RAPPORT dwar il-ħatra proposta ta' Nikolaos Milionis bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri
4.12.2013 - (C7‑0310/2013 – 2013/0808(NLE))
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Inés Ayala Sender
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-ħatra proposta ta' Nikolaos Milionis bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri
(C7‑0310/2013 – 2013/0808(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7‑0310/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7‑0000/2013),
A. billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
B. billi waqt il-laqgħa tiegħu tas-7 ta’ Novembru 2013, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema’ lill-kandidat propost mill-Kunsill għall-kariga ta’ membru tal-Qorti tal-Awdituri;
1. Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta’ Nikolaos Milionis bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet ta' awditjar tal-Istati Membri.
ANNESS 1: CURRICULUM VITAE TA' Nikolaos Milionis
Nazzjonalità Griega
Data tat-twelid 7 taʼ Settembru 1959
Post tat-twelid Arta, il-Greċja
Edukazzjoni
1998 Università taʼ Ateni
Dottorat fid-Dritt tal-Finanzi Pubbliċi
Titolu tat-teżi: Ir-Rwol Istituzzjonali tal-Qorti tal-Awditjar Ellenika
1994 Università ta’ Pariġi VIII,
Diploma ta' Studji Avvanzati (Diplôme d’ études approfondies)
fil-Finanzi Pubbliċi u l-Kontabilità
1993 Università ta’ Pariġi I, Panthéon-Sorbonne,
Diploma ta' Studji Avvanzati (Diplôme d’ études approfondies)
fid-Dritt Pubbliku
1987-1989 Skola Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Pubblika
1981 Università taʼ Ateni
Lawrja fil-Liġi
Esperjenza professjonali
2004 - preżent Kunsillier (Conseiller-Maître) tal-Qorti tal-Awditjar Ellenika
2011-2012 President tas-Sezzjoni tal-Qorti tal-Awditjar Ellenika
1997-2004 Imħallef tal-Appell (Conseiller Référendaire) tal-Qorti tal-Awditjar Ellenika
1989-1997 Imħallef tal-Ewwel Istanza (Auditeur) tal-Qorti tal-Awditjar Ellenika
Esperjenza fit-tagħlim
2010 - preżent Assistent Professur fid-Dritt tal-Finanzi Pubbliċi,
Università Panteion għax-Xjenzi Politiċi, Ateni
2007-2010 Għallem is-suġġett ‘Kompetenzi tal-Qorti tal-Awditjar Ellenika’
fl-Università taʼ Ateni
1998-2012 Għallem id-Dritt Finanzjarju Ewropew
u l-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
tal-Unjoni Ewropea dwar il-Libertajiet Fundamentali
fl-Iskola Nazzjonali Ellenika għall-Ġudikatura
1997-1998 Għallem id-Dritt tal-Finanzi Pubbliċi
fl-Iskola Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Pubblika
Taħriġ / esperjenzi oħra
1994 Attenda stage fil-Qorti tal-Awditjar Franċiża
1995-1996 Ħadem bħala attaché għall-membru Grieg
tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Kotba
(1) Il-Qorti tal-Awditjar: Xejriet moderni u evoluzzjoni (NOMIKI VIVLIOTHIKI 2012);
(2) Elementi tad-dritt fiskali u finanzjarju Ewropew (SAKKOULAS 2008);
(3) Ir-Rwol Istituzzjonali tal-Qorti tal-Awditjar Ellenika (SAKKOULAS 2002, it-tieni edizzjoni, 2006);
(4) Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (SAKKOULAS 1999).
Papers, artikli u kontribuzzjonijiet
Kiteb diversi papers u artikli fʼrivisti tal-liġi u ta kontribuzzjonijiet fʼvolumi u kotba kommemorattivi li l-aktar li huma relatati mal-pożizzjoni inkwistjoni huma, fost l-oħrajn:
(1) Lejn tmexxija finanzjarja ġdida tal-Istat (2012);
(2) Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (Artikoli 285-287 TFUE): Kontribuzzjoni għall-Volum iddedikat lill-interpretazzjoni tat-TFUE skont l-artikolu (2012);
(3) Ir-relazzjoni bejn il-kontroll ġudizzjarju u s-sejbiet tal-awditjar (kummentarju dwar il-każ ‘Ismeri Europa Srl vs il-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej’) (2011);
(4) L-integrazzjoni Ewropea u s-sovranità finanzjarja nazzjonali (2007);
(5) Strateġiji kontra l-korruzzjoni fi ħdan il-kompetenzi tal-Istituzzjonijiet tal-Awditjar Supremi tal-Unjoni Ewropea (2006);
(6) L-Awditjar Finanzjarju tal-Awtoritajiet Pubbliċi Lokali: L-eżempju Franċiż (2006);
(7) L-influwenza tal-ġurisprudenza fuq il-Baġit tal-Gvern (2005);
(8) L-Imħallef tad-Dritt tal-Finanzi Pubbliċi quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (2003);
(9) Il-frodi intiżi li jagħmlu ħsara lill-interessi tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti tal-Awdituri (1999);
(10) In-natura ġudizzjarja tal-Istituzzjonijiet tal-Awditjar tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (1998);
(11) Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u t-tiswir ta' 'awditjar bi stil Ewropew' (1998);
(12) Approċċ kritiku għall-kunċett ta' 'Uffiċjal pubbliku tal-kontabilità' (Comptable Public) fid-dritt finanzjarju Grieg u Franċiż (1995) u
(13) Kontroll tal-impriżi pubbliċi u l-Qorti tal-Awditjar (1993).
