafna drabi huwa suġġett għal attivitajiet frodulenti jinkludi ż-żejt taż-żebbuġa, il-ħut, il-prodotti organiċi, il-qmuħ, l-għasel, il-kafè, it-tè, il-ħwawar, l-inbid, ċertu meraq tal-frott, il-ħalib u l-laħam;
9. Jinsab imħasseb dwar sinjali li jindikaw li n-numru ta’ każijiet qed jiżdied u li l-frodi alimentari hija tendenza li qiegħda tikber li tirrifletti dgħufija strutturali fil-katina alimentari;
Fatturi li jikkontribwixxu
10. Jinnota li l-frodi alimentari ġeneralment isseħħ fejn il-gwadann finanzjarju potenzjali jkun għoli u riskju li wieħed jinqabad ikun baxx; jikkunsidra indifendibbli l-fatt li fl-UE l-frodi alimentari tħalli l-qligħ u li l-possibbiltajiet li wieħed jinqabad huma relattivament baxxi;
11. Jindika l-kumplessità u l-karattru transfruntier tal-katina alimentari flimkien man-natura prinċipalment nazzjonali ta’ kontrolli, sanzjonijiet u infurzar, sitwazzjoni kkunsidrata li żżid ir-riskju ta’ frodi alimentari; jemmen li traċċabilità aħjar tal-ingredjenti u l-prodotti fi ħdan il-katina alimentari sħiħa tgħin fil-ġlieda kontra l-frodi;
12. Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni kbira lill-kontrolli fuq il-prodotti impurtati minn pajjiżi terzi u l-konformità tagħhom mal-istandards tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf;
13. Jiġbed l-attenzjoni wkoll għal fatturi oħra li ħafna drabi huma kkwotati li jikkontribwixxu għall-frodi alimentari bħall-kriżi ekonomika attwali, il-miżuri ta’ awsterità li jaffetwaw l-aġenziji ta’ kontroll u l-pressjoni mis-settur tal-bejgħ bl-imnut u setturi oħrajn biex jipproduċu ikel b’mod dejjem aktar irħis;
Tagħlimiet misluta u rakkomandazzjonijiet
Qafas istituzzjonali
14. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi tim kontra l-frodi alimentari u jirrikonoxxi l-isforzi tal-Europol fil-ġlieda kontra l-frodi alimentari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis l-iżvilupp ta' Laboratorju ta' Referenza tal-UE (EURL) għall-awtentiċità tal-ikel;
15. Jilqa’ l-pjan tal-Kummissjoni li torganizza konferenza dwar il-frodi alimentari fl-2014 sabiex trawwem is-sensibilizzazzjoni fost l-atturi rilevanti;
16. Jinsab konvint li spezzjonijiet indipendenti għal għarrieda huma essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-istandards tas-sikurezza u tat-tikkettar tal-ikel; jemmen għaldaqstant li spezzjonijiet għal għarrieda għandhom ikunu r-regola;
17. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex l-enfasi tal-awditjar tal-FVO tkun ukoll fuq il-frodi alimentari; jikkunsidra li l-FVO u l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu minn spezzjonijiet għal għarrieda regolari, indipendenti u mandatorji għall-identifikazzjoni ta’ ksur intenzjonali biex tiġi żgurata l-osservanza tal-ogħla standards ta’ sikurezza tal-ikel; jemmen li sabiex terġa’ tinkiseb u tinżamm il-fiduċja tal-konsumatur, huwa importanti li jkun hemm approċċ trasparenti għal mod kif jitwettqu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet uffiċjali u li r-rapporti u r-riżultati tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet dwar l-operaturi tal-ikel isiru pubbliċi;
18. Jiddispjaċih dwar l-użu u l-viżibbiltà limitati tar-rapporti u l-awditjar tal-FVO mill-Kummissjoni u l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi b’iktar ħeġġa r-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tal-FVO;
19. Jistieden lill-awtorità tal-baġit iżżid il-kapaċità u r-riżorsi tal-FVO u tat-tim tal-Kummissjoni kontra l-frodi alimentari;
20. Jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis fil-finanzjament fl-UE għall-korpi li jwettqu dawn il-kompiti essenzjali ta’ monitoraġġ;
21. Jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni Ewropej jipprovdu lill-korpi ta’ kontroll biżżejjed riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi;
22. Jenfasizza l-fatt li l-kontrolli u l-ispezzjonijiet effiċjenti għandhom jitwettqu b'tali mod li ma joħolqux piż amministrattiv żejjed għall-SMEs;
23. Jissuġġerixxi li ssir seduta annwali tal-FVO fil-Kumitat tal-ENVI tiegħu biex jiġi diskuss l-awditjar li jkun tlesta u li għandu jsir fil-futur qabel ma l-FVO jadotta l-programm ta’ ħidma tiegħu għas-sena li ġejja;
24. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li tittieħed azzjoni adegwata rigward il-kwistjonijiet imqajma mill-FVO u li dawn jiġu indirizzati tajjeb;
25. Jinnota li kwalunkwe tibdil fil-proċess għar-rieżami u l-prijoritizzazzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-FVO m’għandux jibdel il-proċess legali għall-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma tal-FVO;
26. B’mod iżjed speċifiku, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu azzjoni fir-rigward tas-sejbiet tal-awditjar tal-FVO b'rabta ma' rekords frodulenti ta’ trattament mediku tal-annimali destinati għall-qatla għall-esportazzjoni lejn l-UE, u biex jeskludu mill-introduzzjoni fis-suq tal-UE laħam u prodotti oħra tal-annimali minn pajjiżi terzi li fil-każ tagħhom ma jistax ikun hemm garanzija ta’ konformità mar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-ikel tal-UE;