Ipparteċipa wkoll bʼmod attiv fʼkungressi, konferenzi u seminars.
Interessi / kompetenzi oħra
Pittura. Studja maʼ Giorgos Rorris.
Kiteb żewġ kotba dwar l-estetika u l-letteratura u ġie rispettivament mogħti l-premju ‘Panagiotis Foteasʼ fl-2009.
ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' Nikolaos Milionis GĦALL-MISTOQSIJIET
Esperjenza professjonali
1. Jekk jogħġbok indika l-aspetti ewlenin tal-esperjenza professjonali tiegħek fil-finanzi pubbliċi, fil-ġestjoni jew fl-awditjar tal-ġestjoni
Il-karriera kollha tiegħi kienet mal-Qorti tal-Awditjar Ellenika, fejn ħdimt fʼdawn il-pożizzjonijiet:
Ir-responsabbiltajiet tiegħi kienu fil-qasam tal-finanzi pubbliċi, proporzjonati mal-grad taʼ anzjanità tiegħi fil-qorti, fejn bdejt bħala rapporteur u wasalt sal-pożizzjoni preżenti tiegħi taʼ kunsillier anzjan. Ir-responsabbiltajiet tiegħi fil-varji sezzjonijiet kienu jinkludu t-twettiq u sussegwentement is-sorveljanza tal-awditjar tal-ministeri, l-entitajiet legali tad-dritt pubbliku u l-awtoritajiet lokali.
Għal numru taʼ snin (2007-2011) ħdimt fit-taqsima responsabbli mill-awditjar taʼ proġetti finanzjati mill-UE fil-Greċja u l-identifikazzjoni taʼ nfiq mhux eliġibbli (korrezzjonijiet finanzjarji).
Sussegwentement (2012-2013) bħala kunsillier anzjan, kont inkarigat li nagħmel l-awditjar taʼ dikjarazzjonijiet taʼ assi minn funzjonarji pubbliċi u ħaddiema taċ-ċivil, li jinvolvi evalwazzjonijiet tat-taxxa taʼ eks ministri u ġurnalisti, fost l-oħrajn.
Għal numru taʼ snin kont il-kap tat-taqsima taʼ verifika tal-kuntratti tas-servizz pubbliku.
Kont involut fil-verifika fuq il-post taʼ finanzjament Komunitarju għall-Mużew Benaki fʼAteni u s-Sala tal-Kunċerti ta' Ateni (1998) u fl-awditjar finanzjarju marbut maʼ nfiq eliġibbli fl-Istitut Nazzjonali għall-Mediċini (2003) u finanzjament nazzjonali għaċ-Ċentru Kulturali Ewropew ta' Delphi (persuna legali tad-dritt privat), u t-tfassil ta' rapport dwar il-problemi taʼ ġestjoni li jirriżultaw (2012).
Bħala membru tal-Qorti tal-Awditjar kont president tal-kumitat tal-awditjar tas-Sala tal-Kunċerti ta' Ateni għal madwar għaxar snin (1997-2006).
Mill-2012, kont maħtur membru tal-grupp taʼ ħidma tal-Qorti tal-Awditjar responsabbli minn awditjar pilota u r-rappurtar lill-awtoritajiet prefettorali Attica, l-Isptar Ġenerali ta' Ateni u l-Istitut tat-Teknoloġija ta' Ateni, bħala parti minn inizjattiva għal Task Force tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri għall-għoti taʼ assistenza teknika lill-Qorti tal-Awditjar Ellenika u kollaborazzjoni maʼ istituti tal-awditjar Olandiżi, Belġjani, Franċiżi u Ġermaniżi għall-iżvilupp taʼ metodi taʼ awditjar finanzjarju u taʼ prestazzjoni moderni. Jien involut ukoll fil-grupp taʼ ħidma responsabbli mit-tiswir taʼ relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn il-Qorti tal-Awditjar Ellenika u l-Parlament Elleniku. Fʼdan ir-rigward, fi Frar 2013 attendejt seminar dwar awditjar tal-prestazzjoni fil-Qorti tal-Awditjar Olandiża u attendejt laqgħa tal-Kumitat tal-Awditjar Finanzjarju Parlamentari Olandiż.
Matul is-sena sabbatika tiegħi bħala apprendist fʼPariġi (1993-1994) attendejt konferenzi u seminars fil-Qorti tal-Awditjar Franċiża u l-Kamra tal-Awditjar Reġjonali tal-Île-de-France. Mill-1995 sal-1996 kont issekondat għal-Lussemburgu fejn ħdimt bħala attaché fl-uffiċċju privat tal-Membru Grieg tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Dan tani l-opportunità niffamiljarizza ruħi mal-mekkaniżmi finanzjarji Ewropej u s-sinifikat tal-proċeduri tal-awditjar ġodda, filwaqt li għamilni aktar konxju tal-importanza taʼ kooperazzjoni internazzjonali.
Barra minn hekk, għal ħafna snin jien għallimt id-dritt finanzjarju Ewropew fl-Iskola nazzjonali Griega għall-Ġudikatura u fʼħafna fakultajiet tal-università. Fl-2010 inħtart Assistent Professur fid-Dritt Finanzjarju Pubbliku fl-Università Panteion għax-Xjenzi Politiċi f'Ateni.
2. Liema kienu l-aktar tliet deċiżjonijiet importanti li kellek sehem fihom matul il-karriera professjonali tiegħek?
L-ewwel nett, kont involut bʼmod attiv fl-abbozzar tal-Liġi 3871/2010 intitolata "Ġestjoni u Responsabbiltà Finanzjarji" li emendat sinifikament is-sistema taʼ kontabilità nazzjonali preċedenti u daħħlet għall-ewwel darba dispożizzjonijiet marbuta mal-verifika taʼ ġestjoni finanzjarja tajba, konformità maʼ standards tal-awditjar internazzjonali u responsabbiltà taʼ maniġers tal-fondi pubbliċi, b'tibdil fundamentali fil-proċeduri għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-gvern Grieg. Kont ukoll maħtur membru tal-kumitat leġiżlattiv responsabbli mill-abbozzar tal-Liġi 4055/2012 intitolata "Proċedimenti Ġusti u Tul Raġonevoli", li kkonferiet lill-Qorti tal-Awdituri r-responsabbiltà li twettaq awditjar mmirat, awditjar tal-prestazzjoni u awditjar sistematiku, kif ukoll li tiżgura l-konformità tal-korp li qed isirlu l-awditjar mal-istruzzjonijiet li l-Qorti tkun ħarġet qabel.
It-tieni, kont maħtur bħala rapporteur għall-Kamra tal-Qorti tal-Awditjar għal opinjoni favorevoli rigward id-digriet presidenzjali li jillimita awditjar preventiv taʼ nfiq mill-gvern, persuni legali tad-dritt pubbliku u awtoritajiet lokali għal ammonti li jaqbżu ċertu limitu. Il-Kostituzzjoni qabel kienet teħtieġ awditjar preventiv tal-infiq kollu tal-gvern mingħajr eċċezzjoni u din ir-restrizzjoni kien se jkollha impatt kbir fuq ideat u proċeduri aċċettati.
Fl-aħħar, kont rapporteur għall-Kamra tal-Qorti tal-Awditjar għal deċiżjoni li tistabbilixxi kriterji taʼ awditjar tad-dħul muniċipali.
Indipendenza
3. It-Trattat jistipula li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom ikunu 'kompletament indipendenti' fil-qadi taʼ dmirijiethom. Inti kieku kif tapplika dan l-obbligu għad-dmirijiet prospettivi tiegħek?
Minħabba li jien parti minn korp taʼ awditjar magħmul minn membri tal-ġudikatura, jiena partikolarment sensittiv għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jeħtieġu li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri jkunu kompletament indipendenti. Dan huwa neċessarju u huwa fl-interess ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
Barra minn hekk, fʼistituzzjonijiet taʼ awditjar pubbliku fʼpajjiżi demokratiċi, b’mod partikolari fi qrati tal-awditjar jew servizzi tal-awditjar ġenerali, l-indipendenza hija rekwiżit organiku fundamentali, funzjonali u fʼħafna każijiet kostituzzjonali. Billi l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri huma meħtieġa li jkunu kompletament indipendenti (Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), nemmen li l-kondotta professjonali u soċjali tagħhom konsegwentament għandha tkun irregolata minn dan il-preċett istituzzjonali.
Bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri prospettiv, u bʼgħarfien tal-ħtieġa għal indipendenza kompleta fil-qadi tad-dmirijiet tiegħi, ikun inkonċepibbli għalija li nitlob jew naċċetta pariri minn korpi li qed jiġu awditjati, li nippermetti li tiżviluppa kwalunkwe forma taʼ dipendenza fuqhom billi naċċetta rigali jew favuri. Fʼdan ir-rigward, mhuwiex biżżejjed li l-kuxjenza tiegħi tkun nadifa. Huwa wkoll kruċjali li ma jqum l-ebda dubju jew suspett rigward l-indipendenza tiegħi fʼmoħħ kwalunkwe osservatur imparzjali.
Bħala Membru prospettiv tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, huwa essenzjali għalija li nibqaʼ indipendenti fir-relazzjonijiet tiegħi mhux biss maʼ dawk li qed jiġu awditjati iżda wkoll maʼ dawk kollha li jixtiequ jagħmlu użu mis-sejbiet tiegħi għal fini politiċi. Dan ifisser li la għandi nfittex u lanqas naċċetta istruzzjonijiet minn kwalunkwe gvern (inkluż tiegħi stess) jew organizzazzjoni oħra. Huwa wkoll neċessarju għalija li nevita kull azzjoni li hija inkompatibbli mad-dmirijiet tiegħi.