27. Jinnota li l-Istati Membri ħafna drabi jbatu biex iħarrku b’suċċess operaturi frodulenti ta’ negozji tal-ikel li joperaw fil-fruntieri tal-UE minħabba kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni; jiddispjaċih li l-Istati Membri ma jikkooperawx b’mod sistematiku mal-Europol f’każijiet transfruntieri ta’ frodi alimentari iżda jaħdmu b’mod bilaterali;
28. Jirrikonoxxi l-importanza tal-informaturi biex jikxfu prattiċi frodulenti fis-settur alimentari; jistieden lill-Istati Membri joħolqu l-aħjar kundizzjonijiet sabiex l-informaturi jkunu jistgħu jiddenunzjaw prattiki malizzjużi b’mod sikur u anonimu;
29. Jemmen li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jgħarrfu lill-pubbliku, sakemm ikun possibbli u xieraq, bis-sejħa lura ta’ prodotti u miżuri oħra meħuda mill-awtoritajiet kompetenti f’każijiet ta’ frodi alimentari;
Qafas leġislattiv
30. Jikkunsidra li l-kontrolli uffiċjali m’għandhomx jiffukaw biss fuq kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-ikel iżda wkoll fuq il-prevenzjoni tal-frodi u r-riskju li l-konsumaturi jiġu mqarrqa; jilqa’ l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni għal rieżami tal-kontrolli uffiċjali tinkorpora kontrolli addizzjonali fir-rigward ta’ frodi alimentari f'każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti jkollhom raġuni għalfejn jissuspettaw aġir frodulenti min-naħa ta' operatur;
31. Josserva li xi Stati Membri jiddelegaw parzjalment il-kontrolli lil korpi privati tal-kontroll; jenfasizza li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom dejjem jissorveljaw is-sistemi ta’ kontroll u jivverifikaw, jiċċertifikaw u jiskrutinizzaw is-sistemi kollha ta’ kontroll privat biex jiżguraw li huma konformi mal-istandards nazzjonali u internazzjonali bil-ħsieb li jagħmlu l-iskoperti tagħhom aċċessibbli għall-aġenziji pubbliċi;
32. Jirrifjuta kull pjan sabiex il-kompiti ta' spezzjoni jiġu ddelegati mill-awtoritajiet pubbliċi għall-operaturi ekonomiċi;
33. Jemmen li r-rwol tal-kummerċjanti u l-qafas leġiżlattiv applikabbli għal bejgħ bejn in-negozji għandhom ikunu ċċarati;
34. Jemmen li l-operaturi kummerċjali kollha li jipproċessaw, jinnegozjaw jew jaħżnu materja prima, ingredjenti tal-ikel jew prodotti tal-ikel fil-katina alimentari tal-bniedem, inklużi kummerċjanti u sidien ta’ mħażen tal-friża, għandhom ikunu reġistrati bħala operaturi ta’ negozji tal-ikel u jkunu suġġetti għal kontrolli;
35. Jemmen li l-operaturi ta' negozji tal-ikel għandhom ikunu kapaċi jindikaw is-sors minn fejn l-ikel jew l-ingredjenti jkunu joriġinaw, li jfisser li kull operatur ta' negozju tal-ikel fil-katina tal-produzzjoni għandu jerfa’ s-sehem ta’ responsabbiltà tiegħu għall-prodott finali;
36. Jirrikonoxxi l-importanza ta’ tikkettar ċar u trasparenti bejn in-negozji, u bejn in-negozji u l-konsumaturi u jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-liġi tal-UE dwar l-ikel f'dan il-qasam, bil-ħsieb li jitnaqqas ir-riskju ta’ frodi alimentari;
37. Jitlob iktar sensibilizzazzjoni u sorveljanza aħjar tat-tikkettar tal-ikel iffriżat bejn in-negozji, u bejn in-negozji u l-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar it-tikkettar obbligatorju tal-laħam u l-ħut li jindika jekk il-laħam u l-ħut kienx iffriżat, id-drabi li ġie ffriżat u għal kemm żmien;
38. Jemmen li għalkemm it-tikettar tal-pajjiż tal-oriġini mhuwiex minnu nnifsu mezz għall-ġlieda kontra l-frodi alimentari, dan jista' jgħin jiżgura traċċabilità aħjar tul il-katina tal-provvista alimentari, aktar relazzjonijiet stabbli bejn il-fornituri tal-laħam u dawk li jipproċessawh, aktar diliġenza fl-għażla tal-operaturi ta' negozji tal-ikel tal-fornituri u l-prodotti tagħhom, u aktar informazzjoni ta' min jorbot fuqha għall-konsumaturi, bir-riżultat li terġa' tiġi akkwistata l-fiduċja tal-konsumaturi;
39. Ifakkar li r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jistipula li l-Kummissjoni se tadotta, sa Diċembru 2013, atti ta’ implimentazzjoni dwar it-tikkettar mandatorju tal-pajjiż tal-oriġini, it-tikettar għal-laħam tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur kif ukoll it-tikkettar volontarju ta' ikel wara valutazzjoni tal-impatt;
40. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr dawn l-atti ta' implimentazzjoni dwar it-tikettar ta' laħam frisk tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur, bi spunt mir-regoli diġà applikabbli għaċ-ċanga u l-vitella mhux ipproċessati, filwaqt li tiżgura li l-konsumaturi jkunu infurmati dwar il-post tat-twelid, tat-trobbija u tal-qatla tal-annimali, b'kunsiderazzjoni għas-sistemi nazzjonali u reġjonali eżistenti għall-indikazzjoni tal-oriġini tal-laħam;
41. Ifakkar barra minn hekk li l-Parlament diġà talab li jsir it-tikkettar tal-oriġini għal-laħam fil-prodotti tal-ikel ipproċessati, u li l-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq rapport dwar it-tikkettar mandatorju tal-oriġini għall-prodotti li fihom il-laħam; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta malajr ir-rapport tagħha u tkompli bi proposti leġiżlattivi, filwaqt li tagħmel mandatorju l-indikazzjoni tal-oriġini tal-laħam f'ikel proċessat, b'kunsiderazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha u filwaqt li tevita spejjeż eċċessivi u piżijiet amministrattivi;