Fʼdin il-pożizzjoni, se jkun taʼ obbligu għalija wkoll li nadotta l-garanzija istituzzjonali taʼ indipendenza sħiħa bħala t-twemmin personali tiegħi u għaldaqstant nibqaʼ oġġettiv u indipendenti bʼkull mod.
4. Ingħatajt kwittanza mid-dmirijiet taʼ mmaniġġjar li wettaqt preċedentement, fʼkaż li tapplika proċedura bħal din?
Peress li qatt ma wettaqt dmirijiet taʼ mmaniġġjar, ma kien hemm l-ebda raġuni għalfejn kelli ningħata kwittanza.
5. Għandek xi interessi tan-negozju jew finanzjarji jew xi impenji oħra, li jistgħu jidħlu f’kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħek? Lest tiżvela lill-President tal-Qorti u tippubblika l-interessi finanzjarji tiegħek kollha u kull impenn ieħor li jista’ jkollok? Fil-każ li bħalissa inti imdaħħal f’xi proċeduri legali, tista’ jekk jogħġbok tagħti d-dettalji dwarhom?
Ma għandi l-ebda attivitajiet taʼ negozju jew interessi finanzjarji jew kwalunkwe impenn ieħor li jistgħu jidħlu fʼkunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħi bħala Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Jiena lest li niżvela l-interessi finanzjarji tiegħi kollha u kull impenn ieħor tiegħi lill-President tal-Qorti.
Fl-aħħar nett, ma jien involut fl-ebda proċeduri legali.
6. Lest tirtira minn kull kariga li kont elett għaliha jew titlaq kull funzjoni attiva b’responsabbiltajiet f’partit politiku wara li tinħatar Membru tal-Qorti?
Iva. Mʼgħandi l-ebda kariga eletta jew xi funzjoni attiva b’responsabilitajiet fʼpartit politiku.
7. Kif taġixxi f’każ ta’ irregolarità gravi jew saħansitra frodi u/jew każ ta’ korruzzjoni li fih ikunu implikati partijiet fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħek?
Il-prijorità fundamentali tal-istituzzjonijiet Ewropej hija li jipproteġu r-riżorsi tal-baġit tal-UE u d-dmir tagħhom huwa li jiżguraw l-aħjar użu possibbli tal-flus tal-kontribwenti u fuq kollox jipprevjenu l-frodi u attivitajiet illegali oħra li huma taʼ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea. Il-każijiet kollha taʼ irregolarità, frodi u/jew korruzzjoni, pereżempju l-evażjoni taʼ dazji u taxxi pagabbli lill-baġit tal-UE jew l-użu ħażin tal-fondi tal-UE, huma askapitu tal-kontribwenti Ewropej. Għaldaqstant għal każijiet bħal dawn għandha tiġi adottata politika taʼ tolleranza żero.
Bħala membru prospettiv tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jekk attivitajiet taʼ awditjar mwettqa taħt ir-responsabbiltà tiegħi jiżvelaw kwalunkwe ksur serju taʼ regoli stabbiliti jew kwalunkwe suspett taʼ irregolarità, frodi u/jew korruzzjoni mhux se jkolli l-ebda eżitazzjoni sabiex inġib il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-Uffiċċju taʼ Kontra l-Frodi skont ir-rekwiżiti statutorji, bil-ħsieb li l-kwistjoni tiġi investigata u jingħataw pieni xierqa, irrispettivament min-nazzjonalità taʼ dawk involuti, anke jekk il-każ jinvolvi persuni fl-Istat Membru tiegħi.
Qadi ta’ dmirijiet
8. X’għandhom ikunu l-karatteristiċi ewlenin ta’ kultura ta’ ġestjoni finanzjarja tajba fi kwalunkwe servizz pubbliku?
Il-problema li attwalment qed iġarrab is-settur pubbliku mhix l-illegalità tal-infiq iżda l-ħela li ġejja minn infiq li huwa konformi biss mal-liġi iżda li fl-istess waqt qed jikkawża t-tberbiq tal-fondi pubbliċi (għalkemm legalment), pereżempju fuq programmi li, filwaqt li jilħqu r-rekwiżiti formali kollha, xorta mhumiex sostenibbli. Dan juri li konformità maʼ prassi amministrattiva statutorja mhux dejjem timxi id fʼid mal-użu korrett tal-fondi pubbliċi.
Il-kriterju bażiku għal immaniġġjar ħażin taʼ fondi pubbliċi huwa d-diżonestà jew il-ħela min-naħa taʼ dawk li ġew fdati bihom u, bl-istess mod, il-kriterju bażiku għal immaniġġjar tajjeb huwa l-effiċjenza. Peress li l-fondi pubbliċi huma ġġenerati mis-sagrifiċċji tal-kontribwenti, użu taʼ riżorsi privati bħal dan mill-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun ġustifikat bʼraġunijiet taʼ interess pubbliku u l-fondi għandhom jintużaw bʼmod effiċjenti għall-iskop maħsub tagħhom, skop li mhux biss għandu jkun speċifikat bʼmod ċar iżda li wkoll irid jinkiseb. Mhuwiex biżżejjed li turi li l-fondi pubbliċi qed jintużaw b'kunsiderazzjoni għall-interess pubbliku. Għandu jkun hemm ukoll riżultati tanġibbli.
Il-prinċipju taʼ proporzjonalità huwa fil-qalba ta' mmaniġġjar finanzjarju pubbliku tajjeb. Dan ifisser li kwalunkwe sagrifiċċju finanzjarju għandu jaqdi l-interess pubbliku bʼmod effettiv u għandu jsir l-aħjar użu mir-riżorsi neċessarji.
Il-verifika taʼ ġestjoni finanzjarja tajba tibda għalhekk biż-żewġ forom taʼ awditjar (verifika li l-kontijiet huma veri u ġusti u t-tranżazzjonijiet sottostanti huma legali u/jew regolari) u hija distinta mit-tnejn li huma.
Fil-kuntest tad-dritt Ewropew, il-prinċipji taʼ ġestjoni finanzjarja tajba huma inkorporati kemm fʼleġiżlazzjoni primarja (Artikolu 287(2) u Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) kif ukoll sekondarja (Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012). Il-verifika taʼ ġestjoni finanzjarja tajba hija tradizzjonalment maqsuma fi tliet sottokategoriji: ekonomija, effiċjenza u effikaċja, kif definit speċifikament fl-Artikolu 30(2) tar-regolament imsemmi hawn fuq:
(a) Il-prinċipju tal-ekonomija jirrikjedi li r-riżorsi użati mill-istituzzjoni fit-twettiq tal-attivitajiet tagħha jkunu disponibbli fʼħin xieraq, fi kwantità u kwalità xierqa u bl-aħjar prezz.
(b) Il-prinċipju tal-effiċjenza jikkonċerna l-aqwa relazzjoni bejn ir-riżorsi użati u r-riżultati miksuba.
(c) Il-prinċipju tal-effikaċja jikkonċerna l-kisba tal-objettivi speċifiċi stabbiliti u li jintlaħqu r-riżultati maħsuba.
Fl-opinjoni tiegħi, sabiex servizz pubbliku jiżviluppa kultura taʼ ġestjoni finanzjarja tajba fʼkonformità mal-prinċipji taʼ hawn fuq, għandhom ikunu ssodisfati il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) Id-dispożizzjonijiet tal-qafas legali rilevanti għandhom ikunu ċari biżżejjed sabiex ikun hemm ċertezza li jistgħu jiġu implimentati tajjeb mill-uffiċjali u sempliċi biżżejjed sabiex jinftiehmu mill-pubbliku ġenerali.
(b) L-objettivi għandhom ikunu stipulati bʼmod ċar u r-responsabbiltajiet tal-uffiċjali kkonċernati għandhom ikunu definiti bʼmod preċiż.
(c) L-introduzzjoni ta' mekkaniżmi għall-fluss ħieles taʼ dejta.
(d) L-istabbiliment ta' mekkaniżmi li jiżguraw li l-maniġers tal-fondi pubbliċi jagħtu rendikont lill-awtorità politika xierqa.
(e) Il-ħtieġa ta' proċeduri taʼ awditjar intern affidabbli sabiex jiżguraw l-effikaċja tal-metodi adottati mis-servizz għall-kisba tal-għanijiet tiegħu.
9. Skont it-Trattat, il-Qorti għandha tassisti lill-Parlament fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ kontroll tiegħu fuq l-implimentazzjoni tal-baġit. Kieku kif tiddeskrivi dmirijietek fir-rigward tar-rappurtar lill-Parlament Ewropew u, b’mod partikolari, lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu?
L-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jgħid li l-Qorti tal-Awdituri għandha tassisti lill-Parlament Ewropew fl-eżerċizzju tas-setgħat taʼ kontroll tiegħu fuq l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE, partikolarment fil-kuntest tal-proċedura taʼ kwittanza li tikkonferma li l-Kummissjoni lliberat lilha nnifisha mir-responsabbiltà baġitarja tagħha. Dan jeħtieġ grad għoli taʼ kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet ibbażat fuq fiduċja u rispett reċiproku, filwaqt li titħalla distinzjoni ċara bejn il-kompiti u r-responsabbiltajiet taʼ kull wieħed minnhom.
Fir-rappurtar lill-Parlament Ewropew u bʼmod partikolari lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit skont id-dmirijiet tiegħi bħala Membru prospettiv tal-Qorti tal-Awdituri, għandi nagħmel ħilti personalment sabiex nikkultiva u niżviluppa atmosfera taʼ fiduċja u kooperazzjoni reċiproka sinċiera mal-Membri sabiex niżgura li l-Qorti tkun aktar kapaċi tagħti l-assistenza meħtieġa lill-Parlament.
Barra minn hekk, għandi nagħmel ħilti sabiex nikkontribwixxi għal atmosfera dejjiema taʼ kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, filwaqt li ninkoraġġixxi skambju taʼ opinjonijiet u ideat fit-tfassil tal-pjan taʼ awditjar annwali tal-Qorti. Dan il-proċess għandu jkun megħjun permezz taʼ laqgħat regolari bejn il-membri taż-żewġ istituzzjonijiet.