42. Jappella għal tikkettar aħjar tal-prodotti proċessati li fihom il-ħut, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-oriġini tal-ħut u t-tekniki tas-sajd użati;
43. Jitlob lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-partijiet interessati u l-Istati Membri, iżżid l-isforzi tagħha biex tesplora l-ambitu u l-bżonn għall-introduzzjoni ta’ sistemi elettroniċi ta’ ċertifikazzjoni fil-katina alimentari li jistgħu jnaqqsu l-probabbiltà ta’ frodi abbażi ta’ ċertifikati stampati;
44. Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi reġistru Ewropew ċentralizzat għall-passaporti taż-żwiemel sabiex jiġi evitat il-ħruġ frodulenti ta’ passaporti doppji;
45. Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ qafas leġiżlattiv Ewropew li jirregola l-laħam li ġej minn annimali kklonjati u jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-impenn tagħha u tippreżenta malajr kemm jista’ jkun proposta leġiżlattiva dwar l-ikklonjar tal-annimali;
46. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodu ta’ traċċabilità u ta’ identifikazzjoni tal-laħam li ġej minn annimali kklonjati, pereżempju billi tiġi stabbilita bażi ta' data internazzjonali li jkun fiha informazzjoni ġenetika dwar l-annimali kklonjati;
Responsabbiltà korporattiva
47. Iqis siewi li s-settur innifsu jiżviluppa b'mod proattiv u jutilizza l-inizjattivi kontra l-frodi tas-settur privat bħal pereżempju l-kontrolli għall-integrità tal-prodott, il-monitoraġġ proprju, l-analiżi, il-pjanijiet ta' traċċar tal-prodott, l-awditjar u ċ-ċertifikazzjoni, u jilqa' l-inizjattivi attwali bħall-Global Food Safety Initiative u l-Food Fraud Initiative fl-Università tal-Istat tal-Michigan; dan għandu jsir b'mod addizzjonali għas-sistema ta' kontrolli uffiċjali għas-settur alimentari u mhux bħala sostituzzjoni għaliha;
48. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw li jimponu obbligu legali fuq l-operaturi ta’ negozji tal-ikel biex jirrappurtaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-inċidenza ta’ każijiet ta’ frodi alimentari;
49. Jemmen li s-settur tal-bejgħ bl-imnut għandu responsabbiltà speċjali biex jiggarantixxi l-integrità tal-prodotti alimentari u biex jitlob mill-fornituri tiegħu katina ta’ provvista sikura; jemmen li hija fir-responsabbiltà tal-bejjiegħ bl-imnut li jiċċekja tal-anqas il-konformità formali mar-regoli dwar it-tikettar; jikkundanna l-pressjoni fuq il-produtturi primarji minn operaturi tal-bejgħ bl-imnut u operaturi oħra ta’ negozji tal-ikel biex jipproduċu b’mod dejjem aktar irħis, spiss askapitu tal-kwalità tal-oġġetti tal-ikel jew tal-ingredjenti;
50. Jinnota li l-operaturi ta’ negozji tal-ikel mhux dejjem ikunu jafu s-sors minn fejn joriġinaw l-ingredjenti li jużaw; jinnota f'dan ir-rigward li ktajjen tal-provvista qosra (lokali u reġjonali) jistgħu jiżguraw iżjed trasparenza u jistgħu jieħdu post il-ktajjen ta' provvista twal u kkumplikati li kellhom rwol ewlieni fil-kriżi tal-frodi alimentari;
51. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, għal tikketta tal-“kummerċjalizzazzjoni lokali u bejgħ dirett” biex tgħin fil-promozzjoni tas-swieq ikkonċernati u tgħin lill-bdiewa jżidu l-valur tal-prodotti tagħhom;
Infurzar u kontrolli
52. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, skont id-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 7 u 17 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, issegwi u timpedixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li jibqgħu fis-suq taħt isem intenzjonalment żbaljat jew qarrieqi, billi dan ukoll għandu jitqies tip ta’ frodi alimentari;
53. Huwa konvint li hemm bżonn ta’ bidla fl-attitudni fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti, minn approċċ amministrattiv u veterinarju għal approċċ tal-pulizija, ibbażat fuq l-esperjenza tal-flying squad tal-Amministrazzjoni Alimentari Daniża u tal-Arma dei Carabinieri u l-Guardia di Finanza fl-Italja; jenfasizza li tali approċċ jiddependi mill-fatt li l-qrati indikati jkunu mogħnija b'imħallfin li għandhom kompetenza fil-liġi dwar l-ikel;
54. Jenfasizza li t-twettiq tal-kontrolli għandu jkun ibbażat fuq ir-riskju u jinkludi l-iżvilupp ta’ profili ta’ riskju u l-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà għal kull katina tal-provvista u prodott tal-ikel, bi spunt mill-istudji kontinwi akkademiċi li jikkombinaw l-għarfien fl-oqsma tal-awtentiċità alimentari u l-kriminoloġija, bħar-riċerka mill-Università ta’ VU f’Amsterdam u l-Università ta’ Wageningen;
55. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jistimulaw il-programmi ta’ riċerka u żvilupp Ewropej u nazzjonali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji u metodi użati għall-identifikazzjoni ta’ frodi alimentari, bħat-teknoloġija tas-sensers, l-analiżi tad-data u t-teħid tal-marki tas-swaba’ tal-prodotti, u biex jiffaċilitaw id-dispożizzjoni kummerċjali tat-testijiet fuq perjodu ta' żmien qasir; jirrikonoxxi l-proġetti ta' riċerka Ewropej eżistenti dwar l-integrità u l-awtentiċità tal-ikel, bħal TRACE u AuthenticFood;
56. Jirrakkomanda li l-FVO u l-awtoritajiet nazzjonali jinkludu fl-awditjar tagħhom l-hekk imsejħa kontrolli tal-bilanċ tal-massa fuq il-flussi tad-dħul, tal-ħruġ u tal-iskart;