Sabiex niżgura li d-dikjarazzjoni taʼ assigurazzjoni u r-rapporti speċjali mogħtija mill-Qorti tal-Awdituri jkunu utli għall-Parlament Ewropew, bʼmod partikolari għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu, għandi nagħmel sforz partikolari sabiex niggarantixxi li l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li hemm fihom ikunu ċari, preċiżi, affidabbli u dokumentati sew, li jidentifikaw kwalunkwe prattika finanzjarja illegali jew irregolari jew irregolaritajiet oħra jew dgħufijiet sistematiċi, inklużi valutazzjonijiet taʼ awditjar taʼ prestazzjoni. Fʼkaż li tinqalaʼ xi kwistjoni, se jkun neċessarju li jien inqis kif dovut l-oġġezzjonijiet tal-korp li qed jiġi awditjat, sabiex ikun hemm aktar garanzija tal-affidabbiltà tas-sejbiet.
Bħala Membru prospettiv tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, se nagħmel kull sforz sabiex niżgura li l-Parlament Ewropew u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu jinżammu informati bis-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri fi spirtu taʼ djalogu utli u kooperazzjoni sinċiera.
10. X’taħseb li huwa l-valur miżjud tal-awditjar ta’ prestazzjoni, u s-sejbiet tiegħu kif għandhom jiġu inkorporati fil-proċeduri tal-immaniġġjar?
L-għan tal-awditjar taʼ prestazzjoni huwa li jevalwa l-kwalità u l-effikaċja tal-politiki pubbliċi qabel, matul u wara l-implimentazzjoni tagħhom. Valutazzjoni tal-prestazzjoni oġġettiva għandha ssir għat-tul ta’ żmien kollu tal-inizjattivi pubbliċi, bl-evalwazzjoni tal-input, il-kisbiet, ir-riżultati u l-impatt, jiġifieri tibdil soċjali fit-tul li jsir imqar parzjalment minħabba azzjonijiet mill-Unjoni Ewropea. Kif indikat hawn fuq, il-prestazzjoni hija evalwata abbażi tal-prinċipji taʼ ġestjoni finanzjarja tajba (ekonomija, effiċjenza u effikaċja). L-awditjar tal-prestazzjoni huwa żieda tajba mal-awditjar finanzjarju tradizzjonali u l-verifika tal-legalità u r-regolarità u aspett vitali għall-kontroll tal-baġit taʼ programm, billi l-għan tiegħu huwa li jiżgura l-konformità maʼ objettivi, skadenzi u proċeduri amministrattivi u l-allokazzjoni taʼ riżorsi u fondi xierqa fʼkull każ. Objettivi programmati għandhom ikunu speċifiċi, jistgħu jitkejlu u jinkisbu, realistiċi u marbuta mal-ħin (SMART) għall-oqsma kollha taʼ attivita koperti mill-baġit.
I. Fl-opinjoni tiegħi, il-valur miżjud taʼ awditjar taʼ prestazzjoni, li jagħmlu strument essenzjali għall-għanijiet tal-awditjar tal-lum, jikkonsisti fʼdan li ġej:
(a) L-awditjar taʼ prestazzjoni huwa parti minn ippjanar taʼ programm strateġiku bʼobjettivi prijoritizzati, speċifiċi u li jistgħu jitkejlu, li jistabbilixxi relazzjoni ċara bejn l-għan u l-mezzi.
(b) L-awditjar taʼ prestazzjoni jservi sabiex ifakkar lill-maniġers finanzjarji fir-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw l-effiċjenza u l-effikaċja fit-teħid u l-implimentazzjoni tagħhom taʼ deċiżjonijiet amministrattivi u finanzjarji, sabiex jitnaqqas l-infiq mhux xieraq;
(c) L-awditjar taʼ prestazzjoni jobbliga lill-maniġers jagħtu rendikont lill-awtorità politika rilevanti.
Bħala parti mill-proċess taʼ awditjar intern, il-valur miżjud tal-awditjar taʼ prestazzjoni huwa li s-sejbiet jintbagħtu lill-amministraturi tal-korp li qed jagħmel it-talba, li mbagħad jistaʼ jiddeċiedi kif jużahom.
Min-naħa l-oħra, il-valur miżjud għall-għanijiet taʼ awditjar estern jinstab fil-fatt li dan isir minn korp estern li huwa indipendenti mill-amministrazzjoni tal-korp awditjat (li jistabbilixxi l-ambitu u l-metodi) u s-sejbiet tal-awditjar ikunu disponibbli mhux biss għall-amministrazzjoni tal-korp awditjat iżda anke għall-korp politiku li huwa responsabbli għalih, jiġifieri l-Parlament.
II. Is-sejbiet tal-awditjar taʼ prestazzjoni għandhom jiġu sfruttati u inkorporati fi proċeduri amministrattivi kif ġej:
(a) L-adozzjoni mill-korp li qed jiġi awditjat bl-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapporti taʼ awditjar taʼ prestazzjoni speċjali fir-rigward tal-problemi sistematiċi żvelati fil-qasam kopert minnha (pereżempju kumplessità jew nuqqas taʼ ċarezza tal-leġiżlazzjoni li qed tiġi implimentata, żbalji u ambigwitajiet fl-istabbiliment tal-objettivi tal-programm, attenzjoni insuffiċjenti għall-istabbiliment ta’ objettivi SMART jew nuqqas taʼ miri interim xierqa jew mira għall-kisba aħħarija taʼ objettivi multiannwali speċifiċi).
(b) Monitoraġġ u valutazzjoni regolari mill-korp taʼ awditjar taʼ segwitu taʼ wara l-awditjar, adozzjoni mill-korp li qed jiġi awditjat taʼ rakkomandazzjonijiet u sottomissjoni taʼ rapporti dwar dan lill-korp politiku rilevanti.
Il-Parlament Ewropew jinżamm infurmat bil-progress mill-Kummissjoni u l-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni taʼ dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri fasslet linji gwida għall-awditjar taʼ prestazzjoni għall-verifika tal-immaniġġjar finanzjarju tal-Kummissjoni u tal-programmi ffinanzjati mill-UE. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tivverifika wkoll l-awtovalutazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-kisba taʼ miri taʼ prestazzjoni fil-pjanijiet taʼ mmaniġġjar annwali tad-direttorat ġenerali kkonċernat.
Fi żmien taʼ kriżi ekonomika u finanzjarja qawwija, l-awditjar taʼ prestazzjoni jistaʼ, fl-opinjoni tiegħi, ikun mezz partikolarment effettiv sabiex jipprovdi tweġibiet kredibbli għal kwalunkwe mistoqsija taċ-ċittadini Ewropej rigward l-implimentazzjoni taʼ politiki pubbliċi mill-Unjoni Ewropea.
Qed jiġu żviluppati miżuri biex jittejjeb l-immaniġġjar finanzjarju grazzi għall-Parlament Ewropew, l-istampa u l-opinjoni pubblika bbażati fuq l-informazzjoni, l-argumenti u r-rakkomandazzjonijiet li hemm fir-rapporti tal-istituzzjoni tal-awditjar. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija kapaċi tinfluwenza permezz tal-messaġġ li tibgħat. Il-konvinzjoni u l-kredibbiltà tal-proċess demokratiku huwa, fl-opinjoni tiegħi, fundamentalment marbut mal-użu tas-sejbiet tal-awditjar taʼ prestazzjoni, li għandhom ikunu jinftiehmu u utilizzabbli bħala parti prinċipali mid-dibattitu pubbliku demokratiku.
11. Kif tista’ titjieb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, l-istituzzjonijiet ta’ awditjar nazzjonali u l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fir-rigward tal-awditjar tal-baġit tal-UE)?
I. L-Artikolu 287(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea juri li fl-Istat Membru l-awditjar għandu jsir bʼkoordinazzjoni mal-korpi tal-awditjar nazzjonali. Peress li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri taħdem bʼmod indipendenti u strettament skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, ma tistax tiġi influwenzata mir-rieda jew nuqqas taʼ rieda tal-korpi tal-awditjar nazzjonali li jikkollaboraw magħha.
Fl-opinjoni tiegħi, huwa neċessarju li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-korpi tal-awditjar nazzjonali, li stabbilixxew mezz sostenibbli taʼ komunikazzjonijiet bejniethom, permezz taʼ:
(a) il-Kumitat taʼ Kuntatt tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-presidenti tal-korpi tal-awditjar nazzjonali, li jiltaqgħu darba fis-sena bil-ħsieb li jistabbilixxu linji gwida tal-awditjar komuni.
(b) l-uffiċjali ta' kollegament tal-korpi tal-awditjar nazzjonali li għandhom kuntatt dejjiemi mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri;
(c) parteċipazzjoni fix-xogħol tal-INTOSAI u l-EUROSAI, sabiex ikun hemm kuntatt bejn il-korpi tal-awditjar nazzjonali minn pajjiżi Ewropej u dawk minn pajjiżi mhux Ewropej.
Il-kooperazzjoni bejniethom qed issir aktar effettiva grazzi għal:
(a) assistenza tal-korpi tal-awditjar nazzjonali rigward kontrolli fuq il-post mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-infiq tal-UE fl-Istati Membri;
(b) verifika konġunta mill-korpi tal-awditjar nazzjonali u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, inizjattiva li għadha fi stadju sperimentali;
(c) użu mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fuq talba tad-dejta jew sejbiet taʼ verifika tal-korpi tal-awditjar nazzjonali fir-rigward taʼ dħul u nfiq tal-UE.
Il-kooperazzjoni istituzzjonali bejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-korpi nazzjonali għandha tiżdied sabiex issir bħal dik li hemm bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali.