57. Iħeġġeġ it-titjib fil-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli li jinvestigaw il-frodi alimentari, b'hekk jgħinu lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra din il-problema; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tistabbilixxi b'urġenza sistema elettronika, ibbażata fuq is-Sistema ta’ Twissija Bikrija għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) eżistenti kif suġġerit mill-Kummissjoni, biex tippermetti l-iskambju rapidu ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f'każijiet ta' frodi alimentari; jappella għall-pubblikazzjoni ta' rapporti annwali li jelenkaw każijiet ta' frodi alimentari li jkunu ġew żvelati, b'analoġija mar-rapporti tal-RASFF;
58. Jappella għat-twaqqif ta' netwerk kontra l-frodi alimentari bħala mezz li jtejjeb il-koordinazzjoni bejn il-korpi Ewropej kompetenti (Europol, Eurojust, FVO), għal aktar prevenzjoni u identifikazzjoni effikaċi tal-frodi alimentari;
59. Jissuġġerixxi l-introduzzjoni tal-ittestjar tad-DNA bħala proċedura standard f'kontrolli għal għarrieda għad-determinazzjoni tal-ispeċi, b’mod speċjali fir-rigward ta' prodotti tal-laħam u l-ħut, u li tiġi stabbilita bażi ta' data ċentralizzata tad-DNA għal dan il-fini;
60. Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-lakuni fir-regoli eżistenti dwar is-sikurezza u t-traċċabbiltà tal-ikel marbuta mal-importazzjoni ta’ ikel minn pajjiżi terzi, li jkollhom riskju ogħla ta’ frodi alimentari;
61. Jinsisti li l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles innegozjati mill-UE m'għandhomx jagħtu lok għal modifiki fil-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tas-sikurezza u tas-sigurtà alimentari jew għal tnaqqis fl-isforzi għall-infurzar ta’ din il-leġiżlazzjoni;
62. Jemmen li r-riżultati tal-kontrolli għandhom isiru pubbliċi b’mod li jkun aċċessibbli għall-konsumaturi u li jistgħu jifhmuhom, pereżempju fil-forma ta’ skema ta’ klassifikazzjoni; huwa konvint li dan jaf jgħin lill-konsumaturi fit-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll jagħti inċentivi biex l-operaturi ta' negozji tal-ikel joperaw tajjeb;
Sanzjonijiet
63. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-pieni sabiex tal-anqas tikkumpensa għall-vantaġġ ekonomiku stmat imfittex permezz tal-ksur, iżda jqis li din mhijiex dissważiva biżżejjed; jemmen li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pieni għall-frodi alimentari li jammontaw tal-anqas id-doppju tal-istima tal-ammont ta' vantaġġ ekonomiku mfittex permezz tal-attività frodulenti; iqis neċessarju, bħala deterrent żejjed, li l-Istati Membri jistabbilixxu pieni saħansitra ogħla, inklużi pieni tad-dritt kriminali, għal każijiet frodulenti fejn is-saħħa pubblika tiġi pperikolata intenzjonalment, jew f'każijiet ta' frodi li jinvolvu prodotti mmirati lejn konsumaturi vulnerabbli; jipproponi, barra minn hekk, li fl-eventwalità ta’ offiżi ripetuti, ir-reġistrazzjoni tal-operatur ta’ negozju tal-ikel tiġi rtirata;
64. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni m’għandhiex stampa ġenerali tas-sistemi nazzjonali differenti tas-sanzjonijiet għar-reati ta’ frodi alimentari u tal-funzjonament ta’ dawn ir-reġimi ta’ sanzjonijiet ibbażati fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tikseb din l-istampa ġenerali mill-aktar fis possibbli;
65. Jappella għal kunsiderazzjoni tal-benessri tal-annimali u għal pieni aktar stretti f’każ li ma jiġux rispettati r-regoli rilevanti;
66. Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data mill-Istati Membri u tirraporta dwar ir-reġimi differenti fl-Istati Membri fir-rigward tat-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet għal reati ta’ frodi alimentari u l-funzjonament tar-reġimi ta’ sanzjonijiet;
67. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkunsidraw ukoll metodi oħra li jkollhom l-għan li jevitaw u jiskoraġġixxu l-frodi alimentari, bħat-tismija u l-għoti ta’ fama ħażina permezz ta’ reġistru Ewropew ta’ operaturi ta’ negozji tal-ikel li jkunu nstabu ħatja ta’ frodi alimentari;
68. Jappella għall-estensjoni tar-reġimi attwali ta' traċċabilità u l-implimentazzjoni sistematika tal-possibilità ta' traċċabilità kontinwa prevista fir-Regolament bażiku (UE) 178/2002, li tikkonċerna l-ikel u l-għalf, l-annimali li jservu għall-produzzjoni tal-ikel u s-sustanzi kollha l-oħra li jintużaw għal dan il-għan jew li huma intenzjonati li jinħadmu għall-produzzjoni tal-ikel jew l-għalf; jitlob li l-katina alimentari kollha fl-Ewropa, inklużi l-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar, il-bejgħ u d-distribuzzjoni tkun trasparenti u kompletament miftuħa għall-iskrutinju mill-kontrolluri, bil-ħsieb li jkun żgurat li l-prodotti tal-ikel frodulenti jkunu jistgħu jiġu identifikati malajr;
69. Jipproponi l-introduzzjoni ta' obbligu għal-laboratorji ta’ riċerka kollha u l-persunal tagħhom li jirrappurtaw lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza kompetenti r-riżultati kollha tal-analiżi dwar l-ikel u l-għalf li jqajmu suspetti ta’ frodi jew li huma rilevanti għall-ġlieda kontra l-frodi;
70. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] http://ec.europa.eu/food/food/horsemeat/plan_en.htm.
NOTA SPJEGATTIVA
Is-sikurezza tal-ikel u l-interessi tal-konsumaturi minn dejjem kienu ċentrali għall-ħidma tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Parlament Ewropew inġenerali. Barra minn hekk, il-kwistjoni relatata iżda separata ta’ frodi alimentari kisbet aktar u aktar attenzjoni f’dawn l-aħħar snin minħabba każijiet ta’ tikkettar frodulenti ta’ ikel u frodi alimentari oħra li ħallew impatt fuq il-katina alimentari tal-UE. Eżempji bħal melħ tat-triq użat fl-ikel, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ bajd regolari bħala bajd organiku u aktar reċenti l-iskandlu tal-laħam taż-żiemel, jidhru li jindikaw li jista’ jkun hemm problema kontinwa jew strutturali. Dawn il-każijiet ta’ frodi alimentari diġà kellhom impatt negattiv fuq il-fiduċja tal-konsumaturi fil-katina alimentari, u b’hekk inħoloq paradoss kbir: l-ikel huwa aktar sikur minn qatt qabel iżda l-fiduċja tal-konsumatur hija baxxa. Huwa 260 darba aktar probabbli li ċittadin Ewropew imut b’kawża tal-influwenza milli minħabba ikel mhux sikur, iżda terz tal-konsumaturi ma jafdawx l-informazzjoni provduta fuq it-tikketti alimentari.
Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel iddeċieda li jippreżenta rapport fuq inizjattiva tiegħu stess li jħares lejn il-kwistjoni ta’ frodi alimentari u b’mod partikolari: id-definizzjoni u l-ambitu tagħha; il-fatturi li jikkontribwixxu għall-okkorrenza tagħha u s-soluzzjonijiet possibbli.
Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjoni
B’differenza għall-Istati Uniti, l-UE m’għandhiex definizzjoni rikonoxxuta b’mod ġenerali ta’ frodi alimentari, u l-qafas leġiżlattiv attwali tal-UE qed jiffoka l-aktar fuq is-sikurezza tal-ikel. L-unika linja gwida ġenerali tista’ tinstab fir-Regolament Nru 178/2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jiddikjara li t-tikkettar, ir-reklamar, il-preżentazzjoni u l-imballaġġ ‘m’għandhomx iqarrqu bil-konsumatur’, għalkemm f’termini prattiċi, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tvarja bil-kbir fost l-Istati Membri u n-numru ta’ kontrolli f’dan il-qasam huwa limitat ħafna. Għalhekk, il-frodi alimentari tibqa’ ħafna drabi mhux identifikata, speċjalment fejn ma hemm l-ebda implikazzjonijiet għas-saħħa pubblika jew is-sikurezza tal-ikel. Huwa għaldaqstant diffiċli li jkun determinat il-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-frodi alimentari fl-UE, għalkemm ħafna partijiet li jikkontribwixxu għal dan ir-rapport jindikaw li dan jidher li qed jiżdied.
Skont Spink u Moyer[1] il-frodi alimentari hija terminu kollettiv użat biex jinkludi s-sostituzzjoni, iż-żieda, it-tbagħbis jew ir-rappreżentazzjoni żbaljata maħsuba u intenzjonata tal-ikel, l-ingredjenti tal-ikel jew l-imballaġġ tal-ikel; jew dikjarazzjonijiet foloz jew qarrieqa li jsiru dwar prodott għal gwadann ekonomiku. Skont din id-definizzjoni, il-karatteristiċi ewlenin tal-frodi alimentari huma: 1) nuqqas ta’ konformità mal-liġi dwar l-ikel u/jew l-iżgwidar tal-konsumatur, 2) frodi li ssir b’intenzjoni u 3) għal raġunijiet ta’ gwadann finanzjarju.
Tipi differenti ta’ frodi alimentari jinkludu l-adulterazzjoni, is-sostituzzjoni, it-tbagħbis u l-iffalsifikar. Il-prodotti li jinsabu l-aktar f’riskju jinkludu l-ħut, iż-żejt taż-żebbuġa u l-ikel organiku.
L-aktar 10 prodotti li jinsabu l-aktar f’riskju ta’ frodi alimentari |
||
1 |
Żejt taż-żebbuġa |
|
2 |
Ħut |
|
3 |
Ikel organiku |
|
4 |
Ħalib |
|
5 |
Qmuħ |
|
6 |
Għasel u ġulepp tal-aġġru |
|
7 |
Kafè u tè |
|
8 |
Ħwawar (bħaż-żagħfran u t-trab tal-bżar aħmar) |
|
9 |
Inbid |
|
10 |
Ċertu meraq tal-frott |
|
Tabella 1 Ibbażata fuq Spink et. al.[2] u informazzjoni minn organizzazzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut u organizzazzjonijiet settorjali
Fatturi li jikkontribwixxu
Ir-riskju ta’ frodi huwa l-ogħla meta r-riskju li wieħed jinqabad huwa żgħir u l-gwadann ekonomiku potenzjali huwa kbir. Il-karattru kumplessiv u transfruntier tal-katina alimentari, flimkien mal-enfasi predominanti fuq is-sikurezza tal-ikel u n-natura nazzjonali ta’ kontrolli u infurzar huma ħafna drabi kkwotati bħala li jikkontribwixxu għal riskju baxx li l-frodi alimentari filfatt tkun identifikata. Il-gwadann ekonomiku ta’ frodi jissaħħaħ aktar bir-reġim ta’ sanzjonijiet li ħafna drabi mhumiex effettivi: sanzjonijiet relattivament baxxi u differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Fatturi oħra li jikkontribwixxu għal frodi alimentari jinkludu il-kriżi ekonomika attwali, il-miżuri ta’ awsterità li jaffetwaw l-aġenziji ta’ kontroll u l-pressjoni minn bejjiegħa bl-imnut u oħrajn li jipproduċu l-ikel b’mod dejjem aktar irħis. Barra minn hekk, ir-rwol tal-kummerċjanti u l-qafas leġiżlattiv applikabbli għal bejgħ bejn in-negozji għandu jkun eżaminat. Fl-aħħar nett, l-evidenza li organizzazzjonijiet kriminali qed isiru aktar involuti fil-frodi alimentari hija aktar u aktar inkwetanti.