Sabiex ikun hemm konformità mal-prinċipju taʼ sussidjarjetà u jkunu evitati duplikazzjonijiet taʼ kontrolli bʼmod aktar effettiv, il-korpi tal-awditjar nazzjonali jistgħu jagħmlu awditjar tal-finanzjament tal-UE fl-Istati Membri fʼisem il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u jippreżentawlha rapport. Dan ikun jeħtieġ armonizzazzjoni u koordinazzjoni tal-proċeduri tal-awditjar u metodoloġija tal-awditjar Ewropea komuni. Dan jistaʼ jintlaħaq permezz taʼ seminars għall-persunal taʼ korpi tal-awditjar nazzjonali rigward kwistjonijiet li jqumu marbuta mal-finanzjament Ewropew u l-awditjar u involviment aktar mill-qrib fil-verifiki mwettqa mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-Istati Membri. Dan jistaʼ jwassal għal kooperazzjoni aktar kostruttiva, minħabba li l-korpi tal-awditjar nazzjonali huma fʼpożizzjoni li jikkompilaw informazzjoni dwar il-proċeduri nazzjonali tagħhom u huma familjari aktar mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-prattiki amministrattivi tagħhom.
Inizjattivi bħall-introduzzjoni taʼ mudell taʼ awditjar armonizzat sabiex ikunu kkombinati s-sejbiet taʼ kontroll esterni u interni (awditjar wieħed, opinjoni 2/2004 tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea) u verifika fuq inizjattiva tagħhom stess tal-proġetti ffinanzjati mill-UE minn korpi tal-awditjar nazzjonali, akkumpanjati minn dikjarazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti (Opinjoni 6/2006 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri), tista' tkun mod biex tiġi promossa kooperazzjoni aktar effettiva bejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-korpi tal-awditjar nazzjonali. Ikun possibbli wkoll li tintuża l-esperjenza meħtieġa mill-awditjar konġunt mill-korpi tal-awditjar nazzjonali fʼoqsma partikolari taʼ interess tal-UE. Reċentement (Marzu 2013), ġiet stabbilita kooperazzjoni kontinwa bejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-korpi tal-awditjar nazzjonali fiż-żoni tal-euro bʼrabta mal-awditjar pubbliku estern tal-Mekkaniżmu Ewropew taʼ Stabbiltà.
Tista’ tiġi organizzata kollaborazzjoni bejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-korpi tal-awditjar nazzjonali fuq linji partikolarment effettivi billi jiżdiedu l-operazzjonijiet taʼ awditjar konġunti sabiex tintlaħaq kooperazzjoni eqreb għall-benefiċċju reċiproku tal-awdituri involuti, permezz taʼ skambji taʼ informazzjoni u esperjenza.
Fl-istess waqt, l-assistenza mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri għall-proċeduri tal-awditjar nazzjonali (li hija awtorizzata taħt ir-regoli taʼ awditjar internazzjonali) tiddependi fuq il-konformità mal-istandards tal-awditjar internazzjonali u l-implimentazzjoni tajba tagħhom mill-korpi tal-awditjar nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, filwaqt li l-kooperazzjoni hija meħtieġa, m'għandhiex issir subordinazzjoni. Għalhekk huwa neċessarju li tkun żgurata parità istituzzjonali bejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-korpi tal-awditjar nazzjonali.
II. Mhuwiex sigriet li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri ġiet stabbilita fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew u aktar speċifikament il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu (presedut minn Heinrich Aignet) li fl-1973 talab il-ħolqien taʼ korp tal-awditjar Ewropew. Il-Parlament Ewropew qies il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ġdida bħala alleat fil-verifika wiesgħa tal-attivitajiet tal-Kummissjoni u l-baġit Ewropew.
Bħala regola, il-Parlament Ewropew jappoġġa s-sejbiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet tagħha. Bʼdan il-mod, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tagħti lill-Parlament Ewropew assistenza prezzjuża rigward il-proċedura taʼ kwittanza li tikkonferma li l-Kummissjoni lliberat lilha nnifisha mir-responsabbiltà baġitarja tagħha.
Għal dan il-għan, ir-rapporti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandhom ikunu ċari u dokumentati tajjeb. Barra minn hekk għandha tikkunsidra l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament li hemm fir-rapport taʼ kwittanza tiegħu u tinkorporahom fl-ippjanar tal-awditjar tagħha.
Mistoqsijiet oħra
Jekk l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek bħala Membru tal-Qorti ma tkunx waħda favorevoli, tirtira l-kandidatura tiegħek?
Iva. Sabiex ikun żgurat djalogu u kooperazzjoni taʼ suċċess bejn il-Parlament Ewropew u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, huwa bilfors essenzjali għall-Membri tal-Parlament Ewropew (bʼmod partikolari l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) li jafdaw fl-indipendenza u l-abbiltajiet professjonali tal-Membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Jekk l-opinjoni tal-Parlament fuq il-ħatra tiegħi ma tkunx favorevoli, bʼdubju rigward il-kwalitajiet tiegħi fʼdan l-ambitu, inqis dan bħala bażi biex nirtira l-kandidatura tiegħi.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
2.12.2013 |
|
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
14 5 3 |
|||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marta Andreasen, Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Zuzana Brzobohatá, Tamás Deutsch, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ingeborg Gräßle, Monica Luisa Macovei, Jan Mulder, Eva Ortiz Vilella, Bart Staes, Georgios Stavrakakis, Michael Theurer |
||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Chris Davies, Cornelis de Jong, Monika Hohlmeier, Karin Kadenbach, Ivailo Kalfin, Markus Pieper |
||||
|
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Zita Gurmai, Janusz Władysław Zemke |
||||