Tagħlimiet misluta
Għalkemm is-saħħa pubblika u s-sikurezza tal-ikel jibqgħu tal-ogħla prijorità, huwa ssuġġerit li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jwessgħu l-enfasi, il-politiki u l-kontrolli tagħhom mis-saħħa u s-sikurezza biex jinkludu wkoll il-frodi alimentari.
L-ewwel nett huwa neċessarju li jkun definit x’jikkostitwixxi frodi alimentari: definizzjoni ċara u armonizzata hija essenzjali bħala bażi għal approċċ effettiv nazzjonali u tal-UE. It-tieni, ir-rwol tal-FVO li jidentifika każi ta’ frodi alimentari kif ukoll ir-riżorsi tiegħu għandhom jissaħħu. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw aktar mal-Europol fuq investigazzjonijiet transfruntiera. It-tielet, il-kontrolli uffiċjali għandu jkollhom ukoll l-għan li jiġġieldu kontra l-frodi alimentari u l-awtoritajiet kompetenti għandhom dejjem jiċċertifikaw u jiskrutinizzaw korpi ta’ kontroll privati li jieħdu f’idejhom ċerti kompiti ta’ kontrolli uffiċjali. Ir-regoli għat-tikkettar u l-kummerċjanti intermedjarji għandhom jiġu riveduti wkoll. Ir-raba’, is-settur alimentari nnifsu għandu rwol ewlieni. Għandhom ikunu inkoraġġuti inizjattivi privati li jistabbilixxu programmi kontra l-frodi, filwaqt li obbligu legali għall-operaturi ta’ negozji tal-ikel li jirrappurtaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar aġir frodulenti fis-settur tagħhom jista’ jikkontribwixxi biex jinkixfu aktar każijiet ta’ frodi fi stadju bikri u jiġu limitati l-perikli għas-saħħa pubblika. Il-ħames, l-attitudni ta’ korpi ta’ infurzar għandha timxi minn approċċ amministrattiv u veterinarju lejn approċċ ta’ pulizija, li jidher li qed jirnexxi f’numru ta’ Stati Membri u għandu jkun ibbażat fuq tfassil ta’ profili ta’ riskju.
Fl-aħħar nett, is-sanzjonijiet għandhom jiżdiedu għal tal-anqas id-doppju tal-ammont tal-avvanzi ekonomiċi mfittxija permezz ta’ frodi alimentari, u r-reġistrazzjoni ta’ operaturi ta’ negozji tal-ikel għandha tkun irtirata għal dawk li jirrepetu r-reat.
- [1] Defining the Public Health Threat of Food Fraud / Spink, J, and Moyer, DC F’: Il-Ġurnal tax-Xjenza Alimentari, 2011, Volum 75 (Numru 9), p. 57-63.).
- [2] Development and Application of a Database of Food Ingredient Fraud and Economically Motivated Adulteration from 1980 to 2010 / Moore, J, Spink, J, and Lipkus, M. F' Il-Ġurnal tax-Xjenza Alimentari, 2012, Volum 77 (Numru 4), p. R118-R126.
OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (6.11.2013)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar il-kriżi alimentari, il-frodi fil-katina alimentari u l-kontroll tagħha
(2013/2091(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Anna Maria Corazza Bildt
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi jkunu jafu mnejn jiġi l-ikel li jixtru; jilqa’, għalhekk, l-atti ta’ implimentazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tat-tikkettar tal-oriġini fuq bażi volontarja għall-ingredjenti tal-ikel kollha; jistieden lill-operaturi fis-settur tal-ikel biex jieħdu l-inizjattiva f’dan ir-rigward billi jipprovdu għal sistemi effiċjenti ta’ traċċabilità u billi jiżguraw it-trasparenza permezz ta’ informazzjoni preċiża pprovduta fuq il-prodotti tagħhom;
2. Jilqa’ l-att ta’ implimentazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni dwar it-tikkettar tal-oriġini tal-laħam kollu u l-valutazzjoni tal-impatt dwar it-tikkettar tal-oriġini għal laħam użat bħala ingredjent tal-ikel; jenfasizza l-importanza ta’ regoli armonizzati ċari u jistieden lill-Istati Membri biex jinfurzaw dawn ir-regoli malajr u b'mod koerenti fl-UE kollha; jinsab imħasseb, madankollu, li kwalunkwe leġiżlazzjoni ulterjuri f’dan il-qasam taf iddgħajjef il-kompetizzjoni, tillimita l-aċċess għas-suq jew twassal għal spejjeż ogħla għall-SMEs u l-konsumaturi;
3. Jenfasizza l-bżonn li terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi f’suq uniku għall-ikel; jinnota li t-triq ’il quddiem tikkonsisti f’awtoregolamentazzjoni, leġiżlazzjoni aħjar u trasparenti u fl-implimentazzjoni effikaċi tagħha, u mhux f’iktar leġiżlazzjoni;
4. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-saħħa fl-Istati Membri individwali, peress li n-nuqqas ta’ skambju adegwat ta’ informazzjoni ħafna drabi jwitti t-triq għal atturi diżonesti fil-katina tal-provvista;
5. Jikkunsidra li r-referenza għal prattiki ta' frodi fil-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel[1] hija inadegwata u tħalli barra frodi li ma joħloqx riskju fir-rigward tas-sikurezza tal-ikel jew tas-saħħa pubblika; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi definizzjoni ta’ frodi li tinkludi l-qligħ finanzjarju u l-intenzjoni ta’ prattiki ta’ frodi;
6. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw il-provvediment ta' riżorsi suffiċjenti għal kontrolli uffiċjali, għall-għarrieda u indipendenti mwettqa minn persunal imħarreġ u mgħammar tajjeb; jenfasizza li l-kontrolli u l-ispezzjonijiet effiċjenti għandhom jitwettqu b'tali mod li ma joħolqux piż amministrattiv żejjed għall-SMEs;
7. Jilqa’ l-fatt li r-reviżjoni tal-Kummissjoni dwar kontrolli uffiċjali tipprovdi għal diżinċentiv ekonomiku għall-frodi; jenfasizza, madankollu, li l-penali applikati attwalment fis-settur tal-ikel mhumiex xierqa biex jiġi evitat il-frodi; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu sanzjonijiet iktar b’saħħithom, proporzjonati u iktar dissważivi;
8. Huwa mħasseb minħabba li l-każijiet ta’ frodi, rari jwasslu għal azzjonijiet legali; jenfasizza l-ħtieġa li l-investigazzjonijiet jiġu pprijoritizzati aħjar u li titjieb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti kollha (bħalma huma l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), l-awtoritajiet tad-dwana u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi) u l-operaturi fis-settur tal-ikel, b'mod partikolari meta jkun hemm involut frodi transkonfinali; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-ħiliet kontra l-frodi, bħalma huma l-kompetenza fl-użu tal-għodda tat-teknoloġija tal-informatika u l-ġbir ta' data, u jiġu pprovduti riżorsi suffiċjenti għall-awtoritajiet alimentari u veterinarji; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-ħolqien ta' unitajiet speċjalizzati kontra l-kriminalità, u sabiex ikunu proattivi iktar milli reattivi biex jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ monitoraġġ komprensiv u miżuri effikaċi kontra l-frodi alimentari.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
5.11.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
30 2 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Preslav Borissov, Jorgo Chatzimarkakis, Birgit Collin-Langen, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia de Campos, Cornelis de Jong, Vicente Miguel Garcés Ramón, Evelyne Gebhardt, Thomas Händel, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Sandra Kalniete, Edvard Kožušník, Hans-Peter Mayer, Emma McClarkin, Claudio Morganti, Phil Prendergast, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Catherine Stihler, Emilie Turunen, Barbara Weiler |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Regina Bastos, Jürgen Creutzmann, María Irigoyen Pérez, Constance Le Grip, Roberta Metsola, Pier Antonio Panzeri, Konstantinos Poupakis, Marek Siwiec, Kerstin Westphal |
||||
- [1] ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (25.11.2013)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar "il-kriżi alimentari, il-frodi fil-katina alimentari u l-kontroll tagħha"
(2013/2091(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Ulrike Rodust
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jinnota li l-każijiet ta’ frodi fil-katina alimentari naqqsu drastikament il-fiduċja tal-konsumaturi fis-sikurezza tal-ikel fl-UE, u dan kien ta’ ħsara għall-katina alimentari kollha mill-produtturi sal-konsumaturi; jinnota li l-fiduċja tal-konsumaturi ma reġgħetx inkisbet; jemmen li f'dan il-kuntest, katini ta' provvista qasira (lokali u reġjonali) jistgħu jiggarantixxu aktar trasparenza u jistgħu jissostitwixxu l-katini twal u kkumplikati li kellhom rwol ewlieni fil-kriżi tal-frodi alimentari;
2. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi, skont ir-Regolament 1151/2012 (Prodotti ta’ Kwalità), għat-tikketta tal-“kummerċjalizzazzjoni lokali u bejgħ dirett” biex tgħin fil-promozzjoni tas-swieq ikkonċernati u tgħin lill-bdiewa jżidu l-valur tal-prodotti tagħhom;
3. Jinnota li l-frodi alimentari għandha l-potenzjal li ddgħajjef ix-xogħol sinifikanti li sar kemm fil-livell nazzjonali u tal-UE fit-tisħiħ u l-immodernizzar tal-kontrolli tas-saħħa u s-sikurezza u tal-kwalità fil-katina alimentari u li tagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-prodotti tal-ikel Ewropej;
4. Jinnota li hija meħtieġa definizzjoni ta' frodi alimentari ċara, legalment valida u li tapplika għall-UE kollha, biex il-każijiet ta’ frodi fil-katina tal-ikel ikunu jistgħu jiġu miġġielda b’mod effettiv u b’suċċess;
5. Jenfasizza li, minħabba n-natura tas-suq uniku tal-UE, f’ħafna każijiet il-frodi tal-ikel testendi lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri u ssir theddida għas-saħħa taċ-ċittadini kollha Ewropej;
6. Jinnota li rekwiżiti ta' standards madwar l-UE kollha għall-kontroll tal-ikel, f'konformità mar-Regolament 178/2002, huma essenzjali, u li l-osservanza u l-infurzar tar-regoli tal-UE jiddependu fuq il-fatt li l-Istati Membri jwettqu attivitajiet ta' konroll uffiċjali;
7. Jinnota li l-konċentrazzjoni tal-bejgħ fl-ingrossa u l-kummerċ bl-imnut jinkoraġġixxu prattiki mingħajr skruplu fil-katina tal-provvista tal-ikel.
8. Jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid il-kodiċi kriminali dwar il-frodi alimentari, biex jiżguraw li s-severità tas-sentenzi tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva fir-rigward tal-profitti illegali li jistgħu jiġu ġġenerati permezz tal-frodi, u biex joħorġu sentenzi aktar iebsa li jaġixxu bħala deterrent, fejn ikun neċessarju;
9. Jinnota li kooperazzjoni diretta u msaħħa bejn il-korpi kompetenti tal-Istati Membri meta tkun suspettata jew konfermata frodi alimentari hija ta’ importanza kruċjali għar-rintraċċjar u l-investigazzjoni tal-frodi;
10. Jinnota li huwa kruċjali li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi applikata u infurzata b'mod xieraq; jipproponi li informazzjoni dwar prodotti u manifatturi li jinsabu fi ksur tal-liġi Ewropea dwar l-ikel għandha tkun magħmula disponibbli lill-konsumaturi mal-ewwel opportunità possibbli, u jistieden lill-Kummissjoni tfassal regoli f'dan il-qasam; jirrakkomanda, barra minn hekk, aktar qsim ta' informazzjoni u pooling ta' riżorsi bejn l-awtoritajiet kompetenti, li għandhom jiġu identifikati b'mod ċar, u forzi tal-pulizija fil-livell nazzjonali u tal-UE, sabiex prattiki frodolenti jiġu investigati u jinkixfu, u tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi;
11. Jirrakomanda l-introduzzjoni ta' obbligu għal-laboratorji ta' riċerka kollha u għall-persunal tagħhom li jinnotifikaw lill-awtoritajiet superviżorji kompetenti bir-riżultati tat-testijiet kollha tal-ikel u l-għalf li jindikaw li setgħet saret frodi jew li huma relevanti għall-ġlieda kontra l-frodi;
12. Jenfasizza li t-tikkettar tal-oriġini mandatorju ċar u komprensiv huwa kruċjali u jista' jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-frodi billi tissaħħaħ it-trasparenza matul il-katina tal-provvista tal-ikel; Jistieden lill-Kummissjoni tressaq, malajr kemm jista' jkun, proposti leġiżlattivi biex tittejjeb it-traċċabilità fil-katina tal-ikel billi t-tikkettar tal-laħam isir mandatorju;
13. Jilqa’ d-dispożizzjonijiet fil-Liġi l-ġdida dwar l-Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi li tipprevedi t-tikkettar obbligatorju dwar il-pajjiż tal-oriġini għal-laħam taċ-ċanga, il-laħam tal-majjal, il-laħam tat-tiġieġ u l-laħam tan-nagħaġ; jistieden lill-Kummissjoni tressaq, kemm jista’ jkun malajr, proposti leġiżlattivi biex titjieb it-traċċabilità fil-katina alimentari permezz tat-tikkettar obbligatorju għal dawk il-prodotti tal-laħam billi jiġu speċifikati l-post tat-twelid, il-post tat-trobbija u l-post tal-qtil meta dawn il-postijiet ikunu differenti; barra minn hekk, jitlob proposti leġiżlattivi dwar it-tikkettar obbligatorju għall-post tal-oriġini għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, prodotti tal-ikel mhux ipproċessati, laħam użat bħala ingredjent, prodotti b’ingredjent uniku, u ingredjenti li jirrappreżentaw iktar minn 50 % ta’ prodott tal-ikel.
14. Jenfasizza l-ħtieġa tat-traċċabilità, il-kontroll u d-diliġenza dovuta mill-bejjiegħa bl-imnut sabiex jiġu salvagwardjati l-katini tal-provvista twal, u jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jsirux vittmi inkonxji tal-frodi;
15. Jitlob l-iżvilupp tas-sistemi attwali ta' traċċabilità u l-implimentazzjoni sistematika tal-possibilità ta' traċċabilità kontinwa prevista fir-Regolament bażiku (KE) Nru 178/2002, li jkopri l-ikel u l-għalf, l-annimali li jservu għall-produzzjoni tal-ikel u s-sustanzi kollha l-oħra li jintużaw għal dan il-għan jew li huma mistennija li jinħadmu għall-produzzjoni tal-ikel jew l-għalf; jitlob li l-katina kollha tal-ikel fl-Ewropa, inklużi l-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u l-bejgħ u d-distribuzzjoni tkun trasparenti u miftuħa għall-iskrutinju mill-kontrolluri, sabiex jiġi żgurat li l-prodotti tal-ikel frodulenti jkunu jistgħu jiġu identifikati malajr;
16. Jitlob protezzjoni legali għall-whistleblowers li jaħdmu fl-industrija tal-ikel u li jirrappurtaw abbużi lill-awtoritajiet;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
25.11.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
John Stuart Agnew, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Paolo De Castro, Hynek Fajmon, Iratxe García Pérez, Julie Girling, Sergio Gutiérrez Prieto, Elisabeth Jeggle, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Agnès Le Brun, Gabriel Mato Adrover, Mairead McGuinness, Marit Paulsen, Ulrike Rodust, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Alyn Smith, Ewald Stadler, Csaba Sándor Tabajdi, Marc Tarabella |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Karin Kadenbach, Giovanni La Via, Anthea McIntyre, Maria do Céu Patrão Neves, Dimitar Stoyanov |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
27.11.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
58 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Elena Oana Antonescu, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Lajos Bokros, Franco Bonanini, Biljana Borzan, Yves Cochet, Chris Davies, Esther de Lange, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Martin Kastler, Corinne Lepage, Kartika Tamara Liotard, Linda McAvan, Miroslav Ouzký, Gilles Pargneaux, Andrés Perelló Rodríguez, Pavel Poc, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Kārlis Šadurskis, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Dubravka Šuica, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Salvatore Tatarella, Thomas Ulmer, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Erik Bánki, Gaston Franco, Julie Girling, Eduard-Raul Hellvig, Marusya Lyubcheva, Miroslav Mikolášik, James Nicholson, Alojz Peterle, Vittorio Prodi, Bart Staes, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Anna Záborská, Andrea Zanoni |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Spyros Danellis |
||||